Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001L0042

    Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent

    ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30–37 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/42/oj

    32001L0042



    Official Journal L 197 , 21/07/2001 P. 0030 - 0037


    Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    tas-27 ta' Ġunju 2001

    dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

    Li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat Konċiljattiv fil-21 ta' Marzu 2001,

    Billi:

    (1) L-Artikolu 174 tat-Trattat jipprovdi li l-politika tal-Komunità dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi, fost l-oħrajn, għall-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità ta' l-ambjent, għall-protezzjoni tas-saħħa umana u l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali u li din tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni. L-Artikolu 6 tat-Trattat jipprovdi li l-ħtiġiet dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent għandhom ikunu integrati fit-tifsir tal-politika u l-attivitajiet tal-Komunità, b'mod partikolari bil-għan li jippromwovi żvilupp sostenibbli.

    (2) Il-Ħames Programm ta' Azzjoni Ambjentali: Lejn sostenibbilità - Programm tal-Komunità Ewropea ta' politika u azzjoni għar-rigward tal-ambjent u żvilupp sostenibbli [5], supplimentat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2179/98/KE [6] dwar ir-reviżjoni tiegħu, jikkonferma l-importanza li jkunu stmati l-effetti ambjentali li jista' jkun hemm minn pjanijiet u programmi.

    (3) Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika teħtieġ li l-Partijiet jintegraw kemm jista' jkun u kif jixraq il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika fi pjanijiet u programmi settorali u transettorali rilevanti.

    (4) L-istima ambjentali hi għodda mportanti biex ikunu integrati l-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta' ċerti pjanijiet u programmi li x'aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent fl-Istati Membri, minħabba li din tassigura li dawn l-effetti ta' pjanijiet u programmi li jkunu ser jiġu mplimentati jkunu kkunsidrati matul il-preparazzjoni tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom.

    (5) L-adozzjoni ta' proċeduri ta' stima ambjentali fil-livelli ta' ppjanar u programmar għandhom ikunu ta' benefiċċju għall-impriżi billi jipprovdulhom qafas aktar konsistenti li fih joperaw bl-inklużjoni ta' l-informazzjoni ambjentali rilevanti fit-teħid tad-deċiżjonijiet. L-inklużjoni ta' sett aktar wisa' ta' fatturi fit-teħid ta' deċiżjonijiet għandha tikkontribwixxi għal soluzzjonijiet aktar sostenibbli u effettivi.

    (6) Is-sistemi differenti ta' stima ambjentali li jitħaddmu fl-Istati Membri għandu jkollhom sett ta' ħtiġiet proċedurali komuni meħtieġa biex jikkontribwixxu għal livell għoli ta' protezzjoni ta' l-ambjent.

    (7) Il-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewopa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istima ta' l-Impatt Ambjentali f'Kuntest tat-Transkonfini tal-25 ta' Frar 1991, li jgħodd kemm għall-Istati Membri u kif ukoll għall-Stati oħra, tinkoraġġixxi lill-partijiet tal-Konvenzjoni sabiex japplikaw ukoll il-prinċipji tagħha għal pjanijiet u programmi; fit-tieni laqgħa tal-Partijiet tal-Konvenzjoni li saret f'Sofia fis-26 u s-27 ta' Frar 2001, ġie deċiż li jkun ippreparat Protokoll legali dwar stima ambjentali strateġika li tissupplimenta d-disposizzjonijiet eżistenti dwar l-istima ta' l-impatt ambjentali fil-kuntest tat-transkonfini, bil-għan li jkun jista' jiġi adottat fl-okkażjoni tal-5 Konferenza Ministerjali "L-Ambjent għall-Ewropa" f'laqgħa straordinarja tal-Partijiet tal-Konvenzjoni, li se ssir f'Mejju 2003 ġewwa Kiev, fl-Ukrajna. Is-sistemi li joperaw ġewwa l-Komunità għal stimi ambjentali ta' pjanijiet u programmi għandhom jassiguraw li hemm biżżejjed konsultazzjonijiet bejn it-transkonfini fejn l-implimentazzjoni ta' xi pjan jew programm li jkun preparat fi Stat Membru wieħed x'aktarx ikollu effetti sinifikattivi fuq l-ambjent ta' Stat Membru ieħor. L-informazzjoni dwar pjanijiet u programmi li għandhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent ta' Stati oħra għandha tintbgħat fuq bażi reċiproka u ekwivalenti f'qafas legali xieraq bejn l-Istati Membri u dawn l-Istati l-oħra.

