EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31987L0102

Id-Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta’ Dicembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur

OJ L 42, 12.2.1987, p. 48–53 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)
Special edition in Finnish: Chapter 15 Volume 007 P. 202 - 207
Special edition in Swedish: Chapter 15 Volume 007 P. 202 - 207
Special edition in Czech: Chapter 15 Volume 001 P. 326 - 331
Special edition in Estonian: Chapter 15 Volume 001 P. 326 - 331
Special edition in Latvian: Chapter 15 Volume 001 P. 326 - 331
Special edition in Lithuanian: Chapter 15 Volume 001 P. 326 - 331
Special edition in Hungarian Chapter 15 Volume 001 P. 326 - 331
Special edition in Maltese: Chapter 15 Volume 001 P. 326 - 331
Special edition in Polish: Chapter 15 Volume 001 P. 326 - 331
Special edition in Slovak: Chapter 15 Volume 001 P. 326 - 331
Special edition in Slovene: Chapter 15 Volume 001 P. 326 - 331
Special edition in Bulgarian: Chapter 15 Volume 001 P. 252 - 257
Special edition in Romanian: Chapter 15 Volume 001 P. 252 - 257

No longer in force, Date of end of validity: 10/06/2010; Imħassar b' 32008L0048 . Latest consolidated version: 12/05/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1987/102/oj

31987L0102



Official Journal L 042 , 12/02/1987 P. 0048 - 0053
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 7 P. 0202
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 7 P. 0202


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-22 ta’ Dicembru 1986

għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur

(87/102/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku w Soċjali [3],

Billi jezistu differenzi kbar fil-liġijiet ta’ l-Istati Membri fil-qasam tal-kreditu lill-konsumatur;

Billi dawn id-differenzi fil-liġi jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn min jagħti l-kreditu fis-suq komuni;

Billi dawn id-differenzi jillimitaw l-opportunitajiet li għandu l-konsumatur biex jikseb kreditu fi Stati Membri oħra; billi jaffettwaw il-volum u n-natura tal-kreditu mfittex, kif ukoll ix-xiri ta’ oġġetti u servizzi;

Billi, bħala riżultat, dawn id-differenzi għandhom influwenża fuq il-moviment ħieles tal-merkanzija u tas-servizzi li jistgħu jinkisbu mill-konsumaturi bi kreditu u għalhekk jaffettwaw direttament it-tħaddim tas-suq komuni;

Billi, minħabba li l-volum ta’ kreditu mogħti fil-Komunità lill-konsumaturi qed jikber, it-twaqqif ta’ suq komuni fil-kreditu tal-konusmatur jibbenefika bl-istess mod lill-konsumaturi, lil min jagħti l-kreditu, lill-manifatturi, lill-bejjiegħa bl-ingrossa u lill-bejjiegħa bl-imnut u lil min jipprovdi s-servizzi;

Billi, l-programmi tal-Komunità Ekonomika Ewropea għal politika ta’ protezzjoni u iinformazzjoni għall-konsumatur [4] jiddisponi, inter alia, li l-konsumatur irid jitħares minn kundizzjonijiet ta’ kreditu mhux ġusti u li l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-kreditu lill-konsumatur trid tittieħed bħala prijorità;

Billi d-differenzi fil-liġi u fil-prattika jirriżultaw fi protezzjoni tal-konsumatur fil-qasam tal-kreditu lill-konsumatur li mhix l-istess bejn Stat Membru u ieħor;

Billi kien hemm ħafna tibdil f’dawn l-aħħar snin fit-tipi ta’ kreditu disponibbli lil u użati mill-konsumaturi; billi ħarġu u qed ikomplu jiżviluppaw forom ġodda ta’ kreditu lill-konsumatur;

