EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002L0006

Id-Direttiva 2002/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2002 dwar il-formalitajiet tar-rappurtar għall-bastimenti li jkunu waslu u/jew li jkunu qed jitilqu minn portijiet ta' l-Istati Membri tal-KomunitàTest b'relevanza għaż-ŻEE.

OJ L 67, 9.3.2002, p. 31–45 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 07 Volume 006 P. 69 - 84
Special edition in Estonian: Chapter 07 Volume 006 P. 69 - 84
Special edition in Latvian: Chapter 07 Volume 006 P. 69 - 84
Special edition in Lithuanian: Chapter 07 Volume 006 P. 69 - 84
Special edition in Hungarian Chapter 07 Volume 006 P. 69 - 84
Special edition in Maltese: Chapter 07 Volume 006 P. 69 - 84
Special edition in Polish: Chapter 07 Volume 006 P. 69 - 84
Special edition in Slovak: Chapter 07 Volume 006 P. 69 - 84
Special edition in Slovene: Chapter 07 Volume 006 P. 69 - 84
Special edition in Bulgarian: Chapter 07 Volume 008 P. 197 - 207
Special edition in Romanian: Chapter 07 Volume 008 P. 197 - 207

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/05/2012; Imħassar b' 32010L0065

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/6/oj

32002L0006



Official Journal L 067 , 09/03/2002 P. 0031 - 0045


Id-Direttiva 2002/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-18 ta' Frar 2002

dwar il-formalitajiet tar-rappurtar għall-bastimenti li jkunu waslu u/jew li jkunu qed jitilqu minn portijiet ta' l-Istati Membri tal-Komunità

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Il-Komunità għandha politika stabbilita sabiex jiġi nkoraġġit trasport sostenibbli, bħalma huwa trasport bil-baħar u, b'mod partikolari, sabiex jippromwovu trasport bil-baħar għal distanza żgħira.

(2) It-tħaffif tat-trasport bil-baħar huwa għan essenzjali tal-Komunità biex tissaħħaħ dejjem aktar il-pożizzjoni tat-trasport bil-baħar fis-sistema tat-trasport bħala alternattiva u kumpliment għal modi oħra ta' trasport fil-katina tat-trasport bieb b'bieb.

(3) Il-proċeduri dokumentarji meħtieġa fit-trasport bil-baħar ikkawżaw tħassib u kienu ġew meqjusa li jżommu lura l-iżvilupp ta' dan il-metodu milli jilħaq il-potenżjal sħiħ tiegħu.

(4) Il-Konvenzjoni dwar it-Tħaffif tat-Traffiku Internazzjonali Marittimu ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima adottata mill-Konferenza Internazzjonali għat-Tħaffif ta' Safar u Trasport Marittimi fid-9 ta' April 1965, kif emendat iktar tard (minn issa 'l quddiem " Il-Konvenzjoni FAL ta' l-IMO"), ipprovda sett ta' mudelli ta' formoli standardizzati għat-tħaffif għal bastimenti biex jilħqu ċerti formalitajiet tar-rappurtar meta jaslu jew jitilqu minn port.

(5) Il-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri jużaw dawn il-formoli għat-tħaffif imma ma japplikawx b'mod uniformi l-mudelli pprovduti bis-saħħa ta' l-IMO.

(6) L-uniformità fil-format tal-formoli meħtieġa għal bastiment li qiegħed jasal jew jitlaq minn port għandha tħaffef il-proċeduri dokumentarji għas-sejħijiet fil-port u għandha tkun ta' ġid għall-iżvilupp tat-trasport bil-baħar tal-Komunità.

(7) Għalhekk, huwa ta' siwi li jiddaħħal l-għarfien tal-formoli għat-tħaffif ta' l-IMO (minn hawn 'il quddiem "formoli FAL ta' l-IMO") fuq il-livell tal-Komunità. L-Istati Membri għandhom jagħrfu l-formoli FAL ta' l-IMO u l-kategoriji tat-tagħrif ġewwa fihom bħala prova biżżejjed li bastiment wettaq il-formalitajiet tar-rappurtar li dawn il-formoli kienu maħsuba għalihom.

(8) Madanakollu, l-għarfien ta' ċerti formoli FAL ta' l-IMO, b'mod partikolari d-dikjarazzjoni tal-merkanzija u - għal bastimenti tal-passiġġieri - il-lista tal-passiġġieri, jiżdied mal-komplessità tal-formalitajiet tar-rappurtar minħabba li l-formoli ma jistgħux ikollom ġewwa fihom it-tagħrif kollu meħtieġ jew minħabba li prattiċi tat-tħaffif imwaqfa b'mod sod diġà jeżistu. Għalhekk, l-għarfien obbligatorju ta' dawn il-formoli m'għandux jiddaħħal.

