EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31988L0357

It-Tieni Direttiva Tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’assigurazzjoni diretta ta’ xort oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE

OJ L 172, 4.7.1988, p. 1–2 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)
Special edition in Finnish: Chapter 06 Volume 002 P. 175 - 187
Special edition in Swedish: Chapter 06 Volume 002 P. 175 - 187
Special edition in Czech: Chapter 06 Volume 001 P. 198 - 212
Special edition in Estonian: Chapter 06 Volume 001 P. 198 - 212
Special edition in Latvian: Chapter 06 Volume 001 P. 198 - 212
Special edition in Lithuanian: Chapter 06 Volume 001 P. 198 - 212
Special edition in Hungarian Chapter 06 Volume 001 P. 198 - 212
Special edition in Maltese: Chapter 06 Volume 001 P. 198 - 212
Special edition in Polish: Chapter 06 Volume 001 P. 198 - 212
Special edition in Slovak: Chapter 06 Volume 001 P. 198 - 212
Special edition in Slovene: Chapter 06 Volume 001 P. 198 - 212
Special edition in Bulgarian: Chapter 06 Volume 001 P. 197 - 211
Special edition in Romanian: Chapter 06 Volume 001 P. 197 - 211
Special edition in Croatian: Chapter 06 Volume 009 P. 16 - 29

No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2015; Imħassar b' 32009L0138 U Ara 32012L0023 U 32013L0058 . Latest consolidated version: 11/06/2005

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1988/357/oj

31988L0357



Official Journal L 172 , 04/07/1988 P. 0001 - 0014
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0175
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0175


It-Tieni Direttiva Tal-Kunsill

tat-22 ta’ Ġunju 1988

dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta ta’ xort’ oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE

(88/357/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 57(2) u 66 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi huwa neċessarju li jiġi żviluppat is-suq intern ta’ l-assigurazzjoni u, biex jintlaħaq dan l-għan, huwa mixtieq li jsir aktar faċli għal intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni li jkollhom l-uffiċċju ewlieni tagħhom fil-Komunità li jipprovdu servizzi fl-Istati Membri, biex b’hekk ikun possibbli għal titolari tal-poloz li ma jkollhomx biss rikors għal assiguraturi stabbiliti fil-pajjiż tagħhom stess, imma wkoll għal assiguraturi li jkollhom l-uffiċċju ewlieni tagħhom fil-Komunità u li huma stabbiliti fi Stati Membri oħrajn;

Billi, skond it-Trattat, kull diskriminazzjoni fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ibbażata fuq il-fatt li intrapriża mhijiex stabbilita fl-Istat Membru li fih huma pprovduti s-servizzi ġiet projbita sa mit-tmiem tal-perjodu transitorju; billi din il-projbizzjoni tapplika għal servizzi pprovduti minn kull stabbiliment fil-Komunità, kemm jekk l-uffiċċju ewlieni ta’ intrapriża kemm jekk aġenzija jew fergħa;

Billi, għal raġunijiet prattiċi, huwa mixtieq li tiġi definita l-provvista ta’ servizzi b’kont meħud kemm ta’ l-istabbiliment ta’ l-assiguratur kemm tal-post fejn ir-riskju jkun jinstab; billi għalhekk għandha wkoll tiġi adottata definizzjoni tas-sitwazzjoni tar-riskju; billi, madanakollu, huwa mixtieq li ssir distinzjoni bejn l-attività mwettqa mill-istabbiliment u l-attività mwettqa permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi;

Billi huwa mixtieq li tiġi ssupplimentata l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE ta’ l-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-insegwiment tan-negozju ta’ assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja [4], hawnhekk iżjed’il quddiem imsemmija bħala "l-ewwel Direttiva," kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 87/343/KEE [5], sabiex b’mod partikolari jiġu kkjarifikati il-poteri u l-mezzi ta’ sorveljanza vestiti fl-awtoritajiet ta’ sorveljanza; billi huwa wkoll mixtieq li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-bidu, t-twettiq u s-sorveljanza ta’ attività permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi;

Billi titolari tal-poloz li, permezz ta’ l-istatus, id-daqs jew in-natura tar-riskju tagħhom li għandu jiġi assigurat, ma jeħtiġux protezzjoni speċjali fl-Istat li fih ikun jinstab ir-riskju, għandhom jingħataw libertà assoluta biex jagħmlu użu mis-suq ta’ l-assigurazzjoni l-aktar wiesa’ possibbli; billi, barra minnhekk, huwa mixtieq li tiġi garantita lil titolari oħrajn tal-poloz protezzjoni adegwata;

Billi l-ħsieb li jkunu protetti titolari tal-poloz u li jkun evitat kull disturb ta’ kompetizzjoni jiġġustifikaw il-koordinazzjoni tar-rilass tar-regoli dwar l-assi li jaqblu, previsti fl-ewwel Direttiva;

Billi d-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri li jirrigwardaw liġi ta’ kuntratt ta’ l-assigurazzjoni jibqgħu ivarjaw; billi l-libertà ta’ l-għażla, bħal-liġi applikabbli għall-kuntratt, liġi ta’ xort’oħra minn dik ta’ l-Istat li fih jinstab ir-riskju tista’ tingħata f’ċerti każijiet, skond ir-reġoli li jieħdu kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi;

Billi l-kamp ta’ din id-Direttiva għandu jinkludi assigurazzjoni obbligatorja imma għandu jeħtieġ li l-kuntratt li jkopri din l-assigurazzjoni jkun inkonformità mad-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrelataw għal din l-assigurazzjoni, kif previst mill-Istat Membru li jimponi l-obbligu ta’ l-assigurazzjoni;

Billi d-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel Direttiva dwar it-trasferiment ta’ portfolio għandhom jissaħħu u jiġu supplimentati b’dispożizzjonijiet li speċifikament ikopru t-trasferiment tal-portfolio ta’ kuntratti konklużi għall-provvista ta’ servizzi lil intrapriżi oħra;

Billi l-kamp tad-dispożizzjonijiet li speċifikament jikkonċernaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandu jeskludi ċerti riskji, li l-applikazzjoni għalihom tad-dispożizzjonijiet imsemmija isir b’hekk inapproprjat f’dan l-istadju permezz tar-regoli speċifiċi adottati mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri, minħabba n-natura u implikazzjonijiet soċjali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet; billi, għalhekk, dawn l-esklużjonijiet għandhom jiġu rieżaminati wara li din id-Direttiva tkun fis-seħħ għal ċertu perjodu;

Billi, fl-interessi li jiġu protetti t-titolari tal-poloz, l-Istati Membri għandhom, fl-istadju preżenti fil-koordinazzjoni, jitħallew l-għażla li jillimitaw it-twettiq simultanju ta’ attività permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u attività permezz ta’ stabbiliment; billi ma jista’ jkun hemm l-ebda limitazzjoni meta t-titolari tal-poloz ma jeħtiġux din il-protezzjoni;

Billi l-insegwiment ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhom ikunu suġġetti għal proċeduri li jiggarantixxu l-konformità ta’ l-intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni mad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw kemm il-garanziji finanzjarji kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni; billi dawn il-proċeduri jistgħu jkunu rilassati f’każijiet meta l-attività permezz tal-provvista ta’ servizzi tkopri titolari tal-poloz li, permezz ta’ l-istatus tagħhom, id-daqs tagħhom jew in-natura tar-riskju li għandu jiġi assigurat, ma jeħtiġux protezzjoni speċjali fl-Istat li fih ikun jinsab ir-riskju;

Billi huwa neċessarju li tinbeda kooperazjoni speċjali fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ sorveljanza ta’ l-Istati Membri u bejn dawn l-awtoritajiet u l-Kummissjoni; billi għandha wkoll issir dispożizzjoni biex tiġi applikata sistema ta’ penalitajiet meta l-intrapriża li tipprovdi s-servizz tonqos milli tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Istat Membru tal-provvista ta’ servizz;

Billi, fl-istennija ta’ koordinazzjoni fil-ġejjieni, ir-riservi tekniċi għandhom ikunu suġġetti għar-regoli u s-sorveljanza ta’ l-Istat Membru ta’ provvista ta’ servizzi meta din il-provvista ta’ servizzi tinvolvi riskji li fir-rigward tagħhom l-Istat li jirċievi s-servizz ikun jixtieq li jipprovdi protezzjoni speċjali għal titolari tal-poloz; billi, madanakollu, jekk dan il-ħsieb għall-protezzjoni tat-titolari tal-poloz ma jkunx ġustifikat, ir-riservi tekniċi jibqgħu jkunu suġġetti għar-regoli u s-sorveljanza ta’ l-Istat Membru li fih ikun stabbilit l-assiguratur;

