EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31980L0068

Id-Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 1979 dwar il-ħarsien ta’ ilma ta’ taħt l-art kontra tniġġiż ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi

OJ L 20, 26.1.1980, p. 43–48 (DA, DE, EN, FR, IT, NL)
Greek special edition: Chapter 15 Volume 001 P. 240 - 245
Spanish special edition: Chapter 15 Volume 002 P. 162 - 166
Portuguese special edition: Chapter 15 Volume 002 P. 162 - 166
Special edition in Finnish: Chapter 15 Volume 002 P. 211 - 216
Special edition in Swedish: Chapter 15 Volume 002 P. 211 - 216
Special edition in Czech: Chapter 15 Volume 001 P. 134 - 139
Special edition in Estonian: Chapter 15 Volume 001 P. 134 - 139
Special edition in Latvian: Chapter 15 Volume 001 P. 134 - 139
Special edition in Lithuanian: Chapter 15 Volume 001 P. 134 - 139
Special edition in Hungarian Chapter 15 Volume 001 P. 134 - 139
Special edition in Maltese: Chapter 15 Volume 001 P. 134 - 139
Special edition in Polish: Chapter 15 Volume 001 P. 134 - 139
Special edition in Slovak: Chapter 15 Volume 001 P. 134 - 139
Special edition in Slovene: Chapter 15 Volume 001 P. 134 - 139
Special edition in Bulgarian: Chapter 15 Volume 001 P. 113 - 118
Special edition in Romanian: Chapter 15 Volume 001 P. 113 - 118
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 007 P. 10 - 15

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 21/12/2013; Imħassar b' 300L0060

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1980/68/oj

31980L0068



Official Journal L 020 , 26/01/1980 P. 0043 - 0048
Greek special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0240
Spanish special edition: Chapter 15 Volume 2 P. 0162
Portuguese special edition Chapter 15 Volume 2 P. 0162
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 2 P. 0211
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 2 P. 0211


Id-Direttiva tal-Kunsill

tas-17 ta' Diċembru 1979

dwar il-ħarsien ta' ilma ta' taħt l-art kontra tniġġiż ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi

(80/68/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 100 u 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni ([1]),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ([2]),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ([3]),

Billi hemm ħtieġa urġenti għal azzjoni sabiex jiġi mħares l-ilma ta' taħt l-art tal-Komunità minn tniġġiż, partikolarment dak ikkawżat minn ċert sustanzi tossiċi, persistenti, u bioakkumulabbli;

Billi l-programm ta' azzjoni ta' l-1973 tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-ambjent ([4]), supplimentat b'dak ta' l-1977 ([5]), jipprovdi għal numru ta' miżuri li jħarsu l-ilma ta' taħt l-art minn ċerti sustanzi li jniġġsu;

Billi l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/464/KEE ta' l-4 ta' Mejju 1976 dwar tniġġiż ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi skarikati fl-ambjent akwatiku tal-Komunità ([6]) jipprovdi għall-implimentazzjoni ta' Direttiva separata dwar l-ilma ta' taħt l-art;

Billi kull diskrepanza bejn id-dispożizzjonijiet dwar l-iskarikar ta' ċerti sustanzi perikolużi fl-ilma ta' taħt l-art li huma diġa' applikabbli jew qegħdin jiġu ppreparati fl-Istati Membri jistgħu joħolqu kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni mhux ugwali u b'hekk jaffettwaw direttament il-ħidma tas-suq komuni; billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġu approssimizzati l-liġijiet f'dan il-qasam, kif ipprovdut fl-Artikolu 100 tat-Trattat;

billi huwa meħtieġ li din l-approssimazzjoni ta' liġijiet tiġi akkumpanjata b' azzjoni Komunitarja fl-isfera ta' ħarsien ta' l-ambjent u titjib tal-kwalita' tal-ħajja; billi ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi li għandhom dan l-effett għandhom għalhekk jiġu stipulati; billi l-Artikolu 235 tat-Trattat għandu jiġi invokat minħabba li l-poteri rekwiżiti ma ġewx ipprovduti mit-Trattat;

