EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003O0005

Linja ta' gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' l-20 ta' Marzu, 2003 dwar l-infurzar ta' miżuri kontra r-riproduzzjoni tal-karti tal-flus ewro irregolariu dwar il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus ewro (ECB/2003/5)

OJ L 78, 25.3.2003, p. 20–22 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 01 Volume 004 P. 291 - 293
Special edition in Estonian: Chapter 01 Volume 004 P. 291 - 293
Special edition in Latvian: Chapter 01 Volume 004 P. 291 - 293
Special edition in Lithuanian: Chapter 01 Volume 004 P. 291 - 293
Special edition in Hungarian Chapter 01 Volume 004 P. 291 - 293
Special edition in Maltese: Chapter 01 Volume 004 P. 291 - 293
Special edition in Polish: Chapter 01 Volume 004 P. 291 - 293
Special edition in Slovak: Chapter 01 Volume 004 P. 291 - 293
Special edition in Slovene: Chapter 01 Volume 004 P. 291 - 293
Special edition in Bulgarian: Chapter 10 Volume 005 P. 187 - 189
Special edition in Romanian: Chapter 10 Volume 005 P. 187 - 189
Special edition in Croatian: Chapter 01 Volume 014 P. 35 - 37

In force: This act has been changed. Current consolidated version: 15/12/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2003/206/oj

32003O0005



Official Journal L 078 , 25/03/2003 P. 0020 - 0022


Linja ta' gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew

ta' l-20 ta' Marzu, 2003

dwar l-infurzar ta' miżuri kontra r-riproduzzjoni tal-karti tal-flus ewro irregolariu dwar il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus ewro

(ECB/2003/5)

(2003/206/KE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 106(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Artikoli 12.1, 14.3 u 16 ta' l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ECB/2003/4 ta' l-20 ta' Marzu, 2003, dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus ewro [1],

Billi:

(1) Il-Linja ta' Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta' Lulju, 1998, dwar ċerti dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-karti tal-flus ewro, kif emendata fis-26 ta' Awissu, 1999 (ECB/1999/3) [2], tipprovdi għall-infurzar tad-drittijiet ta' l-awtur tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) fuq il-karti tal-flus ewro.

(2) Jeħtieġ li r-regoli dwar l-infurzar tad-drittijiet ta' l-awtur tal-ECB jiġu aġġornati u msaħħa b'sett komprensiv ta' regoli u proċeduri biex jiżguraw il-protezzjoni tal-karti tal-flus ewro kontra r-riproduzzjonijiet irregolari.

(3) L-Artikolu 106(1) tat-Trattat u l-Artikolu 16 ta' l-Istatut jistabbilixxu li l-ECB għandu d-dritt esklussiv li jawotrizza l-ħruġ tal-karti tal-flus ewro fi ħdan il-Komunità. Dawn l-artikoli jistabbilixxu wkoll li l-ECB u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu joħorġu dawn il-karti tal-flus. Skond l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta' Mejju, 1998, dwar l-introduzzjoni ta' l-ewro [3], l-ECB u l-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri parteċipanti (minn issa 'l quddiem "l-NCBs") għandhom jiċċirkolaw il-karti tal-flus ewro. Dan id-dritt għall- awtorizzazzjoni tal-ħruġ tal-karti tal-flus ewro jinkludi l-kompetenza biex jittieħdu miżuri sabiex tiġi protetta l-integrità tal-karti tal-flus ewro bħala mezz ta' ħlas u biex jiġi stabbilit livell minimu ta' protezzjoni fl-Istati Membri kollha parteċipanti. Madanakollu meta ma jkun hemm l-ebda riskju ta' konfużjoni bejn ir-riproduzzjonijiet tal-karti tal-flus ewro u l-karti tal-flus ewro ġenwini, dawn ir-riproduzzjonijiet għandhom ikunu permessi. Sabiex tiġi evitata din il-konfużjoni, id-Deċiżjoni ECB/2003/4 stabbiliet regoli komuni dwar ir-riproduzzjoni tal-karti tal-flus ewro.

(4) Dawn ir-regoli dwar ir-riproduzzjoni tal-karti tal-flus ewro u d-drittijiet ta' l-awtur tal-ECB fuq il-karti tal-flus ewro jinħtieg li jiġu applikati u infurzati, b'koperazzjoni mill-qrib bejn l-ECB u l-NCBs u, jekk ikun f'loku, bejnhom u bejn l-awtoritajiet nazzjonali relevanti, u għandhom jiġu applikati mingħajr preġudizzju għal-liġijiet kriminali nazzjonali li jipprojbixxu l-produzzjoni, iċ-ċirkolazzjoni jew il-pussess tar-riproduzzjonijiet tal-karti tal-flus ewro li l-pubbliku in ġenerali jista' jitfixkilhom ma' karti tal-flus ewro ġenwini. F'dan il-kuntest hija ħaġa f'lokha li l-ECB idur fuq l-NCBs sabiex ir-riproduzzjonijiet irregolari tal-karti tal-flus ewro ma jħalluhomx isiru jew jieħdu azzjoni kontra tagħhhom. F'kull każ, id-dispożizzjonijiet tal-Linja ta' Gwida preżenti huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam mal-falsifikazzjoni.

