EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005L0066

Id-Direttiva 2005/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Ottubru 2005 dwar l-użu ta' sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem fuq vetturi bil-mutur u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE

OJ L 309, 25.11.2005, p. 37–54 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 13 Volume 051 P. 3 - 20
Special edition in Romanian: Chapter 13 Volume 051 P. 3 - 20

No longer in force, Date of end of validity: 24/11/2009; Imħassar b' 32009R0078 . Latest consolidated version: 01/01/2007

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/66/oj

25.11.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

37


ID-DIRETTIVA 2005/66/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta' Ottubru 2005

dwar l-użu ta' sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem fuq vetturi bil-mutur u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Is-sistemi li jipprovdu protezzjoni addizzjonali ta' quddiem għal vetturi bil-mutur ġew użati dejjem aktar f'dawn l-aħħar snin. Xi wħud minn dawn is-sistemi huma ta' periklu għas-sigurtà ta' min ikun miexi fit-triq u ta' utenti oħra tat-triq f'każ ta' kolliżjoni. Hemm bżonn għalhekk ta' miżuri biex il-pubbliku jitħares minn dawn ir-riskji.

(2)

Is-sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem jistgħu jiġu provduti bħala tagħmir oriġinali inkluż fil-vettura jew kummerċjalizzati bħala partijiet tekniċi separati. Il-ħtiġijiet tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward ta' kull sistema ta' protezzjoni ta' quddiem li tista' titwaħħal fuq il-vettura jridu jiġu armonizzati sabiex ma jkunx hemm l-adozzjoni ta' ħtiġijiet li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u biex ikun żgurat li s-suq intern jaħdem kif suppost. Għall-istess raġunijiet, hu meħtieġ li jkunu armonizzati l-ħtiġijiet tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta' sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem bħala partijiet tekniċi separati fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u tal-karrijiet tagħhom (3).

(3)

Hemm bżonn li jiġi kkontrollat l-użu ta' sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem u li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti tat-testijiet, tal-kostruzzjoni u ta' l-installazzjoni li jridu jiġu osservati fil-każ ta' kull sistema ta' protezzjoni ta' quddiem, kemm jekk provduta bħala tagħmir oriġinali imwaħħal fuq vettura kif ukoll jekk imqiegħda fuq is-suq bħala parti teknika separata. It-testijiet għandhom jirrikjedu li s-sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem jiġu proġettati b'mod li jtejjeb is-sigurtà ta' min ikun miexi u li jnaqqas l-ammont ta' korrimenti.

(4)

Dawn ir-rekwiżiti għandhom ukoll jitqiesu fil-kuntest tal-protezzjoni ta' min ikun miexi u ta' utenti vulnerabbli oħra tat-triq u b'referenza għad-Direttiva 2003/102/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar il-protezzjoni ta' min ikun miexi u ta' utenti vulnerabbli oħra tat-triq qabel u fil-każ ta' ħabta ma' vettura bil-mutur (4). Din id-Direttiva għandha tiġi riveduta fid-dawl ta' riċerka u ta' esperjenza ulterjuri miksuba matul l-ewwel erba' snin ta' applikazzjoni tagħha.

(5)

Din id-Direttiva hi waħda mid-Direttivi separati fi ħdan il-qafas tal-proċedura ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE stabbilita permezz tad-Direttiva 70/156/KEE.

(6)

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-impatt ta' din id-Direttiva u għandha tirraporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Jekk jitqies li hemm il-bżonn biex ikun hemm aktar titjib fil-protezzjoni ta' min ikun miexi, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti biex tiġi emendata din id-Direttiva skond il-progress tekniku.

(7)

Madankollu huwa rikonoxxut li ċerti vetturi inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, u li fuqhom jistgħu jitwaħħlu sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem, ma jkunux suġġetti għad-Direttiva 2003/102/KE. Għal vetturi bħal dawn jitqies li r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva għat-testijiet tan-naħa ta' fuq tar-riġel jistgħu ma jkunux teknikament fattibbli. Biex jiġi faċilitat titjib fis-sigurtà ta' min ikun miexi, għal dak li għandu x'jaqsam ma' korriment fir-ras, jista' jkun meħtieġ li jiġu permessi rekwiżiti alternattivi għat-test tan-naħa ta' fuq tar-riġel, biex jiġu applikati għal dawn il-vetturi biss, filwaqt li jiżguraw li l-istallazzjoni ta' kwalunkwe sistema ta' protezzjoni ta' quddiem ma żżidx ir-riskju ta' korriment tar-riġel għal min ikun miexi fit-triq jew utenti vulnerabbli oħra tat-triq.

(8)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u għall-adattament tagħha għall-progress xjentifiku u tekniku għandhom jiġu adottati bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta'implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (5).

(9)

Billi l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri il-promozzjoni tas-sigurtà ta' min ikun miexi u ta' utenti vulnerabbli oħra tat-triq permezz ta' l-istabbiliment ta' rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur f'dak li għandu x'jaqsam ma' sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u jista' għalhekk jintlaħaq aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dan il-għan.

(10)

Din id-Direttiva hija parti mill-programm ta' azzjoni Ewropew għas-sigurtà fit-toroq u tista' tiġi supplimentata b'miżuri nazzjonali li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-użu ta' sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem diġa fuq is-suq qabel ma din tidħol fis-seħħ.

(11)

Id-Direttiva 70/156/KEE għalhekk għandha tiġi emendata skond dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Is-Suġġett

L-għan ta' din id-Direttiva huwa li jtejjeb is-sigurtà ta' min ikun miexi u tal-vetturi permezz ta' miżuri passivi. Hija tistabbilixxi rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi fir-rigward ta' sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem provduti bħala apparat oriġinali imwaħħal fuq vetturi jew bħala partijiet tekniċi separati.

Artikolu 2

Id-Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonjiet li ġejjin u d-definizzjonijiet fil-paragrafu 1 tal-Anness I:

1)

“vettura” tfisser kull vettura bil-mutur tal-klassi M1 kif definita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 70/156/KEE u fl-Anness II tiegħu, li jkollha massa totali permissibbli li ma taqbiżx 3,5 tunnellati u kull vettura bil-mutur tal-klassi N1 kif definita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 70/156/KEE u fl-Anness II tagħha.

2)

“unità teknika separata” tfisser kull unità teknika separata fit-tifsira ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 70/156/KEE li hija maħsuba biex tkun imwaħħla u wżata fuq tip wieħed jew aktar ta' vetturi.

Artikolu 3

Id-Dispożizzjonijiet dwar l-approvazzjoni tat-tip

1.   B' effett mill-25 ta' Awwissu 2006, fir-rigward ta' tip ġdid ta' vettura mgħammra b'sistema ta' protezzjoni ta' quddiem li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I u fl-Anness II, l-Istati Membri m' għandhomx, għal raġunijiet marbuta ma' sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem:

(a)

jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali;

(b)

jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew il-bidu ta' l-użu.

2.   B' effett mill-25 ta' Awwissu 2006, fir-rigward ta' tip ġdid ta' sistema ta' protezzjoni ta' quddiem li tkun provduta bħala unità teknika separata, u li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I u fl-Anness II, l-Istati Membri m' għandhomx:

(a)

jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali;

(b)

jipprojbixxu l-bejgħ jew il-bidu ta' l-użu.

