EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31996R2470

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2470/96 tas-17 ta’ Diċembru 1996 li jipprovdi għall-estensjoni tat-termini ta’ dritt Komunitarju dwar varjetà ta’ pjanta rigward il-patata

ĠU L 335, 24.12.1996, p. 10–10 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/2470/oj

31996R2470



Official Journal L 335 , 24/12/1996 P. 0010 - 0010


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2470/96

tas-17 ta’ Diċembru 1996

li jipprovdi għall-estensjoni tat-termini ta’ dritt Komunitarju dwar varjetà ta’ pjanta rigward il-patata

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar id-drittijiet Komunitarji dwar varjetà ta’ pjanta [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 19(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-proposta mill-Kummissjoni,

Billi huwa rrikonoxxut illi d-diffikultajiet tekniċi fit-tkabbir tal-patata jeħtieġu nefqa għall-attivitajiet tar-riċerka għal perjodu twil taż-żmien meta mqabbla mal-maġġoranza l-kbira tal-prodotti l-oħra kollha tal-biedja; billi, b’żieda ma’ dan, l-esperjenza fis-suq uriet illi varjetà ġdida tal-patata tiżvela l-valur kummerċjali tagħha biss fuq skond fit-tul meta mqabbla ma’ dawk l-ispeċi agrikoli li jeħtieġu wkoll attivitajiet ta’ riċerka fuq skond fit-tul; billi, għal dawn ir-raġunijiet, ir-rifużjoni ekwa għall-attivitajiet tar-riċerka hija possibbli biss fi stadju x’aktarx tard tal-protezzjoni meta mqabbla mal-prodotti l-oħra tal-biedja;

Billi, sabiex jiġi stabbilit ambjent legali li jwassal għalbiex tinkiseb din ir-rifużjoni ekwa, il-miżura l-iktar approprjata hija l-estensjoni għal ħames snin oħra fit-tul inizjali taż-żmien tad-dritt Komunitarju għall-varjetà ta’ pjanta fil-każ tal-patata;

Billi din l-estensjoni għandha tapplika għad-drittijiet kollha validi Komunitarji għall-varjetà tal-pjanta li jkunu ingħataw qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jew li jkunu sejrin jingħataw fil-futur sakemm dan id-dritt jiġi ċedut kif imiss minn min iżommu jew mitmum b’deċiżjoni tal-Uffiċċju Komunitarju għall-Varjetà tal-Pjanti;

Billi l-perjodu taż-żmien ta’ l-estensjoni għandu jitnaqqas jekk dritt jew drittijiet nazzjonali tal-proprjetà rigward l-istess varjetà kien jew kienu effettivi fi Stat Membru qabel il-għoti tad-dritt Komunitarju għall-varjetà ta’ pjanta u, skond dan, kienu jippermettu diġà lil min irabbi li jieħu vantaġġ mill-varjetà tiegħu; billi prinċipju paragunabbli kien diġà stabbilit fid-disposizzjonijiet transitorji ta’ l-Artikolu 116 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. It-tul taż-żmien tad-dritt Komunitarju għal varjetà ta’ pjanta, ipprovvdut fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 għandu rigward il-varjetajiet tal-patata, jiġi estiż b’ħames snin oħra, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-inċiż ta’ l-Artikolu 116(4) tar-Regolament imsemmi.

2. Fil-każ tal-varjetajiet li għalihom ikun ġie konċess dritt nazzjonali għall-varjetà ta’ pjanta qabel il-konċessjoni tad-dritt Komunitarju għall-varjetà ta’ pjanta, iżda li għalihom ma japplikax ir-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 116(4) tar-Regolament imsemmi, l-estensjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha titnaqqas bl-itwal perjodu taż-żmien fi snin sħaħ li matulu kull dritt jew drittijiet nazzjonali ta’ proprjetà konċessi kienu effettivi fi Stat Membru rigward l-istess varjetà qabel il-konċessjoni tad-dritt Komunitarju għall-varjetà tal-pjanta.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-17 ta’ Diċembru 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

I. Yates

[1] ĠU Nru L 227, ta’ l-1.9.1994, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2506/95 (ĠU Nru L 258, tat-28.10.1995, p. 3).

--------------------------------------------------

Top