Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R0550

Ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 Marzu 2004 dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta' servizz)Test b'relevanza għaż-ŻEE.

OJ L 96, 31.3.2004, p. 10–19 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 07 Volume 008 P. 31 - 40
Special edition in Estonian: Chapter 07 Volume 008 P. 31 - 40
Special edition in Latvian: Chapter 07 Volume 008 P. 31 - 40
Special edition in Lithuanian: Chapter 07 Volume 008 P. 31 - 40
Special edition in Hungarian Chapter 07 Volume 008 P. 31 - 40
Special edition in Maltese: Chapter 07 Volume 008 P. 31 - 40
Special edition in Polish: Chapter 07 Volume 008 P. 31 - 40
Special edition in Slovak: Chapter 07 Volume 008 P. 31 - 40
Special edition in Slovene: Chapter 07 Volume 008 P. 31 - 40
Special edition in Bulgarian: Chapter 07 Volume 012 P. 239 - 248
Special edition in Romanian: Chapter 07 Volume 012 P. 239 - 248
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 006 P. 75 - 84

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/550/oj

32004R0550



Official Journal L 096 , 31/03/2004 P. 0010 - 0019


Ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ta' l-10 Marzu 2004

dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru fl-ajru uniku Ewropew

(ir-Regolament tal-forniment ta' servizz)

Test b'relevanza għaz-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

Wara li kunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fil-11 ta' Diċembru 2003,

Billi:

(1) Stati Membri ristrutturaw, fi gradi varji, il-fornituri tas-servizz nazzjonali tagħhom ta' navigazzjoni ta' l-ajru billi żiedu l-livell ta' awtonomija u liberta tagħhom biex jipprovdu servizzi. Qiegħed isir dejjem aktar meħtieġ li jkun żgurat li rekwiżiti minimi ta' interess pubbliku jkunu sodisfatti taħt dan l-ambjent ġdid.

(2) Ir-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-ajru uniku Ewropew ta' Novembru 2000 ikkonferma l-ħtieġa ta' regoli fil-livell Komunitarju biex wieħed jiddistingwi bejn regolament u dispożizzjoni ta' servizz u tkun introdotta sistema ta' ċertifikazzjoni bil-għan li tippreżerva r-rekwiżiti ta' interess pubbliku, b'mod l-aktar notevoli f'termini ta' sigurezza, u ttejjeb il-mekkaniżmi ta' ħlasijiet.

(3) Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Marzu 2004 (ir-Regolament qafas) [5] jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien ta' ajru uniku Ewropew.

(4) Biex jinħoloq ajru uniku Ewropew, għandhom ikunu addottati miżuri biex jiżguraw il-forniment salv w effiċjenti ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru konsistenti ma' l-organizzazzjoni w l-użu ta' l-ispazju ta' l-ajru kif jipprovdi għalihom ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni w l-użu ta' l-ispazju ta' l-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament ta' l-ispazju ta' l-ajru) [6]. L-istabbiliment ta' organizzazzjoni armonizzata għal forniment ta' servizzi tali hija importanti biex twieġeb b'mod adegwat għad-domanda ta' l-utenti ta' l-ispazju ta' l-ajru u tirregola t-traffiku ta' l-ajru b'mod salv w effiċjenti.

(5) Il-forniment ta' servizzi ta' traffiku ta' l-ajru, kif ipprevedut minn dan ir-Regolament, huwa konness ma' l-eżerċizzju tal-poteri (setgħat) ta' awtorita pubblika, li m'humiex ta' natura ekonomika li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni tat-Trattat.

(6) Stati Membri huma responsabbli għall-moniteraġġ tal-forniment salv w effiċjenti tas-servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru u għall-kontroll tal-konformita minn fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru ma' rekwiżiti komuni stabbiliti f'livell Komunitarju.

(7) Stati Membri għandhom jitħallew jafdaw lill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti, li għandhom esperjenza teknika, il-verifika ta' konformita tal-fornituri ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru mar-rekwiżiti komuni stabbiliti f'livell Komunitarju.

(8) Operat fil-lixx tas-sistema ta' trasport ta' l-ajru jirrekjedi wkoll standards uniformi u ta' sigurezza kbira mill-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru.

(9) Arranġamenti għandhom isiru li jarmonizzaw is-sistemi ta' l-għoti ta' liċenzji għal kontrolluri, biex titjieb id-disponibbiltà ta' kontrolluri u jkun promoss ir-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji.

(10) Filwaqt li tkun iggarantita l-kontinwita ta' forniment ta' servizz, sistema komuni għandha tkun stabbilita biex tiċċertifika fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru, li tikkostitwixxi mezz li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi ta' dawk il-fornituri u għal moniteraġġ regolari tal-konformita ma' rekwiżiti tali.

(11) Kundizzjonijiet mehmuża ma' ċertifikati għandhom ikunu ġustifikati b'mod oġġettiv u għandhom ikunu non-diskriminatorji, proporzjonati u trasparenti, u kompatibbli ma' standards internazzjonali relevanti.

(12) Iċ-ċertifikati għandhom ikunu rikonoxxuti reċiprokament mill-Istati Membri kollha biex jippermettu fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru li jipprovdu servizzi fi Stat Membru ieħor barra l-pajjiż li fih ikunu kisbu ċ-ċertifikati tagħhom, fil-limiti tar-rekwiżiti ta' sigurezza.

