EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31997Y0917(01)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri skond l-artikolu 93 (1) tat-trattat ke li tapplika l-artikoli 92 u 93 tat-trattat lil assigurazzjoni ta' esportazzjonijiet bi kreditu ta' żmien qasir (97/K 281/03)Test b'relevanza għaż-ŻEE.

OJ C 281, 17.9.1997, p. 4–10 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 08 Volume 001 P. 147 - 154
Special edition in Estonian: Chapter 08 Volume 001 P. 147 - 154
Special edition in Latvian: Chapter 08 Volume 001 P. 147 - 154
Special edition in Lithuanian: Chapter 08 Volume 001 P. 147 - 154
Special edition in Hungarian Chapter 08 Volume 001 P. 147 - 154
Special edition in Maltese: Chapter 08 Volume 001 P. 147 - 154
Special edition in Polish: Chapter 08 Volume 001 P. 147 - 154
Special edition in Slovak: Chapter 08 Volume 001 P. 147 - 154
Special edition in Slovene: Chapter 08 Volume 001 P. 147 - 154

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2010

31997Y0917(01)



Official Journal C 281 , 17/09/1997 P. 0004 - 0010


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri skond l-artikolu 93 (1) tat-trattat ke li tapplika l-artikoli 92 u 93 tat-trattat lil assigurazzjoni ta' esportazzjonijiet bi kreditu ta' żmien qasir

(97/K 281/03)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

1. Daħla

1.1. L-Istati Membri jżommu politika attiva ta' appoġġ ta' l-industrija ta' l-esportazzjoni tagħhom. Mill-għajnuna totali mogħtija minn Stati Membri lill-industrija ta' l-iffabbrikar tagħhom matul il-perjodu 1992 sa 1994, 7 % maret għall-appoġġ ta' esportazzjonijiet, l-aktar fil-forma ta' termini favorevoli għal esportazzjonijiet bi kreditu u assigurazzjoni ta' esportazzjonijiet bi kreditu [1].

1.2. Sussidji għall-esportazzjoni jaffettwaw direttament il-kompetizzjoni bejn fornituri potenzali rivali ta' merkanzija u servizzi. Waqt li tirrikonoxxi l-effetti li jagħmlu ħsara tagħhom, il-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tal-kompetizzjoni taħt it-Trattat, dejjem ikkundannat b'mod iebes l-għajnuna għall-esportazzjoni fil-kummerċ intra-Komunitarju [2]. Madankollu, minkejja li l-appoġġ ta' l-Istati Membri għall-esportazzjonijiet tagħhom barra mil-Komunità tista' taffettwa wkoll il-kompetizzjoni fil-Komunità [3], il-Kummissjoni ma għamlitx intervent b'mod sistemtiku f'dan il-qasam taħt ir-regoli ta' l-għajnuna Statali fl-Artikoli 92, 93 u 94 tat-Trattat. Kien hemm bosta raġunijiet għal dan. L-ewwel nett, dan il-qasam hu parzjalment irregolat mid-disposizzjonjiet tat-Trattat relatati mal-kummerċ estern, l-Artikoli 112 u 113, u l-Artikolu 112 fil-fatt jipprovdi għal armonizzazzjoni ta' għajnuna għall-esportazzjoni. It-tieni nett, mhijiex biss il-kompetizzjoni fil-Komunità li hi affettwata minn għajnuna għal esportazzjonijiet extra-Komunitarji, imma wkoll il-kompetittività ta' esportaturi Komunitarji fir-rigward ta' dawk ta' l-imsieħba fil-kummerċ tal-Komunità, li jagħtu għajnuna simili. Fl-aħħar, progress fil-kontroll ta' l-għajnuna ntlaħaq taħt id-disposizzjonijiet dwar il-kummerċ tat-Trattat u fl-OECD u l-WTO.

1.3. Filwaqt li l-Kummissjoni s'issa waqfet milli teserċita l-poteri tagħha ta' kontroll ta' l-għajnuna Statali fl-oqsma ta' esportazzjonijiet bi kreditu u assigurazzjoni ta' l-esportazzjonijiet bi kreditu, xogħol mill-Grupp tal-Kunsill għal Esportazzjonijiet bi Kreditu [4] u każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej [5] urew li f'qasam wieħed mill-inqas, dik ta' assigurazzjoni ta' esportazzjonijiet bi kreditu ta' żmien qasir, li t-tffixkil fil-kompetizzjoni attwali jew potenzali fil-Komunità jista' jiġġustifika azzjoni mil-Kummissjoni taħt ir-regoli ta' l-għajnuna Statali mingħajr ma jistennew għal progress f'oqsma oħra. It-tfixkil fil-kompetizzjoni jista' jseħħ mhux biss bejn esportaturi f'Stati Membri differenti fil-kummerċ tagħhom ġewwa u barra mil-Komunità, imma wkoll bejn assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu li joffru s-servizzi tagħhom fil-Komunità.

