Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003R1798

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003 tas-7 ta' Ottubru 2003 dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru. 218/92

OJ L 264, 15.10.2003, p. 1–11 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 09 Volume 001 P. 392 - 402
Special edition in Estonian: Chapter 09 Volume 001 P. 392 - 402
Special edition in Latvian: Chapter 09 Volume 001 P. 392 - 402
Special edition in Lithuanian: Chapter 09 Volume 001 P. 392 - 402
Special edition in Hungarian Chapter 09 Volume 001 P. 392 - 402
Special edition in Maltese: Chapter 09 Volume 001 P. 392 - 402
Special edition in Polish: Chapter 09 Volume 001 P. 392 - 402
Special edition in Slovak: Chapter 09 Volume 001 P. 392 - 402
Special edition in Slovene: Chapter 09 Volume 001 P. 392 - 402
Special edition in Bulgarian: Chapter 09 Volume 002 P. 85 - 95
Special edition in Romanian: Chapter 09 Volume 002 P. 85 - 95
Special edition in Croatian: Chapter 09 Volume 001 P. 82 - 92

No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2012; Imħassar b' 32010R0904 Art. 61

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1798/oj

32003R1798



Official Journal L 264 , 15/10/2003 P. 0001 - 0011


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003

tas-7 ta' Ottubru 2003

dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru. 218/92

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [3],

Billi:

(1) L-evażjoni tat-taxxa u l-frodi li jestendu mal-fruntieri ta' l-Istati Membri mhux biss iwasslu għal telf fil-budget imma anke jwasslu għal vjolazzjonijiet tal-prinċipji ta' ġustizzja fiskali u jistgħu jipprovokaw distorzzjonijiet ta' movimenti ta' kapital u tal-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Huma għalhekk jolqtu l-attività tas-suq intern.

(2) Il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tesiġi koperazzjoni stretta bejn l-awtoritajiet amministrattivi f'kull Stat Membru li hu responsabbli għall-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet f'dak il-qasam.

(3) Il-miżuri ta' l-armonizzazzjoni tat-taxxa meħudha biex jitlesta s-suq intern għandhom għalhekk jinkludu l-istabbiliment ta' sistema komuni għal skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri fejn l-awtoritajiet amministrattivi tagħhom għandhom jassistu lil xulxin u jikkoperaw mal-Kummissjoni biex tiġi żgurata applikazzjoni tajba tal-VAT fuq provvisti ta' prodotti u servizzi, fuq l-akkwist intra-Komunitarju ta' prodotti u fuq l-importazzjoni ta' prodotti.

(4) Ħażna elettronika u trasmissjoni ta' ċerta informazzjoni għal skopijiet ta' kontroll tal-VAT huma indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tas-sistema tal-VAT.

(5) Il-kondizzjonijiet għal tibdil ta', u aċċess dirett ta' Stati Membri għal, informazzjoni miżmuma b'mod elettroniku f'kull Stat Membru għandhom jiġu mfissra b'mod ċar. L-operaturi għandu jkollhom aċċess għal xi informazzjoni, meta meħtieġ, għal qadi ta' dmirijiethom.

(6) L-Istati Membri ta' konsum għandhom responsabbiltà primarja li jiżguraw li fornituri mhux stabbiliti jikkonformaw ma' l-obbligazzjonijiet tagħhom. Għal dan il-għan, l-applikazzjoni ta' l-iskema speċjali temporanja għal servizzi forniti b'mod elettroniku li hi pprovduta fl-Artikolu 26ċ tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrelataw mat-taxxi fuq il-profitt, sistema Komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' valutazzjoni [4], teħtieġ id-definizzjoni ta' regoli dwar il-provvista ta' informazzjoni u trasferiment ta' flus bejn l-Istati Membri ta' identifikazzjoni u l-Istati Membri ta' konsum.

(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 218/92 tas-27 ta' Jannar 1992 dwar koperazzjoni amministrattiva fil-qasam ta' tassazzjoni indiretta (VAT)(%) [5] stabbilixxa f'dan ir-rispett sistema ta' koperazzjoni stretta bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u bejn dawn l-awtoritajiet u l-Kummissjoni.

(8) Ir-Regolament (KEE) Nru. 218/92 jissupplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta' Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam ta' tassazzjoni diretta u indiretta [6].

(9) Dawn iż-żewġ strumenti ġuridiċi wrew li huma effettivi imma insuffiċjenti biex jilħqu l-ħtiġiet ġodda tal-koperazzjoni amminstrattiva li tirriżulta mill-integrazzjoni dejjem stretta ta' l-ekonomiji fis-suq intern.

(10) Barra minn hekk, l-eżistenza ta' żewġ strumenti separati għal koperazzjoni fuq il-VAT fixklet koperazzjoni effettiva bejn l-amministrazzjonijiet fiskali.

(11) Id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-partijiet koerenti kollha mhumiex preżentament imfissra b'mod tajjeb. Hu neċessarju li jiġu stabbiliti regoli aktar ċari u li jorbtu li jirregolaw il-koperazzjoni bejn Stati Membri.

(12) M'hemmx biżżejjed kuntatt dirett bejn l-uffiċċji lokali jew nazzjonali ta' kontra l-frodi; bħala norma l-komunikazzjoni sseħħ bejn l-uffiċċji ċentrali ta' kollegament. Dan iwassal għal ineffiċjenza, limitazzjoni ta' l-użu ta' l-arranġamenti għal koperazzjoni amministrattiva u dewmien fil-komunikazzjoni. Għandhom għalhekk jiġu pprovduti miżuri li jħalli kuntatti aktar diretti bejn is-servizzi bil-għan li l-koperazzjoni ssir aktar effiċjenti u aktar malajr.

(13) Fl-aħħar mill-aħħar, il-koperazzjoni mhiex intensiva biżżejjed, fis-sens, li apparti s-sistema ta' skambju ta' informazzjoni tal-VAT (VIES), m'hemmx biżżejjed skambji ta' informazzjoni awtomatiċi jew spontanji bejn l-Istati Membri. L-iskambji ta' informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet rispettivi u bejn l-amministrazzjonijiet u l-Kummissjoni għandhom isiru aktar intensivi u aktar immedjati sabiex il-frodi jkun miġġieled b'mod mill-aktar effiċjenti.

