Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31975R2759

Ir-regolament (KEE) Nru 2759/75 tal-kunsill tad-29 ta' Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam tal-majjal

OJ L 282, 1.11.1975, p. 1–9 (DA, DE, EN, FR, IT, NL)
Greek special edition: Chapter 03 Volume 014 P. 3 - 11
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 009 P. 86 - 94
Portuguese special edition: Chapter 03 Volume 009 P. 86 - 94
Special edition in Finnish: Chapter 03 Volume 006 P. 170 - 178
Special edition in Swedish: Chapter 03 Volume 006 P. 170 - 178
Special edition in Czech: Chapter 03 Volume 002 P. 119 - 127
Special edition in Estonian: Chapter 03 Volume 002 P. 119 - 127
Special edition in Latvian: Chapter 03 Volume 002 P. 119 - 127
Special edition in Lithuanian: Chapter 03 Volume 002 P. 119 - 127
Special edition in Hungarian Chapter 03 Volume 002 P. 119 - 127
Special edition in Maltese: Chapter 03 Volume 002 P. 119 - 127
Special edition in Polish: Chapter 03 Volume 002 P. 119 - 127
Special edition in Slovak: Chapter 03 Volume 002 P. 119 - 127
Special edition in Slovene: Chapter 03 Volume 002 P. 119 - 127
Special edition in Bulgarian: Chapter 03 Volume 002 P. 84 - 92
Special edition in Romanian: Chapter 03 Volume 002 P. 84 - 92

No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2008; Imħassar b' 32007R1234 . Latest consolidated version: 02/12/2005

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1975/2759/oj

31975R2759



Official Journal L 282 , 01/11/1975 P. 0001 - 0009
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 6 P. 0170
Greek special edition: Chapter 03 Volume 14 P. 0003
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 6 P. 0170
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 9 P. 0086
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 9 P. 0086


Ir-Regolament (KEE) Nru 2759/75 Tal-Kunsill

tad-29 ta' Ottubru 1975

dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam tal-majjal

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikoli 42 u 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi mill-adozzjoni tagħhom id-dispożizzjonijiet bażiċi dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-laħam tal-majjal ġew emendati bosta drabi; billi minħabba n-numru tagħhom, id-diffikultajiet tagħhom u l-firxa tagħhom f'diversi Ġurnali Uffiċjali, it-testi relevanti huma diffiċli biex jintużaw u għalhekk nieqsa miċ-ċarezza li għandha tkun karatteristika essenzjali tal-ligijiet kollha; billi għalhekk għandhom jiġu konsolidati f'test wieħed;

Billi l-operazzjoni u l-iżvilupp tas-suq komuni fil-prodotti agrikoli jridu jiġu akkumpanjati bit-twaqqif ta' politika agrikola komuni li tinkludi b'mod partikolari l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, li tista tieħu forom differenti skond il-prodott;

Billi l-iskop ta' politika agrikola komuni huwa illi jintlaħqu l-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-Trattat; billi fis-settur tal-laħam tal-majjal, sabiex jiġu stabbiliti s-swieq u jiġi żgurat livell ta' għixien għall-komunità agrikola kkonċernata, għandu jkun hemm dispożizzjonijiet sabiex ikun hemm miżuri biex jiġi ffaċilitat l-aġġustament tal-provvista għall-bżonnijiet tas-suq u għal miżuri ta' intervent; billi dan ta' l-aħħar jista' jieħu l-forma ta' xiri minn aġenziji ta' l-intervent; billi madanakollu, l-għajnuna għandha wkoll tiġi pprovduta għall-ħażna privata peress illi din l-għajnuna l-inqas li tiddisturba l-bejgħ normali ta' prodotti u tista tgħin billi tnaqqas il-volum ta' xiri mill-aġenziji ta' intervent; billi għal dan l-iskop għandu jkun hemm dispożizzjonijiet sabiex b'mod partikolari jiġi stabbilit prezz bażiku li għandu jintlaħaq sabiex jiġu fis-seħħ il-miżuri ta' intervent u l-kondizzjonijiet li jirregolaw l-intervent għandhom jiġu speċifikati;

Billi l-ħolqien ta' suq Komunitarju wieħed għal-laħam tal-majjal jinvolvi l-introduzzjoni ta' sistema waħda ta' negozju fil-fruntieri esterni tal-Komunità; peress illi sistema ta' negozju li tinkludi imposti u rifużjonijiet għall-esportazzjoni, flimkien mal-miżuri ta' intervent, iservu wkoll sabiex ikun iktar ibbilanċjat is-suq tal-Komunità, b'mod partikolari billi jkunu evitati li l-varjazzjonijiet fil-prezzijiet fis-suq dinji jaffettwaw il-prezzijiet fil-Komunità;

