Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003D1608

Id-Deċiżjoni Nru 1608/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003 li tirrigwarda l-produzzjoni u l-iżvilupp ta’ l-istatistika Komunitarja dwar ix-xjenza u t-teknoloġijaTest b’rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 230, 16.9.2003, p. 1–3 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 13 Volume 031 P. 443 - 445
Special edition in Estonian: Chapter 13 Volume 031 P. 443 - 445
Special edition in Latvian: Chapter 13 Volume 031 P. 443 - 445
Special edition in Lithuanian: Chapter 13 Volume 031 P. 443 - 445
Special edition in Hungarian Chapter 13 Volume 031 P. 443 - 445
Special edition in Maltese: Chapter 13 Volume 031 P. 443 - 445
Special edition in Polish: Chapter 13 Volume 031 P. 443 - 445
Special edition in Slovak: Chapter 13 Volume 031 P. 443 - 445
Special edition in Slovene: Chapter 13 Volume 031 P. 443 - 445
Special edition in Bulgarian: Chapter 13 Volume 040 P. 139 - 141
Special edition in Romanian: Chapter 13 Volume 040 P. 139 - 141
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 060 P. 84 - 86

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2003/1608/oj

32003D1608



Official Journal L 230 , 16/09/2003 P. 0001 - 0003


Deċiżjoni Nru 1608/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-22 ta’ Lulju 2003

li tirrigwarda l-produzzjoni u l-iżvilupp ta’ l-istatistika Komunitarja dwar ix-xjenza u t-teknoloġija

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 285 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Waqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

Billi:

(1) Teżisti l-ħtieġa għal statistiċi paragunabbli dwar ir-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni teknoloġika u x-xjenza u t-teknoloġija inġenerali sabiex jappoġġjaw il-politiki Komunitarji.

(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/78/KE, Euratom ta’ l-24 ta’ Jannar 1994 li tistabbilixxi programm multi-annwu għall-iżvilupp ta’ l-istatistika Komunitarja dwar ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni [3], enfasizzat il-miri li jiġi ddikjarat qafas ta’ riferiment Komunitarju għall-istatistika u li tiġi stabbilita sistema armonizzata Komunitarja ta’ tagħrif f’dan il-kamp.

(3) Ir-rapport finali tal-perjodu taż-żmien tal-programm mis-sena 1994 sas-sena 1997 jenfasizza illi x-xogħol għandu jissokta, illi l-informazzjoni għandha tintgħamel disponibbli iktar bil-ħeffa, illi l-kopertura reġjonali għandha tiġi estiża u li għandha tiżdied il-paragunabbiltà ta’ l-informazzjoni.

(4) Skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/126/KE tat-22 ta’ Diċembru 1998 dwar il-programm statistiku Komunitarju għas-snin mill-1009 sa l-2004 [4], is-sistema tat-tagħrif statistiku għandha tappoġġa il-ġestjoni tal-politiki dwar ix-xjenza u t-teknoloġija fil-Komunità u l-istima tal-kapabbiltà ta’ l-R&D u l-innovazzjoni fir-reġjuni għall-amministrazzjoni tal-fondi strutturali.

(5) Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta’ Frar 1997 dwar l-istatistika Komunitarja [5], din l-istatistika għandha tiġi rregolata bil-prinċipji ta’ l-imparzjalità, il-fiduċja, ir-rilevanza, l-effettività taħt il-profil ta’ ġestjoni u spejjeż, il-kunfidenzjalità u t-trasparenza.

(6) Sabiex jiġu żgurati l-utilità u l-paragunabbiltà ta’ l-informazzjoni u tiġi evitata r-ripetizzjoni tax-xogħol, il-Komunità għandha tqis ix-xogħol imwettaq f’kooperazzjni ma’ l-OECD jew minnha u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra li jirrigwarda l-istatistika tax-xjenza u t-teknoloġija, b’mod speċjali rigward id-dettalji ta’ l-informazzjoni li għandha tiġi pprovvduta mill-Istati Membri.