(14) Id-disposizzjonijiet dwar il-koperazzjoni amministrattiva fir-rigward ta' VAT tar-Regolament (KEE) Nru. 218/92 u tad-Direttiva 77/799/KEE għandhom għalhekk jiġu magħquda u msaħħa. Għar-raġunijiet ta' ċarezza, dan għandu jsir bi strument wieħed ġdid li jbiddel lir-Regolament (KEE) Nru. 218/92.

(15) Dan ir-Regolament m'għandux jolqot il-miżuri l-oħra tal-Komunità li jagħtu kontribut għall-ġlieda kontra l-frodi relatati mal-VAT.

(16) Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, hu xieraq li jiġu kkunsidrati limitazzjonijiet ta' ċerti drittijiet u obbligi stabbiliti mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' informazzjoni personali u dwar il-moviment ħieles ta' din l-informazzjoni [7] sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1)(e) ta' dik id-Direttiva.

(17) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' kompetenzi ta' eżekuzzjoni mogħti lill-Kummissjoni [8].

(18) Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji li huma rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li bihom l-awtoritajiet amministrattivi fl-Istati Membri responsabbli għall-applikazzjoni tal-liġijiet dwar il-VAT għall-provvisti ta' oġġetti u servizzi, għall-akkwist intra-Komunitarju ta' oġġetti u għall-importazzjoni ta' oġġetti għandhom jikkoperaw flimkien u mal-Kummissjoni biex jiżguraw konformità ma' dawn il-liġijiet.

Għal dak il-għan, huma stabbiliti regoli u proċeduri biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri biex jikkoperaw u jibdlu informazzjoni bejniethom li tista' tgħinhom biex jagħmlu valutazzjoni korretta tal-VAT.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli u proċeduri għall-iskambju ta' ċerta informazzjoni b'mezzi elettroniċi, b'mod partikolari fir-rigward ta' VAT fuq transazzjonijiet intra-komunitarji.

Għall-perijodu pprovdut fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/38/KE [9], jistabbilixxi wkoll regoli u proċeduri għall-iskambju b'mezzi elettroniċi ta' informazzjoni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fuq servizzi forniti b'mod elettroniku skond l-iskema speċjali pprovduta fl-Artikolu 26ċ tad-Direttiva 77/388/KEE, u wkoll, għal skambju sussegwenti ta' informazzjoni u, sa' fejn is-servizzi koperti b'dik l-iskema speċjali huma kkonċernati, għat-trasferiment ta' flus bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri.

2. Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-applikazzjoni tar-regoli għal għajnuna reċiproka f'kwistjonijiet kriminali fl-Istati Membri.

Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament:

1. "awtorita kompetenti ta' Stat Membru", tfisser:

- fil-Belġju:

Le ministre des finances

De Minister van financiën,

- f'Denmark:

Skatteministeren,

- fil-Ġermanja:

Bundesministerium der Finanzen,

- fil-Greċja:

Υπουργειο Οικονομίας και Οικονομικων,

- fi Spanja:

El Secretario de Estado de Hacienda,

- fi Franza:

le ministre de l'économie, des finances et de l'industrie,

- fl-Irlanda:

The Revenue Commissioners,

- fl-Italja:

il Capo del Dipartimento delle Politiche Fiscali,

- fil-Lussemburgu:

L'Administration de l'Enregistrement et des Domaines,

- fl-Olanda:

De minister van Financiën,

- fl-Awstrija:

Bundesminister für Finanzen,

- fil-Portugall:

O Ministro das Finanças,

- fil-Finlandja:

Valtiovarainministeriö

Finansministeriet,

- fl-Isvezja:

Chefen för Finansdepartementet,

- fir-Renju Unit:

The Commissioners of Customs and Excise;

2. "uffiċċju ċentrali ta' kollegament", tfisser l-uffiċċju li nħatar skond l-Artikolu 3(2) bir-responsabbiltà prinċipali għal kuntatti ma' l-Istati Membri l-oħra fil-qasam tal-koperazzjoni amministrattiva;

3. "dipartiment ta' kollegament", tfisser kull uffiċċju għajr l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament b'kompetenza territorjali speċifika jew responsabbiltà operazzjonali speċifika li nħatar mill-awtorità kompetenti skond l-Artikolu 3(3) biex l-informazzjoni tiġi mibdula direttament fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament;

4. "uffiċjali kompetenti", tfisser kull uffiċjal li jista' jibdel informazzjoni direttament fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament li għaliha ġie awtorizzat skond l-Artikolu 3(4);

5. "awtorità rikjedenti", tfisser l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament, dipartiment ta' kollegament jew kull uffiċjal kompetenti ta' Stat Membru li jagħmel talba għall-għajnuna f'isem l-awtorità kompetenti;

6. "awtorita rikjesta", tfisser l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament, dipartiment għal kollegament jew kull uffiċjal kompetenti ta' Stat Membru li jirċievi talba għall-għajnuna f'isem l-awtorità kompetenti;

7. "transazzjonijiet intra-Komunitarji", tfisser il-provvista intra-Komunitarja ta' oġġetti u servizzi;

8. "il-provvista intra-Komunitarja ta' oġġetti", tfisser kull provvista ta' oġġetti li suppost jiġu ddikjarati fid-dikjarazzjoni rikapitulattiva msemmija fl-Artikolu 22(6)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE;

9. "il-provvista intra-Komunitarja ta' servizzi", tfisser kull provvista ta' servizzi koperti bl-Artikolu 28b(Ċ), (D), (E) u (F) tad-Direttiva 77/388/KEE;

10. "akkwist intra-Komunitarju ta' oġġetti", tfisser l-akkwist tad-dritt għat-tqassim bħala sid ta' proprjetà mobbli tanġibbli skond l-Artikolu 28a(3) tad-Direttiva 77/388/KEE;

11. "in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT", tfisser in-numru msemmi fl-Artikolu 22(1)(ċ), (d) u (e) tad-Direttiva 77/388/KEE;

12. "inkjesta amministrattiva", tfisser il-kontrolli, il-verifikazzjonijiet u azzjonijiet oħra kollha meħuda minn Stati Membri fil-qadi ta' dmirijiethom bil-għan li jiżguraw applikazzjoni korretta tal-leġislazzjoni tal-VAT;

13. "skambju awtomatiku", tfisser il-komunikazzjoni sistematika ta' informazzjoni definita minn qabel lil Stat Membru ieħor, mingħajr talba minn qabel, f'intervalli regolari stabbiliti minn qabel;

14. "skambju awtomatiku strutturat", tfisser il-komunikazzjoni sistematika ta' informazzjoni definita minn qabel lil Stat Membru ieħor, mingħajr talba minn qabel, kif u meta tkun disponibbli dik l-informazzjoni;

