EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31996L0048

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/48/KE tat-23 ta’Lulju 1996 fuq l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja

OJ L 235, 17.9.1996, p. 6–24 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 13 Volume 017 P. 152 - 170
Special edition in Estonian: Chapter 13 Volume 017 P. 152 - 170
Special edition in Latvian: Chapter 13 Volume 017 P. 152 - 170
Special edition in Lithuanian: Chapter 13 Volume 017 P. 152 - 170
Special edition in Hungarian Chapter 13 Volume 017 P. 152 - 170
Special edition in Maltese: Chapter 13 Volume 017 P. 152 - 170
Special edition in Polish: Chapter 13 Volume 017 P. 152 - 170
Special edition in Slovak: Chapter 13 Volume 017 P. 152 - 170
Special edition in Slovene: Chapter 13 Volume 017 P. 152 - 170
Special edition in Bulgarian: Chapter 13 Volume 019 P. 3 - 21
Special edition in Romanian: Chapter 13 Volume 019 P. 3 - 21

No longer in force, Date of end of validity: 18/07/2010; Imħassar b' 32008L0057 . Latest consolidated version: 02/06/2007

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1996/48/oj

31996L0048



Official Journal L 235 , 17/09/1996 P. 0006 - 0024


Id-Direttiva tal-Kunsill 96/48/KE

tat-23 ta’Lulju 1996

fuq l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 129d tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Filwqat li jaġixxi b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189c [4],

Billi biex jiġi permess liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, lill-operaturi ekonomiċi u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali li jibbenefikaw bis-sħiħ mill-vantaġġi li ġejjin mit-twaqqif ta’ żona mingħajr fruntieri interni, huwa konsiljabbli, b’mod partikolari, li wieħed itejjeb it-tagħqid u l-interoperabilità tan-networks ferrovjarji nazzjonali ta’ veloċità għolja, kif ukoll l-aċċess għalihom;

Billi grupp ta’ ħidma ta’ livell għoli magħmul minn rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri, tal-ferroviji Ewropej u ta’ l-industrija ferrovjarja Ewropea mlaqqgħa mill-Kummissjoni biex jilqa’ t-talba mfissra mill-Kunsill fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-4 u l-5 ta’ Diċembru 1989 ifformula l-pjan ġenerali għall-network Ewropew ta’ veloċità għolja;

Billi f’Diċembru 1990 il-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill komunikat fuq in-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja, u billi l-Kunsill laqa’ favorevolment dan il-komunikat fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 1990 [5];

Billi l-Artikolu 129ċ tat-Trattat jipprovdi li l-Komunità għandha twettaq kull miżura li tista’ tirriżulta neċessarja biex tiżgura l-interoperabilità tan-network, b’mod partikolari fil-qasam ta’ l-istandardizzazzjoni teknika;

Billi t-tħaddim kummerċjali ta’ ferroviji ta’ veloċità għolja jeħtieġ kompatibilità eċċellenti bejn l-ispeċifiċi ta’ l-infrastruttura u dawk tar-rolling stock; billi l-livelli ta’ l-operat, is-sigurtà, il-kwalità tas-servizz u l-prezz tiegħu jiddependu fuq kompatibilità bħal din kif ukoll, b’mod partikolari, l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja Ewropea ta’ veloċità għolja;

Billi skond id-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE tad-29 ta’Lulju 1991 fuq l-iżvilupp tal-ferroviji tal-Komunità [6] il-kumpaniji tal-ferrovija għandu jkollhom aktar aċċess għan-networks ferrovjarji kollha ta’ l-Istati Membri, li minn naħa tiegħu dak jeħtieġ infrastruttura, apparat u interoperabilità tar-rolling stock;

Billi l-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw konformità mar-regoli tas-sigurtà, is-saħħa u l-protezzjoni tal-konsumatur li japplikaw għan-networks ferrovjarji b’mod ġenerali matul l-iddisinjar, il-kostruzzjoni, it-tqegħid fis-servizz u l-tħaddim ta’ dawk il-ferroviji; billi, flimkien ma’ l-awtoritajiet lokali, dawk għandhom ukoll responsabbiltajiet fir-rigward ta’ drittijiet fuq art, ippjanar reġjonali u ambjent; billi dan huwa wkoll b’mod speċjali pertinenti fir-rigward ta’ networks ferrovjarji ta’ veloċità għolja;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 fuq il-valutazzjoni ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent [7] teħtieġ valutazzjoni dwar l-impatt fuq l-ambjent mill-bini ta’ linji għat-traffiku ferrovjarju b’distanza twila;

Billi r-regolamenti nazzjonali u r-regoli ferrovjarji interni u l-ispeċifiċi tekniċi li l-ferroviji japplikaw fihom differenzi kbar; billi dawk ir-regolamenti nazzjonali u r-regoli interni jinkorporaw teknika li hija speċifika għall-industrija nazzjonali; billi dawn jippreskrivu daqsijiet speċifiċi u mezzi u speċifiċi speċjali; billi din is-sitwazzjoni tmur kontra li ferroviji ta’ veloċità għolja jkunu jistgħu jaħdmu b’mod normali mat-territorju kollu tal-Komunità;

Billi, matul is-snin, din is-sitwazzjoni ħolqot rabtiet mill-qrib ħafna bejn l-industriji nazzjonali tal-ferroviji u l-ferroviji nazzjonali, għad-dannu ta’ ftuħ ġenwin ta’ kuntratti; billi, sabiex ikabbru l-kompetitività tagħhom fuq livell dinji dawk l-industriji jeħtieġu suq Ewropew miftuħ u kompettitiv;

Billi huwa għalhekk approprjat li jiġu definiti l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-Komunità kollha li ser japplikaw għas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja;

Billi, fid-dawl tal-wisa’ u l-komplessità tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja, instab li jeħtieġ għal raġunijiet prattiċi li din tinqasam f’sottosistemi; billi għal kull waħda minn dawk is-sottosistemi l-ħtiġiet essenzjali għandhom jiġu speċifikati, il-parametri bażiċi stabbiliti u l-ispeċifiċi tekniċi determinati għall-Komunità kollha, b’mod partikolari fir-rigward tal-kostitwenti u l-konġunzjonijiet biex jiġu ssodisfati dawk il-ħtiġiet essenzjali; billi, iżda, ċerti sottosistemi (l-ambjent, l-utenti u t-tħaddim) ser ikunu soġġetti għal speċifiċi tekniċi għall-interoperabilità (TSIs) biss safejn ikun meħtieġ biex tiġi żgurata l-interoperabilità fl-oqsma ta’ l-infrastruttura, l-enerġija, il-kontroll-u-l-iggwidar u s-senjaletika u r-rolling stock;

Billi l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet fuq l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja m’għandhiex toħloq ostakli mhux ġustifikati dwar l-ispiża mqabbla mal-benefiċċju għall-konservazzjoni tan-network ferrovjarja eżistenti ta’ kull Stat Membru, iżda għandha tistinka biex iżżomm l-għan taċ-ċirkolazzjoni ta’ ferroviji ta’ veloċità għolja mal-Komunità kollha;

Billi l-Istati Membri għandhom jitħallew ma japplikawx ċerti speċifiċi tekniċi għall-interoperabilità f’każi speċifiċi, sakemm ikun hemm proċeduri li jiżguraw li possibilitajiet bħal dawk għal deroga jkunu ġustifikati; billi l-Artikolu 129c tat-Trattat jeħtieġ li l-attivitajiet tal-Komunità fil-qasam ta’ l-interoperabilità jqis il-potenzjali għall-vijabilità ekonomika tal-proġetti;

Billi biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet approprjati fuq ix-xiri governattiv fis-settur tal-ferroviji u b’mod partikolari d-Direttiva 93/38/KEE [8], l-entitajiet kontraenti għandhom jinkludu speċifiċi tekniċi fid-dokumenti ġenerali jew fid-dokumenti tal-kuntratt għal kull kuntratt; billi huwa meħtieġ li jinbena korp ta’ speċifiċi Ewropej biex iservi bħala referenza għal dawk l-ispeċifiċi tekniċi;

Billi, fis-sens tad-Direttiva 93/38/KEE, speċifika Ewropea hija speċifika teknika komuni, approvazzjoni teknika Ewropea jew standard nazzjonali li qed jimplimenta standard Ewropew; billi standards Ewropej armonizzati għandhom jiġu stabbiliti minn korp Ewropew ta’ l-istandardizzazzjoni bħall-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (KEI), il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (KEIET) jew l-Istitut Ewropew ta’ l-Istandards fit-Telekomunikazzjoni (ILTE), fuq ordni tal-Kummissjoni, u r-referenzi tagħhom ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej;

Billi jkun fl-interess tal-Komunità li jkun hemm sistema internazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni kapaċi li tiġġenera standards li attwalment jintużaw minn dawk involuti f’kummerċ internazzjonali u li jissoddisfaw il-ħtiġiet tal-politika tal-Komunità; billi l-korpi Ewropej ta’ l-istandardizzazzjoni għandhom għalhekk ikomplu l-kooperazzjoni tagħhom mal-korpi internazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni;

Billi l-entitajiet kontraenti jiddefinixxu ħtiġiet ulterjuri bħal dawk li jkunu bżonnjużi biex jikkompletaw speċifiċi Ewropej jew standards oħra; billi dawk l-ispeċifiċi m’għandomx iżommu lill-ħtiġiet essenzjali li ġew armonizzati fuq livell Komunitarju u li s-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja għandha tissodisfa, milli jintlaħqu;

Billi l-proċeduri li jirregolaw il-valutazzjoni tal-konformità jew ta’ l-l-idoneità għall-użu tal-kostitwenti għandhom jiġu bbażati fuq l-użu tal-moduli koperti mid-Deċizjoni 93/465/KEE [9]; billi, safejn ikun possibli u sabiex jiġi promoss l-iżvilupp ta’ l-industriji konċernati, huwa approprjat li jitwessgħu l-proċeduri li jinvolvu sistema ta’ garanzija ta’ kwalità; billi l-kunċett tal-kostitwent ikopri kemm oġġetti tanġibbli kif ukoll oġġetti intanġibbli bħalma hu s-software;

