Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998L0048

Id-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Lulju 1998 li temenda d-Direttiva 98/34/KE li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u tar-regolamenti tekniċi

ĠU L 217, 5.8.1998, p. 18–26 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/10/2015; Imħassar b' 32015L1535

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/48/oj

31998L0048



Official Journal L 217 , 05/08/1998 P. 0018 - 0026


Id-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ta' l-20 ta' Lulju 1998

li temenda d-Direttiva 98/34/KE li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u tar-regolamenti tekniċi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 100a u 213 tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxu b'mod konformi mal-proċedura stabbilità fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3],

(1) Billi sabiex jitmexxa 'l quddiem it-tħaddim bla xkiel tas-suq intern, għandha tiġi kemm jista' jkun żgurata it-trasparenza fir-rigward tar-regoli u r-regolamenti nazzjonali futuri li japplikaw għas-servizzi tas- Soċjetà ta' l-Informatika, billi tiġi emendata d-Direttiva 98/34/KE [4].

(2) Billi varjetà wiesgħa ta' servizzi fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat ser tibbenefika mill-opportunitajiet li tista' toffri s-Soċjetà ta' l-Informatika li din tiġi fornuta mill-bogħod b'mod elettroniku u fuq it-talba individwali ta' riċevitur tas-servizzi.

(3) Billi ż-żona mingħajr fruntieri interni li tinkludi s-suq intern tgħin lill-fornituri ta' dawn is-servizzi jiżviluppaw l-attivitajiet trans-konfini tagħhom bil-ħsieb li jżidu l-kompetittività tagħhom, u b'hekk ikunu jistgħu joffru liċ-ċittadini, opportunitajiet ġodda li jittrasmettu u jirċievu l-informazzjoni irrispettivament mill-fruntieri, u lill-konsumaturi mezzi ġodda ta' aċċess għal oġġetti u servizzi.

(4) Billi l-estensjoni ta' l-iskop tad-Direttiva 98/34/KE m'għandhiex timpedixxi lill-Istati Membri milli jqisu l-implikazzjonijiet differenti soċjali, tas-soċjetà u kulturali li huma inerenti fil-miġja tas-Soċjetà ta' l-Informatika; billi, b'mod partikolari, l-użu tar-regoli proċedurali stabbiliti f'dik id-Direttiva għas-servizzi ta' Soċjetà ta' l-Informatika m'għandux jaffettwa l-miżuri tal-politika kulturali, b'mod partikolari fil-qasam awdjo-viżiv, li l-Istati Membri jistgħu jadottaw b'mod konformi mal-liġijiet tal-Komunità, filwaqt li jqisu d-diversità lingwistika, il-karatteristiċi speċifiċi nazzjonali u reġjonali u l-wirt kulturali tagħhom; billi l-iżvilupp tas-Soċjetà ta' l-Informatika għandu jiżgura, f'kull każ, l-aċċess xieraq taċ-ċittadini Ewropej għall-wirt kulturali Ewropew fornut f'ambjent diġitali.

(5) Billi d-Direttiva 98/34/KE mhijiex maħsuba sabiex tapplika għar-regoli nazzjonali li għandhom x'jaqsmu mad-drittijiet fundamentali, bħalma huma d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali dwar il-libertà ta' l-espressjoni, u iktar b'mod partikolari, il-libertà ta' l-istampa; billi, lanqas ma huwa maħsub li tapplika għal-liġi kriminali ġenerali; billi, barra minn hekk, ma tapplikax għall-ftehim irregolati bil-liġi privata bejn istituzzjonijiet ta' kreditu, b'mod partikolari għall-ftehim dwar it-twettiq ta' ħlasijiet bejn l-istituzzjonijiet ta' kreditu.

(6) Billi l-Kunsill Ewropew emfasizza l-ħtieġa li jiġi maħluq qafas legali ċar u stabbli fil-livell tal-Komunità sabiex irawwem l-iżvilupp tas-Soċjetà ta' l-Informatika; billi l-liġijiet tal-Komunità u r-regoli li jirregolaw b'mod partikolari lis-suq intern, inklużi kemm il-prinċipji mħaddna fit-Trattat u kemm il-leġislazzjoni sekondarja, diġà jikkostitwxxu qafas legali bażiku għall-iżvilupp ta' dawn is-servizzi.

(7) Billi għandu jkun possibbli li jiġu adattati r-regoli u r-regolamenti nazzjonali eżistenti li japplikaw għas-servizzi disponibbli fil-preżent sabiex jittieħed kont ta' servizzi ġodda tas-Soċjetà ta' l-Informatika, jew bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-interess ġenerali jiġi protett aħjar jew, mill-banda l-oħra, bil-ħsieb li jiġu ssimplifikati dawn ir-regoli u regolamenti fejn l-applikazzjoni tagħhom hija sporporzjonata ma' l-għanijiet li huma jsegwu.