(9) Trasport bil-baħar huwa attività globali u d-dħul tal-formoli FAL ta' l-IMO fil-Komunità jista' jgħin fil-passi lejn l-applikazzjoni intensifikata madwar id-dinja.

(10) Ġaladarba l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri t-tħaffif tat-trasport bil-baħar, ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti ta' l-azzjoni, jinkisbu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif mfisser fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif mfassal f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tistax tkun iżjed milli dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawn l-għanijiet

(11) Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tniżżel l-proċeduri sabiex jiġu eżerċitati l-poteri ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [4],

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

L-Iskop

L-iskop ta' din id-Direttiva huwa biex tħaffef it-trasport bil-baħar billi tipprovdi għall-istandardizzazzjoni tal-formalitajiet tar-rappurtar.

L-Artikolu 2

Il-kamp ta' applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tapplika għal formalitajiet tar-rappurtar mal-wasla u/jew mat-tluq mill-portijiet ta' l-Istati Membri tal-Komunità, kif msemmi fl-Anness I, Parti A, li għandu x'jaqsam ma' bastiment, mal-ħażniet tiegħu, mal-ħwejjeġ ta' l-ekwipaġġ tiegħu, mal-lista ta' l-ekwipaġġ tiegħu u, fil-każ ta' bastiment li huwa ċċertifikat li jġorr 12-il passiġġier jew inqas, mal-lista tal-passiġġieri.

L-Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) "Il-Konvenzjoni FAL ta' l-IMO" tfisser il-Konvenzjoni dwar it-Tħaffif tat-Traffiku Internazzjonali Marittimu ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima adottata mill-Konferenza Internazzjonali tat-Tħaffif ta' Safar u Trasport Marittimi fid-9 ta' April 1965;

(b) "Il-formoli FAL ta' l-IMO" tfisser il-mudell standardizzat tal-formoli tat-tħaffif ta' l-IMO bid-daqs A4 pprovdut mill-Konvenzjoni FAL ta' l-IMO;

(ċ) "formalità tar-rappurtar" tfisser it-tagħrif li meta huwa meħtieġ minn Stat Membru, għandu jkun ipprovdut għal-għanijiet amministrattivi u proċedurali meta jasal jew jitlaq bastiment minn port;

(d) "bastiment" tfisser bastiment ta' kull tip li jbaħħar u li jaħdem fl-ambjent tal-baħar;

(e) "ħażniet fil-bastiment" tfisser prodotti għall-użu fil-bastiment, li jinkludu prodotti li jkunu kkunsmati, prodotti li jinġarru għall-bejħ lill-passiġġieri jew għall-membri ta' l-ekwipaġġ, karburanti u lubrifikanti imma bl-esklużjoni tat-tagħmir u l-ispare parts tal-bastiment;

(f) "tagħmir tal-bastiment" tfisser oġġetti ħlief għall-ispare parts tal-bastiment, li huma abbord bastiment għall-użu fuqu u li jistgħu jitneħħew imma li mhumiex ta' natura li jkunu ikkunsmati, inklużi aċċessorji, bħalma huma d-dgħajjes tas-salvataġġ, it-tagħmir għas-salvataġġ tal-ħajja, l-għamara, l-ħwejjeġ tal-bastiment u oġġetti simili;

(g) "l-ispare parts tal-bastiment" ifisser oġġetti ta' natura ta' tiswija jew ta' tibdil għall-inkorporazzjoni fil-bastiment li fih jinġarru;

(h) "il-ħwejjeġ ta' l-ekwipaġġ" ifisser ilbies, oġġetti ta' kull jum u oġġetti oħra, li jistgħu jinkludu flus, li huma ta' l-ekwipaġġ u li jinġarru fuq il-bastiment;

(i) "membru ta' l-ekwipaġġ" ifisser kull persuna impjegata għal dmirijiet abbord waqt vjaġġ fil-ħidma jew servizz ta' bastiment u inkluża fil-lista ta' l-ekwipaġġ.

L-Artikolu 4

Aċċettazzjoni tal-formoli

L-Istati Membri għandhom jaċċettaw li l-formalitajiet tar-rappurtar imsemmija fl-Artikolu 2 huma mwettqa meta t-tagħrif mogħti jkun bi qbil ma:

(a) l-ispeċifikazzjonijiet rispettivi mniżżla fl-Anness I, Parti B u Ċ, u

(b) il-mudelli tal-formoli li jikkorrispondu mfassla fl-Anness II bil-kategoriji tagħhom ta' l-informazzjoni.

