Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002R1406

Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenziji Marittima Ewropea tas-SigurtàTest b'relevanza għaż-ŻEE.

OJ L 208, 5.8.2002, p. 1–9 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 07 Volume 007 P. 3 - 11
Special edition in Estonian: Chapter 07 Volume 007 P. 3 - 11
Special edition in Latvian: Chapter 07 Volume 007 P. 3 - 11
Special edition in Lithuanian: Chapter 07 Volume 007 P. 3 - 11
Special edition in Hungarian Chapter 07 Volume 007 P. 3 - 11
Special edition in Maltese: Chapter 07 Volume 007 P. 3 - 11
Special edition in Polish: Chapter 07 Volume 007 P. 3 - 11
Special edition in Slovak: Chapter 07 Volume 007 P. 3 - 11
Special edition in Slovene: Chapter 07 Volume 007 P. 3 - 11
Special edition in Bulgarian: Chapter 07 Volume 009 P. 152 - 160
Special edition in Romanian: Chapter 07 Volume 009 P. 152 - 160
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 008 P. 3 - 11

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/1406/oj

32002R1406



Official Journal L 208 , 05/08/2002 P. 0001 - 0009


Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-27 ta' Ġunju 2002

li jistabbilixxi l-Aġenziji Marittima Ewropea tas-Sigurtà

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWOPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 2 51 tat-Trattat [4],

Billi:

(1) Numru kbir ta' miżuri leġislattivi ġew adottati fil-Komunità sabiex itejbu s-sigurtà u jwaqqfu t-tniġġis fit-trasport fuq il-baħar. Sabiex ikunu effettivi, din il-leġislazzjoni għandha tiġi applikata b'manjiera proprja u uniformi fil-Komunità. Dan għandu jiżgura opportunitajiet indaqs, tnaqqis tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minn vantaġġi ekonomiċi li jitgawdew minn bastimenti li mhumiex skond ir-regoli u jikkompensa lill-partijiet marittimi serji.

(2) Ċertu xogħlijiet li bħalissa jsiru fuq livell Komunitarju jew nazzjonali jistgħu jiġu eżegwiti minn korp espert u speċjalizzat. Fil-fatt, hemm il-bżonn ta' għajnuna teknika u xjentifika u livell għoli ta' konoxxenza stabbli sabiex tiġi applikata leġislazzjoni Komunitarja fil-kampijiet tas-sigurtà fuq il-baħar u twaqqif ta' tniġġis fuq il-baħar, sabiex ikun hemm monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni u jixtarru kemm huma effettivi il-miżuri eżistenti. Għaldaqstant hemm il-bżonn illi tiġi stabbilita fl-istruttura interna tal-Komunità struttura istituzzjonali u bilanċ ta' poteri sabiex tiġi stabbilita Aġenzija Ewropea ta' Sigurtà fuq il-baħar ("l-Agenzija").

(3) F'termini ġenerali, l-Aġenzija għandha tirrappreżenta lill-korp tekniku, billi tipprovdi lill-Komunità bil-mezzi neċessarji sabiex taġixxi b'mod effettiv ħalli ttejjeb is-sigurtà fuq il-baħar in ġenerali u regoli tat-tnaqqis ta' tniġġis fuq il-baħar. L-Aġenzija għandha tassisiti lill-Komunità fil-proċess kontinwu fit-tiġdid u l-iżvilupp ta' leġislazzjoni Komunitarja fil-kamp tas-sigurtà fuq il-baħar u t-tnaqqis tat-tniġġis mill-vapuri u għandha tipprovdi wkoll għajnuna neċessarja sabiex tiżgura implimentazzjoni konverġenti u effettiva mal-Komunità billi tassisti fix-xogħlijiet assenjati lilha mil-leġislazzjoni Komunitarja eżistenti u tal-futur dwar is-sigurtà fuq il-baħar u tnaqqis ta' tniġġis mill-bastimenti.

(4) Sabiex jiġu sodisfatti l-iskopijiet li għalihom l-Aġenzija ġiet iffurmata, huwa meħtieġ illi l-Aġenzija tagħmel dawk ix-xogħlijiet importanti mmirati sabiex itejbu s-sigurtà fuq il-baħar u t-tnaqqis ta' tniġġis fuq il-baħar ta' l-ibħra tal-pajjiżi Membri. F'dan ir-rigward, l-Aġenzija għandha taħdem ma' l-Istati Membri sabiex torganizza attivitajiet ta' taħriġ approprjat f'materji ta' kontroll tal-portijiet mill-Istat u tal-Pajjiż tal-bandiera u sabiex tipprovdi assistenza teknika rrelatata ma' l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Komunità. Għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni hekk kif ipprovdut fid-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi l-monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità kif ukoll sistema ta' informazzjoni u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93175/KEE [5], billi tiżviluppa u topera sistema ta' informazzjoni neċessarja għall-objettivi ta' dik id-Direttiva, u fl-attivitajiet li jikkonċernaw l-investigazzjoni relatati ma' inċidenti serji fuq il-baħar. Għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u l-Istati Membri b'objettiv, informazzjoni ta' min joqgħod fuqha u paragunabbli u data dwar is-sigurtà marittima u dwar il-prevenzjoni ta' tniġġis tal-vapuri sabiex ikun u jistgħu jieħdu kull inizjattiva neċessarja sabiex jiġu mtejba l-miżuri fis-seħħ u sabiex tiġi vvalutata l-effettività tagħhom. Għandha tqiegħed l-għerf tas-sigurtà marittima Komunitarja għad-disposizzjoni ta' l-Istati li japplikaw għall-adeżjoni. Għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' dawn l-Istati u għal pajjiżi terzi oħrajn li kkonkludew ftehim mal-Komunità li permezz tagħhom jadottaw u jimplimentaw il-leġislazzjoni Komunitarja fil-qasam tas-sigurtà marittima u l-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri

