EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22023D0819

Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023 li tistabbilixxi l-arranġamenti relatati mal-Qafas ta’ Windsor [2023/819]

PUB/2023/426

OJ L 102, 17.4.2023, p. 61–83 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/819/oj

17.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 102/61


DEĊIŻJONI Nru 1/2023 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

tal-24 ta’ Marzu 2023

li tistabbilixxi l-arranġamenti relatati mal-Qafas ta’ Windsor [2023/819]

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 164(5)(d) tiegħu, l-Artikolu 5(2) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (“il-Protokoll”), kif ukoll l-Artikolu 164(5)(c) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Protokoll,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 166(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164(1) tiegħu (“il-Kumitat Konġunt”) huma vinkolanti għall-Unjoni u għar-Renju Unit. L-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jimplimentaw tali deċiżjonijiet, li jkollhom l-istess effett legali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(2)

Skont l-Artikolu 182 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Protokoll jifforma parti integrali minn dak il-Ftehim.

(3)

L-Artikolu 164(5)(d) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt li jadotta deċiżjonijiet li jemendaw il-Ftehim dwar il-Ħruġ, dment li tali emendi jkunu meħtieġa biex jikkoreġu l-iżbalji, biex jindirizzaw ommissjonijiet jew nuqqasijiet oħra, jew biex jindirizzaw sitwazzjonijiet mhux previsti meta l-Ftehim ikun ġie ffirmat, u dment li tali deċiżjonijiet ma jemendawx elementi essenzjali ta’ dak il-Ftehim.

(4)

L-Unjoni u r-Renju Unit għamlu Dikjarazzjoni Konġunta fil-Kumitat Konġunt li tgħid li, kull fejn rilevanti fin-negozjati tagħhom skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, huma, b’mod konsistenti mar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali, ser jirreferu għall-Protokoll kif emendat bħala l-“Qafas ta’ Windsor”, u li jistgħu jirreferu għall-Protokoll kif emendat fil-leġiżlazzjoni domestika tagħhom bl-istess mod.

(5)

L-Unjoni u r-Renju Unit ifakkru fl-impenn kondiviż tagħhom li l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira jew ta’ Belfast tal-10 ta’ April 1998 bejn il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern tal-Irlanda u l-parteċipanti l-oħra fin-negozjati bejn bosta partijiet (“il-Ftehim tal-1998”), li huwa anness mal-Ftehim Brittanniku-Irlandiż tal-istess data, inkluż il-ftehimiet u l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni sussegwenti tiegħu, jenħtieġ li jiġi protett fil-partijiet kollha tiegħu.

(6)

Wara li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-Irlanda ta’ Fuq, jenħtieġ li l-faċilitazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(2) tal-Protokoll jinkludu arranġamenti speċifiċi għall-moviment tal-merkanzija fis-suq intern tar-Renju Unit, konsistenti mal-pożizzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq bħala parti mit-territorju doganali tar-Renju Unit f’konformità mal-Protokoll, meta l-merkanzija tkun destinata għall-konsum finali jew għall-użu finali fl-Irlanda ta’ Fuq u fejn ikunu fis-seħħ is-salvagwardji meħtieġa biex tiġi protetta l-integrità tas-suq intern u tal-unjoni doganali tal-Unjoni.

(7)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ brejk ta’ emerġenza li jippermetti lill-Membri tal-Assemblea Leġiżlattiva fl-Irlanda ta’ Fuq, skont kull waħda mill-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 tad-Dikjarazzjoni Unilaterali mir-Renju Unit dwar l-involviment tal-istituzzjonijiet tal-Ftehim tal-1998 annessa ma’ din id-Deċiżjoni, jindirizzaw l-impatti sinifikanti speċifiċi għall-ħajja ta’ kuljum tal-komunitajiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni, kif emendati jew sostitwiti minn atti futuri tal-Unjoni.

(8)

Fir-rigward tal-VAT u s-sisa, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-Irlanda ta’ Fuq, inkluż il-post integrali tagħha fis-suq intern tar-Renju Unit, jenħtieġ li jsiru ċerti emendi għall-Anness 3 tal-Protokoll. Jenħtieġ li dawn l-emendi ma jwasslux għal riskji ta’ frodi fiskali jew għal kwalunkwe distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni. Jenħtieġ li l-implimentazzjoni tagħhom fl-Irlanda ta’ Fuq, u b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-iskema speċjali għall-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew pajjiżi terzi, la toħloq riskji għas-suq intern tal-Unjoni, u għas-suq intern tar-Renju Unit, u lanqas toħloq piżijiet żejda għan-negozji li joperaw fl-Irlanda ta’ Fuq.

(9)

Sabiex jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti atti diġà elenkati fl-Anness 3 għall-Protokoll, jenħtieġ li jiżdiedu żewġ noti ma’ dak l-Anness. Sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe nota oħra tkun tista’ tiżdied ma’ dak l-Anness fi kwalunkwe ħin, jenħtieġ li tali possibbiltà tiġi pprovduta f’din id-Deċiżjoni.

(10)

Fir-rigward tal-moviment tal-merkanzija, l-Artikolu 5(2) tal-Protokoll jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt li jadotta deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet li skonthom l-ipproċessar ma għandux jitqies bħala pproċessar kummerċjali u l-kriterji biex jitqies li merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq minn barra l-Unjoni ma tkunx f’riskju li sussegwentement tiġi ttrasportata fl-Unjoni.

(11)

Huwa mixtieq li jiġi mtejjeb l-operat tal-iskemi stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 4/2020 (2), inkluż fir-rigward ta’ merkanzija mibgħuta f’pakketti lejn l-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit, li ser jippermettu li jsiru dispożizzjonijiet għal faċilitazzjonijiet estensivi fil-qasam tad-dwana.

(12)

F’konformità mal-Artikolu 175 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, l-Unjoni u r-Renju Unit ser jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw malajr u in bona fide ma’ deċiżjoni tal-bord ta’ arbitraġġ dwar il-kondizzjonijiet għas-sospensjoni, it-terminazzjoni u l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

(13)

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 4/2020 jenħtieġ li tiġi sostitwita bit-Taqsima 2 ta’ din id-Deċiżjoni.

(14)

Fir-rigward tal-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni msaħħa relatat mal-funzjonament tal-Protokoll fl-oqsma tal-VAT u s-sisa, f’konformità mal-Artikolu 164(5)(c) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Kumitat Konġunt jista’ fost l-oħrajn jibdel il-kompiti assenjati lill-kumitati speċjalizzati.

