Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005L0085

Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE ta' l- 1 ta' Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta' l-istatus ta' rifuġjat

OJ L 326, 13.12.2005, p. 13–34 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 175M , 29.6.2006, p. 168–189 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 19 Volume 007 P. 242 - 264
Special edition in Romanian: Chapter 19 Volume 007 P. 242 - 264
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 007 P. 19 - 40

No longer in force, Date of end of validity: 20/07/2015; Imħassar b' 32013L0032

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/85/oj

29.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

168


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2005/85/KE

ta' l-1 ta' Diċembru 2005

dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta' l-istatus ta' rifuġjat

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (1)(d) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 63 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (3),

Billi:

(1)

Politika komuni dwar l-ażil, li tinkludi Sistema Ewropea Komuni ta' Ażil, hija parti kostitwenti mill-għan ta' l-Unjoni Ewropea li tiġi stabbilita progressivament żona ta' libertà, ta' sigurtà, u ta' ġustizzja miftuħa għal dawk li, imġiegħla miċ-ċirkostanzi, ifittxu leġittimament protezzjoni fil-Komunità.

(2)

Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f'Tampere fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, qabel li jaħdem sabiex tiġi stabbilita Sistema Ewropea Komuni ta' Ażil, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 dwar l-istatus ta' rifuġjati, kif emendata mill-Protokoll ta' New York tal-31 ta' Jannar 1967 (“Konvenzjoni ta' Ġinevra”), u b'hekk ikun affermat il-prinċipju ta' non-refoulement u jkun żgurat li ħadd ma jintbagħat lura lejn il-persekuzzjoni.

(3)

Il-Konklużjonijiet ta' Tampere jipprevedu li Sistema Ewropea Komuni ta' Ażil għandha tinkludi, fuq żmien qasir, standards komuni għal proċeduri ġusti u effiċjenti ta' l-ażil fl-Istati Membri, fuq żmien twil, regoli Komunitarji li jwasslu għal proċedura komuni ta' l-ażil fil-Komunità Ewropea.

(4)

L-istandards minimi stabbiliti f'din id-Direttiva dwar il-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti jew l-irtirar ta' l-istatus ta' rifuġjat huma għalhekk miżura inizjali dwar proċeduri ta' l-ażil.

(5)

L-għan prinċipali ta' din id-Direttiva huwa li jiġi introdott fil-Komunità qafas minimu dwar proċeduri għall-għoti jew l-irtirar ta' l-istatus ta' rifuġjat.

(6)

L-approssimazzjoni ta' regoli dwar proċeduri għall-għoti u l-irtirar ta' l-istatus ta' rifuġjat għandha tgħin sabiex jiġu limitati l-movimenti sekondarji ta' applikanti għall-ażil bejn Stati Membri, fejn tali moviment ikun kawżat minħabba differenzi bejn qafas legali u ieħor.

(7)

In-natura stess ta' l-istandards minimi teħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-poter li jintroduċu jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar favorevoli għal ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni apolidi li jitolbu protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru, fejn tali talba tkun kunsidrata bħala bażata fuq il-fatt li l-persuna konċernata tkun rifuġjata fis-sens ta' l-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra.

(8)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

(9)

Fir-rigward tat-trattament ta' persuni li jaqgħu fl-ambitu ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri huma marbuta b'obbligi taħt strumenti tal-liġi internazzjonali li tagħhom jagħmlu parti u li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni.

(10)

Huwa essenzjali li d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet kollha għall-ażil jittieħdu abbażi tal-fatti u, fl-istadju ta' prim'istanza, minn awtoritajiet li l-persunal tagħhom ikollu l-informazzjoni adegwata jew jirċievi t-taħriġ meħtieġ fil-qasam ta' kwistjonijiet ta' ażil u ta' rifuġjati.

(11)

Huwa fl-interess kemm ta' l-Istati Membri kif ukoll ta' l-applikanti għall-ażil li jiġu deċiżi kemm jista' jkun malajr l-applikazzjonijiet għall-ażil. L-organizzazzjoni ta' l-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għall-ażil għandha titħalla għad-diskrezzjoni ta' l-Istati Membri, sabiex, skond il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom, ikunu jistgħu jipprijoritizzaw jew jaċċeleraw il-proċessar ta' kull applikazzjoni, b'kont meħud ta' l-istandards stabbiliti f'din id-Direttiva.

(12)

Il-kunċett ta' ordni pubbliku jista' jestendi sa sentenza ta' kundanna għat-twettiq ta' delitt gravi.

(13)

Fl-interess li jiġu rikonoxxuti korrettament dawk il-persuni fil-bżonn ta' protezzjoni bħala rifuġjati fis-sens ta' l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra, kull applikant, suġġett għal ċerti eċċezzjonijiet, għandu jkollu aċċess effettiv għall-proċeduri, għall-opportunità li jikkopera u jikkomunika sewwa ma' l-awtoritajiet kompetenti sabiex jippreżenta l-fatti relevanti tal-każ tiegħu u għal garanziji proċedurali suffiċjenti sabiex isegwi l-każ tiegħu matul l-istadji kollha tal-proċedura. Barra minn hekk, il-proċedura li fiha tiġi eżaminata applikazzjoni għall-ażil għandha normalment tagħti lil applikant għall-inqas id-dritt li jibqa' fit-territorju ta' l-Istat Membru sa meta tittieħed deċiżjoni mill-awtorità determinanti, aċċess għas-servizzi ta' interpretu sabiex ikun jista' jippreżenta l-każ tiegħu jekk jiġi intervistat mill-awtoritajiet, l-opportunità li jikkomunika ma' rappreżentant tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) jew ma' kwalunkwe organizzazzjoni li taħdem għan-nom tiegħu, id-dritt ta' notifika adegwata ta' deċiżjoni, il-motivazzjoni ta' dik id-deċiżjoni fil-fatt jew fil-liġi, l-opportunità li jikkonsulta ma' konsulent legali jew konsulent ieħor, u d-dritt li jiġi nformat dwar il-pożizzjoni legali tiegħu f'mumenti deċiżivi matul il-proċedura, f'ilsien li raġonevolment ikun mistenni jifhem.

(14)

Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti garanziji proċedurali speċifiċi għal minuri li ma jkunux akkumpanjati, minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom. F'dan il-kuntest, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun konsiderazzjoni primarja ta' l-Istati Membri.

(15)

Meta sussegwentement applikant jagħmel applikazzjoni mingħajr ma jippreżenta provi jew argumenti ġodda, ikun sproporzjonat dak l-obbligu għall-Istati Membri li jridu jagħtu bidu mill-ġdid għal proċedura sħiħa ta' eżami. F'dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom ikollhom l-għażla ta' proċedura li tinvolvi eċċezzjonijiet għall-garanziji li normalment ikun igawdi l-applikant.

(16)

Ħafna applikazzjonijiet għall-ażil isiru fuq il-fruntiera jew f'żona ta' transitu ta' Stat Membru qabel ma tittieħed deċiżjoni rigward id-dħul ta' l-applikant. L-Istati Membri għandhom ikunu f'pożizzjoni li jżommu l-proċeduri eżistenti adattati għas-sitwazzjoni speċifika ta' dawn l-applikanti fuq il-fruntiera. Għandhom jiġu definiti regoli komuni dwar eċċezzjonijiet li jkunu possibbli f'dawn iċ-ċirkostanzi għall-garanziji li normalment igawdu l-applikanti. Il-proċeduri konfinarji għandhom prinċipalment japplikaw għal dawk l-applikanti li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet għad-dħul fit-territorju ta' l-Istati Membri.

(17)

Konsiderazzjoni ċentrali ta' kemm applikazzjoni għall-ażil ikollha bażi tajba hija s-sigurtà ta' l-applikant fil-pajjiż ta' l-oriġini tiegħu. Fejn pajjiż terz ikun jista' jiġi meqjus bħala pajjiż ta' oriġini li ma fihx periklu, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jikklassifikawh bħala bla periklu u jassumu li ma jkunx perikoluż għal applikant partikolari, sakemm huwa ma jippreżentax kontraindikazzjonijiet serji.

(18)

Minħabba l-livell ta' armonizzazzjoni milħuq dwar il-kwalifika ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u ta' persuni apolidi bħala rifuġjati, għandhom jiġu stabbiliti kriterji komuni sabiex pajjiżi terzi jiġu indikati bħala pajjiżi ta' oriġini bla periklu.

(19)

Meta l-Kunsill ikun sodisfatt li dawk il-kriterji jkunu ġew sodisfatti fir-rigward ta' pajjiż ta' oriġini partikolari, u konsegwentement ikun inkludih fil-lista komuni minima ta' pajjiżi ta' oriġini bla periklu li għandha tiġi adottata skond din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom ikunu obbligati jikkunsidraw l-applikazzjonijiet ta' persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta' dak il-pajjiż, jew ta' persuni apolidi li preċedentement kienu abitwalment residenti f'dak il-pajjiż, abbażi tal-preżunzjoni, ribattibbli, tas-sigurtà ta' dak il-pajjiż. Fid-dawl ta' l-importanza politika ta' l-indikazzjoni ta' pajjiżi ta' oriġini bla periklu, partikolarment minħabba l-implikazzjonijiet ta' valutazzjoni tas-sitwazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiż ta' oriġini u l-implikazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-linji politiċi ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, il-Kunsill għandu jieħu kull deċiżjoni dwar it-twaqqif jew l-emendament tal-lista, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

(20)

Jirriżulta, mill-istatus tal-Bulgarija u mill-istatus tar-Rumanija bħala pajjiżi kandidati għall-adeżjoni ma' l-Unjoni Ewropea u mill-progress li sar minn dawn il-pajjiżi lejn l-adeżjoni, li dawn għandhom jiġu meqjusa bħala pajjiżi ta' oriġini bla periklu għall-finijiet ta' din id-Direttiva sad-data ta' l-adeżjoni tagħhom ma' l-Unjoni Ewropea.

(21)

L-indikazzjoni ta' pajjiż terz bħala pajjiż ta' oriġini bla periklu għall-finijiet ta' din id-Direttiva ma tistax tistabbilixxi garanzija ta' sigurtà assoluta għaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż. Fin-natura stess tagħha, il-valutazzjoni li tkun il-bażi ta' l-indikazzjoni tista' tieħu kont biss taċ-ċirkostanzi ċivili, legali u politiċi ġenerali f'dak il-pajjiż u tikkunsidra jekk l-awturi tal-persekuzzjoni, tat-tortura jew ta' trattament jew kastig inuman jew degradanti humiex suġġetti għal sanzjonijiet fil-prattika meta jinstabu responsabbli fil-pajjiż konċernat. Għal din ir-raġuni, huwa importanti li, fejn l-applikant juri li jkun hemm raġunijiet serji sabiex il-pajjiż ma jiġix kunsidrat bħala wieħed bla periklu fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu, l-indikazzjoni tal-pajjiż bħala wieħed bla periklu ma tistax aktar tiġi meqjusa bħala relevanti għalih.

(22)

L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjonijiet kollha abbażi tas-sustanza, jiġifieri jivvalutaw jekk l-applikant in kwestjoni jikkwalifikax bħala rifuġjat skond id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta' April 2004 dwar standards minimi għall-kwalifika u għall-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew ta' persuni apolidi bħala rifuġjati jew bħala persuni li diversament jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (4), ħlief fejn tkun tipprevedi mod ieħor din id-Direttiva attwali, partikolarment meta wieħed ikun jista' raġonevolment jassumi li pajjiż ieħor ikun sejjer jagħmel l-eżami jew jipprovdi protezzjoni suffiċjenti. B'mod partikolari, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jivvalutaw is-sustanza ta' applikazzjoni għall-ażil fejn pajjiż ta' ażil preċedenti jkun ta lill-applikant l-istatus ta' rifuġjat jew diversament protezzjoni suffiċjenti u l-applikant jiġi ammess mill-ġdid f'dan il-pajjiż.

(23)

L-Istati Membri ma għandhomx ukoll ikunu obbligati jivvalutaw is-sustanza ta' applikazzjoni għall-ażil fejn ikun raġonevolment mistenni li l-applikant, minħabba xi konnessjoni ma' pajjiż terz kif definit mil-liġi nazzjonali, ifittex protezzjoni f'dak il-pajjiż terz. L-Istati Membri għandhom jipproċedu biss fuq din il-bażi meta dan l-applikant partikolari jkun protett fil-pajjiż terz konċernat. Sabiex jiġu evitati movimenti sekondarji ta' applikanti, għandhom jiġu stabbiliti prinċipji komuni għall-konsiderazzjoni jew indikazzjoni, mill-Istati Membri, ta' pajjiżi terzi bħala bla periklu.