Billi xi Stati Membri ma jissuġġettawx operazzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni għal xi forma ta’ tassazzjoni indiretta, waqt li l-maġġoranza japplikaw taxxi speċjali u forom oħrajn ta’ kontribuzzjoni, inklużi sovrapiżijiet intiżi għal korpi ta’ kumpens; billi l-istruttura u r-rata ta’ dawn it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet ivarjaw konsiderevolment bejn l-Istati Membri li fihom huma applikati; billi huwa mixtieq li tkun evitata sitwazzjoni fejn id-differenzi eżistenti jwasslu għal disturb ta’ kompetizzjoni f’ servizzi ta’ l-assigurazzjoni bejn Stati Membri; billi, fl-istennija ta’ armonizzazzjoni fil-ġejjieni, l-applikazzjoni tas-sistema tat-taxxa u ta’ forom oħra ta’ kontribuzzjonijiet previsti fl-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju aktarx li jirrimedjaw dan l-inkwiet u billi huwa għall-Istati Membri li jistabbilixxu metodu biex jassiguraw li dawn it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet jinġabru;

Billi huwa mixtieq li tiġi pprevenuta l-applikazzjoni mhux koordinata ta’ din id-Direttiva u tad-Direttiva tal-Kunsill 78/473/KEE tat-30 ta’ Mejju 1978 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-ko-assigurazzjoni Komunitarja [6] milli jwasslu għall-eżeistenza ta’ tlett sistemi differenti f’kull Stat Membru; billi, għalhekk, il-kriterji li jiddefinixxu "riskji kbar" f’din id-Direttiva għandhom ukoll jiddefinixxu riskji li aktarx ikunu koperti taħt arranġamenti ta’ ko-assigurazzjoni Komunitarja;

Billi huwa mixtieq li jittieħed kont, fis-sens ta’ l-Artikolu 8Ċ tat-Trattat, tal-limitu ta’ l-isforz li jeħtieġ li jsir minn ċerti ekonomiji li juru differenzi fl-iżvilupp; billi, għalhekk, huwa mixtieq li l-Istati Membri jingħataw ċerti arranġamenti transitorji għall-applikazzjoni gradwali tad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ din id-Direttiva li jirrelataw għall-libertà li jiġu provduti servizzi,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IT-TITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

L-Artikolu 1

L-għan ta’ dan id-Direttiva hu:

(a) li tissupplimenta l-ewwel Direttiva 73/239/KEE;

(b) li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċjali li jirrelataw għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-intrapriża u fir-rigward tal-klassijiet ta’ l-assigurazzjoni koperti b’dik l-ewwel Direttiva.

Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a) "l-ewwel Direttiva" tfisser:

id-Direttiva 73/239/KEE;

(b) "intrapriża":

- għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tat-Titoli I u II, tfisser:

kull intrapriża li tkun irċeviet awtorizzazzjoni uffiċjali taħt l-Artikolu 6 jew 23 ta’ l-ewwel Direttiva,

- għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tat-Titoli III u V, tfisser:

kull intrapriża li tkun irċeviet awtorizzazzjoni uffiċjali taħt l-Artikolu 6 ta’ l-ewwel Direttiva;

(ċ) "stabbiliment:"

ifisser l-uffiċċju ewlieni, l-aġenzija jew il-fergħa ta’ intrapriża, b’kont meħud ta’ l-Artikolu 3;

(d) "Stat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju" jfisser:

- l-Istat Membru li fih tkun tinstab il-proprjetà, meta l-assigurazzjoni tirrelata jew għal bini inkella għal bini u l-kontenut tagħhom, sa fejn il-kontenut ikun kopert mill-istess polza ta’ l-assigurazzjoni,

- l-Istat Membru tar- reġistrazzjoni, meta l-assigurazzjoni tirrelata għal vetturi ta’ kull tip,

- l-Istat Membru fejn it-titolari tal-polza jkun ħareġ il-polza fil-każ ta’ poloz ta’ erba’ xhur jew anqas li jkopru riskji ta’ l-ivvjaġġar jew ta’ vaganza, tkun xi tkun il-klassi kkonċernata,

- l-Istat Membru fejn it-titolari tal-polza jkollu r-residenza abitwali tiegħu, jew jekk it-titolari tal-polza jkun persuna ġuridika, l-Istat Membru fejn l-istabbiliment ta’ dan ta’ l-aħħar, li jkun jirrelata għalih il-kuntratt, ikun jinstab, fil-każijiet kollha li mhumiex espliċitament koperti bl-inċiżi ta’ qabel;

(e) "Stat Membru ta’ stabbiliment" ifisser:

l-Istat Membru li fih ikun jinstab l-istabbiliment li jkopri r-riskju;

(f) "Stat Membru tal-provvista tas-servizzi" jfisser: l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju meta dan ikun kopert minn stabbiliment li jkun jinstab fi Stat Membru ieħor.

L-Artikolu 3

Għall-iskopijiet ta’ l-ewwel Direttiva u ta’ din id-Direttiva, kull preżenza permanenti ta’ intrapriża fit-territorju ta’ Stat Membru għandha tiġi ttrattata bl-istess mod bħal aġenzija jew fergħa, anki jekk dik il-preżenza ma jkollhiex il-forma ta’ fergħa jew aġenzija, imma tikkonsisti biss f’uffiċċju amministrat mill-impjegati ta’ l-intrapriża proprja jew minn persuna li tkun indipendenti imma li jkollha l-awtorità permanenti biex taġixxi għall-intrapriża bħal ma kienet tagħmel aġenzija.

L-Artikolu 4

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva u l-ewwel Direttiva, kundizzjonijiet ġenerali u speċjali tal-polza m’għandhomx jinkludu kundizzjonijiet speċifiċi intiżi biex jissodisfaw, f’każ individwali, iċ-ċirkostanzi partikolari tar-riskju li għandu jiġi kopert.

IT-TITOLU II

Dispożizzjonijiet supplimentari għall-ewwel Direttiva

L-Artikolu 5

"(d) "riskji kbar’" ifissru:

(i) riskji kklassifikati taħt il-klassijiet 4, 5, 6, 7, 11 u 12 tal-punt A ta’ l-Anness;

(ii) riskji kklassifikati taħt il-klassijiet 14 u 15 tal-punt A ta’ l-Anness, meta t-titolari tal-polza jkun ingaġġat professjonalment f’attività industrijali jew kummerċjali jew f’waħda mill-professjonijiet liberali, u r-riskji jirrelataw għal din l-attività;

(iii) riskji kklassifikati taħt il-klassijiet 8, 9, 13 u 16 tal-punt A ta’ l-Anness sa fejn it-titolari tal-polza jeċċedi l-limiti ta’ mill-anqas tnejn minn dawn it-tliet kriterji li ġejjin:

l-ewwel stadju: sal-31 ta’ Diċembru 1992:

- it-total tal-balance-sheet: 12,4 miljun ECU,

- valur fuq il-bejgħnett: 24 miljun ECU,

- numru medju ta’ impjegati matul is-sena finanzjarja: 500.

it-teni stadju: mill-1 ta’ Jannar 1993:

- it-total tal-balance-sheet: 6,2 miljun ECU,

- valur fuq il-bejgħnett: 12.8 miljun ECU,

- numru medju ta’ impjegati matul is-sena finanzjarja: 250.

Jekk it-titolari tal-polza jappartieni għal grupp ta’ intrapriżi li jitfasslu għalihom kontijiet konsolidati fis-sens tad-Direttiva 83/349/KEE [7], il-kriterji msemmija hawn fuq għandhom jiġu applikati fuq il-bażi tal-kontijiet konsolidati.

Kull Stat Membru jista’ jżid mal-kategorija msemmija taħt (iii) riskji assigurati minn assoċjazzjonijiet professjonali, intrapriżi konġunti jew gruppi temporanji."

L-Artikolu 6

Għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 24 ta’ l-ewwel Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ma’ l-Anness 1 ma din id-Direttiva fir-rigward tar-regoli li jaqblu.

L-Artikolu 7

1. Il-liġi applikabbli għal kuntratti ta’ assigurazzjoni msemmija f’din id-Direttiva u li jkopru riskji li jinstabu fl-Istati Membri hija determinata skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) Meta titolari ta’ polza jkollu r-residenza abitwali tiegħu jew l-amministrazjoni ċentrali fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju, il-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ l-assigurazzjoni għandha tkun il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Madanakollu, meta l-liġi ta’ dak l-Istat Membru tippermetti, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi ta’ pajjiż ieħor.

(b) Meta titolari ta’ polza ma jkollux ir-residenza abitwali tiegħu jew l-amministrazzjoni ċentrali fl-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju, il-partijiet għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni jistgħu jagħżlu li japplikaw jew il-liġi ta’ l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju jew il-liġi tal-pajjiż li fih it-titolari tal-polza jkollu r-residenza abitwali tiegħu jew l-amministrazzjoni ċentrali.

(ċ) Meta titolari ta’ polza jwettaq attività kummerċjali jew industrijali jew professjoni liberali u meta l-kuntratt ikopri żewġ riskji jew aktar li jirrelataw għal dawn l-attivitajiet u li jkunu jinstabu fi Stati Membri differenti, il-libertà ta’ l-għażla tal-liġi applikabbli għall-kuntratt għandha tiġi estiża għal-liġijiet ta’ dawk l-Istati Membri u tal-pajjiż li fih it-titolari tal-polza jkollu r-residenza abitwali tiegħu jew iċ-ċentru ta’ l-amministrazzjoni.

