EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003R1382

Ir-Regolament (KE) Nru 1382/2003 tal-parlament ewropew u tal-kunsill tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja biex ittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija (Programm Marco Polo)

OJ L 196, 2.8.2003, p. 1–6 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 15 Volume 007 P. 503 - 508
Special edition in Estonian: Chapter 15 Volume 007 P. 503 - 508
Special edition in Latvian: Chapter 15 Volume 007 P. 503 - 508
Special edition in Lithuanian: Chapter 15 Volume 007 P. 503 - 508
Special edition in Hungarian Chapter 15 Volume 007 P. 503 - 508
Special edition in Maltese: Chapter 15 Volume 007 P. 503 - 508
Special edition in Polish: Chapter 15 Volume 007 P. 503 - 508
Special edition in Slovak: Chapter 15 Volume 007 P. 503 - 508
Special edition in Slovene: Chapter 15 Volume 007 P. 503 - 508
Special edition in Bulgarian: Chapter 15 Volume 010 P. 31 - 36
Special edition in Romanian: Chapter 15 Volume 010 P. 31 - 36

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/12/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1382/oj

32003R1382



Official Journal L 196 , 02/08/2003 P. 0001 - 0006


Ir-Regolament (KE) Nru 1382/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-22 ta' Lulju 2003

dwar l-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja biex ittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija (Programm Marco Polo)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 71(1) u l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

Billi:

(1) Il-Kunsill Ewropew imlaqqa' f'Göteborg fil-15 u s-16 ta' Ġunju 2001 iddikjara li l-ekwlibriju tal-bilanċ bejn l-arranġamenti ta' trasport huwa fil-qalba ta' l-istrateġija ta' żvilupp sostenibbli.

(2) Jekk ebda azzjoni deċiżiva ma tittieħed, it-total ta' trasport ta' merkanzija stradali fl-Ewropa ser jiżdied b'madwar 50 % sa l-2010. L-effett ikun żieda tat-trasport ta' merkanzija bit-triq internazzjonali ta' madwar 12-il biljun tunnellata metrika-kilometri kull sena.

(3) Fil-White Paper tagħha, "Politika għal trasport Ewropew għall-2010: wasal iż-żmien ta' deċiżjoni", il-Kummissjoni pproponiet li tieħu miżuri li għandhom iġiegħlu l-ishma tas-suq ta' l-arranġamenti tat-trasport jirritornaw, sa l-2010, għal-livelli tagħhom ta' l-1998. Dan għandu jipprepara l-bażi għal ċaqliq tal-bilanċ mill-2010 'il quddiem.

(4) Huwa meħtieġ li jkun stabbilit programm, minn hawn 'il quddiem issir referenza għalih bħala l-"Programm Marco Polo", jew "il-Programm", biex inaqqas il-konġestjoni stradali u jtejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport ta' merkanzija ġewwa l-Komunità u jgħolli l-kwalitajiet ta' l-intermodalità, b'hekk issir kontribuzzjoni għal sistema ta' trasport effiċjenti u sostenibbli. Biex jinkiseb dan il-għan, il-Programm għandu jsostni azzjonijiet fit-trasport tal-merkanzija, loġistika u swieq relevanti oħra. Dawn l-azzjonijiet għandhom jikkontribwixxu biex iżommu d-distribuzzjoni tal-merkanzija bejn l-arranġamenti varji ta' trasport fil-livelli ta' l-1998 billi jgħinuhom jittrasferixxu ż-żieda mistennija aggregata fit-traffiku ta' merkanzija stradali internazzjonali għal trasport qasir bil-baħar, ferrovija u passaġġi ta' l-ilma interni jew għaqda ta' arranġamenti ta' trasport li fihom vjaġġi stradali jkunu kemm jista' jkun possibbli qosra.

(5) Il-Programm Marco Polo għandu juri tliet tipi ta' azzjoni: l-ewwel, azzjonijiet modali ta' trasferiment, li għandhom jikkonċentraw fuq it-trasferiment ta' kemm jista' jkun merkanzija taħt kondizzjonijiet tas-suq preżenti minn trasport bit-triq għal trasport qasir bil-baħar, ferrovija u passaġġi ta' l-ilma interni; it-tieni, azzjonijiet katalisti, li għandhom ibiddlu il-manjiera ta' kif it-trasport ta' merkanzija mhux stradali jitmexxa fil-Komunità; u t-tielet, azzjonijiet komuni ta' tagħlim, li għandhom itejbu l-għarfien tas-settur loġistiku tat-trasport ta' merkanzija u jinkoraġġixxu l-użu ta' metodi u proċeduri ta' koperazzjoni avvanzati fis-suq ta' trasport tal-merkanzija.

