EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999R2166

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2166/1999 tat-8 ta' Ottubru 1999 li jistabilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2494/95 rigward l-istandards minimi għat-trattament ta' prodotti li għandhom x'jaqsmu ma' l-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur

OJ L 266, 14.10.1999, p. 1–3 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 10 Volume 001 P. 201 - 203
Special edition in Estonian: Chapter 10 Volume 001 P. 201 - 203
Special edition in Latvian: Chapter 10 Volume 001 P. 201 - 203
Special edition in Lithuanian: Chapter 10 Volume 001 P. 201 - 203
Special edition in Hungarian Chapter 10 Volume 001 P. 201 - 203
Special edition in Maltese: Chapter 10 Volume 001 P. 201 - 203
Special edition in Polish: Chapter 10 Volume 001 P. 201 - 203
Special edition in Slovak: Chapter 10 Volume 001 P. 201 - 203
Special edition in Slovene: Chapter 10 Volume 001 P. 201 - 203
Special edition in Bulgarian: Chapter 10 Volume 001 P. 197 - 199
Special edition in Romanian: Chapter 10 Volume 001 P. 197 - 199
Special edition in Croatian: Chapter 10 Volume 002 P. 56 - 58

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 23/08/2020; Imħassar b' 32020R1148

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/2166/oj

31999R2166



Official Journal L 266 , 14/10/1999 P. 0001 - 0003


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2166/1999

tat-8 ta' Ottubru 1999

li jistabilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2494/95 rigward l-istandards minimi għat-trattament ta' prodotti li għandhom x'jaqsmu ma' l-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta' Ottubru 1995 rigward l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur [1], u partikolarment l-Artikoli 4 u 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkonsulta mal-Bank Ċentrali Ewropew [2],

Billi:

(1) bis-saħħa ta' l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 2494/95, kull Stat Membru huwa obbligat li joħloq Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) u dan għandu jinbeda minn Jannar 1997.

(2) Ir-Regolament tal-Kumissjoni (KE) Nru 1749/96 [3] jiddefinixxi li huma koperti mill-HICP dawk l-oġġetti u s-servizzi li jkunu inklużi fin-nefqa totali ta' flus għall-konsum fid-dar; l-oġġetti u s-servizzi fl-oqsma tas-saħħa, ta' l-edukazzjoni u tal-protezzjoni soċjali huma parti minn dak kollu li jkopri l-COICOP/HICP; in-nefqa totali ta' flus għall-konsum fid-dar tkopri l-ispiża li jagħmlu individwi li jgħixu fi djar istituzzjonali u dawn għandhom jiġu raggruppati skond il-kategoriji tal-COICOP/HICP kif stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2214/96 [4].

(3) bis-saħħa tar-Regolament tal-Kumissjoni (KE) Nru 1749/96, partikolarment l-Artikolu 3 u l-Anness Ia tiegħu, it-tħaddim aktar fil-wisa' fl-oqsma tas-saħħa, ta' l-edukazzjoni u tal-protezzjoni soċjali għandu jiġi implimentat f'Diċembru 1999 u jidħol fis-seħħ ma' l-indiċi għal Jannar 2000, u permezz tiegħu, id-dettalji dwar il-metodu ta' l-inklużjoni għandhom jiġu speċifikati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 tal-qafas tar-Regolament (KE) Nru 2494/95; l-iskeda ta' meta għandhom jidħlu s-servizzi ta' sptar u protezzjoni soċjali li jiġu pprovduti ġewwa d-djar, id-djar ta' rikoveru u r-residenzi għal min isofri minn diżabilità għandhom jiġu speċifikati skond l-istess proċedura.

(4) fil-HICP hemm lok konsiderevoli għal differenzi fit-trattament ta' l-oġġetti u s-servizzi fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali; metodoloġija armonizzata għal dawk l-oġġetti u s-servizzi hija meħtieġa biex jiġi żgurat li dawk il-HICP li joħorġu minnu jkunu jlaħħqu mal-bżonnijiet kif stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2494/95.

(5) it-trattament ta' l-oġġetti u s-servizzi fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali huwa konsistenti mad-definizzjonijiet stabbiliti fis-Sistema Ewropea ta' Kontijiet (ESA) 1995 stipulata fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 [5].

