EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0359

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta' April 2005 li tipprovdi deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE bir-rigward ta'żkuk tal-ballut ( Quercus L.) bil-qoxra magħhom, li joriġinaw mill-Istati Uniti (innotifikata taħt in-numru tad-dokument C(2005) 1298)

OJ L 114, 4.5.2005, p. 14–19 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 272M, 18.10.2005, p. 289–294 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 03 Volume 063 P. 223 - 229
Special edition in Romanian: Chapter 03 Volume 063 P. 223 - 229
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 054 P. 72 - 77

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020: This act has been changed. Current consolidated version: 27/11/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/359/oj

18.10.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

289


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta' April 2005

li tipprovdi deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE bir-rigward ta'żkuk tal-ballut (Quercus L.) bil-qoxra magħhom, li joriġinaw mill-Istati Uniti

(innotifikata taħt in-numru tad-dokument C(2005) 1298)

(2005/359/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar miżuri ta' protezzjoni kontra l-introduzzjoni fil-Komunità, ta' organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tal-pjanti, kif ukoll kontra t-tifrix tagħhom fil-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skond id--Direttiva 2000/29/KE, zkuk tal-ballut (Quercus L.) bil-qoxra b'kollox, li joriġinaw mill-pajjiżi ta' l-Amerika ta' Fuq, fil-prinċipju ma jistgħux jiġu introdotti fil-Komunità minħabba r-riskju li tiddaħħal is-Ceratocystis fagacearum (Bretz) Hunt., li tikkawża li l-ballut jidbiel.

(2)

L-esperjenza wriet li fir-rigward ta' l-Istati Uniti, ir-riskju li tinxtered is-Ceratocystis fagacearum (Bretz) Hunt jista' jitneħħa billi jiġu applikati ċerti miżuri.

(3)

Waħda minn dawn il-miżuri hija il-fumigazzjoni. Ċerti Stati Membri talbu li l-importazzjoni taz-zkuk tal-ballut iffumigati issir biss minn portijiet speċifikati fejn il-faċilitajiet xierqa ta' trattamenti u spezzjonijiet huma disponibbli.

(4)

Huwa wkoll possibbli li ma ssirx il-fumigazzjoni, fir-rigward ta' zkuk tal-ballut li jagħmlu parti mill-grupp tal-ballut abjad, skond ċerti kundizzjonijiet tekniċi. Ċerti Stati Membri talbu deroga oħra sabiex iħallu l-importazzjoni tal-ballut abjad waqt ċerti xhur fis-sena. Din it-tieni deroga għandha tkun illimitata għal dawk l-inħawi tal-Komunità fejn vetturi potenzjali tas-Ceratocystis fagacearum (Bretz) Hunt għandhom ftit jew xejn attività matul ix-xitwa, i.e. għal żoni fit-Tramuntana b'latitudini ta' 45°.

(5)

Il-Kummissjoni se tiżgura li l-Istati Uniti tagħmel disponibbli l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi ssorveljata l-ħidma tal-miżuri protettivi meħtieġa.

(6)

L-Istati Membri għandhom għalhekk jingħataw deroga, għal perjodu ta' ħin limitat, sabiex idaħħlu z-zkuk tal-ballut bil-qoxra (Quercus L.) mill-Istati Uniti.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/29/KE u mit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 13(1) (i) ta' dik id-Direttiva fir-rigward ta' l-Anness IV(A)(I)(3) ta' dik id-Direttiva, l-Istati Membri se jiġu awtorizzati, b'effett mill-1 ta' Jannar 2005, li jħallu li jidħlu fit-territorju tagħhom, iz-zkuk tal-ballut (Quercus L.) bil-qoxra b'kollox, li jiġu mill-Istati Uniti (minn hawn 'l quddiem: “iz-zkuk”), jekk jitħarsu l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 2 sa 7.

Artikolu 2

1.   Sabiex wieħed jista' jgawdi minn din l-eżenzjoni z-zkuk iridu jkunu iffumigati u identifikati kif stabbilit fl-Anness I.

2.   L-Istati Membri jistgħu jħallu barra z-zkuk iffumigati mill-kondizzjonijiet meħtieġa previsti fl-Artikoli 5(1) fir-rigward ta' ħżin f'ambjent umduż, 5(2) u 6(2).

