Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R0364

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 364/2004 tal-25 ta' Frar 2004 illi jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001 fir-rigward ta' l-estensjoni ta' l-applikabilità tiegħu illi jinkludi l-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp

OJ L 63, 28.2.2004, p. 22–29 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 08 Volume 003 P. 64 - 71
Special edition in Estonian: Chapter 08 Volume 003 P. 64 - 71
Special edition in Latvian: Chapter 08 Volume 003 P. 64 - 71
Special edition in Lithuanian: Chapter 08 Volume 003 P. 64 - 71
Special edition in Hungarian Chapter 08 Volume 003 P. 64 - 71
Special edition in Maltese: Chapter 08 Volume 003 P. 64 - 71
Special edition in Polish: Chapter 08 Volume 003 P. 64 - 71
Special edition in Slovak: Chapter 08 Volume 003 P. 64 - 71
Special edition in Slovene: Chapter 08 Volume 003 P. 64 - 71
Special edition in Bulgarian: Chapter 08 Volume 001 P. 225 - 232
Special edition in Romanian: Chapter 08 Volume 001 P. 225 - 232

No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/364/oj

32004R0364



Official Journal L 063 , 28/02/2004 P. 0022 - 0029


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 364/2004

tal-25 ta' Frar 2004

illi jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001 fir-rigward ta' l-estensjoni ta' l-applikabilità tiegħu illi jinkludi l-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej dwar ċerti kategorji ta' għajnuna orizzontali ta' l-Istat [1] u partikolarment il-punti (a)(i) u (b) ta' l-Artikolu 1(1) tiegħu,

Wara illi ppubblikat abbozz ta' dan ir-Regolament [2],

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,

billi:

(1) Id-definizzjoni ta' l-impriżi żgħar u medji (IŻM) użata fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 70/2001 tat-12 ta' Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna ta' l-Istat għall-impriżi żgħar u medji [3] hija dik użata fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 96/280/KE tat-3 ta' April, 1996 dwar id-definizzjoni ta' l-impriżi żgħar u medji [4]. Dik ir-Rakkomandazzjoni ġiet mibdula mir-Rakkomandazzjoni 2003/261/KE tas-6 ta' Mejju 2003 illi tikkonċerna d-definizzjoni ta' l-impriżi mikro, żgħar u medji [5] b' effett mill-1 ta' Jannar 2005.

(2) Ir-regoli għandhom jiġu kjarifikati fil-każijiet fejn l-investiment jieħu post l-arja eliġibbli għall-għajnuna reġjonali, iżda f'qasam fejn l-għajnuna reġjonali hija projbita. Il-limiti ta' l-għajnuna reġjonali għandhom japplikaw biss jekk ir-reġjun fejn l-investiment ikun qiegħed isir u s-settur illi għalih il-benefiċjarju jappartjeni jkunu eliġibbli għall-għajnuna reġjonali. Ir-regoli illi jeħtieġu notifika ta' għajnuna sostanzjali individwali lil hinn minn ċerti limiti għandhom jiġu kjarifikati skond il-każ.

(3) L-esperjenza wriet illi huwa mixtieq illi jkun hemm sistema ta' rappurtaġġ unifikat u simplifikat ta' kull sena adottat skond l-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999) li jniżżel regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE [6]. Id-disposizzjonijiet stabbiliti fl-Anness III mar-Regolament (KE) Nru 70/2001 dwar ir-rappurtaġġ speċifiku għandhom għaldaqstant japplikaw sa dak iż-żmien meta tiġi adottata sistema ġenerali ta' rappurtaġġ.

(4) Huwa meħtieġ illi jiġu stabbiliti d-disposizzjonijiet għall-verifika tal-kompatibilità mas-suq komuni ta' kwalunkwe għajnuna għall-impriżi żgħar u medji mogħtija mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 70/2001.

(5) L-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp tista' tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku, għat-tisħiħ tal-kompetittività u l-ħolqien ta' l-impjiegi. L-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp għall-IŻM hija ta' importanza kbira ħafna, għaliex wieħed mill-iżvantaġġi stutturali ta' l-IŻM tinsab fid-diffikultà illi huma jistgħu jesperjenzaw f'li jkollhom aċċess għall-iżvilupp teknoloġiku ġdid u għat-trasferiment tat-teknoloġija. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni hi ta' l-opinjoni illi fil-qafas tal-Komunità fir-rigward ta' l-għajnuna u l-iżvilupp [7], wieħed jista' jassumi illi l-għajnuna ta' l-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp tkun ta' inċentiv għall-IŻM sabiex jinvolvu ruħhom f'aktar riċerka u żvilupp peress illi l-IŻM in ġenerali jonfqu percentwali baxxa tal-valur tal-bejgħ tagħhom f'attivitajiet ta' riċerka u żvilupp. Fuq il-bażi ta' l-esperjenza tagħha bl-applikazzjoni tal-qafas tal-Komunità għall-għajnuna ta' l-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp lill-IŻM, il-Kummissjoni għaldaqstant iddeċidiet illi teżenta din l-għajnuna mill-ħtieġa ta' notifika minn qabel, filwaqt li tqis ukoll illi din l-għajnuna għandha potenzal limitata ħafna fir-rigward ta' l-effett negattiv illi jista' jkollha fuq il-kompetizzjoni. Dan japplika wkoll għall-għajnuna għall-istudji dwar il-vjabbiltà u l-għajnuna sabiex tkopri l-ispejjeż tal-patenti kif ukoll l-għajnuna individwali illi ma taqbiżx ċerti limiti.

(6) L-applikabbiltà tar-Regolament (KE) Nru 70/2001 għandu għalhekk jiġi estiż sabiex ikopri l-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp mogħti lill-IŻM fl-aktar raġġ wiesgħa possibbli tas-setturi.