3.   B' effett mill-25 ta' Novembru 2006, fir-rigward ta' tip ġdid ta' vettura ġdida mgħammra b'sistema ta' protezzjoni ta' quddiem, jew b'tip ġdid ta' sistema ta' protezzjoni ta' quddiem ġdida provduta bħala unità teknika separata, li ma tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I u fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali.

4.   B' effett mill-25 ta' Mejju 2007 fir-rigward ta' vetturi li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I u fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom, għal raġunijiet marbuta mas-sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem:

(a)

iqisu li ċertifikati ta' konformità li jakkumpanjaw vetturi ġodda skond id-Direttiva 70/156/KEE ma jkunux aktar validi għall-finijiet ta' l-Artikolu 7(1) ta' dik id-Direttiva;

(b)

jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew il-bidu ta' l-użu ta' vetturi ġodda li ma jkunux akkumpanjati minn ċertifikat ta' konformità skond id-Direttiva 70/156/KEE.

5.   B' effett mill-25 ta' Mejju 2007, ir-rekwiżiti ta' l-Anness I u l-Anness II dwar sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem provduti bħala partijiet tekniċi separati għandhom japplikaw għall-finijiet ta' l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 70/156/KEE.

Artikolu 4

Il-Miżuri ta' Implimentazzjoni u Emendi

1.   Rekwiżiti tekniċi dettaljati għad-Dispożizzjonijiet tat-test stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' l-Anness I għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 70/156/KEE.

2.   L-emendi meħtieġa għall-adozzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13 (3) tad-Direttiva 70/156/KEE.

Artikolu 5

Ir-Reviżjoni

Mhux aktar tard mill-25 ta' Awwissu 2010, fid-dawl tal-progress tekniku u l-esperjenza, il-Kummissjoni għandha tirrevedi d-Dispożizzjonijiet tekniċi ta' din id-Direttiva u, b'mod partikulari, il-kundizzjonijiet biex jiġi mitlub it-test tal-forma tan-naħa ta' fuq tar-riġel mas-Sistema ta' Protezzjoni ta' quddiem, l-inkluzjoni ta' test tal-forma tar-ras ta' adult mas-Sistema ta' Protezzjoni ta' quddiem u l-ispeċifikazzjoni ta' test tal-forma tar-ras ta' tifel mas-Sistema ta' Protezzjoni ta' quddiem. Ir-riżultati ta' din ir-reviżjoni jkunu l-oġġett ta' rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Jekk, bħala riżultat ta' din ir-reviżjoni, jitqies xieraq li jiġu adattati d-dispożizzjonijiet tekniċi ta' din id-Direttiva, dan it-tip ta' adattament jista' jitwettaq skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 70/156/KEE.

Artikolu 6

Emendi għad-Direttiva 70/156/KEE

L-Annessi I, III, IV u XI tad-Direttiva 70/156/KEE huma hawn emendati skond l-Anness III ta' din id-Direttiva.

Artikolu 7

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn 25 ta' Awwissu 2006, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-Dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jissodisfaw din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw b'dawn lill-Kummissjoni minnufih.

Huma għandhom japplikaw dawk id-Dispożizzjonijiet mill-25 ta' Awwissu 2006.

Meta Stati Membri jadottaw dawk id-Dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'tali referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-Dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-direttiva.

Artikolu 8

L-Unitajiet Tekniċi Separati

Din id-Direttiva ma taffettwax il-kompetenza ta' l-Istati Membri li jipprojbixxu jew li jirrestrinġu l-użu ta' sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem imqiegħda fis-suq bħala unitajiet tekniċi separati qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

Artikolu 9

Id-Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

Id-Destinatarji

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, nhar is-26 ta' Ottubru 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

D. ALEXANDER


(1)  ĠU C 112, tat-30.4.2004, p. 18.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Ottubru 2005.

(3)  ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/49/KE (ĠU L 194, tas-26.7.2005, p. 12).

(4)  ĠU L 321, tas-6.12.2003, p. 15.

(5)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.


LISTA TA' ANNESSI

ANNESS I

Dispożizzjonijiet tekniċi

ANNESS II

Dispożizzjonijiet amministrattivi għall-approvazzjoni tat-tip:

Appendiċi 1:

Dokument ta' informazzjoni (vettura)

Appendiċi 2:

Document ta' informazzjoni (parti teknika separata)

Appendiċi 3:

Ċertifikat għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE (vettura)

Appendiċi 4:

Ċertifikat għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE (parti teknika separata)

Appendiċi 5:

Eżempju ta' marka għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE

ANNESS III

Emendi għad-Direttiva 70/156/KEE

ANNESS I

DISPOŻIZZJONIJIET TEKNIĊI

1.   ID-DEFINIZZJONIJIET

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva japplikaw dawn id-definizzjonjiet:

1.1.

“Tip ta' vettura” tfisser kategorija ta' vettura bil-mutur li, fil-parti 'l quddiem mill-A-pillars, ma tvarjax f'aspetti essenzjali bħal:

a)

l-istruttura,

b)

il-qisien ewlenin,

ċ)

il-materjali tal-qoxra ta' barra tal-vettura,

d)

l-arranġament tal-komponenti (esterni jew interni),

e)

il-metodu ta' twaħħil ta' sistema ta' protezzjoni ta' quddiem,

sakemm jistgħu jiġu kkunsidrati li għandhom effett fuq il-validità tar-riżultati tat-testijiet ta' impatt kif preskritti f'din id-Direttiva.

Għall-iskopijiet ta' l-approvazzjoni tat-tip ta' sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem bħala unitajiet tekniċi separati, kull riferenza għal vettura tista' tiġi nterpretata li tirreferi għall-qafas li fuqu s-sistema hija mmuntata biex tiġi ttestjata u li hija maħsuba biex tirrappreżenta il-qisien ta' barra tat-tarf ta' quddiem tat-tip ta' vettura partikulari li għaliha s-sistema qed tiġi approvata bħala tip.

1.2.

“Attitudni ta' rikba normali” tfisser l-attitudni tal-vettura li taħdem, imqiegħda poġġuta fuq l-art, bir-roti minfuħa skond il-pressjoni rakkomandata u r-roti ta' quddiem fil-pożizzjoni dritti 'l quddiem, mimlija sal-kapaċità massima bil-likwidi kollha meħtieġa għall-ħdim tal-vettura, bit-tagħmir standard kollu kif ipprovdut mill-manifattur tal-vettura, b'massa ta' 75 kg imqiegħda fuq is-sedil tas-sewwieq u b'massa ta' 75 kg imqiegħda fuq is-sedil ta' quddiem tal-passiġġier, u bis-sospensjoni rranġata għal veloċità ta' 40 km fis-siegħa jew 35 km fis-siegħa f'kundizzjonijiet normali ta' sewqan speċifikati mill-manifattur (speċjalment għal vetturi b'sospensjoni attiva jew xi strument ta' livellar awtomatiku).

1.3.