Artikolu 3

1.   Iz-zkuk jistgħu jitniżżlu biss fil-portijiet elenkati fl-Anness II.

2.   Fuq talba ta' l-Istat Membru kkonċernat, il-lista tal-portijiet fejn isir il-ħatt fl-Anness II tista' tiġi emendata mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni ma' l-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 4

1.   L-ispezzjonijiet meħtieġa skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/29/KE se jsiru minn uffiċjali mħarrġa speċifikament għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni bl-għajnuna ta' l-esperti msemmija fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2000/29/KE skond il-proċedura stabbilita f'dan ir-rigward, jew fil-portijiet imniżżla fl-Anness II jew fl-ewwel post tal-ħżin msemmi fl-Artikolu 5.

Jekk il-port tal-ħatt u l-ewwel post tal-ħżin jinstabu fi Stati Membri differenti, dawk l-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti dwar il-post fejn isiru l-ispezzjonijiet, u l-bdil ta' l-informazzjoni dwar id-dħul u l-ħażna tal-konsenji.

2.   L-ispezzjonijiet għandhom jinkludu dan li ġej:

a)

eżami ta' kull ċertifikat fitosanitarju;

b)

kontroll ta' l-identità li jikkonsisti fit-tqabbil tal-marka fuq kull zokk u n-numru ta' zkuk bl-informazzjoni mogħtija fiċ-ċertifikat fitosanitarju relatat;

c)

test ta' fumigazzjoni li tiġi identifikata b'reazzjoni ta' kulur, kif speċifikat fl-Anness III, fuq numru xieraq ta' zkuk magħżula bl-addoċċ minn kull konsenja.

3.   Jekk l-ispezzjonijiet ma jurux li l-konsenja taqbel għal kollox mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(1), il-konsenja kollha tiġi rrifjutata u mneħħija mill-Komunità.

Il-Kummissjoni u l-entitajiet uffiċjali responsabbli ta' l-Istati Membri kollha l-oħra se jiġu infurmati minnufih bid-dettalji tal-kunsinna in kwistjoni.

Artikolu 5

1.   Iz-zkuk għandhom jiġu maħżuna biss f'postijiet li ġew innotifikati lil u approvati mill-entitajiet uffiċjali responsabbli ta' l-Istat Membru kkonċernat u li għandhom faċilitajiet xierqa għall-ħżin f'ambjent umduż, disponibbli għall-perjodu previst fil-paragrafu 2.

2.   Iz-zkuk għandhom jinżammu il-ħin kollu fi ħżin f'ambjent umduż, li jibda mhux aktar tard minn meta terġa' tibda l-veġetazzjoni fil-popolazzjonijiet viċini tal-ballut.

3.   Il-poplazzjonijiet viċini tal-ballut għandhom jiġu spezzjonati regolarment għas- sintomi tas-Ceratocystis fagacearum (Bretz) Hunt f'intervalli xierqa mill-entitajiet uffiċjali responsabbli.

Jekk jinstabu sintomi li setgħu ġew ikkawżati mis-Ceratocystis fagacearum (Bretz) Hunt għandu jsir aktar ittestjar uffiċjali fil-fond skond il-metodi xierqa biex jiġi ikkonfermat jekk hemmx fungus preżenti jew le.

Jekk tiġi ikkonfermata -l-preżenza tas-Ceratocystis fagacearum (Bretz) Hunt il-Kummissjoni għandha tkun infurmata minnufih.

Artikolu 6

1.   Iz-zkuk għandhom jiġu pproċessati biss f'impjanti li ġew notifikati lil u approvati millentitajiet uffiċjali responsabbli.

2.   Il-qoxra u skart ieħor kawża ta' l-ipproċessar għandu jinqered mill-ewwel fil-post ta' l-ipproċessar.

Artikolu 7

1.   Qabel l-importazzjoni, l-importatur għandu jinnotifika kull konsenja biżżejjed minn qabel lill-entitajiet uffiċjali responsabbli ta' l-Istat Membru ta' l-ewwel post tal-ħżin previst, u jipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

a)

il-kwantità ta' zkuk,

b)

il-pajjiż ta' l-oriġini,

c)

il-port tat-tluq,

d)

il-port jew il-portijiet tal-ħatt,

e)

il-post jew il-postijiet tal-ħżin,

f)

il-post jew il-postijiet ta' fejn ikun se jsir l-ipproċessar.

2.   Meta importatur jinnotifika li qed jaħseb biex jimporta konsenja kif imsemmi f'punt 1 hu jew hi għandhom jiġu infurmati mill-entità uffiċjali responsabbli, qabel l-importazzjoni, bil-kundizzjonijiet previsti f'din id-Deċiżjoni.

