Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000R1760

Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97

OJ L 204, 11.8.2000, p. 1–10 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 03 Volume 030 P. 248 - 257
Special edition in Estonian: Chapter 03 Volume 030 P. 248 - 257
Special edition in Latvian: Chapter 03 Volume 030 P. 248 - 257
Special edition in Lithuanian: Chapter 03 Volume 030 P. 248 - 257
Special edition in Hungarian Chapter 03 Volume 030 P. 248 - 257
Special edition in Maltese: Chapter 03 Volume 030 P. 248 - 257
Special edition in Polish: Chapter 03 Volume 030 P. 248 - 257
Special edition in Slovak: Chapter 03 Volume 030 P. 248 - 257
Special edition in Slovene: Chapter 03 Volume 030 P. 248 - 257
Special edition in Bulgarian: Chapter 03 Volume 034 P. 186 - 195
Special edition in Romanian: Chapter 03 Volume 034 P. 186 - 195
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 036 P. 117 - 126

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2000/1760/oj

32000R1760



Official Journal L 204 , 11/08/2000 P. 0001 - 0010


Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-17 ta’ Lulju 2000

li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitàjiet Ewropej, u b’mod partikolari l-Artikoli 37 u 152 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Waqt li jaġixxu b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

Billi:

(1) L-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 tal-21 ta’ April 1997 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u rigward it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti mill-laħam taċ-ċanga [5], jiddikjara illi trid tiddaħħal sistema ta’ tikkettjar obbligatorju tal-laħam taċ-ċanga fl-Istati Membri kollha mill-1 ta’ Jannar 2000 ‘il quddiem. L-istess Artikolu jipprovdi wkoll illi, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, ir-regoli ġenerali għal din is-sistema obbligatorja jridu jiġu adottati qabel din id-data.

(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2772/1999 tal-21 ta’ Diċembru 1999 li jipprovdi r-regoli ġenerali għal sistema tat-tikkettjar obbligatorju tal-laħam taċ-ċanga [6] jipprovdi illi dawn ir-regoli ġenerali japplikaw biss temporanjament għal perjodu massimu taż-żmien ta’ tmien xhur, jiġifieri mill-1 ta’ Frar sal-31 ta’ Awissu 2000.

(3) Għall-fini taċ-ċarezza r-Regolament (KE) Nru 820/97 għandu jiġi mħassar u mibdul b’dan ir-Regolament.

(4) Wara l-instabilità fis-suq tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti mill-laħam taċ-ċanga kkawżata mill-kriżi ta’ l-enċefaloġija sponġiforma bovina, it-titjib fit-trasparenza tal-kondizzjonijiet għall-produzzjoni u l-marketing tal-prodotti fil-kwistjoni, b’mod partikolari rigward it-traċċabbiltà, eżerċitat influwenza pożittiva fuq il-konsum tal-laħam taċ-ċanga. Sabiex tibqa’ tinżamm u tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur fil-laħam taċ-ċanga u għalbiex ikun evitat illi dawn jiġu mqarrqa, huwa meħtieġ illi jiġi żviluppat il-qafas li fih ikun magħmul disponibbli t-tagħrif għall-konsumaturi bit-tikkettjar suffiċenti u ċar tal-prodott.

(5) Għal dan l-iskop huwa essenzjali li tiġi stabbilita, min-naħa l-waħda, sistema effiċenti għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart fl-istadju tal-produzzjoni u li tiġi stabbilita, min-naħa l-oħra, sistema speċifika Komunitàrja ta’ tikkettjar fis-settur tal-laħam taċ-ċanga bbażata fuq kriterji oġġettivi fl-istadju tal-marketing.

(6) Bis-saħħa tal-garanziji pprovduti permezz ta’ dan it-titjib, iridu jinkisbu wkoll ċerti ħtiġijiet ta’ interess pubbliku, b’mod partikolari l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-bhejjem.

(7) B’riżultat, il-fiduċja tal-konsumatur fil-kwalità tal-laħam taċ-ċanga u l-prodotti mill-laħam taċ-ċanga tittejjeb, jiġi ppreservat livell aktar għoli tas-saħħa pubblika u l-istabbiltà fit-tul tas-suq tal-laħam taċ-ċanga tkun irrinfurzata.

(8) L-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 li tirrigwarda l-kontrolli veterinarju u żootekniċi li japplikaw fil-kummerċ intra-Komunitàrju dwar ċerti bhejjem ħajjin u prodotti bl-għan tat-tlestija tas-suq intern [7] jiddikjara illi l-bhejjem għall-kummerċ intra-Komunitàrju jridu jkunu identifikati skond il-ħtiġijiet tar-regoli tal-Komunità u jridu jiġu rreġistrati hekk li l-impriżaoriġinali jew ta’ transitu, ċentru jew organizzazzjoni jistgħu jiġu ttraċċjati, u li qabel l-1 ta’ Jannar 1993 dawn is-sistemi ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni iridu jiġu estiżi għaċ-ċaqliq tal-bhejjem ġewwa t-territorju ta’ kull Stat Membru.

(9) L-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq il-bhejjem li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE [8] jiddikkjara illi l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni pprovduti fl-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 90/425/KEE ta’ dawn il-bhejjem iridu, minbarra fil-każ tal-bhejjem għall-qatla u l-ekwidi rreġistrati, isiru wara li jkunu saru l-kontrolli msemmija.

(10) Il-maniġġjar ta’ ċerti skemi Komunitarji ta’ għajnuna fil-qasam ta’ l-agrikultura jeħtieġ l-identifikazzjoni individwali ta’ ċerti tipi ta’ bhejjem ta’ l-irziezet. Is-sistemi ta’ l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni jridu, għalhekk, ikunu xierqa għall-applikazzjoni u l-kontroll ta’ dawn il-miżuri ta’ identifikazzjoni individwali.

(11) Huwa meħtieġ illi jiġi żgurat l-iskambju bil-ħeffa u effiċenti tat-tagħrif bejn l-Istati Membri sabiex dan ir-Regolament jiġi applikat korrettement. Id-dispożizzjonijietKomunitarji li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn ġew stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill(KEE) Nru 1468/81 tad-19 ta’ Mejju 1981 dwar l-għajnuna reċiproka bejn l-awtoritàjiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar il-materji tad-dwana u agrikoli [9] u permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 89/608/KEE tal-21 ta’ Novembru 1989 dwar l-għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-leġislazzjoni dwar il-materji veterinarji u żootekniċi [10].

(12) Ir-regoli korrenti dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart ġew stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 92/102/KEE tas-27 ta’ Novembru 1992 dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem [11] u r-Regolament (KE) Nru 820/97. L-esperjenza uriet li l-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/102/KEE għall-bhejjem tal-fart ma kinitx għal kollox sodisfaċenti u teħtieġ tittejjeb iktar. Huwa għalhekk meħtieġ illi jiġu adottati regoli speċifiċi għall-bhejjem tal-fart sabiex jiġu msaħħa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva msemmija.