(5) Bħala miżura addizzjonali sabiex tiġi protetta l-integrità tal-karti tal-flus ewro bħala mezz ta' ħlas, l-ECB u l-NCBs ser jagħmlu ħilithom biex iqajmu kuxjenza pubblika dwar id-deċiżjonijiet tal-ECB li għandhom x'jaqsmu mar-regoli tiegħu dwar ir-riproduzzjoni tal-karti tal-flus ewro, b'mod partikolari billi jippubblikaw dawn id-deċiżjonijiet fil-mezzi tax-xandir nazzjonali u fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

(6) Jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus ewro fid-Deċiżjoni ECB/2003/4 jiġu implimentati mill-NCBs.

(7) Sabiex titqajjem aktar il-kuxjenza pubblika dwar kull deċiżjoni tal-ECB biex jirtira xi tipi jew serje ta' karti tal-flus ewro, l-NCBs se jiġu fdati bil-ħidma li jagħmlu avviżi fil-mezzi tax-xandir nazzjonali.

(8) Skond l-Artikoli 12.1 u 14.3 ta' l-Istatut, il-linji ta' gwida tal-ECB jagħmlu parti integrali mil-liġi tal-Komunita,

ADDOTTA DIN IL-LINJA TA' GWIDA

Artikolu 1

Definizzjoni ta' riproduzzjonijiet irregolari

"Riproduzzjoni irregolari" tfisser kull riproduzzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni ECB/2003/4 li:

(a) hija llegali kif imfisser fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ECB/2003/4; jew

(b) tikser id-drittijiet ta' l-awtur tal-ECB fuq il-karti tal-flus ewro billi per eżempju taffettwa b'mod negattiv il-prestiġju tal-karti tal-flus ewro.

Artikolu 2

L-infurzar ta' miżuri kontra r-riproduzzjonijiet irregolari

1. Meta xi NCB jsir jaf b'riproduzzjoni irregolari fit-territorju nazzjonali tiegħu, huwa għandu, permezz ta' komunikazzjoni standardizzata ipprovduta mill-ECB, jordna lill-produttur tar-riproduzzjoni irregolari biex ma jkomplix jipproduċi r-riproduzzjoni irregolari, u meta jitqies f'loku għandu jordna lill-parti fil-pussess tar-riproduzzjoni irregolari biex tgħaddilu din ir-riproduzzjoni. Meta xi NCB jsir jaf b'riproduzzjoni irregolari li tinstab fuq l-Internet elettronikament, b'mezzi bil-wajer jew mingħajr wajer, jew b'xi mezz ieħor li jagħti aċċess lill-membri tal-pubbliku għar-riproduzzjoni irregolari minn post jew f'ħin li huma jagħżlu individwalment, huwa għandu jinnotifika lill-ECB mingħajr dewmien. L-ECB għandu mbagħad jieħu l-passi kollha possibbli sabiex ineħħi r-riproduzzjoni irregolari mis-sit elettroniku.

2. Meta l-produttur tar-riproduzzjoni irregolari ma jirrispettax xi ordni maħruġa skond il-paragrafu 1, il-NCB relevanti għandu jinforma lill-ECB mingħajr dewmien.

3. Għandha tittieħed deċiżjoni sussegwenti mill-Bord Eżekuttiv tal-ECB jew mill-NCB relevanti, sabiex jingħata bidu għal proċedura ta' ksur abbażi ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2352/98 tat-23 ta' Novembru, 1998, dwar il-poteri tal-ECB biex jimponi sanzjonijiet [4]. Qabel ma tittieħed din id-deċiżjoni, l-ECB u l-NCB relevanti għandhom jikkonsultaw lil xulxin, u l-NCB għandu jgħarraf lill-ECB dwar jekk ingħatax bidu, jew jekk jistax jingħata bidu, għal proċedura ta' ksur separata skond il-liġi kriminali nazzjonali, u barra minn hekk, dwar jekk hemmx xi bażi legali oħra biżżejjed għal azzjoni kontra r-riproduzzjoni irregolari, bħal-liġi dwar id-drittijiet ta' l-awtur. Meta jkun diġà ingħata bidu, jew jekk ikun se jingħata bidu għal proċedura ta' ksur skond il-liġi kriminali nazzjonali, jew jekk ikun hemm xi bażi legali oħra biżżejjed għal azzjoni kontra r-riproduzzjoni irregolari, m'għandu jingħata bidu għall-ebda proċedura ta' ksur skond ir-Regolament (KE) Nru 2532/98.