(15)

Skont l-Artikolu 8, ir-raba’ paragrafu, tal-Protokoll, il-Kumitat Konġunt għandu jiddiskuti regolarment l-implimentazzjoni ta’ dak l-Artikolu, inkluż fir-rigward tat-tnaqqis u l-eżenzjonijiet previsti fid-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dak l-Artikolu, u, fejn xieraq, għandu jadotta miżuri għall-applikazzjoni xierqa tiegħu, kif meħtieġ.

(16)

Skont l-Artikolu 8, il-ħames paragrafu, tal-Protokoll, il-Kumitat Konġunt jista’ jirrieżamina l-applikazzjoni ta’ dak l-Artikolu, filwaqt li jqis il-post integrali tal-Irlanda ta’ Fuq fis-suq intern tar-Renju Unit, u jista’ jadotta miżuri xierqa kif meħtieġ.

(17)

Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-Artikolu 8 tal-Protokoll u b’mod partikolari biex jittieħed kont tal-post integrali tal-Irlanda ta’ Fuq fis-suq intern tar-Renju Unit, jenħtieġ li l-Unjoni u r-Renju Unit jivvalutaw b’mod strutturat kwalunkwe kwistjoni li tirriżulta mill-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 8, inkluż b’mod partikolari l-impatt potenzjali fuq l-Irlanda ta’ Fuq ta’ kwalunkwe inizjattiva futura ta’ politika u regolatorja fl-Unjoni u fir-Renju Unit fl-oqsma tal-VAT u s-sisa li jikkonċernaw il-merkanzija.

(18)

Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni msaħħa li jippermetti lill-Unjoni u lir-Renju Unit jidentifikaw u jiddiskutu kwalunkwe kwistjoni relatata mal-funzjonament tal-Protokoll fl-oqsma tal-VAT u s-sisa u li jipproponu azzjoni xierqa, kif meħtieġ. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jitlaqqgħu laqgħat speċifiċi tal-Kumitat Speċjalizzat dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq stabbilit bl-Artikolu 165(1)(c) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ biex jiġu diskussi l-VAT u s-sisa li jikkonċernaw il-merkanzija kif meħtieġ. Dawn il-laqgħat ser ikunu magħrufa bħala l-Mekkaniżmu ta’ Koordinazzjoni Msaħħa dwar il-VAT u s-sisa,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

TAQSIMA 1

Emendi għall-Protokoll

Artikolu 1

Fl-Artikolu 6(2) tal-Protokoll, is-sentenza li ġejja tiddaħħal wara l-ewwel sentenza:

“Dan jinkludi arranġamenti speċifiċi għall-moviment tal-merkanzija fis-suq intern tar-Renju Unit, konsistenti mal-pożizzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq bħala parti mit-territorju doganali tar-Renju Unit f’konformità ma’ dan il-Protokoll, meta l-merkanzija tkun destinata għall-konsum finali jew għall-użu finali fl-Irlanda ta’ Fuq u fejn ikunu fis-seħħ is-salvagwardji meħtieġa biex tiġi protetta l-integrità tas-suq intern u tal-unjoni doganali tal-Unjoni.”.

Artikolu 2

Fl-Artikolu 13 tal-Protokoll, wara l-paragrafu (3), jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3a.   B’deroga mill-paragrafu 3, u soġġett għar-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, att tal-Unjoni kopert minn dan il-paragrafu li ġie emendat jew sostitwit b’att speċifiku tal-Unjoni (‘att speċifiku tal-Unjoni’) ma għandux japplika kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni minn ġimagħtejn wara l-jum li fih ir-Renju Unit ikun innotifika lill-Unjoni bil-miktub permezz tal-Kumitat Konġunt li l-proċedura stabbilita fid-dikjarazzjoni unilaterali dwar l-involviment tal-istituzzjonijiet tal-Ftehim tal-1998 magħmula mir-Renju Unit, kif annessa bħala l-Anness I għad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 1/2023 (*1), ġiet segwita. Tali notifika għandha ssir fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-att speċifiku tal-Unjoni u għandha tinkludi spjegazzjoni dettaljata tal-valutazzjoni tar-Renju Unit fir-rigward tal-kondizzjonijiet imsemmija fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, kif ukoll tal-passi proċedurali meħuda fir-Renju Unit qabel in-notifika.

Jekk l-Unjoni tqis li l-ispjegazzjoni tar-Renju Unit mhijiex biżżejjed fir-rigward taċ-ċirkostanzi msemmija fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, hija tista’ titlob spjegazzjoni ulterjuri fi żmien ġimagħtejn mid-data tan-notifika u r-Renju Unit għandu jipprovdi dik l-ispjegazzjoni ulterjuri fi żmien ġimagħtejn mid-data tat-talba. F’dak il-każ l-att tal-Unjoni kopert minn dan il-paragrafu ma għandux japplika kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni mit-tielet jum wara l-jum li fih ir-Renju Unit ikun ipprovda dik l-ispjegazzjoni ulterjuri.

Ir-Renju Unit għandu jagħmel in-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu biss meta:

(a)

il-kontenut jew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-att tal-Unjoni kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni jvarja b’mod sinifikanti, kompletament jew parzjalment, mill-kontenut jew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-att tal-Unjoni kif applikabbli qabel ma jiġi emendat jew sostitwit; u

(b)

l-applikazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq tal-att tal-Unjoni kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni, jew tal-parti rilevanti tiegħu skont il-każ, ikollha impatt sinifikanti speċifiku għall-ħajja ta’ kuljum tal-komunitajiet fl-Irlanda ta’ Fuq b’mod li jista’ jippersisti.

Meta l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) u (b) jiġu ssodisfati biss fir-rigward ta’ parti mill-att tal-Unjoni kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni, in-notifika għandha ssir biss fir-rigward ta’ dik il-parti, dment li din tal-aħħar tkun separabbli mill-partijiet l-oħra tal-att tal-Unjoni kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni. Jekk din tal-aħħar ma tkunx separabbli, in-notifika għandha ssir fir-rigward tal-iżgħar element separabbli tal-att tal-Unjoni kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni li fih il-parti inkwistjoni.

Meta n-notifika ssir fir-rigward ta’ parti mill-att tal-Unjoni kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni, f’konformità mat-tieni sentenza tas-subparagrafu preċedenti, l-att tal-Unjoni ma għandux japplika kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni biss fir-rigward ta’ dik il-parti.