L-Artikolu 5

Proċedura għall-emenda

Kull emenda ta' l-Annessi I u II ta' din id-Direttiva u referenzi ta' l-istrumenti ta' l-IMO biex jinġiebu f'konformità mal-miżuri tal-Komunità jew ta' l-IMO li daħlu fis-seħħ għandhom ikunu addottati bi qbil mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 6(2), safejn u sakemm dawn l-emendi ma jwessgħux l-għan ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 6

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat imwaqqaf skond l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE [5].

2. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE wara li jkunu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 li jinsab fiha.

Il-perijodu ta' żmien preskritt fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

L-Artikolu 7

Implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux iktar tard mid-9 ta' Settembru 2003. Għandhom mill-ewwel jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew inkella jkollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-riferenza għandhom jiġu preskritti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijet fil-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

L-Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 9

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-18 ta' Frar 2002.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

J. Piqué i Camps

[1] ĠU Ċ 180 E, 25.1.2000, p. 85.

[2] ĠU Ċ 221, 9.4.1999, p. 149.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2001 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2002.

[4] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

[5] ĠU L 247, 5.10.1993, p. 19. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/74/KE (ĠU L 276, tat-13.10.1998, p. 7).

--------------------------------------------------

ANNESS I

PARTI A

Lista ta' formalitajiet tar-rappurtar imsemmija fl-Artikolu 2 rigward bastimenti li jkunu waslu u/jew ikunu qed jitilqu mill-portijiet ta' l-Istati Membri tal-Komunità

1. Formula FAL 1 ta' l-IMO, dikjarazzjoni ġenerali

Id-dikjarazzjoni ġenerali għandha tkun id-dokument bażiku mal-wasla u mat-tluq li jipprovdi tagħrif meħtieġ mill-awtoritajiet ta' Stat Membru dwar il-bastiment.

2. Formula FAL 3 ta' l-IMO, dikjarazzjoni tal-ħażniet tal-bastiment

Id-dikjarazzjoni tal-ħażniet tal-bastiment għandha tkun id-dokument bażiku mal-wasla u mat-tluq li jipprovdi tagħrif meħtieġ mill-awtoritajiet ta' Stat Membru dwar il-ħażniet tal-bastiment.

3. Formula FAL 4 ta' l-IMO, dikjarazzjoni tal-ħwejjeġ ta' l-ekwipaġġ

Id-dikjarazzjoni tal-ħwejjeġ ta' l-ekwipaġġ għandha tkun id-dokument bażiku li jipprovdi tagħrif meħtieġ mill-awtoritajiet ta' Stat Membru dwar il-ħwejjeġ ta' l-ekwipaġġ. Ma għandhiex tkun meħtieġa mat-tluq.

4. Formula FAL 5 ta' l-IMO, lista ta' l-ekwipaġġ

Il-lista ta' l-ekwipaġġ għandha tkun id-dokument bażiku li jipprovdi lill-awtoritajiet ta' Stat Membru bit-tagħrif dwar in-numru u l-komposizzjoni ta' l-ekwipaġġ mal-wasla u mat-tluq tal-bastiment. Fejn l-awtoritajiet jeħtieġu tagħrif dwar l-ekwipaġġ ta' bastiment mat-tluq tiegħu, kopja tal-lista ta' l-ekwipaġġ, li ġiet ippreżentata mal-wasla, għandha tkun aċċettata mat-tluq jekk hija ffirmata darb' oħra u endorsjata biex tindika kull bidla fin-numru jew komposizzjoni ta' l-ekwipaġġ jew biex tindika li ma saret l-ebda bidla.

5. Formula FAL 6 ta' l-IMO, lista tal-passiġġieri

Għal bastimenti ċertifikati biex iġorru 12-il passiġieri jew inqas, il-lista ta' passiġġieri għandha tkun id-dokument bażiku li jipprovdi lill-awtoritajiet ta' Stat Membru bit-tagħrif dwar il-passiġġieri mal-wasla u mat-tluq ta' bastiment.

PARTI B

Firmatarji

1. Formula FAL 1 ta' l-IMO, dikjarazzjoni ġenerali

L-awtoritajiet ta' l-Istat Membru għandhom jaċċettaw dikjarazzjoni ġenerali jew li hija ffirmata u mogħtija data mill-kaptan, mill-aġent tal-bastiment jew minn persuna awtorizzata kif mistħoqq mill-kaptan, jew awtentikata b'mod aċċettabbli għall-awtorità interessata.

