EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R0621

Ir-Regolament tal-kummissjoni (KE) Nru 621/2004 ta’ 1-1 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 dwar miżuri ta’ informazzjoni u pubbliċità li jikkonċernaw l-attivitajiet tal-Fond ta’ Koeżjoni

OJ L 98, 2.4.2004, p. 22–24 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 14 Volume 002 P. 15 - 17
Special edition in Estonian: Chapter 14 Volume 002 P. 15 - 17
Special edition in Latvian: Chapter 14 Volume 002 P. 15 - 17
Special edition in Lithuanian: Chapter 14 Volume 002 P. 15 - 17
Special edition in Hungarian Chapter 14 Volume 002 P. 15 - 17
Special edition in Maltese: Chapter 14 Volume 002 P. 15 - 17
Special edition in Polish: Chapter 14 Volume 002 P. 15 - 17
Special edition in Slovak: Chapter 14 Volume 002 P. 15 - 17
Special edition in Slovene: Chapter 14 Volume 002 P. 15 - 17
Special edition in Bulgarian: Chapter 14 Volume 001 P. 156 - 158
Special edition in Romanian: Chapter 14 Volume 001 P. 156 - 158

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/01/2007; Imħassar b' 32006R1828

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/621/oj

32004R0621



Official Journal L 098 , 02/04/2004 P. 0022 - 0024


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 621/2004

ta’ 1-1 ta’ April 2004

li jippreskrivi regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 dwar miżuri ta’ informazzjoni u pubbliċità li jikkonċernaw l-attivitajiet tal-Fond ta’ Koeżjoni

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 tas-16 ta’ Mejju 1994 li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 14(3) tiegħu,

Billi:

(1) L-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/455/KE tal-15 ta’ Ġunju 1996 dwar miżuri ta’ informazzjoni u pubbliċità li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri u l-Kummissjoni li jikkonċernaw l-attivitajiet tal-Fond ta’ Koeżjoni skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 [2] jeħtieġu simplifikazzjoni għaliex xi miżuri irriżultaw wisq kumplessi biex jiġu implimentati.

(2) Hu essenzali li tkun faċilitata l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ informazzjoni u pubbliċità u titjieb l-effettività tagħhom biex tiżdied il-viżibilità ta’ proġetti u tinħoloq kuxjenza pubblika dwar ir-rwol li qed twettaq l-Unjoni Ewropea permezz ta’ politika ta’ koeżjoni.

(3) Miżuri ta’ informazzjoni dwar il-Fond ta’ Koeżjoni għandhom jiġu armonizzati ma’ dawk li jikkonċernaw il-Fondi Strutturali kif stabbilit bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1159/2000 tat-30 ta’ Mejju 2000 dwar miżuri ta’ informazzjoni u pubbliċità li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri dwar għajnuna mill-Fondi Strutturali [3].

(4) Il-messaġġi li għandhom jingħataw pubbliċità għandhom jiġu ċċarati u l-aktar strumenti adattati għall-finijiet ta’ ħolqien ta’ kuxjenza pubblika għandhom ikunu identifikati,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

PRINĊIPJI U KONTENUT TAL-MIŻURI

Artikolu 1

Il-miżuri ta’ informazzjoni u pubbliċità dwar ix-xogħol tal-Fond ta’ Koeżjoni għandhom jimmiraw lejn il-ħolqien ta’ kuxjenza pubblika dwar proġetti parzjalment iffinanzjati mill-Fond u juru r-rwol li l-Komunità qed twettaq permezz ta’ dak il-Fond.

Il-miżuri għandhom jiġu immirati lejn il-pubbliku fl-Istati Membri benefiċjarji u jgħinu biex tkun proġettata xbieha uniformi tar-rwol tal-Komunità.

Meta approprjat, jistgħu jinkludu attivitajiet dwar il-programmi u l-proġetti parzjalment iffinanzjati mill-Fondi Strutturali skond ir-Regolament (KE) Nru 1159/2000.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-Fond ta’ Koeżjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-awtoritajiet responsabbli) jieħdu l-passi kollha amministrattivi biex jiżguraw informazzjoni u pubbliċità dwar dawk il-proġetti skond dan ir-Regolament.

Għandhom ifasslu sett koerenti ta’ miżuri għal tul il-ħajja tal-proġetti, darba li deċiżjoni dwar il-finanzjament parzjali mill-Fond ta’ Koeżjoni tkun ittieħdet.

Artikolu 3

L-awtoritajiet responsabbli għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, inkluż l-uffiċċju tagħha fl-Istati Membri rilevanti, dwar il-miżuri msemmija fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2. Meta approprjat, jistgħu jitolbu għajnuna taknika biex iwettquhom.