(5) L-Aġenzija għandha tifavorixxi l-istabbiliment ta' kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri u għandha tiżviluppa u xxerred prattiċi aħjar fil-Komunità. Din imbagħad għandha tikkontribwixxi għat-titjib tas-sistema globali ta' sigurtà marittima fil-Komunità kif ukoll li tnaqqas ir-riskju ta' inċidenti marittimi, tniġġis tal-baħar u telf ta' ħajjiet fuq il-baħar.

(6) Sabiex iwettqu kif suppost ix-xogħlijiet fdati lill-Aġenzija, huwa approprjat li l-uffiċjali tagħha jagħmlu viżti lill-Istati Membri sabiex jagħmlu monitoraġġ tal-funzjonament globali tas-sistema Komunitarja ta' sigurtà marittima u prevenzjoni ta' tniġġiż tal-vapuri. Dawn il-viżti għandhom jitwettqu skond politika li għandha tiġi stabbilita mill-Bord Amministrattiv ta' l-Aġenzija u għandha tiġi ffaċilitata mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri.

(7) L-Aġenzija għandha tapplika l-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u l-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar tad-data personali. Għandha tagħti lill-pubbliku kif ukoll lil kull parti interessata informazzjoni objettiva, ta' min joqgħod fuqha u li tista' tinftiehem faċilment fir-rigward tax-xogħol tagħha.

(8) Fir-rigward tar-responsabbilità kontrattwali ta' l-Aġenzija, li hija rregolata mil-liġi applikabbli għal kuntratti konklużi mill-Aġenzija, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni li tagħti sentenza skond kull klawżola ta' arbitraġġ kontenuta fil-kuntratt. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha wkoll ġurisdizzjoni f'disputazzjonijiet dwar kumpens għal kull ħsara li toriġina mir-responsabbiltà non-kuntrattwali ta' l-Aġenzija.

(9) Sabiex tizgura b'mod effettiv li jintlaħħqu l-funzjonijiet ta' l-Aġenzija, l-Istat Membri u l-Kummissjoni għandhom jiġu rappreżentati fuq Bord Amministrattiv bil-poteri neċessarji sabiex jistabbilixxu l-budget, jivverifikaw l-eżekuzzjoni tiegħu, jadottaw ir-regoli finanzjarji approprjati jistabbilixxu proċeduri trasparenti ta' xogħol sabiex l-Aġenzija tkun tista' tieħu deċiżjonijiet, japprovaw il-programm ta' xogħol tagħha, jeżaminaw talbiet għal assistenza teknika mill-Istati Membri, jiddefinixxi politika għal żjajjar lill-Istati Membri u jappuntaw id-Direttur Eżekuttiv. Fid-dawl tal-missjoni teknika ħafna u xjentifika u l-kompiti ta' l-Aġenzija, huwa approprjat illi l-Bord Amministrattiv ikun jikkonsisti minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u erba' rappreżentanti mill-Kummissjoni, li jkunu membri ta' livell għoli ta' esperjenza. Barra minn hekk sabiex jiżguraw l-ogħla livell ta' kapaċità u esperjenza fil-Bord Amministrattiv u bl-iskop illi s-setturi l-aktar ikkonċernati mill-qrib fix-xogħlijiet ta' l-Aġenzija jiġu involuti, il-Kummissjoni għandha tinnomina professjonisti indipendenti minn dawn is-setturi bħala membri tal-bord mingħajr dritt għall-vot, a bażi tal-merti personali u l-esperjenza tagħhom fil-qasam tas-sigurtà marittima u l-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri u mhux bħala rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet ta' professjonisti partikolari.

(10) It-tħaddim tajjeb ta' l-Aġenzija jeħtieġ illi d-Direttur Eżekuttiv tagħha jiġi appuntat fuq bażi tal-merti u kapaċitajiet amministrattivi u maneġerjali dokumentati, kif ukoll il-kompetenza u l-esperjenza rilevanti għas-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta' tniġġis mill-vapuri u li huwa/hija jwettqu d-doveri tagħhom b'indipendenza u flessibilità kompleta fir-rigward ta' l-organizzazzjoni tal-funzjonament intern ta' l-Aġenzija. Għal dan l-iskop, id-Direttur Eżekuttiv għandu jipprepara u jieħu l-passi kollha neċessarji sabiex jassigura t-twettieq tajjeb tal-programm ta' xogħol ta' l-Aġenzija, għandu jipprepara kull sena abbozz ta' rapport ġenerali li għandu jiġi sottomess lill-Bord Amministrattiv, għandu jfassal estimi tad-dħul u l-infiq ta' l-Aġenzija u għandu jimplimenta l-budget.