Billi l-konsumatur għandu jirċievi informazzjoni xierqa dwar il-kundizzjonijiet u l-prezz tal-kreditu u dwar l-obbligazzjonijiet tiegħu; billi din l-informazzjoni għandu jinsab fiha, inter alia, ir-rata perċentwali ta’ ħlas ta’ kull sena għall-kreditu, jew, jekk dan ma jistax isir, l-ammont totali li l-konsumatur irid iħallas għall-kreditu; billi, sakemm tittieħed deċiżjoni dwar xi metodu jew metodi tal-Komunità biex tiġi kkalkulata r-rata ta’ ħlas perċentwali ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jżommu l-metodi jew drawwiet li hemm bħal issa biex jikkalkulaw din ir-rata jew, jekk dan ma jistax isir, għandhom jistabbilixxu dispożizzjonijiet biex jindikaw in-nefqa totali tal-kreditu għall-konsumatur;

Billi l-kundizzjonijiet tal-kreditu jistgħu jkunu ta’ żvantaġġ għall-konsumaturi; billi protezzjoni aħjar tal-konsumaturi tista’ tinkiseb billi jiġu adottati u mitluba xi kundizzjonijiet li għandhom japplikaw għall-forom kollha ta’ kreditu;

Billi, wara li kkunsidraw il-karattru ta’ xi ftehim ta’ kreditu jew xi tipi ta’ transazzjonijiet, dawn il-ftehim jew transazzjonijiet għandhom jitħallew barra parzjalment jew għal kollox mill-qasam ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva;

Billi għandu jkun possibbli li l-Istati Membri, b’konsutalzzjoni mal-Kummissjoni, jeżentaw mid-Direttiva xi forom ta’ kreditu ta’ natura mhux kummerċjali mogħtija taħt kundizzjonijiet partikolari;

Billi d-drawwiet li jeżistu f’xi Stati Membri in konnessjoni ma’ xi atti awtentiċi magħmula quddiem nutar jew imħallef huma ta’ natura li tirrendi mhux meħtieġa l-applikazzjonijiet ta’ xi dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fil-każ ta’ atti ta’ din ix-xorta; billi għalhekk għandu jkun possibli li l-Istati Membri jeżentaw dawn l-atti minn dawk id-dispożizzjonijiet;

Billi ftehim dwar kreditu għal somom finanzjarji kbar ħafna aktarx li jkunu differenti mill-ftehim tas-soltu ta’ kreditu lill-konsumatur; Billi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għal ftehim fuq somom żgħar ħafna jistgħu joħolqu piżijiet mhux meħtieġa kemm fuq il-konsumaturi kif ukoll fuq min ikun qed jagħti l-kreditu; billi għalhekk, il-ftehim li jkun ’il fuq jew taħt xi limiti finanzjarji speċifiċi għandhom jitħallew barra minn din id-Direttiva;

Billi l-provvista ta’ informazzjoni dwar il-prezz tal-kreditu fl-irreklamar u fil-post tan-negozju tal-kreditur jew tas-sensar tal-kreditu jista’ jħaffef il-possibilta tal-konsumatur li jqabbel offerti differenti;

Billi l-protezzjoni tal-konsumatur titjieb aktar jekk il-ftehim dwar il-kreditu jsiru bil-miktub u jkunu jinsabu fihom dettalji minimi dwar il-kundizzjonijiet kontrattwali;

Billi, fil-każ ta’ xi kreditu mogħti għax-xiri ta’ xi oġġetti, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-kundizzjonijiet li fihom il-merkanzija jistgħu jittieħdu lura, b’mod partikulari jekk il-konsumatur ma tax il-kunsens tiegħu; billi malli jittieħdu lura l-kont ta’ bejn il-partijiet għandu jsir b’mod li jiżgura li t-teħid lura ma jġibx stagħnar mhux iġġustifikat;

Billi l-konsumatur għandu jitħalla jissodisfa l-obbligazzjonijiet tiegħu qabel id-data ta’ l-għeluq; billi l-konsumatur għandu mbagħad ikun intitolat għal tnaqqis ġust fl-ispiża totali tal-kreditu;

Billi l-għotja tad-drittijiet tal-kreditur li joħorġu minn ftehim ta’ kreditu m’għandhomx jitħallew idgħajfu l-pożizzjoni tal-konsumatur;