Meta n-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu tkun saret, il-paragrafu 4 għandu japplika fir-rigward tal-att tal-Unjoni kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni; f’każ li l-att tal-Unjoni kif emendat jew sostitwit mill-att speċifiku tal-Unjoni jiżdied ma’ dan il-Protokoll, dan għandu jsir minflok l-att tal-Unjoni qabel ma jiġi emendat jew sostitwit.

Dan il-paragrafu jkopri l-atti tal-Unjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-intestatura 1 u l-intestaturi 7 sa 47 tal-Anness 2 ta’ dan il-Protokoll, u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tiegħu.

Artikolu 3

L-Anness 3 tal-Protokoll għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

taħt l-intestatura “1. Taxxa fuq il-Valur Miżjud”, wara l-entrata “Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud”, għandha tiddaħħal in-nota li ġejja:

“Fir-rigward ta’ merkanzija fornuta u installata fi proprjetà immobbli li tinsab fl-Irlanda ta’ Fuq minn persuni taxxabbli, ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq jista’ japplika rati mnaqqsa, rati aktar baxxi minn 5 % jew eżenzjoni bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti.

Ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq ma għandux ikun meħtieġ japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 98(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tad-Direttiva 2006/112/KE u għalhekk jista’ japplika rati mnaqqsa tal-VAT għall-provvisti koperti f’aktar minn 24 punt fl-Anness III u jista’ japplika rata mnaqqsa aktar baxxa mill-minimu ta’ 5 % u eżenzjoni bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti għall-provvisti koperti f’aktar minn seba’ punti fl-Anness III għad-Direttiva 2006/112/KE.

Ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq ma għandux ikun meħtieġ japplika l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, stabbilita fit-Titolu XII, il-Kapitolu 1, tad-Direttiva 2006/112/KE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-fini tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (*2), lejn u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, u għalhekk jista’ japplika kwalunkwe skema ta’ eżenzjoni għal persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom, attribwibbli għall-provvisti ta’ merkanzija u servizzi, jikkonforma mar-regoli dwar il-limitu tal-fatturat stabbiliti fl-Artikolu 284(1), l-Artikolu 288 u l-Artikolu 288a(1) u (3) tad-Direttiva 2006/112/KE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285. L-ekwivalenti f’lira sterlina tal-limitu tal-fatturat imsemmi fl-Artikolu 284(1) għandu jiġi kkalkulat billi tiġi applikata r-rata tal-kambju fil-jum wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2020/285, kif ippubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew. Sabiex jitqiesu l-varjazzjonijiet f’din ir-rata tal-kambju maż-żmien, differenza massima ta’ 15 % għandha tkun permessa meta jiġi kkalkulat l-ekwivalenti tal-limitu ta’ EUR 85 000.

Ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq ma għandux ikun meħtieġ japplika l-iskema speċjali għall-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew pajjiżi terzi, stabbilita fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 4, tad-Direttiva 2006/112/KE, fir-rigward tal-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija mill-Gran Brittanja lejn l-Irlanda ta’ Fuq, dment li l-merkanzija tkun soġġetta għall-konsum finali fl-Irlanda ta’ Fuq u li t-taxxa fuq il-valur miżjud tkun ġiet imposta fir-Renju Unit.

(*2)  ĠU L 62, 2.3.2020, p. 1.”;"

(2)

taħt l-intestatura “2. Sisa”, wara l-entrata “Id-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku”, għandha tiddaħħal in-nota li ġejja:

“Ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq ma għandux ikun meħtieġ japplika l-Artikoli 3(1) u l-Artikoli 9, 13, 18 u 21 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE u għalhekk jista’ japplika rati tad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku dejjem abbażi tal-qawwa alkoħolika u jista’ japplika rati ta’ dazju mnaqqsa għal xarbiet alkoħoliċi ppakkjati f’kontenituri servuti għall-konsum immedjat f’postijiet tal-ospitalità, dment li tali rati ta’ dazju fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq ma jkunu fl-ebda każ, anki wara xi eżenzjoni applikabbli, taħt ir-rati minimi tad-dazju kif stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u l-Artikoli 4, 5 u 6 tad-Direttiva 92/84/KEE, u ma għandhomx japplikaw b’mod inqas favorevoli għal prodotti fornuti mill-Unjoni daqs kif japplikaw għal prodotti domestiċi analogi.

Ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq ma għandux ikun meħtieġ japplika l-Artikoli 4, 9a, 13a, 18a, l-Artikolu 22(1) sa (5) u l-Artikolu 23a tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE u għalhekk jista’ jiddefinixxi produtturi żgħar u jistabbilixxi rati ta’ dazju mnaqqsa għall-alkoħol u x-xorb alkoħoliku prodotti minn produtturi żgħar, dment li tali rati ta’ dazju mnaqqsa fl-ebda każ ma jkunu, anki wara kwalunkwe eżenzjoni applikabbli, inqas mir-rati minimi tad-dazju kif stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u l-Artikoli 4, 5 u 6 tad-Direttiva 92/84/KEE, u li l-produzzjoni annwali tal-produtturi ż-żgħar intitolati li jibbenefikaw mill-applikazzjoni tar-rata ta’ dazju mnaqqsa fl-ebda każ ma tkun ogħla mil-limiti ta’ produzzjoni stabbiliti fl-ewwel inċiżi tal-Artikoli 4(1), 9a(1), 13a(1), 18a(1) u 22(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE. Il-proċeduri ta’ rikonoxximent reċiproku stabbiliti skont l-Artikoli 4(3), 9a(3), 13a(5), 18a(4), 22(3) u 23a(3) tad-Direttiva 92/83/KEE ma għandhomx japplikaw bejn l-Istati Membri u r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.”.

Artikolu 4

1.   Fl-Anness 3 tal-Protokoll, taħt l-intestatura “1. Taxxa fuq il-Valur Miżjud” għandha tiddaħħal kwalunkwe nota għajr in-noti stabbiliti fil-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni kif ser tiġi adottata mill-Kumitat Konġunt, dment li tali noti jispeċifikaw il-mod li bih l-atti tal-Unjoni elenkati fit-Taqsima 1 tal-Anness 3 japplikaw għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. Tali noti għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda impatt negattiv fuq is-suq intern tal-Unjoni fil-forma ta’ riskji ta’ frodi fiskali u lanqas distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni.

2.   Fl-Anness 3 tal-Protokoll, taħt l-intestatura “2. Sisa” kwalunkwe nota għajr in-noti stabbiliti fil-punt 2 tal-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni kif ser jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt għandha tiddaħħal, dment li tali noti jispeċifikaw il-mod li bih l-atti tal-Unjoni elenkati fit-taqsima 2 tal-Anness 3 japplikaw għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. Tali noti għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda impatt negattiv fuq is-suq intern tal-Unjoni fil-forma ta’ riskji ta’ frodi fiskali u lanqas distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni.