1.4. L-iskop ta' din il-Komunikazzjoni hu li jitneħħa dan it-tfixkil minħabba għajnuna Statali f'dak is-settur tal-kummerċ ta' l-assigurazzjoni ta' esportazzjonijiet bi kreditu ġo liema hemm kompetizzjoni bejn assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu pubbliċi jew appoġġati pubblikament u assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu privati. Dan is-settur kummerċjali ta' assigurazzjoni ta' esportazzjonijiet bi kreditu jirrigwarda l-assigurazzjoni ta' riskji ta' l-espotazzjonijiet bi kreditu ta' żmien qasir fuq kummerċ ġol-Komunità u ma' ħafna pajjiżi barra minnha. Dawn ir-riskji huma msejħin "kummerċjabbli" u għandhom jiġu mfissra fit-Taqsima 2 hawn taħt. Id-definizzjoni bħalissa tinkludi biss riskji fil-kummerċ ġol-Komunità u mal-maġġuranza tal-pajjiżi OECD, hekk imsejħa "kummerċjabbli", b'mod oppost għal "politiċi", imniżżlin fl-Anness. Filwaqt li l-Istati Membri għamlu sforzi konsiderevoli biex jeliminaw għajnuna mis-settur kummerċjali ta' assigurazzjoni ta' esportazzjonijiet bi kreditu b'antiċipazzjoni ta' azzjoni mil-Komunità, is-Suq Wieħed jeħtieġ salvagwardji biex jassigura kondizzjonijet ugwali fiċ-ċirkustanzi kollha.

Din il-Komunikazzjoni m'għandhiex tittratta l-assigurazzjoni ta' riskji ta' l-esportazzjonijiet bi kreditu ta' żmien medju u ta' żmien twil li huma fi parti kbira mhux kummerċjabbli fil-ħin preżenti. F'dak il-qasam il-fatturi li wasslu l-Kummissjoni biex tieqaf minn użu estensiv tal-poteri tagħha għal kontroll ta' l-għajnuna Statali għadhom jaħdmu kontra din l-azzjoni. Minflok, sforzi qed jiġu magħmula biex jiġu armonizzati t-termini ta' assigurazzjoni ta' esportazzjonijiet bi kreditu, premiums u politika li tkopri l-pajjiż, bit-teħid in kunsiderazzjoni xieraq tal-programmi f'pajjiżi terzi sabiex ma tiġix imfixkla l-kompetittività ta' l-esportaturi Komunitarji.

1.5. It-Taqsima 2 ta' din il-komunikazzjoni tiddeskrivi l-istruttura tas-suq ta' l-assigurazzjoni ta' esportazzjonijiet bi kreditu u tiddistingwi s-settur kummerċjali jew tas-suq, ġo liema assiguranti privati jaħdmu u li hu kopert minn din il-komunikazzjoni bejn assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu privati u dawk pubbliċi jew appoġġati pubblikament u tispjega għaliex u sa liema estent l-Artikoli tat-Trattat dwar l-għajnuna Statali japplikaw. Fl-aħħar, fit-Taqsima 4, il-Kummissjoni tiddikjara liema azzjoni tikkonsidra meħtieġa biex tassigura li kwalunkwe għajnuna Statali li tibqa' tat-tipi mniżżlin fit-Taqsima 3 hi mneħħija mis-settur tas-suq u titlob l-Istati Membri skond l-Artikolu 93(1) tat-Trattat biex jieħdu din l-azzjoni, jekk meħtieġ.

2. Setturi tas-suq u mhux tas-suq ta' assigurazzjoni ta' esportazzjonijiet bi kreditu ta' żmien qasir

2.1. Ir-Rapport tal-Grupp tal-Kunsill ta' l-Esportazzjonijiet bi Kreditu (hawnhekk iżjed "il quddiem imsejjaħ" ir-Rapport'), ilmenti minn assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu u każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, urew li f'xi wħud mill-Istati Membri l-istess aġenziji ta' esportazzjonijiet bi kreditu "uffiċjali" li jassiguraw r-riskju ta' żmien medju u ta' żmien twil ta' esportaturi għall-kont jew bil-garanzija [6] ta' l-Istat jaħdmu wkoll għall-kont jew bil-garanzija ta' l-Istat f'partijiet tas-suq ta' l-assigurazzjoni ta' esportazzjonijiet bi kreditu ta' żmien qasir fejn huma in kompetizzjoni ma' dawk involuti fl-assigurazzjoni ta' esportazzjonijiet bi kreditu privati li m'għandhom l-ebda konnessjonijiet bħal dawn ma' l-Istat. L-aġenziji ta' esportazzjonijiet bi kreditu "uffiċjali" in kwistjoni jistgħu jkunu dipartimenti tal-gvern, kumpanniji ta' l-Istat jew kumpanniji kkontrollati mill-Istat jew kumpanniji totalment f'proprjetà u kontroll privati. Għall-iskopijiet ta' din il-komunikazzjoni, dawn l-aġenziji għandhom jiġu msejħa "assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu pubbliċi jew appoġġati pubblikament". Minn barra mill-aġenziji "uffiċjali" li jaħdmu kemm fl-oqsma ta' żmien medju/twil kif ukoll fl-oqsma ta' żmien qasir, xi wħud mill-assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu li huma ta' proprjeta' privata u kkontrollati b'mod privat li jipprovdu biss assigurazzjoni ta' żmien qasir jistgħu jiġu appoġġati mill-gvernijiet tagħhom permezz ta' garanziji jew arranġament ta' assigurazzjoni mil-ġdid ekwivalenti għal xi partijiet tal-kummerċ tagħhom. Dawn l-assiguranti, ukoll, għandhom jiġu kklassifikati bħala "pubbliċi jew appoġġati pubblikament". Min-naħa l-oħra, assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu impjegati prinċipalment jew esklużivament fiż-żmien qasir li ma joperawx għall-kont jew bil-garanzija [7] ta' l-Istat għal kwalunkwe kummerċ tagħhom għandom jiġu msejħin "assiguranti privati ta' esportazzjonijiet bi kreditu".

Ir-Rapport wera li meta assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu pubbliċi jew appoġġati pubblikament għall-kont jew bil-garanzija ta' l-Istat fuq partijiet tas-suq ta' żmien qasir fejn kienu in kompetizzjoni ma' assiguranti privati, gawdew ċerti vantaġġi finanzjarji li jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni kontra assiguranti privati. Fl-ebda pajjiż assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu pubbliċi jew appoġġati pubblikament ma kellhom monopolju għal negozju ta' żmien qasir.