Billi dawk l-Istati Membri li jippermettu lill-konsumaturi li jużaw kambjali, ċedoli jew ċekkijiet in konnessjoni ma’ ftehim ta’ kreditu għandhom jiżguraw li l-konsumatur huwa protettt b’mod xieraq meta juża mezzi bħal dawn;

Billi, f’dak li għandhu x’jaqsam ma’ oġġetti u servizzi li l-konsumatur ikkuntratta biex jixtri fuq kreditu, il-konsumatur għandu, għallanqas fiċ-ċirkostanzi mfissra hawn taħt, ikollu xi drittijiet rigward min ikun qed jagħti l-kreditu li huma miżjuda mad-dirttijiet tiegħu kuntrattwali normali kontrih u kontra min ikun qed jipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi; billi ċ-ċirkostanzi msemmija aktar’ il fuq huma dawk fejn min qed jagħti l-kreditu u min qed jipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi jkollhom ftehim minn qabel li skontu l-kreditu jsir disponibbli biss minn dik il-persuna li tkun qiegħda tagħti l-kreditu lil min qed jixtri mingħand dik il-persuna li tipprovdi għall-iskop li tippermetti lill-konsumatur li jikseb il-merkanzija jew is-servizzi mingħand dan ta’ l-aħħar;

Billi l-ECU huwa skond kif iddefinit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3180/78 [5], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 2626/84 [6]; billi l-Istati Membri għandhom ikunu liberi sa ċertu punt limitat li jżidu jew inaqqsu sa l-eqreb numru sħiħ fil-munita nazzjonali l-ammonti li joħorġu mill-bdil ta’ l-ammonti ta’ din id-Direttiva mniżżla f’ECU; billi l-ammonti f’din id-Direttiva għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid kull tant żmien fid-dawl tat-tendenzi ekonomiċi u monetarji fil-Komunità, u, jekk ikun meħtieġ, jiġu riveduti;

Billi għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri miżuri xierqa biex jawtorizzaw lill-persuni li qed joffru l-kreditu jew li qed joffru biex jirranġaw ftehim ta’ kreditu jew biex jispezzjonaw jew jimmonitorjaw l-attiviatjiet ta’ persuni li jkunu qed jagħtu kreditu jew jirranġaw għall-kreditu jew biex jippermettu lill-konsumaturi li jilmentaw dwar ftehim fuq kreditu jew fuq kundizzjonijiet ta’ kreditu;

Billi l-ftehim fuq kreditu m’għandhomx jidderogaw, għad-detriment tal-konsumatur, mid-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew li jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet tagħha; billi dawk id-dispożizzjonijiet m’għandhomx jiġu evitati bħala riżultat tal-mod kif ikunu fformulati l-ftehim;

Billi, din id-Direttiva tipprovdi għal ċertu ammont ta’ approssimazzjoni fil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattiv ta’ l-Istati Membri dwar kreditu lill-konsumatur u għal ċertu livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur, l-Istati Membri m’għandhomx ma jitħallewx milli jżommu jew jadottaw miżuri aktar iebsa biex jipproteġu lill-konsumatur, b’konsiderazzjoni xierqa għall-obbligazzjonijiet tagħhom skond it-Trattat;

Billi, mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1995, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill rapport dwar it-tħaddim ta’ din id-Direttiva,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Din id-Direttiva tapplika għal ftehim ta’ kreditu.

2. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

(a) "konsumatur" ifisser persuna naturali li, fi transazzjonijiet li jaqgħu taħt din id-Direttiva, qed taġixxi għal skopijiet li jistgħu jitqiesu barra mill-kummerċ jew professjoni tiegħu;

(b) "kreditur" ifisser xi persuna naturali jew legali li tagħti kreditu bħala parti mill-kummerċ, negozju jew professjoni tiegħu, jew xi grupp ta’ persuni bħal dawn;

(ċ) "ftehim ta’ kreditu" jfisser ftehim li bih xi kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti lil xi konsumatur xi kreditu fil-forma ta’ ħlas bin-nifs, self jew xi ftehim finanzjarju ieħor bħal dawn.