(13) Sabiex tiddaħħal sistema mtejba ta’ identifikazzjoni li tiġi aċċettata, huwa essenzjali li ma jkunux imposti domandi eċċessivi fuq il-produttur skond il-formalitajiet amministrattivi. Għandhom jiġu stabbiliti limiti taż-żmien li jistgħu jitwettqu.

(14) Għall-għan tat-traċċar bil-ħeffa u preċiż tal-bhejjem għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kontroll ta’ l-iskemi Komunitarji ta’ l-għajnuna, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jistabbilixxi bażi ta’ informazzjoni kkomputerizzata li tirreġistra l-identità tal-bhejjem, l-impriżi kollha fit-territorju tiegħu u ċ-ċaqliq tal-bhejjem, skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 97/12/KE tas-17 ta’ Marzu 1997 li temenda u taġġorna d-Direttiva 64/432/KEE dwar il-problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ tal-bhejjem tal-fart u l-ħnieżerġewwa l-Komunità [12], li tiċċara l-ħtiġijiet tas-saħħa dwar din il-bażi ta’ informazzjoni.

(15) Huwa importanti illi kull wieħed mill-Istati Membri jieħu l-miżuri kollha li jistgħu jibqgħu meħtieġa sabiex jiżgura illi l-ħażna ta’ l-informazzjoni kkomputerizzata nazzjonali tkun taħdem kollha kemm hi maljar kemm jista’ jkun.

(16) Għandhom jittieħdu passi sabiex jinħolqu l-kondizzjonijiet tekniċi li jiggarantixxu l-aqwa komunikazzjoni possibbli mill-produttur mal-ħażna ta’ l-informazzjoni elettronika u l-użu komprensiv tal-ħażniet ta’ l-informazzjoni elettronika.

(17) Sabiex jiġi permess illi jiġu ttraċċati l-movimenti tal-bhejjem tal-fart, il-bhejjem għandhom ikunu identifikati permezz ta’ lametta tal-widna applikata f’kull widna u fil-prinċipju akkumpanjata minn passaport matul kull moviment. Il-karatteristiċi tal-lametta tal-widna u tal-passaport għandhom jiġu stabbiliti fuq bażi Komunitarja. Fil-prinċipju għandu jinħareġ passaport għal kull bhima li tkun allokata lilha lametta tal-widna.

(18) Il-bhejjem importati minn pajjiżi terzi bis-saħħa tad-Direttiva 91/496/KEE għandhom ikunu bla ħsara għall-istess ħtiġijiet ta’ identifikazzjoni.

(19) Kull bhima għandha żżomm il-lametta tagħha tal-widna matul ħajitha kollha.

(20) Il-Kummissjoni qiegħda teżamina, fuq il-bażi tax-xogħol imwettaq miċ-Ċentru Konġunt tar- Riċerka, l-possibbiltà li jiġu użati mezzi elettroniċi għall-identifikazzjoni tal-bhejjem.

(21) Il-gwardjani tal-bhejjem, bl-eċċezzjoni tat-trasportaturi, għandhom iżommu reġistru aġġornat tal-bhejjem fuq l-impriżi tagħhom. Il-karatteristiċi tar-reġistru għandhom ikunu stabbiliti fuq bażi Komunitarja. L-awtorità kompetenti għandu jkollha aċċess għal dawn ir-reġistri fuq talba.

(22) L-Istati Membri jistgħu jifirxu l-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri fuq is-settur kollu tal-laħam taċ-ċanga.

(23) Għandhom jiġu nnominati l-awtorità jew l-awtoritàjiet responsabbli mill-applikazzjoni ta’ kull Titolu f’dan ir-Regolament.

(24) Għandha tiddaħħal sistema tat-tikkettjar obbligatorju tal-laħam taċ-ċanga li tkun obbligatorja fl-Istati Membri kollha. Skond din is-sistema obbligatorja, l-operaturi u l-organizzazzjonijiet li jippromwovu l-laħam taċ-ċanga għandhom jindikaw fuq it-tikketta tagħrif dwar il-laħam taċ-ċanga u l-punt tal-qatla tal-bhima jew tal-bhejjem li minnhom ikun ġie l-laħam taċ-ċanga.

(25) Is-sistema tat-tikkettjar obbligatorju tal-laħam taċ-ċanga għandha tiġi rrinfurzata mill-1 ta’ Jannar 2002. Skond din is-sistema obbligatorja, l-operaturi u l-organizzazzjonijiet li jippromwovu l-laħam taċ-ċanga għandhom, b’żieda ma’ dan, jindikaw fuq it-tikketta tagħrif dwar l-oriġini, b’mod partikolari fejn ikunu twieldu, ingħataw is-simna u ġew maqtula l-bhima jew l-bhejjem li minnhom ikun ġie l-laħam taċ-ċanga.

(26) Jista’ jiġi pprovdut tagħrif addizzjonali li jirrigwarda fejn twieldu, ingħataw is-simna u nqatlu l-bhima jew il-bhejjem li minnhom ikun ġie l-laħam taċ-ċanga skond is-sistema tat-tikkettjar volontarju tal-laħam taċ-ċanga.

(27) Is-sistema tat-tikkettjar obbligatorju bbażat fuq l-oriġini għandha tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2002, billi jkun mifhum illi t-tagħrif sħih dwar il-movimenti magħmula mill-bhejjem tal-fart fil-Komunità hi meħtieġa biss għall-bhejjem imwielda wara l-31 ta’ Diċembru 1997.

(28) Is-sistema tat-tikkettjar obbligatorju tal-laħam taċ-ċanga għandha tapplika wkoll għal-laħam taċ-ċanga importat ġewwa l-Komunità. Madankollu, għandha ssir dispożizzjoni għall-fatt illi mhux it-tagħrif kollu li jkun meħtieġ għat-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga prodott fil-Komunità jista’ jkun disponibbli lill-operatur jew lill-organizzazzjoni ta’ pajjiż terz. Huwa għalhekk meħtieġ illi jiġi ddikjarat it-tagħrif minimu illi l-pajjiżi terzi għandhom jiżguraw li jiġi indikat fuq it-tikketta.

(29) Għall-operaturi jew l-organizzazzjonijiet li jipproduċu u jimmarkitjaw il-kapuljat tal-laħam taċ-ċanga li jistgħu ma jkunux f’pożizzjoni li jipprovdu t-tagħrif kollu meħtieġ skond is-sistema tat-tikkettjar obbligatorju tal-laħam taċ-ċanga, għandhom jiġu pprovduti eċċezzjonijiet li jiżguraw ċertu numru minimu ta’ indikazzjonijiet.

(30) L-għan tat-tikkettjar huwa li jagħti trasparenza massima fil-markitjar tal-laħam taċ-ċanga.

(31) Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament m’għandhomx jaffettwaw ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-ismijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel [13].

