EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31983D0247

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Mejju 1983 li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Politika Komunitarja rigward il-Forestrija u l-Industriji bbażati fuq il-Forestrija

ĠU L 137, 26.5.1983, p. 31–32 (DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 09/12/1997

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1983/247/oj

31983D0247



Official Journal L 137 , 26/05/1983 P. 0031 - 0032
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 12 P. 0183
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 14 P. 0061
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 12 P. 0183
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 14 P. 0061


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-11 ta’ Mejju 1983

li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Politika Komunitarja rigward il-Forestrija u l-Industriji bbażati fuq il-Forestrija

(83/247/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Billi t-titjib kontinwu fil-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol u l-iżvilupp armonjuż ta’ attivitajiet ekonomiċi ġewwa l-Istati Membri huma għanijiet tal-Komunità Ekonomika Ewropea;

Billi l-attivitajiet ekonomiċi bbażati fuq il-produzzjoni u l-ipproċessar industrijali ta’ l-injam jistgħu jikontribwixxi għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet, wara li jiġi kkunsidrat il-potenzjal għall-iżvilupp ta’ dawn l-attivitajiet u jitiqiesu d-diffikultajjiet preżenti tagħhom;

Billi dawn id-diffikultajiet għandhom jiġu eżaminati u riżolti mhux separatament imma fid-dawl ta’ l-interrelazzjonijiet tagħhom;

Billi, għal dan il-għan, u fuq il-bażi tax-xogħol li diġà sar mid-dipartimenti tal-Kummissjoni u partikolarment tal-komunikazzjoni lill-Kunsill li tinkorpora programm ta’ azzjoni Komunitarja relatata ma’ l-industriji tal-forestrija jew ibbażat fuq il-forestrija, kuntatti mill-qrib u kontinwi mas-setturi ekonomiċi kkonċernati jistgħu jgħinu biex jintlaħqu dawn l-għanjiet;

Billi l-mod l-aktar approprjat biex jiġu organizzati kuntatti bħal dawn huwa li jiġi stabbilit, taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni, Kummitat Konsultattiv fuq Politika Komunitarja rigward il-Forestrija u l-Industriji bbażati fuq il-Forestrija li fuqu dawn is-setturi sa jkunu rappreżentati; billi, barra minn hekk, għandha ssir dispożizzjoni għall-preżenza fuq il-Kumitat ta’ nies kwalifikati li jistgħu jwasslu lill-Kumitat il-ħila teknika tagħhom u l-għarfien ta’ l-ekonomija ta’ l-injam fuq livell Komunitarju,

IDDEĊIDIET DAN LI ĠEJ:

L-Artikolu 1

Kumitat Konsultattiv dwar il-Politika Komunitarja rigward il-Forestrija u l-Industriji bbażati fuq il-Forestrija, minn issa ’l quddiem imsejjaħ "Il-Kumitat", qed jiġi stabbilit hawnhekk taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni. Il-Kumitat għandu jkun jikkonsisti minn rappreżentanti ta’ l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-produtturi u l-proċessuri industrijali u minn negozjanti ta’ l-injam u prodotti ġejjin mill-injam, u minn persuni kwalifikati li l-għarfien tagħhom ta’ l-ekonomija ta’ l-injam f’livell Komunitarju jkun rikonoxxut minn kulħadd.

L-Artikolu 2

Il-Kumitat għandu, fuq talba mill-Kummissjoni, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jgħin lill-Kummissjoni inkonessjoni ma’ l-affarijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-politika Komunitarja rigward il-Forestrija u l-industriji bbażati fuq il-Forestrija, u b’mod partikolari l-materji li għandhom x’jaqsmu mad-domanda għall-prodotti ta’ l-injam fil-Komunità u l-provvista ta’ l-injam biex tintlaqa’ dik id-domanda.

L-Artikolu 3

Il-Kumitat għandu jkun fih 27 membru:

- tmien membri li jirrappreżentaw is-sidien tal-foresti u l-attivitajiet tal-foresti,

- tmien membri li jirrappreżentaw l-industriji ta’ l-ipproċessar ta’ l-injam,

- erba’ membri li jirrappreżentaw negozjanti ta’ l-injam u prodotti ġejjin mill-injam,

- seba’ persuni partikolarment kwalifikati.

L-Artikolu 4

Il-membri tal-kumitat għandhom jinħatru mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mas-setturi ta’ l-industrija konċernata.

L-Artikolu 5

Iż-żmien fil-ħatra tal-membri tal-Kumitat għandu jkun ta’ tliet snin, u jista’ jiġi mġedded. Fl-għeluq tal-perjodu ta’ tliet snin, il-membri tal-Kumitat għandhom jibqgħu fil-ħatra sa ma jinbidlu jew sa ma ż-żmien tal-ħatra tagħhom jiġġedded.

Iż-żmien fil-ħatra ta’ membru jiġi mitmum qabel l-għeluq tal-perjodu ta’ tliet snin fil-każ tar-riżenja jew il-mewt tiegħu.

Hu għandu jiġi mibdul għall-bqija taż-żmien li jkun fadallu fil-ħatra skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4.

Il-membri m’għandhomx jitħallsu għas-servizzi tagħhom.

L-Artikolu 6

Il-lista tal-membri għandha tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni għall-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 7

Il-Kumitat għandu jkun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

L-Artikolu 8

Il-president jista’ jistieden kwalunkwe persuna b’għarfien speċjali ta’ suġġett li jkun fuq l-aġenda biex jipparteċipa, bħala espert, fix-xogħol tal-Kumitat u tal-gruppi tal-ħidma msemmija fl-Artikolu 9.

L-esperti għandhom jipparteċipaw fid-diskussjoni tas-suġġett biss li għalih l-attendenza tagħhom tintalab.

L-Artikolu 9

Il-Kumitat jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma.

L-Artikolu 10

1. Il-Kumitat u l-gruppi tal-ħidma għandhom jitlaqqgħu mill-president u għandhom jiltaqgħu fil-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentanti tad-dipartimenti tal-Kummissjoni kkonċernati għandhom jieħdu sehem f’laqgħat tal-Kumitat u tal-gruppi tal-ħidma.

3. Is-servizzi segretarjali tal-Kumitat għandhom jiġu pprovduti mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 11

Id-diskussjonijiet tal-Kumitat m’għandhomx jiġu segwiti b’vot.

Il-Kummissjoni tista’, meta tkun teħtieġ l-opinjoni tal-Kumitat, tistabbilixxi limitu ta’żmien li fih l-opinjoni għandha tingħata.

L-Artikolu 12

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 214 tat-Trattat, il-membri tal-Kumitat huma obbligati biex ma jiżvelawx informazzjoni lil huma jkunu saru jafu biha minħabba x-xogħol fil-Kumitat jew fil-gruppi tal-ħidma, meta l-president jinfurmahom li opinjoni jew kwistjoni mqajma tkun qed tidħol fuq materji kunfidenzjali.

F’dan il-każ, il-membri tal-Kumitat u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom ikunu preżenti għal-laqgħat inkwistjoni.

L-Artikolu 13

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fi Brussel, fil-11 ta’ Mejju 1983.

Għall-Kummissjoni

Étienne Davignon

Viċi-President

--------------------------------------------------

Top