2. Formula FAL 3 ta' l-IMO, dikjarazzjoni tal-ħażniet tal-bastiment

L-awtoritajiet ta' l-Istat Membru għandhom jaċċettaw dikjarazzjoni tal-ħażniet tal-bastiment jew li hija ffirmata u mogħtija data mill-kaptan jew minn uffiċjal ieħor awtorizzat kif mistħoqq mill-kaptan u li għandu tagħrif personali tal-fatti dwar il-ħażniet tal-bastiment, jew awtentikata b'mod aċċettabbli għall-awtorità interessata.

3. Formula FAL 4 ta' l-IMO, dikjarazzjoni tal-ħwejjeġ ta' l-ekwipaġġ

L-awtoritajiet ta' l-Istat Membru għandhom jaċċettaw dikjarazzjoni tal-ħwejjeġ ta' l-ekwipaġġ jew li hija ffirmata u mogħtija data mill-kaptan jew minn uffiċjal ieħor tal-bastiment awtorizzat kif mistħoqq mill-kaptan, jew awtentikata b'mod aċċettabbli għall-awtorità interessata. L-awtoritajiet ta' l-Istat Membru jistgħu jeħtieġu wkoll li kull membru ta' l-ekwipaġġ jpoġġi l-firma tiegħu, jew jekk ma jistax jiffirma, il-marka tiegħu, mad-dikjarazzjoni dwar il-ħwejjeġ tiegħu.

4. Formula FAL 5 ta' l-IMO, lista ta' l-ekwipaġġ

L-awtoritajiet ta' l-Istat Membru għandhom jaċċettaw lista ta' l-ekwipaġġ jew li hija ffirmata u mogħtija data mill-kaptan jew minn uffiċjal ieħor tal-bastiment awtorizzat kif mistħoqq mill-kaptan, jew awtentikata b'mod aċċettabbli għall-awtorità interessata.

5. Formula FAL 6 ta' l-IMO, lista tal-passiġġieri

Għal bastimenti ċertifikati biex iġorru 12-il passiġieri jew inqas, l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru għandhom jaċċettaw lista tal-passiġġieri jew li hija ffirmata u mogħtija data mill-kaptan, mill-aġent tal-bastiment jew minn persuna awtorizzata kif mistħoqq mill-kaptan, jew awtentikata b'mod aċċettabbli għall-awtorità interessata.

PARTI Ċ

Speċifikazzjonijiet tekniċi

1. Il-format tal-formoli FAL ta' l-IMO għandhom isegwu kemm jista' jkun teknikament possibbli l-istess proporzjonijiet tal-mudelli murija fl-Anness II. Għandhom ikunu stampati fuq folji tal-karta separati A4 (210mm × 297mm) b'orjentazzjoni wieqfa. Mill-inqas terz mill-parti tal-wiċċ tal-formoli għandu jkun irriservat għall-użu uffiċjali mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri.

Għall-għanijiet ta' l-għarfien tal-formoli FAL ta' l-IMO, il-format u t-tqegħid tal-formoli standardizzati għat-tħaffif rakkomandati u riprodotti mill-IMO msejsa fuq il-Konvenzjoni FAL ta' l-IMO kif hija fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 1997 għandhom jiġu meqjusa bħala ewkivalenti għal format riprodotti fl-Anness II.

2. L-awtoritajiet ta' l-Istat Membru għandhom jaċċettaw it-tagħrif mogħtija b'kull mezz leġibbli u li jinftiehmu, inklużi formoli mimlija bil-linka jew bil-lapes li ma jitħassarx jew prodotti bit-tekniki ta' l-ipproċessar awtomatiku ta' l-informazzjoni.

3. Mingħajr preġudizzju għall-metodi ta' trasmissjoni tat-tagħrif b'mezzi elettroniċi, meta Stat Membru jaċċetta l-għotji tat-tagħrif tar-rappurtar fil-forma elettronika, għandu jaċċetta t-trasmissjoni ta' dan it-tagħrif meta huwa magħmul bit-tekniki ta' l-ipproċessar jew ta' skambju tat-tagħrif elettroniku li jħarsu l-istandard internazzjonali, sakemm huwa f'forma leġibbli u li jinftiehem u li fih jinsab it-tagħrif meħtieġ.

L-Istati Membri iktar 'il quddiem jistgħu jipproċessaw it-tagħrif miksub f'kull format li jidhirlhom xieraq.

--------------------------------------------------

ANNESS II

Mudelli tal-formoli FAL ta' l-IMO msemmija fl-Artikolu 4 u fl-Anness I

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

Top