Billi dawn li ġejjin għandhom jiġu esklużi mill-applikazzjoni ta' din id-Direttiva: drenaġġ domestiku minn ċerti djar isolati u skarikar li jkun fih sustanzi fil-listi I jew II fi kwantitajiet u f' konċentrazzjonijiet żgħar ħafna, minħabba r-riskju żgħir ta' tniġġiż u d-diffikultà li jiġi kkontrollat l-iskarikar ta' dan id-drenaġġ; billi l-iskarikar ta' materja li jkun fiha sustanzi radjuattivi, li sejrin jiġu ttrattati taħt strument Komunitarju separat, għandu jiġi eskluż ukoll;

Billi sabiex jiġi garantit il-ħarsien effettiv ta' ilma ta' taħt l-art fil-Komunità huwa neċessarju li wieħed jipprevjeni l-iskarikar ta' sustanzi fil-lista I u jillimita l-iskarikar ta' sustanzi fil-lista II;

Billi għandha tinġibed distinzjoni bejn l-iskarikar dirett ta' sustanzi perikolużi fl-ilma ta' taħt l-art u azzjonijiet li aktarx jistgħu jwasslu għal skarikar indirett;

Billi, bl-eċċezzjoni ta' skarikar dirett ta' sustanzi fil-lista I, li huwa awtomatikament ipprojbit, l-iskarikar kollu jrid isir mingħajr ħsara għal sistema ta' awtorizzazzjoni; billi dawn l-awtorizzazzjonijiet jistgħu jingħataw biss wara li jsir sondaġġ fl-ambjent li jkun qiegħed jirċevi;

Billi jistgħu jsiru dispożizzjonijiet dwar eċċezzjonijiet għar-regoli li jipprojbixxu l-iskarikar fl-ilma ta' taħt l-art ta' sustanzi fil-lista I, wara li jkun sar sondaġġ ta' l-ambjent li jirċevi u ta' l-awtorizzazzjoni mogħtija minn qabel, sakemm l-iskarikar isir f' ilma ta' taħt l-art li huwa permanentament mhux xieraq għal ebda użu ieħor, partikolarment skopijiet domestiċi jew agrikoli;

Billi l-irrikarikar artifiċjali ta' l-ilma ta' taħt l-art intenzjonat għall-provvista ta' ilma pubbliku għandu jsir soġġett għal regoli speċjali;

Billi l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jissorvelljaw il-konformita' mal-kundizzjonijiet stipulati fl-awtorizzazzjonijiet u fl-effetti ta' l-iskarikar fl-ilma ta' taħt l-art;

Billi għandu jinżamm inventarju ta' l-awtorizzazzjonijiet biex isir skarikar fl-ilma ta' taħt l-art ta' sustanzi fil-lista I u ta' skarikar dirett fl-ilma ta' taħt l-art ta' sustanzi fil-lista II, u inventarju ta' awtorizzazzjonijiet għall-ikkarikar artifiċjali għall-iskop ta' amministrazzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art;

Billi, sa l-estent li r-Repubblika Ellenika sejra ssir membru tal-Komunità Ekonomika Ewropea fl-1 ta' Jannar 1981, b' mod konformi ma' l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta' adeżjoni tar-Repubblika Ellenika u l-aġġustament għat-Trattati, jidher neċessarju li, għal dak l-Istat, il-perjodu mogħti lil Stati Membri sabiex idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva għandu jiġi estiż minn sentejn għal erba' snin, waqt li wieħed jiftakar l-inadegwatezza ta' l-infrastruttura teknika u amministrattiva ta' dak l-Istat,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. L-iskop ta' din id-Direttiva hu li jipprevjeni t-tniġġiż ta' l-ilma ta' taħt l-art permez ta' sustanzi li jappartjenu għall-familji u gruppi ta' sustanzi fil-listi I jew II fl-Anness, minn hawn l quddiem imsejħa "sustanzi fil-listi I jew II", u kemm jista' jkun sabiex jiġu kkontrollati jew eliminati l-konsegwenzi tat-tniġġiż li diġà seħħ.

2. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "ilma ta' taħt l-art" tfisser l-ilma kollu li jinsab taħt wiċċ l-art fiż-żona ta' saturazzjoni u li huwa f' kuntatt dirett ma' l-art jew mas-saff ta'ħamrija ta' taħt il-wiċċ;

(b) "skarikar dirett" tfisser l-introduzzjoni ta' sustanzi fl-ilma ta' taħt l-art li jinsabu fil-listi I jew II mingħajr ma joskula mill-art jew mis-saff ħamrija ta' taħt il-wiċċ;

(ċ) "skarikar indirett" tfisser l-introduzzjoni ta' sustanzi fl-ilma ta' taħt l-art li jinsabu fil-listi I jew II wara li joskulaw minn ġo l-art jew mis-saff ħamrija ta' taħt il-wiċċ;

(d) "tniġġiż" tfisser l-iskarikar mill-bniedem, direttament jew indirettament, ta' sustanzi jew enerġiji fl-ilma ta' taħt l-art, li r-risultati tagħhom huma tali li jipperikolaw s-saħħa tal-bniedem jew il-provvisti ta' l-ilma, jagħmlu ħsara lir-risorsi ħajjin u lill-ekosistema akkwatika jew jinterferixxu ma' kull xorta ta' użu leġittimu ieħor ta' l-ilma.

Artikolu 2

Din id-Direttiva m' għandhiex tapplika għal:

(a) skarikar ta' drenaġġ domestiku minn djar iżolati li m' humiex imqabbdin ma' sistema ta' dranaġġ u li jinsabu l barra minn żoni protetti għat-teħid ta' l-ilma għall-konsum tal- bniedem;

(b) skarikar li l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat issib li fih is-sustanzi mniżżla fil-listi I jew II fi kwantità u f' konċentrazzjoni li tant kemm hi żgħira li ma toħloq ebda periklu, la fil-preżent u lanqas fil-futur, ta' deterjorazzjoni fil-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art li jkun qiegħed jirċivihom;

(ċ) skarikar ta' materja li jkun fiha sustanzi radjoattivi.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa kollha sabiex:

(a) jipprevjenu l-introduzzjoni fl-ilma ta' taħt l-art tas-sustanzi elenkati fil-lista I; u

(b) jillimitaw l-introduzzjoni fl-ilma ta' taħt l-art tas-sustanzi elenkati fil-lista II sabiex jiġi evitat tniġġiż ta' dan l-ilma minn dawn is-sustanzi.

Artikolu 4

1. Sabiex jikkonformaw ma' l-obbligazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(a), l-Istati Membri:

- għandhom jipprojbixxu kull skarikar dirett ta' sustanzi fil-lista I,

- għandhom jagħmlu soġġett għal investigazzjoni minn qabel kull skarikar jew depożitu bl-iskop ta' skarikar ta' dawn is-sustanzi li jista' jwassal għal skarikar indirett. Fid-dawl ta' dik l-investigazzjoni, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu dan it-tip ta' attività jew għandhom jagħtu l-awtorizzazzjoni, sakemm jiġu mħarsa l-prekawzjonijiet tekniċi kollha li huma meħtieġa sabiex jiġi evitat dan l-iskarikar,

- għandom jieħdu l-miżuri kollha xierqa li huma jikkunsidraw meħtieġa sabiex jiġi evitat kull skarikar indirett ta' sustanzi fil-lista I li huwa dovut għal attivitajiet fuq jew taħt l-art, apparti minn dawk imsemmija fit-tieni inċiż. Għandhom jinnotifikaw dawn il-miżuri lill-Kummissjoni, li, fid-dawl ta' din l-informazzjoni, tista' tissottometti proposti lill-Kunsill għar-reviżjoni ta' din id-Direttiva.