    (8) Għalhekk azzjoni fuq livell tal-Komunità hija meħtieġa sabiex ikun stabbilit qafas minimu ta' stima ambjentali, li jistabbilixxi l-prinċipji wisa' tas-sistema ta' stima ambjentali u jħalli d-dettalji għall-Istati Membri, billi jkun ikkunsidrat il-prinċipju tas-sussidjarjeta. L-azzjoni mill-Komunità m'għandhiex taqbeż dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fit-Trattat.

    (9) Din id-Direttiva hi ta' natura proċedurali, u l-ħtiġiet tagħha għandhom jew ikunu integrati fil-proċeduri eżistenti fl-Istati Membri jew inkorporati fi proċeduri stabbiliti speċifikament. Bil-għan li tkun evitata duplikazzjoni ta' stima, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw, meta jkun xieraq, il-fatt li stimi ser isiru f'livelli differenti ta' ġerarkija ta' pjanijiet u programmi.

    (10) Il-pjanijiet u l-programmi kollha li huma ppreparati għal numru ta' setturi u li jistabilixxu qafas għal kunsens ta' żvilupp fil-futur tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati dwar l-ambjent [7], u l-pjani u l-programmi kollha li ġew stabbiliti li jeħtieġu stima bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta' ambjent naturali u ta' flora u fawna selvaġġa [8], li x'aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent, u għandhom bħala regola jsiru suġġetti għall-stima sistematika ambjentali. Meta dawn jistabilixxu l-użu ta' żoni żgħar fil-livell lokali jew ikunu modifiki minuri għall-pjanijiet jew programmi msemmija hawn fuq, dawn għandhom ikunu stmati biss meta l-Istati Membri jistabilixxu li dawn x'aktarx ikollhom effett sinifikanti fuq l-ambjent.

    (11) Pjanijiet u programmi oħra li jistabbilixxu l-qafas għall-kunsens ta' żvilupp futur ta' proġetti jistgħu ma jkollhomx effetti sinifikanti fuq l-ambjent fil-każijiet kollha u għandhom jiġu stmati biss meta l-Istati Membri jistabilixxu li dawn x'aktarx ikollhom dawk l-effetti.

    (12) Meta l-Istati Membri jagħmlu dawk l-għażliet, dawn għandhom jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti f'din id-Direttiva.

    (13) Ċerti pjanijiet jew programmi mhumiex suġġetti għal din id-Direttiva minħabba l-karatteristiċi partikulari tagħhom.

    (14) Meta permezz ta' din id-Direttiva tkun meħtieġa stima, rapport ambjentali għandu jkun ippreparat li fih ikollu l-informazzjoni rilevanti hekk kif stabbilit f'din id-Direttiva, fejn ikunu identifikati, deskritti u evalwati l-effetti ambjentali sinifikanti ta' l-implimentazzjoni tal-pjan jew programm, u alternattivi raġonevoli meta jkunu kkunsidrati l-għanijiet u l-iskop ġeografiku tal-pjan jew il-programm; l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li huma jieħdu dwar il-kwalità tar-rapporti ambjentali.

    (15) Sabiex ikun hemm kontribuzzjoni għal teħid tad-deċiżjonijiet aktar trasparenti u bil-għan li jkun assigurat li l-informazzjoni mogħtija għall-istima hi komprensiva u affidabbli, hu meħtieġ li l-awtoritajiet li jkollhom dawn ir-responsabbiltajiet ambjentali rilevanti u l-pubbliku jkunu kkonsultati matul l-istima tal-pjanijiet u l-programmi, u li limiti ta' żmien xierqa jkunu stabbiliti, li jippermettu ħin biżżejjed għall-konsultazzjonijiet, inkluża l-espressjoni ta' l-opinjoni.

    (16) Meta l-implimentazzjoni ta' xi pjan jew programm ippreparat f'xi Stat Membru x'aktarx ikollha effett sinifikanti fuq l-ambjent ta' Stat Membru ieħor, għandha ssir disposizzjoni għall-Istati Membri nteressati li jagħmlu konsultazzjonijiet u għall-awtoritajiet rilevanti u l-pubbliku li jkun infurmat u li jiġi permess lilhom li jagħtu l-opinjoni tagħhom.