(8) Billi, mingħajr il-koordinament fil-livell Komunitarju, din l-attività regolatorja prevista fil-livell nazzjonali tista' toħloq restrizzjonijiet għall-moviment liberu tas-servizzi u tal-libertà ta' stabbiliment, li b'hekk iwasslu għal frammentazzjoni mill-ġdid tas-suq intern, ta' regolamentazzjoni żejda u ta' inkonstistenzi regolatorji;

(9) Billi, sabiex tiġi żgurata protezzjoni vera u effettiva ta' l-għanijiet ta' interess ġenerali involuti fl-iżvilupp tas-Soċjetà ta' l-Informatika, hemm il-ħtieġa ta' approċċ koordinat fuq il-livell tal-Komunità meta jiġu trattati kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-attivitajiet b'konnotazzjonijiet transnazzjonali hekk kbar bħal dawk tas-servizzi l-ġodda.

(10) Billi, fil-każ tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, diġà teżisti armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju jew, f'xi każi, arranġamenti għar-rikonoxximent reċiproku, u billi l-leġislazzjoni Komunitarja eżistenti tipprovdi għal adattamenti sabiex jittieħed kont ta' l-iżviluppi teknoloġiċi u l-provvista ta' servizzi ġodda u, b'riżultat ta' dan, il-maġġoranza tar-regolamenti nazzjonali dwar is-servizzi tat-telekomunikazzjoni mhumiex ser ikunu soġġetti għan-notifika taħt din id-Direttiva minħabba illi ser jidħlu taħt l-eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(1) jew il-punt 5 ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE; billi, madankollu, ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali mmirati speċifikament lejn materji li mhumiex suġġetti għal-leġislazzjoni Komunitarja jistgħu jaffettwaw il-moviment liberu tas-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika u għaldaqstant dawn iridu jiġu nnotifikati.

(11) Billi, għall-oqsma li għadhom qajla magħrufa tas-Soċjetà ta' l-Informatika, ikun, madankollu, prematur li regoli u r-regolamenti nazzjonali jiġu kkoordinati permezz ta' armonizzazzjoni estensiva jew eżawrenti fil-livell tal-Komunità tal-liġijiet sostantivi, minħabba l-fatt li fil-livell nazzjonali għad m'hemmx tagħrif biżżejjed dwar il-għamla li għad iridu jieħdu s-servizzi l-ġodda jew in-natura tagħhom, illi fil-livell nazzjonali għad m'hemm l-ebda attività speċifika regolatorja f'dan il-qasam, u li l-ħtieġa ta' din l-armonizzazzjoni, u l-kontenut tagħha, fid-dawl tas-suq intern ma jistgħux jiġu ddefiniti f'dan l-istadju.

(12) Billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġi ppriservat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u li jiġu evitati r-riskji ta' frammentazzjoni mill-ġdid billi tiġi pprovduta proċedura għall-għoti ta' informazzjoni, iż-żamma ta' konsultazzjonijiet, u kooperazzjoni amministrattiva fir-rigward ta' abbozzi ta' regoli u regolamenti ġodda; billi din il-proċedura għad tgħin, fost ħwejjeġ oħra, sabiex jiġi żgurat illi t-Trattat, b'mod partikolari l-Artikoli 52 u 59 tiegħu, jiġi applikat b'mod effettiv u, fejn meħtieġ, biex tinkixef kull ħtieġa biex jiġi protett l-interess ġenerali fil-livell tal-Komunità; billi, barra minn hekk, l-applikazzjoni mtejba tat-Trattat magħmula possibbli b'din il-proċedura ta' tagħrif ser ikollha l-effett li l-ħtieġa ta' regoli tal-Komunità tkun limitata għal dawk li huma strettament meħtieġa u proporzjonali fid-dawl tas-suq intern u tal-protezzjoni ta' l-għanijiet ta' interess ġenerali; billi, fl-aħħarnett, din il-proċedura ser tgħin lin-negozji biex jisfruttaw il-vantaġġi tas-suq intern b'mod aktar effettiv.

(13) Billi d-Direttiva 98/34/KE ssegwi l-istess għanijiet u billi din il-proċedura hija effettiva, billi hija l-iktar waħda komprensiva biex tikseb dawn il-għanijiet; billi l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u l-proċeduri pprovduti fiha jistgħu jiġu applikati biex jiġu abbozzati regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika; billi l-proċedura li hija tistipula issa hija stabbilita sewwa fost l-awtoritajiet nazzjonali.

