EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999R1260

Ir-regolament tal-kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali.

OJ L 161, 26.6.1999, p. 1–42 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 14 Volume 001 P. 31 - 72
Special edition in Estonian: Chapter 14 Volume 001 P. 31 - 72
Special edition in Latvian: Chapter 14 Volume 001 P. 31 - 72
Special edition in Lithuanian: Chapter 14 Volume 001 P. 31 - 72
Special edition in Hungarian Chapter 14 Volume 001 P. 31 - 72
Special edition in Maltese: Chapter 14 Volume 001 P. 31 - 72
Special edition in Polish: Chapter 14 Volume 001 P. 31 - 72
Special edition in Slovak: Chapter 14 Volume 001 P. 31 - 72
Special edition in Slovene: Chapter 14 Volume 001 P. 31 - 72

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006; Imħassar b' 32006R1083

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/1260/oj

31999R1260



Official Journal L 161 , 26/06/1999 P. 0001 - 0042


Ir-regolament tal-kunsill (KE) Nru 1260/1999

tal-21 ta’ Ġunju 1999

li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali.

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari Artikolu 161 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [4],

(1) Billi Artikolu 158 tat-Trattat jgħid illi, sabiex tissaħħaħ l-għaqda ekonomika u soċjali, il-Komunità għandha jkollha l-objettiv li jitnaqqsu d-diskrepanzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tad-diversi reġjuni u li r-reġjuni u l-gżejjer l-anqas vantaġġati ma jibqgħux daqshekk lura, inklużi ż-żoni rurali; billi Artikolu 159 jipprovdi li dik l-azzjoni għandha tiġi apoġġata mill-Fondi Strutturali, mill-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) u mill-istrumenti finanzjarji oħra li jeżistu;

(2) Billi Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88 ta’ l-24 ta’ Ġunju 1988 dwar ix-xogħolijiet tal-Fondi Strutturali u l-effettività tagħhom u dwar il-koordinazzjoni ta’ l-attivtajiet tagħhom bejniethom u ma’ l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment u l-istrumenti finanzjarji oħrajn li jeżistu [5], jeħtieġ li l-Kunsill jeżamina mill-ġdid dak ir-Regolament fuq il-bażi ta’ proposta tal-Kummissjoni qabel il-31 ta’ Diċembru 1999; billi, sabiex tiġi mtejjba t-trasparenza fil-leġislazzjoni Komunitarja, huwa mixtieq li jinġiebu flimkien id-dispożizzjonijiet kollha dwar il-Fondi Strutturali f’Regolament wieħed u jiġi revokat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 tad-19 ta’ Diċembru 1988 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti, minn naħa waħda, bejniethom u ma l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, minn naħa l-oħra [6];

(3) Billi, bis-saħħa ta’ Artikolu 5 tal-Protokoll 6 dwar id-dispożizzjonijiet specjali għall-Objettiv 6 fil-qafas tal-Fondi Strutturali fil-Finlandja u l-Isvezja, mehmuż ma’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid qabel it-tmiem ta’ l-1999, simultanjament mar-Regolament (KEE) Nru 2052/88;

(4) Billi sabiex tiżdied il-konċentrazzjoni u sabiex jiġi simplifikat l-operat tal-Fondi Strutturali n-numru ta’ objettivi ta’ priorità għandhom jitnaqqsu meta mqabbla mar-Regolament (KEE) Nru 2052/88; billi dawk l-objettivi għandhom jiġu definiti mill-ġdid sabiex jippromwovu l-iżvilupp u l-aġġustament strutturali tar-reġjuni li l-iżvilupp tagħhom għadu lura, il-bidla ekonomika u soċjali ta’ żoni li qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet strutturali u li jadattaw u jimmodernizzaw il-politika u s-sistemi ta’ l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg

(5) Billi fl-isforzi tagħha sabiex issaħħaħ l-għaqda soċjali u ekonomika l-Komunità tfittex ukoll li tippromwovi l-iżvilupp armonjuż, bilanċjat u sostenibbli ta’ attivitajiet ekonomiċi, livell għoli ta’ impiegi, ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u livell għoli ta’ protezzjoni u titjib ta’ l-ambjent; billi dawk l-isforzi għandhom b’mod partikolari jintegraw r-rekwiżiti tal-ħarsien ta’ l-ambjent fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ l-operazzjonijiet tal-Fondi Strutturali u jgħinu sabiex jiġu eliminati l-inugwaljanzi u jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; billi l-operazzjonijiet tal-Fondi jagħmluha wkoll possibbli li tiġi miġġielda kull diskriminazzjoni fuq bażi ta’ razza, nisel etniku, diżabilità jew età b’mod partikolari permezz ta’ evalwazzjoni tal-bżonnijiet, inċentivi finanzjarji u sħubija aktar wiesa;

(6) Billi l-iżvilupp kulturali, il-kwalità ta’ l-ambjent naturali u dak magħmul mill-bniedem, id-dimensjoni kwalitattiva u kulturali tal-ħajja u l-iżvilupp tat-turiżmu jikkontribwixxu sabiex ir-reġjuni jsiru ekonomikament u soċjalment aktar attraenti billi jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ impiegi sostenibbli;

(7) Billi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) huwa l-kontributur ewlieni sabiex jintlaħaq l-objettiv li jitmexxa ‘l quddiem l-iżvilupp u l-aġġustament strutturali tar-reġjuni li l-iżvilupp tagħhom baqa lura u l-bidla ekonomika u soċjali ta’ żoni li qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet strutturali;

(8) Billi x-xogħolijiet tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għandu jiġi aġġustat sabiex jieħu in konsiderazzjoni u jimplimenta l-istrateġija Ewropea dwar l-impiegi;

(9) Billi l-aspetti strutturali tal-politika komuni għas-sajd ġiet integrata bħala politika strutturali sħiħa skond ir-regoli li jirregolaw l-Fondi Strutturali sa mill-1993; billi l-implimentazzjoni għandha tissokta taħt il-Fondi Strutturali permezz ta’ l-Istrument Finanazjarju għall-Gwida tas-Sajd (IFGS); billi l-għajnuna mill-IFGS fl-Objettiv 1 għandha tifforma parti mill-programm ta’ dan l-Objettiv u l-għajnuna barra l-Objettiv 1 għandha tkun soġġetta għal programm wieħed f’kull Stat Membru konċernat;

(10) Billi l-Komunità bdiet twettaq riforma fil-politika agrikola komuni li tinkludi miżuri strutturali u oħrajn li jmorru magħhom biex jippromwovu l-iżvilupp rurali; billi f’dan il-kuntest it-Taqsima Gwida tal-Fond Ewropew tal-Gwida u l-Garanzija Agrikola (FEGGA) għandha tkompli tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-objettiv prioritarju fl-iżvilupp u l-aġġustament strutturali tar-reġjuni li l-iżvilupp tagħhom baqa’ lura, billi tittejjeb l-effiċjenza ta’ l-istrutturi tal-produzzjoni, l-ipproċessar u l-bejgħ ta’ prodotti agrikoli u tal-foresti u l-iżvilupp tal-potenzjal lokali ta’ żoni rurali; billi t-Taqsima tal-Garanziji tal-FEGGA tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-objettiv prioritarju tal-konverżjoni ekonomika u soċjali f’żoni li qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet strutturali, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mingħand il-Fond Ewropew ta’ Gwida u Garanzija Agrikola (FEGGA) u billi jemenda u jirrevoka ċerti Regolamenti [7]

(11) Billi r-regoli speċifiċi applikabbli għal kull Fond għandhom ikunu mniżżla fid-Deċiżjonijet implimentattivi adottati skond Artikoli 37, 148 u 162 tat-Trattat;

(12) Billi l-kriterji biex jiġu nominati reġjuni u żoni eliġibbli għandhom jiġu speċifikati; billi, għal dan il-għan, huwa xieraq li l-identifikazzjoni tar-reġjuni u ż-żoni li għandu jkollhom priorità fuq livell komunitarju għandha tkun bażata fuq is-sistema komuni tal-klassifikazzjoni tar-reġjuni, imsejħa n-"Nomenklatura ta’ l-Unitajiet Statistiċi Teritorjali (NUTS)" stabbilita mill-Uffiċċju għall-Istatisika tal-Komunitajiet Ewropej b’kooperazzjoni ma’ l-istituti nazzjonali għall-istatistiċi;

(13) Billi r-reġjuni li l-iżvilupp tagħhom baqa’ lura għandhom jiġu definiti bħala dawk li l-PGD per capita tagħhom huwa anqas minn 75 % tal-medja tal-Komunità; billi, sabiex tiġi żgurata l-konċentrazzjoni effettiva ta’ l-għajnuna, il-Kummissjoni għandha tapplika dan il-kriterju b’mod strett billi tuża informazzjoni statistika oġġettiva; billi r-reġjuni u ż-żoni periferali li għandhom densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna li jaqgħu taħt l-Objettiv 6 kif hemm imfisser fil-Protokoll 6 mehmuż ma l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja għall-perjodu mill-1995 sa l-1999 għandhom jaqgħu ukoll taħt l-Objettiv 1 taħt dan ir-Regolament;

(14) Billi ż-żoni li għaddejjin minn bidla ekonomika u soċjali għandhom jiġu definiti bħala dawk li jinkludu żoni li għaddejjin minn bidla soċjo-ekonomika fis-setturi ta’ l-industrija u tas-servizzi, żoni rurali li qegħdin jiddeterjoraw, żoni urbani f’diffikultà u żoni depressi li jiddependu fuq is-sajd; billi din l-għajnuna għandha tkun konċentrata sew fuq l-iżjed partijiet tal-Komunità li huma affettwati bl-aktar mod serju; billi dawn iż-żoni għandhom jiġu nominati mill-Kummissjoni li għandha taġixxi fuq proposta mill-Istati Membri u bi qbil mill-qrib magħhom;

(15) Billi, sabiex tiġi żgurata n-natura Komunitarja tal-Fondi, iż-żoni li jkunu għaddejjin minn bidla soċjo-ekonomika fil-qasam industrijali u ż-żoni rurali li qegħdin jiddeterjoraw għandhom, s fejn huwa possibbli, jiġu nominati fuq il-bażi ta’ indikaturi oġġettivi definiti fuq livell Komunitarju; billi, barraminnhekk, il-popolazzjoni li taqa’ taħt dan l-objettiv prioritarju meta tittieħed għat-totalità tal-Komunità, bħala gwida, għandu tikkostitwixxi madwar 10 % tal-popolazzjoni Komunitarja fil-każ taż-żoni industrijali, 5 % fil-każ ta’ żoni rurali, 2 % fil-każ ta’ żoni urbani u 1 % fil-każ ta’ żoni tas-sajd: billi, sabiex jiġi żgurat li kull Stat Membru jagħti kontribut xieraq favur l-isforz globali lejn il-konċentrazzjoni, l-akbar riduzzjoni possibbli fil-popolazzjoni li taqa taħt l-Objettiv 2 fl-2006, kif stabbilit f’dan ir-Regolament, ma tistax tiskorri t-terz meta mqabbla ma dik li taqa taħt l-Objettivi 2 u 5b fl-1999, kif stabbilit fir-Regolament (KEE) Nru 2052/88;

(16) Billi, fl-interess ta’ programmar effiċjenti, ir-reġjuni li l-iżviluppp tagħhom baqa’ tant lura li l-PGD per capita huwa anqas minn 75 % tal-medja tal-Komunità għandhom ikunu l-istess bħaż-żoni assistiti mill-Istati Membri skond Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat u, meta jiġu kunsidrati ċerti miżuri adottati skond Artikolu 299(2) tat-Trattat favur iż-żoni periferali (id-dipartimenti Franċiżi il barra minn Franza, l-Ażores, Madeira u l-Gżejjer Kanarji); billi, bl-istess mod, iż-żoni li għaddejjin minn bidla ekonomika u soċjali għandhom jikkorrispondu f’miżura kbira maż-żoni mgħejuna mill-Istati Membri skond Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat; billi l-objettiv tal-Komunità għandu jkun dak li tiżdied il-konsistenza fi tmiem il-perjodu 2000 sa 2006 bi sforz xieraq mill-Istati Membri meta mqabbla mas-sitwazzjoni preżenti;

(17) Billi l-objettiv li jiġu addattati u modernizzati l-politika u s-sistemi ta’ l-edukazzjoni, tat-taħriġ u ta’ l-impiegi huwa li tingħata għajnuna finanzjarja fir-reġjuni u fiż-żoni li ma jaqgħux taħt l-Objettiv 1; billi l-Objettiv 3 għandu jipprovdi wkoll qafas ta’ referenza biex tiġi żgurata konsistenza fl-operazzjonijiet kollha għar-riżorsi umani fi Stat Membru partikolari;

(18) Billi l-għajnuna tal-FSE fi ħdan l-Objettiv 2 għandha tkun l-azzjonijiet reġjonali u lokali li jirreaġixxu għal sitwazzjoni speċifika f’żona taħt l-Objettiv 2 u li jkunu koordinati ma’ l-interventi tal-Fondi Strutturali l-oħrajn; billi kull kontribuzzjoni mill-FSE għal dokument ta’ programmar individwali għandha tkun ta’ kobor suffiċjenti biex tiġġustifika l-amministrazzjoni separata, u għalhekk m’għandhiex tammonta għal anqas minn 5 % tal-kontribuzzjoni totali tal-Fond Strutturali;

(19) Billi r-reġjuni koperti minn objettiv prioritarju fl-1999 li ma jkunux għadhom jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibilità għandhom jirċievu livell ta’ appoġġ transizzjonali li maż-żmien ikun dejjem jonqos, billi dan l-appoġġ għandu jkun anqas fis-sena 2000 milli fl-1999;

(20) Billi għandu jkun hemm provedimenti sabiex jiġu allokati ishma tar-riżorsi disponibbli; billi dawn ir-riżorsi għandhom jiġu allokati kull sena, waqt li għandhom ikunu konċentrati b’mod sinifikanti fuq ir-reġjuni li l-iżvilupp tagħhom ikun baqa lura, inkluż dawk li jkunu qegħdin jirċievu appoġġ transitorju.

(21) Billi t-total tad-dħul kull sena f’xi Stat Membru mill-Fondi Strutturali skond dan ir-Regolament - flimkien ma’ l-għajnuna provduta mill-Fond ta’ l-Għaqda - għandu jkun limitat taħt din il-limitazzjoni ġenerali b’mod li jiddependi fuq il-kapaċità ta’ assorbiment nazzjonali.

(22) Billi l-Kummissjoni għandha taħdem l-allokazzjonijiet indikattivi ta’ l-approprjazzjonijiet kommessi li huma disponibbli taħt kull wieħed mill-objettivi prioritarji, waqt li tibbaża ruħha fuq kriterji oġġettivi xierqa; billi 4 % ta’ l-approprjazzjonijiet allokati b’dan il-mod lill-Istati Membri għandhom jiġu allokati mill-Kummissjoni fin-nofs tal-perjodu; billi, bħala rikonoxximent ta’ l-isforzi speċjali għall-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq, il-programm PEACE għandu jkompli għaddej sal-2004; billi l-programm speċjali ta’ l-għajnuna għall-perjodu 2000 sa 2006 għandu jiġi stabbilit għar-reġjuni NUTS II ta’ l-Isvezja li m’humiex koperti mill-lista msemmija f’Artikolu 3(2) u li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti f’Artikolu 2 tal-Protokoll 6 għall-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-Awstrija, l-Isvezja u l-Finlandja;

(23) Billi 5,35 % tat-total ta’ l-approprjazzjonijiet kommessi li huma disponibbli għandhom jiġu dedikati għall-inizjattivi Komunitarji u 0,65 % għal skemi innovattivi u għal għajnuna teknika;

(24) Billi l-approprjazzjonijiet disponibbli għall-Fondi Strutturali għandhom jiġu indiċjati fuq il-bażi ta’ rata fissa għal skopijiet ta’ programmar u, jekk ikun meħtieġ, għandu jsir aġġustament tekniku għal dak l-indiċjar qabel il-31 ta’ Diċembru 2003;

(25) Billi l-prinċipji ewlenin tar-riforma ta’ l-1988 tal-Fondi Strutturali għandhom ikomplu jirregolaw l-Fondi sa l-2006; billi, madanakollu, l-esperjenza s’issa wriet li huwa meħtieġa li dawn il-prinċipji jiġu mtejjba sabiex isiru aktar sempliċi u aktar trasparenti; billi l-effettività għandha b’mod partikolari tiġi meqjusa bħala prinċipju fundamentali;

(26) Billi, sabiex l-operazzjonijiet tal-Fondi Strutturali ikunu effettivi u trasparenti, ir-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri u tal-Konmunità għandhom ikunu definiti b’mod preċiż; billi dawk ir-responsabbiltajiet għandhom jiġu speċifikati għal kull stadju ta’ l-ipprogrammar, is-Sorveljanza, l-evalwazzjoni u s-Sorveljanza; billi, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u bla ħsara għall-poteri vestiti fil-Kummissjoni, l-għajnuna fl-implimentar u fis-sorveljanza għandha tkun l-ewwel u qabel kollox ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri;

(27) Billi l-azzjoni tal-Komunità għandha tikkumplimenta, jew tkun intiża biex tikkontribwixxi lejn, l-azzjoni ta’ l-Istati Membri; billi, sabiex jiġi żgurat valur miżjud sinifikanti, is-sħubija jeħtieġ li tiġi msaħħa; billi dan jolqot mill-qrib lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-awtoritajiet kompetenti l-oħra, inklużi dawk responsabbli għall-ambjent u għall-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali u l-korpi kompetenti l-oħra; billi l-imsieħba relevanti għandhom ikunu involuti fil-preparazzjoni, is-Sorveljanza u l-evalwazzjoni ta’ l-għajnuna;

(28) Billi l-proċess ta’ l-ipprogrammar għandu jkun imfassal mill-kunċett oriġinali sal-benefiċjarju finali, u għandu jkun faċilitat fl-Istati Membri permezz ta’ linji ta’ gwida indikattivi u wiesa’ abbozzati mill-Kummissjoni fuq linji ta’ politika relevanti u li fuqhom kien hemm qbil f’dak li għandu x’jaqsam mal-Fondi Strutturali;

(29) Billi l-ipprogrammar għandu jiżgura li jkun hemm koordinazzjoni tal-Fondi Strutturali bejniethom u ma’ strumenti finanzjarji oħra eżistenti kif ukoll mal-BEI; billi dik il-koordinazzjoni testendi għall-għaqda ta’ għotjiet u self;

(30) Billi l-attivitajiet tal-Fondi u l-operazzjonijiet li jgħinu bil-finanzjament għandhom ikunu kompatibbli mal-politika l-oħra tal-Komunità u jkunu konformi mal-leġislazzjoni tal-Komunità, u għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi; billi f’dan il-qasam, l-operazzjonijiet sabiex jinxterdu u jiġu sfruttati r-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku li jkunu saru fil-kuntest tal-Fondi Strutturali għandhom jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet dwar il-kisba u l-isfruttar ta’ l-informazzjoni u dawn għandhom isiru skond ir-regoli tal-Komunità dwar il-kompetizzjoni;

(31) Billi għandhom jiġu stabbiliti kriterji aktar sempliċi u regoli aktar dettaljati għall-verifika u l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ l-addizzjonalità;

(32) Billi s-sistema ta’ l-ipprogrammar għandha tiġi simplifikata billi jiġi fissat terminu uniformi ta’ seba snin għall-ipprogrammar; billi għal dan il-objettiv il-forma u n-numru ta’ skemi ta’ għajnuna għandhom jiġu limitati u għandhom normalment jikkonsistu f’għajnuna waħda integrata għal kull reġjun, u dana billi d-dokumenti individwali ta’ l-ipprogrammar isiru n-norma għall-objettivi prioritarji u billi jiġu nklużi proġetti kbar u għotjiet globali fil-forom l-oħra ta’ għajnuna;

(33) Billi, sabiex jiġi msaħħaħ l-metodu integrat ta’ l-iżvilupp, għandhom jittieħdu passi - b’konsiderazzjoni dovuta lejn il-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni konċernati - sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-operazzjonijiet tad-diversi Fondi u l-linji politiċi tal-Komunità, l-istrateġija għall-impiegi, il-politka ekonomika u soċjali ta’ l-Istati Membri u l-politika reġjonali ta’ l-Istati Membri;

(34) Billi, sabiex jitħaffu u jiġu simplifikati l-proċeduri ta’ l-ipprogrammar, ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu distinti minn dawk ta’ l-Istati Membri; billi, għaldaqstant, għandhom isiru dispożizzjonijiet sabiex il-Kummissjoni, waqt li taġixxi fuq proposta ta’ l-Istati Membri, tku tista’ tadotta l-istrateġiji u l-prioritajiet ta’ żvilupp li għandhom jirregolaw l-ipprogrammar kif ukoll id-daqs tal-kontribut finanazjarju mill-Komunità, u l-arranġamenti implimentattivi marbuta magħhom, filwaqt li l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni tagħhom; billi l-kontenut tad-diversi forom ta’ għajnuna għandu jiġi speċifikat;

(35) Billi din l-implimentazzjoni deċentralizzata ta’ l-operazzjonijiet tal-Fondi Strutturali mill-Istati Membri għandha tipprovdi biżżejjed garanziji dwar id-dettalji u l-kwalità ta’ l-implimentazzjoni, ir-riżultati ta’ l-operazzjonijiet u l-valutazzjoni tagħhom u l-amministrazzjoni finanzjarja serja u s-Sorveljanza tagħha;

(36) Billi l-Kummissjoni, fejn ikun xieraq bi sħab mal-BEI, għandha tapprova proġetti kbar ta’ investiment li l-volum tagħhom jiskorri somma speċifikata bil-objettiv li jiġi valutat l-impatt tagħħhom u l-użu propost tar-riżorsi Komunitarji.

(37) Billi għandu jkun hemm dispożizzjonijiet dwar operazzjonijiet li huma ta’ interess għall-Komunità li jitwettqu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex jiżdiedu dawk implimentati taħt l-objettivi prioritarji;

(38) Billi dawn l-inizjattivi tal-Komunità għandhom jikkonċentraw fuq il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni minn naħa għall-oħra tal-fruntieri, dik transnazjzonali kif ukoll dik inter-reġjonali (Interreg), riġenerazzjoni ekonomika u soċjali ta’ bliet u nħawi residenzjali urbani li jinsabu fi kriżi (URBAN), li t-tnejn ikunu finanzjati mill-FEŻR, l-iżvilupp rurali (Leader), li għandu jkun finanazjat mit-Taqsima Gwida tal-FEGGA, u l-iżvilupp tar-riżorsi umani fil-kuntest ta’ opportunitajiet indaqs (EQUAL), li għandhom ikunu finanzjati mill-FSE; billi l-promozzjoni ta’ kooperazjoni bejn iż-żewġ naħat tal-fruntieri - b’mod partikolari fil-perspettiva tat-tkabbir, kooperazzjoni transnazzjonali u inter-reġjonali – għandhom sinifikat partikolari f’dan il-kuntest; billi l-attenzjoni dovuta għandha tingħata lill-kooperazzjoni ma reġjuni periferali; billi hemm il-ħtieġa li tiġi msaħħa l-kooperazzjoni transnazzjonali, inter-reġjonali u bejn iż-żewġ naħat tal-fruntieri bil-miżuri promulgati fil-kuntest tat-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3906/89 [8], ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 1279/96 [9] u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1488/96 [10], speċjalment in vista tat-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea u meta wieħed iqis is-sħubija Ewro-Mediterranja; billi għandha tittieħed konsiderazzjoni ta’ l-integrazzjoni soċjali u vokazzjonali ta’ dawk li jfittxu l-kenn fil-qafas ta’ l-EQUAL;

(39) Billi l-Fondi Strutturali għandhom jipprovdu appoġġ għal studji, proġetti pilota u skambji ta’ esperjenza bil-objettiv li jiġu promossi metodi u prassi innovattivi permezz ta’ implimentazzjoni sempliċi u trasparenti;

(40) Billi, sabiex jissaħħaħ l-effett ta’ stimolu li għandhom ir-riżorsi Komunitarji sbilli jiffavorixxu kemm jista’ jkun rikors għas-sorsi privati ta’ finanzjament u sabiex tiġi kunsidrata aħjar il-profittabilità tal-proġetti, il-forom ta’ għajnuna disponibbli mill-Fondi Strutturali għandhom jiġu diversifikati u r-rati ta’ assistenza għandhom jiġu differenzjati bil-objettiv li jiġu promossi l-interessi tal-Komunità, billi jiġi mħeġġeġl-użu ta’ firxa wiesa ta’ riżorsi finanzjarji u tiġi limitata l-kontribuzzjoni tal-Fondi billi jiġi mħeġġeġ l-użu ta’ forom xierqa ta’ għajnuna; billi, għal dawk il-finijiet, għandhom jiġu stabbiliti rati mnaqqsa ta’ intervent fil-każ ta’ investimenti fil-forom u l-proġetti infrastrutturali li jiġġeneraw dħul sostanzjali; billi għall-iskop ta’ dan ir-Regolament, id-dħul sostanzjali nett għandu jiġi definit b’mod tentattiv bħala d-dħul li jkun ogħla minn ta’ l-inqas 25 % tat-total tal-prezz ta’ l-investiment konċernat;

(41) Billi skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, ir-regoli fuq in-nefqa eliġibbli għandhom ikunu r-regoli nazzjonali relevanti fejn m’hemm ebda regoli Komunitarji, għalkemm dawn jistgħu jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni fejn ikun ċar li jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni uniformi u ekwa tal-Fondi Strutturali madwar il-Komunità; billi, madanakollu, id-dati tal-bidu u ta’ l-għeluq għall-eliġibiltà tan-nefqa għandhom jiġu definiti u għandu jiġu stipulat li l-proġetti ta’ investiment ma jistgħux isiru bidliet kbar fihom; billi, minħabba f’hekk, biex jiġi żgurat l-impatt effiċjenti u fit-tul ta’ l-għajnuna tal-Fondi, l-għajnuna kollha mill-Fond jew parti minnha għandha tibqa’ biss marbuta ma operazzjoni meta n-natura jew il-kundizzjonijiet ta’ l-implimentazzjoni ma jsirux fihom bidlet sostanzjali li jistgħu jirriżultaw f’devjazzjoni ta’ l-operazzjoni mgħejuna mill-objettivi oriġinali tagħha.