“Wiċċ ta' barra” tfisser n-naħa ta' barra tal-karozza, 'il quddiem mill-A-pillars, inkluż il-bonnet, il-ġnub, l-istrumenti tad-dawl u ta' sinjali tad-dawl u l-komponenti ta' tisħiħ viżibbli.

1.4.

“Raġġ tal-kurvatura” tfisser ir-raġġ ta' l-ark ta' ċirku li joqrob l-aktar lejn forma ttundjata tal-komponent li qed jiġi kkunsidrat.

1.5.

“Ix-xifer ta' barra nett” tal-vettura ifisser, fir-rigward tal-ġnub tal-vettura, il-pjan li huwa parallel mal-pjan medju lonġitudinali tal-vettura li jikkoinċidi max-xifer laterali ta' barra, u, fir-rigward tat-truf ta' quddiem u ta' wara, il-pjan trażversali perpendikulari tal-vettura li jikkoinċidi mat-truf esterni ta' wara u ta' quddiem, mingħajr ma titqies il-parti li tisporġi:

a)

tat-tajers ħdejn il-punt ta' kuntatt tagħhom ma' l-art, u ta' konnessjonijiet għal gauges għall-pressjoni tat-tajers;

b)

ta' kwalunkwe strument għal kontra ż-żlieq li jista' jkun mgħammar fuq r-roti;

ċ)

tal-mirja biex wieħed jara wara;

d)

tal-fanali tal-ġnub għall-indikazzjoni ta' direzzjoni, tal-fanali li jindikaw il-forma tat-tarf, tal-fanali ta' pożizzjoni tal-ġnub ta' quddiem u ta' wara, u tal-fanali għall-ipparkjar;

e)

għat-truf ta' quddiem u ta' wara, ta' partijiet armati fuq il-bampers, ta' tagħmir għat-towing, u ta' pajpijiet ta' l-exhaust.

1.6.

“Bamper” tfisser l-istruttura fuq barra tal-vettura, fuq quddiem in-naħa t'isfel, kif approvat bħala tip. Dan jinkludi l-istrutturi kollha tal-vettura li huma maħsuba li jagħtu protezzjoni lill-vettura meta nvoluta f'ħabta minn quddiem b'veloċità baxxa ma' vettura oħra u kif ukoll kwalunkwe affarijiet oħra, bħal ma huma pjanċi tat-twaħħil tar-reġistrazzjoni, mwaħħla ma' din l-istruttura. Dan ma jinkludix apparat imwaħħal mal-vettura wara l-approvazzjoni tat-tip u maħsub biex jipprovdi protezzjoni ta' quddiem akbar għall-vettura.

1.7.

“Sistema ta' protezzjoni ta' quddiem” tfisser struttura jew strutturi separati, bħal bull bar, jew bamper supplementari li huwa maħsub biex jipproteġi l-wiċċ ta' barra tal-vettura, 'il fuq u/jew l-isfel mill-bamper bħala apparat oriġinali, minn ħsara fil-każ ta' ħabta ma' xi oġġett. Strutturi, bl-għola massa ta' inqas minn 0,5 kg, maħsuba biex jipproteġu d-dwal biss, huma esklużi minn din id-definizzjoni.

1.8.

“Il-linja ta' riferenza tax-xifer ewlieni tal-Bonnet” tfisser is-sinjal ġeometriku tal-punti ta' kuntatt bejn xifer dritt twil 1 000 mm u l-wiċċ ta' quddiem tal-bonnet, meta x-xifer dritt, miżmum b'mod parallel mal-pjan vertikali lonġitudinali tal-karozza u nklinat lura b'50o u bit-tarf t'isfel 600 mm 'il fuq mill-art, huwa maqsum minn naħa għall-oħra u f'kuntatt max-xifer ta' quddiem tal-bonnet. Għal vetturi li għandhom il-wiċċ ta' fuq tal-bonnet inklinat għal essenzjalment 50o, hekk li x-xifer dritt jagħmel kuntatt kontinwu jew kuntatti diversi u mhux kuntatt f'punt wieħed, il-linja ta' riferenza hija determinata max-xifer dritt inklinat lura b'angolu ta' 40o. Għal vetturi ta' għamla tali li t-tarf ta' taħt tax-xifer dritt jagħmel l-ewwel kuntatt, allura dak il-kuntatt jittieħed bħala l-linja ta' riferenza tax-xifer ta' quddiem tal-bonnet, f'dik il-pożizzjoni laterali. Għal dawk il-vetturi ta' għamla tali li t-tarf ta' fuq tax-xifer dritt jagħmel l-ewwel kuntatt, allura s-sinjal ġeometriku ta' 1 000 mm madwar id-distanza kif definit fil-paragrafu 1.13, jiġi wżat bħala il-linja ta' riferenza tax-xifer ta' quddiem tal-bonnet f'dik il-pożizzjoni laterali. Ix-xifer ta' fuq tal-bamper għandu wkoll jitqies bħala x-xifer ta' quddiem tal-bonnet għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, jekk ikun mimsus mix-xifer dritt waqt din il-proċedura.

1.9.

“Il-Linja ta' Riferenza tas-Sistema ta' Protezzjoni ta' quddiem ta' fuq” tfisser l-għola limitu ta' punti ta' kuntatt sinjifikativi ta' min ikun miexi mas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem jew mal-vettura. Hija s-sinjal ġeometriku ta' l-għola punti ta' kuntatt bejn xifer dritt twil 700 mm u s-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem jew il-quddiem tal-vettura (liema minnhom ikun mimsus), meta x-xifer dritt, miżmum b'mod parallel mal-pjan wieqaf lonġitudinali tal-vettura u nklinat lura b'20o, huwa maqsum minn naħa għall-oħra tal-quddiem tal-vettura, filwaqt li jżomm kuntatt ma' l-art u mal-wiċċ tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem jew tal-vettura.

1.10.

“Il-Linja ta' riferenza tas-Sistema ta' protezzjoni ta' quddiem t'isfel” tfisser l-inqas limitu ta' punti ta' kuntatt sinifikattivi ta' min ikun miexi mas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem jew mal-vettura. Hija definita bħala s-sinjal ġeometriku tal-punti ta' kuntatt bejn xifer dritt twil 700 mm u s-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem, meta x-xifer dritt, miżmum parallelament mal-pjan wieqaf lonġitudinali tal-vettura u nklinat 'il quddiem b'25o, huwa maqsum minn naħa għall-oħra tal-quddiem tal-vettura, waqt li jżomm kuntatt ma' l-art u mal-wiċċ tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem jew tal-vettura.

1.11.

“L-għoli tas-Sistema ta' Protezzjoni ta' quddiem ta' fuq” hija d-distanza vertikali bejn l-art u l-Linja ta' Riferenza tas-Sistema ta' Protezzjoni ta' quddiem ta' fuq, definita fil-paragrafu 1.9 bil-vettura mqiegħda fil-posizzjoni tagħha ta' rikba normali.

1.12.

“L-Għoli tas-Sistema ta' Protezzjoni ta' quddiem t'isfel” hija d-distanza vertikali bejn l-art u l-Linja ta' Riferenza tas-Sistema ta' Protezzjoni ta' quddiem t'isfel, definita fil-paragrafu 1.10 bil-vettura mqiegħda fil-pożizzjoni tagħha ta' rikba normali.