(7) Certi definizzjonijiet fir-Regolament (KE) Nru. 70/2001 għandhom jiġu emendati, sabiex jitqiesu l-partikolaritajiet ta' għajnuna ta' l-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp, u oħrajn għandhom jiżdiedu. B‘mod partikolari, għandhom jiddaħħlu d-definizzjonijiet ta' l-istadju tar-riċerka u l-iżvilupp illi jinsabu fl-Anness 1 għall-qafas tal-Komunità dwar ir-riċerka u l-iżvilupp. Il-lista ta' l-ispejjeż eliġibbli għandha tikkorrispondi mal-lista' fl-Anness II tal-qafas, b'ċertu kjarifiki li jkunu meħtieġa sabiex jirriflettu l-fatt illi r-Regolament huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri. Il-Benefiċjarji m'għandhomx ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-sussidju doppju tar-riżultati identiċi tar-riċerka.

(8) Il-gwida fil-qafas tal-Komunità għall-għajnuna ta' l-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp dwar jekk ċertu miżuri jikkostitwux għajnuna ta' l-Istat fis-sens li l-Artikolu 87(1) tat-Trattat jibqa' relevanti għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament.

(9) Bil-għan li jiġi inkoraġġit tixrid tar-riżultati ta' riċerka, l-IŻM jistgħu jirċievu għajnuna għall-ispejjeż inkorsi fil-kisba u validar tal-patenti u drittijiet oħra tal-proprjetà ta' l-industrija illi jirriżultaw mill-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp. M'għandhiex tkun prekondizzjoni għall-eżenzjoni ta' din l-għajnuna illi l-attività li wasslet għad-dritt in-kwistjoni tkun irċeviet ukoll l-għajnuna. Huwa biżżejjed illi l-attività kieku tkun għall-għajnuna tar-riċerka u l-iżvilupp.

(10) Mhux l-għajnuna kollha għar-riċerka u l-iżvilupp tista' tiġi eżenta taħt ir-Regolament (KE) Nru. 70/2001. Il-limiti tal-qafas tal-Komunità għall-għajnuna ta' l-Istat għar-Riċerka u l-Iżvilupp illi tapplika għan-notifiki individwali għandha tapplika wkoll fir-rigward ta' għajnuna individwali illi tista' tiġi eżenta taħt dak ir-Regolament. Ir-Regoli speċjali li huma kunsidrati ta' interess komuni Ewropew għandhom ikomplu japplikaw għall-proġettazzjoni Eureka illi taqa' taħt id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Hanover tas-6 ta' Novembru 1985.

(11) Ir-Regolament (KE) Nru 70/2001 m'għandux jeżenta l-għajnuna mogħtija taħt il-forma ta' ammont illi jiġi avvanzat u espress f'persentaġġ ta' spejjeż eliġibbli, illi jaqbeż l-intensità ta' l-għajnuna stabbilita f'dan ir-Regolament u titħallas lura biss f'każ ta' eżitu ta' suċċess ta' l-attivitajiet ta' riċerka kif previst fil-qafas ta' l-għajnuna ta' l-Istat għar-Riċerka u l-Iżvilupp, peress li l-Kummissjoni tivverifika l-għajnuna illi hija rimborsabbli skond il-każ, filwaqt li jiġu meqjusa l-kondizzjonijiet proposti tar-rimbors.

(12) Ir-Regolament (KE) Nru 70/2001, kif emendat minn dan ir-Regolament, japplika biss għall-għajnuna ta' l-Istat għar-Riċerka u l-Iżvilupp mogħtija lill-IŻM. Il-qafas tal-Komunità għall-għajnuna ta' l-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp ser ikompli jiġi użat għall-istima ta' kull għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp illi tkun notifikata lill-Kummissjoni.

(13) Ir-Regolament (KE) Nru 70/2001 għandu għalhekk jiġi emendat biex jirrifletti dan kollu hawn fuq imsemmi.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 70/2001 qiegħed jiġi emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 1(2) huwa emendat kif ġej:

(a) il-punt (a) huwa mibdul b'dan li ġej:

"(a) fir-rigward ta' l-Artikolu 4 u 5, għall-attivitajiet annessi mal-produzzjoni, proċessar u t-tqegħid fuq is-suq tal-prodotti msemmijin fl-Anness mat-Trattat."

(b) il-punt (d) qiegħed jiġi jiżjud dan li ġej:

"(d) għall-għajnuna illi taqa taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru.1407/2002 [8].";

2. L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-punt (e) jiżdied dan li ġej:

"Għall-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp (R u Ż), l-intensità ta' l-għajnuna lorda għall-proġett ta' R u Ż illi tkun qed issir b' kollaborazzjoni bejn stabbiliment pubbliku ta' riċerka u impriża għandha tiġi kalkulata fuq il-bażi ta' l-għajnuna kumbinata illi tkun ġejja mill-appoġġ dirett tal-gvern għall-proġett speċifiku ta' riċerka u, fejn tikkostitwixxi għajnuna, il-kontribuzzjonijiet għall-proġett mill-istabbilimenti pubbliċi ta' edukazzjoni għolja illi ma joperawx għal-profitt u ta' riċerka.";

(b) qed jizdiedu l-punti li ġejjin (h), (i) u (j):

"(h) "riċerka fundamentali"; għandha tfisser attività maħsuba sabiex tkabbar l-għarfien tekniku u xjentifiku illi m'huwiex marbut ma' għanijiet industrijali u kummerċjali;

(i) "ir-riċerka industrijali"; għandha tfisser riċerka ppjanata jew investigazzjoni kritika mmirata lejn l-akkwist ta' tagħrif ġdid, bil-għan illi dan it-tagħrif ikun utli fl-iżvilupp ta' prodotti, proċessi u servizzi ġodda;