Artikolu 4

Barra deskrizzjoni tal-proġett, kemm il-miżuri u kemm l-istrumenti ta’ informazzjoni u pubbliċità għandhom jinkludu:

(a) spjegazzjoni bil-kliem li ġejjin jew b’xi espressjoni oħra ekwivalenti tar-rwol li l-Unjoni qed twettaq permezz tal-Fond ta’ Koeżjoni:

"Dan il-proġett qed jgħin biex jitnaqqsu d-differenzi bejn iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea";

(b) il-bandiera Ewropea, skond ir-regoli grafiċi preskritti fl-Anness, bil-kliem li ġejjinjew b’xi espressjoni oħra ekwivalenti:

"Dan il-proġett huwa iffinanzjat parzjalment mill-Unjoni Ewropea."

Artikolu 5

L-awtoritajiet responsabbli għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-tħejjija tar-rapport annwali previst fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament)KE) Nru 1164/94.

KAPITOLU II

MIŻURI TA’ INFORMAZZJONI U PUBBLIĊITÀ

TAQSIMA I

Miżuri obbligatorji

Artikolu 6

Il-miżuri preskritti fl-Artikoli 7 u 8 għandhom jittieħdu meta l-proġetti jkunu implimentati.

Artikolu 7

1. Darba l-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni biex tiffinanzja proġett parzjalment, il-mezzi tax-xandir (stampa, radjo, televiżjoni) għandhom jiġu infurmati bil-lanċjar tiegħu, bl-istadji ewlenin ta’ l-implimentazzjoni tiegħu u bil-konklużjoni tiegħu bl-aktar mod xieraq, prinċipalment permezz ta’ laqgħat ma’ l-istampa, imma wkoll bi stqarrijiet għall-istampa u mezzi oħra.

Billi l-proġett ikun jiswa fit-totalità tiegħu inqas minn EUR 50 miljun, il-konferenzi għall-istampa msemmijin fl-ewwel paragrafu m’għandhomx ikunu obbligatorji.

L-awtorità responsabbli għandha tiddeċiedi, kif xieraq, dwar jekk isirux dawn il-konferenzi, li jiddependi mill-importanza u l-impatt tal-proġett.

2. Id-dokumentazzjoni dwar il-proġett għandha tingħata lill-mezzi tax-xandir u lil kull parti oħra interessata.

Artikolu 8

1. Kartelluni għandhom jittellgħu fuq is-siti tal-proġett matul ix-xogħolijiet.

Plakki kommemorattivi għandhom jissostitwixxu l-kartelluni fuq infrastrutturi aċċessibbli għall-pubbliku f’perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur wara li jitlestew ix-xogħolijiet.

2. Jekk proġett ikun qed jiġi iffinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni, għandu jitwaqqaf kartellun jew titwaħħal plakka li tiddeskrivi l-proġett u li tagħti l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 4.

Dik l-informazzjoni għandha tieħu mill-inqas 25 % tal-kartellun.

TAQSIMA 2

Miżuri oħra

Artikolu 9

Barra l-miżuri elenkati fl-Artikoli 7 u 8, l-awtoritajiet responsabbli u l-promoturi tal-proġett jistgħu iwettqu miżuri oħra biex jinkiseb l-għarfien tal-pubbliku msemmi fl-Artikoli 1, b’mod partikolari:

(a) wiri ta’ kartelluni f’postijiet li jidhru ħafna

(b) produzzjoni ta’ pubblikazzjonijiet (brochures, fuljetti, rapporti ta’ informazzjoni, etc) u materjal ta’ video;

(ċ) ħolqien ta’ paġni fuq l-internet.

KAPITOLU III

RWOL TAL-KUMITATI TA’ MONITORAĠĠ

Artikolu 10

F’laqgħat tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ ikkonċernat, min jippresiedi għandu jirrapporta fuq il-progress dwar il-miżuri ta’ pubbliċità u jagħti lill-membri kopji tal-materjal prodott jew prova tal-miżuri ta’ pubbliċità li jkunu qed jitwettqu u ta’ l-istrumenti wżati bħal ritratti tal-kartelluni u l-avvenimenti.

Artikolu 11

Skond l-Artikolu 7, dak li jippresiedi l-Kumitat ta’ Monitoraġġ, megħjun mill-Kummissjoni, għandu jinforma lill-mezzi tax-xandir dwar ix-xogħol tal-Kumitat u l-progress tal-proġetti li jkun responsabbli għalihom..

KAPITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 12

Id-Deċiżjoni 96/455/KE hija hawnhekk imħassra.

Referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Ufficjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-1 ta’ April 2004.

Għall-Kummissjoni

Michel Barnier

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 130, tal-25.05.1994, p.1.Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1265/199 (ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 62).

[2] ĠU L 188, tas-27.07.1996, p. 47

[3] ĠU L 130, tal-31.05.2000, p. 30.

--------------------------------------------------

ANNESS

Ir-regoli grafiċi dettaljati dwar il-bandiera Ewropea jistgħu jinstabu fi:

http://europa.eu.int/abc/symbols/emblem/index_en.htm

Eżempju ta' l-elementi bażiċi li għandhom jiġu inkorporati fl-istrumenti u l-miżuri ta' informazzjoni u pubbliċità:

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

Top