TAQSIMA 2

Determinazzjoni ta’ merkanzija mhux f’riskju u tħassir tad-Deċiżjoni Nru 4/2020

Artikolu 5

Suġġett

Din it-Taqsima tistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(2) tal-Protokoll fir-rigward ta’:

(a)

il-kondizzjonijiet biex jitqies li merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq minn barra l-Unjoni ma tkunx soġġetta għall-ipproċessar kummerċjali fl-Irlanda ta’ Fuq;

(b)

il-kriterji biex jitqies li merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq minn barra l-Unjoni ma tkunx f’riskju li sussegwentement tiġi ttrasportata fl-Unjoni.

Artikolu 6

Ipproċessar mhux kummerċjali

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tal-Protokoll, l-ipproċessar ta’ merkanzija għandu jitqies bħala mhux kummerċjali, meta:

(a)

il-persuna li tippreżenta dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera fir-rigward ta’ dik il-merkanzija jew li tali dikjarazzjoni ssir f’isimha (“l-importatur”) kellha fatturat annwali totali ta’ anqas minn GBP 2 000 000 fl-aħħar sena finanzjarja kompluta tagħha; jew

(b)

l-ipproċessar isir fl-Irlanda ta’ Fuq u huwa għall-iskop uniku ta’:

(i)

bejgħ ta’ ikel lil konsumatur aħħari fir-Renju Unit;

(ii)

kostruzzjoni, fejn il-merkanzija pproċessata tkun ser tifforma parti permanenti minn struttura li tkun mibnija u li tinsab fl-Irlanda ta’ Fuq mill-importatur jew minn entità sussegwenti waħda;

(iii)

forniment dirett lir-riċevitur tas-servizzi tas-saħħa jew tal-kura fl-Irlanda ta’ Fuq mill-importatur jew minn entità sussegwenti waħda;

(iv)

attivitajiet mhux bi skop ta’ qligħ fl-Irlanda ta’ Fuq mill-importatur jew minn entità sussegwenti waħda, fejn ma jkun hemm l-ebda bejgħ sussegwenti tal-merkanzija pproċessata; jew

(v)

l-użu finali tal-għalf tal-annimali fi stabbilimenti li jinsabu fl-Irlanda ta’ Fuq mill-importatur jew minn entità sussegwenti waħda.

Artikolu 7

Kriterji biex jitqies li l-merkanzija ma tkunx f’riskju li sussegwentement tiġi ttrasportata fl-Unjoni

1.   Merkanzija għandha titqies li ma tkunx f’riskju li sussegwentement tiġi ttrasportata fl-Unjoni, meta ma titqiesx li hija soġġett għal ipproċessar kummerċjali f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni, u meta:

(a)

fil-każ ta’ merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq minn parti oħra tar-Renju Unit permezz ta’ trasport dirett:

(i)

id-dazju pagabbli skont it-Tariffa Doganali Komuni tal-Unjoni jkun ugwali għal żero; jew

(ii)

l-importatur ikun ġie awtorizzat f’konformità mal-Artikoli 9 sa 11 ta’ din id-Deċiżjoni biex idaħħal din il-merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq biex tinbiegħ lill-konsumaturi aħħarin fir-Renju Unit jew għall-użu finali tagħha minnhom, inkluż meta din il-merkanzija kienet soġġetta għal ipproċessar mhux kummerċjali f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni qabel tinbiegħ lill-konsumaturi aħħarin jew l-użu finali tagħha minnhom; jew

(iii)

tintbagħat f’pakkett, u

(aa)

tkun ta’ natura mhux kummerċjali u tintbagħat minn individwu privat lil individwu privat ieħor residenti fl-Irlanda ta’ Fuq; jew

(bb)

tintbagħat minn operatur ekonomiku permezz ta’ trasportatur awtorizzat skont l-Artikolu 12 ta’ din id-Deċiżjoni lil individwu privat residenti fl-Irlanda ta’ Fuq u tkun esklussivament għall-użu personali.

(b)

fil-każ ta’ merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq permezz ta’ trasport dirett għajr dak mill-Unjoni jew minn parti oħra tar-Renju Unit:

(i)

id-dazju pagabbli skont it-Tariffa Doganali Komuni tal-Unjoni jkun daqs jew inqas mid-dazju pagabbli skont it-tariffa doganali tar-Renju Unit; jew

(ii)

l-importatur ikun ġie awtorizzat f’konformità mal-Artikoli 9 sa 11 ta’ din id-Deċiżjoni biex idaħħal dik il-merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq biex tinbiegħ lill-konsumaturi aħħarin fl-Irlanda ta’ Fuq jew għall-użu finali tagħha minnhom (inkluż meta dik il-merkanzija tkun ġiet soġġetta għal ipproċessar mhux kummerċjali f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni qabel tinbiegħ lill-konsumaturi aħħarin jew l-użu finali tagħhom), u d-differenza bejn id-dazju pagabbli skont it-Tariffa Doganali Komuni tal-Unjoni u d-dazju pagabbli skont it-tariffa doganali tar-Renju Unit tkun inqas minn 3 % tal-valur doganali tal-merkanzija.

2.   Il-paragrafi 1(a)(ii), 1(a)(iii) u 1(b)(ii) ma għandhomx japplikaw għall-merkanzija soġġetta għal miżuri ta’ difiża tal-kummerċ adottati mill-Unjoni.

3.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, “pakkett” tfisser pakkett li jkun fih:

(a)

merkanzija, minbarra oġġett ta’ korrispondenza, b’piż gross totali ta’ mhux aktar minn 31,5 kg; jew

(b)

oġġett wieħed ta’ merkanzija, għajr oġġett ta’ korrispondenza, b’piż gross totali ta’ mhux aktar minn 100 kg, fir-rigward ta’ tranżazzjoni kummerċjali.

Artikolu 8

Kalkolu tad-dazji applikabbli

Għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(a)(i) u l-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

id-dazju pagabbli skont it-Tariffa Doganali Komuni tal-Unjoni fuq merkanzija għandu jiġi kkalkulat skont ir-regoli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni;

(b)

id-dazju pagabbli skont it-tariffa doganali tar-Renju Unit fuq merkanzija għandu jiġi kkalkulat skont ir-regoli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni doganali tar-Renju Unit.