(6) L-azzjonijiet għandhom jinvolvu t-territorju ta' għall-inqas żewġ pajjiżi. Jekk dawn iż-żewġ pajjiżi huma Stati Membri jew pajjiżi oħra li jipparteċipaw fil-Programm Marco Polo taħt il-kondizzjonijiet preskritti f'dan ir-Regolament, il-Program għandu jirrifondi l-ispejjeż li ntefqu mill-impriżi parteċipanti fil-limiti prekritti fir-Regolament.

(7) Biex tkun riflessa d-dimensjoni Ewropea ta' l-azzjonijiet, għandha tkun imħajra l-koperazzjoni bejn impriżi stabbiliti f'pajjiżi differenti, fl-għamla ta' konsorzju li jissottometti l-azzjoni.

(8) L-applikanti għandhom ikunu kapaċi jissottomettu proġetti ġodda jew, fejn xieraq, eżistenti li l-iktar jaqblu mal-ħtiġiet tas-suq preżenti. Proġetti adatti m'għandhomx ikunu skoraġġuti b'xi definizzjoni riġida żżejjed ta' azzjonijiet permessi. B'mod partikolari, il-flessibbilta mogħtija lill-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 12(1), għall-għażla ta' proġetti għandha tagħmilha possibbli għal proġetti li huma effiċjenti imma taħt il-limiti tas-sussidju indikattiv minimu li jkunu eliġibbli għal għajnuna finanzjarja Komunitarja.

(9) Jista' jkun hemm każijiet li fihom il-benefiċċji li jkun żviluppat servizz eżistenti jista' jkun għall-inqas ugwali f'termini ta' trasferiment modali, kwalità u vantaġġi ambjentali u ta' vijabilità addizzjonali ma' dawk ta' bidu ta' servizz ġdid li jinvolvi spiża kbira.

(10) Biex tkun trasparenti, oġġettiva u delimitata b'mod ċar, għajnuna għall-bidu ta' azzjonijiet ta' trasferiment modali għandha tkun ibbażata fuq l-iffrankar ta' spejjeż għas-soċjetà miġjub minn użu ta' trasport qasir bil-baħar, ferrovija u passaġġi ta' l-ilma interni, jew l-għaqda ta' arranġamenti ta' trasport, minflok u li jieħu post trasport bit-triq waħdu. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni stabbilixxiet ammont indikattiv ta' għajnuna finanzjarja ta' EUR 1 għal kull trasferiment ta' 500 tunnellata metrika-kilometri ta' trasport ta' merkanzija stradali.

(11) Filwaqt li titqies, min-naħa l-waħda, l-importanza ta' l-internalizzazzjoni ta' spejjeż esterni, b'mod partikolari ambjentali, rikonoxxuti kemm fil-Karta Bajda "Politika ta' Trasport Ewropew għall-2010: wasal iż-żmien ta' deċiżjoni" kif ukoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Göteborg, u min-naħa l-oħra, il-velocità li biha s-suq tat-trasport qiegħed jinbidel, għandu jkun possibbli jittieħed in konsiderazzjoni x-xogħol futur dwar l-iżviluppar ta' metodu biex ikunu internalizzati spejjeż esterni, biex ikun stmat b'mod regolari ta' l-iżvilupp ta' differenzjali ta' spejjeż esterni u biex isiru proposti għal kull aġġustament meħtieġ lill-ammont indikattiv ta' għajnuna finanzjarju skond iċ-ċirkostanzi.

(12) Ir-riżultati ta' l-azzjonijiet katalisti u ta' tagħlim komuni tal-Programm għandhom jinxterrdu b'mod adegwat, biex ikunu aċċertati r-reazzjoni, il-pubbliċità u t-trasparenza.