2. Madanakollu, jekk l-investigazzjoni minn qabel tiżvela li l-ilma ta' taħt l-art li ġo fih huwa mbassar li sejrin jiġu skarikati s-sustanzi elenkati fil-lista I huwa permanentament mhux xieraq għal ebda użu ieħor, speċjalment domestiku jew agrikolu, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-iskarikar ta' dawn is-sustanzi, sakemm il-preżenza tagħhom ma timpedixxix l-isfruttament tar-risorsi ta' l-art.

Dawn l-awtorizzazzjonijiet jistgħu jingħataw biss jekk ikunu ttieħdu l-prekawzjonijiet tekniċi kollha sabiex jiġi żgurat li dawn is-sustanzi ma jilħqux sistemi akkwatiċi oħrajn, u ma jagħmlux ħsara lil ekosistemi oħrajn.

3. L-Istati Membri jistgħu, wara investigazzjoni minn qabel, jawtorizzaw skarikar li jkollu jsir minnħabba ri-injezzjoni fl-istess akwifer ta' ilma użat għal skopijiet ġeotermali, ilma ippumpjat il barra minn minjieri u barrieri, jew ilma ippumpjat il barra għal xogħolijiet ta' inġinerija ċivili.

Artikolu 5

1. Sabiex iħarsu l-obbligazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(b), l-Istati Membri għandhom jagħmlu dawn li ġejjin soġġetti għal investigazzjoni minn qabel:

- kull skarikar dirett ta' sustanzi fil-lista II, sabiex jillimitaw skarikar ta' din ix-xorta,

- kull skarikar jew depożitu bl-iskop ta' skarikar ta' dawn is-sustanzi li jista' jwassal għal skarikar indirett.

Fid-dawl ta' din l-investigazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni, sakemm jiġu mħarsa l-prekawzjonijiet tekniċi kollha għall-prevenzjoni ta' tniġġiż ta' ilma ta' taħt l-art minn dawn is-sustanzi.

2. Inoltre, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa li huma jikkunsidraw bħala meħtieġa sabiex jiġi limitat l-iskarikar indirett kollu ta' sustanzi elenkati fil-lista II, dovut għal attivitajiet fuq jew taħt l-art apparti minn dawk imsemmija fl-ewwel paragrafu.

Artikolu 6

Minkejja l-Artikoli 4 u 5, l-ikkarikar artifiċjali li jsir minħabba amministrazzjoni ta' ilma ta' taħt l-art għandu jkun soġġett għal awtorizzazzjoni speċjali maħruġa mill-Istati Membri skond kull każ partikolari. Tali awtorizzazzjoni għandha tingħata biss jekk ma jkun hemm ebda riskju li jiġi mniġġeż l-ilma ta' taħt l-art.

Artikolu 7

L-investigazzjonijiet minn qabel imsemmija fl-Artikoli 4 u 5 għandhom jinkludu eżami tal-kundizzjonijiet idroġeoloġiċi taż-żona kkonċernata, tal-poteri possibbli ta' purifikazzjoni tal-ħamrija u tas-saff ta' ħamrija ta' taħt il-wiċċ, u tar-riskju ta' tniġġiż u alterazzjoni tal-kwalita' ta' l-ilma ta' taħt l-art ikkawżat mill-iskarikar, u għandhom jistabbilixxu jekk ir- skarikar ta' sustanzi fl-ilma ta' taħt l-art huwiex soluzzjoni sodisfaċenti mill-perspettiva ambjentali.

Artikolu 8

L-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4, 5, u 6 ma jistgħux jinħarġu mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri sakemm jiġi kkontrollat li l-ilma ta' taħt l-art, u b' mod partikolari l-kwalità tiegħu, sejjer jgħaddi mis-sorveljanza meħtieġa.