4. Meta l-ECB jiddeċiedi li għandu jingħata bidu għal proċedura ta' ksur skond ir-Regolament (KE) Nru 2532/98, huwa jista' jitlob lill-NCBs biex imexxu l-proċedimenti legali. F'dan il-każ, l-ECB għandu jagħti struzzjonijiet lill-NCBs relevanti u jagħtihom il-prokuri meħtieġa. L-ispejjeż legali kollha għandhom jitħallsu mill-ECB. Skond kif ikun il-każ, l-ECB jew l-NCBs għandhom jiżguraw li r-riproduzzjonijiet irregolari jiġu rtirati meta dan l-aġir jitqies li hu f'loku u possibbli,

5. L-ECB għandu jaġixxi waħdu fit-teħid tal-passi deskritti f'dan l-Artikolu jekk:

(a) l-oriġini tar-riproduzzjoni irregolari ma tistax tiġi stabbilita b'mod raġonevoli; jew

(b) ir-riproduzzjoni irregolari saret jew sejra ssir fit-territorji ta' bosta Stati Membri parteċipanti; jew

(ċ) ir-riproduzzjoni irregolari saret jew sejra ssir barra t-territorji ta' l-Istati Membri parteċipanti.

Artikolu 3

Talbiet għal konferma dwar ir-regolarita' tar-riproduzzjonijiet

1. Kull mistoqsija u talba għal konferma dwar jekk xi riproduzzjoni hijiex legali kif imfisser fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ECB/2003/4 għandha tiġi indirizzata:

(a) f'isem l-ECB minn NCB fit-territorju nazzjonali fejn saru jew fejn ser isiru dawk ir-riproduzzjonijiet; jew

(b) mill-ECB fil-każijiet deskritti fl-Artikolu 2(5).

2. L-NCBs għandhom jinfurmaw lill-ECB bir-risposti kollha mogħtija għat-talbiet għal konferma skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1. L-ECB għandu jiġbor din l-informazzjoni u l-informazzjoni kkonsolidata dwar ir-risposti għat-talbiet għal konferma għandu jgħaddiha lill-NCBs. L-ECB jista' wkoll jippubblika din l-informazzjoni kkonsolidata minn żmien għal żmien.

Artikolu 4

Il-bdil tal-karti tal-flus ewro mmutilati jew iddanneġġjati

1. L-NCBs għandhom jimplimentaw id-Deċiżjoni ECB/2003/4 kif imiss.

2. Meta jkunu qed jimplimentaw id-Deċiżjoni ECB/2003/4, u bla ħsara għal xi restrizzjonijiet legali li jista' jkun hemm, l-NCBs jistgħu jeqirdu l-karti tal-flus ewro mmutilati jew iddanneġġjati kollha jew partijiet minnhom, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet legali biex dawn jiġu ppreżervati jew imrodda lura lill-applikant.

3. L-NCBs għandhom jaħtru entità jew korp wieħed biex jieħu deċiżjonijiet dwar il-bdil tal-karti tal-flus ewro mmutilati jew iddanneġġjati għall-każijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Deċiżjoni ECB/2003/4, u lill-ECB għandhom jgħarrfuh dwar dan.

Artikolu 5

L-irtirar tal-karti tal-flus ewro

L-NCBs għandhom iħabbru fil-mezzi tax-xandir nazzjonali u bi spejjeż tagħhom, kull deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv biex jiġi rtirat xi tip jew serje ta' karta tal-flus ewro, skond kwalunkwe struzzjonijiet li l-Bord Eżekuttiv jista' joħroġ.

Artikolu 6

Emendi għall-Linja ta' Gwida ECB/1999/3

L-Artikoli 1, 2 u 4 tal-Linja ta' Gwida ECB/1999/3 qegħdin bil-preżenti jiġu rrevokati. Kull referenza għall-Artikoli rrevokati għandha tiġi interpretata rispettivament bħala referenza għall-Artikoli 2, 4 u 5 ta' din il-Linja ta' Gwida.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet finali

1. Din il-linja ta' Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri parteċipanti.

2. Din il-Linja ta' Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Frankfurt am Main, l-20 ta' Marzu, 2003.

Għall-Kunsill Governattiv tal-ECB

Willem F. Duisenberg

[1] Li għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

[2] ĠU L 258, tal-5.10.1999, p. 32.

[3] ĠU L 139, tal-11.5.1998, p. 1.

[4] ĠU L 318, tas-27.11.1998, p. 4.

--------------------------------------------------

Top