(j) "l-iżvilupp ta' qabel il-kompetizzjoni"; għandha tfisser il-formazzjoni tar-riżultati tar-riċerka ta' l-industrija fi pjan, arranġament jew disinn għall-prodotti ġodda, mibdulin jew imtejbin kemm jekk ikunu intiżi għall-bejgħ jew użu, inkluż il-ħolqien ta' prototipu inizjali illi ma jkunx jista' jiġi użat kummerċjalment. Dan jista' jinkludi wkoll l-formulazzjoni konċettwali jew il-proġett pilota, iżda dan il-proġett ma jkunx jista' jinqaleb jew jiġi użat f'applikazzjonijiet industrijali jew għal esplojtazzjoni kummerċjali. Ma jinkludix il-bidliet ta' rutina jew dawk perjodiċi illi jsiru lill-prodotti, il-linja ta' prodotti, il-proċessi ta' manifattura, is-servizzi eżistent jew operazzjonijiet oħra illi jkunu qegħdin isiru, anke jekk dawn il-bidliet jistgħu jirrappreżentaw titjib.";

3. Fl-Artikolu 4, il-paragrafi 2 u 3 huma mibdulin b'dan li ġej:

"2. billi l-investiment isir f'artijiet jew setturi illi ma jikkwalifikawx għall-għajnuna reġjonali skond l-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) tat-Trattat fil-mument li l-għajnuna tigi mogħtija, l-intensità ta' l-għajnuna lorda m' għandhiex taqbeż:

(a) 15 % fil-każ ta' l-impriżi ż-żgħar;

(b) 7,5 % fil-każ ta' l-impriżi tad-daqs medju;

3. billi l-investiment isir f'artijiet u f'setturi illi jikkwalifikaw għall-għajnuna reġjonali fil-mument illi l-għajnuna tkun mogħtija, l-intensità ta' l-għajnuna m'għandhiex taqbeż il-limiti ta' l-għajnuna ta' l-investiment reġjonali determinati fil-mappa approvata mill-Kummissjoni għal kull Stat Membru b' aktar minn:

(a) 10 punti perċentwali lordi fl-arjiet illi huma koperti mill-Artikolu 87(3)(ċ), jekk kemm-il darba l-intensità ta' l-għajnuna netta ma taqbiżx it-30 %; jew

(b) 15-il punti perċentwali lordi fl-artijiet koperti mill-Artikolu 87(3)(a), jekk kemm-il darba l-intensità ta' l-għajnuna netta ma taqbiżx il-75 %.

Il-limiti l-għoljin ta' l-għajnuna reġjonali għandhom japplikaw biss jekk l-għajnuna tkun mogħtija taħt il-kundizzjoni li l-investiment jinżamm fir-reġjun reċipjenti għal, mill-inqas, ħames snin u l-kontribut tal-benefiċjarju għall-finanzjament tiegħu stess ikun ta' mill-inqas 25 %.";

4. L-Artikoli 5a, 5b u 5ċ illi ġejjin ġew miżjuda:

"Artikolu 5a

Għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp

1. L-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni fis-sens ta' l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat u għandha tkun eżenta mill-ħtieġa ta' notifika ta' l–Artikolu 88(3) tat-Trattat illi jaderixxi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5.

2. Il-proġett illi jkun irċieva l-għajnuna għandu jaqa' kompletament fl-istadji tar-riċerka u l-iżvilupp definit fl-Artikolu 2(h), (i) u (j).

3. L-intensità lorda ta' l-għajnuna, kif kalkulata fuq il-bażi ta' l-ispejjeż eliġibbli tal-proġett, m'għandhiex taqbeż:

(a) 100 % għar-riċerka fundamentali;

(b) 60 % għar-riċerka industrijali;

(ċ) 35 % għall-iżvilupp ta' qabel il-kompetizzjoni.

Jekk proġett ikun jinkludi stadji differenti ta' riċerka u żvilupp, l-intensità ta' l-għajnuna permissibbli għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-medja peżata fuq l-intensitajiet rispettivi ta' l-għajnuna permissibbli kalkulata fuq il-bażi ta' l-ispejjeż eliġibbli involuti.

Fil-każ ta' proġett kollaborattiv, l-ammont massimu ta' għajnuna għal kull benefiċjarju m'għandux jaqbeż l-intensità permessa ta' l-għajnuna kalkolata b'referenza għall-ispejjeż eliġibbli illi jkunu ntefqu mill-benefiċjarju konċernat.

4. Il-limiti tal-paragrafu 3 jistgħu jinżiedu sa l-intensità massima lorda illi ġejja ta' 75 % għar-riċerka industrijali u 50 % għall-iżvilupp pre-kompetizzjoni;

(a) Fejn il-proġett isir f'arja illi, fiż-żmien meta l-għajnuna tingħata, tikkwalifika għall-għajnuna reġjonali, l-intensità massima ta' l-għajnuna tista' tiżdied b'10 punti perċentwali lordi fl-arjiet koperti mill-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat u b'ħames punti perċentwali lordi fl-artjiet koperti mill-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat;

(b) billi l-proġett jaspira illi jagħmel riċerka b'applikazzjoni multi-settorjali u jiffoka fuq l-atteggjament multidixxiplinarju skond l-għanijiet, il-kompiti u l-għanijiet tekniċi ta' proġett speċifiku jew programm illi jkun inbeda taħt is-Sitt Programm ta' Qafas għar-riċerka u l-iżvilupp, stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 1513/2002/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill [9] jew kwalunkwe Programm ta' Qafas sussegwenti għar-riċerka u l-iżvilupp jew Eureka, l-intensità ta' l-għajnuna massima tista' tiżdied sa 15-il punt perċentwali lord;

(ċ) l-intensità massima ta' l-għajnuna tista' tiżdied b'għaxar punti perċentwali jekk waħda mill-kondizzjonijiet illi ġejjin tkun sodisfatta.