(24)

Barra minn hekk, fir-rigward ta' ċerti pajjiżi terzi Ewropej, li josservaw standards partikolarment għoljin fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tal-protezzjoni ta' rifuġjati, l-Istati Membri għandhom jiġu eżentati milli jeżaminaw l-applikazzjonijiet għall-ażil jew milli jagħmlu eżami sħiħ tagħhom fir-rigward ta' applikanti li jidħlu fit-territorju tagħhom minn tali pajjiżi terzi Ewropej. Minħabba l-konsegwenzi potenzjali għall-applikant ta' eżami ristrett jew ta' nuqqas ta' eżami, din l-applikazzjoni tal-kunċett ta' pajjiż terz bla periklu għandha tkun ristretta għal każijiet li jinvolvu pajjiżi terzi li dwarhom il-Kunsill ikun issodisfa ruħu li l-istandards għoljin għas-sigurtà tal-pajjiż terz konċernat, kif stabbilit f'din id-Direttiva, ikunu sodisfatti. Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjonijiet f'dan il-qasam wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

(25)

Isegwi min-natura ta' l-istandards komuni fir-rigward taż-żewġ kunċetti ta' pajjiż terz bla periklu kif stabbiliti f'din id-Direttiva, li l-effett prattiku tal-kunċetti jiddependi fuq jekk il-pajjiż terz in kwestjoni jippermettix lill-applikant in kwestjoni jidħol fit-territorju tiegħu.

(26)

Fir-rigward ta' l-irtirar ta' l-istatus ta' rifuġjat, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni li jibbenefikaw mill-istatus ta' rifuġjat ikunu debitament informati dwar il-possibbiltà ta' rikonsiderazzjoni ta' l-istatus tagħhom u jkollhom l-opportunità sabiex jagħtu l-fehma tagħhom qabel ma l-awtoritajiet ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni motivata dwar l-irtirar ta' l-istatus tagħhom. Madankollu, id-dispensa minn dawn il-garanziji għandha tkun permessa meta r-raġunijiet għaċ-ċessazzjoni ta' l-istatus ta' rifuġjat ma jkunux relatati ma' bidla fil-kondizzjonijiet li fuqhom kien ibbażat ir-rikonoxximent.

(27)

Ikun jirrifletti prinċipju bażiku tal-liġi Komunitarja li d-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta' applikazzjoni għall-ażil u fir-rigward ta' l-irtirar ta' l-istatus ta' rifuġjat ikunu suġġetti għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal fis-sens ta' l-Artikolu 234 tat-Trattat. L-effikaċja tar-rimedju, ukoll fir-rigward ta' l-eżami tal-fatti relevanti, tiddependi fuq is-sistema amministrattiva u ġudizzjarja ta' kull Stat Membru fit-totalità tagħha.

(28)

Skond l-Artikolu 64 tat-Trattat, din id-Direttiva ma tolqotx l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq l-Istati Membri fir-rigward taż-żamma ta' l-ordni pubbliku u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna.

(29)

Din id-Direttiva ma tittrattax dwar dawk il-proċeduri li huma regolati mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 343/2003 tat-18 ta' Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex ikun determinat l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-ażil depożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz (5).

(30)

L-implementazzjoni ta' din id-Direttiva għandha tiġi valutata f'intervalli regolari li ma jaqbżux is-sentejn.

(31)

Ladarba l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta' l-istatus ta' rifuġjat, ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri u għalhekk jista', minħabba l-iskala u l-effetti ta' l-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn min dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.

(32)

Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea, ir-Renju Unit, permezz ta' ittra ta' l-24 ta' Jannar 2001, innotifika x-xewqa tiegħu sabiex jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(33)

Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea, l-Irlanda, permezz ta' ittra ta' l-14 ta' Frar 2001, innotifikat ix-xewqa tagħha sabiex tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(34)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA,

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għan

L-għan ta' din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta' l-istatus ta' rifuġjat.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

(a)

“Konvenzjoni ta' Ġinevra” tfisser il-Konvenzjoni tat-28 ta' Lulju 1951 fir-rigward ta' l-istatus ta' rifuġjati, kif emendata mill-Protokoll ta' New York tal-31 ta' Jannar 1967;

(b)

“applikazzjoni” jew “applikazzjoni għall-ażil” tfisser applikazzjoni magħmula minn ċittadin ta' pajjiż terz jew minn persuna apolida li tista' tiġi mifhuma bħala talba għal protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru taħt il-Konvenzjoni ta' Ġinevra. Kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija preżunta applikazzjoni għall-ażil, sakemm il-persuna konċernata ma titlobx b'mod espliċitu xi protezzjoni oħra li għaliha tista' ssir applikazzjoni separatament;

(ċ)

“applikant” jew “applikant għall-ażil” tfisser ċittadin jew ċittadina ta' pajjiż terz jew persuna apolida li jagħmlu applikazzjoni għall-ażil li fir-rigward tagħha ma tkunx għadha ġiet meħuda deċiżjoni finali;

(d)

“deċiżjoni finali” tfisser deċiżjoni dwar jekk iċ-ċittadin jew ċittadina ta' pajjiż terz jew il-persuna apolida jingħatawx stat ta' rifuġjat taħt id-Direttiva 2004/83/KE u li ma tkunx suġġetta aktar għal rimedju fil-qafas tal-Kapitolu V ta' din id-Direttiva irrispettivament jekk tali rimedju għandux l-effett li jippermetti applikanti jibqgħu fl-Istati Membri konċernati sa l-eżitu tagħha, suġġett għall-Anness III ta' din id-Direttiva;

(e)

“awtorità determinanti” tfisser kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-ażil, u kompetenti sabiex jieħu, fl-istadju ta' prim'istanza, deċiżjonjiet f'tali każijiet, suġġett għall-Anness I;

(f)

“rifuġjat” tfisser ċittadin jew ċittadina ta' pajjiż terz jew persuna apolida li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra kif esposti fid-Direttiva 2004/83/KE;

(g)

“status ta' rifuġjat” tfisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta' ċittadin ta' pajjiż terz jew ta' persuna apolida bħala rifuġjat;

(h)

“minuri mhux akkumpanjat” tfisser persuna taħt l-età ta' tmintax–il sena li tasal fit-territorju ta' l-Istati Membri mhux akkumpanjata minn adult responsabbli għaliha skond il-liġi jew skond il-konswetudini, u għal dak iż-żmien li hija ma tkunx qiegħda tingħata l-ħarsien ta' tali persuna; din tinkludi persuna minuri li tkun tħalliet waħidha wara li tkun daħlet fit-territorju ta' l-Istati Membri;

(i)

“rappreżentant” tfisser persuna li taġixxi f'isem organizzazzjoni li tirrappreżenta minuri mhux akkumpanjat bħala tutur legali, persuna li taġixxi f'isem organizzazzjoni nazzjonali li tkun responsabbli għall-kura u s-saħħa ta' persuni minuri, jew kull rappreżentanza adatta oħra maħtura sabiex tiżgura l-aħjar interessi tal-minuri;

(j)

“rtirar ta' stat ta' rifuġjat” tfisser id-deċiżjoni minn awtorità kompetenti li tirrevoka, tittermina jew tirrifjuta li ġġedded l-istatus ta' rifuġjat ta' persuna skond id-Direttiva 2004/83/KE;

(k)

“tibqa' fl-Istat Membru” tfisser li tibqa' fit-territorju, inklużi l-fruntiera jew iż-żoni ta' transitu ta' l-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għall-ażil jew li fih tkun qiegħda tiġi eżaminata tali applikazzjoni.

Artikolu 3

Ambitu ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-ażil magħmula fit-territorju, inklużi dawk magħmula fil-fruntiera jew fiż-żoni ta' transitu, ta' l-Istati Membri u għall-irtirar ta' l-status ta' rifuġjat.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika f'każijiet ta' rikjesti għall-ażil diplomatiku jew territorjali preżentati quddiem ir-rappreżentanzi ta' Stati Membri.

3.   Fejn Stati Membri jużaw jew jintroduċu proċedura li fiha l-applikazzjonijiet għall-ażil jiġu eżaminati kemm bħala applikazzjonijiet abbażi tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra kif ukoll bħala applikazzjonijiet għal tipi oħra ta' protezzjoni internazzjonali mogħtija taħt iċ-ċirkostanzi definiti mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83/KE, dawn għandhom japplikaw din id-Direttiva matul il-proċedura kollha tagħhom.

4.   Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw din id-Direttiva fi proċeduri sabiex jiġu deċiżi applikazzjonijiet għal kull tip ta' protezzjoni internazzjonali.

Artikolu 4

Awtoritajiet responsabbli

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw, għall-proċeduri kollha, awtorità determinanti li tkun responsabbli li tagħmel eżami adegwat ta' l-applikazzjonijiet skond din id-Direttiva, b'mod partikolari l-Artikoli 8(2) u 9.

Skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 343/2003, l-applikazzjonijiet għall-ażil magħmula fi Stat Membru lill-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor li jwettqu hemmhekk kontrolli ta' immigrazzjoni għandhom jiġu trattati mill-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu tkun saret l-applikazzjoni.

2.   Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li awtorità oħra tkun responsabbli għall-finijiet li ġejjin:

(a)

l-ipproċessar ta' każijiet fejn jiġi kunsidrat it-trasferiment ta' l-applikant lejn Stat ieħor skond ir-regoli li jistabbilixxu l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi deċiż liema Stat huwa responsabbli sabiex jikkunsidra applikazzjoni ta' ażil, sa meta jsir it-trasferiment jew sa meta l-Istat rikjest jirrifjuta li jieħu ħsieb jew jieħu lura l-applikant;

(b)

it-teħid ta' deċiżjoni dwar l-applikazzjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' sigurtà nazzjonali, sakemm l-awtorità determinanti tiġi konsultata qabel din id-deċiżjoni dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala rifuġjat taħt id-Direttiva 2004/83/KE;

(ċ)

it-twettiq ta' eżami preliminari skond l-Artikolu 32, sakemm din l-awtorità jkollha aċċess għall-file ta' l-applikant fir-rigward ta' l-applikazzjoni preċedenti;

(d)

l-ipproċessar ta' każijiet fil-qafas tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 35(1);

(e)

ir-rifjut ta' permess għad-dħul fil-qafas tal-proċedura kif provdut mill-Artikolu Article 35(2) sa (5), suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fih;

(f)

id-determinazzjoni li applikant ikun qiegħed ifittex li jidħol jew daħal fl-Istat Membru minn pajjiż terz bla periklu skond l-Artikolu 36A, suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Artikolu.

3.   Fejn jiġu nominati awtoritajiet skond il-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal ta' dawn l-awtoritajiet ikollu l-konoxxenza adegwata jew jirċievi t-taħriġ meħtieġ sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu meta jimplementa din id-Direttiva.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet iktar favorevoli

L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu fis-seħħ standards aktar favorevoli għal proċeduri għall-għoti u l-irtirar ta' l-istatus ta' rifuġjat, sa fejn dawk l-istandards ikunu kompatibbli ma' din id-Direttiva.

KAPITOLU II

PRINĊIPJI U GARANZIJI BAŻIĊI

Artikolu 6

Aċċess għall-proċedura

1.   L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-applikazzjonijiet għall-ażil isiru personalment u/jew f'post indikat.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull adult li jkollu kapaċità legali jkollu d-dritt li jagħmel applikazzjoni għall-ażil f'ismu stess.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li applikazzjoni tkun tista' ssir minn applikant f'isem id-dipendenti tiegħu. F'dawn il-każijiet l-Istati Membri għandhom jiżguraw li adulti dipendenti jagħtu l-kunsens tagħhom għall-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni f'isimhom, u fin-nuqqas ta' dan għandhom ikollhom l-opportunità li jagħmlu applikazzjoni f'isimhom stess.

Il-kunsens għandu jiġi mitlub meta l-applikazzjoni tiġi preżentata jew mhux aktar tard minn meta ssir l-intervista personali ma' l-adult dipendenti.

