EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31992R2913

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità

ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1–50 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2016; Imħassar b' 32008R0450 Ara 32013R0952

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1992/2913/oj

31992R2913



Official Journal L 302 , 19/10/1992 P. 0001 - 0050
Finnish special edition: Chapter 2 Volume 16 P. 0004
Swedish special edition: Chapter 2 Volume 16 P. 0004


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92

tat-12 ta' Ottubru 1992

li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 28, 100a u 113 ta' l-istess,

Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni [1],

B'koperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Komunità hija bbażata fuq unjoni doganali; billi huwa rakkomandabbli, fl-interessi kemm tan-negozjanti tal-Komunità kif ukoll ta' l-awtoritajiet doganali, li jinġabru f'kodiċi d-dispożizzjonijiet ta' leġislazzjoni doganali li fil-preżent jinsabu f'numru kbir ta' regolamenti u direttivi tal-Komunità; billi din il-biċċa xogħol hija ta' importanza fundamentali mill-aspett tas-suq intern;

Billi dan il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (minn hawn 'l isfel magħruf bħala "l-Kodiċi") għandu jinkorpora leġislazzjoni kurrenti doganali; billi huwa, madankollu, rakkomandabbli li tiġi emendata dik il-leġislazzjoni sabiex issir aktar konsistenti, tiġi simplifikata u jiġu rimedjati ċerti omissjonijiet li għadhom jeżistu bil-għan li tiġi adottata leġislazzjoni sħiħa tal-Komunità f'dan il-qasam;

Billi, bbażat fuq il-kunċett tas-suq intern, il-kodiċi għandu jinkludi r-regoli u proċeduri ġenerali li jiżguraw l-implimentazzjoni tat-tariffa u miżuri oħra introdotti fil-livell ta' Komunità dwar il-kummerċ f'merkanzija bejn il-Komunità u pajjiżi terzi; billi għandu jkopri, fost ħwejjeġ oħra, l-implimentazzjoni ta' miżuri dwar politika komuni agrikola u kummerċjali wara li jkunu kkonsidrati l-bżonnijiet ta' din il-politika komuni;

Billi jidher rakkomandabbli li jiġi speċifikat illi dan il-Kodiċi huwa applikabbli mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi stipulati f'oqsma oħra; billi dawn ir-regoli speċifiċi jistgħu jeżistu jew jiġu introdotti fil-kuntest, fost oħrajn, ta' leġislazzjoni dwar agrikoltura, statistika, politika kummerċjal jew riżorsi tagħħom stess;

Billi, sabiex jinkiseb bilanċ bejn il-ħtiġijiet tal-awtoritajiet doganali fir-rigward li tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-leġislazzjoni doganali, min-naħa l-waħda, u d-dritt ta' negozjanti li jiġu ttrattati b'mod ġust, min-naħa l-oħra, l-imsemmija awtoritajiet għandu jingħatalhom, fost oħrajn, poteri estensivi ta' kontroll u lill-imsemmija negozjanti d-dritt ta' appell; billi l-implimentazzjoni ta' sistema ta' appelli doganali tagħmilha neċessarja għar-Renju Unit li jintroduċi proċeduri amministrattivi ġodda li ma jistgħux jiġu mwettqa qabel l-1 ta' Jannar 1995;

Billi minħabba l-importanza kbira ferm tal-kummerċ estern għall-Komunità, formalitajiet u kontrolli doganali għandhom jiġu aboliti jew għallinqas jinżammu f'livell minimu;

Billi huwa importanti li tiġi garantita l-applikazzjoni b'mod uniformi ta' dan il-Kodiċi u li, għal dak l-iskop, tiġi provduta proċedura tal-Komunità li tagħmilha possibbli li l-implimentazzjoni tiegħu tiġi adottata fi żmien xieraq; billi għandu jitwaqqaf Kumitat tal-Kodiċi Doganali sabiex jiżgura kooperazzjoni mill-qrib u effettiva bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni f'dan il-qasam;

Billi fl-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiġi implimentat il-Kodiċi, għandha tittieħed l-akbar attenzjoni biex jiġu evitati kull qerq jew irregolarità li jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv l-Estimi Ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej,

ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

IT-TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

IL-KAPITOLU 1

SKOP U DEFINIZZJONIJIET BAŻIĊI

L-Artikolu 1

Ir-regoli doganali għandhom jikkonsistu f'dan il-Kodiċi u d-dispożizzjonijiet adottati fil-livell ta' Komunità jew nazzjonalment biex jimplimentawhom. Il-Kodiċi għandu japplika, mingħajr preġudizzju għar-regoli speċjali stipulati f'oqsma oħra

- għal kummerċ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi,

- għal merkanzija koperta bit-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea jew it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika.

L-Artikolu 2

1. Ħlief fejn hemm provdut mod ieħor, skond konvenzjonijiet internazzjonali jew prattiċi stabbiliti bi skop ġeografiku u ekonomiku limitat jew skond miżuri awtonomi tal-Komunità, regoli doganali tal-Komunità għandhom japplikaw b'mod uniformi f'kull parti tat-territorju doganali tal-Komunità.

2. Ċerti dispożizzjonijiet ta' regoli doganali jistgħu japplikaw ukoll barra t-territorju doganali tal-Komunità fi ħdan il-qafas jew ta' regolamenti li jirregolaw oqsma speċifiċi jew konvenzjonijiet internazzjonali.

L-Artikolu 3

1. It-territorju doganali tal-Komunità għandu jiġbor fih:

- it-territorju tar-Renju tal-Belġju,

- it-territorju tar-Renju tad-Danimarka, minbarra l-Gżejjer Faroe u Greenland,

- it-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minbarra l-Gżira Heligoland u t-territorju ta' Büsingen (it-Trattat tat-23 Novembru 1964 bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Konfederazzjoni Svizzera),

- it-territorju tar-Renju ta' Spanja, minbarra Ceuta u Melilla,

- it-territorju tar-Repubblika Ellenika,

- it-territorju tar-Repubblika Franċiża, minbarra t-territorji barra mill-pajjiż u "collectivités territoriales",

- it-territorju ta' l-Irlanda,

- it-territorju tar-Repubblika Taljana, minbarra l-muniċipalitajiet ta' Livigno u Campione d'Italia u l-ibħra nazzjonali ta' l-Għadira ta' Lugano li huma bejn ix-xatt u l-fruntiera politika taż-żona bejn Ponte Tresa u Porto Ceresio,

- it-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu,

- it-territorju tar-Renju ta' l-Olanda fl-Ewropa,

- it-territorju tar-Repubblika Portugiża,

- it-territorju tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u tal-Gżejjer tal-Kanal u l-Isle of Man.

2. It-territorji li ġejjin li jinsabu barra t-territorju ta' l-Istati Membri, fid-dawl tal-konvenzjonijiet u t-trattati li huma applikabbli għalihom, għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mit-territorju doganali tal-Komunità:

(a) IL-ĠERMANJA

It-territorji Awstrijaċi ta' Jungholz u Mittelberg kif definiti fit-Trattati li ġejjin:

- fir-rigward ta' Jungholz: it-trattat tat-3 ta' Mejju 1868 (Bayrisches Regierungsblatt 1868, p. 1245),

- fir-rigward ta' Mittelberg: it-Trattat tat-2 ta' Diċembru 1890 (Reichsgesetzblatt 1891, p. 59).

(b) FRANZA

It-territorju tal-Prinċipalità ta' Monako kif definit fil-Konvenzjoni Doganali ffirmata f'Pariġi fit-18 ta' Mejju 1963 (Journal officiel tas-27 ta' Settembru 1963, p. 8679).

(ċ) L-ITALJA

It-territorju tar-Repubblika ta' San Marino kif definit fil-Konvenzjoni tal-31 ta' Marzu 1939 (Liġi tas-6 ta' Ġunju 1939, Nru 1120).

3. It-territorju doganali tal-Komunità jinkludi l-ibħra territorjali, l-ibħra marittimi interni u l-ispazju ta' l-ajru ta' l-Istati Membri, u t-territorji li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 2, minbarra l-ibħra territorjali, l-ibħra marittimi interni u l-ispazju ta' l-ajru ta' dawk it-territorji li ma jifformawx parti mit-territorju doganali tal-Komunità skond il-paragrafu 1.

L-Artikolu 4

Għall-iskopijiet ta' dan il-Kodiċi, huma applikabbli definizzjonijiet li ġejjin:

(1) "Persuna" tfisser:

- persuna naturali,

- persuna legali,

- fejn hemm il-possibbiltà provduta fir-regoli li hemm fis-seħħ, assoċjazzjoni ta' persuni rikonoxxuta bħala li għandha l-kapaċità li tesegwixxi atti legali izda li jonqosha l-istat legali ta' persuna legali.

(2) "Persuni stabbiliti fil-Komunità" tfisser:

- fil-każ ta' persuna naturali, kull persuna li normalment hija residenti hemm,

- fil-każ ta' persuna legali jew assoċjazzjoni ta' persuni, kull persuna li għandha fil-Komunità l-uffiċċju reġistrat tagħha, il-kwartieri ġenerali ċentrali jew stabbiliment tan-negozju permanenti.

(3) "Awtoritajiet doganali" tfisser l-awtoritajiet responsabbli inter alia biex iħaddmu r-regoli doganali.

(4) "Uffiċċju doganali" tfisser kull uffiċċju fejn il-formalitajiet kollha stipulati mir-regoli doganali jew x'uħud minnhom jistgħu jitwettqu.

(5) "Deċiżjoni" tfisser kull att uffiċjali mill-awtoritajiet doganali li għandu x'jaqsam ma' regoli doganali li jagħtu deċiżjoni dwar każ partikolari, dan l-att ikollu effetti legali fuq persuna waħda jew persuni speċifiċi u identifikabbli; dan it-terminu jkopri fost oħrajn informazzjoni li torbot dwar it-tariffa skond it-tifsira ta' l-Artikolu 12.

(6) "Status doganali" tfisser l-i status ta' merkanzija bħala merkanzija tal-Komunità jew mhux tal-Komunità.

(7) "Merkanzija tal-Komunità" tfisser merkanzija:

- miksuba kollha jew prodotta fit-territorju doganali tal-Komunità skond il-kondizzjonijiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 23 u ma tinkludix merkanzija impurtata minn pajjiżi jew territorji li ma jifformawx parti mit-territorju doganali tal-Komunità,

- impurtata minn pajjiżi jew territorji li ma jifformawx parti mit-territorju doganali tal-Komunità li nħelsu għal ċirkolazzjoni libera,

- miksuba jew prodotta fit-territorju doganali tal-Komunità, minn merkanzija li ssir referenza għaliha fit-tieni inċiż waħdu jew minn merkanzija li ssir referenza għaliha fl-ewwel u t-tieni inċiż.

(8) "Merkanzija mhux tal-Komunità" tfisser merkanzija minbarra dik li ssir referenza għaliha fis-subparagrafu 7.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 163 u 164, merkanzija tal-Komunità għandha titlef dan l-i status tagħha meta effettivament titneħħa mit-territorju doganali tal-Komunità.

(9) "Dejn doganali" tfisser l-obbligazzjoni fuq persuna li tħallas l-ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni (dejn doganali fuq l-importazzjoni) jew dazji fuq l-esportazzjoni (dejn doganali fuq l-esportazzjoni) li japplika għal merkanzija speċifika skond id-dispożizzjonijiet tal-Komunità li huma fis-seħħ.

(10) "Dazji fuq l-importazzjoni" tfisser:

- dazji doganali u ħlasijiet li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali li għandhom jitħallsu fuq l-importazzjoni ta' merkanzija,

- taxxi fuq l-agrikoltura u ħlasijiet oħra fuq l-importazzjoni introdotti skond il-politika komuni dwar l-agrikoltura jew skond arranġamenti speċifiċi applikabbli għal ċerta merkanzija bħala riżultat ta' l-ipproċessar ta' prodotti agrikoli.

(11) "Dazji fuq l-esportazzjoni" tfisser:

- dazji doganali u ħlasijiet li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali li għandhom jitħallsu fuq l-esportazzjoni ta' merkanzija,

- taxxi fuq l-agrikoltura u ħlasijiet oħra fuq l-esportazzjoni introdotti skond il-politika komuni dwar l-agrikoltura jew skond arranġamenti speċifiċi applikabbli għal ċerta merkanzija bħala riżultat ta' l-ipproċessar ta' prodotti agrikoli.

(12) "Debitur" tfisser kull persuna responsabbli għall-ħlas ta' dejn doganali.

(13) "Sorveljanza mill-awtoritajiet doganali" tfisser azzjoni meħuda b'mod ġenerali minn dawk l-awtoritajiet bil-għan li jiżguraw illi r-regoli doganali u, fejn xieraq, dispożizzjonijiet oħra applikabbli għal merkanzija soġġetta għal sorveljanza doganali jiġu osservati.

(14) "Kontroll mill-awtoritajiet doganali" tfisser l-eżekuzzjoni ta' atti speċifiċi bħall-eżami ta' merkanzija, verifika ta' l-eżistenza u l-awtentiċità ta' dokumenti, eżami tal-kotba tal-kontijiet ta' impriżi u dokumenti oħra, spezzjonar tal-mezzi ta' trasport, spezzjonar ta' valiġġi u oġġetti oħra li jinġarru minn jew fuq persuni u t-twettiq ta' inkjesti uffiċjali u atti oħra simili bil-għan li jiġi żgurat illi r-regoli doganali u, fejn huwa xieraq, dispożizzjonijiet oħra applikabbli għal oġġetti soġġetti għal sorveljanza doganali jiġu osservati.

(15) "Trattament jew użu ta' merkanzija bl-approvazzjoni doganali" tfisser:

(a) it-tqegħid ta' merkanzija taħt proċedura doganali;

(b) id-dħul tagħha ġo żona ħielsa jew maħżen ħieles;

(ċ) l-esportazzjoni mill-ġdid tagħha mit-territorju doganali tal-Komunità;

(d) il-qerda tagħha;

(e) l-abbandun tagħha lit-Teżor.

(16) "Proċedura doganali" tfisser:

(a) ħelsien għal ċirkolazzjoni libera;

(b) transitu;

(ċ) magażinaġġ doganali;

(d) proċessar tad-dħul;

(e) proċessar taħt il-kontroll doganali;

(f) dħul temporanju;

(g) proċessar tal-ħruġ;

(h) esportazzjoni.

(17) "Dikjarazzjoni doganali" tfisser att li bih persuna tindika bil-forma u mod preskritti xewqa li tqiegħed merkanzija taħt proċedura partikolari doganali.

(18) "Dikjarant" tfisser il-persuna li tkun qed tagħmel id-dikjarazzjoni doganali f'isimha proprju jew il-persuna li f'isimha tkun qed issir id-dikjarazzjoni doganali.

(19) "Preżentazzjoni ta' merkanzija lid-dwana" tfisser in-notifika lill-awtoritajiet doganali, bil-mod stipulat, tal-wasla ta' merkanzija fl-uffiċċju doganali jew f'kull post ieħor indikat jew approvat mill-awtoritajiet doganali.

(20) "Ħelsien ta' merkanzija" tfisser l-att li bih l-awtoritajiet doganali jagħmlu merkanzija disponibbli għall-iskopijiet stipulati mill-proċedura doganali li taħtha tkun tpoġġiet.

(21) "Detentur tal-proċedura" tfisser il-persuna li f'isimha tkun saret id-dikjarazzjoni doganali jew il-persuna li lilha jkunu ġew trasferiti d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-persuna fuq imsemmija fir-rigward ta' proċedura doganali.

(22) "Detentur ta' l-awtorizzazzjoni" tfisser il-persuna li lilha tkun ingħatat awtorizzazzjoni.

(23) "Dispożizzjonijiet fis-seħħ" tfisser dispożizzjonijiet tal-Komunità jew nazzjonali.

(24) "Proċedura tal-kumitat" tfisser il-proċedura li hemm provdut dwarha jew li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 249.

IL-KAPITOLU 2

DIVERSI DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI LI GĦANDHOM X'JAQSMU PARTIKOLARMENT MAD-DRITTIJIET U OBBLIGAZZJONIJIET TA' PERSUNI FIR-RIGWARD TA' REGOLI DOGANALI

It-Taqsima 1

Dritt ta' rappreżentazzjoni

L-Artikolu 5

1. Taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 64(2) u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet adottati fi ħdan il-qafas ta' l-Artikolu 243(2)(b), kull persuna tista' taħtar rappreżentant fin-negozjati tagħha ma' l-awtoritajiet doganali biex jesegwixxi l-atti u l-formalitajiet stipulati mir-regoli doganali.

2. Din ir-rappreżentazzjoni tista' tkun:

- diretta, f'liema każ ir-rappreżentant għandu jaġixxi f'isem u għan-nom ta' persuna oħra, jew

- indiretta, f'liema każ ir-rappreżentant għandu jaġixxi f'ismu proprju iżda għan-nom ta' persuna oħra.

Stat Membru jista' jirrestrinġi d-dritt li jsiru dikjarazzjonijiet doganali:

- b'rappreżentazzjoni diretta, jew

- b'rappreżentazzjoni indiretta,

għalhekk ir-rappreżentant għandu jkun aġent doganali li jwettaq il-kummerċ tiegħu fit-territorju ta' dak il-pajjiż.

3. Ħlief fil-każijiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 64(2)(b) u (3), rappreżentant għandu jkun stabbilit fil-Komunità.

4. Rappreżentant għandu jiddikjara li qed jaġixxi f'isem il-persuna li jirrappreżenta, jispeċifika jekk ir-rappreżentanza hix diretta jew indiretta u jkollu l-poter li jaġixxi bħala rappreżentant.

Persuna li tonqos milli tiddikjara li qed taġixxi f'isem jew għan-nom ta' persuna oħra jew li tiddikjara li qed taġixxi f'isem jew għan-nom ta' persuna oħra mingħajr ma tkun awtorizzata li tagħmel dan għandha titqies li qed taġixxi f'ismha proprju u għan-nom tagħha stess.

5. L-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu lil kull persuna li tiddikjara li qed taġixxi f'isem jew għan-nom ta' persuna oħra biex tipproduċi prova tal-poteri tagħha biex taġixxi bħala rappreżentant.

It-Taqsima 2

Deċiżjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-applikazzjoni ta' regoli doganali

L-Artikolu 6

1. Fejn persuna titlob li l-aworitajiet doganali jieħdu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta' regoli doganali dik il-persuna għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha u d-dokumenti mitluba minn dawk l-awtoritajiet sabiex jieħdu deċiżjoni.

2. Deċiżjoni bħal dik għandha tittieħed u tiġi notifikata lill-applikant mill-aktar fis possibbli.

Fejn talba għal deċiżjoni ssir bil-miktub, id-deċiżjoni għandha tittieħed fiż-żmien stipulat skond id-dispożizzjonijiet eżistenti, li jibda mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jkunu rċevew l-imsemmija talba. Deċiżjoni bħal dik għandha tiġi notifikata bil-miktub lill-applikant.

Madankollu, dak il-perjodu jista' jinqabeż jekk l-awtoritajiet doganali ma jkunux jistgħu jħarsuh. F'dak il-kaz, dawk l-awtoritajiet għandhom jinformaw b'dan lill-applikant qabel jiskadi l-perjodu fuq imsemmi, jagħtu r-raġunijiet li jiġġustifikaw li jinqabeż iż-żmien u jindikaw il-perjodu ta' żmien li jidhrilhom li huwa meħtieġ sabiex jagħtu deċiżjoni dwar it-talba.

3. Deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet doganali bil-miktub li jew jiċħdu talbiet jew huma detrimentali għall-persuni li lilhom huma indirizzati għandhom jagħtu r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Għandhom jagħmlu referenza għad-dritt ta' appell li hemm provdut dwaru fl-Artikolu 243.

4. Tista' ssir dispożizzjoni biex l-ewwel sentenza tal-paragrafu 3 tapplika bl-istess mod għal deċiżjonijiet oħra.

L-Artikolu 7

Ħlief fil-każijiet li hemm provdut dwarhom fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 244, deċiżjonijiet adottati għandhom jiġu infurzati immedjatament mill-awtoritajiet doganali.

L-Artikolu 8

1. Deċiżjoni favorevoli għall-persuna involuta għandha tkun annullata jekk tkun inħarġet skond il-bażi ta' informazzjoni żbaljata jew mhux kompluta u:

- l-applikant kien jaf jew kellu raġonevolment ikun jaf illi l-informazzjoni kienet żbaljata jew mhux kompluta, u

- deċiżjoni bħal dik ma setgħetx tittieħed skond il-bażi ta' informazzjoni tajba u kompluta.

2. Il-persuni li lilhom kienet indirizzata d-deċiżjoni għandhom jiġu notifikati bl-annullament tagħha.

3. L-annullament għandu jidħol fis-seħħ mid-data li fiha d-deċiżjoni ta' l-annullament tkun ittieħdet.

L-Artikolu 9

1. Deċiżjoni favorevoli għall-persuna involuta, għandha tiġi revokata jew emendata meta, f'każijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 8, kondizzjoni waħda jew aktar stipulati għall-ħruġ tagħha ma kinux jew m'għadhomx issodisfati.

2. Deċiżjoni favorevoli għall-persuna interessata tista' tiġi revokata meta l-persuna li lilha tkun indirizzata tonqos milli tissodisfa obbligazzjoni imposta fuqha b'dik id-deċiżjoni.

3. Il-persuna li lilha hija indirizzata d-deċiżjoni għandha tiġi notifikata bir-revoka jew emenda tagħha.

4. Ir-revoka jew emenda tad-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data tan-notifika. Madankollu, f'każijiet eċċezzjonali meta l-interessi leġittimi tal-persuna li lilha hija indirizzata d-deċiżjoni hekk jitolbu, l-awtoritajiet doganali jistgħu jiddifferixxu d-data meta r-revoka jew l-emenda tidħol fis-seħħ.

L-Artikolu 10

L-Artikoli 8 u 9 huma mingħajr preġudizzju għal regoli nazzjonali li jistipulaw li deċiżjonijiet huma invalidi jew isiru nulli u bla effett għal raġunijiet mhux konnessi ma' leġislazzjoni doganali.

It-Taqsima 3

Informazzjoni

L-Artikolu 11

1. Kull persuna tista' titlob informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' leġislazzjoni doganali mingħand l-awtoritajiet doganali.

Talba bħal dik tista' tiġi miċħuda meta ma jkollhiex x'taqsam ma' ħidma ta' importazzjoni jew esportazzjoni effettivament prevista.

2. L-informazzjoni għandha tiġi provduta lill-applikant mingħajr ħlas. Madankollu, meta jsiru spejjeż speċjali mill-awtoritajiet doganali, partikolarment bħala rizultat ta' analiżi jew rapporti ta' esperti dwar il-merkanzija, jew ir-radd lura tal-merkanzija lill-applikant, jista' jiġi mitlub iħallas l-ammont relevanti.

L-Artikolu 12

1. L-awtoritajiet doganali għandhom joħorġu informazzjoni li torbot dwar it-tariffa fuq talba bil-miktub, waqt li jaġixxu skond il-proċedura tal-kumitat.

2. Informazzjoni li torbot dwar it-tariffa għandha torbot lill-awtoritajiet doganali fil-konfront ta' min ikollu l-informazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tat-tariffa tal-merkanzija biss.

Informazzjoni li torbot dwar it-tariffa għandha torbot lill-awtoritajiet doganali għal merkanzija biss li fuqha l-formalitajiet doganali jkunu tlestew wara d-data li fiha l-informazzjoni tkun ingħatat minnhom.

3. Min ikollu din l-informazzjoni għandu jipprova li l-merkanzija dikjarata tikkorrispondi minn kull aspett ma' dawk deskritti fl-informazzjoni.

4. Informazzjoni li torbot dwar it-tariffa hija valida għal perjodu ta' sitt snin mid-data tal-ħruġ. Permezz ta' deroga mill-Artikolu 8, għandha tiġi annullata fejn tkun ibbażata fuq informazzjoni mhux eżatta u mhux kompleta mingħand l-applikant.

5. Informazzjoni li torbot dwar it-tariffa ma tibqax valida:

(a) fejn Regolament jiġi adottat u l-informazzjoni ma tibqax konformi mal-liġi stipulata minnu;

(b) meta ma jibqax kompatibbli ma' l-interpretazzjoni ta' waħda min-nomenklaturi li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 20(6) jew f'livell ta' Komunità minħabba emendi fin-nomenklatura magħquda jew b'deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, jew, f'livell internazzjonali minħabba opinjoni dwar klassifikazzjoni jew emenda fin-noti ta' spjegazzjoni tan-Nomenklatura tad-Deskrizzjoni Armonizzata tal-Merkanzija u Sistema ta' Kodiċi adottata mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali; f'dak il-każ id-data li fiha informazzjoni li torbot dwar it-tariffa ma tibqax valida tkun id-data tal-pubblikazzjoni ta' l-imsemmija miżuri jew, fil-każ ta' miżuri internazzjonali, id-data tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, fis-serje "C" tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej;

(ċ) fejn id-detentur ikun notifikat bl-irtirar, revoka jew emenda tagħha.

6. Id-detentur ta' l-informazzjoni li torbot dwar it-tariffa li ma tibqax valida skond il-paragrafu 5 (b) jew (ċ) xorta jista' juża dik l-informazzjoni sitt xhur wara d-data tal-pubblikazzjoni jew notifika sakemm ikun ikkonkluda kuntratti li jorbtu għax-xiri jew bejgħ tal-merkanzija kkonċernata, skond il-bażi ta' l-informazzjoni li torbot qabel ġiet adottata dik il-miżura tat-tariffa. Iżda, fil-każ ta' prodotti li dwarhom jiġi ppreżentat ċertifikat ta' importazzjoni, esportazzjoni jew ftehim minn qabel meta jsiru l-formalitajiet doganali, il-perjodu ta' sitt xhur jiġi sostitwit mill-perjodu ta' validità taċ-ċertifikat.

Fil-każ tal-paragrafu 5 (a), ir-Regolament jista' jippreskrivi perjodu li matulu għandu japplika s-subparagrafu ta' qabel.

7. Il-klassifika fl-informazzjoni li torbot dwar it-tariffa tista' tiġi applikata, fuq il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 6, għall-iskop biss li:

- tistabbilixxi dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni,

- tikkalkula rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni u kull ammont ieħor konċess għal importazzjoni jew esportazzjoni bħala parti mill-politika komuni dwar l-agrikoltura,

- tuża ċertifikati ta' importazzjoni, esportazzjoni jew ftehim minn qabel li jiġu ppreżentati meta jsiru l-formalitajiet għall-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali dwar il-merkanzija kkonċernata, sakemm dawk iċ-ċertifikati jinħarġu skond il-bażi ta' l-informazzjoni involuta.

Barra minn hekk, f'każijiet eċċezzjonali fejn il-ħidma bla tfixkil ta' l-arranġamenti stipulati taħt il-politika komuni ta' l-agrikoltura tista' tkun ipperikolata, jista' jiġi deċiż li ssir deroga mill-paragrafu 6, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 38 tar-Regolament (KEE) Nru 136/66/KEE [4] u fl-Artikoli li jikkorrispondu f'Regolamenti oħra dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq.

It-Taqsima 4

Dispożizzjonijiet oħra

L-Artikolu 13

L-awtoritajiet doganali jistgħu, skond il-kondizzjonijiet stipulati mid-dispożizzjonijiet li jkunu fis-seħħ, iwettqu l-kontrolli kollha li jidhrilhom meħtieġa biex jiżguraw illi l-leġislazzjoni doganali tkun applikata b'mod korrett.

L-Artikolu 14

Għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni doganali, kull persuna involuta direttament jew indirettament fil-ħidmiet imsemmija għall-iskop ta' kummerċ f'merkanzija għandha tipprovdi lill-awtoritajiet doganali bid-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa, jkun x'ikun il-mezz użat, u l-għajnuna kollha meħtieġa skond it-talba tagħhom u fit-terminu ta' żmien preskritt.

L-Artikolu 15

L-informazzjoni kollha li min-natura tagħha hija kunfidenzjali jew li tiġi pprovduta fuq bażi kunfidenzjali hija koperta bl-obbligazzjoni ta' segretezza professjonali. M'għandhiex tinkixef mill-awtoritajiet doganali mingħajr il-permess espress tal-persuna jew awtorità li tipprovdiha; il-komunikazzjoni ta' informazzjoni hija permessa meta l-awtoritajiet doganali jistgħu ikunu obbligati jew awtorizzati li jagħmlu dan skond id-dispożizzjonijiet li huma fis-seħħ, partikolarment fir-rigward tal- protezzjoni tad-data, jew fir-rigward ta' proċeduri legali.

L-Artikolu 16

Il-persuni interessati għandhom iżommu d-dokumenti li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 14 għall-iskopijiet ta' kontroll mill-awtoritajiet doganali, għall-perjodu stipulat fid-dispożizzjonijiet li huma fis-seħħ u mill-anqas għal tliet snin kalendarji, ikun xi jkun il-mezz użat. Dak il-perjodu għandu jibda mill-aħħar tas-sena li fiha:

(a) fil-każ ta' merkanzija meħlusa għal ċirkolazzjoni libera f'ċirkostanzi minbarra dawk li ssir referenza għalihom f'(b) jew merkanzija dikjarata għall-esportazzjoni, mill-aħħar tas-sena li fiha d-dikjarazzjonijiet għall-ħelsien għaċ-ċirkolazzjoni libera jew esportazzjoni jiġu aċċettati;

(b) fil-kaz ta' merkanzija meħlusa għal ċirkolazzjoni libera b'rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta' dazju ta' importazzjoni minħabba l-użu finali tagħhom, mill-aħħar tas-sena li fiha ma jibqgħux soġġetti għas-sorveljanza doganali;

(ċ) fil-każ ta' merkanzija mqegħda taħt proċedura doganali oħra, mill-aħħar tas-sena li fiha l-proċedura doganali konċernata titlesta;

(d) fil-każ ta' merkanzija mqegħda f'żona ħielsa jew maħżen ħieles, mill-aħħar tas-sena li fiha jħallu l-impriża konċernata.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 221(3), it-tieni sentenza, meta verifika magħmula mill-awtoritajiet doganali fir-rigward ta' dejn ta' dwana turi li l-entrata relevanti fil-kotba tal-kontijiet trid tiġi korretta, id-dokumenti għandhom jinżammu aktar mit-terminu taż-żmien preskritt fl-ewwel paragrafu għal perjodu suffiċjenti li jippermetti li l-korrezzjoni ssir u tiġi verifikata.

L-Artikolu 17

Fejn perjodu, data jew terminu ta' żmien huwa stipulat skond il-leġislazzjoni doganali għall-iskop ta' l- applikazzjonital-leġislazzjoni, dak il-perjodu ma jiġix estiż u dik id-data jew terminu ta' żmien ma jiġux iddifferiti ħlief meta ssir dispożizzjoni speċifika fil-leġislazzjoni kkonċernata.

L-Artikolu 18

1. Il-valur ta' l-ecu f'valuta nazzjonali li għandu jiġi applikat fi ħdan il-qafas tal-leġislazzjoni doganali għandu jkun iffissat darba fis-sena. Ir-rati li għandhom jiġu applikati huma r-rati kif kienu fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Ottubru, b'effett mill-1 ta' Jannar tas-sena kalendarja ta' wara. Jekk rata ma tkunx disponibbli għal valuta nazzjonali partikolari, ir-rata li għandha tiġi applikata għal dik il-valuta hija r-rata kif kienet fl-aħħar jum li għalih ġiet pubblikata rata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Madankollu, meta jkun hemm bidla fir-rata ċentrali bilaterali ta' valuta nazzjonali waħda jew aktar:

(a) matul sena kalendarja, ir-rati emendati għandhom jintużaw biex tkun konvertita l-ecu f'valuti nazzjonali għall-iskopijiet ta' deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni tat-tariffa ta' merkanzija u d-dazji doganali u spejjeż li jkollhom effett ekwivalenti. Għandhom jidħlu fis-seħħ mill-għaxar jum wara d-data li fiha dawk ir-rati jkunu disponibbli;

(b) wara l-ewwel jum tax-xogħol ta' Ottubru, ir-rati emendati għandhom jintużaw biex tiġi konvertita l-ecu f'valuta nazzjonali għall-iskopijiet ta' deċiżjoni dwar il-klassifika tat-tariffa ta' merkanzija u d-dazji doganali u spejjeż li jkollhom effett ekwivalenti u għandhom ikunu applikabbli, permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, matul is-sena kalendarja ta' wara, ħlief meta jkun hemm bidla fir-rata ċentrali bilaterali matul dak il-perjodu, f'liema każ għandu japplika s-subparagrafu (a).

"Rati emendati" tfisser ir-rati kif ikunu fl-ewwel jum wara bidla fir-rata ċentrali bilaterali, meta dawk ir-rati jkunu disponibbli għall-valuti kollha tal-Komunità.