Billi għandu jiġi valutat kemm hu approprjat li wieħed juża l-kostitwenti l-aktar kritiċi fir-rigward tas-sigurtà, id-disponibiltà jew l-ekonomija tas-sistema;

Billi fid-dokumenti tagħhom tal-kuntratt, l-entitajiet kontraenti, jistabbilixxu, b’mod partikolari għall-kostitwenti, b’referenza għall-ispeċifiċi Ewropej, il-karatteristiċi li jridu jintlaħqu, f’termini kontrattwali, mill-fabbrikanti; billi, peress li dan huwa l-każ, il-konformità kostitwenti hija prinċipalment marbuta mal-qasam ta’ użu tagħhom biex tiġi żgurata u garantita l-interoperabilità tas-sistema, u mhux biss għall-moviment ħieles tagħhom fis-suq tal-Komunità;

Billi għalhekk mhux meħtieġ li fabbrikant iwaħħal il-marka KE mal-kostitwenti li jkunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva billi, fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-konformità u/jew ta’ l-l-idoneità għall-użu li tkun saret b’konformità mal-proċeduri previsti għal dan il-għan fid-Direttiva, id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-fabbrikant hija biżżejjed; billi dak ma jeffettwax id-dmir tal-fabbrikanti li jwaħħlu l-marka KE fuq ċerti komponenti biex jiċċertifikaw il-konformità tagħhom ma’ dispożizzjonijiet Komunitarji oħra marbuta magħhom;

Billi s-sottosistemi li jikkostiwixxu s-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja għandhom ikunu soġġetti għal proċedura ta’verifika; billi din il-verifika għandha tippermetti li l-awtoritajiet responsabbli biex jawtorizzaw id-dħul tagħhom fis-servizz biex jiġu żgurati li matul l-istadji tad-disinn, tal-bini u tad-dħul fis-servizz ir-riżultat ikun jaqbel mar-regolamenti u d-dispożizzjonijiet tekniċi operazzjonali fis-seħħ; billi dan għandu wkoll jippermetti li l-fabbrikanti jkunu jistgħu joqogħdu fuq l-ugwaljanza tat-trattament ikun liema jkun il-pajjiż; billi għalhekk jeħtieġ li jiġi stabbilit modulu li jiddefinixxi l-prinċipji u l-kondizzjonijiet li japplikaw għall-verifika KE tas-sottosistemi;

Billi l-proċedura tal-verifika KE hija bbażata fuq it-TSIs; billi dawkit-TSIs jiġu stabbiliti fuq ordni tal-Kummissjoni mill-korp konġunt li jirrappreżenta l-amministaturi ta’ l-infrastruttura, il-kumpaniji tal-ferrovija u l-industrija; billi r-referenza għat-TSIs hija meħtieġa biex tiżgura l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja u billi dawk it-TSIs huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18 tad-Direttiva 93/38/KEE;

Billi l-korpi notifikati responsabbli għall-eżami tal-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità jew dak applikabbli għall-użu tal-kostitwenti, flimkien mal-proċedura għall-valutazzjoni tas-sottosistemi għandhom, b’mod partikolari fl-assenza ta’ xi speċifika Ewropea, jikoordinaw id-deċiżjonijiet tagħhom mill-qrib kemm jista’ jkun;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE teħtieġ separazzjoni ta’ l-attivitajiet, f’termini ta’ żamma tal-kontijiet, bejn it-tħaddim tas-servizz tat-trasport u dawk li jirrigwardaw l-immaniġġar ta’ l-infrastruttura ferrovjarja; billi, peress li dan huwa l-każ, is-servizzi speċjalizzati previsti mill-amministaturi ta’ l-infrastruttura ferrovjarja nominati bħala korpi notifikati għandhom ikunu strutturati b’mod li jilħqu l-kriterji li għandhom ikunu applikabbli għal dan it-tip ta’ korp; billi korpi oħra speċjalizzati jistgħu jiġu notifikati fejn dawn jilħqu l-istess kriterji;

Billi l-interoperabilità fis-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja hija mifruxa mal-Komunità kollha fuq skala kbira; billi l-Istati Membri m’humiex kapaċi, fuq bażi individwali, jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jilħqu din l-interoperabilità; billi għalhekk jeħtieġ, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, li din l-azzjoni tittieħed fuq livell Komunitarju,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Il-KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

L-Artikolu 1

1. B’konformità ma’l-Artikoli 129b u 129c tat-Trattat, l-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li jridu jitħarsu sabiex tintlaħaq l-interoperabilità fit-territorju Komunitarju tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja kif deskritt fl-Anness I.

2. Dawn il-kondizzjonijiet jirrigwardaw l-ipproġettar u l-bini, l-immodernizzar u t-tħaddim ta’ l-infrastrutturi u r-rolling stock li ser jikkontribwixxu għat-tħaddim tas-sistema li għandha tidħol fis-servizz wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a) sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja tfisser l-istruttura deskritta fl-Anness I, komposta mill-infrastrutturi ferrovjarji li jinkludu linji u stallazzjonijiet fissi, tan-network tat-trasport trans-Ewropew, mibni jew immodernizzat biex fuqu jsiru vjaġġi b’veloċità għolja, u rolling stock iddisinjat għall-ivvjaġġar fuq dawk l-infrastrutturi;

(b) interoperabilità tfisser l-abbiltà tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja li tippermetti l-moviment minghajr periklu u interruzzjoni ta’ ferroviji ta’ veloċità għolja li jilħqu l-istandards speċifikati ta’ rendiment. Din il-ħila tiddependi fuq il-kondizzjonijiet regolatorji, tekniċi u operazzjonali li għandhom jitħarsu sabiex jintlaħqu l-ħtiġiet essenzjali;

(c) sottosistemi tfisser li s-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja tkun suddiviża, kif deskritt fl-Anness II, f’sottosistemi strutturali jew funzjonali li għalihom għandhom jiġu stabbiliti ħtiġiet essenzjali;

(d) kostitwenti ta’ l-interoperabilità tfisser kull komponent elementari, grupp ta’ komponenti, montatura parzjali jew montatura sħiħa ta’ tagħmir inkoporat jew intiż biex jiġi inkorporat f’sottosistema, li fuqhom tiddependi l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja direttament jew indirettament;

(e) ħtiġiet essenzjali tfisser il-kondizzjonijiet kollha spjegati fl-Anness III li jridu jintlaħqu mis-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja, mis-sottosistemi u l-kostitwenti ta’ l-interoperabilità tagħhom;

(f) Speċifika Ewropea tfisser speċifika komuni teknika, approvazzjoni teknika Ewropea jew standard nazzjonali li jimplimenta xi livell Ewropew, kif definit fil-punti 8 sa 12 ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/38/KEE;

(g) speċifiċi tekniċi għall-interoperabilità (minn issa ‘l quddiem STIs) tfisser l-ispeċifiċi li bihom kull sottosistema tkun koperta sabiex tilħaq il-ħtiġiet essenzjali billi tistabbilixxi r-relazzjonijiet funzjonali reċiproċi meħtieġa bejn is-sottosistemi tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja u billi tiżgura l-kompatibilità ta’ dawk ta’ l-aħħar;

(h) korp rappreżentattiv konġunt tfisser korp li jlaqqa’ r-rappreżentanti ta’ l-amministaturi ta’ l-infrastruttura, il-kumpaniji ferrovjarji u l-industrija responsabbli mill-kompilazzjoni ta’ l-STIs. ‘L-amministaturi ta’ l-infrastruttura’ tfisser dawk imsemmija fl-Artikolu 3 u 7 tad-Direttiva 91/440/KEE;

(i) korpi notifikati tfisser il-korpi responsabbli biex jivvalutaw il-konformità jew l-idoneità għall-użu tal-kostitwenti ta’ l-interoperabilità jew biex jivvalutaw il-proċedura KE għall verifika tas-sottosistemi.

L-Artikolu 3

1. Din id-Direttiva tgħodd għad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw, għal kull sottosistema, il-parametri, il-kostitwenti ta’ l-interoperabilità, il-konġunzjonijiet u l-proċeduri kif ukoll il-kondizzjonijiet għall-kompatibilità ġenerali tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja meħtieġa biex tikseb l-interoperabilità tagħha.

2. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom jgħoddu mingħajr ħsara għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħra. Iżda, fil-każ tal-kostitwenti ta’ l-interoperabilità, il-konformità mal-ħtiġiet essenzjali ta’ din id-Direttiva jistgħu jeħtieġu l-użu ta’ l-ispeċifiċi individwali Ewropej stabbiliti għal dak il-għan.

L-Artikolu 4

1. Is-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja, is-sottosistemi u l-kostitwenti ta’ l-interoperabilità tagħhom għandhom jilħqu l-ħtiġiet essenżali relevanti.

2. L-ispeċifiċi tekniċi ulterjuri msemmija fl-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 93/38/KEE, li huma meħtieġa biex jissuplimentaw l-ispeċifiċi Ewropej jew standards oħra użati fil-Komunità, m’għandhomx imorru kontra l-ħtiġiet essenzjali.

Il-KAPITOLU II

L-ispeċifiċi tekniċi għall-interoperabilità

L-Artikolu 5

1. Kull waħda mis-sottosistemi għandha tkun koperta minn STI. Fil-każ ta’ sottosistemi li jirrigwardaw l-ambjent, l-operat jew l-utenti, l-STIs jiġi stabbilit biss safejn ikun meħtieġ biex tiġi żgurata l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja fl-oqsma ta’ l-infrastruttura, l-enerġija, il-kontroll u l- iggwidar, is-senjaletika u r-rolling stock.