3.   Kopji ta' l-informazzjoni prevista fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jingħataw mill-entità uffiċjali responsabbli ta' l-Istat Membru kkonċernat lill-awtorità kompetenti tal-port tal-ħatt.

Artikolu 8

1.   L-Istati Membri jistgħu ma jiffumigawx iz-zkuk ta' l-ispeċi Quercus L. li tifforma parti mill-grupp tal-ballut abjad kif previst fl-Artikolu 2(1), jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

iz-zkuk għandhom jiġu f'konsenji magħmula biss minn zkuk ta' l-ispeċi mill-grupp tal-ballut abjad;

b)

iz-zkuk għandhom jiġu identifikati skond l-Anness IV;

c)

iz-zkuk għandhom jintbagħtu mill-portijiet tat-tluq mhux aktar tard mill-15 ta' Ottubru u jaslu fil-post tal-ħżin mhux aktar tard mit-30 ta' April tas-sena ta' wara;

d)

iz-zkuk għandhom jinżammu f'ħżin f'ambjent umduż;

e)

iz-zkuk m'għandhomx jiddaħħlu fi jew jgħaddu minn żoni fin-nofsinhar tal-latitudini ta' 45o; madankollu, il-port ta' Marsilja jistà jintuża bħala l-port tal-ħatt, jekk jiġi żgurat li l-konsenja tintbagħat minnufih f'żoni fit-tramuntana tal-latitudini ta'45o;

f)

l-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 għandhom ikollhom, minflok it-test li jidentifika l-iffumigar b'reazzjoni ta' kulur, test li jidentifika iz-zkuk tal-ballut abjad kif speċifikat fl-Anness IV, fuq mill-inqas 10 % taz-zkuk magħżula bl-addoċċ minn kull konsenja.

B'deroga minn punt (c), l-organizzazzjoni għall-ħarsien tal-pjanti ta' l-Istat Membru fejn qed issir il-ħażna jistà jippermetti li konsenji jinħattu u jinħażnu f'ambjent umduż wara t-30 ta' April tas-sena ta' wara, kif previst f'dak il-punt, jekk kien hemm xi dewmien mhux mistenni fil-wasla tagħhom fil-port tal-ħatt.

2.   Paragrafu 1 m'għandux japplika għall-Greċja, Spanja, l-Italja, Ċipru, Malta u l-Portugall.

Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra it-test tad-dispożizzjonijiet li adottaw skond l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 1.

Artikolu 10

L-Istati Membri li għamlu użu mid-deroga prevista f'din id-Deċiżjoni għandhom jirraportaw lill-Kummmissjoni dwar l-operat tagħha sat-30 ta' Ġunju 2007. Ir-rapport għandu jinkludi dettalji tal-kwantitajiet importati.

Fejn jixraq għandu jiġi pprovdut rapport simili sat-30 ta' Ġunju 2009.

Artikolu 11

Din id-Deċiżjoni tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2010.

Artikolu 12

Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fid-29 ta' April 2005.

Għall-Kummissjoni

Is-Sur Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1 Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/16/KE (ĠU L 57, tas-3.3.2005, p. 19).


ANNESS I

KUNDIZZJONIJIET DWAR L-IFFUMIGAR U L-IDENTIFIKAZZJONI RELATATA MSEMMIJA FL-ARTIKLOU 2.1

1.

Iz-zkuk għandhom jintefgħu f'munzell fuq wiċċ impermeabbli taħt koperta li tipproteġi kontra l-gass b'tali mod u b'tali għoli biex jiġi żgurat it-tixrid tal-gass b'mod effettiv madwar iz-zkuk .

2.

Bla ħsara għal xi kondizzjonijiet meħtieġa addizzjonali għall-esportazzjoni stipulati mill-organizzazzjoni uffiċjali għal-ħarsien tal-pjanti ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika (i.e. 'Servizz ta' Spezzjoni għall-Annimali u l-Pjanti — APHIS) il-munzell irid ikun għadda mill-fumigazzjoni bil-bromur tal-metil pur li jsir b'rata minima ta' 240 g/m3 tal-volum totali taħt kopertura għall-72 siegħa u f'temperatura taz-zkuk trid tkun ta' ta' l-inqas + 5° C. Wara trattament ta' 24 siegħa, irid jiżdied il-gass biex tintrebaħ mill-ġdid il-konċentrazzjoni msemmija qabel; it-temperatura taz-zkuk trid tinżamm ta' l-inqas f'mhux aktar minn + 5° C, matul il-proċedura kollha. Jista jiġi deċiż, fuq bażi xjentifika u skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2000/29/KE, li metodi oħra għandhom jew jistgħu jintużaw.