(11) Sabiex tiġi garantita awtonomija u indipendenza kompleta ta' l-Aġenzija, huwa kkunsidrat neċessarju illi tingħata budget awtonomu li d-dħul tagħha jiġi essenzjalment mill-kontribuzzjonijiet tal-Komunità.

(12) Matul l-aħħar snin, hekk kif aġenziji aktar deċentralizzati nħolqu, l-awtorità tal-budget fittxet illi ttejjeb it-trasparenza u l-kontroll fuq l-amministrazzjoni tal-fondi Komunitarji allokati lilhom, b'mod partikulari f'dak li jirrigwarda l-budgeting tal-piżijiet, il-kontroll finanzjarju, il-poter ta' rilaxx, il-kontribuzzjonijiet ta' skema ta' pensjonijiet, u l-proċedura interna tal-budget (kodiċi ta' kondotta). B'mod simili, ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 li jikkonċerna l-investigazzjonijiet kondotti mill-Uffiċċju Ewropew ta' kontra l-frodi (OLAF) [6] għandu japplika mingħajr restrizzjoni għall-Aġenzija, li għandha taċċedi għall-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej f'dak li għandu x'jaqsam mal-investigazzjonijiet intern ital-Uffiċju ta' kontra l-Frodi (OLAF) [7].

(13) Fi żmien ħames snin mid-data illi l-Aġenzija tkun assumiet ir-responsabbiltajiet tagħha, il-Bord Amministrattiv għandu jikkummissjona evalwazzjoni esterna indipendenti sabiex jistma l-impatt ta' dan ir-Regolament, l-Aġenzija u l-prattiki ta' xogħol dwar l-istabbiliment ta' livell għoli ta' sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta' tniġġis mill-vapuri,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

OBJETTIVI U KOMPITI

Artikolu 1

Miri

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà Marittima (l-Aġenzija) bl-iskop ta' l-assigurazzjoni ta' livell għoli, uniformi u effettiv ta' sigurtà marittima u prevenzjoni ta' tniġġis minn vapuri, fil-Komunità.

2. L-Aġenzija għandha tipprovdi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni bl-assistenza teknika, xjentifika meħtieġa u b'livell għoli ta' esperjenza, sabiex tgħinhom japplikaw il-leġislazzjoni Komunitarja tajjeb fil-kamp ta' sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta' tniġġis mill-vapuri, sabiex ikun hemm monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni tagħha u evalwazzjoni ta' l-effettività tal-miżuri eżistenti.

Artikolu 2

Kompiti

Sabiex ikun assigurat illi l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1 jiġu sodisfatti bil-mod tajjeb, l-Aġenzija għandha twettaq ix-xogħlijiet li ġejjin:

(a) għandha tassisti lill-Kummissjoni, meta approprjat, fix-xogħlijiet preparatorji għall-aġġornar u l-iżvilupp tal-leġislazzjoni Komunitarja fil-kamp tas-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta' tniġġiż minn vapuri, b'mod partikolari in linja ma' l-iżvilupp ta' leġislazzjoni internazzjonali f'dak il-qasam. Dak ix-xogħol għandu jinkludi l-analiżi ta' proġetti ta' riċerka mwettqa fil-qasam tas-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta' tniġġiż minn vapuri;

(b) tassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni Komunitarja dwar sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta' tniġġis minn vapuri fil-Komunità. B'mod partikulari l-Aġenzija għandha:

(i) tagħmel monitoraġġ tal-funzjonament sħiħ tar-reġim ta' kontroll ta' l-Istat tal-port Komunitarju, li jista' jinkludi żjajjar għall-Istati Membri u tissuġġerixxi lill-Kummissjoni kull titjib li huwa possibbli f'dak il-kamp;

(ii) tipprovdi lill-Kummissjoni bl-assistenza teknika neċessarja sabiex tipparteċipa fix-xogħol tal-korpi tekniċi tal-Memorandum ta' Ftehim ta' Pariġi dwar il-kotroll ta' l-Istat fil-port;

(iii) tassisti lill-Kummissjoni fit-twettiq ta kull kompitu mogħti lill-Kummissjoni minn leġislazzjoni Komunitarja eżistenti u futura dwar is-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta' tniġġis fuq il-baħar, l-aktar leġislazzjoni applikabbli għas-soċjetajiet ta' klassifika, għas-sigurtà fil-bastimenti tal-passiġġieri, kif ukoll applikabbli għas-sigurtà, it-taħriġ, iċ-ċertifikazzjoni, u s-sorveljanza ta' l-ekwipaġġ tal-vapuri;

(ċ) għandha taħdem ma' l-Istati Membri sabiex:

(i) torganizza, meta approprjat, attivitajiet rilevanti ta' taħriġ f'oqsma li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' l-Istat tal-port u l-Istat tal-bandiera;

(ii) tiżviluppa soluzzjonijiet tekniċi u tipprovdi assistenza teknika rrelatata ma' l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja.