(13) Il-forniment ta' servizzi ta' komunikazzjoni, navigazzjoni u sorveljanza, kif ukoll servizzi ta' informazzjoni aeronawtika, għandu jkun organizzat taħt kundizzjonijiet tas-suq filwaqt li jitqiesu l-fattizzi speċjali ta' servizzi tali u jinżamm livell għoli ta' sigurezza.

(14) Fl-interess li jkun iffaċilitat l-immaniġġar salv tat-traffiku ta' l-ajru travers il-konfini ta' l-Istati Membri għall-benefiċċju ta' l-utenti ta' l-ispazju ta' l-ajru u l-passiġġieri tagħhom, is-sistema ta' ċertifikazzjoni għandha tipprovdi għal qafas biex tagħmel possibbli għall-Istati Membri li jaħtru fornituri ta' servizzi ta' traffiku ta' l-ajru, mingħajr ma jingħata każ ta' fejn ikunu ġew iċċertifikati.

(15) Fuq il-bażi ta' l-analiżi tagħhom ta' konsiderazzjonijiet ta' sigurezza, Stati Membri għandhom ikunu jistgħu jaħtru fornitur jew aktar minn wieħed ta' servizzi meteoroloġiċi rigward l-ispazju ta' l-ajru kollu jew parti minnu taħt ir-responsabbiltà tagħhom, mingħajr il-ħtieġa li tkun organizzata sejħa għal offerti.

(16) Fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandhom jistabbilixxu u jżommu kooperazzjoni stretta ma' l-awtoritajiet militari responsabbli għal attivitajiet li jistgħu jolqtu (jaffettwaw) it-traffiku ta' l-ajru ġenerali, permezz ta' arranġamenti xierqa.

(17) Il-kontijiet tal-fornituri kollha ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandhom jipprovdu għal trasparenza massima.

(18) L-introduzzjoni ta' prinċipji u kundizzjonijiet armonizzati għall-aċċess ta' data operazzjonali għandha tiffaċilita l-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru u l-operat ta' utenti ta' l-ispazju ta' l-ajru u ajruporti taħt ambjent ġdid.

(19) Il-kundizzjonijiet ta' ħlasijiet li japplikaw għall-utenti ta' l-ispazju ta' l-ajru għandhom ikunu ġusti u trasparenti.

(20) Il-ħlasijiet ta' l-utent għandhom jipprovdu remunerazzjoni għall-faċilitajiet u servizzi provduti minn fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru u Stati Membri. Il-livell ta' ħlasijiet ta' l-utent għandu jkun proporzjonat ma' l-ispiża, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet ta' sigurezza w effiċjenza ekonomika.

(21) M'għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn utenti ta' l-ispazju ta' l-ajru fir-rigward tal-forniment ta' servizzi ekwivalenti ta' navigazzjoni ta' l-ajru.

(22) Fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru joffru ċerti faċilitajiet u servizzi konnessi direttament ma' l-operat ta' ajruplan, li l-ispejjeż tagħhom huma għandhom ikunu jistgħu jirkopru skond il-prinċipju "l-utent iħallas", li jfisser li l-utenti ta' l-ispazju ta' l-ajru għandhom iħallsu għall-ispejjeż li joħolqu fil-punt ta' l-użu jew kemm jista' jkun possibbli qrib tiegħu.

(23) Huwa importanti li tkun żgurata t-trasparenza ta' l-ispejjeż li faċilitajiet u servizzi tali jikkaġunaw. Għalhekk, kull bidliet magħmula fis-sistema jew livell ta' ħlasijiet għandhom ikunu spjegati lill-utenti ta' l-ispazju ta' l-ajru; bidliet tali jew investiment propost mill-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandhom ikunu spjegati bħala parti mill-iskambju ta' informazzjoni bejn il-korpi manigerjali tagħhom u l-utenti ta' l-ispazju ta' l-ajru.

(24) Għandu jkun hemm ambitu għal bidliet fil-ħlasijiet li jikkontribwixxu għall-aktar tkabbir possibbli tal-kapaċita mas-sistema kollha. Inċentivi finanzjarji jistgħu jkunu manjiera utli biex tħaffef l-introduzzjoni ta' tagħmir ibbażat fl-art jew miġrur fl-ajru li jżid il-kapaċita, ta' twettiq fi grad għoli li jħalli benefiċċji jew ta' kumpens għall-inkonvenjenza ta' għażla ta' rottot anqas mixtieqa.

(25) Fil-kuntest ta' dak id-dħul (introjtu) akkumulat biex jipprovdi qligħ raġjonevoli fuq assi, u f'ko-relazzjoni diretta mat-tifdil li jkun sar minn titjib fl-effiċjenza, l-Kummissjoni għandha tistudja l-possibbilta li tistabbilixxi riserva bil-għan li tnaqqas l-impatt ta' żieda għal għarrieda fi ħlasijiet għall-utenti ta' spazju ta' l-ajru f'ħinijiet ta' meta jonqsu l-livelli tat-traffiku.

(26) Il-Kummissjoni għandha teżamina l-possibbilta li torganizza għajnuna finanzjarja temporanja għal miżuri li jżidu l-kapaċita tas-sistema ta' kontroll tat-traffiku ta' l-ajru fl-Ewropa fit-total tagħha.