(i) il-proġett jinvolvi koperazzjoni transkonfini bejn mill-anqas żewġ sieħba indipendenti f'żewġ Stati Membri, partikolarment fil-kuntest tal-kordinazzjoni tal-politika nazzjonali tar-R u Ż; l-ebda kumpanija waħdanija fl-Istati Membri illi tagħti l-għajnuna ma tista' tieħu fuqha aktar minn 70 % ta' l-ispejjeż eliġibbli; jew

(ii) il-proġett jinvolvi l-koperazzjoni effettiva bejn kumpanija u entità pubblika ta' riċerka, partikolarment fil-kuntest tal-kordinazzjoni tal-politika nazzjonali tar-R u Ż, meta l-entità pubblika ta' riċerka tieħu fuqha mill-anqas 10 % ta' l-ispejjeż eliġibbli tal-proġett u għandha d-dritt illi tippubblika r-riżultati peress li huma joħorġu minn riċerka implimentata minn dik l-entità; jew

(iii) ir-riżultati tal-proġett huma sostanzjalment imxerrdin permezz ta' konferenzi tekniċi u xjentifiċi jew pubblikati f'ġurnali xjentifiċi u tekniċi fejn isiru reviżjonijiet bejn kollegi.

Għall-għanijiet tal-punti (i) u (ii), is-sottokuntrattjar m'huwiex meqjus bħala koperazzjoni effettiva.

5. L-ispejjeż eliġibbli għall-għanijiet ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu s-segwenti:

(a) l-ispejjeż tal-persunal (riċerkaturi, tekniċi u personal ieħor ta' appoġġ sal-limitu illi jkun qiegħed jaħdem fuq il-proġett ta' riċerka);

(b) l-ispejjeż tar-rati u l-apparat sal-limitu u għat-tul ta' żmien illi jkun qiegħed jieħu l-proġett tar-riċerka. Jekk dawn l-istrumenti u l-apparat ma jkunux qegħdin jiġu użati għall-ħajja sħiħa tagħhom tal-proġett ta' riċerka, l-ispejjeż tad-deprezzar biss, illi jikkorrispondu maż-żmien tal-proġett tar-riċerka, kif kalkulat fuq il-bażi tal-prattika tajba tal-kontabilità, jkunu kunsidrata eliġibbli;

(ċ) l-ispejjeż tal-bini u ta' l-art, sal-limitu u għat-tul ta' żmien illi jkun qiegħed jieħu l-proġett tar-riċerka.

Fir-rigward tal-bini, l-ispejjeż tad-deprezzar illi jikkorrispondu mat-tul tal-proġett tar-riċerka biss, kif kalkulati fuq il-bażi tal-prattika tajba tal-kontabilità, huma kunsidrati eliġibbli. Għall-art, l-ispejjeż tat-trasferiment kummerċjali jew l-ispejjeż kapitali illi jkunu attwalment intefqu huma eliġibbli;

(d) l-ispiża tal-konsulenza u s-servizzi ekwivalenti użati esklussivament għall-attività tar-riċerka, inklużi r-riċerka, l-għarfien tekniku u l-patenti illi jkunu nxtraw jew liċenzjati minn għejun barranin bi prezzijiet tas-suq, meta t-transazzjoni tkun saret mill-viċin u m'hemm l-ebda element ta' kumbinazzjoni involuta. Dawn l-ispejjeż huma kunsidrati eliġibbli sa 70 % ta' l-ispejjeż total eliġibbli tal-proġett;

(e) l-ispejjeż rikorrenti addizzjonali illi ntefqu direttament bħala riżultat tal-proġett ta' riċerka;

(f) spejjeż oħra operattivi, inklużi l-ispejjeż tal-materjal, provvisti u prodotti oħra simili inkorsi direttament bħala riżultat ta' l-attività ta' riċerka.

Artikolu 5b

Għajnuna għall-istudji tekniċi ta' vjabbiltà

Għajnuna għall-istudji tekniċi ta' vjabbiltà illi huma preparatorji għall-attivitajiet industrijali ta' riċerka jew attivitajiet ta' żvilupp ta' qabel il-kompetizzjoni għandhom ikunu kompatibbli mas-suq komuni fis-sens ta' l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat u għandhom ikunu eżenti mill-ħtieġa ta' notifika ta' l-Artikolu 88(3) tat-Trattat iżda l-intensità lorda ta' l-għajnuna, kif kalkulata fuq il-bażi ta' l-ispejjeż ta' l-istudju, ma taqbiżx il-75 %.

Artikolu 5ċ

Għajnuna għall-ispejjeż tal-patenti

1. Għajnuna għall-ispejjeż marbutin mal-kisba u l-validazzjoni tal-patenti u drittijiet oħra tal-proprjetà industrijali għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni fis-sens ta' l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat u għandha tkun eżenta mill-ħtieġa tan-notifika ta' l-Artikolu 88(3) tat-Trattat sa l-istess livell ta' l-għajnuna li tkun kwalifikat bħala għajnuna għar-R u Ż fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' riċerka illi jkunu wasslu fil-bidu għad-drittijiet tal-proprjetà industrijali konċernati.