(6) il-Kumitat tal-Programm ta' l-Istatistika (SPC) ma ħariġx b'opinjoni fiż-żmien stipulat mill-president; f'dan il-każ, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 2494/95, il-Kummissjoni għandha, bla tnikkir, tissottometti lill-Kunsill proposta rigward il-passi li għandhom jittieħdu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Għan

L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi standards minimi għat-trattament ta' l-oġġetti u s-servizzi fl-oqsma tas- saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali fl-Indiċijiet Armonizzati tal-Prezzijiet għall-Konsumatur, hawn taħt imsejħa HICP, bl-iskop li jiġi żgurat li dawn ikunu ta' min jorbot fuqhom u relevanti u jlaħħqu mal-ħtiġiet fejn tidħol il-paragunabilità kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2494/95.

L-Artikolu 2

Id-definizzjoni

1. Ir-rimborzi jirreferu għall-ħlasijiet lil tad-dar minn entitajiet governattivi, amministrazzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew istituzzjonijiet bla qligħ li jservu lil tad-dar (NPISHs), li jsiru bħala konsegwenzi diretti ta' xiri ta' oġġetti u servizzi speċifikati individwalment, u li fil-bidu jkunu tħallsu minn tad-dar.

2. Il-ħlasijiet ta' pretensjonijiet lil tad-dar minn kumpaniji ta' l-assigurazzjoni ma jitqisux bħala rimborzi.

3. Ħlasijiet oħra jew ħlasijiet lura minn entitajiet governattivi, amministrazzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew NPISHs f'sura ta' assistenza biex titnaqqas l-ispiza tad-dar, bħalma huma sussidju fuq il-kera lil inkwilini jew il-ħlas minħabba l-mard, id-diżabbiltà, il-kura tal-qraba anzjani jew il-boroż ta' studju lill-istudenti, huma kkunsidrati bħala benefiċċji soċjali f'forma ta' flus. Dawn jiġu ttrattati bħala trasferimenti ta' dħul lil tad-dar u ma jitqisux bħala rifuzjoni ta' ħlas.

L-Artikolu 3

Il-kopertura

1. L-oġġetti u s-sevizzi fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali li fuqhom tkun saret in-nefqa totali ta' flus għall-konsum fid-dar għandhom ikunu koperti fl-HICP u jiġu raggruppati skond il-kategoriji tal-COICOP/HICP kif stabbilit fir-Regolament tal-Kumissjoni (KE) Nru 2214/96.

2. Dawk kollha li jipprovdu l-oġġetti u s-servizzi fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali, bħall-istituzzjonijiet governattivi u privati, NPISHs jew persuni privati li jaħdmu għal rashom, għandhom ikunu koperti mill-HICP indipendentement mill-istatus tagħhom. Dan jeskludi l-individwi jew il-gruppi ta' individwi bħal produtturi ta' l-oġġetti u s-servizzi mhux finanazjarji li jkunu esklussivament għall-użu personali tagħhom stess.

3. B'konformità mal-COICOP/HICP, l-Edukazzjoni (Diviżjoni 10) tinkludi s-servizzi edukattivi biss. Jekk jiġi impost ħlas li jkun jinkludi kollox għal servizzi edukattivi li jkunu jikkonsistu wkoll f'materjali edukattivi jew servizzi li jappoġġaw l-edukazzjoni, il-komponenti tiegħu għandhom jiġu mifruda u allokati fil-klassijiet konċernati tal-COICOP/HICP. Meta dan il-ħlas li jkun jinkludi kollox ma jkunx jista' jiġi mifrud fi ħlasijiet rigward il-komponenti konċernati, il-ħlas li jkun jinkludi kollox għandu jiġi allokat lid-Diviżjoni 10 tal-COICOP/HICP.