(42) Billi r-regoli u l-proċeduri biex isiru l-assenjazzjonijiet u l-ħlasijiet għandhom jiġu simplifikati; billi għal dak l-iskop għandhom isiru assenjazzjonijiet tal-budget darba kull sena skond il-perspettiva finanzjarja multi-annwali u l-pjan ta’ finanzjament għall-għajnuna, waqt li l-ħlasijiet għandhom isiru fil-forma ta’ ħlas bil-quddiem segwit minn rimbors tan-nefqa li attwalment tkun saret; billi skond il-ġurisprudenza stabbilita, l-interessi kollha akkwistati fuq il-ħlas bil-quddiem għandhom jitqiesu bħala riżorsi għall-Istat Membru konċernat, u sabiex jissaħħaħ l-impatt tal-Fondi, dawn għandhom jiġu allokati għall-istess skop bħall-ħlas bil-quddiem innifsu;

(43) Billi għandha tiġi assigurata amministrazzjoni finanzjarja serja billi jiġi provdut illi n-nefqa tkun debitament ġustifikata u ċertifikata, u billi l-ħlas jiġi marbut mal-konformità ma’ responsabbiltajiet essenzjali għal dak li għandu x’jaqsam mas-Sorveljanza ta’ l-ipprogrammar, il-kontrolli finanzjarji u l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja;

(44) Billi, sabiex jiġi żgurata amministrazzjoni serja tar-riżorsi Komunitarji, għandu jsir titjib fit-tbassir u l-implimentazzjoni tan-nefqa, billi għal dak il-objettiv l-Istati Membri għandhom regolarment jibagħtu lill-Kummissjoni it-tbassir tagħhom dwar l-użu tar-riżorsi Komunitarji, u kull dewmien fl-implimentazzjoni finanzjarja għandu jagħti lok għar-rimbors ta’ avvanzi u ta’ kanċellament awtomatiku ta’ assenji;

(45) Billi, matul il-perjodu ta’ transizzjoni mill-1 ta’ Jannar 1999 sal-31 ta’ Diċembru 2001, ir-referenzi kollha għall-euro għandhom normalment jinqraw bħala referenzi għall-euro bħala unità monetarja, kif imsemmi fit-tieni sentenza ta’ Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro [11];

(46) Billi wieħed mill-metodi ta’ kif jiġi assigurat li l-operazzjonijiet tal-Fondi Strutturali jkunu effettivi hija s-Sorveljanza effiċjenti; billi s-Sorveljanza għandu tiġi mtejjba u r-reponsabbiltajiet f’dan il-qasam għandhom jiġu definiti aħjar; billi, b’mod partikolari, il-funzjonijet ta’ l-amministrazzjoni għandhom jiġu distinti minn funzjonijiet ta’ Sorveljanza;

(47) Billi għandu jkun hemm awtorità amministrativa waħda għal kull għajnuna, b’responsabbiltajiet definiti; billi dawn ir-responsabbiltajiet għandhom jinkludu primarjament il-ġbir ta’ informazzjoni dwar ir-riżultati u r-rappurtar ta’ din l-informazzjoni lill-Kummissjoni, sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni finanzjarja serja, l-organizzazzjoni ta’ evalwazzjonijiet u konformità ma’ l-obbligi li għandhom x’jaqsmu mal-pubbliċità u mal-liġi Komunitarja; billi għaldaqstant għandu jkun hemm provedimenti għal laqgħat regolari bejn il-Kummissjoni u l-awtorità amministrattiva sabiex tiġi sorveljata l-għajnuna;

(48) Billi għandu jiġi stipulat li l-Kumitati ta’ Sorveljanza huma korpi maħtura mill-Istati Membri biex jagħmlu superviżjoni fuq l-għajnuna, jikkontrollaw kif din qiegħda tiġi amministrata mill-awtorità amministrattiva, jiżguraw konformità mal-linji ta’ gwida tagħha u jirrevedu l-evalwazzjonijiet;

(49) Billi l-indikaturi u r-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni huma essenzjali għas-Sorveljanza u jeħtieġ li jkunu definiti aħjar sabiex jirriflettu b’korrettezza l-progress ta’ l-iskemi ta’ għajnuna u l-kwalità ta’ l-ipprogrammar;

(50) Billi, sabiex tiġi garantita l-implimentazzjoni effiċjenti u korretta, l-obbligi ta’ l-Istati Membri għandhom jiġu stabbiliti fir-rigward tas-sistemi ta’ amministrazzjoni u superviżjoni, iċ-ċertifikazzjoni tan-nefqa u l-prevenzjoni, l-iskoperta u l-korrezzjoni ta’ l-irregolaritajiet u tal-ksur tal-liġi Komunitarja;

(51) Billi, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni għall-kontroll finanzjarju, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Mmebri u l-Kummissjoni f’dan ir-rigward għandhom jiġu mtejba b’mod partikolari permezz ta’ konsultazzjonijiet regolari bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex din tkun tista tikkunsidra l-miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri u tippermetti li l-Kummissjoni titlob miżuri korrettivi fejn ikun meħtieġ;

(52) Billi r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għall-insegwiment u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet u vjolazzjonijiet, u dik tal-Kummissjoni fejn l-Istati Membri ma jikkonformawx ma’ l-obbligi tagħhom, għandha tiġi speċifikata;

(53) Billi l-effettività u l-impatt ta’ l-operazzjonijiet tal-Fondi Strutturali jiddependu wkoll fuq evalwazzjoni mtejba u aktar kompleta; billi r-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri u l-Kummissjoni f’dan ir-rigward u l-arranġamenti sabiex jiġi żgurat li l-evalwazzjoni tkun ta’ min jorbot fuqha, għandhom ikunu stabbiliti;

(54) Billi l-iskemi ta’ għajnuna għandhom jiġu valutati bl-iskop li jiġu preparati, li ssirilhom reviżjoni f’nofs il-perjodu u li jiġi evalwat l-impatt tagħhom, u l-proċess ta’ evalwazzjoni għandu jiġi nkorporat mas-Sorveljanza ta’ l-għajnuna; billi għal dan l-iskop l-objettivi u l-kontenut ta’ kull stadju ta’ l-evalwazzjoni għandhom jiġu definiti, u l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni dwar il-qagħda soċjali u ekonomika, l-ambjent u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa għandhom jiġu mtejba;

(55) Billi l-evalwazzjoni fin-nofs tal-perjodu u ż-żamma ta’ parti mill-approprjazzjonijiet oriġinali bħala riserva jiippermettu li l-iffinanzjar supplimentari jiġi allokat għal kull Stat Membru fuq bażi relatata mar-rata tal-ħidma tiegħu; billi dawn l-allokazzjonijiet għandhom ikunu bażati fuq kriterji oġġettivi, sempliċi u trasparenti li jirriflettu l-effiċjenza u l-kwalità ta’ l-amministrazzjoni u ta’ l-esekuzzjoni finanzjarja.

(56) Billi għandu jiġi preżentat rapport kull tlett snin dwar il-progress li jkun sar lejn għaqda ekonomika u soċjali, li għandu jinkludi analiżi tas-sitwazzjoni tar-reġjuni Komunitarji u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom;

(57) Billi fl-interess ta’ sħubija li taħdem tajjeb u l-promozzjoni xierqa ta’ l-għajnuna Komunitarja, għandha tiġi provduta l-aqwa informazzjoni u pubbliċità possibbli dwarha; billi l-awtoritajiet responsabbli għall-amministrazzjoni ta’ l-għajnuna għandhom ikunu responsabbli għal dan l-aspett kif ukoll biex iżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-miżuri meħuda;

(58) Billi għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar l-operat tal-kumitati li jiġu msejħa biex jassistu lill-Kummissjoni biex timplimenta dan ir-Regolament;

(59) Billi għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet transitorji li jippermettu t-tħejjija ta’ programmar ġdid immedjatament mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u biex jiġi żgurat li l-għajnuna lill-Istati Membri ma tkunx interrotta sakemm isiru l-pjanijiet għall-iżvilupp reġjonali u l-iskemi ta’ għajnuna skond is-sistema l-ġdida,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

IT-TITOLU I

PRINĊIPJI ĠENERALI

IL-KAPITOLU I

OBJETTIVI U XOGĦOLIJIET

Artikolu 1

L-objettivi

L-azzjoni Komunitarja peremzz tal-Fondi Struturali, il-Fond ta’ l-Għaqda, il-Fond Ewropew għall-Gwida u Garanzija Agrikola (FEGGA), it-Taqsima tal-Garanziji, il-Bank Ewropew ta’ l-Investiment (BEI) u l-istrumenti finanzjarji oħrajn esistenti jeżistu għandhom jagħtu l-appoġġ tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali stabbiliti f’Artikoli 158 u 160 tat-Trattat. Il-Fondi Strutturali, il-BEI u l-istrumenti l-oħra finanzjarji eżistenti għandhom kull wieħed minnhom jikkontribwixxi b’mod xieraq biex jintlaħqu dawn it-tlett objettivi prioritarji:

1. il-promozzjoni ta’ l-iżvilupp u ta’ l-aġġustament strutturali tar-reġjuni li l-iżvilupp tagħhom baqa’ lura, hawn taħt imsejjaħ "l-Objettiv 1";

2. l-appoġġ favur il-bidla ekonomika u soċjali ta’ żoni li qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet strutturali, hawn taħt imsejjaħ "l-Objettiv 2";

3. l-appoġġ favur l-adattament u l-modernizzar tal-politika u s-sistemi ta’ l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impiegi, hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejjaħ "l-Objettiv 3". Dan l-objettiv għandu jipprovdi l-għajnuna finanzjarja barra mir-reġjuni koperti mill-Objettiv 1 u għandu jipprovdi qafas politiku ta’ referenza għall-miżuri kollha li jipromwovu r-riżorsi umani f’teritorju nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull reġjun.

Sabiex tilħaq dawn l-objettivi, il-Komunità għandha tikkontribwixxi favur l-iżvilupp armonjuż, bilanċjat u sostenibbli ta’ l-attivitajiet ekonomiċi, l-iżvilupp ta’ l-impiegi u r-riżorsi umani, il-protezzjoni u t-titjib ta’ l-ambjent, u l-eliminazzjoni ta’ l-inugwaljanzi, u l-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

Artikolu 2

Mezzi u xogħolijiet

1. Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, "Fondi Strutturali" għandha tfisser il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Gwida u Garanzija Agrikola (FEGGA), it-Taqsima ta’ Gwida, u l-Istrument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd (SFGS), hawnhekk iżjed il quddiem imsejħa "il-Fondi".

2. Skond Artikoli 33, 146 u 160 tat-Trattat, il-Fondi għandhom jikkontribwixxu, kull wieħed skond id-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw l-operat tiegħu, biex jintlaħqu l-Objettivi 1, 2 u 3, kif ġej:

L-Objettiv 1 : FEŻR, FSE, it-Taqsima ta’ l-Iggwidar FEGGA u l-SFGS;

L-Objettiv 2 : FEŻR u FSE;

L-Objettiv 3 : FSE.

3. L-SFGS għandu jikkontribwixxi għal azzjonijiet strutturali fil-qasam tas-sajd li jaqgħu barra mir-reġjuni taħt l-Objettiv 1 skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1263/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 dwar l-istrument finanzjarju għall-gwida tas-sajd [12].

It-Taqsima tal-Garanziji tal-FEGGA għandha tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-Objettiv 2 skond ir-Regolament (KE) Nru 1257/1999.

4. Il-Fondi għandhom jikkontribwixxu biex jiffinanzjaw inizjattivi Komunitarji u biex jappoġġaw miżuri innovattivi u assistenza teknika.

Il-miżuri ta’ assistenza teknika għandhom jitwettqu fil-qafas ta’ l-ipprogrammar definit f’Artikoli 13 sa 27 jew bl-inizjattiva tal-Kummissjoni skond Artikolu 23.

5. Ir-riżorsi l-oħrajn ta’ l-estimi Komunitarji jistgħu jintużaw biex jintlaħqu l-Objettivi imsemmija f’Artikolu 1 u b’mod partikolari dawk allokati għal miżuri strutturali oħra u għall-Fond ta’ l-Għaqda.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operat tal-Fondi jkunu konsistenti mal-linji politiċi u l-operazzjonijiet Komunitarji oħrajn, b’mod partikolari fl-oqsma ta’ l-impiegi, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, il-politika soċjali u t-taħriġ vokazzjonali, il-politika agrikola komuni, il-politika komuni għas-sajd, it-trasport, l-enerġija u s-sistemi interkonnessi trans-Ewropej u l-inkorporazzjoni tar-rekwiżiti dwar protezzjoni ambjentali fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ l-operat tal-Fondi.

6. Il-BEI għandu jikkoopera biex jintlaħqu l-objettivi li jinsabu f’Artikolu I, skond il-proċeduri stabbiliti fl-Istatut tiegħu.

L-istrumenti finanzjarji l-oħra eżistenti li jistgħu jikkontribwixxu, kull wieħed skond id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-operat tiegħu, biex jintlaħqu l-Objettivi imsemmija f’Artikolu I, jinkludu l-Fond Ewropew ta’ l-Investiment u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (Euratom) (self, garanziji), hawn taħt imsejħa "l-istrumenti finanzjarji l-oħra".

IL-KAPITOLU II

ELIĠIBBILTÀ ĠEOGRAFIKA GĦALL-OBJETTIVI PRIORITARJI

Artikolu 3

L-Objettiv 1

1. Ir-reġjuni li jaqgħu taħt l-Objettiv I għandhom ikunu reġjuni li jikkorrispondu mal-livell II tan-Nomenklatura ta’ Unitajiet Statistiċi Teritorjali (NUTS livell II) li l-PGD per capita tagħhom, imkejjel bl-ekwivalenti tas-saħħa tal-valuta tagħhom fis-suq u kalkulat fuq il-bażi taċ-ċifri Komunitarji għall-aħħar tlett snin disponibbli fis-26 ta’ Marzu 1999, huwa anqas minn 75 % tal-medja tal-Komunità.

Ir-reġjuni l-aktar periferali (id-dipartimenti Franċizi ta’ barra Franza, l-Azores, il-Gżejjer Kanarji u l-Madejra), li lkoll huma taħt il-limitu ta’ 75 %, u ż-żoni eliġibbli taħt l-Objettiv 6 għall-perjodu bejn l-1955 u l-1999 skond il-Protokoll 6 ta’ l-Att ta’ Dħul ta’ l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja għandhom ukoll ikunu koperti b’dan il-Għan.

2. Il-Kummissjoni għandha tagħmel lista tar-reġjuni koperti mill-Objettiv I, strettament skond l-ewwel sottoparagrafu tal-paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għal Artikolu 6(1) u Artikolu 7(4), it-tieni sottoparagrafu.

Din il-lista għandha tkun valida għal seba’ snin mill-1 ta’ Jannar 2000

Artikolu 4

L-Objettiv 2

1. Ir-reġjuni koperti mill-Objettiv 2 għandhom ikunu dawk bi problemi strutturali li l-konverżjoni soċjo-ekonomika tagħhom għanda tiġi appoġġata skond Artikolu 1(2) u li l-popolazzjoni jew l-arja tagħhom hija ta’ kobor sostanzjali.. Dawn għandhom jinkludu b’mod partikolari żoni li jkunu għaddejjin minn bidla soċjo-ekonomika fis-setturi ta’ l-industrija u s-servizzi, żoni rurali li sejrin lura, żoni urbani li qegħdin f’diffikultà u żoni depressi li jiddependu fuq is-sajd.

2. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ifittxu li jassiguraw li l-għajnuna tkun ġenwinament konċenrata fuq żoni li jkunu affettwati b’mod l-aktar serju u fil-livell ġeografiku l-aktar xieraq. Il-popolazzjoni taż-żoni msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx jiskorru it-18 % tat-total tal-popolazzjoni tal-Komunità. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi limitu massimu tal-popolazzjoni għal kull Stat Membru fuq il-bażi tal-fatturi li ġejjin:

(a) it-total tal-popolazzjoni fiż-żoni NUTS III ta’ kull Stat Membru li jilħqu l-kriterji msemmija fil-paragrafi 5 u 6;

(b) is-severità tal-problemi strutturali fuq livell nazzjonali f’kull Stat Membru meta mqabbla ma Stati Membri oħra konċernati. Din is-severità għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-qgħad totali u tal-qgħad fit-tul, barra r-reġjuni li huma eliġibbli taħt l-Objettiv 1;

(ċ) il-bżonn li jiġi żgurat li kull Stat Membru jagħti kontribut siewi lill-isforz konċentrat totali kif definit f’dan is-sottoparagrafu; ir-riduzzjoni massima fil-popolazzjoni li taqa’ taħt l-Objettiv 2 m’għandhiex tiskorri t-terz meta mqabbla mal-popolazzjoni li taqa taħt l-Objettivi 2 u 5b kif stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 2052/88, fl-1999.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri bl-informazzjoni kollha li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha fir-rigward tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 5 u 6.

3. Bla ħsara għal-limiti massimi li għalihom issir referenza fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jipproponu lill-Kummissjoni lista ta’ żoni sinifikanti li jirrapreżentaw:

(a) ir-reġjuni tan-NUTS livell III, jew iż-żoni affettwati bl-aktar mod serju f’dawk ir-reġjuni, li jissodisfaw jew il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 5 jew inkella dawk stabbiliti fil-paragrafu 6:

(b) iż-żoni li jissodisfaw il-kriterji msemmija fil-paragrafu 7 jew il-paragrafu 8 jew il-kriterji speċifiċi ta’ l-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 9.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-istatistiċi u informazzjoni l-oħra, fuq il-livell ġeografiku l-aktar approprjat, li l-Kummissjoni tkun teħtieġ biex tkun tista’ tevalwa dawn il-proposti.

4. Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni, b’koordinazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri konċernati, għandha tagħmel lista ta’ żoni eliġibbli skond l-Objettiv 2 b’konsiderazzjoni xierqa għall-prioritajiet nazzjonali, mingħajr ħsara għal Artikolu 6(2).

Iż-żoni li jissodisfaw il-kriterji tal-paragrafi 5 u 6 għandu jkollhom ta’ mill-inqas 50 % tal-popolazzjoni koperta mill-Objettiv 2 f’kull Stat Membru, minbarra fejn debitament ġustifikat minn ċirkustanzi oġġettivi.

5. Iż-żoni li jkunu għaddejjin mill-bidla soċjo-ekonomika msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jirrapreżentaw jew jagħmlu parti mill-unità teritorjali tan-NUTS livell III li tkun tissodisfa dawn il-kriterji li ġejjin:

(a) ir-rata medja ta’ qgħad matul l-aħħar tliet snin tkun ‘il fuq mill-medja Komunitarja;

(b) is-sehem perċentwali ta’ l-impiegi industrijali meta mqabbel mat-total ta’ l-impiegi jkun daqs jew akbar mill-medja Komunitarja f’sena ta’ referenza mill-1985 ‘il quddiem;

(ċ) tnaqqis osservabbli fl-impiegi industrijali meta mqabbel ma’ sena li tittieħed bħala bażi u li tkun magħżula b’konformità ma (b).

6. Iż-żoni rurali msemmija fil-paragrafu I għandhom jirrapreżentaw jew jappartjenu għal unità territorjali tan-NUTS livell III li tkun tissodisfa dawn il-kriterji li ġejjin:

(a) jew densità tal-popolazzjoni ta’ anqas minn 100 ruħ għal kull km2, jew sehem perċentwali ta’ impiegi agrikolu meta mqabbel mat-total ta’ l-impiegi li huwa daqs, jew ogħla, mid-doppju tal-medja Komunitarja f’kull sena ta’ referenza mill-1985;

(b) jew rata medja ta’ qgħad matul l-aħħar tliet snin li tkun ‘il fuq mill-medja Komunitarja, jew tnaqqis fil-popolazzjoni mill-1985 ‘il hawn.

7. Iż-żoni urbani msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ifissru żoni b’popolazzjoni densa li jissodisfaw ukoll ta’ mill-inqas wieħed minn dawn il-kriterji:

(a) rata ta’ qgħad fit-tul ogħla mill-medja Komunitarja;

(b) livell għoli ta’ faqar, inkluż kundizzjonijiet prekarji tad-djar

(ċ) ambjent partikolarment imniġġeż;

(d) rata għolja ta’ kriminalità u delinkwenza;

(e) livell baxx ta’ edukazzjoni fost il-popolazzjoni.

8. Iż-żoni li jiddependu fuq is-sajd imsemmija fil-paragrafu I għandhom ifissru żoni kostali li fihom in-numru ta’ impiegi fl-industrija tas-sajd bħala perċentwal mit-total ta’ l-impiegi huwa sinifikanti u li jkunu qegħdin jiffaċċjaw problemi strutturali soċjo-ekonomiċi li huma relatati mar-ristrutturazzjoni tas-settur tas-sajd u li jirriżulta fi tnaqqis sinifikanti fin-numru ta’ impiegi f’dak is-settur.

9. L-għajnuna Komunitarja tista’ testendi għal żoni li l-popolazzjoni jew li l-arja tagħhom huwa sinifikanti u li jaqgħu f’waħda minn dawn il-kategoriji li ġejjin:

(a) żoni li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 5 li huma kontigwi ma’ żona industrijali, żoni li jilħqu l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 6 li huma kontigwi ma żona rurali, żoni li jissodisfaw jew il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 5 jew inkella dawk stabbiliti fil-paragrafu 6 u li huma kontigwi ma’ reġjun li jkun jaqa taħt l-Objettiv 1;

(b) żoni rurali bi problemi soċjo-ekonomiċi li ġejjin jew mix-xjuħija jew inkella mit-tnaqqis tal-popolazzjoni tal-ħaddiema agrikoli:

(ċ) żoni li jkunu qegħdin jiffaċċjaw jew li jkunu mhedda minn problemi strutturali serji minħabba karattersitiċi li relevanti u verifikabbli, jew livell għoli ta’ qgħad li ġejja minn ristrutturazzjoni kurrenti jew ippjanata ta’ attività jew attivitajiet fis-settur agrikolu, industrijali jew tas-servizzi.

10. Kull żona tista’ tkun eliġibbli għal għajnuna taħt wieħed biss mill-Objettivi 1 u 2.

11. Il-lista taż-żoni għandha tkun valida għal seba’ snin mill-1 ta’ Jannar 2000.

Meta jkun hemm kriżi serja f’reġjun, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi fuq proposta mill-Istat Membru, tista’ temenda l-lista taż-żoni matul l-2003 skond il-paragrafi 1 sa 10 mingħajr ma żżid il-proporzjon tal-popolazzjoni f’kull reġjun imsemmi f’Artikolu 13(2).

Artikolu 5

L-Objettiv 3

Iż-żoni eliġibbli għall-iffinanzjar skond l-Objettiv 1 għandhom ikunu dawk li m’humiex koperti mill-Objettiv 1.

Artikolu 6

Appoġġ transitorju

1. Minkejja Artikolu 3, ir-reġjuni koperti mill-Objettiv 1 fl-1999 skond ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 li m’humiex imsemmija fit-tieni sottoparagrafu ta’ Artikolu 3(1) u (2) ta’ dan ir-Regolament għandhom ikomplu jirċievu appoġġ mill-Fondi taħt l-Objettiv 1 fuq bażi transitorja mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2005.

Meta tkun qed tiġi adottata l-lista msemmija f’Artikolu 3(2), il-Kummissjoni għandha, skond Artikolu 4(5) u (6), tagħmel il-lista taż-żoni tan-NUTS livell III li jappartjenu lil dawk ir-reġjuni li jkunu sejrin jirċievu appoġġ mill-Fondi taħt l-Objettiv I fuq bażi transitorja fl-2006.

Madanakollu, fil-limiti tal-popolazzjoni taż-żoni msemmija fit-tieni sottoparagrafu u b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 4(4), it-tieni sottoparagrafu, il-Kummissjoni tista’ fuq proposta ta’ Stat Membru, tissostitwixxi dawn iż-żoni b’żoni fil-livell III tan-NUTS jew anqas, li jkunu jappartjenu għal dawk ir-reġjuni li jissodisfaw il-kriterji ta’ Artikolu 4(5) sa (9).

Iż-żoni tar-reġjuni li m’humiex fil-lista msemmija fit-tieni u t-tielet sottoparagrafi għandhom ikomplu jirċievu l-appoġġ fl-2006 mill-FSE, l-SFGS, u mit-Taqsima tal-Gwida tal-FEGGA biss, bl-istess forma ta’ għajnuna.