(13) Matul il-proċedura ta' l-għażla u matul il-ħajja tal-proġett, ikun meħtieġ li jkun żgurat li l-proġett magħżul jagħti kontribuzzjoni reali għall-politika ta' trasport komuni u ma jikkawżax tgħawwiġ inaċċettabbli tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tivvalorizza l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Hija għandha tippreżenta, mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2006, rapport ta' stima dwar ir-riżultati tal-Programm Marco Polo, akkompanjat jekk meħtieġ minn proposta għal emendi għal dan ir-Regolament.

(14) Ladarba l-għan tal-Programm Marco Polo ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista', minħabba l-ambitu tal-Programm, jinkiseb aħjar fuq il-livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà miġjub fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif miġjub f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak il-għan.

(15) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [5].

(16) Ammont finanzjarju ta' referenza, fit-tifsira tal-punt 33 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina rigward l-budget u titjib tal-proċedura tal-budget huwa inserit f'dan ir-Regolament għaż-żmien kollu tal-Programm, mingħajr ma jintlaqtu b'hekk il-poteri ta' l-awtorità dwar l-budget kif definiti bit-Trattat.

(17) Biex tkun amministrata l-provvista ta' fondi taħt dan ir-Regolament bl-iktar mod xieraq u ħafif, dan ir-Regolament għandhu jidħol fis-seħħ kemm jista' jkun malajr wara l-adozzjoni tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I GĦAN, DEFINIZZJONIJIET U KAMP TA' APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Għan

Dan ir-Regolament jistabbilixxi strument ta' finanzjament, hawn iżjed 'il quddiem msejjaħ "Programm Marco Polo", jew "il-Programm", bil-għan li tkun imnaqqsa l-konġestjoni, itejjeb il-prestazzjoni ambjentali u jgħolli l-kwalitajiet tat-trasport intermodali, b'hekk jikkontribwixxi għal sistema ta' trasport effiċjenti u sostenibbli, għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2003 sal-31 ta' Diċembru 2010 biex tinkiseb, sa tmiem il-programm, trasferiment mit-traffiku taż-żieda aggregata annwali mistennija tat-traffiku ta' merkanzija bit-triq internazzjonali, imkejjel f'tunnellata metrika-kilometri, għal trasport qasir bil-baħar, ferrovija u passaġġi ta' l-ilma interni jew kombinazzjoni ta' arranġamenti ta' trasport li fihom vjaġġi bit-triq ikunu kemm jista' jkun qosra.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament:

(a) "azzjoni" għandha tfisser kull proġett konness mas-suq loġistiku, imwettaq minn impriżi, li jikkontribwixxi għat-tnaqqis fil-konġestjoni tas-sistema tat-trasport ta' merkanzija stradali u/jew itejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema ta' trasport billi jagħmel l-aħjar użu mit-trasport lejn u minn konnessjonijiet ta' trasport intermodali, fit-territorji ta' l-Istati Membri;

(b) "azzjoni ta' trasferiment modali" għandha tfisser kull azzjoni li tixtrasferixxi direttament u immedjatament merkanzija minn trasport bit-triq għal trasport qasir bil-baħar, ferrovija, passaġġi ta' l-ilma interni jew għaqda ta' arranġamenti ta' trasport li fiha vjaġġi stradali jkunu kemm jista' jkun qosra, mingħajr ma tkun azzjoni katalista;

(ċ) "azzjoni katalista" għandha tfisser kull azzjoni innovattiva li għandha l-għan li tegħleb ostakoli strutturali relevanti għall-Komunità fis-suq tat-trasport ta' merkanzija li jimpedixxu l-funzjonament effiċjenti tas-swieq, tal-kompetittività ta' trasport qasir bil-baħar, ferrovija, jew passaġġi ta' l-ilma interni, u/jew l-effiċjenza ta' konnessjonijiet ta' trasport li jagħmlu użu minn dawn l-arranġamenti (modi); għall-għan ta' din id-definizzjoni, "ostakolu strutturali tas-suq" tfisser kull impediment mhux regolatorju, fattwali u mhux temporanju għall-funzjonament kif imiss tal-konnessjoni tat-trasport ta' merkanzija;

(d) "azzjoni komuni ta' tagħlim" għandha tfisser kull azzjoni li għandha l-għan li ttejjeb il-koperazzjoni għall-bini ta' l-aħjar strutturi f'metodi ta' xogħol u proċeduri fil-konnessjoni tat-trasport ta' merkanzija, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti tal-loġistika;