Wieħed mill-oqsma l-aktar diffiċili ttrattat mir-Rapport kienet id-disposizzjoni ta' assigurazzjoni mil-ġdid mill-Istat, jew direttament jew indirettament. Ir-Rapport iddentifika arranġamenti ta' assigurazzjoni mil-ġdid li jipprovdu kopertura ta' 100 % u huma ekwivalenti għal garanziji bħala sussidju. Huwa issa rikonoxxut li faċilitajiet ta' assigurazzjoni mil-ġdid permezz ta' liema l-Istat jipparteċipa biss fi jew jissupplimenta trattat tas-settur privat jistgħu wkoll jagħtu assiguranti li jieħdu benefiċċju minnhom vantaġġ fuq assiguranti privati li ma jirċevux din il-kopertura, b'hekk ifixklu l-kompetizzjoni.

2.2. Minkejja t-titjibiet magħmulin reċentament – b'assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu pubbliċi jew appoġġati pubblikament bl-użu qed jiżdied tal-kummerċ ta' żmien qasir biex jisseparaw kumpanniji jew l-introduzzjoni ta' kontijiet separati – ġie nnotat hawn fuq li azzjoni għadha meħtieġa biex jinħolqu l-kondiżżjonijiet ugwali mixtieqa. L-ewwel kompitu hu li jiġi ddentifikat is-settur ġo liema suq kompetittiv jeżisti. Ir-Rapport użat bħala l-kriterju deċiżiv biex jiġi distint is-settur tas-suq, kemm jekk assigurazzjoni mil-ġdid privata kienet disponibb li b'mod ġenerali kemm jekk le, x'aktarx milli biss f'każijiet individwali. Ġie osservat li t-tweġiba kienet ġeneralment "iva" għal riskji kummerċjali fuq xerrejja mhux pubbliċi, imma li għal riskji politiċi (inklużi riskji fuq xerrejja pubbliċi, riskji tat-trasferiment ta' munita u riskji mhux kummerċjali, għal katastrofija) il-kapaċità disponibbli tant ma kenitx xierqa li kopertura għal dawn ir-riskji kellha b'mod ċar tiġi kkonsidrata bħala attività tas-suq. Fuq il-bażi ta' analiżi tas-suq privat ta' l-assigurazzjoni mil-ġdid b'referenza għat-tlett kriterji ta' dewmien, lokalità u natura tar-riskji assigurati, ir-Rapport ikkonsidra riskji "kummerċjabbli" li jinvolvu riskji kummerċjali b'perjodu ta' riskju li normalment hu ta' massimu ta' tlett snin għal esportazzjonijiet madwar id-dinja.

2.3. Kummenti sussegwenti minn Stati Membri, assoċjazzjonijiet tan-negozju u assiguranti indikaw li ġeneralment dik id-definizzjoni kienet wisq wiesa'. L-akbar parti ta' dawk is-sottomissjonijiet ftehmu mar-Rapport li riskji politiċi għandhom jiġu esklużi minħabba li s-suq privat ta' assigurazzjoni mil-ġdid ma kienx kbir biżżejjed, u ppreferew prejodu massimu ta' riskju ta' sentejn għal riskji kummerċjali. Minn barra dan, deher diffiċli ħafna li jiġi assigurat mil-ġdid fis-suq privat ir-riskju kummerċjali ta' nuqqas bid-dewmien fil-pajjiżi non-OECD.

2.4. Fid-dawl ta' dawk il-konnessjonijiet mil-viċin bejn nuqqas bid-dewmien u insolvenza – riskji ta' nuqqas bid-dewmien li huma kapaċi jirriżultaw f'insolvenza – u l-bżonn riżultanti li ż-żewġ riskji jiġu kklassifikati fl-istess kategorija (kummerċjabbli jew mhux kummerċjabbli), hu prudenti li jiġu esklużi r-riskji kummerċjali kollha fuq pajjiżi non-OECD mid-definizzjoni ta' riskji kummerċjabbli u mill-iskop ta' din il-komunikazzjoni għal issa. Fl-aħħar, jidher li fiż-żmien preżenti għad hemm diffikultajiet fil-kisba ta' assigurazzjoni mil-ġdid privata ta' riskju kummerċjali f'xi wħud mil-pajjiżi OECD.

2.5. Fid-dawl ta' dan t'hawn fuq, riskji "kummerċjabbli" huma mfissra għall-iskopijiet ta' din il-komunikazzjoni bħala riskji kummerċjali fuq debituri mhux pubbliċi [8] stabbiliti fil-pajjiżi mniżżlin fl-Anness. Għal dawn ir-riskji l-perjodu massimu ta' riskju (jiġifieri, il-perjodu ta' l-iffabbrikar flimkien mal-perjodu ta' kreditu bil-punt ta' bidu normali ta' l-Unjoni ta' Berne u termini tal-kreditu tas-soltu) hu inqas minn sentejn.

Ir-riskji l-oħra kollha (jiġifieri, riskji politiċi, tal-katastrofija [9] u riskji kummerċjali fuq xerrejja pubbliċi u fuq pajjiżi mhux imniżżlin fl-Anness) huma kkonsidrati li għad m'humiex kummerċjabbli.