L-Artikolu 19

Il-proċedura tal-Kumitat għandha tintuża biex jiġi deċiż f'liema każijiet u taħt liema kondizzjonijiet tista' tiġi simplifikata l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni doganali.

IT-TITOLU II

FATTURI LI SKOND IL-BAŻI TAGĦHOM JIĠU APPLIKATI D-DAZJI FUQ L-IMPORTAZZJONI JEW ID-DAZJI FUQ L-ESPORTAZZJONI U L-MIŻURI L-OĦRA STIPULATI FIR-RIGWARD TA' KUMMERĊ F'MERKANZIJA

IL-KAPITOLU 1

TARIFFA DOGANALI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ U KLASSIFIKAZZJONI TAT-TARIFFA TAL-MERKANZIJA

L-Artikolu 20

1. Dazji legalment dovuti meta jiġi inkors dejn doganali għandhom ikunu bbażati fuq it-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Il-miżuri l-oħra stipulati mid-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jirregolaw oqsma speċifiċi li għandhom x'jaqsmu ma' kummerċ ta' merkanzija għandhom, fejn hu xieraq, jiġu applikati skond il-klassifikazzjoni tat-tariffa ta' dik il-merkanzija.

3. It-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej għandha tikkomprendi:

(a) in-nomenklatura magħquda tal-merkanzija;

(b) kull nomenklatura oħra li hija kollha jew parti minnha bbażata fuq in-nomenklatura magħquda jew li żżid xi suddiviżjonijiet magħha, u li hija mwaqqfa minn dispożizzjonijiet tal-Komunità li jirregolaw oqsma speċifiċi bl-għan ta' l-applikazzjoni ta' miżuri tat-tariffa li għandhom x'jaqsmu ma' kummerċ ta' merkanzija;

(ċ) ir-rati u kapi ta' spejjeż oħra normalment applikabbli għal merkanzija koperta min-nomenklatura magħquda fir-rigward:

- dazji doganali; u,

- taxxi fuq l-agrikoltura u ħlasijiet oħra fuq l-importazzjoni stipulati skond il-politika komuni dwar l-agrikoltura jew skond arranġamenti speċifiċi applikabbli għal ċerta merkanzija bħala riżultat ta' l-ipproċessar ta' prodotti agrikoli.

(d) il-miżuri dwar tariffa preferenzjali li jinsabu f'patti ta' ftehim li l-Komunità kkonkludiet ma' ċerti pajjiżi jew gruppi ta' pajjiżi u li jipprovdu għall-għoti ta' trattament preferenzjali dwar it-tariffa;

(e) miżuri preferenzjali dwar it-tariffa adottati unilateralment mill-Komunità fir-rigward ta' ċerti pajjiżi, gruppi ta' pajjiżi jew territorji;

(f) miżuri awtonomi sospensivi li jipprovdu għal tnaqqis fi jew eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni imponibbli fuq ċerta merkanzija;

(g) miżuri oħra tat-tariffa li hemm provdut dwarhom f'leġislazzjoni oħra tal-Komunità.

4. Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar ħlasijiet b'rata fissa, il-miżuri li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 3 (d), (e) u (f) għandhom japplikaw fuq talba ta' dak li jagħmel id-dikjarazzjoni minflok dawk li hemm provdut dwarhom fis-subparagrafu (ċ) meta l-merkanzija involuta tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati minn dawk il-miżuri msemmija l-ewwel. Applikazzjoni tista' ssir wara l-ġrajja sakemm il-kondizzjonijiet relevanti jiġu ssodisfati.

5. Fejn l-applikazzjoni tal-miżuri li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 3 (d), (e) u (f) hija ristretta għal ċertu volum ta' importazzjoni, tispiċċa:

(a) fil-każ ta' kwoti tat-tariffa, malli jintlaħaq il-limitu stipulat tal-volum ta' importazzjoni;

(b) fil-każ ta' limiti tat-tariffa, b'deċiżjoni tal-Kummissjoni.

6. Il-klassifika tat-tariffa tal-merkanzija għandha tkun il-fattur determinanti, skond ir-regoli fis-seħħ, ta':

(a) is-subintestatura tan-nomenklatura magħquda jew is-subintestatura ta' kull nomenklatura oħra li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 3 (b); jew

(b) is-subintestatura ta' kull nomenklatura oħra li hija parti minnha jew kollha bbażata fuq in-nomenklatura magħquda jew li żżid xi suddiviżjonijiet magħha, u li hija mwaqqfa mid-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jirregolaw oqsma speċifiċi, bl-iskop ta' l-applikazzjoni ta' miżuri ħlief miżuri tat-tariffa li għandhom x'jaqsmu ma' kummerċ ta' merkanzija,

li taħtha għandha tkun klassifikata l-merkanzija msemmija qabel.

L-Artikolu 21

1. It-trattament favorevoli tat-tariffa li minnu tista' tibbenefika ċerta merkanzija minħabba n-natura jew konsum tagħha għandu jkun suġġett għall-kondizzjonijiet stipulati skond il-proċedura tal-Kumitat. Fejn hija meħtieġa awtorizzazzjoni għandhom japplikaw l-Artikoli 86 u 87.

2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, l-espressjoni "trattament favorevoli tat-tariffa" tfisser tnaqqis fi jew is-sospensjoni ta' dazju ta' importazzjoni kif issir referenza għalih fl-Artikolu 4(10), ukoll fi ħdan il-qafas ta' kwota tat-tariffa.

IL-KAPITOLU 2

ORIĠINI TAL-MERKANZIJA

It-Taqsima 1

Oriġini mhux preferenzjali

L-Artikolu 22

L-Artikoli 23 sa 26 jiddefinixxu l-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija għall-iskopijiet ta':

(a) applikazzjoni tat-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej bl-eċċezzjoni tal-miżuri li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 20(3)(d) u (e);

(b) l-applikazzjoni ta' miżuri minbarra miżuri tat-tariffa mwaqqfa minn dispożizzjonijiet tal-Komunità li jirregolaw oqsma speċifiċi li għandhom x'jaqsmu ma' kummerċ ta' merkanzija;

(ċ) il-preparazzjoni u ħruġ ta' ċertifikati ta' oriġini.

L-Artikolu 23

1. Merkanzija li toriġina f'pajjiż għandha tkun dik miksuba kollha jew prodotti f'dak il-pajjiż.

2. L-espressjoni "merkanzija miksuba kollha f'pajjiż" tfisser:

(a) prodotti minerali estratti ġewwa dak il-pajjiż;

(b) prodotti tal-ħaxix maħsuda f'dak il-posta;

(ċ) annimali ħajjin imwielda u mrobbija f'dak il-post;

(d) prodotti mnissla minn annimali ħajjin imrobbija f'dak il-post;

(e) prodotti tal-kaċċa jew sajd li jsiru f'dak il-pajjiż;

(f) prodotti tas-sajd fil-baħar u prodotti oħra meħuda mill-baħar barra l-ibħra territorjali ta' pajjiż minn bastimenti reġistrati jew imniżżla fil-pajjiż involut u li jtajru l-bandiera ta' dak il-pajjiż;

(g) merkanzija miksuba jew prodotta abbord bastimenti fabbriki minn prodotti li ssir referenza għalihom fis-subparagrafu (f) li joriġinaw f'dak il-pajjiż, sakemm dawn il-bastimenti fabbriki jkunu reġistrati jew imniżżla f'dak il-pajjiż u jtajru l-bandiera tiegħu;

(h) prodotti meħuda minn qiegħ il-baħar jew is-saff taħt il-ħama ta' taħt qiegħ il-baħar barra l-ibħra territorjali sakemm dak il-pajjiż ikollu drittijiet esklussivi biex jutilizza dak il-qiegħ tal-baħar jew is-saff ta' taħt il-ħama;

(i) skart u prodotti mormija mnissla minn operazzjonijiet ta' manifattura u oġġetti użati, jekk ikunu nġabru f'dak il-post u huma tajbin biss sabiex minnhom tinġabar materja prima;

(j) merkanzija li hija prodotta f'dak il-post esklussivament minn oġġetti li ssir referenza għalihom fis-subparagrafi (a) sa (i) jew minn derivattivi tagħhom, f'kull stadju tal-produzzjoni.

3. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 2 l-espressjoni "pajjiż" tkopri l-baħar territorjali ta' dak il-pajjiż.

L-Artikolu 24

Merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż wieħed għandha titqies li toriġina mill-pajjiż fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar sostanzjali, ekonomikament ġustifikat jew ħidma f'impriża mgħammra għal dak l-iskop u li tirriżulta fil-manifattura ta' prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura.

L-Artikolu 25

Kull ipproċessar jew xogħol li fir-rigward tiegħu jiġi stabbilit, jew li fir-rigward tiegħu il-fatti kif konfermati jiġġustifikaw il-preżunzjoni, li l-għan uniku tiegħu kien li jaħrab mid-dispożizzjonijiet applikabbli fil-Komunità għal merkanzija minn pajjiżi speċifiċi taħt l-ebda ċirkostanza m'għandu jitqies li jagħti lill-merkanzija hekk prodotta l-oriġini tal-pajjiż fejn jitwettaq skond it-tifsira ta' l-Artikolu 24.

L-Artikolu 26

1. Leġislazzjoni doganali jew leġislazzjoni oħra tal-Komunità li tirregola oqsma speċifiċi tista' tistipula li għandu jiġi prodott dokument bħala prova tal-oriġini tal-merkanzija.

2. Minkejja l-produzzjoni ta' dak id-dokument, l-awtoritajiet doganali jistgħu, f'każ ta' dubji serji, jitolbu prova oħra sabiex jiżguraw illi l-indikazzjoni ta' l-oriġini hija skond ir-regoli stipulati mil-leġislazzjoni relevanti tal-Komunità.

It-Taqsima 2

Oriġini preferenzjali tal-merkanzija

L-Artikolu 27

Ir-regoli dwar oriġini preferenzjali għandhom jistipulaw il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-akkwist ta' oriġini li l-merkanzija għandha tissodisfa sabiex jibbenefikaw mill-miżuri li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 20(3)(d) jew (e).

Dawn ir-regoli għandhom:

(a) fil-każ ta' merkanzija koperta bi ftehim li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 20(3)(d), jiġu stabbiliti f'dak il-ftehim;

(b) fil-każ ta' merkanzija li tibbenefika mill-miżuri preferenzjali tat-tariffa li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 20(3)(e), jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-Kumitat.

IL-KAPITOLU 3

VALUR TA' MERKANZIJA GĦALL-ISKOPIJIET DOGANALI

L-Artikolu 28

Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu jistabbilixxu l-valur doganali għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni tat-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej u miżuri mhux tat-tariffa stipulati bid-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jirregolaw oqsma speċifiċi li għandhom x'jaqsmu ma' kummerċ ta' merkanzija.

L-Artikolu 29

1. Il-valur doganali ta' merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skond l-Artikoli 32 u 33, sakemm:

(a) ma jkun hemm ebda restrizzjoni dwar kif ix-xerrej jeħles minn jew juża l-merkanzija, ħlief restrizzjonijiet li:

- huma imposti jew meħtieġa b'liġi jew mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Komunità,

- jillimitaw iż-żona geografika li fiha l-merkanzija tista' terġa tinbiegħ,

jew

- ma jolqtux sostanzjalment il-valur tal-merkanzija;

(b) il-bejgħ jew il-prezz m'huwiex suġġett għal xi kondizzjoni jew konsiderazzjoni li għaliha ma jistax jiġi stabbilit valur fir-rigward tal-merkanzija li qed tkun stmata;

(ċ) ebda parti tad-dħul minn xi bejgħ mill-ġdid sussegwenti, jew minn kif jiddisponi minnha jew juża l-merkanzija x-xerrej ma tmiss direttament jew indirettament lill-bejjiegħ, ħlief meta jista' jsir aġġustament xieraq skond l-Artikolu 32; u

(d) li x-xerrej u l-bejjiegħ ma jiġux minn xulxin, jew, fejn ix-xerrej u l-bejjiegħ jiġu minn xulxin, dak il-valur tat-transazzjoni huwa aċċettabbli għall-iskopijiet doganali taħt il-paragrafu 2.

2. (a) Waqt li jkun qed jiġi stabbilit jekk valur ta' transazzjoni huwiex aċċettabbli għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, il-fatt li x-xerrej u l-bejjiegħ jiġu minn xulxin m'għandux fih innifsu jkun raġuni suffiċjenti biex il-valur tat-transazzjoni jitqies bħala mhux aċċettabbli. Fejn ikun meħtieġ, iċ-ċirkostanzi wara l-bejgħ għandhom jiġu eżaminati u l-valur tat-transazzjoni għandu jiġi aċċettat sakemm ir-relazzjoni ma tkunx influwenzat il-prezz. Jekk, fid-dawl ta' l-informazzjoni mogħtija minn min ikun għamel id-dikjarazzjoni jew mod ieħor, l-awtoritajiet doganali jkollhom raġunijiet biex iqisu li r-relazzjoni tkun influwenzat il-prezz, għandhom jikkomunikaw ir-raġunijiet tagħhom lil min ikun għamel id-dikjarazzjoni u dan għandu jingħata opportunità raġonevoli sabiex jirrispondi. Jekk min ikun għamel id-dikjarazzjoni hekk jitlob, il-komunikazzjoni tar-raġunijiet għandha tkun bil-miktub.

(b) F'bejgħ bejn persuni li jiġu minn xulxin, il-valur tat-transazzjoni għandu jiġi aċċettat u l-merkanzija stmata skond il-paragrafu 1 kull fejn min jagħmel id-dikjarazzjoni juri li dak il-valur jersaq qrib ħafna ta' waħda mis-segwenti li jiġru fl-istess ħin jew kważi:

(i) il-valur tat-transazzjoni fil-bejgħ, bejn xerrejja u bejjiegħa li ma jiġux minn xulxin f'xi każ partikolari, ta' merkanzija identika jew simili għall-esportazzjoni lejn il-Komunità;

(ii) il-valur doganali ta' merkanzija identika jew simili, kif stabbilit taħt l-Artikolu 30(2)(ċ);

(iii) il-valur doganali ta' merkanzija identika jew simili, kif stabbilit taħt l-Artikolu 30(2)(d);

Waqt li jsiru t-testijiet hawn fuq imsemmija, għandhom ikunu kkonsidrati id-differenzi li jidhru f'livelli kummerċjali, livelli ta' kwantità, l-elementi enumerati fl-Artikolu 32 u spejjeż li ntefqu mill-bejjiegħ f'bejgħ li fih hu u x-xerrej ma jiġux minn xulxin u fejn dawk l-ispejjez ma gewx minfuqa mill-bejjiegħ f'bejgħ li fih hu u x-xerrej jiġu minn xulxin.

(ċ) It-testijiet imsemmija fil-subparagrafu (b) għandhom jiġu wżati fuq l-inizjattiva ta' min jagħmel id-dikjarazzjoni u għal skopijiet ta' paragun biss. Valuri sostituti ma jistgħux jiġu stabbiliti taħt l-imsemmi subparagrafu.

3. (a) Il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas huwa l-ħlas totali li jkun sar jew li ser isir mix-xerrej lil jew għall-benefiċċju tal-bejjiegħ għall-merkanzija impurtata u jinkludi l-ħlasijiet kollha li jkunu saru jew li jkunu dovuti bħala kondizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija impurtati mix-xerrej lill-bejjiegħ jew mix-xerrej lil terza persuna biex jissodisfa obbligazzjoni tal-bejjiegħ. Il-ħlas mhux bilfors ikun f'forma ta' trasferiment ta' flus. Ħlas jista' jsir permezz ta' ittri ta' kreditu jew strument negozjabbli u jista' jsir direttament jew indirettament.

(b) Attivitajiet, inklużi attivitajiet ta' komerċjalizzazzjoni, assunti mix-xerrej għalih stess, ħlief dawk li għalihom hemm provdut aġġustament fl-Artikolu 32, m'humiex kunsidrati bħala ħlas indirett lill-bejjiegħ, ukoll jekk jistgħu jiġu meqjusa bħala ta' benefiċċju lill-bejjiegħ jew li ġew assunti bi ftehim mal-bejjiegħ, u l-ispejjeż tagħhom m'għandhomx jiġu miżjuda mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas meta jkun qed jiġi stabbilit il-valur għad-dwana ta' merkanzija importata.

L-Artikolu 30

1. Fejn il-valur doganali ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikolu 29, għandu jiġi stabbilit billi timxi sekwenzjalment minn subparagrafi (a), (b), (ċ) u (d) tal-paragrafu 2 għall-ewwel subparagrafu li taħtu jista' jiġi stabbilit, bla ħsara għall-kondizzjoni li l-ordni ta' l-applikazzjoni tas-subparagrafi (ċ) u (d) għandu jinqaleb jekk min ikun għamel id-dikjarazzjoni jitlob hekk; huwa biss meta tali valur ma jistax jiġi stabbilit taħt subparagrafu partikolari li jistgħu jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu li jkun imiss f'sekwenza stabbilita bis-saħħa ta' dan il-paragrafu.

2. Il-valur doganali kif stabbilit taħt dan l-Artikolu għandu jkun:

(a) il-valur tat-transazzjoni ta' merkanzija identika mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u esportata fi jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qed tkun valutata;

(b) il-valur tat-transazzjoni tal-merkanzija simili mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u esportata fi jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qed tkun valutata;

(ċ) il-valur ibbażat fuq il-prezz ta' l-unità li bih il-merkanzija importata għal oġġetti identiċi jew simili jinbiegħu fil-Komunità fl-akbar kwantità totali lil persuni li ma jiġux mill-bejjiegħa;

(d) il-valur maħdum, magħmul mis-somma ta':

- il-prezz jew valur ta' materjali u fabbrikazzjoni jew proċessar ieħor imħaddem fil-produzzjoni tal-merkanzija importata,

- ammont għal profitt u spejjeż ġenerali li jkun daqs dak normalment rifless fil-bejgħ ta' merkanzija ta' l-istess klassi jew xorta bħal merkanzija li qed tkun stmata li tkun magħmula minn produtturi fil-pajjiż ta' l-esportazzjoni għall-esportazzjoni lill-Komunità,

- il-prezz jew valur ta' l-oġġetti li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 32(1)(e).

3. Il-kondizzjonijiet u regoli l-oħra kollha għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2 hawn fuq għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat.

L-Artikolu 31

1. Fejn il-valur doganali ta' merkanzija importata ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikoli 29 jew 30, għandu jiġi stabbilit, skond il-bażi ta' data disponibbli fil-Komunità, bl-użu ta' mezzi raġonevoli konsistenti mal-prinċipji u dispożizzjonijiet ġenerali ta':

- il-ftehim dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ,

- L-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ,

- id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu.

2. Ebda valur doganali m'għandu jiġi stabbilit taħt il-paragrafu 1 skond il-bażi ta':

(a) il-prezz tal-bejgħ fil-Komunità tal-merkanzija prodotta fil-Komunità;

(b) sistema li tipprovdi għall-aċċettazzjoni għall-iskopijiet ta' dwana tal-ogħla minn żewġ valuri alternattivi;

(ċ) il-prezz tal-merkanzija fis-suq domestiku tal-pajjiż ta' esportazzjoni;

(d) il-prezz ta' produzzjoni, minbarra valuri maħduma li ġew stabbiliti għal merkanzija identiċi jew simili skond l-Artikolu 30(2)(d);

(e) prezzijiet għall-esportazzjoni lejn pajjiż li ma jifformax parti mit-territorju doganali tal-Komunità;

(f) valuri doganali minimi; jew

(g) valuri arbitrarji jew fittizji.

L-Artikolu 32

1. Waqt li jkun qed jiġi stabbilit il-valur doganali taħt l-Artikolu 29, għandu jiżdied mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata:

(a) li ġejjin, sal-punt li jkunu ġew inkorsi mix-xerrej iżda m'humiex inklużi fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija:

(i) kummissjonijiet u senserija, minbarra kummissjonijiet tax-xiri,

(ii) il-prezz ta' kontenituri li jiġu kkunsidrati bħala ħaġa waħda, għall-iskopijiet doganali, mal-merkanzija kkonċernata,

(iii) il-prezz ta' l-ippakkjar, sew jekk xogħol jew materjali;

(b) il-valur, imqassam kif xieraq, tal-merkanzija u servizzi fejn provduti direttament jew indirettament mix-xerrej mingħajr ħlas jew bi prezz imraħħas għall-użu fir-rigward tal-produzzjoni u bejgħ għall-esportazzjoni ta' merkanzija importanti, sal-punt illi dak il-valur ma jkunx ġie inkluż fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas:

(i) materjali, komponenti, partijiet u oġġetti simili inkorporati fil-merkanzija importata,

(ii) għodda, forom u oġġetti simili wzati fil-produzzjoni tal-merkanzija importata,

(iii) materjali kkonsmati fil-produzzjoni tal-merkanzija importata,

(iv) inġinerija, żvilupp, illustrazzjoni, xogħol ta' disinn, u pjanti u abbozzi, magħmula f'post iehor barra l-Komunità u meħtieġa għall-produzzjoni tal-merkanzija importata;

(ċ) drittijiet ta' l-awtur u drittijiet ta' liċenzji li għandhom x'jaqsmu mal-merkanzija li qed tkun stmata li x-xerrej għandu jħallas, direttament jew indirettament, bħala kondizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija li qed tkun stmata, sal-punt li dawk id-drittijiet ta' l-awtur u drittijiet m'humiex inklużi fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas;

(d) il-valur ta' xi parti mid-dħul minn xi bejgħ mill-ġdid, kif jiddisponu minn jew jużaw il-merkanzija li tmiss direttament jew indirettament lill-bejjiegħ;

(e) (i) l-ispejjeż tat-trasport u assigurazzjoni tal-merkanzija importata, u

(ii) it-tagħbija u spejjeż ta' l-immaniġġjar assoċjati mat-trasport tal-merkanzija importata

lejn il-post ta' l-introduzzjoni fit-territorju doganali tal-Komunità.

2. Żidiet fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għandhom isiru taħt dan l-Artikolu biss skond il-bażi ta' data oġġettiva u li tista' tiġi kwantifikata.

3. Ebda żieda m'għandha ssir fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas waqt li jkun qed jiġi stabbilit il-valur doganali ħlief kif ipprovdut f'dan l-Artikolu.

4. F'dan il-Kapitolu, it-terminu "kummissjonijiet tax-xiri" jfisser drittijiet mħallsa minn importatur lill-aġent tiegħu għas-servizz li jirrapreżentah fix-xiri tal-merkanzija li qed tkun stmata.

5. Minkejja l-paragrafu 1 (ċ):

(a) ħlasijiet għad-dritt li tirriproduċi l-merkanzija importati fil-Komunità m'għandhomx jiżdiedu mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata waqt li jkun qed jiġi stabbilit il-valur doganali; u

(b) ħlasijiet magħmula mix-xerrej għad-dritt li jqassam jew li jerġa' jbigħ il-merkanzija importata m'għandhomx jiżdiedu mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata jekk dawk il-ħlasijiet ma jkunux kondizzjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-merkanzija lejn il-Komunità.

L-Artikolu 33

1. Sakemm jintwerew separatament mill-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas, is-segwenti m'għandhomx jiġu inklużi fil-valur doganali:

(a) spejjeż tat-trasport tal-merkanzija wara l-wasla tagħha fil-post ta' l-introduzzjoni fit-territorju doganali tal-Komunità;

(b) spejjeż ta' kostruzzjoni, bini, immuntar, manutenzjoni jew assistenza teknika, assunta wara l-importazzjoni t'oġġetti impurtati bħal impjant industrijali, makkinarju jew apparat;

(ċ) spejjeż ta' imgħax taħt arranġament ta' finanzjament konkluż mix-xerrej u li jkollu x'jaqsam max-xiri ta' merkanzija importata, mingħajr ma jittieħed każ ta' jekk il-finanzjament ikunx provdut mill-bejjiegħ jew xi persuna oħra, sakemm dak l-arranġament ta' finanzjament ikun sar bil-miktub u fejn meħtieġ, ix-xerrej jista' juri li:

- dik il-merkanzija effettivament inbiegħet bil-prezz dikjarat bħala l-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas, u

- ir-rata ta' imgħax ikklejmjata ma teċċedix il-livell għal tali transazzjonijiet li jipprevalu fil-pajjiż fejn, u fiż-żmien meta, il-finanzjament kien ingħata;

(d) ħlasijiet għad-dritt tar-riproduzzjoni ta' merkanzija impurtata fil-Komunità;

(e) kummissjonijiet tax-xiri;

(f) dazji fuq l-importazzjoni jew ħlasijiet oħra li għandhom jitħallsu fil-Komunità minħabba l-importazzjoni jew bejgħ tal-merkanzija.

L-Artikolu 34

Regoli speċifiċi jistgħu jiġu stipulati skond il-proċedura tal-kumitat biex jistabbilixxu l-valur doganali tal-mezz tal-ġarr għall-użu f'apparat ta' l-ipproċessar tad-data u li jkun fiha data jew struzzjonijiet.

L-Artikolu 35

Fejn fatturi użati biex jistabbilixxu l-valur doganali tal-merkanzija jiġu espressi f'valuta li ma tkunx dik ta' l-Istat Membru fejn issir il-valutazzjoni, ir-rata ta' kambju li għandha tintuża tkun dik korrettement pubblikata mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru interessat.

Dik ir-rata għandha tirrifletti bl-aktar mod effettiv possibbli l-valur kurrenti ta' dik il-valuta fi transazzjonijiet kummerċjali skond il-valuta ta' dak l-Istat Membru u għandha tapplika matul dak il-perjodu li jista' jiġi stabbilit skond il-proċedura tal-kumitat.

Fejn dik ir-rata ma teżistix, ir-rata ta' kambju li għandha tiġi użata tiġi stabbilita skond il-proċedura tal-kumitat.

L-Artikolu 36

1. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu huma mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-determinazzjoni tal-valur għall-iskopijiet doganali ta' merkanzija meħlusa għal cirkolazzjoni libera wara li tiġi assenjata trattament jew użu differenti approvat mid-dwana.

2. Permezz ta' deroga mill-Artikoli 29, 30 u 31, il-valur doganali tal-merkanzija li tkun normalment ikkosenjata bi ħlas wara li tkun inbiegħet il-konsenja jista', fuq talba ta' min jagħmel id-dikjarazzjoni, jiġi stabbilit taħt regoli simplifikati mfassla għall-Komunità sħiħa skond il-proċedura tal-kumitat.

IT-TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET APPLIKABBLI GĦAL MERKANZIJA MDAĦĦLA FIT-TERRITORJU DOGANALI TAL-KOMUNITÀ SAKEMM TKUN ASSENJATA TRATTAMENT JEW UŻU APPROVAT MID-DWANA

IL-KAPITOLU 1

DĦUL TA' MERKANZIJA FIT-TERRITORJU DOGANALI TAL-KOMUNITÀ

L-Artikolu 37

1. Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha, mill-ħin tad-dħul tagħha, tkun soġġetta għal sorveljanza doganali. Tista' tkun soġġetta għal kontroll mill-awtorità doganali skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

2. Għandha tibqa' taħt dik is-sorveljanza għaż-żmien neċessarju biex jiġi stabbilit l-i status doganali tagħha, jekk ikun xieraq, u fil-każ ta' merkanzija mhux tal-Komunità u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 82(1), sakemm l-i status doganali tagħha jinbidel, tidħol f'żona ħielsa jew maħżen ħieles jew tkun esportata mill-ġdid jew meqruda skond l-Artikolu 182.

L-Artikolu 38

1. Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha titwassal mill-persuna li ddaħħalha fil-Komunità mingħajr dewmien, mir-rotta speċifikata mill-awtoritajiet doganali u skond l-istruzzjonijiet tagħhom, jekk ikun hemm:

(a) fl-uffiċċju doganali nominat mill-awtoritajiet doganali jew f'xi post ieħor nominat jew approvat minn dawk l-awtoritajiet; jew,

(b) f'żona ħielsa, jekk il-merkanzija ser tiddaħħal f'dik iż-żona ħielsa direttament:

- bil-baħar jew bl-ajru, jew

- minn fuq l-art mingħajr ma tgħaddi minn parti oħra tat-territorju doganali tal-Komunità, fejn iż-żona ħielsa tmiss mal-fruntiera ta' l-art bejn Stat Membru u pajjiż terz.

2. Kull persuna li tassumi r-responsabbilità għall-ġarr tal-merkanzija wara li tkun ddaħħlet fit-territorju doganali tal-Komunità, fost oħrajn bħala riżultat ta' trasbord, għandha tidħol responsabbli għall-konformità ma' l-obbligazzjoni stipulata fil-paragrafu 1.

3. Merkanzija li, għalkemm tkun għadha barra t-territorju doganali tal-Komunità, tista' tkun soġġetta għall-kontroll ta' l-awtorità doganali ta' Stat Membru taħt id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, bħala riżultat inter alia ta' ftehim milħuq bejn dak l-Istat Membru u pajjiż terz, għandha tkun trattata bl-istess mod bħal merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità.

4. Il-paragrafu 1 (a) m'għandux jipprekludi l-implimentazzjoni ta' xi dispożizzjonijiet fis-seħħ fir-rigward ta' traffiku ta' turisti, traffiku fil-fruntiera, traffiku postali jew traffiku ta' importanza ekonomika żgħira, bil-kondizzjoni li s-sorveljanza doganali u l-possibbiltajiet ta' kontroll doganali ma jiġux ipperikolati.

5. Il-paragrafi 1 sa 4 u l-Artikoli 39 sa 53 m'għandhomx japplikaw għall-merkanzija li tkun ħalliet temporanjament it-territorju doganali tal-Komunità hija u tiċċaqlaq bejn żewġ punti f'dak it-territorju bil-baħar jew bl-ajru, sakemm dak il-ġarr sar b'rotta diretta u b'servizz ta' l-ajru regolari jew linja tat-trasport bil-baħar mingħajr waqfa barra t-territorju doganali tal-Komunità.

Din id-dispożizzjoni m'għandhiex tapplika għal merkanzija mgħobbija f'portijiet jew ajruporti jew fil-portijiet ħielsa ta' pajjiż terz.

6. Il-paragrafu 1 m'għandux japplika għal merkanzija abbord bastimenti jew ajruplani li jkunu qed jaqsmu l-baħar territorjali jew l-ispazju ta' l-ajru ta' Stati Membri mingħajr ma jkollhom bħala d-destinazzjoni tagħhom port jew ajruport li jinsab f'dawk l-Istati Membri.

L-Artikolu 39

1. Fejn, minħabba ċirkostanzi imprevedibbli jew forza maġġuri, l-obbligazzjoni stipulata fl-Artikolu 38(1) ma tistax tiġi mħarsa, il-persuna marbuta b'dik l-obbligazzjoni jew kull persuna oħra li tkun qed taġixxi minflokha għandha tinforma lill-awtoritajiet doganali bis-sitwazzjoni mingħajr dewmien. Fejn iċ-ċirkostanzi imprevedibbli jew forza maġġuri ma jirriżultawx f'telf totali tal-merkanzija, l-awtoritajiet doganali għandhom ukoll jiġu informati bil-lok preċiż fejn jinsabu.

2. Fejn, minħabba ċirkostanzi imprevedibbli jew forza maġġuri, bastiment jew ajruplan kopert bl-Artikolu 38(6) jiġi mġiegħel jidħol fil-port jew jinżel temporanjament fit-territorju doganali tal-Komunità u l-obbligazzjoni stipulata fl-Artikolu 38(1) ma tistax tiġi mħarsa, il-persuna li tkun qed iddaħħal il-bastiment jew l-ajruplan fit-territorju doganali tal-Komunità jew kull persuna oħra li tkun qed taġixxi minflokha għandha tinforma lill-awtoritajiet doganali bis-sitwazzjoni mingħajr dewmien.

3. L-awtoritajiet doganali għandhom jistabbilixxu l-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex tkun tista' ssir is-sorveljanza doganali tal-merkanzija li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 1 kif ukoll dawk abbord bastiment jew ajruplan fiċ-ċirkostanzi speċifikati fil-paragrafu 2 u li jiżguraw, fejn ikun xieraq, illi jiġu sussegwentement imwassla f'uffiċċju doganali jew post ieħor nominat jew approvat mill-awtoritajiet.

IL-KAPITOLU 2

PREŻENTAZZJONI TA' MERKANZIJA LID-DWANA

L-Artikolu 40

Merkanzija li, skond l-Artikolu 38(1)(a), tasal fl-uffiċċju doganali jew post ieħor nominat jew approvat mill-awtoritajiet doganali għandha tkun preżentata lid-dwana mill-persuna li daħħlet il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità jew, jekk ikun xieraq, mill-persuna li tassumi responsabbilità għall-ġarr tal-merkanzija wara dak id-dħul.