    (17) Ir-rapport dwar l-ambjent u l-opinjonijiet espressi mill-awtoritajiet rilevanti u l-pubbliku, kif ukoll ir-riżultati ta' xi konsultazzjoni bejn it-transkonfini, għandhom ikunu kkunsidrati matul il-preparazzjoni tal-pjan jew programm u qabel l-adozzjoni tiegħu jew is-sottomissjoni għall-proċedura leġislattiva.

    (18) L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, meta xi pjan jew progamm ikun adottat, l-awtoritajiet rilevanti u l-pubbliku jkunu infurmati u l-informazzjoni rilevanti tkun magħmula disponibbli għalihom.

    (19) Meta l-obbligazzjoni li ssir stima ta' l-effetti fuq l-ambjent tinħoloq simultanjament minn din id-Direttiva u minn leġislazzjoni oħra tal-Komunità, bħad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi [9], id-Direttiva 92/43/KEE, jew id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għall-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-politika dwar l-ilma [10], sabiex tkun evitata duplikazzjoni ta' l-istima, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu disposizzjoni għall-proċeduri kordinati u konġunti li jilħqu l-ħtiġiet tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità.

    (20) L-ewwel rapport dwar it-tħaddim u l-effettività ta' din id-Direttiva għandu jsir mill-Kummissjoni ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, u wara f'intervalli ta' seba' snin. Bil-għan li jiżdiedu l-ħtiġiet tal-protezzjoni ta' l-integrazzjoni ambjentali, u meta tikkunsidra l-esperjenza miksuba, l-ewwel rapport għandu, jekk ikun xieraq, ikun akkumpanjat bi proposti għal emenda ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari għar-rigward tal-possibilità li jkun estiż l-iskop lejn żoni/setturi oħra u tipi oħra ta' pjanijiet u programmi,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Għanijiet

    L-għan ta' din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta' protezzjoni ta' l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta' pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta' ċerti pjanijiet u programmi li x'aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.

    Artikolu 2

    Tifsir

    Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

    (a) "pjanijiet u programmi" tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

    - li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta' proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u

    - li huma meħtieġa permezz ta' disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi;

    (b) "stima ambjentali" tfisser il-preparazzjoni ta' xi rapport ambjentali, l-għemil ta' konsultazzjonijiet, it-teħid tal-kont tar-rapport ambjentali u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet u d-disposizzjoni ta' l-informazzjoni dwar id-deċiżjoni skond l-Artikoli 4 sa 9;

    (ċ) "rapport ambjentali" tfisser il-parti tal-pjan jew dokumentazzjoni tal-programm li fihom l-informazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 5 u l-Anness I;

    (d) "Il-pubbliku" tfisser persuna naturali jew legali waħda jew aktar, skond il-leġislazzjoni nazzjonali jew prattika, l-assoċjazzjonijiet tagħhom, l-organizzazzjonijiet jew gruppi.

    Artikolu 3

    Kamp ta' Applikazzjoni

    1. L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x'aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

    2. Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,

    (a) li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta' l-iskart, l-amministrazzjoni ta' l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta' bliet u l-kampanja jew l-użu ta' l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337/KEE, jew

    (b) li, in vista ta' l-effett fuq iż-żoni li x'aktarx, ġew stabbiliti biex jiksbu stima bis-saħħa ta' l-Artikolu 6 jew 7 tad-Direttiva 92/43/KEE.

    3. Pjanijiet u programmi msemmija fil-paragrafu 2 li jistabbilixxu l-użu ta' żoni żgħar fil-livell lokali u modifiki żgħar għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafu 2 jkunu jeħtieġu stima ambjentali biss meta l-Istati Membri jistabbilixxu li dawn x'aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

    4. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta' l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

    5. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet jew il-programmi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti jew billi kull każ jiġi eżaminat jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta' pjanijiet u programmi jew billi jkunu kombinati iż-żewġ metodi. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II, sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet u l-programmi li x'aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent ikunu koperti b'din id-Direttiva.

    6. Fl-eżami li jsir f'kull każ u meta jkunu speċifikati t-tipi ta' pjanijiet u programmi skond il-paragrafu 5, l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(3) għandhom ikunu kkonsultati.