(d) għandha tiffaċilita kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-qasam kopert mid-Direttiva 2002/59/KE. B'mod partikolari l-Aġenzija għandha:

(i) tippromwovi kooperazzjoni bejn Stati riparjani fl-arji tal-vapuri kkonċernati fl-oqsma koperti b'dik id-Direttiva;

(ii) tiżviluppa soluzzjonijiet tekniċi u tipprovdi assistenza teknika rrelatata ma' l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja;

(e) għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-iżvilupp, b'qies dovut għas-sistemi legali differenti fl-Istati Membri, ta' metodoloġija komuni għall-investigazzjoni ta' inċidenti marittimi skond il-prinċipji internazzjonali miftiehma, fid-disposizzjoni ta' l-appoġġ ta' l-Istati Membri f'attivitajiet li jikkonċernaw investigazzjonijiet dwar inċidenti serji marittimi, u fit-twettieq ta' analiżi ta' rapporti ta' investigazzjoni ta' inċidenti;

(f) għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b'informazzjoni objettiva, ta' min joqgħod fuqha u paragunabbli, u b'data dwar sigurtà marittima u dwar tniġġiż minn vapuri sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-passi neċessarji sabiex itejbu s-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta' tniġġis mill-vapuri, u sabiex jevalwaw l-effettività ta' miżuri eżistenti. Dawn ix-xogħlijiet għandhom jinkludu l-kollezzjoni, l-irreġistrar u l-evalwazzjoni ta' data teknika fl-oqsma tas-sigurtà marittima u t-traffiku marittimu, kif ukoll fil-qasam tat-tniġġis tal-baħar, kemm jekk inċidentali kif ukoll jekk deliberat, l-esplojtazzjoni sistematika tad-databases eżistenti, li tinkludi l-cross-fertilizzazzjoni tagħhom, u, meta approprjat, l-iżvilupp ta' databases addizzjonali. A bażi tad-data miġbura, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fil-pubblikazzjoni, kull sitt xhur, ta' informazzjoni dwar il-vapuri li ġew miċħuda aċċess fil-portijiet Komunitarji skond id-Direttiva tal-Kunsill 95/21/KE tad-19 ta' Ġunju 1995 li tikkonċerna l-infurzar, fir-rigward ta' l-użu tal-vapuri fil-portijiet tal-Komunità u tbaħħir fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri, ta' standards internazzjonali għas-sigurtà tal-vapuri, il-prevenzjoni ta' tniġġis u l-ħajja fuq il-vapuri u l-kondizzjonijiet tax-xogħol (kontroll tal-port ta' l-Istat) [8]. L-Aġenzija għandha wkoll tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-attivitajiet tagħhom sabiex itejbu l-identifikazzjoni u l-insegwiment ta' vapuri li jagħmlu skariki kontra l-liġi;

(g) matul in-negozjati ma' l-Istati li japplikaw għall-adeżjoni l-Aġenzija tista' tipprovdi assistenza teknika fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja fil-qasam tas-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta' tniġġis minn vapuri. Dak il-kompitu għandu jiġi kkoordinat mal-programmi ta' kooperazzjoni reġjonali eżistenti u għandhom jinkludu, meta approprjat l-organizzazzjoni ta' attiviatjiet rilevanti ta' taħriġ.

Artikolu 3

Żjajjar lil Stati Membri

1. Sabiex jiġu sodisfatti l-kompiti mogħtija lilha, l-Aġenzjia tista' twettaq żjajjar lill-Istati Membri skond il-politika definita mill-Bord Amministrattiv. L-awtoritajiet nazzjonali ta' l-Istati Membri għandhom jiffaċiltaw ix-xogħol ta' l-impjegati ta' l-Aġenzija.

2. L-Aġenzija għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat bil-viżta ppjanata, bl-ismijiet ta' l-uffiċjali delegati, u d-data meta tibda ż-żjara. L-uffiċjali ta' l-Aġenzija delegati sabiex iwettqu dawn iż-żjajjar għandhom jagħmlu hekk mal-preżentazzjoni ta' deċiżjoni mid-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija li tispeċifika l-iskop u l-miri tal-missjoni tagħhom.

3. Fl-aħħar ta' kull viżta, l-Aġenzija għandha tfassal rapport u tibagħtu lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 4

It-Trasparenza u l-protezzjoni ta' l-informazzjoni

1. L-Aġenzija għandha tapplika l-prinċipji tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni [9], fir-rigward ta' applikazzjonijiet għal aċċess għad-dokumenti miżmuma minnha.

2. L-Aġenzija tista' tikkomunika fuq l-inizjattiva proprja tagħha fl-oqsma fil-missjoni tagħha. Għandha tassigura b'mod partikolari li l-pubbliku u kull parti interessata jingħataw informazzjoni objettiva, ta' min joqgħod fuqha u li tinftiehem faċilment fir-rigward tax-xogħol tagħha.

3. Il-Bord Amministrattiv għandu jistabbilixxi regoli interni neċessarji għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2.

4. L-informazzjoni miġbura skond dan ir-Regolament mill-Kummissjoni u l-Aġenzija għandha tkun soġġetta għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u l-korpi u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data [10].

KAPITOLU II

L-ISTRUTTURA U L-FUNZJONAMENT INTERN

Artikolu 5

L-Istatus legali, ċentri reġjonali

1. L-Aġenzija għandha tkun korp tal-Komunità. Għandu jkollha personalità legali.

2. F'kull wieħed mill-Istati Membri, l-Aġenzija għandha tgawdi mill-aktar kapaċità legali estensiva mogħtija lill-persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom. B'mod partikulari tista', takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tista' tkun parti għal proċeduri ġuridiċi.