2. Minkejja Artikolu 4, ir-reġjuni li jaqgħu taħt l-Objettivi 2 u 5 (b) fl-1999 skond ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 li m’humiex fil-lista msemmija f’Artikolu 4(4) ta’ dan ir-Regolament għandhom jirċievu l-appoġġ mill-FEŻR, mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2005, taħt l-Objettiv 2 skond dan ir-Regolament, fuq bażi transitorja.

Żoni bħal dawn għandhom jirċievu appoġġ mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2006 mill-FSE taħt l-Objettiv 3 fuq l-istess bażi bħal żoni taħt l-Objettiv 3, mit-Taqsima tal-Garanziji tal-FEGGA taħt l-appoġġ tagħha għall-iżvilupp rurali u minngħand l-SFGS taħt il-miżuri strutturali fis-setur tas-sajd ‘il barra mill-Objettiv 1.

IL-KAPITOLU III

DISPOSIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 7

Riżorsi u konċentrazzjoni

1. Ir-riżorsi li huma disponibbli biex jiġu dedikati mill-Fondi għall-perjodu 2000 sa 2006 għandhom jammontaw għal 195 biljun EUR bil-prezzijiet ta’ l-1999.

L-analiżi sistematika annwali ta’ dawk ir-riżorsi tidher fl-Anness.

2. L-analiżi tar-riżorsi ta’ l-estimi bejn objettiv u ieħor għandha tkun tali li tikseb konċentrazzjoni sinifikanti għar-reġjuni ta’ l-Objettiv 1.

69,7 % tal-Fondi Strutturali għandhom jiġu allokati għall-Objettiv I, inkluż 4,3 % għal appoġġ transitorju (i.e. total ta’ 135,9 biljun EUR.

11,5 % tal-Fondi Strutturali għandu jiġi allokat għall-Objettiv 2, inkluż 1.4 % għall-appoġġ transitorju (i.e. total ta’ 22.5 biljun EUR).

12,3 % tal-Fondi Strutturali għandu jiġi allokat għall-Objettiv 3 (i.e. total ta’ 24,505 biljun EUR).

Iċ-ċifri kwotati għall-Objettivi 1, 2 u 3 ma jinkludux ir-riżorsi finanzjarji msemmija fil-paragrafu 6 u lanqas l-iffinanzjar ta’ l-SFGS barra mill-Objettiv I.

3. Permezz ta’ l-użu ta’ proċeduri trasparenti, il-Kummissjoni għandha tagħmel analiżi indikattiva għal kull Stat Membru dwar l-approprjazzjonijiet imwiegħda li huma disponibbli għall-ipprogrammar imsemmi f’Artikoli 13 sa 19, waqt li jiġu kunsidrati, għall-Objettivi 1 u 2, kriterju oġġettiv wieħed jew iżjed, simili għal dawk li jaqgħu taħt ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88, li huma: popolazzjoni eliġibbli, risq reġjonali, risq nazzjonali u s-severità relattiva tal-problemi strutturali, speċjalment fil-livell tal-qgħad.

Għall-Objettiv 3, l-analiżi mill-Istat Membru għandha tkun ibbażata prinċipalment fuq il-popolazzjoni eliġibbli, is-sitwazzjoni ta’ l-impieg u s-severità tal-problemi, bħalma huma l-esklużjoni soċjali, il-livelli ta’ edukazzjoni u taħriġ, u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.

Għall-Objettivi 1 u 2, dawn l-analiżi għandhom jiddistingwu bejn allokazzjonijiet ta’ approprjazzjonijet għal regjuni u żoni li jgawdu minn appoġġ transitorju. Dawn l-allokazzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti b’konformità mal-kriterji msemmija fl-ewwel sottoparagrafu. L-analiżi annwali ta’ dawn l-approprjazzjonijiet għandha titnaqqas bil-mod mill-1 ta’ Jannar 2000 u fl-2000 għandha tkun aktar baxxa milli fl-1999. Il-profil ta’ l-appoġġ transitorju għandu jista’ jiġi addattat apposta għall-ħtiġiet speċifiċi ta’ reġjuni individwali, bi ftehim mal-Kummissjoni, kemm-il darba l-allokazzjoni finanzjarja għal kull reġjun tiġi rispettata.

Permezz ta’ proċeduri trasparenti, il-Kummissjoni għandha tagħmel analiżi indikattivi għal kull Stat Membru ta’ l-approprjazzjonijiet imwiegħda li huma disponibbli għall-azzjonijiet strutturali fil-qasam tas-sajd barra mir-reġjuni ta’ l-Objettiv 1, kif imsemmija f’Artikolu 2(3), l-ewwel sottoparagrafu.

4. Taħt l-Objettiv I, għandu jiġi stabbilit programm tal-PEACE biex jappoġġa l-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq għas-snin bejn l-2000 u l-2004 għall-benefiċċju ta’ l-Irlanda ta’ Fuq u ż-żoni tal-fruntjiera ta’ l-Irlanda.

Taħt l-Objettiv 1, programm speċjali ta’ għajnuna għall-perjodu bejn is-sena 2000 u l-2006 għandu jiġi stabbilit għar-reġjuni NUTS II ta’ l-Isvezja li m’humiex koperti mill-lista msemmija f’Artikolu 3(2) u li jilħqu l-kriterji stabbiliti f’Artikolu 2 tal-Protokoll 6 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-Awstrija, l-Isvezja u l-Finlandja.

5. 4 % ta’ l-approprjazzjonijiet imwiegħda taħt kull analiżi nazzjonali indikattiva msemmija fil-paragrafu 3 għandu jiġi allokat skond Artikolu 44.

6. Għall-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, 5.35 % ta’ l-approprjazzjoni mwiegħda għall-Fondi Strutturali msemmija fil-paragrafu 1, għandu jiġi dedikat għall-iffinanzjar ta’ l-inizzjattivi Komunitarji.

0,65 % ta’ l-approprjazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu dedikati għall-iffinanzjar ta’ miżuri innovattivi u assistenza teknika kif definit f’Artikoli 22 u 23.

7. Sabiex dawn jiġu programmati u sussegwentement inklużi fil-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu indiċjati mill-1 ta’ Jannar 2000 bit-2 % fis-sena.

L-indiċjar ta’ l-allokazzjonijiet mill-2004 sal-2006 għandu jiġi rivedut, jekk ikun meħtieġ, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2003 għall-aġġustament tekniku mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ l-aħħar informazzjoni ekonomika disponibbli. Id-differenza relattiva għal-ipprogrammar inizzjali għandha tiġi allokata mill-ġdid sabiex tiġi inkluża fis-somma li għaliha ssir referenza fil-paragrafu 5.

8. It-total tad-dħul annwali f’kull Stat Membru mill-Fondi Strutturali skond dan ir-Regolament - flimkien ma’ l-għajnuna provduta taħt il-Fond ta’ l-Għaqda - m’għandux jeċċedi l-4 % tal-PGD.

IL-KAPITOLU IV

ORGANIZZAZZJONI

Artikolu 8

Komplimentarjetà u sħubija

1. L-azzjonijiet Komunitarji għandhom jikkumplimentaw jew jikkontribwixxu lejn operazzjonijet nazzjonali li korrispondenti. Dawn għandhom isiru b’konsultazzjoni mill-viċin, hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejħa "sħubija", bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru, flimkien ma’ l-awtoritajiet u l-korpi nominati mill-Istat Membru fil-qafas tar-regoli nazzjonali u l-prassi kurrenti, li huma:

- l-awtoritajiet reġjonali u lokali u awtoritajiet publiċi oħrajn kompetenti,

- l-imsieħba ekonomiċi u soċjali,

- il-korpi l-oħra kompetenti relevanti f’dan il-qafas.

Is-sħubija għandha titmexxa b’konformità sħiħa mal-poteri istituzzjonali, legali u finanzjarji rispettivi ta’ kull sieħeb kif definit fl-ewwel sottoparagrafu.

Meta jinnomina l-aktar sħubija rappreżentattiva fuq livell nazzjonali, reġjonali, lokali jew xi livell ieħor, l-Istat Membru għandu joħloq assoċjazzjoni wiesa’ u effettiva tal-korpi kollha relevanti, skond ir-regoli u l-prassi nazzjonali, waqt li jieħu in konsiderazzjoni l-ħtieġa li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-iżvilupp sostenibbli permezz ta’ l-integrazzjoni tal-protezzjoni ambjentali u l-ħtiġiet għal titjib.

Il-partijiet kollha nominati, hawn taħt imsejħa "l-imsieħba", għandhom ikunu sħab b’objettiv wieħed.

2. Is-sħubija għandha tkopri t-tħejjija, l-iffinanzjar, is-Sorveljanza u l-valutazzjoni ta’ l-għajnuna.. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-imsieħba relevanti jkunu assoċjati fid-diversi stadji ta’ l-ipprogrammar, waqt li jqisu t-terminu ta’ żmien għal kull stadju.

3. Sabiex jiġi applikat il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna għandha tkun ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri, fil-livell teritorjali approprjat skond l-arranġamenti speċifiċi ta’ kull Stat Membru, u mingħajr preġudizzju għall-poteri vestiti fil-Kummissjoni, speċjalment dak ta’ l-implimentazzjoni tal-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

4. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni sabiex jiżguraw li l-Fondi tal-Komunità jintużaw skond il-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja soda.

5. Kull sena, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-organizzazzjonijiet fuq livell Ewropew li jirrappreżentaw l-imsieħba soċjali, dwar il-politika strutturali tal-Komunità.

Artikolu 9

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a) programmar: tfisser l-organizzazzjoni, it-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-proċess ta’ l-iffinanzjar li jitwettaq f’numru ta’ stadji sabiex tiġi mplimentata fuq bażi multi-annwali l-azzjoni konġunta tal-Komunità u l-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-Objettivi imsemmija f’Artikolu 1;

(b) pjan ta’ żvilupp (hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejjaħ "il-pjan": ifisser l-analiżi tas-sitwazzjoni mħejjija minn Stat Membru fid-dawl ta’ l-objettivi imsemmija f’Artikolu 1 u l-ħtiġiet prijoritarji sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi, flimkien ma’ l-istrateġija, l-azzjonijiet prioritarji pjanati, l-objettivi speċifiċi tagħhom u r-riżorsi finanazjarji indikattivi relatati;

(ċ) Il-qafas politiku ta’ referenza għall-Objettiv 3: ifisser dokument li jistabbilixxi l-kuntest għall-għajnuna fir-rigward ta’ l-iżvilupp ta’ l-impjiegi u r-riżorsi umani fit-teritorju kollu ta’ kull Stat Membru, u li jidentifika r-relazzjoni mal-prioritajiet stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Impjieg;

(d) Il-qafas ta’ appoġġ Komunitarju ifisser id-dokument approvat mill-Kummissjoni, bi qbil ma’ l-Istat Membru konċernat, li jsir wara valutazzjoni tal-pjan sottomess minn Stat Membru u li jkun fih l-istrateġija u l-prioritajiet għal azzjoni tal-Fondi u ta’ l-Istat Membru, l-objettivi speċifiċi tagħhom, il-kontribuzzjoni tal-Fondi u r-riżorsi finanzjarji oħrajn. Dan id-dokument għandu jkun maqsum fi prioritajiet u implimentat permezz ta’ programm operazzjonali wieħed jew aktar;

(e) għajnuna: tfisser il-forma ta’ għajnuna provduta mill-Fondi, i.e.:

(i) programmi operazzjonali jew dokumenti ta’ programmar individwali;

(ii) Programmi ta’ inizjattiva komunitarji;

(iii) appoġġ għal għajnuna teknika u miżuri innovattivi;

(f) programm operattiv: ifisser id-dokument approvat mill-Kummissjoni biex jiġi implimentat qafas ta’ appoġġ Komunitarju u li jkun fih serje konsistenti ta’ prioritajiet li jkun fihom miżuri multi-annwali u li jistgħu jiġu mplimentati permezz ta’ rikors għal Fond wieħed jew aktar, għall-istrument finanzjarju eżistenti wieħed jew aktar u għall-BEI. Prrogramm operattiv integrat ifisser programm operattiv finanzjat minn iżjed minn Fond wieħed;

(ġ) dokument ta’ programmar individwali: ifisser dokument wieħed approvat mill-Kummissjoni u li jkun fih l-istess informazzjoni li tinstab f’qafas ta’ appoġġ Komunitarju u programm operattiv;

(ħ) priorità; tfisser waħda mill-prioritajiet ta’ l-istrateġija adottata fil-qafas ta’ l-appoġġ Komunitarju jew għajnuna; lil din tiġi assenjata kontribuzzjoni mill-Fondi u mill-istrumenti finanzjarji l-oħra u mir-riżorsi finanzjarji relevanti ta’ l-Istat Membru u serje ta’ objettivi speċifikati;

(i) għotja globali: tfisser dik il-parti ta’ l-għajnuna li l-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni tagħha tista’ tiġi fdata f’idejn intermedjarju approvat wieħed jew aktar skond Artikolu 27(1), inklużi l-awtoritajiet lokali, korpi għall-iżvilupp reġjonali jew organizzazzjonijiet mhux governattivi, preferibilment użati biex jassistu inizjattivi għall-iżvilupp lokali. Id-deċiżjoni biex tintuża għotja globali għandha tittieħed bi ftehim mal-Kummissjoni mill-Istat Membru jew, bi ftehm ma l-Istat Membru mill-awtorità amminsitrattiva.

Fil-każ ta’ programmi ta’ inizjattiva u miżuri innovattivi Komunitarji, il-Komunità tista’ tiddeċiedi li tuża għotja globali għall-għajnuna kollha jew għal parti minnha. Fil-każ ta’ inizjattivi Komunitarji, din id-deċiżjoni tista tittieħed biss bi ftehim minn qabel ta’ l-Istati Membri konċernati

(j) miżura: tfisser il-mezzi li bihom tiġi implimentata priorità matul bosta snin li tippermetti li l-operazzjonijiet jiġu finanzjati. Kull skema ta’ għajnuna taħt Artikolu 87 tat-Trattat jew kull għajnuna mogħtija minn korpi nominati mill-Istati Membri, jew kull grupp ta’ skemi ta’ għajnuna ta’ dan it-tip jew kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom li għandhom l-istess skop u li huma definiti bħala miżuri;

(k) operazzjoni: tfisser kull proġett jew azzjoni li titwettaq mill-benefiċjarji finali ta’ l-għajnuna;

(l) benefiċjarji finali; tfisser il-korpi u l-azjendi pubbliċi jew privati responsabbli biex jikkummissjonaw l-operazzjonijiet. Fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna skond Artikolu 87 tat-Trattat u fil-każ ta’ għajnuna mogħtija minn korpi nominati mill-Istati Membri, il-benefiċjarji finali huma l-korpi li jagħtu l-għajnuna;

(m) il-kwota tal-programm: tfisser id-dokument li jimplimenta l-istrateġija u l-prioritajiet ta’ l-għajnuna u li jkun fih elementi dettaljati fuq livell ta’ miżuri, kif stabbilit f’Artikolu 18(3), mħejji mill-Istat Membru jew mill-awtorità amministrattiva u rivedut kif meħtieġ skond Artikolu 34(3). Dan jintbagħat lill-Kummissjoni għall-informazzjoni;

(n) awtorità amminstrattiva: tfisser kull awtorità pubblika jew privata jew korp fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali nominat mill-Istat Membru, jew l-Istat Membru meta huwa stess ikun qiegħed iwettaq din il-funzjoni, li jaministraw l-għajnuna għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Jekk l-Istat Membru jinnomina awtorità apparti minnu nnifsu, għandu jistabbilixxi l-modalitajiet kollha tar-relazzjoni tiegħu ma’ l-awtorità aministrattiva u tar-relazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar mal-Kummissjoni. Jekk l-Istat Membru hekk jiddeċiedi, l-awtorità amministrattiva tista tkun l-istess korp bħall-awtorità li tkun qiegħda tħallas għall-għajnuna in kwestjoni;

(o) l-awtorità li tħallas: tfisser awtorità waħda jew iktar nazzjonali, reġjonali jew lokali jew korpi nominati mill-Istati Membri bl-iskop li jfasslu u jissottomettu applikazzjonijiet għall-ħlas u jirċievu l-ħlasijiet mill-Kummissjoni. L-Istat Membru għandu jistabbilixxi l-modalitajiet tar-relazzjoni tiegħu ma’ l-awtorità li tħallas u tar-relazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar mal-Kummissjoni.

Artikolu 10

Kordinazzjoni

1. Kordinazzjoni bejn id-diversi Fondi għandha sseħħ b’mod partikolari permezz ta’:

(a) il-pjanijiet, l-oqfsa ta’ appoġġ Komunitarji, il-programmi operattivi u d-dokumenti ta’ l-ipprogrammar individwali (kif definiti f’Artikolu 9) inkluż il-qafas ta’ referenza, fejn relevanti, skond Artikolu 9(1)(ċ);

(b) is-Sorveljanza u l-evalwazzjoni ta’ l-għajnuna taħt Għan;

(ċ) il-linji ta’ gwida li għalihom issir referenza fil-paragrafu 3.

2. Il-Kummissjoni u l-Istat Membru għandhom, b’mod konsistenti mal-prinċipju tas-sħubija, jiżguraw kordinazzjoni ta’ l-għajnuna mill-Fondi differenti bejn il-Fondi u bl-għajnuna mill-BEI u l-istrumenti finanzjarji oħrajn eżistenti.

Sabiex tkabbar dejjem iżjed l-istimolu provdut mir-riżorsi tal-budget użati, waqt li tuża l-istrumenti finanzjarji approprjati, l-għajnuna Komunitarja provduta taħt forma ta’ għotjiet tista’ tiġi magħquda b’mod xieraq ma għotjiet u garanziji. Dan it-tagħqid jista’ jiġi stabbilit flimkien mal-BEI meta l-qafas ta’ appoġġ Komunitaju jew id-dokument ta’ l-ipprogrammar individwali jkun qiegħed jiġi mfassal. Dan jista jieħu in konsiderazzjoni l-bilanċ fil-pjan ta’ finanzjament propost, il-kontribuzzjoni mill-Fondi u l-objettivi għall-iżvilupp segwiti.

3. Mhux aktar tard minn xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u sussegwentement qabel ir-revizjoni li ssir f’nofs il-perjodu msemmi f’Artikolu 42, u f’kull okkażjoni wara li jiġu konsultati l-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni għandha tippubblika linji-gwida indikattivi u wiesa’ dwar linji politiċi Komunitarji relevanti li jkun hemm qbil dwarhom fir-rigward ta’ l-objettivi imsemmija f’Artikolu 1, sabiex jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali kompetenti sabiex ifasslu pjanijiet għall-iżvilupp u biex iwettqu kull reviżjoni ta’ l-għajnuna. Din il-gwida għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 11

Żieda

1. Sabiex jinkiseb impatt ekonomiku ġenwin, l-approprjazzjonijiet mill-Fondi m’għandhomx jissostitwixxu l-Infiq pubbliku jew Infiq ieħor strutturali ekwivalenti mill-Istat Membru.

2. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat għandhom jistabbilixxu l-livell ta’ nfieq pubbliku jew infiq strutturali ekwivalenti li l-Istat Membru għandu jagħmel fit-totalità tar-reġjuni tiegħu li jaqgħu taħt l-Objettiv 1 waqt il-perjodu ta’ l-ipprogrammar.

Għall-Objettivi 2 u 3 meħuda flimkien, il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat għandhom jistabbilixxu l-livell ta’ nfieq fuq il-politika tas-suq tax-xogħol attiv u, fejn ikun ġustifikat, azzjonijiet oħra ntiżi biex jagħmluha possibbli li jintlaħqu l-miri ta’ dawk iż-żewġ Objettivi li l-Istat Membru għandu jżomm fuq livell nazzjonali matul il-perjodu ta’ l-ipprogrammar.

Infiq bħal dan għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru u mill-Kummissjoni, waqt li jieħdu in konsiderazzjoni d-disposizzjonijet tar-raba’ sottoparagrafu, qabel tingħata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova kull qafas ta’ appoġġ Komunitarju jew dokumenti ta’ programmar individwali li għandhom x’jaqsmu ma l-Istat Membru konċernat u dan għandu jiġi integrat f’dawk id-dokumenti.

Bħala regola ġenerali, il-livell ta’ l-Infiq imsemmi fl-ewwel u t-tieni sottoparagrafi għandu jkun ta’ mill-inqas daqs l-ammont ta’ l-ispiża medja annwali f’termini reali li miksub matul il-perjodu ta’ programmar preċedenti u għandu jiġi stabbilit fid-dawl taċ-ċirkostanzi ġenerali makro-ekonomiċi li fihom iseħħ dan il-finanzjament, għalkemm għandu jittieħed kont ta’ ċerti sitwazzjonijiet ekonomiċi speċifiċi, l-aktar il-privatizzazzjoni, il-livell eċċezzjonali ta’ sforz strutturali pubbliku jew sforz ekwivalenti minn naħa ta’ l-Istat Membru matul il-perjodu preċedenti ta’ programmar u t-tendenzi ekonomiċi nazzjonali..

Għandha tittieħed ukoll konsiderazzjoni ta’ kull tnaqqis fin-nefqa tal-Fond Strutturali meta mqabbla mal-perjodu 1994 sa 1999.

3. Iż-żieda għandha tiġi verifikata fuq livell teritorjali kif stabbilit fil-paragrafu 2 fi tliet punti matul il-perjodu ta’ l-ippogrammar:

(a) verifika ex-ante kif imfissra fit-tielet sottoparagrafu tal-paragrafu 2, biex jiġu provdut qafas ta’ referenza għall-perjodu sħih ta’ l-ipprogrammar;

(b) verifika f’nofs il-perjodu mhux aktar tard minn tlett snin wara l-approvazzjoni tal-qafas għall-appoġġ Komunitarju jew tad-dokumenti ta’ l-ipprogrammar individwali u bħala regola ġenerali mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2003, wara liem data l-Kummissjoni u l-Istat Membru jistgħu jaqblu li jirrevedu l-livell tan-nefqa strutturali li trid tintlaħaq jekk is-sitwazzjoni ekonomika tkun irriżultat fi żviluppi fid-dħul pubbliku jew fl-impiegi fl-Istat Membru konċernat li jkun sinifikament differenti minna dawk mistennija fi żmien il-verifika ex-ante;

(ċ) verifika sal-31 ta’ Diċembru 2005.

Għal dawn il-finijiet, l-Istat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni approprjata fil-ħin meta jiġu sottomessi l-pjanijiet u meta l-verifika f’nofs il-perjodu u l-verifika ta’ qabel il-31 ta’ Diċembru 2005 isiru. Fejn ikun meħtieġ, għandhom jintużaw metodi ta’ stima statistika.

Indipendentement minn dawn il-verifiki, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni fi kwalunkwe stadju waqt il-perjodu ta’ l-ipprogrammar bl-iżviluppi li aktarx jistgħu jixħtu dubju fuq il-kapaċità tiegħu li jżomm il-livell ta’ l-Infiq imsemmi fil-paragrafu 2.

Artikolu 12

Kompatibilità

Operazzjonijiet li jkunu qegħdin jiġu finanzjati mill-Fondi jew li jkunu qegħdin jirċievu għajnuna mill-BEI jew minngħand strument finanzjarju ieħor għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, ma’ l-istrumenti addottati taħtu u mal-linji politiċi u l-azzjonijiet Komunitarji, inkluż ir-regoli dwar il-kompetizzjoni, dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, dwar il-protezzjoni u t-titjib ambjentali u dwar l-eliminazzjoni ta’ l-inugwaljanzi u l-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

IT-TITOLU II

PROGRAMMAR

IL-KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR L-OBJETTIVI 1, 2 U 3

Artikolu 13

Kopertura ġeografika

1. Pjanijiet sottomessi skond l-Objettiv 1 għandhom jiġu mfassla fuq il-livell ġeografiku li jitqies mill-Istat Membru konċernat bħala l-aktar wieħed approprjat iżda, bħala regola ġenerali, għandhom ikopru reġjun wieħed fuq livell II tan-NUTS. Madanakollu l-Istati Membri jistgħu jissottomettu pjan ġenerali ta’ żvilupp li jkun ikopri xi reġjuni jew ir-reġjuni kollha tagħhom inklużi fil-lista msemmija f’Artikolu 3(2), f’Artikolu 6(1) u f’Artikolu 7(4), sakemm dan il-pjan ikun fih il-karatteristiċi elenkati f’Artikolu 16.

2. Pjanijiet sottomessi taħt l-Objettiv 2 għandhom jiġu mħejjija isiru fuq il-livell ġeografiku li huwa meqjus mill-Istat Membru konċernat bħala l-aktar wieħed approprjat, iżda bħala regola ġenerali, għandhom iħaddnu fihom iż-żoni kollha koperti minn reġjun wieħed ta’ livell NUTS II, inklużi fil-lista li għaliha ssir referenza f’Artikolu 4(4) u f’Artikolu 6(2). Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu jissottomettu pjan li jkopri uħud mir-reġjuni jew ir-reġjuni kollha inklużi fil-lista msemmija f’Artikolu 4(4) u f’Artikolu 6(2), sakemm dan il-pjan ikun iħaddan il-karatteristiċi elenkati f’Artikolu 16. Meta l-pjanijiet ikunu jkopri reġjuni oħra barra minn dawk li huma eliġibbli taħt l-Objettiv 2, dawn għandhom jagħmlu distinzjoni bejn operazzjonijiet fir-reġjuni jew żoni koperti mill-Objettiv 2 u operazzjonijiet bnadi oħra.

