Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31978L0548

Id-Direttiva tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fejn jikkonċernaw sistemi ta’ tisħin għall-kompartimenti tal-passiġġieri ta’ vetturi bil-mutur

OJ L 168, 26.6.1978, p. 40–44 (DA, DE, EN, FR, IT, NL)
Greek special edition: Chapter 13 Volume 007 P. 125 - 129
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 008 P. 190 - 194
Portuguese special edition: Chapter 13 Volume 008 P. 190 - 194
Special edition in Finnish: Chapter 13 Volume 008 P. 140 - 144
Special edition in Swedish: Chapter 13 Volume 008 P. 140 - 144
Special edition in Czech: Chapter 13 Volume 005 P. 92 - 96
Special edition in Estonian: Chapter 13 Volume 005 P. 92 - 96
Special edition in Latvian: Chapter 13 Volume 005 P. 92 - 96
Special edition in Lithuanian: Chapter 13 Volume 005 P. 92 - 96
Special edition in Hungarian Chapter 13 Volume 005 P. 92 - 96
Special edition in Maltese: Chapter 13 Volume 005 P. 92 - 96
Special edition in Polish: Chapter 13 Volume 005 P. 92 - 96
Special edition in Slovak: Chapter 13 Volume 005 P. 92 - 96
Special edition in Slovene: Chapter 13 Volume 005 P. 92 - 96

No longer in force, Date of end of validity: 08/05/2004; Revokat u sostitwit bi 32001L0056

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1978/548/oj

31978L0548



Official Journal L 168 , 26/06/1978 P. 0040 - 0044
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 8 P. 0140
Greek special edition: Chapter 13 Volume 7 P. 0125
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 8 P. 0140
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 8 P. 0190
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 8 P. 0190


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-12 ta’ Ġunju 1978

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fejn jikkonċernaw sistemi ta’ tisħin għall-kompartimenti tal-passiġġieri ta’ vetturi bil-mutur

(78/548/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mingħand il-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u tal-Ekonomija [2],

Billi l-ħtiġiet tekniċi li l-vetturi bil-mutur għandhom jissodisfaw b’konforma mal-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw inter alia lis-sistemi ta’ tisħin għall-kompartimenti tal-passiġġieri tal-vetturi bil-mutur;

Billi dawn il-ħtiġiet ma jaqblux minn Stat Membru għall-ieħor; billi huwa għalhekk neċessarju li l-Istati Membri kollha jadottaw l-istess ħtiġiet jew b’żieda jew minflok ir-regoli eżistenti tagħhom sabiex, b’mod partikolari, jippermettu li l-proċedura għall-approvazzjoni tat-tip tal-KEE, li kienet is-suġġett tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri skond l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [3], kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 78/547/KEE [4], tiġi introdotta fir-rigward ta’ kull tip ta’ vettura;

Filwaqt li l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jirrigwardaw vetturi b’mutur titlob ir-rikonoxximent reċiproku mill-Istati Membri ta' l-ispezzjonijiet li jsiru minn kull wieħed minnhom abbażi ta' ħtiġiet komuni,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, "vettura" tfisser kull vettura bil-mutur fil-kategorija M1 (kif iddefinita fl-Anness I mad-Direttiva 70/156/KEE) iddisinjata għall-użu fit-triq, li jkollha mill-inqas erba’ roti u ddisinjata għal veloċità massima li taqbeż il-25km fis-siegħa.

Artikolu 2

L-ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta li jagħti approvazzjoni tat-tip tal-KEE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali ta’ vettura għal raġunijiet irrelatati mas-sistema tat-tisħin tal-kompartiment tal-passiġġieri jekk is-sistema tissodisfa l-ħtiġiet imniżżla fl-Anness 1.

Artikolu 3

L-ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta jew jipprojbixxi l-bejgħ, reġistrazzjoni, dħul fis-servizz jew użu ta’ xi vettura għal raġunijiet irrelatati mas-sistema tat-tisħin għall-kompartimenti tal-passiġġieri jekk is-sistema tissodisfa l-ħtiġiet stipulati fl-Anness 1.

Artikolu 4

Kull emenda meħtieġa biex jiġu adottati d-disposizzjonijiet ta' l-Annessi biex jiġi kkunsidrat il-progress tekniku għandha tiġi adottata bi qbil mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE.

Din il-proċedura għandha tapplika wkoll għall-introduzzjoni f'din id-Direttiva ta’ disposizzjonijiet fuq sistemi tat-tisħin awżiljarji intenzjonati biex ikunu installati b'mod permanenti fil-vettura.

Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-disposizzjonijiet meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva fi żmien 18-il xahar min-notifika tagħha u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-test tad-disposizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, it-12 ta’ Ġunju 1978.

Għall-Kunsill

Il-President.

K. Olesen

[1] ĠU Nru C 118, 16.5.1977, p. 29.