3. Fuq talba tal-Kummissjoni, il-Bord Amministrattiv jista' jiddeċiedi, bil-kunsens ta' l-Istati Membri kkonċernati, illi jistabbilixxi ċentri reġjonali neċessarji sabiex jwettqu l-kompiti rrelatati mal-monitoraġġ tan-navigazjoni u t-traffiku marittimu, hekk kif previst fid-Direttiva 2002/59/KE.

4. L-Aġenzija għandha tkun rappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha.

Artikolu 6

Impjegati

1. Ir-Regolamenti dwar uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, il-Kondizzjonijiet ta' xogħol ta' ħaddiema ċivili oħra tal-Komunitajiet Ewropej u r-regoli adottati konġuntament mill-Istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni ta' dawk ir-Regolamenti u l-kondizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' l-Aġenzija. Il-Bord Amministrattiv, bi ftehim mal-Kummissjoni għandu jadotta regoli dettaljati tal-applikazzjoni.

2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16, il-poteri konferiti lill-awtorità li taħtar mir-Regolamenti ta' l-impjieg u l-kondizzjonijiet ta' impjieg tal-ħaddiema ċivili l-oħrajn għandhom jiġu eżerċitati mill-Aġenzija fir-rigward ta' l-impjegati proprji tagħha.

3. L-impjegati ta' l-Aġenzija għandhom ikunu uffiċjali assenjati jew assekondati mill-Kummissjoni jew l-Istati Membri fuq bażi temporanja u ta' ċivili oħra assunti mill-Aġenzija bħala neċessarji sabiex iwettqu l-inkarigi tagħha.

Artikolu 7

Privileġġi u Immunitajiet

Il-Protokoll dwar Privileġġi u Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej japplika għall-Aġenzija u għall-impjegati tagħha.

Artikolu 8

Resposabbiltajiet

1. Ir-responsabbiltà kontrattwali ta' l-Aġenzija għandha tiġi rregolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt in kwistjoni.

2. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni tagħti ġudizzju skond kull klawżola ta' arbitraġġ kontenuta f'kuntratt konkluż mill-Aġenzija.

3. Fil-każ ta' responsabbiltà non-kuntrattwali, l-Aġenzija għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull ħsara kkawżata mid-dipartimenti tagħha jew miċ-ċivili tagħha fit-twettieq ta' dmirijiethom.

4. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni f'disputazzjonijiet li jirrelataw għall-kumpens għal dannu msemmi fil-paragrafu 3.

5. Ir-responsabbiltà personali ta' ċivili lejn l-Aġenzija għandha tiġi rregolata mid-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti ta' l-Impjegati jew fil-Kondizzjonijiet ta' l-impjieg applikabbli għalihom.

Artikolu 9

Lingwi

1. Id-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jiddeterminaw il-lingwi li għandhom jintużaw fil-Komunità Ekonomika Ewropea [11] għandhom japplikaw għall-Aġenzija.

2. Is-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament ta' l-Aġenzija għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru ta' Traduzzjoni tal-korpi ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

Il-Ħolqien u l-Poteri tal-Bord Amministrattiv

1. Il-Bord Amministrattiv huwa hawnhekk stabbilit.

2. Il-Bord Amministrattiv għandu:

(a) jappunta Direttur Eżekuttiv skond l-Artikolu 16);

(b) jadotta, sat-30 ta' April ta' kull sena, rapport ġenerali ta' l-Aġenzija għas-sena ta' qabel u tibagħtu lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewopew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni;

(ċ) jeżamina, fil-qafas tal-preparazzjoni tal-programm ta' xogħol, talbiet mill-Istati Membri għal assistenza teknika, hekk kif imsemmi fl-Artikolu 2(ċ)(ii);

(d) tadotta sal-31 ta' Ottubru ta' kull sena, u tieħu l-Opinjoni tal-Kummissjoni in konsiderazzjoni, il-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija u tibagħtu lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewopew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni;

Dan il-programm ta' xogħol għandu jiġi adottat mingħajr preġudizzju għall-proċedura Komunitarja annwali tal-budget. Fil-każ illi l-Kummissjoni tesprimi, fi żmien 15-il ġurnata mid-data ta' l-adozzjoni tal-programm ta' xogħol in-nuqqas ta' qbil tagħha mal-programm imsemmi, il-Bord Amministrattiv għandu jeżamina mill-ġdid il-programm u jadottah, possibbilment emendat, f'perjodu ta' xahrejn, f'tieni qari jew b'maġġoranza ta' żewġ terzi, inklużi r-rappreżentanti tal-Kummissjoni jew b'unanimità tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri;

(e) jadotta l-budget finali ta' l-Aġenzija qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, u jaġġustah, meta neċessarju, skond il-kontribuzzjoni Komunitarja u kull dħul ieħor ta' l-Aġenzija.