4.   L-Istati Membri jistgħu jippreskrivu fil-liġi nazzjonali

(a)

il-każijiet li fihom minuri jista' jagħmel applikazzjoni f'ismu stess;

(b)

il-każijiet li fihom l-applikazzjoni ta' minuri mhux akkumpanjat ikollha tiġi preżentata minn rappreżentant kif previst fl-Artikolu 17(1)(a);

(ċ)

il-każijiet li fihom il-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għall-ażil tkun kunsidrata wkoll bħala preżentazzjoni ta' applikazzjoni għall-ażil għal kwalunkwe minuri mhux miżżewweġ.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet li x'aktarx ikunu indirizzati minn persuna li tixtieq tagħmel applikazzjoni għall-ażil ikunu kapaċi li jagħtu parir lil dik il-persuna dwar kif u fejn hija tkun tista' tagħmel tali applikazzjoni u/jew jistgħu jesiġu li dawn l-awtoritajiet jgħaddu l-applikazzjoni lill-awtorità kompetenti.

Artikolu 7

Id-dritt ta' l-applikant li jibqa' fl-Istat Membru matul iż-żmien li fih tiġi eżaminata l-applikazzjoni

1.   L-applikanti għandhom jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru, għall-fini tal-proċedura biss, sa meta l-awtorità determinanti tkun ħadet id-deċiżjoni skond il-proċeduri fl-istadju ta' prim'istanza stabbiliti fil-Kapitolu III. Dan id-dritt ta' l-applikant li jibqa' fl-Istat Membru ma jikkostitwixxix jedd għal permess ta' residenza.

2.   L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni biss fejn, skond l-Artikoli 32 u 34, ma tkunx sejra tiġi eżaminata aktar xi applikazzjoni sussegwenti jew fejn dawn iċedu jew jestradixxu, skond il-każ, persuna lejn Stat Membru ieħor konformament ma' obbligi taħt il-Mandat ta' Arrest Ewropew (6) jew diversament, jew lejn pajjiż terz, jew lejn qrati jew tribunali kriminali internazzjonali.

Artikolu 8

Rekwiżiti għall-eżami ta' applikazzjonijiet

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23(4)(i), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet għall-ażil la jiġu miċħuda u lanqas esklużi milli jiġu eżaminati għar-raġuni biss li ma kinux saru malajr kemm jista' jkun.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti dwar applikazzjonijiet għall-ażil jiġu meħuda wara eżami adegwat. Għal dik il-fini, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li

(a)

l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati u d-deċiżjonijiet jiġu meħuda individwalment, oġġettivament u imparzjalment;

(b)

tiġi miksuba informazzjoni preċiża u aġġornata minn sorsi varji, bħall-Kummissarju Għoli għar-Rifuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR), rigward is-sitwazzjoni ġenerali li teżisti fil-pajjiżi ta' origini ta' l-applikanti għall-ażil u, fejn meħtieġ, f'pajjiżi li għaddew minnhom, u li tali informazzjoni issir disponibbli għall-persunal responsabbli mill-eżami ta' l-applikazzjonijiet u mit-teħid ta' deċiżjonijiet;

(ċ)

il-persunal li jeżamina l-applikazzjonijiet u li jieħu d-deċiżjonijiet ikollu l-konoxxenza ta' l-istandards relevanti applikabbli fil-qasam tal-liġi dwar l-ażil u dwar ir-rifuġjati.

3.   L-awtoritajiet imsemmija fil-Kapitolu V għandhom, permezz ta' l-awtorità determinanti jew ta' l-applikant jew diversament, ikollhom aċċess għall-informazzjoni ġenerali msemmija fil-paragrafu 2(b), li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompitu tagħhom.

4.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli li jikkonċernaw it-traduzzjoni ta' dokumenti relevanti għall-eżami ta' applikazzjonijiet.

Artikolu 9

Rekwiżiti għal deċiżjoni mill-awtorità determinanti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għall-ażil jiġu mogħtija bil-miktub.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li, fejn applikazzjoni tiġi miċħuda, ir-raġunijiet ta' fatt u ta' dritt jiġu dikjarati fid-deċiżjoni u tiġi mogħtija bil-miktub informazzjoni dwar kif tiġi kontestata deċiżjoni negattiva.

L-Istati Membri mhumiex meħtieġa jiddikjaraw ir-raġunijiet għar-rifjut li jingħata l-istatus ta' rifuġjat f'deċiżjoni fejn l-applikant jiġi mogħti status li joffri l-istess drittijiet u benefiċċji taħt il-liġijiet nazzjonali u Komunitarja bħall-istatus ta' rifuġjat taħt id-Direttiva 2004/83/KE. F'dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-raġunijiet għar-rifjut li jingħata l-istatus ta' rifuġjat jiġu dikjarati fil-file ta' l-applikant u li l-applikant ikollu, fuq it-talba tiegħu, aċċess għall-file tiegħu.

Barra minn hekk, l-Istati Membri mhumiex meħtieġa jipprovdu bil-miktub informazzjoni dwar kif tiġi kontestata deċiżjoni negattiva flimkien ma' deċiżjoni fejn l-applikant ikun ingħata din l-informazzjoni fi stadju aktar kmieni bil-miktub jew b'mezz elettroniku aċċessibbli għall-applikant.

3.   Għall-finijiet ta' l-Artikolu 6(3), u kull meta l-applikazzjoni tkun ibbażata fuq l-istess raġunijiet, l-Istati Membri jistgħu jieħdu deċiżjoni waħda, li tkopri d-dipendenti kollha.

Artikolu 10

Garanziji għall-applikanti għall-ażil

1.   Fir-rigward tal-proċeduri previsti fil-Kapitolu III, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti kollha għall-ażil igawdu l-garanziji li gejjin:

(a)

għandhom jiġu informati f'ilsien li jistġhu jkunu raġonevolment mistennija jifhmu bil-proċedura li jkollha tiġi segwita u bid-drittijiet u l-obbligi tagħhom matul il-proċedura u bil-konsegwenzi eventwali f'każ ta' nuqqas ta' konformità ma' l-obbligi tagħhom u ta' nuqqas ta' koperazzjoni ma' l-awtoritajiet. Għandhom jiġu informati dwar il-perjodu ta' żmien, kif ukoll dwar il-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom, sabiex jissodisfaw l-obbligu tal-preżentazzjoni ta' l-elementi imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83/KE. Din l-informazzjoni għandha tingħatalhom fil-ħin sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet garantiti f'din id-Direttiva u jikkonformaw ma' l-obbligi deskritti fl-Artikolu 11;

(b)

għandhom jirċievu s-servizzi ta' interpretu sabiex jippreżentaw il-każ tagħhom quddiem l-awtoritajiet kompetenti meta dan ikun meħtieġ. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw bħala meħtieġ l-għoti ta' dawn is-servizzi għall-inqas meta l-awtorità determinanti ssejjaħ lill-applikant sabiex jiġi intervistat kif imsemmi fl-Artikoli 12 u 13 u meta ma tkunx tista' tiġi żgurata komunikazzjoni adegwata mingħajr dawn is-servizzi. F'dan il-każ u f'każijiet oħra fejn l-awtoritajiet kompetenti jsejħu lill-applikant, dawn is-servizzi għandhom jiġu mħallsa minn fondi pubbliċi;

(ċ)

ma għandhiex tiġi miċhuda lilhom l-opportunità li jikkomunikaw ma' l-UNHCR jew ma' kwalunkwe organizzazzjoni oħra li taħdem f'isem il-UNHCR fit-territorju ta' l-Istat Membru konformement ma' ftehim ma' dak l-Istat Membru;

(d)

għandhom jingħataw notifika fi żmien raġonevoli tad-deċiżjoni mill-awtorità determinanti fir-rigward ta' l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil. Jekk l-applikant ikun qiegħed jiġi rappreżentat legalment minn konsulent legali jew konsulent ieħor, l-Istati Membri jistgħu jagħzlu li jinnotifikaw lil dan bid-deċiżjoni minflok lill-applikant għall-ażil;

(e)

għandhom jiġu informati dwar ir-riżultat tad-deċiżjoni mill-awtorità determinanti f'ilsien li jistgħu jkunu raġonevolment mistennija jifhmu meta ma jkunux assistiti jew rappreżentati minn konsulent legali jew konsulent ieħor u meta ma tkunx disponibbli għajnuna legali bla ħlas. L-informazzjoni provduta għandha tinkludi informazzjoni dwar kif tiġi kontestata deċiżjoni negattiva skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9(2).

2.   Fir-rigward tal-proċeduri previsti fil-Kapitolu V, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti kollha għall-ażil igawdu garanziji ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1(b), (ċ) u (d) ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 11

Obbligi ta' l-applikanti għall-ażil

1.   L-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-applikanti għall-ażil obbligi ta' koperazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti safejn dawn l-obbligi ikunu meħtieġa għall-proċessar ta' l-applikazzjoni.

2.   Partikolarment, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li

(a)

l-applikanti għall-ażil ikunu meħtieġa jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti jew jidhru personalment quddiemhom mill-iktar fis possibbli jew f'waqt partikolari;

(b)

l-applikanti għall-ażil ikollhom jagħtu dokumenti fil-pussess tagħhom li jkunu relevanti għall-eżami ta' l-applikazzjoni, bħall-passaporti tagħhom;

(ċ)

l-applikanti għall-ażil ikunu meħtieġa jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti bil-post tar-residenza jew bl-indirizz attwali tagħhom u b'kull tibdil ta' dan mill-aktar fis possibbli. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li l-applikant ikollu jaċċetta kull komunikazzjoni fil-post ta' residenza jew fl-indirizz l-aktar reċenti li huwa kien indika għal dan il-għan;

(d)

l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu ifittxu fuq il-persuna ta' l-applikant u fl-oġġetti li huwa jġorr miegħu;

(e)

l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jieħdu ritratt ta' l-applikant; u

(f)

l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jirreġistraw l-istqarrijiet orali ta' l-applikant, sakemm dan ikun preċedentement ġie informat b'dan.

Artikolu 12

Intervista personali

1.   Qabel ma' tiġi meħuda deċiżjoni mill-awtorita determinanti, l-applikant għall-ażil għandu jingħata l-opportunità ta' intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil ma' persuna li tkun, taħt il-liġi nazzjonali, kompetenti sabiex tmexxi tali intervista.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-opportunità wkoll ta' intervista personali lil kull adult dipendenti imsemmi fl-Artikolu 6(3).

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali dawk il-każijiet li fihom minuri għandu jingħata l-opportunità ta' intervista personali.

2.   L-intervista personali tista' tiġi ommessa fejn:

(a)

l-awtorità determinanti tkun kapaċi li tieħu deċiżjoni pożittiva abbażi tal-prova disponibbli; jew

(b)

l-awtorità kompetenti tkun diġà ltaqgħet ma' l-applikant sabiex tassistih fit-tlestija ta' l-applikazzjoni tiegħu u fil-preżentazzjoni ta' l-informazzjoni essenzjali fir-rigward ta' l-applikazzjoni, konformement ma' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2004/83/KE; jew

(ċ)

l-awtorità determinanti, abbażi ta' eżami sħiħ ta' l-informazzjoni provduta mill-applikant, tikkunsidra l-applikazzjoni bħala bla bażi fil-każijiet fejn japplikaw iċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 23(4)(a), (ċ), (g), (h) u (j).

3.   L-intervista personali tista' tiġi ommessa wkoll fejn ma tkunx raġonevolment prattikabbli, b'mod partikolari fejn l-awtorità kompetenti tkun tal-fehma li l-applikant mhuwiex f'sikktu jew kapaċi sabiex jiġi intervistat minnħabba ċirkostanzi persistenti li fuqhom huwa ma jkollux kontroll. F'każijiet ta' dubbju, l-Istati Membri jistgħu jesiġu ċertifikat mediku jew psikoloġiku.

Fejn l-Istat Membru ma jipprovdix l-opportunità għal intervista personali lill-applikant skond dan il-paragrafu, jew fejn applikabbli, lid-dipendenti, għandu jsir dak li jkun raġonevolment possibbli sabiex l-applikant jew id-dipendenti ikunu jistgħu jippreżentaw aktar informazzjoni.

4.   In-nuqqas ta' intervista personali skond dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi lill-awtorità determinanti milli tieħu deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-ażil.

5.   L-assenza ta' intervista personali skond il-paragrafu 2(b) u (ċ) u l-paragrafu 3 ma għandhiex tinċidi negattivament fuq id-deċiżjoni ta' l-awtorità determinanti.

6.   Irrispettivament mill-Artikolu 20(1), l-Istati Membri, meta jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni għall-ażil, jistgħu jieħdu kont tal-fatt li l-applikant naqas milli jidher għall-intervista personali sakemm huwa ma kellux raġunijiet tajbin għan-nuqqas li jidher.