(d) Minkejja s-subparagrafi (b) u (ċ), meta l-Istati Membri msemmija f’dawk is-subparagrafi jagħtu libertà ta’ l-għażla akbar tal-liġi applikabbli għall-kuntratt, il-partijiet jistgħu jieħdu vantaġġ minn din il-libertà.

(e) Minkejja s-subparagrafi (a), (b) u (ċ), meta r-riskji koperti bil-kuntratt huma limitati għal avvenimenti li jseħħu fi Stat Membru wieħed barra mill-Istat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju, kif definit fl-Artikolu 2(d), il-partijiet jistgħu dejjem jagħżlu l-liġi ta’ dak l-Istat ta’ qabel.

(f) Għar-riskji msemmija fl-Artikolu 5(d)(i) ta’ l-ewwel Direttiva, il-partijiet għall-kuntratt jistgħu jagħżlu kwalunkwe liġi.

(g) Il-fatt li, fil-każijiet imsemmija fis-subparagrafu (a) jew (f), il-partijiet ikunu għażlu liġi m’għandux, meta l-elementi l-oħrajn kollha relevanti għas-sitwazzjoni fil-waqt ta’ l-għażla jkunu konnessi ma’ Stat Membru wieħed biss, jippreġudika l-applikazzjoni tar-regoli mandatorji tal-liġi ta’ dak l-Istat Membru, li jfisser ir-regoli li minnhom il-liġi ta’ dak l-Istat Membru ma tippermetti l-ebda deroga permezz ta’ kuntratt.

(h) L-għażla msemmija fis-subparagrafi preċedenti għandha tiġi espressa jew murija b’ ċertezza raġjonevoli skond it-termini tal-kuntratt jew iċ-ċirkostanzi tal-każ. Jekk dan ma jkunx il-każ, jew jekk l-ebda għażla ma tkun saret, il-kuntratt għandu jiġi rregolat bil-liġi tal-pajjiż, minn fost dawk ikkunsidrati fis-subparagrafi relevanti ta’ hawn fuq, li magħhom ikun l-aktar konness mill-qrib. Madanakollu, parti li tista tinqata tal-kuntratt li għandha konnessjoni aktar mill-qrib ma pajjiż ieħor, minn fost dawk ikkunsidrati fis-subparagrafi relevanti, tista’ bħala eċċezzjoni tiġi rregolata bil-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. Il-kuntratt għandhu jkun presunt b’mod konfutabbli li jkun konness mill-qrib l-aktar ma l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju.

(i) Meta Stat jinkludi diversi unitajiet territorjali, li kull waħda minnhom ikollha r-regoli proprji tagħha ta’ liġi li tikkonċerna obbligi kuntrattwali, kull unità għandha tiġi kkunsidrata bħala pajjiż għall-iskopijiet ta’ l-identifikazzjoni tal-liġi applikabbli taħt din id-Direttiva.

Stat Membru li fih l-unitajiet territorjali varji jkollhom ir-regoli proprji tagħhom ta’ liġi li jikkonċernaw obbligi kuntrattwali m’għandhomx ikunu marbuta li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għal konflitti li jorġinaw bejn il-liġijiet ta’ dawk l-unitajiet.

2. Xejn f’dan l-Artikolu m’għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi tal-forum f’ sitwazzjoni meta dawn ikunu mandatorji, irrispettivament mil-liġi applikabbli xort oħra għall-kuntratt.

Jekk il-liġi ta’ Stat Membru tistipula hekk, ir-regoli mandatorji tal-liġi ta’ l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju jew ta’ l-Istat Membru li jimponi l-obbligu li tittieħed assigurazzjoni tista’ tiġi applikata jekk u sa fejn, taħt il-liġi ta’ dawk l-Istati, dawk ir-regoli għandhom jiġu applikati indipendentament mil-liġi applikabbli għal dak il-kuntratt.

Meta l-kuntratt ikopri riskji li jinstabu f’aktar minn Stat Membru wieħed, il-kuntratt huwa kkunsidrat għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu bħala li jikkostitwixxi diversi kuntratti li kull wieħed minnhom jirrelata biss għal Stat Membru wieħed.

3. Suġġett għall-paragrafi preċedenti, l-Istati Membri għandhom japplikaw għall-kuntratti ta’ l-assigurazzjoni msemmija f’din id-Direttiva ir-regoli ġenerali tagħhom ta’ liġi internazzjonali privata li jikkonċernaw obbligi kuntrattwali.

L-Artikolu 8

1. Taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu, intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni jistgħu joffru u jikkonkludu kuntratti obbligatorji ta’ assigurazzjoni skond ir-regoli ta’ din id-Direttiva u ta’ l-ewwel Direttiva.

2. Meta Stat Membru jimponi obbligu biex tittieħed assigurazzjoni, il-kuntratt m’għandux jissoddisfa dak l-obbligu sakemm dan ma jkunx skond id-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrelataw għal dik l-assigurazzjoni stabbilita minn dak l-Istat Membru.

3. Meta, fil-każ ta’ assigurazzjoni obbligatorja, il-liġi ta’ l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju u l-liġi ta’ l-Istat Membru li jimponi l-obbligu li tittieħed assigurazzjoni jikkontradixxu’ l xulxin, dan ta’ l-aħħar għandu jkun prevalenti.

4. (a) Soġġett għas-subparagrafi (b) u (ċ) ta’ dan il-paragrafu, it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(2) għandu japplika meta l-kuntratt ta’ l-assigurazzjoni jipprovdi kopertura f’diversi Stati Membri li minnhom mill-anqas wieħed jimponi obbligu li tittieħed assigurazzjoni.

(b) Stat Membru li, fid-data tan-notifika ta’ din id-Direttiva, jeħtieġ li kull intrapriża stabbilita fit-territorju tiegħu għandha takkwista approvazzjoni għall-kundizzjonijiet ġenerali u speċjali ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja tagħha, jista’ wkoll, b’deroga mill-Artikoli 9 u 18, jeħtieġ li dawn il-kundizzjonijiet jiġu approvati fil-każ ta’ kull intrapriża ta’ assigurazzjoni li toffri din il-kopertura, fit-territorju tiegħu, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1).

(ċ) Stat Membru jista’, b’deroga mill-Artikolu 7, jistabbilixxi li l-liġi applikabbli għal kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja tkun il-liġi ta’ l-Istat li jimponi l-obbligu li tittieħed l-assigurazzjoni.

(d) Meta Stat Membru jimponi assigurazzjoni obbligatorja u l-assiguratur għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti b’kull waqfien tal-kopertura, dan il-waqfien jista’ jiġi invokat kontra partijiet terzi biss fiċ-ċirkostanzi stabbiliti fil-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat.

5. (a) Kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni r-riskji li kontrihom l-assigurazzjoni hija obbligatorja skond il-leġislazzjoni tiegħu, u jiddikjara:

- id-dispożizzjonijiet legali speċifiċi li jirrelataw għal dik l-assigurazzjoni,

- id-dettalji li għandhom jitniżżlu fiċ-ċerrifikat li assiguratur għandu joħroġ lil persuna assigurata meta dak l-Istat jeħtieġ prova li l-obbligu li tittieħed assigurazzjoni ikun ġie sodisfatt. Stat Membru jista’ jeħtieġ li dawk id-dettalji jinkludu dikjarazzjoni mill-assiguratur li l-kuntratt jikkonforma mad-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrelataw għal dik l-assigurazzjoni.

(b) Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-dettalji msemmija fis-subparagrafu (a) fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

(ċ) Stat Membru għandu jaċċetta, bħala prova li l-obbligu ta’ l-assigurazzjoni jkun ġie ssodisfat, ċertifikat, li l-kontenut tiegħu ikun inkonformità mat-tieni inċiż tas-subparagrafu (a).

L-Artikolu 9

1. "2. Madanakollu, l-informazjoni msemmija f’ (a) u (b) li tikkonċerna il-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi u l-iskali ta’ premiums m’għandhiex tkun meħtieġa fil-każ ta’ riskji msemmija fl-Artikolu 5(d)."

2. "3. Din il-koordinazzjoni m’għandhiex tipprevieni l-Istati Membri milli jmantnu jew milli jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jikkonċernaw, b’mod partikolari, in-neċessità għal amministraturi u diretturi li jkunu teknikament kwalifikati u l-approvazzjoni ta’ l-articles of association, il-kundizzjonijiet ġenerali u speċjali tal-poloz ta’ l-assigurazzjoni, l-iskali ta’ premiums u kull dokument ieħor neċessarju għall-eżerċizzju normali tas-sorveljanza.