1.13.

“distanza mdawra ta' 1 000 mm” tfisser s-sinjal ġeometriku deskritt fuq il-wiċċ ta' quddiem ta' fuq minn naħa waħda ta' strixxa flessibbli twila 1 000 mm, meta miżmuma fuq pjan vertikali b'mod parallel ma' l-assi tal-karozza u maqsuma minn naħa għall-oħra tul il-naħa ta' quddiem tal-bamper tal-bonnet u s-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem. L-istrixxa tinżamm stirata matul l-operazzjoni b'tarf minnha miżmum f'kuntatt ma' l-art, vertikalment taħt il-wiċċ ta' quddiem tal-bamper u t-tarf l-ieħor miżmum f'kuntatt mal-wiċċ ta' quddiem ta' fuq. Il-vettura titqiegħed fl-attitudni ta' rikba normali.

1.14.

“Il-linja ta' riferenza tax-xifer ewlieni tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem” tfisser il-linja ġeometika tal-punti ta' kuntatt bejn xifer dritt twil 1 000 mm u l-wiċċ ta' quddiem tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem, meta x-xifer id-dritt, miżmum b'mod parallel mal-pjan vertikali lonġitudinali tal-karozza u nklinat lura b'50o huwa maqsum minn naħa għall-oħra u f'kuntatt max-xifer ewlieni tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem. Għal vetturi li għandhom il-wiċċ tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem inklinat għal essenzjalment 50o, hekk li x-xifer dritt jagħmel kuntatt kontinwu jew diversi kuntatti u mhux kuntatt f'punt wieħed, il-linja ta' riferenza hija determinata max-xifer dritt inklinat lura f'angolu ta' 40o.

1.15.

“Il-kriterju ta' l-imġieba tar-ras (HPC)” għandu jiġi kkalkulat permezz ta' l-espressjoni:

Image Test ta 'immaġni

fejn “a” hi l-aċċelerazzjoni li tirriżulta fiċ-ċentru tal-gravità tar-ras (m/s2 bħala numru li jimmultiplika b'“g” irrekordjat kontra l-ħin u ffilterjat fi klassi ta' frekwenza ta' kanal 1 000Hz; t1 u t2 huma żewġ ħinijiet li jiddefinixxu l-bidu u t-tmiem tal-perjodi ta' l-irrekordjar relevanti li għalih il-valur ta' HPC huwa massimu li jaħbat bejn l-ewwel u l-aħħar każi ta' kuntatt. Valuri ta' HPC li għalihom l-intervall tal-ħin (t1 - t2) ikun aktar minn 15 ms jiġu injorati għall-finijiet ta' l-ikkalkular tal-valur massimu.

2.   DISPOŻIZZJONIJIET GĦALL-BINI U GĦALL-INSTALLAZZJONI

2.1.

Sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem

Ir-rekwiżiti li ġejjin japplikaw bl-istess mod għal sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem forniti mgħammra fuq vetturi ġodda u għal sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem forniti bħala unitajiet tekniċi separati biex jitwaħħlu fuq vetturi speċifiċi.

Madankollu, bi qbil ma' l-awtorità ta' approvazzjoni kompetenti, ir-rekwiżiti fil-paragrafu 3 jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li ġew imħarsa kompletament jew in parti permezz ta' testijiet ekwivalenti magħmula fuq is-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem skond direttiva oħra ta' approvazzjoni tat-tip.

2.1.1.

Il-komponenti tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem għandhom ikunu mfassla b'mod tali li kull wiċċ iebes li jista' jiġi f'kuntatt minn sfera ta' 100mm, għandu dijametru minimu ta' liwja ta' 5mm.

2.1.2.

Il-massa totali tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem, inklużi l-brackets u l-armar, m'għandhiex taqbeż il-1,2 % tal-massa tal-vettura li għaliha ġiet iddisinjata, u m'għandhiex tkun iktar minn 18 kg.

2.1.3.

L-għoli tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem, meta mwaħħla fuq vettura, f'kull punt m'għandux ikun ta' aktar minn 50 mm għola mill-linja ta' riferenza tax-xifer ewlieni tal-bonnet, kif definit fil-paragrafu 1.8, imkejjel fuq pjan vertikali lonġitudinali tul il-vettura f'dak il-punt.

2.1.4.

Is-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem m'għandiex tkabbar il-wiesgħa tal-vettura li fuqha hija mwaħħla. Jekk il-wiesgħa totali tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem hija aktar minn 75 % tal-wiesgħa tal-vettura, it-truf tas-sistema għandhom jiġu mdawra l-ġewwa lejn il-wiċc ta' barra biex inaqqsu kemm jista' jkun ir-riskju ta' ħbit. Dan ir-rekwiżit jiġi kkunsidrat bħala osservat kemm jekk is-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem hija mdaħħla l-ġewwa jew integrata fil-karrozzerija kif ukoll jekk it-tarf tas-sistema ikun mdawwar b'mod li ma jistax jintmiss fi sfera ta' 100 mm u l-vojt bejn is-sistema u l-karrozzerija ta' madwarha ma jkunx aktar minn 20 mm.

2.1.5.

Bla ħsara għall-paragrafu 2.1.4, l-ispazju bejn il-komponenti tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem u l-wiċċ ta' barra ta' taħtha m'għandux ikun iktar minn 80mm. Għandhom jiġu injorati nuqqasijiet ta' kontinwità lokali fil-profil ġenerali tal-karrozzerija ta' taħt (bħal m'huma fetħiet fix-xbiek, fetħiet għall-arja, eċċ).

2.1.6.

F'kull posizzjoni laterali minn naħa għall-oħra tal-vettura, biex jiġu kkonservati l-benefiċji tal-bamper tal-vettura, id-distanza lonġitudinali bejn l-aktar parti 'l quddiem tal-bamper u l-aktar parti 'l quddiem tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem ma tkunx aktar minn 50 mm.

2.1.7.

Is-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem m'għandhiex tnaqqas b'mod sinifikanti l-effettività tal-bamper. Dan ir-rekwiżit għandu jitqies bħala sodisfatt jekk ma jkunx hemm iktar minn żewġ komponenti vertikali u l-ebda komponent orizzontali tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem li jgħattu l-bamper.

2.1.8.

Is-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem m'għandiex tkun inklinata l-quddiem mill-vertikali. Il-partijiet ta' fuq tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem ma jistgħux jestendu 'l fuq jew lura (lejn il-paraventu) b'aktar minn 50 mm mill-linja ta' riferenza tax-xifer ta' quddiem tal-bonnet tal-vettura, kif definit fil-Punt 1.8, bis-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem mneħħija. Kull punt ta' kejl huwa magħmul fuq pjan lonġitudinali vertikali tul il-vettura tul dak il-punt.

2.1.9.

Il-konformità mar-rekwiżiti ta' Direttivi oħra ta' approvazzjoni tat-tip m'għandiex tiġi kompromessa mit-twaħħil ta' sistema ta' protezzjoni ta' quddiem.

2.2.

Sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem bħala unitajiet tekniċi separati ma jistgħux jiġu mqassma, offruti għal bejgħ jew mibjugħa jekk mhux akkumpanjati minn lista ta' tipi ta' vetturi li għalihom is-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem hija approvata bħala tip u istruzzjonijiet ċari għall-immuntar. L-istruzzjonijiet għall-immuntar għandu jkollhom struzzjonijiet speċifiċi għall-istallazzjoni inklużi modi tat-twaħħil għall-vetturi li għalihom l-unità ġiet approvata u li tippermetti li l-komponenti approvati jiġu mwaħħla fuq dik il-vettura b'mod li jkun konformi mad-Dispożizzjonijiet rilevanti tal-paragrafu 2.1.

3.   DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IT-TESTIJIET

3.1.

Sabiex jiġu approvati, sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem għandhom jgħaddu mit-testijiet li ġejjin:

3.1.1.

Il-forma tan-naħa t'isfel tar-riġel mas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem: It-test isir b'veloċità ta' impatt ta' 40 km fis-siegħa. L-għola angolu dinamiku tal-liwja ta' l-irkoppa m'għandux ikun aktar minn 21,0o, l-għola ċaqliq dinamiku taħt pressjoni ta' l-irkoppa m'għandux ikun aktar minn 6,0 mm, u l-aċċelerazzjoni mkejla fuq it-tarf ta' fuq tat-tibja m'għandhiex tkun aktar minn 200 g.

3.1.1.1.

Madankollu, għal dak li għandu x'jaqsam ma' Sistemi ta' Protezzjoni ta' quddiem approvati bħala Unitajiet Tekniċi Separati għall-użu biss fuq vetturi speċifikati ta' massa totali permissibbli li ma tiżboqx iż-2,5 tunellati li kienu approvati bħala tip qabel l-1 t'Ottubru 2005, jew vetturi li l-massa totali permessibbli tiżboq iż-2,5 tunellati, id-Dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3.1.1 jistgħu jiġu mibdula mid-Dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3.1.1.1.1 jew 3.1.1.1.2.

3.1.1.1.1.

It-test huwa magħmul b'velocità ta' impatt ta' 40 km fis-siegħa. L-għola angolu dinamiku tal-liwja ta' l-irkobba m'għandux ikun aktar minn 26,0o, l-għola ċaqliq dinamiku taħt pressjoni ta' l-irkoppa m'għandux ikun aktar minn 7,5 mm, u l-aċċelerazzjoni mkejla fuq in-naħa ta' fuq tat-tibja m'għandiex tkun aktar minn 250 g.

3.1.1.1.2.

It-testijiet jitwettqu fuq il-vettura bis-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem mwaħħla u mingħajr is-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem imwaħħla b'velocità ta' impatt ta' 40 km fis-siegħa. Iż-żewġ testijiet għandhom jitwettqu fl-istess postijiet kif ġie miftiehem ma' l-awtorità rileventi tat-test. Il-valuri għall-għola angolu dinamiku tal-liwja ta' l-irkobba, l-għola ċaqliq dinamiku taħt pressjoni ta' l-irkoppa u l-aċċelerazzjoni mkejla fuq in-naħa ta' fuq tat-tibja għandhom jiġu rreġistrati. F'kull każ il-valur irreġistrat għall-vettura li għandha s-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem mwaħħla m'għandux ikun aktar minn 90 % tal-valur irreġistrat għall-vettura li m'għandiex is-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem imwaħħla.

3.1.1.2.

Jekk l-għoli ta' taħt tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem ikun aktar minn 500 mm dan it-test irid jiġi mibdul mit-test tal-Forma tan-Naħa ta' Fuq tar-Riġel mas-Sistema ta' Protezzjoni ta' quddiem, kif speċifikat fil-paragrafu 3.1.2.

3.1.2.

Il-Forma tan-Naħa ta' Fuq tar-Riġel mas-Sistema ta' Protezzjoni Ta' quddiem: It-test isir b'velocità ta' impatt ta' 40 km fis-siegħa. Is-somma immedjata tal-forzi ta' l-impatt fir-rigward tal-ħin m'għandhiex tkun aktar minn 7,5 kN u l-mument ta' liwja fuq it-test impactor m'għandux ikun aktar minn 510 Nm.

It-test tal-Forma tan-Naħa ta' Fuq tar-Riġel mas-Sistema ta' Protezzjoni ta' Quddiem għandu jitwettaq jekk l-għoli l-aktar baxx tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem fil-pożizzjoni tat-test hija iżjed minn 500 mm.

3.1.2.1.

Madankollu, għal dak li għandu x'jaqsam ma' sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem approvati bħala unitajiet tekniċi separati għall-użu biss fuq vetturi speċifikati ta' massa totali permissibbli li ma tisboqx iż-2,5 tunellati li ġew approvati bħala tip qabel l-1 ta' Ottubru 2005, jew vetturi ta' massa totali permissibbli li tisboq iż-2,5 tunellati, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3.1.2 jistgħu ikunu mibdula bid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3.1.2.1.1 jew 3.1.2.1.2.

3.1.2.1.1.

It-test jsir b'veloċità ta' impatt ta' 40 km fis-siegħa. Is-somma istantanja tal-forzi tal-impatt fir-rigward tal-ħin ma għandux jeċċedi 9,4 kN u il-mument ta' liwi fuq it-test impactor użat għat-test ma għandux jeċċedi 640 Nm.

3.1.2.1.2.

Testijiet isiru fuq vetturi bis-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem imwaħħla u mingħajr is-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem imwaħħla b'veloċità ta' impatt ta' 40 km fis-siegħa. Iż-żewġ testijiet għandhom isiru f'postijiet ekwivalenti kif miftiehem ma' l-awtorità tat-test rilevanti. Il-valuri għas-somma istantanea tal-forzi ta' impatt u l-mument ta' liwi fuq it-test impactor jiġu rreġistrati. F'kull każ il-valur irreġistrat ta' kull vettura li għandha sistema ta' protezzjoni ta' quddiem imwaħħla m' għandux ikun aktar minn 90 % tal-valur irreġistrat fil-vettura mingħajr sistema ta' protezzjoni ta' quddiem imwaħħla.

3.1.2.2.

Jekk l-għoli ta' taħt tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem tkun inqas minn 500 mm dan it-test mhux meħtieġ.

3.1.3.

Il-Forma tan-Naħa ta' Fuq tar-Riġel max-Xifer ta' Quddiem tas-Sistema ta' Protezzjoni ta' Quddiem. Dan it-test jitwettaq b'veloċità ta' impatt sa 40 km fis-siegħa. Is-somma instantanja tal-forzi ta' impatt fir-rigward tal-ħin, man-naħat ta' fuq u ta' isfel ta' l-impactor m'għandhiex tkun aktar minn objettiv possibbli ta' 5,0 kN u l-mument ta' liwi fuq l-impactor m'għandux ikun iktar minn objettiv possibbli ta' 300 Nm. Iż-żewġ riżultati għandhom jiġu reġistrati għal skopijiet ta' monitoraġġ biss.

3.1.4.

