EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0737

2004/737/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 21 ta' Ottubru 2004 li tawtorizza lill-Italja li tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati mat-taxxi tat- turnover

OJ L 325, 28.10.2004, p. 60–61 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 153M, 7.6.2006, p. 42–43 (MT)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/737/oj

7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

42


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta' Ottubru 2004

li tawtorizza lill-Italja li tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati mat-taxxi tat-turnover

(2004/737/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea,

Wara li kkunsidra s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi tat-turnover – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (1), u partikolarment l-Artikolu 30 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

F'talba preżentata lill-Kummissjoni u reġistrata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fl-24 ta' Marzu 2004, il-Gvern Taljan talab l-awtorizzazzjoni li jikkonkludi ftehim ma' l-Isvizzera li jinkludi disposizzjonijiet li jidderogaw mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 77/388/KEE.

(2)

Ir-raġunijiet għal din it-talba huma tnejn: L-ewwel, l-introduzzjoni tal-VAT fuq il-ħlas għad-dħul fil-mina ta' Gran San Bernardo mill-1 ta' Jannar 2003 ġabet distorsjoni kompetittiva fil-bejgħ ta' biljetti staġjonali ta' aktar minn vjaġġ wieħed. It-tieni, it-tqassim tad-dħul għal skopijiet ta' VAT fi proporzjon tad-demarkazzjoni fiżika bejn il-pajjiżi tikkawża spejjeż t'amministrazzjoni kbar għaliex l-introjti jkunu kkalkulati u mqassma skond il-kriterji ekonomiċi li jirriflettu t-tqassim ta' l-ispejjeż ta' l-immaniġjar u ż-żamma tal-mina. Dawn l-ispejjeż ma jikkonċernawx biss il-mina nnifisha iżda jinkludu awtostrada li tgħaqqad il-mina fit-territorju Taljan ma' l-istruttura tat-toroq Taljani.

(3)

Mill-1 ta' Jannar 2003, l-operatur Taljan tal-mina jintaxxa u jiġbor VAT fuq il-ħlas għad-dħul fil-mina ta' Gran San Bernard. Madanakollu, l-Isvizzera ma tintaxxax VAT jew taxxa simili fuq il-ħlas għad-dħul fil-mina; skond il-Konvenzjoni ta' l-1958 konkluża bejn l-Italja u l-Isvizzera qabel l-introduzzjoni tas-sistema tal-VAT komuni, l-Isvizzera ma tistax tkun obbligata li tapplika u tiġbor il-VAT Taljana fuq il-ħlas għad-dħul fil-mina ta' Gran San Bernardo. Għalhekk l-introduzzjoni tal-VAT fuq il-ħlas għad-dħul fil-mina biss miġbura mill-operatur Taljan wasslet għal differenza fl-ispejjeż għall-utent u ġabet distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-bejgħ tal-biljetti staġjonali. L-utenti jistgħu jħallsu għall-biljetti staġjonali ta' aktar minn vjaġġ wieħed f'kull tarf tal-mina u għalhekk jixtruhom minn fejn huma orħos, mill-Isvizzera.

(4)

Il-mina taqsam fruntiera internazzjonali u hi mmexxija minn joint veture Italo-Svizzera u żewġ kumpaniji operattivi, bażati fil-pajjiżi rispettivi tagħhom. L-operatur Taljan, konformi mal-prinċipju tat-territorjalità, għandu jintaxxa il-VAT biss in kwantu l-parti tal-mina fuq l-art Taljana. Madanakollu, bis-saħħa ta' ftehim legalment kontraenti bejn l-operaturi konkluż fl-1963 u li għadu jiġi applikat sal-lum, l-introjtu li ġej mill-ħlas għad-dħul fil-mina ma jinqasamx fil-proporzjon tad-demarkazzjoni fiżika bejn il-pajjiżi iżda għandu jinqasam skond kriterji ekonomiċi li jirriflettu l-qsim ta' l-immaniġjar tal-mina u l-ispejjeż tal-manutenzjoni. L-immaniġjar tal-mina u l-ispejjeż tal-manutenzjoni jinkludu wkoll l-użu ta' sezzjoni ta' l-awtostrada li tagħti aċċess lill-mina. Dan ifisser li l-ammont eżatt ta' l-introjtu maqsum u mqassam skond dawn il-kriterji jista jkunu stabbiliti biss a posteriori. Għall-iskopijiet tal-VAT dan l-ammont stabbilit għandu jinqasam skond il-prinċipju ta' territorjalità, biex b'hekk ikunu estrapolati l-ispejjeż ta' l-immaniġjar u manutenzjoni għall-użu tas-sezzjoni ta' awtostrada li tagħti aċċess għall-mina. Din il-kalkolazzjoni u kollezzjoni ex post tal-VAT hija kkomplikata u tiġġenera spejjeż amministrattivi għoljin. Ma tistax tkun magħmula konsistenti b'sistema ta' taxxa tal-konsum li teħtieġ li l-VAT tkun intaxxata u miġbura immedjatament.

(5)

F'dan l-isfond, l-unika għażla vijabbli hi fil-fatt li ma tiġix intaxxata l-VAT fuq il-ħlas għad-dħul fil-mina ta' Gran San Bernardo. Id-deroga tirrapreżenta simplifikazzjoni ewlenija għall-joint venture Italo-Svizzera u għall-kumpaniji operattivi tagħha.

(6)

Madankollu, id-deroga mitluba se jkollha impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet li ġejjin mill-VAT u għaldaqstant teħtieġ miżuri ta' kumpens,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga minn Artikolu 2(1) tad-Direttiva 77/388/KEE, ir-Repubblika Taljana qegħda hawn tiġi awtorizzata tikkonkludi ftehim ma' l-Isvizzera bil-ħsieb li ma tiġix intaxxata l-VAT fuq il-ħlas għad-dħul fil-mina ta' Gran San Bernardo. L-awtorizzazzjoni qed tiġi mogħtija bil-kondizzjoni li r-Repubblika Taljana tistma ta' kull sena l-ammont ta' telf ta' VAT fl-istadju tal-konsum finali u żżid kumpens ekwivalenti għall-bażi tal-VAT li tintuża biex tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet tagħha għar-riżorsi proprji tal-Komunità.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni qed tiġi indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmula fi Brussel, nhar il-21 ta' Ottubru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

G. ZALM


(1)  ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Direttiva l-aħħar emendata bid-Direttiva 2004/66/KE (ĠU L 168, 1.05.2004, p. 35


Top