(f) jistabbilixxi proċeduri għal teħid ta' Deċiżjonijiet mid-Direttur Eżekuttiv

(g) jiddefinixxi politika għal żjajjar imwettqa skond l-Artikolu 3;

(h) jwettaq id-dmirijiet tiegħu f'relazzjoni mal-budget ta' l-Aġenzija skond l-Artikoli 18, 19 u 21;

(i) jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq id-Direttur Ezekuttiv u l-kapijiet ta' l-unità msemmija fl-Artikolu 15(3);

(j) jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 11

Il-Komposizzjoni tal-Bord Amministrattiv

1. Il-Bord Amministrattiv għandu jkun kompost minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u erba' rappreżentanti tal-Kummissjoni, kif ukoll erba' professjonisti mis-setturi l-aktar ikkonċernati, innominati mill-Kummissjoni, mingħajr id-dritt għall-vot.

Il-Membri tal-bord għandhom jiġu appuntati a bażi tal-lawrea tagħhom ta' esperjenza relevantiv fil-kamp tas-sigurtà u l-prevenzjoni marittima ta' tniġġis mill-vapuri.

2. Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom jaħtru l-membri tagħhom tal-Bord Amministrattiv kif ukoll riserva li jirrappreżenta l-membru fl-assenza tiegħu/tagħha.

3. Id-dewmien tat-terminu tal-kariga huwa ta' ħames snin. It-terminu tal-mandat jista' jiġġedded darba.

4. Meta approprjat, il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-pajjiżi terzi u l-kondizzjonijiet tagħhom għandhom jiġu stabbiliti permezz ta' arranġamenti msemmija fl-Artikolu 17(2).

Artikolu 12

Presidenza tal-Bord Amministrattiv

1. Il-Bord Amministrattiv għandu jeleġġi President u Viċi-President mill-Membri tiegħu. Il-Viċi President għandu awtomatikament jieħu l-post tal-President jekk huwa/hija pprevenuti milli jwettqu d-dmirijiet tiegħu/tagħha.

2. It-termini tal-mandat tal-President u tal-Viċi-President għandhom ikunu ta' tliet snin u jispiċċa meta; ma jibqgħux membri tal-Bord Amministrattiv. It-terminu tal-Uffiċċju jiġġedded darba.

Artikolu 13

Laqgħat

1. Il-laqgħat tal-Bord Amministrattiv għandhom jitlaqqaw mill-President tiegħu.

2. Id-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija għandha tieħu sehem fid-deliberazzjonijiet.

3. Il-Bord Amministrattiv għandu jkollu laqgħat ordinarji darbtejn fis-sena. Barra minn hekk, għandu jiltaqa' fuq inizjattiva tal-President jew fuq talba tal-Kummissjoni jew terz ta' l-Istati Membri.

4. Meta jkun hemm materja ta' kunfidenzjalità jew ta' kunflitt ta' interess, il-Bord Amministrattiv jista' jiddeċiedi li jeżamina l-oġġetti speċifiċi ta' l-aġenda tagħha mingħajr il-preżenza tal-membri nominati fil-kapaċità tagħhom bħala professjonali mis-setturi l-aktar ikkonċernati. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' din id-disposizzjoni jistgħu jiġu stabbiliti fir-regoli ta' proċedura.

5. Il-Bord Amministrattiv jista' jistieden kull persuna li l-opinjoni tagħha tista' tkun ta' interess sabiex tattendi l-laqgħat tagħha bħala osservatur.

6. Il-membri tal-Bord Amministrattiv jistgħu, soġġetti għad-disposizzjonijiet tar-regoli tiegħu ta' proċedura jiġu assistit minn konsulenti u esperti.

7. Is-Segretarjat għall-Bord Amministrattiv għandu jkun ipprovdut mill-Aġenzija.

Artikolu 14

Il-Votazzjoni

1. Il-Bord Amminstrattiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri kollha intitolati għall-vot.

2. Kull membru għandu jkollu vot. Id-Direttur Eżekuttiv m'għandux jivvota.

Fl-assenza ta' membru, is-sostitut tiegħu/tagħha għandu jkun intitolat li jeżerċita d-dritt tiegħu/tagħha għal vot.

3. Ir-regoli ta' proċedura għandhom jistabbilixxu, arranġamenti aktar dettaljati ta' votazzjoni, b'mod partikulari, il-kondizzjonijiet għal membru biex jaġixxi f'isem membru ieħor.

Artikolu 15

Id-Dmirijiet u l-poteri tad-Direttur Eżekuttiv

1. L-Aġenzija għandha tiġi amministrata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, li għandu jkun kompletament indipendenti fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu/tagħha, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Kummissjoni u l-Bord Amminitrattiv.

2. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkollu d-dmirijiet u l-poteri li ġejjin:

(a) għandu/ha jippreparaw programm ta' ħidma u jissottomettih lill-Bord Amministrattiv għall-konsultazzjoni. Għandu jieħu l-passi neċessarji għall-implimentazzjoni tiegħu. Għandu jirrispondi għat-talbiet għall-assistenza mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru skond l-Artikolu 10(2)(ċ);

(b) għandu/ha jiddeċiedi li jwettqu ż-żjajjar previsti fl-Artikolu 3, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni u wara l-politika stabbilita mill-Bord Amministrattiv skond l-Artikolu 10(2)(g);

(ċ) jieħu/tieħu l-passi kollha neċessarji, inkluża l-adozzjoni ta' struzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta' notifiki sabiex jiġi assigurat il-finzjonament ta' l-Aġenzija skond id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament;