Billi sabiex jintlaħaq dan l-iskop, għandu bħala regola ġenerali, ikun biżżejjed illi tiġi introdotta, fir-rigward ta' importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, imposta li tieħu inkonsiderazzjoni l-impatt fuq l-ispejjeż ta' l-ikel ikkawżat mid-differenza bejn il-prezzijiet ta' l-għalf fil-Komunità u fis-suq dinji, u l-bżonn illi l-industrija Komunitarja tal-proċessar tiġi protetta;

Billi hemm bżonn illi jiġi evitat tfixkil fis-suq tal-Komunità kkawżat minn offerti magħmula fis-suq dinji bi prezzijiet baxxi żżejjed; billi għal dan l-iskop għandu jiġi stabbilit prezz kontrollat u l-imposti għandhom jiżdiedu b'ammont addizzjonali meta l-prezz offert b'xejn fuq il-fruntiera huwa inqas minn dawk il-prezzijiet; billi s-sistema ta' prezz kontrollat ma tistax topera meta huwa diffiċli illi jiġi ddeterminat prezz illi jirrappreżenta biżżejjed il-prodotti kollha li jaqgħu taħt kategorija partikolari ta' tariffi; billi għandha ssir dispożizzjoni sabiex ikun hemm metodu biex ikun ikkalkulat l-ammont addizzjonali f'dawn il-każijiet;

Billi, sabiex ikun possibbli li jkun hemm verifika fuq il-volum ta' l-importazzjoni, għandu jkun hemm dispożizzjoni għal sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni li tinvolvi l-għotja ta' pleġġ bħala garanzija illi l-importazzjoni se sseħħ;

Billi dispożizzjoni sabiex ikun hemm rifużjoni fuq esportazzjoni lil pajjiżi terzi, ugwali għad-differenza bejn il-prezzijiet fi ħdan il-Komunità u dawk fis-suq dinji, isservi sabiex tiġi salvagwardata l-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-kummerċ internazzjonali tal-laħam tal-majjal; billi sabiex jingħata ċertu ammont ta' sigurtà dwar l-istabbiltà tar-rifużjonijiet lill-esportaturi tal-Komunità, għandu jkun hemm dispożizzjoni sabiex ir-rifużjonijiet fis-settur tal-laħam tal-majjal jiġu stabbiliti minn qabel;

Billi, barra mis-sistema msemmija iktar ‘il fuq, meta s-sitwazzjoni tas-suq hekk tirrikjedi, għandu jkun hemm dispożizzjoni sabiex ikun projbit l-użu kollu jew f'parti ta' arranġamenti ta' ipproċessar intern;

Billi s-sistema ta' imposta tagħmilha possibbli illi l-miżuri protettivi l-oħra kollha ma jiġux applikati fil-fruntieri esterni tal-Komunità; billi, madanakollu, il-prezz komuni u l-mekkaniżmu ta' imposta jistgħu, f'ċerti każi jkunu difettużi; billi f'dawn il-każijiet, sabiex is-suq tal-Komunità ma jitħalliex mingħajr protezzjoni kontra t-taqlib li jista' jinqala minħabba f'hekk, wara li l-barrieri ta' importazzjoni li eżistew qabel jitneħħew, il-Komunità għandha tkun tista' tieħu l-miżuri kollha meħtieġa mingħajr telf ta' żmien;

Billi r-restrizzjonijiet fuq iċ-ċirkolazzjoni ħielsa li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' miżuri intenzjonati sabiex ikun evitat il-firxa ta' mard ta' l-annimali, jistgħu jikkawżaw diffikultajiet fis-swieq ta' wieħed jew iktar mill-Istati Membri; billi għandu jkun hemm dispożizzjoni għall-introduzzjoni ta' miżuri eċċezzjonali ta' appoġġ għas-swieq sabiex sitwazzjoni bħal din tkun irrimedjata;

Billi, sabiex l-implimentazzjoni tal-miżuri proposti tiġi ffaċilitata, għandha tkun provduta proċedura sabiex tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan Kumitat ta' Tmexxija;

Billi t-twaqqif ta' suq wieħed ibbażat fuq sistema ta' prezzijiet komuni jkun fil-periklu minħabba l-għoti ta' ċerti għajnuniet; billi, għalhekk, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat illi jippermettu l-investigazzjoni ta' l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri u l-projbizzjoni ta' dik l-għajnuna illi hija inkompatibbli mas-suq komuni għandhom ukoll japplikaw għal-laħam tal-majjal;

Billi l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam tal-majjal trid tieħu kont, b'mod xieraq u fl-istess ħin, ta' l-iskopijiet stabbiliti fl-Artikoli 39 u 110 tat-Trattat;