3. Pjanijiet sottomessi taħt l-Objettiv 3 għandhom ikopru t-territorju ta’ Stat Membru fil-każ ta’ għajnuna barra mir-reġjuni koperti mill-Objettiv 1 u, filwaqt illi jagħtu każ tal-ħtiġiet ġenerali ta’ żoni li jkunu qegħdin jiffaċċjaw problemi strutturali ta’ bidla soċjo-ekonomika, għandhom jipprovdu għat-teritorju nazzjonali kollu, qafas ta’ referenzi għall-iżvilupp tar-riżorsi umani.

Artikolu 14

Tul ta’ żmien u reviżjoni

1. Kull pjan, qafas ta’ appoġġ Komunitarju, programm operattiv u dokument ta’ programmar individwali għandu jkopri perjodu ta’ seba’ snin, mingħajr preġudizzju għal Artikolu 6 u Artikolu 7(4), l-ewwel sottoparagrafu.

Il-perjodu ta’ programmar għandu jibda fl-1 ta’ Jannar 2000.

2. L-oqfsa ta’ appoġġ komunitarju, il-programmi operazzjonali u d-dokumenti ta’ programmar individwali għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid u, jekk meħtierġ, addattati skond l-inizjattiva ta’ l-Istat Membru jew tal-Kummissjoni bi qbil ma’ l-Istat Membru, skond dan it-Titolu wara l-valutazzjoni li ssir f’nofs il-perjodu kif imsemmi f’Artikolu 42 u l-allokazzjoni tar-riserva ta’ prestazzjoni msemmija f’Artikolu 44.

Jistgħu ukoll jiġu riveduti fil-każ ta’ bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni soċjo-ekonomika u fis-suq tax-xogħol.

Artikolu 15

Tħejjija u approvazzjoni

1. Fir-rigward ta’ l-Objettivi 1, 2 u 3, l-Istati Membri għandhom jissottomettu pjan lill-Kummissjoni. Dan il-pjan għandu jitfassal mill-awtoritajiet kompetenti nominati mill-Istat Membru fuq livell nazzjonali, reġjonali jew livell ieħor. F’każijiet fejn l-għajnuna tkun se tieħu l-forma ta’ dokumement ta’ programmar individwali, il-pjan għandu jiġi trattat bħala abbozz ta’ dokument ta’ programmar individwali.

Fir-rigward ta’ l-Objettiv 1, l-infrastrutturi ta’ appoġġ komunitarji għandhom jiġu mħaddma għar-reġjuni kollha li jaqgħu taħt l-Objettiv 1; madanakollu, meta l-allokazzjoni Komunitarja tkun anqas minn jew ma teċċedix b’mod sostanzjali 1000 miljun EUR, l-Istati membri għandhom, bħala regola ġenerali, jissottomettu abbozz ta’ dokument ta’ programmar individwali.

Għar-rigward ta’ l-Objettivi 2 u 3, id-dokument ta’ l-ipprogrammar individwali għandu bħala regola ġenerali jiġi mħaddem; madanakollu, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jiġi mfassal qafas ta’ appoġġ Komunitarju.

2. Il-pjanijiet għandhom jiġu sottomessi mill-Istati Membri lill-Kummissjoni wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba, li għandhom juru l-fehma tagħhom f’perjodu ta’ żmien konsistenti ma l-iskadenza ffissata fit-tieni sottoparagrafu.

Sakem ma jiġix miftiehem mod ieħor ma’ l-Istat Membru konċernat, għandhom jiġu sottomessi pjanijiet mhux aktar tard minn erba xhur wara li l-lista ta’ reġjuni eliġibbli msemmija f’Artikolu 3(2) u Artikolu 4(4) tkun ġiet mfassla.

3. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta dawn il-pjanijiet sabiex tiddetermina jekk humiex konsistenti ma’ l-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, waqt li tieħu konsiderazzjoni tal-qafas ta’ referenza li għalih issir referenza f’Artikolu 9(1)(ċ), linji politiċi Komunitarji oħrajn u Artikolu 41(2).

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll kull pjan ta’ l-Objettiv 3 propost fid-dawl tal-konsistenza tal-miżuri previsti mal-pjan nazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija Ewropea għall-impieg, skond Artikolu 16(1)(b) u waqt li tagħti każ tal-manjiera u tal-grad ta’ kif il-ħtiġiet ġenerali ta’ żoni li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ problemi strutturali ta’ bidla soċjo-ekonomika qegħdin jiġu indirizzati.

4. Fejn applikabbli, kif provdut fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tfassal il-qafas ta’ l-appoġġ Komunitarju bi qbil ma’ l-Istat Membru konċernat u skond il-proċeduri stabbiliti f’Artikoli 48 sa 51. Il-BEI jista jkun involut fit-tħejjija tal-qafas ta’ l-appoġġ Komunitarju. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar il-kontribut mill-Fondi mhux aktar tard minn ħames xhur wara li tkun irċeviet il-pjan jew il-pjanijiet relevanti sakemm dawn ikun fihom il-karatteristiċi kollha elenkati f’Artikolu 16.

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-programmi operattivi proposti sottomessi mill-Istat Membru sabiex tiddetermina jekk humiex konsistenti ma’ l-iskopijiet tal-qafas ta’ l-appoġġ Komunitarju korrispondenti u jekk humiex kompatibbli ma linji politiċi Komunitarji oħra. Għandha tadotta deċiżjoni dwar il-kontribuzzjoni tal-Fondi skond Artikolu 28(1) u bi qbil ma’ l-Istat Membru konċernat, sakemm il-proposti jkunu jħaddnu il-karatteristiċi kollha elenkati f’Artikolu 18(2).

Biex iħaffu l-eżaminazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet u l-implimentazzjoni tal-programmi, l-Istati Membri jistgħu jippresentaw, fl-istess ħin mal-pjanijiet, abbozzi ta’ programmi operattivi. Meta l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha fuq il-qafas ta’ l-appoġġ Komunitarju, il-Kummissjoni għandha wkoll tapprova, skond Artikolu 28(1), il-programmi operattivi sottomessi fl-istess ħin mal-pjanijiet sakemm dawn ikunu jħaddnu l-karatteristiċi kollha elenkati f’Artikolu 18(2).

5. Fejn appliabbli u kif provdut fil-paragrafu 1 fuq il-bażi tal-pjanijiet, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fuq id-dokumenti ta’ programmar individwali bi qbil ma’ l-Istat Membru konċernat, skond il-proċeduri stabbiliti f’Artikoli 48 sa 51. Il-BEI jista jkun involut fit-tħejjija tad-dokumenti ta’ programmar individwali. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni waħda fuq id-dokument ta’ programmar individwali u fuq il-kontribuzzjoni tal-Fondi skond Artikolu 28(1) mhux aktar tard minn ħames xhur wara li tkun irċeviet il-pjan relevanti, sakemm dan ikun fih il-karatterstiċi kollha elenkati f’Artikolu 19(3).

6. L-Istat Membru jew l-awtorità amministrattiva għandhom jadottaw l-kwota tal-programm kif definit f’Artikolu 9(m) wara li jkun hemm qbil mill-Kumitat ta’ Sorveljanza jekk il-kwota tal-programm ikun tfassal wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kontribuzzjoni mill-Fondi, jew wara li tkun konsultat l-imsieħba relevanti, jekk din tkun saret qabel id-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjoni mill-Fondi. Fil-każ ta’ l-aħħar, il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jew jikkonferma l-kwota tal-programm jew jitlob aġustament skond Artikolu 34(3).

Fi żmien tliet xhur mid-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni tkun approvat programm operattiv jew dokument ta’ programmar individwali, l-Istat Membru għandu jibgħat il-kwota tal-programm lill-Kummissjoni f’dokument individwali għall-informazzjoni.

7. Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-qafas ta’ appoġġ Komunitarju jew id-dokument ta’ programmar individwali għandhom jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Fuq talba tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tibgħatilha, għall-informazzjoni, dawn id-deċiżjonijiet u l-qafas ta’ appoġġ Komunitarju u d-dokumenti ta’ programmar individwali li tkun approvat.

IL-KAPITOLU II

IL-KONTENUT TA’ L-IPPROGRAMMAR GĦALL-OBJETTIVI 1, 2 U 3

Artikolu 16

Pjanijiet

1. Il-pjanijiet presentati taħt l-Objettivi 1, 2 u 3 għandhom ikunu bbażati fuq prioritajiet nazzjonali u reġjonali approprjati u għandhom jikknsidraw il-gwida indikattiva li għaliha ssir referenza f’Artikolu 10(3) u għandhom jinkludu:

(a) deskrizzjoni, kwantifikata fejn tippresta ruħha għall-kwantifikazjzoni, tas-sitwazzjoni kurrenti kemm fir-rigward ta’ diskrepanzi, lakuni u potenzjal għall-iżvilupp fir-reġjuni li huma koperti mill-Objettiv 1, jew fit-termini tal-bidla fiż-żoni koperti mill-Objettiv 2, jew fit-termini ta’ l-iżvilupp tar-riżorsi umani u l-politika ta’ l-impiegi fl-Istat Membru u ż-żoni koperti mill-Objettiv 3; ukoll, deskrizzjoni tar-riżorsi finanzjarji wżati u r-riżultati prinċipali ta’ l-operazzjonijiet li twettqu fil-perjodu ta’ programmar preċedenti fir-rigward tar-riżultati tal-valutazzjoni disponibbli;

(b) deskrizzjoni ta’ strateġija approprjata sabiex jintlaħqu l-objettivi imsemmija f’Artikolu 1 u l-prioritajiet magħżula għall-iżvilupp sostenibbli u l-bidla ta’ reġjuni u żoni, inklużi ż-żoni rurali, u l-iżvilupp relatat fir-riżorsi umani u l-adattament u l-immodernizzar ta’ metodi u sistemi fl-edukazzjoni, taħriġ u impjiegi.

Flimkien ma’ l-affarijiet oħrajn imsemmija f’dan il-punt, l-Istati Membri għandhom juru f’kull pjan ta’ l-Objettiv 3 illi l-prioritajiet pjanati huma konsistenti mal-pjan nazzjonali għall-impjiegi prevalenti, b’referenza għad-deskrizzjoni tal-miri prinċipali ta’ l-istrateġija u l-mezzi prinċipali sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu.

Bl-istess mod, l-Istati Membru għandhom juru li l-attivitajiet provduti f’kull pjan ta’ l-Objettiv 2 dwar ir-riżorsi umani u l-impiegi li jridu jiġu mgħejuna mill-FSE ikunu integrati fl-istrateġija tal-bidla, koordinati mal-Fondi l-oħrajn u konsistenti mal-valutazzjoni ex-ante dwar ir-riżorsi umani u l-impiegi kif imsemmi f’Artikolu 41(2). Jekk dawn il-ħtiġiet ma jammontawx għal somma sinifikanti, huma għandhom jiġu koperti mill-Objettiv 3;

(ċ) indikazzjoni ta’ l-użu u l-forma pjanati tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fondi u, fejn xieraq, il-BEI u l-istrumenti finanzjarji oħrajn inkluż, għall-informazzjoni, l-ammont totali mit-Taqsima tal-Garanziji tal-FEGGA għall-miżuri msemmija f’Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999; ir-rekwiżit mistenni għal għajnuna teknika; indikazzjoni dwar iż-żieda skond Artikolu 11(2), fejn għall-Objettiv 1 dan għandu jieħu l-forma ta’ skeda indikattiva tat-total ta’ finanzjament li tagħti fil-qosor ir-riżorsi pubbliċi jew ekwivalenti tagħhom u fejn hu xieraq, estimu tar-riżorsi privati u r-riżorsi strutturali tal-Komunità allokati li jikkorrispondu ma kull priorità proposta fil-pjan.

F’kull każ, il-pjanijiet għandhom jiddistingwu bejn il-boroż finanzjarji allokati lil żoni li jirċievu appoġġ transitorju u dawk allokati lil żoni oħra koperti bl-Objettivi 1 u 2.

Fil-każ ta’ għajnuna mill-FSE taħt l-Objettivi 2 u 3, il-kontribuzzjoni perċentwali tista’ tkun ogħla fiż-żoni ta’ l-Objettiv 2 milli f’oħrajn.

Fil-każ tal-Objettiv 3, dan il-pjan ta’ finanzjament juri l-konċentrazzjoni ta’ approprjazzjonijiet pjanati għaż-żoni li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ problemi strutturali ta’ bidla ekonomika u soċjali.

(d) rendikont ta’ l-arranġamenti magħmula biex jiġu konsultati l-imsieħba.

2. Għal reġjuni li huma koperti mill-Objettiv 1, il-pjanijiet għandhom jinkludu l-miżuri relevanti kollha għal bidla ekonomika u soċjali, l-iżvilupp tar-riżorsi umani, waqt li jagħtu każ tal-qafas ta’ referenza li għalih isir referenza f’Artikolu 9(1)(ċ), u l-iżvilupp rurali u l-istrutturi tas-sajd.

Meta Stat Membru jkun kopert totalment fit-totalità tiegħu mill-Objettiv 1, il-pjan għandu jkopri l-punti fit-tieni sottoparagrafu tal-paragrafu (1)(b).

3. L-Istati Membri għandhom jindikaw id-dettalji relatati ma’ kull Fond, inkluż l-ammont tal-kontribuzzjoni finanazjarja mitluba u skizz tal-programmi operattivi pjanati, b’konsiderazzjoni partikolari għall-miri speċifiċi tagħhom u għat-tipi prinċipali ta’ azzjonijiet pjanati.

Artikolu 17

Qafas ta’ appoġġ Komunitarju

1. Il-qafas ta’ appoġġ Komunitarju għandu jipprovdi l-koordinazzjoni ta’ l-għajnuna strutturali kollha fir-reġjuni konċernati, inkluż, skond Artikolu 1(3), l-għajnuna għall-iżvilupp tar-riżorsi umani.

2. Kull qafas ta’ appoġġ Komunitarju għandu jinkludi:

(a) prospett ta’ l-istrateġija u tal-prioritajiet għal azzjoni konġunta Komunitarja u nazzjonali; l-objettivi speċifiċi tagħhom, kwantifikati fejn jipprestaw ruħhom għal kwantifikazzjoni; valutazzjoni ta’ l-impatt mistenni skond Artikolu 41(2); indikazzjoni dwar kif din l-istrateġija u dawn il-prioritajiet mxew mal-gwida indikattiva msemmija f’Artikolu 10(3), il-politika ekonomika, l-istrateġija għall-iżvilupp ta’ l-impiegi permezz ta’ titjib fl-adattabilità u s-snajja tan-nies u, fejn approprjat, il-politika reġjonali ta’ l-Istat Membru konċernat;

(b) indikazzjoni tan-natura u t-tul ta’ żmien tal-programmi operattivi li ma jkunux ġew deċiżi fl-istess waqt tal-qafas ta’ appoġġ Komunitarju, inklużi il-miri speċifiċi tagħhom u l-prioritajiet magħżula;

(ċ) pjan finanzjarju indikattiv li jispeċifika, skond Artikoli 28 u 29, għal kull priorità u għal kull sena, l-allokazzjoni finanzjarja maħsuba għall-kontribuzzjoni ta’ kull Fond, fejn approprjat il-BEI, l-istrumenti finanzjarji l-oħra - inkluż, għall-informazzjoni, l-ammont totali mit-Taqsima tal-Garanziji tal-FEGGA għall-miżuri msemmija f’Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 - fejn jikkontribwixxu direttament għall-pjan ta’ finanzjament konċernat u l-ammont totali tal-finanzjament pubbliku eliġibbli u l-istima tal-finanzjament privat dwar il-kontribuzzjoni ta’ kull Fond.

Fil-kas ta’ l-Objettiv 3, dak il-pjan ta’ finanzjament għandu juri l-konċentrazzjoni ta’ l-approprjazzjonijiet pjanati għaż-żoni li jiffaċċjaw problemi strutturali ta’ bidla ekonomika u soċjali.

Dan il-pjan ta’ finanzjament għandu jiddistingwi l-finanzjament pjanat għar-reġjuni li jirċievu appoġġ transitorju.

Il-kontribuzzjoni totali tal-Fondi pjanata għal kull sena għal kull qafas ta’ appoġġ Komunitarju għandha tkun kumpatibbli mal-perspettiva finanzjarja relevanti, waqt li tiġi kunsidrata d-digressività msemmija fit-tielet sottoparagrafu ta’ Artikolu 7(3);

(d) id-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ l-infrastruttura ta’ appoġġ Komunitarju tinkludi;

- nomina mill-Istat Membru ta’ awtorità amministrattiva, fis-sena ta’ Artikolu 9(n) responsabbli għall-amministrazzjoni tal-qafas ta’ appoġġ Komunitarju skond Artikolu 34,

- arranġamenti għall-involviment ta’ l-imsieħba fil-Kumitati ta’ Sorveljanza deskritti f’Artikolu 35;

(e) fejn hu xieraq, l-informazzjoni dwar l-approprjazzjonijiet meħtieġa għall-preparazzjoni, is-Sorveljanza u l-għajnuna fil-valutazzjoni.

Skond Artikolu 11, il-qafas ta’ l-appoġġ Komunitarju għandhom jinkludu l-verifika ex-ante taż-żieda u l-informazzjoni approprjata dwar it-trasparenza ta’ movimenti finanzjarji, b’mod partikolari mill-Istati Membri konċernati lir-reġjuni benefiċjarji.

Artikolu 18

Programmi operattivi

1. Għajnuna koperta mill-qafas ta’ l-appoġġ Komunitarju għandha bħala regola ġenerali tkun provduta f’forma ta’ programm operattiv integrat għal kull reġjun, kif imfisser f’Artikolu 9.

2. Kull programm operattiv għandu jinkludi:

(a) il-prioritajiet tal-programm, il-konsistenza taħghom mal-qafas ta’ l-appoġġ Komunitarju relevanti, il-miri speċifiċi tagħhom, kwantifkati fejn jipprestaw ruħhom għal kwantifikazzjoni, u valutazzjoni ta’ l-impatt mistenni, skond Artikolu 41(2);

(b) deskrizzjoni fil-qosor tal-miżuri pjanati biex jiġu implimentati l-prioritajiet, inkluża l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi verifikata l-aderenza ma’ l-iskemi ta’ l-għajnuna skond Artikolu 87 tat-Trattat; fejn hu approprjat, in-natura tal-miżuri meħtieġa biex jiġi preparat, sorvelljata u valutat il-programm operattiv.

(ċ) pjan indikattiv ta’ finanzjament li jispeċifika għal kull priorità u għal kull sena, skond Artikoli 28 u 29, l-allokazzjoni finanzjarja prevista għall-kontribuzzjoni ta’ kull Fond, fejn hu xieraq tal-BEI, u l-istrumenti finanzjarji oħra - inkluż, għall-informazzjoni, l-ammont totali mit-Taqsima tal-Garanziji tal-FEGGA għall-miżuri msemmija f’Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 - safejn dawn jikkontribwixxu direttament għall-pjan ta’ finanzjament, kif ukoll l-ammont totali tal-finanzjament pubbliku eliġibbli kif ukoll stima tal-finanzjament privat dwar il-kontribuzzjoni ta’ kull Fond.

Dan il-pjan ta’ finanzjament għandu jiddistingwi fil-kontribuzzjoni totali tad-diversi Fondi, il-finanzjament pjanat għar-reġjuni li jkunu jirċievu appoġġ transitorju.

Il-kontribuzzjoni totali tal-Fondi pjanati għall kull sena għandha tkun kompatibbli mal-perspettiva finanzjarja relevanti, waqt li tieħu kont tad-digressività msemmija fit-tielet sottoparagrafu ta’ Artikolu 7(3);

(d) id-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ programm operattiv għandhom jinkludu:

(i) nomina mill-Istat Membru ta’ awtorità amministrattiva fis-sens ta’ Artikolu 9(n) responsabbli għall-amministrazzjoni tal-programm operattiv skond Artikolu 34;

(ii) deskrizzjoni ta’ l-arranġamenti għall-amministrazzjoni tal-programm operattiv;

(iii) deskrizzjoni tas-sistemi ta’ sorveljanza u ta’ valutazzjoni, inkluż is-sehem ta’ Kumitat ta’ Ssorveljanza;

(iv) definizzjoni tal-proċeduri dwar il-mobilizzazzjoni u ċ-ċirkolazzjoni tal-movimenti finanzjarji sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tagħhom;

(v) deskrizzjoni ta’ l-aranġamenti u l-proċeduri speċifiċi sabiex jiġi kontrollat il-programm operattiv.

3. Il-kwota tal-programm għandha jkun fiha:

(a) il-miżuri li jimplimentaw il-prioritajiet korrispondenti fil-programm operattiv; valutazzjoni ex-ante, skond Artikolu 41(3), tal-miżuri kwantifikati, fejn dawn jipprestaw ruħhom għal kwantifikazzjoni; l-indikaturi relevanti ta’ Sorveljanza skond Artikolu 36;

(b) id-definizzjoni tat-tipi ta’ benefiċjarji finali tal-miżuri;

(ċ) il-pjan ta’ finanzjament li jispeċifika għal kull miżura, skond Artikoli 28 u 29, l-allokazzjoni finanzjarja prevista għall-kontribuzzjoni tal-Fond konċernat, il-BEI fejn hu xieraq, u l-istrumenti finanzjarji l-oħra eżistenti u l-ammont ta’ finanzjamnet eliġibbli, pubbliku jew ekwivalenti u stima ta’ finanzjament privat relatata mal-kontribuzzjoni tal-Fondi; il-perċentwal tal-kontribuzzjoni ta’ Fond lejn miżura għandu jiġi determinat skond Artikolu 29 u l-ammont totali tal-fondi Komunitarji allokati għall-priorità konċernata..

Dan il-pjan ta’ finanzjament għandu jiddistingwi l-finanzjament pjanat għar-reġjuni li jirċievu appoġġ transitorju.

Il-pjan ta’ finanzjament għandu jkun akkumpanjat minn deskrizzjoni ta’ l-arranġamenti għall-provvista ta’ kofinanzjament għall-miżuri, waqt illi jiġu meqjusa s-sistemi istituzzjonali, legali u finanzjarji ta’ l-Istat Membru konċernat;

(d) il-miżuri intiżi biex jippubbliċizzaw il-programm operattiv skond Artikolu 46;

(e) deskrizzjoni ta’ l-arranġamenti miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat dwar l-iskambju komputerizzat, fejn hu possibbli, ta’ l-informazjzoni meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ l-amministrazzjoni, tas-Sorveljanza u ta’ l-evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 19

Dokumenti ta’ programmar individwali

1. L-għajnuna taħt l-Objettivi 2 u 3, u taħt l-Objettiv 1 kif speċifikat f’Artikolu 15(1), għandha, bħala regola ġenerali, tieħu l-forma ta’ dokumenti ta’ programmar individwali. Fil-każ ta’ l-Objettivi 2 u 3, Artikolu 15(1)(ċ) għandu japplika.

2. Dokument ta’ programmar individwali ta’ l-Objettiv 1 għandu jinkludi l-miżuri kollha relevanti għall-bidla ekonomika u soċjali, l-iżvilupp ta’ l-impiegi permezz ta’ titjib fl-adattabilità u l-ħiliet tan-nies, waqt illi tittieħed konsiderazzjoni tal-qafas ta’ referenza li għalih issir referenza f’Artikolu 9(1)(ċ) u l-iżvilupp rurali u l-istrutturi tas-sajd.

Dokument ta’ programmar individwali ta’ l-Objettiv 2 għandu jipprovdi koordinazzjoni ta’ l-għajnuna Komunitarja strutturali kollha, skond Artikolu 41(2) tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999, il-kordinazzjoni ta’ miżuri ta’ żvilupp rurali skond Artikolu 33 ta’ dak ir-Regolament, iżda jeskludi l-għajnuna għall-iżvilupp tar-riżorsi umani mogħtija taħt l-Objettiv 3, fl-oqsma kollha koperti mill-Objettiv 2.

Dokument ta’ programmar individwali ta’ l-Objettiv 3 għandu jipprovdi koordinazzjoni fl-għajnuna strutturali Komunitarja kollha għall-iżvilupp tar-riżorsi umani fl-oqsma msemmija f’Artikolu 5, eskluża l-għajnuna f’dan il-qasam mogħtija taħt l-Objettiv 2.

3. Kull dokument ta’ programmar individwali għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a) prospett dwar l-istrateġija u l-prioritajiet għal azzjoni Komunitarja u nazzjonali konġunta; l-iskopijiet speċifiċi tagħhom, kwantifikati fejn dawn jipprestaw ruħhom għal kwantifikazjzoni; evalwazzjoni ta’ l-impatt mistenni, inkluż fuq is-sitwazzjoni ambjentali, skond Artikolu 41(2); indikazzjoni fuq kif din l-istrateġija u dawn il-prioritajiet imxew mal-linji gwida msemmija f’Artikolu 10(3), il-politika ekonomika, l-istrateġija għall-iżvilupp fl-impiegi permezz ta’ titjib ta’ l-adattabilità u l-ħiliet tan-nies u, fejn hu xieraq, il-politika reġjonali ta’ l-Istat Membru konċernat;

(b) deskrizzjoni fil-qosor tal-miżuri pjanati biex jimplimentaw il-prioritajiet, inkluża l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi verifikata l-konformità ma’ l-iskemi ta’ għajnuna skond Artikolu 87 tat-Trattat; fejn hu approprjat, in-natura tal-miżuri mitluba biex jiġi preparat, sorvelljat u evalwat id-dokument ta’ programmar individwali;

(ċ) pjan ta’ finanzjament indikattiv li jispeċifika għal kull priorità u għal kull sena, skond Artikoli 28 u 29, l-allokazzjoni finanzjarja maħsuba għall-kontribuzzjoni ta’ kull Fond, il-BEI fejn aproprjat, u l-istrumenti finanzjarji l-oħra - inkluż għall-informazzjoni, l-ammont totali mit-Taqsima tal-Garanziji tal-FEGGA għall-miżuri msemmija f’Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 - safejn dawn jikkontribwixxu direttament għall-pjan ta’ finanzjament, kif ukoll l-ammont totali tal-finanzjament eliġibbli, pubbliku jew ekwivalenti u stima tal-finanzjament privat fir-rigward tal-kontribuzzjoni ta’ kull Fond.