"Riskji kummerċjali" huma mfissra għall-iskopijiet ta' din il-komunikazzjoni bħala:

- ir-revoka arbitrarja ta' kuntratt minn debitur, jiġifieri, kwalunkwe deċiżjoni arbitrarja minn debitur mhux pubbliku biex jiġi interrot jew mitmum il-kuntratt mingħajr raġuni leġittima,

- ir-rifjut arbitrarju minn debitur mhux pubbliku biex jaċċetta l-merkanzija koperta mil-kuntratt mingħajr raġuni leġittima,

- l-insolvenza ta' debitur mhux pubbliku jew il-garanti tiegħu,

- in-nuqqas ta' pagament minn debitur mhux pubbliku jew minn garanti ta' debitu li jirriżulta mil-kuntratt, jiġifieri, nuqqas bid-dewmien.

2.6. Il-kapaċità tas-suq privat ta' l-assigurazzjoni mil-ġdid tvarja. Dan ifisser li d-definizzjoni ta' riskji kummerċjabbli mhijiex immutabbli u tista' tbiddel matul iż-żmien; per eżempju, tista' tiġi estiża biex tkopri riskji politiċi. Id-definizzjoni għandha għalhekk tiġi reveduta regolarment (jiġfieri, mill-inqas darba kull sena) mil-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Istati Membri u partijiet interessati oħra dwar dawn ir-reviżjonijiet [10]. Sa fejn hu meħtieġ, bidliet għad-definizzjoni għandhom jieħdu kunsiderazzjoni ta' l-iskop tal-leġislazzjoni Komunitarja li tirregola l-assigurazzjoni ta' esportazzjonijiet bi kreditu, sabiex tkun evitat kwalunkwe kunflitt jew inċertezza legali.

3. Fatturi li jfixklu l-kompetizzjoni bejn assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu pubbliċi jew appoġġati pubblikament

3.1. Il-fatturi li jistgħu jfixxklu l-kompetizzjoni fil-favur ta' assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu pubbliċi jew appoġġati pubblikament li jassiguraw riskji kummerċjabbli jinkludu [11]:

- garanziji ta' l-Istat de jure jew de facto ta' self u telf. Dawn il-garanziji jħallu assiguranti jselfu b'rati aktar baxxi mir-rati normali tas-suq jew jagħmlu possibbli għalihom li jselfu l-flus mill-ewwel. 'Il fuq minn dan, ineħħu l-bżonn li assiguranti jassiguraw lilhom infushom mil-ġdid fis-suq privat,

- Għandu jiġi nnotat li meta d-Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE [12] ġiet emendata mid-Direttiva 87/343/KE [13] gie mifhum li l-esklużjoni ta' operazzjonijiet ta' assigurazzjoni ta' esportazzjonijiet bi kreditu għall-kont ta' jew iggarantiti mill-Istat (L-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva oriġinali) ma inkludietx operazzjonijiet fil-qasam ta' riskji kummerċjali ta' żmien qasir li għamlu assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu pubbliċi jew appoġġati pubblikament għall–kont proprju u mhux iggarantiti mill-Istat [14]. Dan ifisser li biex jiġu assigurati riskji kummerċjali ta' żmien qasir, assiguranti pubbliċi jew appoġġati pubblikament għandhom ikollhom ċertu ammont ta' fondi proprji (marġini tas-solvenza, inkluż fond ta' garanzija) u disposizzjoniiet tekniċi (b'mod notevoli riżerva ta' ugwaljanza) u għandhom ikunu kisbu awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 6 et seq. tad-Direttiva 73/239/KEE,

- nuqqas jew eżenzjoni minn taxxi li normalment għandom jiħallsu (bħal taxxi tal-kumpannija u taxxi imposti fuq poloz ta' l-asssigurazzjoni),

- għotji ta' għajnuna jew proviżjonijiet ta' kapital mill-Istat. Fir-rigward ta' dan ta' l-aħħar, il-prinċipju għandu jiġi osservat li, kemm-il darba l-Istat qed jaġixxi kif kien jaġixxi investitur privat f'ekonomija tas-suq, għotjiet tal-kapital jinvolvu għajnuna Statali [15]; proviżjoni mill-Istat ta' servizzi f'oġġetti, bħal aċċess għal u użu ta' infrastruttura Statali, faċilitajiet jew informazzjoni privileġġata (per eżempju, informazzjoni dwar debituri miġburin minn ambaxxati) fuq termini li ma jirriflettux il-prezz tagħhom; u assigurazzjoni mil-ġdid mill-Istat, jew direttament, jew indirettament permezz ta' assigurant ta' esportazzjonijiet bi kreditu pubbliku jew appoġġat pubblikament, fuq termini aktar favorevoli minn dawk li qegħdin għad-disposizzjoni mis-suq privat ta' assigurazzjoni mil-ġdid, li jwasslu jew għat-tniżżil taħt il-prezz ta' l-assigurazzjoni mil-ġdid jew għall-ħolqien artifiċjali ta' kapaċità li ma kenitx tiġi mis-suq privat.

3.2. It-tipi ta' trattament imniżżlin fil-paragrafu 3.1 jagħtu, jew jistgħu jagħtu, l-assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu li jirċievuhom vantaġġ finanzjarju fuq assiguranti oħra ta' esportazzjonijiet bi kreditu. Dawn il-vantaġġi finanzjarji mogħtija lil ċerti impriżi jfixklu l-kompetizzjoni u jikkostitwixxu għajnuna Statali fis-sens ta' l-Artikolu 92(1) tat-Trattat.

L-Artikolu 92(1) hu applikabbli għall-miżuri kollha li jagħtu vantaġġ finanzjarju jew ekonomiku lil ċerti impriżi jew prodotti u jinvolvu piż fuq jew telf ta' fondi pubbliċi, kemm jekk attwali kemm jekk kontinġenti, u għal liema xejn jew ftit hu meħtieġ mil-benefiċjarju in kwistjoni, sa fejn dawn il-miżuri jaffettwaw kummerċ bejn Stati Membri u jfixklu jew jheddu li jfixklu l-kompetizzjoni billi jagħtu preferenza lil ċerti impriżi jew lil produzzjoni ta' ċerta merkanzija [16].