Il-ftehim għall-provvista fuq bażi kontinwa ta’ xi servizz jew xi servizz importanti, meta l-konsumatur ikollu d-dritt li jħallas għalihom, sakemm iddum il-provvista tagħhom, permezz ta’ rati, m’humiex meqjusa bħala ftehim ta’ kreditu għall-iskop ta’ din id-Direttiva;

(d) "prezz totali tal-kreditu għall-konsumatur" ifisser l-infiq kollu inkluż l-interessi u l-infieq ieħor konnessi direttament mal-ftehim fuq il-kreditu, stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet jew drawwiet li jeżistu fi, jew li jridu jitwaqqfu mill-Istati Membri.

(e) "rata ta’ ħlas perċentawli annwali" tfisser il-prezz totali tal-kreditu għall-konsumatur imniżżel bħala persentaġġ annwali ta’ l-ammont tal-kreditu mogħti u kkalkulata skond il-metodi li jeżistu fl-Istati Membri.

Artikolu 2

1. Din id-Direttiva ma tgħoddx għal:

(a) ftehim dwar kreditu jew ftehim li jwegħdu li jagħtu kreditu:

- li huma maħsuba prinċipalment għall-iskop li jinkisbu jew jinżammu xi drittijiet ta’ proprjetà fuq l-art jew f’xi bini eżistenti jew ippjanat,

- li huma maħsuba għall-iskop li jirrinovaw jew itejbu l-bini stess;

(b) ftehim ta’ kiri ħlief meta dawn jiddisponu li t-titolu fl-aħħar jgħaddi lill-kerrej;

(ċ) kreditu mogħti jew disponibbli mingħajr ħlas ta’ interessi jew kull ħlas ieħor;

(d) ftehim ta’ kreditu li taħthom ma jitħallsu ebda interessi sakemm il-konsumatur jaqbel li jħallas lura l-kreditu f’pagament wieħed;

(e) kreditu f’forma ta’ ħlas minn quddiem fuq kont kurrenti mogħti minn xi istituzzjoni ta’ kreditu jew finanżjarja li mhumiex fuq kontijiet ta’ karta ta’ kreditu.

B’danakollu, id-diposizzjonijiet ta’ l-Artkolu 6 jgħoddu għal dawn il-krediti;

(f) ftehim ta’ kreditu li jinvolvu ammonti ta’ anqas minn 200 ECU jew aktar minn 20000 ECU;

(g) ftehim ta’ kreditu li taħthom il-konsumatur huwa mitlub li jħallas lura l-kreditu:

- jew, fi żmien ta’ mhux aktar minn tliet xhur,

- jew, b’ massimu ta’ erba’ pagamenti fi żmien li ma jaqbiżx it-12-il-xahar.

2. Stat Membru jista’, b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jeżenta mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva xi tipi ta’ kreditu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

- huma mogħtija b’rati ta’ ħlas aktar baxxi minn dawk li jkun hemm fis-suq, u

- mhumiex offruti lill-pubbliku inġenerali.

3. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 u ta’ l-Artikoli 6 u 12 ma jgħoddux għal ftehim ta’ kreditu jew ftehim li jwegħdu li jingħata kreditu, assikurati b’ipoteka fuq proprjetà immobbli, sa fejn dawn ma jkunux imħollija barra minn din id-Direttiva skond il-paragrafu 1 (a) ta’ dan l-Artikolu.

4. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 6 u 12 il-ftehim ta’ kreditu fil-forma ta’ att awtentiku ffirmat quddiem nutar jew imħallef.

