This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32002D0586
2002/586/EC: Council Decision of 12 July 2002 on the amendment of part VI of the common consular instructions
Deċiżjoni tal-kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-emenda għall-parti VI ta' l-istruzzjonijiet konsulari komuni
Deċiżjoni tal-kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-emenda għall-parti VI ta' l-istruzzjonijiet konsulari komuni
ĠU L 187, 16.7.2002, p. 48–49
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
No longer in force, Date of end of validity: 04/04/2010; Impliċitament imħassar minn 32009R0810
Official Journal L 187 , 16/07/2002 P. 0048 - 0049
Deċiżjoni tal-kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-emenda għall-parti VI ta' l-istruzzjonijiet konsulari komuni (2002/586/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 789/2001 ta' l-24 ta' April 2001 li jirriserva lill-Kunsill poteri ta' implimentazzjoni rigward ċerti disposizzjonijiet dettaljati u proċeduri prattiċi biex jiġu eżaminati applikazzjonijiet tal-viża [1], Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju ta' l-Ispanja, Billi: (1) L-istabbiliment ta' format uniformi ta' viża u, partikolarment, regoli komuni dwar metodi ta' teknika u livelli stabbiliti li għandhom jintużaw biex timtela l-formola huma elementi essenzali fl-armonizzazzjoni ta' politika tal-viża. (2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/1995 tad-29 ta' Mejju 1995 li jippreskrivi format uniformi għal viżajiet [2] emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 334/2002 [3], jistabbilixxi aktar speċifikazzjonijiet tekniċi ta' sigurta kontra frodi u falsifikazzjoni, inkluż partikolarment l-integrazzjoni ta' ritratt prodott skond livelli stabbiliti ta' sigurtà għolja; huwa għalhekk meħtieġ li tiġi adattata parti VI ta' l-istruzzjonijiet konsulari komuni biex jiġu inkorporati dawn il-miżuri ġodda meta timtela l-istiker uniformi ġdida tal-viża. (3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 333/2002 [4] jippreskrivi format uniformi għal formoli biex titwaħħal viża, li għandhom jiġu prodotti bi qbil ma' ċerti speċifikazzjonijiet tekniċi, li jistgħu jinkludu wkoll karatteristiċi u ħtiġijiet ta' sigurta, partikolarment livelli stabbiliti aktar għolja biex jipprevjenu frodi u falsifikazzjoni; l-istruzzjonijiet konsulari komuni għandhom jiġu adattati kif xieraq għall-proċeduri biex jiġi applikat dan ir-Regolament. (4) Bi qbil ma' l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka annessi mat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhijiex tipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni timmira biex jibqa' jinbena il-Acquis ta' Schengen skond id-disposizzjonjiet tat-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, bi qbil ma' l-Artikolu 5 tal-Protokoll msemmi, tiddeċiedi f'perjodu ta' sitt xhur wara li l-Kunsill adotta din id-Deċiżjoni jekk hux se tbiddilha fil-liġi nazzjonali tagħha. (5) Rigward ir-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet tal-Acquis ta' Schengen li jidħlu taħt l-erja riferita fl-Artikolu1(B) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/EC tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti biex jiġi applikat il-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja li għandu x'jaqsam ma' l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati bl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-Acquis ta' Schengen [5]. (6) Bi qbil ma' l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda anness mat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, dawk l-Istati Membri msemmija fuq mhumiex qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u għalhekk mhumiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Parti VI ta' l-istruzzjonijiet konsulari komuni għandha tiġi emendata kif ġej: 1. F'punt 1.6, it-tieni paragrafu għandu jiġi mibdul b'dan li ġej: "Fejn, minħabba li d-dokument ta' l-ivjaġġar tal-possessur ma jintgħarafx, il-format uniformi għal formoli huwa użat għall-viża, il-missjoni diplomatika jew post konsulari tal-ħruġ jistgħu jagħżlu li jużaw l-istess formola biex jestendu l-validità tal-viża lir-raġel jew il-mara tal-possessur u lil minuri li jakkompanjawhom li huma dipendenti fuq il-possessur tal-formola li jakkompanja l-possessur jew jinħarġu formoli separati għall-possessur, ir-raġel jew il-mara tiegħu u kull persuna