Artikolu 13

Rekwiżiti għal intervista personali

1.   Intervista personali għandha normalment issir mingħajr il-preżenza ta' membri tal-familja sakemm l-awtorità determinanti ma tikkunsidrax bħala meħtieġ, sabiex isir eżami adegwat, li jkun hemm membri oħra tal-familja preżenti.

2.   Intervista personali għandha ssir taħt kondizzjonijiet li jiżguraw kunfidenzjalità adegwata.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-intervisti personali jitmexxew taħt kondizzjonijiet li jippermettu li l-applikanti jippreżentaw ir-raġunijiet għall-applikazzjonijiet tagħhom b'mod komprensiv. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom

(a)

jiżguraw li l-persuna li tagħmel l-intervista tkun suffiċjentement kompetenti sabiex tieħu kont taċ-ċirkostanzi personali u ġenerali attinenti għall-applikazzjoni, inkluż l-oriġini kulturali jew il-vulnerabbiltà ta' l-applikant, safejn ikun possibbli li jsir dan, u

(b)

jagħżlu interpretu li jkun kapaċi jiżgura komunikazzjoni adegwata bejn l-applikant u l-persuna li tmexxi l-intervista. Mhuwiex meħtieġ li l-komunikazzjoni ssir fl-ilsien li jippreferi l-applikant għall-ażil jekk ikun hemm ilsien ieħor li huwa jista' jkun raġonevolment mistenni jifhem u li bih huwa jkun kapaċi jikkomunika.

4.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli li jikkonċernaw il-preżenza, waqt intervista personali, ta' terzi persuni.

5.   Dan l-Artikolu huwa applikabbli wkoll għal-laqgħa msemmija fl-Artikolu 12(2)(b).

Artikolu 14

L-istatus tar-rapport ta' intervista personali fil-proċedura

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir rapport bil-miktub ta' kull intervista personali, li jkun fih għall-inqas l-informazzjoni essenzjali dwar l-applikazzjoni, kif preżentata mill-applikant, fis-sens ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2004/83/KE.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom aċċess fil-ħin għar-rapport ta' l-intervista personali. Fejn l-aċċess jiġi mogħti biss wara d-deċiżjoni ta' l-awtorità determinanti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-aċċess ikun mill-aktar fis possibbli skond il-ħtieġa sabiex ikun jista' jiġi preparat appell u u sabiex dan l-appell ikun jista' jitressaq fiż-żmien dovut.

3.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu l-approvazzjoni, ta' l-applikant, tal-kontenut tar-rapport ta' l-intervista personali.

Fejn applikant jirrifjuta li japprova l-kontenut tar-rapport, ir-raġunijiet ta' dan ir-rifjut għandhom jitniżżlu fil-file ta' l-applikant.

Ir-rifjut ta' applikant li japprova l-kontenut tar-rapport ma għandux jimpedixxi lill-awtorità determinanti milli tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu.

4.   Dan l-Artikolu huwa applikabbli wkoll għal-laqgħa msemmija fl-Artikolu 12(2)(b).

Artikolu 15

Dritt għal għajnuna legali u rappreżentanza

1.   L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-applikanti għall-ażil, l-opportunità li jikkonsultaw, bi spejjeż tagħhom stess, b'mod effettiv konsulent legali jew konsulent ieħor, li jkun ammess jew permess bħala tali taħt il-liġi nazzjonali, dwar materji relatati ma' l-applikazzjonijiet tagħhom għall-ażil.

2.   F'każ ta' deċiżjoni negattiva minn awtorità determinanti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħataw għajnuna legali u/jew rappreżentanza bla ħlas meta dawn jiġu mitluba, suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu fil-liġi nazzjonali tagħhom li l-għajnuna legali u/jew ir-rappreżentanza bla ħlas ikunu mogħtija:

(a)

biss għall-proċeduri quddiem qorti jew tribunal konformement mal-Kapitolu V u mhux għal xi appelli jew reviżjonijiet sussegwenti previsti fil-liġi nazzojnali, inkluż is-smigħ mill-ġdid ta' appell wara appell jew reviżjoni sussegwenti; u/jew

(b)

biss lil dawk li ma jkollhomx riżorsi suffiċjenti; u/jew

(ċ)

biss lil konsulenti legali jew konsulenti oħra speċifikament nominati mil-liġi nazzjonali sabiex jgħinu u/jew jirrappreżentaw applikanti għall-ażil; u/jew

(d)

biss fejn ikun hemm il-probabbiltà ta' suċċess ta' l-appell jew tar-reviżjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna legali u/jew ir-rappreżentanza li tkun mogħtija taħt il-punt (d) ma tkunx arbitrarjament ristretta.

4.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli dwar il-modalitajiet għall-preżentazzjoni u għall-proċessar tat-talbiet għall-għajnuna legali u/jew għar-rappreżentanza.

5.   L-Istati Membri jistgħu

(a)

jimponu limiti ta' flus u/jew ta' żmien fuq l-għoti ta' għajnuna legal u/jew rappreżentanza bla ħlas sakemm dawn il-limiti ma jirrestrinġux arbitrarjament l-aċċess għall-għajnuna legali u/jew għar-rappreżentanza;

(b)

jiddisponu li, fir-rigward ta' ħlasijiet u spejjeż oħra, it-trattament ta' l-applikanti ma jkunx aktar favorevoli mit-trattament li jkun ġeneralment mogħti liċ-ċittadini tagħhom f'materji ta' għajnuna legali.

6.   L-Istati Membri jistgħu jesiġu li jiġu rimborsati b'mod sħiħ jew parzjali għal kwalunkwe spejjeż mogħtija jekk u meta s-sitwazzjoni finanzjarja ta' l-applikant tkun konsiderevolment tjiebet jew jekk id-deċiżjoni ta' l-għoti ta' dawn il-beneficcji kienet meħuda abbażi ta' informazzjoni falza mogħtija mill-applikant.

Artikolu 16

L-ambitu ta' l-għajnuna u r-rappreżentanza legali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsulent legali jew konsulent ieħor, li jkun ammessi jew permess bħala tali taħt il-liġi nazzjonali, u li jgħin jew jirrappreżenta applikant għall-ażil skond il-liġi nazzjonali, għandu jgawdi aċċess għal dik l-informazzjoni li tinsab fil-file ta' l-applikant li x'aktarx tiġi eżaminata mill-awtoritajiet imsemmija fil-Kapitolu V, safejn l-informazzjoni tkun relevanti għall-eżami ta' l-applikazzjoni.

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni fejn l-iżvelar ta' informazzjoni jew ta' sorsi jkun ta' ħsara għas-sigurtà nazzjonali, għas-sigurtà ta' l-organizzazzjonijiet jew tal-persuna jew persuni li jipprovdu l-informazzjoni jew għas-sigurtà tal-persuna jew persuni li għalihom tirriferi l-informazzjoni jew fejn l-interessi investigattivi relattivi għall-eżami ta' l-applikazzjonijiet għall-ażil mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta' l-Istati Membri ikunu kompromessi. F'każijiet bħal dawn, l-aċċess għall-informazzjoni jew għas-sorsi in kwistjoni għandu jkun disponibbli għall-awtoritajiet imsemmija fil-Kapitolu V, ħlief fejn dan l-aċċess ikun prekluż f'każijiet ta' sigurtà nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsulent legali jew konsulent ieħor li jgħin jew jirrappreżenta applikant għall-ażil ikollu aċċess għal postijiet magħluqa, bħal faċilitajiet ta' detenzjoni u żoni ta' transitu, sabiex jikkonsulta ma' dak l-applikant. L-Istati Membri jistgħu biss jillimitaw iż-żjarat lill-applikanti f'żoni magħluqa fejn tali limitazzjoni tkun, skond il-liġi nazzjonali, oġġettivament meħtieġa għas-sigurtà, għall-ordni pubbliku jew għat-tmexxija amministrattiva taż-żona jew sabiex jiġi żgurat eżami effikaċi ta' l-applikazzjoni, sakemm l-aċċess għall-konsulent legali jew konsulent ieħor ma jkunx, bħala riżultat ta' dan, serjament limitat jew magħmul impossibbli.

3.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli li jkopru l-preżenza ta' konsulenti legali jew ta' konsulenti oħra waqt l-intervisti kollha fil-proċedura, mingħajr preġudizzju għal dan l-Artikolu jew għall-Artikolu 17(1)(b).

4.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li l-applikant ikun permess li jġib miegħu għall-intervista personali konsulent legali jew konsulent ieħor, ammess jew permess bħala tali taħt il-liġi nazzjonali.

L-Istati Membri jistgħu jesiġu l-preżenza ta' l-applikant fl-intervista personali anke jekk huwa jkun rappreżentat skond il-liġi nazzjonali minn tali konsulent legali jew konsulent ieħor u jistgħu jesiġu li l-applikant jirrispondi personalment għall-mistoqsijiet li jsiru.

L-assenza ta' konsulent legali jew konsulent ieħor ma għandhiex timpedixxi lill-awtorità kompetenti milli tintervista personalment lill-applikant.

Artikolu 17

Garanziji għal minuri mhux akkumpanjati

1.   Fir-rigward tal-proċeduri kollha previsti f'din id-Direttiva u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 12 u 14, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jieħdu mizuri mill-aktar fis possibbli sabiex jiżguraw li l-minuri mhux akkumpanjat ikun rappreżentat u/jew assistit minn rappreżentant fir-rigward ta' l-eżami ta' l-applikazzjoni. Dan ir-rappreżentant jista' jkun ukoll ir-rappreżentant imsemmi fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/9/KE tas-27 ta' Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (7);

(b)

jiżguraw li r-rappreżentant jingħata l-opportunità li jinforma lill-minuri mhux akkumpanjat dwar is-sinifikat u l-konsegwenzi eventwalment possibbli ta' l-intervista personali u, fejn ikun kunsiljabbli, kif jipprepara ruħu għall-intervista personali. L-Istati Membri għandhom jippermettu lir-rappreżentant sabiex ikun preżenti matul dik l-intervista personali u sabiex jagħmel domandi jew kummenti, fil-qafas proċedurali stabbilit mill-persuna li tmexxi l-intervista.

L-Istati Membri jistgħu jesiġu l-preżenza tal-minuri mhux akkumpanjat fl-intervista personali, anke jekk ir-rappreżentant ikun preżenti.

2.   L-Istati Membri jistgħu ma jaħtrux rappreżentant fejn il-minuri mhux akkumpanjat:

(a)

probabbilment jilħaq l-età maġġuri qabel ma tiġi meħuda deċiżjoni fl-istadju ta' prim'istanza; jew

(b)

ikun jista' juża, bla ħlas, konsulent legali jew konsulent ieħor, ammess bħala tali taħt il-liġi nazzjonali sabiex iwettaq il-kompiti assenjati hawn fuq lir-rappreżentant; jew

(ċ)

ikun miżżewweġ jew kien miżżewweġ.

3.   L-Istati Membri jistgħu, konformement mal-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2005, ukoll ma jaħtrux rappreżentant fejn il-minuri mhux akkumpanjat ikollu 16–il sena jew aktar, u sakemm huwa jkun kapaċi jmexxi l-applikazzjoni tiegħu mingħajr rappreżentant.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

jekk minuri mhux akkumpanjat ikollu intervista personali rigward l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil kif imsemmi fl-Artikoli 12, 13 u 14, dik l-intervista personali titmexxa minn persuna li jkollha l-konoxxenza meħtieġa tal-bżonnijiet speċjali ta' persuni minorenni;

(b)

jkun uffiċjal li jkollu l-konoxxenza meħtieġa tal-bżonnijiet speċjali ta' persuni minorenni li jipprepara d-deċiżjoni mill-awtorità determinanti dwar l-applikazzjoni ta' minuri mhux akkumpanjat.

5.   L-Istati Membri jistgħu jużaw eżamijiet mediċi sabiex jistabbilixxu l-età ta' persuni minorenni mhux akkumpannjati fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-applikazzjoni għall-ażil.

F'każijiet fejn jiġu użati eżamijiet mediċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

il-minuri mhux akkumpanjati jiġu informati qabel l-eżami ta' l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil, u f'ilsien li huma jistgħu jkunu raġonevolment mistennija jifhmu, bil-possibbiltà li l-età tagħhom tiġi determinata permezz ta' eżami mediku. Dan għandu jinkludi informazzjoni dwar il-metodu ta' l-eżami u l-konsegwenzi eventwalment possibbli tar-riżultat ta' l-eżami mediku għall-eżami ta' l-applikazzjoni għall-ażil, kif ukoll dwar il-konsegwenzi ta' rifjut min-naħa tal-minuri mhux akkumpanjat milli joqgħod għal eżami mediku;

(b)

il-minuri mhux akkumpanjati u/jew ir-rappreżentanti tagħhom jagħtu l-kunsens tagħhom sabiex isir eżami li jiddetermina l-età tal-minuri konċernati; u

(ċ)

id-deċiżjoni li tiġi miċħuda applikazzjoni għall-ażil minn minuri mhux akkumpanjat li jkun irrifjuta li joqgħod għal eżami mediku ma għandhiex tkun ibbażata biss fuq dak ir-rifjut.