Artikolu 3

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE ta’ l-10 ta’ Settembru 1984 konnessa ma’ l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi [7], u r-regoli u l-prinċipji li japplikaw għar-reklamar mhux ġust, kull riklam, jew kull offerta li tintwera f’postijiet kummerċjali, li fihom xi persuna toffri kreditu jew toffri li tirranġa xi ftehim ta’ kreditu u li fihom huma indikati xi rata ta’ interessi jew xi figuri konnessi mal-prezz tal-kreditu. għandu jinkludi wkoll prospett tar-rata ta’ ħlas perċentawali ta’ kull sena, permezz ta’ eżempju rappreżentattiv jekk ebda mezz ieħor ma jkun prattikabbli.

Artikolu 4

1. Il-ftethm ta’ kreditu għandhom isiru bil-miktub. Il-konsumatur għandu jirċievi kopja tal-ftehim miktub.

2. Il-ftehim miktub għandu jinkludi:

(a) dikjarazzjoni tar-rata perċentwali ta’ ħlas ta’ kull sena;

(b) dikjarazzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tiġi emendata r-rata ta’ ħlas perċentwali ta’ kull sena.

F’każi meta ma jkunx possibbli li tiġi ddikjarata r-rata perċentwali ta’ ħlas ta’ kull sena, il-konsumatur irid jingħata informazzjoni xierqa fil-ftehim miktub. Din l-informazzjoni għandha tinkludi għallanqas l-informazzjoni li hemm imniżżla fit-tieni taqsima ta’ l-Artikolu 6(1).

3. Barra minn dan il-ftehim miktub għandu jinkludi l-klawsoli l-oħra essenzjali tal-kuntratt.

Bħala eżempju, l-Anness ta’ din id-Direttiva tinstab fih lista tal-klawsoli li l-Istati Membri jistgħu jitolbu li jiddaħħlu fil-ftehim miktub bħala essenzjali.

Artikolu 5

B’deroga mill-Artikoli 3 u 4 (2), u sakemm tittieħed deċiżjoni dwar id-dħul ta’ metodu jew metodi biex tiġi kkalkulata r-rata perċentwali ta’ kull sena ta’ ħlas tal-Komunità, dawk l-Istati Membri li, fil-ħin tan-notifika ta’ din id-Direttiva, ma jitolbux li r-rata perċentwali ta’ kull sena ta’ ħlas trid tidher jew li għandhom xi metodu stabbilit biex tiġi kkalkulata, għandhom għallanqas jitolbu li n-nefqa totali tal-konsumatur għall-kreditu tiġi indikata.

Artikolu 6

1. Minkejja l-esklużjoni skond l-Artikolu 2(1)(e), meta jkun hemm xi ftehim bejn xi istituzzjoni ta’ kreditu jew xi istituzzjoni finanzjaraja u xi konsumatur għall-għotja ta’ kreditu fil-forma ta’ ħlas minn quddiem, li ma jkunx fuq kontijiet ta’ karta ta’ kreditu, il-konsumatur irid jiġi infurmat waqt jew qabel ma jintgħalaq il-ftehim:

- bil-limitu tal-kreditu, jekk ikun hemm,

- bir-rata ta’ interessi ta’ kull sena u l-ħlasijiet li japplikaw mill-ħin li jintgħalaq il-ftehim u l-kundizzjonijiet li taħthom dawn jistgħu jiġu emendati,

- bil-proċedura biex jintemm il-ftehim.

Din l-informazzjoni trid tiġi kkonfermata bil-miktub.

2. Barra minn dan, waqt il-perjodu tal-ftehim, il-konsumatur għandu jiġi nfurmat b’kull tibdil fir-rata ta’ interessi ta’ kull sena jew bl-imposti rilevanti fiż-żmien li fih iseħħu. Din l-informazzjoni tista’ tingħata fid-dikjarazzjoni tal-kont jew f’xi mod ieħor li jkun aċċettabbli għall-Istati Membri.

3. Fl-Istati Membri fejn huwa permess taċitament li jittieħdu aktar flus milli jkun hemm fil-bank, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumatur jiġi infurmat bir-rata ta’ interessi ta’ kull sena u bil-ħlasijiet li japplikaw u b’kull emenda ta’ dawn, meta s-self jestendi għal aktar minn perjodu ta’ tliet xhur.