(32) Għall-indikazzjonijiet kollha minbarra dawk taħt is-sistema tat-tikkettjar obbligatorju tal-laħam taċ-ċanga, għandu jiġi wkoll ipprovdut qafas Komunitarju għat-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u, bil-ħsieb tad-diversità tad-deskrizzjonijiet tal-laħam taċ-ċanga mmarkitjati fil-Komunità, it-twaqqif ta’ sistema ta’ tikkettjar volontarju tal-laħam taċ-ċanga hi l-aktar soluzzjoni xierqa. L-effettività ta’ din is-sistema tat-tikkettjar volontarju tiddependi fuq il-possibbiltà li tiġi ttraċċata lura u ttikkettjata lura kull laħam taċ-ċanga għall-bhima jew il-bhejjem ta’ l-oriġini. L-arranġamenti tat-tikkettjar ta’ operatur jew organizzazzjoni għandhom ikunu bla ħsara għal speċifikazzjoni li jridu jiġu sottomessi lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni. L-operaturi u l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu ntitolati li jittikkettjaw il-laħam taċ-ċanga biss jekk it-tikketta jkollha l-ismijiet jew il-logo li jidentifikawh. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li jirtiraw l-approvazzjoni tagħhom dwar kull speċifikazzjoni fl-eventwalità ta’ irregolaritajiet. Sabiex jiġi żgurat illi l-ispeċifikazzjonijiet tat-tikkettjar ikunu jistgħu jiġu rrikonoxxuti ġewwa l-Komunità, hu meħtieġ li jiġi pprovdut l-iskambju tat-tagħrif bejn l-Istati Membri.

(33) L-operaturi u l-organizzazzjonijiet li jimportaw ġewwa l-Komunità l-laħam taċ-ċanga minn pajjiżi terzi jistgħu wkoll jagħżlu li jittikkettjaw il-prodotti tagħhom skond is-sistema ta’ tikkettjar volontarju.Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jiżguraw kemm jista’ jkun possibbli illi l-arranġamenti tat-tikkettjar li jkollhom x’jaqsmu mal-laħam taċ-ċanga importat ikunu ta’ fiduċja ekwivalenti għal dawk stabbiliti għal-laħam taċ-ċanga tal-Komunità.

(34) Il-bidla mill-arranġamenti fit-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 820/97 għal dawk f’dan ir-Regolament tista’ twassal għal diffikultajiet li mhumiex ittrattati f’dan ir-Regolament. Sabiex wieħed jitratta din il-possibbiltà, għandha ssir dispożizzjoni għalbiex il-Kummissjoni tadotta l-miżuri transitorji meħtieġa. Il-Kummissjoni għandha tkun ukoll awtorizzata li ssolvi l-problemi prattiċi speċifiċi meta jkunu ġġustifikati.

(35) Bil-ħsieb li tkun iggarantita l-fiduċja fl-arranġamenti pprovduti f’dan ir-Regolament, huwa meħtieġ illi l-Istati Membri jiġu obbligati li jwettqu miżuri ta’ kontroll adegwati u effiċenti. Dawn il-kontrolli għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kull kontroll li l-Kummissjoni tista’ tagħmel b’analoġija ma’ l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej [14].

(36) Għandhom jiġu stabbiliti penali xierqa fl-eventwalità ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

(37) Il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li jipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [15],

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

IT-TITOLU I

L-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart

L-Artikolu 1

1. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart, skond dan it-Titolu.

2. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji li jistgħu jiġu stabbiliti għall-finijiet ta’ l-eradikazzjoni jew il-kontroll u mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 91/496/KEE u r-Regolament (KEE) Nru 3508/92 [16]. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/102/KEE li tirreferi b’mod speċifiku għall-bhejjen tal-fart m’għandhiex tapplika iktar mid-data li fiha dawn il-bhejjem iridu jiġu identifikati skond dan it-Titolu.

L-Artikolu 2

Għall-għanijiet ta' dan it-Titolu:

- "bhima" tfisser bhima tal-fart (bovina) skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 64/432/KEE [17],

- "impriża" tfisser kull stabbiliment, kostruzzjoni jew, fil-każ ta’ razzett fil-miftuħ, kull post li jinsab ġewwa t-territorju ta’ l-istess Stat Membru, li fih jinżammu jew jitqandlu l-bhejjem koperti b’dan ir-Regolament,

- "gwardjan" ifisser kull persuna naturali jew legali responsabbli mill-bhejjem, kemm jekk fuq bażi permanenti u kemm temporanju, inkluż matul it-trasport jew fis-suq,

- "awtorità kompetenti" tfisser l-awtorità jew l-awtoritajiet ċentrali fi Stat Membru responsabbli, jew inkarigati mit-twettiq ta’ kontrolli veterinarji u mill-implimentazzjoni dan it-Titolu jew, fil-każ tal-monitorjar tal-primjumijiet, l-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 3508/92.

L-Artikolu 3

Is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjemtal-fart għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a) il-lametti tal-widnejn li jidentifikaw il-bhejjem individwalment;

(b) il-ħażniet ta’ l-informazzjoni kkomputerizzata;

(ċ) il-passaporti tal-bhejjem;

(d) ir-reġistri individwali miżmuma fuq kull impriża.

Il-Kummissjoni u l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru interessat għandu jkollhom aċċess għat-tagħrif kollu kopert b’dan it-Titolu. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw l-aċċess għal din l-informazzjoni għall-partijiet kollha interessati, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi li jkollhom interess u li jkunu rrikonoxxuti mill-Istat Membru, sakemm ikunu żgurati l-kunfidenzjalità u l-protezzjoni ta’ l-informazzjoni stabbiliti bil-liġijiet nazzjonali.

L-Artikolu 4

1. Il-bhejjem kollha fuq impriża mwielda wara l-31 ta’ Diċembru 1997 jew maħsuba għall-kummerċ intra-Komunitarju wara l-1 ta’ Jannar 1998 għandhom ikunu identifikati permezz ta’ lametta tal-widna approvata mill-awtorità kompetenti, imwaħħla fuq kull widna. Iż-żewġ lametti tal-widna għandu jkollhom l-istess kodiċi ta’ identifikazzjoni unika, li jagħmilha possibbli illi kull bhima tkun identifikata individwalment flimkien ma’ l-impriża li fuqha tkun twieldet. Bħala deroga mill-ħtiġijiet ta’ hawn fuq, il-bhejjem imwielda qabel l-1 ta’ Jannar 1998 maħsuba għall-kummerċ intra-Komunitarju wara din id-data jistgħu jiġu identifikati skond id-Direttiva 92/102/KEE sa l-1 ta’ Settembru 1998.

Bħala deroga mill-ewwel sub-paragrafu, il-bhejjem imwielda qabel l-1 ta' Jannar 1998 maħsuba għall-kummerċ intra-Komunitarju wara din id-data bl-għan li jiġu maqtula immedjatament jistgħu jiġu identifikati skond id-Direttiva 92/102/KEE sa l-1 Settembru 1999.