(27) L-istabbiliment u l-impożizzjoni ta' ħlasijiet fuq l-utenti ta' l-ispazju ta' l-ajru għandhom ikunu riveduti mill-Kummissjoni fuq bażi regolari, f'kooperazzjoni ma' Eurocontrol, u ma' l-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza u l-utenti ta' spazju ta' l-ajru.

(28) Minħabba s-sensittività partikulari ta' l-informazzjoni dwar fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru, l-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza m'għandhomx jikxfu (jiżvelaw) informazzjoni koperta mill-obbligu ta' segretezza professjonali, mingħajr preġudizzju għall-organizzazzjoni ta' sistema għall-moniteraġġ u pubblikar tat-twettiq (l-esekuzzjoni) ta' dawk il-fornituri.

ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

IL-KAPITLU I

ĠENERALI

Artikolu 1

Ambitu u għanijiet

1. Fl-ambitu tar-Regolament qafas, dan ir-Regolament jjikkonċerna l-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru fl-ajru uniku Ewropew. L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi rekwiżiti komuni għall-forniment salv w effiċjenti ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru fil-Komunità.

2. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru għal traffiku ta' l-ajru ġenerali skond u ġewwa l-ambitu tar-Regolament qafas.

Artikolu 2

Xogħlijiet ta' awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza

1. L-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza li jirreferi għalihom l-Artikolu 4 tar-Regolament qafas għandhom jiżguraw is-sorveljanza xierqa ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikulari rigward l-operat salv w effiċjenti tal-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru li jipprovdu servizzi konnessi ma' l-ispazju ta' l-ajru li jaqa' taħt ir-responsabbilta ta' l-Istati Membri li ħatru jew stabbilew l-awtorita relevanti.

2. Għal dan il-għan, kull awtorita nazzjonali ta' sorveljanza għandha torganizza spezzjonijiet u stħarriġ xierqa biex tivverifika l-konformita mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Il-fornitur ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru konċernat għandu jiffaċilita xogħol tali.

3. Fir-rigward ta' blokki funzjonali ta' spazju ta' l-ajru li jestendu min-naħa għall-oħra ta' l-ispazju ta' l-ajru li jaqa' taħt ir-responsabbilta ta' aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istati Membri konċernati għandhom jikkonkludu ftehim dwar is-sorveljanza li jipprovdi għalih dan l-Artikolu rigward il-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru li jipprovdu servizzi konnessi ma' dawk il-blokki. Stati Membri jistgħu jikkonkludu ftehim dwar is-sorveljanza li jipprovdi għalih dan l-Artikolu rigward il-fornitur ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru li jipprovdi servizzi fi Stat Membru ieħor barra dak li fiħ il-fornitur għandu l-post prinċipali ta' l-operazzjoni tiegħu.

4. L-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza għandhom jagħmlu arranġamenti xierqa għal kooperazzjoni stretta bejniethom biex jiżguraw sorveljanza adegwata fuq il-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru li jkollhom ċertifikat validu minn Stat Membru li wkoll jipprovdi servizzi konnessi ma' l-ispazju ta' l-ajru li jaqa' taħt ir-responsabbilta ta' Stat Membru ieħor. Kooperazzjoni tali għandha tinkludi arranġamenti għall-ittrattar ta' każijiet li jinvolvu non-konformita mar-rekwiżiti komuni applikabbli miġjuba fl-Artikolu 6 jew il-kondizzjonijiet miġjuba fl-Anness II.

Artikolu 3

Organizzazzjonijiet rikonoxxuti

1. L-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza jistgħu jiddeċiedu jiddelegaw totalment jew parzjalment l-ispezzjonijiet u stħarriġ li jirreferi għalihom l-Artikolu 2(2) lill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jissodisfaw ir-rekwiżiti miġjuba fl-Anness I.

2. Rikonoxximent mogħti minn awtorita nazzjonali ta' sorveljanza għandu jkun validu ġewwa l-Komunità għal perjodu ta' tliet snin li jista' jiġġedded. L-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza jistgħu jagħtu struzzjonijiet lil kull waħda mill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li qegħdin fil-Komunità biex jidħlu għal dawn l-ispezzjonijiet u stħarriġ.

Artikolu 4

Rekwiżiti ta' assigurazzjoni

Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura li jirreferi għaliha l-Artikolu 5(3) tar-Regolament qafas, tidentifika u taddotta r-rekwiżiti regolatorji ta' assigurazzjoni ta' Eurocontrol (RiRSE) u l-emendi sussegwenti ta' dawk ir-rekwiżiti fl-ambitu ta' dan ir-Regolament li għandhom isiru mandatorji taħt il-liġi Komunitarja. Il-pubblikazzjoni għandha tieħu l-għamla ta' referenzi għal RiRSE tali fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Liċenzjar ta' (Għoti ta' liċenzja lil) kontrolluri

Kemm jista' jkunu malajr wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, jekk xieraq, proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-liċenzjar (għoti ta' liċenzji lil) tal-kontrolluri.

IL-KAPITLU II

REGOLI GĦAL FORNIMENT TA' SERVIZZI

Artikolu 6

Rekwiżiti komuni

Rekwiżiti komuni għall-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura li jirreferi għaliha l-Artikolu 5(3) tar-Regolament qafas. Ir-rekwiżiti komuni għandhom jinkludu li ġej:

- kompetenza u konvenjenza teknika u operazzjonali,

- sistemi u proċessi għall-management ta' sigurezza u kwalita,

- sistemi ta' rappurtagg,

- kwalita ta' servizzi,

- Saħħa finanzjarja,

- kopertura ta' responsabbilta u assigurazzjoni,

- struttura ta' pussess u organizzazzjoni, inkluża l-prevenzjoni ta' konflitti ta' interess,

- riżorsi umani, inklużi pjanijiet ta' staffing (provvediment tan-nies) adegwat,

- sigurta.

