EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004F0757

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal- 25 ta' Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta' atti kriminali u ta' pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta' drogi

OJ L 335, 11.11.2004, p. 8–11 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 153M, 7.6.2006, p. 94–97 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 19 Volume 007 P. 66 - 69
Special edition in Romanian: Chapter 19 Volume 007 P. 66 - 69
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 016 P. 80 - 83

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 18/08/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2004/757/oj

7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

94


ID-DEĊIŻJONI KWADRU TAL-KUNSILL 2004/757/ĠAI

tal-25 ta' Ottubru 2004

li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta' atti kriminali u ta' pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta' drogi

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(e) u l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

It-traffikar illeċitu ta' drogi joħloq theddida għas-saħħa, għas-sigurtà u għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea, u għall-ekonomija legali, għall-istabbiltà u għas-sigurtà ta' l-Istati Membri.

(2)

Il-ħtieġa għal azzjoni leġislattiva fis-settur tat-traffikar illeċitu ta' drogi ġie rikonoxxut b'mod partikolari fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, dwar kif l-aħjar jiġu implimentati d-disposizzjonijiet tat-Trattat ta' Amsterdam dwar żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (3), adottat mill-Kunsill tal-Ġustizzja u ta' l-Affarijiet Interni fi Vjenna fit-3 ta' Diċembru 1998, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, b'mod partikolari l-punt 48 tagħhom, l-Istrateġija ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-Drogi (2000-2004) approvata mill-Kunsill Ewropew ta' Helsinki mill-10 sat-12 ta' Diċembru 1999 u l-Pjan ta' Azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-Drogi (2000-2004) approvat mill-Kunsill Ewropew f'Santa Maria da Feira fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2000.

(3)

Jeħtieġ li jiġu adottati regoli minimi relatati ma' l-elementi kostitwenti tar-reati ta' traffikar illeċitu ta' drogi u prekursuri li jippermettu approċċ komuni fuq il-livell ta' l-Unjoni għall-ġlieda kontra tali traffikar.

(4)

Bis-saħħa tal-prinċipju ta' sussidjarjetà, l-azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għandha tiffoka fuq l-iktar għamliet serji ta' reati marbuta mad-drogi. L-esklużjoni ta' ċerti għamliet ta' mġieba fir-rigward ta' konsum personali mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru ma tikkostitwix linja gwida tal-Kunsill dwar kif l-Istati Membri għandhom jittrattaw ma' dawn il-każijiet l-oħra fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom.

(5)

Pieni previsti mill-Istati Membri għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, u għandhom jinkludu sentenzi ta' ħabs. Biex jiġi determinat il-livell tal-pieni, għandhom jitqiesu l-elementi bbażati fuq il-fatti bħal ma huma l-kwantitajiet u t-tip ta' drogi traffikati, u jekk ir-reat sarx fil-kuntest ta' organizzazzjoni kriminali.

(6)

Stati Membri għandhom jitħallew jagħmlu disposizzjonijiet biex jitnaqqsu l-pieni meta l-ħati jkun forna lill-awtoritajiet kompetenti b'informazzjoni prezzjuża.

(7)

Jeħtieġ li jittieħdu miżuri biex issir possibli l-konfiska tal-qligħ mir-reati msemmija f'din id-Deċiżjoni Kwadru.

(8)

Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għar-reati kriminali, msemmija f'din id-Deċiżjoni Kwadru, li jitwettqu għall-benefiċċju tagħhom.

(9)

L-effettività ta' l-isforzi magħmula biex jiġi miġġieled it-traffikar illeċitu ta' drogi tiddependi essenzjalment fuq l-armonizzazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jimplimentaw din id-Deċiżjoni Kwadru,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru:

1.

“drogi” għandha tfisser kwalunkwe mis-sustanzi koperti mill-Konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti li ġejjin:

(a)

il-Konvenzjoni Waħdanija ta' l-1961 dwar Drogi Narkotiċi (kif emendata mill-Protokoll ta' l-1972);

(b)

il-Konvenzjoni ta' Vjenna ta' l-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi. Għandha tinkludi wkoll is-sustanzi suġġetti għal kontrolli skond l-Azzjoni Konġunta 97/396/ĠAI tas-16 ta' Ġunju 1997 (4); rigward l-iskambju ta' informazzjoni, l-istima ta' riskju u l-kontroll ta' drogi sintetiċi ġodda

2.

“prekursuri” għandha tfisser kwalunkwe sustanza mdaħħla fil-leġislazzjoni Komunitarja li tagħti effett lill-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-20 ta' Diċembru 1988 kontra t-Traffikar Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u f'Sustanzi Psikotropiċi;

3.

“persuna ġuridika” għandha tfisser kwalunkwe entita ġuridika li għandha tali status skond il-liġi nazzjonali applikabbli, għajr Stati jew korpi pubbliċi oħra li jaġixxu fl-eżerċizzju tad-drittijiet sovrani tagħhom u organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi.