Madanakollu, fir-rigward tar-riskji msemmija fl-Artikolu 5(d), Stati Membri m’ għandhomx jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jkunu jeħtieġu l-approvazzjoni jew in-notifika sistematika ta’ kundizzjonijiet ġenerali u ta’ politika speċjali, skali ta’ premiums, jew formoli u dokumenti stampati oħrajn li l-intrapriża jkollha l-ħsieb li tuża fit-trattar tagħha mat-titolari tal-poloz. Huma jistgħu jeħtieġu biss notifika nonsistematika ta’ dawn il-kundizzjonijiet u dokumenti oħrajn, għall-iskop ta’ verifika ta’ konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward ta’ dawn ir-riskji, u din il-ħtieġa ma tistax tikkostitwixxi kondizzjoni bil-quddiem biex intrapriża tkun tista twettaq l-attivitajiet tagħha.

Fir-rigward tar-riskji msemmija fl-Artikolu 5(d), Stati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu notifika bil-quddiem jew l-approvazzjoni ta’ żidiet proposti fir-rati ta’ premiums ħlief bħala parti minn sistema ġenerali ta’ kontroll tal-prezz.

Din il-koordinazzjoni m’għandhiex iżżomm l-Istati Membri milli jissoġġettaw intrapriżi li jitolbu jew li jkunu akkwistaw awtorizzazzjoni għall-klassi 18 fil-punt A ta’ l-Anness għal kontrolli fuq ir-riżorsi diretti jew indiretti tagħhom fuq impjegati u tagħmir, inkluża l-kwalifika tal-gruppi mediċi tagħhom u tal-kwalità tat-tagħmir, disponibbli għall-intrapriżi biex jissodisfaw l-impenji tagħhom li joriġinaw minn din il-klassi ta’ assigurazzjoni."

L-Artikolu 10

"3. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi kollha neċessarji biex jassigura li l-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza ta’ intrapriżi ta’ assigurazzjoni jkollhom il-poteri u l-mezzi neċessarji għas-sorveljanza ta’ l-attivitajiet ta’ intrapriżi ta’assigurazzjoni stabbiliti fit-territorju tagħhom, inklużi attivitajiet li jkun daħal għalihom barra dak it-territorju, skond id-Direttiva tal-Kunsill li tirregola dawk l-attivitajiet u għall-iskop li jara li dawn ikunu implimentati.

Dawk il-poteri u mezzi għandhom, b’mod partikolari, jawtorizzaw lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza biex:

- jagħmlu inkjesti dettaljati dwar is-sitwazzjoni ta’ l-intrapriża u n-negozju kollu tagħha, inter alia billi:

- jiġbru informazzjoni jew jeħtieġu s-sottomissjoni ta’ dokumenti li jikkonċernaw in-negozju ta’ l-assigurazzjoni,

- iwettqu verifiki fuq il-post fil-lokal ta’ l-intrapriża,

- li jieħdu kull miżura fir-rigward ta’ l-intrapriża li tkun approprjata u neċessarja biex jiġi assigurat li l-attivitajiet ta’ l-intrapriża jibqgħu inkonformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li magħhom l-intrapriża għandha tikkonforma f’kull Stat Membru u partikolarment ma’ l-iskema ta’ operazzjonijiet sa fejn din tibqa obbligatorja, u li jipprevienu, jew ineħħu kull irregolarità preġudizzjarja għall-interessi tat-titolari tal-poloz,

- jassiguraw li l-miżuri meħtieġa mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza jkunu mwettqa, jekk jeħtieġ b’applikazzjoni, meta approprjat permezz ta’ mezzi ġudizzjarji.

L-Istati Membri jistgħu ukoll jagħmlu dispożizzjoni għall-awtoritajiet ta’ sorveljanza biex jakkwistaw kull informazzjoni rigward kuntratti li jkunu miżmuma minn intermedjarji."

L-Artikolu 11

1. L-Artikolu 21 ta’ l-ewwel Direttiva huwa b’hekk imħassar.

2. Kull Stat Membru għandu, fuq il-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali, jawtorizza intrapriżi li huma stabbiliti fit-territorju tiegħu biex jittrasferixxu il-portfolios tal-kuntratti kollha jew parti minnhom li għalihom dak l-Istat ikun l-Istat fejn ikun jinstab ir-riskju lejn uffiċċju li jaċċetta li jkun stabbilit f’ dak l-istess Stat Membru, jekk l-awtoritajiet ta’ sorveljanza, ta’ l-Istat Membru li fih l-uffiċju ewlieni ta’ l-uffiċċju li jaċċetta jkun jinstab, jiċċertifkaw li dan ta’ l-aħħar ikun jippossiedi l-marġini neċessarju ta’ likwidità meħtieġ wara li jittieħed kont tat-trasferiment.

3. Kull Stat Membru għandu, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi nazzjonali, jawtorizza intrapriżi li huma stabbiliti fit-territorju tiegħu biex jittrasferixxu il-portfolios tal-kuntratti kollha tagħhom jew parti minnhom konklużi fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 12 (1), lejn uffiċju li jaċċetta stabbilit fl-Stat Membru ta’ provvista ta’ servizzi jekk l-awtoritajiet ta’ sorveljanza, ta’ l-Istat Membru li fih ikun jinstab l-uffiċċju ewlieni ta’ l-uffiċċju li jaċċetta, jiċċertifkaw li dan ta’ l-aħħar jippossiedi l-marġini ta’ likwidità neċessarju wara li jittieħed kont tat-trasferiment.

4. Kull Stat Membru għandu, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-liġi nazzjonali, jawtorizza intrapriżi li huma stabbiliti fit-territorju tiegħu li jitrasferixxu il-portfolios tal-kuntratti kollha tagħhom jew parti minnhom konklużi fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 12(1), lejn uffiċċju li jaċċetta li jkun stabbilit fl-istess Stat Membru, jekk l-awtoritajiet ta’ sorveljanza, ta’ l-Istat Membru li fih ikun jinstab l-uffiċċju ewlieni ta’ l-uffiċċju li jaċċetta, jiċċertifikaw li l-uffiċċju li jaċċetta għandu l-marġini ta’ likwidità neċessarju wara li jittieħed kont tat-trasferiment u ta’ jekk jissodisfax il-kundizzjonijiet fl-Artikoli 13 sa 16 fl-Istat Membru ta’ provvista ta’ servizzi.

5. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 3 u 4, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza ta’ l-Istat Membru li fih l-intrapriża li tittrasferixxi tkun stabbilita għandhom jawtorizzaw it-trasferiment wara li jirċievu l-kunsens ta’ l-awtoritajiet ta’ sorveljanza ta’ l-Istat Membru li jipprovdi s-servizzi.

6. Jekk Stat Membru, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali, jawtorizza intrapriżi stabbiliti fit-territorju tiegħu li jittrasferixxu il- portfolios tal-kuntratti kollha tagħhom jew parti minnhom lil uffiċċju li jaċċetta li jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor li ma jkunx l-Istat Membru ta’ provvista ta’ servizzi, għandu jassigura li dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

- l-awtoritajiet ta’ sorveljanza ta’ l-Istat Membru li fih ikun jinstab l-uffiċju ewlieni ta’ l-uffiċju li jaċċetta għandu jiċċertifika li dan ta’ l-aħħar jippossiedi l-marġini neċessarju ta’ likwidità wara li jieħdu kont tat-trasferiment,

- l-Istat Membru li fih ikun stabbilit l-uffiċċju li jaċċetta jaqbel,

- l-uffiċċju li jaċċetta jissodisfa l-kundizzjonijiet fl-Artikoli 13 sa 16 fl-Istat Membru li jipprovdi s-servizzi, il-liġi ta’ dak l-Istat Membru tipprovdi għall-possibbiltà ta’ dan it-trasferiment u dak l-Istat Membru jabel li jsir it-trasferiment.

7. Trasferiment awtorizzat skond dan l-Artikolu għandu jkun ippubblikat, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali, fl-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju. Dan it-trasferiment għandu jkun awtomatikament validu kontra titolari tal-poloz, il-persuni assigurati u kull persuna oħra li jkollha d-drittijiet u l-obbligi li joriġinaw mill-kuntratti trasferiti.

Din id-dispożizzjoni m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ Stati Membri li jipprovdu titolari bl-għażla li jikkanċellaw il-kuntratt tul perjodu partikulari wara t-trasferiment.

IT-TITOLU III

Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-libertà ta’ provvista ta’ servizzi

L-Artikolu 12

1. Dan it-Titolu għandu japplika meta intrapriża, permezz ta’ stabbiliment li jkun jinstab fi Stat Membru, tkopri riskju li jkun jinstab, provvista ta’ servizzi għall-iskopijiet ta’ dan it-Titolu.

2. Dan it-Titolu m’għandux japplika għall-operazzjonijiet, l-intrapriżi u istituzzjonijiet li ma tapplikax għalihom l-ewwel Direttiva, lanqas għar-riskji li għandhom ikunu koperti minn istituzzjonijiet skond il-liġi pubblika msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva.