Il-vantaġġi finanzjarji mniżżlin fil-paragrafu 3.1 fir-rigward ta' riskji kummerċjabbli kif imfissrin fil-paragrafu 2.5 jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju fis-servizzi. Il fuq minn dan, iwasslu għal varjazzjonijiet fil-kopertura ta' l-assigurazzjoni li qegħda għad-disposizzjoni għal riskji kummerċjabbli fi Stati Membri differenti, b'hekk ifixxklu l-kompetizzjoni bejn kumpanniji fi Stati Membri u jkollhom effetti sekondarji fuq il-kummerċ intra-Komunitarju irrispettivament ta' jekk esportazzjonijiet intra-Komunitarji barra mil-Komunità humiex in kwistjoni [17]. L-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 92 tat-Trattat ma japplikawx lil għajnuna għall-assigurazzjoni ta' riskji kummerċjabbli. L-effetti ta' tfixkil ta' din l-għajnuna fil-Komunità huma ta' importanza akbar minn kwalunkwe interess possibbli nazzjonali jew Komunitarju fl-appoġġ ta' esportazzjonijiet. Dik l-opinjoni ġiet ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Każ C-63/89 li kienet tirrigwarda direttament il-kwistjoni indirizzata minn din il-komunikazzjoni. Il-Qorti qalet li minkejja li d-Direttiva dwar l-armonizzazzjoni parzjali ta' riżervi ta' l-ugwaljanza għal kumpanniji ta' l-assigurazzjoni, li eżentaw operazzjonijiet ta' assigurazzjoni ta' esportazzjonijiet bi kreditu għall-kont ta' jew iggarantiti mill-Istat, ma kenitx illegali, il-fatturi li fixklu l-kompetizzjoni bejn assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu pubbliċi jew appoġġati pubblikament jistgħu jiġġustifikaw rikors għal azzjoni legali biex jiġi ppenalizzat il-ksur tad-disposizzjonijiet (ta' l-Artikolu 92)ċ [18]. Fis-sentenza tagħha fil-Każ C-44/93 [19], il-Qorti qieset li l-vantaġġi in kwistjoni jikkostitwixxu għajnuna Statali u kkonfermat li l-Kummissjoni setgħet tieħu azzjoni biex tassigura l-irtirar tagħhom.

4. Azzjoni meħtieġa biex jiġi eliminat tfixkil tal-kompetizzjoni fl-assigurazzjoni ta' esportazzjonijiet bi kreditu ta' żmien qasir fir-rigward ta' riskji kummerċjabbli

4.1. Għajnuna Statali tat-tipi mniżżlin fil-paragrafu 3.1, li hi mgawdija minn assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu appoġġati pubblikament għar-riskji kummerċjabbli mfissra fil-paragrafu 2.5, tista' tfixkel il-kompetizzjoni u kienet għalhekk ma tkunx eliġibbli għal eżenzjoni taħt ir-regoli ta' l-għajnunaa Statali tat-Trattat.

4.2. L-Istati Membri huma għalhekk mitluba taħt l-Artikolu 93(1) tat-Trattat li jemendaw, fejn meħtieġ, is-sistemi tagħhom ta' l-assigurazzjoni ta' esportazzjonijiet bi kreditu għal riskji kummerċjabbli f'tali mod li l-għotja ta' għajnuna Statali tat-tipi li ġejjin lil assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu pubbliċi jew appoġġati pubblikament fir-rigward ta' dawn ir-riskji hi mitmuma f'sena mil-pubblikazzjoni ta' din il-Komunikazzjoni:

(a) garanziji ta' l-Istat għas-self jew it-telf;

(b) eżenzjoni mil-ħtieġa li jiġu kkostitwiti riżervi xierqa u l-ħtiġijiet oħra mniżżlin fit-tieni inċiż tal-paragrafu 3.1;

(ċ) ħelsien jew eżenzjoni minn taxxi jew piżijiet oħra li normalment għandhom jitħallsu;

(d) għoti ta' għajnuna jew proviżjonijiet ta' kapital jew forom oħra ta' finanzi f'ċirkustanzi ġo liema investitur privat li jaġixxi taħt kondizzjonijiet tas-suq normali ma kienx jinvesti fil-kumpannija jew fuq termini li investitur privat ma kienx jaċċetta;

(e) proviżjoni mill-Istat ta' servizzi f'oġġetti, bħal aċċess għal u użu ta' infrastruttura Statali, faċilitajiet jew informazzjoni privileġġata (per eżempju, informazzzjoni dwar debituri miġbura minn ambaxxati), fuq termini li ma jirriflettux il-prezz tagħhom; u

(f) assigurazzjoni mil-ġdid mill-Istat, jew direttament, jew indirettament permezz ta' assigurant ta' esportazzjonijiet bi kreditu pubbliku jew appoġġat pubblikament, fuq termini aktar favorevoli minn dawk li qegħdin għad-disposizzjoni mis-suq privat ta' assigurazzjoni mil-ġdid, li jwassal jew għat-tniżżil taħt il-prezz tal-kopertura ta' assigurazzjoni mil-ġdid jew għall-ħolqien artifiċjali ta' kapaċità li ma kenitx tiġi mis-suq privat.