15. "skambju spontanju", tfisser il-komunikazzjoni rregolari ta' informazzjoni lil Stat Membru ieħor mingħajr talba minn qabel;

16. "persuna", tfisser:

(a) persuna naturali;

(b) persuna ġuridika; jew

(ċ) fejn il-leġislazzjoni li hemm fis-seħħ tipprovdi hekk, assoċjazzjoni ta' persuni rikonoxxuti bħala li għandhom il-kapaċità li jwettqu atti ġuridiċi imma li m'għandhomx l-istatut ġuridiku ta' persuna ġuridika;

17. "permess ta' aċċess", tfisser li jiġi awtorizzat l-aċċess għall-bażi ta' informazzjoni u li tiġi pprovduta informazzjoni b'mezzi elettroniċi;

18. "b'mezzi elettroniċi", tfisser l-użu ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża l-kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta' informazzjoni, u l-utilizzazzjoni ta' wajers, xandir bir-radju, teknoloġiji ottiki jew mezzi oħra elettromagnetiċi;

19. "Network CCN/CSI", tfisser il-pjattaforma komuni bbażata fuq in-network komuni ta' komunikazzjoni (CCN) u l-interface komuni tas-sistema (CSI), żviluppata mill-Komunità biex tiżgura t-trasmissjonijiet kollha b'mezzi elettroniċi bejn awtoritajiet kompetenzi fiż-żona ta' dwana u taxxa.

Artikolu 3

1. L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-punt 1 ta' l-Artikolu 2 huma l-awtoritajiet li f'isimhom għandu jkun applikat dan ir-Regolament, jew direttament jew permezz ta' delegazzjoni.

2. Kull Stat Membru għandu jaħtar uffiċċju ċentrali ta' kollegament wieħed li r-responsabbiltà prinċipali, fis-sens ta' ħatra, hi l-kuntatti ma' Stati Membri oħra fil-qasam tal-koperazzjoni amministrattiva. Dan għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dan.

3. L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru tista' taħtar dipartimenti ta' kollegament. L-uffiċċju ċentrali ta' kollegament għandu jkun responsabbli milli jżomm aġġornata l-lista ta' dawn id-dipartimenti u jagħmilha disponibbli għall-uffiċċji ċentrali ta' kollegament ta' l-Istati Membri l-oħra kkonċernati.

4. L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru tista', b'addizzjoni, taħtar, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti minnha, uffiċjali kompetenti li jistgħu jpartu informazzjoni direttament fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament. Meta dan isir, tista' tillimita l-iskop ta' din il-ħatra. L-uffiċċju ċentrali ta' kollegament għandu jkun risponsabbli milli jżomm aġġornata l-lista ta' dawn l-uffiċjali u jagħmilha disponibbli għall-uffiċċji ċentrali ta' kollegament ta' l-Istati Membri l-oħra kkonċernati.

5. L-uffiċjali li jibdlu informazzjoni skond l-Artikoli 11 u 13 għandhom, f'kull każ, ikunu meqjusa bħala uffiċjali kompetenti għal dan il-għan, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti.

6. Meta dipartiment ta' kollegament jew uffiċjal kompetenti jibgħat jew jirċievi talba jew risposta għal talba għall-għajnuna, għandhom jinformaw lill-uffiċċju ċentrali ta' kollagement ta' l-Istat Membru tagħhom skond il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dan ta' l-aħħar.

7. Meta dipartiment ta' kollegament jew uffiċjal kompetenti jirċievu talba għall-għajnuna li teħtieġ azzjoni barra t-territorju jew iż-żona operattiva tagħhom, huma għandhom jgħaddu din it-talba mingħajr dewmien lill-uffiċċju ċentrali ta' kollegament ta' l-Istat Membru tagħhom u jinformaw lill-awtorità rikjedenti b'dan. F'dan il-każ, il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 8 għandu jibda mill-ġurnata ta' wara li t-talba għall-għajnuna ġiet mgħoddija lill-uffiċċju ċentrali ta' kollegament.

Artikolu 4

1. L-obbligazzjoni li tingħata għajnuna kif ipprovduta f'dan ir-Regolament m'għandhiex tkopri t-trasmissjoni ta' informazzjoni jew dokumenti miksuba mill-awtoritajiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 1 li jaġixxu bl-awtorizzazzjoni jew fuq talba ta' l-awtorità ġudizzjarja.

2. Madankollu, fejn awtorità kompetenti għandha l-poteri skond il-liġi nazzjonali biex tikkomunika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, din tista' tiġi kkomunikata bħala parti mill-koperazzjoni amministrattiva pprovduta f'dan ir-Regolament. Kull komunikazzjoni bħal din għandha jkollha l-awtorizzazzjoni minn qabel ta' l-awtorità ġudizzjarja jekk in-neċessità ta' din l-awtorizzazzjoni toħroġ mil-liġi nazzjonali.

KAPITOLU II

SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI FUQ TALBA

Sezzjoni 1

Talba għal informazzjoni u għal inkjesti amministrattivi

Artikolu 5

1. Fuq talba ta' l-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, inkluża kull informazzjoni relatata ma' każ jew każijiet speċifiċi.

2. Għall-iskop ta' trasmissjoni ta' l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità rikjesta għandha tirranġa għat-tmexxija ta' kull inkjesta amministrattiva neċessarja biex tinkiseb din l-informazzjoni.

3. It-talba msemmija fil-paragrafu 1 tista' tinkludi talba raġonevoli għal inkjesta amministrattiva speċifika. Jekk l-Istat Membru jikkunsidra li l-ebda inkjesta mhi neċessarja, għandu jinforma immedjatament lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għal dan.

4. Sabiex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa jew sabiex tmexxi l-inkjesta amministrattiva mitluba, l-awtorità rikjesta jew l-awtorità amministrattiva li għaliha għandha rikors għandha tipproċedi bħallikieku qed taġixxi għaliha jew fuq talba ta' awtorità oħra fl-Istat Membru tagħha.

Artikolu 6

Talbiet għal informazzjoni u għal inkjesti amministrattivi skond l-Artikolu 5 għandhom, kemm jista' jkun possibli, jintbagħtu permezz ta' forma standard adotatta skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 44(2).