Il-Forma tar-Ras ta' Tifel/Adult Żgħir mas-Sistema ta' Protezzjoni ta' Quddiem. Dan it-test jitwettaq b'veloċità ta' impatt ta' 35 km fis-siegħa waqt li jintuża impactor għat-test ta' forma tar-ras ta' 3,5 kg għat-tifel/adult żgħir. Il-kriterju ta' l-imġieba tal-forma tar-ras (HPC) ikkalkulat mir-riżultati tas-serje temporali ta' l-aċċellerometru, skond il-paragrafu 1.15, m'għandux jisboq l-1 000 fil-każijiet kollha.

ANNESS II

ID-DISPOŻIZZJONIJIET AMMINISTRATTIVI GĦALL-APPROVAZZJONI TAT-TIP

1.   APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KE

1.1.

Applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta' vettura b'riferiment għal armar tagħha b'sistema ta' protezzjoni ta' quddiem

1.1.1.

Fl-Appendiċi 1 qed jingħata mudell tad-dokument ta' informazzjoni meħtieġ, skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 70/156/KEE.

1.1.2.

Vettura rappreżentattiva tat-tip tal-vettura, armata b'sistema ta' protezzjoni ta' quddiem, li għaliha meħtieġa l-approvazzjoni, għandha tiġi ppreżentata lis-servizz tekniku responsabbli għall-approvazzjoni tat-tip. Fuq talba tas-servizz tekniku, komponenti speċifiċi jew kampjuni tal-materjali użati għandhom jiġu ppreżentati bl-istess mod.

1.2.

Applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE b'riferiment għal sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem meqjusa bħala unitajiet tekniċi separati.

1.2.1.

Fl-Appendiċi 2 qed jingħata mudell tad-dokument ta' informazzjoni meħtieġ, skond l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 70/156/KEE.

1.2.2.

Kampjun wieħed tat-tip tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem li għad trid tiġi approvata għandu jiġi ppreżentat lis-servizz tekniku responsabbli mit-testijiet għall-approvazzjoni tat-tip. Jekk is-servizz jidhirlu li jkun hemm il-bżonn, jista' jitlob kampjuni oħra. Il-kampjuni għandhom jiġu mmarkati b'mod ċar u li ma jitħassarx bl-isem jew il-marka kummerċjali ta' l-applikant u l-indikazzjoni tat-tip. Għandha ssir dispożizzjoni għall-wiri obbligatorju sussegwenti tal-marka ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE.

2.   GĦOTI TA' L-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KE

2.1.

Mudelli taċ-ċertifikati għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE, skond l-Artikolu 4(3) u, jekk japplika, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 70/156/KEE, jinsabu:

a)

fl-Appendiċi 3 għall-applikazzjonijiet imsemmija f'paragrafu 1.1,

b)

fl-Appendiċi 4 għall-applikazzjonijiet imsemmija f'paragrafu 1.2.

3.   MARKA TA' L-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KE

3.1.

Kull sistema ta' protezzjoni ta' quddiem li tikkonforma mat-tip approvat skond din id-Direttiva għandu jkollha marka ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE.

3.2.

Il-marka għandha tikkonsisti minn:

3.2.1.

L-ittra “e” mdawra b'rettangolu, segwita min-numru jew mill-ittri distintivi ta' l-Istat Membru li ta l-approvazzjoni tat-tip:

1

għall-Ġermanja

2

għal Franza

3

għall-Italja

4

għall-Olanda

5

għall-Iżvezja

6

għall-Belġju

9

għal Spanja

11

għar-Renju Unit

12

għall-Awstrija

13

għal-Lussemburgu

17

għall-Finlandja

18

għad-Danimarka

21

għall-Portugal

23

għall-Greċja

IRL

għall-Irlanda

49

għal Ċipru

8

għar-Repubblika Ċeka

29

għall-Estonja

7

għall-Ungerija

32

għal-Latvja

36

għal-Litwanja

50

għal Malta

20

għall-Polonja

27

għar-Repubblika Slovakka

26

għas-Slovenja

3.2.2.

Qrib ir-rettangolu għandu jkun hemm “in-numru ta' l-approvazzjoni bażi” li jinsab fit-taqsima 4 tan-numerazzjoni ta' l-approvazzjoni tat-tip imsemmija fl-Anness VII tad-Direttiva 70/156/KEE, preċedut miż-żewġ figuri li jindikaw in-numru progressiv assenjat lill-aħħar emenda teknika sinifikattiva għal din id-Direttiva fid-data meta ngħatat l-approvazzjoni tat-tip tal-KE. F'din id-Direttiva in-numru progressiv huwa 01.

Asterisk imdaħħal wara n-numru ta' sekwenza jindika li s-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem kienet approvata taħt il-konsiderazzjoni, għall-impactor test tal-forma tar-riġel, permessa mill-paragrafu 3.1.1.1 jew 3.1.2.1 ta' Anness I. Jekk din il-kunsiderazzjoni ma tingħatax mill-awtorità li trid tapprova, l-asterisk jiġi mibdul bi spazju.

3.3.

Il-marka ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE għandha titwaħħal mas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem b'mod li ma jitħassarx u li jkun jista' jinqara bla tbatija anke meta s-sistema tkun armata fuq vettura.

3.4.

Eżempju tal-marka ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE jinsab fl-Appendiċi 5.

Appendiċi 1

DOKUMENT TA' INFORMAZZJONI Nru […]

skond l-anness 1 tad-direttiva tal-kunsill 70/156/kee dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-ke ta' vetturi fir-rigward tal-forniment ta' sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem

L-informazzjoni li ġejja, jekk tapplika, għandha tiġi pprovduta fi tliet kopji u tinkludi lista tal-kontenut. Kwalunkwe disinn għandu jiġi pprovdut fl-iskala xierqa u f'dettall biżżejjed fuq daqs A4 jew f'fajl ta' daqs A4. Jekk ikun hemm ritratti, iridu juru dettall biżżejjed.

Jekk is-sistemi, komponenti jew partijiet tekniċi separati jużaw materjali speċjali, għandha tiġi pprovduta informazzjoni dwar ir-rendiment tagħhom.

0.   ĠENERALI

0.1.

Marka (l-isem tal-kummerċ tal-produttur):

0.2.

Tip u deskrizzjoni(jiet) kummerċjali ġenerali:

0.3.

Mezzi ta' identifikazzjoni tat-tip, jekk immarkati fuq il-vettura:

0.3.1.

Pożizzjoni ta' din il-marka:

0.4.

Kategorija tal-vettura:

0.5.

Isem u indirizz tal-produttur:

0.8.

Indirizz(i) ta' l-impjant(i) ta' kostruzzjoni:

1.   KARATTERISTIĊI ĠENERALI TAL-KOSTRUZZJONI TAL-VETTURA

1.1.

Ritratti u/jew disinji ta' vettura rappreżentattiva:

2.   MASSA U DIMENSJONIJIET (f'kg u f'mm)

(fejn japplika, irreferi għad-disinji)

2.8.

L-ogħla massa meta mgħobbija teknikament permissibbli kif iddikkjarata mill-produttur (mass. u min.):

2.8.1.

Distribuzzjoni ta' din il-massa fuq il-fusijiet (mass. u min.):

9.   KARROZZERIJA

9.1.