(e) "miżura li takkompanja" għandha tfisser kull miżura li tfittex tipprepara għal jew issostni azzjonijiet preżenti jew futuri, inter alia attivitajiet ta' tixrid u mmonitorjar u stima ta' proġetti, u l-kollezzjoni u analiżi ta' data statistika. Miżuri ddedikati għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, proċessi u servizzi, attivitjaiet ta' marketing u promozzjoni ta' bejgħ mhumiex "miżuri li jakkompanjaw";

(f) "miżuri preparatorji" għandha tfisser kull azzjoni bi preparazzjoni għal azzjoni katalista, bħal studji tekniċi, operazzjonali jew probabbiltà (possibbiltà) finanzjarja u testijiet ta' tgħammir;

(g) "konsorzju" għandha tfisser kull arranġament li bih għall-inqas żewġ impriżi jwettqu flimkien u jaqsmu bejniethom r-riskju dwar azzjoni;

(h) "impriża" għandha tfisser kull entità okkupata f'attività ekonomika, bla ma jitqies l-istatus legali ta' l-entità u l-manjiera li biha hija ffinanzjata;

(i) "anċillari" għandha tfisser meħtieġ, imma subordinat, biex jinkisbu l-għanijiet ta' l-"azzjonijiet ta' trasferiment modali" jew "azzjonijiet katalisti";

(j) "tunnellata metrika-kilometru" għandha tfisser it-trasport ta' tunnellata metrika ta' merkanzija, jew l-ekwivalenti volumetriku tagħha, għal distanza ta' kilometru wieħed;

(k) "pajjiż terz qrib" għandha tfisser kull Stat mhux Membru ta' l-Unjoni Ewropea jew pajjiż kandidat għall-adeżjoni ma' l-Unjoni Ewropea b'konfini komuni ma' l-Unjoni Ewropea jew b'xatt fuq baħar magħluq jew nofs magħluq ġirien ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Kamp ta' Aplikazzjoni

1. Il-Programm Marco Polo għandu jkopri azzjonijiet ta' trasferiment modali, azzjonijiet katalisti u azzjonijiet komuni ta' tagħlim:

(a) li jinvolvu t-territorju ta' għall-inqas żewġ Stati Membri, jew

(b) jinvolvu t-territorju ta' għall-inqas Stat Membru wieħed u t-territorju ta' pajjiż terz qrib.

2. Fejn azzjoni tinvolvi t-territorju ta' pajjiż terz, spejjeż ikkawżati fit-territorju ta' dak il-pajjiż m'għandhomx ikunu koperti mill-Programm, ħlief fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafi 3 u 4.

3. Il-Programm għandu jkun miftuħ għal parteċipazzjoni ta' pajjiżi kandidati għall-adeżjoni. Il-parteċipazzjoni għandha tkun irregolata bil-kondizzjonijiet preskritti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ma' dawk il-pajjiżi, u fuq il-bażi tar-regoli preskritti fid-deċiżjoni tal-Kunsill dwar Assoċjazzjoni għal kull pajjiż ikkonċernat.

4. Il-Programm għandu jkun ukoll miftuħ għal parteċipazzjoni ta' l-Istati Membri ta' l-EFTA u taż-ŻEE fuq il-bażi ta' approprjazzjonijiet supplimentari skond proċeduri li għandu jkun hemm qbil fuqhom ma' dawk il-pajjiżi.

KAPITOLU II APPLIKANTI U AZZJONIJIET ELIĠIBBLI

Artikolu 4

Applikanti eliġibbli

1. Bħala regola ġenerali, il-proġetti għandhom ikunu ssottomessi minn konsorzju ta' żewġ impriżi jew iktar, stabbiliti għall-inqas f'żewġ Stati Membri differenti jew għall-inqas fi Stat Membru wieħed u pajjiż terz wieħed qrib.

2. Impriżi stabbiliti barra l-Komunità jew barra wieħed mill-pajjiżi parteċipanti li jirreferi għalihom l-Artikolu 3(3) u (4) li jistgħu jkunu assoċjati mal-proġett jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza ma jirċievu fondi mill-Komunità taħt il-Programm.