dipendenti fuqu, bil-viża korrespondenti mwaħħla fuq kull formola separatament. In-numru tal-passaport huwa n-numru tas-serje li huwa stampat minn qabel jew perforat fuq il-paġni kollha jew kważi kollha tal-passaport. In-numru li għandhom jiġi entrat taħt din l-intestatura, fil-każ ta' viża li għandha titwaħħal mal-formola uniformi tal-format, mhuwiex in-numru tal-passaport imma l-istess numru tipografiku li jidher fuq il-formola, magħmul minn sitt ċifri, li jistgħu jkunu akkumpanjati mill-ittra jew ittri assenjati lill-Istat Membru jew grupp ta' Stati Membri li jkunu ħarġu l-viża." 2. Wara l-punt 1.7, għandu jiżdied il-punt li ġej: "1.8. Intestatura ta' "kunjom u isem" L-ewwel isem fil-kaxxa "isem" segwit mill-ewwel kelma fil-kaxxa ‘l-ewwel isem” tal-passaport tal-possessur tal-viża jew tad-dokument ta' l-ivjaġġar għandhom jinkitbu f'dik l-ordni. Il-missjoni diplomatika jew post konsular għandhom jivverifikaw li l-isem u l-ewwel isem li jidhru fil-passaport jew fid-dokument ta' l-ivjaġġar u li għandhom jiġu entrati taħt din l-intestatura u fit-taqsima li għandha tiġi skannjata elettronikament huma l-istess bħal dawk li jidhru fl-applikazzjoni għall-viża." 3. Punt 3 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej: "3. Taqsima għar-ritratt Ir-ritratt tal-possessur tal-viża, bil-kulur, għandu jiġi ntegrat fl-ispazju riservat għal dak il-għan kif jidher fl-Anness 8. Ir-regoli li ġejjin għandhom jiġu osservati rigward ir-ritratt li għandu jiġi integrat fl-istiker tal-viża. Id-daqs tar-ras mill-geddum sal-qurriegħa għandu jkun bejn 70 % u 80 % tad-dimensjoni vertikali tal-wiċċ tar-ritratt. Il-ħtiġijiet minimi ta' resoluzzjoni għandhom ikunu: - 300 pixels kull pulzier (pixels per inch - ppi), mhux kompressat, għall-iscanning, - 720 tikka kull pulzier (ppi) għall-istampar ta' ritratti bil-kulur. Fl-assenza ta' ritratt, għandu jkun obbligatorju li jiddaħħal il-kliem "validu mingħajr ritratt" f'din it-taqsima f'żewġ lingwi jew tlieta (il-lingwa ta' l-Istat Membru li qed joħroġ il-viża, ingliż u Franċiż). Dan il-kliem għandu bħala prinċipju jiġi entrat permezz ta' printer u, eċċezzjonalment, timbru speċifiku, li f'dak il-każ it-timbru għandu jkopri wkoll parti mit-taqsima rotogravure li n-naħa tax-xellug jew tal-lemin tagħha tiddelimita l-ispazju biex jiġi integrat ir-ritratt." 4. F'punt 5.4, it-tielet paragrafu għandu jiġi mibdul b'dan li ġej: "Jekk id-dokument ta' l-ivjaġġar ma jintgħarafx bħala wieħed validu minn Stat Membru jew aktar, il-viża għandha jkollha biss validità territorjali. Il-missjoni diplomatika jew post konsulari ta' Stat Membru għandhom jużaw il-formola uniformi tal-format biex tiwaħħal viża maħruġa lill-possessuri ta' dokument ta' l-ivjaġġar mhux magħruf mill-Istat Membru li joħroġ il-formola. Din il-viża għandu jkollha validità territorjali limitata." 5. Wara l-punt 5.4, għandu jiżdied il-punt li ġej: "5.5. Timbru tal-missjoni diplomatika jew post konsulari tal-ħruġ It-timbru tal-missjoni diplomatika jew post konsulari li qed joħroġ il-viża għandu jitwaħħal fit-taqsima "Kummenti", b'attenzjoni speċjali biex jiġi żgurat li l-fatti magħrufa jkunu jistgħu jinqraw, u għandhom jestendu lil hinn minn kull stiker fuq il-paġna tal-passaport jew dokument ta' l-ivjaġġar. Fil-każijiet biss fejn huwa meħtieġ li titwarrab it-tlestija tat-taqsima li għandha tiġi skannjata elettronikament jista' jitqiegħed it-timbru f'din it-taqsima biex tirrendiha bla użu. Id-daqs u l-kontenut tat-timbru u l-linka li għandha tintuża għandhom jiġu stabbiliti mid-disposizzjonijiet nazzjonali ta' l-Istat Membru. Biex jiġi preventut l-użu mill-ġdid ta' stiker tal-viża mwaħħal ma' formola tal-format uniformi, is-siġill ta' l-uffiċju konsulari tal-ħruġ għandu jiġi stampat fuq il-lemin, biex l-istiker u l-formola jiġu mgħottija, b'tali mod li ma jkunux jistgħu jinqraw l-intestaturi u d-data tat-tlestija u biex ma tidħolx fl-erja ta' l-iskanning elettroniku jekk tkun tlestiet." Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri bi qbil mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Magħmula fi Brussel, fit-12 ta' Lulju 2002. Għall-Kunsill Il-President T. Pedersen [1] ĠU L 116, tas-26.4.2001, p. 2. [2] ĠU L 164, ta' l-14.7.1995, p. 1. [3] ĠU L 53, tat-23.2.2002, p. 7. [4] ĠU L 53, tat-23.2.2002, p. 4. [5] ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 31. --------------------------------------------------