4. Każijiet li jaqgħu bejn servizzi edukattivi fil-livell pre-primarju u faċilitajiet ta' protezzjoni soċjali li jieħdu ħsieb it-tfal, bħalma huma skejjel tan-nuna, crèches u skejjel tal-logħob, għandhom jiġu allokati lid-Diviżjoni 10 tal-COICOP/HICP jekk l-età tad-dħul tat-tfal ma tkunx anqas minn tliet snin u l-attivitajiet ikunu jikkonsistu f'tagħlim organizzat f'ambjent tat-tip ta' skola, maħsub li jgħaqqad l-atmosfera tad-dar ma' dik ta' l-iskola. Jekk, mill-banda l-oħra, l-għan ewlieni ma jkunx wieħed pedagoġiku, iżda li jipprovdi assistenza u għajnuna għas-sorveljanza tat-tfal, is-servizz konċernat għandu jiġi allokat fil-klassi 12.4.0 tal-COICOP/HICP.

5. Meta l-isptarijiet, barra minn servizzi bażiċi kif stabbiliti fil-COICOP/HICP 06.3, jipprovdu wkoll oġġetti u servizzi oħra bi ħlas separat lil pazjenti hemmhekk rikoverati, dan m'għandux jiġi allokat fil-klassi 06.3.0, iżda fil-klassijiet konċernati tal-COICOP/HICP.

L-Artikolu 4

Il-ħlasijiet

1. Is-sub-indiċijiet konċernati ta' l-HICP għandhom jiġu kkalkolati billi tintuża l-formula li tkun konsistenti mill-formula tat-tip Laspeyres li tintuża għal sub-indiċijiet oħrajn. Dawn għandhom ikunu jirriflettu t-tibdil fil-prezzijiet fuq il-bażi tal-bidla fl-infieq biex tinżamm ix-xejra tal-konsum fid-djar u l-komposizzjoni tal-popolazzjoni li tikkonsma matul il-perjodu li jkun il-bażi jew ir-referenza.

2. (a) Il-ħlasijiet għax-xerrejja ta' l-oġġetti u s-servizzi fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali li għandhom jintużaw fl-HICP għandhom ikunu l-ammonti mħallsa mill-konsumaturi, li minnhom jitnaqqsu r-rimborzi.

(b) Il-bidliet fil-ħlasijiet tax-xerrejja li jirriflettu l-bidliet fir-regoli li jikkawżawhom għandhom jintwerew bħala bidliet fl-HICP.

(ċ) Meta l-prezzijiet tax-xerrejja jkunu marbuta ma' l-indiċi, il-bidliet li jirriżultaw minn bidliet fl-indiċi għandhom jintwerew bħala bidliet fil-HICP.

(d) Il-bidliet fil-prezzijiet li jirriżultaw minn bidliet fid-dħul tax-xerrejja għandhom jintwerew bħala bidliet fil-prezzijiet fl-HICP.

3. Meta tinbidel il-kwalità, il-prezzijiet għandhom jiġu ttrattati skond ir-regoli applikati fil-kuntest ta' bidliet fl-ispeċifika, u partikolarment dawk li jirrigwardaw l-aġġustament fil-kwalità b'mod konformi ma'l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kumissjoni (KE) Nru 1749/96.

4. Meta l-oġġetti u s-servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali, ikunu ġew ipprovduti lill-konsumaturi bla ħlas u wara jiġi attwalment impost ħlas, il-bidla minn żero għall-ħlas attwali, u vice versa, għandha tkun riflessa fl-HICP.

5. Meta l-oġġetti u s-servizzi fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali, ipprovduti flimkien ma'oġġetti u servizzi oħra, jiġu pprovduti lill-konsumaturi bla ebda ħlas u wara li jkun ġie impost fuqhom ħlas fuq bażi separata, il-bidla għandha tiġi riflessa fl-HICP.

6. Fejn ikun relevanti, il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kumissjoni (KE) Nru 2646/98 [6] rigward it-tariffi għandha tapplika mutatis mutandis.

L-Artikolu 5

L-informazzjoni bażika

L-informazzjoni bażika għandha tkun il-ħlasijiet kollha għax-xerrejja ta' l-oġġetti u s-servizzi fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali u l-komponenti tagħhom, flimkien ma' l-aġġustamenti li jirriflettu l-livell, iż-żmien u l-istruttura tal-konsum ta' dawn il-prodotti jew is-servizzi, skond il-karatteristiċi soċjo-ekonomiċi li jiddeterminaw il-prezzijiet.