Dan it-Titolu m għandux japplika għal kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopru riskji kklassifikati taħt in-numri li ġejjin tal-punt A ta’ l-Anness ma l-ewwel Direttiva:

- Nru 1:

fir-rigward ta’ inċidenti fuq ix-xogħol,

- Nru 10:

mhux inkluża r-responsabbiltà tat-trasportatur,

- Nru 12:

fir-rigward ta’ dgħajjes bil-mutur u dgħajjes li l-Istat Membru ikkonċernat jagħmel suġġetti għall-istess arranġamenti bħal vetturi ta’ l-art bil-mutur fil-ħin tan-notifika ta’ din id-Direttiva,

- Nru 13:

fir-rigward ta’ responsabbiltà nukleari ċivili u responsabbiltà ta’ prodotti farmaċewtiċi,

- Nri 9 u 13:

fir-rigward ta’ assigurazzjoni obbligatorja ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.

Dawn l-esklużjonijiet ser ikunu eżaminati mill-Kunsill mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 1998.

3. Fl-istennija tal-koordinazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(2)(ċ) ta’ l-ewwel Direttiva, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ żżomm il-projbizzjoni fuq l-impriża simultanja fit-territorju tagħha, skond l-arranġamenti għall-provvista ta’ servizzi, ta’ assigurazzjoni tas-saħħa ma klassijiet oħrajn.

L-Artikolu 13

Il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri għandha tipprovdi li intrapriża stabbilita fi Stat Membru tista tkopri f’dak l-Istat, permezz tal-provvista ta’ servizzi, mill-anqas:

- riskji kbar kif definiti fl-Artikolu 5(d) ta’ l-ewwel Direttiva,

- riskji barra minn dawk definiti fl-Artikolu 5(d) ta’ l-ewwel Direttiva li jidħlu fil-klassijiet li għalihom l-istabbiliment hemmhekk ma jkollu ebda awtorizzazzjoni.

L-Artikolu 14

Kull intrapriża li jkollha l-intenzjoni li tipprovdi servizzi għandha l-ewwel tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn ikun jinstab l-uffiċju ewlieni, u, meta approprjat, ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment ikkonċernat, u tindika l-Istat Membru jew l-Istati Membri li fit-territorju tagħhom għandha l-ħsieb li tipprovdi servizzi u n-natura tar-riskji li hi tipproponi li tkopri.

Dawk l-awtoritajiet jistgħu jeħtieġu l-provvista ta’ l-informazzjoni jew il-prova msemmija fl-Artikolu 9 jew 11 ta’ l-ewwel Direttiva.

L-Artikolu 15

1. Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’l-Artikolu 16, kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu intrapriża jkollha l-ħsieb li tipprovdi servizzi, jista’ jagħmel aċċess għal din l-attività suġġett għal awtorizzazzjoni amministrattiva; għal dak l-iskop, jista jeħtieġ li l-intrapriża:

(a) tipproduċi ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ fejn ikun jinstab l-uffiċju ewlieni li jattesta li din tippossiedi għall-attivitajiet tagħha kollha kemm huma l-marġini minimu ta’ likwidità ikkalkulat skond l-Artikoli 16 u 17 ta’ l-ewwel Direttiva u li l-awtorizzazzjoni, skond l-Artikolu 7(1) ta’ l-imsemmija Direttiva, jawtorizza lill-intrapriża li topera barra mill-Istat Membru ta’ stabbiliment;

(b) tipproduċi ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment li jindika l-klassijiet li l-intrapriża tkun ġiet awtorizzata li tipprattika u li jikkonferma li dawk l-awtoritajiet ma joġġezzjonawx li l-intrapriża tipprovdi servizzi;

(ċ) tissottometti skema ta’ operazzjonijiet li jikkontjenu d-dettalji li ġejjin

- in-natura tar-riskji li l-intrapriża tipproponi li tkopri fl-Istati Membri li fih tipprovdi s-servizzi,

- il-kundizzjonijiet ġenerali u speċjali tal-poloz ta’ l-assigurazzjoni li hi topproponi li tuża hemmhekk,

- ir-rati ta’ premiums li l-intrapriża jkollha l-ħsieb li tapplika għal kull klassi ta’ negozju,

- il-formoli u d-dokumenti stampati oħrajn li hija jkollha l-ħsieb li tuża fit-trattamenti tagħha ma’ titolari tal-poloz, sa fejn dawn ikunu wkoll meħtieġa mill-intrapriżi stabbiliti.

2. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ provvista ta’ servizzi jistgħu jeħtieġu li d-dettalji msemmija fil-paragrafu 1(ċ) jkunu fornuti lilhom fil-lingwa uffiċjali ta’ dak l-Istat.

3. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ provvista ta’ servizzi għandu jkollhom perjodu ta’ sitt xhur mill-irċevuta tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 li fih jagħtu jew jirrifjutaw awtorizzazzjoni fuq il-bażi tal-konformità jew in-non-konformità tad-dettalji fl-iskema ta’ operazzjonijiet sottomessa mill-intrapriża mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbi f’dak l-Istat.

4. Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ provvista ta’ servizzi ma jkunux taw deċiżjoni sat-tmiem tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 3, l-awtorizzazzjoni għandha titqies li tkun ġiet irrifjutata.

5. Kull deċiżjoni għar-rifjut ta’ awtorizzazzjoni jew għar-rifjut ta’ ċertifikat kif imsemmi fil-paragrafu 1(a) jew (b) għandu jkollha magħha r-raġunijiet preċiżi u tiġi ikkomunikata lill-intrapriża inkwistjoni.

6. Kull Stat Membru għandu jdaħħal fis-seħħ id-dritt li tittieħed azzjoni legali fil-qrati kontra rifjut ta’ awtorizzazzjoni jew rifjut li jinħareġ iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1(a) jew (b).

L-Artikolu 16

1. Kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu intrapriża jkollha l-ħsieb li tipprovdi servizzi li jkopru r-riskji msemmija fl-Artikolu 5(d) ta’ l-ewwel Direttiva għandu jeħtieġ li l-intrapriża:

(a) tipproduċi ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ fejn ikun jinstab l-uffiċċju ewlieni li jiddikjara li din tippossiedi għall-attivitajiet tagħha kollha kemm huma l-marġini minimu ta’ likwidità ikkalkulat skond l-Artikoli 16 u 17 ta’ l-ewwel Direttiva u li l-awtorizzazzjoni, skond l-Artikolu 7(1) ta’ l-imsemmija Direttiva, tippermetti lill-intrapriża li topera barra l-Istat Membru ta’ stabbiliment;

(b) tipproduċi ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment li jindika l-klassijiet li l-intrapriża tkun ġiet awtorizzata li tipprattika u li jikkonferma li dawk l-awtoritajiet ma joġġezzjonawx li l-intrapriża tipprovdi servizzi;

(ċ) tiddikkjara in-natura tar-riskji li hi tipproponi li tkopri fl-Istat Membru ta’ provvista ta’ servizzi.

2. Kull Stat Membru għandu jdaħħal fis-seħħ id-dritt li wieħed japplika lill-qrati fil-każ ta’ rifjut li jinħareġ iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 (a) jew 1 (b).

3. L-intrapriża tista’ tibda bl-attivitajiet mid-data ċertifikata li fiha l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru, tal-provvista ta’ servizzi jkunu fil-pussess tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1.

4. Dan l-Artikolu għandu wkoll japplika meta l-Istat Membru, li fit-territorju tiegħu intrapriża jkollha l-intenzjoni tipprovdi servizzi li jkopru riskji barra minn dawk imsemmija fl-Artikolu 5(d) ta’ l-ewwel Direttiva, ma jagħmilx aċċess għal din l-attività kundizzjonali fuq awtorizzazzjoni amministrattiva.

L-Artikolu 17

1. Meta intrapriża msemmija fl-Artikolu 14 jkollha l-intenzjoni li temenda l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1)(ċ) jew fl-Artikolu 16(1)(ċ), din għandha tissottometti l-emendi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-provvista tas-servizzi. Dawn l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ skond ir-regoli fl-Artikoli 15(3) u 16(3) rispettivament.

2. Meta intrapriża msemmija fl-Artikolu 14 ikollha l-intenzjoni li testendi l-attivitajiet tagħha għal riskji, barra minn dawk imsemmija fl-Artikolu 5(d) ta’ l-ewwel Direttiva, din għandha timxi mal-proċedura deskritta fl-Artikoli 14 u 15.

3. Meta intrapriża msemmija fl-Artikolu 14 ikollha l-intenzjoni li testendi l-attivitajiet tagħha għal riskji msemmija fl-Artikolu 5(d) ta’ l-ewwel Direttiva jew fl-Artikolu 16(4) ta’ din id-Direttiva, din għandha timxi mal-proċedura deskritta fl-Artikoli 14 u 16.

L-Artikolu 18

1. Din il-koordinazzjoni m’għandhiex iżżomm lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jikkonċernaw, partikolarment, l-approvazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ politika ġenerali u speċjali, ta’ formoli u dokumenti stampati oħrajn għal użu fit-trattament ma’ titolari tal-poloz, ta’ skali ta’ premiums u ta’ kull dokument ieħor neċessarju għall-eżerċizzju normali ta’ sorveljanza sakemm ir-regoli ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment ma jkunux suffiċjenti biex jintlaħaq il-livell neċessarju ta’ protezzjoni u l-ħtiġijiet ta’ l-Istat Membru tal-provvista tas-servizzi ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju f’dan ir-rigward.