2. L-ispejjeż eliġibbli għall-għanijiet tal-paragrafu 1 għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a) l-ispejjeż kollha illi jippreċedu l-għoti tad-dritt fl-ewwel ġurisdizzjoni legali, inklużi l-ispejjeż illi jirrigwardaw il-preparazzjoni, l-ippreżentar u l-prosekuzzjoni ta' l-applikazzjoni kif ukoll l-ispejjeż illi jkunu ntefqu fir-rinovar ta' l-applikazzjoni qabel id-dritt ikun ingħata;

(b) l-operazzjoni u l-ispejjeż l-oħra illi jkunu intefqu sabiex jinkiseb l-għoti jew il-validazzjoni tad-dritt f'ġurisdizzjonijiet oħrajn;

(ċ) l-ispejjeż illi jkunu ntefqu fid-difiża tal-validità tad-dritt waqt il-prosekuzzjoni uffiċjali ta' l-applikazzjoni u possibbiltà ta' proċeduri oħra relattivi, anke jekk dawn l-ispejjeż jiġru wara li d-dritt ikun ġie mogħti.";

5. L-Artikolu 6 jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 6

Għotja ta' għajnuna kbira individwali

1. Fil-każ ta' għajnuna koperta mill-Artikoli 4 u 5, dan ir-Regolament m'għandux jeżenta l-għotja ta' għajnuna individwali meta waħda mil-limiti li ġejjin tkun milħuqa:

(a) l-ispejjeż totali eliġibbli tal-proġett sħiħ ikunu ta' l-anqas EUR 25000000; u

(i) fl-arji jew fl-oqsma illi ma jikkwalifikawx għall-għajnuna reġjonali, l-intensità ta' l-għajnuna lorda hija mill-anqas 50 % tal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4(2);

(ii) fl-arjiet jew fl-oqsma illi jikkwalifikaw għall-għajnuna reġjonali, l-intensità ta' l-għajnuna hija mill-anqas 50 % tal-limiti ta' l-għajnuna netta kif determinati fil-mappa ta' l-għajnuna reġjonali għall-arja konċernata; jew

(b) l-ammont totali lord huwa ta' mill-anqas EUR 15000000.

2. Fil-każ ta' l-għajnuna koperta mill-Artikoli 5a, 5b u 5ċ, dan ir-Regolament m'għandux jeżenta l-għajnuna individwali meta l-limiti li ġejjin jintlaħqu:

(a) l-ispejjeż totali eliġibbli tal-proġett kollu intefqu mill-kumpaniji illi jkunu qegħdin jipparteċipaw fi proġett ta' mill-inqas EUR 250000000; u

(b) huwa propost illi tiġi provduta għajnuna b'għotja lorda ekwivalenti għal mill-anqas EUR 5000000 lil waħda jew aktar mill-kumpaniji individwali.

Fil-każ ta' għajnuna mogħtija lil xi proġett Eureka, il-limiti fl-ewwel każ għandhom jiġu mibdula b' dan li ġej:

(a) l-ispejjeż totali eliġibbli tal-proġett Eureka illi jkunu ntefqu mill-kumpaniji kollha illi jkunu qegħdin jipparteċipaw fil-proġett huma ta' l-inqas EUR 40000000; u

(b) qiegħed jiġi propost illi tiġi provduta għajnuna b'għotja lorda ekwivalenti għal mill-anqas EUR 10000000 lil waħda jew aktar mill-kumpaniji individwali.";

6. L-Artikolu 6a illi ġej għandu jiddaħħal:

"Artikolu 6a

L-għajnuna illi tibqa' suġġetta għan-notifika minn qabel lill-Kummissjoni

1. Dan ir-Regolament m'għandux jeżenta lil kwalunkwe għajnuna, kemm jekk l-għajnuna individwali jew l-għajnuna mogħtija taħt xi skema għall-għajnuna fil-forom ta' l-avanzi wieħed jew aktar illi jkunu ripagabbli biss fil-każ ta' eżitu ta' suċċess fl-attivitajiet ta' riċerka, meta l-ammont totali ta' l-avanzi espress bħala persentaġġ ta' l-ispejjeż eliġibbli jaqbeż l-intensitajiet previsti fl-Artikoli 5a, 5b jew 5ċ jew il-limitu ffissat fl-Artikolu (2).

2. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligazzjoni illi jkollu Stat Membru illi jinnotifika l-għotjiet individwali ta' għajnuna taħt l-istrumenti l-oħra ta' għajnuna ta' l-Istat, u partikolarment, l-obbligazzjoni illi jinnotifika, jew illi jinforma lill-Kummissjoni bi, għajnuna lill-impriża illi tkun qiegħda tirċievi għajnuna għar-ristrutturazzjoni fis-sens tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna ta' l-istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta' l-ażjendi illi jinsabu f'diffikultà [10] u l-obbligazzjoni illi jinnotifika l-għajnuna reġjonali għall-proġetti kbar ta' investiment taħt il-Qafas multisettorali applikabbli.";

7. Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 huwa mibdul b' dan li ġej:

"1. Il-limiti ta' l-għajnuna fissati fl-Artikolu 4 sa 6 għandhom igħoddu irrispettivament jekk l-appoġġ għall-proġett illi jkun ġie megħjun huwa finanzjat kollu kemm hu mir-riżorsi ta' l-Istat jew jekk huwiex parzjalment finanzjat mill-Komunità.";

8. Fl-Artikolu 9, paragrafu 3 jigi mibdul b'dan li ġej:

"3. L-Istati Membri għandhom, ta' kull sena, iħejju rapport ta' kull sena dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament skond id-disposizzjonijiet illi jimplimentaw il-provvedimenti dwar il-forma u l-konvenut tar-rapporti ta' kull sena li huma stabbiliti taħt l-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 650/1999 [11].

Sakemm dawn id-disposizzjonijiet jidħlu fis-seħħ, l-Istati Membri għandhom iħejju ta' kull sena rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rigward tas-sena kalendarja sħiħa jew parti minnha illi fiha dan ir-Regolament ikun japplika fil-forma stabbilita fl-Anness III, kif ukoll fil-forma kompjuterizzata. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni dan ir-rapport mhux aktar minn tliet xhur mill-iskadenza tal-perjodu illi għalih dan ir-rapport jirrelata."