(14) Billi, barra minn hekk, bi qbil ma' l-Artikolu 7a tat-Trattat, is-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri interni li fiha jiġu żgurati l-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital u billi d-Direttiva 98/34/KE tipprovdi biss għal proċedura għal kooperazzjoni amministrattiva u mhux għal xi armonizzazzjoni tar-regoli sostantivi.

(15) Billi, għalhekk, emenda tad- Direttiva 98/34/KE bil-ħsieb li din tiġi applikata għall-abbozzi tar-regoli u r-regolamenti dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika hija l-approċċ l-iktar adatt, fir-rigward tal-qafas legali tas-servizzi msemmija, biex tiġi ssodisfata b'mod effettiv, il-ħtieġa tat-trasparenza fis-suq intern.

(16) Billi għandu jkun hemm provvediment għal notifika speċjalment fil-każ tar-regoli li x'aktarx li jevolvu fil-ġejjieni; billi s-servizzi li jiġu pprovduti mill-bogħod, b'mod elettroniku, u fuq it-talba individwali ta' riċevitur tas-servizzi (servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika) x'aktarx, minħabba d-diversità tagħhom u t-tkattir tagħhom fil-futur, li jġibu l-ħtieġa u jiġġeneraw l-ikbar numru ta' regoli u regolamenti ġodda; billi, għalhekk, trid issir dispożizzjoni għan-notifika ta' abbozzi ta' regoli u regolamenti li jkollhom x'jaqsmu ma' dawn is-servizzi.

(17) Billi r-regoli speċifiċi dwar il-bidu u l-eżerċizzju ta' l-attivitajiet ta' servizz li jistgħu jitwettqu bil-mod deskritt hawn fuq, għandhom għalhekk jiġu kkomunikati saħansitra fejn ikunu inklużi fir-regoli u r-regolamenti b'għan iktar ġenerali; billi, madankollu, regolamenti ġenerali li ma jkun fihom l-ebda dispożizzjoni mmirata b'mod speċifiku lejn dawn is-servizzi m'għandhomx għalfejn jiġu nnotifikati.

(18) Billi "r-regoli dwar il-bidu u l-eżerċizzju ta' l-attivitajiet tas-servizzi" ifisser regoli li jistabbilixxu l-ħtiġiet li għandhom x'jaqsmu mas-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika, bħalma huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-fornituri ta' servizzi, mas-servizzi u mar-riċevituri ta' servizzi u ma' l-attivitajiet ta' servizzi ekonomiċi li jistgħu jiġu pprovduti b'mod elettroniku, mill-bogħod u fuq it-talba individwali tar-riċevitur tas-servizzi; billi, per eżempju, ir-regoli dwar l-istabbiliment tal-fornituri ta' servizzi, b'mod partikolari dawk dwar l-arranġamenti għall-awtorizzazzjoni u l-liċenzjar, huma għalhekk koperti; billi dispożizzjoni speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika għandha tiġi meqjusa bħala regola minn dawn saħansitra jekk tkun parti minn regolament iktar ġenerali; billi, mill-banda l-oħra, il-miżuri li jikkonċernaw direttament u individwalment lil ċerti riċevituri speċifiċi (bħal, per eżempju, l-liċenzji tat-telekomunikazzjoni) ma jiġux koperti.

(19) Billi, skond l-Artikolu 60 tat-Trattat kif interpretat bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kelma "servizzi" tfisser dawk li huma normalment ipprovduti għal rimunerazzjoni; billi din il-karatteristika hija nieqsa fil-każ ta' l-attivitajiet li Stat iwettaq mingħajr kunsiderazzjoni ekonomika fil-kuntest tad-dmirijiet tiegħu f'oqsma partikolari soċjali, kulturali, edukattivi u ġudizjarji; billi d-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom x'jaqsmu ma' dawn l-attivitajiet mhumiex koperti bid-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 60 tat-Trattat u għalhekk ma jaqgħux fi ħdan il-firxa ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(20) Billi din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-firxa ta applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta' Ottubru 1989 dwar il-koordinament ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri fir-rigward ta' l-eżerċitar ta' attivitajiet tax-xandir bit-televiżjoni [5], kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [6], jew bi kwalunkwe emenda futura.

(21) Billi, fi kwalunkwe każ, din id-Direttiva ma tkoprix abbozzi ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li l-għan tagħhom hu li jittrasponu l-kontenut tad-direttivi tal-Komunità fis-seħħ jew li qegħdin jistennew li jkunu adottati minħabba li huma diġà soġġetti għal eżami speċifiku; billi għalhekk hija la tkopri r-regoli u r-regolamenti nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 89/552/KEE, kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE, jew minn xi emenda futura, u lanqas ir-regoli u r-regolamenti nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' April 1997 dwar qafas komuni għal awtorizzazzjonijiet ġenerali u liċenzji individwali għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni [7] jew li jkunu adottati sussegwentement fil-kuntest tagħha.