Artikolu 5

Azzjoni ta' trasferiment modali

1. Azzjonijiet ta' trasferiment modali, inkluż, fejn xieraq, it-trasferiment modali addizzjonali ikkawżat mill-iżvilupp ta' servizz eżistenti, għandhom ikunu eliġibbli għal fondi taħt il-Programm sakemm il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfatti:

(a) l-azzjoni ta' trasferiment modali hija mistennija twassal għal trasferiment modali attwali, sustanzjali, li jista' jitkejjel u sostenibbli tat-trasport ta' merkanzija minn trasport bit-triq għal trasport qasir bil-baħar, ferrovija, passaġġi ta' l-ilma interni jew għaqda ta' arranġamenti ta' trasport li fihom il-vjaġġi stradali jkunu kemm jista' jkun qosra;

(b) skond pjan realistiku ta' negozju (dħul u nefqa), l-azzjoni ta' trasferiment modali għandha tkun indipendentement vijabbli wara massimu ta' 36 xahar ta' fondi mill-Komunità;

(ċ) l-azzjoni ta' trasferiment modali m'għandhiex twassal għal tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-swieq relevanti, b'mod partikolari bejn arranġamenti alternattivi ta' trasport għal trasport bit-triq waħdu jew ġewwa kull arranġament, sa punt li jagħmel ħsara lill-interess komuni;

(d) meta l-azzjoni tirrikjedi dipendenza fuq servizzi provduti minn partijiet terzi mhux parti mill-konsorzju, l-applikant jissottometti prova ta' proċedura trasparenti, oġġettiva u non-diskriminatorja għall-għażla tas-servizzi relevanti.

2. Għajnuna finanzjarja Komunitarja għal azzjonijiet ta' trasferiment modali għandha tkun limitata għal massimu ta' 30 % ta' l-ispiża totali meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet ta' l-azzjoni u ntefqu bħala riżultat ta' l-azzjoni. Spiża tali għandha tkun eliġibbli għal għajnuna finanzjarja Komunitarja sal-punt li fih tkun direttament konnessa ma' l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni. Spiża għal infrastruttura anċillari għandha tkun ukoll eliġibbli għal għajnuna finanzjarja Komunitarja, sakemm tibqa' marġinali, sa massimu ta' 30 %. Spiża minfuqa fi jew wara d-data tas-sottomissjoni ta' l-applikazzjoni taħt il-proċedura ta' għażla għandha tkun eliġibbli għal għajnuna finanzjarja Komunitarja sakemm approvazzjoni finali għal fondi tal-Komunità tkun ingħatat. Kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta' assi mobbli għandha tkun kontinġenti fuq l-obbligu li assi tali jintużaw matul żmien l-għajnuna, prinċipalment għall-azzjoni, kif iddefinit fil-ftehim tas-sussidju.

3. L-għajnuna finanzjarja Komunitarja taħt il-paragrafu 2 iddeterminata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tat-tunnellata metrika-kilometri trasferita minn trasport bit-triq għal trasport qasir bil-baħar, ferrovija, passaġġi ta' l-ilma interni jew għaqda ta' arranġamenti ta' trasport li fihom vjaġġi stradali jkunu kemm jista' jkun qosra għandha inizjalment tkun stabbilita għal EUR 1 għal kull trasferiment ta' 500 tunnellata metrika-kilometri ta' trasport ta' merkanzija stradali. Dan l-ammont indikattiv jista' jkun aġġustat, b'mod partikolari, skond il-kwalità tal-proġett jew il-benefiċċju ambjentali reali miksub.

Skond il-proċedura li jirreferi għaliha l-Artikolu 12(2), il-Kummissjoni tista' teżamina mill-ġdid, minn żmien għal żmien kif meħtieġ, l-iżviluppi li jikkonċernaw l-oġġetti li fuqhom il-kalkulazzjoni tkun ibbażata u, jekk meħtieġ, tadatta l-ammont ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja skond il-każ.

4. L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għal azzjonijiet ta' trasferiment modali għandha tingħata fuq il-bażi ta' ftehim ta' sussidju. Bħala regola, it-tul ta' żmien massimu ta' dawn il-ftehim għandu jkun ta' 38 xahar.