2. Is-sottosistemi għandhom jikkonformaw ma’l-STIs; din il-konformità għandha tinżamm b’mod permanenti waqt li kull sottosistema tkun qed tintuża.

3. Safejn ikun meħtieġ biex tintalaħaq l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja, l-STIs għandhom:

(a) jispeċifikaw il-ħtiġiet essenzjali għas-sottosistemi u l-konġunzjonijiet tagħhom;

(b) jistabbilixxu l-parametri bażiċi deskritti fl-Anness II (3) meħtieġa biex jintlaħqu l-ħtiġiet essenzjali:

(c) jistabbilixxu l-kondizzjonijiet li għandhom jitħarsu biex jintlaħqu r-rendimenti speċifikati għal kull waħda mill-kategoriji ta’linji li ġejjin:

- il-linji mibnija apposta għal veloċità għolja;

- il-linji modernizzati apposta għal veloċità għolja;

- il-linji modernizzati apposta għal veloċità għolja li jkollhom karatteristiċi speċjali minħabba limitazzjonijiet ta’ topografija, kontorni jew pjanifikazzjoni ta’ l-ibliet;

(d) jistabbilixxu dispożizzjonijiet possibbli għall-tħaddim f’ċerti każi speċifiċi;

(e) jiddeterminaw il-kostitwenti ta’ l-interoperabilità u l-konġunzjonijiet li għandhom ikunu koperti minn speċifiċi Ewropej, inklużi l-istandards Ewropej, li huma meħtieġa biex tinkiseb l-interoperabilità fis-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja filwaqt li jintlaħqu l-ħtiġiet essenzjali;

(f) jidikjaraw, f’kull wiehed mill-każi meqjusa, liema mill-moduli definiti fid-Deċizjoni 93/465/KEE jew, fejn ikun approprjat, liema proċeduri speċifiċi għandhom jintużaw biex wieħed jivvaluta jew il-konformità inkella l-idoneità għall-użu tal-konstiwenti ta’ l-interoperabilità, kif ukoll il-verifika KE tas-sottosistemi.

4. L-STIs m’għandhomx ikunu ta’ xkiel għal deċiżjonijiet ta’ l-Istati Membri rigward l-użu ta’ infrastrutturi ġodda jew modernizzati biex jimplimentaw ferroviji oħra.

5. Il-konformità ma’ l-STIs kollha għandha tippermetti li sistema ferrovjarja trans-Ewropea kompatibbli ta’ veloċità għolja tiġi stabbilita li tikkonserva, fejn ikun approprjat, il-kompatibilità tan-network ferrovjarja attwali ta’ kull Stat Membru.

L-Artikolu 6

1. Abbozzi ta’ STIs għandhom isiru fuq ordni tal-Kummissjoni, li għandha tiġi stabbilita skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2) mill-korp konġunt rappreżentattiv. L-STIs għandhom jiġu adottati u riveduti bl-istess proċedura. Dawn għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Il-korp rapprezentattiv konġunt għandu jkun responsabbli biex jipprepara r-reviżjoni u l-immodernizzar ta’ l-STIs u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 biex jitiqiesu l-iżviluppi fit-teknlogija jew il-ħtiġiet soċjali.

3. It-tħejjija, l-adozzjoni u r-reviżjoni ta’ l-STIs għandhom iqisu l-ispiża stmata tas-soluzzjonijiet tekniċi li bihom jistgħu jiġu riżolti, bil-ħsieb li jiġu definiti u implimentati l-aktar soluzzjonijiet vijabbli. Għal dan il-għan, il-korp rapprezentattiv konġunt għandu jehmeż ma’ kull abbozz ta’ STI valutazzjoni ta’ l-ispejjeż stmati u l-benefiċċji ta’ dawk is-soluzzjonijiet tekniċi għall-operaturi ekonomiċi u l-aġenti konċernati.

4. Il-Kumitat għandu jinżamm regolarment informat bix-xogħol ta’ tħejjija fuq l-STIs mill-korp rapprezentattiv konġunt. Il-Kumitat jista’ jagħti lill-korp konġunt kull rakkomandazzjoni jew tagħrif utli rigward id-disinn ta’ l-STIs, fuq il-bażi ta’ ħtiġiet essenzjali jew rigward il-valutazzjoni ta’ l-ispejjeż.

5. Meta kull STI jiġi adottat, id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha għandha titniżżel skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2).

6. Il-korp rappreżentattiv konġunt għandu jaħdem b’mod miftuh u trasparenti b’konformità mal-proċeduri ġenerali ta’ l-istandardizzazzjoni tal-Komunità.

L-Artikolu 7

Stat Membru m’għandux bżonn japplika ċerti STIs, inklużi dawk marbutin mar-rolling stock, fil-każi u ċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) fil-każ ta’ proġett għal linja ġdida jew modernizzar ta’ linja eżistenti għal veloċità għolja li tkun fi stadju avvanzat ta’ żvilupp meta l-STIs in kwistjoni jiġu ppubblikati.

L-Istat Membru konċernat għandu javża bil-quddiem bid-deroga maħsuba lill-Kummissjoni, għandu jgħarraf lill-Kummisjoni dwar l-istadju li laħaq il-proġett u għandu jibgħat fajl bl-STIs jew b’partijiet minnhom li ma jixtieqx japplika, id-dispożizzjonijiet li jeħtieġ japplika biex iwettaq il-proġett biex jippromwovi l-interoperabilità eventwali tiegħu, u r-raġunijiet tekniċi, amministattivi jew ekonomiċi li jiġġustifikaw id-deroga;

(b) fil-każ ta’ proġett għall-immodernizzar ta’ linja eżistenti għall-veloċità għolja, meta l-loading gauge jew l-ispazju ta’ bejn il-binarji tal-linja jkunu differenti minn dawk fil-maġġoranza tan-network ferrovjarja Ewropea, u meta l-linja ma tkunx tifforma rabta diretta man-network ta’ veloċità għolja ta’ xi Stat Membru ieħor li tkun parti min-network trans-Ewropea ta’ veloċità għolja.

L-Istat Membru konċernat għandu javża bil-quddiem bid-deroga maħsuba lill-Kummissjoni u għandu jibgħat fajl bl-STIs jew b’partijiet minnhom rigward il-parametru(i) fiżiku(ċi) msemmi/ja fl-ewwel subparagrafu li ma jkunx jixtieq japplika, id-dispożizzjonijiet li bi ħsiebu japplika fit-twettiq tal-proġett sabiex jippromwovi l-interoperabilità eventwali, l-miżuri tranżizzjonali li bi ħsiebu jieħu biex jiggarantixxi l-kompatibilità fit-tħaddim, u r-raġunijiet tekniċi, amministattivi jew ekonomiċi li jiġġustifikaw id-deroga.

(c) fil-każ ta’ proġetti għal linji ġodda jew immodernizzar ta’ linji eżistenti għall-veloċità għolja li jkunu saru fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat meta n-network ferrovjarja tiegħu ma tkunx marbuta ma’ jew tkun iżolata mill-baħar min-network ferrovjarja ta’ veloċità għolja tal-bqija tal-Komunità.

L-Istat Membru konċernat għandu javża bid-deroga maħsuba lill-Kummissjoni bil-quddiem u għandu jibgħatilha fajl li jkun fih id-dokumenti speċifikati fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu (b);

(d) fil-każ ta’ proġett biex tiġi modernizzata linja eżistenti għal veloċità għolja, meta l-applikazzjoni ta’ dawk l-STIs tikkomprometti l-vijabilità ekonomika tal-proġett.

L-Istat Membru konċernat għandu javża bid-deroġa maħsuba lill-Kummissjoni bil-quddiem u għandu jibgħatilha fajl bl-ispeċifiċi tekniċi jew b’partijiet mill-ispeċifiċi għall-interoperabilità li ma jixtieqx japplika. Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk il-miżuri maħsuba mill-Istat Membru jkunux ġustifikati u għandha tieħu deċizjoni b’konformità mal-proċedura fl-Artikolu 21(2).

Il-KAPITOLU III

Il-kostitwenti ta’ l-interoperabilità

L-Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-kostitwenti ta’ l-interoperabilità:

- jitqiegħdu fis-suq biss jekk jippermettu li tinkiseb l-interoperabilità fis-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja filwaqt li jilħqu l-ħtiġiet essenzjali;

- jintużaw fiż-żona tagħhom ta’ użu kif maħsub u jiġu stallati u ssirilhom il-manutenzjoni kif approprjat.

Dawn id-dispożizzjonijiet ma jeskludux it-tqegħid fis-suq ta’ dawk il-kostitwenti għal għanijiet oħra, lanqas l-użu tagħhom għal linji ferrovjarji konvenzjonali.

L-Artikolu 9

L-Istati Membri ma jistgħux, fit-territorju tagħhom u bis-saħħa ta’ din id-Direttiva, jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ixekklu t-tqegħid fis-suq tal-kostitwenti ta’ l-interoperabilità għall-użu fis-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja jekk jikkonformaw mad-Direttiva.

L-Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom iqisu bħala konformi mal-ħtiġiet essenzjali ta’ din id-Direttiva billi japplikawlhom dawk il-kostitwenti ta’ l-interoperabilità li għandhom id-dikjarazzjoni KE jew l-l-idoneità għall-użu, li l-komponenti tagħhom huma mniżżla fl-Anness IV.

2. Il-konformità ta’ kostitwent ta’ l-interoperabilità mal-ħtiġiet essenzjali li jgħoddu għalih għandha tiġi stabbilita f’relazzjoni ma’ kull speċifika Ewropea relevanti li tista’ teżisti.

3. Ir-referenzi għall-ispeċifiċi Ewropej għandhom jiġu ppublikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

4. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ir-referenzi għall-istandards nazzjonali li li jispostaw l-istandards Ewropej.