Billi l-infiq li sar mill-Istati Membri minħabba l-obbligi li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jaqgħu fuq il-Ko munità skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 [2] tal-21 ta' April 1970 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1566/72 [3],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT

L-Artikolu 1

1. L-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam tal-majjal għandha tinkludi prezz u sistema ta' kummerċ u tkopri l-prodotti li ġejjin:

Numru ta' l-intestatura CCT | Deskrizzjoni ta' l-oġġetti |

(a)01.03 AII | Majjali ħajjin ta' l-ispeċi domestika, li ma jkunux annimali ta' razza pura għat-tgħammir |

(b)02.01 A III a) | Laħam tal-majjal domestiku, frisk, imkessaħ jew friżat. |

02.01 B II c) | Skart ta' majjali domestiċi, frisk, imkessaħ jew friżat |

02.05 A and B | Xaħam tal-majjal (mhux magħmul jew estratt bis-solventi), frisk, imkessaħ, friżat, immellaħ, fis-salmura, imqadded jew fumigat |

02.06 B | Laħam u skart tal-laħam li jittieklu ta' majjal domestiku mmellaħ, fis-salmura, imqadded jew fumigat |

15.01 A | Xaħam (lardu) u xaħam ieħor tal-majjal magħmul jew estratt bis-solvent |

(ċ)16.01 | Zalzett u affarijiet hekk, ta' l-iskart tal-laħam jew demm ta' l-annimali |

16.02 A II | Laħam ieħor preparat jew priservat jew skart tal-laħam li jkollu l-fwied li ma jkunx fwied tal-wiżża jew tal-papra |

16.02 B III a) | Laħam ieħor ippreparat jew ippriservat jew skart tal-laħam, mhux speċifikat, li jkollu laħam jew skart mhux tal-majjal domestiku |

2. Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, "kull tliet xhur" tfisser perjodu ta' tliet xhur li jibdew fl-1 ta' Frar, fl-1 ta' Mejju, fl-1 ta' Awissu jew fl-l ta' Novembru.

IT-TITOLU I

Prezzijiet

L-Artikolu 2

Sabiex tiġi inkoraġġita azzjoni mill-organizzazzjonijiet tal-kummerċ u dawk konġunti biex ikun faċilitat l-aġġustament tal-provvista għall-bżonnijiet tas-suq, il-miżuri li ġejjin tal-Komunità jistgħu jittieħdu dwar prodotti elenkati fl-Artikolu 1(1):

- miżuri sabiex tkun magħrufa aħjar l-organizzazzjoni tal-produzzjoni, il-proċessar u l-bejgħ,

- miżuri biex titjieb il-kwalità,

- miżuri li jippermettu t-twaqqif ta' previżjonijiet fil-viċin u fit-tul fuq il-bażi tal-metodu ta' produzzjoni użat,

- miżuri sabiex ikun iffaċilitata r-reġistrazzjoni tat-tendenzi tal-prezzijiet fis-suq.

Regoli ġenerali dwar dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 43(2) tat- Trattat.

L-Artikolu 3

Il-miżuri ta' intervent li ġejjin jistgħu jittieħdu biex ikun evitat jew imnaqqas l-inżul sostanzjali fil-prezzijiet:

- għajnuna għal ħażna privata,

- xiri minn aġenziji ta' intervent.

Għajnuna għal ħażna privata tista' tingħata għal prodotti li jiġu determinati skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 5.

Aġenziji ta' intervent għandhom jixtru karkassa jew nofs karkassa, friska jew friżata (Tariffa Doganali Komuni subintestatura ex 02.01 A III a) 1); huma jistgħu jixtru ż-żaqq tal-majjal (streaky), friska jew iffriżata (Tariffa Doganali Komuni subintestatura ex 02.01 A III a) 5), u xaħam tal-majjal frisk jew iffriżat (Tariffa Doganali Komuni subintestatura ex 02.05 A I).

L-Artikolu 4

1. Qabel l-1 ta'Awwissu ta' kull sena għandu jiġi stabbilit prezz bażiku, li jkun validu mill-1 ta' Novembru ta' l-istess sena, għal laħam tal-majjal domestiku għal karkassi jew nofs karkassi (iktar ‘il quddiem imsejħa "karkassi tal-majjal") ta' kwalità standard definita b'referenza għal gradi tal-Komunità dwar klassifika tal-karkassi tal-majjal.

Meta l-prezz bażiku qed jiġi stabbilit, għandu jittieħed kont tal-:

- limiti tal-prezz u l-imposta li tapplika għat-tliet xhur li jibdew fl-1 ta' Awwissu ta' kull sena;

- bżonn illi dan il-prezz jiġi stabbilit f'livell illi jgħin sabiex jiġu stabbiliti l-prezzijiet tas-suq, mingħajr madanakollu, ma jifqa' b'żieda strutturali il-Komunità.