Il-bhejjem tal-fart maħsuba għal attivitajiet kulturali u sportivi (bl-eċċezzjoni tal-fieri u l-esibizzjonijiet) jistgħu, minflok permezz ta’ lametta tal-widna, jiġu identifikati permezz ta’ sistema ta’ identifikazzjoni li toffri garanziji ekwivalenti u awtorizzati mill-Kummissjoni.

2. Il-lametta tal-widna għandha tiġi applikata f’perjodu taż-żmien li jrid jiġi stabbilit mill-Istat Membru sa mit-twelid tal-bhima u f’kull każ qabel il-bhima tħalli l-impriża li fiha tkun twieldet. Il-perjodu taż-żmien ma jistax ikun aktar minn 30 jum sa u li jinkludi l-31 ta’ Diċembru 1999, u mhux aktar minn 20 jum wara dan.

Madankollu, fuq it-talba ta’ Stat Membru u skond il-proċedura referita fl-Artikolu 23(2), il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi ċ-ċirkostanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodu massimu taż-żmien.

L-ebda bhima mwielda wara l-31 ta’ Diċembru 1997 ma tista’ tiġi mċaqalqa minn fuq l-impriża għajr jekk tkun identifikata skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

3. Kull bhima importata minn pajjiż terz li tkun għaddiet mill-kontrolli stabbiliti fid-Direttiva 91/496/KEE u li tibqa’ ġewwa t-territorju tal-Komunità għandha tiġi identifikata fl-impriżi tad-destinazzjoni permezz ta’lametta tal-widna li tikkonforma mal-ħtiġijiet ta’ dan l-Artikolu, f’perjodu taż-żmien li jiġi stabbilit mill-Istat Membru iżda li ma jaqbiżx l-20 jum wara l-kontrolli msemmija hawn fuq, u f’kull każ qabel tħalli l-impriża.

Madankollu, mhux meħtieġ illi l-bhima tiġi identifikata jekk l-impriża tad-destinazzjoni tkun biċċerija lokata fl-Istat Membru fejn jitwettqu dawn il-kontrolli u l-bhima tinqatel fi żmien 20 jum li fihom tkun għaddiet mill-kontrolli.

L-identifikazzjoni oriġinali stabbilita mill-pajjiż terz għandha tiġi rreġistrata fil-ħażna ta’ l-informazzjoni kkomputerizzata kif ipprovdut fl-Artikolu 5 jew, jekk din ma tkunx tiffunzjona kollha kemm hi, fir-reġistri kif ipprovdut fl-Artikolu 3, flimkien mal-kodiċi ta’ l-identifikazzjoni allokat lilha mill-Istat Membru tad-destinazzjoni.

4. Kull bhima minn Stat Membru ieħor għandha żżomm il-lametta tal-widna oriġinali tagħha.

5. L-ebda lametta tal-widna ma tista’ titneħħa jew tiġi mibdula mingħajr il-permess ta’ l-awtorità kompetenti.

6. Il-lametti tal-widna għandhom jiġu allokati lill-impriża, imqassma u applikati lill-bhejjem b’mod stabbilit mill-awtorità kompetenti.

7. Mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2001 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, filwaqt li jaġixxu fuq il-bażi ta’ rapport mill-Kummissjoni akkumpanjat minn kull proposta u skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 95 tat-Trattat, għandhom jiddeċiedu dwar il-possibbiltà li jintroduċu arranġamenti elettroniċi ta’ l-identifikazzjoni fid-dawl tal-progress miksub f’dan il-qasam.

L-Artikolu 5

L-awtorità kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ħażniet ta’ informazzjoni kkomputerizzata skond l-Artikoli 14 u 18 tad-Direttiva 64/432/KE.

Il-ħażniet ta’ l-informazzjoni kkomputerizzata għandhom ikunu kollha jaħdmu mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1999, u wara dan dawn għandhom jaħżnu l-informazzjoni kollha meħtieġa bis-saħħa tad-Direttiva msemmija.

L-Artikolu 6

1. Mill-1 ta’ Jannar 1998, l-awtorità kompetenti għandha, għal kull bhima li trid tiġi identifikata skond l-Artikolu 4, toħroġ passaport fi żmien 14-il jum min-notifika tat-twelid tal-bhima, jew, fil-każ tal-bhejjem importati minn pajjiżi terzi, fi żmien 14-il jum min-notifika ta’ l-identifikazzjoni mill-ġdid tagħhom mill-Istat Membru skond l-Artikolu 4(3). L-awtorità kompetenti tista’ toħroġ passaport għal bhejjem oħra minn Stat Membru ieħor fuq l-istess kondizzjonijiet. F’dawk il-każijiet, il-passaport li jakkumpanja l-bhima mal-wasla tagħha għandu jiġi ċedut lill-awtorità kompetenti, li għandha tirritornah lill-Istat Membru li jkun ħarġu.

Madankollu, fuq it-talba ta' Stat Membru u skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 23(2), il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi ċ-ċirkostanzi li fihom jista’ jiġi estiż il-perjodu massimu taż-żmien.

2. Kull meta tiġi mċaqalqa bhima, din għandha tkun akkumpanjata mill-passaport tagħha.

3. Bħala deroga mill-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 u mill-paragrafu 2, l-Istati Membri:

- li jkollhom ħażna ta’ informazzjoni kkomputerizzata illi l-Kummissjoni tqis li taħdem kollha kif imiss skond l-Artikolu 5 jistgħu jistabbilixxu illi l-passaport għandu jinħareġ biss għall-bhejjem maħsuba għall-kummerċ intra-Komunitarju u li dawn il-bhejjem għandhom ikunu akkumpanjati mill-passaporti tagħhom biss meta dawn jitmexxew mit-territorju ta’ l-Istat Membru interessat għat-territorju ta’ Stat Membru ieħor, u f’dan il-każ il-passaport għandu jkollu t-tagħrif ibbażat fuq il-ħażna ta’ l-informazzjoni kkomputerizzata.

F’dawn l-Istati Membri, il-passaport li jakkumpanja bhima importata minn Stat Membru ieħor għandu jiġi ċedut lill-awtorità kompetenti mal-wasla tal-bhima;

- jistgħu sa l-1 ta’ Jannar 2000 jawtorizzaw il-ħruġ ta’ passaporti kollettivi tal-bhejjem għall-merħliet li jiġu mmexxija ġewwa l-Istat Membru interessat sakemm dawn il-merħliet ikollhom l-istess oriġini u destinazzjoni u jkunu akkumpanjati minn ċertifikat veterinarju.

4. Fil-każ tal-mewt ta’ bhima, il-passaport għandu jiġi rritornat mill-gwardjan tal-bhima lill-awtorità kompetenti fi żmien sebat ijiem mill-mewt tal-bhima. Jekk il-bhima tintbagħat il-biċċerija, l-operatur tal-biċċerija għandu jkun responsabbli li jirritorna l-passaport lill-awtorità kompetenti.

5. Fil-każ ta’ bhejjem esportati lejn pajjiżi terzi, il-passaport għandu jiġi rrilaxxjat mill-aħħar gwardjan lill-awtorità kompetenti tal-post li lejh il-bhima tiġi esportata.