5. Fin-nuqqas ta’ xi speċifiċi Ewropej u mingħajr ħsara għall-Artikolu 20(5), l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-istandards u l-ispeċifiċi tekniċi li jintużaw biex jimplimentaw il-ħtiġiet essenzjali.

L-Artikolu 11

Meta jidher lil Stat Membru jew lill-Kummissjoni li l-ispeċifiċi Ewropej ma jilħqux il-ħtiġiet essenzjali, l-irtirar parzjali jew totali ta’ l-ispeċifiċi konċernati mill-pubblikazzjonijiet li jkunu qegħdin fihom, jew l-emendi tagħhom, jista’ jiġi deċiż b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(2) wara konsultazzjoni tal-Kumitat stabbilit skond id-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura għall-provvista tat-tagħrif fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi [10] fejn għandhom x’jaqsmu l-istandards Ewropej.

L-Artikolu 12

1. Meta Stat Membru jikkonferma li kostitwent ta’ l-interoperabilità kopert mid-dikjarazzjoni tal-konformità KE jew l-idoneità għall-użu, u mqiegħed fis-suq jista’ aktarx, meta jiġi użat kif maħsub, ma jilħaqx il-ħtiġiet essenzjali, dan għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jirrestrinġi ż-żona ta’ l-applikazzjoni tiegħu, jipprojbixxi l-użu tiegħu jew jirtirah mis-suq. Dan l-Istat Membru għandu jgħarraf minnufih lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda u għandu jagħti r-raġunijiet għad-deċizjoni tiegħu, billi jgħid b’mod partikolari jekk in-nuqqas tal-konformità tkunx ġejja minn:

- nuqqas li jintlaħqu l-ħtiġiet essenzjali;

- applikazzjoni ħażina ta’ l-ispeċifiċi Ewropej meta l-applikazzjoni ta’ l-ispeċifiċi tiġi invokata;

- nuqqas fl-ispeċifiċi Ewropej.

2. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-partijiet konċernati malajr kemm jista’ jkun. Fejn, wara din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi li l-miżura tkun ġustifikata, din għandha minnufih tgħarraf lill-Istat Membru li jkun ħa l-inizjattiva u lill-Istati Membri l-oħra. Meta, wara dik il-konsultazzjoni, l-Kummissjoni tistabbilixxi li l-miżura ma tkunx ġustifikata, din għandha minnufih tgħarraf lill-Istat Membru li ħa l-inizjattiva u lill-fabbrikant jew lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità. Meta d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun ġustifikata bl-eżistenza ta’ lakuna fl-ispeċifiċi Ewropej, il-proċedura definita fl-Artikolu 11 għandha tgħodd.

3. Meta kostitwent ta’ l-interoperabilità li jkollu d-dikjarazzjoni tal-konformità KE jonqos li jikkonforma, l-Istat Membru kompetenti għandu jieħu l-miżuri approprjati kontra kull min ikun ifformula d-dikjarazzjoni u għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra b’dan.

4. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Istati Membri jibqgħu jiġu notifikati bil-progress u r-riżultati ta’ dik il-proċedura.

L-Artikolu 13

1. Sabiex jifformula d-dikjarazzjoni KE tal-konformità jew l-idoneità għall-użu ta’ xi kostitwent ta’ l-interoperabilità, il-fabbrikant tiegħu jew ir-rapprezentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità għandu japplika d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-STIs li jirreferu għalih.

2. Meta jkun hekk meħtieġ mill-STIs, il-valutazzjoni tal-konformità jew l-idonjetà għall-użu tal-kostitwent ta’ l-interoperabilità għandha ssir mill-korp notifikat li għandu l-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità jkun ressaq l-applikazzjoni.

3. Meta l-kostitwenti ta’ l-interoperabilità jkunu s-suġġett ta’ Direttivi Komunitarji oħra li jkopru aspetti oħra, id-dikjarazzjoni tal-konformità KE jew l-idoneità għall-użu għandha, f’każi bħal dawn, tgħid li l-kostitwenti ta’ l-interoperabilità jilħqu wkoll il-ħtiġiet ta’ dawk id-Direttivi l-oħra.

4. Meta la l-fabbrikant u lanqas ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità ma jilħqu l-obbligi tal-paragrafi 1, 2, u 3, dawk l-obbligi jaqgħu fuq kwalunkwe persuna li tqiegħed dan il-kostitwent ta’ l-interoperabilità fis-suq. L-istess obbligi għandhom jgħoddu għal kull persuna li timmonta kostitwenti ta’ l-interoperabilità jew partijiet minn kostitwenti ta’ l-interoperabilità li jkollhom diversi oriġini jew li tiffabbrika l-kostitwenti ta’ l-interoperabilità għall-użu tagħha, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

5. Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12:

(a) f’kull każ li fih xi Stat Membru jsib li d-dikjarazzjoni tal-konformità KE tkun ġiet ikkompilata ħażin, il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità għandu jiġi obbligat li jiżgura li l-konformità tal-kostitwent ta’ l-interoperabilità terġa’ tiġi stabbilita u li l-ksur jieqaf skond il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dak l-Istat Membru;

(b) meta n-nuqqas tal-konformità jkompli, l-Istat Membru għandu jieħu l-passi approprjati biex irażżan jew jipprojbixxi it-tqegħid fis-suq tal-kostitwent ta’ l-interoperabilità in kwistjoni, jew biex jiżgura li dan jiġi rtirat mis-suq b’konformità mal-proċeduri previsti fl-Artikolu 12.

Il-KAPITOLU IV

Is-sottosistemi

L-Artikolu 14

Kull Stat Membru għandu jawtorizza t-tqegħid fis-servizz ta’ dawk is-sottosistemi strutturali li jikkostitwixxu s-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja li jkunu qegħdin fit-terrirorju tiegħu jew li jitħaddmu minn impriżi ferrovjarji stabbiliti hemmhekk.

Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is-sottosistemi jistgħu jitqiegħdu fis-servizz biss jekk ikunu disinjati, mibnija jew istallati u/jew operati b’mod li ma jfixklux milli jintlaħqu l-ħtiġiet essenzjali li jirrigwardawhom meta dawn jiġu integrati fis-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja.

L-Artikolu 15

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19, l-Istati Membri ma jistgħux, fit-territorju tagħhom u minħabba din id-Direttiva, jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu l-bini, id-dħul fis-servizz u t-tħaddim tas-sottosistemi strutturali li jagħmlu parti mis-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja li jilħqu l-ħtiġiet essenzjali.

L-Artikolu 16

1. L-Istati Membri għandhom iqisu bħala interoperabbili u li jilħqu l-kondizzjonijiet meħtieġa essenzjali li jirrigwardawhom dawk is-sottosistemi strutturali li jagħmlu parti mis-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja li jkunu koperti mill-istqarrija tal-verifika tal-KE.

2. Il-verifika ta’ l-interoperabilità, b’konformità mal-ħtiġiet essenzjali, ta’ sottosistema strutturali li tagħmel parti mis-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja għandha tiġi mwaqqfa b’referenza għall-STIs fejn dawn jeżistu.

3. Fin-nuqqas ta’ STIs, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni lista ta’ regoli tekniċi li jintużaw għat-twettiq tal-ħtiġiet essenzjali.

L-Artikolu 17

Jekk jirriżulta li l-STIs ma jilħqux għal kollox il-ħtiġiet essenzjali, l-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 jista’ jiġi kkonsultat fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

L-Artikolu 18

1. Sabiex issir l-istqarrija tal-verifika KE, l-awtorità li tagħmel l-għotja jew ir-rappreżentant uffiċjali tagħha għandu jara li l-proċedura tal-verifika KE tiġi valutata mill-korp notifikat magħżul minnha għal dak il-għan.

2. L-attivitajiet tal-korp notifikat responsabbli għall-verifika KE ta’ sottosistema għandhom jibdew fl-istadju ta’ l-iddisinjar u għandhom ikopru l-perjodu kollu tal-manifattura sa l-istadju ta’ l-approvazzjoni tat-tip qabel ma sottosistema titqiegħed fis-servizz.

3. Il-korp notifikat għandu jkun responsabbli għall-kompilazzjkoni tal-fajl tekniku li għandu jmur ma’l-istqarrija tal-verifika KE. Il-fajl tekniku għandu jkollu fih id-dokumenti meħtieġa kollha marbuta mal-karattersitiċi tas-sottosistema u, meta approprjat, id-dokumenti kollha li jiċċertifikaw il-konformità tal-kostitwenti ta’ l-interoperabilità. Dan għandu jkollu wkoll l-elementi kollha marbuta mal-kondizzjonijiet u l-limiti ta’ l-użu u ma’l-istruzzjonijiet rigward is-servicing, il-monitoraġġ kostanti jew ta’ rutina, l-aġġustament u l-manutenzjoni.

L-Artikolu 19

1. Meta Stat Membru jsib li sottosistema strutturali koperta mill-istqarrija tal-KE dwar il-verifika li jkollha magħha fajl tekniku ma ma tkunx tikkonforma għalkollox ma’ din id-Direttiva u b’mod partikolari ma tkunx tilħaq il-ħtiġiet essenzjali, dan jista’ jitlob li jsiru kontrolli addizzjonali.

2. L-Istat Membru li jagħmel it-talba għandu minnufih jgħarraf lill-Kummissjoni b’xi verifiki addizzjonali mitluba u jispjega r-raġunijiet li jiġġustifikawhom. Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 21(2).

Il-KAPITOLU V

Il-korpi notifikati

L-Artikolu 20

1. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-korpi responsabbli għat-twettiq tal-proċedura għall-valutazzjoni tal-konformità jew l-idoneità għall-użu msemmija fl-Artikolu 13 u dwar il-proċedura tal-verifika msemmija fl-Artikolu 18, filwaqt li jindikaw il-qasam tar-responsabilità ta’ kull korp.