Artikolu 2

Reati marbuta mat-traffikar ta' drogi u ta' prekursuri

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li meta mġieba minn dawn li ġejjin issir bil-ħsieb u tkun infondata fid-dritt din għandha tkun punibbli:

(a)

il-produzzjoni, il-manifattura, l-estrazzjoni, il-preparazzjoni, l-offerta, l-offerta għall-bejgħ, id-distribuzzjoni, il-bejgħ, il-kunsinna fuq kwalunkwe kondizzjoni hi x'inhi, is-senserija, id-dispaċċ, id-dispaċċ fi transitu, it-trasport, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta' drogi;

(b)

il-kultivazzjoni tal-peprin ta' l-oppju, il-pjanta tal-koka u l-pjanta tal-kannabis;

(ċ)

il-pussess jew ix-xiri ta' drogi bil-ħsieb li tiġi mwettqa waħda mill-attivitajiet mniżżla f'(a);

(d)

il-manifattura, it-trasport jew id-distribuzzjoni ta' prekursuri, meta wieħed ikun jaf li dawn ser jintużaw fi jew għall-produzzjoni jew manifattura illeċita ta' drogi.

2.   L-imġieba deskritta fil-paragrafu 1 m' għandiex tiġi inkluża fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Kwadru meta din tiġi mwettqa mill-awturi tagħha esklussivament għall-konsum personali tagħhom kif definit mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 3

Tħajjir, għajnuna u assistenza u tentattiv

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jitqiesu bħala reat kriminali, t-tħajjir biex wieħed iwettaq, l-għajnuna u l-assistenza jew it-tentattiv ta' wieħed mir-reati msemmija fl-Artikolu 2.

2.   Stat Membru jista' jeżenta minn responsabbiltà kriminali t-tentattiv ta' offerta jew preparazzjoni ta' drogi msemmi fl-Artikolu 2(1)(a) u t-tentattiv ta' pussess ta' drogi msemmi fl-Artikolu 2(1)(ċ).

Artikolu 4

Pieni

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li r-reati definiti fl-Artikoli 2 u 3 jkunu punibbli b'pieni kriminali li huma effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li r-reati msemmija fl-Artikolu 2 huma punibbli b'pieni kriminali ta' massimu ta' minn ta' l-inqas bejn sena u 3 snin ħabs.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li r-reati msemmija fl-Artikolu 2(1)(a), (b) u (ċ) huma punibbli b'pieni kriminali ta' massimu ta' minn ta' l-inqas bejn 5 u 10 snin ħabs f'kull waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

ir-reat jinvolvi kwantitajiet kbar ta' drogi;

(b)

ir-reat jew jinvolvi dawk id-drogi li jikkawżaw l-ikbar dannu għas-saħħa, jew jirriżulta f'dannu sinifikattiv għas-saħħa ta' għadd ta' persuni.

3.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li r-reati msemmija fil-paragrafu 2 huma punibbli b'pieni kriminali ta' massimu ta' minn ta' l-inqas 10 snin ta' privazzjoni tal-liberta', fejn ir-reat kien twettqet fil-kuntest ta' organizzazzjoni kriminali kif definit fl-Azzjoni Konġunta 98/733/ĠAI tal-21 ta' Diċembru 1998 dwar li tkun magħmula reat kriminali l-parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (5).

4.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li r-reati msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) huma punibbli b'pieni kriminali ta' massimu ta' minn ta' l-inqas bejn 5 u 10 snin ta' privazzjoni tal-libertà, fejn ir-reat twettaq fil-kuntest ta' organizzazzjoni kriminali kif definit fl-Azzjoni Konġunta 98/733/ĠAI, u l-prekursuri jkunu maħsuba li jiġu wżati fi jew għall-produzzjoni jew manifattura ta' drogi skond iċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafi 2(a) jew (b).

5.   Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta' vittmi u ta' partijiet terzi oħra in bona fide, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex tkun tista' ssir il-konfiska ta' sustanzi li jiffurmaw l-oġġett materjali ta' reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3, l-għodda użati jew maħsuba biex jiġu użati għal dawn ir-reati u qligħ minn dawn ir-reati jew il-konfiska ta' proprjetà li l-valur tagħha jikkorrispondi ma' dak ta' tali qligħ, sustanzi jew għodda.

It-termini “konfiska”, “għodda”, “qligħ” u “proprjetà” għandhom ikollhom l-istess tifsira bħal fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa ta' l-1990 dwar il-Laundering, it-Tfittxija, il-Qbid u l-Konfiska tal-Qligħ minn Kriminalità.

Artikolu 5

Ċirkostanzi partikolari

Minkejja l-Artikolu 4, kull Stat Membru jista' jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-pieni msemmija fl-Artikolu 4 jistgħu jiġu mnaqqsa jekk il-ħati:

(a)

jirrinunzja l-attività kriminali relatata mat-traffikar ta' drogi u ta' prekursuri u

(b)

jipprovdi lill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji informazzjoni li huma kieku ma kienux xort' oħra jkunu jistgħu jakkwistaw, filwaqt li jgħinhom biex:

(i)

jiġu prevenuti jew imnaqqsa l-effetti tar-reat,

(ii)

jiġu identifikati jew imressqa quddiem il-ġustizzja l-ħatja l-oħra,

(iii)

jinstabu provi jew

(iv)

jiġu prevenuti reati ulterjuri msemmija fl-Artikoli 2 u 3.