Il-fatt li minuri mhux akkumpanjat ikun irrifjuta li joqgħod għal tali eżami mediku ma għandhux iżomm lill-awtorità determinanti milli tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-ażil.

6.   L-aħjar interessi tal-minuri għandhom ikunu ta' importanza primarja għall-Istati Membri meta jimplementaw dan l-Artikolu.

Artikolu 18

Detenzjoni

1.   L-Istati Membri ma għandhomx iżommu persuna f'detenzjoni għar-raġuni biss li huwa jkun applikant għall-ażil.

2.   Fejn applikant għall-ażil ikun miżmum f'detenzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-possibbiltà ta' reviżjoni ġudizzjarja aċċelerata.

Artikolu 19

Proċedura f'każ ta' rtirar ta' l-applikazzjoni

1.   Safejn l-Istati Membri jipprovdu għall-possibbiltà ta' l-irtirar espliċitu ta' l-applikazzjoni taħt il-liġi nazzjonali, meta applikant għall-ażil b'mod espliċitu jirtira l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni li jew twaqqaf l-eżami jew tiċħad l-applikazzjoni.

2.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jiddeċiedu li l-awtorità determinanti tista' tiddeċiedi li twaqqaf l-eżami mingħajr ma tadotta deċiżjoni. F'dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti għandha tinserixxi nota fil-file ta' l-applikant.

Artikolu 20

Proċedura f'każ ta' rtirar impliċitu jew ta' abbandun ta' l-applikazzjoni

1.   Meta jkun raġonevolment ġustifikabbli li jiġi kunsidrat li applikant għall-ażil b'mod impliċitu rtira jew abbanduna l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni li jew twaqqaf l-eżami jew tiċħad l-applikazzjoni fuq il-bażi li l-applikant ma jkunx stabbilixxa dritt għall-istatus ta' rifuġjat skond id-Direttiva 2004/83/KE.

L-Istati Membri jistgħu jassumu li l-applikant ikun impliċitament irtira jew abbanduna l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil partikolarment meta jiġi aċċertat li:

(a)

huwa naqas milli jirrispondi għal talbiet sabiex jipprovdi informazzjoni essenzjali għall-applikazzjoni tiegħu skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83/KE jew ma deherx għal intervista personali kif previst fl-Artikoli 12, 13 u 14, sakemm l-applikant ma jġibx prova fi zmien raġonevoli li n-nuqqas tiegħu kien dovut għal ċirkostanzi li fuqhom huwa ma kellux kontroll;

(b)

huwa ħarab jew telaq mingħajr awtorizzazzjoni mill-post fejn huwa għex jew kien miżmum, mingħajr ma għamel kuntatt ma' l-awtorità kompetenti fi żmien raġonevoli, jew huwa ma kkonformax mad-doveri ta' rapportar jew ma' obbligi ta' komunikazzjoni oħra fi żmien raġonevoli.

Għall-finijiet ta' l-implementazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti ta' żmien jew linji ta' gwida.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant li jerġa' jirrapporta lill-awtorità kompetenti wara li tittieħed deċiżjoni ta' twaqqif kif imsemmi fil-paragrafu 1, ikollu d-dritt li jitlob li jerġa' jinfetaħ il-każ tiegħu, sakemm it-talba ma tkunx eżaminata skond l-Artikoli 32 u 34.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal limitu ta' żmien li warajh ma jkunx jista' jerġa' jinfetaħ il-każ ta' l-applikant.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali persuna ma tiġix espulsa kuntrarjament għall-prinċipju tan-non-refoulement.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-awtorità determinanti terġa' taqbad u tkompli l-eżami mill-istadju fejn kien twaqqaf.

Artikolu 21

L-irwol ta' l-UNHCR

1.   L-Istati Membri għandhom jippermettu li l-UNHCR:

(a)

jkollha aċċess għall-applikanti għall-ażil, inklużi dawk miżmuma f'detenzjoni u f'żoni ta' ajruporti jew ta' transitu f'portijiet;

(b)

jkollha aċċess għal informazzjoni dwar applikazzjonijiet individwali għall-ażil, dwar il-kors tal-proċedura u dwar id-deċiżjonijiet meħuda, sakemm l-applikant għall-ażil jaqbel li dan isir;

(ċ)

tippreżenta l-fehmiet tagħha, fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet superviżorji tagħha taħt l-Artikolu 35 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra, lil kull awtorità kompetenti dwar applikazzjonijiet individwali għall-ażil f'kull stadju tal-proċedura.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għal organizzazzjoni li taħdem fit-territorju ta' l-Istat Membru konċernat f'isem l-UNHCR skond ftehim ma' dak l-Istat Membru.

Artikolu 22

Ġbir ta' informazzjoni dwar każijiet individwali

Għall-finijiet ta' l-eżami ta' każijiet individwali, l-Istati Membri ma għandhomx:

(a)

jiżvelaw direttament informazzjoni dwar applikazzjonijiet individwali għall-ażil, jew il-fatt li tkun saret applikazzjoni, lill-persuna jew persuni allegatament l-awtur jew awturi tal-persekuzzjoni ta' l-applikant għall-ażil;

(b)

jottjenu kwalunkwe informazzjoni mill-persuna jew persuni allegatament l-awtur jew awturi tal-persekuzzjoni b'mod li jirriżulta li tali awtur jew awturi jiġu informati direttament bil-fatt li saret applikazzjoni mill-applikant in kwistjoni, u li jhedded l-integrità fiżika ta' l-applikant u tad-dipendenti tiegħu, jew il-libertà u s-sigurtà tal-membri tal-familja tiegħu li jkunu għadhom jgħixu fil-pajjiż ta' l-oriġini.

KAPITOLU III

PROĊEDURI TA' PRIM'ISTANZA

TAQSIMA I

Artikolu 23

Proċedura ta' eżami

1.   L-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijet għall-ażil permezz ta' proċedura ta' eżami skond il-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali proċedura tkun konkluża mill-aktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ma tistax tittieħed deċiżjoni fi żmien sitt xhur, l-applikant konċernat għandu jew

(a)

jiġi informat bid-dewmien; jew

(b)

jirċievi, fuq talba tiegħu, informazzjoni dwar il-medda ta' żmien li fih tkun mistennija li tingħata d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu. Tali informazzjoni ma għandhiex tikkostitwixxi xi obbligu għall-Istat Membru, fir-rigward ta' l-applikant konċernat, li jieħu deċiżjoni fil-limiti ta' dik il-medda ta' żmien.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprijoritizzaw jew jaċċeleraw kull eżami skond il-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II anke fejn l-applikazzjoni x'aktarx li jkollha bażi suffiċjenti jew fejn l-applikant ikollu bżonnijiet speċjali.

4.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu li tiġi prijoritizzata jew aċċelerata proċedura ta' eżami konformement mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II jekk:

(a)

l-applikant, fil-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni tiegħu u fil-preżentazzjoni tal-fatti, qajjem biss kwistjonijiet li mhumiex relevanti jew li huma ta' relevanza minima għall-eżami dwar jekk huwa jikkwalifikax jew le bħala rifuġjat taħt id-Direttiva 2004/83/KE; jew

(b)

l-applikant ma jikkwalifikax, b'mod ċar, bħala rifuġjat jew għall-istatus ta' rifuġjat fi Stat Membru taħt id-Direttiva 2004/83/KE; jew

(ċ)

l-applikazzjoni għall-ażil tkun kunsidrata bħala mingħajr bażi:

(i)

minħabba li l-applikant ikun ġej minn pajjiż ta' oriġini bla periklu fis-sens ta' l-Artikoli 29, 30 u 31, jew

(ii)

minħabba li l-pajjiż, li ma jkunx Stat Membru, ikun kunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu għall-applikant, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 28(1); jew

(d)

l-applikant inganna lill-awtoritajiet billi ppreżenta informazjoni jew dokumenti foloz jew billi żamm għalih informazzjoni jew dokumenti relevanti fir-rigward ta' l-identità u/jew tan-nazzjonalità tiegħu li setgħu kellhom impatt negattiv fuq id-deċiżjoni; jew

(e)

l-applikant kien ippreżenta applikazzjoni oħra għall-ażil fejn iddikjara data personali diversa; jew

(f)

l-applikant ma pproduċiex informazzjoni sabiex jistabbilixxi, fuq skala raġonevoli ta' ċertezza, l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu, jew probabbilment b'malafede iddistruġġa jew iddispona minn dokument ta' l-identità jew ta' l-ivvjaġġar li seta' għen sabiex tiġi stabbilita l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu; jew

(g)

l-applikant ressaq sottomissjonijiet inkonsistenti, kontradittorji, improbabbli jew insuffiċjenti li jagħmlu t-talba tiegħu xejn konvinċenti fir-rigward tal-kwistjoni jekk kienx jew le l-oġġett ta' persekuzzjoni kif imsemmi fid-Direttiva 2004/83/KE; jew

(h)

l-applikant ippreżenta applikazzjoni sussegwenti li ma tindikax elementi ġodda relevanti dwar iċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu jew dwar is-sitwazzjoni tiegħu fil-pajjiż ta' l-oriġini tiegħu; jew

(i)

l-applikant naqas mingħajr kawża raġonevoli milli jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu aktar kmieni, meta kellu l-opportunità li jagħmel dan; jew

(j)

l-applikant ikun qiegħed jippreżenta applikazzjoni biss sabiex jittardja jew ifixkel l-infurzar ta' deċiżjoni preċedenti jew imminenti li tirriżulta fl-espulsjoni tiegħu; jew

(k)

l-applikant naqas mingħajr raġunijiet validi milli jikkonforma ma' l-obbligi msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2004/83/KE jew fl-Artikoli 11(2)(a) u (b) u 20(1) ta' din id-Direttiva; jew

(l)

l-applikant daħal fit-territorju ta' l-Istat Membru illegalment jew tawwal il-permanenza tiegħu illegalment u, mingħajr raġuni valida, ma ppreżentax ruħu quddiem l-awtoritajiet u/jew ressaq applikazzjoni għall-ażil mill-aktar fis possibbli fid-dawl taċ-ċirkostanzi tad-dħul tiegħu; jew

(m)

l-applikant jikkostitwixxi periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku ta' l-Istat Membru, jew l-applikant ġie espuls bil-forza għal raġunijiet serji ta' sigurtà pubblika u ordni pubbliku taħt il-liġi nazzjonali; jew

(n)

l-applikant jirrifjuta milli jikkonforma ma' l-obbligu tat-teħid tal-marki tas-swaba tiegħu skond il-liġi Komunitarja u/jew il-liġi nazzjonali relevanti; jew

(o)

l-applikazzjoni saret minn minuri mhux miżżewweġ li għalih japplika l-Artikolu 6(4)(ċ) wara li l-applikazzjoni tal-ġenituri jew tal-ġenitur responsabbli għall-minuri ġiet miċħuda u ma jkunux tqajmu elementi ġodda relevanti fir-rigward taċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu jew tas-sitwazzjoni fil-pajjiż ta' l-oriġini tiegħu.

Artikolu 24

Proċeduri speċifiċi

1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-proċeduri speċifiċi li ġejjin, li jidderogaw mill-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II:

(a)

eżami preliminari bl-iskop tal-proċessar ta' każijiet li jkunu kunsidrati li jaqgħu fil-qafas stabbilit fit-Taqsima IV;

(b)

proċeduri għall-finijiet tal-proċessar ta' każijiet li jkunu kunsidrati li jaqgħu fil-qafas stabbilit fit-Taqsima V.

2.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu wkoll deroga fir-rigward tat-Taqsima VI.