Il-Kummissjoni għandha tassenjalhom in-numri ta’ l-identifikazzjoni. Din għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej il-lista tal-korpi, in-numri ta’ l-identifikazzjoni tagħhom u l-ħidmiet fdati lilhom, u għandha tiżgura li l-lista tinżamm aġġornata.

2. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-kriterji previsti fl-Anness VII għall-valutazzjoni tal-korpi li għandhom jiġu notifikati. Il-korpi li jilħqu l-kriterji tal-valutazzjoni previsti fl-istandards Ewropej relevanti għandhom jitqiesu li qed jilħqu l-kriterji msemmija.

3. Stat Membru għandu jirtira l-approvazzjoni minn korp li ma jkunx baqa’ jilħaq il-kriterji msemmija fl-Anness VII. Dan għandu minnufih jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan.

4. Jekk xi Stat Membru jew il-Kummissjoni jidrilhom li xi korp notifikat minn Stat Membru ieħor ma jkunx għadu jilħaq il-kriterji relevanti, il-kwisjoni għandha titressaq quddiem il-Kumitat previst fl-Artikolu 21, li għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien tliet xhur; fid-dawl ta’ l-opinjoni tal-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istat Membru konċernat bit-tibdil meħtieġ jekk il-korp notifikat ikun irid iżomm l-istatus mogħti lilu.

5. Meta jkun approprjat, il-koordinazzjoni tal-korpi notifikati għandha tiġi implimentata b’konformità ma’l-Artikolu 21(4).

Il-KAPITOLU VI

Il-Kumitat

L-Artikolu 21

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħejjuna minn Kumitat, kompost mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u presedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jressaq quddiem il-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz fil-limitu taż-żmien li l-President tiegħu jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri ġewwa l-Komunità għandhom ikunu peżati bil-mod spjegat f’dan l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk dawn ikunu konformi ma’l-opinjoni tal-Kumitat.

Jekk il-miżuri maħsuba ma jkunux konformi ma’l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tressaq quddiem il-Kunsill proposta rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

Jekk, wara l-għeluq tal-perjodu ta’ tliet xhur mid-data ta’ meta titressaq il-kwistjoni lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx għadu aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, minbarra meta l-Kunsill ikun iddeċieda kontra l-miżuri msemmija b’maġġoranza sempliċi.

3. Il-Kumitat jista’ jiddiskuti kwalunkwe kwistjoni rigward l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja.

4. Jekk ikun meħtieġ, il-Kumitat jista’ jwaqqaf gruppi ta’ ħidma biex jgħinuh fit-twettiq tal-ħidmiet tiegħu, b’mod partikolari bil-għan li jiġu koordinati l-korpi notifikati.

5. Il-Kumitat għandu jitwaqqaf mad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

Il-KAPITOLU VII

Dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 22

Kwalunkwe deċizjoni meħuda skond din id-Direttiva rigward il-valutazzjoni tal-konformità jew l-idoneità għall-użu tal-kostitwenti ta’ l-interoperabilità, il-verifika tas-sottosistemi li jikkostiwixxu s-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja u kwalunkwe deċizjoni meħuda skond l-Artikoli 11, 12, 17 u 19 għandha tispjega fid-dettal ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata. Din għandha tiġi notifikata malajr kemm jista’ jkun lill-parti konċernata, flimkien ma’ xi indikazzjoni tar-rimedji disponibbli skond il-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri konċernati u għall-skadenzi permessi għat-tħaddim ta’ dawn ir-rimedji.

L-Artikolu 23

1. L-Istati Membri għandhom jemendaw u jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministattivi tagħhom biex jawtorizzaw l-użu tal-kostitwenti ta’ l-interoperabilità u t-tqegħid fis-servizz u t-tħaddim tas-sottosistemi li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard minn 30 xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Dawn għandhom jgħarrfu bihom lill-Kummissjoni fil-pront.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandu jkollhom magħhom referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex isir dan it-tip ta’ referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Artikolu 24

Kull sentejn il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar biex tinkiseb l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja.

L-Artikolu 25

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-21 jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 26

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, it-23 ta’Lulju 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

I. Yates

[1] ĠU C 134, tas-17.5.1994, p. 6.

[2] ĠU C 397, tal-31.12.1994, p. 8.

[3] ĠU C 210, ta’ l-14.8.1995, p. 38.

[4] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Jannar 1995 (ĠU C 43, ta’ l-20.2.1995, p. 60), Il-Pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 1995 (ĠU C 356, tat-30.12.1995, p. 43) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 1996 (ĠU C 141, tat-13.5.1996, p. 48).

[5] ĠU C 33, tat-8.2.1991, p. 1.

[6] ĠU L 237, ta’ l-24.8.1991, p. 25.

[7] ĠU L 175, tal-5.7.1985, p. 40.

[8] Id-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikoordina l-proċeduri tax-xiri ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 199, tad-9.8.1993, p. 84), kif emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni 1994.

[9] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE tat-22 ta’ Lulju 1993 rigward il-moduli għad-diversi stadji tal-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità u r-regoli għat-twaħħil u l-użu ta’l-immarkar tal-konformità KE, li huma maħsuba biex jintużaw fid-Direttivi tekniċi ta’l-armonizzazzjoni (ĠU L 220, tat-30.8.1993, p. 23).

[10] ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta’ l-Adeżjoni 1994.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

IS-SISTEMA FERROVJARJA TRANS-EWROPEA TA’ VELOĊITÀ GĦOLJA

1. L-infrastruttura

(a) L-infrastruttura tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja għandha tkun dik tan-network tat-trasport trans-Ewropew identifikata fl-istruttura tal-linji gwida msemmija fl-Artikolu 129 c tat-Trattat:

- dawk mibnija apposta għal trasport ta’ veloċità għolja,

- dawk modernizzati apposta għal trasport ta’ veloċità għolja,

Dawn jistgħu jinkludu linji konnettivi, b’mod partikolari junctions ta’linji ġodda jew linji modernizzati għal veloċità għolja bi stazzjonijiet li jinsabu fuqhom fiċ-ċentri ta’ l-ibliet, li fuqhom il-veloċitajiet għandhom iqisu l-kondizzjonijiet lokali.

(b) Il-linji ta’ veloċità għolja għandhom jinkludu:

- linji mibnija apposta għal veloċità għolja attrezzati għal veloċitajiet ġeneralment ekwivalent għal 250 km/s jew aktar,

- linji modernizzati apposta għal veloċità għolja attrezzati għal veloċitajiet tat-tip ta’ 200 km/s,

- linji modernizzati apposta għal-veloċità għolja li għandhom karatteristiċi speċjali minħabba l-limitazzjonijiet ta’ topografija, kontorni jew pjanifikazzjoni ta’ l-ibliet, li fuqhom il-veloċità għandha tiġi adattata għal kull każ.

2. Ir-rolling stock

Il-ferroviji ta’ veloċità għolja u teknoloġija avanzata għandhom jiġu disinjati b’mod li jiggarantixxu trasport mingħajr periklu u interruzzjoni:

- b’ veloċità ta’ mill-anqas 250 km/s fuq il-linji mibnija apposta għal veloċità għolja, filwaqt li jippermettu li jintlaħqu veloċitajiet ta’ aktar minn 300 km/s f’ċirkostanzi approprjati;

- b’veloċità tat-tip ta’ 200 km/s fuq linji eżistenti li ġew jew li ser jiġu modernizzati apposta;

- bl-ogħla veloċità possibbli fuq linji oħra.

3. Il-kompatibilità ta’ l-infrastruttura u r-rolling stock

Servizzi ferrovjarji ta’ veloċità għolja jippresupponu kompatibilità eċċellenti bejn il-karatteristiċi ta’ l-infrastruttura u dawk tar-rolling stock. Il-livelli ta’ rendiment, is-sigurtà, il-kwalità ta’ servizz u l-prezz jiddependu fuq il-kompatibilità.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

IS-SOTTOSISTEMI

1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, is-sistema li tikkostitwixxi s-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja tista’ tinqasam f’ sottosistemi, kif ġej:

1.1. iż-żoni bażikament strutturali:

- l-infrastrutturi

- l-enerġija

- il-kontroll u l-iggwidar u s-senjaletika

- ir-rolling stock;

1.2. iż-żoni bażikament operazzjonali:

- il-manutenzjoni

- l-ambjent

- l-operat

- l-utenti.

2. Għal kull sottosistema, l-lista ta’ aspetti li jirrigwardaw l-interoperabilità tidher fl-ordni mogħtija lill-korp rappreżentattiv konġunt biex jagħmel l-abbozzi tal-STIs.

Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(1), din l-ordni għandha tiġi stabbilita b’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu21 (2).

Meta jkun meħtieġ, il-lista ta’ l-aspetti marbuta ma’l-interoperabilità indikata fl-ordni qed tiġi speċifikata mill-korp rappreżentattiv konġunt b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(3)(e).

3. Fis-sens ta’ l-Artikolu 5(3)(b), dawn li ġejjin jitqiesu bħala parametri bażiċi biex tinkiseb l-interoperabilità:

IL-PARAMETRI BAŻIĊI

- Il-gauges minimi ta’ l-infrastruttura

- Ir-raġġ minimu tal-kurvatura

- Il-gauge tal-binarju

- L-istapazz massimu li jiflaħ il-binarju

- It-tul minimu tal-pjattaforma

- L-għoli tal-pjattaforma

- Il-vultaġġ tal-provvista ta’ l-elettriku

- Il-ġeometrija katenarja

- Il-karatterstiċi ERTMS [1]

- It-tagħbija li jiflaħ il-fus

- It-tul massimu tat-tren

- Il-gauge tar-rolling stock

- Il-karatterisitiċi minimi ta’ l-ibbrejkjar

- Il-karatterisitiċi elettriċi periferiċi tar-rolling stock

- Il-karattersiti mekkaniċi perifieriċi tar-rolling stock

- Il-karatteristiċi operazzjonali marbuta mas-sigurtà tat-tren

- Il-karatteristiċi periferiċi marbuta mal-ħsejjes ta’ barra.