9. L-Artikolu 9a illi ġej huwa mdaħħal:

"Artikolu 9a

Disposizzjonijiet transizzjonali

1. In-notifiki li jirrigwardaw l-għajnuna għar-Riċerka u l-Iżvilupp pendenti nhar id-19 ta' Marzu 2004 għandhom ikomplu jiġu verifikati taħt il-Qafas ta' l-għajnuna ta' l-Istat, filwaqt li n-notifiki l-oħrajn kollha pendenti għandhom jiġu verifikati skond id-disposizzjonijiet ta' dan ir-regolament.

2. L-iskemi ta' l-għajnuna implimentati qabel id-data tal-bidu fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u l-għajnuna mogħtija taħt dawn l-iskemi fin-nuqqas ta' l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni u bi ksur għall-ħtieġa ta' notifika ta' l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, għandhom ikunu kompatibbli mas-suq komuni fis-sens ta' l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandhom ikunu eżentati jekk jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2)(a) u l-Artikolu 3(3) ta' dan ir-Regolament.

L-għajnuna individwali mogħtija barra minn kwalunkwe skema qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament fin-nuqqas ta' awtorizzazzjoni tal-kummissjoni u bi ksur għall-ħtieġa ta' notifika ta' l-Artikolu 88(3), għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni fis-sens ta' l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta' dan ir-Regolament, barra mill-ħtieġa ta' l-Artikolu 3(1) illi ssir referenza espressa għal dan ir-Regolament.

Kwalunkwe għajnuna illi ma taderixxix ma' dawn il-kondizzjonijiet tiġi stmata mill-Kummissjoni skond il-qafas, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi relevanti.";

10. L-Anness I huwa mibdul bit-test ta' l-Anness ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjal ta' l-Unjoni Ewropea.

Il-punt 10 ta' l-Artikolu 1 għandu jgħodd mill-1 Jannar 2005.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 Frar 2004.

Għall-Kummissjoni

Mario Monti

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 142, 14.05.1998, pġ. 1.

[2] ĠU C 190, 12.08.2003, pġ. 3.

[3] ĠU L 10, 13.01.2001, pġ. 33.

[4] ĠU L 107, 30.04.1996, pġ. 4.

[5] ĠU L 124, 20.05.2003, pġ. 36.

[6] ĠU L 83, tas-27.3.1999, pġ. 1. Ir-Regolament kif emendat bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

[7] ĠU C 45, 17.02.1996, pġ. 5.

[8] ĠU L 205, 02.08.2002, pġ. 1.

[9] ĠU L 232, 29.08.2002, pġ. 1.

[10] ĠU C 288, 09.10.1999, pġ. 2.

[11] ĠU L 83, 27.03.1999, pġ. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS

"

ANNESS I

Definizzjoni ta' impriżi ta' daqs żgħar u medju

(Silta mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 illi tikkonċerna d-definizzjoni ta' impriżi żgħar u medji, ĠU L 124, ta' l-20.5.2003, p. 36)

DEFINIZZJONI TA' IMPRIŻI MIKRO, ŻGĦAR U MEDJI ADOTTATA MILL-KUMMISSJONI

Artikolu 1

Impriża

L-impriża hija kunsidrata kwalunkwe entità illi topera f'attività ekonomika, irrispettivament mill-forma legali tagħha. Din tinkludi, partikolarment, personal illi jaħdem għal rasu u negozju tal-familja illi jopera fil-qasam ta' l-artiġġjanat jew attivitajiet oħra, u sħubijiet jew assoċjazzjonijiet illi regolament joperaw f'attività ekonomika.

Artikolu 2

In-numru ta' ħaddiema u l-limiti finanzjarji illi jiddeterminaw il-kategoriji

1. Il-kategorija ta' impriżi mikro, żgħar u medji (IŻM) hija magħmulha minn impriżi li jħaddmu anqas minn 250 persuna u illi ta' kull sena l-valur ta' l-introjtu tagħhom ma jaqbiżx il-50 miljun Ewro, u/jew it-total tal-karta tal-bilanċ tagħhom ma jaqbiżx t-43 miljun EUR.

2. Fil-kategorija ta' l-IŻM, impriża żgħira hija definita bħala impriża li timpjega anqas minn 50 ruħ u li l-valur ta' l-introjtu tagħha ta' kull sena u/jew it-total tal-karta tal-bilanċ tagħha ma jaqbiżx l-10 miljun EUR.

3. Fil-kategorija ta' l-IŻM, il-mikro impriża hija definita impriża li timpjega anqas minn għaxra min-nies u li l-valur ta' l-introjtu tagħha ta' kull sena u/jew it-total tal-karta tal-bilanċ tagħha ma jaqbiżx iż-zewg miljun Ewro.

Artikolu 3

It-tipi ta' impriża li ġew meqjusa fil-kalkolu tan-numru ta' l-impjegati u l-ammonti finanzjarji

1. "Impriża awtonoma" hija impriża illi ma tkunx klassifikata bħala impriża msieħba fis-sens tal-paragrafu 2 jew bħala impriża relattata fis-sens tal-paragrafu 3.

2. L-"Impriża msieħba" huma l-impriżi li m'humiex klassifikati bħala impriżi relatati fis-sens tal-paragrafu 3 u li bejniethom hemm ir-relazzjoni illi ġejja: impriża (impriża illi tkun eqreb lejn il-punt tal-produzzjoni milli mill-punt tal-bejgħ) tkun id-detentriċi ta', jew weħidha jew konġuntivament ma' impriża waħda jew aktar fis-sens tal-paragrafu 3, 25 % jew aktar mill-kapital jew id-drittijiet tal-vot ta' impriża oħra (impriża illi tkun eqreb lejn il-punt tal-bejgħ minn dik tal-produzzjoni).