Artikolu 9

Awtorizzazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 7

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(a)(ii) u l-Artikolu 7(1)(b)(ii) ta’ din id-Deċiżjoni, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni biex tiddaħħal merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq permezz ta’ trasport dirett għall-bejgħ lill-konsumaturi aħħarin jew għall-użu finali tagħha minnhom għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit.

2.   L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha informazzjoni dwar l-attivitajiet kummerċjali tal-applikant, dwar il-merkanzija li tipikament tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll deskrizzjoni tat-tip ta’ rekords, sistemi u kontrolli stabbiliti mill-applikant biex jiġi żgurat li l-merkanzija koperta mill-awtorizzazzjoni tiġi ddikjarata kif suppost għal finijiet doganali u tista’ tiġi pprovduta evidenza bħala appoġġ għall-impenn fl-Artikolu 10(b) ta’ din id-Deċiżjoni. Il-kummerċjant għandu jżomm l-evidenza, eż. fatturi, għall-aħħar ħames snin u għandu jipprovdiha lill-awtoritajiet kompetenti jekk jitolbuh jagħmel dan. Ir-rekwiżiti tad-data tal-applikazzjoni huma stipulati fid-dettall fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

3.   L-awtorizzazzjoni għandha tindika mill-inqas dan li ġej:

(a)

isem il-persuna li tkun ingħatatilha l-awtorizzazzjoni (“id-detentur tal-awtorizzazzjoni”);

(b)

in-numru ta’ referenza uniku attribwit mill-awtorità doganali kompetenti għad-deċiżjoni (“numru ta’ referenza tal-awtorizzazzjoni”);

(c)

l-awtorità li tat l-awtorizzazzjoni;

(d)

id-data tad-dħul fis-seħħ tal-awtorizzazzjoni.

4.   Id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni dwar deċiżjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali għandhom japplikaw għall-applikazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu, inkluż fir-rigward tal-monitoraġġ.

5.   F’każijiet fejn l-awtorità doganali kompetenti tar-Renju Unit tosserva użu ħażin intenzjonat ta’ awtorizzazzjoni jew ksur tal-kondizzjonijiet għal awtorizzazzjoni stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, l-awtorità għandha tissospendi jew tirrevoka l-awtorizzazzjoni.

6.   Ir-rappreżentanti tal-Unjoni jistgħu jitolbu li l-awtorità doganali kompetenti tar-Renju Unit tivverifika awtorizzazzjoni speċifika. L-awtorità doganali kompetenti tar-Renju Unit ser tieħu l-passi xierqa bi tweġiba għal tali talba u ser tipprovdi informazzjoni dwar l-azzjoni meħuda fi żmien 30 jum.

Artikolu 10

Kondizzjonijiet ġenerali għall-ħruġ ta' awtorizzazzjoni

Għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(a)(ii) u l-Artikolu 7(1)(b)(ii) ta’ din id-Deċiżjoni, tista’ tingħata awtorizzazzjoni lill-applikanti li:

(a)

jissodisfaw il-kriterji ta’ stabbiliment li ġejjin:

(i)

ikunu stabbiliti fl-Irlanda ta’ Fuq jew ikollhom post fiss ta’ negozju fl-Irlanda ta’ Fuq

fejn ikun hemm preżenza permanenti ta’ riżorsi umani u tekniċi; u

li minnu l-merkanzija tinbiegħ, jew tiġi pprovduta għall-użu finali, lill-konsumaturi aħħarin; u

fejn informazzjoni u rekords doganali, kummerċjali u dwar it-trasport ikunu disponibbli jew aċċessibbli fl-Irlanda ta’ Fuq, jew

(ii)

ikunu stabbiliti f’partijiet tar-Renju Unit għajr l-Irlanda ta’ Fuq u jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

l-operazzjonijiet tagħhom relatati mad-dwana jitwettqu fir-Renju Unit;

ikollhom rappreżentant doganali indirett fl-Irlanda ta’ Fuq;

ir-rekords u l-informazzjoni doganali, kummerċjali u tat-trasport tagħhom ikunu disponibbli jew aċċessibbli fir-Renju Unit għall-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit u għar-rappreżentanti tal-Unjoni għall-verifika tal-konformità mal-kondizzjonijiet u mal-impenji mogħtija skont din id-Deċiżjoni; u

(b)

jintrabtu li jġibu merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq biss għall-bejgħ lill-konsumaturi finali jew għall-użu finali tagħha minnhom fir-Renju Unit, inkluż meta din il-merkanzija tkun ġiet soġġetta għal ipproċessar mhux kummerċjali f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni qabel il-bejgħ tagħha lill-konsumaturi aħħarin jew l-użu finali tagħha minnhom fir-Renju Unit; u, fil-każ ta’ bejgħ lill-konsumaturi aħħarin fl-Irlanda ta’ Fuq, jimpenjaw ruħhom li l-bejgħ ser isir minn ħanut fiżiku jew aktar fl-Irlanda ta’ Fuq li minnu jsir il-bejgħ dirett fiżiku lill-konsumaturi aħħarin.

Artikolu 11

Kondizzjonijiet speċifiċi għall-awtorizzazzjoni tal-importaturi

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(a)(ii) u l-Artikolu 7(1)(b)(ii) ta’ din id-Deċiżjoni, awtorizzazzjoni biex tiddaħħal merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq għandha tingħata biss lill-applikanti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10 ta’ din id-Deċiżjoni kif ukoll il-kondizzjonijiet li ġejjin, kif spjegat aktar fl-Anness III għal din id-Deċiżjoni:

(a)

l-applikant jiddikjara li ser jiddikjara għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera merkanzija mdaħħla fl-Irlanda ta’ Fuq skont l-Artikolu 7(1)(a)(ii) jew l-Artikolu 7(1)(b)(ii) ta’ din id-Deċiżjoni;

(b)

fi żmien tliet snin qabel l-applikazzjoni, l-applikant ma jista’ jkun wettaq l-ebda ksur serju jew ksur ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali u r-regoli fiskali u ma jista’ jkollu l-ebda rekord ta’ reati kriminali serji relatati mal-attività ekonomika tiegħu;

(c)

fir-rigward ta’ merkanzija li trid tiġi ddikjarata bħala mhux f’riskju, l-applikant għandu juri li għandu livell għoli ta’ kontroll tal-operazzjonijiet tiegħu u tal-fluss tal-merkanzija, permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni ta’ rekords kummerċjali u, fejn xieraq, rekords tat-trasport, li tippermetti kontrolli xierqa u l-għoti ta’ evidenza bħala sostenn għall-impenn fl-Artikolu 10(b) ta’ din id-Deċiżjoni;

(d)

l-applikant ikun f’qagħda finanzjarja tajba matul il-perjodu ta’ tliet snin qabel l-applikazzjoni, jew fil-perjodu mill-istabbiliment tiegħu fejn dan ikun inqas minn tliet snin, b’tali mod li l-applikant ikun jista’ jissodisfa l-impenji tiegħu, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-karatteristiċi tat-tip ta’ attività kummerċjali kkonċernata;

(e)

jenħtieġ li l-applikant ikun kapaċi juri fehim ċar tal-obbligi tiegħu skont din l-awtorizzazzjoni u fir-rigward tal-movimenti ta’ merkanzija taħt l-iskema u kif jikkonforma magħhom.