(d) għandu/ha jorganizza sistema effettiva ta' monitoraġġ sabiex ikunu jistgħu jiġu pparagunati l-akkwisti ta' l-Aġenzija ma' l-objettivi operazzjonali tagħha. A bażi ta' dan id-Direttur Eżekuttiv għandu jipprepara abbozz ta' rapport ġenerali kull sena u jissottomettih lill-Bord Amministrattiv. Għandu/ha jistabbilixxi proċeduri regolari ta' evalwazzjoni li jissodisfaw standards professjonali rikonoxxuti;

(e) għandu/ha jeżerċita, fir-rigward tal-personal, il-poteri stabbiliti fl-Artikolu 6(2);

(f) għandu/ha jfassal l-estimi tad-dħul u l-infiq ta' l-Aġenzija, skond l-Artikolu 18, u għandu jimplimenta l-budget skond l-Artikolu 19.

3. Id-Direttur Ezekuttiv jista' jiġi assistit minn wieħed jew aktar Kapijiet ta' Unità. Jekk id-Direttur Eżekuttiv huwa assenti jew indispost, wieħed mill-kapijiet ta' l-unità għandu jeħodlu postu.

Artikolu 16

Il-Ħatra tad-Direttur Eżekuttiv

1. Id-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija għandu jinħatar mill-Bord Amministrattiv a bażi tal-merti u kapaċitajiet amministrattivi u maneġerjali dokumentati, kif ukoll il-kompetenza u esperjenza rilevanti għas-sigurtà ma' u l-prevenzjoni marittma ta' tniġġiż minn vapuri. Il-Bord Amministrattiv għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu b'maġġoranza ta' erbgħa minn ħamsa tal-membri kollha bid-dritt għall-vot. Il-Kummissjoni tista' tipproponi kandidat jew kandidati.

Il-Poter ta' rilaxx tad-Direttir Eżekuttiv għandu jkun f'idejn il-Bord Amministrattiv, skond l-istess proċedura.

2. It-terminu tal-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta' ħames snin. Dan it-terminu jiġġedded darba.

Artikolu 17

Il-Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

1. L-Aġenzija għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi, li daħlu fi ftehim mal-Komunità Ewropea, fejn adottaw u qegħdin japplikaw il-liġi Komunitarja fil-kamp tas-sigurtà u l-prevenzjoni marittima ta' tniġġis mill-vapuri

2. Skond id-disposizzjonijiet rilevanti ta' dan il-ftehim, għandhom jiġu żviluppati arranġamenti li għandhom, inter alia, jispeċifikaw in-natura u l-estent tar-regoli dettaljati għall-parteċipazzjoni minn dawn il-pajjiżi fix-xogħol ta' l-Aġenzija, inklużi disposizzjonijiet fuq kontribuzzjonijiet finanzjarji u personal.

KAPITOLU III

ĦTIĠIET FINANZJARJI

Artikolu 18

Budget

1. Id-dħul ta' l-Aġenzija għandu jikkonsisti F':

(a) kontribuzzjoni mill-Komunità;

(b) kontribuzzjonijiet possibbli minn kull pajjiż terz li jipparteċipa fix-xogħol ta' l-Aġenzija skond l-Artikolu 17;

(ċ) tariffi għal publikazzjonijiet, taħriġ u/jew servizzi oħrajn provduti mill-Aġenzija.

2. In-nefqa ta' l-Aġenzija għandha tkopri impjegati u spejjez amministrattiv, ta' l-infrastruttura u operazzjonali.

3. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal stima tad-dħul u l-infiq ta' l-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta' wara u għandu jibgħatha lill-Bord Amministrattiv flimkien ma' pjan ta' stabbiliment

4. Id-Dħul u l-infiq għandhom jiġu bbilanċjati.

5. Il-Bord Amministrattiv għandu għal kull sena sat-30 ta' April fl-aktar tard, jadotta abbozz ta' budget flimkien ma' programm ta' xogħol preliminari, u jibagħtu lill-Kummissjoni u lil pajjiżi terzi li jipparteċipa fix-xogħol ta' l-Aġenzija skond l-Artikolu 17.

A bażi ta' l-abozz tal-budget, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-estimi rilevanti fl-abbozz tal-budget ġenerali preliminari ta' l-Unjoni Ewropea, li għandha tqiegħed quddiem il-Kunsill skond l-Artikolu 272 tat-Trattat. L-iskop tal-prospett approvat tal-budget tal-Komunità għas-snin li ġejjin għandu jiġi osservat.

6. Wara l-adozzjoni tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, il-Bord Amministrattiv għandu jadotta l-budget ta' l-Aġenzija u l-programm finali ta' xogħol, billi jaġġustahom meta neċessarju għall-kontribuzzjoni Komunitarja. Għandu jibgħathom mingħajr dewmien lill-Kummissjoni, lill-awtorità tal-budget u lill-pajjiżi terzi li jipparteċipaw fix-xogħol ta' l-Aġenzija.

Artikolu 19

L-Implementazzjoni u l-kontroll tal-budget

1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-budget ta' l-Aġenzija.