Artikolu 7

Ċertifikazzjoni tal-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru

1. Il-forniment tas-servizzi kollha ta' navigazzjoni ta' l-ajru ġewwa l-Komunità għandu jkun suġġett għal ċertifikazzjoni mill-Istati Membri.

2. Applikazzjonijiet għall-ċertifikazzjoni għandhom ikunu sottomessi lill-awtorita nazzjonali ta' sorveljanza ta' l-Istat Membru fejn l-applikant għandu l-post prinċipali ta' l-operat tiegħu u, jekk jeżisti, l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

3. L-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza għandhom joħorġu ċertifikati lill-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru fejn jikkonformaw mar-rekwiżiti komuni li jirreferi għalihom l-Artikolu 6. Ċertifikati jistgħu jinħarġu individwalment għal kull tip ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru kif iddefinit fl-Artikolu 2 tar-Regolament qafas, jew għal qatta (grupp) ta' servizzi tali, inter alia, fejn il-fornitur ta' servizzi ta' traffiku ta' l-ajru, ikun x'ikun l-istatus legali tiegħu, jopera u jimmantjeni s-sistemi proprji tiegħu ta' komunikazzjoni, navigazzjoni u sorveljanza. Iċ-ċertifikati għandhom ikunu kontrollati fuq bażi regolari.

4. Iċ-ċertifikati għandhom jispeċifikaw id-drittijiet u l-obbligi tal-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru, inkluż aċċess non-diskriminatorju ta' servizzi għal utenti ta' l-ispazju ta' l-ajru, b'mod partikulari fir-rigward ta' sigurezza. Iċ-ċertifikazzjoni tista' tkun sugġetta biss għall-kondizzjonijiet miġjuba fl-Anness II. Kondizzjonijiet tali għandhom ikunu ġustifikati b'mod oġġettiv, non-diskriminatorju, proporzjonat u trasparenti.

5. Minkejja l-paragrafu 1, Stati Membri jistgħu jippermettu l-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru fl-ispazju ta' l-ajru kollu jew parti minnu taħt ir-responsabbilta tagħhom mingħajr ċertifikazzjoni f'każijiet fejn il-fornitur ta' servizzi tali joffrihom primarjament lill-movimenti ta' aruplani barra minn dawk ta' traffiku ta' l-ajru ġenerali. F'dawk il-każijiet, l-Istat Membru konċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bid-deċiżjoni tiegħu u bil-miżuri meħuda biex tkun żgurata konformita massima mar-rekwiżiti komuni.

6. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8 u suġġett għall-Artikolu 9, il-ħruġ ta' ċertifikati għandu jikkonferixxi fuq il-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru l-possibbilta li joffru s-servizzi tagħhom lill-fornituri oħra ta' navigazzjoni ta' l-ajru, utenti ta' spazju ta' l-ajru u ajruporti ġewwa l-Komunità.

7. L-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza għandhom jimmonitorjaw il-konformita mar-rekwiżiti komuni u mal-kondizzjonijiet mehmuża maċ-ċertifikati. Dettalji ta' tali moniteraġġ għandhom ikunu inklużi fir-rapporti annwali li għandhom ikunu sottomessi mill-Istati Membri skond l-Artikolu 12(1) tar-Regolament qafas. Jekk awtorita nazzjonali ta' sorveljanza ssib li l-possessur (detentur) ta' ċertifikat m'għadux jissodisfa rekwiżiti jew tali kundizzjonijiet, hija għandha tieħu miżuri xierqa filwaqt li tiżgura l-kontinwita ta' servizzi. Miżuri tali jistgħu jinkludu r-revoka taċ-ċertifikat.

8. Stat Membru għandu jirrikonoxxi kull ċertifikat maħruġ fi Stat Membru ieħor skond dan l-Artikolu.

9. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, Stati Membri jistgħu jipposponu l-konformita ma' dan l-Artikolu 'l hinn mid-data li tirriżulta mill-Artikolu 19(2) b'sitt xhur. Stati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'posponiment tali, filwaqt li jagħtu r-raġunijiet tagħhom għalih.

Artikolu 8

Ħatra ta' fornituri ta' servizz ta' traffiku ta' l-ajru

1. Stati Membri għandhom jiżguraw il-forniment ta' servizzi ta' traffiku ta' l-ajru fuq bażi esklusiva ġewwa blokki speċifiċi ta' spazju ta' l-ajru rigward l-ispazju ta' l-ajru taħt ir-responsabbilta tagħhom. Għal dan il-għan, Stati Membri għandhom jaħtru fornitur ta' servizz tat-traffiku ta' l-ajru li jkollu ċertifikat validu fil-Komunità.

2. Stati Membri għandhom jiddefinixxu d-drittijiet u obbligi li l-fornituri ta' servizz għandhom jissodisfaw. L-obbligi jistgħu jinkludu kundizzjonijiet għall-provvista f'waqtha ta' informazzjoni relevanti li tagħmel possibbli li l-movimenti kollha ta' ajruplani fl-ispazju ta' l-ajru taħt ir-responsabbilta tagħhom ikunu identifikati.