L-Artikolu 41

L-Artikolu 40 m'għandux jipprekludi l-implimentazzjoni ta' regoli fis-seħħ li għandhom x'jaqsmu ma merkanzija:

(a) li tinġarr minn vjaġġaturi;

(b) mqiegħda taħt il-proċedura doganali iżda mhux preżentata lid-dwana.

L-Artikolu 42

Il-merkanzija tista', ladarba tkun ġiet preżentata lid-dwana, u bil-permess ta' l-awtoritajiet doganali, tiġi eżaminata jew jittieħdu kampjuni, sabiex ikun jista' jiġi assenjat lilha trattament jew użu approvat mid-dwana. Permess bħal dak jista' jingħata, fuq talba, lill-persuna awtorizzata biex tassenja lill-merkanzija dak it-trattament jew użu.

IL-KAPITOLU 3

DIKJARAZZJONI SOMMARJA U ĦATT TA' MERKANZIJA PREŻENTATA LID-DWANA

L-Artikolu 43

Bla ħsara għall-Artikolu 45, merkanzija preżentata lid-dwana fit-tifsira ta' l-Artikolu 40 għandha tkun koperta b'dikjarazzjoni sommarja.

Id-dikjarazzjoni sommarja għandha tkun preżentata meta l-merkanzija tkun ġiet preżentata lid-dwana. L-awtoritajiet doganali jistgħu, madankollu, jikkonċedu perjodu għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni li m'għandux jestendi aktar mill-ewwel jum ta' xogħol wara l-jum li fih il-merkanzija tiġi ppreżentata lid-dwana.

L-Artikolu 44

1. Id-dikjarazzjoni sommarja għandha ssir fuq formola li tikkorrispondi mal-mudell preskritt mill-awtoritajiet doganali. Madankollu, l-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu l-użu, bħala dikjarazzjoni sommarja, ta' kull dokument kummerċjali jew uffiċjali li jkollu fih id-dettalji neċessarji għall-identifikazzjoni tal-merkanzija.

2. Id-dikjarazzjoni sommarja għandha tiġi pprezentata minn:

(a) il-persuna li daħħlet il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità jew minn kull persuna li tassumi r-responsabbilità għall-ġarr tal-merkanzija wara dak id-dħul; jew

(b) il-persuna li f'isimha aġixxew il-persuni li ssir referenza għalihom fis-subparagrafu (a).

L-Artikolu 45

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw merkanzija impurtata minn vjaġġaturi u konsenji b'ittri u posta tal-pakketti, l-awtoritajiet doganali jistgħu jirrinunzjaw għall-preżentata tad-dikjarazzjoni sommarja bil-kondizzjoni li din ma tipperikolax is-sorveljanza doganali tal-merkanzija, meta, qabel l-għeluq tal-perjodu li ssir referenza għalih fl-Artikolu 43, il-formalitajiet neċessarji biex il-merkanzija tiġi assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana jkunu twettqu.

L-Artikolu 46

1. Il-merkanzija għandha tinħatt jew tiġi trasbordata mill-mezzi ta' trasport li jkunu qed iġorruha biss bil-permess ta' l-awtoritajiet doganali f'postijiet nominati jew approvati minn dawk l-awtoritajiet doganali.

Iżda, dak il-permess ma jkunx meħtieġ f'każ ta' perikolu imminenti li jagħmilha neċessarja li parti mill-merkanzija jew kollha kemm hi tinħatt minnufih. F'dak il-każ, l-awtoritajiet doganali għandhom jiġu informati b'dan minnufih.

2. Għall-iskop li tkun spezzjonata l-merkanzija u l-mezzi ta' trasport li jkunu qed iġorruha, l-awtoritajiet doganali jistgħu f'kull ħin jesiġu li l-merkanzija tinħatt u tinfetaħ.

L-Artikolu 47

Il-merkanzija m'għandiex titneħħa mill-pożizzjoni oriġinali tagħha mingħajr il-permess ta' l-awtoritajiet doganali.

IL-KAPITOLU 4

OBBLIGAZZJONI LI MERKANZIJA PREŻENTATA LID-DWANA TIĠI ASSENJATA TRATTAMENT JEW UŻU APPROVAT MID-DWANA

L-Artikolu 48

Merkanzija mhux tal-Komunità preżentata lid-dwana għandha tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana awtorizzat għal dik il-merkanzija mhux tal-Komunità.

L-Artikolu 49

1. Fejn merkanzija tkun koperta b'dikjarazzjoni sommarja, il-formalitajiet neċessarji sabiex tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana għandhom jitwettqu fi żmien:

(a) 45 jum mid-data li fiha d-dikjarazzjoni sommarja tiġi preżentata fil-każ ta' merkanzija li tkun nġarret bil-baħar;

(a) 20 jum mid-data li fiha d-dikjarazzjoni sommarja tiġi preżentata fil-każ ta' merkanzija li tkun inġarret b'mod ieħor mhux bil-baħar;

2. Fejn iċ-ċirkostanzi hekk jitolbu, l-awtoritajiet doganali jistgħu jistipulaw perjodu iqsar jew jawtorizzaw estensjoni tal-perjodi li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1. Estensjoni bħal dik m'għandhiex, madankollu, teċċedi l-ħtiġijiet ġenwini li jkunu ġustifikati biċ-ċirkostanzi.

IL-KAPITOLU 5

ĦAŻNA TEMPORANJA TA' MERKANZIJA

L-Artikolu 50

Sakemm tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana, merkanzija preżentata lid-dwana għandha, wara dik il-preżentazzjoni, ikollha l-i status ta' merkanzija f'ħażna temporanja. Dik il-merkanzija ser tkun deskritta aktar 'l isfel bħala "merkanzija f'ħażna temporanja."

L-Artikolu 51

1. Il-merkanzija f'ħażna temporanja għandha tinħażen biss f'postijiet approvati mill-awtoritajiet doganali taħt il-kondizzjonijiet stipulati minn dawk l-awtoritajiet.

2. L-awtoritajiet doganali jistgħu jesiġu li l-persuna li tkun qed iżżomm il-merkanzija tipprovdi garanzija bil-għan li jiġi żgurat il-ħlas ta' kull dejn doganali li jista' jinqala' taħt l-Artikoli 203 jew 204.

L-Artikolu 52

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 42, merkanzija f'ħażna temporanja għandha tkun soġġetta biss għal dawk il-metodi ta' mmaniġġjar li huma maħsuba biex jiżguraw il-preservazzjoni tagħha fi stat mhux mibdul mingħajr ma jimmodifikaw l-apparenza jew il-karatteristiċi tekniċi tagħha.

L-Artikolu 53

1. L-awtoritajiet doganali għandhom mingħajr dewmien jieħdu l-miżuri kollha neċessarji, inkluż il-bejgħ tal-merkanzija, biex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni ta' merkanzija li fir-rigward tagħhom il-formalitajiet neċessarji sabiex hija tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana ma jkunux inbdew fil-perjodi stabbiliti skond l-Artikolu 49.

2. L-awtoritajiet doganali jistgħu, b'riskju u b'ispejjeż tal-persuna li tkun qed iżżommha, jittrasferixxu l-merkanzija partikolari lejn post speċjali, li jkun taħt is-sorveljanza tagħhom, sakemm is-sitwazzjoni tal-merkanzija tiġi regolarizzata.

IL-KAPITOLU 6

DISPOŻIZZJONIJIET APPLIKABBLI GĦAL MERKANZIJA MHUX TAL-KOMUNITÀ LI TKUN IMXIET TAĦT PROĊEDURA TA' ĠARR

L-Artikolu 54

L-Artikolu 38, bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 1 (a) ta' l-istess, u l-Artikoli 39 sa 53 m'għandhomx japplikaw meta merkanzija li diġà tkun imqiegħda taħt proċedura ta' ġarr tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Komunità.

L-Artikolu 55

Ladarba merkanzija mhux tal-Komunità li mxiet taħt proċedura tal-ġarr tasal fid-destinazzjoni tagħha fit-territorju doganali tal-Komunità u tkun ġiet preżentata lid-dwana skond ir-regoli li jamministraw il-ġarr, l-Artikoli 43 sa 53 għandhom japplikaw.

IL-KAPITOLU 7

DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA

L-Artikolu 56

Fejn iċ-ċirkostanzi hekk jitolbu, l-awtoritajiet doganali jistgħu jordnaw li l-merkanzija preżentata lid-dwana tinqered. L-awtoritajiet doganali għandhom jinformaw b'dan lid-detentur tal-merkanzija. L-ispejjeż biex tinqered il-merkanzija għandhom jitħallsu mid-detentur.

L-Artikolu 57

Fejn l-awtoritajiet doganali jsibu li merkanzija tkun iddaħħlet mingħajr awtorizzazzjoni fit-territorju doganali tal-Komunità jew inżammet lura mis-sorveljanza doganali, għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji, inkluż il-bejgħ tal-merkanzija, sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom.

IT-TITOLU IV

TRATTAMENT JEW UŻU APPROVAT MID-DWANA

IL-KAPITOLU 1

ĠENERALI

L-Artikolu 58

1. Ħlief fejn hemm provdut mod iehor, merkanzija tista' f'kull żmien, taħt il-kondizzjonijiet stipulati, tkun assenjata kull trattament jew użu approvat mid-dwana tkun xi tkun in-natura tagħha jew kwantità, jew il-pajjiż ta' oriġini tagħha, konsenja jew destinazzjoni.

2. Il-paragrafu 1 m'għandux jipprekludi l-impożizzjoni ta' projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet ġustifikati għar-raġuni ta' moralità pubblika, politika pubblika, sigurtà pubblika, il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta' bnedmin, annimali jew pjanti, il-protezzjoni ta' teżori nazzjonali li għandhom valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku jew il-protezzjoni ta' propjetà industrijali u kummerċjali.

IL-KAPITOLU 2

PROĊEDURI DOGANALI

It-Taqsima 1

Tqegħid ta' merkanzija taħt proċedura doganali

L-Artikolu 59

1. Il-merkanzija kollha maħsuba biex titqiegħed taħt proċedura doganali għandha tkun koperta b'dikjarazzjoni għal dik il-proċedura doganali.

2. Merkanzija tal-Komunità dikjarata għal proċedura ta' esportazzjoni, proċessar tal-ħruġ, ġarr jew magażinaġġ doganali għandha tkun soġġetta għas-sorveljanza doganali mill-ħin ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali sa dak il-ħin li tħalli t-territorju doganali tal-Komunità jew tinqered jew id-dikjarazzjoni doganali tiġi invalidata.

L-Artikolu 60

Safejn il-leġislazzjoni doganali tal-Komunità ma tistipula ebda regoli dwar is-suġġett, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kompetenza ta' l-uffiċċji varji doganali li jinsabu fit-territorju tagħhom, filwaqt li titqies, fejn huwa applikabbli, in-natura tal-merkanzija u l-proċedura doganali li taħtha għandha titqiegħed.

L-Artikolu 61

Id-dikjarazzjoni doganali għandha ssir:

(a) bil-miktub; jew

(b) bl-użu ta' teknika ta' l-ipproċessar tad-data fejn hemm provdut dwarha bid-dispożizzjonijiet stipulati skond il-proċedura tal-kumitat jew fejn awtorizzata mill-awtoritajiet doganali; jew

(ċ) permezz ta' dikjarazzjoni normali jew kull att ieħor li bih min ikollu l-merkanzija jesprimi x-xewqa tiegħu li jpoġġiha taħt proċedura doganali, fejn dik il-possibbiltà hemm provdut dwarha mir-regoli adottati skond il-proċedura tal-kumitat.

A. Dikjarazzjonijiet bil-miktub

I. Proċedura normali

L-Artikolu 62

1. Dikjarazzjonijiet bil-miktub għandhom isiru fuq formola li tikkorrispondi mal-kampjun uffiċjali preskritt għal dak l-għan. Għandhom jiġu ffirmati u jkun fihom id-dettalji neċessarji għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun dikjarata.

2. Id-dikjarazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun dikjarata.

L-Artikolu 63

Dikjarazzjonijiet li josservaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 62 għandhom jiġu aċċettati immedjatament mill-awtoritajiet doganali, sakemm il-merkanzija li għaliha jirreferu jiġu preżentati lid-dwana.

L-Artikolu 64

1. Bla ħsara għall-Artikolu 5, dikjarazzjoni doganali tista' ssir minn kull persuna li hija kapaċi tippreżenta l-merkanzija konċernata jew tara li tkun preżentata lill-awtorità kompetenti doganali, flimkien mad-dokumenti kollha li huma meħtieġa li jiġu prodotti għall-applikazzjoni tar-regoli li jamministraw il-proċedura doganali li fir-rigward tagħha ġiet dikjarata l-merkanzija.

2. Iżda,

(a) fejn l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali timponi obligazzjonijiet partikolari fuq persuna speċifika, id-dikjarazzjoni għandha ssir minn dik il-persuna jew għan-nom tagħha;

(b) min jagħmel id-dikjarazzjoni għandu jkun stabbilit fil-Komunità.

Iżda, l-kondizzjoni dwar stabbiliment fil-Komunità m'għandux japplika għal persuni li:

- jagħmlu dikjarazzjoni ta' ġarr jew importazzjoni temporanja;

- jiddikjaraw merkanzija mhux fuq bażi regolari, sakemm l-awtoritajiet doganali jqisu li dan huwa ġustifikat.

3. Il-paragrafu 2 (b) m'għandux jipprekludi l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta' ftehim bilaterali milħuq ma' pajjiżi terzi, jew prattiki stabbiliti li għandhom l-istess effett, li taħthom persuni ta' nazzjonalità ta' dawk il-pajjiżi jistgħu jagħmlu dikjarazzjonijiet doganali fit-territorju ta' l-Istati Membri konċernati, bla ħsara għar-reċiproċità.

L-Artikolu 65

Id-dikjarazzjoni għandha, fuq talba tiegħu, tkun awtorizzata sabiex temenda waħda jew aktar mid-dettalji tad-dikjarazzjoni wara li tkun ġiet aċċettata mid-dwana. L-emenda m'għandux ikollha l-effett li tirrendi d-dikjarazzjoni applikabbli għal merkanzija ħlief dik li oriġinarjament kienet tkopri.

Iżda, ebda emenda m'għandha tiġi permessa meta l-awtorizzazzjoni tintbagħat wara li l-awtoritajiet doganali:

(a) ikunu informaw lil min għamel id-dikjarazzjoni li bi ħsiebhom jeżaminaw il-merkanzija; jew,

(b) ikunu stabbilew li d-dettalji konċernati m'humiex korretti; jew,

(ċ) ikunu ħelsu l-merkanzija.

L-Artikolu 66

1. L-awtoritajiet doganali għandhom, fuq talba ta' min jagħmel id-dikjarazzjoni, jinvalidaw dikjarazzjoni diġà milqugħa meta min jagħmel id-dikjarazzjoni jippreżenta prova li merkanzija ġiet dikjarata bi żball għall-proċedura doganali koperta b'dik id-dikjarazzjoni jew li, b'riżultat ta' ċirkostanzi speċjali, it-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura doganali li għaliha ġiet dikjarata m'għadux ġustifikat.

Madankollu, meta l-awtoritajiet doganali jkunu informaw lil min jagħmel id-dikjarazzjoni bil-ħsieb tagħhom li jeżaminaw il-merkanzija, talba għal invalidazzjoni tad-dikjarazzjoni m'għandhiex tiġi aċċettata sa wara li jkun sar l-eżami.

2. Id-dikjarazzjoni m'għandhiex tiġi invalidata wara li l-merkanzija tkun ġiet meħlusa, ħlief f'każijiet definiti skond il-proċedura tal-kumitat.

3. L-invalidazzjoni tad-dikjarazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet penali fis-seħħ.

L-Artikolu 67

Ħlief fejn espressament ipprovdut mod ieħor, id-data li għandha tintuża għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet kollha li jirregolaw il-proċeduri doganali li għalihom il-merkanzija tkun dikjarata għandha tkun id-datata' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni mill-awtoritajiet doganali.

L-Artikolu 68

Għall-verifika tad-dikjarazzjonijiet li jkunu aċċettaw, l-awtoritajiet doganali jistgħu:

(a) jeżaminaw id-dokumenti li jkopru d-dikjarazzjoni u d-dokumenti li jakkompanjawha. L-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu lil min jagħmel id-dikjarazzjoni biex jippreżenta dokumenti oħra bl-iskop li jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkunu jinsabu fid-dikjarazzjoni;

(b) jeżaminaw il-merkanzija u jieħdu kampjuni għall-analiżi jew għal eżami akkurat.

L-Artikolu 69

1. It-trasport ta' merkanzija lejn il-postijiet fejn għandha tkun eżaminata u jittieħdu kampjuni, u l-immaniġġjar kollu li jkun neċessarju minħabba dak l-eżami jew it-teħid ta' kampjuni, għandu jitwettaq minn jew taħt ir-responsabbiltà ta' min jagħmel id-dikjarazzjoni. L-ispejjeż li jintefqu għandu jagħmilhom id-dikjarant.

2. Id-dikjarant għandu jkun intitolat li jkun preżenti meta l-merkanzija tkun eżaminata u meta jittieħdu l-kampjuni. Fejn jidhrilhom li jkun xieraq, l-awtoritajiet doganali għandhom jitolbu lil min jagħmel id-dikjarazzjoni biex ikun preżenti jew rappreżentat meta l-merkanzija tkun eżaminata jew jittieħdu l-kampjuni sabiex jipprovdilhom l-għajnuna meħtieġa biex jiġi faċilitat dak l-eżami jew it-teħid ta' kampjuni.

3. Iżda jekk il-kampjuni jittieħdu skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, l-awtoritajiet doganali m'għandhomx ikunu responsabbli għall-ħlas ta' ebda kumpens fir-rigward ta' l-istess iżda għandhom iħallsu l-ispejjeż ta' l-analiżi tagħhom jew eżami.

L-Artikolu 70

1. Fejn parti biss mill-merkanzija koperta bid-dikjarazzjoni tkun eżaminata, ir-riżultati ta' l-eżami parzjali għandhom jittieħdu bħala li jgħoddu għall-merkanzija kollha koperta b'dik id-dikjarazzjoni.

Iżda, id-dikjarant jista' jitlob eżami ieħor tal-merkanzija jekk jidhirlu li r-riżultati ta' l-eżami parzjali m'humiex validi fir-rigward tal-bqija tal-merkanzija dikjarata.

2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, meta formola ta' dikjarazzjoni tkopri żewġ oġġetti jew aktar, id-dettalji dwar kull oġġett għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu dikjarazzjoni separata.

L-Artikolu 71

1. Ir-riżultati tal-verifika tad-dikjarazzjoni għandhom jintużaw għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li taħtha tpoġġiet il-merkanzija.

2. Fejn id-dikjarazzjoni ma tiġix verifikata, id-dispożizzjonijiet li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom jiġu applikati skond il-bażi tad-dettalji li jkunu jinsabu fid-dikjarazzjoni.

L-Artikolu 72

1. L-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jidentifikaw il-merkanzija meta l-identifikazzjoni hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-kondizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-imsemmija merkanzija tkun ġiet dikjarata.

2. Mezzi ta' identifikazzjoni mwaħħla mal-merkanzija jew mezzi ta' trasport għandhom jitneħħew jew jinqerdu biss mill-awtoritajiet doganali jew bil-permess tagħhom ħlief meta, bħala riżultat ta' ċirkostanzi imprevedibbli jew forza maġġuri, it-tneħħija jew il-qerda tagħhom hija essenzjali biex tiżgura l-protezzjoni tal-merkanzija jew mezzi ta' trasport.

L-Artikolu 73

1. Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 74, meta l-kondizzjonijiet biex titqiegħed il-merkanzija taħt il-proċedura konċernata jiġu sodisfatti u sakemm il-merkanzija ma tkunx soġġetta għal xi miżuri projbittivi jew restrittivi, l-awtoritajiet doganali għandhom jeħilsu l-merkanzija hekk kif id-dettalji fid-dikjarazzjoni jkunu ġew verifikati jew aċċettati mingħajr verfika. L-istess għandu japplika meta tali verifika ma tistax titlesta f'perjodu ta' żmien raġonevoli u l-merkanzija ma tkunx meħtieġa aktar li tkun preżenti għall-iskopijiet tal-verifika.

2. Il-merkanzija kollha koperta bl-istess dikjarazzjoni għandha tinħeles fl-istess ħin.

Għall-iskopijiet ta' dan il-paragrafu, meta formola ta' dikjarazzjoni tkopri żewġ oġġetti jew aktar, id-dettalji dwar kull oġġett għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu dikjarazzjoni separata.

L-Artikolu 74

1. Fejn l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali toħloq dejn doganali, il-merkanzija koperta bid-dikjarazzjoni m'għandhiex tinħeles ħlief meta d-dejn doganali jkun ġie mħallas jew garantit. Madankollu, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, din id-dispożizzjoni m'għandhiex tapplika għall-proċedura ta' importazzjoni temporanja b'eżenzjoni parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni.

2. Fejn, skond id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun ġiet dikjarata, l-awtoritajiet doganali jitolbu li tingħata garanzija, l-imsemmija merkanzija ma tinħelisx għall-proċedura doganali konċernata sakemm dik il-garanzija tiġi provduta.

L-Artikolu 75

Kull miżura neċessarja, inkluża l-konfiska u l-bejgħ, għandha tittiehed biex tittratta ma' merkanzija li:

(a) ma tistax tinħeles billi:

- ma kienx possibbli li jsir jew jitkompla l-eżami tal-merkanzija fil-perjodu preskritt mill-awtoritajiet doganali għal raġunijiet attribwibbli lid-dikjarant; jew,

- id-dokumenti li jridu jiġu prodotti qabel ma l-merkanzija tista' titqiegħed taħt il-proċedura doganali mitluba għadhom ma ġewx prodotti; jew,

- ħlasijiet jew garanziji li kellhom isiru jew jiġu provduti fir-rigward ta' dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni, skond il-każ, ma sarux jew ma ġewx provduti fiż-żmien stipulat; jew

- hija soġġetta għal projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet;

(b) ma jitneħħewx f'perjodu ta' żmien raġonevoli wara l-ħelsien tagħhom.

II. Proċeduri simplifikati

L-Artikolu 76

1. Sabiex jiġi simplifikat sa fejn hu possibbli l-kompletar ta' formalitajiet u proċeduri u fl-istess ħin jiġi żgurat li operazzjonijiet jitmexxew b'mod korrett, l-awtoritajiet doganali għandhom, taħt kondizzjonijiet stipulati skond il-proċedura tal-kumitat, jagħtu permess sabiex:

(a) id-dikjarazzjoni li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 62 biex jitħallew barra ċerti dettalji li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu sabiex xi wħud mid-dokumenti li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 2 ta' dak l-Artikolu ma jiġux annessi ma' l-istess;

(b) dokument kummerċjali u amministrattiv, akkumpanjat b'talba biex il-merkanzija titqiegħed taħt il-proċedura doganali konċernata, jiġi preżentat minflok id-dikjarazzjoni li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 62;

(ċ) Il-merkanzija li trid tiddaħħal għall-proċedura konċernata permezz ta' daħla fil-kotba; f'dan il-każ, l-awtoritajiet doganali jistgħu jirrinunzjaw għall-ħtieġa li min jagħmel id-dikjarazzjoni jippreżenta l-merkanzija lid-dwana.

Id-dikjarazzjoni simplifikata, dokument kummerċjali jew amministrattiv jew daħla fil-kotba għandu jkollha mill-inqas id-dettalji neċessarji għall-identifikazzjoni tal-merkanzija. Fejn il-merkanzija tiddaħħal fil-kotba, id-data ta' dik id-daħla għandha tiġi inkluża.

2. Ħlief f'każijiet li jiġu deċiżi skond il-proċedura tal-kumitat, id-dikjarant għandu jipprovdi dikjarazzjoni supplimentari li tista' tkun ta' natura ġenerali, perjodika jew rikapitulattiva.

3. Dikjarazzjonijiet supplimentari u d-dikjarazzjonijiet simplifikati li ssir referenza għalihom fis-subparagrafi 1 (a), (b) u (ċ), għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu strument wieħed, indiviżibbli, li jidħol fis-seħħ fid-data ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet simplifikati; fil-każijiet li ssir referenza għalihom fis-subparagrafu 1 (ċ), id-daħla fil-kotba għandu jkollha l-istess saħħa legali daqs l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 62.

4. Proċeduri semplifikati speċjali għall-proċedura tal-ġarr tal-Komunità għandhom jiġu stipulati skond il-proċedura tal-kumitat.

B. Dikjarazzjonijiet oħra

L-Artikolu 77

Fejn id-dikjarazzjoni doganali ssir permezz ta' teknika ta' l-ipproċessar tad-data fit-tifsira ta' l-Artikolu 61(b), jew b'dikjarazzjoni orali jew kull att ieħor fit-tifsira ta' l-Artikolu 61(ċ), l-Artikoli 62 sa 76 għandhom japplikaw mutatis mutandis mingħajr preġudizzju għall-prinċipji stipulati hemmhekk.

Ċ. Eżami tad-dikjarazzjonijiet wara r-rilaxx

L-Artikolu 78

1. L-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom jew fuq talba ta' min jagħmel id-dikjarazzjoni, jemendaw id-dikjarazzjoni wara l-ħelsien tal-merkanzija.

2. L-awtoritajiet doganali jistgħu, wara li jeħilsu l-merkanzija u sabiex jissodisfaw ruħhom li d-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni huma eżatti, jispezzjonaw id-dokumenti kummerċjali u data li għandha x'taqsam ma' l-operazzjonijiet ta' importazzjoni u esportazzjoni fir-rigward tal-merkanzija konċernata jew operazzjonijiet kummerċjali sussegwenti li jinvolvu dik il-merkanzija. Spezzjonijiet bħal dawk jistgħu jsiru fil-fond tad-dikjarant, ta' kull persuna oħra direttament jew indirettament involuta f'dawk l-operazzjonijiet f'kapaċità kummerċjali jew ta' kull persuna oħra li jkollha f'idejha d-dokument u d-data imsemmija għal skopijiet kummerċjali. Dawk l-awtoritajiet jistgħu ukoll jeżaminaw il-merkanzija meta jkun għadu possibbli li din tkun prodotta.

3. Fejn reviżjoni tad-dikjarazzjoni jew eżami wara l-ħelsien tal-merkanzija jindika illi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta' dwana involuta ġew applikati fuq il-bażi ta' informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa, l-awtoritajiet doganali għandhom, skond kull dispożizzjoni stipulata, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni, wara li tkun ikkunsidrata l-informazzjoni ġdida disponibbli għalihom.

It-Taqsima 2

Ħelsien għal ċirkolazzjoni libera

L-Artikolu 79

Ħelsien għal ċirkolazzjoni libera jagħti lil merkanzija mhux tal-Komunità l-i status doganali ta' merkanzija tal-Komunità.

Dan għandu jinvolvi l-applikazzjoni ta' miżuri ta' politika kummerċjali, kompletar ta' formalitajiet oħra stipulati fir-rigward ta' importazzjoni ta' merkanzija u l-impożizzjoni ta' kull dazju legalment dovut.

L-Artikolu 80

1. Permezz ta' deroga għall-Artikolu 67, sakemm id-dazju fuq l-importazzjoni imponibbli fuq il-merkanzija huwa wieħed mid-dazji li ssir referenza għalih fl-ewwel paragrafu uffiċjali ta' l-Artikolu 4 (10) u li r-rata ta' dazju titnaqqas wara d-data ta' aċċ-ettazzjonitad-dikjarazzjoni għall-ħelsien għal ċirkolazzjoni libera iżda qabel ma tinħeles il-merkanzija, id-dikjarant jista' jitlob l-applikazzjoni tar-rata l-aktar favorevoli.

2. Il-paragrafu 1 għandu japplika meta ma kienx possibbli li tinħeles il-merkanzija għal raġunijiet attribwibbli lid-dikjarant waħdu.

L-Artikolu 81

Fejn konsenja tkun magħmula minn merkanzija li taqa' taħt klassifika tat-tariffa differenti, u biex tittratta ma' kull merkanzija skond il-klassifika tat-tariffa tagħha għall-iskop li ssir id-dikjarazzjoni tinvolvi piż ta' xogħol u spejjez sproporzjonat mad-dazji fuq l-importazzjoni imponibbli, l-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq talba ta' dikjarant, jaqblu li dazji fuq l-importazzjoni jiġu imposti fuq il-konsenja kollha skond il-bażi tal-klassifika tat-tariffa tal-merkanzija li huma soġġetti għall-ogħla rata ta' dazju fuq l-importazzjoni.

L-Artikolu 82

1. Fejn il-merkanzija tinħeles għaċ-ċirkolazzjoni libera b'rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta' dazju minħabba l-użu finali tagħha, għandha tibqa' taħt is-sorveljanza doganali. Is-sorveljanza doganali tispiċċa meta l-kondizzjonijiet stipulati biex tingħata dik ir-rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta' dazju ma jibqgħux japplikaw, meta l-merkanzija tiġi esportata jew meqruda jew meta l-użu tal-merkanzija għal skopijiet oħra ħlief dawk stipulati għall-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta' dazju jiġi permess bla ħsara għall-ħlas tad-dazji dovuti.

2. L-Artikoli 88 u 90 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-merkanzija li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 1.

L-Artikolu 83

Merkanzija meħlusa għal ċirkolazzjoni libera titlef l-i status doganali tagħha bħala merkanzija tal-Komunità meta:

(a) id-dikjarazzjoni għall-ħelsien għaċ-ċirkolazzjoni libera tiġi invalidata wara l-ħelsien skond l-Artikolu 66, jew

(b) id-dazji fuq l-importazzjoni li għandhom jitħallsu fuq dik il-merkanzija jerġgħu jitħallsu jew jintbagħtu:

- taħt il-proċedura ta' l-ipproċessar tad-dħul fil-forma tas-sistema drawback;

jew

- fir-rigward ta' merkanzija difettuża jew merkanzija li tonqos milli tħares it-termini tal-kuntratt, skond l-Artikolu 238; jew

- f'sitwazzjonijiet tat-tip li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 239 fejn il-ħlas lura jew il-maħfra hija kondizzjonata fuq li l-merkanzija tkun esportata jew esportata mill-ġdid jew li jkunu assenjati trattament jew użu ekwivalenti approvat mid-dwana.

It-Taqsima 3

Arranġamenti sospensivi u proċeduri doganali b'impatt ekonomiku

A. Dispożizzjonijiet komuni għal diversi proċeduri

L-Artikolu 84

1. Fl-Artikoli 85 sa 90:

(a) meta jintuża t-terminu "proċedura", jiġi miftiehem bħala li japplika, fil-każ ta' merkanzija mhux tal-Komunità, għall-arranġamenti segwenti:

- transitu estern;

- magażinaġġ doganali;

- proċessar tad-dħul f'forma ta' sistema ta' sospensjoni;

- proċessar taħt il-kontroll doganali;

- importazzjoni temporanja;

(b) meta jintuża t-terminu "proċedura doganali b'impatt ekonomiku" jiġi miftiehem bħala li japplika għall-arranġamenti li ġejjin:

- magażinaġġ doganali;

- proċessar tad-dħul;

- proċessar taħt il-kontroll doganali;

- importazzjoni temporanja;

- proċessar tal-ħruġ;

2. "Merkanzija impurtata" tfisser merkanzija mqiegħda taħt proċedura sospensiva u merkanzija li, taħt il-proċedura ta' proċessar tad-dħul fil-forma tas-sistema drawback, tkun għaddiet mill-formalitajiet għall-ħelsien għal ċirkolazzjoni libera u l-formalitajiet li hemm provdut dwarha fl-Artikolu 125.

3. "Merkanzija fl-istat mhux mibdul" tfisser merkanzija impurtata li, taħt il-proċedura ta' l-ipproċessar tad-dħul jew il-proċeduri ta' l-ipproċessar taħt il-kontroll doganali, ma tkun għaddiet minn ebda forma ta' proċessar.

L-Artikolu 85

L-użu ta' kull proċedura doganali b'impatt ekonomiku għandha tkun kondizzjonali għall-ħruġ ta' l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet doganali.

L-Artikolu 86

Mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet speċjali addizzjonali li jirregolaw il-proċedura konċernata, l-awtorizzazzjoni li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 85 u dik li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 100(1) għandha tingħata biss:

- lil persuni li joffru kull garanzija neċessarja għall-kondotta xierqa ta' l-operazzjonijiet;

- meta l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jissorveljaw u jsegwu mill-qrib il-proċedura mingħajr ma jkollhom għalfejn jintroduċu arranġamenti amministrattivi sproporzjonati għall-ħtiġijiet ekonomiċi involuti.