3.

Il-proċeduri ta' fumigazzjoni kif deskritti f' 1 u 2 kellhom jitwettqu minn operaturi ta' fumigazzjoni bil-liċenzja uffiċjali, u li jużaw faċilitajiet ta' fumigazzjoni xierqa u persunal ikkwalifikat u ta' l-istandards meħtieġa.

L-operaturi kellhom ikunu nfurmati infurmati bid-dettalji tal-proċeduri meħtieġa għall-fumigazzjoni taz-zkuk.

Il-listi ta' l-operaturi tal-fumigazzjoni bil-liċenzja u l-bidliet tagħhom iridu jkun ġew innotifikati lill-Kummissjoni.. Il-Kummissjoni tista' tiddikjara li l-operaturi tal-fumigazzjoni bil-liċenzja individwali ma' jistgħux jiġu iktar aċċettati għall-iskop ta' din id-Deċiżjoni. Il-postijiet fejn l-operaturi liċenzjati se jwettqu l-proċeduri tal-fumigazzjoni se jkunu fil-portijiet tat-tluq tal-konsenja lejn il-Komunità, iżda xi postijiet interni magħżula jistgħu jiġu approvati wkoll mill-organizzazzjoni uffiċjali għall-ħarsien tal-pjanti kkonċernati.

4.

Il-marka ta' identifikazzjoni tal-lott tal-fumigazzjoni (numri u/jew ittri) trid tkun mqiegħda fil-qiegħ ta' kull zokk fil-munzell li qed jiġi ffumigat b'tali mod li ma tkunx tista' titneħħa. Il-marka ta' identifikazzjoni tal-lott tal-fumigazzjoni għandha tkun irriservata lil dak li jieħu ħsieb l-esportazzjoni. Ma tridx tkun ġiet użata għaz-zkuk minn lottijiet oħra. Ir-rekords tal-marki ta' identifikazzjoni għandhom jinżammu mill-operaturi liċenzjati tal-fumigazzjoni.

5.

Il-proċedura individwali tal-fumigazzjoni li tinkludi l-marka msemmija f' Nru 4 għandha tkun issorveljata sistematikament fil-postijiet tal-fumigazzjoni, direttament minn uffiċjali ta' l-organizzazzjoni uffiċjali tal-ħarsien tal-pjanti kkonċernata jew mill-uffiċjali ta' l-Istat/provinċja b'tali mod li tiġi żgurata konformità mal-ħtiġijiet stipulati f'1, 2, 3 u 4.

6.

Iċ-ċertifikat fitosanitarju uffiċjali meħtieġ skond l-Artikolu 13(1)(ii) tad-Direttiva 2000/29/KE għandu jinħareġ mill-organizzazzjoni uffiċjali għall-ħarsien tal-pjanti kkonċernata wara l-finalizzazzjoni ta' l-iffumigar, u jkun ibbażat fuq l-azzjonijiet imsemmija f'Nru 5 u l-eżami mwettaq skond l-Artikolu 6 ta' dik id-Direttiva dwar il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 6(1) (a) ta' dik id-Direttiva u f'dan l-Anness

7.

Iċ-ċertifikat għandu jindika l-isem botaniku tal-genus jew l-ispeċi, in-numru ta' zkuk fil-konsenja u l-marki ta' l-identifikazzjoni tal-lott għall-iffumigar msemmija f'Nru 4, bla ħsara għall-informazzjoni meħtieġa skond it-taqsima dwar id-disinfestazzjoni u/jew it-trattament ta' disinfezzjoni.

Fil-każijiet kollha, iċ-ċertifikat għandu jkollu id-“Dikjarazzjoni Addizzjonali” li ġejja:

“Qed jiġi ċċertifikat li z-zkuk li ntbagħtu bil-baħar skond dan iċ-ċertifikat ġew iffumigati minn .................... (l-operatur tal-fumigazzjoni ) .................... fi .................... (post tal-fumigazzjoni) .................... skond id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/359/KE.”

8.

Fil-każ li z-zkuk li jridu jintbagħatu, permezz ta' portijiet tat-trasbord Kanadiżi, il-miżuri kollha jew parti minnhom stipulati fil-punti 1 sa 7 u li għandhom jitwettqu mill-organizzazzjoni uffiċjali għall-ħarsien tal-pjanti kkonċernata, jistgħu jitwettqu mill-'Aġenżija Kanadiża ta' l-Ispezzjoni ta' l-Ikel (CFIA).