- Il-karatteristiċi periferiċi marbuta mal-vibrazzjonijiet ta’ barra.

- Il-karatteristiċi periferiċi marbuta ma’ l-interferenza elettromanjetika ta’ barra.

- Il-karatteristiċi periferiċi marbuta mal-ħsejjes ta’ ġewwa.

- Il-karatteristiċi periferiċi marbuta mal-kondizzjonament ta’ l-arja.

- Il-karatterastiċi marbuta mat-trasport ta’ persuni b’diżabilità

[1] Is-sistema Ewropea ta’ l-Amministazzjoni tat-Traffiku Ferrovjarju

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

IL-ĦTIĠIET ESSENZJALI

1. Il-ħtiġiet ġenerali

1.1. Is-sigurtà

1.1.1. Id-disinn, il-kostruzzjoni jew l-immuntar, il-manutenzjoni u l-monitoraġġ tal-komponenti kritiċi għas-sigurtà, u b’mod partikolari tal-komponenti involuti fil-movimenti tat-tren għandhom ikunu tali li jiggarantixxu s-sigurtà fuq il-livell korispondenti għall-għanijiet stabbiliti għan-network, inklużi dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi degradati.

1.1.2. Il-parametri involuti fil-kuntatt rota/binarju għandhom jilħqu l-ħtiġiet dwar l-istabbiltàmeħtieġa biex jiggarantixxu il-moviment bla periklu waqt il-veloċità massima awtorizzata.

1.1.3. Il-komponenti użati għandhom ikunu jifilħu għall-istapazzi normali jew eċċezzjonali li jkunu ġew speċifikati matul il-perjodu tagħhom fis-servizz. Ir-riperkussjonijiet ta’ sigurtà minħabba xi nuqqasijiet aċċidentali għandhom ikunu limitati b’mezzi approprjati.

1.1.4. Id-disinn ta’ l-istallazzjonijiet fissi u tar-rolling stock u l-għażla tal-materjali użati għandhom ikunu mmirati biex jillimitaw il-bidu, it-tixrid u l-effetti tan-nar u d-duħħan f’każ ta’ ħruq.

1.1.5. Xi mezzi maħsuba biex jiġu manipulati mill-utenti għandhom jkunu disinjati b’tali mod li ma jnaqqsux is-sigurtà tagħhom jekk jintużaw prevedibbilment b’mod mhux skond l-istruzzjonijiet miktuba.

1.2. L-affidabilità u d-disponibilità

Il-monitoraġġ u l-manutenzjoni tal-komponenti fissi jew mobbli li jkunu involuti fil-movimenti tat-tren għandhom ikunu organizzati, imwettqa u kwantifikati b’tali mod li jibqgħu jaħdmu taħt il-kondizzjonijiet maħsuba.

1.3. Is-saħħa

1.3.1. Il-materjali li x’aktarx, minnħabba fil-mod kif jintużaw, jikkostitwixxu perikolu għas-saħħa ta’ dawk li jkollhom aċċess għalihom m’għandomx jintużaw fit-trenijiet u l-infrastrutturi ferrovjarji.

1.3.2. Dawk il-materjali għandhom jintgħażlu, jitpoġġew u jintużaw b’tali mod li jrażżnu l-iskariku ta’ dħaħen u gassijiet ta’ ħsara u perikolużi, partikolarment fil-każ ta’ ħruq.

1.4. Il-protezzjoni ambjentali

1.4.1. Ir-riperkussjonijiet fuq l-ambjent mit-twaqqif u ttħaddim tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja għandhom jiġu valutati u kkunsidrati waqt l-istadju ta’ l-iddisinjar tas-sistema b’konformità mad-dispożizzjonijiet Komunitarji fis-seħħ.

1.4.2. Il-materjali użati fit-trenijiet u fl-infrastrutturi għandhom iwaqqfu l-iskariku ta’ dħaħen jew gassijiet li jkunu ta’ ħsara u perikolużi għall-ambjent, b’mod partikolari f’każ ta’ ħruq.

1.4.3. Il-rolling stock u s-sistemi tal-provvista ta’ l-enerġija għandhom jiġu ddisinjati u fabbrikati b’tali mod li jkunu kompatibbli elettromanjetikament ma’l-istallazzjonijiet, l-apparat u n- networks pubbliċi u privati li magħhom jistgħu jinterferixxu.

1.5. Il-kompatibilità teknika

Il-karatteristiċi tekniċi ta’ l-infrastrutturi u l-istallazzjonijiet fissi għandhom ikunu kompatibbli ma’ xulxin u ma’ dawk tat-trenijiet li jridu jintużaw fis-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja..

Jekk il-konformità ma’ dawk il-karatteristiċi tirriżulta diffiċli fuq ċerti sezzjonijiet tan-network, soluzzjonijiet temporanji, li jiżguraw il-kompatibilità fil-futur, jistgħu jiġu implimentati.

2. Ir-rekwiżiti speċifiċi għal kull sottosistema

2.1. L-infrastrutturi

2.1.1. Is-sigurtà

Passi approprjati għandhom jittieħdu biex l-aċċess jew id-dħul mhux mixtieq jiġi evitat ġo istallazzjonijiet fuq linji li fuqhom isir ivvjaġġar b’veloċità għolja.

Passi għandhom jittieħdu biex jiġu limitati l-perikoli li għalihom huma esposti n-nies, b’mod partikolari fl-istazzjonijiet li minnhom it-trenijiet jgħaddu b’veloċità għolja.

L-infrastrutturi li għalihom il-pubbliku jkollu aċċess għandhom ikunu disinjati u maħduma b’mod li jillimitaw kull perikolu għas-saħħa tal-bniedem (l-stabbiltà, in-nar, l-aċċess, l-evakwazzjoni, il-pjattaformi, eċċ).

Dispożizzjonijiet approprjati għandhom jiġu stabbiliti biex jtiqiesu l-kondizzjonijiet partikolari ta’ sigurtà f’mini twal ħafna.

2.2. L-enerġija

2.2.1. Is-sigurtà

It-tħaddim tas-sistemi tal-provvista ta’ l-enerġija m’għandux ifixkel is-sigurtà kemm tat-trenijiet ta’ veloċità għolja lanqas tan-nies (l-utenti, il-ħaddiema li joperawhom, in-nies li joqoghdu qrib il-linji u terzi persuni).

2.2.2. Il-protezzjoni ambjentali

It-tħaddim tas-sistemi tal-provvista ta’ l-enerġija m’għandux ifixkel lill-ambjent aktar mil-limiti speċifikati.

2.2.3. Il-kompatibilità teknika

Is-sistemi tal-provvista ta’ l-elettriku użati matul s-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’veloċità għolja għandhom:

- jippermettu lit-trenijiet li jilħqu l-livelli speċifikati ta’ rendiment;

- ikunu kompatibbli mal-apparati tal-ġbir armati fuq it-trenijiet.

2.3. Il-kontroll u l-iggwidar u s-senjaletika

2.3.1. Is-sigurtà

L-istallazzjoni tal-kontroll u l-iggwidar u s-senjaletika u l-proċeduri użati fis-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja għandhom jippermettu li t-trenijiet jivvjaġġaw bil-livell ta’ sigurtà li jikkorrispondi ma’l-għanijiet maħsuba għan-network.

2.3.2. Il-kompatibilità teknika

L-infrastrutturi ġodda ta’ veloċità għolja u r-rolling stock ġdid ta’ veloċità għolja fabbrikati jew żviluppati wara l-adozzjoni tal-verifika u l-iggwidar u s-senjaletika kompatibbli għandhom jitfasslu apposta għall-użu ta’ dawk is-sistemi.

L-apparat tal-verifika u l-iggwidar u s-senjaletika istallat ġewwa l-kabina tas-sewwieq tat-tren għandu jippermetti t-tħaddim normali, taħt il-kondizzjonijiet speċifikati, matul is-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja kollha.

2.4. Ir-rolling stock

2.4.1. Is-sigurtà

L-istrutturi tar-rolling stock u dawk ta’ l-agganċament bejn il-vetturi għandhom jiġu disinjati b’tali mod li jiġu protetti l-iskompartimenti tal-passiġġieri u tas-sewwieq fil-każ ta’ ħabta jew dirottament.

L-apparat elettriku m’għandux ifixkel is-sigurtà u l-funzjonament ta’ l-istallazzjonijiet tal-kontroll u l-iggwidar u s-senjaletika.

It-teknika tal-brejkijiet u l-istapazzi applikati għandhom ikunu kompatibbli mad-disinn tal-binarji, l-istrutturi ta’ inġinerija u s-sistemi tas-senjaletika.

Għandhom jittieħdu passi biex jiġi miċħud l-aċċess għal kostitwenti li fihom ikun għaddej l-elettriku biex ma’ tiġix ipperikolata l-ħajja tan-nies.

Fil-każ ta’ perikolu apparati għandhom jippermettu lill-passiġġieri biexjinfurmaw lis-sewwieq u lill-impjegati ta’ madwaru biex javżawh.

Il-bibien ta’ l-aċċess għandu jkollhom fihom sistema ta’ ftuħ u għeluq li tiggarantixxi s-sigurtà tal-passiġġier.

Il-ħruġ ta’ l-emerġenza għandu jiġi provdut u indikat.

Dispożizzjonijiet approprjati għandhom jiġu stabbiliti biex jtiqiesu l-kondizzjonijiet partikolari ta’ sigurtà f’mini twal ħafna.

Sistema ta’ dawl ta’ emerġenza li jkun qawwi u li jdum biżżejjed hija ħtieġa assoluta abbord il-ferroviji.