L-Artikolu 87

1. Il-kondizzjonjiet li taħthom tintuża l-proċedura konċernata għandhom jitniżżlu fl-awtorizzazzjoni.

2. Min ikollu l-awtorizzazzjoni għandu jinforma lill-awtoritajiet doganali bil-fatturi kollha li jinqalgħu wara li tingħata l-awtorizzazzjoni li jistgħu jinfluwenzaw il-kontinwazzjoni jew il-kontenut tagħha.

L-Artikolu 88

L-awtoritajiet doganali jistgħu jagħmlu t-tqegħid tal-merkanzija taħt arranġament sospensiv kondizzjonat għall-għoti ta' garanzija sabiex jiġi żgurat illi kull dejn doganali li jista' jiġi inkors fir-rigward ta' dik il-merkanzija jitħallas.

Diversi dispożizzjonijiet speċjali dwar il-forniment ta' garanzija jistgħu jiġu stipulati fil-kuntest ta' arranġament sospensiv speċifiku.

L-Artikolu 89

1. Arranġament sospensiv b'impatt ekonomiku għandu jitwettaq meta trattament jew użu ġdid approvat mid-dwana jiġi assenjat jew lill-merkanzija mqiegħda taħt dak l-arranġament jew lil prodotti li jikkumpensaw lil xulxin jew prodotti proċesatti mqiegħda taħtu.

2. L-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirregolarizzaw il-pożizzjoni ta' merkanzija li dwarha ma tkunx twettqet proċedura taħt il-kondizzjonijiet preskritti.

L-Artikolu 90

Id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet ta' min ikollu proċedura doganali b'impatt ekonomiku jistgħu, fuq il-kondizzjonijiet stipulati mill-awtoritajiet doganali, jiġu trasferiti suċċessivament lil persuni oħra li jissodisfaw kull kondizzjoni stipulata sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-proċedura konċernata.

B. Transitu estern

I. Dispożizzjonijiet ġenerali

L-Artikolu 91

1. Il-proċess ta' transitu estern għandu jippermetti l-moviment minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità ta':

(a) merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u ħlasijiet oħra jew għal miżuri ta' politika kummerċjali;

(b) merkanzija tal-Komunità li hija soġġetta għal miżura tal-Komunità li tinvolvi l-esportazzjoni tagħha lejn pajjiżi terzi u li fir-rigward tagħha l-formalitajiet korrispondenti doganali għall-esportazzjoni jkunu twettqu.

2. Moviment kif issir referenza għalih fil-paragrafu 1 għandu jiġri:

(a) taħt il-proċedura ta' transitu estern tal-Komunità; jew

(b) taħt il-kopertura ta' ktejjeb TIR (Konvenzjoni TIR) sakemm tali moviment:

(1) beda jew għandu jintemm barra l-Komunità; jew

(2) għandu x'jaqsam ma' konsenji ta' merkanzija li trid tinħatt fit-territorju doganali tal-Komunità u li titwassal ma' merkanzija li għandha tinħatt f'pajjiż terz; jew

(3) isir bejn żewġ punti fil-Komunità minn ġewwa t-territorju ta' pajjiż terz;

(ċ) taħt il-kopertura ta' ktejjeb ATA (Konvenzjoni ATA) użat bħala dokument ta' transitu; jew

(d) taħt il-kopertura ta' Manifest tar-Rhine (l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni riveduta għan-Navigazzjoni tar-Rhine); jew

(e) taħt il-kopertura tal-formola 302 li hemm provdut dwarha fil-Konvenzjoni bejn il-Partjiet għat-Trattat ta' l-Atlantiku tat-Tramuntana rigwardant l-I status tal-Forzi tagħhom, iffirmata f'Londra fid-19 ta' Ġunju 1951; jew

(f) bil-posta (inkluża l-posta tal-pakketti).

3. Il-proċedura tal-transitu estern għandha tapplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-moviment ta' merkanzija mqiegħda taħt proċedura ta' dwana b'impatt ekonomiku.

L-Artikolu 92

Il-proċedura ta' transitu estern għandha tintemm meta l-merkanzija u d-dokumenti korrispondenti jiġu prodotti fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni skond id-dispożizzjonijiet tal-proċedura konċernata.

II. Dispożizzjonijiet speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mat-transitu estern tal-Komunità

L-Artikolu 93

Il-proċedura ta' transitu estern tal-Komunità għandha tapplika għal merkanzija li tkun għaddejja mit-territorju ta' pajjiż terz biss jekk:

(a) isiru dispożizzjonijiet f'dak is-sens taħt ftehim internazzjonali; jew

(b) it-transitu minn dak il-pajjiż isir taħt il-kopertura ta' dokument wieħed ta' trasport li jkun ġie ppreparatfit-territorju doganali tal-Komunità; f'dak il-każ l-operazzjoni ta' dik il-proċedura għandha tiġi sospiża fit-territorju tal-pajjiż terz.

L-Artikolu 94

1. Bla ħsara għall-Artikolu 95, il-prinċipal għandu jipprovdi garanzija sabiex jiġi żgurat il-ħlas ta' kull dejn doganali jew ħlasijiet oħra li jistgħu jiġu inkorsi fir-rigward tal-merkanzija.

2. Ħlief f'każijiet li jiġu deċiżi fejn ikun meħtieġ skond il-proċedura tal-kumitat, ebda garanzija m'hi meħtieġa li tiġi preżentata għal:

(a) vjaġġi bil-baħar u bl-ajru;

(b) transitu ta' merkanzija fuq ir-Rhine u l-kanali tar-Rhine;

(ċ) transitu permezz ta' pipeline;

(d) operazzjonijiet imwettqa mill-kumpaniji tal-ferroviji ta' l-Istati Membri.

3. Il-każijiet li fihom l-għoti ta' garanzija fir-rigward ta' transitu ta' merkanzija fuq kanali ta' xmajjar barra dawk li ssir referenza għalihom fil-paragrafi 2 (b) jistgħu jiġu irtirati għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura tal-kumitat.

L-Artikolu 95

1. Kull persuna li tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 tista', bla ħsara għall-limiti stipulati fil-paragrafu 3, tikseb mingħand l-awtoritajiet doganali fl-Istat Membru fejn hi stabbilita rinunzja għall-garanzija dwar operazzjonijiet ta' transitu estern tal-Komunità mwettqa minnha minn kull Stat Membru tat-tluq u minn ġewwa t-territorju ta' kull Stat Membru

2. Ir-rinunzja għall-garanzija li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tingħata biss lil persuni:

(a) li huma stabiliti fl-Istat Membru fejn ir-rinunzja tingħata;

(b) li huma utenti regolari tal-proċedura tat-transitu tal-Komunità;

(ċ) li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom hija dik li jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom;

(d) li ma kkommettew ebda ksur serju tal-liġijiet doganali jew fiskali; u

(e) li, skond kampjun tal-formola li trid tiġi deċiża, jintrabtu li jħallsu, ma' l-ewwel applikazzjoni bil-miktub mill-awtoritajiet doganali, kull ammont mitlub fir-rigward ta' l-operazzjonijiet tat-transitu tal-Komunità tagħhom.

3. Ir-rinunzja għall-garanzija mogħtija skond paragrafi 1 u 2 m'għandhiex tapplika għal operazzjonijiet ta' transitu estern tal-Komunità li jinvolvu l-merkanzija:

(a) ta' valur totali li jeċċedi ammont li jrid jiġi deċiż skond il-proċedura tal-kumitat; jew

(b) li jippreżentaw riskji akbar minħabba l-livell ta' dazji fuq l-importazzjoni u ħlasijiet oħra li huma soġġetti għalihom fi Stat Membru wieħed jew aktar.

4. L-awtoritajiet li jagħtu r-rinunzja għandhom joħorġu lil kull persuna li tiksibha kopja waħda jew aktar ta' ċertifikat ta' rinunzja għall-garanzija.

L-Artikolu 96

1. Il-prinċipal għandu jkun id-detentur tal-proċedura taħt il-proċedura ta' transitu estern tal-Komunità. Għandu jkun responsabbli għal:

(a) preżentazzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fit-terminu taż-żmien preskritt u bl-osservanza dovuta tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni;

(b) l-osservanza tad-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-proċedura tat-transitu tal-Komunità.

2. Minkejja l-obbligazzjonijiet tal-prinċipal skond il-paragrafu 1, min iġorr jew jircevi merkanzija u jaċċetta merkanzija meta jkun jaf li qegħda tiċċaqalaq taħt transitu tal-Komunità għandu wkoll ikun responsabbli għall-produzzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fit-terminu taż-żmien preskritt u bl-osservanza dovuta tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni.

L-Artikolu 97

1. Ir-regoli dettaljati għall-operazzjoni tal-proċedura u l-eżenzjonijiet għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura tal-kumitat.

2. Iżda l-implimentazzjoni ta' miżuri tal-Komunità li jgħoddu għal merkanzija hija garantita:

(a) L-Istati Membri għandhom ikollhom id-dritt, b'arranġamenti bilaterali jew multilaterali, li jwaqqfu bejniethom proċeduri simplifikati konsistenti ma' kriterji li għandhom isiru skond iċ-ċirkostanzi u li japplikaw għat-traffikar ta' ċertu tip ta' merkanzija jew impriżi speċifiċi;

(b) kull Stat Membri għandu jkollu d-dritt li jistabbilixxi proċeduri simplifikati f'ċerti ċirkostanzi għal merkanzija li ma tkunx meħtieġa li tiċċaqlaq fuq it-territorju ta' Stat Membru ieħor.

Ċ. Imħażen doganali

L-Artikolu 98

1. Il-proċedura ta' magażinaġġ doganali għandha tippermetti l-ħażna f'maħżen doganali ta':

(a) merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun soġġetta għal dazji ta' l-importazzjoni jew miżuri ta' politika kummerċjali;

(b) merkanzija tal-Komunità, meta l-leġislazzjoni tal-Komunità li tirregola oqsma speċifiċi tipprovdi illi t-tqegħid tagħha f'maħżen doganali għandu jiġbed l-applikazzjoni ta' miżuri normalment konnessi ma' l-esportazzjoni ta' merkanzija bħal dik.

2. Maħżen doganali ifisser kull post approvat minn u taħt is-sorveljanza ta' l-awtoritajiet doganali fejn merkanzija tista' tinħażen taħt il-kondizzjonijiet stipulati.

3. Każijiet fejn il-merkanzija li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 1 tista' titqiegħed taħt il-proċedura ta' magażinaġġ doganali mingħajr ma tkun merfugħa f'maħżen doganali għandha tkun deċiża skond il-proċedura tal-kumitat.

L-Artikolu 99

Maħżen doganali jista' jkun maħżen pubbliku jew inkella maħżen privat.

"Maħżen pubbliku" tfisser maħżen doganali disponibbli għall-użu ta' kulħadd għall-ħażna ta' merkanzija;

"Maħżen privat" tfisser dmaħżen doganali riservat għall-ħażna ta' merkanzija mill-persuna li hija responsabbli mill-maħżen.

Il-persuna responsabbli mill-maħżen hija l-persuna awtorizzata biex tħaddem il-maħżen doganali.

Id-depożitant għandu jkun il-persuna marbuta bid-dikjarazzjoni li tqiegħed l-merkanzija taħt il-proċedura tal-magażinaġġ doganali jew li lilha ġew trasferiti d-drittijiet u l-obbigazzjoni ta' dik il-persuna.

L-Artikolu 100

1. It-tħaddim ta' maġżen doganali għandu jkun suġġett għall-ħruġ ta' awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet doganali, ħlief meta l-istess awtoritajiet iħaddmu l-maħżen doganali huma stess.

2. Kull persuna li tkun tixtieq tħaddem maħżen doganali għandha tagħmel talba bil-miktub li jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa sabiex tingħata l-awtorizzazzjoni, u partikolarment turi li teżisti ħtieġa ekonomika għall-ħażna. L-awtorizzazzjoni għandha tippreskrivi l-kondizzjonijiet għat-tħaddim tal-maħżen doganali.

3. L-awtorizzazzjoni għandha tinħareġ biss lil persuni stabbiliti fil-Komunità.

L-Artikolu 101

Il-persuna responsabbli mill-maħżen għandha tkun responsabbli sabiex:

(a) tiżgura li waqt li l-merkanzija tkun fil-maħżen doganali ma titneħħiex mis-sorveljanza doganali;

(b) tissodisfa l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-ħażna ta' merkanzija koperta mill-proċedura tal-magażinaġġ doganali; u

(ċ) tosserva l-kondizzjonijiet partikolari speċifikati fl-awtorizzazzjoni.

L-Artikolu 102

1. Permezz ta' deroga mill-Artikolu 101, fejn l-awtorizzazzjoni tolqot maħżen pubbliku, tista' tipprovdi li r-responsabbilitajiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 101(a) u/jew (b) jgħaddu esklussivament fuq id-depożitant.

2. Id-depożitant għandu f'kull ħin ikun responsabbli li jissodisfa l-obbligazzjonijiet li joħorgu mit-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura tal-magażinaġġ doganali.

L-Artikolu 103

Id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet ta' min hu responsabbli mill-maħżen jistgħu, bi qbil ma' l-awtoritajiet doganali, jiġu trasferiti fuq persuna oħra.

L-Artikolu 104

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 88, l-awtoritajiet doganali jistgħu jesiġu li min ikun responsabbli mill-maħżen jipprovdi garanzija dwar ir-responsabbiltajiet speċifikati fl-Artikolu 101.

L-Artikolu 105

Il-persuna nominata mill-awtoritajiet doganali għandha żżomm dokumenti tal-ħażniet tal-merkanzija kollha mqiegħda taħt il-proċedura magażinaġġ doganali f'forma approvata minn dawk l-awtoritajiet. Dokumenti tal-ħażniet m'humiex neċessarji meta maħżen pubbliku jitħaddem mill-awtoritajiet doganali.

Bla ħsara għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 86 l-awtoritajiet doganali jistgħu ma jkollhomx bżonn tad-dokumenti tal-ħażniet meta r-responsabbiltajiet li ssir referenza għalihom l-Artikolu 101(a) u/jew (b) huma esklussivament tad-depożitant u l-merkanzija titqiegħed taħt dik il-proċedura skond il-bażi ta' dikjarazzjoni bil-miktub li tifforma parti mill-proċedura normali jew dokument amministrattiv skond l-Artikolu 76(1)(b).

L-Artikolu 106

1. Fejn teżisti ħtieġa ekonomika u s-sorveljanza doganali ma tintlaqatx ħażin minnha, l-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu:

(a) li merkanzija tal-Komunità ħlief dik li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 98(1)(b) tinħażen fil-fond ta' maħżen doganali;

(b) li merkanzija mhux tal-Komunità tiġi proċessata fil-fond ta' maħżen doganali taħt il-proċedura ta' l-ipproċessar tad-dħul, bla ħsara għall- kondizzjonijietstipulati b'dik il-proċedura. Il-formalitajiet li ma hemmx bżonnhom f'maħżen doganali għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura tal-kumitat;

(ċ) li merkanzija mhux tal-Komunità tiġi proċessata fuq il-fond ta' maħżen doganali taħt il-proċedura ta' l-ipproċessar taħt il-kontroll doganali, bla ħsara għall-kondizzjonijiet li hemm provdut dwarhom minn dik il-proċedura. Il-formalitajiet li ma hemmx bżonnhom f'maħżen doganali għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura tal-kumitat.

2. Fil-każijiet li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1, il-merkanzija m'għandhiex tkun soġġetta għall-proċedura tal-magażinaġġ doganali.

3. L-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu li l-merkanzija li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 1 jiddaħħlu fid-dokumenti tal-ħażniet li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 105.

L-Artikolu 107

L-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta' magażinaġġ doganali għandha tiddaħħal fid-dokumenti tal-ħażniet li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 105 hekk kif jiddaħħlu fil-maħżen doganali.

L-Artikolu 108

1. M'għandu jkun hemm ebda limitu għat-tul ta' żmien li l-merkanzija tista' tibqa' taħt il-proċedura tal-magażinaġġ doganali.

Iżda, f'każijiet eċċezzjonali, l-awtoritajiet doganali jistgħu jistabbilixxu terminu ta' żmien sa meta d-depożitant għandu jassenja lill-merkanzija trattament jew użu ġdid approvat mid-dwana.

2. Termini taż-żmien speċifiċi għal ċerta merkanzija li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 98(1)(b) koperta mill-politika agrikola komuni jistgħu jiġu stipulati skond il-proċedura tal-kumitat.

L-Artikolu 109

1. Merkanzija impurtata tista' tgħaddi mill-metodi tas-soltu ta' mmanigġjar maħsuba sabiex jippriservawha, itejbu d-dehra tagħha jew il-kwalità għall-bejgħ fis-suq tagħha jew jippreparawha għad-distribuzzjoni jew bejgħ mill-ġdid.

Lista ta' każijiet li fihom dawn il-metodi ta' mmaniġġjar għandhom ikunu pprojbiti għal merkanzija koperta mill-politika agrikola komuni tista' titfassal jekk dan ikun neċessarju sabiex tiżgura l-operazzjoni bla tfixkil ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq.

2. Merkanzija tal-Komunità li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 98(1)(b) li titqiegħed taħt il-proċedura tal-magażinaġġ doganali u hija koperta mill-politika agrikola komuni tista' tgħaddi biss mill-metodi ta' mmaniġġjar espressament stipulati għal dik il-merkanzija.

3. Il-metodi ta' mmaniġġjar li hemm provdut dwarhom fl-ewwel subparagrafu tal- paragrafu 1 u fil-paragrafu 2 għandhom ikunu awtorizzati bil-quddiem mill-awtoritajiet doganali, li għandhom jistipulaw il-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu isiru.

4. Il-listi ta' metodi ta' mmaniġġjar li ssir referenza għalihom fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura tal-kumitat.

L-Artikolu 110

Fejn iċ-ċirkostanzi hekk jitolbu, merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta' magażinaġġ doganali tista' tkun temporanjament imneħħija mill-maħżen doganali. Tneħħija bħal dik għandha tkun awtorizzata bil-quddiem mill-awtoritajiet doganali, li għandhom jistipulaw il-kondizzjonijiet li bihom tista' ssir.

Waqt li jkunu barra l-maħżen doganali, il-merkanzija tista' tgħaddi mill-metodi ta' mmaniġġjar li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 109 taħt il-kondizzjonijiet hemm stipulati.

L-Artikolu 111

L-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta' magażinaġġ doganali tkun trasferita minn maħżen doganali għal ieħor.

L-Artikolu 112

1. Fejn dejn doganali jiġi inkors fir-rigward ta' merkanzija importata u l-valur għad-dwana ta' dik l-merkanzija huwa bażat fuq prezz effettivament imħallas jew li jinkludi l-ispejjeż tal-magażinaġġ u tal-preservazzjoni tal-merkanzija sakemm tibqa' fil-maħżen, dawk l-ispejjeż m'hemmx bżonn li jiġu inklużi fil-valur għad-dwana jekk jintwerew separatament mill-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija.

2. Fejn l-imsemmija merkanzija tkun għaddiet mill-metodi tas-soltu ta' mmaniġġjar fit-tifsira ta' l-Artikolu 109, in-natura tal-merkanzija, il-valur għad-dwana u l-kwantità li għandhom ikunu kkunsidrati meta jiġi stabbilit l-ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni għandhom, fuq talba ta' dikjarant, ikunu dawk li kienu jkunu kkunsidrati għall-merkanzija, fiż-żmien li ssir referenza għalih fl-Artikolu 214, li kieku ma kinetx għaddiet minn dak l-immaniġġjar. Iżda, derogi minn din id-dispożizzjoni jistgħu jiġu adottati taħt il-proċedura tal-kumitat.

3. Fejn, skond l-Artikolu 76, merkanzija impurtata tinħeles għaċ-ċirkolazzjoni libera mingħajr ma tkun preżentata lid-dwana u qabel ma tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni korrispondenti, u r-regoli ta' valutazzjoni li għandhom x'jaqsmu ma' dik il-merkanzija ġew aċċertati jew aċċettati fiż-żmien meta l-merkanzija tqiegħdet taħt l-arranġamenti ta' magażinaġġ doganali, l-imsemmija regoli għandhom jitqiesu li jkunu dawk li għandhom ikunu kkunsidrati għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 214, mingħajr preġudizzju għal eżami ta' wara l-ħelsien tal-merkanzija fit-tifsira ta' l-Artikolu 78.

L-Artikolu 113

Merkanzija tal-Komunità li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 98(1)(b) li hija koperta mill-politika agrikola komuni u titqiegħed taħt il-proċedura ta' magażinaġġ doganali għandha tkun esportata jew tkun assenjata trattament jew użu li hemm provdut dwaru fil-leġislazzjoni tal-Komunità li tirregola oqsma speċifiċi li ssir referenza għalihom f'dak l-Artikolu.

D. Proċessar tad-dħul

I. Ġenerali

L-Artikolu 114

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 115, il-proċedura ta' l-ipproċessar tad-dħul għandha tippermetti li s-segwenti merkanzija tintuża fit-territorju doganali tal-Komunità f'operazzjoni ta' l-ipproċessar waħda jew aktar:

(a) merkanzija mhux tal-Komunità maħsuba għall-esportazzjoni mill-ġdid mit-territorju doganali tal-Komunità taħt is-sura ta' prodotti li jikkumpensaw lil xulxin, mingħajr ma tali merkanzija tkun soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni jew miżuri ta' politika kummerċjali;

(b) merkanzija meħlusa għal ċirkolazzjoni libera bil-ħlas lura jew remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni imponibbli fuq dik il-merkanzija kieku tkun esportata mit-territorju doganali tal-Komunità taħt is-sura ta' prodotti li jikkumpensaw lil xulxin.

2. L-espressjonijiet li ġejjin għandu jkollhom it-tifsiriet li ġejjin:

(a) sistema ta' sospensjoni: l-arranġamenti ta' eżenzjonii mill-ipproċessar tad-dħul li hemm provdut dwarhom fil-paragrafu 1 (a);

(b) is-sistema drawback (ir-rifużjoni ta' dazji mħallsa fuq merkanzija importata li mbagħad terġa' tiġi esportata): l-arranġamenti ta' eżenzjoni mill-ipproċessar tad-dħul li hemm provdut dwarhom fil-paragrafu 1 (b);

(ċ) operazzjonijiet ta' l-ipproċessar:

- it-tħaddim ta' merkanzija, inkluż it-twaqqif jew l-immontar tagħha jew it-tqegħid tagħha ma' merkanzija oħra;

- l-ipproċessar ta' merkanzija;

- it-tiswija ta' merkanziji, inkluż ir-restawr tagħhom u t-tqegħid tagħhom f'posthom;

u

- l-użu ta' ċerti merkanziji definiti skond il-proċedura tal-kumitat li ma jinstabux fil-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin, iżda li jippermettu jew jiffaċilitaw il-produzzjoni ta' dawk il-prodotti, anke jekk jinħlew kompletament jew parzjalment fil-proċess.

(d) prodotti li jikkumpensaw lil xulxin: il-prodotti kollha li jirriżultaw minn operazzjonijiet ta' l-ipproċessar;

(e) merkanzija ekwivalenti: merkanzija tal-Komunità li tintuża minflok il-merkanzija importata għall-manifattura ta' prodotti li jikkompensaw lil xulxin;

(f) rata ta' rendiment: il-kwantità jew persentaġġ ta' prodotti li jikkumpensaw lil xulxin miksuba mill-iproċessar ta' ċerta kwantità ta' merkanzija importata.

L-Artikolu 115

1. Fejn il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 jiġu ssodisfati, u bla ħsara għall-paragrafu 4, l-awtoritajiet doganali għandhom jippermettu:

(a) prodotti li jikkumpensaw lil xulxin li għandhom jinkisbu minn merkanzija ekwivalenti;

(b) prodotti li jikkumpensaw lil xulxin miksuba minn merkanzija ekwivalenti li tiġi esportata mill-Komunità qabel l-importazzjoni tal-merkanzija importata.

2. Merkanzija ekwivalenti għandha tkun ta' l-istess kwalità u jkollha l-istess karatteristiċi tal-merkanzija importata. Iżda, f'każijiet speċifiċi stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat, merkanzija ekwivalenti tista' tkun permessa li tkun fi stadju ta' manifattura aktar avvanzat mill-merkanzija importata.

3. Fejn japplika l-paragrafu 1, il-merkanzija importata għandha titqies għall-iskopijiet doganali bħala merkanzija ekwivalenti u din ta' l-aħħar bħala merkanzija importata.

4. Miżuri mfassla biex jipprojbixxu jew jillimitaw ir-rikors għall-paragrafu 1 jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura tal-kumitat.

5. Fejn jiġi applikat il-paragrafu 1 (b) u l-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin ikunu soġġetti għal dazji fuq l-esportazzjoni jekk ma jkunux ser jiġu esportati jew esportati mill-ġdid taħt operazzjoni ta' l-ipproċessar tad-dħul, min ikollu l-awtorizzazzjoni għandu jippreżenta garanzija biex jiżgura l-ħlas tad-dazji f'każ li l-merkanziji għall-importazzjoni ma jiġux importati fil-perjodu preskritt.

II. Għoti ta' l-awtorizzazzjoni

L-Artikolu 116

L-awtorizzazzjoni għandha tinħareġ fuq talba tal-persuna li twettaq l-operazzjonijiet ta' l-ipproċessar jew li tagħmel l-arranġamenti sabiex dawn jitwettqu.

L-Artikolu 117

L-awtorizzazzjoni għandha tingħata biss:

(a) lil persuni stabbiliti fil-Komunità. Iżda, l-awtorizzazzjoni tista' tingħata lil persuni stabbiliti barra l-Komunità fir-rigward ta' importazzjonijiet ta' natura mhux kummerċjali;

(b) fejn, mingħajr preġudizzju għall-użu tal-merkanziji li ssir referenza għalihom fl-aħħar ordni uffiċjali ta' l-Artikolu 114(2)(ċ) ordni uffiċjali ta' l-aħħar, il-merkanziji ta' l-importazzjoni jistgħu jiġu identifikati fil-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin jew, fil-każ li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 115, fejn il-konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fir-rigward ta'merkanzija ekwivalenti tista' tiġi verifikata;

(ċ) fejn il-proċedura ta' l-ipproċessar tad-dħul tista' tgħin sabiex jinħolqu l-aktar kondizzjonijiet favorevoli għall-esportazzjoni jew esportazzjoni mill-ġdid tal-prodotti li jikkompensaw lil xulxin, sakemm l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Komunità ma jiġux milquta ħażin (kondizzjonijiet ekonomiċi).

III. Operazzjoni tal-proċedura

L-Artikolu 118

1. L-awtoritajiet doganali għandhom jispeċifikaw il-perjodu li fih il-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin ikun jridu jiġu esportati jew esportati mill-ġdid jew assenjati trattament jew użu ieħor approvat mid-dwana. Dak il-perjodu għandu jieħu kont taż-żmien meħtieġ biex jitwettqu l-operazzjonijiet ta' l-ipproċessar u jiġu eliminati l-prodotti li jikkompensaw lil xulxin.

2. Il-perjodu għandu jibda mid-data li fiha l-merkanzija mhux tal-Komunità jitpoġġew taħt il-proċedura ta' l-ipproċessar tad-dħul. L-awtoritajiet doganali jistgħu jagħtu żieda ta' żmien jekk tiġi preżentata talba korrettement sostanzjata mid-detentur ta' l-awtorizzazzjoni.

Għal raġunijiet ta' simplifikazzjoni, jista' jiġi deċiż illi l-perjodu li jibda matul xaħar kalendarju jew tliet xhur għandu jintemm fl-aħħar jum ta' xahar kalendarju jew tliet xhur sussegwenti rispettivament.

3. Fejn japplika l-Artikolu 115(1)(b), l-awtoritajiet doganali għandhom jispeċifikaw il-perjodu li matulu l-merkanziji mhux tal-Komunità għandhom jiġu dikjarati għall-proċedura. Dak il-perjodu għandu jibda jgħaddi mid-data ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni dwar il-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin miksuba mill-merkanzija ekwivalenti korrispondenti.

4. Termini ta' żmien speċifiċi jistgħu jiġu stipulati skond il-proċedura tal-kumitat għal ċerti operazzjonijiet ta' l-ipproċessar jew għal ċerta merkanzija importata.

L-Artikolu 119

1. L-awtoritajiet doganali għandhom jistabbilixxu jew ir-rata ta' rendiment ta' l-operazzjoni jew fejn ikun xieraq, il-metodu biex tiġi stabbilita dik ir-rata. Ir-rata ta' rendiment għandha tiġi stabbilita skond il-bażi taċ-ċirkostanzi reali li fihom l-operazzjoni ta' l-ipproċessar titwettaq, jew tkun ser titwettaq.

2. Fejn iċ-ċirkostanzi hekk jitolbu u, partikolarment, fil-każ ta' operazzjoni ta' l-ipproċessar bħas-soltu mwettqa taħt kondizzjonijiet tekniċi definiti biċ-ċar li tinvolvi merkanzija b'karatteristiċi sostanzjalment uniformi u li tirriżulta fil-produzzjoni ta' merkanziji li jikkumpensaw lil xulxin ta' kwalità uniformi, jistgħu jiġu stabbiliti rati standard ta' rendiment skond il-proċedura tal-kumitat skond il-bażi tad-data attwali aċċertata qabel.

L-Artikolu 120

Il-każijiet li fihom u l-kondizzjonijiet li taħthom il-merkanzija fi stat mhux mibdul jew il-merkanziji li jikkumpensaw lil xulxin għandhom jitqiesu li ġew meħlusa għal ċirkolazzjoni libera jistgħu jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat.

L-Artikolu 121

1. Bla ħsara għall-Artikolu 122, meta jiġi inkors dejn doganali, l-ammont ta' dak id-dejn għandu jiġi stabbilit skond il-bażi ta' l-elementi ta' tassazzjoni adatti għall-merkanzija ta' l-importazzjoni fil-ħin ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar it-tqegħid ta' din il-merkanzija taħt il-proċedura ta' l-ipproċessar tad-dħul.

2. Jekk fil-ħin li jsir referenza għalih fil-paragrafu 1 l-merkanziji ta' l-importazzjoni jkunu ssodisfaw il-kondizzjonijiet biex jikkwalifikaw għal trattament preferenzjali tat-tariffa taħt il-kwoti jew limiti tat-tariffa, għandhom ikunu eliġibbli għal kull trattament preferenzjali tat-tariffa li jeżisti fir-rigward ta' merkanziji identiċi fil-ħin ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' ħelsien għal ċirkolazzjoni libera.

L-Artikolu 122

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 121, prodotti li jikkumpensaw lil xulxin:

(a) għandhom ikunu soġġetti għad-dazji fuq l-importazzjoni xierqa għalihom fejn:

- jinħelsu għaċ-ċirkolazzjoni libera u jidhru fuq il-lista adottata skond il-proċedura tal-kumitat, sal-punt li jkunu fi proporzjon mal-parti esportata tal-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin li ma tkunx inkluża f'dik il-lista. Iżda, min ikollu l-awtorizzazzjoni jista' jitlob li d-dazju fuq dawk il-prodotti jiġi stmat bil-mod li ssir referenza għalih fl-Artikolu 121;

- jkunu soġġetti għall-ħlasijiet stabbiliti taħt il-politika agrikola komuni, u dispożizzjonijiet adottati skond il-proċedura tal-kumitat hekk jipprovdu;

(b) għandhom ikunu soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni kalkolati skond ir-regoli applikabbli għall-proċedura doganali kkonċernata jew għal żoni ħielsa jew imħażen ħielsa fejn ikunu ġew imqiegħda taħt arranġament sospensiv jew f'żona ħielsa jew maħżen ħieles;

Iżda,

- il-persuna involuta tista' titlob li d-dazju jiġi stmat skond l-Artikolu 121;

- f'każijiet fejn il-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin ikunu ġew assenjati trattament jew użu approvat mid-dwana msemmi hawn fuq ħlief proċessar taħt il-kontroll doganali, l-ammont ta' dazju intaxxat fuq l-importazzjoni għandu jkun mill-anqas daqs l-ammont kalkolat skond l-Artikolu 121;

(ċ) jistgħu jiġu soġġetti għar-regoli li jirregolaw il-valutazzjoni ta' dazju stipulati taħt il-proċedura għall-ipproċessar taħt il-kontroll doganali fejn il-merkanziji ta' l-importazzjoni setgħu jiġu mqiegħda taħt dik il-proċedura;

(d) għandhom igawdu trattament favorevoli tat-tariffa minħabba l-użu speċjali li għalih huma maħsuba, fejn isir provvediment għal dak it-trattament fil-każ ta'merkanziji importati li jkunu identiċi;

(e) għandhom jitħallew jidħlu mingħajr dazju fuq l-importazzjoni fejn isir dak il-provvediment ta' mingħajr dazju fil-każ ta'merkanziji identiċi importati skond l-Artikolu 184.