Madankollu, sakemm jiġi r-riżultat tar-reviżjoni msemmija fil-paragrafu 4.3, arranġamenti komplimentarji eżistenti ta' assigurazzjoni mil-ġdid jibqgħu permissibbli għal perjodu temporanju, previst li:

- l-assigurazzjoni mil-ġdid ta' l-Istat huwa element ta' minoranza fil-pakett totali ta' l-assigurazzjoni mil-ġdid ta' l-assigurant,

- fejn it-trattati ta' assigurazzjoni mil-ġdid ta' l-assigurant jagħqdu riskji kummerċjabbli u mhux kummerċjabbli, u kwalunkwe assigurazzjoni mil-ġdid ta' l-Istat b'hekk inevitabilment jiġi mehmuż ma' riskju kummerċjabbli, il-livell ta' assigurazzjoni mil-ġdid ta' l-Istat għal riskji kummerċjabbli m'għandux ikun iżjed minn dak li kien ikun mqiegħed għad-disposizzjoni mis-suq privat ta' assigurazzjoni mil-ġdid jekk assigurazzjoni mil-ġdid ġiet imfittxija għal dawk ir-riskji f'iżolament,

- l-assigurazzjoni mil-ġdid ta' l-Istat ma jaġixxix biex iħalli l-assigurant jassigura kummerċ fuq xerrejja individwali lil hin mil-limiti stabbiliti mill-assiguranti mil-ġdid tas-suq privat li jipparteċipaw,

- il-premium għal assigurazzjoni mil-ġdid ta' l-Istat jirrefletti r-riskju b'mod li jista' jintwera, hu kkalkulat bl-użu ta' tekniċi tas-suq kummerċjali u, fejn rata ekwivalenti tas-suq tal-premium qegħda għad-disposizzjoni, hi mill-inqas ugwali għal dik ir-rata,

- l-assigurazzjoni mil-ġdid għal riskji kummerċjabbli hi miftuħa għall-assiguranti ta' kreditu kollha li jistgħu jissodisfaw il-kriterji komuni ta' l-eleġibilità.

4.3. Għall-iskopijiet tal-ħarsien tal-paragrafu 4.2, assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu pubbliċi jew appoġġati pubblikament għandhom, mill-inqas, iżommu amministrazzjoni separata u kontijiet separati għall–assigurazzjoni tagħhom ta' riskji kummerċjabbli u riskji mhux kumerċjabbli għall-kont jew bil-garanzija ta' l-Istat, waqt li juru li ma jgawdux minn għajnuna Statali fl-assigurazzjoni tagħhom ta' riskji kummerċjabbli. Il-kontijiet għal kummerċ assigurati fil-kont proprju ta' l-assigurant għandhom iħarsu d-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KE [20].

‘Il fuq minn dan, kwalunkwe Stat Membru li jipprovdi kopertura ta' assigurazzjoni mil-ġdid lil assigurant ta' esportazzjonijiet bi kreditu permezz ta' parteċipazzjoni jew involviment f'trattati ta' assigurazzjoni mil-ġdid tas-settur privat li jkopru kemm riskji kummerċjabbli kif ukoll riskji mhux kummerċjabbli għandhom juru li l-arranġamenti tiegħu ma jinvolvux għajnuna Statali fis-sens tal-paragrafu 4.2 (f).

Għal dan l-iskop il-Kummissjoni, f'koperazzjoni mil-viċin ma' l-Istati Membri, għandha b'mod kontinwu, mil-pubblikazzjoni ta' din il-Komunikazzjoni, tikkontrolla dawn l-arranġamenti fuq il-bażi ta' rapporti ta' kull sitt xhur mogħtija mill-Istati Membri in kwistjoni u sat-tmiem ta' l-1998 għandha twettaq reviżjoni kompleta ta' dawn l-arranġamenti. Ir-reviżjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-għarfien u l-esperjenza kollha miksuba sa dan it-tant dwar l-operazzjoni tas-suq ta' l-assigurazzjoni ta' esportazzjonijiet bi kreditu ta' żmien qasir, u l-intervenzjoni f'dan ta' l-Istati Membri, mir-rapporti ta' implimentazzjoni pprovduti taħt il--paragrafu 4.5 mill-ewwel tar-reviżjonijiet ta' kull sena li għandha tittieħed taħt il-paragrafu 4.6 u minn kwalunkwe notifiki ta' użu tal-klawżola ta' ħruġ taħt il-paragrafu 4.4. Jekk ir-reviżjoni kellha ssib li l-arranġamenti fi Stat Membru jinvolvu għajnuna Statali, l-Istat Membru għandu jiġi meħtieġ li jtemmhom sat-tmiem ta' l-1999 mill-aktar tard.

4.4. Il-prinċipju li assigurazzjoni ta' esportazzjonijiet bi kreditu għal riskji kumerċjabbli għandu jiġi pprovdut minn assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu pubbliċi jew appoġġati pubblikament biss jekk il-vantaġġi finanzjarji mniżżlin fil-paragrafu 4.2 huma rtirati minnhom tista' tiġi magħmula deroga minnu fiċ-ċirkustanzi stabbiliti hawn taħt.

F'ċerti pajjiżi, kopertura għal riskji kummerċjabbli ta' esportazzjonijiet bi kreditu tista' tkun temporanjament mhux qegħda għad-disposizzjoni minn assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu privati jew minn assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu pubbliċi jew appoġġati pubblikament li joperaw għall-kont proprju, minħabba nuqqas ta' kapaċità għall-assigurazzjoni jew assigurazzjoni mil-ġdid. Għalhekk dawk ir-riskji huma temporanjament ikkunsidrati bħala mhux kummerċjabbli.