    7. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-konklużjonijiet tagħhom bis-saħħa tal-paragrafu 5, inklużi r-raġunijiet biex ma tintalabx stima skond l-artikoli 4 sa 9, jiġu magħmula għad-disposizzjoni tal-pubbliku.

    8. Il-pjanijiet u l-programmi li ġejjin mhumiex suġġetti għal din id-Direttiva:

    - il-pjanijiet u l-programmi li l-għan ewlieni tagħhom hu li jservu d-difiża nazzjonali jew l-emerġenza ċivili,

    - il-pjanijiet u l-programmi finanzjarji jew tal-estimi.

    9. Din id-Direttiva ma tgħoddx għall-pjanijiet u l-programmi ko-finanzjati taħt il-perjodu ta' programmar kurrenti rispettiv [11] tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 [12] u (KE) Nru 1257/1999 [13].

    Artikolu 4

    Obbligazzjonijiet ġenerali

    1. L-istima ambjentali msemmija fl-Artikolu 3 għandha ssir matul il-preparazzjoni ta' xi pjan jew programm u qabel l-adozzjoni jew is-sottomissjoni għall-proċedura leġislattiva.

    2. Il-ħtiġiet ta' din id-Direttiva għandhom jew ikunu integrati fil-proċeduri eżistenti fl-Istati Membri għall-adozzjoni ta' pjanijiet u programmi jew inkorporati fil-proċeduri stabbiliti biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva.

    3. Meta l-pjanijiet u l-programmi jifformaw parti minn xi ġerarkija, l-Istati Membri għandhom, bil-għan li jevitaw duplikazzjoni ta' l-istima, jikkunsidraw il-fatt li l-istima ser issir, skond din id-Direttiva, fil-livelli differenti tal-ġerarkija. Għall-fini ta', fost l-oħrajn, li ma jkunx hemm duplikazjzoni ta' stima, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-Artikolu 5(2) u (3).

    Artikolu 5

    Rapport dwar l-ambjent

    1. Meta stima ambjentali tkun meħtieġa skond l-Artikolu 3(1), għandu jkun ippreparat rapport dwar l-ambjent li fih l-effetti sinifikanti li x'aktarx ikun hemm fuq l-ambjent b'konsegwenza ta' l-implimentazzjoni tal-pjan jew il-programm, u alternattivi raġonevoli billi jkunu kkunsidrati l-għanijiet u l-iskop ġeografiku tal-pjan jew il-programm, ikunu identifikati, deskritti u evalwati. L-informazzjoni li għandha tingħata għal dan il-għan hi msemmija fl-Anness I.

    2. Ir-rapport dwar l-ambjent ippreparat bis-saħħa tal-paragrafu 1 għandu jinkludi l-informazzjoni li tista' tkun mitluba b'mod raġonevoli meta jkunu ikkunsidrati l-għarfien u l-metodi ta' stima, il-kontenut u l-livelli tad-dettal fil-pjan jew fil-programm, l-istadju tiegħu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u sa fejn ċerti materji jkunu stmati b'mod aktar xieraq fil-livelli differenti f'dak il-proċess sabiex ikun evitat duplikazzjoni ta' l-istima.

    3. L-informazzjoni rilevanti dwar l-effetti fuq l-ambjent tal-pjanijiet u l-programmi u miksuba fil-livelli l-oħra tat-teħid tad-deċiżjonijiet jew permezz ta' leġislazzjoni oħra tal-Komunità tista' tintuża biex tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Anness I.

    4. L-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(3) għandhom ikunu kkonsultati meta jkunu deċiżi l-iskop u l-livell tad-dettal ta' l-informazzjoni li għandha tkun inkluża fir-rapport dwar l-ambjent.

    Artikolu 6

    Konsultazzjonijiet

    1. L-abbozz tal-pjan jew il-programm u r-rapport dwar l-ambjent ippreparati skond l-Artikolu 5 għandhom ikunu mqiegħda għad-disposizzjoni ta' l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u tal-pubbliku.

    2. L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 u l-pubbliku imsemmi fil-paragrafu 4 għandhom jingħataw opportunità bikrija u effettiva f'limitu ta' żmien li jkun xieraq sabiex jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar l-abbozz tal-pjan jew il-programm jew is-sottomissjoni tiegħu għall-proċedura leġislattiva.