IV. Operazzjonijiet ta' l-ipproċessar barra t-territorju doganali tal-Komunità

L-Artikolu 123

1. Xi wħud jew il-prodotti kollha li jikkumpensaw lil xulxin jew merkanziji fl-istat mhux mibdul jistgħu jiġu esportati temporanjament għall-iskop ta' proċessar ieħor barra t-territorju doganali tal-Komunità jekk l-awtorità doganali tawtorizza dan, skond il-kondizzjonijiet stipulati fid-dispożizzjonijiet dwar l-ipproċessar tal-ħruġ.

2. Fejn jiġi inkors dejn doganali fir-rigward ta' prodotti importati mill-ġdid, għandhom japplikaw il-ħlasijiet li ġejjin:

(a) dazji fuq l-importazzjoni fuq il-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin jew merkanzija fl-istat mhux mibdul li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 1, kalkolati skond l-Artikoli 121 u 122; u

(b) dazji fuq l-importazzjoni fuq prodotti importati mill-ġdid wara proċessar barra t-territorju doganali tal-Komunità, li l-ammont tagħhom għandu jiġi kalkolat skond id-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-proċedura ta' l-ipproċessar tal-ħruġ, fuq l-istess kondizzjonijiet li kienu jiġu applikati kieku l-prodotti esportati taħt il-proċedura ta' l-aħħar kienu nħelsu għal ċirkolazzjoni libera qabel ma saret dik l-esportazzjoni.

V. Dispożizzjonijiet speċjali dwar is-sistema drawback

L-Artikolu 124

1. Is-sistema drawback tista' tintuża għall-merkanziji kollha, ħlief għal dawk li, fil-ħin li tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni ta' ħelsien għal ċirkolazzjoni libera:

- huma soġġetti għal restrizzjonijiet ta' importazzjonijiet kwantitattivi,

- jistgħu, taħt kwoti, jikkwalifikaw għal miżura preferenzjali tat-tariffa jew miżura awtonoma sospensiva fit-tifsira ta' l-Artikolu 20(3)(d) sa (f),

- huma soġġetti għal taxxa fuq l-agrikoltura jew xi ħlas ieħor fuq l-importazzjoni li hemm provdut dwaru taħt il-politika agrikola komuni jew skond arranġamenti speċifiċi applikabbli għal ċerti merkanziji bħala riżultat ta' l-ipproċessar ta' prodotti agrikoli.

2. Barra dan, is-sistema drawback tista' tintuża biss jekk ebda rifużjoni ta' l-esportazzjoni ma' ġiet stabbilita għall-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin fil-ħin li tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni ta' ħelsien għal ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija ta' l-importazzjoni.

3. Il-permess sabiex tintuża s-sistema drawback għandu jingħata biss jekk, fil-ħin li tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni tal-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin:

- il-merkanziji ta' l-importazzjoni ma jkunux soġġetti għal wieħed mill-ħlasijiet li ssir referenza għalihom fit-tielet inċiż ta' l-ewwel paragrafu,

- ebda rifużjoni fuq l-esportazzjoni ma ġiet stabbilita għall-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin.

L-Artikolu 125

1. Id-dikjarazzjoni tal-ħelsien għal ċirkolazzjoni libera għandha tindika illi qed tintuża s-sistema drawback u għandha tipprovdi dettalji ta' l-awtorizzazzjoni.

2. Fuq talba ta' l-awtoritajiet doganali, l-imsemmija awtorizzazzjoni għandha tiġi annessa mad-dikjarazzjoni ta' ħelsien għal ċirkolazzjoni libera.

L-Artikolu 126

Taħt is-sistema drawback, l-Artikolu 115(1)(b), (3) u (5), l-Artikolu 118(3), l-Artikoli 120 u 121, l-Artikolu 122(a), it-tieni inċiż, u (ċ), u l-Artikolu 129 m'għandhomx japplikaw.

L-Artikolu 127

Esportazzjoni temporanja ta' prodotti li jikkumpensaw lil xulxin imwettqa kif hemm provdut fl-Artikolu 123(1) m'għandhiex tiġi meqjusa bħala esportazzjoni fit-tifsira ta' l-Artikolu 128 ħlief fejn dawk il-prodotti ma jerġgħux jiġu importati fil-Komunità fil-perjodu preskritt.

L-Artikolu 128

1. Min ikollu l-awtorizzazzjoni jista' jitlob li d-dazju fuq l-importazzjoni jitħallas lura jew jintbagħat meta hu jista' jistabbilixxi għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet doganali illi prodotti li jikkumpensaw lil xulxin miksuba minn merkanziji ta' l-importazzjoni meħlusa għal ċirkolazzjoni libera taħt is-sistema drawback kienu ġew jew:

- esportati, jew

- imqiegħda, bil-għan li jiġu sussegwentement esportati mill-ġdid, taħt proċedura ta' transitu tal-Komunità, il-proċedura tal-magażinaġġ doganali, il-proċedura ta' importazzjoni temporanja jew il-proċedura ta' l-ipproċessar tad-dħul (arranġament sospensiv), jew f'żona ħielsa jew maħżen ħieles,

sakemm il-kondizzjonijiet kollha għall-użu tal-proċedura ġew ukoll issodisfati.

2. Għall-iskopijiet li jiġu assenjati trattament jew użu approvat mid-dwana li ssir referenza għalih fit-tieni paragrafu tal-paragrafu 1, prodotti li jikkumpensaw lil xulxin għandhom jitqiesu bħala merkanziji mhux tal-Komunità.

3. Il-perjodu li fih għandha ssir l-applikazzjoni għall-ħlas lura għandu jiġi stabbilit skond il-proċedura tal-kumitat.

4. Prodotti li jikkumpensaw lil xulxin li jitqiegħdu taħt proċedura doganali jew f'żona ħielsa jew maħżen ħieles skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom jinħelsu għal ċirkolazzjoni libera biss fejn jiġu awtorizzati mill-awtoritajiet doganali, li għandhom jagħtu dik l-awtorizzazzjoni fejn iċ-ċirkostanzi hekk jitolbu.

F'dan il-każ, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 122(b), l-ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni mħallsa lura jew mibgħuta għandu jiġi meqjus li jikkostitwixxi l-ammont tad-dejn doganali.

5. Għall-iskop li jiġi stabbilit l-ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni li għandu jitħallas lura jew jintbagħat, l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 122(a) għandha tapplika mutatis mutandis.

VI. Dispożizzjonijiet oħra

L-Artikolu 129

Il-proċedura ta' l-ipproċessar tad-dħul, li tapplika s-sistema ta' sospensjoni għandha wkoll tapplika sabiex il-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin ikunu jistgħu jikkwalifikaw għal eżenzjoni mid-dazji fuq l-esportazzjoni li għalihom ikunu soġġetti prodotti identiċi miksuba minn merkanzija tal-Komunità minflok merkanzija importata.

E. Proċessar taħt il-kontroll doganali

L-Artikolu 130

Il-proċedura ta' l-ipproċessar taħt il-kontroll doganali għandha tippermetti li merkanziji mhux tal-Komunità jintużaw fit-territorju doganali tal-Komunità f'operazzjonijiet li jbiddlu n-natura jew l-istat tagħhom, mingħajr ma jiġu soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni jew miżuri ta' politika kummerċjali, u għandha tippermetti li l-prodotti li jirriżultaw minn dawk l-operazzjonijiet jinħelsu għal ċirkolazzjoni libera bir-rata ta' dazju fuq l-importazzjoni applikabbli għalihom. Dawk il-prodotti għandhom jissejħu prodotti proċessati.

L-Artikolu 131

Il-lista ta' każijiet li fihom il-proċedura ta' l-ipproċessar taħt il-kontroll doganali tista' tintuża għandha tiġi stabbilita skond il-proċedura tal-kumitat.

L-Artikolu 132

L-awtorizzazzjoni għall-ipproċessar taħt il-kontroll doganali għandha tingħata fuq talba tal-persuna li twettaq l-ipproċessar jew tagħmel l-arranġamenti biex jitwettaq.

L-Artikolu 133

L-awtorizzazzjoni għandha tingħata biss:

(a) lil persuni stabbiliti fil-Komunità;

(b) meta l-merkanziji ta' l-importazzjoni jistgħu jiġu identifikati fil-prodotti proċessati;

(ċ) fejn wara l-ipproċessar il-merkanziji ma jistgħux ekonomikament jitreġġgħu lura għad-deskrizzjoni jew stat tagħhom kif kien meta tqiegħdu taħt il-proċedura;

(d) fejn l-użu tal-proċedura ma jistax jirriżulta f'ħelsien mill-effett tar-regoli rigward oriġini u restrizzjonijiet kwantitattivi applikabbli għal merkanzija importati;

(e) meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet neċessarji sabiex il-proċedura tgħin biex tinħoloq jew tinżamm attività ta' l-ipproċessar fil-Komunità mingħajr ma tolqot ħażin l-interessi essenzjali ta' produtturi tal-Komunità li jipproduċu merkanzija simili (kondizzjonijiet ekonomiċi).

L-Artikolu 134

L-Artikolu 118(1), (2) u (4) u l-Artikolu 119 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

L-Artikolu 135

Fejn jiġi inkors dejn doganali fir-rigward ta' merkanzija fl-istat mhux mibdul jew ta' prodotti li huma fi stadju intermedju ta' l-ipproċessar kif imqabbel ma' dak li hemm provdut dwaru fl-awtorizzazzjoni, l-ammont ta' dak id-dejn għandu jiġi stabbilit skond il-bażi ta' l-oġġetti ta' l-elementi ta' ħlas applikabbli għall-merkanzija ta' l-importazzjoni fil-ħin ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar it-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura ta' l-ipproċessar taħt il-kontroll doganali.

L-Artikolu 136

1. Fejn il-merkanziji impurtati jkunu kkwalifikaw għal trattament preferenzjali tat-tariffa meta ġew imqiegħda taħt il-proċedura ta' l-ipproċessar taħt il-kontroll doganali, u dak it-trattament preferenzjali tat-tariffa huwa applikabbli għal prodotti identiċi għall-prodotti proċessati meħlusa għal ċirkolazzjoni libera, id-dazji doganali li għalihom ikunu soġġetti l-prodotti proċessati għandhom jiġu kalkolati billi tiġi applikata r-rata ta' dazju applikabbli taħt dak it-trattament.

2. Jekk it-trattament preferenzjali tat-tariffa li ssir referenza għalih fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-merkanziji ta' l-importazzjoni huwa soġġett għal kwoti jew limiti tat-tariffa, l-applikazzjoni tar-rata ta' dazju li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-prodotti proċessati għandha tkun soġġetta wkoll għall-kondizzjoni li l-imsemmi trattament preferenzjali tat-tariffa jkun applikabbli għall-merkanzija ta' l-importazzjoni fil-ħin ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-ħelsien għal ċirkolazzjoni libera. F'dan il-każ, il-kwantità tal-merkanzija ta' l-importazzjoni effettivament użata fil-manifattura tal-prodotti proċessati meħlusa għal ċirkolazzjoni libera għandha tiġi addebitata kontra l-kwoti jew limiti tat-tariffa fis-seħħ fil-ħin ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzzjoni ta' ħelsien għal ċirkolazzjoni libera u ebda kwantitajiet m'għandhom jingħaddu kontra kwoti jew limiti tat-tariffa miftuħa fir-rigward ta' prodotti identiċi għall-prodotti proċessati.

F. Importazzjoni temporanja

L-Artikolu 137

Il-proċedura ta' importazzjoni temporanja għandha tippermetti l-użu fit-territorju doganali tal-Komunità, b'eżenzjoni totali jew parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni u mingħajr ma jiġu soġġetti għal miżuri ta' politika kummerċjali ta' merkanzija mhux tal-Komunità maħsuba għall-esportazzjoni mill-ġdid mingħajr ma jkun sarilhom xi tibdil ħlief deprezzament normali minħabba l-użu li jsir minnhom.

L-Artikolu 138

L-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni temporanja għandha tingħata fuq talba tal-persuna li tuża l-merkanzija jew tagħmel l-arranġamenti biex dawn jintużaw.

L-Artikolu 139

L-awtoritajiet doganali għandhom jirrifjutaw li jawtorizzaw l-użu tal-proċedura ta' importazzjoni temporanja meta jkun impossibbli li jiġi żgurat li l-merkanziji ta' l-importazzjoni jistgħu jiġu identifikati.

Iżda, l-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw l-użu tal-proċedura ta' importazzjoni temporanja mingħajr ma jiżguraw li l-merkanziji jistgħu jiġu identifikati meta, minħabba n-natura tal-mertkanziji jew ta' l-operazzjonijiet li għandhom jitwettqu, in-nuqqas ta' miżuri ta' identifikazzjoni ma jistax jagħti lok għal xi abbuż tal-proċedura.

L-Artikolu 140

1. L-awtoritajiet doganali għandhom jistabbilixxu l-perjodu li fih il-prodotti ta' l-importazzjoni jkun jridu jiġu esportati mill-ġdid jew assenjati trattament jew użu ġdid approvat mid-dwana. Dak il-perjodu għandu jkun twil biżżejjed sabiex l-iskop ta' użu awtorizzat ikun jista' jinkiseb.

2. Mingħajr preġudizzju għall-perjodi speċjali stipulati skond l-Artikolu 141, il-perjodu massimu li matulu l-merkanziji jistgħu jibqgħu taħt il-proċedura ta' importazzjoni temporanja għandu jkun ta' 24 xahar. L-awtoritajiet doganali jistgħu, iżda, jistabbilixxu perjodi iqsar bi ftehim mal-persuna involuta.

3. Iżda, meta ċirkostanzi eċċezzjonali hekk jitolbu, l-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq talba tal-persuna involuta u f'limiti raġonevoli, jestendu l-perjodi li ssir referenza għalihom fil-paragrafi 1 u 2 sabiex jippermettu l-użu awtorizzat.

L-Artikolu 141

Il-każ u l-kondizzjonijiet speċjali li taħthom il-proċedura ta' importazzjoni temporanja tista' tintuża b'eżenzjonii totali minn dazji fuq l-importazzjoni għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat.

L-Artikolu 142

1. L-użu tal-proċedura ta' importazzjoni temporanja b'eżenzjoni parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni għandu jingħata fir-rigward ta merkanziji li, filwaqt li jibqgħu l-propjetà ta' persuna stabbilita barra t-territorju doganali tal-Komunità, m'humiex koperti bid-dispożizzjonijiet adottati skond l-Artikolu 141 jew li huma koperti bl-istess dispożizzjonijiet iżda ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet kollha li hemm provdut dwarhom fl-imsemmi Artikolu għall-għoti ta' importazzjoni temporanja b'eżenzjoni totali.

2. Il-lista ta' merkanziji li fir-rigward tagħhom il-proċedura ta' importazzjoni temporanja b'eżenzjoni parzjali minn dazji fuq l-importazzjoni ma tistax tintuża għandha tiġi preparata skond il-proċedura tal-kumitat.

L-Artikolu 143

1. L-ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni li għandu jitħallas fir-rigward ta' merkanziji mqiegħda taħt proċedura temporanja ta' importazzjoni b'eżenzjonu parzjali minn dazji fuq l-importazzjoni għandu jiġi ffissat bħala 3 %, għal kull xahar jew parti minn xahar li matulu l-merkanziji jkunu tqiegħdu taħt il-proċedura ta' importazzjoni temporanja b'eżenzjoni parzjali, ta l-ammont ta' dazji li kien ikollhom jitħallsu fuq l-imsemmija merkanziji kieku ġew meħlusa għal ċirkolazzjoni libera fid-data li fiha tqiegħdu taħt il-proċedura ta' importazzjoni temporanja.

2. L-ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni imponibbli m'għandux jeċċedi dak li kien ikun impost kieku l-merkanziji konċernati kienu ġew meħlusa għal ċirkolazzjoni libera fid-data li fiha kienu tqiegħdu taħt il-proċedura ta' importazzjoni temporanja, filwaqt li ma jittieħed ebda kont ta' xi imgħax li jista' jkun applikabbli.

3. It-trasferiment tad-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-proċedura ta' importazzjoni temporanja skond l-Artikolu 90 m'għandux ifisser illi l-istess arranġamenti ta' witi għandhom jiġu applikati għal kull wieħed mill-perjodi ta' użu li għandu jittieħed kont tiegħu.

4. Fejn it-trasferiment li ssir referenza għalih fil-paragrafu 3 jsir b'eżenzjoni parzjali għaż-żewġ persuni awtorizzati li jużaw il-proċedura matul l-istess xahar, id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni inizjali jkun suġġett għall-ħlas ta' l-ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni dovuti għal dak ix-xahar sħiħ.

L-Artikolu 144

1. Fejn jiġi inkors dejn doganali, fir-rigward ta' merkanzija ta' l-importazzjoni, l-ammont ta' dak id-dejn għandu jiġi stabbilit skond il-bażi ta' l-elementi ta' tassazzjoni applikabbli għal dawk il-merkanziji fil-ħin ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar it-tqegħid tagħhom taħt il-proċedura ta' l-importazzjoni temporanja. Iżda, fejn id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 141 hekk jipprovdu, l-ammont tad-dejn għandu jiġi stabbilit skond il-bażi ta' l-elementi ta' tassazzjoni applikabbli għall-merkanzija konċernata fil-ħin li ssir referenza għalih fl-Artikolu 214.

2. Fejn, għal raġuni ħlief dik tat-tqegħid tal-merkanziji taħt il-proċedura tal-importazzjoni temporanja b'eżenzjoni parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni, jiġi inkors dejn doganali fir-rigward ta' merkanzija mqiegħda taħt l-imsemmija proċedura, l-ammont ta' dak id-dejn għandu jkun daqs id-differenza bejn l-ammont ta' dazji kalkolati skond il-paragrafu 1 u dak li għandu jitħallas skond l-Artikolu 143.

Ġ. Proċessar tal-ħruġ

I. Ġenerali

L-Artikolu 145

1. Il-proċedura ta' l-ipproċessar tal-ħruġ għandha, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw oqsma speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mas-sistema standard ta' bdil stipulata fl-Artikoli 154 sa 159 jew għall-Artikolu 123, tippermetti li merkanziji tal-Komunità jiġu esportati temporanjament mit-territorju doganali tal-Komunità sabiex jgħaddu minn operazzjonijiet ta' l-ipproċessar u l-prodotti li jirriżultaw minn dawk l-operazzjonijiet jiġu meħlusa għal ċirkolazzjoni libera b'eżenzjoni totali jew parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni.

2. L-esportazzjoni temporanja ta' merkanzija tal-Komunità għandha tinvolvi l-applikazzjoni ta' dazji fuq l-esportazzjoni, mizuri ta' politika kummerċjali u formalitajiet oħra għall-ħruġ ta' merkanzija tal-Komunità mit-territorju doganali tal-Komunità.

3. It-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) "merkanziji ta' esportazzjoni temporanja" tfisser merkanziji mqegħda taħt il-proċedura ta' l-ipproċessar tal-ħruġ;

(b) "operazzjonijiet ta' l-ipproċessar" tfisser l-operazzjonijiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 114(2)(ċ), l-ewwel, it-tieni u t-tielet talbiet uffiċjali;

(ċ) "prodotti li jikkumpensaw lil xulxin" tfisser il-prodotti kollha li jirriżultaw minn operazzjonijiet ta' l-ipproċessar;

(d) "rata ta' rendiment" tfisser il-kwantità jew perċentaġġ ta' prodotti li jikkumpensaw lil xulxin miksuba mill-ipproċessar ta' ċerta kwantità ta' merkanziji ta' l-esportazzjoni temporanja.

L-Artikolu 146

1. Il-proċedura ta' l-ipproċessar tal-ħruġ m'għandhiex tkun miftuħa għal merkanziji tal-Komunità:

- li l-esportazzjoni tagħhom tagħti lok għal ħlas lura jew maħfra ta' dazji fuq l-importazzjoni,

- li, qabel l-esportazzjoni, kienu ġew meħlusa għal ċirkolazzjoni libera b'eżenzjoni totali minn dazji fuq l-importazzjoni bis-saħħa ta' l-użu finali tagħhom, sakemm il-kondizzjonijiet għall-għoti ta' dak il-witi jkomplu japplikaw,

- li l-esportazzjoni tagħhom tagħti lok għall-għoti ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni jew li fir-rigward tagħhom vantaġġ finanzjarju ħlief dawk ir-rifużjonijiet jingħata taħt il-politika agrikola komuni bis-saħħa ta' l-esportazzjoni ta' l-imsemmija merkanzija.

2. Iżda, derogi mit-tieni inċiż tal-paragrafu 1 jistgħu jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat.

II. Għoti ta' l-awtorizzazzjoni

L-Artikolu 147

1. L-awtorizzazzjoni biex tintuża l-proċedura ta' l-ipproċessar tal-ħruġ għandha tinħareġ fuq it-talba tal-persuna li tagħmel l-arranġamenti sabiex jitwettqu l-operazzjonijiet ta' l-ipproċessar.

2. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, l-awtorizzazzjoni sabiex tintuża l-proċedura ta' l-ipproċessar tal-ħruġ tista' tingħata lil persona oħra fir-rigward ta' merkanzija ta' oriġini mill-Komunità fit-tifsira tat-Titolu II, il-Kapitolu 2, it-Taqsima 1, fejn l-operazzjoni ta' l-ipproċessar tikkonsisti fl-inkorporazzjoni ta' dawk il-merkanziji f'merkanziji miksuba barra l-Komunità u importati bħala prodotti li jikkumpensaw lil xulxin, sakemm l-użu tal-proċedura jgħin biex tippromwovi l-bejgħ ta' merkanziji ta' l-esportazzjoni mingħajr ma tolqot ħażin l-interessi essenzjali ta' produtturi tal-Komunità ta' prodotti identiċi jew simili għall-prodotti importati li jikkumpensaw lil xulxin.

Il-każijiet li fihom u l-arranġamenti li taħthom għandu japplika s-subparagrafu preċedenti għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat.

L-Artikolu 148

L-awtorizzazzjoni għandha tingħata biss:

(a) lil persuni stabbiliti fil-Komunità;

(b) fejn jitqies li jkun possibbli li jiġi stabbiliti li l-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin irriżultaw mill-ipproċessar tal-merkanziji ta' l-esportazzjoni temporanja.

Il-każijiet li fihom jistgħu japplikaw derogi minn dan is-subparagrafu u l-kondizzjonijiet li taħthom għandhom japplikaw dawk id-derogi għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat.

(ċ) fejn l-awtorizzazzjoni biex tintuża l-proċedura ta' l-ipproċessar tal-ħruġ ma tistax tagħmel ħsara serja lill-interessi essenzjali tal-proċessuri tal-Komunità (kondizzjonijiet ekonomiċi).

III. Operazzjoni tal-proċedura

L-Artikolu 149

1. L-awtoritajiet doganali għandhom jispeċifikaw il-perjodu li matulu l-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin għandhom jiġu importati mill-ġdid fit-territorju doganali tal-Komunità. Huma jistgħu jestendu dak il-perjodu jekk tiġi preżentata talba korrettement sostanzjata mid-detentur ta' l-awtorizzazzjoni.

2. L-awtoritajiet doganali għandhom jistabbilixxu jew ir-rata ta' rendiment ta' l-operazzjoni jew, fejn ikun meħtieġ, il-metodu biex tiġi stabbilita dik ir-rata.

L-Artikolu 150

1. L-eżenzjoni totali jew parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 151(1) għandu jingħata biss fejn il-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin jiġu dikjarati għall-ħelsien għaċ-ċirkolazzjoni libera f'isem jew għan-nom ta':

(a) id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni, jew

(b) kull persuna oħra stabbilita fil-Komunità sakemm dik il-persuna tkun ġabet il-kunsens tad-detentur ta' l-awtorizzazzjoni u l-kondizzjonijiet ta' l-awtorizzazzjoni jiġu ssodisfati.

2. L-eżenzjoni totali jew parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 151 m'għandhomx jingħataw fejn waħda mill-kondizzjonijiet jew obbligazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-proċedura ta' l-ipproċessar tal-ħruġ ma tkunx ġiet issodisfata, sakemm jiġi stabbilit li n-nuqqasijiet m'għandhom ebda effett sinifikattiv fuq l-operazzjoni korretta ta' l-imsemmija proċedura.

L-Artikolu 151

1. L-eżenzjoni totali jew parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 145 għandu jingħata billi mill-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni applikabbli għall-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin meħlusa għal ċirkolazzjoni libera jitnaqqas l-ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni li kien ikun applikabbli fl-istess data għall-merkanziji ta' esportazzjoni temporanja kieku ġew importati fit-territorju doganali tal-Komunità mill-pajjiż li fih ikunu għaddew mill-operazzjoni ta' l-ipproċessar jew l-aħħar operazzjoni ta' l-ipproċessar.

2. L-ammont li għandu jitnaqqas skond il-paragrafu 1 għandu jiġi kalkolat skond il-bażi tal-kwantità u n-natura tal-merkanziji konċernati fid-data ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni li tqegħidhom taħt il-proċedura ta' l-ipproċessar tal-ħruġ u skond il-bażi ta' l-ispejjeż l-oħra applikabbli għalihom fid-data ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar il-ħelsien għal ċirkolazzjoni libera tal-merkanziji li jikkumpensaw lil xulxin.

Il-valur tal-merkanziji ta' l-esportazzjoni temporanja għandu jkun dak li kien ikkunsidrat għal dawk l-merkanziji meta ġie stabbilit il-valur tal-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin skond l-Artikolu 32(1)(b)(i) jew, jekk il-valur ma jistax jiġi stabbilit b'dak il-mod, id-differenza bejn il-valur għad-dwana tal-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin u l-ispejjeż ta' l-ipproċessar stabbiliti b'mezzi raġonevoli.

Iżda,

- ċerti spejjeż stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat m'għandhom ikunu kkunsidrati meta jiġi kkalkulat l-ammont li għandu jitnaqqas;

- fejn, qabel ma tqiegħdu taħt il-proċedura ta' l-ipproċessar tal-ħruġ, il-merkanziji ta' l-esportazzjoni temporanja kienu nħelsu għal ċirkolazzjoni libera b'rata mnaqqsa bis-saħħa ta' l-użu finali tagħhom, u sakemm il-kondizzjonijiet għall-għoti ta' rata mnaqqsa jkomplu japplikaw, l-ammont li għandu jitnaqqas għandu jkun l-ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni effettivament intaxxat meta l-merkanziji ġew meħlusa għal ċirkolazzjoni libera.

3. Fejn merkanziji ta' esportazzjoni temporanja jistgħu jikkwalifikaw mal-ħelsien tagħhom għal ċirkolazzjoni libera għal rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta' dazji bis-saħħa ta' l-użu finali tagħhom, dik ir-rata għandha tkun ikkunsidrata sakemm l-merkanziji għaddew minn operazzjonijiet konsistenti ma' dak l-użu finali fil-pajjiż fejn tkun saret l-operazzjoni ta' l-ipproċessar jew l-aħħar operazzjoni ta' dik ix-xorta.

4. Fejn prodotti li jikkumpensaw lil xulxin jikkwalifikaw għal miżura preferenzjali tat-tariffa fit-tifsira ta' l-Artikolu 20(3)(d) jew (e) u l-miżura teżisti għall-merkanziji li jaqgħu taħt l-istess klassifikazzjoni tat-tariffa tal-merkanziji ta' esportazzjoni temporanja, ir-rata ta' dazju fuq l-importazzjoni li għandu jittieħed kont tagħha meta jiġi stabbilit l-ammont li għandu jitnaqqas skond il-paragrafu 1 għandha tkun dik li kienet tapplika kieku l-merkanziji ta' esportazzjoni temporanja ssodisfaw il-kondizzjonijiet li taħthom tista' tiġi applikata dik il-miżura preferenzjali.

5. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet, adottati jew li jistgħu jiġu adottati fil-kuntest tal-kummerċ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, li jipprovdu għal eżenzjoni minn dazji fuq l-importazzjoni fir-rigward ta' ċerti prodotti li jikkumpensaw lil xulxin.

L-Artikolu 152

1. Fejn l-iskop ta' l-operazzjoni ta' l-ipproċessar huwa t-tiswija ta' merkanziji ta' l-esportazzjoni temporanja, dawn għandhom jinħelsu għal ċirkolazzjoni libera b'eżenzjoni totali minn dazji fuq l-importazzjoni fejn jiġi stabbiliti għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet doganali illi l-merkanziji ssewwew mingħajr ħlas, minħabba obbligazzjoni kontrattwali jew statutorja li toħroġ minn garanzija jew minħabba difett fil-manifattura.

2. Il-paragrafu 1 m'għandux japplika fejn ikun ikun gie kkunsidrat id-difett fil-ħin meta l-merkanziji konċernati kienu nħelsu għall-ewwel darba għaċ-ċirkolazzjoni libera.

L-Artikolu 153

Fejn l-iskop ta' l-operazzjoni ta' l-ipproċessar huwa t-tiswija tal-merkanziji ta' esportazzjoni temporanja u dik it-tiswija titwettaq bi ħlas, l-eżenzjoni parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 145 għandha tingħata billi jiġi stabbilit l-ammont ta' dazji applikabbli skond il-bażi ta' l-elementi ta' tassazzjoni li għandhom x'jaqsmu mal-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin fid-data ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' ħelsien għal ċirkolazzjoni libera ta' dawk il-prodotti waqt li bħala l-valur għad-dwana jkun ikkunsidrat l-ammont li jkun daqs l-ispejjeż tat-tiswija, sakemm dawk l-ispejjeż jirrappreżentaw l-uniku ħlas magħmul mid-detentur ta' l-awtorizzazzjoni u m'humiex influwenzati minn xi konnessjoni bejn dak li għandu l-awtorizzazzjoni u l-operatur.

IV. Proċessar tal-ħruġ bl-użu tas-sistema standard ta' bdil

L-Artikolu 154

1. Taħt il-kondizzjonijiet stipulat f'din it-Taqsima IV li huma applikabbli b'żieda mad-dispożizzjonijiet preċedenti, is-sistema standard ta' bdil għandha tippermetti prodott importat, minn hawn 'l isfel imsejjaħ bħala "prodott sostitut", biex jieħu post prodott li jikkumpensa ieħor.

2. L-awtoritajiet doganali għandhom jippermettu li tintuża s-sistema standard ta' bdil fejn l-operazzjoni ta' l-ipproċessar tinvolvi t-tiswija ta' merkanziji tal-Komunità ħlief dawk soġġetti għall-politika agrikola komuni jew għall-arranġamenti speċifiċi applikabbli għal ċerti merkanziji li jirriżultaw mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli.

3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 159, id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-merkanziji li jikkumpensaw lil xulxin għandhom japplikaw ukoll għal prodotti sostituti.

4. L-awtoritajiet doganali għandhom, taħt il-kondizzjonijiet li jistipulaw, jippermettu li prodotti sostituti jiġu importati qabel il-merkanziji ta' esportazzjoni temporanja jiġu esportati (importazzjoni minn qabel).

Fil-każ ta' importazzjoni minn qabel ta' sostitut, għandha tingħata garanzija biex tkopri l-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni.

L-Artikolu 155

1. Prodotti sostituti għandu jkollhom l-istess klassifikazzjoni tat-tariffa, jkunu ta' l-istess kwalità kummerċjali u jkollhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-merkanziji ta' esportazzjoni temporanja kieku dawn ta' l-aħħar saritilhom it-tiswija konċernata.

2. Fejn il-merkanziji ta' esportazzjoni temporanja kienu ġew użati qabel l-esportazzjoni, il-prodotti sostituti għandhom ukoll ikunu użati u ma jistgħux ikunu prodotti ġodda.

L-awtoritajiet doganali jistgħu, iżda, jagħtu derogi minn din ir-regola jekk il-prodott sostitut ġie provdut mingħajr ħlas minħabba obbligazzjoni kontrattwali jew statutorja li toħroġ minn garanzija jew minħabba difett fil-manifattura.

L-Artikolu 156

Bdil standard għandu jiġi awtorizzat biss fejn ikun possibbli li jiġi verifikat li l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 155 ġew issodisfati.

L-Artikolu 157

1. Fil-każ ta' importazzjoni minn qabel, il-merkanziji ta' l-esportazzjoni għandhom jiġu esportati temporanjament fi żmien xahrejn mid-data ta' l-aċċettazzjoni mill-awtoritajiet doganali tad-dikjarazzjoni dwar il-ħelsien għal ċirkolazzjoni libera tal-prodotti sostituti.

2. Iżda, fejn ċirkostanzi eċċezzjonali hekk jitolbu, l-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq talba tal-persuna interessata, jestendu f'limiti raġonevoli l-perjodu li ssir referenza għalih fil-paragrafu 1.