2.   L-applikanti għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw jekk il-merkanzija li jġibu fl-Irlanda ta’ Fuq tikkorrispondix għal kwalunkwe waħda mill-kategoriji stabbiliti fl-Anness IV għal din id-Deċiżjoni.

3.   L-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw biss jekk l-awtorità doganali tqis li ser tkun tista’ twettaq kontrolli f’konformità mal-arranġamenti operazzjonali rilevanti maqbula mingħajr sforz amministrattiv sproporzjonat, inkluż il-kontroll ta’ kwalunkwe evidenza li l-merkanzija nbiegħet lill-konsumaturi aħħarin jew kienet soġġetta għall-użu finali minnhom.

Artikolu 12

Kondizzjonijiet speċifiċi għall-awtorizzazzjoni tat-Trasportaturi

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(a)(iii)(bb) ta’ din id-Deċiżjoni, operatur ekonomiku li jittrasporta l-pakketti, inkluż l-operatur postali deżinjat tar-Renju Unit, jista’ japplika biex ikun trasportatur awtorizzat li jittrasporta pakketti minn parti oħra tar-Renju Unit lejn l-Irlanda ta’ Fuq (“Trasportatur Awtorizzat”) jekk jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikun irreġistrat bħala operatur ekonomiku;

(b)

ikun stabbilit fir-Renju Unit u, fil-każ li ma jkunx stabbilit fl-Irlanda ta’ Fuq, ikollu rappreżentant doganali indirett hemmhekk;

(c)

fi żmien tliet snin qabel l-applikazzjoni ma jridx ikun ikkommetta xi ksur serju jew ksur ripetut ta’ rekwiżit leġiżlattiv jew regolatorju li jkun rilevanti għall-attività ekonomika tiegħu;

(d)

irid ikollu livell għoli ta’ kontroll tal-operazzjonijiet tiegħu, permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni ta’ rekords kummerċjali u, fejn xieraq, tat-trasport, li tippermetti kontrolli xierqa u l-għoti ta’ evidenza bħala sostenn tal-attività ekonomika tiegħu.

2.   L-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw biss jekk l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit tqis li ser tkun tista’ twettaq kontrolli f’konformità mal-arranġamenti operazzjonali rilevanti miftiehma mingħajr sforz amministrattiv sproporzjonat, inkluż il-kontroll ta’ kwalunkwe evidenza li l-merkanzija ġiet ikkonsenjata lil individwi privati residenti fl-Irlanda ta’ Fuq.

Artikolu 13

Obbligi tat-Trasportaturi Awtorizzati

Trasportatur Awtorizzat għandu:

(a)

jieħu r-responsabbiltà li jistabbilixxi li l-merkanzija f’kull pakkett hija tat-tip deskritt fl-Artikolu 138, il-punt (l), tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (3);

(b)

iżomm proċessi operazzjonali li jippermettulu jiddistingwi bejn operaturi ekonomiċi u individwi privati bħala riċevituri jew speditur ta’ pakketti;

(c)

ikun jista’ jiddetermina jekk il-merkanzija li jġib fl-Irlanda ta’ Fuq tikkorrispondix għall-kategorija 1 kif stabbilit fl-Anness IV għal din id-Deċiżjoni;

(d)

iżomm sistemi li jippermettulu jiġbor u jikkondividi d-data msemmija fl-Anness 52-03 għar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446;

(e)

jipprovdi lill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit id-data msemmija fl-Artikolu 141(1)(d)(vii) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 f’intervalli regolari u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fih;

(f)

jirrapporta lill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit kwalunkwe attività suspettuża relatata mal-moviment ta’ pakketti msemmija fl-Artikolu 7(1)(a)(iii)(bb) ta’ din id-Deċiżjoni;

(g)

iwieġeb għal talbiet ad hoc mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit għal informazzjoni ulterjuri;

(h)

jikkonforma ma’ kwalunkwe struzzjoni mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit dwar il-movimenti ta’ pakketti msemmija fl-Artikolu 7(1)(a)(iii)(bb) ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 14

Skambju ta’ informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) u (2) tal-Protokoll

1.   Mingħajr preġudizzji għall-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll, moqri flimkien mar-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ta’ kull xahar ir-Renju Unit għandu jipprovdi informazzjoni lill-Unjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) u (2) tal-Protokoll kif ukoll ta’ din id-Deċiżjoni. Din l-informazzjoni għandha tinkludi l-volumi u l-valuri, f’forma aggregata u għal kull kunsinna, kif ukoll il-mezzi ta’ trasport, relatati ma’:

(a)

merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq li fir-rigward tagħha ma kien hemm l-ebda dazju doganali pagabbli f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll;

(b)

merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq li fir-rigward tagħha d-dazji doganali pagabbli kienu dawk applikabbli fir-Renju Unit f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll; u

(c)

merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq li fir-rigward tagħha d-dazji doganali pagabbli kienu f’konformità mat-Tariffa Doganali Komuni tal-Unjoni.

2.   Ir-Renju Unit għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fil-15-il jum tax-xogħol fix-xahar ta’ wara dak li għalih tingħata l-informazzjoni.

3.   L-informazzjoni għandha tingħata bl-użu ta’ tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data.

4.   Fuq talba tar-rappreżentanti tal-Unjoni msemmija fid-Deċiżjoni Nru 6/2020 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (6) u mill-inqas darbtejn fis-sena, l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit għandhom jipprovdu informazzjoni f’forma aggregata u għal kull awtorizzazzjoni lil dawn ir-rappreżentanti dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli minn 9 sa 12 ta’ din id-Deċiżjoni, inkluż l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet aċċettati, irrifjutati u revokati, u l-post tal-istabbiliment tad-detenturi tal-awtorizzazzjoni.