F'ċirkustanzi bħal dawn, dawk ir-riskji temporanjament mhux kummerċjabbli jistgħu jittieħdu fuq il-kont ta' assigurant ta' esportazzjonijiet bi kreditu pubbliku jew appoġġat pubblikament għal riskji mhux kummerċjabbli assigurati għall-kont ta' jew bil-garanzija ta' l-Istat. L-assigurant għandu, sa fejn hu possibbli, jallinea r-rati tal-premim tiegħu għal dawn ir-riskji mar-rati imposti imkien ieħor minn assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu privati għat-tip ta' riskju in kwistjoni.

Kull Stat Membru li għandu l-ħsieb li juża' dik il-klawżola ta' ħruġ għandu jinnotifika immedjatament il-Kummissjoni bid-deċizjoni abbozzata tiegħu. Dik in-notifika għandu jkun jinsab fiha rapport dwar is-suq li juri n-nuqqas ta' disponibilità ta' koperta għar-riskji fis-suq privat ta' l-assigurazzjoni billi jipproduċi evidenza tiegħu minn żewġ assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu privati internazzjonali, kbar u magħrufin sew kif ukoll assigurant ta' kreditu nazzzjonali, b'hekk jiġġustifika l-użu tal-klawżola ta' ħruġ. Barra dan, għandha tkun tinsab fiha deskrizzjoni tal-kondizzjonijiet li l-assigurant ta' esportazzjonijiet bi kreditu pubbliku jew appoġġat pubblikament għandu l-ħsieb li japplika fir-rigward ta' dawn ir-riskji.

Fi żmien xahrejn mill-irċevuta ta' din in-notifika, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk l-użu tal-klawżola ta' ħruġ huwiex skond il-kondizzjonijiet ta' hawn fuq u kompatibbli mat-Trattat.

Jekk il-Kummissjoni ssib li l-kondizzjonijiet għall-użu tal-klawżola ta' ħruġ huma milħqugħin, id-deċiżjoni tagħha dwar il-kompatibiltà hi llimitata għal sentejn mid-data tad-deċiżjoni, previst li l-kondizzjonijiet tas-suq li jiġġustifikaw l-użu tal-klawżola ta' ħruġ ma jinbidlux matul dak il-perjodu.

‘Il fuq minn dan, il-Kummissjoni tista', b'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri l-oħra, tirrevedi l-kondizzjonijiet għall-użu tal-klawżola ta' ħruġ; tista' tiddeċiedi wkoll li ma tkomplihiex jew tbiddila b'sistema xierqa oħra.

4.5. Din il-komunikazzjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 1998 għal perjodu ta' ħames snin. L-Istati Membri huma mitluba jinfurmaw il-Kummissjoni fiż-żmien ta' xahrejn min-notifika ta' don il-komunikazzjoni, jekk jaċċettaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħha. Sa l-1 ta' Jannar 1999 mill-aktar tard, l-Istati Membri għandhom jinformaw il-Kummissjoni bl-azzjoni li ħadu biex iħarsu ma' dan. Li kieku kellu jidher jew permezz ta' dawk ir-rapporti jew b'mod ieħor li s-sistemi li qed joperaw fl-Istati Membri għadhom jinvolu għajnuna Statali, il-Kummissjoni għandha tagħmel stima ta' din l-għajnuna skond l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat, skond il-politika stabbilita hawn fuq.

4.6. In koperazzjoni ma' l-Istati Membri u partijiet interessati, il-Kummissjoni għandha tagħmel reviżjoni tad-definizzjoni ta' riskji kummerċjabbli u l-ħidma tal-komunikazzjoni preżenti fid-dawl ta' żvilluppi fis-suq u leġislazzjoni Komunitarja possibbli. L-informazzjoni kollha rċevuta mil-Kummissjoni minn Stati Membri u partijiet interessati dwar dawn ir-reviżjonijiet għandha bil-permess ta' dak li jipprovdi l-informazzjoni, tiġi mqiegħda għad-disposizzjoni tal-parteċipanti l-oħra kollha fir-reviżjoni.

[1] Egħjun: Il-ħames stħarriġ dwar għajnuna Statali fil-Komunità Ewropea, il-Kummissjoni tal-KE, 1997, p. 20. Mill-1992 'il quddiem it-tnaqqis f'esportazzjonijiet bi kreditu ssussidjati miftehem fil-pakkett ta' Helsinki x'aktarx li jirriduċi din il-figura.

[2] Fis-seba' rapport tagħha dwar il-politika tal-kompetizzjoni (1977), il-punt 242, il-Kummissjoni ddikjarat li għajnuna għall-esportazzjonijiet fil-kummerċ intra-Komunitarju "ma tistax tikkwalifika għal deroga irrispettivament mill-intensità, forma, raġunijiet jew skop tagħha".

[3] Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Każ C-142/87 Il-Belġju v. Il-Kummissjoni (1990) ECR I-959. Ara wkoll il-Każ C-44/93 Assurances du Crédit v. OND u l-Belġju (1994) ECR I-3829, il-paragrafu 30.

[4] "L'assurance crédit et le 1992 (court-terme)", rapport ippreżentat lill-grupp tal-kordinazzjoni, rapporteur, P. Callut.

[5] Ara l-Każ C-63/89 Assurances du Crédit u Cobac v. Il-Kunsill u l-Kummissjoni (1991) ECR I-1799, u l-Każ C-44/93 Assurances du Crédit v OND u l-Belġju (1994) ECR I-3829.

[6] F'xi każijiet, bħal fl-Olanda, il-kummerċ ta' żmien medju u ta' żmien twil hu mmexxi mhux taħt garanzija, imma taħt ftehim komprensiv ta' assigurazzjoni mil-ġdid mal-gvern.

[7] Jew ma' arranġamenti ekwivalenti ta' assigurazzjoni mil-ġdid.