ANNESS II

PORTIJIET TAL-ĦATT

1.

Amsterdam

2.

Antwerp

3.

Arhus

4.

Bilbao

5.

Bremen

6.

Bremerhaven

7.

Kopenħagen

8.

Ħamburg

9.

Klaipeda

10.

Larnaca

11.

Lauterborg

12.

Leghorn

13.

Le Havre

14.

Lemesos

15.

Liżbona

16.

Marsilja

17.

Marsaxlokk

18.

Muuga

19.

Napli

20.

Nordenham

21.

Oporto

22.

Piraeus

23.

Ravenna

24.

Rostock

25.

Rotterdam

26.

Salerno

27.

Sines

28.

Stralsund

29.

Valencia

30.

Il-Belt Valletta

31.

Venezja

32.

Vigo

33.

Wismar

34.

Zeebrugge


ANNESS III

TEST GĦALL-IFFUMIGAR IDENTIFIKAT B'REAZZJONI TA' KULUR

It-test għall-iffumigar identifikat b'reazzjoni ta' kulur imsemmi fl-Artikolu 4(2)(c) għandu jitwettaq kif ġej:

 

Kampjun tal-ħxuna kollha ta' l-ilbieba titqies permezz ta' increment borer minn żoni li għandhom il-qoxra mhux mimsusa minn ta' l-inqas metru mit-truf taz-zkuk u mxarrba f'soluzzjoni ppreparata friska (ta' inqas minn ġurnata) ta' 1 % ta' 2,3,5-triphenyl-2H-tetrazolium chloride (TTC) magħmul mill-ilma ddistillat. Kampjuni li ma jurux ħmura wara tlitt ijiem imxarrba huma kkunsidarati li ġew iffumigati sew.


ANNESS IV

IDENTIFIKAZZJONI TAL-BALLUT ABJAD

1.

Uffiċjali ta' l-organizzazzjoni uffiċjali għall-ħarsien tal-pjanti għandhom ikunu identifikaw kull zokk bħala li jifforma parti mill-grupp tal-ballut l-abjad jew b'mezzi viżivi kemm jista' jkun possibbli, jew billi jitwettqu testijiet ta' identifikazzjoni tal-ballut abjad kif speċifikat f'Nru 2. Dan it-test ta' identifikazzjoni b'reazzjoni għall-kulur se jsir fuq ta' l-anqas 10 % miz-zkuk f'kull konsenja.

2.

It-test ta' identifkazzjoni b'reazzjoni għall-kulur għall-ballut l-abjad se jsir permezz ta' soluzzjoni ta' 10 % nitrat tas-sodju li jiġi sprejjat jew imbajjad fuq żona ta' heartwood nadif u mnixxef superfiċjalment ta' dijametru ta' mill-inqas ħames ċentimetri. L-evalwazzjoni tat-test għandha ssir fi żmien 20 sa 60 minuta mill-applikazzjoni. F'temperaturi ta' taħt it-2,5° C, jista jiżdied 20 % ethylene glycol mas-soluzzjoni bħala aġent kontra l-iffriżar. Kampjuni ta' zkuk fejn il-kulur naturali l-ewwel isir kannella ħamrani u wara jsir iswed sa ikħal fil-griż huma kkusidrati li jiffurmaw parti mill-grupp tal-ballut abjad.

3.

Kull zokk ghandu jkun immarkat “WO”, taħt is-superviżjoni ta' l-organizzazzjoni uffiċjali għall-ħarsien tal-pjanti kkonċernata jew l-uffiċjali ta' l-Istat jew provinċja li jkunu qegħdin jikkooperaw.

4.

Iċ-ċertifikat uffiċjali fitosanitarju meħtieġ skond l-Artikolu 13(1)(ii) tad-Direttiva 2000/29/KE għandu jinħareġ mill-organizzazzjoni uffiċjali għall-ħarsien tal-pjanti kkonċernata, u għandu jkun ibbażat fuq l-azzjonijiet imsemmija f'Nru1, 2 jew 3. Iċ-ċertifikat għandu jindika l-isem botaniku tal-genus jew l-ispeċi u n-numru ta' zkuk fil-konsenja. Għandu jkollu d-“Dikjarazzjoni Addizzjonali”:

“Huwa hawnhekk iċċertifikat li z-zkuk li ntbagħtu bil-baħar skond dan iċ-ċertifikat jiffurmaw parti mill-ispeċi tal-grupp tal-ballut abjad.”


Top