    3. L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet li għandhom ikunu kkonsultati li, permezz tar-responsabbiltajiet ambjentali speċifiċi tagħhom, x'aktarx ikunu milquta mill-effetti ambjentali ta' l-implimentazzjoni tal-pjanijiet jew il-programmi.

    4. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw il-pubbliku għall-finijiet tal-paragrafu 2, inkluż il-pubbliku milqut jew li x'aktarx ikun milqut minn, jew li jkollu nteress fit-teħid tad-deċiżjonijiet suġġett għal din id-Direttiva, inklużi l-organizzazzjonijiet rilevanti mhux governattivi, bħalma huma dawk li jippromwovu il-protezzjoni ta' l-ambjent u organizzazzjonijiet oħra interessati.

    5. L-aranġamenti ddettaljati għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni ma' l-awtoritajiet u mal-pubbliku għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

    Artikolu 7

    Konsultazzjonijiet transkonfinali

    1. Meta xi Stat Membru jikkonsidra li l-implimentazzjoni ta' xi pjan jew programm li jkun ippreparat għar-rigward it-territorju tiegħu x'aktarx ikollu effetti sinifikant fuq l-ambjent fi Stat Membru ieħor, jew meta xi Stat Membru li x'aktarx ikun milqut b'mod sinifikattiv hekk jitlob, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-pjan jew programm ikun ippreparat għandu, qabel l-adozzjoni tiegħu jew is-sottomissjoni għall-proċedura leġislattiva, jibgħat kopja ta' l-abbozz tal-pjan jew programm u r-rapport rilevanti dwar l-ambjent lill-Istat Membru l-ieħor.

    2. Meta xi Stat Membru tintbgħatlu kopja ta' l-abbozz tal-pjan jew programm u rapport dwar l-ambjent skond il-paragrafu 1, dan għandu jindika lill-Isat Membru l-ieħor jekk hu jixtieqx li jagħmel konsultazzjonijiet qabel l-adozzjoni tal-pjan jew il-programm jew is-sottomissjoni tiegħu għall-proċeduri leġislattivi u, jekk hekk jindika, l-Isati Membri nteressati għandhom jagħmlu l-konsultazzjonijiet dwar l-effetti ambjentali bejn it-transkonfini li x'aktarx ikun hemm bħala riżultat ta' l-implimentazzjoni tal-pjan jew il-programm u l-miżuri maħsuba biex inaqqsu jew jeliminaw dawk l-effetti.

    Meta jsiru dawn il-konsultazzjonijiet, l-Istati Membri nteressati għandhom jaqblu dwar l-arranġamenti ddettaljati biex jassiguraw li l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(3) u l-pubbliku msemmi fl-Artikolu 6(4) fl-Istati Membri li x'aktarx jkunu milquta b'mod sinifikanti jkunu infurmati u mogħtija l-opportunità li jagħtu l-opinjoni tagħhom fi żmien raġonevoli.

    3. Meta L-Istati Membri jkunu mitluba skond dan l-Artikolu li jagħmlu konsultazzjonijiet, dawn għandhom jaqblu, fil-bidu ta' dawk il-konsultazzjonijiet, dwar żmien raġonevoli għall-perjodu li matulu jsiru l-konsultazzjonijiet.

    Artikolu 8

    Teħid tad-deċiżjonijiet

    Ir-rapport dwar l-ambjent ippreparat skond l-Artikolu 5, l-opinjonijiet espressi skond l-Artikolu 6 u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet bejn it-transkonfini skond l-Artikolu 7 għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni matul il-preparazzjoni tal-pjan jew programm u qabel l-adozzjoni tiegħu jew is-sottomissjoni għall-proċedura leġislattiva.