TAQSIMA II

Artikolu 25

Applikazzjonijet inammissibbli

1.   Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma' tiġix eżaminata skond ir-Regolament (KE) Nru 343/2003, l-Istati Membri mhumiex meħtieġa jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax bħala rifuġjat skond id-Direttiva 2004/83/KE fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli skond dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli skond dan l-Artikolu jekk:

(a)

l-istatus ta' rifuġjat ikun ġie mogħti minn Stat Membru ieħor;

(b)

pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta' ażil għall-applikant, skond l-Artikolu 26;

(ċ)

pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu għall-applikant, skond l-Artikolu 27;

(d)

l-applikant ikun permess li jibqa' fl-Istat Membru konċernat għal xi raġunijiet oħra u b'riżultat ta' dan huwa jkun ingħata status ekwivalenti għad-drittijiet u l-benefiċċji ta' l-istatus ta' rifuġjat permezz tad-Direttiva 2004/83/KE;

(e)

l-applikant ikun permess li jibqa' fit-territorju ta' l-Istat Membru konċernat għal xi raġunijiet oħra li jipproteġuh min-non-refoulement sa meta titlesta proċedura li r-riżultat tagħha jiddetermina l-istatus skond il-punt (d);

(f)

l-applikant ippreżenta applikazzjoni identika wara li tkun ingħatat deċiżjoni finali;

(g)

dipendent ta' l-applikant jippreżenta applikazzjoni, wara li huwa kien ta l-kunsens tiegħu skond l-Artikolu 6(3) sabiex il-każ tiegħu jkun parti minn applikazzjoni mressqa f'ismu, u ma jkunx hemm fatti relatati mas-sitwazzjoni tad-dipendenti li jiġġustifikaw applikazzjoni separata.

Artikolu 26

Il-kunċett ta' l-ewwel pajjiż ta' ażil

Pajjiż jista' jkun kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta' ażil għal applikant partikolari għall-ażil jekk:

(a)

huwa kien ġie rikonoxxut f'dak il-pajjiż bħala rifuġjat u huwa għadu jista' jirrikorri għal dik il-protezzjoni, jew

(b)

huwa jgawdi, diversament, protezzjoni suffiċjenti f'dak il-pajjiż, inkluż il-benefiċċju mill-prinċipju tan-non-refoulement,

sakemm huwa jerġa' jitħalla jidħol f'dak il-pajjiż.

Fl-applikazzjoni tal-kunċett ta' l-ewwel pajjiż ta' ażil għaċ-ċirkostanzi partikolari ta' applikant għall-ażil l-Istati Membri jistgħu jieħdu kont ta' l-Artikolu 27(1).

Artikolu 27

Il-kunċett tal-pajjiż terz bla periklu

1.   L-Istati Membi jistgħu japplikaw il-kunċett ta' pajjiż terz bla periklu biss fejn l-awtoritajiet kompetenti jkunu sodisfatti li persuna li tkun qiegħda tfittex ażil tiġi trattata skond il-prinċipji li ġejjin fil-pajjiż terz konċernat:

(a)

il-ħajja u l-libertà ma jkunux mhedda minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija f'xi grupp soċjali jew l-opinjoni politika;

(b)

jiġi rispettat il-prinċipju tan-non-refoulement skond il-Konvenzjoni ta' Ġinevra;

(ċ)

tkun rispettata l-projbizzjoni ta' l-espulsjoni ta' persuna, bi ksur tad-dritt tal-libertà mit-tortura u minn trattament krudil, inuman u degradanti kif stabbilit fid-dritt internazzjonali; u

(d)

tkun teżisti l-possibbiltà li ssir talba għall-istatus ta' rifuġjat u, jekk jinstab li l-persuna konċernata tkun rifuġjat, li din tirċievi protezzjoni skond il-Konvenzjoni ta' Ġinevra.

2.   L-applikazzjoni tal-kunċett ta' pajjiż terz bla periklu għandha tkun suġġetta għal regoli stabbiliti fil-liġi nazzjonali, inklużi:

(a)

regoli li jirrikjedu konnessjoni bejn il-persuna li tfittex l-ażil u l-pajjiż terz konċernat li abbażi tagħha jkun raġonevoli li dik il-persuna tmur f'dak il-pajjiż;

(b)

regoli dwar il-metodoloġija li biha l-awtoritajiet kompetenti jissodisfaw ruħhom li l-kunċett tal-pajjiz terz bla periklu jista' jiġi applikat għal xi pajjiż partikolari jew għal xi applikant partikolari. Tali metodoloġija għandha tinkludi l-konsiderazzjoni, każ b'każ, tas-sigurtà tal-pajjiż għal applikant partikolari u/jew l-indikazzjoni nazzjonali ta' pajjiżi kunsidrati bħala ġeneralment bla periklu;

(ċ)

regoli konformi mad-dritt internazzjonali, li jippermettu eżami individwali li jiddetermina jekk pajjiż terz konċernat huwiex bla periklu għal applikant partikolari u li, bħala minimu, għandu jippermetti lill-applikant jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett tal-pajjiż terz bla periklu fuq il-bażi li huwa jiġi suġġett għat-tortura, għal trattament jew punizzjoni krudili, inumani jew degradanti.

3.   Meta jimplementaw deċiżjoni bbażata biss fuq dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jinformaw lill-applikant dwar dan; u

(b)

jipprovduh b'dokument li jinforma lill-awtoritajiet tal-pajjiż terz, fl-ilsien ta' dak il-pajjiż, li l-applikazzjoni ma ġietx eżaminata fir-rigward tas-sustanza tagħha.

4.   Fejn il-pajjiż terz ma jippermettix lill-applikant għall-ażil jidħol fit-territorju tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata aċċess għal proċedura skond il-prinċipji u l-garanziji bażiċi deskritti fil-Kapitolu II.

5.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni perjodikament dwar il-pajjiżi li għalihom jiġi applikat dan il-kunċett konformement mad-dispożizzjonijet ta' dan l-Artikolu.

TAQSIMA III

Artikolu 28

Applikazzjonijiet bla bażi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 19 u 20, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-ażil bħala bla bażi biss jekk l-awtorità determinanti tkun stabbilixxiet li l-applikant ma jikkwalifikax għall-istatus ta' rifuġjat skond id-Direttiva 2004/83/KE.

2.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 23(4)(b) u f'każijiet ta' applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi li fihom tapplika kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi elenkati fl-Artikolu 23(4)(a) u (ċ) sa (o), l-Istati Membri jistgħu wkoll jikkunsidraw applikazzjoni bħala manifestament bla bażi jekk tkun definita hekk fil-liġi nazzjonali.

Artikolu 29

Lista komuni minima ta' pajjiżi terz kunsidrati bħala pajjiżi ta' oriġini bla periklu

1.   Il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jadotta lista komuni minima ta' pajjiżi terzi li għandhom ikunu kunsidrati mill-Istati Membri bħala pajjiżi ta' oriġini bla periklu konformement ma' l-Anness II.

2.   Il-Kunsill jista', waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jemenda l-lista komuni minima billi jżid jew ineħħi pajjiżi terzi, konformement ma' l-Anness II. Il-Kummissjoni għandha teżamina kull talba magħmula mill-Kunsill jew minn Stat Membru sabiex jippreżentaw proposta għall-emendament tal-lista komuni minima.

3.   Meta tagħmel il-proposta tagħha taħt il-paragrafi 1 jew 2, il-Kummissjoni għandha tuża l-informazzjoni mill-Istati Membri, l-informazzjoni tagħha stess u, fejn meħtieġ, informazzjoni mill-UNHCR, mill-Kunsill ta' l-Ewropa u minn organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti oħra.

4.   Fejn il-Kunsill jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta għat-tneħħija ta' pajjiż terz mil-lista komuni minima, l-obbligu ta' l-Istati Membri taħt l-Artikolu 31(2) għandu jiġi sospiż fir-rigward ta' dan il-pajjiż terz mill-jum ta' wara d-deċiżjoni tal-Kunsill li titlob tali preżentazzjoni.

5.   Fejn Stat Membru jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta lill-Kunsill għat-tneħħija ta' pajjiż terz mil-lista komuni minima, dak l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub bit-talba magħmula lill-Kummissjoni. L-obbligu ta' dan l-Istat Membru taħt l-Artikolu 31(2) għandu jiġi sospiż rigward il-pajjiż terz mill-jum ta' wara n-notifika lill-Kunsill.

6.   Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat bis-sospensjonijiet taħt il-paragrafi 4 u 5.

7.   Is-sospensjonijiet taħt il-paragrafi 4 u 5 għandhom jintemmu wara tliet xhur, sakemm il-Kummissjoni ma tagħmilx proposta qabel it-tmiem ta' dan il-perjodu, sabiex jitneħħa l-pajjiż terz mil-lista komuni minima. Is-sospensjonijiet għandhom jintemmu f'kull każ fejn il-Kunsill jiċħad proposta mill-Kummissjoni sabiex ineħħi l-pajjiż terz mil-lista.

8.   Fuq rikjesta tal-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar jekk is-sitwazzjoni f'pajjiż li jinsab elenkat fil-lista komuni minima għadhiex konformi ma' l-Anness II. Meta tippreżenta r-rapport tagħha, il-Kummissjoni tista' tagħmel rakkommandazzjonijiet jew proposti li hija tikkunsidra opportuni.

Artikolu 30

Indikazzjoni nazzjonali ta' pajjiżi terzi kunsidrati bħala pajjiżi ta' oriġini bla periklu

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29, l-Istati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ jew jintroduċu leġislazzjoni li tippermetti, konformement ma' l-Anness II, l-indikazzjoni nazzjonali ta' pajjiżi terzi diversi minn dawk li jidhru fil-lista komuni minima, bħala pajjiżi ta' oriġini bla periklu għall-iskop ta' l-eżami ta' applikazzjonijiet għall-ażil. Dan jista' jinkludi l-indikazzjoni ta' parti minn pajjiż bħala bla periklu fejn il-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness II ikunu sodisfatti fir-rigward ta' dik il-parti.

2.   B'deroga mill paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ leġislazzjoni li tkun fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2005 li tippermetti l-indikazzjoni nazzjonali ta' pajjiżi terzi, diversi minn dawk li jidhru fil-lista komuni minima, bħala pajjiżi ta' oriġini bla periklu għall-iskop ta' l-eżami ta' applikazzjonijiet għall-ażil fejn ikunu sodisfatti li persuni fil-pajjiżi terzi konċernati ġeneralment mhumiex suġġetti la:

(a)

għal persekuzzjoni kif definita fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/83/KE; u lanqas

(b)

għal tortura jew trattament jew punizzjoni inumani jew degradanti.

3.   L-Istati Membri jistgħu jżommu wkoll fis-seħħ leġislazzjoni li tkun fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2005 li tippermetti l-indikazzjoni nazzjonali ta' parti minn pajjiż bħala bla periklu, jew ta' pajjiż jew parti minnu bħala bla periklu għal grupp speċifiku ta' persuni f'dak il-pajjiż, fejn il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ikunu sodisfatti fir-rigward ta' dik il-parti jew dak il-grupp.

4.   Fil-valutazzjoni ta' pajjiż sabiex jiġi determinat jekk huwiex pajjiż ta' oriġini bla periklu konformement mal-paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw is-sitwazzjoni legali, l-applikazzjoni tal-liġi u ċ-ċirkostanzi politiċi ġenerali fil-pajjiż terz konċernat.

5.   Il-valutazzjoni ta' pajjiż sabiex jiġi determinat jekk huwiex pajjiż ta' oriġini bla periklu konformement ma' dan l-Artikolu għandha tkun ibbażata fuq firxa ta' sorsi ta' informazzjoni, inkluża b'mod partikolari informazzjoni mill-Istati Membri, mill-UNHCR, mill-Kunsill ta' l-Ewropa u minn organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti oħra.

6.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-pajjiżi li jiġu indikati bħala pajjiżi ta' oriġini bla periklu konformement ma' dan l-Artikolu.

Artikolu 31

Il-kunċett ta' pajjiż ta' oriġini bla periklu

1.   Pajjiż terz indikat bħala pajjiż ta' oriġini bla periklu konformement ma' l-Artikolu 29 jew ma' l-Artikolu 30 jista', wara eżami individwali ta' l-applikazzjoni, ikun kunsidrat bħala pajjiż ta' oriġini bla periklu għal applikant partikolari għall-ażil biss jekk:

(a)

l-applikant ikollu ċ-ċittadinanza ta' dak il-pajjiż; jew

(b)

l-applikant ikun persuna apolida u kien, preċedentement, abitwalment residenti f'dak il-pajjiż;

u ma ppreżenta l-ebda raġuni serja sabiex il-pajjiż ma jiġix kunsidrat bħala pajjiż ta' oriġini bla periklu fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu fis-sens tal-kwalifikazzjoni tiegħu bħala rifuġjat skond id-Direttiva 2004/83/KE.