L-għajnuna finanzjarja Komunitarja m'għandhiex tiġġedded lilhinn mill-perjodu massimu stipulat ta' 38 xahar.

5. Il-limitu ta' sussidju minimu indikattiv per azzjoni ta' trasferiment modali għandu jkun ta' 250 miljun tunnellata metrika-kilometri ta' trasferiment modali jew, fi proporzjon ta' l-ammont indikattiv per euro ta' sussidju, EUR 500000.

Artikolu 6

Azzjoni katalista

1. Azzjonijiet katalisti għandhom ikunu eliġibbli għal fondi taħt il-Programm sakemm il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfatti:

(a) l-azzjoni katalista għandha tikseb l-għanijiet tagħha f'perjodu massimu ta' 48 xahar, u tibqa' vijabbli wara dak il-perjodu, kif imbassar mill-pjan ta' negozju (dħul u nefqa) realistiku;

(b) l-azzjoni katalista tkun innovattiva fuq livell Ewropew, f'termini ta' loġistika, teknoloġija, metodi, tgħammir, prodotti jew servizzi mogħtija;

(ċ) l-azzjoni katalista tkun mistennija twassal għal trasferiment modali attwali, li jista' jitkejjel u sostenibbli minn trasport bit-triq għal trasport qasir bil-baħar, ferrovija, passaġġi ta' l-ilma interni, jew għaqda ta' arranġamenti ta' trasport li fihom vjaġġi stradali jkunu kemm jista' jkun qosra. L-azzjoni katalista tkun mistennija twassal għal tnaqqis ta' konġestjoni fit-trasport bit-triq u mhux tittrasferixxi bejn trasport qasir bil-baħar, ferrovija u passaġġi ta' l-ilma interni;

(d) l-azzjoni katalista tipproponi pjan realistiku li juri l-istadji speċifiċi li bihom hija tfittex tikseb l-għanijiet tagħha u tidentifika l-ħtieġa ta' għajnuna ta' direzzjoni mill-Kummissjoni;

(e) l-azzjoni katalista m'għandhiex twassal għal tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-swieq relevanti, b'mod partikolari bejn arranġamenti ta' trasport alternattiv għal trasport bit-triq waħdu jew ġewwa kull arranġament, sal-punt li jagħmel ħsara lill-interess komuni;

(f) meta l-azzjoni tirrikjedi dipendenza fuq servizzi pprovduti minn partijiet terzi mhux parti mill-konsorzju, l-applikant jissottometti prova ta' proċedura trasparenti, oġġettiva u non-diskriminatorja għall-għażla tas-servizzi relevanti.

2. Fil-qafas ta' l-għanijiet tal-White Paper tal-Kummissjoni "Politika ta' Trasport Ewropew għall-2010: wasal żmien id-deċiżjoni", azzjonijiet katalisti li jimplimentaw konċetti ġodda, bħal dak ta' "awtostradi ta' l-ibħra", jistħoqqilhom attenzjoni speċjali.

Azzjonijiet katalisti dwar is-suq tat-trasport għandhom preferibbilment jużaw in-networks (rettikolat) trans-Ewropew kif iddefiniti fid-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE [6], jew il-kurituri u żoni ta' trasport pan-Ewropej.

3. Ir-riżutati u l-metodi ta' l-azzjonijiet katalisti għandhom jinxterdu biex jgħinu fil-ksib ta' l-għanijiet ta' dan ir-Regolament.

4. L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għal azzjonijiet katalisti għandha tkun limitata għal massimu ta' 35 % ta' l-ispiża totali meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet ta' l-azzjoni u tintefaq bħala riżultat ta' l-azzjoni, inklużi miżuri preparatorji. Spiża tali għandha tkun eliġibbli għal għajnuna finanzjarja Komunitarja, sal-punt li fih tkun konnessa direttament ma' l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni. Spiża għal miżuri anċillari konnessi ma' xogħlijiet ta' infrastruttura meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet ta' l-azzjoni għandha wkoll tkun eliġibbli għal għajnuna finanzjarja Komunitarja, sakemm tibqa' marġinali, sa massimu ta' 35 %. Spiża li tintefaq fi jew wara d-data tas-sottomissjoni ta' applikazzjoni taħt il-proċedura ta' għażla għandha tkun eliġibbli għal għajnuna finanzjarja Komunitarja sakemm l-approvazzjoni finali għall-fondi tal-Komunità tingħata. Kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta' assi mobbli għandha tkun kontinġenti fuq l-obbligu li assi tali jintużaw tul żmien l-għajnuna, prinċipalment għall-azzjoni, kif iddefinit bil-ftehim tas-sussidju.