2. Il-miżuri ta' intervent jistgħu jittieħdu meta l-prezz tas-suq tal-Komunità għal karkassi tal-majjal, kif stabbilit b'referenza għall-prezzijiet reġistrati minn kull Stat Membru fis-suq rappreżentattiv tal-Komunità u peżat permezz ta' koeffiċjenti li jirriflettu d-daqs relattiv tal-merħla tal-majjali f'kull Stat Membru, hija u x'aktarx li tibqa' f'livell ta' inqas minn 103 % tal-prezz bażiku.

3. L-aġenziji ta' intervent appuntati mill-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri ta' intervent taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 7.

4. Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 43(2) tat-Trattat għandha tapplika sabiex:

- ikun stabbilit prezz bażiku,

- ikun determinat livell ta' kwalità għall-karkassi tal-majjali.

5. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu

- jadotta l-lista ta' swieq rappreżentattivi,

- jistabbilixxi l-iskala tal-Komunità għall-klassifika tal-karkassi tal-majjal.

6. Il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 24 għandhom japplikaw sabiex:

- ikun deċiż it-teħid ta' miżuri ta' intervent u d-data meta m'għandhomx japplikaw iktar,

- ikunu adottati regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.

L-Artikolu 5

1. Il-prezz tax-xiri tal-karkassi tal-majjal ta' kwalità standard m'għandux ikun iktar minn 92 % jew inqas minn 85 % tal-prezz bażiku.

2. Għal prodotti ta' kwalità standard li mhumiex karkassi tal-majjal, il-prezz tax-xiri għandu jkun ikkalkolat fuq il-limiti tal-prezz għall-karkassi tal-majjal fuq il-bażi tal-proporzjon tal-prezz rappreżentattiv għal dawn il-prodotti mqabbla mal-prezz rappreżentattiv għal karkassi tal-majjal.

3. Għal prodotti li mhumiex ta' kwalità aċċettabbli, il-prezzijiet tax-xiri għandhom jiġu kkalkulati skond dawk fis-seħħ għall-prodotti ta' livell standard relevanti b'referenza għad-differenzi fil-kwalità meta mqabbla mal-kwalità aċċettabbli. Dawn il-prezzijiet għandhom japplikaw għal kwalitajiet definiti.

4. Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tapplika sabiex:

(a) ikunu determinati l-prodotti li għalihom japplikaw il-miżuri ta' intervent u jkunu speċifikati l-kwalitajiet li jistgħu jinxtraw; madanakollu, dwar ċerti reġjuni tal-Komunità, xi kategoriji ta' piż jistgħu jiġu esklużi mill-intervent meta mhumiex rappreżentattivi tal-produzzjoni tal-laħam tal-majjal f'dak ir-reġjun;

(b) ikun stabbilit il-prezz għax-xiri u l-ammont ta' għajnuna ta' ħażna privata;

(ċ) ikunu adottati regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, b'mod partikolari l-kondizzjonijiet li jirregolaw ix-xiri u l-ħażna ta' prodotti dwar liema jkunu applikati l-miżuri ta' intervent imsemmija fl-Artikolu 3.

L-Artikolu 6

1. It-tneħħija ta' prodotti mixtrija mill-aġenziji ta' intervent skond l-Artikoli 3, 4 u 5 għandha sseħħ b'mod li ma toħloqx taqlib fis-suq u li tiżgura aċċess ugwali għall-oġġetti u trattament ugwali tax-xerrej.

2. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, b'mod partikolari dwar prezzijiet tal-bejgħ, kondizzjonijiet għar-rilaxx mill-ħażna u, meta approprjat, il-proċessar ta' prodotti mixtrija mill-aġenziji ta' l-intervent, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24.

L-Artikolu 7

1. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta regoli ġenerali sabiex tingħata l-għajnuna għall-ħażna privata.

2. Regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24.

IT-TITOLU II

Kummerċ ma' pajjiżi terzi

L-Artikolu 8

Imposta, stabbilita bil-quddiem għal kull perjodu ta' tliet xhur skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24, għandha tkun imposta fuq importazzjonijiet lejn il-Komunità tal-prodotti speċifikati fl-Artikolu 1(1).

L-Artikolu 9

1. L-imposta fuq il-karkassi tal-majjal għandha tkun magħmula minn:

(a) komponent wieħed ugwali għad-differenza bejn il-prezzijiet fi ħdan il-Komunità u l-prezzijiet fis-suq dinji għall-kwantità ta' għalf meħtieġ għall-produzzjoni fil-Komunità ta' kilogramm ta' majjal.