2.   L-Istati Membri għandhom, skond il-paragrafu 1, jikkunsidraw l-applikazzjoni għall-ażil bħala bla bażi fejn il-pajjiż terz ikun indikat bħala bla periklu skond l-Artikolu 29.

3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali regoli u modalitajiet ulterjuri għall-applikazzjoni tal-kunċett ta' pajjiż ta' oriġini bla periklu.

TAQSIMA IV

Artikolu 32

Applikazzjoni sussegwenti

1.   Fejn persuna li applikat għall-ażil fi Stat Membru tagħmel sottomissjonijiet ulterjuri jew applikazzjoni sussegwenti fl-istess Stat Membru, dak l-Istat Membru jista' jeżamina dawn is-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-elementi ta' l-applikazzjoni sussegwenti fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-applikazzjoni preċedenti jew fil-kuntest ta' l-eżami tad-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi riveduta jew appellata safejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu kont ta' u jikkunsidraw l-elementi kollha li fuqhom ikunu bażati s-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-applikazzjoni sussegwenti f'dan il-kuntest.

2.   Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu japplikaw proċedura speċifika msemmija fil-paragrafu 3, fejn persuna tagħmel applikazzjoni sussegwenti għall-ażil:

(a)

wara li l-applikazzjoni preċedenti tiegħu kienet ġiet irtirata jew abbandunata taħt l-Artikoli 19 jew 20;

(b)

wara li ġiet meħuda deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li japplikaw din il-proċedura biss wara li tkun ġiet meħuda deċiżjoni finali.

3.   Applikazzjoni sussegwenti għall-ażil għandha tkun suġġetta l-ewwel għal eżami preliminari dwar jekk, wara li l-applikazzjoni preċedenti tkun ġiet irtirata jew wara li tkun intlaħqet id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2(b) ta' dan l-Artikolu dwar din l-applikazzjoni, tfaċċawx jew ġewx preżentati mill-applikant elementi jew konklużjonijiet ġodda relatati ma' l-eżami jekk huwa jikkwalifikax jew le bħala rifuġjat taħt id-Direttiva 2004/83/KE.

4.   Jekk, wara l-eżami preliminari msemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, jitfaċċaw jew jiġu preżentati mill-applikant elementi jew konklużjonijiet ġodda li jżidu sostanzjalment il-probabbiltà li l-applikant jikkwalifika bħala rifuġjat taħt id-Direttiva 2004/83/KE, l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata ulterjorment skond il-Kapitolu II.

5.   L-Istati Membri jistgħu, konformement mal-liġi nazzjonali, jeżaminaw ulterjorament applikazzjoni sussegwenti fejn ikun hemm raġunijiet oħra li jindikaw li għandha tiġi istitwita mill-ġdid xi proċedura.

6.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeżaminaw ulterjorament l-applikazzjoni biss jekk l-applikant konċernat kien, mingħajr ħtija tiegħu, inkapaċi li jiddikjara s-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafi 3, 4 u 5 ta' dan l-Artikolu fil-proċedura preċedenti, partikolarment billi jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv skond l-Artikolu 39.

7.   Il-proċedura msemmija f'dan l-Artikolu tista' tkun applikabbli wkoll fil-każ ta' dipendenti li jippreżenta applikazzjoni, wara li huwa kien ta l-kunsens tiegħu skond l-Artikolu 6(3), li l-każ tiegħu ikun parti minn applikazzjoni magħmula f'ismu. F'dan il-każ l-eżami preliminari msemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu jikkonsisti fl-eżami jekk hemmx xi fatti relatati mas-sitwazzjoni tad-dipendenti li jiġġustifikaw applikazzjoni separata.

Artikolu 33

Applikanti li jonqsu li jidhru

L-Istati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ jew jadottaw il-proċedura prevista fl-Artikolu 32 fil-każ ta' applikazzjoni għall-ażil preżentata f'data aktar tard minn applikant li, intenzjonalment jew minħabba nuqqas serju ta' diliġenza, jonqos milli jmur f'ċentru ta' akkoljenza jew milli jidher quddiem l-awtoritajiet kompetenti f'xi waqt speċifiku.

Artikolu 34

Regoli proċedurali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-appikanti għall-ażil li l-applikazzjoni tagħhom tkun suġġetta għal eżami preliminari skond l-Artikolu 32 igawdu l-garanziji previsti fl-Artikolu 10(1).

2.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli fil-liġi nazzjonali dwar l-eżami preliminari skond l-Artikolu 32. Dawk ir-regoli jistgħu inter alia:

(a)

jobbligaw lill-applikant konċernat sabiex jindika l-fatti u jissostanzja l-prova li jiġġustifikaw proċedura ġdida;

(b)

jesiġu l-preżentazzjoni ta' l-informazzjoni ġdida mill-applikant konċernat f'terminu ta' żmien wara li jkun kiseb tali informazzjoni;

(ċ)

jippermettu li l-eżami preliminari jkun magħmul abbażi biss ta' sottomissjonijiet bil-miktub mingħajr intervista personali.

Il-kondizzjonijiet ma għandhomx, fir-rigward ta' l-applikanti għall-ażil, jagħmlu impossibbli l-aċċess għal proċedura ġdida u ma għandhomx jirriżultaw fit-tneħħija effettiva jew f'limitazzjoni serja ta' dan l-aċċess.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li

(a)

l-applikant jiġi informat b'mod adegwat bl-eżitu ta' l-eżami preliminari u, f'każ li l-applikazzjoni ma tkunx sejra tiġi eżaminata ulterjorment, bir-raġunijiet u bil-possibbiltajiet ta' rikors għal appell jew għal reviżjoni tad-deċiżjoni;

(b)

fil-każ li tkun tapplika waħda mis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 32(2), l-awtorità determinanti għandha teżamina ulterjorment l-applikazzjoni sussegwenti konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II mill-aktar fis possibbli.

TAQSIMA V

Artikolu 35

Proċeduri fuq il-fruntiera

1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal proċeduri, konformement mal-prinċipji u mal-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II, ta' teħid ta' deċiżjonijiet, fuq il-fruntiera jew f'żoni ta' transitu ta' l-Istat Membru, dwar l-applikazzjonijiet magħmula f'tali postijiet.

2.   Minkejja dan, meta ma jkunux jeżistu proċeduri kif previst fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu iżommu fis-seħħ, suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu u konformement mal-liġijiet u r-regolamenti li jkunu fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2005, proċeduri li jidderogaw mill-prinċipji u l-garanziji bażiċi deskritti fil-Kapitolu II, sabiex jiġi deċiż, fuq il-fruntiera jew f'żoni ta' transitu, jekk jitħallewx jidħlu fit-territorju tagħhom applikanti għall-ażil li jkunu waslu u għamlu applikazzjoni għall-ażil f'tali postijiet.

3.   Il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiżguraw li l-persuni konċernati:

(a)

jitħallew jibqgħu fuq il-fruntiera jew fiż-żoni ta' transitu ta' l-Istat Membru, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7;

(b)

jiġu informati immedjatament bid-drittijiet u l-obbligi tagħhom, kif deskritt fl-Artikolu 10(1)(a);

(ċ)

jkollhom aċċess, jekk meħtieġ, għas-servizzi ta' interpretu, kif deskritt fl-Artikolu 10(1)(b);

(d)

jiġu intervistati, qabel ma l-awtorità kompetenti tieħu deċiżjoni f'tali proċeduri, fir-rigward ta' l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil minn persuni li jkollhom konoxxenza adegwata ta' l-istandards relevanti applikabbli fil-qasam tal-liġi dwar l-ażil u r-rifuġjati, kif deskritt fl-Artikoli 12, 13 u 14;

(e)

jistgħu jikkonsultaw konsulent legali jew konsulent ammess jew permess bħala tali taħt il-liġi nazzjonali, kif deskritt fl-Artikolu 15(1); u

(f)

jkollhom, fejn ikunu minuri mhux akkumpanjati, rappreżentant maħtur għalihom, kif deskritt fl-Artikolu 17(1), sakemm ma japplikax l-Artikolu 17(2) jew (3).

Barra minn hekk, f'każ li jiġi miċħud il-permess tad-dħul minn awtorità kompetenti, din l- awtorità kompetenti għandha tiddikjara r-raġunijiet, ta' fatt u ta' dritt, għaliex l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu tkun kunsidrata bħala bla bażi jew inammissibbli.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta' proċeduri previsti fil-paragrafu 2 tittieħed fi żmien raġonevoli. Meta deċiżjoni ma tkunx ittieħdet fi żmien erba' ġimgħat, l-applikant għall-ażil għandu jitħalla jidħol fit-territorju ta' l-Istat Membru sabiex l-applikazzjoni tiegħu tiġi proċessata konformement mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' din id-Direttiva.

5.   Fil-każijiet ta' tipi partikolari ta' wasliet jew ta' wasliet li jinvolvu numru kbir ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew ta' persuni apolidi li jippreżentaw applikazzjonijiet għall-ażil fuq il-fruntiera jew f'żona ta' transitu, li jagħmluha, f'dawk il-postijiet, prattikament impossibbli l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 jew tal-proċedura speċifika prevista fil-paragrafi 2 u 3, dawk il-proċeduri jistgħu jiġu wkoll applikati fejn u sa meta dawn iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni apolidi jkunu normalment akkommodati f'postijiet qrib il-fruntiera jew iż-żona ta' transitu.

TAQSIMA VI

Artikolu 36

Il-kunċett ta' pajjiżi terzi Ewropej bla periklu

1.   Kull Stat Membru jista' jipprovdi li ma jsirx eżami jew li ma jsirx eżami sħiħ ta' l-applikazzjoni għall-ażil u tas-sigurtà ta' l-applikant fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu kif deskritt fil-Kapitolu II f'każijiet fejn l-awtorità kompetenti tkun stabbilixxiet, abbażi tal-fatti, li l-applikant għall-ażil ikun qiegħed ifittex li jidħol jew daħal illegalment fit-territorju tiegħu minn pajjiż terz bla periklu skond il-paragrafu 2.

2.   Pajjiż terz jista' jkun kunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu biss għall-finijet tal-paragrafu 1 fejn:

(a)

ikun irratifika u josserva d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra mingħajr limitazzjonijiet ġeografiċi;

(b)

għandu stabbilita proċedura ta' ażil preskritta mil-liġi;

(ċ)

ikun irratifika l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u josserva d-dispożizzjonijiet tagħha, inklużi l-istandards relatati ma' rimedji effettivi; u

(d)

ikun ġie indikat mill-Kunsill skond il-paragrafu 3.

3.   Il-Kunsill, fil-waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew, għandu jadotta jew jemenda lista komuni ta' pajjiżi terzi li għandhom ikunu kunsidrati bħala pajjiżi terzi bla periklu għall-finijiet tal-paragrafu 1.

4.   L-Istati Membri konċernati għandhom jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali l-modalitajiet għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 u l-konsegwenzi ta' deċiżjonijiet skond dawk id-dispożizzjonijiet konformement mal-prinċipju tan-non-refoulement taħt il-Konvenzjoni ta' Ġinevra, inklużi dispożizzjonijiet għal eċċezzjonijiet mill-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għal raġunijiet umanitarji jew politiċi jew għal raġunijiet tad-dritt internazzjonali pubbliku.

5.   Meta jimplementaw deċiżjoni bażata biss fuq dan l-Artikolu, l-Istati Membri konċernati għandhom:

(a)

jinformaw lill-applikant dwar dan; u

(b)

jipprovdulu dokument li jinforma lill-awtoritajiet tal-pajjiż terz, fl-ilsien ta' dak il-pajjiż, li l-applikazzjoni ma kinetx eżaminata fis-sustanza tagħha.

6.   Fejn il-pajjiż terz bla periklu ma jippermettix id-dħul mill-ġdid ta' l-applikant għall-ażil, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata aċċess għal proċedura konformement mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi deskritti fil-Kapitolu II.

7.   L-Istati Membri li indikaw pajjiżi terzi bħala pajjiżi bla periklu skond il-liġi nazzjonali fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2005 u abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2(a) sa (ċ), jistgħu japplikaw il-paragrafu 1 fir-rigward ta' dawn il-pajjiżi terzi sa meta l-Kunsill ikun adotta l-lista komuni skond il-paragrafu 3.

KAPITOLU IV

PROĊEDURI GĦALL-IRTIRAR TA' L-ISTATUS TA' RIFUĠJAT

Artikolu 37

L-irtirar ta' l-istatus ta' rifuġjat

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun jista' jinbeda eżami sabiex jiġi irtirat l-istatus ta' rifuġjat ta' persuna partikolari meta jitfaċċaw elementi jew konklużjonijiet ġodda li jindikaw li hemm raġunijiet għar-rikonsiderazzjoni tal-validità ta' l-istatus tiegħu ta' rifuġjat.