Dan il-pjan ta’ finanzjament għandu jiddistingwi l-finanzjament pjanat għar-reġjuni li jirċievu appoġġ transitorju.

Il-kontribuzzjoni totali tal-Fondi pjanata għal kull sena għandha tkun kompatibbli mal-perspettiva finanzjarja relevanti, waqt li tieħu kont tad-degressività msemmija fit-tielet sottoparagrafu ta’ Artikolu 7(3).

Fil-każ ta’ l-Objettiv 3, il-pjan ta’ finanzjament għandu jindika l-konċentrazzjoni ta’ approprjazzjonijiet pjanati għaż-żoni li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ problemi ta’ bidla mill-ġdid strutturali, ekonomiċi u soċjali;

(d) id-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ dokument ta’ programmar individwali għandhom jinkludu:

(i) in-nomina mill-Istat Membru ta’ awtorità li tamministra fis-sens ta’ Artikolu 9, responsabbli għall-amministrazzjoni tad-dokument ta’ programmar individwali skond Artikolu 34;

(ii) deskrizzjoni ta’ l-arranġamenti għall-amministrazzjoni tad-dokument ta’ programmar individwali;

(iii) deskrizzjoni tas-sistemi ta’ sorveljanza u evalwazzjoni, inkluż is-sehem tal-Kumitat ta’ sorveljanza;

(iv) definizjoni tal-proċeduri dwar il-mobilizzazzjoni u ċ-ċirkolazzjoni tal-finanzjament biex jiġi żgurat li l-movimenti ikunu trasparenti;

(v) deskrizzjoni ta’ l-arranġamenti speċifiċi u l-proċeduri ta’ kontroll fir-rigward tad-dokument ta’ programmar individwali;

(e) fejn hu approprjat, l-informazzjoni dwar ir-riżorsi meħtieġa għat-tħejjija, is-sorveljanza u l-valutazzjoni ta’ l-għajnuna.

Skond Artikolu 11, id-dokument ta’ programmar individwali għandu jinkludi l-verifika ex-ante taż-żieda għall-objettiv jew l-objettivi relevanti mifthiema bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni u l-informazzjoni xierqa dwar it-trasparenza tal-movimenti finanzjarji, b’mod partikolari mill-Istat Membru konċernat lir-reġjuni benefiċjarji.

4. Kull dokument ta’ programmar individwali għandu jkun miżjud bi kwota ta’ programm kif definita f’Artikolu 9(m) u deskritta f’Artikolu 18(3).

IL-KAPITOLU III

INIZJATTIVI KOMUNITARJI

Artikolu 20

Kontenut

1. L-inizjattivi Komunitarji għandhom ikopru l-oqsma li ġejjin:

(a) il-kooperazzjoni bejn naħa u oħra ta’ fruntjiera, transnazzjonali u inter reġjonali intiża biex tiżgura l-iżvilupp armonjuż, bilanċjat u sostenibbli taż-żona sħiħa Komunitarja ("Interreg");

(b) ir-riġenerazzjoni ekonomika u soċjali tal-bliet u tad-distretti urbani fi kriżi bl-iskop li jiġi promoss żvilupp urban sostenibbli ("URBAN");

(ċ) żvilupp rurali ("Leader");

(d) kooperazzjoni trans nazzjonali biex jiġu promossi mezzi ġodda li jiġġieldu kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni u inugwaljanzi b’konnessjoni mas-suq tax-xogħol ("EQUAL").

2. Ta’ lanqas 2,5 % ta’ l-approprjazzjonijiet imwiegħda tal-Fondi Strutturali msemmija f’Artikolu 7(1) għandhom jiġu allokati lill-Interreg, li permezz tagħha għandha tingħata l-attenzjoni dovuta lill-attivitajiet bejn iż-żewġ naħat tal-fruntiera, b’mod partikolari fil-perspettiva tat-tkabbir, u lill-Istati Membri li għandhom fruntieri estensivi mal-pajjiżi applikanti, kif ukoll għal kordinazzjoni aħjar mal-programmi tal-Phare, Tacis u MEDA. Għandha wkoll tingħata l-attenzjoni dovuta lill-kooperazzjoni mar-reġjuni li jinsabu l-aktar il barra.

Għandha tiġi meqjusa l-integrazzjoni soċjali u vokazzjonali tar-refuġjati fil-qafas ta’ l-EQUAL.

3. Programmi li jkunu approvati fil-qafas ta’ l-inizjattivi Komunitarji jistgħu jkopru żoni oħra barra minn dawk li għalihom issir referenza f’Artikoli 3 u 4.

Artikolu 21

Tħejjija, approvazzjoni u implimentazzjoni

1. Skond il-proċeduri msemmija f’Artikoli 48 sa 51 u wara li tinnotifikahom għal skopijiet ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi linji gwida li jiddeskrivu, għal kull inizjattiva, il-miri, l-iskop u l-metodu xieraq ta’ l-implimentazzjoni. Dawk il-linji gwida għandhom jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Kull żona li għaliha ssir referenza f’Artikolu 20(1) għandha tkun finanzjata minn Fond wieħed: iż-żona msemmija fil-paragrafu l(a) u (b) mill-FEŻR, iż-żona msemmija fil-paragrafu l(ċ) mit-Taqsima tal-Gwida tal-FEGGA u ż-żona msemmija fil-paragrafu l(d) mill-FSE. Id-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjoni ta’ Fond tista’ tkabbar l-iskop ta’ kull Fond kif definit fir-Regolamenti speċifiċi għal kull Fond, iżda mingħajr ma twessgħu, biex dan jinkludi l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi implimentat il-programm konċernat ta’ inizjattiva Komunitarja.

3. Fuq il-bażi tal-proposti elenkati skond il-linji gwida msemmija fil-paragrafu 1 u skond Artikolu 41(2) li ġew sottomessi mill-Istat(i) Membru(i), il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-programmi ta’ inizjattiva Komunitarji skond Artikolu 28.

4. Il-programmi ta’ inizjattiva Komunitarji għandhom jerġgħu jiġu eżaminati wara l-evalwazzjoni li ssir f’nofs il-perjodu kif imsemmi f’Artikolu 42 u emendati fejn ikun meħtieġ, wara applikazzjoni mill-Istat(i) Membru(i) konċernat(i) jew mill-Kummissjoni bi qbil ma l-Istat(i) Membru(i).

5. Il-programmi ta’ iniżjattiva Komunitarji għandhom ikopru perjodu ta’ seba’ snin, li jibda mill-1 ta’ Jannar 2000.

IL-KAPITOLU IV

AZZJONIJIET INNOVATTIVI U GĦAJNUNA TEKNIKA

Artikolu 22

Azzjonijiet innovattivi

1. Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-kumitati msemmija f’Artikoli 48 sa 51 dwar il-linji gwida għad-diversi tipi ta’ azzjonijiet innovattivi, soġġetti għal limitu ta’ mhux aktar minn 0,40 % tal-finanzjament annwali rispettiv tagħhom, il-Fondi jistgħu jiffinanzjaw azzjonijiet innovattivi fuq livell Komunitarju. Dawn għandhom jinkludu studji, proġetti pilota u tpartit ta’ esperjenza.

Azzjonijiet innovattivi bħal dawn għandhom jikkontribwixxu għat-tħejjija ta’ metodi u prassi innovattivi maħsuba biex itejbu l-kwalità ta’ l-għajnuna taħt Objettivi 1, 2 u 3. Huma għandhom jiġu implimentati b’mod sempliċi u trasparenti u skond il-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja serja.

2. Kull qasam ta’ azzjoni għall-proġetti pilota għandu jkun finanzjat minn fond wieħed biss. Id-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjoni ta’ fond tista’ tamplifika l-iskop ta’ kull fond kif definit fir-Regolamenti speċifiċi għal kull fond, iżda bla ma twessgħu wisq, biex tinkludi l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi implimentat il-proġett pilota konċernat.

Artikolu 23

Għajnuna teknika

Fuq l-inizjattiva jew għan-nom tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-kumitati msemmija f’Artikoli 48 sa 51 dwar id-diversi tipi ta’ miżuri, soġġetti għal limitu ta’ mhux aktar minn 0,25 % ta’ l-allokazzjoni annwali rispettiva, il-Fondi jistgħu jiffinanzjaw il-miżuri ta’ tħejija, sorveljanza, evalwazzjoni u verifika neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawn għandhom jinkludu:

(a) studji, inkluż studji ta’ natura ġenerika, dwar l-operat tal-Fondi;

(b) miżuri ta’ għajnuna teknika, tpartit ta’ esperjenza u informazzzjoni intenzjonati għall-imsieħba, il-benefiċjarji finali ta’ għajnuna mill-Fondi u l-pubbliku ġenerali;

(ċ) l-istallazzjoni, l-operat u l-interkonnessjoni ta’ sistemi komputerizzati għall-amministrazzjoni, is-sorveljanza u l-evalwazzjoni;

(d) titjib fil-metodi ta’ l-evalwazzjoni u l-iskambji ta’ informazzjoni dwar prassi f’dan il-qasam.

Artikolu 24

Approvazzjoni ta’ azzjonijiet innovattivi u għajnuna teknika

1. Filwaqt li tuża l-informazzjoni dwar azzjonijiet innovattivi mill-Istati Membri konċernati, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjonijiet għal kontribuzzjoni mill-Fondi skond Artikoli 22 u 23 fuq il-bażi tad-dettalji li ġejjin:

(a) deskrizzjoni ta’ l-għajnuna proposta, l-iskop tagħha, inkluża l-estensjoni ġeografika u l-miri speċifiċi;

(b) il-korpi li għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni ta l-għajnuna u l-benefiċjarji;

(ċ) l-iskeda u l-pjan ta’ finanzjament, inklużi l-kontribuzzjonijiet minn kull sors ieħor ta’ finanzi Komunitarji;

(d) dispożizzjonijiet biex jiżguraw l-implimentazzjoni effiċjenti u korretta;

(e) kull informazzjoni oħra meħtieġa biex tivverifika l-kompatibilità mal-politika Komunitarja u mal-linji gwida msemmija f’Artikolu 10(3).

Il-Kummisssjoni għandha tapprova l-kontribuzzjoni tal-Fondi meta din l-informazzjoni tgħinha tevalwa l-applikazzjoni.

2. L-Istati Membri konċernati għandhom jiġu notifikati immedjatament mill-Kummissjoni wara l-approvazzjoni ta’ l-applikazzjoni.

3. Ir-responsabbiltà finanzjarja ta’ l-Istati Membri fis-sens ta’ dan ir-Regolament m’għandhiex tiġi invokata għall-azzjonijiet innovattivi msemmija f’Artikolu 22 jew il-miżuri ta’ għajnuna teknika msemmija f’Artikolu 23, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-arranġamenti istituzzjonali speċifiċi għal kull Stat Membru.

IL-KAPITOLU V

PROĠETTI MAĠĠURI

Artikolu 25

Definizzjoni

Bħala parti minn kull għajnuna, il-Fondi jistgħu jiffinanzjaw nefqa fuq proġetti maġġuri i.e. dawk:

(a) li jinkludu serje ta’ xogħolijiet ekonomikament indiviżibbli li jwettqu funzjoni teknika preċiża u li jkollhom miri identifikati b’mod ċar; u

(b) li t-total tan-nefqa tagħhom, ikkalkulat sabiex tiġi determinata l-kontribuzzjoni tal-Fondi, jaqbeż l-50 miljun EUR.

Artikolu 26

Approvazzjoni u implimentazzjoni

1. Matul l-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna, fejn Stat Membru jew awtorità amminsitrattiva tbassar il-Fondi li jikkontribwixxu għal proġett maġġuri, hija għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-quddiem u tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(a) il-korp li se jkun responsabbli għall-implimentazzjoni; ċ

(b) in-natura ta’ l-investiment u d-deskrizzjoni tiegħu, il-volum finanzjarju tiegħu u l-post;

(ċ) l-iskeda għall-implimentazzjoni tal-proġett;

(d) analiżi tal-viabilità, inklużi l-ispejjeż finanazjarji u l-benfiċċji, valutazzjoni tar-riskji u informazzjoni dwar il-viabilità ekonomika tal-proġett;

(e) b’żieda ta’:

- fil-każ ta’ investiment fl-infrastruttura; l-analiżi ta’ l-ispejjeż u l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi tal-proġett, inkluża indikazzjoni dwar ir-rata mistennija ta’ l-użu, l-impatt prevedibbli fuq l-iżvilupp jew il-bidla tar-reġjun konċernat, u l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar kuntratti pubbliċi.

- fil-każ ta’ investiment f’faċilitajiet produttivi: l-analiżi tal-prospetti tas-suq fis-settur konċernat u l-qliegħ antiċipat mill-proġett,

(f) l-effetti diretti u indiretti fuq is-sitwazzjoni ta’ l-impiegi, sa fejn huwa possibbli fil-Komunità;

(ġ) informazzjoni li tippermetti li ssir evalwazzjoni dwar l-impatt ambjentali u l-implimentazzjoni tal-prinċipju kawtelatorju u l-prinċipji li għandha tittieħed azzjoni kawtelatorja, li l-ħsara ambjentali għandha bħala priorità tissewwa mill-għeruq tagħha u li min iniġġeż għandu jħallas u l-konformità mar-regoli Komunitarji dwar l-ambjent;

(ħ) informazzjoni meħtieġa biex tiġi valutata l-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni, fost l-oħrajn ir-regoli dwar l-għajnuna Statali;

(i) indikazzjoni ta’ l-influwenza tal-kontribuzzjoni tal-Fondi dwar jekk il-proġett huwiex se jiġi implimentat;

(j) il-pjan ta’ finanzjament u t-total tar-riżorsi finanzjarji mistennija mill-kontribuzzjoni tal-Fondi u kull sors ieħor ta’ finanzi Komunitarji.

2. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-proġett, waqt illi jekk ikun meħtieġ tikkonsulta l-BEI, fid-dawl tal-fatturi li ġejjin:

(a) it-tip ta’ investiment pjanat u, fejn applikabbli, id-dħul mistenni;

(b) ir-riżultati ta’ l-analiżi dwar il-benefiċċji tan-nefqa;

(ċ) ir-riżultat ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt ambjentali;

(d) il-konsistenza mal-prioritajiet fl-għajnuna korrispondenti;

(e) il-konformità ma’ linji politiċi oħra Komunitarji;

(f) il-benefiċċji ekonomiċi u soċjali mistennija, b’mod partikolari f’termini ta’ impiegi, b’konsiderazzjoni għar-riżorsi finanzjarji wżati.

(ġ) il-koordinazzjoni ta’ l-istrumenti finanzjarji u l-għaqda ta’ l-għajnuna u s-self imsemmija f’Artikolu 10(2).

3. Fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jew tlett xhur meta tkun meħtieġa konsultazzjoni mal-BEI, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li tikkonferma jew temenda l-livell ta’ għajnuna Komunitarja. Jekk din tikkunsidra li l-proġett ma jidhirx li jiġġustifika la parti milll-kontribuzzjoni mill-Fondi u lanqas il-kontribuzzjoni kollha, din tista’ tiddeċiedi li twaqqaf parti minn dik il-kontribuzzjoni jew il-kontribuzzjoni kollha, waqt li tispjega r-raġunijiet għalfejn qiegħda tagħmel hekk.

IL-KAPITOLU VI

GĦOTJIET GLOBALI

Artikolu 27

Għotjiet globali

1. Meta l-implimentazzjoni jew l-amministrazzjoni ta’ parti mill-għajnuna tkun ġiet fdata lil intermedjarji b’konformità ma’ Artikolu 9(i), dawn l-intermedjarji għandhom jipprovdu garanziji dwar il-kreditu tagħhom u dwar il-kompetenza pruvata u l-esperjenza fl-amministrazzjoni amministrattiva u finanzjarja. Normalment dawn għandhom ikunu stabbiliti jew rappreżentati fir-reġjun jew reġjuni konċernati iżda jistgħu, f’ċirkustanzi limitati u ġustifikati, jkunu stabbiliti barra. Għandu jkollhom bosta snin ta’ esperjenza fil-qasam relevanti, joperaw fl-interess pubbliku u jinvolvu b’mod xieraq l-interessi soċjo-ekonomiċi direttament affettwati bl-implimentazzjoni tal-miżuri pjanati.

2. L-għażla ta’ għotja globali għandha tidher fid-deċiżjoni korrispondenti dwar il-kontribuzzjoni tal-Fondi bħala dispożizzjoni implimentattiva speċjali kif definita f’Artikolu 18(2)(d) u Artikolu 19(3)(d). Il-proċeduri għall-użu ta’ għotjiet globali għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehim bejn l-Istat Membru jew awtorità amministrattiva u l-korp intermedjarju konċernat.

Fil-każ ta’ programmi ta’ inizjattiva Komunitarja u miżuri innovattivi, il-proċeduri għall-użu ta’ l-għotjiet globali għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehim bejn il-Kummissjoni u l-korp intermedjarju konċernat. Fil-każ ta’proġrammi ta’ inizjattiva Komunitarji, għandu jkun hemm ukoll ftehim dwar dawn il-proċeduri ma l-Istati Membri konċernati. Il-kwota tal-programm imsemmija f’Artikolu 18 m’għandhiex x’taqsam ma’ dik il-parti ta’ l-għajnuna li għandha x’taqsam ma l-għotja globali.

3. Il-proċeduri għall-użu ta’ l-għotja globali għandhom ifissru b’reqqa partikolari:

(a) il-miżuri li sejrin jiġu implimentati;

(b) il-kriterji għall-għażla tal-benefiċjarji;

(ċ) il-kundizzjonijiet u r-rati ta’ għajnuna mill-Fondi, inkluż l-użu ta’ kull interess miġmugħ;

(d) l-arranġamenti għas-sorveljanza, l-evalwazzjoni u l-assigurazzjoni tal-kontroll finanzjarju ta’ l-għotja globali;

(e) fejn applikabbli, kull użu ta’ garanzija bankarja, f’liema każ il-Kummissjoni għandha tiġi infurmata.

IT-TITOLU III

KONTRIBUZZJONIJIET U AMMINISTRAZZJONI FINANZJARJAU MILL-FONDI

IL-KAPITOLU I

KONTRIBUZZJONIJIET FINANZJARJI MILL-FONDI

Artikolu 28

Deċiżjoni dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Fondi

1. Sakemm ir-rekwiżii kollha ta’ dan ir-Regolament ikunu sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tadotta b’deċiżjoni waħda l-kontribuzzjonijiet tal-Fondi kollha fi żmien ħames xhur mnn meta tirċievi l-applikazzjoni għall-għajnuna. Id-deċiżjoni għandha tiddistingwi b’mod ċar ir-reġjuni u ż-żoni li sejrin jirċievu l-appoġġ transitorju, fejn applikabbli.

Kontribuzzjoni massima mill-Fondi għandha tiġi ffissata għal kull priorità ta’ l-għajnuna.

Għal ċertu perjodu, miżura m’għandhiex tirċievi għajnuna finanzjarja minn aktar minn fond wieħed kull darba.

Miżura jew operazzjoni tista’ tibbenefika minn kontribuzzjoni minn Fond Strutturali taħt objettiv wieħed biss minn dawk imsemmija f’Artikolu 1 kull darba.

Ebda operazzzjoni ma tista’ tibbenefika fl-istess waqt minn kontribuzzjoni minn Fond taħt l-Objettivi 1, 2 jew 3 u taħt inizjattiva Komunitarja.

Ebda operazzjoni ma tista’ tibbenefika fl-istess waqt minn kontribuzzjoni minn Fond taħt l-Objettivi 1, 2 u 3 u taħt it-Taqsima tal-Garanziji tal-FEGGA.

Ebda operazzjoni ma tista’ tibbenefika minn kontribuzzjoni minn Fond taħt inizjattiva Komunitarja u taħt it-Taqsima tal-Garanziji tal-FEGGA.

2. Il-kontribuzzjoni tal-Fondi lill-programmi operattivi mibdija biex jiġi implimentat il-qafas ta’ l-appoġġ Komunitarju għandha tkun konsistenti mal-pjan ta’ finanzjament stabbilit fil-qafas ta’ l-appoġġ Komunitarju korrispondenti, kif stabbilit f’Artikolu 17(2)(ċ).

3. Fl-implimentazzjoni tal-miżuri, il-kontribuzzjoni tal-Fondi għandha prinċipalment tieħu l-forma ta’ għajnuna diretta li ma titħallasx lura (hawn taħt imsejħa "għajnuna diretta"), kif ukoll forom oħra, bħal għajnuna li trid titħallas lura, sussidju fuq ir-rata ta’ l-interessi, garanzija, parteċipazzjoni f’ishma, parteċipazzjoni f’kapital ta’ impriża jew forma oħra ta’ finanzjar.

Ġħajnuna mħallsa lura lill-awtorità amministrattiva lil awtorità pubblika oħra għandha tiġi allokata mill-ġdid għall-istess skop.

Artikolu 29

Differenzjar tar-rati ta’ kontribuzzjoni

1. Il-kontribuzzjoni tal-Fondi għandha tiġi differenzjata fid-dawl ta’ dan li ġej:

(a) il-gravità tal-problema speċifika, b’mod partikolari ta’ natura reġjonali jew soċjali, li għandha tiġi indirizzata permezz tal-għajnuna;

(b) il-kapaċità finanzjarja ta’ l-Istat Membru konċernat, waqt li tiġi kunsidrata b’mod partikolari l-prosperità relattiva tiegħu u l-ħtieġa li jiġu evitati żidiet eċċessivi fin-nefqa tal-budget;

(ċ) fil-qafas tal-objettivi tal-Fondi kif stabbilit f’Artikolu 1, l-importanza li tingħata lill-għajnuna u l-prioritajiet mill-perspettiva Komunitarja, fejn hu approprjat, għall-eliminazzjoni ta’ l-inugwaljanzi u l-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u għall-protezzjoni u t-titjib ta’ l-ambjent, prinċipalment permezz ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju kawtelatorju, tal-prinċipju ta’ azzjoni kawtelatorja, u tal-prinċipju li min iniġġeż irid iħallas;

(d) l-importanza li tingħata lill-għajnuna u lill-prijoritajiet mill-perspettiva reġjonali u nazzjonali;

(e) il-karatteristiċi partikolari tat-tip ta’ għajnuna u prijorità konċernata, biex jiġu kunsidrati l-bżonnijiet identifikati permezz ta’ l-evalwazzjoni ex-ante, b’mod partikolari fir-rigward tar-riżorsi umani u l-impiegi;

(f) l-aħjar użu tar-riżorsi finanzjarji tal-pjanijiet ta’ finanzjament, inkluża l-kombinazzjoni ta’ riżorsi pubbliċi u privati, l-użu li jsir minn strumenti finanzjarji xierqa b’konformità ma’ Artikolu 10(2), u l-għażla ta’ forom ta’ finanzjament stabbiliti f’Artikolu 28(3).

Meta l-kontribuzzjoni tal-FSE tkun differenzjata skond Artikolu 16(1), dan għandu jsir waqt li jittieħed kont tal-bżonnijiet identifikati bl-evalwazzjoni ex-ante, b’mod partikolari fil-qasam tar-riżorsi umani u l-impjiegi.

2. Il-kontribuzzjoni mill-Fondi tiġi kalkulata skond l-ispiża totali eliġibbli, jew it-total tan-nefqa pubblika jew l-Infiq eliġibbli simili (nazzjonali, reġjonali jew lokali, u Komunitarju) taħt kull għajnuna.

3. Il-kontribuzzjoni tal-Fondi għandha tkun soġġetta għal-limiti li ġejjin:

(a) massimu ta’ 75 % tat-total ta’ l-ispiża eliġibbli, bħala regola ġenerali, ta’ lanqas 50 % ta’ l-ispiża pubblika eliġibbli fil-każ ta’ miżuri mwettqa fir-reġjuni koperti mill-Objettiv 1. Meta r-reġjuni jkunu jinsabu fi Stat Membru kopert mill-Fond tal-Għaqda, il-kontribuzzjoni Komunitarja tista’ tiżdied, fkażijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, għal massimu ta’ 80 % tat-total ta’ l-ispiża eliġibbli u sa massimu ta’ 85 % tat-total ta’ l-ispiża eliġibbli għar-reġjuni l-aktar periferali u għall-gżejjer Griegi li jinsabu ‘l barra li qegħdin fi żvantaġġ minħabba li qegħdin ‘il bogħod.

(b) massimu ta’ 50 % tat-total ta’ l-ispiża eliġibbli u, bħala regola ġenerali, mill-inqas 25 % ta’ l-ispiża pubblika eliġibbli fil-każ ta’ miżuri mwettqa fiż-żoni koperti mill-Objettivi 2 u 3.

Fil-każ ta’ investiment f’ditti, il-kontribuzzjoni tal-Fondi għandha tikkonforma mal-limiti massimi tar-rata ta’ l-għajnuna u fuq ftehim fuq għajnuna stabbilita fil-qasam tal-għajnuna Statali.