Il-prezzijiet ta' l-għalf fil-Komunità għandhom ikunu stabbiliti darba f'sena għal perjodu ta' tnax-il xahar li jibda fl-1 ta' Awwissu, fuq il-bażi tal-prezzijiet minimi għal dawk il-qmuħ u ż-żieda ta' kull xahar tagħhom.

Il-prezzijiet ta' dan l-għalf fis-suq dinji għandhom ikunu determinati kull tliet xhur fuq il-bażi tal-prezzijiet ta' dawk il-qmuħ għas-sitt xhur li jiġu qabel it-tliet xhur meta dan il-komponent jiġi kkalkolat.

Madanakollu, meta l-imposti applikabbli mill-1 ta' Novembru, l-1 ta' Frar u l-1 ta' Mejju jkunu qed jiġu stabbiliti, it-tendenzi fil-prezzijiet fis-suq dinji għandhom jittieħdu f'konsiderazzjoni biss jekk fl-istess ħin ikun qiegħed jiġi stabbilit prezz rappreżentattiv ġdid.

(b) komponent wieħed ugwali għal 7 % tal-medja tal-prezzijiet rappreżentattivi għall-erba' perjodi ta' tliet xhur li jiġu qabel l-1 ta' Mejju ta' kull sena.

Dan il-komponent għandu jiġi kkalkolat darba fis-sena għal perjodu ta' 12-il xahar li jibda fl-1 ta' Awwissu.

1. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni għandu

- jiddeċiedi l-kwantità ta' għalf meħtieġ għall-produzzjoni fil-Komunità ta' kilogramm ta' laħam tal-majjal u l-perċentwali ta' l-għalf differenti inklużi f'dik il-kwantità,

- jadotta regoli għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.

L-Artikolu 10

1. Dwar il-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(1)(a) u (b), barra minn karkassi tal-majjal, l-imposta għandha tiġi kkalkolata mill-imposta fuq il-karkassi tal-majjal fuq il-bażi tar-rapport fi ħdan il-Komunità tal-prezzijiet għal dawn il-prodotti, mal-prezzijiet għal karkassi tal-majjal.

2. Dwar il-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(1)(ċ), l-imposta għandha tkun ugwali għat-total tal-komponenti li ġejjin:

(a) komponent wieħed jiġi mill-imposta fuq il-karkassi tal-majjal fuq il-bażi tar-rapport fi ħdan il-Komunità bejn il-prezzijiet għal dawn il-prodotti, mal-prezzijiet għal karkassi tal-majjal;

(b) it-tieni komponent ugwali għal 7 % tal-medja tal-prezzijiet offruti, deċiżi fuq il-bażi ta' l-importazzjonijiet effettwati matul it-tnax-il xahar li jiġi qabel l-1 ta' Mejju ta' kull sena. Madanakollu, għal prodotti li jaqgħu taħt it-Tariffa Doganali Komuni bl-intestatura Nru ex 16.02, il-perċentwali msemmi iktar ‘il fuq għandu jkun 10 %.

Dan il-komponent għandu jiġi kkalkolat darba fis-sena għat-12-il xahar li jibdew fl-1 ta' Awwissu.

3. B'deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2, għal prodotti li jaqgħu taħt is-subintestaturi ex 02.01 B II, ex 15.01 A, ex 16.01 A u ex 16.02 A II tat-Tariffa Doganali Komuni, li r-rata ta' dazju tagħhom ġiet iffissata permezz tal-GATT, l-imposta għandha tkun limitata sa l-ammont li jirriżulta minn dak il-ftehim.

4. Il-koeffiċjenti li jesprimu r-rapporti imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu ffissati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24.

L-Artikolu 11

Meta żieda sostanzjali fil-prezz tkun irreġistrata fis-suq tal-Komunità, u din is-sitwazzjoni x'aktarx illi tkompli, u b'hekk tfixkel jew thedded li tfixkel is-suq, jistgħu jittieħdu l-miżuri meħtieġa.

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.

L-Artikolu 12

1. Il-limiti tal-prezzijiet għandhom ikunu ffissati bil-quddiem għal kull perjodu ta' tliet xhur skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24.

2. Il-limiti tal-prezz għal karkassi tal-majjal għandhom ikunu magħmula minn:

(a) ammont ugwali għall-valur fis-suq dinji ta' kwantità ta' għalf ekwivalenti għall-ammont ta' għalf meħtieġ għall-produzzjoni f'pajjiżi terzi ta' kilogramm ta' laħam tal-majjal;

(b) ammont fiss illi jirrappreżenta l-ispejjez żejda fir-rigward ta' għalf li mhuwiex qamħ, meħtieġ għall-produzzjoni ta' kilogramm ta' laħam tal-majjal;

(ċ) ammont fiss illi jirrappreżenta l-ispejjeż ġenerali tal-produzzjoni u l-bejgħ.