(7) Il-politika Komunitarja dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni tagħti importanza partikolari lit-tisħiħ tal-bażi xjentifiku u teknoloġiku tan-negozji Ewropej sabiex tgħinhom ikunu iktar innovattivi u kompetittivi fil-livell internazzjonali u reġjonali, filwaqt li tirrealizza l-benefiċċji tas-soċjetà ta’ l-informatika u l-promozzjoni tat-trasferiment tat-teknoloġija, ttejjeb l-attivitajiet fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-iżvilupp tal-mobbiltà tar-riżorsi umani, u l-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fix-xjenza.

(8) Il-prinċipji ta’ l-effittività taħt il-profil ta’ ġestjoni u spejjeż u r-rilevanza għandhom japplikaw għall-proċeduri tal-ġbir ta’ l-informazzjoni għall-industrija u l-amministrazzjonijiet, filwaqt li titqies il-kwalità meħtieġa ta’ l-informazzjoni u l-piż fuq dawk li jwieġbu.

(9) Huwa essenzjali li l-iżviluppi fl-istatistiċi uffiċjali dwar ix-xjenza u t-teknoloġija jiġu kkoordinati sabiex iservu wkoll il-ħtiġiet essenzjali ta’ l-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-operaturi ekonomiċi, l-assoċjazzjonijiet professjonali u l-pubbliku ġenerali.

(10) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/173/KE tal-25 ta’ Jannar 1999 li tadotta programm speċifiku ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u wiri dwar it-titjib tal-potenzjal uman tar-riċerka u l-bażi ta’ l-għerf soċjo-ekonomiku (mis-sena 1998 sas-sena 2002) [6] u d-Deċiżjoni 1513/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwarda s-sitt programm kwadru tal-Komunità Ewropea ta’ attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u wiri, li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ żona Ewropea tar-riċerka u għall-innovazzjoni (mis-sena 2002 sas-sena 2006) [7] għandhom jitqiesu għalbiex tiġi evitata r-ripetizzjoni tax-xogħol.

(11) Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2001 dwar ix-xjenxa u s-soċjetà u dwar in-nisa fix-xjenza [8], li tilqa’ x-xogħol tal-grupp ta’ Helsinki u li tistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex isegwu sforzi għall-promozzjoni tan-nisa fix-xjenza fil-livell nazzjonali għandha titqies, b’mod partikolari rigward il-ġbir ta’ statistiċi, mhux aggregati skond is-sess fir-riżorsi umani, fix-xjenza u t-teknoloġija u fl-iżvilupp ta’ l-indikaturi għalbiex jimmonitorjaw il-progress lejn l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-riċerka Ewropea.

(12) Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [9].

(13) Il-Kumitat tal-Programm Statistiku, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom [10] ġie kkonsultat skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni msemmija hawn qabel.

(14) Il-Kumitat tar-Riċerka Xjentifika u Teknoloġika (Crest) ta l-opinjoni tiegħu,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-mira ta’ din id-Deċiżjoni hija li tistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ tagħrif statistiku dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni sabiex tappoġġa u timmonitorja l-politiki Komunitarji.

Artikolu 2

Il-mira deskritta fl-Artikolu 1 għandha tiġi implimentata minn azzjonijiet statistiċi individwali kif ġej:

- Il-kunsinna ta’ l-istatistika mill-Istati Membri fuq bażi regolari u f’perijodi perentorji speċifikati, b’mod partikolari l-istatistika dwar l-attivitajiet ta’ l-R&D fis-setturi kollha ta’ prestazzjoni u l-finanzjament ta’ l-attività ta’ l-R&D, inklużi l-approprjazzjonijiet fl-estimi ġenerali governattivi għall- R&D, filwaqt li titqies id-dimensjoni reġjonali billi jiġu prodotti kulmeta possibbli statistiċi dwar it-teknoloġija msejsa fuq il-klassifikazzjoni tan-NUTS,