It-trenijiet għandhom jkunu attrezzati b’sistema ta’ amplifikazzjoni tal-vuċi li tipprovdi mezz ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku mill-impjegati t’abbord u dawk ta’ fuq l-art.

2.4.2. L-affidabilità u d-disponibilità

Id-disinn ta’ l-apparat vitali u ta’ l-apparat tas-sewqan, il-ġbid u l-ibbrejkjar kif ukoll is-sistema tal-kontroll u l-iggwidar għandhom, f’sitwazzjoni speċifika degradata, ikunu b’tali mod, li jippermettu li t-tren jkompli sejjer minghajr konsegwenzi kuntrarji għall-apparat li jkun baqa’ jaħdem.

2.4.3. Il-kompatibilità teknika

L-apparat elettriku għandu jkun kompatibbli ma’l-istallazzjonijiet tal-kontroll u l-iggwidar u s-senjaletika.

Il-karatteristiċi tal-ta’ l-apparat tal-ġbir tal-kurrent għandhom jkunu tali li jippermettu li t-trenijiet jivvjaġġaw skond is-sistemi tal-provvista ta’ l-enerġija għas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja.

Il-karatteristiċi tar-rolling stock għandhom ikunu tali li jippermettu li dan jivvjaġġa fuq kull linja li fuqha jkun mistenni li jitħaddem.

2.5. Il-manutenzjoni

2.5.1. Is-saħħa

L-istallazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri użati fiċ-ċentri tal-manutenzjoni m’għandhomx jikkostitwixxu perikolu għas-saħħa tal-bniedem.

2.5.2. Il-protezzjoni ambjentali

L-istallazzjonjiet tekniċi u l-proċeduri użati fiċ-ċentri tal-manutenzjoni m’għandhomx jaqbżu l-livelli permissibbli ta’ disturb fir-rigward ta’ l-ambjent ta’ madwarhom.

2.5.3. Il-kompatibilità teknika

L-istallazzjonijiet tal-manutenzjoni fuq trenijiet ta’ veloċità għolja għandhom jkunu tali li jippermettu li jsiru operazzjonijiet ta’ sigurtà, saħħa u kumdità fuq it-trenijiet kollha li għalihom ikunu ġew iddisinjati.

2.6. L-ambjent

2.6.1. Is-saħħa

It-tħaddim tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja għandha tibqa’ ‘l ġewwa mill-limiti statutorji dwar id-disturb minħabba l-ħoss.

2.6.2. Il-protezzjoni ambjentali

It-tħaddim tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja m’għandux jikkawża livell ta’ theżżiż ta’ l-art li jkun inaċċettabbli għall-attivitajiet u l-ambjent immedjat fil-qrib ta’ l-infrastruttura u fi stat normali ta’ manutenzjoni.

2.7. It-tħaddim

2.7.1. Is-sigurtà

L-allinjament tar-regoli tat-tħaddim tan-network u l-kwalifiki tas-sewwieqa u ta’ l-impjegati abbord għandhom ikunu tali li jiżguraw tħaddim internazzjonali minghajr periklu.

L-intervalli tat-tħaddim u tal-manutenzjoni, it-taħriġ u l-kwalifiki ta’ l-impjegati tal-manutenzjoni u s-sistema tal-garanzija tal-kwalità mwaqqfa fiċ-ċentri tal-manutenzjoni ta’ l- operaturi konċernati għandhom ikunu tali li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà.

2.7.2. L-affidabilità u d-disponibilità

L-intervalli tat-tħaddim u tal-manutenzjoni, it-taħriġ u l-kwalifiki ta’ l-impjegati tal-manutenzjoni u s-sistema tal-garanzija tal-kwalità mwaqqfa mill-operaturi konċernati fiċ-ċentri tal-manutenzjoni għandhom ikunu tali li jiżguraw livell għoli ta’ affidabilità u disponibilità tas-sistema.

2.7.3. Il-kompatibilità teknika

L-allinjament tar-regoli tat-tħaddim tan-networks u l-kwalifiki tas-sewwieqa, l-impjegati abbord u d-diretturi responsabbli għat-traffiku għandhom ikunu tali li jiżguraw l-effiċjenza fit-tħaddim tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja.

--------------------------------------------------

L-ANNESS IV

IL-KOSTITWENTI TA’ L-INTEROPERABILITÀ

Id-dikjarazzjoni KE

- tal-konformità

- dwar l-idoneità għall-użu

1. Il-kostitwenti ta’ l-interoperabilità

Id-dikjarazzjoni KE tgħodd għall-kostitwenti ta’ l-interoperabilità involuti fl-interoperabilità tas-sistemi ferrovjarji trans-Ewropej ta’ veloċità għolja, kif imsemmi fl-Artikolu 3. Dawn il-kostitwenti ta’ l-interoperabilità jistgħu jkunu:

1.1. kostitwenti ta’ użu multiplu

Dawn ikunu kostitwenti li ma jkunux speċifiċi għas-sistema ferrovjarja u li jistgħu jintużaw bħala tali f’żoni oħra;

1.2. kostitwenti ta’ użu multiplu li jkollhom karatteristiċi speċifiċi

Dawn ikunu kostitwenti ta’ użu multiplu li ma jkunux, bħala tali, speċifiċi għal sistema ferrovjarja, iżda li għandhom juru livelli speċifiċi ta’ rendiment meta jintuzaw għal għanijiet ferrovjarji;

1.3. kostitwenti speċifiċi

Dawn ikunu kostitwenti speċifiċi għal applikazzjonijiet ferrovjarji.

2. L-ambitu

Id-dikjarazzjoni KE tkopri:

- jew il-valutazzjoni minn korp jew korpi notifikati tal-konformità intrinsika tal-kostitwent ta’ l-interoperabilità, meqjus waħdu, ma’l-ispeċifiċi tekniċi li jridu jintlaħqu;

- jew il-valutazzjoni/il-ġudizzju minn korp jew korpi notifikati dwar l-l-idoneità għall-użu tal-kostitwent ta’ l-interoperabilità, meqjus fl-ambjent ferrovjarju tagħha u b’mod partikolari f’kazijiet meta l-konġunzjonijiet ikunu koinvolti, fir-rigward ta’ l-ispeċifiċi tekniċi, partikolarment dawk ta’ natura funzjonali, li għandhom jiġu vverifikati.

Il-proċeduri tal-valutazzjoni implimentati mill-korpi notifikati fl-istadji tad-disinn u tal-produzzjoni għandhom jieħdu mill-moduli definiti fid-Deċizjoni 93/465/KEE, b’konformità mal-kondizzjonijiet imsemmija fl-STIs.

3. Il-kontenut tad-dikjarazzjoni KE

Id-dikjarazzjoni KE tal-konformità jew ta’ l-idoneità għall-użu, u d-dokumenti li jmorru magħhom għandhom ikunu datati u ffirmati.

Din id-dikjarazzjoni għandha tkun miktuba bl-istess lingwa ta’ l-istruzzjonijiet u għandu jkollha dan li ġej:

- ir-referenzi tad-Direttiva;

- l-isem u l-indirizz tal-fabbrikant jew tar-rapprezentant awtorizzat tiegħu stabbilit ġewwa l-Komunità (agħti l-isem kummerċjali u l-indirizz sħiħ u fil-kaz ta’ rapprezentant awtorizzat agħti wkoll l-isem kummerċjali tal-fabbrikant jew tal-kostruttur);

- id-deskrizzjoni tal-kostitwent ta’ l-interoperabilità (l-għamla, it-tip, eċċ);

- id-deskrizzjoni tal-proċedura segwita biex tiġi ddikjarata l-konformità, l-idoneità għall-użu (l-Artikolu 13);

- id-deskrizzjonijiet relevanti kollha milħuqa mill-kostitwent ta’ l-interoperabilità u b’mod partikolari l-kondizzjonijiet għall-użu;

- l-isem u l-indirizz tal-korp (korpi) konċernat(i) fil-proċedura segwita fir-rigward tal-konformità jew l-idoneità għall-użu u data taċ-ċertifikat ta’ l-eżami flimkien ma’, meta jkun approprjat, it-tul ta’ żmien u l-kondizzjonijiet tal-validita taċ-ċertfikat

- meta approprjat, referenza għall-ispeċifika Ewropea;

- l-identifikazzjoni tal-firmatarju li jkun irċieva l-poteri li jqabbad lill-fabbrikant jew lir-rappreżentant awtorizzat stabbilit ġewwa l-Komunità.

--------------------------------------------------

L-ANNESS V

IS-SOTTOSISTEMI

ID-DIKJARAZZJONI KE TAL-VERIFIKA

Id-dikjarazzjoni KE tal-konformità u d-dokumenti li jmorru magħha għandhom ikunu datati u ffirmati.

Din id-dikjarazzjoni għandha tkun miktuba bl-istess lingwa tal-fajl tekniku u għandu jkun fiha dan li ġej:

- ir-referenzi tad-Direttiva;

- l-isem u l-indirizz ta’ l-entità kontraenti jew tar-rappreżentant stabbilit ġewwa l-Komunità. (Agħti l-isem kummerċjali u l-indirizz sħiħ, u fil-każ ta’ rapprezentant awtorizzat agħti wkoll l-isem kummerċjali ta’ l-entità kontraenti);

- deskrizzjoni qasira tas-sottosistema;

- isem u indirizz tal-korp notifikat li għamel l-ispezzjoni KE msemmija fl-Artikolu 18;

- ir-referenzi tad-dokumenti li jkunu jinsabu fil-fajl tekniku;

- id-dispożizzjonijiet temporanji relevanti jew finali kollha li għandhom jitħarsu mis-sottosistemi u b’mod partikolari, meta jkun approprjat, xi restrizzjonijiet fit-tħaddim jew fil- kondizzjonijiet;

- jekk temporanji: it-tul ta’ żmien tal-validità tad-dikjarazzjoni KE;

- l-identità tal-firmatarju.