Tip ta' karrozzerija:

9.[11].

Sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem

9.[11].1.

Skema ġenerali (disinji u ritratti) li tindika l-pożizzjoni tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem u kif inhi mqabbda:

9.[11].2.

Disinji u/jew ritratti, fejn hu relevanti, ta' xbieki għad-dħul ta' l-arja, ix-xibka tar-redjejter, dekorazzjonijiet, badges, emblemi u daħliet u kull parti oħra li tisporġi 'l barra u kull parti tal-wiċċ ta' barra li tista' titqies bħala essenzjali (eż. tagħmir għad-dawl). Jekk il-partijiet imniżżla fis-sentenza ta' qabel m'humiex essenzjali, għal skopijiet ta' dokumentazzjoni jistgħu jiġu sostitwiti minn ritratti, u jekk hemm bżonn, akkumpanjati b'dettalji dwar id-dimensjonijiet u/jew test:

9.[11].3.

Dettalji kompleti ta' l-elementi meħtieġa għall-armar u istruzzjonijiet kompleti, inklużi ir-rekwiżiti tat-torque, għall-armar:

9.[11].4.

Disinn tal-bampers:

9.[11].5.

Disinn tal-linja bażi fit-tarf ta' quddiem tal-vettura:

Data:

Appendiċi 2

DOKUMENT TA' INFORMAZZJONI Nru …

dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-ke ta' sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem bħala unitajiet tekniċi separati (2005/66/KE)

L-informazzjoni li ġejja, jekk tapplika, għandha tiġi pprovduta fi tliet kopji u tinkludi lista tal-kontenut. Kwalunkwe disinn għandu jiġi pprovdut fl-iskala xierqa u f'dettall biżżejjed fuq daqs A4 jew f'fajl ta' daqs A4. Jekk ikun hemm ritratti, irid juru dettall biżżejjed.

Jekk is-sistemi, komponenti jew partijiet tekniċi separati jużaw materjali speċjali, għandha tiġi pprovduta informazzjoni dwar ir-rendiment tagħhom.

0.   ĠENERALI

0.1.

Marka (l-isem tal-kummerċ tal-produttur):

0.2.

Tip u deskrizzjoni(jiet) kummerċjali ġenerali:

0.5.

Isem u indirizz tal-produttur:

0.7.

Pożizzjoni u metodu ta' kif għandha titwaħħal il-marka ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE:

1.   DESKRIZZJONI TAS-SISTEMA

1.1.

Deskrizzjoni teknika dettaljata (inklużi ritratti jew disinji):

1.2.

Istruzzjonijiet għall-immuntar u għall-armar, inklużi it-torques meħtieġa:

1.3.

Lista tat-tipi ta' vettura li tista' tiġi armata fuqhom:

1.4.

Kull restrizzjoni ta' l-użu u l-kundizzjonijiet għall-armar:

Appendiċi 3

(MUDELL)

(format massimu: A4 (210 x 297mm))

ĊERTIFIKAT GĦALL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KE

TIMBRU TA' L-AMMINISTRAZZJONI

Komunikazzjoni dwar

l-approvazzjoni tat-tip

l-estensjoni ta' l-approvazzjoni tat-tip

ir-rifjut ta' l-approvazzjoni tat-tip

ir-revoka ta' l-approvazzjoni tat-tip

tat-tip ta' vettura armata b'sistema ta' protezzjoni ta' quddiem skond id-Direttiva 2005/66/KE.

Numru ta' l-approvazzjoni tat-tip:

Raġuni għall-estensjoni:

TAQSIMA I

0.1.

Marka (l-isem tal-kummerċ tal-produttur):

0.2.

Tip u deskrizzjoni(jiet) kummerċjali ġenerali:

0.3.

Mezzi ta' identifikazzjoni tat-tip, jekk immarkati fuq il-vettura:

0.3.1.

Pożizzjoni ta' din il-marka:

0.4.

Kategorija tal-vettura:

0.5.

Isem u indirizz tal-produttur:

0.7.

Fil-każ tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem, il-pożizzjoni tal-marka ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE u l-metodu ta' kif għandha titwaħħal:

0.8.

Indirizz(i) ta' l-impjant(i) ta' kostruzzjoni:

TAQSIMA II

1.

Informazzjoni oħra (fejn tapplika): Ara l-Addendum

2.

Servizz tekniku responsabbli għat-twettiq tat-testijiet:

3.

Data tar-rapport tat-test:

4.

Numru tar-rapport tat-test:

5.

Rimarki (li jista' jkun hemm): Ara l-Addendum

6.

Post:

7.

Data:

8.

Firma:

9.

Qed jiġi mehmuż l-indiċi tal-pakkett ta' informazzjoni depożitat ma' l-awtorità għall-approvazzjoni, li tista' tintalab kopja tiegħu.

Addendum

għaċ-ċertifikat għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE Nru […]

dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vettura fir-rigward ta' l-armar ta' sistema ta' protezzjoni ta' quddiem

1.

Informazzjoni oħra, jekk hemm:

2.

Rimarki:

3.

Anness I, paragrafu 3, riżultati tat-testijiet

Test

Valuri reġistrati

Għadda/Weħel

Forma tan-naħa t'isfel tar-riġel mas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem

-

3 pożizzjonijiet tat-test

(fejn saru)

Angolu ta' liwi

……

…… Gradi

……

 

Ċaqliq taħt pressjoni

……

…… mm

……

 

Aċċelerazzjoni fuq it-tibja

……

…… g

……

 

Forma tan-naħa ta' fuq tar-riġel mas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem

-

3 pożizzjonijiet tat-test

(fejn saru)

Somma tal-forzi ta' l-impatt

……

…… kN

……

 

Mument ta' liwi

……

…… Nm

……

 

Forma tan-naħa ta' fuq tar-riġel max-xifer ta' quddiem tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem

-

3 pożizzjonijiet tat-test

(monitoraġġ biss)

Somma tal-forzi ta' l-impatt

……

…… kN

……

 

Mument ta' liwi

……

…… Nm

……

 

Forma tar-ras ta' Tifel/Adult Żgħir (3,5 kg) mas-Sistema ta' Protezzjoni ta' quddiem

Valuri ta' l-HPC

(ta' l-anqas 3 valuri)

……

……

……

 

Appendiċi 4

(MUDELL)

(format massimu: A4 (210 x 297mm))

ĊERTIFIKAT GĦALL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KE

TIMBRU TA' L-AMMINISTRAZZJONI

Komunikazzjoni dwar:

l-approvazzjoni tat-tip

l-estensjoni ta' l-approvazzjoni tat-tip

ir-rifjut ta' l-approvazzjoni tat-tip

ir-revoka ta' l-approvazzjoni tat-tip

ta' tip ta' sistema ta' protezzjoni ta' quddiem bħala unità teknika separata skond id-Direttiva 2005/66/KE.

Numru ta' l-approvazzjoni tat-tip:

Raġuni għall-estensjoni:

TAQSIMA I

0.1.

Marka (l-isem kummurċjali tal-produttur):

0.2.

Tip u deskrizzjoni(jiet) kummerċjali ġenerali:

0.3.