Artikolu 38

Regoli proċedurali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-awtorità kompetenti tkun qiegħda tikkunsidra li tirtira l-istatus ta' rifuġjat ta' ċittadin ta' pajjiż terz jew ta' persuna apolida skond l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/83/KE, il-persuna konċernata għandha tgawdi mill-garanziji li ġejjin:

(a)

li tkun informata bil-miktub li l-awtorità kompetenti tkun qiegħda tikkunsidra mill-ġdid il-kwalifikazzjoni tiegħu għall-istatus ta' rifuġjat u r-raġunijiet għal tali rikonsiderazzjoni; u

(b)

li tingħata l-opportunità sabiex tippreżenta, f'intervista personali skond l-Artikolu 10(1) (b) u l-Artikoli 12, 13 u 14 jew f'dikjarazzjoni bil-miktub, raġunijiet għaliex ma għandux jiġi irtirat l-istatus tagħha ta' rifuġjat.

Addizzjonalment, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-kuntest ta' tali proċedura:

(ċ)

l-awtorità kompetenti tkun tista' tottjeni informazzjoni preċiża u aġġornata minn sorsi varji, bħal, skond il-każ, mill-UNHCR, rigward is-sitwazzjoni ġenerali li tkun attwalment teżisti fil-pajjiżi ta' l-oriġini tal-persuni konċernati; u

(d)

fejn tiġi miġbura informazzjoni dwar każ individwali għall-finijiet tar-rikonsiderazzjoni ta' l-istatus ta' rifuġjat, din ma tiġix ottenuta mill-awtur jew awturi ta' persekuzzjoni b'mod li jirriżulta li tali awtur jew awturi jiġu informati direttament bil-fatt li l-persuna konċernata tkun rifuġjat li jkollu l-istatus tiegħu qiegħed jiġi kunsidrat mill-ġdid, jew li jipperikola l-integrità fiżika tal-persuna u tad-dipendenti tagħha, jew il-libertà u sigurtà tal-membri tal-familja tagħha li jkunu għadhom jgħixu fil-pajjiż ta' l-oriġini.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni ta' l-awtorità kompetenti li tirtira l-istatus ta' rifuġjat tiġi mogħtija bil-miktub. Ir-raġunijiet ta' fatt u ta' dritt għandhom jiġu dikjarati fid-deċiżjoni u l-informazzjoni dwar kif tiġi kontestata d-deċiżjoni għandha tingħata bil-miktub.

3.   Ladarba l-awtorità kompetenti tkun ħadet id-deċiżjoni sabiex tirtira l-istatus ta' rifuġjat, l-Artikolu 15, paragrafu 2, l-Artikolu 16, paragrafu 1 u l-Artikolu 21 għandhom ikunu ugwalment applikabbli.

4.   B'deroga mill-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-istatus ta' rifuġjat jintemm bil-liġi f'każ ta' ċessazzjoni skond l-Artikolu 11(1)(a), (b), (ċ) u (d) tad-Direttiva 2004/83/KE jew jekk ir-rifuġjat irrinunzja b'mod inekwivoku r-rikonoxximent tiegħu bħala rifuġjat.

KAPITOLU V

PROĊEDURI TA' APPELL

Artikolu 39

Id-dritt għal rimedju effettiv

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

(a)

deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil, inkluża deċiżjoni:

(i)

li permezz tagħha applikazzjoni tiġi kunsidrata bħala inammissibbli skond l-Artikolu 25(2),

(ii)

meħuda fuq il-fruntiera jew fiż-żoni ta' transitu ta' Stat Membru kif deskritt fl-Artikolu 35(1);

(iii)

li ma jsirx eżami skond l-Artikolu 36;

(b)

rifjut li jinfetaħ mill-ġdid l-eżami ta' applikazzjoni wara li tkun ġiet rinunzjata skond l-Artikoli 19 u 20;

(ċ)

deċiżjoni li ma jitkompliex l-eżami ta' l-applikazzjoni sussegwenti skond l-Artikoli 32 u 34;

(d)

deċiżjoni li tiċħad id-dħul fil-kuntest ta' proċeduri previsti fl-Artikolu 35(2);

(e)

deċiżjoni li tirtira l-istatus ta' rifuġjat skond l-Artikolu 38.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu termini ta' żmien u regoli meħtieġa oħra għall-applikant sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv skond il-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri għandhom, fejn ikun il-każ, jistabbilixxu regoli konformement ma' l-obbligi internazzjonali tagħhom relatati ma' dawn li ġejjin:

(a)

il-kwistjoni jekk ir-rimedju skond il-paragrafu 1 għandux ikollu l-effett li l-applikanti jkunu permessi jibqgħu fl-Istat Membru konċernat sa l-eżitu tiegħu;

(b)

il-possibbiltà ta' rimedju legali jew ta' miżuri protettivi fejn ir-rimedju skond il-paragrafu 1 ma jkollux l-effett li l-applikanti jkunu permessi jibqgħu fl-Istat Membru konċernat sa l-eżitu tiegħu. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll għal rimedju ex officio; u

(ċ)

ir-raġunijiet ta' appell minn deċiżjoni taħt l-Artikolu 25(2)(ċ) konformement mal-metodoloġija applikata taħt l-Artikolu 27(2)(b) u (ċ).

4.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu termini ta' żmien għall-qorti jew tribunal skond il-paragrafu 1 sabiex tiġi eżaminata d-deċiżjoni ta' l-awtorità determinanti.

5.   Fejn applikant ikun ġie mogħti status li joffri l-istess drittijiet u benefiċċji taħt il-liġijiet nazzjonali u Komunitarja bħall-istatus ta' rifuġjat taħt id-Direttiva 2004/83/KE, l-applikant jista' jkun kunsidrat li jkollu rimedju effettiv fejn qorti jew tribunal jiddeċiedi li r-rimedju skond il-paragrafu 1 ikun inammissibbli jew mingħajr il-probabbiltà li jirnexxi minħabba n-nuqqas ta' interess min-naħa ta' l-applikant li jkomplew l-proċedimenti.

6.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali l-kondizzjonijiet li taħthom jista' jiġi assunt li l-applikant impliċitament irrinunzja jew abbanduna r-rimedju tiegħu skond il-paragrafu 1, flimkien mar-regoli dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 40

Kontestazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi

Din id-Direttiva ma tolqotx il-possibbiltà, għall-awtoritajiet pubbliċi, li jikkontestaw id-deċiżjonijiet amministrattivi u/jew ġudizzjarji kif previst fil-liġi nazzjonali.

Artikolu 41

Kunfidenzjalità

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet li jimplementaw din id-Direttiva jkunu marbuta bil-prinċipju tal-kunfidenzjalità, kif definit fil-liġi nazzjonali, fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni li jottjenu fil-kors tax-xogħol tagħhom.

Artikolu 42

Rapport

Mhux aktar tard mill-1 ta' Diċembru 2009, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri u għandha tipproponi kull emenda li tkun meħtieġa. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jitfassal dan ir-rapport. Wara li tippreżenta r-rapport, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri mill-anqas kull sentejn.

Artikolu 43

Traspożizzjoni

L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa l-1 ta' Diċembru 2007. Fir-rigward ta' l-Artikolu 15, l-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa l-1 ta' Diċembru 2008. L-Istati Membri għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif għandha ssir tali referenza għandhom jiġu determinati mill-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 44

Transizzjoni

L-Istati Membi għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi stabbiliti fl-Artikolu 43 fir-rigward ta' l-applikazzjonijiet għall-ażil wara l-1 ta' Diċembru 2007 u fir-rigward tal-proċeduri għall-irtirar ta' l-istatus ta' rifuġjat li jkunu mibdija wara l-1 ta' Diċembru 2007.

Artikolu 45

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara li tkun ġiet publikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 46

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri konformement mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmula fi Brussel, nhar l-1 ta' Diċembru 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

Ashton of UPHOLLAND


(1)  ĠU C 62, 27.2.2001, p. 231 u ĠU C 291, 26.11.2002, p. 143.

(2)  ĠU C 77, 28.3.2002, p. 94.

(3)  ĠU C 193, 10.7.2001, p. 77. Opinjoni mogħtija wara konsultazzjoni mhux obbligatorja.

(4)  ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12.

(5)  ĠU L 50, 25.2.2003, p. 1.

(6)  Ara d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1).

(7)  ĠU L 31, 6.2.2003, p. 18.


ANNESS I

Definizzjoni ta' l-“awtorità determinanti”

Meta timplementa d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, l-Irlanda tista', safejn ikunu għadhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 17(1) tar-Refugee Act 1996 (kif emendat), tikkonsidra li:

“l-awtorità determinanti” prevista fl-Artikolu 2(e) ta' din id-Direttiva, safejn ikun konċernat l-eżami dwar jekk l-applikant għandu jew, skond il-każ, ma għandux jiġi dikjarat bħala rifuġjat, għandha tfisser l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Applikazzjonijiet ta' Rifuġjati; u

“deċiżjonijiet fl-istadju ta' prim'istanza” previsti fl-Artikolu 2(e) ta' din id-Direttiva għandhom jinkludu rakkommandazzjonijiet tal-Kummissarju għall-Applikazzjonijiet ta' Rifuġjati dwar jekk applikant għandu jew, skond il-każ, ma għandux jiġi dikjarat bħala rifuġjat.

L-Irlanda tinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe emenda li ssir lid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 17(1) tar-Refugee Act 1996 (kif emendat).


ANNESS II

Indikazzjoni ta' pajjiżi ta' oriġini bla periklu għall-finijiet ta' l-artikoli 29 u 30(1)

Pajjiż ikun kunsidrat bħala pajjiż ta' oriġini bla periklu fejn, abbażi tas-sitwazzjoni legali, l-applikazzjoni tal-liġi fi ħdan sistema demokratika u ċ-ċirkostanzi politiċi ġenerali, ikun jista' jiġi muri li ġeneralment u konsistentement m'hemmx persekuzzjoni kif definita fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/83/KE, ebda tortura jew trattament jew punizzjoni inumani jew degradanti, u ebda theddida minn vjolenza indiskriminata f'sitwazzjonijiet ta' konflitt armat internazzjonali jew intern.

Meta ssir din il-valutazzjoni, għandu jittieħed kont inter alia ta' l-entità tal-protezzjoni provduta kontra l-persekuzzjoni jew it-trattament ħażin permezz ta' dawn li ġejjin:

(a)

il-liġijiet u r-regolamenti relevanti tal-pajjiż u l-mod li bih huma applikati;

(b)

l-osservanza tad-drittijiet u l-libertajiet stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u/jew il-Ftehim Internazzjonali għad-Drittijiet Ċivili u Politiċi u/jew il-Konvenzjoni kontra t-Tortura, b'mod partikolari d-drittijiet li minnhom ma tistax issir deroga taħt l-Artikolu 15(2) tal-Konvenzjoni Ewropea imsemmija;

(ċ)

ir-rispett għall-prinċipju tan-non-refoulement skond il-Konvenzjoni ta' Ġinevra;

(d)

id-diżpożizzjonijiet li jipprovdu għal sistema ta' rimedji effettivi kontra l-ksur ta' dawn id-drittijiet u l-libertajiet.


ANNESS III

Definizzjoni ta' “applikant” jew “applikant għall-aźil”

Meta timplementa d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, l-Ispanja tista', safejn ikunu għadhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-“Ley 30/1992 de Régimen jurídico de las Administraciones Públicas y del Procedimiento Administrativo Común” tas-26 ta' Novembru 1992 u tal- “Ley 29/1998 reguladora de la Jurisdicción Contencioso-Administrativa” tat-13 ta' Lulju 1998, tikkunsidra li, għall-finijiet tal-Kapitolu V, id-definizzjoni ta' “applikant” jew “applikant għall-ażil” fl-Artikolu 2(ċ) ta' din id-Direttiva għandha tinkludi “recurrente” kif stabbilit fl-Atti msemmija hawn fuq.

Ir-“recurrente” għandu jkun intitolat għall-istess garanziji bħal “applikant” jew “applikant għall-ażil” kif stabbilit f'din id-Direttiva għall-finijiet ta' l-eżerċitazzjoni tad-dritt tiegħu għal rimedju effettiv fil-Kapitolu V.

L-Ispanja tinnotifka lill-Kummissjoni bl-emendi relevanti li jsiru lill-Att imsemmi hawn fuq.


Top