Artikolu 7

Fil-każ ta’ xi kreditu mogħti għax-xiri ta’ xi oġġetti, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet biex jittieħdu lura l-merkanzija, b’mod partikulari jekk il-konsumatur ma jkunx ta l-kunsens tiegħu. Barra minn hekk iridu jiżguraw li meta l-kreditur jerġa’ jieħu lura l-merkanzija l-kont ta’ bejn il-partijiet irid isir b’mod li jiġi żgurat li t-teħid lura ma jinvolvix xi stagħnar mhux iġġustifikat.

Artikolu 8

Il-konsumatur ikun intitolat li jaqdi l-obbligazzjonijiet tiegħu fil-ftehim ta’ kreditu qabel iż-żmien iffissat fil-ftehim. F’dan il-każ, in konformità mar-regoli stabbiliti mill-Istati Membri, il-konsumatur ikun intitolat għal tnaqqis ġust fin-nefqa totali tal-kreditu.

Artikolu 9

Meta d-drittijiet tal-kreditur skond il-ftehim tal-kreditu jingħataw lil xi terza persuna, il-konsumatur ikun intitolat jargumenta kontra dik it-terza persuna kull difiża li kienet disponibbli għalih kontra l-kreditur oriġinali, inkluża xi ħaġa li tagħmel tajjeb fejn din hija permessa fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 10

L-Istati Membri li, in konnessjoni ma’ ftehim ta’ kreditu, jippermettu lill-konsumatur:

(a) li jagħmel ħlas permezz ta’ kambjali inklużi ċedoli;

(b) li jagħti garanzija permezz ta’ kambjali inklużi ċedoli u ċekkijiet,

għandhom jiżguraw li l-konsumatur huwa mħares b’mod xieraq meta jkun qed juża dawn l-istrumenti f’ dawk il-modi.

Artikolu 11

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eżiztenza ta’ ftehim ta’ kreditu m’għandu jaffettwa bl-ebda mod id-drittijeit tal-konsumatur kontra min jipprovdi xi oġġetti jew servizzi mixtrija permezz ta’ ftehim bħal dan f’każijiet meta l-merkanzija jew is-servizzi ma jiġux ipprovduti jew b’xi mod ieħor m’humiex konformi mal-kuntratt tal-provvista.

2. Fejn:

(a) biex jixtri xi oġġetti jew jikseb xi servizzi l-konsumatur jidħol f’xi ftehim ta’ kreditu ma’ xi persuna li ma tkunx dik li tipprovdihom;

u

(b) min ikun qed jagħti l-kreditu u min jipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi għandhom xi ftehim minn qabel li taħtu l-kreditu huwa disponibbli biss minn dik il-persuna li qiegħda tagħti l-kreditu lil min qed jixtri mingħand dik il-persuna li qiegħda tipprovdi għax-xiri tal-merkanzija jew tas-servizzi mingħand dik il-persuna li tipprovdihom; u

(ċ) l-konsumatur imsemmi fis-subparagrafu (a) jikseb il-kreditu tiegħu skond dak il-ftehim li kien jeżisti minn qabel; u

(d) l-merkanzija u s-servizzi li jaqgħu taħt il-ftehim ta’ kreditu m’humiex ipprovduti, jew parti tagħhom biss hija pprovduta, jew mhumiex konformi mal-kuntratt biex jiġu pprovduti; u

(e) l-konsumatur ħa r-rimedji tiegħu kontra min jipprovdi iżda ma rnexxilux jikseb is-sodisfazzjon li għandu dritt għalih,

il-konsumatur ikollu d-dritt li jieħu r-rimedji kontra min jagħti l-kreditu. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sa fejn u taħt liema kundizzjonijiet dawn ir-rimedji jistgħu jiġu eżerċitati.

3. Il-paragrafu 2 ma jgħoddx meta t-transazzjoni individwali in kwistjoni tkun għal somma ta’ anqas minn dik ekwivalenti għal 200 ECU.