Artikolu 7

1. Fuq talba ta' l-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunikalha kull informazzjoni rilevanti li hi tikseb jew li għandha fil-pussess tagħha kif ukoll ir-riżultati ta' inkjesti amministrattivi, fil-forma ta' rapporti, dikjarazzjonijiet jew kull dokument ieħor, jew, kopji veri ċċertifikati jew estratti minnhom.

2. Dokumenti oriġinali għandhom ikunu pprovduti biss meta dawn ma jkunux kontrarji għad-disposizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri fejn hi stabbilita l-awtorità rikjesta.

Sezzjoni 2

Limitu ta' żmien biex tiġi pprovduta informazzjoni

Artikolu 8

L-awtorità rikjesta għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 5 u 7 kemm jista' jkun malajr u mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-data ta' l-irċevuta tat-talba.

Madankollu, fejn l-awtorità rikjesta diġa għandha dik l-informazzjoni, il-limitu ta' żmien għandu jkun imnaqqas għal perijodu massimu ta' xahar.

Artikolu 9

F'ċerti kategoriji speċjali ta' każijiet jistgħu jiġu miftehma limiti ta' żmien differenti minn dawk ipprovduti fl-Artikolu 8 bejn l-awtoritajiet rikjesti u dawk rikjedenti.

Artikolu 10

Meta l-awtorità rikjesta ma tistax tirrispondi t-talba sat-terminu perentorju, hi għandha tinforma immedjatament lill-awtorità rikjedenti bil-kitba bir-raġunijiet għall-inkapaċità tagħha li tagħmel dan, u meta hi tikkunsidra meta se tkun tista' tirrispondi.

Sezzjoni 3

Preżenza f'uffiċċji amministrattivi u parteċipazzjoni f'inkjesti amministrattivi

Artikolu 11

1. Bi ftehim bejn awtorità rikjedenti u awtorità rikjesta u skond l-arranġamenti stabbiliti minn din ta' l-aħħar, uffiċjali awtorizzati mill-awtorità rikjedenti jistgħu jkunu preżenti fl-uffiċċji fejn jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istat Membru li fih hi stabbilita l-awtorità rikjesta biex jibdlu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1. Meta l-informazzjoni mitluba tinstab f'dokumentazzjoni li għalih għandhom aċċess l-uffiċjali ta' l-awtorità rikjesta, l-uffiċjali ta' l-awtorità għandhom jingħataw kopji tad-dokumentazzjoni li fiha l-informazzjoni mitluba.

2. Bi ftehim bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u skond l-arranġamenti stabbiliti minn din ta' l-aħħar, uffiċjali maħtura mill-awtorità rikjedenti jistgħu jkunu preżenti waqt l-inkjesti amministrattivi bil-għan li jibdlu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1. Inkjesti amministrattivi għandhom isiru b'mod esklussiv mill-uffiċjali ta' l-awtorità rikjesta. L-uffiċjali ta' l-awtorità rikjedenti ma jistgħux jeżerċitaw il-poteri ta' kontroll mogħtija lil uffiċjali ta' l-awtorità rikjesta. Huma jistgħu, madankollu, ikollhom aċċess għall-istess bini u għall-istess dokumenti bħal dawn ta' l-aħħar, permezz ta' l-intermedjarju tagħhom u biss minħabba l-inkjesta amministrattiva li qed issir.

3. L-uffiċjali ta' l-awtorità rikjedenti preżenti fi Stat Membru ieħor skond il-paragrafi 1 u 2 iridu fil-ħinijiet kollha jkunu kapaċi jipproduċu awtorità miktuba li fiha hemm imniżżel l-identità u l-kapaċità uffiċjali tagħhom.

Sezzjoni 4

Kontrolli simultanji

Artikolu 12

Bil-għan li tinbidel l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jiftehmu li jmexxi kontrolli simultanji, fit-territorju tagħhom, tas-sitwazzjoni tat-taxxa ta' persuna taxxabli waħda jew aktar li huma ta' interess komuni jew komplimentari, kull meta dawn il-kontrolli jidhru li se jkunu aktar effettivi mill-kontrolli magħmula minn Stat Membru wieħed.

Artikolu 13

1. Stat Membru għandu jidentifika indipendentament il-persuni taxxabli li se jkunu suġġeriti għal kontroll simultanju. L-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti fl-Istati Membri l-oħra kkonċernati bil-każijiet proposti għall-kontrolli simultanji. Għandu jagħti raġunijiet għall-għażla tiegħu, kemm jista' jkun possibli, billi tiġi pprovduta l-informazzjoni li wasslet għad-deċiżjoni tiegħu. Għandu jispeċifika l-perijodu ta' żmien li matulu se jitmexxew dawn il-kontrolli.

2. L-Istati Membri kkonċernati għandhom imbagħad jiddeċiedu jekk jixtiequx jieħdu sehem fil-kontrolli simultanji. Mar-riċevuta tal-proposta għal kontroll simultanju, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru għandha tikkonferma l-qbil tagħha jew tikkomunika r-rifjut raġonevoli tagħha lill-awtorità korrispondenti.

3. Kull awtorità kompetenti ta' l-Istati Membri kkonċernati għandha taħtar rappreżentant biex ikun responsabbli għas-superviżjoni u għall-kordinazzjoni ta' l-operazzjoni ta' kontroll.

KAPITOLU III

TALBA GĦAL NOTIFIA AMMINISTRATTIVA

Artikolu 14

L-awtorità rikjesta għandha, fuq talba ta' l-awtorità rikjedenti u skond ir-regoli rigward in-notifika ta' atti simili fl-Istat Membru li fih hi stabbilita, tinnotifika d-destinatarju bl-istrumenti u d-deċiżjonijiet kollha li joħorġu mill-awtoritajiet amministrattivi u li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-VAT fit-territorju ta' l-Istat Membru li fih hi stabbilita l-awtorità rikjedenti.

Artikolu 15

Talbiet għan-notifika, li jsemmu s-suġġett ta' l-att jew tad-deċiżjoni li għandhom jiġu nnotifikati, għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz u kull informazzjoni oħra rilevanti biex ikun identifikat id-destinatarju.

Artikolu 16

L-awtorità rikjesta għandha tinforma immedjatament lill-awtorità rikjedenti dwar ir-risposta għat-talba ta' notifika u, b'mod partikolari, bid-data li fiha d-deċiżjoni jew l-att ġew mgħarrfa lid-destinatarju.