[2] ĠU Nru C 114, 11.5.1977, p. 6.

[3] ĠU Nru L 42, 23.2.1970, p. 1.

[4] Ara paġna 39 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------

ANNESS 1

1. DEFINIZZJONI

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, "sistemi ta’ tisħin għall-kompartimenti tal-passiġġieri" tfisser kull sistema li tista’ tgħolli t-temperatura fl-ispazju rriservat għall-okkupanti tal-vettura u li tuża sħana mill-magna għal dan l-għan.

2. ĦTIĠIET

2.1. Il-vetturi kollha għandu jkollhom sistema biex issaħħan il-kompartiment tal-passiġġieri.

2.2. F'vetturi li jkollhom sistema biex issaħħan il-kompartiment tal-passiġġieri permezz ta' sħana li ġejja jew mill-gass ta' l-exhaust jew mill-arja tat-tkessiħ tal-magna, din is-sistema jeħtieġ li tkun iddisinjata b’tali mod li:

2.2.1. l-arja msaħħna li tidħol fil-kompartiment ma jkunx fiha aktar gass ta' l-exhaust mill-arja ambjentali minn mnejn tidħol l-arja fuq in-naħa ta’ barra tal-vettura;

2.2.2. l-okkupanti tal-vettura ma jistgħux, waqt l-użu normali tal-vettura fit-triq, jiġu f’kuntatt ma’ partijiet ta' l-apparat li jistgħu jikkawżaw ħruq. Din il-kondizzjoni tiġi kkunsidrata sodisfatta jekk il-partijiet ma jilħqux temperatura ta' 80ºĊ;

2.2.3. l-arja sħuna li tidħol fil-kompartiment tal-passiġġieri ma tistax tilħaq temperaturi li jistgħu jikkawżaw ħruq lill-okkupanti. Din il-kondizzjoni tiġi kkunsidrata sodisfatta jekk id-differenza bejn it-temperatura ta' l-arja sħuna li tidhol fil-kompartiment tal-passiġġieri u t-temperatura ambjentali ma taqbiżx il-110 ºĊ.

2.3. Il-ħtiġiet stipulati f’2.2.1 jiġu kkunsidrati sodisfatti fir-rigward ta’ sistemi ta’ tisħin illi jinkludu l-apparat tat-trasferiment tas-sħana, li ċ-ċirkuwitu primarju tiegħu jgħaddu minn fuqu gass ta' l-exhaust jew arja mniġġsa, sakemm il-kondizzjonijiet li ġejjin jintlaħqu:

2.3.1. il-ħitan taċ-ċirkuwitu primarju ta' l-apparat tat-trasferiment tas-sħana m’għandhomx ikunu jitilfu l-arja taħt ebda pressjoni sa u inklużi 2 bar;

2.3.2 il-ħitan taċ-ċirkuwitu primarju ta' l-apparat tat-trasferiment tas-sħana m’għandux ikollhom partijiet li jistgħu jinqalgħu;

2.3.3. il-parti tal-ħajt ta' l-apparat tat-trasferiment tas-sħana mill-gass ta' l-exhaust fejn isir it-trasferiment tas-sħana għandu jkun mill-inqas 2mm fi ħxuna jekk ikun magħmul minn azzar mhux illigat;

2.3.3.1. f’każi li materjali oħra jiġu użati (inklużi materjali komposti jew miksija), il-ħxuna tal-ħajt għandha tkun b’tali mod li tiżgura li l-apparat tat-trasferiment tas-sħana jkollu l-istess ħajja ta’ servizz bħal fil-każ imsemmi f’ 2.3.3;

2.3.3.2. jekk il-parti ta' l-apparat tat-trasferiment tas-sħana fejn isir it-trasferiment tas-sħana ikun miksi bl-enamel, il-ħajt fejn dan l-enamel ikun ġie applikat għandu jkun mill-inqas 1mm fi ħxuna. Din il-kisja għandha tkun tiflaħ u ma tagħmilx arja, u ma għandhiex tkun poruża;

2.3.4. it-tubu li jikkonduċi l-gass ta' l-exhaust għandu jinkludi żona ta' l-ittestjar għall-korrużjoni li tkun mill-anqas ta’ tul ta’ 30 mm; din iż-żona għandha tkun imqieħgda direttament wara l-ħruġ ta' l-apparat tat-trasferiment tas-sħana. Għandha titħalla mikxufa u trid tkun faċilment aċċessibbli;

2.3.4.1. il-ħajt ta’ din iż-żona ma għandux ikun eħxen mit-tubi tal-gass ta' l-exhaust li jkunu mqiegħda ġewwa l-apparat tat-trasferiment tas-sħana u l-materjali u l-kwalitajiet tal-wiċċ ta’ din is-sezzjoni jridu jkunu komparabbli ma’ dak ta' dawn it-tubi;

2.3.4.2. jekk l-apparat tat-trasferiment tas-sħana jifforma biċċa waħda mas-silencer ta' l-exhaust tal-vettura, il-ħajt estern tas-silencer irid ikun ikkunsidrat bħala żona li taqbel ma’ 2.3.4.1 fejn xi korrużjoni tista’ sseħħ.