    Artikolu 9

    Informazzjoni dwar id-deċiżjoni

    1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, meta xi pjan jew programm ikun adottat, l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(3), il-pubbliku u xi Stat Membru konsultat skond l-Artikolu 7 ikunu infurmati u l-materji li ġejjin jitqiegħdu għad-disposizzjoni ta' dawk li jkunu ġew infurmati b'dan:

    (a) il-pjan jew il-programm kif adottat;

    (b) prospett li jagħti fil-qosor kif il-konsiderazzjonijiet ambjentali ġew integrati fil-pjan jew il-programm u kif ir-rapport dwar l-ambjent ippreparat skond l-Artikolu 5, l-opinjonijiet mogħtija skond l-Artikolu 6 u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet li jsiru skond l-Artikolu 7 ġew ikkunsidrati skond l-Artikolu 8 u r-raġunijiet għall-għażla tal-pjan jew il-programm kif adottat, fid-dawl ta' l-alternattivi raġonevoli l-oħra li ġew ikkunsidrati, u

    (ċ) il-miżuri deċiżi dwar is-sorveljar skond l-Artikolu 10.

    2. L-arranġamenti ddettaljati dwar l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

    Artikolu 10

    Sorveljar

    1. L-Istati Membri għandhom jissorveljaw l-effetti ambjentali sinifikattivi li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-pjanijiet jew programmi sabiex, fost l-oħrajn, jidentifikaw fi stadju bikri effetti ħżiena mhux imbassra, u biex ikunu jistgħu jagħmlu l-azzjoni ta' rimedju kif xieraq.

    2. Sabiex ikun hemm konformità mall-paragrafu 1, l-arranġamenti eżistenti ta' sorveljar jistgħu jintużaw kif xieraq bil-għan li tkun evitata duplikazzjoni ta' sorveljar.

    Artikolu 11

    Relazzjoni mal-leġislazzjoni l-oħra tal-Komunità

    1. Stima ambjentali magħmula skond din id-Direttiva għandha ssir mingħajr preġudizzju għal xi ħtiġiet skond id-Direttiva 85/337/KEE u għal xi ħtiġiet oħra tal-liġi tal-Komunità.

    2. Għar-rigward ta' pjanijiet u programmi li dwarhom l-obbligazzjoni li jsiru stimi ta' l-effetti fuq l-ambjent tirriżulta simultanjament minn din id-Direttiva u minn leġislazzjoni oħra tal-Komunità, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu disposizzjonijiet għal proċeduri kordinati jew konġunti li jaqblu mal-ħtiġiet tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità sabiex, fost l-oħrajn, jevitaw duplikazzjoni ta' stimi.

    3. Għar-rigward pjanijiet u programmi ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, l-istima ambjentali skond din id-Direttiva għandha ssir b'konformità mad-disposizzjonijiet speċifiċi fil-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità.

    Artikolu 12

    Informazzjoni, rappurtar u reviżjoni

    1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jibdlu l-informazzjoni dwar l-esperjenza li jkunu kisbu fit-tħaddim ta' din id-Direttiva.

    2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li r-rapporti ambjentali huma ta' kwalità tajba biex jilħqu l-ħtiġiet ta' din id-Direttiva u għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull miżuri li huma jieħdu dwar il-kwalità ta' dawn ir-rapporti.

    3. Qabel il-21 ta' Lulju 2006 il-Kummissjoni għandha tibgħat l-ewwel rapport dwar it-tħaddim u l-effettività ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Bil-għan li jkunu integrati aktar il-ħtiġiet tal-protezzjoni ambjentali, skond l-Artikolu 6 tat-Trattat, u meta tkun ikkunsidrata l-esperjenza miksuba fit-tħaddim ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri, dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat bi proposti għal emendi għal din id-Direttiva, kif xieraq. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tikkonsidra l-possibiltà li testendi l-iskop ta' din id-Direttiva għall-żoni/setturi oħra u tipi oħra ta' pjanijiet u programmi.

    Rapport ta' stima ġdid għandu jsegwi f'intervalli ta' seba' snin.

    4. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar ir-relazzjoni bejn din id-Direttiva u r-Regolament (KE) Nru 1260/1999 u (KE) Nru 1257/1999 ħafna qabel it-tmiem tal-perjodi ta' programmar mogħtija f'dawk ir-Regolamenti, bil-għan li jkun assigurat metodu ta' ħidma koerenti għar-rigward ta' din id-Direttiva u r-Regolamenti sussegwenti tal-Komunità.

    Artikolu 13

    Implimentazzjoni tad-Direttiva

    1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel il-21 ta' Lulju 2004. Dawn għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummisjoni b'dan.

    2. Meta Stat Membru jadotta dawn il-miżuri, (dawn il-miżuri) għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkazjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-riferenza għandhom jiġu preskritti mill-Istati Membri.