Madankollu, impriża tista' tiġi kunsidrata awtonoma, u għalhekk mingħajr ma jkollha xi impriża msieħba, ukoll jekk il-limitu ta' 25 % jiġi milħuq jew maqbuż bl-investituri illi ġejjin, iżda dawk l-investituri ma jkunux relatati fis-sens tal-paragrafu 3, kemm individwalment kif ukoll konġuntivament ma' l-impriża in-kwistjoni:

(a) korporazzjonijiet ta' investiment pubbliku, kumpaniji b'kapital spekulattiv, individwi jew gruppi ta' individwi b'kapital regolari spekulattiv, attività ta' investiment illi jinvestu kapital ekwu f'kummerċ mhux kwotat (anġli tal-kummerċ), jekk kemm-il darba l-investiment totali ta' dawk l-angli tal-kummerċ fl-istess impriża huwa anqas minn EUR 1250000;

Individwi jew gruppi ta’ individwi b'kapital ta' sogru regolari (jew kapital spekulattiv) u investment attiv u li jinvestu kapital ekwu f‘kummerc mhux kwotat, ibassru t-total ta' l-investiment f‘dak il- kummerċ mhux kwotat fl-istess impriża bhala anqas minn EUR 1250000;

(b) universitajiet u ċentri li ma jagħmlux qligħ;

(ċ) investituri fl-investiment, inklużi l-fondi ta' żvilupp reġjonali;

(d) awtoritajiet lokali awtonomi b' ammont annwali ta' anqas minn EUR 10 miljun u anqas minn 5000 abitanti.

3. L-"impriża relatati" huma impriżi li għandhom kwalunkwe mir-relazzjonijiet illi ġejjin bejniethom:

(a) l-impriża li jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot ta' l-azzjonisti jew tal-membri f'impriża oħra.

(b) l-impriża li jkollha d-dritt taħtar jew tneħħi maġġoranza mill-membri ta' l-amministrattiv, l-amministrazzjoni jew il-korp sorveljanti ta' xi impriża oħra.

(ċ) l-impriża li jkollha d-dritt teżerċita influwenza dominanti fuq impriża oħra skond ftehim illi jkun intlaħaq ma' dik l-impriża l-oħra jew skond id-disposizzjonjiet tal-memorandum jew l-artikoli ta' assoċjazzjoni;

(d) l-impriża illi tkun azzjonista fi jew membru ta' impriża oħra, li tikkontrolla waħidha, skond ftehim ma' azzjonisti fi jew membri ta' dik l-impriża, maġġoranza tad-drittijiet tal-voti ta' l-azzjonisti jew tal-membri f'dik l-impriża.

Hemm il-presupposizzjoni li ma jkun hemm l-ebda influwenza dominanti jekk l-investituri msemmijin fit-tieni inċiż tal-paragrafu 2 m'humiex huma stess involuti direttament jew indirettament fl-amministrazzjoni ta' l-impriża in kwistjoni, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tagħhom bħala partijiet li jistghu jkollhom interess.

L-impriżi li jkollhom waħda mir-relazzjonijiet imsemmijin fl-ewwel paragrafu permezz ta' impriża waħda jew aktar jew kwalunkwe investitura msemmija fil-paragrafu 2, huma anki kunsidrati li jkunu relatati.

L-impriżi li jkollhom waħda jew aktar minn dawn ir-relazzjonijiet permezz ta' persuna naturali jew grupp ta' persuni naturali li jkunu qegħdin jaġixxu konġuntivament huma kunsidrati bħala impriżi relatati jekk ikunu jaħdmu fl-attività tagħhom jew f'parti mill-attività tagħhom fl-istess suq relevanti jew fi swieq adjaċenti.

Suq adjaċenti huwa kunsidrat suq għall-prodotti jew servizzi li jkun f‘posizzjoni direttament 'il fuq jew 'l isfel fil-linja tal-bejgħ mis-suq relevanti.

4. Barra mill-każijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, it-tieni inċiż, impriża ma tistax tkun kunsidrata bħala IŻM jekk 25 % jew aktar mill-kapital jew id-drittijiet tal-vot tagħha huma direttament jew indirettament kontrollati, konġuntivament jew individwalment, minn korp pubbliku jew aktar.

5. L-impriżi jistgħu jagħmlu dikjarazzjoni ta' status bħala impriża awtonoma, impriża msieħba jew impriża relatata, inkluża d-data fir-rigward tal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 2. Id-dikjarazzjoni tista' ssir anke jekk il-kapital ikun imxerred b'tali mod illi ma jkunx possibbli li jiġi eżattament stabbilit minn min ikun miżmum, f'liema każ, l-impriża tista' tiddikjara in bona fidi illi hija tista' leġittimament tipperżumi li m'huwiex proprjetà b'ammont ta' 25 % jew aktar ta' impriża waħda jew konġuntivament minn impriżi li jkunu relatati waħda ma' l-oħra. Dawn id-dikjarazzjonijiet isiru mingħajr preġudizzju għall-kontrolli u l-investigazzjonijiet previsti mir-regoli nazzjonali jew Komunitarji.

Artikolu 4

Id-data użata sabiex jiġi determinat in-numru ta' l-impjegati u l-ammonti finanzjarji u l-perjodu ta' referenza

1. Id-data li għandha tiġi applikata għad-determinazzjoni tan-numru ta' l-impjegati u l-ammonti finanzjarji hija dik li tirrigwarda l-aħħar perjodu ta' kontabilità approvat u kalkulat fuq bażi annwali. Huma għandhom jitqiesu mid-data ta' l-għeluq tal-kontijiet. L-ammont magħżul għall-valur tal-bejgħ huwa kalkulat minbarra li tiġi eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud (TVA) u t-taxxi oħra indiretti.