L-Artikolu 7

1. Bl-eċċezzjoni tat-trasportaturi, kull min iżomm il-bhejjem għandu:

- iżomm reġistru aġġornat,

- ġaladarba l-ħażna ta’ l-informazzjoni kkomputerizzata tkun qiegħda taħdem kollha kif imiss, jirrapporta lill-awtorità kompetenti l-movimenti kollha lejn u mill-impriża u t-twelid u l-imwiet kollha tal-bhejjem fuq l-impriża, flimkien mad-dati ta’ dawn l-avvenimenti, f’perjodu taż-żmien stabbilit mill-Istat Membru ta’ bejn tlieta jew sebat ijiem minn meta jkun ġara l-avveniment. Madanollu, fuq it-talba ta' Stat Membru u skond il-proċedura referita fl-Artikolu 23(2), il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi ċ-ċirkostanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodu massimu taż-żmien u jipprovdu regoli speċjali li japplikaw għall-moviment tal-bhejjem tal-fart meta jinħarġu għall-mergħa tas-sajf f’erji muntanjużi differenti.

2. Fejn japplika u billi jitqies l-Artikolu 6, kull gwardjan tal-bhejjem għandu jimla l-passaport minnufih mal-wasla u qabel it-tluq ta’ kull bhima mill-impriża u jiżgura illi l-passaport jakkumpanja lill-bhima.

3. Kull gwardjan tal-bhejjem għandu jforni lill-awtorità kompetenti, fuq it-talba tagħha, kull tagħrif dwar l-oriġini, l-identifikazzjoni u, fejn xieraq, id-destinazzjoni tal-bhejjem, li kellu fil-pussess tiegħu, żamm, ittrasporta, immarkitja jew qatel.

4. Ir-reġistru għandu jkun fil-format approvat mill-awtorità kompetenti, miżmum f’għamla manwali jew ikkomputerizzata, u disponibbli fil-ħinijiet kollha lill-awtorità kompetenti, fuq it-talba tagħha, għal perjodu minimu taż-żmien li jrid jiġi stabbilit mill-awtorità kompetenti, iżda li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

L-Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità responsabbli li tiżgura t-tħaris ta’ dan it-Titolu. Għandhom jgħarrfu lil xulxin u lill-Kummissjoni bl-identità ta’ din l-awtorità.

L-Artikolu 9

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu imposta fuq il-gwardjani tal-bhejjem għall-ispejjeż tas-sistemi referiti fl-Artikolu 3 u tal-kontrolli referiti f’dan it-Titolu.

L-Artikolu 10

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan it-Titolu għandhom ikunu adottati skond il-proċedura tal-maniġġjar imsemmija fl-Artikolu 23(2). Dawn il-miżuri jirrigwardaw b’mod partikolari:

(a) id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-lametti tal-widna;

(b) id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-passaport;

(ċ) id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-reġistru;

(d) il-livell minimu tal-kontrolli li jridu jitwettqu;

(e) l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi;

(f) il-miżuri transitorji meħtieġa għalbiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ dan it-Titolu.

IT-TITOLU II

It-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti mill-laħam taċ-ċanga

L-Artikolu 11

Operatur jew organizzazzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 12, li:

- ikunu meħtieġa, bis-saħħa tat-Taqsima I ta’ dan it-Titolu, illi jittikkettjaw il-laħam taċ-ċanga f’kull stadju tal-marketing,

- jixtiequ, bis-saħħa tat-Taqsima II ta’ dan it-Titolu, li jittikkettjaw il-laħam taċ-ċanga fil-punt tal-bejgħ f’manjiera li jipprovdi tagħrif, minbarra dak stabbilit fl-Artikolu 13, dwar ċerti karatteristiċi jew kondizzjonijiet tal-produzzjoni tal-laħam ittikkettjat jew tal-bhejjem min fejn ikun ġej,

għandhom jagħmlu dan skond dan it-Titolu.

Dan it-Titolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni relevanti Komunitarja, b’mod partikolari dwar il-laħam taċ-ċanga.

L-Artikolu 12

Għall-għanijiet ta’ dan it-Titolu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

- "laħam taċ-ċanga" jfisser il-prodotti kollha li jinsabu fil-kodiċi tan-NK 0201, 0202, 0206 10 95 u 0206 29 91,

- "tikkettjar" ifisser it-twaħħil ta’ tikketta fuq biċċa jew biċċiet individwali tal-laħam jew mal-materjal tal-pakkjar tagħhom, jew fil-każ ta’ prodotti mhux ippakkjati minn qabel, il-forniment ta’ tagħrif xieraq f’għamla bil-miktub u visibbli għall-konsumatur fil-punt tal-bejgħ,

- "organizzazzjoni" tfisser grupp ta’ operaturi mill-istess parti jew minn partijiet differenti tal-kummerċ fil-laħam taċ-ċanga.

IT-TAQSIMA I

Is-sistema Komunitarja tat-tikkettjar obbligatorju tal-laħam taċ-ċanga

L-Artikolu 13

Regoli ġenerali

1. L-operaturi u l-organizzazzjonijiet li jimmarkitjaw il-laħam taċ-ċanga fil-Komunità għandhom jittikkettjawh skond dan l-Artikolu.

Is-sistema tat-tikkettjar obbligatorju għandha tiżgura rabta bejn, min-naħa l-waħda, l-identifikazzjoni tal-karkassa, tar-robbu jew tal-biċċiet tal-laħam u, min-naħa l-oħra, il-bhima individwali jew, fejn dan ma jkunx biżżejjed għalbiex jippermetti li tiġi kkontrollata l-korrettezza tat-tagħrif fuq it-tikketta, il-grupp tal-bhejjem interessati.

2. It-tikketta għandu jkollha l-indikazzjonijiet li ġejjin:

(a) in-numru tar-referenza jew il-kodiċi tar-referenza li jiżguraw ir-rabta bejn il-laħam u l-bhima jew il-bhejjem. Dan in-numru jista’ jkun in-numru ta’ l-identifikazzjoni tal-bhima individwali li minnha l-laħam taċ-ċanga jkun ġie meħud jew in-numru ta’ l-identifikazzjoni li għandu x’jaqsam ma’ grupp ta’ bhejjem;

(b) in-numru ta’ l-approvazzjoni tal-biċċerija li fiha l-bhima jew grupp ta’ bhejjem ikunu ġew maqtula u l-Istat Membru jew il-pajjiż terz li fihom il-biċċerija tkun stabbilita. L-indikazzjoni għandha ġġib il-qari: "Maqtul fi (isem l-Istat Membru jew il-pajjiż terz (in-numru ta’ l-approvazzjoni)";

(ċ) in-numru ta' l-approvazzjoni tas-sala tat-tqattigħ fejn tkun saret l-operazzjoni tal-qtugħ fuq il-karkassa jew il-grupp tal-karkassi u l-Istat Membru jew il-pajjiż terz li fihom tkun stabbilita s-sala. L-indikazzjoni għandha ġġib il-qari: "Imqatta’ fi: (l-isem ta’ l-Istat Membru jew tal-pajjiż terz (in-numru ta’ l-approvazzjoni)".