2. Madanakollu, fir-rigward tar-riskji msemmija fl-Artikolu 5(d) ta’ l-ewwel Direttiva, Stati Membri m’għandhomx jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jkunu jeħtieġu l-approvazzjoni jew in-notifika sistematika ta’ kundizzjonijiet ta’ politika ġenerali u speċjali, skali ta’ premiums, jew formoli u dokumenti stampati oħrajn li l-intrapriża jkollha l-ħsieb li tuża fit-trattar tagħha mat-titolari tal-poloz. Jistgħu jeħtieġu biss notifika nonsistematika ta’ dawn il-kundizzjonijiet u dokumenti oħrajn, għall-iskop ta’ verifika ta’ konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward ta’ dawn ir-riskji, għalkemm din il-ħtieġa ma tistax tikkostitwixxi kundizzjoni bil-quddiem sabiex intrapriża twettaq l-attivitajiet tagħha.

3. Fir-rigward tar-riskji msemmija fl-Artikolu 5(d) ta’ l-ewwel Direttiva, Stati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu notifika bil-quddiem jew approvazzjoni ta’ żidiet proposti fir-rati tal-premiums ħlief bħala parti minn sistema ġenerali ta’ kontroll tal-prezz.

L-Artikolu 19

1. Kull intrapriża li tipprovdi servizzi għandha tissottometti lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-provvista tas-servizzi d-dokumenti kollha mitluba minnha għall implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, sa fejn l-intrapriżi stabbiliti hemmhekk ikunu wkoll obbligati li jagħmlu dan.

2. Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jaċċertaw li intrapriża li tipprovdi servizzi fit-territorju tiegħu ma tkunx konformi mar-regoli legali fis-seħħ f’dak l-Istat li jkunu applikabbli għaliha, dawk l-awtoritajiet għandhom jitolbu lill-intrapriża kkonċernata biex ittemm is-sitwazzjoni irregolari.

3. Jekk l-intrapriża inkwistjoni tonqos milli tikkonforma mat-talba msemmija fil-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jipprovdi s-servizzi għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment kif xieraq. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment għandhom jieħdu l-miżuri kollha approprjati biex jassiguraw li l-intrapriża kkonċernata twaqqaf is-sitwazzjoni irregolari. In-natura ta’ dawk il-miżuri għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru tal-provvista tas-servizzi.

L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-provvista tas-servizzi jistgħu ukoll japplikaw lill-awtoritajiet kompetenti għall-uffiċċju ewlieni ta’ l-intrapriża ta’ l-assigurazzjoni jekk is-servizzi jkunu pprovduti minn aġenziji jew fergħat.

4. Jekk, minkejja l-miżuri hekk meħuda mill-Istat Membru ta’ stabbiliment, jew minħabba li dawn il-miżuri ma jkunux adegwati jew ikunu jonqsu fl-Istat Membru inkwistjoni, l-intrapriża tibqa’ tippersisti f li tikser ir-regoli legali fis-seħħ fl-Istat Membru tal-provvista tas-servizzi, dan l-Istat Membru ta’ l-aħħar jista’, wara li jinforma lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza fl-Istat Membru ta’ stabbiliment, jieħu miżuri approprjati biex jipprevieni aktar irregolaritajiet, inklużi, sa fejn ikun strettament neċessarju, il-prevenzjoni li jiġu konklużi iktar kuntratti ta’ assigurazzjoni minn dik l-intrapriża permezz tal-provvista ta’ servizzi fit-territorju tiegħu. Fil-każ ta’ riskji barra minn dawk imsemmija fl-Artikolu 5(d) ta’ l-Ewwel Direttiva, dawn il-miżuri għandhom jinkludu l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 15. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fit-territorju tagħhom ikun possibbli li jsiru in-notifiki meħtieġa għal dawn il-miżuri.

5. Dawn id-dispożizzjonijiet m’għandhomx jaffettwaw id-dritt ta’ Stati Membri li jikkastigaw irregolaritajiet fit-territorju tagħhom.

6. Jekk l-intrapriża li tkun ikkommettiet l-offiża ikollha stabbiliment jew tkun tippossiedi proprjetà fl-Istat Membru ta’ provvista ta’ servizzi, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza ta’ dan ta’ l-aħħar jistgħu, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, japplikaw il-penalitajiet amministrattivi preskritti għal dik l-offiża bħala applikazzjoni kontra dak l-istabbiliment jew il-proprjetà.

7. Kull miżura adottati skond il-paragrafi 2 sa 6 li tinvolvi penalitajiet jew restrizzjonijiet fuq il-provvista ta’ servizzi għandha tkun ġustifikata kif xieraq u kkomunikat kif xieraq lill-intrapriża kkonċernata. Kull waħda minn dawn il-miżuri għandha tkun suġġetta għad-dritt ta’ appell fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih l-awtoritajiet ikunu adottawha.

8. Meta jkunu ttieħdu miżuri skond l-Artikolu 20 ta’ l-ewwel Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ provvista ta’ servizzi għandhom ikunu infurmati bihom mill-awtorità li tkun ħadithom u għandhom, meta l-miżuri jkunu ittieħdu skond it-termini tal-paragrafi 1 u 3 ta’ l-imsemmi Artikolu, jieħu kull pass neċessarju biex jiġu salvagwardati l-interessi tal-persuni assigurati.

Fil-każ ta’ l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 22 ta’ l-ewwel Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ provvista ta’ servizzi għandu jkun infurmat b’din l-azzjoni u għandu jieħu l-miżuri approprjati biex jipprevienu l-istabbiliment ikkonċernat milli jkompli jikkonkludi kuntratti ta’ assigurazzjoni permezz ta’ provvista ta’ servizzi fit-territorju ta’ dak l-Istat.

9. Kull sentejn il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill rapport li jiġbor fil-qosor in-numru u t-tip ta’ każijiet li fihom, kull Stat Membru, deċiżjonijiet li jirrifjutaw awtorizzazzjonijiet jkunu ġew ikkommunikati taħt l-Artikolu 15 jew ikunu ttieħdu miżuri skond il-paragrafu 4. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni billi jipprovdulha l-informazzjoni meħtieġa għal dan ir-rapport.

L-Artikolu 20

Fil-każ li intrapriża ta’ assigurazzjoni tingħalaq, impenji li joriġinaw minn kuntratti ta’ assigurazzjoni tul il-provvista ta’ servizzi għandhom jiġu ssodisfati bl-istess mod bħal dawk li joriġinaw taħt il-kuntratti ta’ l-assigurazzjoni l-oħrajn ta’ l-intrapriża, mingħajr distinzjoni ta’ ċittadinanza sa fejn l-assigurat u l-benefiċjarji jkunu kkonċernati.

L-Artikolu 21

1. Meta assigurazzjoni tkun offerta bħala provvista ta’ servizzi, it-titolari tal-polza għandu, qabel ma jkun daħal f’kull impenn, ikun infurmat bl-Istat Membru li fih l-uffiċċju ewlieni, l-aġenzija jew il-fergħa li magħhom il-kuntratt għandu jiġi konkluż ikunu stabbiliti.

Kull dokument maħruġ lit-titolari tal-poloz għandu jikkontjeni l-informazzjoni msemmija fis-subparagrafu preċedenti.

Il-ħtiġiet fl-ewwel żewġ sub-paragrafi m’għandhomx japplikaw għar-riskji msemmija fl-Artikolu 5(d) ta’ l-ewwel Direttiva.

2. Il-kuntratt jew kull dokument ieħor li jagħti kopertura, flimkien mal-proposta ta’ l-assigurazzjoni meta din tkun torbot fuq min jagħmel il-proposta, għandhom jispeċifikaw l-indirizz ta’ l-istabbiliment ta’ l-assigurazzjoni li jkun qed jagħti l-kopertura u wkoll dak ta’ l-uffiċċju ewlieni.

L-Artikolu 22

1. Kull stabbiliment għandu jinforma lill-awtorità tiegħu ta’ sorveljanza fir-rigward ta’ operazzjonijiet effettwati permezz ta’ provvista ta’ servizzi bl-ammont ta’ premiums, mingħajr tnaqqis ta’ riassigurazzjoni, riċevibbli minn Stat Membru u minn grupp ta’ klassijiet. Il-gruppi tal-klassijiet għandhom jiġu definiti kif ġej:

- inċident u mard (1 u 2),

- nar u ħsarat oħra lill-proprjetà (8 u 9),

- avjazzjoni, marittima u trasport (3, 4, 5, 6, 7, 11 u 12),

- responsabbiltà ġenerali (13),

- kreditu u sigurtajiet (14 u 15),

- klassijiet oħrajn (16, 17 u 18).

L-awtorità ta’ sorveljanza ta’ kull Stat Membru għandha twassal din l-informazzjoni lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza ta’ l-Istati Membri tal-provvista ta’ servizzi.