(22) Billi, barra minn hekk, għandha ssir dispożizzjoni għal każijiet eċċezzjonali li fihom ir-regoli u r-regolamenti nazzjonali li għandhom x'jaqsmu mas-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika jistgħu jiġu adottati fil-pront u billi huwa wkoll importanti li tiġi mħollija din il-possibbilità biss għal raġunijiet urġenti marbutin ma' ċirkostanzi serji u mhux previsti, bħalma huma ċ-ċirkustanzi li ma jkunux magħrufin minn qabel u li l-oriġini tagħhom ma jkunx jista' jiġi attribwit għal xi azzjoni min-naħa ta' l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru konċernat, sabiex ma jipperikolawx il-għan ta' konsultazzjoni minn qabel u l-kooperazzjoni amministrattiva inerenti f'din id-Direttiva.

(23) Billi huwa xieraq għal Stat Membru li jippostponi għal tnax-il xahar — jew possibbilment għal tmintax-il xahar fil-każ ta' pożizzjoni komuni tal-Kunsill — l-adozzjoni ta' abbozz ta' regola dwar is-servizzi biss fejn l-abbozz tar-regola jkollu x'jaqsam ma' materja li taqa' fi ħdan il-firxa ta' applikazzjoni ta' proposta għal direttiva, regolament jew deċiżjoni li l-Kummissjoni tkun diġà ssottomettiet lill-Kunsill; billi dan l-obbligu ta' standstill jista' jiġi impost mill-Kummissjoni fuq l-Istat Membru rilevanti biss jekk l-abbozz tar-regola nazzjonali jkun fih dispożizzjonijiet li ma jkunux sostantivament konsistenti mal-proposta sottomessa mill-Kummissjoni.

(24) Billi d-definizzjoni tal-qafas għall-għoti ta' informazzjoni u taż-żamma ta' konsultazzjonijiet fuq il-livell tal-Komunità kif stabbilit b'din id-Direttiva hija pre-kondizzjoni għall-partiċipazzjoni konsistenti u effettiva mill-Komunità f'xogħol li jinvolvi materji li għandhom x'jaqsmu ma' l-aspetti regolatorji tas-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika fil-kuntest internazzjonali.

(25) Billi huwa xieraq li, fil-kuntest tal-funzjonament tad-Direttiva 98/34/KE, il-Kumitat li għalih hemm ipprovdut fl-Artikolu 5 tagħha għandu jiltaqa' speċifikament biex jeżamina kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika.

(26) Billi, bl-istess mod, għandu jiġi nnotat li kull meta jkun jinħtieġ li miżura nazzjonali tiġi nnotifikata wkoll fl-istadju ta' abbozz skond att ieħor tal-Komunità, l-Istat Membru kkonċernat jista' jagħmel komunika waħdanija taħt l-att l-ieħor, billi jindika illi din il-komunikazzjoni hija wkoll komunikazzjoni għall-għan ta' din id-Direttiva.

(27) Billi l-Kummssjoni sejra tinvestiga f'perjodi regolari, l-iżviluppi fis-suq rigward servizzi ġodda fil-qasam tas-Soċjetà ta' l-Informatika, b'mod speċjali fil-qafas tal-konverġenza bejn it-telekomunikazzjoni, it-teknoloġija ta' l-informatika u l-media u, fejn meħtieġ, tieħu l-inizjattivi sabiex tadatta r-regoli fil-pront biex tinkoraġġixxi l-iżvilupp Ewropew ta' servizzi l-ġodda,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva 98/34/KE hija emendata kif ġej:

1. it-titolu għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika";

2. L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a) għandu jiddaħħal il-punt ġdid li ġej:

"2. "servizz";, kull servizz tas-Soċjetà ta' l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b'mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta' riċevitur ta' servizzi.

Għall-għanijiet ta' din id-definizzjoni:

- "mill-bogħod"; tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament,

- "b'mezzi elettroniċi"; tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta' data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta'wajers, bir-radjo, b'mezzi ottiċi jew b'mezzi oħra elettro-manjetiċi,

- "fuq it-talba individwali ta' riċevitur tas-servizzi"; tfisser illi s-servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta' data fuq talba individwali.

Lista indikattiva tas-servizzi mhux koperti b'din id-definizzjoni hija mogħtija fl-Anness V.

Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal:

- servizzi tax-xandir bir-radju,

- servizzi tax-xandir bit-televiżjoni koperti bil-punt (a) ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/552/KEE [8].";

(b) il-punti 2 u 3 għandhom isiru l-punti 3 u 4 rispettivament;

(ċ) għandu jiddaħħal il-punt ġdid li ġej:

"5. "regola dwar is-servizzi";, ħtieġa ta' natura ġenerali li għandha x'taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta' attivitajiet ta' servizzi fit-tifsira tal-punt 2, b'mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f'dak il-punt.

Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għar-regoli li għandhom x'jaqsmu ma' materji koperti bil-leġislazzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, kif definiti bid-Direttiva 90/387/KEE [9].

Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għar-regoli li għandhom x'jaqsmu ma' materji koperti bil-leġislazzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, kif elenkati b'mod mhux eżawrenti fl-Anness VI għal din id-Direttiva.

Bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 8(3), din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għar-regoli promulgati minn jew għal swieq regolati fit-tifsira tad-Direttiva 93/22/KEE jew minn jew għal swieq oħra jew korpi li jwettqu operazzjonijiet ta' kumpens jew pagament għal dawk is-swieq.

Għall-għanijiet ta' din id-definizzjoni:

- regola għandha tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika fejn, filwaqt li tqis id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tagħha u tal-parti operattiva tagħha, il-mira speċifika u l-għan tad-dispożizzjonijiet kollha jew ta' xi wħud minnhom individwali tagħha huma dawk li jirregolaw dawn is-servizzi b'mod espliċitu u mmirat,

- regola m'għandhiex tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika jekk din taffettwa dawn is-servizzi biss b'mod impliċitu jew aċċidentali.";

(d) il-punti 4 sa 8 għandhom isiru l-punti 6 sa 10;

(e) il-punt 9 għandu jiġi nnumerat mill-ġdid bħala l-punt 11 u għandu jinqara kif ġej:

"11. "regolament tekniku", speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta' servizz, l-istabbiliment ta' operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f'parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta' prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta' servizz, jew l-istabbiliment ta' fornitur tas-servizz.

Ir-regolamenti tekniċi de facto jinkludu:

- il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' Stat Membru li jirreferu jew għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal ħtiġiet oħra jew għal regoli dwar is-servizzi, jew għall-kodiċijiet professjonali jew il-kodiċijiet ta' prattika li, min-naħa tagħhom, jirreferu għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal ħtiġiet oħra jew għal regoli dwar is-servizzi, li l-ħarsien tagħhom jagħti preżunzjoni ta' konformità ma' l-obbligi imposti mil-liġijiet, mir-regolamenti jew mid-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija iktar 'il fuq,

- ftehim volontarji li awtorità pubblika tkun parti kontrattanti għalihom u li jipprovdu, fl-interess ġenerali, għal konformità ma' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, għajr speċifikazzjonijiet dwar l-offerti ta' l-akkwist pubbliku,

- speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi li huma marbutin ma' miżuri fiskali jew finanzjarji li jaffettwaw il-konsum ta' prodotti jew ta' servizzi billi jinkoraġġixxu l-konformità ma' dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew il-ħtiġiet l-oħra jew ir-regoli dwar servizzi; speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi marbutin mas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali mhumiex inklużi.

Dan jinkludi r-regolamenti tekniċi imposti mill-awtoritajiet innominati mill-Istati Membri u li jidhru f'lista li għandha titfassal mill-Kummissjoni qabel il-5 ta' Awissu 1999 (*), fil-qafas tal-Kumitat li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 5.

Għandha tiġi użata l-istess proċedura biex tiġi emendata din il-lista;"

(f) il-punt 10 għandu jiġi nnumerat mill-ġdid bħala l-punt 12 u l-ewwel subparagrafu għandu jinqara kif ġej:

"12. "abbozz ta' regolament tekniku", it-test ta' speċifikazzjoni teknika jew ħtieġa oħra jew ta' regola dwar is-servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi, ifformulat bil-għan li jsir liġi bħala regolament tekniku, bit-test ikun fi stadju ta' tħejjija fejn ikun għad jistgħu isiru emendi sostanzjali;"

3. L-Artikolu 6 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) is-subparagrafu li ġej għandu jiġi miżjud mal-paragrafu 1:

"Il-Kumitat għandu jiltaqa' f'kompożizzjoni speċifika sabiex jeżamina kwistjonijiet li jkollhom x'jaqsmu mas-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika.";

(b) għandu jiġi miżjud il-paragrafu li ġej:

"8. Fir-rigward tar-regoli dwar servizzi, il-Kummissjoni u l-Kumitat jistgħu jikkonsultaw lil persuni naturali jew legali mill-industrija jew mid-dinja akkademika, u fejn possibbli korpi rappreżentattivi, kapaċi li jagħtu opinjoni esperta dwar il-miri soċjali u tas-soċjetà u l-konsegwenzi ta' kull abbozz ta' regola dwar is-servizzi, u jqisu l-parir tagħhom kull meta jiġu mitluba li jagħmlu dan.";