3. Stati Membri għandhom poteri (setgħat) diskrezzjonali fil-għażla ta' fornitur ta' servizz, bil-kundizzjoni li dan ta' l-aħħar jissodisfa r-rekwiżiti u kundizzjonijiet li jirreferu għalihom l-Artikli 6 u 7.

4. Rigward il-blokki funzjonali ta' l-ispazju ta' l-ajru stabbiliti skond l-Artikolu 5 tar-Regolament ta' l-ispazju ta' l-ajru li jestendu ruħhom min-naħa għall-oħra ta' l-ispazju ta' l-ajru taħt ir-responsabbilta ta' aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istati Membri konċernati għandhom b'mod konġunt jaħtru fornitur ta' servizz ta' l-ispazju ta' l-ajru jew aktar minn wieħed, għall-inqas xahar qabel l-implimentazzjoni tal-blokk ta' l-ispazju ta' l-ajru.

5. Stati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u Stati Membri l-oħra immedjatament b'kull deċiżjonijiet fil-qafas ta' dan l-Artikolu dwar il-ħatra ta' fornituri ta' servizz ta' spazju ta' l-ajru ġewwa blokki speċifiċi ta' spazju ta' l-ajru fir-rigward ta' l-ispazju ta' l-ajru taħt ir-responsabbilta tagħhom.

Artikolu 9

Ħatra ta' fornituri ta' servizzi meteoroloġiċi

1. Stati Membri jistgħu jaħtru fornitur ta' servizzi meteoroloġiċi għall-provvista tad-data meteoroloġika kollha jew parti minnha fuq bażi esklusiva fl-ispazju ta' l-ajru kollu jew parti minnu taħt ir-responsabbilta tagħhom, filwaqt li jqisu konsiderazzjonijiet ta' sigurezza.

2. Stati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u Stati Membri oħra bla dewmien fil-qafas ta' dan l-Artikolu dwar il-ħatra ta' fornitur ta' servizzi meteoroloġiċi.

Artikolu 10

Relazzjonijiet bejn fornituri ta' servizzi

1. Fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru jistgħu japprofittaw ruħhom mis-servizzi ta' fornituri ta' servizz oħra li kienu ċertifikati fil-Komunità.

2. Fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandhom jifformalizzaw ir-relazzjonijiet tax-xogħol tagħhom permezz ta' ftehim bil-miktub jew arranġamenti legali ekwivalenti, li jkun fihom id-doveri u funzjonijiet speċifiċi assunti minn kull fornitur u li jippermettu għall-iskambju ta' data operazzjonali bejn il-fornituri tas-servizzi kollha safejn għandu x'jaqsam it-traffiku ta' l-ajru ġenerali. Dawk l-arranġamenti għandhom ikunu notifikati lill-awtorita jew l-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza konċernati.

3. F'każijiet li jinvolvu l-forniment ta' servizzi ta' traffiku ta' l-ajru, l-approvazzjoni ta' l-Istati Membri konċernati għandha tkun rekwiżita. F'każijiet li jinvolvu l-forniment ta' servizzi meteoroloġiċi, l-approvazzjoni ta' l-Istati Membri konċernati għandha tkun rekwiżita jekk huma jkunu ħatru fornitur fuq bażi esklussiva skond l-Artikolu 9(1).

Artikolu 11

Relazzjonijiet ma' awtoritajiet militari

Stati Membri, fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport, għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-ftehim bil-miktub bejn l-awtoritajiet kompetenti ċivili u militari jew l-arranġamenti legali ekwivalenti jkunu stabbiliti fir-rigward ta' l-immaniggjar ta' blokki speċifiċi ta' l-ispazju ta' l-ajru.

Artikolu 12

Trasparenza ta' kontijiet

1. Fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru, tkun xi tkun is-sistema ta' pussess tagħhom jew forma legali, għandhom jiktbu, jissottomettu lill-verifika u jippubblikaw il-kontijiet finanzjarji tagħhom. Dawn il-kontijiet għandhom jikkonformaw ma l-istandards internazzjonali ta' kontijiet addottati mill-Komunità. Fejn, minħabba l-istatus legali tal-fornitur ta' servizz, konformita sħiħa ma' l-istandards internazzjonali ta' kontijiet ma tkunx possibbli, l-fornitur għandu jagħmel sforz biex jikseb konformita tali sal-punt massimu possibbli.

2. Fil-każijiet kollha, l-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandhom jippubblikaw rapport annwali u jgħaddu regolarment minn verifika indipendenti.

3. Meta jipprovdu grupp (qatta) ta' servizzi, fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandhom, fil-kontijiet interni tagħhom, jidentifikaw l-ispejjeż u dħul (introjtu) relevanti għal servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru, imqassmin skond il-prinċipji ta' Eurocontrol għall-istabbiliment tal-bażi ta' spiża għal ħlasijiet ta' faċilita ta' rotta u l-kalkolu tar-rati ta' unita u, fejn xieraq, iżommu kontijiet konsolidati għal servizzi oħra mhux ta' navigazzjoni ta' l-ajru, kif kienu jkunu rikjesti li jagħmlu kieku s-servizzi in-kwistjoni kellhom ikunu provduti minn impriżi separati.