5. L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għal azzjonijiet katalisti għandha tingħata fuq il-bażi ta' ftehim tas-sussidju, b'disposizzjonijiet xierqa għal direzzjoni u mmonitorjar. Bħala regola, it-tul ta' żmien massimu ta' dawn il-ftehim għandu jkun ta' 50 xahar.

L-għajnuna finanzjarja Komunitarja m'għandhiex tkun imġedda lilhinn mill-perjodu stipulat ta' massimu ta' 50 xahar.

6. Il-miri politiċi ta' prijorità li għandhom jitqiesu fil-proċedura ta' l-għażla għal azzjonijiet tali għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura li jirreferi għaliha l-Artikolu 12(2).

Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 12(1), jista' jirrevedi l-miri politiċi ta' prijorità minn żmien għal żmien.

7. Il-limitu tas-sussidju minimu indikattiv per azzjoni katalista għandu jkun ta' EUR 1,5 miljun.

Artikolu 7

Azzjonijiet komuni ta' tagħlim

1. Azzjonijiet komuni ta' tagħlim għandhom ikunu eliġibbli għal fondi taħt il-Programm sakemm il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfatti:

(a) l-azzjoni twassal għat-titjib tas-servizzi kummerċjali fis-suq u ddum sa massimu ta' 24 xahar;

(b) l-azzjoni tkun innovattiva fuq livell Ewropew;

(ċ) l-azzjoni ma twassalx għal tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-swieq relevanti, b'mod partikolari bejn arranġamenti ta' trasport li jkun alternattiv għal trasport bit-triq waħdu jew ġewwa kull arranġament, sa punt li jagħmel ħsara lill-interess komuni;

(d) l-azzjoni komuni ta' tagħlim tipproponi pjan realistiku li juri l-istadji speċifiċi li bihom hija tfittex li tikseb l-għanijiet tagħha u tidentifika l-ħtieġa għal għajnuna ta' direzzjoni mill-Kummissjoni.

2. Ir-riżultati u metodi ta' azzjonijiet komuni ta' tagħlim għandhom jinxterrdu biex jgħinu l-ksib ta' l-għanijiet ta' dan ir-Regolament.

3. L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għal azzjonijiet komuni ta' tagħlim għandha tkun limitata għal massimu ta' 50 % ta' l-ispiża totali meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet ta' l-azzjoni u jkunu ntefqu bħala riżultat ta' l-azzjoni. Spiża tali għandha tkun eliġibbli għal għajnuna finanzjarja Komunitarja, sal-punt li fih hija tkun konnessa direttament ma' l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni. Spiża minfuqa fi jew wara d-data tas-sottomissjoni ta' applikazzjoni taħt il-proċedura ta' l-għażla għandha tkun eliġibbli għal għajnuna finanzjarja Komunitarja sakemm l-approvazzjoni finali għal fondi tal-Komunità tingħata. Kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta' assi mobbli għandha tkun kontinġenti fuq l-obbligu li assi tali għandhom jintużaw tul żmien l-għajnuna, prinċipalment għall-azzjoni, kif iddefinit bil-ftehim tas-sussidju.

4. L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għal azzjonijiet komuni ta' tagħlim għandha tingħata fuq il-bażi ta' ftehim tas-sussidju, b'disposizzjonijiet xierqa għal direzzjoni u mmonitorjar. Bħala regola, it-tul ta' żmien massimu ta' dawn il-ftehim għandu jkun ta' 26 xahar.

L-għajnuna finanzjarja Komunitarja m'għandhiex tiġġedded lilhinn mill-perjodu massimu stipulat ta' 26 xahar.

5. Il-miri politiċi ta' prijorità li għandhom jitqiesu fil-proċedura ta' l-għażla għal azzjonijiet tali għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura li jirreferi għaliha l-Artikolu 12(2).

Il-Kummissjoni, megħjuna mil-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 12(1), jista' jirrevedi l-miri politiċi ta' prijorità minn żmien għal żmien.

