Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31990L0364

Id-Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 1990 dwar id-dritt ta' residenza

OJ L 180, 13.7.1990, p. 26–27 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)
Special edition in Finnish: Chapter 06 Volume 003 P. 58 - 59
Special edition in Swedish: Chapter 06 Volume 003 P. 58 - 59
Special edition in Czech: Chapter 20 Volume 001 P. 3 - 4
Special edition in Estonian: Chapter 20 Volume 001 P. 3 - 4
Special edition in Latvian: Chapter 20 Volume 001 P. 3 - 4
Special edition in Lithuanian: Chapter 20 Volume 001 P. 3 - 4
Special edition in Hungarian Chapter 20 Volume 001 P. 3 - 4
Special edition in Maltese: Chapter 20 Volume 001 P. 3 - 4
Special edition in Polish: Chapter 20 Volume 001 P. 3 - 4
Special edition in Slovak: Chapter 20 Volume 001 P. 3 - 4
Special edition in Slovene: Chapter 20 Volume 001 P. 3 - 4

No longer in force, Date of end of validity: 29/04/2006; Imħassar b' 32004L0038

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1990/364/oj

31990L0364



Official Journal L 180 , 13/07/1990 P. 0026 - 0027
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0058
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0058


Id-Direttiva tal-kunsill

tat-28 ta' Ġunju 1990

dwar id-dritt ta' residenza

(90/364/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Artikolu 3(ċ) tat-Trattat jipprovdi li l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu, kif provdut fit-Trattat, l-abolizzjoni ta' ostakli għall-moviment liberu għall-persuni bejn l-Istati Membri;

Billi l-Artikolu 8a tat-Trattat jipprovdi li s-suq intern għandu jkun stabbilit sal-31 ta' Diċembru 1992; billi s-suq intern jikkonsisti f'żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu tal-merkanzija, il-persuni, is-servizzi u l-kapital huwa assigurat skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat;

Billi dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-dritt ta' ċittadini ta' l-Istati Membri li jirrisjedu fi Stat Membru li mhux dak tagħhom għandhom ikunu armonizzati sabiex ikun assigurat dan il-moviment liberu;

Billi l-benefiċjarji tad-dritt ta' residenza ma għandhomx isiru piż irraġjonevoli fuq il-finanzi pubbliċi ta' l-Istat Membru ospitanti;

Billi dan id-dritt jista' jkun eżerċitat ġenwinament biss jekk dan jingħata wkoll lill-membri tal-familja;

Billi l-benefiċjarji ta' din id-Direttiva għandhom ikunu koperti minn arranġamenti amministrattivi simili għal dawk stipulati partikolarment fid-Direttiva 68/360/KEE [4] u d-Direttiva 64/221/KEE [5];

Billi t-Trattat ma jipprovdix, għall-azzjoni kkonċernata, setgħat barra minn dawk ta' l-Artikolu 235,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. L-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt ta' residenza liċ-ċittadini ta' Stati Membri li ma jgawdux minn dan id-dritt taħt dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Komunità u lill-membri tal-familji tagħhom kif definit fil-paragrafu 2, basta li huma nfushom u l-membri tal-familji tagħhom ikunu koperti b'assigurazzjoni għall-mard fir-rigward tar-riskji kollha fl-Istat Membru ospitanti u li jkollhom riżorsi biżżejjed sabiex jevitaw li jsiru piż fuq is-sistema ta' l-assistenza soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta' residenza tagħhom.

Ir-riżorsi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jitqiesu biżżejjed fejn dawn ikunu ogħla mill-livell ta' riżorsi li minnu ľ isfel l-Istat Membru ospitanti jista' jagħti assistenza soċjali liċ-ċittadini tiegħu, b'konsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi personali ta' l-applikant u, fejn ikun xieraq, iċ-ċirkostanzi personali tal-persuni ammessi skond il-paragrafu 2.

Fejn it-tieni subparagrafu ma jkunx jista' jiġi applikat fi Stat Membru, ir-riżorsi ta' l-applikant għandhom jitqiesu biżżejjed jekk dawn ikunu ogħla mil-livell tal-pensjoni minima tas-sigurtà soċjali mħallsa mill-Istat Membru ospitanti.

2. Is-segwenti għandhom, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, ikollhom id-dritt li jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor mad-detentur tad-dritt ta' residenza:

(a) il-mara jew ir-raġel tiegħu/tagħha u d-dixxendenti tagħhom li huma dipendenti;

(b) qraba dipendenti fil-linja ta' l-axxendenti tad-detentur tad-dritt ta' residenza u l-mara jew ir-ragel tiegħu/tagħha.

Artikolu 2

1. L-eżerċizzju tad-dritt ta' residenza għandu jkun ippruvat permezz tal-ħruġ ta' dokument magħruf bħala "Permess ta' residenza għal ċittadin ta' Stat Membru tal-KEE", li l-validità tiegħu tista' tkun limitata għal ħames snin fuq bażi rinnovabbli. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, meta huma jqisu li dan huwa meħtieġ, jitolbu t-tiġdid tal-validità tal-permess fit-tmiem ta' l-ewwel sentejn ta' residenza. Meta membru tal-familja ma jkunx ċittadin ta' Stat Membru, dan għandu jinħariġlu dokument ta' residenza ta' l-istess validità bħal dak maħruġ liċ-ċittadin li fuqu huwa jiddependi.

Għall-iskop tal-ħruġ tal-permess jew dokument ta' residenza, l-Istat Membru jista' jitlob biss li l-applikant jippreżenta karta ta' l-identità valida jew passaport validu u jipprovdi prova li huwa jew hija t/jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1.

2. L-Artikoli 2, 3, 6 (1) (a) u (2) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 68/360/KEE għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-benefiċjarji ta' din id-Direttiva.

Il-mara jew ir-raġel u t-tfal dipendenti ta' ċittadin ta' Stat Membru li huwa ntitolat għad-dritt ta' residenza fit-territorju ta' Stat Membru għandhom ikunu ntitolati li jidħlu għal kull attività ta' mpjieg jew li jaħdmu għal rashom kull fejn ikunu fit-territorju ta' dak l-Istat Membru, anke jekk huma m'humiex ċittadini ta' Stat Membru.

L-Istati Membri m'għandhomx jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva ħlief għal raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. F'dak il-każ, id-Direttiva 64/221/KEE għandha tapplika.

3. Din id-Direttiva m'għandhiex taffetwa l-liġi eżistenti dwar l-akkwist tat-tieni dar.

Artikolu 3

Id-dritt ta' residenza għandu jibqa' sakemm il-benefiċjarji ta' dak id-dritt jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard minn tliet snin mid-data ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, u f'intervalli ta' tliet snin wara dan, tfassal rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u tissottomettih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 1992. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih b'dan.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-28 ta' Ġunju 1990.

għall-Kunsill

Il-President

M. Geoghegan-quinn

[1] ĠU C 191, tat-28.7.1989, pġ. 5; u ĠU C 26, tat-3.2.1990, pġ. 22.

[2] L-opinjoni mogħtija fit-13 ta' Ġunju 1990 (għadha m'hix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 191, tat-30.12.1989, pġ. 25.

[4] ĠU L 257, tad-19.10.1968, pġ. 13.

[5] ĠU C 56, ta' 1- 4.4.1964, pġ. 850/64.

--------------------------------------------------

Top