3. Madankollu, sal-31 ta’ Diċembru 2001, l-Istati Membri li jkollhom disponibbli dettalji biżżejjed fis-sistema ta’ l-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart, kif ipprovdut fit-Titolu I, jistgħu jiddeċiedu li, għal-laħam taċ-ċanga minn bhejjem imwielda, imkabbra u maqtula fl-istess Stat Membru, jistgħu jiġu indikati wkoll oġġetti supplimentari ta’ tagħrif fuq it-tikketti.

4. Sistema obbligatorja kif ipprovduta fil-paragrafu 3 ma għandha twassal għall-ebda disturb fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.

L-arranġamenti ta’ implimentazzjoni li japplikaw f’dawn l-Istati Membri maħsuba sabiex japplikaw il-paragrafu 3 għandhom jeħtieġu approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni.

5. (a) Mill-1 ta’ Jannar 2002, l-operaturi u l-organizzazzjonijiet għandhom jindikaw ukoll fuq it-tikketti:

(i) l-Istat Membru jew il-pajjiż terz tat-twelid;

(ii) l-Istati Membri kollha jew il-pajjiżi terzi kollha fejn tkun saret is-simna;

(iii) l-Istat Membru jew il-pajjiż terz fejn tkun saret il-qatla;

(b) Madankollu, fejn il-laħam taċ-ċanga jkun ġej minn bhima mwielda, imkabbra u maqtula:

(i) fl-istess Stat Membru, l-indikazzjoni tista’ tingħata bħala "Oriġini: (l-isem ta’ l-Istat Membru)"

(ii) fl-istess pajjiż terz, l-indikazzjoni tista’ tingħata bħala "Oriġini: (l-isem tal-pajjiż terz)".

L-Artikolu 14

Id-derogi mis-sistema tat-tikkettjar obbligatorju

Bħala deroga mill-Artikolu 13(2)(b) u (ċ) u mill-Artikolu 13(5)(a)(i) u (ii), operatur jew organizzazzjoni li jippreparaw il-kapuljat tal-laħam taċ-ċanga għandhom jindikaw fuq it-tikketta l-kliem ‘imħejji fi (bl-isem ta’ l-Istat Membru jew tal-pajjiż terz)’, skond fejn il-laħam ikun ġie mħejji, u ‘oriġini’ fejn l-Istat jew Stati involuti ma jkunux l-Istat tat-tħejjija.

L-obbligu pprovdut fl-Artikolu 13(5)(a)(iii) għandu jkun applikabbli għal dan il-laħam mid-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Madankollu, dan l-operatur jew din l-organizzazzjoni jistgħu jżidu fuq it-tikketta tal-kapuljat tal-laħam taċ-ċanga:

- indikazzjoni jew aktar kif ipprovdut fl-Artikolu 13, u/jew

- id-data li fiha tħejja l-laħam.

Fuq il-bażi ta’ l-esperjenza, u fid-dawl tal-ħtiġijiet, jistgħu jiġu adottati dispożizzjonijiet simili għall-laħam maqtugħ u għall-fdal tal-laħam taċ-ċanga skond il-proċedura rrferita fl-Artikolu 23(2).

L-Artikolu 15

It-tikkettjar obbligatorju tal-laħam taċ-ċanga minn pajjiżi terzi

Bħala deroga mill-Artikolu 13, il-laħam taċ-ċanga importat ġewwa l-Komunità li għalih ma jkunx disponibbli t-tagħrif kollu pprovdut fl-Artikolu 13, skond il-proċedura referita fl-Artikolu 17, għandu jiġi ttikkettjat bl-indikazzjoni: "Oriġini: mhux tal-KE’ u ‘Maqtul fi: (l-isem tal-pajjiż terz)."

IT-TAQSIMA II

Is-sistema tat-tikkettjar volontarju

L-Artikolu 16

Regoli ġenerali

1. Għat-tikketti li jkun fihom indikazzjonijiet oħra minbarra dawk ipprovduti fit-Taqsima I ta’ dan it-Titolu, kull operatur jew organizzazzjoni għandhom jibagħtu speċifikazzjonijiet għall-approvazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih isiru l-produzzjoni jew il-bejgħ tal-laħam taċ-ċanga fil-kwistjoni. L-awtorità kompetenti tista’ tistabbilixxi wkoll speċifikazzjonijiet għalbiex jintużaw fl-Istat Membru interessat, sakemm l-użu tagħhom ma jkunx obbligatorju.

L-ispecifikazzjonijiet tat-tikkettjar volontarju għandhom jindikaw:

- it-tagħrif li jrid ikun inkluż fuq it-tikketta,

- il-miżuri li għandhom jittieħdu għalbiex jiżguraw l-eżattezza tat-tagħrif,

- is-sistema tal-kontrolli li trid tiġi applikata fl-istadji kollha tal-produzzjoni u tal-bejgħ, inklużi l-kontrolli li jridu jitwettqu minn korp indipendenti rrikonoxxut mill-awtorità kompetenti u nnominat mill-operatur jew mill-organizzazzjoni. Dawn il-korpi għandhom jikkonformaw mal-kriterji ddikjarati fl-Istandard Ewropew EN/45011,

- fil-każ ta’ organizzazzjoni, il-miżuri li jridu jittieħdu dwar kull membru li jonqos milli jħares l-ispeċifikazzjonijiet.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu illi l-kontrolli minn korp indipendenti jistgħu jiġu mibdula b’kontrolli minn awtorità kompetenti. L-awtorità kompetenti għandha f’dan il-każ ikollha għad-dispożizzjoni tagħha personal ikkwalilfikat u r-riżorsi meħtieġa għalbiex jitwettqu l-kontrolli meħtieġa.

L-ispejjeż tal-kontrolli pprovduti f’din it-Taqsima għandhom jinġarru mill-operatur jew l-organizzazzjoni li jużaw is-sistema tat-tikkettjar.

2. L-approvazzjoni ta’ kull speċifikazzjoni għandha tkun bla ħsara għall-assigurazzjoni ta’ l-awtorità kompetenti, miksuba fuq il-bażi ta’ eżami bir-reqqa tal-komponenti tagħha kif referit fil-paragrafu 1, rigward il-funzjonament xieraq u affidabbli tas-sistema prevista tat-tikkettjar u, b’mod partikolari dwar kull speċifikazzjoni li ma tiżgurax rabta bejn, min-naħa l-waħda, l-identifikazzjoni tal-karkassa, robbu jew biċċiet tal-laħam u, min-naħa l-oħra, il-bhima individwali jew, fejn dan ma jkunx biżżejjed biex jgħin li tiġi kkontrollata l-eżattezza tat-tagħrif fuq it-tikketta li jrid jiġi kkontrollat, il-bhejjem fil-kwistjoni.