4. Stati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti li għandhu jkollhom aċċess għall-kontijiet tal-fornituri ta' servizz li jipprovdu servizzi ġewwa l-ispazju ta' l-ajru taħt ir-responsabbilta tagħhom.

5. Stati Membri jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet transizzjonali ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali ta' kontijiet [7] għall-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru li jaqgħu taħt l-ambitu ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Aċċess għal u protezzjoni ta' data

1. Safejn għandu x'jaqsam it-traffiku ta' l-ajru ġenerali, data operazzjonali rilevanti għandha tkun skambjata f'ħin reali bejn il-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru, utenti ta' spazju ta' l-ajru u l-ajruporti kollha, biex ikunu faċilitati l-ħtiġiet operazzjonali tagħhom. Id-data għandha tkun użata biss għal għanijiet ta' operazzjoni.

2. L-aċċess għal data ta' operazzjoni għandu jingħata lill-awtoritajiet proprji, fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru ċertifikati, utenti ta' l-ispazju ta' l-ajru u ajruporti fuq bażi non-diskriminatorja.

3. Fornituri ta' servizz iċċertifikati, utenti ta' spazju ta' l-ajru u ajruporti għandhom jistabbilixxu kundizzjonijiet standard ta' aċċess għad-data operazzjonali relevanti tagħhom barra minn dik (dawk) li jirreferi għaliha l-paragrafu 1. L-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza għandhom jappruvaw kundizzjonijiet standard tali. Regoli dettaljati konnessi ma' tali kundizzjonijiet għandhom ikunu stabbiliti, fejn xieraq, skond il-proċedura li jirreferi għaliha l-Artikolu 5(3) tar-Regolament qafas.

IL-KAPITLU III

SKEMI TA' ĦLASIJIET

Artikolu 14

Ġenerali

Skond ir-rekwiżiti ta' l-Artikli 15 u 16, skema ta' ħlasijiet għas-servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandha tkun żviluppata li tikkontribwixxi għall-ksib ta' trasparenza akbar fir-rigward tad-determinazzjoni, impożizzjoni u infurzar ta' ħlasijiet għal utenti ta' spazju ta' l-ajru. Din l-iskema għandha wkoll tkun konsistenti ma' l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili u mas-sistema ta' ħlas ta' Eurcontrol għal ħlasijiet en route.

Artikolu 15

Prinċipji

1. L-iskema ta' ħlasijiet għandha tkun ibbażata fuq il-kont ta' spejjeż għas-servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru minfuqa minn fornituri ta' servizz għall-benefiċċju ta' l-utenti ta' l-ispazju ta' l-ajru. L-iskema għandha talloka dawn l-ispejjeż fost il-kategoriji ta' l-utenti.

2. Il-prinċipji li ġejjin għandhom ikunu applikati meta l-bażi ta' spejjeż għall-ħlasijiet tkun se tiġi stabbilita:

(a) l-ispejjeż li għandhom jitqassmu bejn l-utenti ta' l-ispazju ta' l-ajru għandhom ikunu l-ispejjeż sħaħ tal-forniment tas-servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru, inklużi ammonti xierqa għal imgħax fuq kapital investit u deprezzar ta' assi, kif ukoll l-ispejjeż ta' manutenzjoni, operazzjoni, maniġgjar u amministrazzjoni;

(b) l-ispejjeż li għandom jitqiesu f'dan il-kuntest għandhom ikunu dawk stmati f'konnessjoni mal-faċilitajiet u servizzi provduti għal w implimentati taħt il-Pjan Reġjonali ta' Navigazzjoni ta' l-Ajru ta' l-OIAĊ, Reġjun Ewropew. Huma jistgħu wkoll jinkludu spejjeż minfuqa mill-autoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza u/jew organizzazzjonijiet rikonoxxuti, kif ukoll spejjeż oħra minfuqa mill-Istati Membri u l-fornituri ta' servizz relevanti f'konnessjoni mal-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru;

(ċ) l-ispiża ta' servizi differenti ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandha tkun identifikata b'mod separat, kif jipprovdi l-Artikolu 12(3);

(d) sussidji minn hawn għal hemm bejn servizzi differenti ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandhom ikunu permessi biss meta ġustifikati għal raġunijiet oġġettivi, u suġġetti għal identifikazzjoni ċara;

(e) trasparenza tal-bażi ta' spiża għal ħlasijiet għandha tkun iggarantita. Regoli ta' implimentazzjoni għall-forniment ta' informazzjoni minn fornituri ta' servizz għandhom ikunu addottati biex jippermettu reviżjonijiet tal-previżjonijiet tal-fornitur, spejjeż attwali u dħul (introjtu). Għandu jkun hemm skambju regolari ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza, fornituri ta' servizz, utenti ta' l-ispazju ta' l-ajru, il-Kummissjoni u Eurocontrol.