L-Artikolu 158

Fil-każ ta' importazzjoni minn qabel u fejn jiġi applikat l-Artikolu 151, l-ammont li għandu jitnaqqas għandu jiġi stabbilit skond il-bażi ta' spejjeż applikabbli għall-merkanziji ta' esportazzjoni temporanja fid-data ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni li tqegħidhom taħt il-proċedura.

L-Artikolu 159

L-Artikolu 147(2) u l-Artikolu 148(b) m'għandhomx japplikaw fil-kuntest ta' bdil standard.

V. Dispożizzjoni oħra

L-Artikolu 160

Il-proċeduri li hemm provdut dwarhom fi ħdan il-qafas ta' l-ipproċessar fil-ħruġ għandhom ukoll ikunu applikabbli għall-iskopijiet ta' l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' politika komuni kummerċjali mhux tat-tariffa.

It-Taqsima 4

Esportazzjoni

L-Artikolu 161

1. Il-proċedura ta' l-esportazzjoni għandha tippermetti li merkanziji tal-Komunità jħallu t-territorju doganali tal-Komunità.

L-esportazzjni għandha tinvolvi l-applikazzjoni ta' formalitajiet tal-ħruġ inklużi miżuri ta' politika kummerċjali u, fejn huwa xieraq, dazji fuq l-esportazzjoni.

2. Bl-eċċezzjoni ta' merkanziji mqiegħda taħt il-proċedura ta' l-ipproċessar tal-ħruġ jew proċedura tal-ġarr skond l-Artikolu 163, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 164, il-merkanziji kollha tal-Komunità maħsuba għall-esportazzjoni għandhom jitqiegħdu taħt il-proċedura ta' l-esportazzjoni.

3. Merkanziji mibgħuta lejn Helgoland m'għandhomx jitqiesu bħala merkanziji esportati mit-territorju doganali tal-Komunità.

4. Il-każ li fih u l-kondizzjonijiet li taħthom il-merkanziji li jkunu ħerġin mit-territorju doganali tal-Komunità ma jkunux soġġetti għal dikjarazzjoni ta' esportazzjoni għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura tal-kumitat.

5. Id-dikjarazzjoni ta' esportazzjoni għandha tiġi preżentata fl-uffiċċju doganali responsabbli għas-sorveljanza tal-post fejn l-esportatur huwa stabbilit jew fejn il-merkanziji ġew ippakkjati jew mgħobbija għall-ġarr fuq vapur. Derogi għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat.

L-Artikolu 162

Il-ħelsien għall-esportazzjoni għandu jingħata bil-kondizzjoni li l-merkanziji kkonċernati jħallu t-territorju doganali tal-Komunità fl-istess kondizzjoni bħal meta d-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni ġiet aċċettata.

It-Taqsima 5

Transitu intern

L-Artikolu 163

1. Il-proċedura tal-transitu intern għandha, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 sa 4, tippermetti l-moviment ta' merkanziji tal-Komunità minn post għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità filwaqt li jgħaddu mit-territorju ta' pajjiż terz mingħajr ebda tibdil fl-i status doganali tagħhom. Din id-dispożizzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 91(1)(b).

2. Il-moviment li ssir referenza għalih fil-paragrafu 1 jista' jiġri jew:

(a) taħt il-proċedura ta' transitu intern tal-Komunità, sakemm dik il-possibbiltà jkun hemm provdut dwarha fi ftehim internazzjonali;

(b) taħt il-kopertura ta' ktejjeb TIR (Konvenzjoni TIR);

(ċ) taħt il-kopertura ta' ktejjeb ATA (Konvenzjoni ATA) użat bħala dokument tat-transitu;

(d) taħt il-kopertura tal-Manifest tar-Rhine (L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni tar-Rhine); jew

(e) taħt il-kopertura tal-formola 302 li hemm provdut dwarha fil-ftehim bejn l-Istati li huma parti fit-Trattat ta' l-Atlantiku tat-Tramuntana rigwardanti l-istatus tal-forzi tagħhom, iffirmata f'Londra fid-19 ta' Ġunju 1951; jew

(f) bil-posta (inkluża l-posta tal-pakketti).

3. Fil-każ li ssir referenza għalih fil-paragrafu 2 (a), l-Artikoli 92, 94, 95, 96 u 97 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

4. Fil-każijiet li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 2 (b) sa (f) merkanziji għandhom iżommu l-i status doganali tagħhom biss jekk dak l-i status kien ġie stabbilit taħt il-kondizzjonijiet u fil-forma preskritta mid-dispożizzjonijiet adottati skond il-proċedura tal-kumitat.

L-Artikolu 164

Il-kondizzjonijiet li taħthom merkanziji tal-Komunità jistgħu jiċċaqalqu, mingħajr ma jkunu soġġetti għal proċedura doganali, minn post għal ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità u temporanjament barra minn dak it-territorju mingħajr tibdil fl-i status doganali tagħhom għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat.

L-Artikolu 165

Il-proċedura tat-transitu intern tal-Komunità għandha tapplika wkoll fejn dispożizzjoni tal-Komunità tagħmel dispożizzjoni speċifika għall-applikazzjoni tagħha.

IL-KAPITOLU 3

TIPI OĦRA TA' TRATTAMENT JEW UŻU APPROVATI MID-DWANA

It-Taqsima 1

Żoni ħielsa u mħażen ħielsa

A. Ġenerali

L-Artikolu 166

Żoni ħielsa u mħażen ħielsa għandhom ikunu parti mit-territorju doganali tal-Komunità jew fondi li jinsabu f'dak it-territorju u separati mill-bqija tiegħu li fihom:

(a) merkanziji tal-Komunità jiġu meqjusa, għall-iskop ta' dazji fuq l-importazzjoni u mizuri ta' importazzjoni ta' politika kummerċjali, bħala li ma jkunux fuq it-territorju doganali tal-Komunità, sakemm ma jkunux ġew meħlusa għaċ-ċirkolazzjoni libera jew imqiegħda taħt proċedura oħra doganali jew użati jew ikkonsmati taħt kondizzjonijiet ħlief dawk li hemm provdut dwarhom fir-regolamenti doganali;

(b) merkanziji tal-Komunità li għalihom dik id-dispożizzjoni ssir taħt leġislazzjoni tal-Komunità li tirregola oqsma speċifiċi jikkwalifikaw, bis-saħħa tat-tqegħid tagħhom f'żona ħielsa jew maħżen ħieles, għal miżuri li s-soltu jkunu marbuta ma' l-esportazzjoni ta' merkanziji.

L-Artikolu 167

1. L-Istati Membri jistgħu jindikaw partijiet mit-territorju doganali tal-Komunità bħala żoni ħielsa jew jawtorizzaw it-twaqqif ta' mħażen ħielsa.

2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-arja koperta minn kull żona. Fondi li jkunu ser jiġu indikati bħala mħażen ħielsa għandhom jiġu approvati mill-Istati Membri.

3. Żoni ħielsa għandhom ikunu magħluqa. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-punti ta' dħul u ħruġ ta' kull żona ħielsa jew maħżen ħieles.

4. Il-kostruzzjoni ta' kull bini f'żona ħielsa jkun jeħtieġ l-approvazzjoni minn qabel ta' l-awtoritajiet doganali.

L-Artikolu 168

1. Il-perimetru u l-punti ta' dħul u ħruġ ta' żoni ħielsa u mħażen ħielsa għandhom ikunu soġġetti għal sorveljanza mill-awtoritajiet doganali.

2. Persuni u mezzi ta' trasport li jidħlu u joħorġu minn żona ħielsa jew maħżen ħieles jistgħu jenħtieġu li jgħaddu minn verifika doganali.

3. Aċċess għal żona ħielsa jew maħżen ħieles jista' jiċċaħħad lil persuni li ma jipprovdux kull garanzija neċessarja għal konformità mar-regoli li hemm provdut dwarhom f'dan il-kodiċi.

4. L-awtoritajiet doganali jistgħu jispezzjonaw merkanziji li jkun deħlin, ħerġin jew li ser jibqgħu f'żona ħielsa jew maħzen ħieles. Sabiex ikunu jistgħu jitwettqu dawn il-verifiki, kopja tad-dokument tat-trasport, li għandu jakkumpanja l-merkanziji deħlin jew ħerġin, għandha tingħata lil, jew tinżamm għad-dispożizzjoni ta' l-awtorità doganali minn kull persuna nominata għal dan l-iskop minn dawk l-awtoritajiet. Fejn dawk il-verifiki jkunu meħtieġa, il-merkanziji għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet doganali.

B. Tqegħid ta' merkanziji f'żoni ħielsa jew imħażen ħielsa

L-Artikolu 169

Kemm merkanziji tal-Komunità kif ukoll mhux tal-Komunità jistgħu jitqiegħdu f'żona ħielsa jew maħżen ħieles.

Iżda, l-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu li merkanziji li jkunu ta' perikolu jew x'aktarx li jħassru merkanziji oħrajn jew li, għal raġunijiet oħra, jeħtieġu faċilitajiet speċjali jitqiegħdu f'fondi attrezzati apposta biex jirċevuhom.

L-Artikolu 170

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 168(4), merkanziji li jidħlu f'żona ħielsa jew maħżen ħieles m'hemmx għalfejn jiġu preżentati lill-awtoritajiet doganali, anqas ma jkun meħtieġ li tiġi prezentata dikjarazzjoni doganali.

2. Il-merkanziji għandhom jiġu preżentati lill-awtoritajiet doganali u jgħaddu mill-formalitajiet preskritti doganali biss fejn:

(a) ikunu tqiegħdu taħt proċedura doganali li tkun twettqet meta jidħlu f'żona ħielsa jew maħżen ħieles; iżda, fejn il-proċedura doganali konċernata tippermetti eżenzjoni mill-obbligu li jiġu preżentati l-merkanziji, dik il-preżentazzjoni m'għandhiex tkun meħtieġa;

(b) ikunu tqiegħdu f'żona ħielsa jew maħżen ħieles fuq l-awtorità ta' deċiżjoni li jingħata ħlas lura jew remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni;

(ċ) il-kwalità għall-miżuri li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 166(b).

3. L-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu li merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-esportazzjoni jew għal dispożizzjonijiet oħra ta' l-esportazzjoni jiġu notifikati lid-dipartiment doganali.

4. Fuq talba tal-parti interessata, l-awtoritajiet doganali għandhom jiċċertifikaw l-i status tal-Komunità jew mhux tal-Komunità ta' merkanziji li jkunu tqiegħdu f'żona ħielsa jew maħżen ħieles.

Ċ. Operazzjoni ta' żoni ħielsa u mħażen ħielsa

L-Artikolu 171

1. M'għandu jkun hemm ebda limitu għat-tul ta' żmien li l-merkanziji jkunu jistgħu jibqgħu f'żoni ħielsa jew imħażen ħielsa.

2. Għal ċerti merkanziji li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 166(b) li huma koperti mill-politika agrikola komuni, termini ta' żmien speċifiċi jistgħu jiġu imposti skond il-proċedura tal-kumitat.

L-Artikolu 172

1. Kull attività industrijali, kummerċjali jew ta' servizz għandha, taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dan il-Kodiċi, tkun awtorizzata f'żona ħielsa jew maħżen ħieles. It-twettiq ta' dawk l-attivitajiet għandu jiġi notifikat minn qabel lill-awtoritajiet doganali.

2. L-awtoritajiet doganali jistgħu jimponu ċerti projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1, wara li jiġu kkunsidrati n-natura tal-merkanziji involuti jew il-ħtiġijiet ta' sorveljanza doganali.

3. L-awtoritajiet doganali jistgħu jipprojbixxu lil persuni li ma jipprovdux il-garanziji neċessarji ta' konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati f'dan il-Kodiċi milli jwettqu attività f'żona ħielsa jew maħżen ħieles.

L-Artikolu 173

Merkanziji mhux tal-Komunità mqiegħda f'żona ħielsa jew maħżen ħieles jistgħu, sakemm jibqgħu f'żona ħielsa jew maħżen ħieles:

(a) jinħelsu għal ċirkolazzjoni libera taħt il-kondizzjonijiet stipulat minn dik il-proċedura u mill-Artikolu 178;

(b) jgħaddu mill-metodi ta' l-immaniġġjar tas-soltu li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 109(1) mingħajr awtorizzazzjoni;

(ċ) jitqegħdu taħt il-proċedura ta' l-ipproċessar tad-dħul taħt il-kondizzjonijiet stipulati minn dik il-proċedura.

Iżda, l-operazzjonijiet ta' l-ipproċessar fit-territorju tal-port ħieles il-qadim ta' Hamburg, fiż-żoni ħielsa tal-Gżejjer Kanarji, Ażores, Madejra u dipartimenti barra mill-pajjiż m'għandhomx ikunu soġġetti għal kondizzjonijiet ekonomiċi.

Iżda, fir-rigward tal-port ħieles il-qadim ta' Ħamburg, jekk il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni f'settur ekonomiku speċifiku fil-Komunità jintlaqtu bħala riżultat ta' din id-deroga, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi li l-kondizzjonijiet ekonomiċi għandhom japplikaw għall-attività ekonomika korrispondenti fit-territorju tal-port ħieles il-qadim ta' Ħamburg;

(d) jitqegħdu taħt il-proċedura għall-ipproċessar taħt il-kontroll doganali taħt il-kondizzjonijiet stipulati minn dik il-proċedura;

(e) jitqegħdu taħt il-proċedura ta' importazzjoni temporanja taħt il-kondizzjonijiet stipulati minn dik il-proċedura;

(f) jiġu abbandunati skond l-Artikolu 182;

(g) jinqerdu, sakemm il-persuna interessata tipprovdi lill-awtoritajiet doganali bl-informazzjoni kollha li huma jqisu li tkun meħtieġa.

Fejn merkanziji jitqiegħdu taħt waħda mill-proċeduri li ssir referenza għalihom f'(ċ), (d) jew (e), l-Istati Membri jistgħu, sakemm ikun neċessarju sabiex jitqiesu l-kondizzjonijiet ta' l-operat u tas-sorveljanza doganali taż-żoni ħielsa jew imħażen ħielsa, jadattaw l-arranġamenti ta' kontroll stipulati.

L-Artikolu 174

Il-merkanziji tal-Komunità li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 166(b) li huma koperti bil-politika agrikola komuni għandhom jgħaddu biss mill-metodi ta' l-immaniġġjar espressament preskritti għal dawk l-merkanziji skond l-Artikolu 109(2). Immaniġġjar bħal dak jista' jsir mingħajr awtorizzazzjoni.

L-Artikolu 175

1. Fejn l-Artikoli 173 u 174 ma jiġux applikati, merkanziji mhux tal-Komunità u l-merkanziji tal-Komunità li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 166(b) m'għandhomx jiġu kkonsmati jew użati f'żoni ħielsa jew f'imħażen ħielsa.

2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet applikabbli għal provisti jew ħażniet, fejn il-proċedura involuta hekk tipprovdi, il-paragrafu 1 m'għandux jipprekludi l-użu jew il-konsum ta' merkanziji li l-ħelsien tagħhom għal ċirkolazzjoni libera jew importazzjoni temporanja tagħhom tkun tinvolvi l-applikazzjoni ta' dazji fuq l-importazzjoni jew miżuri taħt il-politika agrikola komuni jew politika kummerċjali. F'dak il-każ, ebda dikjarazzjoni ta' ħelsien għal ċirkolazzjoni libera jew importazzjoni temporanja ma tkun meħtieġa.

Dikjarazzjoni bħal dik għandha, iżda, tkun meħtieġa jekk dawk il-merkanziji jkunu ser jiġu addebitati kontra xi kwota jew limitu.

L-Artikolu 176

1. Il-persuni kollha li jwettqu xi attività li tinvolvi l-ħażna, xogħol jew ipproċessar, jew bejgħ jew xiri ta' merkanziji f'żona ħielsa jew maħżen ħieles għandhom iżommu dokumenti tal-ħażniet f'forma approvata mill-awtoritajiet doganali. Il-merkanziji għandhom jiddaħħlu fid-dokumenti tal-ħażniet hekk kif jinġiebu fil-fond ta' dik il-persuna. Id-dokumenti tal-ħażniet għandhom jagħmluha possibbli li l-awtoritajiet doganali jidentifikaw il-merkanziji, u għandhom iżommu nota tal-movimenti tagħhom.

2. Fejn merkanziji jiġu trasbordati f'żona ħielsa, id-dokumenti dwar l-operazzjoni għandhom jinżammu għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet doganali. Il-ħażna ta' merkanziji għal żmien qasir fir-rigward ta' dak it-trasbord għandu jiġi kkunsidrat bħala parti integrali mill-operazzjoni.

D. Tneħħija ta' merkanziji minn żoni ħielsa jew imħażen ħielsa

L-Artikolu 177

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali adottati taħt leġislazzjoni doganali li jirregolaw oqsma speċifiċi, merkanziji li jkunu ħerġin minn żona ħielsa jew maħżen ħieles jistgħu:

- jiġu esportati jew esportati mill-ġdid mit-territorju doganali tal-Komunità, jew

- jiddaħħlu f'parti oħra tat-territorju doganali tal-Komunità.

Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikoli 48 sa 53 fejn huma involuti merkanziji tal-Komunità, għandhom japplikaw għall-merkanziji li jiddaħħlu f'partijiet oħra ta' dak it-territorju ħlief fil-każ ta' merkanziji li jħallu dik iż-żona bil-baħar jew bl-ajru mingħajr ma jitqiegħdu taħt proċedura ta' transitu jew proċedura oħra doganali.

L-Artikolu 178

1. Fejn dejn doganali jiġi inkors fir-rigward ta' merkanziji mhux tal-Komunità u l-valur għad-dwana ta' dawk il-merkanziji huwa bbażat fuq prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas li jinkludi l-ispejjez tal-magażinaġġ jew tal-preservazzjoni tal-merkanziji sakemm jibqgħu fiż-żona ħielsa jew maħżen ħieles, dawk l-ispejjez m'għandhomx jiġu inklużi fil-valur għad-dwana jekk jintwerew separatament mill-prezz effetivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanziji.

2. Fejn l-imsemmija merkanziji jkunu għaddew minn, f'żona ħielsa jew maħżen ħieles, wieħed mill-metodi tas-soltu ta' l-immaniġġjar fit-tifsira ta l-Artikolu 109(1), in-natura tal-merkanziji, il-valur għad-dwana u l-kwantità li għandu jittieħed kont tagħhom meta jiġi stabbilit l-ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni għandhom, fuq talba ta' min jagħmel id-dikjarazzjoni u sakemm dak l-immaniġġjar kien kopert b'awtorizzazzjoni mogħtija skond il-paragrafu 3 ta' dak l-Artikolu, jkunu dawk li kien jittieħed kont tagħhom fir-rigward ta' dawk il-merkanziji, fil-ħin li ssir referenza għalih fl-Artikolu 214, kieku m'għaddewx minn dak l-immaniġġjar. Derogi minn din id-dispożizzjoni tista', iżda, tiġi stabbilita skond il-proċedura tal-kumitat.

L-Artikolu 179

1. Merkanziji tal-Komunità li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 166(b) li huma koperti bil-politika agrikola komuni u jitqiegħdu f'żona ħielsa jew maħżen ħieles għandhom jiġu assenjati trattament jew użu li hemm provdut dwaru fir-regoli li taħthom ikunu eliġibbli, bis-saħħa tat-tqegħid tagħhom f'żona ħielsa jew maħżen ħieles, għal miżuri normalment konnessi ma' l-esportazzjoni ta' merkanziji bħal dawk.

2. Jekk dawk il-merkanziji jiġu ritornati lejn parti oħra tat-territorju doganali tal-Komunità, jew jekk ebda applikazzjoni biex jiġu assenjati trattament jew użu li ssir referenza għalih fil-paragrafu 1 ma tkun saret sa' l-għeluq tal-perjodu preskritt bis-saħħa ta' L-Artikolu 171 (2), l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu l-miżuri stipulati mill-leġislazzjoni relevanti li tirregola l-oqsma speċifiċi dwar in-nuqqas ta' konformità mat-trattament jew użu speċifikat.

L-Artikolu 180

1. Fejn merkanziji jiddaħħlu jew jiġu ritornati f'parti oħra tat-territorju doganali tal-Komunità jew jitqiegħdu taħt proċedura doganali, iċ-ċertifikat li ssir referenza għalih fl-Artikolu 170(4) jista' jintuża bħala prova ta' l-i status tal-Komunità jew mhux tal-Komunità ta' dawk il-merkanziji.

2. Fejn ma jiġix pruvat miċ-ċertifikat jew mezzi oħra li l-merkanziji għandhom status tal-Komunità jew mhux tal-Komunità, il-merkanziji għandhom jitqiesu li huma:

- merkanziji tal-Komunità, għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni ta' dazji fuq l-esportazzjoni u liċenzji għall-esportazzjoni jew miżuri ta' l-esportazzjoni stipulati taħt il-politika kummerċjali;

- merkanziji mhux tal-Komunità fil-każijiet l-oħra kollha.

L-Artikolu 181

L-awtoritajiet doganali għandhom jissodisfaw ruħhom li r-regoli li jiggvernaw l-esportazzjoni u l-esportazzjoni mill-ġdid jiġu rispettati fejn merkanziji jiġu esportati jew esportati mill-ġdid minn żona ħielsa jew maħżen ħieles.

It-Taqsima 2

Esportazzjoni mill-ġdid, qerda u abbandun

L-Artikolu 182

1. Merkanziji mhux tal-Komunità jistgħu:

- jiġu esportati mill-ġdid mit-territorju doganali tal-Komunità;

- jinqerdu;

- jiġu abbandunati lit-Teżor fejn il-leġislazzjoni nazzjonali tipprovdi b'dak il-mod.

2. L-esportazzjoni mill-ġdid għandha, fejn ikun xieraq, tinvolvi l-applikazzjoni tal-formalitajiet stipulati għal merkanziji li jkunu ħerġin, inklużi miżuri ta' politika kummerċjali.

Il-każijiet li fihom merkanziji mhux tal-Komunità jistgħu jitqiegħdu taħt arranġament sospensiv bil-għan li ma jiġux applikati mizuri ta' politika kummerċjali meta jiġu esportati jistgħu jiġu deċiżi skond il-proċedura tal-kumitat.

3. L-esportazzjoni mill-ġdid jew il-qerda għandha tkun is-suġġett ta' notifika minn qabel lill-awtoritajiet doganali. L-awtoritajiet doganali għandhom jipprojbixxu l-esportazzjoni mill-ġdid jekk il-formalitajiet jew miżuri li ssir referenza għalihom fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 hekk jipprovdu. Fejn merkanziji mqiegħda taħt proċedura ekonomika doganali waqt li jkunu fuq it-territorju doganali tal-Komunità jkunu intiżi għall-esportazzjoni mill-ġdid, għandha tiġi preżentata dikjarazzjoni doganali fit-tifsira ta' l-Artikoli 59 sa 78. F'dawk il-każijiet, l-Artikoli 161(4) u (5) għandhom japplikaw.

L-abbandun għandu jidħol fis-seħħ skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

4. Il-qerda jew l-abbandun m'għandhomx jinvolvu xi spiża għat-Teżor.

5. Kull skart jew prodott mormi li jirriżulta mid-distruzzjoni għandhom jiġu assenjati trattament jew użu preskritt għal merkanziji mhux tal-Komunità.

Għandhom jibqgħu taħt is-sorveljanza doganali saż-żmien stipulat fl-Artikolu 37(2).

IT-TITOLU V

MERKANZIJI LI JKUNU ĦERĠIN MIT-TERRITORJU DOGANALI TAL-KOMUNITÀ

L-Artikolu 183

Merkanziji li jkunu ħerġin mit-territorju doganali tal-Komunità għandhom ikunu soġġetti għas-sorveljanza doganali. Jistgħu ikunu s-suġġett ta' verifiki mill-awtoritajiet doganali skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ. Għandhom joħorgu mill-imsemmi territorju billi jużaw, fejn ikun xieraq, ir-rotta stabbilita mill-awtoritajiet doganali u skond il-proċeduri stipulati minn dawk l-awtoritajiet.

IT-TITOLU VI

OPERAZZJONIJIET PRIVILEĠĠATI

IL-KAPITOLU 1

EŻENZJONI MID-DAZJI DOGANALI

L-Artikolu 184

Il-Kunsill għandu, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jistabbilixxi l-każijiet li fihom, minħabba ċirkostanzi speċjali, eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandha tingħata fejn merkanziji jiġu meħlusa għal ċirkolazzjoni libera jew jiġu esportati.

IL-KAPITOLU 2

OĠĠETTI MIĠJUBA LURA

L-Artikolu 185

1. Merkanziji tal-Komunità li, wara li jkunu ġew esportati mit-territorju doganali tal-Komunità, jiġiebu lura f'dak it-territorju u jinħelsu għal ċirkolazzjoni libera fi żmien tliet snin għandhom, fuq it-talba tal-persuna interessata, jingħataw eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni.

Iżda:

- il-perjodu ta' tliet snin jista' jinqabeż sabiex jittieħed kont ta' ċirkostanzi speċjali;

- fejn, qabel l-esportazzjoni tagħhom mit-territorju doganali tal-Komunità, il-merkanziji miġjuba lura kienu nħelsu għal ċirkolazzjoni libera b'rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta' dazju fuq l-importazzjoni minħabba l-użu tagħhom għal skop partikolari l-eżenzjoni mid-dazju taħt il-paragrafu 1 għandha tingħata biss jekk ikunu ser jiġu importati mill-ġdid għall-istess skop.

Fejn l-iskop li għalihom il-merkanziji konċernati jkunu ser jiġu impurtati ma jibqax l-istess, l-ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni imponibbli fuqhom għandu jitnaqqas b'kull ammont intaxxat fuq il-merkanziji meta nħelsu għal ċirkolazzjoni libera għall-ewwel darba. Jekk l-ammont ta' l-aħħar jeċċedi dak intaxxat fuq id-dħul għal ċirkolazzjoni libera tal-merkanziji ritornati, ebda rifużjoni m'għandha tingħata.

2. L-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni li hemm provdut dwarha fil-paragrafu 1 m'għandhiex tingħata fil-każ ta':

(a) merkanziji esportati mit-territorju doganali tal-Komunità taħt il-proċedura ta' l-ipproċessar tal-ħruġ ħlief jekk dawk il-merkanziji jibqgħu fl-istat li fih ġew esportati;

(b) merkanziji li kienu s-suġġett ta' miżura tal-Komunità li kienet tinvolvi l-esportazzjoni tagħhom lejn pajjiżi terzi. Iċ-ċirkostanzi li fihom u l-kondizzjonijiet li taħthom dan ir-rekwiżiit jista' jiġi rtirat għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat.

L-Artikolu 186

L-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni li hemm provdut dwarha fl-Artikolu 185 għandha tingħata biss jekk merkanziji jiġu importati mill-ġdid fl-istat li fih ġew esportati. Iċ-ċirkostanzi li fihom u l-kondizzjonijiet li taħthom dan ir-rekwiżit jista' jiġi irtirat għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat.

L-Artikolu 187

L-Artikoli 185 u 186 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin oriġinarjament esportati jew esportati mill-ġdid wara proċedura ta' l-ipproċessar tad-dħul.

L-ammont ta' dazju fuq l-importazzjoni legalment dovut għandu jiġi stabbilit skond il-bażi tar-regoli applikabbli taħt il-proċedura ta' l-ipproċessar tad-dħul, bid-data ta' l-esportazzjoni mill-ġdid tinħeles bħala d-data ta' ħelsien għal ċirkolazzjoni libera.

IL-KAPITOLU 3

PRODOTTI TAS-SAJD FIL-BAĦAR U PRODOTTI OĦRA MEĦUDA MILL-BAĦAR

L-Artikolu 188

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23(1)(f), dawn li ġejjin għandhom jiġu eżentati mid-dazji fuq l-importazzjoni meta jinħelsu għal ċirkolazzjoni libera:

(a) prodotti tas-sajd fil-baħar u prodotti oħra meħuda mill-baħar territorjali ta' pajjiż terz minn bastimenti reġistrati jew imniżżla fi Stat Membru u li jtajjru l-bandiera ta' dak l-istat;

(b) prodotti miksuba minn prodotti li ssir referenza għalihom taħt (a) abbord bastimenti fabbriki li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati f'dak is-subparagrafu.

IT-TITOLU VII

DEJN DOGANALI

IL-KAPITOLU 1

GARANZIJA SABIEX TKOPRI DEJN DOGANALI

L-Artikolu 189

1. Fejn, skond ir-regoli doganali, l-awtoritajiet doganali jkunu jeħtieġu li tiġi provduta garanzija sabiex tiżgura l-ħlas ta' dejn doganali, dik il-garanzija għandha tingħata mill-persuna li tkun responsabbli jew li tista' ssir responsabbli għal dak id-dejn.

2. L-awtoritajiet doganali għandhom jitolbu li tiġi pprovduta garanzija waħda biss fir-rigward ta' dejn wieħed doganali.

Fejn tiġi pprovduta garanzija taħt proċedura doganali li tista' tintuża għal merkanziji speċifiċi f'diversi Stati Membri, dik il-garanzija għandha, kif huwa stipulat fid-dispożizzjonijiet adottati taħt il-proċedura tal-kumitat, tkun valida fl-Istati Membri involuti.

3. L-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw li l-garanzija tiġi pprovduta minn persuna oħra li ma tkunx il-persuna li mingħandha tkun meħtieġa.

4. Fejn il-persuna li nkorriet jew li tista' tinkorri dejn doganali tkun awtorità pubblika, ebda garanzija m'għandha tkun meħtieġa.

5. L-awtoritajiet doganali jistgħu jirrinunzjaw għall-ħtieġa li tiġi provduta garanzija fejn l-ammont li għandu jiġi garantit ma jeċċedix ECU 500.

L-Artikolu 190

1. Fejn il-legislazzjoni doganali tipprovdi li l-għoti ta' garanzija ma jkunx obbligatorju, dik il-garanzija għandha tkun meħtieġa fid-diskrezzjoni ta' l-awtoritajiet doganali sakemm iqisu li dejn doganali li ġie inkors jew li jista' jiġi inkors mhux żgur li jitħallas fil-perjodu ta' żmien preskritt.

Fejn il-garanzija li ssir referenza għaliha fis-subparagrafu preċedenti ma tkunx meħtieġa, l-awtoritajiet doganali jistgħu xorta waħda jitolbu mingħand il-persuna li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 189(1) wegħda li timxi ma' l-obligazzjonijiet li dik il-persuna tkun legalment obbligata li tissodisfa.

2. Il-garanzija li ssir referenza għaliha fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandha tkun meħtieġa:

- fil-ħin ta' l-applikazzjoni tar-regoli li jkunu jeħtieġu li dik il-garanzija tiġi provduta, jew

- f'kull ħin sussegwenti meta l-awtoritajiet doganali jsibu li d-dejn doganali li ġie inkors jew li jista' jiġi inkors mhux ċert li jkun ser jitħallas fil-perjodu preskritt.

L-Artikolu 191

Fuq it-talba tal-persuna li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 189(1) jew (3), l-awtoritajiet doganali għandhom jippermettu li tiġi pprovduta garanzija komprensiva biex tkopri żewg operazzjonijiet jew aktar li fir-rigward tagħhom ikun ġie inkors jew jista' jiġi inkors dejn doganali.

L-Artikolu 192

1. Fejn il-leġislazzjoni doganali tagħmilha obbligatorja li tiġi pprovduta garanzija, l-awtoritajiet doganali għandhom jistabbilixxu l-ammont ta' dik il-garanzija f'livell ekwivalenti:

- għall-ammont preċiż tad-dejn jew djun doganali konċernat fejn dak l-ammont jista' jiġi stabbilit b'ċertezza fil-ħin meta l-garanzija tkun meħtieġa,

- f'każijiet oħra għall-ammont massimu, kif kalkolat mill-awtoritajiet doganali, tad-dejn jew djun doganali li gew inkorsi jew li jistgħu jiġu inkorsi.

Fejn tiġi provduta garanzija komprensiva għal djun doganali li jvarjaw fl-ammont matul iż-żmien, l-ammont ta' dik il-garanzija għandu jiġi stabbiliti f'livell li jagħmilha possibbli li d-djun doganali konċernati jkunu koperti f'kull ħin.

2. Fejn il-leġislazzjoni doganali tipprovdi li l-għoti ta' garanzija ma jkunx obbligatorju u l-awtoritajiet doganali jitolbu li l-garanzija tiġi provduta, l-ammont tal-garanzija għandu jiġi stabbiliti minn dawk l-awtoritajiet sabiex ma jeċċedix il-livell li hemm provdut dwaru fil-paragrafu 1.

3. Iċ-ċirkostanzi li fihom u l-kondizzjonijiet li taħthom tista' tiġi pprovduta garanzija b'rata fissa għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat.

L-Artikolu 193

Garanzija tista' tiġi pprovduta permezz ta':

- depożitu fi flus kontanti, jew

- garanti.