Artikolu 9

Meta jiġi awtorizzat l-iskarikar dirett b' mod konformi ma' l-Artikolu 4(2) u (3) jew l-Artikolu 5, jew meta l-iskarikar ta' ilma maħmuġ li inevitabilment jikkawża skarikar indirett jiġi awtorizzat b' mod konformi ma' l-Artikolu 5, l-awtorizzazzjoni għandha tispeċifika b' mod partikolari: -il-post ta' l-iskarikar,

- il-metodu ta' l-iskarikar,

- prekawzjonijiet essenzjali, waqt li tingħata attenzjoni partikolari lix-xorta u lill- konċentrazzjoni tal-likwidi preżenti fid-dranaġġ, il-karatteristiċi ta' l-ambjent li jirċivihom u l-prossimità ta' żoni li jaqbdu l-ilma, b' mod partikolari dawk għall-ilma tax-xorb, termali u minerali,

- il-kwantità massima ta' sustanza permissibbli fid-drenaġġ waqt perjodu jew perjodi ta' ħin speċifikati u r-rekwiżiti xierqa fir-rigward tal-konċentrazzjoni ta' dawn is-sustanzi,

- l-arranġamenti li jippermettu li d-drenaġġ skarikat fl-ilma ta' taħt l-art jiġi ssorvelljat;

- jekk ikun meħtieġ, il-miżuri għas-sorveljanza ta' l-ilma ta' taħt l-art, u b' mod partikolari l- kwalità tiegħu.

Artikolu 10

Meta jiġi awtorizzat disponiment jew depożitu bl-iskop ta' disponiment li jista' jwassal għal skarikar indirett b' mod konformi ma' l-Artikoli 4 jes 5, l-awtorizzazzjoni għandha tispeċifika b' mod partikolari: -il-post fejn isir dan id-disponiment jew depożitu,

- il-metodi ta' skarikar jew depożitu użati,

- prekawzjonijiet essenzjali, waqt li tingħata attenzjoni partikolari lix-xorta u lill-konċentrazzjoni tal-likwidi preżenti fl-materja li tkun se tiġi tipped jew disponuta, il-karatteristiċi ta' l-ambjent li jirċivihom u l-prossimità ta' żoni li jaqbdu l-ilma, b' mod partikolari dawk għall-ilma tax-xorb, termali u minerali,

- il-kwantità massima permessibbli, waqt perjodu jew perjodi ta' żmien speċifikati, tal-materja li fiha s-sustanzi fil-listi I jew II u, fejn possibbli, ta' dawk is-sustanzi innifishom, li għandhom jiġu tipped jew disponuti, u r-rekwiżiti xierqa fir-rigward tal-konċentrazzjoni ta' dawk is-sustanzi,

- fil-kasijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5(1), il-prekawzjonijiet tekniċi li jridu jiġu implimentati sabiex ma jsir ebda skarikar ta' sustanzi fil-lista I fl-ilma ta' taħt l-art, u sabiex ma jkunx hemm tniġġiż ta' dan l-ilma minn sustanzi fil-lista II,

- jekk ikun meħtieġ, il-miżuri għas-sorveljanza ta' l-ilma ta' taħt l-art, u b' mod partikolari l- kwalità tiegħu.

Artikolu 11

L-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4 u 5 jistgħu jingħataw għal perjodu limitat biss, u għandhom jiġu riveduti ta' mill-inqas kull erba' snin. Jistgħu jiġu mġedda, emendati jew irtirati.

Artikolu 12

1. Jekk il-persuna li titlob awtorizzazzjoni kif imsemmi fl-Artikoli 4 u 5 tistqarr li hija m' hijiex kapaċi tikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati, jew jekk din is-sitwazzjoni tkun evidenti għall-awtorità kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat, l-awtorizzazzjoni għandha tiġi rifjutata.

2. Jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-awtorizzazzjoni ma jiġux imħarsa, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat għandha tieħu passi xierqa sabiex taċċerta li dawn il-kundizzjonijiet jiġu sodisfatti; jekk meħtieġ, hija għandha tirtira l-awtorizzazzjoni.