4. Meta l-għajnuna konċernata tinkludi l-finanzjament ta’ investimenti li jiġġeneraw id-dħul, il-kontribuzzjoni mill-Fondi għal dawn l-investimenti għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom, inkluż id-daqs tal-marġini ġross li jiffinanzja lilu nnifsu li normalment ikun mistenni li jsir għall-klassi ta’ investimenti konċernati fid-dawl taċ-ċirkostanzi makro-ekonomiċi li fih l-investimenti jkunu sejrin jiġu implimentati, u mingħajr ma jkun hemm żieda fuq il-piż ta’ l-estimi nazzjonali bħala riżultat tal-kontribuzzjoni mill-Fondi.

F’kull każ, il-kontribuzzjoni mill-Fondi għandha tkun soġġetta għal-limiti massimi li ġejjin:

(a) fil-każ ta’ investiment fl-infrastruttura li jiġġenera dħul sostanzjali nett, il-kontribuzzjoni ma tistax tiskorri:

(i) 40 % tat-total tal-prezz eliġibbli fir-reġjuni koperti mill-Objettiv 1, li jista’ jiżdied b’mhux aktar minn 10 % oħra fl-Istati Membri koperti mil-Fond ta’ l-Għaqda;

(ii) 25 % tat-total tal-prezz eliġibbli fiż-żoni koperti mill-Objettiv 2;

(iii) dawn ir-rati jistgħu jiżdiedu b’ammont ta’ forom ta’ finanzi barra minn għajnuna diretta, kemm-il darba din iż-żieda ma tiskorrix l-10 % tat-total ta’ l-ispiża eliġibbli;

(b) fil-każ ta’ investimenti f’ditti, il-kontribuzzjoni ma tistax tiskorri:

(i) 35 % tat-total ta’ l-ispiża eliġibbli fir-reġjuni koperti mill-Objettiv 1;

(ii) 15 % tat-total ta’ l-ispiża eliġibbli fiż-żoni koperti mill-Objettiv 2;

(iii) fil-każ ta’ investimenti f’impriżi żgħar u medji, dawn ir-rati jistgħu jiżdiedu b’ammont ta’ forom ta’ finanzjament barra minn għajnuna diretta, kemm-il darba din iż-żieda ma tiskorrix l-10 % tat-total ta’ l-ispiża eliġibbli.

5. Referenzi fil-paragrafi 3 u 4 għar-reġjuni u ż-żoni koperti mill-Objettivi 1 u 2 għandhom ukoll jitqiesu bħala referenzi għal reġjuni jew żoni li jirċievu minn naħa waħda l-appoġġ transitorju skond Artikolu 6(1) u l-appoġġ skond Artikolu 7(4), u minn naħa l-oħra skond Artikolu 6(2) rispettivament.

6. Il-miżuri mwettqa fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni msemmija f’Artikoli 22 u 23 jistgħu jiġu finanzjati bir-rata ta’ 100 % ta’ l-ispiża totali. Il-miżuri mwettqa f’isem il-Kummissjoni li għalihom issir referenza f’Artikolu 23 għandhom jiġu finanzjati bir-rata ta’ 100 % ta’ l-ispiża totali.

7. Ir-rati f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-miżuri ta’ għajnuna teknika fil-qafas ta’ l-ipprogrammar u l-inizjattivi Komunitarji.

Artikolu 30

Eliġibiltà

1. L-infiq fir-rigward ta’ operazzjonijiet għandu jkun eliġibbli biss għal kontribuzzjoni mill-Fondi jekk dawn l-operazzjonijiet jiffurmaw parti mill-għajnuna konċernata.

2. L-infiq ma jistax jiġi kunsidrat bħala eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fondi jekk ikun attwalment tħallas mill-benefiċjarju finali qabel id-data li fiha l-applikazzjoni għall-għajnuna tkun waslet għand il-Kummissjoni. Dik id-data għandha tirrapresenta l-punt ta’ tluq għall-eliġibiltà ta’ l-infiq.

Id-data finali għall-eliġibiltà ta’ l-infiq għandha tkun stabbilita fid-deċiżjoni biex tingħata l-kontribuzzjoni mill-Fondi. Din għandha tkun marbuta mal-ħlasijiet li jkunu saru mill-benefiċjarji finali. Din tista’ tiġi estiża mill-Kumisssjoni fuq talba debitament ġustifikata milll-Istat Membru b mod konformi ma’ Artikoli 14 u 15.

3. Ir-regoli nazzjonali relevanti għandhom japplikaw għall-ispiża eliġibbli ħlief fejn, kif meħtieġ, il-Kummissjoni tistabbilixxi regoli komuni dwar l-eliġibiltà ta’ l-ispiża b’mod konformi mal-proċedura msemmija f’Artikolu 53(2).

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li operazzjoni tibqa’ żżomm biss il-kontribuzzjoni mill-Fondi jekk dik l-operazzjoni, fi żmien ħames snin mid-data tad-deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew ta’ l-awtorità amministrattiva dwar il-kontribuzzjoni mill-Fondi, ma ssirilhiex modifika sostanzjali:

(a) li taffetwa n-natura tagħha jew il-kundizzjonijiet ta’ l-implimentazzjoni tagħha jew li tagħti lil ditta jew korp pubbliku vantaġġ mhux dovut; u

(b) li tirriżulta jew minn bidla fin-natura tal-proprjetà f’oġġett ta’ infrastruttura jew ċessazzjoni jew bidla fil-post fejn issir l-attività produttiva.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar modifiki bħal dawn. Meta sseħħ modifika bħal din, għandu japplika Artikolu 39.

IL-KAPITOLU II

AMMINISTRAZZJONI FINANZJARJA

Artikolu 31

Rabtiet tal-budget

1. Rabtiet fil-budget Komunitarji għandhom isiru fuq il-bażi tad-deċiżjoni li tingħata kontribuzzjoni mill-Fondi.

2. Rabtiet dwar għajnuna li għandha titwettaq fuq medda ta’ sentejn jew aktar għandhom bħala regola ġenerali jsiru ta’ kull sena. L-ewwel obbligu għandu jsir meta l-Kummissjoni tistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha li tapprova l-għajnuna. Obbligi sussegwenti għandhom isiru bħala regola ġenerali sat-30 ta’ April ta’ kull sena.

Il-Kummissjoni għandha awtomatikament tħoll kull parti minn obbligu li ma jkunx ġie onorat permezz ta’ pagament akkont jew li għalih ma jkunx irċieva applikazzjoni aċċettabbli għall-ħlas, kif definit f’Artikolu 32(3), sat-tmiem tat-tieni sena li tiġi wara s-sena ta’ l-obbligu jew, fejn hu approprjat u għall-ammonti konċernati, wara d-data ta’ deċiżjoni Komunitarja sussegwenti meħtieġa sabiex tawtorizza miżura jew operazzjoni jew sa tmiem l-għeluq taż-żmien għat-trasmissjoni tar-rapport finali imsemmi f’Artikolu 37(1); il-kontribuzzjoni mill-Fondi għal dik l-għajnuna għandha titnaqqas b’dak l-ammont.

Il-perjodu ta’ ħelsien awtomatiku mill-obbligu msemmi fit-tieni sottoparagrafu għandu jieqaf għall-parti ta’ l-obbligu li tikkorrispondi ma’ operazzjonijiet li, fid-data speċifika tal-ħelsien, ikunu s-suġġett ta’ proċess legali, jew ta’ appell amministrattiv li għandu effettti sospensivi, sakemm il-Kummissjoni tirċievi informazzjoni minn qabel li tagħti r-raġunijiet mill-Istat Membru konċernat u għall-informazzjoni li tkun maħruġa mill-Komunità.

F’kull każ, il-Kummissjoni għandha minn kmieni tinforma lill-Istat Membru u lill-awtorità li qiegħda tħallas kull meta jkun hemm riskju ta’ applikazzjoni tal-ħelsien awtomatiku kif provdut fit-tieni sottoparagrafu.

Jekk dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ wara l-1 ta’ Jannar 2000, il-perjodu għal ħelsien awtomatiku msemmi fit-tieni sottoparagrafu għandu jkun estiż għall-ewwel obbligu bin-numru ta’ xhur bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u d-data tad-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Fondi msemmija f’Artikolu 28.

3. Sabiex titwettaq għajnuna matul perjodu ta’ anqas minn sentejn, it-total ta’ l-ammont tal-kontribuzzjoni mill-Fondi għandu jkun marbut meta l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha li tagħti kontribuzzjoni mill-Fondi.

Artikolu 32

Ħlasijiet

1. Il-ħlas mill-Kummissjoni tal-kontribuzzjoni mill-Fondi għandu jsir, skond l-obbligi korrispondenti fl-estimi, lill-awtorità li tħallas kif definit f’Artikolu 9(o).

Il-ħlasijiet għandhom jitniżżlu fl-ewwel obbligu magħruf li jsir skond Artikolu 31.

Il-ħlasijiet jistgħu jsiru f’forma ta’ pagamenti akkont, pagamenti provisorji jew pagamenti tal-bilanċ finali. Il-ħlasjiet provisorji jew il-ħlasijiet tal-bilanċ għandhom ikunu relatati ma’ l-ispiża attwalment imħallsa, li għandha tikkorrispondi mal-ħlasijiet li jsiru mill-benefiċjarji finali, sostanzjati b’riċevuti ta’ kontijiet jew dokumenti ta’ kontabilità ta’ valur probattiv.

Skond jekk ikunx hemm fondi disponibbli, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħlasijiet provisorji matul mhux aktar minn xahrejn minn meta tirċievi applikazzjoni aċċetabbli għall-ħlas, kif imfisser fil-paragrafu 3.

L-awtorità li tagħmel il-ħlas għandha tiżgura li l-benefiċjarji finali jirċievu l-ħlas tal-kontribuzzjoni tagħhom mill-Fondi malajr kemm jista’ jkun u b’mod sħiħ. Ebda riduzzjoni, żamma jew spejjeż speċifiċi oħra ma jistgħu jsiru li jnaqqsu dawn l-ammonti.

2. Meta jsir l-ewwel obbligu, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħlas akkont lill-awtorità li tħallas. Dan il-ħlas akkont għandu jkun ta’ 7 % tal-kontribuzzjoni mill-Fondi għall-għajnuna in kwistjoni. Bħala, dan jista jiġi suddiviż l-aktar fuq medda ta’ sentejn tal-budget, skond kemm ikun hemm fondi disponibbli.

Matul il-perjodu ta’ l-għajnuna, l-awtorità li tħallas għandha tuża l-pagament akkont biex tħallas il-kontribuzzjoni Komunitarja għall-ispiża li għandha x’taqsam ma din l-għajnuna.

Il-ħlas akkont kollu jew parti minnu, skond il-progress fl-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna, għandu jitħallas lura lill-Kummissjoni mill-awtorità li tħallas jekk ma tintbagħatx ebda applikazzjoni għall-ħlas lill-Kumissjoni fi 18-il xahar mid-deċiżjoni tagħha li tagħti kontribuzzjoni mill-Fondi. Jekk jinġemgħu xi interessi fuq il-ħlas akkont dawn għandhom jiġu allokati mill-awtorità li tħallas lill-forma ta’ għajnuna konċernata.

3. Il-ħlasijiet provisorji għandhom isiru mill-Kummissjoni sabiex tirrifondi n-nefqa attwalment imħallsa taħt il-Fondi kif ċerifikat mill-awtorità li tħallas. Dawn il-ħlasijiet għandhom isiru fuq il-livell ta’ kull għajnuna u għandhom jiġu kalkulati fuq il-livell ta’ miżuri li jkunu fil-pjan ta’ finanzjament tal-kwota ta’ programmar. Huma għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-kwota ta’ programmar li jkun fiha l-informazzjoni kif spjegat f’Artikolu 18(3) tkun ġiet preżentata lill-Kummissjoni;

(b) l-aħħar rapport annwali li jmiss dwar l-implimentazzjoni, li jkun fih l-informazzjoni speċifikata f’Artikolu 37 ikun intbagħat lill-Kummissjoni;

(ċ) l-evalwazzjoni li ssir f’nofs il-perjodu ta’ l-għajnuna msemmija f’Artikolu 42, meta tkun dovuta, tkun intbagħtet lill-Kummissjoni;

(d) id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità amministrattiva u mill-Kumitat ta’ sorveljanza huma konsistenti ma’ l-ammont totali tal-kontribuzzjoni mill-Fondi mogħtija lill-prioritajiet konċernati;

(e) ir-rakkomandazzjonijiet kif imsemmija f’Artikolu 34(2) tkun ittieħdet azzjoni dwarhom fil-perjodu speċifikat, jew ir-raġunijiet ikunu ġew komunikati mill-Istat Membru biex jispjega għala ma ttieħdet ebda miżura, fejn dawk ir-rakkomandazzjonijiet huma intiżi sabiex jirrimedjaw nuqqasijiet serji fil-sorveljanza jew fis-sisterma amministrattiva li jxejnu l-amministrazzjoni finanzjarja serja ta’ l-għajnuna; it-talbiet għal miżuri korrettivi kif imsemmija f’Artikolu 38(4) tkun ittieħdet azzjoni dwarhom, jekk l-applikazzjoni tirreferi għall-miżura jew għall-miżuri konċernati;

(f) ebda sospensjoni tal-ħlasijiet taħt is-sottoparagrafu ta’ Artikolu 39(2) ma tkun ġiet deċiża, u ebda deċiżjoni ma ttieħdet mill-Kummissjoni biex tinbeda l-proċedura dwar il-vjolazjzoni fis-sens ta’ Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-miżura(i) li hija jew huma s-suġġett ta’ l-applikazzjoni in kwistjoni.

L-Istat Membru u l-awtorità li tħallas għandhom ikunu informati immedjatament mill-Kummissjoni jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx seħħet u għalhekk l-applikazzjoni għall-ħlas ma tkunx aċċettabbli u dawn għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert li, sa fejn ikun possibbli, l-applikazzjonijiet għal pagamenti provisorji jiġu preżentati lill-Kummissjoni fi gruppi, tlett darbiet fis-sena, u l-aħħar applikazzjoni għandha tiġi preżentata mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru.

Applikazzjonijiet għal ħlasijiet provisorji għandhom jiddistingwu, għal kull priorità, l-ispiża minfuqa f’reġjuni u żoni li jirċievu appoġġ transitorju.

It-total magħqud tal-ħlasijiet imsemmija fil-paragrafu 2 u f’dan il-paragrafu li jsiru fir-rigward ta’ għajnuna m’għandhomx jaqbżu il-95 % tal-kontribuzzjoni mill-Fondi għal dik l-għajnuna.

4. Il-bilanċ finali ta’ l-għajnuna għandu jitħallas jekk:

(a) l-awtorità li tħallas tissottometti lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mill-għeluq taż-żmien għall-ħlas stabbilit fid-deċiżjoni dwar l-għotja tal-kontribuzzjoni mill-Fondi, prospett attestat tan-nefqa attwalment imħallsa;

(b) ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni jkun ġie sottomess lil u approvat mill-Kummissjoni:

(ċ) l-Istat Membru jkun bagħat lill-Kummissjoni l-prospett imsemmi f’Artikolu 38(1)(f).

5. Il-ħlas finali tal-bilanċ ma jistax jiġi korrett aktar b’talba ta’ l-Istat Membru jekk l-awtorità li tħallas ma tkunx bagħtet applikazzjoni lill-Kummissjoni fi żmien disa xhur mid-data tat-trasferiment tal-bilanċ finali.

6. L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet bis-setgħa li joħorġu ċ-ċertifikati u d-dikjarazzjonijet imsemmija fil-paragrafi 3 u 4.

7. Mhux aktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-antiċipazzjonijet aġġornati ta’ l-applikazzjonijiet għall-ħlas għas-sena kurrenti u l-antiċipazzjonijet għas-sena li tmiss.

8. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi proċeduri approprjati għall-ħlasijiet, konsistenti ma’ l-objettivi ta’ dawn id-disposizzjonijet, għall-miżuri innovattivi msemmija f’Artikolu 22 u l-miżuri msemmija f’Artikolu 23 u tinforma lill-kumitati msemmija f’Artikoli 48 sa 51.

Artikolu 33

Użu ta’ l-Euro

Id-deċiżjonijiet, l-obbligi u l-ħlasijiet tal-Kummissjoni għandhom jiġu denominati u mħallsa permezz ta’ l-euro b’konformità ma’ l-arranġamenti li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija f’Artikolu 53(2).

IT-TITOLU IV

EFFETTIVITÀ TA’ L-GĦAJNUNA MILL-FONDI

IL-KAPITOLU I

SORVELJANZA

Artikolu 34

Amministrazzjoni mill-awtorità amministrattiva

1. Mingħajr preġudizzju għal Artikolu 8(3), l-awtorità amministrattiva kif definita f’Artikolu 9(n) għandha tkun responsabbli għall-effiċjenza u l-korrettezza ta’ l-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni, u b’mod partikolari biex:

(a) tistabbilixxi sistema għall-ġbir ta’ informazzjoni finanzjarja u statistika ta’ min jorbot fuqha dwar l-implimentazzjoni, għall-indikaturi ta’ sorveljanza msemmija f’Artikolu 36, u għall-evalwazzjoni b’konformità ma’ Artikoli 42 u 43; u biex din l-informazzjoni tintbagħat skond l-arranġamenti miftiehma bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni, bl-użu fejn hu possibbli ta’ sistemi komputerizzati li jippermettu t-tpartit ta’ informazzjoni mal-Kummissjoni, kif definit f’Artikolu 18(3)(e).

(b) taġġusta skond il-paragrafu 3 u timplimenta l-kwota tal-programm fis-sens ta’ Artikolu 18(3), mingħajr preġudizzju għal Artikolu 35;

(ċ) tfassal u, wara li tikseb l-approvazzjoni tal-Kumitat ta’ sorveljanza, tippresenta r-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni lill-Kummissjoni;

(d) torganizza, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Istat Membru, l-evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu, msemmija f’Artikolu 42;

(e) tiżgura li dawk il-korpi li jieħdu sehem fl-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna jżommu jew sistema separata ta’ kontijiet jew kodiċi ta’ kontijiet adegwat għat-transazzjonijiet kollha relatati ma’ l-għajnuna;

(f) tiżgura l-korrettezza ta’ l-operazzjonijiet finanzjati taħt l-għajnuna, b’mod partikolari bl-implimentazzjoni ta’ kontrolli interni konformi mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja serja u taġixxi fuq kull osservazzjoni jew talba għal miżuri korrettivi adottati skond Artikolu 36(4), l-ewwel sottoparagrafu, jew rakkomandazzjonijiet għal aġġustament li jsiru taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu skond id-dispożizzjonijiet ta’ dawk l-Artikoli;

(ġ) tiżgura konformità mal-politika Komunitarja kif stipulat f’Artikolu 12; fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tar-regoli tal-Komunità dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, avviżi mibgħuta għall-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għandhom jispeċifikaw dawk il-proġetti li dwarhom tkun saret applikazzjoni jew tkun ingħatat kontribuzzjoni mill-Fondi;

(ħ) tikkonforma ma’ l-obbligi dwar informazzjoni u pubbliċità msemmija f’Artikolu 46.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, biex twettaq il-ħidma tagħha l-awtorità amministrattiva għandha taġixxi b’konformità sħiħa mas-sistemi istituzzjonali, legali u finanzjarji ta’ l-Istat Membru konċernat.

2. Kull sena, meta r-rapport annwali ta’ implimentazzjoni msemmi f’Artikolu 37 jiġi mressaq, il-Kummissjoni u l-awtorità amministrattiva għandhom jirrevedu dak kollu li jirriżulta mis-sena ta’ qabel, b’mod konformi ma’ l-aranġamenti li jiġu definiti permezz ta’ ftehim ma l-Istat Membru u l-awtorità amministrattiva konċernata.

L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni li ttieħdet fuq il-bażi ta’ dawn il-kummenti.

Meta f’każijiet li jkunu ġew debitament sostanzjati l-Kummissjoni jidhrilha li l-miżuri meħuda ma jkunux adegwati, tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru u lilll-awtorità amministrattiva għal aġġustamenti intiżi biex itejbu l-effettività ta’ l-arranġamenti ta’ sorveljanza jew ta’ amministrazzjoni għall-għajnuna, flimkien mar-raġunijiet għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet.. Jekk din tirċievi rakkomandazzjonijiet bħal dawn, l-awtorità amministrattiva għandha sussegwentement turi l-passi li ttieħdu sabiex jittejbu l-arranġamenti ta’ sorveljanza jew ta’ amministrazzjoni jew għandha tispjega għaliex ma tkun ħadet ebda pass.

3. L-awtorità amministrattiva għandha, fuq talba tal-Kumitat ta’ sorveljanza jew fuq l-inizjattiva tagħha, taġġusta l-kwota ta’ l-ipprogrammar, mingħajr ma tbiddel l-ammont totali tal-kontribuzzjoni mill-Fondi mogħtija lill-priorità konċernata u lanqas il-miri speċifiċi tagħha. Wara l-approvazzjoni mill-Kumitat ta’ sorveljanza, hija għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar l-aġġustament fi żmien xahar.

Kull emenda fl-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjoni tal-Fondi għandha tiġi deċiża mill-Kummissjoni, bi qbil ma’ l-Istat Membru konċernat, fi żmien erba xhur mill-approvazzjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza,

Artikolu 35

IL-Kumitati ta’ sorveljanza

1. Kull qafas ta’ appoġġ Komunitarju jew dokument ta’ programmar individwali u kull programm operattiv għandu jipi sorveljat minn Kumitat ta’ Sorveljanza.

Il-Kumitati għall-Sorveljanza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, bi qbil ma’ l-awtorità amministrattiva wara konsultazzjoni ma l-imsieħba. L-imsieħba għandhom jippromwovu parteċipazzjoni bilanċjata bejn nisa u rġiel.

Il-Kumitati ta’ sorveljanza għandhom jiġu stabbiliti mhux iżjed tard minn tlett xhur wara d-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjoni tal-Fondi. Il-Kumitati ta’ Sorveljanza għandhom jaġixxu taħt l-awtorità u fil-ġurisdizzjoni legali ta’ l-Istat Membru.

2. Rappreżentant tal-Kummissjoni u, fejn hu approprjat, tal-BEI, għandhom jipparteċipaw fix-xogħol tal-Kumitat ta’ Sorveljanza fi rwol konsultattiv.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jistabbilixxi r-regoli tiegħu ta’ proċedura fi ħdan il-qafas istituzzjonali, legali u finanzjarju ta’ l-Istat Membru konċernat u għandu jasal fi ftehim dwarhom ma’ l-awtorità amministrattiva.

Fil-prinċipju, il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jkun presedut minn rappreżentant ta’ l-Istat Membru jew ta’ l-awtorità amministrattiva.

3. Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jissodisfa ruħu dwar l-effettività u l-kwalità ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna. Għal dak l-iskop:

(a) skond Artikolu 15, huwa għandu jikkonferma jew jaġġusta l-kwota ta’ l-ipprogrammar, inklużi l-indikaturi fiżiċi u finanzjarji li għandhom jintużaw biex tiġi sorveljata l-għajnuna. L-approvazzjoni tiegħu għandha tinkiseb qabel ma jsiru aktar aġġustamenti;

(b) huwa għandu jikkonsidra u japprova l-kriterji għall-għażla ta’ l-operazzjonijiet finanzjati taħt kull miżura fi żmien sitt xhur mill-approvazzjoni ta’ l-għajnuna;

(ċ) kull tant żmien huwa għandu jirrevedi l-progress li jkun sar favur il-kisba ta’ l-objettivi speċifiċi ta’ l-għajnuna;

(d) huwa għandu jeżamina r-riżultati ta’ l-implimentazzjoni, b’mod partikolari l-kisba tal-miri stabbiliti għall-miżuri differenti u l-evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu li għaliha ssir referenza f’Artikolu 42;

(e) huwa għandu jikkunsidra u japprova r-rapporti annwali u finali dwar l-implimentazzjoni qabel dawn jintbagħtu lill-Kummissjoni;

(f) huwa għandu jikkonsidra u japprova kull proposta li temenda l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kontribuzzjoni tal-Fondi;

(ġ) huwa jista’ fkull każ jipproponi lill-awtorità amministrattiva kwalunkwe aġġustament jew reviżjoni ta’ l-għajnuna li jista’ jagħmilha possibbli li jintlaħqu l-objettivi imsemmija f’Artikolu 1 jew li jtejjeb l-amministrazzjoni ta’ l-għajnuna, inkluż dak ta’ l-amministrazzjoni tal-finanzi. Kull aġġustament għall-għajnuna għandu jsir b’konformità ma Artikolu 34(3).

Artikolu 36

Indikaturi ta’ sorveljanza

1. L-awtorità amministrattiva u l-Kumitat ta’ Sorveljanza għandhom iwettqu s-sorveljanza billi jirreferu għall-indikaturi fiżiċi u finanzjarji speċifikati fil-programm operattiv, fid-dokument ta’ programmarindividwali, u fil-kwota tal-programm. Waqt li jistabbilixxu l-indikaturi tagħhom, huma għandhom iqisu wkoll il-metodoloġija indikattiva u l-lista ta’ eżempji ta’ indikaturi pubblikata mill-Kummissjoni, kif ukoll il-kategorizzazzjoni ta’ l-oqsma ta’ interventi li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. L-indikaturi għandhom ikunu marbuta mal-karattru speċifiku ta’ l-għajnuna konċernata, l-objettivi u s-sitwazzjoni soċjo-ekonomika, strutturali u ambjentali ta’ l-Istat Membru konċernat u r-reġjuni tiegħu, kif inhu approprjat, u għandhom jikkunsidraw, meta jkun approprjat, l-eżisternza ta’ reġjuni jew żoni li qegħdin jirċievu appoġġ transitorju. Dawn l-indikaturi għandhom jinkludu, b’mod partikolari, dawk li jintużaw għall-allokazzjoni tar-riserva msemmija f’Artikolu 44.