--------------------------------------------------

L-ANNESS VI

IS-SOTTOSISTEMI

IL-VERIFIKA KE

1. Il-verifika KE hija l-proċedura li biha korp notifikat jivverifika u jiċċertifika, fuq talba ta’ entità kontraenti jew tar-rappreżentant awtorizzat tagħha stabbilit ġewwa l-Komunità, li xi sottosistema:

- tkun tikkonforma mad-Direttiva;

- tkun tikkonforma mar-regolamenti l-oħra li ġejjin mit-Trattat u li tista’ titħaddem.

2. Is-sottosistema tiġi vverifikata f’kull wieħed mill-istadji li ġejjin:

- id-disinn globali;

- l-istruttura tas-sottosistema, inklużi, b’mod partikolari, l-attivitajiet ta’ l-inġinerija ċivili, l-immuntar tal-kostitwenti, l-aġġustament globali;

- il-verifika finali tas-sottosistema.

3. Il-korp notifikat responsabbli għall-verifika KE jimla ċ-ċerifkat tal-konformità maħsub għall- entità kontraenti jew għar-rappreżentant awtorizzat stabbilit ġewwa l-Komunità, li minn naħa tiegħi jimla d-dikjarazzjoni tal-verifika KE maħsuba għall-awtorità tas-sorvelja fl-Istat Membru li ġewwa fih tkun tinstab u/jew topera s-sottosistema.

4. Ir-rekord tekniku li jmur mal-prospett tal-verifika għandu jsir kif ġej:

- għall-infrastrutturi: pjanti ta’ l-istrutturi ta’ l-inġinerija, dokumenti ta’ l-approvazzjoni għat-tħaffir u r-rinforz, dokumenti ta’ l-ittestjar u l-ispezzjoni fuq il-konkrit.

- għas-sottosistemi l-oħra: disinji ġenerali u dettaljati konformi ma’l-esekuzzjoni, djagrammi elettriċi u idrawliċi, djagrammi ta’ ċirkuwiti tal-kontroll, deskrizzjoni tas-sistemi ta’ l- ipproċessar tad-data u s-sistemi awtomatiċi, manwali tat-tħaddim u l-manutenzjoni, eċċ.;

- lista tal-kostitwenti ta’ l-interoperabilità, kif imsemmi fl-Artikolu 3, inkorporati fis-sottosistema;

- kopji ta’ dikjarazzjonijiet KE dwar il-konformità jew l-idoneità għall-użu li bihom il-kostitwenti msemmija għandhom jkunu provisti skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva, flimkien meta jkun approprjat man-noti korrispondenti tal-kalkolu u kopja tad-dokumenti tat-testijiet u l-eżamijiet li jkunu saru mil-korpi notifikati fuq il-bażi ta’ speċifiċi tekniċi komuni;

- ċertifikat mill-korp notifikat responsabbli għall-verifika KE, flimkien ma’ noti korrispondenti ta’ kalkolu u kontrofirmati minnha stess, li jiddikjaraw li l-proġett jikkonforma ma’ din id-Direttiva waqt li jsemmu, meta jkun approprjat, ir-riservi dokumentati matul l- operat ta’ l-attivitajiet u mhux irtirati; iċ-ċertifkat għandu jkollu miegħu wkoll id-dokumenti ta’ l-ispezzjoni u tal-verifika mimlija in konnessjoni mal-verifika, kif speċifikat fil-punti 5.3 u 5.4.

5. Il-monitoraġġ

5.1. L-għan tal-monitoraġġ KE huwa li jiżgura li l-obbligi li ġejjin mid-dokument tekniku ntlaħqu matul il-produzzjoni tas-sottosistema..

5.2. Il-korp notifikat responsabbli mill-verifika tal-produzzjoni għandu jkollu aċċess permanenti għas-siti tal-kostruzzjoni, għall-ħwienet ta’ produzzjoni, għaż-żoni tal-ħażna u, meta approprjat, għall-faċilitajiet tal-prefabbrikazzjoni u ta’ l-ittestjar u, b’mod aktar ġenerali, għall- fondi li huwa jqis bħala meħtieġa għall-ħidma tiegħu. L-entità kontraenti jew ir-rappreżentant awtorizzat tagħha ġewwa l-Komunità għandha tibgħat jew tara li jintbagħtulha d-dokumenti kollha meħtieġa għal dan il-għan u b’mod partikolari l-pjanijiet tat-tħaddim u d-dokumenti tekniċi li jirrigwardaw is-sottosistema.

5.3. Il-korp notifikat responsabbli mill-kontroll tat-tħaddim għandu perjodikament iwettaq verifiki biex jikkonferma l-konformità mad-Direttiva. Dan għandu jipprovdi lil dawk responsabbli għat-tħaddim b’rapport tal-verifika. Dan jista’ jitlob li jkun preżenti f’ċerti stadji ta’ l- operazzjonijiet ta’ bini.

5.4. Barra minn hekk, il-korp notifikat jista’ jżur għall-għarrrieda s-siti tax-xogħol jew il-ħwienet tal-produzzjoni. Matul dawk iż-żjarat il-korp notifikat jista’ iwettaq verifiki sħaħ jew parzjali. Dan għandu jipprovdi lil min ikun responsabbli għat-tħaddim b’rapport ta’l ispezzjoni u, meta jkun approprjat, rapport tal-verifika.

6. Ir-rapport sħiħ imsemmi fil-paragrafu 4 għandu jintbagħat lill-entità kontraenti jew lill-aġent awtorizzat stabbilit ġewwa l-Komunità b’appoġ għaċ-ċertifikat tal-konformità maħruġ mill- korp notifikat responsabbli għall-kontroll tas-sottosistema li tkun qed taħdem. Ir-rapport għandu jiġi mehmuz ma’l-istqarrija KE tal-verifika li l-entità kontraenti tibgħat lill-awtorità tas-sorvelja fl-Istat Membru konċernat.

Kopja tar-rapport għandha tinżamm mill-entità kontraenti matul il-perjodu tas-servizz tas-sottosistema. Din għandha tintbagħat lil kull Stat Membru ieħor li jitlobha.

7. Kull korp għandu minn żmien għal żmien jibgħat tagħrif rigward dan li ġej:

- talbiet tal-verifika KE riċevuti;

- ċertifikati tal-konformità maħruġa;

- ċertifikati tal-konformità miċħuda.

8. Ir-rapporti u l-korrispondenza marbuta mal-proċeduri tal-verifika KE għandhom jinkitbu b’xi lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru li fih l-entità kontraenti jew ir-rappreżentant awtorizzat tagħha tkun stabbilita ġewwa l-Komunità, jew f’lingwa aċċettata mill-Komunità.

--------------------------------------------------

L-ANNESS VII

Il-KRITERJI MINIMI LI GĦANDHOM JIQIESU MILL-ISTATI MEMBRI META DAWN JGĦARRFU LILL-KORPI

1. Il-korp, id-Direttur u l-impjegati responsabbli biex jagħmlu l-operazzjonijiet tal-verifika ma jistgħux jinvolvu ruħhom direttament jew bħala rapprezentanti awtorizzati fid-disinn, fil-manifattura, fil-kostruzzjoni, fil-marketing jew fil-manutenzjoni tal-kostitwenti ta’ l-interoperabilità jew sottosistemi jew ma’l-użu tagħhom. Dan ma jeskludix il-possibiltà ta’ skambju ta’ tagħrif tekniku bejn il-fabbrikant jew il-kostruttur u dan il-korp.

2. Il-korp u l-impjegati responsabbli mill-ispezzjoni għandhom jagħmlu l-operazzjonijiet tal-verifika bl-akbar integrità professjonali possibbli u l-akbar kompetenza teknika possibbli u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni jew inċentiva, b’mod partikolari tat-tip finanzjaru, li tista’ teffettwa l-ġudizzju jew ir-riżultati ta’ l-ispezzjoni, u b’mod partikolari dawk ġenerati inn persuni jew gruppi ta’ persuni effettwati mir-riżultati tal-kontrolli.

3. Dan il-korp għandu jimpjega n-nies u jkollu l-mezzi meħtieġa biex iwettaq sew ix-xogħol tekniku u amministattiv marbut mat-twettiq tal-verifiki. Huwa għandu wkoll ikollu aċċess għall-apparat meħtieġ għal verifiki eċċezzjonali.

4. L-impjegati responsabbli mill-verifiki għandu jkollhom:

- taħriġ tekniku u professjonbali approprjat;

- tagħrif biżżejjed dwar il-ħtiġiet marbuta mal-verifiki li jagħmlu u prattika biżżejjed f’dawk il-verifiki;

- il-ħila li jsawru ċertifikati, dokumenti u rapporti li jikkostitwixxu d-dokument formali ta’ l-ispezzjonijiet imwettqa.

5. L-indipendenza ta’ l-impjegati responsabbli għall-ispezzjonijiet għandha tiġi ggarantita. Ebda uffiċċjal m’għandu jitħallas la fuq bażi tan-numru ta’ ispeżżjonijiet li jkunu saru lanqas fuq ir- riżultati ta’ dawkl-ispezzjonijiet.

6. Il-korp għandu jkun assigurat kontra r-responsabbiltà ċivili kemm-il darba din ir-responsabbiltà ma tkunx koperta mill-Istat skond il-liġi nazzjonali jew kemm-il darba l-ispezzjonijiet ma jkunux jitwettqu direttament minn dan l-Istat Membru.

7. L-impjegati ta’ dan il-korp huma marbuta bis-sigriet professjonali fir-rigward ta’ dak kollu li jsiru jafu fil-qadi tad-dmirijiethom (bl-eċċezzjoni ta’ l-awtoritajiet amministattivi kompetenti fl-Istat li fih iwettqu dawk l-attivitajiet) skond din id-Direttiva jew xi dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttiva.

--------------------------------------------------

Top