[8] Jew persuni garanti mhux pubbliċi. Debitur pubbliku jew garanti hu debitur jew garanti li, b'forma jew oħra, jirrappreżenta l-awtorità pubblika nnifisha u ma jistax la b'mod ġudizzjarju u lanqas b'mod amministrattiv jiġi ddikjarat insolventi. Għall-iskopijiet ta' din il-komunikazzjoni, kumpanniji fil-proprjetà pubblika jew ikkontrollati pubblikament residenti fil-pajjiżi mniżżlin fl-Anness bħala pajjiż ta' riskju kummerċjabbli u soġġetti għad-dispożizzjonijiet normali tal-liġi privata tal-kumpanniji huma kkunsidrati bħala debituri/garanti mhux pubbliċi.

[9] Jiġifieri, gwera, revoluzzjoni, disastri naturali, aċċidenti nukleari, u affarijiet bħal dawn, mhux hekk imsejħin "riskji kummerċjali, ta' katastrofija" (akkumulazzjonijiet katastrofiċi ta' telf fuq xerejja jew pajjiżi individwali) li jistgħu jiġu koperti minn eċċess ta' telf ta' assigurazzjoni mil-ġdid u huma riskji kummerċjali.

[10] Inter alia, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ l-għajnuna tal-Kunsill (per eżempju, il-Grupp ta' Esportazzjonijiet bi Kreditu tiegħu).

[11] L-irbit minn assigurant ta' esportazzjonijiet bi kreditu pubbliku jew appoġat pubblikament ta' assigurazzjoni ta' riskji mhux kummerċjabbli ma' l-aċettament ta' kopertura għal riskji kummerċjabbli jista' jikser l-Artikolu 86 tat-Trattat KE. Din l-azzjoni tista' tkun kemm is-suġġett ta' proċeduri mil-Kummissjoni u rikużata fil-qrati u quddiem awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni

[12] L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE ta' l-24 ta' Lulju 1973 dwar il-kordinament ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu mal-bidu u t-tkomplija tan-negozju ta' l-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 228, tas-16.8.1973, p. 3).

[13] Id-Direttiva tal-Kunsill 87/343/KEE tat-22 ta' Ġunju 1987 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE dwar il-kordinament ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu mal-bidu u t-tkomplija tan-negozju ta' l-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 185, ta' l-4.7.1987, p. 72).

[14] Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Każ C-63/89, Assurances du Credit u Cobac v. Il-Kunsill u l-Kummissjoni, msejjaħ fin-nota f'qiegħ il-paġna 5, p. 1848 (il-paragrafu 22).

[15] Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri fir-rigward ta' l-azjendi f'kapital tal-kumpanniji (Bulletin KE 9-1984) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat KE lil impriżi pubbliċi fis-settur ta' l-iffabbrikar (ĠU C 307, tat-13.11.1993, p. 3).

[16] Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Każ 30/59 Steenkolenmijnen v. L-Awtorità Għolja (1961) ECR p. 1, il-paragrafu 19; il-Każ 173/73 L-Italja v. Il-Kummissjoni (1974) ECR p. 709, Il-Każ 730/79 Philip Morris v. Il-Kummissjoni (1980) ECR p. 2671.

[17] Fis-sentenza tagħha fil-Każ C-142/87 Il-Belġju v. Il-Kummissjoni, imsejħa fin-nota f'qiegħ il-paġna 3, il-Qorti qalet li mhux biss l-għajnuna għal esportazzjonijiet intra-Komunitarji, imma wkoll għajnuna għal esportazzjonijiet barra mil-Komunità tista' tinfluwenza l-kompetizzjoni u l-kummerċ intra-Komunitarji. Iż-żewġ tipi ta' operażżjoni huma assigurati minn assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu u għajnuna fir-rigward tat-tnejn tista' għalhekk ikollha effetti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ intra-Komunitarji.

[18] Imsejjaħ fin-nota f'qiegħ il-paġna 5; ara l-paragrafu 24. L-Avukat Ġenerali Tesauro, fl-opinjoni tiegħu fil-każ, ikkunsidra li meta hemm kompetizzjoni bejn assiguranti ta' esportazzjonijiet bi kreditu privati u pubbliċi jew appoġġati pubblikament, hu dubjuż ħafna jekk l-Istati Membri jistgħux b'mod leġittimu jipprovdu appoġġ finanzjarju għal operaturi pubbliċi. Intervenzjoni ta' dak it-tip jista' ma jkunx kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna pubblika'((1991) ECR I-1835, il-punt 15).

[19] Imsejjaħ fin-nota f'qiegħ il-paġna 3; ara speċjalment il-paragrafu 34.

[20] Id-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE tad-19 ta' Diċembru 1991 dwar il-kontijiet ta' kull sena u kontijiet konsolidati ta' impriżi ta' l-assigurazzjoni (ĠU L 374, tal-31.12.1991, p. 7).

--------------------------------------------------

ANNESS

Lista ta' pajjiżi ta' riskju kummerċjabbli

L-Unjoni Ewropea | Pajjiżi li huma membri ta' l-OECD u li huma kkonsidrati li huma pajjiżi ta' riskju kummerċjabbli |

Il-Ġermanja L-Awstrija Il-Belġju Id-Danimarka L-Ispanja Il-Finlandja Il-Franza Il-Greċja L-Irlanda L-Italja Il-Lussemburgu L-Olanda Il-Portugall Ir-Renju Unit L-Isvezja | L-Awstralja Il-Kanada L-Istati Uniti ta' l-Amerika L-Islanda Il-Ġappun In-Norveġja In-New Zealand L-Isvizzera |

--------------------------------------------------

Top