L-Artikolu 6

Is-sorsi ta' l-informazzjoni

1. Is-sub-indiċijiet ikkonċernati ta' l-HICP għandhom jinħadmu mill-Istati Membri skond l-informazzjoni bażika kif spjegat fl-Artikolu 5.

2. L-entitajiet statistiċi, bħalma huma l-aġenziji governattivi, l-amministrazzjonijiet tas-sigurtà soċjali jewNPISHs, mitluba mill-Istati Membri biex jikkooperaw fil-ġbir jew fil-provvista ta' l-informazzjoni bażika huma obbligati li jagħtu informazzjoni onestà u sħiħa fiż-żmien li tiġi mitluba minnhom u li jippermettu lill-organizzazzjonijiet u lill-istituzzjonijiet responsabbli għall-ġbir ta' l-istatistiċi uffiċjali, biex meta jitolbu, dawn ikunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni fil-livell ta' dettall meħtieġ biex tista' ssir valutazzjoni dwar kemm qed ikun hemm konformità ma' l-obbligi u dwar il-ħtiġiet fejn għandhom x'jaqsmu l-paragunabilità u l-kwalità tas-sub-indiċijiet ta' l-HICP.

L-Artikolu 7

Il-paragunabilità

Il-HICP li jinbnew skond il-proċeduri msemmija fl-Artikoli 4 u 5 ta' dan ir-Regolament jew skond proċeduri oħra li ma jirriżultawx f'indiċi li jkun differenti b'mod sistematiku b'aktar minn wieħed minn għaxra ta' wieħed fil-mija bħala medja matul sena waħda meta mqabbla mas-sena ta' qabilha minn indiċi kkompilat skond dawk il-proċeduri, għandu jitqies bħala li huwa komparabbli.

L-Artikolu 8

Il-kontroll tal-kwalità

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) l-informazzjoni dwar il-proċeduri żviluppati għat-trattament ta' l-oġġetti u s-servizzi fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali fejn dawn il-proċeduri jkunu differenti minn dawk speċifikati fl-Artikoli 4 u 5 ta' dan ir-Regolament, qabel ma dawn il-proċeduri jidħlu fis-seħħ.

2. L-Istati Membri għandhom, meta jintalbu, jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) informazzjoni suffiċjenti biex jiġi mistħarreġ l-operat tal-proċeduri stabiliti fl-Artikoli 4 u 5 ta' dan ir-Regolament. Ir-riżultat ta' dan l-istħarriġ għandu jiġi inkluż fir-rapporti li jiġu mressqa mill-Kumissjoni lill-Kunsill kif provdut fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1687/98 u fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1688/98.

L-Artikolu 9

L-implimentazzjoni

Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri f'Diċembru 1999 u għandhom jidħlu fis-seħħ f'Jannar 2000, minbarra dan li ġej, li għandu jiġi implimentat f'Diċembru 2000 u għandu jidħol fis-seħħ ma' l-indiċi ta' Jannar 2001:

(a) is-servizzi ta' sptar (COICOP/HICP 06.3);

(b) is-servizzi ta' protezzjoni soċjali fid-dar, bħal ma huma t-tindif tad-dar, it-tisjir, it-trasport għal min isofri minn diżabilità (il-parti12.4.0 tal-COICOP/HICP);

(ċ) id-djar tar-rikoveru, ir-residenzi għal min isofri minn diżabilità (il-parti 12.4.0 tal-COICOP/HICP).

L-Artikolu 10

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara li jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-8 ta'Ottubru 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

S. Niinistö

[1] ĠU L 257, tas-27.10.1995, p. 1.

[2] L-opinjoni mogħtija fl-24 ta'Awissu 1999.

[3] ĠU L 229, ta' l-10.9.1996, p. 3. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1687/98 (ĠU L 214, tal-31.7.1998, p. 12) u (KE) No 1688/98 (ĠU L 214, tal-31.7.1998, p. 23).

[4] ĠU L 296, tal-21.11.1996, p. 8. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1749/1999 (ĠU L 214, tat-13.8.1999, p. 1).

[5] ĠU L 310, tat-30.11.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 448/98 (ĠU L 58, tas-27.2.1998, p. 1).

[6] ĠU L 335, ta' l-10.12.1998, p. 30.

--------------------------------------------------

Top