Għandhom jiġu rrifjutati wkoll l-ispecificazzjonijiet li jipprovdu għal tikketti li jkollhom tagħrif li jiżgwida jew li mhux ċar biżżejjed.

3. Fejn il-produzzjoni u/jew il-bejgħ tal-laħam taċ-ċanga jsiru f’żewġ Stati Membri jew aktar, l-awtoritàjiet kompetenti ta’ l-Istati Membri interessati għandhom jeżaminaw u japprovaw l-ispeċifikazzjonijiet sottomessi safejn u sakemm l-elementi li jkun fihom jirreferu għall-ħidmiet li jsiru fit-territorji rispettivi tagħhom. F’dan il-każ, kull Stat Membru interessat għandu jirrikonoxxi l-approvazzjonijiet mogħtija minn kull Stat Membru interessat.

Jekk, f’perjodu taż-żmien li jrid jiġi ffissat skond il-proċedura referita fl-Artikolu 23(2), li jibda jgħodd mill-jum wara d-data tas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni, l-approvazzjoni ma tkunx ġiet irrifjutata jew mogħtija, jew ma jkunx intalab tagħrif supplimentari, l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jiġu kkonsidrati approvati mill-awtorità kompetenti.

4. Meta l-awtoritàjiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kollha interessati japprovaw l-ispeċifikazzjonijiet sottomessi, l-operatur jew l-organizzazzjoni interessati għandhom ikunu ntitolati li jittikkettjaw il-laħam taċ-ċanga, sakemm it-tikketta jkun fiha l-isem jew il-logo tagħhom.

5. Bħala deroga mill-paragrafi 1 sa 4, il-Kummissjoni tista’, skond il-proċedura referita fl-Artikolu 23(2), tipprovdi għal proċedura aċċellerata jew issimplifikata għall-approvazzjoni f’każijiet speċifiċi, b’mod partikolari għal-laħam taċ-ċanga f’pakketti żgħar għall-bejgħ bl-imnut jew il-qatgħat tal-laħam taċ-ċanga prim f’pakketti individwali, ittikkettjati fi Stat Membru skond speċifikazzjoni approvata u mdaħħla ġewwa t-territorju ta’ Stat Membru ieħor, sakemm ma jkun miżjud l-ebda tagħrif fuq it-tikketta tal-bidu.

6. Stat Membru jista’ jiddeċiedi illi ma jintużawx l-isem ta’ reġjun tiegħu jew aktar, b’mod partikolari fejn l-isem ta’ reġjun:

- jista’ jwassal għal konfużjoni jew diffikultajiet sabiex ikun ikkontrollat,

- ikun irriservat għal-laħam taċ-ċanga fil-qafas tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92.

Meta tingħata awtorizzazzjoni, l-isem ta’ l-Istat Membru għandu jidher maġenb l-isem tar-reġjun.

7. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu u b’mod partikolari bl-indikazzjonijiet iddikjarati fuq it-tikketti. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri l-oħra fil-Kumitat Maniġerjali tal-Laħam taċ-Ċanga u l-Vitella referit fl-Artikolu 23(1)(b) u, meta meħtieġ, skond il-proċedura referita fl-Artikolu 23(2), illi jistgħu jiġu stabbiliti regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn l-indikazzjonijiet u, b’mod partikolari, illi jistgħu jiġu imposti limiti.

L-Artikolu 17

Is-sistema tat-tikkettjar volontarju tal-laħam taċ-ċanga minn pajjiżi terzi

1. Fejn il-produzzjoni tal-laħam taċ-ċanga, fl-intier tagħha jew f’parti minnha, issir f’pajjiż terz, l-operaturi u l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu ntitolati li jittikkettjaw il-laħam taċ-ċanga skond din it-Taqsima jekk, minbarra li jikkonformaw ma’ l-Artikolu 16, ikunu kisbu l-approvazzjoni għall-ispeċifikazzjonijiet tagħhom mill-awtorità komptenti nnominata għal dan l-għan minn kull wieħed mill-pajjiżi terzi interessati.

2. Il-validità ġewwa l-Komunità ta’ l-approvazzjoni mogħtija minn pajjiż terz għandha tkun bla ħsara għal notifika minn qabel mill-pajjiż terz lill-Kummissjoni dwar:

- l-awtorità kompetenti li tkun ġiet innominata,

- il-proċeduri u l-kriterji li għandhom jiġu segwiti mill-awtorità kompetenti meta teżamina l-ispeċifikazzjonijiet,

- kull operatur u organizzazzjoni li l-ispeċifikazzjoni tagħhom tkun ġiet aċċettata mill-awtorità kompetenti.

Il-Kummissjoni għandha tittrasmetti dawn in-notifiki lill-Istati Membri.

Fejn, fuq il-bażi tan-notifiki ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni illi l-proċeduri u/jew il-kriterji applikati f’pajjiż terz ma jkunux ekwivalenti għall-istandards stabbiliti f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha, wara konsultazzjoni mal-pajjiż terz interessat, tiddeċiedi illi l-approvazzjonijiet mogħtija minn dan il-pajjiż terz ma għandhomx ikunu validi ġewwa l-Komunità.

L-Artikolu 18

Is-sanzjonijiet

Mingħajr preġudizzju għal kull azzjoni meħuda mill-organizzazzjoni nfisha jew mill-korp indipendenti tal-kontroll ipprovdut fl-Artikolu 16, meta jiġi muri illi operatur jew organizzazzjoni jkunu naqsu li jikkonformaw ma’ l-ispeċifikazzjonijiet referiti fl-Artikolu 16(1), l-Istat Membru jista’ jirtira l-approvazzjoni pprovduta fl-Artikolu 16(2) jew jimponi kondizzjonijiet supplimentari li jridu jiġu rrispettati jekk iridu jibqgħu jżommu l-approvazzjoni tiegħu.

IT-TAQSIMA III

Dispożizzjonijiet ġenerali

L-Artikolu 19

Ir-regoli ddettaljati

Il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan it-Titolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura tal-maniġġjar referita fl-Artikolu 23(2). Dawn il-miżuri jirrigwardaw b'mod partikolari:

(a) id-definizzjoni tad-daqs tal-grupp tal-bhejjem, referita fl-Artikolu 13(2)(a);

(b) id-definizzoni tal-kapuljat tal-laħam taċ-ċanga, fdal tal-laħam taċ-ċanga jew qatgħat tal-laħam taċ-ċanga referiti fl-Artikolu 14;

(ċ) id-definizzjoni ta’ l-indikazzjonijiet speċifiċi li jistgħu jitqiegħdu fuq it-tikketti;

(d) il-miżuri meħtieġa sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 820/97 għall-applikazzjoni ta’ dan it-Titolu;

(e) il-miżuri meħtieġa għalbiex isolvu problemi prattiċi speċifiċi. Dawn il-miżuri, jekk ikunu ġġustifikati kif xieraq, jistgħu jidderogaw minn ċerti partijiet ta’ dan it-Titolu.