Artikolu 15

Ir-rieżami, is-sospensjoni u t-terminazzjoni tat-Taqsima 2 ta’ din id-Deċiżjoni

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiddiskuti l-applikazzjoni ta’ din it-Taqsima dment li l-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor.

2.   L-Unjoni tista’ tinnotifika lir-Renju Unit fi ħdan il-Kumitat Konġunt meta r-Renju Unit:

(a)

b’mod sostnut, jonqos milli jimplimenta l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 6/2020 permezz tal-għoti ta’ aċċess għall-informazzjoni li tinsab fin-networks, fis-sistemi tal-informazzjoni u fil-bażijiet tad-data tar-Renju Unit u fil-moduli nazzjonali tar-Renju Unit tas-sistemi tal-Unjoni msemmija fl-Anness I għal dik id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt; jew

(b)

sitt xhur wara d-data msemmija fl-Artiklu 23(5) ta’ din id-Deċiżjoni jew fi kwalunkwe mument wara, jonqos milli jiżgura li r-rappreżentanti tal-Unjoni jkollhom aċċess għall-informazzjoni li tinsab fin-networks, fis-sistemi tal-informazzjoni u fil-bażijiet tad-data tar-Renju Unit u fil-moduli nazzjonali tar-Renju Unit tas-sistemi tal-Unjoni msemmija fil-punt (a) f’format aċċessibbli u li jippermettilhom li jwettqu analiżi tar-riskju, inkluż l-identifikazzjoni ta’ xejriet u tendenzi reċenti u storiċi; jew

(c)

jiġġestixxi ħażin b’mod gravi l-implimentazzjoni tal-Artikoli minn 9 sa 14 ta’ din id-Deċiżjoni u l-Anness III tagħha.

L-Unjoni għandha tipprovdi lir-Renju Unit bir-raġunijiet li għalihom tkun għamlet in-notifika. Il-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex isibu soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku għall-kwistjoni. Jekk il-partijiet ma jsibux soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku fi żmien 30 jum tax-xogħol min-notifika, jew f’perjodu itwal deċiż mill-Kumitat Konġunt, l-Artikolu 7(1)(a)(ii), l-Artikolu 7(1)(a)(iii), l-Artikolu 7(1)(b)(ii) u l-Artikoli 9 sa 14 ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jieqfu japplikaw mill-ewwel jum tax-xahar wara t-tmiem ta’ dak il-perjodu.

Fil-każ imsemmi fit-tieni subparagrafu, l-Unjoni u r-Renju Unit għandhom immedjatament jidħlu f’konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt u għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex isibu soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku għall-kwistjoni, jew biex jaqblu dwar dispożizzjonijiet alternattivi għall-perjodu tas-sospensjoni.

Jekk is-sitwazzjoni li wasslet għal din in-notifika tkun ġiet rimedjata, l-Unjoni għandha tinnotifika lir-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt. F’dak il-każ, id-dispożizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu għandhom japplikaw mill-ġdid mill-ewwel jum tax-xahar ta’ wara dak li matulu tkun saret it-tieni notifika.

3.   Ir-Renju Unit jista’ jinnotifika lill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt meta l-atti tal-Unjoni li jipprevedu l-faċilitazzjonijiet relatati mal-moviment tal-merkanzija msemmija fl-Artikolu 7(1)(a)(ii) u l-Artikolu 7(1)(a)(iii) ta’ din id-Deċiżjoni ma jibqgħux fis-seħħ, kompletament jew parzjalment, b’tali mod li ma jibqgħux jipprevedu l-istess livell ta’ faċilitazzjonijiet.

Ir-Renju Unit għandu jipprovdi lill-Unjoni bir-raġunijiet li għalihom ikun għamel in-notifika. Il-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex isibu soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku għall-kwistjoni. Jekk il-partijiet ma jsibux soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku fi żmien 30 jum tax-xogħol min-notifika, jew f’perjodu itwal deċiż mill-Kumitat Konġunt, l-Artikoli 9, 10, 11 u 14 ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jieqfu japplikaw mill-ewwel jum tax-xahar wara t-tmiem ta’ dan il-perjodu u minflok regoli identiċi għal dawk li jinsabu fl-Artikoli minn 5 sa 8 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 4/2020 għandhom japplikaw.

Jekk is-sitwazzjoni li wasslet għal din in-notifika tkun ġiet rimedjata, ir-Renju Unit għandu jinnotifika lill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt. F’dak il-każ, l-Artikoli 9, 10, 11 u 14 ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw mill-ġdid u regoli identiċi għal dawk li jinsabu fl-Artikoli minn 5 sa 8 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 4/2020 għandhom jieqfu japplikaw mill-ewwel jum tax-xahar ta’ wara dak li matulu tkun saret it-tieni notifika.

4.   Jekk waħda mill-Partijiet tqis li jkun hemm devjazzjoni sinifikanti fit-traffiku kummerċjali, jew frodi jew attivitajiet illegali oħra, din il-Parti għandha tinforma lill-Parti l-oħra fil-Kumitat Konġunt mill-inqas sena wara d-data msemmija fl-Artikolu 23(5) ta’ din id-Deċiżjoni, u l-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex isibu soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku għall-kwistjoni. Jekk il-Partijiet ma jsibux soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku, l-Artikolu 7(1)(a)(ii), l-Artikolu 7(1)(a)(iii), l-Artikolu 7(1)(b)(ii) u l-Artikoli 9 sa 14 ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jieqfu japplikaw minn 24 xahar wara d-data msemmija fl-Artikolu 23(5) ta’ din id-Deċiżjoni, dejjem jekk il-Kumitat Konġunt ma jiddeċidix fi żmien 18-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 23(5) ta’ din id-Deċiżjoni li jkompli bl-applikazzjoni tagħhom.

F’każ li l-Artikolu 7(1)(a)(ii), l-Artikolu 7(1)(a)(iii), l-Artikolu 7(1)(b)(ii), u l-Artikoli 9 sa 14 ta’ din id-Deċiżjoni jieqfu japplikaw f’konformità mal-ewwel subparagrafu, il-Kumitat Konġunt għandu jemenda din id-Deċiżjoni l-aktar tard sa 24 xahar wara d-data msemmija fl-Artikolu 23(5) ta’ din id-Deċiżjoni biex jagħmel dispożizzjoni alternattiva xierqa applikabbli minn 24 xahar wara d-data msemmija fl-Artikolu 23(5) ta’ din id-Deċiżjoni, filwaqt li jqis iċ-ċirkostanzi speċifiċi fl-Irlanda ta’ Fuq u li jirrispetta bis-sħiħ il-pożizzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq fit-territorju doganali tar-Renju Unit.