2. Meta stabbiliment ikollu l-qliegħ tiegħu fi Stat Membru, fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, volum ta’ premiums, mingħajr tnaqqis ta’ riassigurazzjoni, ogħla minn 2500000 ECU, għandu jżomm kont ta’ assigurazzjonijiet, li jkun magħmul mill-unitajiet elenkati fl-Anness 2A jew 2B, maqsuma skond il-gruppi ta’ klassijiet għal dak l-Istat Membru.

Madanakollu, meta intrapriża, bl-istabbilimenti kollha tagħha meħuda flimkien, taqla’ fi Stat Membru, fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet imsemmija fl-ewwel sub-paragrafu tal-paragrafu 1, volum ta’ premiums, mingħajr tnaqqis ta’ riassigurazzjoni, ogħla minn 2500000 ECU, l-awtorità ta’ sorveljanza ta’ l-Istat Membru ta’ provvista ta’ servizzi tista titlob lill-awtorità ta’ sorveljanza ta’ l-Istat Membru ta’ l-uffiċċju ewlieni, li jinżamm kont dwar assigurazzjonijiet, fil-ġejjieni, għall-operazzjonijiet effettwati fil-pajjiż tiegħu minn kull stabbiliment ta’ dik l-intrapriża.

Il-kont ta’ l-assigurazzjonijiet imsmmi fl-ewwel jew fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jingħadda mill-awtorità ta’ sorveljanza ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment lill-awtorità ta’ sorveljanza ta’ l-Istat Membru ta’ provvista ta’ servizzi fuq it-talba ta’ dawn ta’ l-aħħar.

L-Artikolu 23

1. Meta l-provvista ta’ servizzi tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni mill-Istat Membru ta’ provvista ta’ servizzi, l-ammont tar-riservi tekniċi li għandhom x’jaqsmu mal-kuntratti kkonċernati għandu jiġi determinat, fl-istennija ta’ iktar armonizzazzjoni, taħt is-sorveljanza ta’ dak l-Istat Membru skond ir-regoli stabbiliti jew, fin-nuqqas ta’ dawn ir-regoli, skond il-prattika stabbilita f’dak l-Istat Membru. Il-kopertura ta’ dawn ir-riservi minn assi ekwivalenti u li jaqblu u l-lokalizzazzjoni ta’ dawk l-assi għandha tkun taħt is-sorveljanza ta’ dak l-Istat Membru skond ir-regoli jew il-prattika tiegħu.

2. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, determinazzjoni ta’ l-ammont tar-riservi tekniċi, u l-kopertura tagħhom b’assi ekwivalenti u li jaqblu u l-lokalizzazzjoni ta’ dawk l-assi għandhom ikunu taħt is-sorveljanza ta’ l-Istat Membru ta’ l-istabbiliment, skond ir-regoli jew il-prattika tiegħu.

3. L-Istat Membru ta’ stabbiliment għandu jassigura li r-riservi tekniċi li jirrelataw għall-kuntratti kollha li l-intrapriża tikkonkludi permezz ta’ l-stabbiliment ikkonċernat ikunu suffiċjenti, u li dawn ikunu koperti b’assi ekwivalenti u li jaqblu.

4. Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istat Membru ta’ stabbiliment u l-Istat Membru ta’ provvista ta’ servizzi għandhom jiskambjaw kull informazzjoni neċessarja għat-twettiq tad-dmirijiet rispettivi tagħhom taħt il-paragrafi 1 u 3.

L-Artikolu 24

Minkejja din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati li jeħtieġu intrapriżi li joperaw permezz tal-provvista ta’ servizzi fir-territorji tagħhom li jissieħbu u jipparteċipaw f’kull skema ddisinjata biex tiggarantixxi l-pagament ta’ pretensjonijiet dwar l-assigurazzjoni lil titolari tal-polozz u partijiet terzi inġurjati, skond l-istess termini bħall-intrapriżi stabbiliti.

L-Artikolu 25

Mingħajr preġudizzju għal kull armonizzazzjoni sussegwenti, kull kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż permezz ta’ provvista ta’ servizzi għandu jkun suġġett esklussivament għat-taxxi indiretti u l-piżijiet parafiskali fuq premiums ta’ l-assigurazzjoni fl-Istat Membru li fih jinstab ir-riskju fis-sens ta’ l-Artikolu 2(d), u wkoll, fir-rigward ta’ Spanja, għas-sovrapiżijiet legalment stabbiliti afavur il- "Consorcio de compensación de Seguro" Spanjol għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu rigward il-kumpens għal telf li joriġina minn avvenimenti straordinarji li jseħħu f’dak l-Istat Membru.

B’ deroga mill-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2(d), u għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-proprjetà mobbli li tkun tinstab f’bini li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru, ħlief għal oġġetti fi transitu kummerċjali, għandha tkun riskju li jkun jinstab f’dak l-Istat Membru, avolja l-bini u l-kontenut tiegħu mhumiex koperti bl-istess polza ta’ l-assigurazzjoni.

Il-liġi applikabbli għall-kuntratt skond l-Artikolu 7 m’għandhiex taffettwa l-arranġamenti fiskali applikabbli.

Kull Stat Membru għandu, soġġett għal armonizzazzjoni fil-futur, japplika lil dawk l-intrapriżi li jipprovdu servizzi fit-territorju tiegħu, id-dispożizzjonijiet nazzjonali proprji tiegħu għal miżuri biex jiġi assigurat il-ġbir ta’ taxxi indiretti u piżijiet parafiskali dovuti taħt l-ewwel subparagrafu.

L-Artikolu 26

1. Ir-riskji li jistgħu jkunu koperti permezz ta’ ko-assigurazzjoni Komunitarja fis-sens tad-Direttiva 78/473/KEE għandhom ikunu dawk definiti fl-Artikolu 5(d) ta’ l-ewwel Direttiva.

2. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jirrigwardaw ir-riskji definiti fl-Artikolu 5(d) ta’ l-ewwel Direttiva għandhom japplikaw għall-assiguratur ewlieni.

TITOLU IV

Arranġamenti transitorji

L-Artikolu 27

1. Il-Greċja, l-Irlanda, Spanja u l-Portugall jistgħu japplikaw l-arranġamenti transitorji li ġejjin:

(i) sal-31 ta’ Diċembru 1992, huma jistgħu japplikaw, għar-riskji kollha, ir-regime barra minn dak għar-riskji msemmija fl-Artikolu 5(d) ta’ l-ewwel Direttiva,

(ii) mill-1 ta’ Jannar 1993 sal-31 ta’ Diċembru 1994, ir-regime għal riskji kbar għandu japplika għal riskji msemmija taħt (i) u (ii) ta’ l-Artikolu 5(d) ta’ l-ewwel Direttiva; għal riskji msemmija taħt (iii) ta’ l-Artikolu 5(d) imsemmi hawn fuq, dawn l-Istati Membri għandhom jiffissaw il-livelli minimi li japplikaw għalihom;

(iii) Spanja

- mill-1 ta’ Jannar 1995 sal-31 ta’ Diċembru 1996, il-livelli minimi ta’ l-ewwel stadju deskritti fl-Artikolu 5(d)(iii) ta’ l-ewwel Direttiva għandhom japplikaw,

- mill-1 ta’ Jannar 1997, il-livelli minimi tat-tieni stadju għandhom japplikaw.

Il-Portugall, l-Irlanda u l-Greċja

- mill-1 ta’ Jannar 1995 sal-31 ta’ Diċembru 1998, il-livelli minimi ta’ l-ewwel stadju deskritti fl-Artikolu 5(d)(iii) ta’ l-ewwel Direttiva għandhom japplikaw,

- mill-1 ta’ Jannar 1999, il-livelli minimi tat-tieni stadju għandhom japplikaw.

Id-deroga permessa mill-1 ta’ Jannar 1995 għandha tapplika biss għal kuntratti li jkopru r-riskji kklassifikati taħt il-klassijiet 8, 9, 13 u 16 li jinsabu esklussivament f’ wieħed mill-erba Stati Membri li jibbenefikaw mill-arranġamenti transitorji.

2. Sal-31 ta’ Diċembru 1994, l-Artikolu 26(1) ta’ din id-Direttiva m’għandux japplika għal riskji li jinsabu fl-erba’ Stati Membri elenkati f’dan l-Artikolu. Għall-perjodu transitorju mill-1 ta’ Jannar 1995, ir-riskji definiti taħt l-Artikolu 5(d)(iii) ta’ l-ewwel Direttiva li jinsabu f’dawn l-Istati Membri u li jistgħu jkunu koperti b’ko-assigurazzjoni Komunitarja fis-sens tad-Direttiva 78/473/KEE għandhom ikunu dawk li jeċċedu l-livelli minimi msemmija fil-paragrafu 1(iii) ta’ dan l-Artikolu.

IT-TITOLU V

Dispożizzjonijiet Finali

L-Artikolu 28

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jikkollaboraw mill-qrib bl-iskop li jiffaċilitaw is-sorveljanza ta’ assigurazzjoni diretta fil-Komunità.

Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni b’kull diffikultà maġġuri li toħloq l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, interalia dawk li joriġinaw jekk Stat Membru isir jaf b’xi trasferiment mhux normali ta’ negozju ta’ assigurazzjoni għad-detriment ta’ intrapriżi stabbiliti fit-territorju tiegħu u għall-vantaġġ ta’ fergħat jew aġenziji li jkunu jinstabu ftit lil hinn mill-fruntieri tiegħu.

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri ikkonċernati għandhom jeżaminaw dawn id-diffikultajiet malajr kemm jista’ jkun sabiex tinstab soluzzjoni approprjata.

Meta neċessarju, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti xierqa lill-Kunsill.

L-Artikolu 29

Il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Kunsill rapporti regolari, l-ewwel wieħed fl-1 ta’ Lulju 1993, dwar l-iżvilupp tas-suq fl-assigurazzjoni effettwata taħt kundizzjonijiet ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi.

L-Artikolu 30

Meta din id-Direttiva tagħmel referenza għall-ECU, il-valur tal-kambju fil-muniti nazzjonali li għandu jintuża b’effett mill-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena għandu jkun il-valur li japplika fl-aħħar jum ta’ l-Ottubru preċedenti li għalih il-valuri tal-kambju għall-ECU jkunu disponibbli fil-muniti kollha tal-Komunità.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/580/KEE [8] għandu japplika biss għall-Artikoli 3, 16 u 17 ta’ l-ewwel Direttiva.

L-Artikolu 31

Kull ħames snin, il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jirrevedi u jekk neċessarju jemenda kull ammont espress f’ECU f’din id-Direttiva, billi jieħu kont ta’bidliet fis-sitwazzjoni ekonomika u monetarja tal-Komunità.

L-Artikolu 32

L-Istati Membri għandhom jemendaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien 18-il xahar mid-data tan-notifika tagħha [9] u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

Id-dispożizzjonijiet emendati skond dan l-Artikolu għandhom jiġu applikati fi żmien 24 xahar mid-data tan-notifika ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 33

Man-notifika ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-test tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ewlenija li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni.

L-Artikolu 34

L-Annessi għandhom jifformaw parti integrali minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 35

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Ġunju 1988.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Bangemann

[1] ĠU C 32, tat-12. 2. 1976, p. 2.

[2] ĠU C 36, tat-13. 2. 1978, p. 14; ĠU C 167, tas-27. 6. 1988 u d-Deċiżjoni tal-15 ta’ Ġunju 1988 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 204, tat-30. 8. 1976, p. 13.

[4] ĠU L 228, tas-16. 8. 1973, p. 3.

[5] ĠU L 185, ta’ l-4. 7. 1987, p. 72.

[6] ĠU L 151, tas-7.6.1978, p. 25.

[7] ĠU L 193, tat-18.7.1983, p. 1.

[8] ĠU L 189, tat-13.9.1976, p. 13.

[9] Din id-Direttiva ġiet innotifikata lill-Istati Membri fit-30 ta’ Ġunju 1988.

--------------------------------------------------

L-ANNESS 1

REGOLI TA’ KONGRUWENZA

Il-munita li biha jitħallsu l-impenji ta’ l-assiguratur għanda tiġi determinata skond ir-regoli li ġejjin:

1. Meta l-kopertura pprovduta b’kuntratt tkun espressa fit-termini ta’ munita partikolari, l-impenji ta’ l-assiguratur huma meqjusa bħala pagabbli f’dik il-munita.

2. Meta l-kopertura pprovduta b’kuntratt ma tkunx espressa f’termini ta’ xi munita, l-impenji ta’ l-assiguratur huma kkunsidrati bħala pagabbli fil-munita tal-pajjiż li fih ikun jinstab ir-riskju. Madanakollu, l-assiguratur jista’ jagħżel il-munita li biha jkun espress premium jekk ikun hemm bażijiet ġustifikati għall-eżerċizzju ta’ din l-għażla.

Dan jista’ jkun il-każ jekk, miż-żmien li fih ikun sar il-kuntratt, ikun jidher li pretensjoni x’aktarx ser titħallas fil-munita tal-premium u mhux fil-munita tal-pajjiż li fih ikun jinstab ir-riskju.

3. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-assiguratur biex jikkonsidra li l-munita li biha hu għandu jipprovdi kopertura tkun jew dik li hu jkun sejjer juża skond l-esperjenza akkwistata jew, fl-assenza ta’ din l-esperjenza, il-munita tal-pajjiż li fih ikun stabbilit:

- għal kuntratti li jkopru riskji klassifikati taħt il-klassijiet 4, 5, 6, 7, 11, 12 u 13 (ir-responsabbiltà tal-produtturi biss), u

- għal kuntratti li jkopru r-riskji klassifikati taħt klassijiet oħrajn, skond in-natura tar-riskji, il-koperta għandha tkun provduta f’munita minbarra dik li kienet tirriżulta mill-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ hawn fuq.

4. Meta tkun ġiet irrapurtata pretensjoni lill-assiguratur u tkun pagabbli f’munita speċifikata barra mill-munita li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ hawn fuq, l-impenni ta’ l-assiguratur għandhom jiġu kkunsidrati li huma pagabbli f’dik il-munita, u b’mod partikolari il-munita li biha għandu jitħallas il-kumpens mill-assiguratur tkun ġiet determinata minn sentenza tal-qorti jew bi ftehim bejn l-assiguratur u min ikun assigurat.

5. Meta tkun stmata talba f’munita li hija magħrufa mill-assiguratur bil-quddiem imma li hija differenti mill-munita li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ hawn fuq, l-assiguraturi jistgħu jikkonsidraw l-impenji tagħhom bħala pagabbli f’dik il-munita.

6. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw intrapriżi biex ma jkoprux ir-riservi tekniċi tagħhom b’assi li jaqblu jekk l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ hawn fuq kienu jirriżultaw f’ li l-intrapriża kemm jekk uffiċċju ewlieni kemm jekk fergħa tkun obbligata, sabiex tikkonforma mal-prinċipju ta’ kongruwenza, li żżomm l-assi f’munita li tammonta għal mhux aktar minn 7 % ta’ l-assi eżistenti f’muniti oħrajn.

Madanakollu:

(a) fil-każ ta’ assi ta’ riserva teknika li għandhom jiġu mqabbla fi drachmas Griegi, liri Irlandiżi u e scudos Portugiżi, dan l-ammont m’għandux jeċċedi:

- 1 miljun ECU matul perjodu transitorju li jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 1992,

- 2 miljun ECU mill-1 ta’ Jannar 1993 sal-31 ta’ Diċembru 1998;

(b) fil-każ ta’ assi ta’ riserva teknika li għandhom ikunu mqabbla fi franki Belġjani, franki tal-Lussemburgu u pesetas Spanjoli, dan l-ammont m’għandux jeċċedi ż-2 miljun ECU tul perjodu transitorju li jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 1996.

Mit-tmien tal-perjodi transitorji definiti taħt (a) u (b) ir-regime ġenerali għandha tapplika għal dawn il-muniti, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor.

7. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jeħtiġux li l-intrapriżi kemm jekk uffiċċji ewlenija kemm jekk fergħat — japplikaw il-prinċipju ta’ kongruwenza meta l-impenji jkunu pagabbli f’munita barra mill-munita ta’ wieħed mill-Istati Membri Komunitarji, jekk investimenti f’dik il-munita huma rregolati, jekk il-munita hija suġġetta għal restrizzjonijiet ta’ trasferimenti jew jekk, għal raġunijiet simili, ma tkunx addattata biex tkopri riservi tekniċi.

8. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw intrapriżi — kemm jekk uffiċċji ewlenin kemm jekk fergħat — biex ma jżommux assi li jaqblu biex ikopru ammont li ma jeċċedix 20 % ta’ l-impenji tagħhom f’munita partikolari.

Madanakollu, l-assi totali fil-muniti kollha kkumbinati flimkien għandhom ikunu mill-anqas ugwali għall-impenji totali fil-munita kollha kkumbinati.

9. Kull Stat Membru jista’ jipprovdi li, kull meta skond il-proċeduri preċedenti impenn għandu jiġi kopert b’assi espressi fil-munita ta’ Stat Membru, din il-ħtieġa għandha wkoll tiġi kkunsidrata li tkun issodisfata meta sa 50 % ta’ l-assi jkunu espressi f’ECU.

--------------------------------------------------

L-ANNESS 2A

Kont ta' l-assigurazzjoni

1. Premiums grossi totali akkwistati

2. L-ispiża totali tal-pretensjonijiet

3. Spejjeż ta' kummissjoni

4. Ir-riżultat gross ta' l-assigurazzjoni

--------------------------------------------------

L-ANNESS 2B

Kont ta' l-assigurazzjoni

1. Premiums grossi għas-sena ta' assigurazzjoni ta' l-aħħar

2. Pretensjonijiet grossi fl-aħħar sena ta' assigurazzjoni (inkluża r-riserva fit-tmiem tas-sena ta' assigurazzjoni)

3. L-ispejjeż ta' kummissjoni

4. Ir-riżultat gross ta' l-assigurazzjoni

--------------------------------------------------

Top