Mezzi ta' identifikazzjoni tat-tip, jekk immarkati fuq is-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem:

0.3.1.

Pożizzjoni ta' din il-marka:

0.5.

Isem u indirizz tal-produttur:

0.7.

Pożizzjoni u metodu ta' kif għandha titwaħħal il-marka ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE:

0.8.

Indirizz(i) ta' l-impjant ta' assemblaġġ:

TAQSIMA II

1.

Informazzjoni addizzjonali: Ara l-Addendum

2.

Servizz tekniku responsabbli għat-twettiq tat-testijiet:

3.

Data tar-rapport tat-test:

4.

Numru tar-rapport tat-test:

5.

Rimarki (li jista' jkun hemm): Ara l-Addendum

6.

Post:

7.

Data:

8.

Firma:

9.

Qed jiġi mehmuż l-indiċi tal-pakkett ta' informazzjoni ddepożitat ma' l-awtorità għall-approvazzjoni, li tista' tintalab kopja tiegħu.

Addendum

għaċ-ċertifikat għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE Nru …

dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' sistema ta' protezzjoni ta' quddiem fir-rigward tad-Direttiva 2005/66/KE

1.

Informazzjoni oħra:

1.1.

Metodu ta' tqabbid:

1.2.

Istruzzjonijiet għall-immuntar u għall-armar:

1.3.

Lista ta' vetturi li fuqhom tista' titqiegħed sistema ta' protezzjoni ta' quddiem, kwalunkwe restrizzjoni fl-użu u kundizzjonijiet neċessarji għat-tqegħid:

2.

Rimarki:

3.

Anness I paragrafu 3, riżultati tat-test

Test

Valuri reġistrati

Għadda/Weħel

Forma tan-naħa t'isfel tar-riġel mas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem

-

3 pożizzjonijiet tat-test

(fejn saru)

Angolu ta' liwi

……

…… Gradi

……

 

Ċaqliq taħt pressjoni

……

…… mm

……

 

Aċċelerazzjoni fuq it-tibja

……

…… g

……

 

Forma tan-naħa ta' fuq tar-riġel mas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem

-

3 pożizzjonijiet tat-test

(fejn saru)

Somma tal-forzi ta' l-impatt

……

…… kN

……

 

Mument ta' liwi

……

…… Nm

……

 

Forma tan-naħa ta' fuq tar-riġel max-xifer ta' quddiem tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem

-

3 pożizzjonijiet tat-test

(monitoraġġ biss)

Somma tal-forzi ta' l-impatt

……

…… kN

……

 

Mument ta' liwi

……

…… Nm

……

 

Forma tar-ras ta' Tifel/Adult Żgħir (3,5 kg) mas-Sistema ta' Protezzjoni Ta' quddiem

Valuri ta' l-HPC

(ta' l-anqas 3 valuri)

……

……

……

 

Appendiċi 5

Eżempju tal-Marka ta' l-Approvazzjoni tat-Tip tal-KE

Image

(a ≥ 12 mm)

L-istrument li għandu fuqu l-marka ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE hawn fuq murija huwa għal sistema ta' protezzjoni ta' quddiem approvata bħala tip fil-Ġermanja (e1) skond din id-Direttiva (01) taħt in-numru ta' l-approvazzjoni bażi 1471.

L-asterisk jindika li s-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem kienet approvata taħt il-kunsiderazzjoni, għall-impactor test tal-forma tar-riġel, permessa mill-paragrafu 3.1.1.1 jew 3.1.2.1 ta' l-Anness I. Jekk din il-kunsiderazzjoni mhix garantita mill-awtorità ta' l-approvazzjoni l-asterisk jinbidel bi spazju.

ANNESS III

EMENDI GĦAD-DIRETTIVA 70/156/KEE

L-Annessi tad-Direttiva 70/156/KEE għandhom jiġu emendati kif ġej:

1.

Fl-Anness I, għandhom jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

9.[24]

“Sistemi ta' protezzjoni ta' quddiem

9.[24].1

Għandha tiġi pprovduta deskrizzjoni dettaljata, inklużi ritratti u/jew disinji, tal-vettura f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-istruttura, mad-dimensjonijiet, mal-linji ta' referenza relevanti u mal-materjali kostitwenti tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem u tan-naħa ta' quddiem tal-vettura.

9.[24].2

Għandha tiġi pprovduta deskrizzjoni dettaljata, inklużi ritratti u/jew disinji, tal-metodu kif is-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem għandha tiġi armata fuq il-vettura. Din id-deskrizzjoni għandha tinkludi d-dimensjonijiet kollha tal-boltijiet u t-torques meħtieġa.”

2.

Fl-Anness III, Parti I, Taqsima A, għandhom jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

9.[24]

 

“9.[24].1

Għandha tiġi provduta deskrizzjoni dettaljata, inklużi ritratti u/jew disinji, tal-vettura f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-istruttura, mad-dimensjonijiet, mal-linji ta' referenza relevanti u mal-materjali kostitwenti tas-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem u tan-naħa ta' quddiem tal-vettura.

9.[24].2

Għandha tiġi provduta deskrizzjoni dettaljata, inklużi ritratti u/jew disinji, tal-metodu kif is-sistema ta' protezzjoni ta' quddiem għandha tiġi armata fuq il-vettura. Din id-deskrizzjoni għandha tinkludi d-dimensjonijiet kollha tal-boltijiet u t-torques meħtieġa.”

3.

Fl-Anness IV, Parti I, għandu jiżdied il-punt li ġej:

Suġġett

Numru tad-Direttiva

Riferenza tal-ġurnal uffiċjali

Applikabilità

M1

M2

M3

N1

N2

N3

O1

O2

O3

O4

“[60] Sistema ta' protezzjoni ta' quddiem

2005/66/KE

L 309, 25.11.2005, p. 37

X (*)

-

-

X

-

-

 

 

 

 

4.

L-Anness XI għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Fl-Appendiċi 1, għandu jiżdied il-punt li ġej:

Punt

Suġġett

Numru tad-Direttiva

M1 ≤ 2 500 (1) kg

M1 > 2 500 (1) kg

M2

M3

“[60]

Sistema ta' protezzjoni ta' quddiem

2005/66/KE

X

X (**)

-

-

(b)

Fl-Appendiċi 2, għandu jiżdied il-punt li ġej:

Punt

Suġġett

Numru tad-Direttiva

M1

M2

M3

N1

N2

N3

O1

O2

O3

O4

“[60]

Sistema ta' protezzjoni ta' quddiem

2005/66/KE

-

-

-

-

-

-

-

-

-

-”

(ċ)

Fl-Appendiċi 3, għandu jiżdied il-punt li ġej:

Punt

Suġġett

Numru tad-Direttiva

M2

M3

N1

N2

N3

O1

O2

O3

O4

“[60]

Sistema ta' protezzjoni ta' quddiem

2005/66/KE

-

-

-

-

-

-

-

-

-”


(*)  b'massa totali permissibbli ta' mhux aktar minn 3,5 tunnellati”

(**)  b'massa totali permissibbli ta' mhux aktar minn 3,5 tunnellati.”


Top