2. Dawn l-indikaturi għandhom juru, għall-għajnuna in kwestjoni:

(a) il-miri speċifiċi, kwantifikati fejn dawn jipprestaw ruħhom għal kwantifikazjzoni, għall-miżuri u l-prioritajiet, u l-konsistenza reċiproka.

(b) l-istadju milħuq mill-għajnuna fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni fiżika, ir-riżultati u, meta malli jkun prattiku, l-impatt tiegħu fuq livell approprjat (priorità jew miżura);

(ċ) il-progress fil-pjan ta’ finanzjament.

Meta n-natura ta’ l-għajnuna tippermetti, l-istatisitiċi għandhom jinqasmu skond is-sess u skond id-daqs ta’ l-impriżi li jirċievu.

3. L-indikaturi finanzjarji u dawk li juru l-progresss milħuq għandhom ikunu tali li l-informazzjoni provduta fil-paragrafu 2(a), (b) u (ċ) jistgħu jiġu identifikati separatament għal proġetti maġġuri.

Artikolu 37

Rapporti annwali u finali ta’ l-implimentazzjoni

1. Għall-għajnuna multi-annwali, l-awtorità amministrattiva għandha, fi żmien sitt xhur mit-tmiem ta’ kull sena kalendarja ta’ l-implimentazzjoni, tissottometti lill-Kummissjoni rapport annwali dwar l-implimentazzjoni kif provdut f’Artikolu 34(1)(ċ). Rapport finali għandu jiġi presentat lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-data finali ta’ l-eliġibiltà ta’ l-ispiża.

Għall-għajnuna kollha li tkun sejra tiġi implimentata fuq medda ta’ anqas minn sentejn, l-awtorità amministrattiva għandha tippresenta biss rapport finali lill-Kummissjoni. Dan għandu jingħata fi żmien sitt xhur mill-aħħar ħlas li jsir mill-awtorità li tħallas.

Ir-rapport għandu jiġi eżaminat u approvat mill-Kumitat ta’ Sorveljanza qabel ma dan jintbagħat lill-Kummissjoni.

Malli l-Kummissjoni tkun irċeviet rapport annwali ta’ l-implimentazzjoni, hija għandha tindika fi żmien perjodu ta’ xahrejn jekk tikkunsidrax li r-rapport huwa sodisfaċenti, billi tagħti r-raġunijiet tagħha; fin-nuqqas, ir-rapport jitqies li ġie aċċettat. Fil-każ ta’ rapport finali, il-Kummissjoni għandha twieġeb fi żmien ħames xhur minn meta tkun irċeviet ir-rapport.

2. Ir-rapporti kollha annwali u finali għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

(a) kull bidla fil-kundizzjonijiet ġenerali li hija ta’ relevanza għall-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna, b’mod partikolari t-tendenzi soċjo-ekonomiċi ewlenin, il-bidliet fil-politika nazzjonali, reġjonali jew settorjali jew fil-qafas ta’ referenza li għalih issir referenza f’Artikolu 9(ċ) u, fejn hu applikabbli, l-implikazzjonijiet tagħhom għall-konsistenza reċiproka ta’ l-għajnuna mid-diversi Fondi u l-konsistenza bejn l-għajnuna mill-Fondi u dik minn strumenti finanzjarji oħra;

(b) il-progress fl-implimentazzjoni tal-prioritajiet u l-miżuri għal kull waħda mill-Fondi kif relatati mal-miri speċifiċi tagħhom, bi kwantifikazzjoni, kull fejn u kull meta dawn jipprestaw ruħhom għall-kwantifikazjzoni, ta’ l-indikaturi fiżiċi u l-indikaturi tar-riżultati u ta’ l-impatt imsemmi f’Artikolu 36 fuq il-livell approprjat (priorità jew miżura);

(ċ) l-implimentazzjoni finanzjarja ta’ l-għajnuna, waqt li tagħti fil-qosor għal kull miżura n-nefqa totali mħallsa mill-awtorità li tħallas u rendikont tal-ħlasijiet kollha rċevuti mill-Kummissjoni u waqt li tikkwantifika l-indikaturi finanzjarji li għalihom issir referenza f’Artikolu 36(2)(ċ); l-implimentazzjoni finanzjarja fiż-żoni li jirċievu appoġġ transitorju għandha tiġi preżentata b’mod separat għar-rigward ta’ kull priorità; l-implimentazzjoni finanzjarja tat-Taqsima tal-Garanziji tal-FEGGA għall-miżuri msemmija f’Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 għandha tiġi preżentata fil-livell ta’ l-ammont totali ta’ l-implimentazzjoni finanzjarja;

(d) il-passi meħuda mill-awtorità amministrattiva u mill-Kumitat ta’ Sorveljanza biex jiżguraw il-kwalità u l-effettività ta’ l-implimentazzjoni, b’mod partikolari:

(i) il-miżuri ta’ sorveljanza, ta’ kontroll finanzjarju u ta’ evalwazzjoni, inklużi l-arranġamenti għall-ġbir ta’ l-informazzjoni;

(ii) is-sommarju tal-problemi sinifikanti li ltaqgħu magħhom waqt l-amministrazzjoni ta’ l-għajnuna u kull miżura meħuda, inkluża azzjoni fuq rakkomandazzjonijiet għal aġġustamenti li saru skond Artikolu 34(2) jew talbiet għal miżuri korrettivi skond Artikolu 38(4);

(iii) l-użu li sar minn għajnuna teknika;

(iv) il-miżuri meħuda biex jiżguraw pubbliċità għall-għajnuna skond Artikolu 46;

(e) il-passi meħuda sabiex tiġi żgurata l-kompatibilità mal-politika Komunitarja kif stipulat f’Artikolu 12 u biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni ta’ l-għajnuna Komunitarja strutturali kollha msemmija f’Artikolu 17(1) u fit-tieni sottoparagrafu ta’ Artikolu 19(2);

(f) taqsima separata, fejn hu approprjat, dwar il-progress u l-finanzjament tal-proġettti maġġuri u l-għotjiet globali.

IL-KAPITOLU II

KONTROLL FINANZJARJU

Artikolu 38

Dispożizzjonijiet ġenerali

1. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ l-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri għandhom jerfgħu fl-ewwel lok ir-responsabbiltà għall-kontroll finanzjarju ta’ l-għajnuna. Għal dak l-iskop, il-miżuri li jieħdu għandhom:

(a) jivverifikaw li l-arranġamenti għall-amministrazzjoni u l-kontroll ikunu ġew stabbiliti u qegħdin jiġu implimentati b’tali mod li jiżguraw li l-fondi Komunitarji qegħdin jintużaw b’effiċjenza u korrettezza;

(b) jagħtu lill-Kummissjoni deskrizzjoni ta’ dawn l-arranġamenti;

(ċ) jiżguraw li l-għajnuna tiġi amministrata skond ir-regoli Komunitarji kollha applikabbli u li l-fondi li jkunu tpoġġew għad-disposizzjponi tagħhom jintużaw skond il-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja serja;

(d) jiċċertifikaw li d-dikjarazzjonijiet ta’ l-ispiża preżentati lill-Kummissjoni jkunu eżatti u jiżguraw li jkunu jirriżultaw minn sistemi ta’ kontabilità ibbażati fuq dokumenti appoġġanti li huma verifikabbli.

(e) jipprevjenu, jiskopru u jikkoreġu irregolaritajiet, jgħarrfuhom lill-Kummissjoni, skond ir-regoli, u jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-proċeduri amministtrattivi u legali;

(f) jippresentaw lill-Kummissjoni, meta kull assistenza tiġi terminata, dikjarazzjoni mfassla minn persuna jew dipartiment li għandu funzjoni indipendenti mill-awtorità amministrattiva nominata Din id-dikjarazzjoni għandha tagħti fil-qosor il-konklużjonijiet tal-kontroll imwettaq fis-snin ta’ qabel u għandha tiżen il-validità ta’ l-applikazzjoni għall-ħlas tal-bilanċ finali u l-legalità u r-regolarità tat-transazzjonijiet koperti miċ-ċertifikat finali ta’ l-ispiża. L-Istati Membri jistgħu jehmżu l-opinjoni tagħhom ma’ dan iċ-ċertifikat jekk iqisu li dan ikun meħtieġ;

(ġ) jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiżguraw li l-Fondi Komunitarji jintużaw skond il-prinnċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja serja;

(ħ) jirkupraw kull ammont mitluf minħabba irregolarità li tkun instabet u, fejn hu xieraq, jimponu l-imgħax fuq ħlasijiet tardivi.

2. Il-Kummissjoni fir-responsabbiltà tagħha għall-implimentazzjoni ta’ l-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej għandha tiżgura li l-Istati Membri jkollhom sistemi ta’ amministrazzjoni u kontroll li jaħdmu sewwa biex il-fondi Komunitarji jintużaw b’effiċjenza u b’korrettezza.

Għal dan il-għan, mingħajr preġudizzju għall-kontrolli imwettqa mill-Istati Membri skond il-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti u d-disposizzjonijet amministrattivi, l-uffiċjali jew l-impjegati tal-Kummissjoni jistgħu, skond l-arranġamenti miftiehma ma’ l-Istat Membru fil-parametri tal-kooperazzjoni mfissra fil-paragrafu 3, jagħmlu kontrolli fuq il-post, inkluż kontrolli f’forma ta’ kampjuni, ta’ l-operazzjonijet finanzjati mill-Fondi u tas-sistemi ta’ l-amministrazzjoni u tal-kontroll b’avviż ta’ mhux anqas minn ġurnata utli waħda. Il-Kummissjoni għandha tagħti avviż lill-Istat Membru konċernat bil-objettiv li tikseb l-għajnuna kollha meħtieġa. L-uffiċjali jew l-impjegati ta’ l-Istat Membru konċernat jistgħu jieħdu sehem f’dawn il-kontrolli.

Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru konċernat sabiex jagħmel kontroll fuq il-post sabiex jikkontrolla l-korrettezza ta’ transazzjoni waħda jew iżjed. L-uffiċjali jew l-impjegati tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem f’dawn il-kontrolli.

3. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom fuq il-bażi ta’ l-arranġamenti amministrattivi bilaterali jikkooperaw sabiex jikkoordinaw il-pjanijiet, il-metodi u l-implimentazzjoni tal-kontrolli sabiex ikabbru l-utilità ta’ dawk imwettqa. Huma għandhom immedjatament ipartu r-riżultati tal-kontrolli mwettqa.

Ta’ mill-inqas darba fis-sena u, fi kwalunkwe każ, qabel ir-reviżjoni annwali provduta minn Artikolu 34(2), għandu jiġi eżaminat u evalwat dan li ġej:

(a) ir-riżultati tal-kontrolli li jkun saru mill-Istat Membru u mill-Kummissjoni;

(b) kull kummenti li jkunu saru minn korpi jew istituzzjonijiet ta’ kontroll oħra nazzjonali jew Komunitarji;

(ċ) l-impatt finanzjarju ta’ l-irregolaritajiet li jkunu ġew osservati, il-passi li jkunu ttieħdu jew li jkunu għadhom meħtieġa biex jiġu koreġuti u, fejn ikun meħtieġ, aġġustamenti fis-sistemi ta’ amministrazzjoni u kontroll.

4. Wara dawn l-eżaminazzjoni u evalwazzjoni u mingħajr preġudizzju għall-miżuri li għandhom jittieħdu immedjatament mill-Istat Membru skond dan l-Artikolu u Artikolu 39, il-Kummissjoni tista’ tagħmel osservazzjonijet, b’mod partikolari dwar l-impatt finanzjarju ta’ xi irregolaritajiet li jkunu nstabu. Dawn l-osservazzjonijiet għandhom jiġu ndirizzati lill-Istat Membru u lill-awtorità amministrattiva tal-għajnuna konċernata. Ma l-osservazzjonijiet għandu jkun hemm, fejn ikun meeħtieġ, it-talbiet għal miżuri korrettivi biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet li jkunu nstabu fil-amministrazzjoni u biex jiġu koreġuti dawk l-irregolaritajiet li jkunu nstabu u li jkunu għadhom ma ġewx koreġuti. L-Istat Membru għandu jkollu l-opportunità li jikkummenta dwar dawn l-osservazzjonijet.

Jekk, wara li jkunu saru u anke fin-nuqqas ta’ kummenti mill-Istat Membru, il-Kummissjoni tadotta l-konklużjonijiet, l-Istat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa fiż-żmien stipulat sabiex jikkonforma mat-talbiet tal-Kummissjoni u jinforma lill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet tiegħu.

5. Mingħajr preġudizzju għal dan l-Artikolu, il-Kummissjoni, wara l-verifika meħtieġa, tista’ tissospendi l-pagament provisorju jew parti minnu jekk issib li n-nefqa konċernata tkun konnessa ma irregolarità serja li ma ġietx korretta u li tkun meħtieġa azzjoni immedjata. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru konċernat dwar l-azzjoni li ttieħdet u r-raġunijiet għaliha.. Jekk, wara ħames xhur, ir-raġunijiet għas-sospensjoni jibqgħu jeżistu jew l-Istat Membru konċernat ma jkunx informa lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda biex l-irregolarità serja tiġi rimedjata, id-dispożizzjonijiet stabbiliti taħt Artikolu 39 għandhom japplikaw.

6. Għal perjodu ta’ tliet snin, jekk ma jkunx deċiż mod ieħor fl-arranġamenti amministrattivi bilaterali, wara li l-Kummissjoni tħallas il-bilanċ finali fir-rigward ta’ xi għajnuna, l-awtoritajiet responsabbli għandhom iħallu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni d-dokumenti ta’ appoġġ kollha (jew l-oriġinali jew verżjonijiet attestati li jkunu konformi ma’ l-oriġinali permezz ta’ mezzi komunement aċċettati għat-trasmissjoni ta’ informazzjoni) dwar in-nefqa u l-verifika ta’ l-għajnuna konċernata. Dan il-perjodu għandu jiġi interrott jew fil-każ ta’ proċeduri legali jew fuq talba debitament motivata tal-Kummissjoni.

Artikolu 39

Korrezzjonijiet finanzjarji

1. L-Istati Membri għandhom, l-ewwel nett, jerfgħu r-responsabbiltà biex jinvestigaw l-irregolaritajiet, waqt li jaġixxu fuq l-evidenza ta’ xi bidla kbira li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijet għall-implimentazzjoni jew is-superviżjoni ta’ l-għajnuna u biex jagħmlu l-korrezzjonijet finanzjarji meħtieġa.

L-Istat Membru għandu jagħmel il-korrezzjonijet finali meħtieġa b’konnessjoni ma’ l-irregolarità individwali jew sistematika. Il-korrezzjonijiet magħmula mill-Istat Membru għandhom jikkonsistu fil-kanċellament tal-kontribuzzjoni Komunitarja kollha jew parti minnha. Il-fondi Komunitarji rilaxxati b’dan il-mod jistgħu jerġgħu jintużaw mill-Istat Membru għall-għajnuna konċernata, b’konformità ma l-arranġamenti li għandhom jiġu definiti skond Artikolu 53(2).

2. Jekk, wara li jintemmu l-verifiki meħtieġa, il-Kummissjoni tikkonkludi li:

(a) Stat Membru ma mexiex skond l-obbligi tiegħu taħt il-paragrafu 1; jew

(b) operazzjoni sħiħa jew parti minnha ma tiġġustifikax la l-kontribuzzjoni kollha mill-Fondi u lanqas parti minnha; jew

(ċ) hemm nuqqasijiet serji fis-sistemi ta’ kontroll u l-amministrazzjoni li jistgħu jwasslu għal irregolaritajiet sistematiċi;

il-Kummissjoni għandha tissospendi l-ħlasijiet provisorji in kwestjoni u, waqt li tispjega r-raġunijiet tagħha, titlob lill-Istat Membru jissottometti l-kummenti tiegħu u, fejn ikun approprjat, jagħmel korrezzjonijiet, fi żmien speċifikat.

Jekk l-Istat Membru joġġezzjona għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, l-Istat Membru għandu jiġi mistieden għal smigħ mill-Kummissjoni, li fih iż-żewġ naħat f’kooperazzjoni ibbażata fuq is-sħubija jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jilħqu ftehim dwar l-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet li jirrisultaw minnhom.

3. Fi tmiem il-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’, jekk ma jkunx intlaħaq ftehim u l-Istat Membru ma jkunx għamel il-korrezzjonijiet u waqt li tagħti kas tal-kummenti magħmula mill-Istat Membru, tiddeċiedi fi żmien tliet xhur li:

(a) tnaqqas il-ħlas akkont imsemmi f’Artikolu 32(2); jew

(b) tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa billi tikkanċella l-kontribuzzjoni tal-Fondi kollha jew parti minnha lill-għajnuna konċernata.

Il-Kummissjoni għandha meta tiddeċiedi dwar l-ammont ta’ korrezzjoni tieħu in konsiderazzjoni, b’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, it-tip ta’ irregolarità jew bidla u d-daqs jew l-implikazzjonijet finanzjari tan-nuqqasijiet misjuba fis-sistemi ta’ l-amministrazzjoni jew ta’ kontroll ta’ l-Istati Membri.

Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni li taġixxi skond (a) jew (b) is-sospensjoni tal-ħlas provisorju għandha tintemm immedjatament.

4. Kull somma riċevuta bla mistħoqqha u li għandha tiġi rkuprata għandha titħallas lura lill-Kummissjoni, flimkien ma’ l-interessi dovuti minħabba l-pagament tardiv.

5. Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għal Artikolu 32.

IL-KAPITOLU III

EVALWAZZJONI

Artikolu 40

Dispożizzjonijiet Ġenerali

1. Sabiex tiġi eżaminata l-effettività tagħha, l-għajnuna strutturali Komunitarja għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni ex-ante, f’nofs il-perjodu jew ex-post maħsuba biex tiżen l-impatt tagħha fuq l-objettivi stabbiliti f’Artikolu 1 u tanalizza l-effetti tagħha fuq problemi strutturali speċifiċi.

2. L-effettività ta’ l-operazzjonijiet tal-Fondi għandhom jiġu mkejla skond il-kriterji li ġejjin:

(a) l-impatt globali tagħhom fuq il-miri stabbiliti f’Artikolu 158 tat-Trattat, u b’mod partikolari t-tisħiħ ta’ l-għaqda ekonomika u soċjali tal-Komunità.

(b) l-impatt tal-prioritajiet proposti fil-pjanijiet ta’ żvilupp u tal-prioritajiet inkorporati f’kull qafas ta’ appoġġ Komunitarju u f’kull każ ta’ għajnuna.

3. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ilaqqgħu ir-riżorsi xierqa u jiġbru l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiżguraw li din l-evalwazzjoni tista’ titwettaq bl-aktar mod effettiv. F’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni għandha tuża d-diversi dettalji li l-arranġamenti għas-sorveljanza jistgħu jipprovdu, miżjuda fejn ikun meħtieġ bil-ġbir ta’ informazzjoni biex tittejjeb ir-rilevanza tagħhom.

Fuq l-inizjattiva ta’ l-Istati Membri jew tal-Kummissjoni, wara li jinfurmaw lill-Istat Membru konċernat, jistgħu jinbdew evalwazzjonijiet supplimentari, jekk ikun xieraq, fuq suġġett partikolari bl-iskop li tiġi identifikata l-esperjenza trasferibbli.

4. Ir-riżultati ta’ l-evalwazzjoni għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku, fuq talba. Dwar ir-riżultati ta’ l-evalwazzjoni kif provdut f’Artikolu 42, ikun meħtieġ il-kunsens tal-Kumitat ta’ Sorveljanza skond l-arranġamenti istituzzjonali ta’ kull Stat Membru.

5. Il-proċeduri ta’ l-evalwazzjoni għandhom jiġu stabbiliti fil-oqfsa ta’ appoġġ Komunitarju u l-forom ta’ l-għajnuna.

Artikolu 41

Evalwazzjoni ex-ante

1. L-iskop ta’ evalwazzjoni ex-ante għandu jkun dak li jipprovdi bażi għat-tħejjija tal-pjanijiet ta’ l-iżvilupp, l-għajnuna u l-kwota programmatika li minnu tkun se tagħmel parti.

L-evalwazzjoni ex-ante għandha tkun ir-reponsabbiltà ta’ l-awtoritajiet responsabbli għat-tħejjija tal-pjanijiet, l-għajnuna u l-kwota programmatika.

2. Għat-tħejjija ta’ pjanijiet u għajnuna, l-evalwazzjoni ex-ante għandha tinvolvi analiżi tas-saħħa, tad-djugħfija u tal-potenzjal ta’ l-Istat Membru, ir-reġjun jew is-settur konċernat. Fid-dawl tal-kriterji msemmija f’Artikolu 40(2)(a) din għandha tiżen il-konsistenza ta’ l-istrateġija u l-miri magħżula b’karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni u ż-żoni konċernati, inklużi t-tendenzi demografiċi, u l-impatt mistenni tal-prioritajiet pjanati għall-azzjoni, waqt li jiġu kwantifikati l-miri speċifiċi fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-bidu, fejn dawn jipprestaw ruħhom għalhekk.

L-evalwazzjoni ex-ante għandha tieħu in konsiderazzjoni, fost ħwejjeġ oħra, is-sitwazzjoni f’termini ta’ kompetittività u innovazzjoni, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, is-suq ta’ l-impiegi u tax-xogħol waqt li tqis l-istrateġija Ewropea ta’ l-impiegi, l-ambjent u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, u għandha tinkludi b’mod partikolari:

(a) l-evalwazzjoni ex-ante tal-qagħda soċjali u ekonomika, prinċipalment it-tendenzi fis-suq nazzjonali tax-xogħol, inklużi r-reġjuni li qegħdin jiltaqgħu ma’ problemi ta’ xogħol partikolari u ta’ l-istrateġija globali fil-qasam ta’ l-iżvilupp tar-riżorsi umani u l-mod li bih din l-istrateġija hija marbuta ma l-istrateġija nazzjonali tax-xogħol kif imniżżla fil-pjanijiet nazzjonali għall-azzjoni;

(b) l-evalwazzjoni ex-ante tal-qagħda ambjentali tar-reġjun konċernat, b’mod partikolari f’dawk is-setturi ambjentali li presumibilment jitqiesu bħala li sejrin jiġu effettwati b’mod konsiderevoli mill-għajnuna; l-arranġamenti biex tiġi integrata d-dimensjoni ambjentali fl-għajnuna u kemm din tingasta sewwa fl-objettivi nazzjonali, reġjonali u lokali eżistenti kemm fil-qosor kif ukoll fit-tul (eż. pjanijiet ta’ amministrazzjoni ambjentali); l-arranġamenti biex jiżguraw konformità mar-regoli Komunitarji dwar l-ambjent.L-evalwazzjoni ex-ante għandha tagħti deskrizzjoni, kemm jista’ jkun kwantifikata, tal-qagħda ambjentali eżistenti u stima ta’ l-impatt mistenni ta’ l-istrateġija u l-għajnuna fuq is-sitwazzjoni ambjentali;

(ċ) l-evalwazzjoni ex-ante tal-qagħda f’temini ta’ ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa dwar opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u t-trattament fuq ix-xogħol, inkluż ix-xkiel speċifiku ta’ kull grupp; stima ta’ l-impatt mistenni ta’ l-istrateġija u l-għajnuna b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-integrazzjoni tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol, fit-taħriġ edukattiv u vokazzjonali, dwar l-involviment tan-nisa fil-kummerċ u r-rikonċiljazzjoni tal-familja mal-ħajja tax-xogħol.

L-evalwazzjoni ex-ante għandha tivverifika r-relevanza ta’ l-arranġamenti proposti ta’ l-implimentazzjoni s-sorveljanza, il-konsistenza mal-politika Komunitarja u kemm il-gwida indikattiva msemmija f’Artikolu 10(3) ingħatat attenzjoni.

Għandha tqis ir-riżultati minn evalwazzjonijiet ta’ perjodi ta’ programmar preċedenti.

3. l-evalwazzjoni tal-miżuri fil-kwota tal-programm għandha turi konsistenza mal-miri tal-prioritajiet korrispondenti, tikkwantifka l-miri speċifiċi tagħhom fejn il-prioritajiet jipprestaw ruħhom għal dan, u sussegwentement tivverifika r-relevanza tal-kriterji ta’ l-għażla, kif provdut skond Artikolu 35(3)(b).

Artikolu 42

Evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu

1. L-evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu għandha teżamina, fid-dawl ta’ l-evalwazzjoni ex-ante, ir-riżultati inizjali tal-għajnuna, ir-relevanza tagħhom u safejn intlaħqu l-miri. Għandha wkoll tiżen l-użu li sar mir-riżorsi finanzjarji u mill-operazzjoni ta’ sorveljanza u l-implimentazzjoni.