- L-iżvilupp ta’ varjabbli statistiċi ġodda li għandhom jiġu prodotti fuq bażi permanenti li jistgħu jipprovdu tagħrif iktar komprensiv dwar ix-xjenza u t-teknoloġija, b’mod partikolari għall-kejl ta’ l-output ta’ l-attivitajiet tax-xjenza u tat-teknoloġija, it-tixrid ta’ l-għerf u b’mod iktar ġenerali il-prestazzjoni ta’ l-innovazjoni. Dan it-tagħrif huwa meħtieġ għall-formolazzjoni u l-istima tal-politiki tax-xjenza u t-teknoloġija fl-ekonomiji dejjem aktar imsejsa fuq il-għerf. Il-Komunità għandha tagħti prijorità, b’mod partikolari, lill-oqsma li ġejjin:

- l-innovazjoni (teknoloġika u mhux teknoloġika),

- ir-riżorsi umani ddedikati għax-xjenza u t-teknoloġija,

- il-privattivi (l-istatistiċi dwar il-privattivi għandhom jiġu dderivati mid-databases ta’ l-uffiċċji nazzjonali u Ewropej tal-privattivi),

- l-istatistiċi dwar it-teknoloġija għolja (l-identifikazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi, il-kejl tal-prestazzjoni ta’ l-ekonomija u l-kontribuzzjoni għat-tkabbir ekonomiku),

- l-istatistiċi mhux aggregati skond is-sess dwar ix-xjenza u t-teknoloġija,

- it-titjib u l-aġġornament ta’ l-istandards u l-manwali eżistenti dwar il-kunċetti u l-metodi, b’mod partikolari rigward il-kunċetti fis-settur tas-servizzi u metodi kkordinati għall-kejl ta’ l-attività ta’ l-R&D. B’żieda ma’ dan, il-Komunità tintensifika l-kooperazzjoni ma’ l-OECD u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bil-ħsieb li tiżgura l-paragunabbiltà ta’ l-informazzjoni u tevita d-duplikazzjoni ta’ l-isforzi,

- it-titjib fil-kwalità ta l-informazzjoni, b’mod speċifiku l-paragunabbiltà, l-eżatezza u fil-waqt,

- it-titjib tat-tixrid, l-aċċessibbiltà u d-dokumentazzjoni tat-tagħrif statistiku.

Għandhom jitqiesu l-kapaċitajiet disponibbli ġewwa l-Istati Membri għall-ġbir u l-ipproċessar ta’ l-informazzjoni u l-iżvilupp tal-metodi u tal-varjabbli.

Artikolu 3

Il-miżuri meħtieġa sabiex jimplimentaw din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 4(2).

Artikolu 4

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat tal-Programm Statistiku stabbilit bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 89/382/Euratom.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, f’konsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura.

Artikolu 5

Fi żmien erba’ snin mill-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex tivvaluta l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 2.

Dan ir-rapport għandu jikkunsidra, fost ħwejjeġ oħra, l-ispejjeż ta’ l-azzjonijiet u l-piż fuq dawk li jwieġbu fejn għandhom x’jaqsmu l-benefiċċji tad-disponibbiltà ta’ l-informazzjoni u s-sodisfazzjon ta’ l-utent.

Wara dan ir-rapport, il-Kummissjoni tista’ tipproponi kull miżura sabiex ittejjeb l-operat ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-22 ta’ Lulju 2003.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

G. Alemanno

[1] ĠU C 332 E, tas-27.2.2001, p. 238.

[2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Lulju 2002 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Ufiċċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-17 ta’ Marzu 2003 (ĠU C 125 E, tas-27.5.2003, p. 58) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Ġunju 2003 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 38, tad-9.2.1994, p. 30.

[4] ĠU L 42, tas-16.6.1999, p. 1.

[5] ĠU L 52, tat-22.2.1997, p. 1.

[6] ĠU L 64, tat-12.3.1999, p.105.

[7] ĠU L 232, tad-29.8.2002, p. 1.

[8] ĠU C 199, ta’ l-14.7.2001, p. 1.

[9] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[10] ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47.

--------------------------------------------------

Top