KAPITOLU IV

SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI MINGĦAJR TALBA MINN QABEL

Artikolu 17

Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Kapitoli V u VI, l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha tipproċedi bi skambju awtomatiku jew bi skambju awtomatiku strutturat, ta' l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 ma' l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru ieħor ikkonċernat, fil-każijiet li ġejjin:

1. fejn it-tassazzjoni ħa sseħħ fl-Istat Membru tad-destinazzjoni u l-effettività tas-sistema ta' kontroll tiddependi neċessarjament fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru ta' l-oriġini;

2. fejn Stat Membru għandu raġuni jemmen li fi Stat Membru ieħor sar jew jista' jkun li sar ksur tal-leġislazzjoni tal-VAT;

3. fejn hemm riskju ta' telf ta' taxxa fi Stat Membru ieħor.

Artikolu 18

Dawn li ġejjin għandhom ikunu determinati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 44(2):

1. il-kategoriji eżatti ta' l-informazzjoni li se titpartat;

2. il-frekwenza ta' l-iskambji;

3. l-arranġamenti prattiċi għall-iskambju ta' informazzjoni.

Kull Stat Membru għandu jiddetermina jekk hux se jieħu sehem fl-iskambju ta' kategorija partikolari ta' informazzjoni, kif ukoll jekk dan hux se jsir b'mod awtomatiku jew b'mod awtomatiku strutturat.

Artikolu 19

L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jistgħu, f'kull każ, jittrasmettu b'mod reċiproku, permezz ta' skambju spontanju, l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 1 li hi fil-pussess tagħhom.

Artikolu 20

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri amministrattivi jew organizzattivi neċessarji biex jiffaċilitaw l-iskambji pprovduti f'dan il-Kapitolu.

Artikolu 21

Stat Membru ma jistax ikun obbligat, għall-iskopijiet ta' implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, li jimponi obbligazzjonijiet ġodda fuq debituri tal-VAT bil-għan li jiġbor informazzjoni u lanqas iġorr piżijiet amministrattivi disproporzjonati.

KAPITOLU V

ĦAŻNA U SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI SPEĊIFIKA GĦAT-TRANSAZZJONIJIET INTRA-KOMUNITARJI

Artikolu 22

1. Kull Stat Membru għandu jżomm bażi ta' informazzjoni elettronika li fiha se jkun hemm maħżuna u proċessata l-informazzjoni li tinġabar skond l-Artikolu 22(6)(b) fil-verżjoni mogħtija fl-Artikolu 28h tad-Direttiva 77/388/KEE.

Sabiex dik l-informazzjoni tkun tista' tiġi utilizzata fil-proċeduri pprovduti f'dan ir-Regolament, l-informazzjoni għandha tkun maħżuna minn ta' l-inqas għal ħames snin mit-tmiem tas-sena kalendarja li fiha jingħata aċċess għall-informazzjoni.

2. Stati Membri għandhom jiżguraw li l-bażi ta' l-informazzjoni tagħhom hi aġġornata, u li hi kompleta u eżatta.

Il-kriterji biex jiġi determinat tibdil li mhux adattat, essenzali jew bżonnjuż, huma determinati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 44(2).

Artikolu 23

Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni maħżuna skond l-Artikolu 22, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tikseb minn kull Stat Membru ieħor komunikazzjoni awtomatika u mingħajr dewmien ta' l-informazzjoni li ġejja, li għaliha għandu jkollu aċċess dirett:

1. numri ta' identifikazzjoni tal-VAT maħruġa mill-Istat Membru li qed jirċievi l-informazzjoni;

2. il-valur totali tal-fornituri intra-Komunitarji ta' oġġetti lill-persuni li għandhom numru ta' identifikazzjoni tal-VAT mill-operaturi kollha identifikati għall-iskopijiet tal-VAT fl-Istat Membru li jipprovdi l-informazzjoni.

Il-valuri msemmija f'punt 2 għandhom ikunu mfissra fil-munita ta' l-Istat Membru li qed jipprovdi l-informazzjoni u għandhom jirrelataw ma' kull tliet xhur kalendarji.

Artikolu 24

Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni maħżuna skond l-Artikolu 22 u biss sabiex ma jitħalliex ksur tal-leġislazzjoni tal-VAT, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru għandha, meta tikkonsidraha neċessarju għall-kontroll ta' l-akkwist intra-Komunitarju ta' oġġetti, tikseb komunikazzjoni awtomatika u immedjata ta' l-informazzjoni kollha li ġejja, li għalihom hi għandha aċċess dirett b'mezzi elettroniċi:

1. in-numri ta' identifikazzjoni tal-VAT tal-persuni li affettwaw il-provvisti msemmija f'punt 2 ta' l-Artikolu 23; u

2. il-valur totali ta' dawn il-provvisti minn kull persuna bħal din għal kull persuna li għandha numru ta' identifikazzjoni tal-VAT imsemmi f'punt 1 ta' l-Artikolu 23.

Il-valuri msemmija f'punt 2 għandhom ikunu mfissra fil-munita ta' l-Istat Membru li qed jipprovdi l-informazzjoni u għandhom jirrilataw ma' kull tliet xhur kalendarji.

Artikolu 25

1. Fejn l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru hi obbligata li tagħti aċċess għal informazzjoni skond l-Artikoli 23 u 24, hi għandha tagħmel dan kemm jista' jkun malajr u mhux aktar tard minn tliet xhur mill-aħħar ta' kull kwart ta' sena kalendarja li għalih tirrelata l-informazzjoni.

2. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, fejn l-informazzjoni hi miżjuda ma' bażi ta' informazzjoni fiċ-ċirkustanzi pprovduti fl-Artikolu 22, aċċess għal din l-informazzjoni addizzjonali għandu jkun awtorizzat kemm jista' jkun malajr u mhux aktar tard minn tliet xhur mill-aħħar ta' kull kwart ta' sena li fih ġiet miġbura l-informazzjoni.

3. Il-kondizzjonijiet li taħthom jingħata l-aċċess għall-informazzjoni kkoreġuta għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 44(2).

Artikolu 26

Fejn, għall-iskopijiet ta' l-Artikoli 22 sa' 25, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jaħżnu l-informazzjoni f'bażi ta' informazzjoni u jpartu din l-informazzjoni b'mezzi elettroniċi, huma għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw konformità ma' l-Artikolu 41.

Artikolu 27

1. Kull Stat Membru għandu jżomm bażi ta' informazzjoni elettronika li tinkludi reġistru ta' persuni li għalihom inħarġu numri ta' l-identifikazzjoni tal-VAT f'dak l-Istat Membru.