Il-valur tal-kwantità ta' għalf għandu jkun determinat kull tliet xhur fuq il-bażi tal-prezzijiet tas-suq dinji taċ-ċereali reġistrati fis-sitt xhur ta' qabel it-tliet xhur li matulu jkunu stabbilit il-limiti tal-prezz.

Madanakollu, meta l-prezz rappreżentattiv applikabbli mill-1 ta' Novembru, l-1 ta' Frar u l-1 ta' Mejju jkun qed jiġi stabbilit, għandu jittieħed kont tat-tendenzi fil-prezzijiet tas-suq dinji biss, jekk il-valur tal-kwantità ta' għalf tvarja mill-inqas b'minimu speċifikat minn dik użata biex ikunu kkalkolati l-limiti tal-prezz għat-tliet xhur ta' qabel.

1. Il-limiti tal-prezzijiet għandhom ikunu stabbiliti biss għal ċerti prodotti li mhumiex karkassi tal-majjal kif imsemmija fl-Artikolu 1(1). Dawn il-limiti tal-prezzijiet għandhom jitfasslu fuq il-limiti tal-prezz għal karkassi tal-majjal fuq il-bażi tar-rapport stabbilit għal dawn il-prodotti taħt l-Artikolu 10(4).

2. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni għandu

- jiddetermina l-kwantità ta' għalf kif speċifikat fil-paragrafu 2(a) u l-perċentwali ta' l-għalf differenti inklużi f'dik il-kwantità,

- jadotta lista tal-prodotti li għalihom jiġu stabbiliti prezzijiet rappreżentattivi,

- jadotta regoli sabiex jiġu kkalkolati l-limiti tal-prezzijiet għal karkassi tal-majjal.

L-Artikolu 13

1. Meta l-prezz ta' l-offerta free-at-frontier għal prodott jaqa' taħt il-limiti tal-prezz, l-imposta fuq dak il-prodott għandha tiżdied b'ammont addizzjonali ekwivalenti għad-differenza bejn il-limiti tal-prezz u l-prezz ta' l-offerta b'xejn fuq il-fruntiera.

Għal ċerti prodotti li għalihom m'hemmx limitu ta' prezz, sistema ta' "proġetti pilota" u "prodotti derivati" għandha tkun stabbilita sabiex ikunu stabbiliti ammonti addizzjonali.

2. Madanakollu, l-imposta m'għandhiex tiżdied bl-ammonti msemmija qabel fir-rigward ta' pajjiżi terzi li huma lesti u f'pożizzjoni li jiggarantixxu li l-prezz għal importazzjoni fil-Komunità ta' prodotti li joriġinaw minn jew li huma ġejjin mit-territorju tagħhom ma jkunux inqas mil-limitu tal-prezz għal prodott inkwistjoni u li jkun evitat illi l-kummerċ jiġi żvijat.

3. Il-prezz ta' offerta b'xejn fuq il-fruntiera għandu jkun stabbilit għall-importazzjonijiet kollha mill-pajjiżi terzi kollha.

Madanakollu, jekk l-esportazzjoni minn pajjiż terz wieħed jew iktar ikunu affettwati bi prezzijiet straordinarjament baxxi, iktar baxxi mill-prezzijiet applikabbli fil-pajjiżi l-oħra, għandu jkun stabbilit prezz ieħor ta' offerta b'xejn fuq il-fruntiera għall-esportazzjoni minn dawn il-pajjiżi l-oħra.

4. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta regoli ġenerali dwar is-sistema stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.

5. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24. Meta hemm bżonn ta' ammonti addizzjonali, dawn għandhom ikunu stabbiliti skond l-istess proċedura.

L-Artikolu

L-Artikolu 14

1. L-importazzjoni lejn il-Komunità ta' xi wieħed mill-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 (1) jista' jkun kondizzjonali fuq is-sot tomissjoni ta' liċenzja ta' importazzjoni li għandha tinħareġ mill-Istati Membri lil kull applikant irrispettivament mill-post ta' l-istabbiliment tiegħu fil-Komunità.

Din il-liċenzja għandha tkun valida għal importazzjoni li sseħħ f'xi parti tal-Komunità.

Il-ħruġ ta' dawn il-liċenzji għandu jkun kondizzjonali fuq l-għotja ta' sigurtà bħala garanzija li l-importazzjoni ssir matul il-perjodu ta' validità tal-liċenzja; is-sigurtà tintilef kollha jew f'parti jekk l-importazzjoni ma ssirx jew ma ssirx kollha matul dak il-perjodu.

2. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta lista tal-prodotti għal liema huma meħtieġa liċenzji ta' importazzjoni,

3. Il-perjodu ta' validità ta' liċenzji u regoli oħra dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24.

L-Artikolu 15

1. Sa fejn ikun meħtieġ sabiex il-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(1) jiġu esportati fuq il-bażi tal-kwotazzjonijiet jew prezzijiet ta' dawk il-prodotti fuq is-suq dinji, id-differenza bejn dawk il-kwotazzjonijiet jew prezzijiet u l-prezzijiet fil-Komunità tista' tkun koperta b'rifużjoni għall-esportazzjoni.

2. Ir-rifużjoni għandha tkun l-istess għall-Komunità kollha. Tista' tvarja skond l-użu jew id-destinazzjoni.

Ir-rifużjoni tingħata fuq applikazzjoni mill-parti konċernata.

3. Meta r-rifużjoni tkun qed tiġi stabbilita, għandha tingħata konsiderazzjoni tal-ħtieġa li jkun hemm bilanċ bejn l-użu ta' prodotti bażiċi tal-Komunità fil-manifattura tal-merkanzija pproċessata għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u l-użu ta' prodotti ta' pajjiżi terzi mixtrija taħt arranġamenti ta' pproċessar intern.

4. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta regoli ġenerali għall-għotja u t-twaqqif bil-quddiem tar-rifużjonijiet għall-esportazzjoni u l-kriterji sabiex ikun stabbilit l-ammont ta' dawn ir-rifużjonijiet.

5. Ir-rifużjonijiet għandhom ikunu stabbiliti f'intervalli regolari skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24. Meta neċessarju, il-Kummissjoni tista', fuq talba ta' Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess, tagħmel tibdiliet tar-rifużjonijiet, fl-intervall.

6. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24.

L-Artikolu 16

Sa fejn ikun meħtieġ għall-ħidma xierqa ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur tal-laħam tal-majjal, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jipprojbixxi l-użu kollu jew f'parti, ta' arranġamenti ta' pproċessar intern ta' prodotti speċifikati fl-Artikolu 1(1) li huma maħsuba għall-manifattura ta' prodotti oħra elenkati f'dak il-paragrafu.

L-Artikolu 17

1. Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tat-Tariffa Doganali Komuni u r-regoli speċjali għall-applikazzjoni tagħha għandhom japplikaw għall-klassifikar ta' tariffi għal prodotti koperti b'dan ir-Regolament; l-ismijiet tat-tariffi li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiffurmaw parti mit-Tariffa Doganali Komuni.

2. Kemm-il darba mhux ipprovdut mod ieħor f'dan ir-Regolament jew fejn tingħata deroga b'deċiżjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, dan li ġej għandu jkun projbit:

- l-impożizzjoni ta' xi dazji jew ħlas ieħor bl-istess effett,

- l-applikazzjoni ta' restrizzjonijiet kwantitattivi jew miżuri li għandhom l-istess effett.

Kull miżura illi tirristrinġi l-ħruġ ta' liċenzji ta' importazzjoni lil kategoriji speċifiċi ta' nies għandha titqies bħala miżura li għandha l-istess effett bħal restrizzjoni kwantitattiva.

L-Artikolu 18

1. Jekk minħabba importazzjoni jew esportazzjoni, is-suq tal-Komunità fis-settur ta' wieħed jew iktar mill-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(1) ikollu jew ikun mhedded b'taqlib serju li jista' jipperikola l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-Trattat, jistgħu jiġu applikati miżuri xierqa fin-negozju ma terzi pajjiżi sakemm it-taqlib jew it-theddida ta' taqlib tieqaf.

Il-Kunsill waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu u jiddefinixxi l-każijiet li fihom, u l-limiti li matulhom, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri protettivi.

2. Jekk is-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 isseħħ, il-Kummissjoni tista', fuq talba ta' Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess, tadotta l-miżuri meħtieġa; il-miżuri għandhom ikunu kkomunikati lill-Istati Membri u għandhom japplikaw immedjatament. Jekk il-Kummissjoni tirċievi talba minn Stat Membru, hija għandha tieħu deċiżjoni fi żmien 24 siegħa minn meta tirċievi t-talba.

3. Kull Stat Membru jista' jirreferi lill-Kunsill, il-miżuri adottati mill-Kummissjoni, fi żmien tlett ijiem tax-xogħol mill-ġurnata meta kienu kkomunikati. Il-Kunsill għandu jiltaqa mingħajr ebda dewmien. Jista', permezz ta' maġġoranza kkwalifikata, jemenda jew iħassar il-miżuri inkwistjoni.

IT-TITOLU III

Dispożizzjonijiet ġenerali

L-Artikolu 19

Il-prodotti speċifikati fl-Artikolu 1(1), li huma manifatturati jew miksuba minn dawk il-prodotti li ma jaqgħux taħt l-Artikoli 9(2) u 10(1) tat-Trattat, m'għandhomx jitħallew jiċċirkolaw liberament fil-Komunità.