2. L-evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu għandha ssir taħt ir-reponsabbiltà ta’ l-awtorità amministrattiva, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u ma’ l-Istat Membru. Din għandha tkopri kull qafas ta’ appoġġ Komunitarju u kull għajnuna. Għandha titwettaq minn stimatur indipendenti, għandha tiġi presentata lill-Kumitat ta’ sorveljanza għall-qafas ta’ appoġġ Komunitarju jew għajnuna konċernata b’mod konformi ma Artikolu 35(3), u wara għandha titbagħat lill-Kummissjoni, bħala regola ġenerali tliet snin wara l-adozzjoni tal-qafas ta’ l-appoġġ Komunitarju jew ta’ l-għajnuna, u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2003, bl-iskop li ssir r-reviżjoni msemmija f’Artikolu 14(2).

3. Il-Kummissjoni għandha teżamina r-relevanza u l-kwalità ta’ l-evalwazzjoni fuq il-bażi tal-kriterji definiti minn qabel mill-Kummissjoni u l-Istat Membru fi sħubija, bil-objettiv li jirrevedu l-għajnuna u jallokaw ir-riserva li għaliha ssir referenza f’Artikolu 44.

4. Bħala tkomplija ta’ l-evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu, din għandha tkun aġġornata għal kull qafas ta’ appoġġ Komunitarju u għajnuna u għandha titlesta sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005 sabiex tħejji għall-operazzjonijiet ta’ l-għajnuna sussegwenti.

Artikolu 43

Evalwazzjoni ex-post

1. Fuq il-bażi tar-riżultati ta’ l-evalwazzjonijiet diġa’ disponibbli, l-evalwazzjoni ex-post għandha tkopri l-utilizzazzjoni tar-riżorsi u l-effettività u l-effiċjenza ta’ l-għajnuna u l-impatt tagħha u għandha tiġbed konklużjonijiet dwar il-politika ta’ l-għaqda ekonomika u soċjali. Għandha tkopri l-fatturi li jwasslu għas-suċċess jew għall-falliment ta’ l-implimentazzjoni u l-kisbiet u r-riżultati, inkluża is-sostenibilità tagħhom.

2. L-evalwazzjoni ex-post għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni ma’ l-Istat Membru u l-awtorità amministrattiva Din għandha tkopri l-għajnuna u għandha ssir minn stimaturi indipendenti. Għandha titlesta mhux aktar tard minn tlett snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ l-ipprogrammar.

IL-KAPITOLU IV

RISERVA TAL-PRESTAZZJONI

Artikolu 44

Allokazzjoni tar-riserva tal-prestazzjoni

1. Kull Stat Membru, b’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, għandu jqis taħt kull objettiv u sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2003 l-prestazzjoni ta’ kull wieħed mill-programmi operattivi jew dokumenti ta’ l-ipprogrammar individwali tiegħu fuq il-bażi ta’ numru limitat ta’ indikaturi ta’ sorveljanza li jkunu jirriflettu l-effettività, l-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni finanzjarji u jkejjel ir-riżultati ta’ nofs il-perjodu meta mqabbla mal-miri speċifiċi iniżzjali tagħhom.

Dawn l-indikaturi għandhom jiġu deċiżi mill-Istat Membru b’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni waqt tiġi meqjusa l-lista indikattiva kollha ta’ l-indikaturi jew parti minnha kif proposti mill-Kummissjoni u għandhom jiġu kwantifikati fir-rapporti annwali differenti li jeżistu dwar l-implimentazzjoni kif ukoll ir-rapport dwar l-evalwazzjoni li ssir f’nofs il-perjodu. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-applikazzjoni tagħhom.

2. F’nofs il-perjodu u mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni għandha talloka, f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri konċernati, taħt kull Għan, fuq il-bażi ta’ proposti minn kull Stat Membru, waqt tqis il-karatteristiċi istituzzjonali speċifiċi u l-ipprogrammar korrispondenti tagħhom, l-approprjazzjonijiet imwiegħda msemmija f’Artikolu 7(5) għall-programmi operattivi jew għad-dokumenti ta’ programmar individwali jew għall-prioritajiet tagħhom li jkunu meqjusa li rnexxew. Il-programmi operattivi jew id-dokumenti ta’ programmar individwali għandhom jiġu addattati b’konformità ma Artikoli 14 u 15.

IT-TITOLU V

RAPPORTI U PUBBLIĊITÀ

Artikolu 45

Rapporti

1. Skond Artikolu 159 tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport kull tlett snin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-progress li jkun sar lejn l-għaqda ekonomika u soċjali u l-kontribuzzzjoni li tkun saret għal dan mill-Fondi, mill-Fondi għall-Għaqda, mill-BEI u minn strumenti finanzjarji oħra. Dan ir-rapport għandu jirrevedi b’mod partikolari:

(a) il-progress li jkun sar sabiex tinkiseb l-għaqda ekonomika u soċjali, inkluża s-sitwazzjoni soċjo-ekonomika tar-reġjuni u l-bidliet osservati, u analiżi tad-direzzjoni ta’ l-investiment dirett u l-impatt tagħhom fuq is-sitwazzjoni Komunitarja tax-xogħol;

(b) is-sehem tal-Fondi, tal-Fond għall-Għaqda, tal-BEI u ta’ l-istrumenti finanazjarji oħra kif ukoll l-impatt tal-politika l-oħra Komunitarja u nazzjonali biex jiġi mwettaq dan il-proċess;

(ċ) kull proposti dwar il-miżuri u l-politika Komunitarja li jeħtieġ li jiġu adottati sabiex tissaħħaħ l-għaqda ekonomika u soċjali.

2. Qabel l-l ta’ Novembru ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament matul is-sena preċedenti. Dan ir-rapport għandu jirrevedi b’mod partikolari.

(a) l-attivitajiet ta’ kull fond, l-utilizzazzjoni tar-riżorsi tal-budget tagħhom u l-konċentrazzjoni ta’ l-għajnuna, l-użu ta’ l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li għalihom il-Kummissjoni hija responsabbli u l-konċentrazzjoni tar-riżorsi tagħhom; din ir-reviżjoni għandha tinkludi:

- analiżi annwali għal kull Stat Membru ta’ l-approprjazzjonijiet imwiegħda u mħallsa fir-rigward ta’ kull fond, inklużi l-inizjattivi Komunitarji;

- evalwazzjoni annwali ta’ l-azzjonijiet innovattivi u l-għajnuna teknika;

(b) il-koordinazzjoni ta’ l-għajnuna mill-Fondi u bejniethom bl-għajnuna mogħtija mill-BEI u mill-istrumenti finanzjarji l-oħra eżistenti;

(ċ) malli dawn isiru disponibbli, ir-riżultati ta’ l-evalwazzjonijiet imsemmija f’Artikolu 42 - li jindikaw kull aġġustament għall-għajnuna - u f’Artikolu 43, u l-evalwazzjoni tal-konsistenza tal-miżuri meħuda mill-Fondi mal-politika Komunitarja msemmija f’Artikolu 12;

(d) lista tal-proġetti maġġuri li għalihom ikkontribwew il-Fondi;

(e) ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa mill-Kummissjoni skond Artikolu 38(2) u l-lezzjonijiet li jistgħu jittieħdu minnhom, inkluża indikazzjoni tan-numru ta’ irregolaritajiet li ġew reġistrati, l-ammonti in kwestjoni u l-korrezzjonijiet finanzjarji li saru fir-rigward ta’ Artikolu 39(2);

(f) informazzjoni dwar l-opinjonijiet tal-kumitati mogħtija skond Artikoli 48 sa 51.

Artikolu 46

Informazzjoni u pubbliċità

1. Għall-iskopijiet tal-konsultazzjoni msemmija f’Artikolu 15(1), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tingħata pubbliċità lill-pjanijiet ta’ żvilupp.

2. Mingħajr preġudizzju għal Artikolu 23(1), l-awtorità amministrattiva għandha tkun responsabbli sabiex tagħmel ċert li l-pubbliċità tingħata lill-pakkett u b’mod partikolari biex tinforma:

(a) lill-benefiċjarji finali potenzjali, il-korpi kummerrċjali u professjonali, l-imsieħba soċjali u ekonomiċi, il-korpi li jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi relevanti dwar l-opportunitajiet li toffri l-għajnuna;

(b) il-pubbliku ġenerali dwar is-sehem eżerċitat mill-Komunità fir-rigward ta’ l-għajnuna konċernata u r-riżultati tagħha.

3. L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni u skond Artikolu 37(2) jinfurmawha kull sena dwar l-inizjattivi meħuda għall-iskopijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

IT-TITOLU VI

KUMITATI

Artikolu 47

Dispożizzjonijiet ġenerali

1. Fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tkun mgħejuna minn erba’ kumitati:

(a) il-Kumitat dwar l-Iżvilupp u l-Bidla tar-Reġjuni;

(b) il-Kumitat skond Artikolu 147 tat-Trattat;

(ċ) il-Kumitat dwar Strutturi Agrikoli u Żvilupp Rurali;

(d) il-Kumitat dwar Strutturi għas-Sajd u l-Akwakultura.

2. Meta l-Kumitati msemmija fil-paragrafu 1(a),(ċ) u (d) ikunu qegħdin jaġixxu bħala Kumitati Konsultattivi skond Artikoli 48, 50 u 51 rispettivament, għandha tiġi applikata l-proċedura li ġejja:

- ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżura li għandha tittieħed,

- il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar dan l-abbozz fi żmien iffissat mill-president skond l-urġenza tal-kas; il-kwistjoni tista’ titressaq għall-vot fejn ikun xieraq,

- l-opinjonijiet tiegħu għandhom jitniżżlu fil-minuti; kull Stat Membru għandu, apparti dan, ikollu d-dritt li jsaqsi sabiex il-pożizzjoni tiegħu titniżżel fil-minuti,

- il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni kbira lill-opinjonijiet espressi mill-kumitat. Hija għandha tinforma lill-Kumitat dwar il-manjiera ta’ kif qiegħda tagħti kas ta’ l-opinjonijiet tiegħu.

3. Meta il-kumitati msemmija fil-paragrafu l(a), (ċ) u (d) jkunu qegħdin jaġixxu bħala Kumitati Amministrattivi skond Artikoli 48, 50 u 51 rispettivament, għandha tiġi applikata l-proċedura li ġejja:

- ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżura li għandha tittieħed,

- il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar dan l-abbozz fiż-żmien li l-president jista’ jiffissa skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni trid tingħata minn maġġoranza kif stipulat f’Artikolu 205(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun mitlub li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Meta ksitjoni titressaq għall-vot fi ħdan il-kumitat, il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati membri għandhom jiġu mwieżna kif provdut f’Artikolu msemmi. Il-President m’għandux jivvota,

- il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li għandhom jidħlu fis-seħħ immedjatament. Madanakollu, jekk dawn ma jkunux konformi ma’ l-opinjoni mogħtija mill-kumitat, għandhom jiġu komunikati minnufih mill-Kummissjoni lill-Kunsill. F’dak il-każ:

- il-Kummissjoni tista’ tiddiferixxi l-applikazzjoni tal-miżura li tkun iddeċidiet għal perjodu ta’ żmien ta’ mhux aktar minn xahar mid-data ta’ dik il-komunikazzjoni,

- il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jieħu deċiżjoni differenti fiż-żmien provdut fis-sottoinċiż ta’ hawn fuq.

4. Il-Kummissjoni għandha tirreferi r-rapporti msemmija f’Artikolu 45 lill-kumitati. Hija tista’ titlob l-opinjoni ta’ Kumitat dwar kull ksitjoni li tirrigwarda l-għajnuna taħt il-Fondi, minbarra l-għajnuna provduta f’dan it-Titolu. Din tinkludi kwosjonijiet li primarjament huma indirizzati minn kumitati oħrajn.

5. L-opinjonijiet ta’ kull kumitat għandhom jinġiebu għall-attenzjoni tal-kumitati l-oħrajn imsemmija f’dan it-Titolu.

6. Kull kumitat għandu jagħmel ir-regoli proċedurali tiegħu.

7. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi regolarment infurmat dwar il-ħidma tal-kumitati.

Artikolu 48

Kumitat dwar l-Iżvilupp u l-Bidla tar-Reġjuni

1. Qiegħed jiġi stabbilit bis-saħħa tal-presenti Kumitat dwar l-Iżvilupp u l-Bidla tar-Reġjuni, kompost minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni, taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni. Il-BEI għandu jaħtar rappreżentant mingħajr vot.

2. Il-kumitat għandu jaġixxi bħala Kumitat Amministrattiv skond il-proċedura stabbilita f’Artikolu 47(3) meta jindirizza:

(a) ir-regoli ta’ l-implimentazzjoni msemmija f’Artikolu 53(2).

Il-kumitati l-oħrajn għandhom jiġu konsultati skond il-kompetenza konsultattiva tagħhom dwar ir-regoli ta’ l-implimentazzjoni hawn fuq imsemmija, sa fejn dawn ikunu milquta;

(b) ir-regoli ta’ l-implimentazzjoni msemmija f’Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1261/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 1999 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) [13];

(ċ) il-linji gwida li għandhom x’jaqsmu ma l-inizjattivi Komunitarji msemmija f’Artikolu 20(1)(a) ("Interreg") u 20(1)(b) ("Urban");

(d) il-linji gwida għat-tipi differenti ta’ miżuri innovattivi kif provdut fl-applikazzjoni ta’ Artikolu 22, fil-każ ta’ appoġġ mill-FEŻR.

3. Il-kumitat jaġixxi bħala kumitat konsultattiv skond il-proċedura stabbilita f’Artikolu 47(2) meta jiddiskuti l-materji li ġejjin:

(a) l-iffissar u r-reviżjoni tal-listi ta’ żoni eliġibbli taħt l-Objettiv 2;

(b) l-oqfsa ta’ appoġġ Komunitarju u l-informazzjoni korrispondenti li jinsabu fid-dokumenti ta’ programmar individwali, taħt l-Objettivi 1 u 2;

(ċ) it-tipi ta’ miżura ta’ għajnuna teknika skond Artikolu 23 fil-każ ta’ appoġġ mill-FEŻR;

(d) kull kwestjoni oħra relatata ma’ Artikoli 20 sa 22.

Artikolu 49

Il-kumitat skond Artikolu 47 tat-Trattat

1. Il-kumitat stabbilit skond Artikolu 47 għandu jkun kompost minn żewġ rappreżentanti tal-gvern, żewġ rappreżentanti mill-orrganizzazjonijiet tal-ħaddiema u żewġ rappreżentanti mill-organizzazjonijiet ta’ min iħaddem minn kull Stat Membru. Il-Membru tal-Kummissjoni li huwa responsabbli sabiex jippresiedi l-kumitat jista’ jiddelega r-responsabbiltà tiegħu lil uffiċjal anzjan tal-Kummissjoni.

Għal kull Stat Membru, għandha tinħatar persuna sostituta għal kull kategorija ta’ rappreżentant imsemmi fl-ewwel paragrafu. Fin-nuqqas ta’ membru jew taż-żewġ membri, il-persuna sostituta għandha awtomatikament tkun intitolata li tieħu sehem fil-proċedimenti.

Il-membri u s-sostituti għandhom jinħatru mill-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għal perjodu ta’ tlett snin. Huma jistgħu jerġgħu jiġu maħtura. Il-Kunsill għandu, għar-rigward tal-kompożizzjoni tal-kumitat, jagħmel ħiltu sabiex tiġi żgurata rappreżentanza imparzjali fid-diversi gruppi konċernati. Meta fl-aġenda jkun hemm materji li jkunu jirrigwardawh, il-BEI għandu jaħtar rappreżentant mingħajr vot.

2. Il-kumitat għandu:

(a) jagħti opinjonijiet dwar l-abbozz ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jkollhom x’jaqsmu mad-dokumenti ta’ l-ipprogrammar individwali u ma’ l-oqfsa għall-appoġġ Komunitarju u l-informazzjoni li tikkorrispondi magħhom li tkun tinsab fid-dokumenti ta’ l-programmar individwali, taħt l-Objettivi 1 u 2, fil-każ ta’ appoġġ mill-FSE;

(b) jagħti l-opinjoni tiegħu dwar ir-regoli ta’ l-implimentazzjoni kif provdut f’Artikolu 53(2);

(ċ) jkun konsultat dwar ir-regoli ta’ l-implimentazzjoni msemmija f’Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1262/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 1999 dwar il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) [14];

(d) jagħti opinjonijiet dwar l-abbozz tal-linji gwida li għandhom x’jaqsmu ma’ l-inizjattiva Komunitarja msemmija f’Artikolu 20(1)(d) ("EQUAL") u għad-diversi tipi ta’ miżuri innovattivi fil-kuntest ta’ Artikolu 22 fil-każ ta’ appoġġ mill-FSE. Il-Kummissjoni tista wkoll tirreferi aktar mistoqsijiet lilu fis-sens ta’ Artikoli 20 sa 22;

(e) jiġi konsultat dwar it-tipi ta’ miżuri ta’għajnuna teknika skond Artikolu 23 fil-każ ta’ l-appoġġ mill-FSE.

3. Għall-adozzjoni tagħhom, l-opinjonijiet tal-kumitat għandhom jeħtieġu maġġoranza assoluta tal-voti validi mixħuta. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat dwar il-mod kif tat kas ta’ l-opinjonijiet tiegħu.

Artikolu 50

Kumitat dwar l-Istrutturi Agrikoli u l-Iżvilupp Rurali

1. Kumitat dwar l-Istrutturi Agrikoli u l-Iżvilupp Rurali, kompost minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni, qiegħed jiġi stabbilit taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni. Il-BEI għandu jaħtar rappreżentant mingħajr vot.

2. Il-Kumitat jaġixxi bħala Kumitat Amministrattiv skond il-proċedura stabbilita f’Artikolu 47(3) meta jindirizza:

(a) ir-regoli ta’ l-implimentazzjoni u r-regoli transitorji msemmija f’Artikoli 34, 50 u 53 tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999;

(b) il-linji gwida li huma relatati ma’ l-inizjattiva Komunitarja msemmija f’Artikolu 20(1)(ċ) (Leader

3. Il-kumitat jaġixxi bħala Kumitat Konsultattiv skond il-proċedura stabbilita f’Artikolu 47(2) meta jiddiskuti l-kwistjonijiet li ġejjin:

(a) l-iffissar u r-reviżjoni tal-lista taż-żoni eliġibbli taħt l-Objettiv 2;

(b) il-partijiet ta’ l-intervent li għandhom x’jaqsmu ma’ strutturi agrikoli u żvilupp rurali inkluż fl-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-oqfsa ta’ appoġġ Komunitarju u l-informazzjoni korrispondenti li tinsab fid-dokument ta’ programmar individwali, għar-reġjuni taħt l-Objettivi 1 u 2;

(ċ) ir-regoli ta’ implimentazzjoni msemmija f’Artikolu 53(2);

(d) it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna teknika skond Artikolu 23 fil-każ ta’ appoġġ mill-FEGGA;

(e) mistoqsijiet oħra dwar Artikoli 20 sa 22.

Artikolu 51

Kumitat dwar Strutturi għas-Sajd u l-Akwakultura

1. Kumitat dwar Strutturi għas-Sajd u l-Akwakultura, kompost minn rappreżentanti ta’ l-Istati Memnbri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni, qiegħed hawn jiġi stabbilit taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni. Il-BEI għandu jaħtar rappreżentant mingħajr vot.

2. Il-kumitat għandu jaġixxi bħala Kumitat Amministrattiv skond il-proċedura stabbilita f’Artikolu 47(3) meta jindirizza:

(a) ir-regoli ta’ implimentazzjoni imsemmija f’Artikolu 4 tar-Regolamernt (KE) Nru 1263/1999;

(b) il-linji gwida għad-diversi tipi ta’ miżuri innovattivi kif provdut fl-applikazzjoni ta’ Artikolu 22, fil-każ ta’ appoġġ mill-IFGS.

3. Il-kumitat għandu jaġixxi bħala Kumitat Konsultattiv skond il-proċedura stabbilita f’Artikolu 47(2) meta jiddiskuti l-kwistjonijiet li ġejjin:

(a) l-istabbiliment u r-reviżjoni tal-lista taż-żoni eliġibbli taħt l-Objettiv 1;

(b) il-partijiet ta’ l-intervent li għandhom x’jaqsmu ma’ l-istrutturi tas-sajd inklużi fl-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-oqfsa ta’ appoġġ Komunitarju u l-informazzjoni korrispondenti li tinsab fid-dokumenti ta’ programmar individwali taħt l-Objettiv 1;

(ċ) ir-regoli implimentattivi provduti f’Artikolu 53(2);

(d) it-tipi ta’ miżura ta’ għajnuna teknika skond Artikolu 23 fil-każ ta’ appoġġ mill-IFGS;

(e) kwistjonijiet oħra li jirrigwardaw Artikolu 22.

IT-TITOLU VII

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 52

Dispożizzjonijiet transitorji

1. Dan ir-Regolament ma jafettwax it-tkomplija jew il-modifika, inkluż il-kanċellament totali jew parzjali, ta’ l-għajnuna approvata mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88 u (KEE) Nru 4253/88 jew xi leġislazzjoni oħra li kienet tapplika għal dik l-għajnuna fil-31 ta’ Diċembru 1999.

2. Applikazzjonijiet għal kontribuzzjoni mill-Fondi favur operazzjonijiet li jkunu ġew sottomessi skond ir-Regolamenti (KEE) Nru 2052/88 u (KEE) Nru 4253/88 għandhom jiġu kunsidrati u approvati mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ dawk ir-Regolamenti sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1999.

3. Fit-tfassil ta’ l-oqfsa għall-appoġġ Komunitarju u l-għajnuna, il-Kummissjoni għandha tqis miżura diġà approvata mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u li jkollha riperkussjonijiet finanzjarji matul il-perjodu kopert minn dawk l-oqfsa ta’ appoġġ Komunitarju u għajnuna. Dawn il-miżuri m’humiex meħtieġa li jikkonformaw ma’ Artikolu 30(2).

4. Minkejja d-data speċifikata f’Artikolu 30(2), l-ispiża attwalment imħallsa, u li dwarha l-Kummissjoni tkun irċeviet applikazzjoni għall-għajnuna bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ April 2000 u li tikkonforma mal-kondizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament, tista’ titqies bħala eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fondi mill-1 ta’ Jannar 2000.

5. Ammonti parzjali marbutin għal operazzjonijiet jew programmi approvati mill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Jannar 1994, iżda li dwarhom ma tkun waslet ebda applikazzjoni għal ħlas finali sal-31 ta’ Marzu 2001, għandhom jiġu awtomatikament maħlula sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2001, u b’hekk jingħata bidu għall-ħlas lura ta’ l-ammonti li tħallsu għalxejn, mingħajr preġudizzju għal operazzjonijiet jew programmi li jkunu ġew sospiżi minnħabba proċeduri legali.

Ammonti parzjali marbuta għal operazzjonijiet jew programmi approvati mill-Kummissjoni bejn l-1 ta’Jannar 1994 u l-31 ta’ Diċembru 1999, iżda li dwarhom ma tkun ġiet riċevuta ebda applikazzjoni għal ħlas finali sal-31 ta’ Marzu 2003, għandhom awtomatikament jiġu maħlula sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2003, u b’hekk jingħata bidu għall-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa għalxejn, mingħajr preġudizzju għal operazzjonijiet jew programmi li jkunu ġew sospiżi minħabba proċeduri legali.

Artikolu 53

Implimentazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2. Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli dettaljati sabiex timplimenta Artikoli 30, 33, 38, 39 u 46, skond Artikolu 48(2)(a). Hija għandha wkoll, skond l-istess proċedura u fejn jidher meħtieġ f’ċirkostanzi imprevisti, tadotta regoli oħra għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 54

Revoka

Ir-Regolamenti (KEE) Nru 2052/88 u (KEE) Nru 4253/88 qegħdin hawnhekk jiġu revokati b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2000, mingħajr preġudizzju għal Artikolu 52(1).

Ir-referenzi għar-Regolamenti revokati għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 55

Klawsola ta’ reviżjoni

Il-Kunsill għandu jirrevedi dan ir-Regolament fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2006.

Dan għandu jaġixxi fuq il-proposta skond il-proċedura stabbilita f’Artikolu 161 tat-Trattat.

Artikolu 56

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikoli 28, 31 u 32 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2000.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Ġunju 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Verheugen

[1] ĠU Ċ 176, tad- 9.6.1998, p. 1.

[2] Il-Kunsens mogħti fis-6 ta’ Mejju 1999 (għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU Ċ 407, tat- 28.12.1998, p. 74.

[4] ĠU Ċ 373, tat- 2.12.1998, p. 1.

[5] ĠU L 185, tal-15.7.1988, p. 9. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 3193/94 (ĠU L 337, ta’ l-24.12.1994, p. 11).

[6] ĠU L 374, tal-31.12.1988, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 3193/94.

[7] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 80.

[8] ĠU L 375, tat-23.12.1989, p. 11 (Phare). Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 753/96 (ĠU L 103, tas-26.4.1996, p. 5).

[9] ĠU L 165, ta’ l-4.7.1996, p. 1 (Tacis).

[10] ĠU L 189, tat-30.7.1996, p. 1 (MEDA). Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 780/98 (ĠU L 113, tal-15.4.1998, p. 2).

[11] ĠU L 139, tal-11.5.1998, p. 1.

[12] Ara l-paġna 54 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[13] Ara l-paġna 43 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[14] Ara l-paġna 48 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------

ANNESS

FONDI STRUTTURALI

Analiżi annwali ta' l-approprjazzjonijiet imwiegħda għall-2000 sal-2006

(imsemmi f'Artikolu 7(1))

(miljuni ta' EUR - prezzijiet ta' l-1999) |

2000 | 2001 | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 |

29430 | 28840 | 28250 | 27670 | 27080 | 27080 | 26660 |

--------------------------------------------------

Top