2. F'kwalunkwe ħin l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tikseb direttament jew tkun ikkomunikata, l-informazzjoni maħżuna skond l-Artikolu 22, b'konferma tal-validità tan-numru ta' l-identifikazzjoni tal-VAT taħt liema persuna effettwat jew irċiviet fornitura intra-Komunitarja ta' oġġetti jew servizzi.

Fuq talba speċifika, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika wkoll id-data tal-ħruġ, u fejn xieraq, id-data ta' skadenza tan-numru ta' l-identifikazzjoni tal-VAT.

3. Fuq talba, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi wkoll mingħajr dewmien l-isem u l-indirizz tal-persuna li nħarġilha n-numru, sakemm din l-informazzjoni mhiex miżmuma mill-awtorità rikjedenti bil-ħsieb ta' użu possibli f'xi żmien fil-futur.

4. L-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru għandhom jiżguraw li l-persuni nvoluti fil-fornitura intra-Komunitarja ta' oġġetti jew ta' servizzi u, għall-perijodu pprovdut fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/38/KE, il-persuni li jipprovdu servizzi msemmija fl-aħħar inċiż ta' l-Artikolu 9(2)e tad-Direttiva 77/388/KEE huma awtorizzati li jiksbu konferma tal-validità tan-numru ta' l-identifikazzjoni tal-VAT ta' kull persuna speċifikata.

Għall-perijodu pprovdut fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/38/KE, l-Istati Membri għandhom, b'mod partikolari, jipprovdu din il-konferma b'mezzi elettroniċi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 44(2).

5. Fejn, għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 sa' 4, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jaħżnu informazzjoni f'bażi ta' informazzjoni elettroniċi u jpartu din l-informazzjoni b'mezzi elettroniċi, huma għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw konformità ma' l-Artikolu 41.

KAPITOLU VI

DISPOSIZZJONIJIET DWAR L-ISKEMA SPEĊJALI FL-ARTIKOLU 26Ċ TAD-DIRETTIVA 77/388/KEE

Artikolu 28

Id-disposizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw fir-rigward ta' l-iskema speċjali msemmija fl-Artikolu 26ċ tad-Direttiva 77/388/KEE. Id-definizzjonijiet li jinsabu fil-punt A ta' dak l-Artikolu għandhom japplikaw ukoll għall-iskop ta' dan il-Kapitolu.

Artikolu 29

1. L-informazzjoni li l-Istat Membru ta' identifikazzjoni jirċievi minn persuna taxxabbli mhux stabbilita, meta tibda l-attività tagħha kif stabbilit fit-tieni sottoparagrafu ta' l-Artikolu 26ċ(B)(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, għandha tkun preżentata b'manjiera elettronika. Id-dettalji tekniċi, li jinkludu messaġġ elettroniku komuni, għandhom ikunu determinati skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 44(2).

2. L-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu jittrasmetti din l-informazzjoni b'mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra fi żmien 10't ijiem mill-aħħar tax-xahar li matulu irċevew l-informazzjoni mingħand il-persuna taxxabbli mhux stabbilita. Fl-istess manjiera l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra għandhom ikunu nformati bin-numru ta' identifikazzjoni allokat. Id-dettalji tekniċi għat-trasmissjoni ta' din l-informazzjoni, li jinkludu messaġġ elettroniku komuni, għandhom ikunu determinati skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 44(2).

3. L-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu jinforma mingħajr dewmien b'mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra jekk persuna taxxabbli mhux stabbilita hi eskluża mir-reġistru ta' identifikazzjoni.

Artikolu 30

Id-denunzja bid-dettalji skond it-tieni sottoparagrafu ta' l-Artikolu 26ċ(B)(5) tad-Direttiva 77/388/KEE għandha tiġi ppreżentata b'mezz elettroniku. Id-dettalji tekniċi, inkluż messaġġ elettroniku komuni, għandhom ikunu determinati skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 44(2).

L-Istat Membru ta' identifikazzjoni jittrasmetti din l-informazzjoni b'mezzi elettroniċi lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat mhux aktar tard minn 10't ijiem wara l-aħħar tax-xahar li fih ġiet irċevuta d-denunzja. L-Istati Membri li jesiġu li d-denunzja tat-taxxa ssir fil-munita nazzjonali għajr l-euro, għandhom jikkonvertu l-ammonti f'euro permezz tar-rata tal-kambju valida għall-aħħar ġurnata tal-perijodu ta' rappurtaġġ. Il-kambju għandu jsir wara li jkunu ppublikati mill-Bank Ċentrali Ewropew ir-rati tal-kambju għal dik il-ġurnata, jew, jekk m'hemmx pubblikazzjoni f'dik il-ġurnata, fuq ir-rati tal-kambju ta' l-ewwel ġurnata ta' wara l-pubblikazzjoni. Id-dettalji tekniċi għat-trasmissjoni ta' l-informazzjoni għandhom ikunu determinati skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 44(2).

L-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu jittrasmetti b'mezzi elettroniċi lill-Istat Membru ta' konsum l-informazzjoni meħtieġa biex kull ħlas jingħaqad mad-denunzja tal-vat ta' kull tliet xhur rilevanti.

Artikolu 31

Id-disposizzjonijiet fl-Artikolu 22 għandhom japplikaw ukoll għall-informazzjoni miġbura mill-Istat Membru ta' identifikazzjoni skond l-Artikolu 26ċ(B)(2) u (5) tad-Direttiva 77/388/KEE.

Artikolu 32

L-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu jiżgura li l-ammont li ġie mħallas mill-persuna taxxabli mhux stabbilita ġie trasferut għall-kont bankarju denominat f'euro, li nħatar mill-Istat Membru ta' konsum li għalih hu dovut il-ħlas. L-Istati Membri li jeħtieġu l-ħlas fil-munita nazzjonali għajr euro, għandhom jikkonvertu l-ammonti f'euro permezz tar-rata ta' kambju valida għall-aħħar data tal-perijodu ta' rappurtaġġ. Il-kambju għandu jsir wara li jkunu ppublikati mill-Bank Ċentrali Ewropew ir-rati tal-kambju għal dik il-ġurnata, jew, jekk m'hemmx pubblikazzjoni f'dik il-ġurnata, fuq ir-rati tal-kambju ta' l-ewwel ġurnata ta' wara l-pubblikazzjoni. It-trasferiment għandu jsir mhux aktar tard minn 10't ijiem wara l-aħħar tax-xahar li fih sar il-ħlas.