    3. L-obbligazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) għandha tgħodd għall-pjanijiet u programmi li dwarhom l-ewwel att preparatorju formali jkun sussegwenti għad-data msemmija fil-paragrafu 1. Il-pjanijiet u l-programmi li dwarhom l-att preparatorju formali jkun qabel dik id-data u li jkunu adottati jew sottomessi għall-proċedura leġislattiva aktar minn 24 xahar wara dan, għandhom isiru suġġetti għall-obbligazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) kemm-il darba l-Istati Membri ma jiddeċidux abbażi ta' kull każ li dan ma jkunx possibbli u jinfurmaw lill-pubbliku bid-deċiżjoni tagħhom.

    4. Qabel il-21 ta' Lulju 2004, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, b'żieda mal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, informazzjoni separata dwar it-tipi ta' pjanijiet u programmi li, skond l-Artikolu 3, jistgħu jkunu suġġetti għal stima ambjentali skond din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri. L-informazzjoni għandha tkun aġġornata fuq bażi regolari.

    Artikolu 14

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Artikolu 15

    Indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula ġewwa l-Lussemburgu, fis-27 ta' Ġunju 2001.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    N. Fontaine

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. Rosengren

    [1] ĠU C 129, tal-25.4.1997, p. 14 uĠU C 83, tal-25.3.1999, p. 13.

    [2] ĠU C 287, tat-22.9.1997, p. 101.

    [3] ĠU C 64, tas-27.2.1998, p. 63 uĠU C 374, tat-23.12.1999, p. 9.

    [4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew datata 20 ta' Ottubru 1998 (ĠU C 341, tad-9.11.1998, p. 18), konfermata fis-16 ta' Settembru 1999 (ĠU C 54, tal-25.2.2000, p. 76), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill datata 30 ta' Marzu 2000 (ĠU C 137, tas-16.5.2000, p. 11) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew datata 6 ta' Settembru 2000 (ĠU C 135, tas-7.5.2001, p. 155). Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2001 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2001.

    [5] ĠU C 138, tas-17.5.1993, p. 5.

    [6] ĠU L 275, ta' l-10.10.1998, p. 1.

    [7] ĠU L 175, tal-5.7.1985, p. 40. Direttiva kif emendata permezz tad-Direttiva 97/11/KE (ĠU L 73, ta' l-14.3.1997, p. 5).

    [8] ĠU L 206, tat-22.7.1992, p. 7. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/62/KE (ĠU L 305, tat-8.11.1997, p. 42).

    [9] ĠU L 103, tal-25.4.1979, p. 1. Direttiva kif emendata permezz tad-Direttiva 97/49/KE (ĠU L 223, tat-13.8.1997, p. 9).

    [10] ĠU L 327, tat-22.12.2000, p. 1.

    [11] Il-perjodu ta' programmar 2000-2006 għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 u l-perjodi ta' programmar 2000-2006 u 2000-2007 għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999.

    [12] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jippreskrivi disposizzjonijiet rali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 1).

    [13] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u li jemenda u jħassar ċerti regolamenti (ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 80).

    --------------------------------------------------

    ANNESS I

    Informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1)

    L-informazzjoni li għandha tingħata taħt l-Artikolu 5(1), suġġetta għall-Artikolu 5(2) u (3), hi din li ġejja:

    (a) qafas tal-kontenut, l-għanijiet prinċipali tal-pjan jew il-programm u r-relazzjoni ma' pjanijiet u programmi rilevanti oħra;

    (b) l-aspetti rilevanti ta' l-istat preżenti ta' l-ambjent u l-evoluzzjoni li x'aktarx tirriżulta mingħajr l-implimentazzjoni tal-pjan jew il-programm;

    (ċ) il-karatteristiċi ambjentali ta' żoni li x'aktarx ikunu milquta b'mod sinifikanti;

    (d) xi problemi ambjentali eżistenti li huma rilevanti għall-pjan jew il-programm inkluż, b'mod partikolari, dawk li jirreferu għal xi żoni ta' mportanza ambjentali partikolari, bħalma huma żoni magħżula bis-saħħa tad-Direttivi 79/409/KEE u 92/43/KEE;