Artikolu 12

1. L-Istati Membri għandhom:

(a) jiżguraw li l-persuni li jkunu qed joffru l-kreditu jew li jkunu qed jirranġaw xi ftehim ta’ kreditu jiksbu l-awtorizzazzjoni uffiċjali biex jagħmlu dan, jew speċifikament jew bħala fornituri ta’ oġġetti u servizzi; jew

(b) jiżguraw li l-persuni li jkunu qed jagħtu l-kreditur jew li jkunu qed jirranġaw biex jingħata l-kreditu jaqgħu taħt ispezzjonar jew monitoraġġ ta’ l-attivitatijiet tagħhom minn xi istituzzjoni jew korp uffiċjali; jew

(ċ) jinkoraġġixxu t-twaqqif ta’ korpi xierqa biex jilqgħu lmenti dwar ftehim ta’ kreditu jew kundizzjonijiet ta’ kreditu u biex jipprovdu l-informazzjoni rilevanti jew biex jagħtu pariri lill-konsumaturi inkonnessjoni magħhom.

2. L-Istati Membri jistgħu jiddisponu li l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a) ma tkunx mitluba meta l-persuni li jkunu qed joffru biex jagħlqu jew jirranġaw xi ftehim ta’ kreditu jissodisfaw id-definizzjoni ta’ l-Artikolu 1 ta’ l-ewwel Direttiva tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 1977 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi konnessi mal-bidu u t tkomplija tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu [8] u huma awtorizzati skond id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva.

Meta l-persuni li qed jagħtu l-kreditu jew qed jirranġaw biex jingħata l-kreditu ġew awtorizzati kemm speċifikament, skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1(a) kif ukoll skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva msemmija qabel, iżda l-awtorizzazzjoni ta’ l-aħħar ġiet irtirata aktar tard, l-awtorità kompetenti responsabbli għall-ħruġ ta’ l-awtorizzazzjoni speċifika biex jingħata l-kreditu skond il-paragrafu 1(a) trid tiġi informata u trid tiddeċidi jekk il-persuni interessati jistgħux ikomplu jagħtu kreditu jew jirranġaw biex jingħata l-kreditu, jew jekk l-awtorizzazzjoni speċifika mogħtija skond il-paragarfu 1(a) għandhiex tiġi rtirata.

Artikolu 13

1. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, l-ECU għandu jiġi ddefinit skond ir-Regolament (KEE) Nru 3180/78, kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2626/84. L-ekwivalenti fil-munita nazzjonali fil-bidu għandha tiġi kkalkulata bir-rata li jkun hemm fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva.

L-Istati Membri jistgħu jżidu jew inaqqsu sa l-eqreb numru sħiħ l-ammonti fil-munita nazzjonali li jirriżultaw mill-konverzjoni ta’ l-ammonti f’ECU sakemm din iż-żieda jew tnaqqis ma jaqbżux l-10 ECU.

2. Kull ħames snin, u għall-ewwel darba fl-1995, il-Kunsill, fuq proposta mingħand il-Kummissjoni, għandu jeżamina u, jekk ikun meħtieġ, jirrivedi l-ammonti f’din id-Direttiva, fid-dawl tat-tendenzi ekonomiċi u monetarji fil-Komunità.

Artikolu 14

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti ta’ kreditu ma jidderogawx, bi ħsara għall-konsumatur, mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li timplimenta jew tikkorrispondi ma’ din id-Direttiva.

2. Barra minn dan l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw biex jimplimentaw din id-direttiva ma jiġux evitati bħala riżultat tal-mod kif l-arranġamenti jiġu fformulati, b’mod partikolari bil-mezz li bih l-ammont tal-kreditu jitqassam fuq ħafna ftehim.

Artikolu 15

Din id-Direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet aktar iebsa biex jipproteġu lill-konsumaturi li jkunu konsistenti ma’ l-obbligazzjonijiet tagħhom skond it-Trattat.