Jekk il-persuna taxxabbli mhux stabbilita ma tħallasx it-taxxa kollha dovuta, l-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu jiżgura li l-ħlas jiġi trasferit lill-Istati Membri ta' konsum bi proporzjoni għat-taxxa dovuta f'kull Stat Membru. L-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu jinforma b'mezzi elettroniċi dwar dan lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri tal-konsum.

Artikolu 33

L-Istati Membri għandhom jinformaw b'mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra dwar in-numri ta' kontijiet bankarji rilevanti għall-kreditu tal-ħlas skond l-Artikolu 32.

L-Istati Membri għandhom jinformaw mingħajr dewmien b'mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar tibdil fir-rata standard tat-taxxa.

Artikolu 34

L-Artikoli 28 sa' 33 għandhom japplikaw għall-perijodu pprovdut fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/38/KE.

KAPITOLU VII

RELAZZJONIJIET MAL-KUMMISSJONI

Artikolu 35

1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw u jivvalutaw kif qiegħdin jaħdmu l-arranġamenti għal koperazzjoni amministrattiva pprovduti f'dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tiċċentralizza l-esperjenza ta' l-Istati Membri bil-għan li ttejjeb l-operazzjoni ta' dawn l-arranġamenti.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull informazzjoni disponibbli rilevanti għall-applikazzjoni li dawn jagħtu għal dan ir-Regolament.

3. Lista ta' informazzjoni ta' statistika bżonnjuża għall-valutazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha tiġi determinata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 44(2). L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw din l-informazzjoni lill-Kummissjoni sakemm tkun disponibbli u li l-komunikazzjoni ma tinvolvix piżijiet amministrattivi li ma jkunux ġustifikati.

4. Bil-għan li tiġi vvalutata l-effettività ta' din is-sistema ta' koperazzjoni amministrattiva fil-ġlieda kontra l-evażjoni u l-frodi, l-Istati Membri jistgħu jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull informazzjoni oħra msemmija fl-Artikolu 1.

5. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4 lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati.

KAPITOLU VIII

RELAZZJONIJIET MA' PAJJIŻI TERZI

Artikolu 36

1. Meta l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tirċievi informazzjoni minn pajjiż terz, dik l-awtorità tista' tgħaddi l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri li juru interess fiha u, f'kull każ, lil dawk kollha li jitolbuha, sakemm dan hu permess b'arranġamenti ta' assistenza ma' dak il-pajjiż terz partikolari.

2. Sakemm il-pajjiż terz ikkonċernat ikun responsabbli li jipprovdi l-għajnuna meħtieġa biex tinġabar evidenza tan-natura rregolari tat-transazzjonijiet li jidhru kontrarji għal-leġislazzjoni tal-VAT, informazzjoni miksuba taħt dan ir-Regolament tista' tkun ikkomunikata lil dak il-pajjiż terz, bil-kunsens ta' l-awtoritajiet kompetenti li pprovdew l-informazzjoni, skond id-disposizzjonijiet interni tagħhom li japplikaw għall-komunikazzjoni ta' informazzjoni personali lill-pajjiżi terzi.

KAPITOLU IX

KONDIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW L-ISKAMBJU TA' INFORMAZZJONI

Artikolu 37

Informazzjoni kkomunikata skond dan ir-Regolament għandha, sakemm hu possibli, tkun ipprovduta b'mezzi elettroniċi taħt l-arranġamenti li għandhom ikunu adotatti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 44(2).

Artikolu 38

Talbiet għall-għajnuna, inkluż talbiet għan-notifika, u dokumenti mehmuża jistgħu jsiru f'kwalunkwe lingwa miftiehma mill-awtorità rikjesta u dik rikjedenti. Dawn it-talbiet għandhom ikunu akkumpanjati biss minn traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali jew f'waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Istat Membru li fih hi stabbilita l-awtorità rikjesta, f'każijiet speċjali fejn l-awtorità rikjesta tagħti raġuni għat-talba ta' din it-traduzzjoni.

Artikolu 39

Għall-perijodu pprovdut fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/38/KE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li din il-komunikazzjoni kemm eżistenti kif ukoll ġdida u s-sistemi ta' skambju ta' informazzjoni li huma neċessarji biex jiġu pprovduti l-iskambji ta' informazzjoni mfissra fl-Artikoli 29 u 30 qed jiffunzjonaw. Il-Kummissjoni se tkun responsabbli għal kull żvilupp tan-network ta' komunikazzjoni komuni/interface komuni ta' sistema (CCN/CSI) neċessarju biex jippermetti l-iskambju ta' din l-informazzjoni bejn Stati Membri. L-Istati Membri se jkunu responsabbli għal kull żvilupp tas-sistemi tagħhom neċessarji biex jippermettu li din l-informazzjoni tkun mibdula permezz ta' CCN/CSI.

L-Istati Membri għandhom iċedu t-talbiet kollha biex jiġu rifondati l-ispejjeż minfuqa sabiex jiġi applikat dan ir-Regolament ħlief, fejn xieraq, fir-rigward ta' ħlas lill-esperti.

Artikolu 40

1. L-awtorità rikjesta fi Stat Membru wieħed għandha tipprovdi lil awtorità rikjedenti fi Stat Membru ieħor bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 sakemm:

(a) in-numru u n-natura tat-talbiet għal informazzjoni magħmula mill-awtorità rikjedenti f'perijodu speċifikat ma jimponux piż amministrattiv disproporzjonat fuq dik l-awtorità rikjesta;

(b) dik l-awtorità rikjesta użat is-sorsi kollha ta' l-informazzjoni li setgħet tuża fiċ-ċirkustanzi biex tikseb l-informazzjoni mitluba, mingħajr r-riskju li tikkomprometti l-kisba tar-riżultat mixtieq.

2. Dan ir-Regolament m'għandu jimponi l-ebda obbligu li jkun hemm inkjesti magħmula jew li tkun ipprovduta informazzjoni jekk il-liġijiet jew il-prattiċi amministrattivi ta' l-Istat Membru li jrid iforni l-informazzjoni ma jawtorizzawx lill-Istat Membru biex iwettaq dawn l-inkjesti jew jiġbor jew juża dik l-informazzjoni għall-iskopijiet proprji ta' l-Istat Membru.

3. L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni meta l-Istat Membru kkonċernat ma jistax, għal raġunijiet ġuridiċi, jipprovdi informazzjoni simili. Il-Kummissjoni għandha tkun informata fuq il-bażi ta' rifjut mill-Istat Membru rikjesta.