    (e) l-għanijiet tal-protezzjoni ta' l-ambjent, stabbiliti fil-livell internazzjonali, tal-Komunità jew ta' l-Istat Membru, li huma rilevanti għall-pjan jew il-programm u l-mod li bih dawk l-għanijiet u xi konsiderazzjonijiet ambjentali ġew ikkunsidrati matul il-preparazzjoni tiegħu;

    (f) l-effetti sinifikanti li x'aktarx iseħħu [1] fuq l-ambjent, inklużi dwar il-materji bħall-fatturi tal-bijodiversità, il-popolazzjoni, is-saħħa umana, il-fawna, il-flora, il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima, l-assi materjali, il-wirt kulturali inkluż il-wirt arkitettorali u arkeoloġiku, il-landscape u r-relazzjoni bejn il-fatturi hawn fuq imsemmija;

    (g) il-miżuri maħsuba biex jipprevjenu, jnaqqsu u kemm jista' jkun jneħħu xi effetti ħżiena sinifikanti fuq l-ambjent bħala konsegwenza ta' l-implimentazzjoni tal-pjan jew il-programm;

    (h) qafas tar-raġunijiet għall-għażla ta' l-alternattivi maħsuba, u deskrizzjoni ta' kif l-istima saret inklużi xi diffikultajiet (bħal defiċjenzi tekniċi jew nuqqas ta' għerf) li wieħed iltaqa' magħhom fil-ġbir ta' l-informazzjoni meħtieġa;

    (i) deskrizzjoni tal-miżuri maħsuba dwar is-sorveljar skond l-Artikolu 10;

    (j) sommarju mhux tekniku ta' l-informazzjoni mogħtija taħt l-intestaturi ta' hawn fuq.

    [1] Dawn l-effetti għandhom jinkludu effetti sekondarji, kumulattivi, sinerġistiċi, qosra, medji u permanenti f'medda twila ta' żmien u f'perjodu temporanju, pożittivi u negattivi.

    --------------------------------------------------

    ANNESS II

    Kriterji biex ikunu stabbiliti l-effetti li x'aktarx iseħħu kif imsemmi fl-Artikolu 3(5)

    1. Il-karatteristiċi tal-pjanijiet u l-programmi, billi tingħata konsiderazzjoni, b'mod partikolari,

    - tal-grad li għalih il-pjan jew il-programm jistabbilixxi qafas għall-proġetti u attivitajiet oħra, kemm għar-rigward tal-lok, in-natura, id-daqs u l-kondizzjonijiet tax-xogħol jew billi jkunu allokati r-riżorsi,

    - tal-grad li fih il-pjan jew il-programm jinfluwenza pjanijiet u programmi oħra inklużi dawk fil-ġerarkija,

    - tar-rilevanza tal-pjan jew il-programm għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali b'mod partikolari bil-għan li jkun jippromwovi żvilupp sostenibbli,

    - tal-problemi ambjentali rilevanti għall-pjan jew il-programm,

    - tar-rilevanza tal-pjan jew il-programm għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Komunitá dwar l-ambjent (eż. pjanijiet u programmi marbuta ma' mmaniġġjar ta' l-iskart jew protezzjoni ta' l-ilma).

    2. Karatteristiċi ta' l-effetti u taż-żona li x'aktarx tkun milquta, meta jkunu kkunsidrati, b'mod partikolari

    - il-probabilità, it-tul, il-frekwenza u r-riversibilità ta' l-effetti,

    - in-natura kumulattiva ta' l-effetti,

    - in-natura ta' l-effetti li taqsam it-transkonfini,

    - ir-riskji għas-saħħa umana jew l-ambjent (eż. minħabba aċċidenti),

    - il-kobor u l-estent spazjali ta' l-effetti (żona ġeografika u d-daqs tal-popolazzjoni li x'aktarx tkun milquta),

    - il-valur u l-vulnerabilità taż-żona li x'aktarx tkun milquta minħabba:

    - karatteristiċi naturali speċjali jew wirt kulturali,

    - standards ta' kwalità ambjentali li jkunu maqbuża jew valuri tal-limiti,

    - użu intensiv ta' l-art,

    - l-effetti fuq żoni jew landscapes li għandhom status ta' protezzjoni rikonoxxuti b'mod nazzjonali, tal-Komunità jew internazzjonali.

    --------------------------------------------------

    Top