4. Is-sitt subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Rigward l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew ir-regoli dwar servizzi li hemm riferenza għalihom fit-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 11 ta' l-Artikolu 1, il-kummenti jew l-opinjonijiet dettaljati tal-Kummissjoni jew ta' l-Istati Membri jista' jkollhom x'jaqsmu biss ma' l-aspetti li jistgħu jfixklu l-kummerċ jew, rigward ir-regoli dwar servizzi, il-moviment liberu tas-servizzi jew il-libertà ta' stabbiliment ta' operaturi tas-servizz u mhux l-aspetti fiskali jew finanzjarji tal-miżura.";

5. L-Artikolu 9 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu mibdula b'dan li ġej:

"2. L-Istati Membri għandhom jipposponu:

- għal erba' xhur l-adozzjoni ta' abbozz ta' regolament tekniku fil-għamla ta' ftehim volontarju fit-tifsira tat-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 11 ta' l-Artikolu 1,

- mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 3, 4 u 5, għal sitt xhur l-adozzjoni ta' kull abbozz ta' regolament tekniku ieħor (għajr l-abbozzi tar-regoli dwar servizzi),

mid-data ta' meta l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunikazzjoni li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 8(1) jekk il-Kummissjoni jew Stat Membru ieħor jagħtu opinjoni dettaljata, fi żmien tliet xhur minn dik id-data, b'effett li l-miżura prevista tista' toħloq xkiel għall-moviment liberu tal-merkanzija ġewwa s-suq intern;

- mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 u 5, għal erba' xhur l-adozzjoni ta' kull abbozz ta' regola dwar servizzi, mid-data li fiha l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunikazzjoni li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 8(1) jekk il-Kummissjoni jew xi Stat Membru ieħor jagħti opinjoni dettaljata, fi żmien tliet xhur minn dik id-data, illi l-miżura prevista tista' toħloq xkiel għall-moviment liberu tas-servizzi jew għall-libertà ta' stabbiliment ta' operaturi tas-servizzi ġewwa s-suq intern.

Fir-rigward ta' abbozzi ta' regoli dwar is-servizzi, l-opinjonijiet dettaljati mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri ma jistgħux jaffettwaw miżuri tal-politika kulturali, b'mod partikolari fl-isfera awdjo-viżiva, li l-Istati Membri jistgħu jadottaw b'mod konformi mal-liġijiet tal-Komunità, filwaqt li jqisu d-diversità lingwistika, il-karatteristiċi speċifiċi nazzjonali u reġjonali u l-wirt kulturali tagħhom.

L-Istat Membru konċernat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni li jipproponi li jieħu fuq dawn l-opinjonijiet dettaljati. Il-Kummissjoni għandha tikkummenta fuq din ir-reazzjoni.

Fir-rigward tar-regoli dwar servizzi, l-Istat Membru konċernat għandu jindika, fejn xieraq, ir-raġunijiet għaliex ma jistgħux jitqiesu l-opinjonijiet dettaljati.

3. Bl-esklużjoni ta' l-abbozzi tar-regoli li għandhom x'jaqsmu ma' servizzi, l-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta' abbozz ta' regolament tekniku għal tnax-il xahar mid-data li fiha l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunikazzjoni li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 8(1) jekk, fi żmien tliet xhur minn din id-data, il-Kummissjoni tħabbar l-intenzjoni tagħha li tipproponi jew li tadotta direttiva, regolament jew deċiżjoni dwar il-materja b'mod konformi ma' l-Artikolu 189 tat-Trattat.";

(b) Il-paragrafu 7 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"7. Il-paragrafi 1 sa 5 m'għandhomx japplikaw fil-każijiet fejn:

- għal raġunijiet urġenti, mqajma minn ċirkostanzi serji u imprevisti li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika jew is-sigurtà, il-protezzjoni ta' l-annimali jew il-priservazzjoni tal-pjanti, u għar-regoli dwar servizzi, u wkoll għall-politika pubblika, b'mod speċjali l-protezzjoni tal-minuri, Stat Membru huwa obbligat li jħejji regolamenti tekniċi fi spazju qasir ħafna ta' żmien sabiex jippromulgahom u jdaħħalhom fil-pront mingħajr ma jkunu possibbli konsultazzjonijiet jew

- għal raġunijiet urġenti mqajjma minn ċirkostanzi serji li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tas-sigurtà u l-integrità tas-sistema finanzjarja, speċjalment il-protezzjoni tad-depożituri, ta' l-investituri u ta' persuni assigurati, Stat Membru huwa obbligat li jippromulga u li jimplimenta fil-pront regoli dwar is-servizzi finanzjarji.