Artikolu 6

Responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għal kwalunkwe mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 2 u 3 mwettqa għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li jaġixxi jew waħdu jew bħala membru ta' organu tal-persuna ġuridika in kwistjoni, li għandu pożizzjoni ta' tmexxija fil-persuna ġuridika, ibbażata fuq waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

setgħa ta' rappreżentazzjoni tal-persuna ġuridika;

(b)

awtorità li jieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika;

(ċ)

awtorità li jeżerċita kontroll fil-persuna ġuridika.

2.   Minbarra l-każijiet previsti fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli fejn in-nuqqas ta' superviżjoni jew kontroll minn persuna msemmija fil-paragrafu 1 għamlet possibbli l-għemil ta' kwalunkwe mir-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3 għall-benefiċċju ta' dik il-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha.

3.   Ir-responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi skond il-paragrafi 1 u 2 m' għandhiex teskludi proċeduri kriminali kontra persuni fiżiċi li huma awturi, istigaturi jew kompliċi fi kwalunkwe waħda mir-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3.

Artikolu 7

Sanzjonijiet għal persuni ġuridiċi

1.   Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika miżmuma responsabbli skond l-Artikolu 6(1) hija punibbli b'sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra, bħal:

(a)

esklużjoni minn dritt għal eżenzjoni mit-taxxa jew benefiċċji oħra jew għajnuna pubblika;

(b)

skwalifika temporanja jew permanenti mit-twettiq ta' attivitajiet kummerċjali;

(ċ)

tqegħid taħt superviżjoni ġudizzjarja;

(d)

ordni ġudizzjarja ta' stralċ;

(e)

għeluq temporanju jew permanenti ta' l-istabbilimenti użati biex jiġi mwettaq ir-reat;

(f)

skond l-Artikolu 4(5), il-konfiska ta' sustanzi li jiffurmaw l-oġġett materjali ta' reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3, għodda wżati jew maħsuba biex jiġu wżati għal dawn ir-reati u qligħ minn dawn ir-reati jew il-konfiska ta' proprjetà li l-valur tagħha jikkorrispondi ma' dak ta' tali qligħ, sustanzi jew għodda.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li persuna ġuridika miżmuma responsabbli skond l-Artikolu 6(2) tkun punibbli b'sanzjonijiet jew miżuri li huma effettivi, proporzjonali u dissważivi.

Artikolu 8

Ġurisdizzjoni u prosekuzzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3 fejn:

(a)

parti mir-reat jew ir-reat kollu kemm hu jsir fit-territorju tiegħu;

(b)

il-ħati huwa wieħed miċ-ċittadini tiegħu; jew

(ċ)

ir-reat isir għall-benefiċċju ta' persuna ġuridika stabbilita fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

2.   Fejn ir-reat isir ‘il barra mit-territorju tiegħu, Stat Membru jista' jiddeċiedi li mhux ser japplika r-regoli ta' ġurisdizzjoni stabbiliti fil-paragrafi 1(b) u 1(ċ), jew li ser japplikahom biss f'każijiet jew ċirkostanzi speċifiċi.

3.   Stat Membru li, taħt il-liġijiet tiegħu, ma jagħmilx estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi, fejn xieraq, il-ġurisdizzjoni tiegħu fuq reat imsemmi fl-Artikoli 2 u 3, u biex jieħu azzjoni kriminali, meta dan ir-reat isir minn wieħed miċ-ċittadini tiegħu ‘l barra mit-territorju tiegħu.

4.   Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li japplikaw il-paragrafu 2 dawn għandhom jinfurmaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni, fejn xieraq b'indikazzjoni tal-każijiet jew taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom tapplika d-deċiżjoni.

Artikolu 9

Implimentazzjoni u rapporti

1.   Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi mad-disposizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru sa mhux aktar tard mit-12 ta' Mejju 2006.

2.   Sat-terminu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jibgħatu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet ta' traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tagħhom ta' l-obbligi imposti fuqhom taħt din id-Deċiżjoni Kwadru. Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mit-12 ta' Mejju 2009, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-twettiq ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Kwadru, inkluż l-effetti tagħha fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ta' l-ittraffikar illeċitu tad-drogi. Wara dan ir-rapport, il-Kunsill għandu jistma, sa mhux aktar tard minn 6 xhur wara l-preżentazzjoni tar-rapport, jekk l-Istati Membri ħadux il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ruħhom ma' din id-Deċiżjoni Kwadru.

Artikolu 10

Applikazzjoni territorjali

Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tapplika għal Ġibiltà.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak li fih tkun ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fil-Lussemburgu, nhar l-24 ta' Ottubru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

R. VERDONK


(1)  ĠU C 304 E, 30.10.2001, p. 172.

(2)  Opinjoni tad-9 ta' Marzu 2004 (għadha mhijiex pubblikata fil-ĠU).

(3)  ĠU C 19, 23.1.1999, p. 1.

(4)  ĠU L 167, 25.6.1997, p. 1.

(5)  ĠU L 351, 29.12.1998, p. 1.


Top