2.4. Għas-sistemi tat-tisħin li jużaw l-arja tat-tkessiħ tal-magna għal skopijiet ta’ tisħin, il-kondizzjonijiet ta’ 2.2.1 huma kkunsidrati sodisfatti sakemm ikunu konformi mal-ħtiġiet li ġejjin:

2.4.1. kull tip ta’ arja tat-tkessiħ li tiġi f’kuntatt biss ma' l-uċuħ tal-magna li ma jinkludux partijiet li jistgħu jinqalgħu, tista’ tintuża bħala arja ta’ tisħin mingħajr il-ħtieġa ta’ apparat tat-trasferiment tat-tisħin; il-konnessjonijiet bejn il-ħitan ta’ dan iċ-ċirkuwitu tat-tkessiħ ta' l-arja u l-uċuħ li jintużaw għat-trasferiment tas-sħana għandhom ikunu ma jitilfux gassijiet u reżistenti għaż-żejt. Dawn il-ħtiġiet jiġu kkunsidrati sodisfatti jekk, per eżempju,

2.4.1.1. l-inforra madwar kull sparking plug tevakwa xi nixxiegħat ta’ gassijiet ’il barra miċ-ċirkuwitu tat-tisħin ta’ l-arja;

2.4.1.2. il-ġonta bejn is-cylinder head u l-manifold ta' l-exhaust tkun mqiegħda fuq in-naħa ta’ barra taċ-ċirkuwitu tat-tisħin ta' l-arja;

2.4.1.3. ikun hemm protezzjoni doppja kontra l-ħruġ ta’ gassijiet bejn is-cylinder head u s-cylinder u jekk joħorġu xi gassijiet mill-ewwel ġonta jiġu evakwati ’l barra miċ-ċirkuwitu tat-tisħin ta’ l-arja,

jew:

il-protezzjoni kontra l-ħruġ ta’ gassijiet bejn is-cylinder head u s-cylinder xorta żżomm meta l-iskorfini tas-cylinderhead ikunuissikkati bierda għal terz tat-torque nominali stipulat mill-manifattur,

jew:

iż-żona fejn is-cylinderhead jintrabat mas-cylinder tkun mqiegħda barra miċ-ċirkuwitu tat-tisħin ta’ l-arja.

3. L-APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KEE

3.1. L-applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ tip ta’ vettura fir-rigward ta’ sistemi tat-tisħin tal-kompartimenti tal-passiġġieri trid tiġi ssottomessa mill-manifattur tal-vettura jew minn rappreżentant awtorizzat minnu.

3.2. Din irid ikollha magħha d-dokumenti li ġejjin imħejjija fi tliet kopji u d-dettalji li ġejjin:

3.2.1. fil-każ ta’ sistemi tat-tisħin li jużaw sħana mil-likwidu tat-tkessiħ tal-magna:

- deskrizzjoni fil-qosor tat-tip ta’ vettura fir-rigward tas-sistema tat-tisħin għall-kompartiment tal-passiġġieri; it-tip ta’ magna u s-sistema tat-tisħin għandhom ikunu speċifikati.

3.2.2. fil-każ ta’ sistemi tat-tisħin li jużaw is-sħana mill-gass ta' l-exhaust jew mill-arja tat-tkessiħ tal-magna:

- deskrizzjoni ddettaljata tat-tip ta’ vettura fir-rigward tas-sistema tat-tisħin għall-kompartiment tal-passiġġieri; it-tip ta’ magna għandha tkun speċifikata;

- disinn tat-tqassim tas-sistema tat-tisħin li turi l-pożizzjoni tagħha fil-vettura.

3.3. Fil-każ ta’ sistema tat-tisħin kif iddefinita f’2.3, is-servizz tekniku jista’ jitlob kampjun mill-apparat tat-trasferiment ta’ l-arja użat f’din it-tip ta’ sistema u/jew xi dokument li juri li l-apparat tat-trasferiment ta’ l-arja jikkonforma mal-ħtiġiet ta’ 2.3.

3.4. Fil-każ ta’ sistemi tat-tisħin kif iddefiniti f’2.3 u f’2.4, vettura li tirrappreżenta t-tip ta’ vettura biex tiġi approvata għandha tkun issottomessa lis-servizz tekniku responsabbli biex iwettaq il-prova ta' l-approvazzjoni tat-tip.

--------------------------------------------------

ANNESS II

MUDELL

(Format massimu: A4 (210 x 297 mm)

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

Top