6. Il-limitu tas-sussidju minimu indikattiv per azzjoni komuni ta' tagħlim għandu jkun ta' EUR 250000.

Artikolu 8

Regoli ddettaljati

Il-Kummissjoni għandha toħroġ regoli ddettaljati għall-proċedura tar-rekwiżiti għal sottomissjoni, għażla, twettiq, tixrid (dissemination) u rrapportar individwali u verifika dwar azzjonijiet taħt il-Programm skond il-proċedura li jirreferi għaliha l-Artikolu 12(2).

Artikolu 9

Għajnuna statali

L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għall-azzjonijiet ddefiniti bil-Programm m'għandhiex teskludi li dawk l-azzjonijiet jingħataw għajnuna statali fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, sakemm għajnuna tali tkun kompatibbli ma' l-arranġamenti dwar għajnuna statali preskritti fit-Trattat u fil-limiti stabbiliti għal kull tip ta' azzjoni fl-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 7(3) rispettivament.

KAPITOLU III SOTTOMISSJONI U GĦAŻLA TA' AZZJONIJIET

Artikolu 10

Sottomissjonijiet ta' azzjonijiet

L-azzjonijiet għandhom ikunu ssottomessi lill-Kummissjoni skond ir-regoli ddettaljati maħruġa taħt l-Artikolu 8. Is-sottomissjoni għandu jkun fiha l-elementi kollha meħtieġa biex il-Kummissjoni tkun tista' tagħmel l-għażla tagħha skondl-Artikolu 11.

Artikolu 11

Għażla ta' azzjonijiet - Għoti ta' għajnuna finanzjarja

Azzjonijiet sottomessi għandhom stmati mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tagħtix għajnuna finanzjarja taħt dan ir-Regolament filwaqt li tqis, għall-għażla ta' l-azzjoni, l-għan li jirreferi għalih l-Artikolu 1, u l-kondizzjonijiet li jirreferu għalihom l-Artikoli 5, 6 jew 7, kif xieraq. L-għażla għandha tqis il-merti ambjentali relattivi ta' l-azzjonijiet proposti u l-kontribuzzjoni tagħhom għat-tnaqqis tal-konġestjoni stradali. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed skond il-proċedura li jirreferi għaliha l-Artikolu 12(2).

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-benefiċjarji u lill-Istati Membri b'din id-deċiżjoni.

KAPITOLU IV DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 12

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat.

2. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu ta' żmien preskritt fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 13

Budget

Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm Marco Polo, għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2003 sal-31 ta' Diċembru 2006, għandu jkun ta' EUR 75 miljun.

Approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità tal-budget ġewwa l-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

Artikolu 14

Riżerva għall-miżuri li jakkompanjaw u stima tal programm

Sa 5 % tal-budget li jipprovdi għalihom dan ir-Regolament għandhom jitwarrbu għal miżuri li jakkompanjaw u għall-istima indipendenti ta' l-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 5, 6 u 7.

Artikolu 15

Stima

1. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Kumitat għall-inqas darba fis-sena dwar it-twettiq finanzjarju tal-Programm u tagħti aġġornament ta' l-istatus ta' l-azzjonijiet kollha ffinanzjati taħt il-Programm.

2. Sal-31 ta' Diċembru 2006 l-iktar tard, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport ta' stima fuq ir-riżultati tal-Programm Marco Polo, filwaqt li tikkunsidra l-għanijiet tiegħu, u akkompanjat jekk meħtieġ bi proposta għall-emenda ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidhol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Gurnal Ufficjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' Lulju 2003.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

G. Alemanno

[1] ĠU C 126 E, tat-28.5.2002, pġ. 354.

[2] ĠU C 241, tas-7.10.2002, pġ. 37.

[3] ĠU C 278, ta' l-14.11.2002, pġ. 15.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' Settembru 2002 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-25 ta' April 2003 (ĠU C 153 E, ta' l-1.7.2003, pġ. 252) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Lulju 2003 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[5] ĠU L 184, 17.07.99, pġ. 23.

[6] ĠU L 228, tad-9.9.1996, pġ. 1. Deċiżjoni kid l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni Nru 1346/2001/KE (ĠU L 185, tas-6.7.2001, pġ. 1).

--------------------------------------------------

Top