Artikolu 13

L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jissorveljaw il-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-awtorizzazzjonijiet u fl-effetti ta' skarikar fl-ilma ta' taħt l-art;

Artikolu 14

Fir-rigward ta' skarikar tas-sustanzi fil-listi I jew II li diġà jkunu hemm fil-ħin tan-notifikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw perjodu li ma jaqbiżx l-erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 21(1), u wara li jiskadi dan il-perjodu l-iskarikar in kwestjoni jrid jikkonforma ma' din id-Direttiva.

Artikolu 15

L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom iżommu inventarju ta' l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta' l-iskarikar ta' sustanzi fil-lista 1, l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 ta' skarikar dirett ta' sustanzi fil-lista II, l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-artikolu 5 ta' skarikar dirett ta' sustanzi fil-lista II, u l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6.

Artikolu 16

1. Għall-iskopijiet ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha u skond il-merti partikolari ta' kull każ, bl-informazzjoni meħtieġa kollha, u b' mod partikolari b' dawn li ġejjin:

(a) ir-risultati ta' l-investigazzjonijiet minn qabel imsemmija fl-artikoli 4 u 5;

(b) id-dettalji ta' l-awtorizzazzjonijiet mogħtija;

(ċ) ir-risultati ta' l-operazzjonijiet ta' sorveljanza u spezzjoni mwettqa;

(d) ir-risultati ta' l-inventarji msemmija fl-Artikolu 15.

2. Informazzjoni akkwistata b' risultat ta' l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu tista' tintuża biss għall-iskopijiet li għalihom tkun ġiet mitluba.

3. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, l-uffiċjali tagħhom u impjegati oħrajn m' għandhomx jiżvelaw informazzjoni akkwistata minnhom taħt din id-Direttiva u li tkun ta' tip koperta bl-obbligazzjoni ta' segretezza professjonali.

4. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3 m' għandhomx iżommu l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni ġenerali jew ta' sondaġġi li ma jkunx fihom informazzjoni dwar impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi partikolari.

Artikolu 17

Fir-rigward ta' skarikar ta' ilma ta' taħt l-art li jaqsam il-fruntieri, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li jkun bi ħsiebu jagħti awtorizzazzjoni għal dan it-tip ta' skarikar għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati qabel ma tinħareġ awtorizzazzjoni. Fuq talba ta' wieħed mill-Istati Membri kkonċernati u qabel ma tinħareġ awtorizzazzjoni, għandhom isiru konsultazjonijiet li fihom tista' tipparteċipa l-Kummissjoni.

Artikolu 18

L-applikazzjoni tal-miżuri meħuda taħt din id-Direttiva ma jistgħu taħt ebda ċirkostanzi jwasslu, la direttament u lanqas indirettament, għat-tniġġiż ta' l-ilma imsemmi fl-artikolu 1.

Artikolu 19

Fejn xieraq, Stat Membru wieħed jew iżjed jistgħu, kemm individwalment kif ukoll flimkien, jieħdu miżuri iktar strinġenti minn dawk stipulati taħt din id-Direttiva.

Artikolu 20

Il-Kunsill jista', fuq proposta mill-Kummissjoni, u fid-dawl ta' l-esperjenza, jirrevedi u, jekk dan ikun meħtieġ, jissupplimenta l-listi I u II, fejn xieraq, billi jittrasferixxi ċerti sustanzi mil-lista II għall-list I.

Artikolu 21

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva fi żmien sentejn minn meta tiġi nnotifikata. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih dwar dan.

Madanakollu, dan il-perjodu għandu jiżdied għal erba' snin fir-rigward tar-Repubblika Ellenika, fuq kundizzjoni li din tissieħeb fil-Komunità fl-1 ta' Jannar 1981.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testijiet tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

3. Malli l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ikunu ġew implimentati minn Stat Membru, id-Dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/464/KEE li jirrigwardaw l-ilma ta' taħt l-art m' għandhomx japplikaw iżjed fir-rigward ta' dak l-Istat Membru.