Artikolu 16

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1990 u għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni fil-pront.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet ewliena tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam li jaqa’ taħt din id-Direttiva.

Artikolu 17

Mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1995 il-Kummissjoni trid tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar it-tħaddim ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 18

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-22 ta’ Diċembru 1986.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Shaw

[1] ĠU C 80, tas-27.3.1979, p. 4 uĠU C 183, ta’ l-10.7.1984, p. 4.

[2] ĠU C 242, tat-12.9.1983, p. 10.

[3] ĠU C 113, tas-7.5.1980, p. 22.

[4] ĠU C 92, tal-25.4.1975, p. 1 uĠU C 133, tat-3.6.1981, p. 1.

[5] ĠU L 379, tat-30.12.1978, p. 1.

[6] ĠU L 247, tas-16.9.1984, p. 1.

[7] ĠU L 250, tad-19.9.1984, p. 17.

[8] ĠU L 322, tas-17.12.1977, p. 30.

--------------------------------------------------

ANNESS

LISTA TAT-TERMINI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4(3)

1. Arranġamenti ta’ kreditu biex jiffinanzjaw il-provvista ta’ oġġetti u servizzi partikolari:

(i) deskrizzjoni tal-merkanzija jew servizzi li jaqgħu taħt il-ftehim;

(ii) il-prezz fi flus kontanti u l-prezz li jrid jitħallas skond il-ftehim ta’ kreditu;

(iii) l-ammont tad-depożitu, jekk ikun hemm, in-numru u l-ammont ta’ rati u d-dati meta jagħlqu, jew il-metodu biex jiġi aċċertat xi wieħed minn dawn jekk ma jkunx magħruf fil-ħin li jingħaqad il-ftehim;

(iv) indikazzjoni li l-konsumatur ikun intitolat, kif hemm ipprovdut fl-Artikolu 8, għal tnaqqis jekk iħallas kmieni;

(v) ta’ min tkun il-merkanzija (jekk id-dritt tal-proprjetà ma jgħaddix mill-ewwel għand il-konsumaur) u l-kundizzjonijiet li bihom il-konsumatur isir il-proprjetarju tagħhom;

(vi) deskrizzjoni ta’ l-assigurazzjoni mitluba, jekk ikun hemm;

(vii) iż-żmien ta’ tregwa, jekk ikun hemm;

(viii) indikazzjoni ta’ l-assigurazzjoni (jiet) mitluba, jekk ikun hemm, u, meta l-għażla ta’ min jassigura mhix imħollija lill-konsumatur, indikazzjoni ta’ kemm dina tqum.

2. Ftehim ta’ kreditu mħaddma b’karti ta’ kreditu:

(i) l-ammont tal-limitu tal-kreditu, jekk ikun hemm;

(ii) il-kundizzjonijiet biex jitħallas lura jew il-mezzi biex jiġu stabbiliti;

(iii) iż-żmien ta’ tregwa, jekk ikun hemm.

3. Ftehim ta’ kreditu mħaddma b’kontijiet kontinwi li mhumiex koperti minn din id-Direttiva b’xi mod ieħor:

(i) l-ammont tal-limitu tal-kreditu, jekk ikun hemm, jew il-metodu biex jiġi stabbilit;

(ii) il-kundizzjonijiet biex jintuża jew jitħallas lura;

(iii) iż-żmien ta’ tregwa, jekk ikun hemm.

4. Ftehim ieħor ta’ krediditu li jaqgħu taħt din id-Direttiva:

(i) l-ammont tal-limitu tal-kreditu, jekk ikun hemm;

(ii) indikazzjoni tas-sigurtà mitluba, jekk ikun hemm;

(iii) il-kundizzjonijiet biex jitħallas lura;

(iv) iż-żmien ta’ tregwa, jekk ikun hemm;

(v) indikazzjoni li l-konsumaur ikollu d-dritt, skond kif ipprovdut fl-Artikolu 8, għal tnaqqis jekk iħallas kmieni.

--------------------------------------------------

Top