L-Artikolu 20

In-nominazzjonijiet ta’ l-awtoritàjiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità kompetenti jew l-awtoritàjiet responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ dan it-Titolu, mhux aktar tard mill-14 ta’ Ottubru 2000.

L-Artikolu 21

Mhux aktar tard mill-14 ta’ Awissu 2003, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien, jekk meħtieġ, ma’ proposti xierqa dwar l-estensjoni ta’ l-iskop ta’ dan ir-Regolament għall-prodotti pproċessati li jkun fihom il-laħam taċ-ċanga u l-prodotti bbażati fuq il-laħam taċ-ċanga.

IT-TITOLU III

Dispożizzjonijiet komuni

L-Artikolu 22

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-kontrolli pprovduti għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kull kontroll li l-Kummissjoni tista’ twettaq bis-saħħa ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95.

Kull sanzjoni imposta mill-Istati Membri fuq possessur għandha tkun ipproporzjonata mal-gravità tal-kontravvenzjoni. Is-sanzjonijiet jistgħu jinvolvu, meta ġġustifikati, ir-restrizzjoni fuq il-moviment tal-bhejjem lejn jew mill-impriża tal-gwardjan interessat.

2. Esperti mill-Kummissjoni, flimkien ma’ l-awtoritajiet kompetenti:

(a) għandhom jivverifikaw illi l-Istati Membri jkunu qegħdin iħarsu d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;

(b) għandhom jagħmlu kontrolli fuq il-post sabiex jiżguraw illi l-kontrolli jkunu qegħdin jiġu mwettqa skond dan ir-Regolament.

3. Stat Membru li fit-territorju tiegħu isir kontroll fuq il-post għandu jipprovdi lill-esperti mill-Kummissjoni b’kull għajnuna li dawn jistgħu jeħtieġu fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Ir-riżultat tal-kontrolli magħmula għandu jiġi diskuss ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru interessat qabel jitfassal u jiġi ċċirkolat ir-rapport finali.

4. Meta l-Kummissjoni tqis illi r-riżultat tal-kontrolli hekk jiġġustifika, għandha tirrevedi s-sitwazzjoni fil-Kumitat Permanenti Veterinarju referit fl-Artikolu 23(1)(ċ). Tista’ tadotta d-deċiżjonijiet meħtieġa skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23(3).

5. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-iżviluppi fis-sitwazzjoni: fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi u skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23(3) il-Kummissjoni tista’ temenda jew tħassar id-deċiżjoniijiet referiti fil-paragrafu 4.

6. Għandhom jiġu adottati regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu, meta meħtieġ, skond il-proċedura referita fl-Artikolu 23(3).

L-Artikolu 23

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna:

(a) sabiex jiġi implimentat l-Artikolu 10, mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija referit fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 [18];

(b) sabiex jiġi implimentat l-Artikolu 19, mill-Kumitat Maniġerjali tal-Laħam taċ-Ċanga u l-Vitella stabbilit bl-Artikolu 42 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 [19];

(ċ) sabiex jiġi implimentat l-Artikolu 22, mill-Kumitat Permanenti Veterninarju stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 68/361/KEE [20].

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu taż-żmien referit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KEgħandu jkun stabbilit għal xahar.

3. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu taż-żmien referit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

4. Il-Kumitati għandhom jadottaw r-regoli tagħhom ta' proċedura.

L-Artikolu 24

1. Ir-Regolament (KC) Nru 1466/95 għandu jiġi mħassar.

2. Ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 820/97 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw b’mod konformi mat-tabella ta’ korrelazzjoni ddikjarata fl-Anness.

L-Artikolu 25

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitàjiet Ewropej.

Għandu japplika għal-laħam taċ-ċanga minn bhejjem maqtula fl-1 ta’ Settembru 2000 jew wara.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-17 ta’ Lulju 2000.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

J. Glavany

[1] ĠU C 376 E, tat-28.12.1999, p. 42.

[2] ĠU C 117, tas-26.4.2000, p. 47.

[3] ĠU C 226, tat-8.8.2000, p. 9.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ April 2000 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2000 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[5] ĠU L 117, tas-7.5.1997, p. 1.

[6] ĠU L 334, tat-28.12.1999, p. 1.

[7] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 29. Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 92/118/KEE (ĠU L 62, tal-5.3.1993, p. 49).

[8] ĠU 268, ta’ l-24.9.1991, p. 56. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 96/43/KE (ĠU 162, ta’ l-1.7.1996, p. 1).

[9] ĠU L 144, tat-2.6.1981, p. 1. Regolament imħassar bir-Regolament (KE) Nru 515/97 (ĠU L 82, tat-22.3.1997, p. 1).

[10] ĠU L 351, tat-2.12.1989, p. 34.

[11] ĠU L 355, tal-5.12.1992, p. 32. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1994.

[12] ĠU L 109, tal-25.4.1997, p. 1.

[13] ĠU L 208, ta’ l-24.7.1992, p. 1.

[14] ĠU L 312, tat-23.12.1995, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1036/1999 (ĠU L 127, tal-21.5.1999, p. 4).

[15] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[16] ĠU L 355, tal-5.12.1992, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1036/1999 (ĠU L 127, tal-21.5.1999, p. 4).

[17] ĠU 121, tad-29.7.1964, p. 1977/64. Direttiva aġġornata bid-Direttiva 97/12/KE (ĠU L 109, tal-25.4.1997, p. 1) u l-aħħar emendata bid-Direttiva 98/99/KE (ĠU L 358, tal-31.12.1998, p. 107).

[18] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 103.

[19] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 21.

[20] ĠU L 255, tat-18.10.1968, p. 23.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

It-Tabella tal-Korrelazzjoni

Ir-Regolament (KE) No 820/97 | Dan ir-Regolament |

Artikolu 1 | Artikolu 1 |

Artikolu 2 | Artikolu 2 |

Artikolu 3 | Artikolu 3 |

Artikolu 4 | Artikolu 4 |

Artikolu 5 | Artikolu 5 |

Artikolu 6 | Artikolu 6 |

Artikolu 7 | Artikolu 7 |

Artikolu 8 | Artikolu 8 |

Artikolu 9 | Artikolu 9 |

Artikolu 10 | Artikolu 10 |

Artikolu 11 | - |

Artikolu 12 | Artikolu 11 |

Artikolu 13 | Artikolu 12 |

Artikolu 14(1) | Artikolu 16(1) |

Artikolu 14(2) | Artikolu 16(2) |

Artikolu 14(3) | Artikolu 16(5) |

Artikolu 14(4) | Artikolu 16(4) |

Artikolu 15 | Artikolu 17 |

Artikolu 16(1) | Artikolu 16(3) |

Artikolu 16(2) | Artikolu 16(3) |

Artikolu 16(3) | Artikolu 13(2) (a) |

Artikolu 17 | Artikolu 18 |

Artikolu 18 | Artikolu 19 |

Artikolu 19 | - |

Artikolu 20 | Artikolu 20 |

Artikolu 21 | Artikolu 22 |

Artikolu 22 | Artikolu 25 |

--------------------------------------------------

Top