2. Meta, fid-data ta' l-għeluq tal-kontijiet, l-impriża ssib li, fuq bażi annwali, tkun qabżet jew niżlet taħt il-limiti tan-numru ta' l-impjegati jew il-limitu ta' flus imsemmi fl-Artikolu 2, dan ma jirriżultax fit-telf jew l-akkwist ta' l-istatus ta' impriża ta' daqs medju, żgħir jew mikro impriża jekk kemm-il darba dawk il-limiti jinqabżu fuq żewġ perjodi konsekuttivi tal-perjodu ta' kontabilità.

3. Fil-każ ta' impriża li tkun għadha kemm ġiet stabbilita, li l-kontijiet tagħha jkunu għadhom ma ġewx approvati, id-data li għandha tiġi applikata hi dik imnissla minn stima magħmulha f‘bona fidi illi tkun saret matul is-sena finanzjarja.

Artikolu 5

In-numru ta' l-impjegati

In-numru ta' l-impjegati jikkorrispondi man-numru annwali ta' unitajiet ta' xogħol (AUX) i.e., in-numru ta' persuni li jkunu ħadmu ħin sħiħ fl-impriża in-kwistjoni jew f'isimha waqt is-sena ta' referenza sħiħa li tkun qiegħda tiġi kunsidrata. Ix-xogħol ta' persunal illi ma jkunx ħadem is-sena sħiħa, ix-xogħol ta' dawk li jkunu ħadmu ħin parzjali, irrispettivament mit-tul ta' żmien illi fih ikunu ħadmu, u x-xogħol tal-ħaddiema staġjonali jkunu magħduda bħala frazzjonijiet ta' l-AUX. Il-persunal jikkonsisti fi:

(a) l-impjegati;

(b) l-persunal li jaħdem għall-impriża li tkun subordinata lejha u ta' liema individwu jkun meqjus bħala impjegat taħt il-liġi nazzjonali;

(ċ) il-proprjetarji li jkunu qegħdin jiġġestixxu wkoll;

(d) is-sħab li jkunu involuti f'attività regolari fl-impriża u jibbenefikaw mill-vantaġġi finanzjarji mill-impriża;

L-apprentisti jew l-istudenti illi jkunu joperaw f'taħriġ vokazzjonali ta' apprendistat jew ftehim ieħor ta' taħriġ vokazzjonali m'humiex inklużi fil-persunal. It-tul ta' ferjat ta' maternità jew paternità m'huwiex magħdud.

Artikolu 6

L-istabbiliment tad-data ta' impriża

1. Fil-każ ta' impriża awtonoma, id-data, inkluż in-numru ta' l-impjegati, jiġu determinati esklussivament fuq il-bażi tal-kontijiet ta' dik l-impriża.

2. Id-data, inkluż in-numru tal-persunal ta' impriżi msieħba jew relatati, tiġi determinata fuq il-bażi tal-kontijiet jew id-data l-oħra ta' l-impriża, jew, meta jeżistu, l-kontijiet konsolidati ta' l-impriża, jew il-kontijiet konsolidati illi fihom l-impriża tkun inkluża permezz tal-konsolidazzjoni.

Mad-data msemmija fl-ewwel paragrafu hemm miżjuda d-data ta' kwalunkwe impriża msieħba ta' l-impriża in-kwistjoni sitwata immedjatament warajha 'l fuq jew 'l isfel minnha fil-linja ta' bejn il-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott. L-aggregazzjoni tkun proporzjonali għall-interess percentwali fil-kapital jew id-drittijiet ta' votazzjoni (liema minnhom tkun akbar mill-oħra). Fil-każ ta' trans-impriża, għandu japplika l-akbar percentwali.

Mad-data msejħa fl-ewwel u fit-tieni hemm miżjuda 100 % tad-data ta' kwalunkwe impriża, li tkun relatata direttament jew indirettament ma' l-impriża in-kwistjoni, peress li d-data ma tkunx għadha inkluża permezz tal-konsolidazzjoni tal-kontijiet.

3. Għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2, id-data ta' l-impriża msieħba ta' l-impriża in-kwistjoni ġejja mill-kontijiet tagħhom u mid-data l-oħra tagħha, konsolidati jekk jeżistu. Ma' dawn, hemm miżjuda 100 % tad-data ta' l-impriża li huma relatati ma' l-impriża msieħba, jekk kemm-il darba d-data tal-kontijiet tkun diġà ġiet inkluża permezz tal-konsolidazzjoni.

Għall-applikazzjoni ta' l-istess paragrafu 2, id-data ta' l-impriża li hija relattata ma' l-impriża in- kwistjoni għandha tittieħed mill-kontijiet tagħhom u mid-data l-oħra tagħhom, konsolidati jekk jeżistu. Ma' dawn jiġu miżjudin, pro rata, d-data ta' kwalunkwe impriża msieħba possibbli ta' dik l-impriża relattata, sitwata immedjatament warajha 'l fuq jew 'l isfel minnha fil-linja ta' bejn il-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott, jekk kemm-il darba tkun diġà ġiet inkluża fil-kontijiet konsolidati b'percentwali ta' mill-anqas proporzjonali identifikat fit-tieni tal-paragrafu 2.

4. Meta fil-kontijiet konsolidati ma tidher l-ebda data dwar l-impjegati għal xi impriża, il-figuri ta' l-impjegati jiġu kalkulati permezz ta' aggregazzjoni proporzjonali tad-data mill-impriżi msieħba tagħha u billi tiġi miżjuda d-data mill-impriżi li għaliha l-impriżi in-kwistjoni jiġu relatati.

"

--------------------------------------------------

Top