3. Mingħajr preġudizzju għas-sistema ta' ħlas ta' Eurocontrol għal ħlasijiet en route, Stati Membri għandhom jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin meta jkunu ser jistabbilixxu ħlasijiet skond il-paragrafu 2:

(a) ħlasijiet għandhom ikunu stabbiliti għas-servizzi disponibbli tan-navigazzjoni ta' l-ajru taħt kundizzjonijiet non-diskriminatorji. Meta jkunu imposti ħlasijiet fuq utenti differenti ta' l-ispazju ta' l-ajru għall-użu ta' l-istess servizzi, ebda distinzjoni m'għandha ssir f'konnessjoni ma' nazzjonalita jew kategorija ta' l-utent;

(b) eżenzjoni ta' ċerti utenti, speċjalment ajruplani ħfief u ajruplani ta' l-Istat, tista' tkun permessa, sakemm l-ispiża ta' eżenzjoni talli ma tintefax fuq utenti oħra;

(ċ) servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru jistgħu jipproduċi introjtu biżżejjed li jeċċedi l-ispejjeż diretti u indiretti kollha ta' l-operat u jipprovdu għal qligħ raġonevoli fuq assi biex jikkontribwixxu għal titjib meħtieġ ta' kapital;

(d) il-ħlasijiet għandhom jirriflettu l-ispiża ta' servizzi u faċilitajiet ta' navigazzjoni ta' l-ajru mqiegħda għad-dispożizzjoni ta' l-utenti ta' l-ispazju ta' l-ajru, filwaqt li jitqiesu l-kapaċitajiet produttivi relattivi tat-tipi differenti ta' l-ajruplani konċernati;

(e) il-ħlasijiet għandhom jinkuraġġixxu l-forniment salv, effiċjenti w effettiv ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru bil-ħsieb ta' livell għoli ta' sigurezza u ta' effiċjenza mqabbla ma' l-ispiża u għandhom jistimulaw il-forniment ta' servizz integrat. Biex ikollhom dak l-effett, ħlasijiet tali jistgħu jintużaw biex jipprovdu:

- mekkaniżmi, inklużi inċentivi li jikkonsistu f'vantaġġi u żvantaġġi finanzjarji, biex jinkoraġġixxu l-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru u/jew utenti ta' l-ispazju ta' l-ajru biex jappoġġaw titjib fl-immaniġġjar tal-fluss tat-traffiku ta' l-ajru bħal żieda fil-kapaċita u tnaqqis ta' dewmien, filwaqt li jinżamm l-aħjar livell ta' sigurezza. Id-deċiżjoni jekk mekkaniżmi tali jkunux applikati tibqa' r-responsabbilta biss ta' kull Stat Membru,

- introjtu li jibbenefika proġetti disinjati biex jassistu kategoriji speċifiċi ta' utenti u/jew fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru biex jitjiebu infrastrutturi kollettivi ta' navigazzjoni ta' l-ajru, il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru u l-użu ta' spazju ta' l-ajru.

4. Ir-regoli ta' implimentazzjoni fl-oqsma koperti mill-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura li jirreferi għaliha l-Artikolu 8 tar-Regolament qafas.

Artikolu 16

Reviżjoni ta' ħlasijiet

1. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi għar-reviżjoni dejjem għaddejja ta' konformità mal-prinċipji u regoli li jirreferi għalihom l-Artikli 14 u 15, filwaqt li taġixxi f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tagħmel sforz biex tistabbilixxi il-mekkaniżmi meħtieġa biex isir użu mill-kompetenza ta' Eurocontrol.

2. Fuq talba ta' wieħed jew aktar Stati Membri li jikkunsidraw li l-prinċipji u regoli msemmija aktar 'il fuq ma kinux applikati b'mod proprju, jew fuq inizjattiva tagħha proprja, il-Kummissjoni għandha tagħmel investigazzjoni dwar kull allegazzjoni ta' non-konformita jew non-applikazzjoni tal-prinċipji u/jew regoli konċernati. Fi żmien xahrejn mir-riċeviment ta' talba, wara li tkun semgħet l-Istat Membru konċernat u wara li tikkonsulta l-Kumitat dwar Ajru Uniku skond il-proċedura li jirreferi għaliha l-Artikolu 5(2) tar-Regolament qafas, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikli 14 u 15 u rigward jekk il-prattika konċerntata tistax tissokta.

3. Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri u tgħarraf biha lill-fornitur ta' servizz, sakemm ikun legalment ikkonċernat. Kull Stat Membru jista' jirreferi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill fi żmien xahar. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fi żmien perjodu ta' xahar.

IL-KAPITLU IV

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Aġġustament għall-progress tekniku

1. Biex isiru adattamenti għal żviluppi tekniċi, aġġustamenti jistgħu jsiru lill-Annessi skond il-proċedura li jirreferi għaliha l-Artikolu 5(3) tar-Regolament qafas.

2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-regoli ta' implimentazzjoni addottati fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 18

Segretezza

1. La l-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza, filwaqt li jaġixxu skond il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, lanqas il-Kummissjoni m'għandhom jiżvelaw informazzjoni ta' natura sigrieta, b'mod partikulari informazzjoni dwar fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru, ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom u l-komponenti ta' l-ispejjeż tagħhom.

2. Paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' żvelar mill-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza fejn ikun essenzali għall-għanijiet biex jissodisfaw dmirijiethom, f'liema każ żvelar tali għandu jkun proporzjonat u għandu jirrispetta l-interessi leġittimi tal-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

3. Barra minn dan, il-paragrafu 1 m'għandux jipprekludi żvelar ta' informazzjoni, barra minn informazzjoni ta' natura sigrieta, dwar il-kondizzjonijiet u twettiq ta' forniment ta' servizzi.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

2. Madankollu, l-Artikli 7 u 8 għandhom jidħlu fis-seħħ sena wara l-pubblikazzjoni tar-rekwiżiti komuni, kif jirreferi l-Artikolu 6, fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strassburgu, fl-10 ta' Marzu 2004.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

F'isem il-Kunsill

Il-President

D. Roche

[1] ĠU C 103 E, tat-30.4.2002, p. 26.