2. Il-Kontroll ta' l-impenn, il-ħlas tan-nefqa kollha u l-kontroll ta' l-eżistenza u l-irkupru tad-dħul kollu ta' l-Aġenzija għandu jsir mill-Kontrollur Finanzjarju tal-Kummissjoni.

3. Sal-31 ta' Marzu fl-aktar tard, id-Direttur Eżekuttiv għandu jissottometti lill-Kummissjoni, il-Bord Amministrattiv u lill-Qorti ta' l-Awdituri l-kontijiet dettaljati tad-dħul u l-infiq kollu mis-sena preċedenti.

Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha teżamina dawn il-kontijiet skond l-Artikolu 248 tat-Trattat. Għandha tippubblika r-rapport dwar l-attivitajiet ta' l-Aġenzija ta' kull sena.

4. Il-Parlament Ewropew għandu, fuq rakkomandazzjoni tal-Bord Amministrattiv, jagħti rilaxx lid-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-budget.

Artikolu 20

Ġlieda kontra l-frodi

1. Sabiex jiġġieled il-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħrajn, id-disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 10731999 għandhom japplikaw mingħajr restrizzjoni għall-Aġenzija.

2. L-Aġenzija għandha taċċedi għall-Ftehim InterIstituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 li jikkonċerna investigazzjonijiet interni mill-OLAF u għandhom joħorġu mingħajr telf ta' żmien, id-disposizzjonijiet approprjati applikabbli għall-impjegati kollha tagħha.

3. Id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-fondi u l-implimentazzjoni tal-ftehim u l-istrumenti li jirriżultaw minnhom għandhom jistipulaw espliċitament li l-Qorti ta' l-Awdituri u l-OLAF jistgħu jwettqu, jekk neċessarju, kontrolli fuq il-post tar-reċipjenti tal-fondi ta' l-Aġenzija u l-aġenti responsabbli mill-allokazzjoni tagħhom.

Artikolu 21

Disposizzjonijiet finanzjarji

Il-Bord Amministrattiv, wara li jirċievi l-Ftehim tal-Kummissjoni u l-opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri, għandu jadotta r-Regolament Finanzjarju ta' l-Aġenzija. Dan ir-Regolament Finanzjarju għandu jispeċifika b'mod partikolari l-proċedura li għandha tiġi wżata għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-budget ta' l-Aġenzija, skond l-Artikolu 142 tar-Regolament Finanzjarju tal-21 ta' Diċembru 1977 applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [12].

KAPITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

Evalwazzjoni

1. Fi żmien ħames snin minn meta l-Aġenzija tassumi r-responsabbilitajiet tagħha, il-Bord Amministrattiv għandu jikkummissjona evalwazzjoni indipendenti esterna fuq l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli lill-Aġenzija kull informazzjoni li ta' l-aħhar tikkunsidra rilevanti għal dik l-evalwazzjoni.

2. L-evalwazzjoni għandha tixtarr l-impatt tar-Regolament, l-Aġenzija u l-prattiċi tax-xogħol tagħha dwar l-istabbiliment ta' livell għoli ta' sigurta' marittima u prevenzjoni ta' tniġġis minn vapuri. Il-Bord Amministrattiv għandu joħroġ termini speċifiċi ta' riferenza bi ftehim mal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-partijiet involuti.

3. Il-Bord Amministrattiv għandu jirċievi l-evalwazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jirrigwarda bidliet għal dan ir-Regolament, l-Aġenzija u l-prattiċi tax-xogħol tagħha lill-Kummissjoni. Kemm ir-riżultati ta' l-evalwazzjoni u kemm ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jintbagħtu mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandhom jagħmluhom pubbliki.

Artikolu 23

Bidu ta' l-attivitajiet ta' l-Aġenzija

L-Aġenzija għandha tibda topera fi żmien tnax-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament

Artikolu 24

Id-Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-27 ta' Ġunju 2002.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

M. Arias Cañete

[1] ĠU Ċ 120 E, ta' l- 24.4.2001, p. 83 u ĠU Ċ 103 E, tat- 30.4.2002, p. 184.

[2] ĠU Ċ 221, tas- 7.8.2001, p. 64.

[3] ĠU Ċ 357, ta' l- 14.12.2001, p. 1.

[4] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Ġunju 2001 (ĠU Ċ 5 3 E, 28.2.2002, p. 312), Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 (ĠU Ċ 119 E, 22.5.2002, p. 27) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2002 (għada mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2002.

[5] ĠU L 208, tal-5.8.2002, p. 10.

[6] ĠU L 136, tal-31.5.1999, p. 1.

[7] ĠU L 136, tal-31.5.1999, p. 15.

[8] ĠU L 157, tas-7.7.1995, p. 1. Id-Direttiva hekk kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2001/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 19, tat-22.1.2002, p. 17).

[9] ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43.

[10] ĠU L 8, tat-12.1.2001, p. 1.

[11] ĠU Ċ 17, tas- 6.10.1958, p. 385/58. Regolament hekk kif l-aħħar emendat permezz ta' l-Att ta' l-Adeżjoni 1994.

[12] ĠU L 356, tal-31.12.1977, p. 1. Ir-Regolament hekk kif l-aħħar emendat skond ir-Regolament. (KE, KEFA, Euratom) Nru 762/2001 (ĠU L 111, 20.4.2001, p. 1).

--------------------------------------------------

Top