Fil-komunikazzjoni li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 8, l-Istat Membru għandu jagħti r-raġunijiet għall-urġenza tal-miżuri meħuda. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-veduti tagħha dwar il-komunikazzjoni malajr kemm jista jkun. Għandha tieħu azzjoni xierqa fil-każijiet fejn din il-proċedura ma tintużax kif suppost. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm imgħarraf mill-Kummissjoni.";

6. L-Artikolu 10 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) l-ewwel u t-tieni inċiżi tal-paragrafu 1 għandhom jiġu mibdulin b'dan li ġej:

"— jikkonformaw ma' atti Komunitarji li jorbtu li jirriżultaw fl-adozzjoni ta' speċifikazzjonijiet tekniċi jew ir-regoli dwar servizzi,

— jissodisfaw l-obbligi li joħorġu minn ftehim internazzjonali li jirriżultaw fl-adozzjoni ta' speċifikazzjonijiet tekniċi komuni jew regoli dwar servizzi fil-Komunità;"

(b) is-sitt inċiż tal-paragrafu 1 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"— jillimitaw lilhom infushom għal li jemendaw regolament tekniku fi ħdan it-tifsira tal-punt 11 ta' l-Artikolu 1, b'mod konformi ma' talba tal-Kummissjoni bil-ħsieb li jitneħħa xi ostakolu għall-kummerċ jew, fil-każ tar-regoli dwar servizzi, għall-moviment liberu tas-servizzi jew tal-libertà ta' stabbiliment ta' operaturi tas-servizzi.";

(ċ) il-paragrafi 3 u 4 għandhom jiġu mibdulin b'dan li ġej:

"3. Il-paragrafi 3 sa 6 ta' l-Artikolu 9 m'għandhomx japplikaw għall-ftehim volontarji li hemm referenza għalihom fit-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 11 ta' l-Artikolu 1.

4. L-Artikolu 9 m'għandux japplika għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew għar-regoli dwar is-servizzi li hemm referenza għalihom fit-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 11 ta' l-Artikolu 1.";

7. Għandhom jiġu miżjudin l-Annessi V u VI li jidhru fl-Anness għal din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membru għandhom idaħħlu fis-seħħ ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-5 ta' Awissu 1999. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih b'dan.

Meta l-Istati Membri jadotta dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkazjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-riferenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet ewlenin fil-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

L-Artikolu 3

Mhux iktar tard minn sentejn mid-data li hemm riferenza għaliha fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artkolu 2(1), il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, evalwazzjoni ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva 98/34/KE b'mod partikolari fid-dawl ta' l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq għas-servizzi li hemm riferenza għalihom fil-punt 2 ta' l-Artikolu 1. Mhux iktar tard minn tliet snin mid-data li hemm riferenza għaliha fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni għandha, jekk meħtieġ, tagħmel proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni għar-reviżjoni tad-Direttiva msemmja.

Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni għandha tqis kull osservazzjoni li tista' tiġi kkomunikata lilha mill-Istati Membri.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-20 ta' Lulju 1998.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. M. Gil-Robles

Għall-Kunsill

Il-President

W. Molterer

[1] ĠU C 307, tas-16.10.1996, p. 11 uĠU C 65, tat-28.2.1998, p. 12.

[2] ĠU C 158, tas-26.5.1997, p. 1.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 1997 (ĠU C 167, tat-2.6.1997, p. 238), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-26 ta' Jannar 1998 (ĠU C 62, tas-26.2.1998, p. 48) u d-Deċizjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Mejju 1998 (ĠU C 167, ta' l-1.6.1998). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-29 ta' Ġunju 1998.

[4] ĠU L 204, tal-21.7.1998, p. 37.

[5] ĠU L 298, tas-17.10.1989, p. 23.

[6] ĠU L 202, tat-30.7.1997, p. 1.

[7] ĠU L 117, tas-7.5.1997, p. 15.

[8] ĠU L 298, tas-17.10.1989, p. 23. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/36/KE (ĠU L 202, tat-30.7.1997, p. 1)

[9] ĠU L 192, ta' l-24.7.1990, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/51/KE (ĠU L 295, tad-29.10.1997, p. 23).