4. It-trasmissjoni ta' informazzjoni tista' tkun rifjutata jekk se twassal għall-iżvelar ta' sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew ta' proċess kummerċjali, jew ta' informazzjoni li l-kxif tagħha jmur kontra l-politika pubblika.

5. L-awtorità rikjesta għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti dwar ir-raġuni ta' rifjut ta' talba għall-għajnuna.

6. Limitu minimu li jista' jwassal għal talba għall-għajnuna jista' jkun adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 44(2).

Artikolu 41

1. L-informazzjoni kkomunikata f'kull forma skond dan ir-Regolament għandha tkun koperta bl-obbligu ta' sigriet uffiċjali u tgawdi mill-protezzjoni estiża għal informazzjoni simili kemm taħt il-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru li rċevieha kif ukoll ta' l-istandards korrespondenti applikabbli għall-awtoritajiet Komunitarji.

Din l-informazzjoni tista' tintuża għall-iskop biex tiġi stabbilita bażi ta' valutazzjoni jew il-kollezzjoni jew il-kontroll amministratti tat-taxxa għall-iskop biex tiġi stabbilita l-bażi ta' valutazzjoni.

L-informazzjoni tista' tintuża wkoll għall-valutazzjoni ta' levies, dazji u taxxi koperti bl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal-15 ta' Marzu 1976 fuq għajnuna reċiproka għall-ġbir ta' krediti rilatati ma' ċerti levies, dazji u taxxi u miżuri oħra [10].

B'addizzjoni, tista' tintuża flimkien mal-proċeduri ġuridiċi li jistgħu jinvolvu penalitajiet, li jibdew bħala riżultat ta' ksur tal-liġi tat-taxxa mingħajr preġudizzju għar-regoli ġenerali u d-disposizzjonijiet ġuridiċi li jirregolaw id-drittijiet tal-konvenuti u tax-xhieda f'dawn il-proċeduri.

2. Il-persuni debitament ikkreditati mill-Awtorità ta' Akkreditament f'kwistjonijiet ta' Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea jistgħu jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni biss sakemm hi neċessarja għall-kura, għall-manteniment u għall-iżvilupp tan-network ta' CCN/CSI network.

3. Permezz tad-deroga mill-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li qed jipprovdi l-informazzjoni għandha tippermetti l-użu tagħha għal skopijiet oħra fl-Istat Membru ta' l-awtorità rikjedenti, jekk, skond il-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru ta' l-awtorità rikjesta, l-informazzjoni tista' tintuża għal skopijiet simili.

4. Fejn l-awtorità rikjedenti tikkonsidra dik l-informazzjoni li hi rċeviet mill-awtorità rikjesta tista' tkun bżonnjuża għall-awtorita kompetenti ta' Stat Membru Terz, tista' titrasmettiha għal dan ta' l-aħħar. Għandha tinforma lill-awtoritità rikjesta b'dan bil-quddiem. L-awtorità rikjesta tista' teħtieġ li t-trasmissjoni ta' l-informazzjoni lil parti terza tkun bla ħsara għal ftehim minn qabel.

5. Stati Membri għandhom, għall-iskop ta' applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament, jirrestrinġu l-iskop ta' l-obbligi u d-drittijiet ipprovduti fl-Artikolu 10, fl-Artikolu 11(1), fl-Artikoli 12 u 21 tad-Direttiva 95/46/KE sal-limitu meħtieġ sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(e) ta' dik id-Direttiva.

Artikolu 42

Rapporti, dikjarazzjonijiet u dokumenti oħra, kopji ċertifikati u estratti minnhom, miksuba mill-persunal ta' l-awtorità rikjesta u kkomunikati lill-awtorità rikjedenti taħt l-għajnuna pprovduta b'dan ir-Regolament jistgħu jkunu użati bħala evidenza mill-korpi kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-awtorità rikjedenti fuq l-istess bażi ta' dokumenti simili pprovduti minn awtorità oħra ta' dak il-pajjiż.

Artikolu 43

1. Għall-iskop ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex:

(a) jiżguraw kordinazzjoni interna effettiva bejn l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 3;

(b) jistabbilixxu koperazzjoni bejn l-awtoritajiet awtorizzati għall-iskop ta' din il-koperazzjoni;

(ċ) jiżguraw funzjonament tajjeb ta' l-arranġamenti għal skambju ta' informazzjoni pprovduti f'dan ir-Regolament.

2. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lil kull Stat Membru, kemm jista' jkun malajr, kull informazzjoni li hi tirċievi u li hi kapaċi tipprovdi.

KAPITOLU X

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 44

1. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna mill-Kumitat Permanenti dwar Koperazzjoni Amministrattiva (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ bħala "il-Kumitat").

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, waqt li jiġu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 45

1. Kull tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tirraporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' kull disposizzjoni tal-liġi nazzjonali, li huma jadottaw fil-qasam kopert b'dan ir-Regolament.

Artikolu 46

1. Id-disposizzjonijiet f'dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr ħsara għat-twettiq ta' l-obbligazzjonijiet usa' f'rigward għajnuna reċiproka li jirriżultaw minn atti legali oħra, inklużi ftehim bilaterali jew multilaterali.

2. Meta l-Istati Membri jikkonkludu ftehim bilaterali dwar kwistjonijiet koperti b'dan ir-Regolament minflok jieħdu ħsieb każijiet individwali, huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 47

Ir-Regolament (KEE) Nru. 218/92 hu hawnhekk imħassar.

Referenzi magħmula għar-Regolament imħassar għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 48

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2004.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-7 ta' Ottubru 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Tremonti

[1] ĠU C 270 E, tal-25.9.2001, p. 87.

[2] ĠU C 284 E, tal-21.11.2002, p. 121 and 191.

[3] ĠU C 80, tat-3.4.2002, p. 76.

[4] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2002/92/KE (ĠU L 331, tas-7.12.2002, p. 27).

[5] ĠU L 24, ta' l-1.2.1992, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru. 792/2002 (ĠU L 128, tal-15.5.2002, p. 1).

[6] ĠU L 336, tas-27.12.1977, p. 15. Direttiva kif l-aħħar emendata bil-Att ta' Adeżjoni ta' l-1994

[7] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

[8] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[9] ĠU L 128, tal-15.5.2002, p. 41.

[10] ĠU L 73, tad-19.3.1976, p. 18. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2001/44/KE (ĠU L 175, tat-28.6.2001, p. 17).

--------------------------------------------------

Top