L-Artikolu 194

1. Depożitu fi flus kontanti għandu jsir fil-valuta ta' l-Istat Membru li fih il-garanzija tkun meħtieġa.

Is-segwenti għandhom jiġu meqjusa bħala ekwivalenti għal depożitu fi flus kontanti:

- il-preżentazzjoni ta' ċekk li l-ħlas tiegħu jkun garantit mill-istituzzjoni li fuqha jkun miġbud b'kull mod aċċettabbli għall-awtoritajiet doganali,

- preżentazzjoni ta' kull strument ieħor rikonoxxut minn dawk l-awtoritajiet bħala metodu ta' pagament.

2. Garanzija fl-għamla ta' depożitu fi flus kontanti jew ħlas meqjus ekwivalenti għal depożitu fi flus kontanti għandha tingħata skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih il-garanzija tkun meħtieġa.

L-Artikolu 195

Il-garanti għandu jintrabat bil-miktub li jħallas flimkien u separatament mad-debitur l-ammont garantit ta' dejn doganali li jasal iż-żmien li jitħallas.

Il-garanti għandha tkun terza persuna stabbilita fil-Komunità u approvata mill-awtoritajiet doganali ta' l-Istat Membru.

L-awtoritajiet doganali jistgħu jirrifjutaw li japprovaw il-garanti jew it-tip ta' garanzija proposta fejn din ta' l-aħħar ma tidhirx ċerta li tiżgura l-ħlas tad-dejn doganali fil-perjodu preskritt.

L-Artikolu 196

Il-persuna li tkun meħtieġa li tipprovdi garanzija għandha tkun libera li tagħżel bejn it-tipi ta' garanzija stipulati fl-Artikolu 193.

Iżda, l-awtoritajiet doganali jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw it-tip ta' garanzija proposta fejn din tkun inkompatibbli mal-funzjonament korrett tal-proċedura doganali involuta. L-istess għandu japplika fir-rigward tal-garanzija proposta. L-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu li t-tip ta' garanzija magħżula tinżamm għal perjodu speċifiku.

L-Artikolu 197

1. Fejn ir-regoli adottati skond il-proċedura tal-Kumitat hekk jipprovdu, l-awtoritajiet doganali jistgħu jaċċettaw tipi oħra ta' garanziji barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 193 fejn dawn jipprovdu assigurazzjoni ekwivalenti li d-dejn doganali jitħallas.

L-awtoritajiet doganali għandhom jirrifjutaw il-garanzija proposta mid-debitur fejn ma jqisux li dik il-garanzija hija ċerta li tiżgura l-ħlas tad-dejn doganali.

2. Bla ħsara għar-riserva li ssir referenza għaliha fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet doganali jistgħu jaċċettaw depożitu fi flus kontanti mingħajr ma jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 194(1).

L-Artikolu 198

Fejn l-awtoritajiet doganali jistabbilixxu li l-garanzija pprovduta ma tiżgurax, jew m'għadhiex ċerta jew suffiċjenti biex tiżgura, il-ħlas tad-dejn doganali fil-perjodu preskritt, għandhom jitolbu lill-persuna li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 189(1), li jkollha d-dritt li tagħżel, li tipprovdi garanzija addizzjonali jew li tibdel il-garanzija oriġinali b'garanzija ġdida.

L-Artikolu 199

1. Il-garanzija m'għandhiex tinħeles sakemm id-dazju doganali li fir-rigward tiegħu tkun ingħatat jingħalaq jew ma jkunx jista' jinqala' aktar. Ladarba d-dejn doganali jkun ingħalaq jew ma jkunx jista' jinqala' aktar, il-garanzija għandha tinħeles minnufih.

2. Ladarba d-dejn doganali jkun ingħalaq parti minnu jew jista' jinqala' biss fir-rigward ta' parti mill-ammont li jkun ġie garantit, parti mill-garanzija għandha għalhekk tiġi meħlusa fuq talba tal-persuna interessata, sakemm l-ammont involut ma jiġġustifikax tali azzjoni.

L-Artikolu 200

Id-dispożizzjonijiet li jidderogaw minn dawk li jinsabu f'dan il-Kapitolu għandhom, fejn ikun meħtieġ, jiġu adottati skond il-proċedura tal-Kumitat sabiex jittieħed kont ta' konvenzjonijiet internazzjonali.

IL-KAPITOLU 2

META JIĠI INKORS DEJN DOGANALI

L-Artikolu 201

1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

(a) tal-ħelsien għal ċirkolazzjoni libera ta' merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, jew

(b) tat-tqegħid ta' dawk il-merkanziji taħt proċedura ta' importazzjoni temporanja b'eżenzjoni parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni.

2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-ħin ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali konċernata.

3. Id-debitur għandu jkun id-dikjarant. F'każ ta' rappreżentazzjoni indiretta, il-persuna li għan-nom tagħha tkun saret id-dikjarazzjoni doganali għandha wkoll tkun debitur.

Fejn dikjarazzjoni doganali fir-rigward ta' waħda mill-proċeduri li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 issir skond il-bażi ta' informazzjoni li twassal sabiex id-dazji kollha legalment dovuti jew parti minnhom ma jinġabrux, il-persuni li jkunu pprovdew l-informazzjoni meħtieġa biex saret id-dikjarazzjoni u li kienu jafu, jew raġonevolment kellhom ikunu jafu li dik l-informazzjoni kienet falza, jistgħu wkoll jitqiesu bħala debituri skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ.

L-Artikolu 202

1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz ta':

(a) l-introduzzjoni kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Komunità ta' merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, jew

(b) l-introduzzjoni kontra l-liġi f'parti oħra ta' dak it-territorju ta' dawk il-merkanziji li jkunu jinsabu f'żona ħielsa jew maħżen ħieles.

Għall-iskop ta' dan l-Artikolu, introduzzjoni kontra l-liġi tfisser kull introduzzjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 38 sa 41 u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 177.

2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jiġu introdotti kontra l-liġi.

3. Id-debituri għandhom ikunu:

- il-persuna li tkun introduċiet dawk l-merkanziji kontra l-liġi,

- kull persuna li tkun ipparteċipat fl-introduzzjoni kontra l-liġi tal-merkanziji u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li tali introduzzjoni kienet kontra l-liġi, u

- kull persuna li akkwistat jew żammet il-merkanziji konċernati u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf fil-ħin li akkwistat jew irċeviet il-merkanziji li dawn kienu ġew introdotti kontra l-liġi.

L-Artikolu 203

1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

- tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta' merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.

2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali.

3. Id-debituri għandhom ikunu:

- il-persuna li tkun neħħiet il-merkanziji minn taħt is-sorveljanza doganali,

- kull persuna li tkun ipparteċipat f'dik it-tneħħija u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li l-merkanziji kienu qed jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali, u

- kull persuna li akkwistat jew żammet il-merkanziji konċernati u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf fil-ħin li akkwistat jew irċeviet il-merkanziji li kienu tneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali, u

- fejn ikun xieraq, il-persuna li tkun meħtieġa li tissodisfa l-obbligazzjonijiet li jinqalgħu mill-ħażna temporanja tal-merkanziji jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha kienu tqiegħdu dawk il-merkanziji.

L-Artikolu 204

1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

(a) tan-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' wieħed mill-obbligi li jinqalgħu, fir-rigward ta' merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqiegħdu, jew

(b) tan-nuqqas ta' konformità ma' kondizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanziji taħt dik il-proċedura jew l-għoti ta' rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta' dazju fuq l-importazzjoni bis-saħħa ta' l-użu finali tal-merkanziji,

f'każijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 203 ħlief meta jiġi stabbilit li dawk in-nuqqasijiet m'għandhom ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-ħażna temporanja jew proċedura doganali konċernata.

2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors jew fil-mument meta l-obbligazzjoni li n-nuqqas ta' l-eżekuzzjoni tagħha tagħti lok għad-dejn doganali ma tiġix issodisfata jew fil-mument meta l-merkanziji jitqiegħdu taħt il-proċedura doganali involuta fejn jiġi stabbilit sussegwentement li kondizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanziji taħt l-imsemmija proċedura jew l-għoti ta' rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta' dazju fuq l-importazzjoni bis-saħħa ta' l-użu finali tal-merkanziji ma ġietx fil-fatt issodisfata.

3. Id-debitur għandu jkun il-persuna li tkun meħtieġa, skond iċ-ċirkostanzi, jew li tesegwixxi l-obbligazzjonijiet li joħorġu, fir-rigward ta' merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqegħdu, jew li tħares il-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tqegħid tal-merkanziji taħt dik il-proċedura.

L-Artikolu 205

1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

- tal-konsum jew l-użu, f'żona ħielsa jew maħżen ħieles, ta' merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, taħt kondizzjonijiet oħra ħlief dawk stipulati mil-leġislazzjoni fis-seħħ.

Fejn merkanziji jisparixxu u fejn in-nuqqas tagħhom ma jistax jiġi spjegat għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet doganali, dawk l-awtoritajiet jistgħu jqisu l-merkanziji bħala li ġew ikkonsmati jew użati fiż-żona ħielsa jew fil-maħżen ħieles.

2. Id-dejn għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jiġu kkonsmati jew jiġu użati għall-ewwel darba taħt kondizzjonijiet oħra ħlief dawk stipulati mil-leġislazzjoni fis-seħħ.

3. Id-debitur għandu jkun dik il-persuna li kkonsmat jew użat l-merkanziji u kull persuna li pparteċipat f'dak il-konsum jew użu u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li l-merkanziji kienu qed jiġu kkonsmati jew użati taħt kondizzjonijiet oħra barra dawk stipulati bil-leġislazzjoni fis-seħħ.

Fejn l-awtoritajiet doganali jqisu merkanziji li jkunu sparixxew bħala li ġew ikkonsmati jew użati fiż-żona ħielsa jew maħżen ħieles u ma jkunx possibbli li jiġi applikat il-paragrafu preċedenti, il-persuna suġġetta għall-ħlas tad-dejn doganali għandha tkun l-aħħar persuna magħrufa ma' dawn l-awtoritajiet bħala li kellha l-merkanziji fil-pussess tagħha.

L-Artikolu 206

1. Permezz ta' deroga mill-Artikoli 202 u 204(1)(a), ebda dejn doganali fuq l-importazzjoni m'għandu jitqies li hu dovut fir-rigward ta' merkanziji speċifiċi fejn il-persuna interessata tipprova li n-nuqqas ta'eżekuzzjoni ta' l-obbligazzjonijiet li joħorġu:

- mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 38 sa 41 u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 177, jew

- miż-żamma tal-merkanziji konċernati f'ħażna temporanja, jew

- mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha tqiegħdu l-merkanziji,

li jirrizulta mid-distruzzjoni totali jew telf għal kollox ta' l-imsemmija merkanziji bħala riżultat tan-natura reali tal-merkanziji jew ċirkostanzi imprevedibbli jew forza maġġuri, jew bħala konsegwenza ta' awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet doganali.

Għall-iskop ta' dan il-paragrafu, il-merkanziji għandhom ikunu mitlufa għal kollox meta jsiru mhux tajbin għall-użu minn xi persuna.

2. Anqas m'għandu dejn doganali fuq l-importazzjoni jitqies li ġie inkors fir-rigward ta' merkanziji meħlusa għal ċirkolazzjoni libera b'rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta' dazju fuq l-importazzjoni bis-saħħa ta' l-użu finali tagħhom, fejn dawk l-merkanziji jiġu esportati jew esportati mill-ġdid bil-permess ta' l-awtoritajiet doganali.

L-Artikolu 207

Fejn, skond l-Artikolu 206(1), ebda dejn doganali ma jiġi meqjus li ġie inkors fir-rigward ta' merkanziji meħlusa għal ċirkolazzjoni libera b'rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta' dazju fuq l-importazzjoni minħabba l-użu finali tagħhom, kull skart jew prodotti mormija li jirrizultaw minn dik il-qerda għandhom jitqiesu bħala merkanziji mhux tal-Komunità.

L-Artikolu 208

Fejn, skond l-Artikolu 203 jew 204 dejn doganali jiġi inkors fir-rigward ta' merkanziji meħlusa għal ċirkolazzjoni libera b'rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta' dazju fuq l-importazzjoni minħabba l-użu finali tagħhom, l-ammont imħallas meta l-merkanziji jkunu ġew meħlusa għal ċirkolazzjoni libera għandu jitnaqqas mill-ammont tad-dejn doganali.

Din id-dispożizzjoni għandha tapplika mutatis mutandis fejn dejn doganali jiġi inkors fir-rigward ta' prodotti mormija jew skart li jirriżultaw mill-qerda ta' dawk il-merkanziji.

L-Artikolu 209

1. Dejn doganali fuq l-esportazzjoni għandu jiġi inkors permezz ta':

- l-esportazzjoni mit-territorju doganali tal-Komunità, taħt il-kopertura ta' dikjarazzjoni doganali, ta' merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-esportazzjoni.

2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-ħin meta d-dikjarazzjoni doganali tiġi aċċettata.

3. Id-debitur għandu jkun id-dikjarant. F'każ ta' rappreżentazzjoni indiretta, il-persuna li għan-nom tagħha tkun saret id-dikjarazzjoni għandha wkoll tkun debitur.

L-Artikolu 210

1. Dejn doganali fuq l-esportazzjoni għandu jiġi inkors permezz ta':

- it-tneħħija mit-territorju doganali tal-Komunità, ta' merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-esportazzjoni, mingħajr dikjarazzjoni doganali.

2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji msemmija effettivament iħallu dak it-territorju.

3. Id-debitur għandu jkun:

- il-persuna li tkun neħħiet il-merkanziji, u

- kull persuna li pparteċipat f'dik it-tneħħija u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li d-dikjarazzjoni doganali ma kenitx, għalkemm kellha tkun, ippreżentata.

L-Artikolu 211

1. Dejn doganali fuq l-esportazzjoni għandu jiġi inkors permezz ta':

- in-nuqqas ta' ħarsien tal-kondizzjonijiet li taħthom l-merkanziji tħallew joħorġu mit-territorju doganali tal-Komunità b'eżenzjoni sħiħa jew parzjali mid-dazji fuq l-esportazzjoni.

2. Id-dejn għandu jiġi inkors fil-ħin meta l-merkanziji jaslu f'destinazzjoni barra dik li lejha tħallew joħorġu mit-territorju doganali tal-Komunità b'eżenzjoni totali jew parzjali mid-dazji fuq l-esportazzjoni jew, jekk l-awtoritajiet doganali ma jkunux jistgħu jistabbilixxu dak il-ħin, l-għeluq tal-limitu taż-żmien stabbilit għall-produzzjoni ta' provi li l-kondizzjonijiet li jintitolaw lill-merkanziji għal dik l-eżenzjoni ġew issodisfati.

3. Id-debitur għandu jkun id-dikjarant. F'każ ta' rappreżentazzjoni indiretta, il-persuna li għan-nom tagħha tkun saret id-dikjarazzjoni għandha wkoll tkun debitriċi.

L-Artikolu 212

Id-dejn doganali li ssir referenza għalih fl-Artikoli 201 sa 205 u 209 sa 211 għandu jiġi inkors anke jekk jirrigwarda merkanziji soġġetti għal miżuri ta' projbizzjoni jew restrizzjoni fuq l-importazzjoni jew esportazzjoni ta' kull tip tkun xi tkun. Iżda, ebda dejn doganali m'għandu jiġi inkors fuq l-introduzzjoni kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Komunità ta' valuta falza jew ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi li ma jidħlux fiċ-ċirkwit ekonomiku taħt sorveljanza stretta mill-awtoritajiet kompetenti bil-għan li jintużaw għal skopijiet mediċi u xjentifiċi. Għall-iskopijiet tal-liġi kriminali kif applikabbli għal reati doganali, id-dejn doganali għandu iżda jitqies li ġie inkors fejn, taħt il-liġi kriminali ta' Stat Membru, dazji doganali jipprovdu l-bażi biex jiġu stabbiliti pieni, jew l-eżistenza ta' dejn ta' dwana tkun raġuni sabiex jittieħdu proċeduri kriminali.

L-Artikolu 213

Fejn diversi persuni jkunu responsabbli għall-ħlas ta' dejn doganali wieħed, dawn għandhom ikunu responsabbli solidalment u separatament għal dak id-dejn.

L-Artikolu 214

1. Ħlief fejn espressament provdut b'dan il-Kodiċi u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-ammont ta' dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni applikabbli għall-merkanziji għandu jiġi stabbilit skond il-bażi tar-regoli ta' valutazzjoni xierqa għal dawk il-merkanziji fil-ħin meta jiġi inkors id-dejn doganali fir-rigward tagħhom.

2. Fejn ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit eżatt meta ġie inkors id-dejn doganali, iż-żmien li għandu jittieħed kont tiegħu meta jiġu stabbiliti r-regoli ta' valutazzjoni xierqa għall-merkanziji involuti għandu jkun iż-żmien meta l-awtoritajiet doganali jikkonkludu li l-merkanziji jkunu f'sitwazzjoni fejn jiġi inkors dejn doganali.

Iżda, fejn l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet doganali tagħmilha possibbli għalihom li jistabbilixxu li d-dejn doganali ġie inkors qabel iż-żmien meta kienu waslu għal dik il-konklużjoni, l-ammont ta' dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li għandu jitħallas fuq il-merkanziji konċernati għandu jiġi stabbilit skond il-bażi tar-regoli ta' valutazzjoni xierqa għall-merkanziji fiż-żmien l-aktar kmieni meta l-eżistenza tad-dejn doganali li joħroġ mis-sitwazzjoni jista' jiġi stabbilit mill-informazzjoni disponibbli.

3. Imgħax kompensatorju għandu jiġi applikat, fiċ-ċirkostanzi u taħt il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu definiti fid-dispożizzjonijiet adottati taħt il-proċedura tal-kumitat, sabiex jevitaw l-akkwist inġust ta' vantaġġ finanzjarju permezz tad-differiment tad-data li fiha d-dejn doganali ġie inkors jew iddaħħal fil-kotba tal-kontijiet.

L-Artikolu 215

1. Dejn doganali għandu jiġi inkors fil-post fejn jiġru l-avvenimenti li minnhom joħroġ.

2. Fejn ma jkunx possibbli jiġi stabbilit il-post li ssir referenza għalih fil-paragrafu 1, id-dejn doganali għandu jitqies li ġie inkors fil-post fejn l-awtoritajiet doganali jikkonkludu li l-merkanziji kienu f'sitwazzjoni li fiha ġie inkors dejn doganali.

3. Fejn proċedura doganali ma tkunx twettqet għal merkanziji, id-dejn doganali għandu jitqies li ġie inkors fil-post fejn il-merkanziji:

- ġew imqiegħda taħt dik il-proċedura, jew

- daħlu fil-Komunità taħt dik il-proċedura.

4. Fejn l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet doganali tagħmilha possibbli għalihom li jistabbilixxu li d-dejn doganali kien diġà ġie inkors meta l-merkanziji kienu f'post ieħor f'data qabel, id-dejn doganali għandu jitqies li ġie inkors fil-post li jista' jiġi stabbilit bħala l-lok tal-merkanziji fiż-żmien l-aktar kmieni li jista' jiġi stabbilit dejn doganali.

L-Artikolu 216

1. Safejn ftehim konkluż bejn il-Komunità u ċerti pajjiżi terzi jipprovdi għall-għoti ma' l-importazzjoni f'dawk il-pajjiżi ta' trattament preferenzjali tat-tariffa għal merkanziji li joriġinaw fil-Komunità fit-tifsira ta' dak il-ftehim, bil-kondizzjoni li, fejn ikunu nkisbu taħt il-proċedura ta' l-ipproċessar tad-dħul, merkanziji mhux tal-Komunità inkorporati fl-imsemmija merkanziji jkunu soġġetti għall-ħlas tad-dazji fuq l-importazzjoni li għandhom jitħallsu fuq l-istess, il-validazzjoni tad-dokumenti neċessarji sabiex dak it-trattament preferenzjali tat-tariffa jkun jista' jinkiseb f'pajjiżi terzi għandu jikkawża li jiġi inkors dejn doganali fuq l-importazzjoni.

2. Il-mument meta dak id-dejn doganali jiġi inkors għandu jitqies li jkun il-mument meta l-awtoritajiet doganali jaċċettaw id-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni dwar il-merkanziji konċernati.

3. Id-debitur għandu jkun id-dikjarant. F'każ ta' rappreżentazzjoni indiretta, il-persuna li għan-nom tagħha tkun saret id-dikjarazzjoni għandha wkoll tkun debitriċi.

4. L-ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni li jikkorrispondi ma' dan id-dejn doganali għandu jiġi stabbilit taħt l-istess kondizzjonijiet bħal fil-każ ta' dejn doganali li jirriżulta mill-aċċettazzjoni, fl-istess data, tad-dikjarazzjoni għall-ħelsien għal ċirkolazzjoni libera tal-merkanziji involuti għall-iskop li tintemm il-proċedura ta' l-ipproċessar tad-dħul.

IL-KAPITOLU 3

IRKUPRU TA' L-AMMONT TAD-DEJN DOGANALI

It-Taqsima 1

Dħul fil-kontijiet u komunikazzjoni ta' l-ammont tad-dazju lid-debitur

L-Artikolu 217

1. Kull ammont ta' dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn 'l isfel imsejjaħ "ammont ta' dazju", għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f'kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet).

L-ewwel subparagrafu m'għandux japplika:

(a) fejn ikun ġie introdott dazju proviżorju kontra r-roħs eċċessiv jew protettiv;

(b) fejn l-ammont ta' dazju legalment dovut jeċċedi dak stabbilit skond il-bażi ta' informazzjoni tat-tariffa li torbot;

(ċ) fejn id-dispożizzjonijiet adottati skond il-proċedura tal-Kumitat jirrinunzjaw għall-ħtieġa li l-awtoritajiet doganali jentraw fil-kotba tal-kontijiet ammonti ta' dazju taħt livell stabbilit.

L-awtoritajiet doganali jistgħu jnaqqsu ammonti ta' dazju li, taħt l-Artikolu 221(3), ma setgħux jiġu kkomunikati lid-debitur wara l-għeluq taż-żmien permess.

2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċeduri prattiċi għad-dħul fil-kotba tal-kontijiet ta' l-ammonti tad-dazju. Dawk il-proċeduri jistgħu jvarjaw skond jekk, minħabba ċ-ċirkostanzi li fihom ikun ġie inkors id-dejn doganali, l-awtoritajiet doganali jkunu sodisfatti li l-imsemmija ammonti jkunu ser jitħallsu.

L-Artikolu 218

1. Fejn dejn doganali jiġi inkors bħala riżultat ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-merkanziji għal proċedura doganali oħra barra importazzjoni temporanja b'eżenzjoni parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni jew kull att ieħor li jkollu l-istess effett legali bħal dik l-aċċettazzjoni l-ammont li jikkorrispondi għal dak id-dejn doganali għandu jiddaħħal fil-kotba tal-kontijiet malli jkun ġie kkalkulat u, l-aktar tard, fit-tieni jum wara dak li fih il-merkanziji jkunu nħelsu.

Iżda, sakemm il-ħlas ikun ġie garantit, l-ammont totali tad-dazju li għandu x'jaqsam mal-merkanziji kollha meħlusa lill-istess persuna matul perjodu stabbilit mill-awtoritajiet doganali, li ma jistax jeċċedi 31 jum, jista' jiġi kopert b'daħla waħda fil-kontijiet fl-aħħar tal-perjodu. Dik id-daħla fil-kontijiet għandha ssir fi żmien ħamest ijiem mill-għeluq tal-perjodu konċernat.

2. Fejn ikunu provdut li merkanziji jkunu jistgħu jinħelsu sakemm jissodisfaw ċerti kondizzjonijiet stipulati minn leġislazzjoni tal-Komunità li tirregola jew kif jiġi stabbilit l-ammont tad-dejn jew inkella l-ġbir tiegħu, id-daħla fil-kontijiet għandha ssir mhux aktar tard minn jumejn wara l-jum li fih l-ammont tad-dejn jew l-obbligazzjoni li jitħallsu d-dazji riżultanti minn dak id-dejn jiġu stabbiliti jew deċiżi.

Iżda, fejn dejn doganali jkollu x'jaqsam ma' dazju proviżorju kontra r-roħs eċċessiv jew protettiv, dak id-dazju għandu jiddaħħal fil-kotba tal-kontijiet mhux aktar tard minn xahrejn wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tar-Regolament li jwaqqaf dazju definittiv kontra roħs eċċessiv jew protettiv.

3. Fejn dejn doganali jiġi inkors taħt kondizzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1, l-ammont ta' dazju relevanti għandu jiddaħħal fil-kotba tal-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jkunu f'pożizzjoni li:

(a) jikkalkulaw l-ammont ta' dazju konċernat, u

(b) jistabbilixxu d-debitur.

L-Artikolu 219

1. It-termini ta' żmien għad-daħla fil-kontijiet stipulati fl-Artikolu 218 jistgħu jiġu estiżi:

(a) għal raġunijiet li jkollhom x'jaqsmu ma' l-organizzazzjoni amministrattiva ta' l-Istati Membri, u partikolarment fejn il-kotba tal-kontijiet ikunu ċentralizzati, jew

(b) fejn ċirkostanzi speċjali jżommu lill-awtoritajiet doganali milli josservaw l-imsemmija termini ta' żmien.

It-terminu ta' żmien hekk estiż m'għandux jeċċedi 14-il jum.

2. It-termini ta' żmien stipulati fil-paragrafu 1 m'għandhomx japplikaw f'ċirkostanzi mhux imbassra jew f'każijiet ta' forza maġġuri.

L-Artikolu 220

1. Fejn l-ammont ta' dazju li jirrizulta minn dejn doganali ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet skond l-Artikoli 218 u 219 jew iddaħħal fil-kontijiet f'livell anqas mill-ammont legalment dovut, l-ammont ta' dazju li għandu jiġi rkuprat jew li jibqa' biex jiġi rkuprat għandu jiddaħħal fil-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jsiru jafu bis-sitwazzjoni u jkunu f'pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont legalment dovut u jistabbilixxu d-debitur (daħla sussegwenti fil-kontijiet). Dak it-terminu ta' żmien jista' jiġi estiż skond l-Artikolu 219.

2. Ħlief fil-każijiet li ssir referenza għalihom fit-tieni u t-tielet subparagrafi ta' l-Artikolu 217(1), daħliet sussegwenti fil-kontijiet m'għandhomx isiru fejn:

(a) id-deċiżjoni oriġinali li ma jiddaħħalx id-dazju fil-kontijiet jew li jiddaħħal fil-kontijiet f'figura anqas mill-ammont ta' dazju legalment dovut tkun ittieħdet skond il-bażi ta' dispożizzjonijiet ġenerali invalidati aktar tard minn deċiżjoni tal-qorti;

(b) l-ammont ta' dazju legalment dovut ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet bħala riżultat ta' żball min-naħa ta' l-awtoritajiet doganali liema żball ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas, waqt li din ta' l-aħħar tkun aġixxiet bil-bona fidi u ħarset id-dispożizzjonijiet kollha stipulati mil-leġislazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali;

(ċ) id-dispożizzjonijiet adottati skond il-proċedura tal-kumitat jeżentaw lill-awtoritajiet doganali milli sussegwentement idaħħlu fil-kontijiet ammonti ta' dazju li jkunu anqas minn ċerta figura.

L-Artikolu 221

1. Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta' dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa.

2. Fejn l-ammont ta' dazju li għandu jitħallas ikun iddaħħal, bħala gwida, fid-dikjarazzjoni doganali, l-awtoritajiet doganali jistgħu jispeċifikaw li m'għandux jiġi kkomunikat skond il-paragrafu 1 sakemm l-ammont ta' dazju indikat ma jikkorrispondix ma' l-ammont stabbilit mill-awtoritajiet.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 218(1), fejn isir użu mill-possibbiltà li hemm provdut dwarha fil-paragrafu preċedenti, il-ħelsien tal-merkanziji mill-awtoritajiet doganali għandu jkun ekwivalenti għall-komunikazzjoni lid-debitur ta' l-ammont ta' dazju mdaħħal fil-kontijiet.

3. Komunikazzjoni lid-debitur m'għandhiex issir wara l-għeluq ta' perjodu ta' tliet snin mid-data li fiha d-dejn doganali jkun ġie inkors. Iżda, fejn ikun bħala riżultat ta' att li jista' jagħti lok għal proċeduri tal-qorti kriminali li l-awtoritajiet doganali ma setgħux jistabbilixxu l-ammont eżatt legalment dovut, komunikazzjoni bħal dik tista', sakemm id-dispożizzjonijiet fis-seħħ hekk jippermettu, issir wara l-għeluq ta' dak il-perjodu ta' tliet snin.

It-Taqsima 2

Limitu ta' żmien u proċeduri għall-ħlas ta' l-ammont ta' dazju

L-Artikolu 222

1. Ammonti ta' dazju komunikati skond l-Artikolu 221 għandhom jiġu mħallsa mid-debituri fil-perjodi segwenti:

(a) jekk il-persuna ma tkunx intitolata għal xi waħda mill-faċilitajiet ta' ħlas stipulati fl-Artikoli 224 sa 229, il-ħlas għandu jsir fil-perjodu preskritt.

Mingħajr preġudizzju għat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 244, dak il-perjodu m'għandux jeċċedi għaxart ijiem wara l-komunikazzjoni lid-debitur ta' l-ammont ta' dazju dovut u, fil-każ ta' l-aggregazzjoni tad-dħul fil-kontijiet taħt il-kondizzjonijiet stipulati fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 218(1), għandha tiġi iffissata b'tali mod li ma jkunx possibbli li d-debitur jikseb perjodu itwal għall-ħlas milli kieku kien ingħata ħlas differit.

Għandha tingħata estensjoni awtomatikament fejn jiġi stabbilit li l-persuna interessata tkun irċeviet il-komunikazzjoni tard wisq biex tkun tista' tħallas fil-perjodu preskritt.

L-estensjoni tal-perjodu tista' wkoll tingħata mill-awtoritajiet doganali fuq talba tad-debitur fejn l-ammont ta' dazju li għandu jitħallas jirriżulta minn azzjoni ta' irkupru wara l-ħelsien. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 229(a), estensjonijiet bħal dawk m'għandhomx jeċċedu ż-żmien neċessarju biex id-debitur jieħu l-passi xierqa biex iwettaq l-obbligazzjoni tiegħu;

(b) jekk il-persuna tkun intitolata għal xi waħda mill-faċilitajiet ta' ħlas stipulati fl-Artikoli 224 sa 229, il-ħlas għandu jsir mhux aktar tard mill-għeluq tal-perjodu jew perjodi speċifikati fir-rigward ta' dawk il-faċilitajiet.

2. Fejn applikazzjoni għall-maħfra tad-dazju ssir skond l-Artikolu 237, 238 jew 239 jew fejn merkanziji jinqabdu bil-għan li jiġu sussegwentement konfiskati skond l-Artikolu 233(b), (ċ), it-tieni inċiż, jew (d), l-obbligazzjoni tad-debitur li jħallas id-dazju għandha tiġi sospiża skond il-kondizzjonijiet stipulati permezz tal-proċedura tal-kumitat.

L-Artikolu 223

Il-ħlas għandu jsir fi flus kontanti jew b'kull mezz ieħor b'effett simili ta' ħlas skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ. Jista' wkoll isir b'aġġustament ta' bilanċ favorevoli fejn id-dispożizzjonijiet fis-seħħ jippermettu dan.

L-Artikolu 224

Sakemm l-ammont ta' dazju li għandu jitħallas mill-persuna interessata jirrigwarda merkanziji dikjarati għal proċ-eduradoganali li tinvolvi l-obbligazzjoni għal ħlas ta' dak id-dazju, l-awtoritajiet doganali għandhom, fuq talba ta' dik il-persuna, jagħtu differiment għall-ħlas ta' dak l-ammont taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 225, 226 u 227.

L-Artikolu 225

L-għoti ta' differiment għall-ħlas għandu jkun kondizzjonali għall-għoti ta' garanzija mill-applikant.

Barra minn hekk, l-għoti ta' differiment għall-ħlas jista' jagħti lok li jkunu imposti spejjeż inċidentali għall-ftuh ta' inkartamenti jew għal servizzi reżi.

L-Artikolu 226

L-awtoritajiet doganali għandhom jiddeċiedu liema mill-proċeduri li ġejjin għandha tintuża meta jagħtu differiment għall-ħlas:

(a) separatament fir-rigward ta' kull ammont ta' dazju mdaħħal fil-kontijiet taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 218(1) jew fl-Artikolu 220(1); jew

(b) globalment fir-rigward ta' l-ammonti kollha ta' dazju mdaħħla fil-kontijiet taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 218(1) matul perjodu stabbilit mill-awtoritajiet doganali li ma jeċċedix 31 jum; jew

(ċ) globalment fir-rigward ta' l-ammonti kollha ta' dazju li jifformaw daħla waħda skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 218(1).