L-Artikolu 20

Sabiex kull restrizzjoni fuq iċ-ċirkolazzjoni ħielsa imposta bħala konsegwenza ta' miżuri sabiex ma jkunx hemm tifrix tal-mard ta' l-annimali tittieħed f'konsiderazzjoni, jistgħu jittieħdu miżuri eċċezzjonali skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 għall-appoġġ tas-swieq affettwati b'dawn ir-restrizzjonijiet. Dawn il-miżuri jistgħu jittieħdu biss sal-livell u għal dak il-perjodu li huwa strettament meħtieġ għall-appoġġ tas-suq.

L-Artikolu 21

Kemm-il darba mhux provdut mod ieħor f'dan ir-Regolament, l-Artikoli 92 sa 94 tat-Trattat għandhom japplikaw għall-produzzjoni ta' u l-kummerċ fil-prodotti speċifikati fl-Artikolu 1(1).

L-Artikolu 22

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkomunikaw lil xulxin l-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Ir-regoli għall-komunikazzjoni u d-distribuzzjoni ta' din l-informazzjoni għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24.

L-Artikolu 23

1. Permezz ta' dan id-dokument huwa stabbilit Kumitat ta' l-Amministrazzjoni għal Laħam tal-Majjal (iktar ‘l isfel imsejjaħ "il-Kumitat") illi jikkonsisti f'rappreżentanti ta' l-Istati Membri b'rappreżentant tal-Kummissjoni bħala President.

2. Fil-Komunità, il-voti ta' l-Istati Membri għandhom ikun "peżati" skond l-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-President m'għandux vot.

L-Artikolu 24

1. Meta l-proċedura stabbilit f'dan l-Artikolu għandha tiġi mwettqa, il-President għandu jirreferi l-kwistjoni lill-Kumitat jew fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tar-rappreżentant ta' Stat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz tal-miżuri li jkunu se jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar dawk il-miżuri fiż-żmien stipulat mill-President skond l-urġenza tal-każ. L-opinjonijiet għandhom ikunu adottati permezz ta' maġġoranza ta' 41 vot.

3. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri li japplikaw immedjatament. Madanakollu, jekk dawn il-miżuri ma jkunux skond l-Opinjoni tal-Kumitat, dawn għandhom ikunu immedjatament ikkomunikati lill-Kunsill mill-Kummissjoni. F'dak il-każ, il-Kummissjoni tista', għal mhux iktar minn xahar mid-data ta' din il-komunika, tipposponi l-applikazzjoni tal-miżuri li adottat.

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, jista jieħu deċiżjoni differenti fi żmien xahar.

L-Artikolu 25

Il-Kumitat jista' jikkunsidra kull kwistjoni oħra riferita lilu mill-President kemm fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tar-rappreżentant ta' Stat Membru.

L-Artikolu 26

Dan ir-Regolament għandu jkun applikat b'mod illi fl-istess ħin l-iskopijiet stabbiliti fl-Artikoli 39 u 110 tat-Trattat jingħataw kunsiderazzjoni xierqa, b'mod approprjat.

L-Artikolu 27

Jekk l-Italja tirrikorri għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2727/75 [4] tad-29 ta' Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċereali, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jevita illi jkun hemm kompetizzjoni inġusta.

L-Artikolu 28

1. Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 121/67/KEE [5] tat-13 ta' Ġunju 1967 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam tal-majjal, kif l-aħħar emendat permezz tar-Regolament (KEE) Nru 1861/74 [6] huwa hawnhekk imħassar.

2. Kull referenza għar-Regolament imħassar permezz tal-paragrafu 1 għandha tinftiehem bħala referenza għal dan ir-Regolament.

Referenzi għall-Artikoli ta' dak ir-Regolament għandhom jinqraw skond il-korrelazzjoni mogħtija fl-Anness.

L-Artikolu 29

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 1975.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fid-29 ta' Ottubru 1975.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Marcora

[1] ĠU C 60, tat-13.3.1975, p. 42.

[2] ĠU L 94, tat-28.4.1970, p. 13.

[3] ĠU L 167, tal-25.7.1972, p. 5.

[4] ĠU L 281, ta' l-1.11.1975, p. 1.

[5] ĠU 117, tad-19.6.1967, p. 2283/67.

[6] ĠU L 197, tad-19.7.1974, p. 3.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Il-Korrelazzjoni

Ir-Regolament Nru 121/67/KEE | Dan ir-Regolament |

L-Artikolu 27 | L-Artikolu 26 |

L-Artikolu 29 | L-Artikolu 27 |

--------------------------------------------------

Top