[2] ĠU C 241, tas-7.10.2002, p. 24.

[3] ĠU C 278, ta' l-14.11.2002, p. 13.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Settembru 2002 (ĠU C 272 E, tat-13.11.2003, p. 303), pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-18 ta' Marzu 2003 (ĠU C 129 E, tat-3.6.2003, p. 16) u pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Lulju 2003 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Jannar 2004 u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Frar 2004.

[5] ĠU L 96, tal-31.3.2004, p. 1.

[6] ĠU L 96, tal-31.3.2004, p. 20.

[7] ĠU L 243, tal-11.9.2002, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

REKWIŻITI GĦAL ORGANIZZAZZJONIJIET RIKONOXXUTI

L-organizzazzjoni rikonoxxuta għandha:

- tkun kapaċi li tiddokumenta l-esperjenza intensiva fl-istima ta' entitajiet pubbliċi u privati fis-setturi tat-trasport ta' l-ajru, b'mod partikulari fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru, u f'setturi oħra simili f'qasam jew oqsma koperti minn dan ir-Regolament,

- ikollha regoli u regolamenti komprensivi għall-istħarriġ perjodiku ta' l-entitajiet imsemmija aktar 'il fuq, ippubblikati u kontinwament ta' kwalità aħjar u mtejba permezz ta' programmi ta' riċerka u żvilupp,

- ma tkunx ikkontrollata minn fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru, minn awtoritajiet ta' maneġġjar ta' ajruporti jew oħrajn impenjati kummerċjalment fil-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru jew servizzi ta' trasport ta' l-ajru,

- tkun stabbilita bi staff tekniku, maniġerjali, ta' appoġġ u riċerka sinifikanti proporzjonat max-xogħlijiet li għandhom jitwettqu,

- tkun maniġġjata u amministrata b'mod tali li tkun żgurata s-segretezza ta' informazzjoni rekwiżita mill-amministrazzjoni,

- tkun lesta biex tipprovdi informazzjoni relevanti lill-awtorita nazzjonali ta' sorveljanza konċernata,

- tkun iddefiniet u dokumentat il-politika u l-għanijiet tagħha u l-impenn għal kwalità u tkun żgurat li din il-politika tkun inftiehmet, implementata u mantenuta fil-livelli kollha fl-organizzazzjoni,

- tkun żviluppat, implimentat u mantniet sistema ta' kwalità interna effettiva bażata fuq partijiet xierqa ta' standards ta' kwalità rikonoxxuti internazzjonalment u f'konformita ma' EN 45004 (korpi ta' spezzjoni) u ma' EN 29001, kif interpretati mir-Rekwiżiti ta' l-Iskema ta' Ċertifikazzjoni tas-Sistema ta' Kwalità ta' IACS,

- tkun suġġetta għal ċertifikazzjoni tas-sistema ta' kwalità tagħha minn korp indipendenti ta' awdituri rikonoxxut mill-awtoritajiet ta' l-Istat Membru li fih tkun qiegħda.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

KUNDIZZJONIJIET LI GHANDHOM JINHEMŻU MA' ĊERTIFIKATI

1. Ċertifikati għandhom jispeċifikaw:

(a) l-awtorita nazzjonali ta' sorveljanza li toħroġ iċ-ċertifikat;

(b) l-applikant (isem u indirizz);

(ċ) is-servizzi li huma ċertifikati;

(d) dikjarazzjoni tal-konformita ta' l-applikant mar-rekwiżiti komuni, kif iddefiniti fl-Artiklu 6 ta' dan ir-Regolament;

(e) id-data tal-ħruġ u l-perjodu ta' validita taċ-ċertifikat.

2. Kundizzjonijiet addizzjonali mehmuża maċ-ċertifikati jistgħu, kif xieraq, ikunu konnessi ma':

(a) aċċess non-diskriminatorju ta' servizzi għal utenti ta' l-ispazju ta' l-ajru u l-livell rekwiżit tat-twettiq ta' servizzi tali, inklużi livelli ta' sigurezza u interoperabilita;

(b) l-ispeċifikazzjonijiet operazzjonali għas-servizzi partikulari;

(ċ) iż-żmien li sa fih is-servizzi għandhom ikunu provduti;

(d) it-tagħmir varju ta' operat li għandu jintuża ġewwa servizzi parikulari;

(e) limitazzjoni jew restrizzjoni ta' operazzjonijiet ta' servizzi barra dawk konnessi ma' forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru;

(f) kuntratti, ftehim jew arranġamenti oħra bejn il-fornitur ta' servizz u parti terza u li jikkonċernaw is-servizz(i);

(g) forniment ta' informazzjoni raġonevolment rekwiżita għall-verifika ta' konformita tas-servizzi mar-rekwiżiti komuni, inklużi pjanti, data finanzjarja u operazzjonali, u tibdil kbir fit-tip u/jew ambitu tas-servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru provduti;

(h) kull kundizzjonijiet legali oħra li m'humiex speċifiċi għas-servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru, bħalma huma kundizzjonijiet konnessi mas-sospensjoni jew revoka taċ-ċertifikat.

--------------------------------------------------

Top