L-Artikolu 227

1. Il-perjodu li għalih il-ħlas jiġi differit għandu jkun ta' 30 jum. Għandu jiġi kalkolat kif ġej:

(a) fejn il-ħlas jiġi differit skond l-Artikolu 226(a), il-perjodu għandu jiġi kalkolat mill-ġurnata li tiġi wara d-data li fiha l-ammont ta' dazju jiddaħħal fil-kontijiet mill-awtoritajiet doganali.

Fejn jiġi applikat l-Artikolu 219, il-perjodu ta' 30 jum kalkolat skond l-ewwel subparagrafu għandu jitnaqqas bin-numru ta' ġranet li jikkorrispondi għall-perjodu li jeċċedi jumejn użat biex jiddaħħal l-ammont fil-kontijiet;

(b) fejn il-ħlas jiġi differit skond l-Artikolu 226(b), il-perjodu għandu jiġi kkalkulat mill-ġurnata li tiġi wara d-data li fiha jiskadi l-perjodu ta' aggregazzjoni. Għandu jiġi mnaqqas bin-numru ta' ġranet li jikkorrispondi għal nofs in-numru ta' ġranet fil-perjodu ta' aggregazzjoni;

(ċ) fejn il-ħlas jiġi differit skond l-Artikolu 226(ċ), il-perjodu għandu jiġi kkalkolat mill-ġurnata li tiġi wara d-data li fiha jiskadi l-perjodu li matulu l-merkanziji kkonċernati jkunu nħelsu. Għandu jitnaqqas bin-numru ta' ġranet li jikkorrispondi għal nofs in-numru ta' ġranet fil-perjodu involut;

2. Fejn in-numru ta' ġranet fil-perjodi li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 (b) u (ċ) jkun numru fard, in-numru ta' ġranet li għandu jitnaqqas mill-perjodu ta' 30 jum skond il-paragrafu 1 (b) u (ċ) għandu jkun daqs nofs l-ewwel numru żewġ l-aktar baxx.

3. Sabiex l-affarijiet isiru aktar sempliċi, fejn il-perjodi li ssir referenza għalihom fil-paragrafi 1 (b) u (ċ) ikunu ġimgħa kalendarja jew xahar kalendarju, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-ammont ta' dazju li fir-rigward tiegħu l-ħlas ġie differit jitħallas:

(a) jekk il-perjodu jkun ġimgħa kalendarja, nhar il-Ġimgħa tar-raba' ġimgħa li tiġi wara dik il-ġimgħa kalendarja;

(b) jekk il-perjodu jkun xahar kalendarju, sas-sittax-il jum tax-xahar li jiġi wara dak ix-xahar kalendarju.

L-Artikolu 228

1. Differiment tal-ħlas m'għandux jingħata fir-rigward ta' ammonti ta' dazju li, għalkemm jirrigwardaw merkanziji mdaħħla għal proċedura doganali li tinvolvi l-obbligazzjoni tal-ħlas ta' dak id-dazju, jiddaħħlu fil-kontijiet skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jirrigwardaw l-aċċettazzjoni ta' dikjarazzjonijiet mhux kompluti, minħabba li min ikun għamel id-dikjarazzjoni ma jkunx, sakemm jiskadi l-perjodu stabbilit, ipprovda l-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni definittiva tal-merkanziji għall-iskopijiet doganali jew ma jkunx ipprovda d-dettalji jew id-dokument li jkun nieqes meta d-dikjarazzjoni mhux kompluta ġiet aċċettata.

2. Iżda, id-differiment tal-ħlas jista' jingħata fil-każijiet li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 fejn l-ammont ta' dazju li għandu jinġabar jiddaħħal fil-kontijiet qabel jiskadi perjodu ta' 30 jum mid-data li fiha l-ammont impost oriġinarjament kien iddaħħal fil-kontijiet jew, jekk ma ġiex entrat fil-kontijiet, mid-data li fiha d-dikjarazzjoni dwar l-merkanziji konċernati ġiet aċċettata. It-tul tad-differiment tal-ħlas mogħti f'ċirkostanzi bħal dawk m'għandux jestendi aktar mid-data ta' l-iskadenza tal-perjodu li, skond l-Artikolu 227, kien ingħata fir-rigward ta' l-ammont ta' dazju stabbilit oriġinarjament, jew li kien jingħata kieku l-ammont ta' dazju legalment dovut kien iddaħħal fil-kontijiet meta l-merkanziji kkonċernati ġew iddikjarati.

L-Artikolu 229

L-awtoritajiet doganali jistgħu jagħtu lid-debitur faċilitajiet oħra għall-ħlas barra ħlas differit.

L-għoti ta' dawk il-faċilitajiet għall-ħlas għandu:

(a) jkun kondizzjonali għall-provista ta' garanzija. Iżda, dik il-garanzija tista' ma tkunx meħtieġa fejn, minħabba s-sitwazzjoni tad-debitur, jekk tiġi mitluba jistgħu jinħolqu diffikultajiet serji ekonomiċi jew soċjali;

(b) jirriżulta fl-impoŻizzjoni ta' imgħax ta' kreditu minbarra l-ammont ta' dazju. L-ammont ta' dak l-imgħax għandu jiġi kalkolat b'mod illi jkun ekwivalenti għall-ammont li kien jiġi impost għal dan l-iskop fuq il-flus nazzjonali jew suq finanzjarju tal-valuta li biha l-ammont għandu jitħallas.

L-awtoritajiet doganali jistgħu ma jitolbux imgħax ta' kreditu fejn, minħabba s-sitwazzjoni tad-debitur, jekk jintalab jistgħu jinħolqu diffikultajiet ekonomiċi jew soċjali serji.

L-Artikolu 230

Ikunu xi jkunu l-faċilitajiet tal-ħlas mogħtija lid-debitur, dan ta' l-aħħar jista' f'kull każ iħallas l-ammont ta' dazju kollu jew parti minnu mingħajr ma jistenna li jiskadi l-perjodu li hu jkun ingħata għall-ħlas.

L-Artikolu 231

Ammont ta' dazju dovut jista' jitħallas minn terza persuna minflok mid-debitur.

L-Artikolu 232

1. Fejn l-ammont ta' dazju dovut ma jkunx tħallas fil-perjodu preskritt:

(a) l-awtoritajiet doganali għandhom jużufruwixxu mill-għażliet kollha miftuħa għalihom taħt il-leġislazzjoni fis-seħħ, inkluż l-infurzar, sabiex jiżguraw il-ħlas ta' dak l-ammont.

Jistgħu jiġu adottati dispożizzjonijiet speċjali, skond il-proċedura tal-Kumitat, fir-rigward ta' garanti fi ħdan il-qafas tal-proċedura tat-transitu;

(b) imgħax fuq l-arretrati għandu jiġi impost minbarra l-ammont ta' dazju. Ir-rata ta' imgħax fuq l-arretrati tista' tkun ogħla mir-rata ta' imgħax ta' kreditu. Ma tistax tkun aktar baxxa minn dik ir-rata.

2. L-awtoritajiet doganali jistgħu jirrinunzjaw għall-ġbir ta' interessi fuq arretrati:

(a) fejn, minħabba s-sitwazzjoni tad-debitur, x'aktarx li toħloq diffikultajiet serji ekonomiċi u soċjali;

(b) fejn l-ammont ma jeċċedix livell stabbilit skond il-proċedura tal-Kumitat, jew

(ċ) jekk id-dazju jitħallas fi żmien ħamest ijiem minn meta jiskadi l-perjodu preskritt għall-ħlas.

3. L-awtoritajiet doganali jistgħu jistabbilixxu:

(a) perjodi minimi għall-kalkolu ta' imgħax;

(b) ammonti minimi li għandhom jitħallsu bħala imgħax fuq arretrati.

IL-KAPITOLU 4

ESTINZJONI TA' DEJN DOGANALI

L-Artikolu 233

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jirrigwardaw il-preskrizzjoni ta' dazju doganali u nuqqas ta' rkupru ta' dak id-dejn fil-każ tal-falliment legalment stabbilit tad-debitur, dejn doganali għandu jingħalaq:

(a) bil-ħlas ta' l-ammont ta' dazju;

(b) bir-remissjoni ta' l-ammont ta' dazju;

(ċ) fejn, fir-rigward ta' merkanziji dikjarati għal proċedura doganali li tinvolvi l-obbligazzjoni għall-ħlas ta' dazji:

- id-dikjarazzjoni doganali tiġi invalidata skond l-Artikolu 66,

- il-merkanziji, qabel il-ħelsien tagħhom, jew jinqabdu u fl-istess ħin jew sussegwentement jiġu konfiskati, meqruda fuq l-istruzzjonijiet ta' l-awtoritajiet doganali, meqruda jew abbandunati skond l-Artikolu 182, meqruda jew mitlufa għal kollox b'riżultat tan-natura reali tagħhom jew ta' ċirkostanzi imprevedibbli jew forza maġġuri;

(d) fejn merkanziji li fir-rigward tagħhom ġie inkors dejn doganali skond l-Artikolu 202 jinqabdu ma' l-introduzzjoni kontra l-ligi tagħhom u jiġu fl-istess waqt jew sussegwentement konfiskati.

Fil-każ ta' qbid u konfiska, d-dejn doganali għandu xorta waħda għall-iskopijiet tal-liġi kriminali applikabbli għal offiżi doganali, jitqies li ma ġiex magħluq fejn, taħt il-liġi kriminali ta' Stat Membru, dazji doganali jipprovdu l-bażi biex jiġu stabbiliti pieni jew l-eżistenza ta' dejn ta' dwana tkun raġuni sabiex jittieħdu proċeduri kriminali.

L-Artikolu 234

Dejn doganali, kif issir referenza għalih fl-Artikolu 216, għandu wkoll jintemm fejn il-formalitajiet li twettqu sabiex ikun jista' jingħata t-trattament preferenzjali tat-tariffa li ssir referenza għalih fl-Artikolu 216 jiġu kkanċellati.

IL-KAPITOLU 5

ĦLAS LURA U MAĦFRA TA' DAZJU

L-Artikolu 235

It-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) "ħlas lura" tfisser ir-rifużjoni totali jew parzjali tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni li ġew imħallsa;

(b) "maħfra" tfisser jew deċiżjoni li ssir rinunzja għall-ammont tad-dejn doganali kollu jew parti minnu jew deċiżjoni li tannulla daħla fil-kontijiet ta' l-ammont kollu jew parti minnu ta' dazju fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni li ma ġiex imħallas.

L-Artikolu 236

1. Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura sakemm jiġi stabbilit li meta kien tħallas l-ammont ta' dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur ta' l-Artikolu 220(2).

Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jintbagħtu sakemm jiġi stabbilit li meta kienu ddaħħlu fil-kontijiet l-ammont ta' dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur tal-Artikolu 220(2).

Ebda ħlas lura jew maħfra m'għandha tingħata meta l-fatti li wasslu għall-ħlas jew daħla fil-kontijiet ta' ammont li ma kienx legalment dovut kienu r-riżultat ta' azzjoni maħsuba mill-persuna involuta.

2. Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien tliet snin mid-data li fiha l-ammont ta' dawk id-dazji kien ġie kkomunikat lid-debitur.

Dak il-perjodu għandu jiġi estiż jekk il-persuna interessata tipprovdi evidenza li ma kenitx tħalliet tippreżenta l-applikazzjoni tagħha fil-perjodu msemmi b'riżultat ta' ċirkostanzi imprevedibbli jew ta' forza maġġuri.

Fejn l-awtoritajiet doganali stess jiskopru matul dan il-perjodu li sitwazzjoni jew oħra deskritta fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 1 jeżistu, għandhom iħallsu lura jew jibagħtu l-flus fuq inizjattiva tagħhom stess.

L-Artikolu 237

Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura fejn dikjarazzjoni doganali tiġi invalidata u d-dazji jkunu diġa tħallsu. Il-ħlas lura jista' jingħata mal-preżentazzjoni ta'applikazzjoni mill-persuna interessata fiż-żmien stipulat għall-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni għall-invalidazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali.

L-Artikolu 238

1. Dazji fuq l-importazzjoni għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu sakemm jiġi stabbilit li l-ammont ta' dawk id-dazji mdaħħal fil-kontijiet jirrigwarda merkanziji mqiegħda taħt il-proċedura doganali konċernata u mwarrba mill-importatur billi fil-ħin li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 67 kienu difettużi jew ma kinux jissodisfaw it-termini tal-kuntratt li skond il-bażi tiegħu kienu ġew impurtati.

Merkanziji difettużi, fit-tifsira ta' l-ewwel subparagrafu, għandhom jitqiesu li jinkludu merkanziji danneġġjati qabel il-ħelsien tagħhom.

2. Il-ħlas lura jew remissjoni ta' dazji fuq l-importazzjoni għandha tingħata bil-kondizzjoni li:

(a) il-merkanziji ma ġewx użati, ħlief għal dak l-użu inizjali li seta' kien meħtieġ biex jiġi stabbilit li kienu difettużi jew ma kinux konformi mat-termini tal-kuntratt;

(b) il-merkanziji jiġu esportati mit-territorju doganali tal-Komunità.

Fuq talba tal-persuna interessata, l-awtoritajiet doganali għandhom jippermettu li l-merkanziji jinqerdu jew jitqiegħdu, għall-iskopijiet ta' l-esportazzjoni mill-ġdid tagħhom, taħt il-proċedura ta' transitu estern jew il-proċedura ta' magażinaġġ doganali jew f'żona ħielsa jew maħżen ħieles, minflok jiġu esportati.

Għall-iskopijiet li jkun assenjat wieħed mit-trattamenti jew użu approvat mid-dwana li hemm provdut dwaru fis-subparagrafu preċedenti, il-merkanziji għandhom jitqiesu li huma merkanziji mhux tal-Komunità.

3. Dazji fuq l-importazzjoni m'għandhomx jitħallsu lura jew jintbagħtu fir-rigward ta' merkanziji li, qabel ma ġew dikjarati lid-dwana, ġew importati temporanjament għal prova, sakemm ma jiġix stabbilit li l-fatt li l-merkanziji kienu difettużi jew ma kinux konformi mat-termini tal-kuntratt ma setax normalment jiġi osservat waqt dawk il-provi.

4. Dazji fuq l-importazzjoni għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 1 malli tiġi ppreżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien tnax-il xahar mid-data li fiha l-ammont ta' dawk id-dazji kien ġie kkomunikat lid-debitur.

Iżda, l-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li dan il-perjodu jinqabeż f'każijiet eċċezzjonali korrettement ġustifikati.

L-Artikolu 239

1. Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu f'sitwazzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 236, 237, u 238:

- li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat;

- li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista' tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-Kumitat. Ħlas lura jew remissjoni jistgħu jsiru bla ħsara għal kondizzjonijiet speċjali.

2. Dazji għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 1 malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha l-ammont tad-dazji kien ġie komunikat lid-debitur.

Iżda, l-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li dan il-perjodu jinqabeż f'każijiet eċċezzjonali ġustifikati kif jixraq.

L-Artikolu 240

Dazji fuq l-importazzjoni jew esportazzjoni għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dan il-Kapitolu biss jekk l-ammont li għandu jitħallas lura jew jinbagħat jeċċedi l-ammont stabbilit skond il-proċedura tal-kumitat.

Iżda, l-awtoritajiet doganali jistgħu ukoll jilqgħu applikazzjoni għall-ħlas lura jew maħfra fir-rigward ta' ammont aktar baxx.

L-Artikolu 241

Ħlas lura mill-awtoritajiet kompetenti ta' ammonti ta' dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jew ta' imgħax ta' kreditu jew imgħax fuq arretrati miġbura fuq il-ħlas ta' dawk id-dazji m'għandux jagħti lok għall-ħlas ta' imgħax minn dawk l-awtoritajiet. Iżda, l-imgħax għandu jitħallas:

- fejn deċiżjoni li tilqa' talba għall-ħlas lura ma tiġix implimentata fi żmien tliet xhur mid-data ta' l-adozzjoni ta' dik id-deċiżjoni,

- fejn dispożizzjonijiet nazzjonali jistipulaw hekk.

L-ammont ta' dak l-imgħax għandu jiġi kkalkolat b'mod illi jkun ekwivalenti għall-ammont li kien jiġi impost għal dan l-iskop fuq il-flus nazzjonali jew suq finanzjarju.

L-Artikolu 242

Fejn dejn doganali jkun intbagħat jew l-ammont korrispondenti ta' dazju jkun tħallas lura bi żball, id-dejn oriġinali għandu jerġa' jsir dovut. Kull imgħax imħallas taħt l-Artikolu 241 għandu jiġi rifuż.

IT-TITOLU VIII

APPELLI

L-Artikolu 243

1. Kull persuna għandu jkollha d-dritt li tappella kontra deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta' leġislazzjoni doganali, u li tinteressa lilha direttament u individwalment.

Kull persuna li tkun applikat lill-awtoritajiet doganali għal deċiżjoni rigward l-applikazzjoni ta' leġislazzjoni doganali u ma kisbitx deċiżjoni fuq dik it-talba fil-perjodu li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 6(2) għandha wkoll tkun intitolata teżerċita d-dritt ta' appell.

L-appell għandu jiġi prezentat fl-Istat Membru fejn id-deċiżjoni tkun ittieħdet jew saret l-applikazzjoni għaliha.

2. Id-dritt ta' appell jista' jiġi eżerċitat:

(a) inizjalment, quddiem l-awtoritajiet doganali nominati għal dak l-iskop mill-Istati Membri;

(b) sussegwentement, quddiem korp indipendenti, li jista' jkun awtorità ġudizzjarja jew korp speċjalizzat ekwivalenti, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri.

L-Artikolu 244

Il-preżentazzjoni ta' appell m'għandhiex tikkawża s-sospensjoni ta' l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni fil-vertenza.

L-awtoritajiet doganali għandhom, iżda, jissospendu l-implimentazzjoni ta' dik id-deċiżjoni sħiħa jew parti minnha fejn ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li d-deċiżjoni fil-vertenza m'hijiex konsistenti mal-leġislazzjoni doganali jew li hemm il-biża' ta' ħsara irreparabbli għall-persuna interessata.

Fejn id-deċiżjoni fil-vertenza jkollha l-effett li tikkawża li jiġu imposti dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni, is-sospensjoni ta' l-implimentazzjoni ta' dik id-deċiżjoni għandha tkun bla ħsara għall-eżistenza jew il-preżentazzjoni ta' garanzija. Iżda, dik il-garanzija tista' ma tkunx meħtieġa fejn, minħabba ċ-ċirkostanzi tad-debitur, jekk tiġi mitluba x'aktarx li jinħolqu diffikultajiet serji ekonomiċi jew soċjali;

L-Artikolu 245

Id-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' l-appelli għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Artikolu 246

Dan it-titolu m'għandux japplika għal appelli li jiġu ppreżentati bil-għan li tiġi annullata jew riveduta deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali skond il-bażi tal-liġi kriminali.

IT-TITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

IL-KAPITOLU 1

KUMITAT TAL-KODIĊI DOGANALI

L-Artikolu 247

1. Kumitat tal-Kodiċi Doganali, minn hawn 'l isfel imsejjaħ "il-kumitat", kompost minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri b'rappreżentant tal-Kummissjoni bħala president, qiegħed b'dan jitwaqqaf.

2. Il-kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

L-Artikolu 248

Il-kumitat jista' jeżamina kull kwistjoni li tirrigwarda l-leġislazzjoni doganali li titqajjem mill-president tiegħu, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq it-talba ta' rappreżentant ta' Stat Membru.

L-Artikolu 249

1. Id-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan il-Kodiċi, inkluża l-implimentazzjoni tar-Regolament li ssir referenza għalih fl-Artikolu 184, ħlief għat-Titolu VIII u bla ħsara għall-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 [5] u għall-paragrafu 4, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stipulata fil-paragrafi 2 u 3, skond l-impenji internazzjonali li daħlet għalihom il-Komunità.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jippreżenta lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għand jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fiż-żmien stipulat li l-president jista' jippreskrivi skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza stipulata fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-kumitat għandhom ikollhom il-piż bil-mod stipulat f'dak l-Artikolu. Iċ-chairman m'għandux vot.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti jekk ikunu skond l-opinjoni tal-kumitat.

(b) Jekk il-miżuri previsti ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ma tiġi ppreżentata ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tippreżenta lill-Kunsill proposta rigward id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati. Il-Kunsill għandu jaġixxi permezz ta' maġġoranza kwalifikata.

(ċ) Jekk, fl-għeluq tal-perjodu ta' tliet xhur mid-data ta' referenza lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

4. Id-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 11, 12 u 21 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87.

IL-KAPITOLU 2

EFFETTI LEGALI FI STAT MEMBRU TA' MIŻURI MEĦUDA, DOKUMENTI MAĦRUĠA U SKOPERTI MAGĦMULA FI STAT MEMBRU IEĦOR

L-Artikolu 250

Fejn proċedura doganali tintuża f'diversi Stati Membri,

- id-deċiżjonijiet, miżuri ta' identifikazzjoni meħuda jew miftIehma, u d-dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet doganali ta' Stat Membru għandu jkollhom l-istess effetti legali fi Stati Membri oħra bħal dawk id-deċiżjonijiet, miżuri meħuda u dokument maħruġa mill-awtoritajiet doganali ta' kull wieħed minn dawk l-Istati Membri;

- l-iskoperti magħmula fil-ħin li jitwettqu verifiki mill-awtoritajiet doganali ta' Stat Membru għandhu jkollhom l-istess forza konklużiva fl-Istati Membri l-oħra bħall-iskoperti magħmula mill-awtoritajiet doganali ta' kull wieħed minn dawk l-Istati Membri.

IL-KAPITOLU 3

DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA FINALI

L-Artikolu 251

1. Ir-Regolamenti u d-Direttivi li ġejjin huma b'dan imħassra:

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 802/68 tas-27 ta' Ġunju 1968 dwar id-definizzjoni komuni tal-kunċett ta' l-oriġini ta' merkanziji [6], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 456/91 [7];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 754/76 tal-25 ta' Marzu 1976 dwar it-trattament doganali applikabbli għal merkanzija miġjuba lura lejn it-territorju doganali tal-Komunità [8], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1147/86 [9];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2779/78 tat-23 ta' Novembru 1978 dwar il-proċedura biex tiġi applikata l-unità Ewropea ta' kont (UEK) għal atti legali adottati fl-isfera doganali [10], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 289/84 [11];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1430/79 tat-2 ta' Lulju 1979 dwar il-ħlas lura jew remissjoni ta' dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni [12], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1854/89 [13];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1697/79 ta' l-24 ta' Lulju 1979 dwar l-irkupru ta' wara l-ħelsien ta' dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni li ma kinux meħtieġa mill-persuna responsabbli għall-ħlas fuq merkanziji mdaħħla għal proċedura doganali li tinvolvi l-obbligazzjoni li jitħallsu dawk id-dazji [14], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1854/89 [15];

- Id-Direttiva tal-Kunsill 79/695/KEE ta' l-24 ta' Lulju 1979 dwar l-armonizzazzjoni ta' proċeduri għall-ħelsien ta' merkanziji għal ċirkolazzjoni libera [16], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/504/KEE [17];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1224/80 tat-28 ta' Mejju 1980 dwar il-valutazzjoni ta' merkanziji għall-iskopijiet doganali [18], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 4046/89 [19];

- Id-Direttiva tal-Kunsill 81/177/KEE ta' l-24 ta' Frar 1981 dwar l-armonizzazzjoni ta' proċeduri għall-esportazzjoni ta' merkanziji tal-Komunità [20], kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KEE) Nru 1854/89 [21];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3599/82 tal-21 ta' Diċembru 1982 dwar arranġamenti għall-importazzjoni temporanja [22], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1620/85 [23];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2763/83 tas-26 ta' Settembru 1983 dwar arranġamenti li jippermettu li merkanziji jiġu pproċessati taħt il-kontroll doganali qabel jiġu mqiegħda f'ċirkolazzjoni libera [24], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 720/91 [25];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2151/84 tat-23 ta' Lulju 1984 dwar it-territorju doganali tal-Komunità [26], kif l-aħħar emendat bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' Spanja u l-Portugall;

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1999/85 tas-16 ta' Lulju 1985 dwar arranġamenti ta' eżenzjoni dwar l-ipproċessar tad-dħul [27];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3632/85 tat-12 ta' Diċembru 1985 li jiddefinixxi l-kondizzjonijiet li taħthom persuna tista' tiġi permessa li tagħmel dikjarazzjoni doganali [28];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2473/86 tal-24 ta' Lulju 1986 dwar arranġamenti ta' witi dwar l-ipproċessar tal-ħruġ u s-sistema standard ta' bdil [29];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2144/87 tat-13 ta' Lulju 1987 dwar dejn doganali [30], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 4108/88 [31];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1031/88 tat-18 ta' April 1988 li jistabbilixxi l-persuni responsabbli għall-ħlas ta' dejn doganali [32], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1716/90 [33];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1970/88 tat-30 ta' Ġunju 1988 li tirrigwarda traffiku triangulari taħt l-arranġamenti ta' eżenzjoni dwar l-ipproċessar tal-ħruġ u s-sistema standard tal-bdil [34];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2503/88 tal-25 ta' Lulju 1988 dwar imħażen doganali [35], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2561/90 [36];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2504/88 tal-25 ta' Lulju 1988 dwar żoni ħielsa u mħażen ħielsa [37], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1604/92 [38];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4151/88 tal-21 ta' Diċembru 1988 li jistipula d-dispożizzjonijiet applikabbli għal merkanziji mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità [39];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1854/89 ta' l-14 ta' Ġunju 1989 dwar id-daħla fil-kontijiet u termini ta' ħlas ta' ammonti ta' dazji fuq l-importazzjoni u dazji fuq l-esportazzjoni li jirrizultaw minn dejn doganali [40];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1855/89 ta' l-14 ta' Ġunju 1989 dwar l-importazzjoni temporanja ta'mezzi ta' trasport [41];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3312/89 tat-30 ta' Ottubru 1989 dwar l-importazzjoni temporanja ta' containers [42];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4046/89 tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-garanzija li għandha tingħata biex jiġi żgurat il-ħlas ta' dejn doganali [43];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1715/90 ta' l-20 ta' Ġunju 1990 dwar l-informazzjoni provduta mill-awtoritajiet doganali ta' Stati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta' merkanziji fin-nomenklatura doganali [44];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2726/90 tas-17 ta' Settembru 1990 dwar transitu tal-Komunità [45], ħlief għall-Artikolu 3 (3)(b);

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 717/91 tal-21 ta' Marzu 1991 rigward id-Dokument Wieħed Amministrattiv [46];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 719/91 tal-21 ta' Marzu 1991 dwar l-użu fil-Komunità ta' ktejjeb TIR u ktejjeb ATA bħala dokumenti tat-transitu [47].

2. Fl-atti kollha tal-Komunità fejn issir referenza għal Regolamenti jew Direttivi li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1, dik ir-referenza għandha titqies li tirreferi għal dan il-Kodiċi.

L-Artikolu 252

1. L-Artikoli 141, 142 u 143 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83 [48] huma b'dan imħassra.

2. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 [49], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3492/91 [50], qiegħed b'dan jiġi emendat kif ġej:

"(a) L-Artikolu 8 qiegħed b'dan jiġi emendat kif ġej: Il-kelmiet li ġejjin għandhom jiddaħħlu wara l-kelma "kumitat": "li hemm provdut dwaru fl-Artikolu 247 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità".

(b) Is-sentenza ta' introduzzjoni fl-Artikolu 10(1) qiegħda b'dan tiġi emendata kif ġej: "Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jippreżenta lill-kumitat li hemm provdut dwaru fl-Artikolu 247 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità abbozz…".

(ċ) L-Artikoli 7 u 11 qegħdin b'dan jiġu mħassra."

L-Artikolu 253

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jibda jgħodd mill-1 ta' Jannar 1994.

It-Titolu VIII m'għandux japplika għar-Renju Unit qabel l-1 ta' Jannar 1995.

Iżda, l-Artikolu 161 u, sa fejn jirrigwardaw l-esportazzjoni mill-ġdid, l-Artikoli 182 u 183 għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 1993. Sa fejn l-imsemmija Artikoli jagħmlu referenza għad-dispożizzjonijiet f'din il-Kodiċi u sa dak iż-żmien li dawk id-dispożizzjonijiet jidħlu fis-seħħ, ir-referenzi għandhom jitqiesu li jalludu għad-dispożizzjonijiet korrispondenti fir-Regolamenti u fid-Direttivi elenkati fl-Artikolu 251.

Qabel l-1 ta' Ottubru 1993, il-Kunsill għandu, skond il-bażi ta' rapport dwar il-progress tal-Kummissjoni dwar diskussjonijiet rigward il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mir-rata ta' konverżjoni monetarja użata għall-applikazzjoni ta' miżuri tal-politika agrikola komuni, jirrevedu l-problema ta' kummerċ f'merkanziji bejn l-Istati Membri fil-kuntest tas-suq intern. Dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti tal-Kummissjoni jekk ikun hemm, li fuqhom il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

Qabel l-1 ta' Jannar 1998, il-Kunsill għandu, skond il-bażi ta' rapport tal-Kummissjoni, jirrevedi din il-Kodiċi bil-għan li jagħmel dawk l-adattamenti li jistgħu jidħru neċessarji waqt li jagħtu każ b'mod partikolari tas-suċċess tas-suq intern. Dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti, jekk ikun hemm, li fuqhom il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-12 ta' Ottubru 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

W. Waldegrave

[1] ĠU C 128, tat-23.5.1990, p. 1.

[2] ĠU C 72, tat-18.3.1991, p. 176 u d-Deċiżjoni tas-16 ta' Settembru 1992 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 60, tat-8.3.1991, p. 5.

[4] ĠU 172, tat- 30.9.1966, p. 3025/66.

[5] ĠU L 256, tas-7.9.1987, p. 1.

[6] ĠU L 148, tat-28.6.1968, p. 1.

[7] ĠU L 54, tat-28.2.1991, p. 4.

[8] ĠU L 89, tat-2.4.1976, p. 1.

[9] ĠU L 105, tat-22.4.1986, p. 1.

[10] ĠU L 333, tat-30.11.1978, p. 5.

[11] ĠU L 33, ta' l-4.2.1984, p. 2.

[12] ĠU L 175, tat-12.7.1979, p. 1.

[13] ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 1.

[14] ĠU L 197, tat-3.8.1979, p. 1.

[15] ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 1.

[16] ĠU L 205, tat-13.8.1979, p. 19.

[17] ĠU L 281, tat-12.10.1990, p. 28.

[18] ĠU L 134, tal-31.5.1980, p. 1.

[19] ĠU L 388, tat-30.12.1989, p. 24.

[20] ĠU L 83, tat-30.3.1981, p. 40.

[21] ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 1.

[22] ĠU L 376, tal-31.12.1982, p. 1.

[23] ĠU L 155, ta' l-14.6.1985, p. 54.

[24] ĠU L 272, tal-5.10.1985, p. 1.

[25] ĠU L 78, tas-26.3.1991, p. 9.

[26] ĠU L 197, tas-27.7.1984, p. 1.

[27] ĠU L 188, ta' l-20.7.1985, p. 1.

[28] ĠU L 350, tas-27.12.1985, p. 1.

[29] ĠU L 212, tat-2.8.1986, p. 1.

[30] ĠU L 201, tat-22.7.1987, p. 15.

[31] ĠU L 361, tad-29.12.1988, p. 2.

[32] ĠU L 102, tal-21.4.1988, p. 5.

[33] ĠU L 160, tas-26.6.1990, p. 6.

[34] ĠU L 174, tas-6.7.1988, p. 1.

[35] ĠU L 225, tal-15.8.1988, p. 1.

[36] ĠU L 246, ta' l-10.9.1990, p. 1.

[37] ĠU L 225, tal-15.8.1988, p. 8.

[38] ĠU L 173, tas-26.6.1992, p. 30.

[39] ĠU L 367, tal-31.12.1988, p. 1.

[40] ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 1.

[41] ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 8.

[42] ĠU L 321, ta' l-4.11.1989, p. 5.

[43] ĠU L 388, tat-30.12.1989, p. 1.

[44] ĠU L 160, tas-26.6.1990, p. 1.

[45] ĠU L 262, tas-26.9.1990, p. 1.

[46] ĠU L 78, tas-26.3.1991, p. 1.

[47] ĠU L 78, tas-26.3.1991, p. 6.

[48] ĠU L 105, tat-23.4.1983, p. 1.

[49] ĠU L 256, tas-7.9.1987, p. 1.

[50] ĠU L 328, tat-30.11.1991, p. 80.

--------------------------------------------------

Top