Artikolu 22

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-17 ta' Diċembru 1979.

Għall-Kunsill

Il-President

S. BARRETT

L-ANNESS

LISTA I TA' FAMILJI U GRUPPI TA' SUSTANZI

Il-lista I fiha s-sustanzi individwali li jappartjenu lill-familji u lill-gruppi ta' sustanzi enumerati hawn isfel, bl-eċċezzjoni ta' dawk li mhumiex ikkunsidrati xierqa għal-lista I, fuq il-bażi ta' riskju baxx ta' tossiċità, persistenza u bioakkumulazzjoni.

Dawk is-sustanzi li fir-rigward ta' tossiċità, persistenza u bioakkumulazzjoni huma xierqa għall-lista II għandhom jiġu kklassifikati fil-lista II.

1. Komposti organohalogen u sustanzi li jistgħu jiffurmaw dawn il-komposti fl-ambjent akkwatiku

2. Komposti organofosfori

3. Komposti organotin

4. Sustanzi li jippossjedu proprjetajiet karċinoġeniċi jew proprjetajiet teratoġeniċi fl-ambjent akkwatiku jew permezz tiegħu ([7]

)

5. Il-merkurju u l-komposti tiegħu

6. Il-kadmju u l-komposti tiegħu

7. Iż-żjut minerali u l-idrokarbonji

8. Iċ-ċjanuri.

LISTA II TA' FAMILJI U GRUPPI TA' SUSTANZI

Il-lista II fiha s-sustanzi individwali u l-kategoriji ta' sustanzi li jappartjenu lill-familji u lill-gruppi ta' sustanzi elenkati hawn isfel li jista' jkollhom effett danneġġjanti fuq l-ilma ta' taħt l-art.

1. Il-metallojdi u l-metalli u l-komposti tagħhom li ġejjin:

1. Iż-żingu 11. Il-landa

2. Ir-ramm 12. Il-barju

3. In-nikil 13. Il-berillju

4. Il-kromju 14. Il-boron

5. Iċ-ċomb 15. L-uranju

6. Is-selenju 16. Il-vanadju

7. L-arseniku 17. Il-kobalt

8. L-antimonju 18. It-tallju

9. Il-molibdenu 19. It-tellurju

10. It-titanju 20. Il-fidda.

2. Bioċidi u d-derivattivi tagħhom li ma jidhrux fil-lista I.

3. Sustanzi li għandhom effett li jħassru t-togħma u/jew ir-riħa ta' l-ilma ta' taħt l-art, u komposti li x' aktarx jistgħu jikkawżaw il-formazzjoni ta' dawn is-sustanzi f' dan l-ilma u li jirrenduh mhux tajjeb għall-konsum uman.

4. Komposti organiċi tossiċi jew persistenti ta' silikon, u sustanzi li jistgħu jikkawżaw il- formazzjoni ta' dawn il-komposti fl-ilma, esklużi dawk li bioloġikament ma jagħmlux ħsara jew li fl-ilma jinqelbu rapidament f' sustanzi li ma jagħmlux ħsara.

5. Komposti inorganiċi ta' fosfru u fosfru elementali.

6. Il-fluoridi.

7. L-ammonju u n-nitriti.

[1] ĠU C 37, ta' l-14.2.1978, p. 3.

[2] ĠU C 296, tal-11.12.1978, p. 35.

[3] ĠU C 283, tas-27.11.1978, p. 39.

[4] ĠU C 112, ta' l-20.12.1973, p. 3.

[5] ĠU C 139, tat-13.6.1977, p. 3.

[6] ĠU L 129, tat-18.5.1976, p. 23.

[7] billi ċerti sustanzi fil-lista II huma karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew teratoġeniċi, huma inklużi fil-kategorija 4 ta' din il-lista.

Top