--------------------------------------------------

L-ANNESS

"

L-ANNESS V

Lista indikattiva tas-servizzi mhux koperti bit-tieni subparagrafu tal-punt 2 ta' l-Artikolu 1

1. Servizzi mhux ipprovduti "mill-bogħod"

Servizzi pprovduti fil-preżenza fiżika tal-fornitur u tar-riċevitur, anke jekk jinvolvu l-użu ta' mezzi elettroniċi

(a) eżamijiet mediċi jew kura medika fi klinika ta' tabib bl-użu ta' tagħmir elettroniku fejn il-pazjent ikun fiżikament preżenti;

(b) konsultazzjoni ta' katalgu elettroniku f'ħanut bil-klijent fuq il-post;

(ċ) riservazzjoni ta' biljetti ta' l-ajru f'aġenzija tal-vjaġġi fil-preżenza fiżika tal-klijent permezz ta' network ta' kompjuters;

(d) logħob elettroniku magħmul disponibbli f'video-arcade fejn il-klijent ikun fiżikament preżenti.

2. Servizzi mhux ipprovduti permezz ta' "mezzi elettroniċi"

- Servizzi li jkollhom kontenut ta' materjal anke jekk ipprovdut permezz ta' mezzi elettroniċi:

(a) distributuri awtomatiċi ta' flus jew biljetti (bankonoti, biljetti tat-tren);

(b) aċċess għal networks ta' toroq, parkeġġi tal-karozzi, eċċ, li jieħdu l-flus għall-użu, anke jekk ikun hemm mezzi elettroniċi fid-dħul/ħruġ li jikkontrollaw l-aċċess u/jew li jiżguraw li jsir il-pagament eżatt,

- Servizzi off-line: tqassim ta' CD roms jew software fuq id-disketti,

- Servizzi li ma jiġux ipprovduti permezz ta' sistemi ta' proċessar/inventarji elettroniċi:

(a) servizzi tat-telefonija bil-vuċi;

(b) servizzi tat-telefax/telex;

(ċ) servizzi pprovduti permezz tat-telefonija bil-vuċi jew bil-fax;

(d) konsulta ta' tabib bit-telefon/telefax;

(e) konsulta ta' avukat bit-telefon/telefax;

(f) marketing dirett bit-telefon/telefax.

3. Servizzi mhux ipprovduti "fuq it-talba individwali ta' riċevitur tas-servizzi"

Servizzi pprovduti bit-trasmissjoni ta' data mingħajr it-talba individwali li tiġi riċevuta simultanjament minn numru bla limitu ta' riċevituri individwali (trasmissjoni minn punt għal diversi punti):

(a) servizzi tax-xandir bit-televiżjoni (inklużi servizzi ta' near-video on-demand koperti bil-punt (a) ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/552/KEE;

(b) servizzi tax-xandir bir-radjo;

(ċ) teletext (bit-televiżjoni).

L-ANNESS VI

Lista indikattiva tas-servizzi finanzjarji koperti bit-tielet subparagrafu tal-punt 5 ta' l-Artikolu 1

- Servizzi ta' investiment

- Operazzjonijiet ta' l-assigurazzjoni jew ta' assigurazzjoni mill-ġdid

- Servizzi bankarji

- Operazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-fondi tal-pensjonijiet

- Servizzi li għandhom x'jaqsmu ma' operazzjonijet fi futures jew options

Dawn is-servizzi jinkludu b'mod partikolari:

(a) is-servizzi ta' investiment li hemm riferenza għalihom fl-Anness għad-Direttiva 93/22/KEE [1]; servizzi ta' intrapriżi ta' investiment kollettiv,

(b) is-servizzi koperti bl-attivitajiet soġġetti għar-rikonoxximent reċiproku li hemm riferenza għalihom fl-Anness għad-Direttiva 89/646/KEE [2],

(ċ) operazzjonijiet koperti bl-attivitajiet ta' l-assigurazzjoni jew ta' l-assigurazzjoni mill-ġdid riferiti fi:

- l-Artikolu 1 tad-Direttiva 73/239/KEE [3],

- l-Anness għad-Direttiva 79/267/KEE [4],

- id-Direttiva 64/225/KEE [5],

- id-Direttivi 92/49/KEE [6] u 92/96/KEE [7].

"

[1] ĠU L 141, tat-11.6.1993, p. 27.

[2] ĠU L 386, tat-30.12.1989, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 92/30/KEE (ĠU L 110, tat-28.4.1992, p. 52).

[3] ĠU L 228, tas-16.8.1973, p. 3. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/49/KEE (ĠU L 228, tal-11.8.1992, p. 1).

[4] ĠU L 63, tat-13.3.1979, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/619/KEE (ĠU L 330, tad-29.11.1990, p. 50).

[5] ĠU C 56, ta' l-4.4.1964, p. 878/64. Id-Direttiva kif emendata bl-Att ta' Adeżjoni 1973.

[6] ĠU L 228, tat-11.8.1992, p. 1.

[7] ĠU L 360, tas-7.12.1992, p. 1.

--------------------------------------------------

Top