F’każ li l-Artikoli 7(1)(a)(ii), l-Artikolu 7(1)(a)(iii), l-Artikolu 7(1)(b)(ii) u l-Artikoli 9 sa 14 ta’ din id-Deċiżjoni jiġu sospiżi f’konformità mal-paragrafi 2(a) jew 2(b) ta’ dan l-Artikolu, il-perjodi ta’ żmien fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi għandhom jiġu estiżi bit-tul ta’ din is-sospensjoni.

Artikolu 16

It-tħassir tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 4/2020

Din it-Taqsima ta’ din id-Deċiżjoni għandha tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 4/2020, li hija b’dan imħassra.

TAQSIMA 3

L-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni msaħħa relatat mal-funzjonament tal-Protokoll fl-oqsma tal-VAT u s-sisa

Artikolu 17

Suġġett

1.   B’dan qed jiġi stabbilit Mekkaniżmu ta’ Koordinazzjoni Msaħħa dwar il-VAT u s-sisa fir-rigward tal-merkanzija (“il-Mekkaniżmu”).

2.   L-għan tal-Mekkaniżmu huwa li jassisti lill-Kumitat Konġunt fit-twettiq tal-kompitu tiegħu li jirrieżamina l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokoll fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni elenkati fl-Anness 3 tal-Protokoll, filwaqt li jqis il-pożizzjoni integrali tal-Irlanda ta’ Fuq fis-suq intern tar-Renju Unit, filwaqt li jiżgura l-integrità tas-suq intern tal-Unjoni.

Artikolu 18

Kompiti

Il-mekkaniżmu għandu jassisti lill-Kumitat Konġunt biex:

(a)

jipprovdi forum għall-koordinazzjoni msaħħa u f’waqtha tal-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti u għall-konsultazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni futura tar-Renju Unit u tal-Unjoni dwar il-VAT u s-sisa kull meta taffettwa b’mod partikolari l-kummerċ tal-merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq minħabba bidliet importanti previsti fil-qafas leġiżlattiv applikabbli jew minħabba diffikultajiet kbar li jistgħu jirriżultaw mis-separazzjoni tat-trattament tal-merkanzija u tas-servizzi fil-qasam tal-VAT;

(b)

jipprovdi forum biex jiġi vvalutat l-impatt potenzjali u jħejji l-implimentazzjoni bla xkiel tal-leġiżlazzjoni msemmija fil-punt (a) fl-Irlanda ta’ Fuq. Din il-valutazzjoni jenħtieġ li tiffoka, b’mod partikolari, fuq l-evitar ta’ piżijiet amministrattivi żejda u spejjeż bla bżonn għan-negozji u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa;

(c)

jipprovdi forum biex jiġu diskussi diffikultajiet prattiċi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tar-Renju Unit u tal-Unjoni dwar il-VAT u s-sisa kif applikabbli bis-saħħa tal-Protokoll;

(d)

jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni elenkati fl-Anness 3 tal-Protokoll, filwaqt li jevita impatt negattiv fuq ir-riskji ta’ frodi fiskali u kwalunkwe distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni fl-Unjoni. Tali deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet ma għandhomx jaffettwaw il-livell tal-VAT u tas-sisa imposti fuq il-merkanzija; u

(e)

jiddiskuti u jadotta kwalunkwe miżura xierqa oħra kif meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li jirriżultaw mill-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokoll.

Artikolu 19

Operat

1.   Il-kopresidenti tal-Kumitat Speċjalizzat dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq stabbilit bl-Artikolu 165(1)(c) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (“il-Kumitat Speċjalizzat”) għandhom isejħu laqgħat speċifiċi tal-Kumitat Speċjalizzat biex jiddiskutu l-VAT u s-sisa li jikkonċernaw il-merkanzija kif meħtieġ. Dawn il-laqgħat ser ikunu magħrufin bħala l-Mekkaniżmu ta’ Koordinazzjoni Msaħħa dwar il-VAT u s-sisa.

Kull wieħed mill-kopresidenti tal-Kumitat Speċjalizzat għandu jaħtar espert ewlieni fil-qasam tal-VAT u s-sisa (“l-esperti ewlenin”).

2.   Il-laqgħat tal-Mekkaniżmu għandhom jiġu organizzati meta jkun meħtieġ. L-esperti ewlenin jistgħu jiskambjaw fehmiet informali fil-laqgħat tal-Mekkaniżmu u jistgħu jiltaqgħu wkoll b’mod informali. Wara kull laqgħa informali, l-esperti ewlenin għandhom ifasslu l-minuti u jibagħtuhom lill-kopresidenti tal-Kumitat Speċjalizzat u lill-grupp ta’ ħidma konsultattiv konġunt stabbilit bl-Artikolu 15 tal-Protokoll (“il-grupp ta’ ħidma konsultattiv konġunt”).

3.   L-esperti ewlenin għandhom jippreżentaw rapport finali lill-kopresidenti tal-Kumitat Speċjalizzat li jiġbor fil-qosor l-eżitu tad-diskussjoni dwar kwistjoni partikolari u jistabbilixxi kwalunkwe azzjoni rakkomandata, inkluż kwalunkwe kwistjoni li dwarha ma setax jintlaħaq qbil.

4.   L-esperti ewlenin jistgħu jistiednu rappreżentanti ta’ partijiet terzi jew esperti oħra biex jitkellmu dwar kwistjonijiet partikolari. Huma jikkomunikaw l-ismijiet ta’ dawn l-esperti lill-kopresidenti tal-Kumitat Speċjalizzat.

Il-kopresidenti tal-grupp ta’ ħidma konsultattiv konġunt jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Mekkaniżmu. Il-kopresidenti tal-grupp ta’ ħidma konsultattiv konġunt jistgħu jinfurmaw lill-esperti ewlenin dwar l-atti ppjanati tal-Unjoni u kwistjonijiet oħra relatati mal-VAT u s-sisa li jikkonċernaw il-merkanzija.

5.   Ir-Regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u tal-Kumitati Speċjalizzati kif stabbiliti fl-Anness VIII għall-Ftehim dwar il-Ħruġ għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-Mekkaniżmu, dment li ma jkunx previst mod ieħor f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 20

Proposti għal deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet relatati ma’ din it-taqsima

Abbażi tar-rapport finali mill-esperti ewlenin imsemmija fl-Artikolu 19(3), il-Kumitat Speċjalizzat jista’ jfassal proposti għal deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet u jirreferihom għall-adozzjoni mill-Kumitat Konġunt. Dawn il-proposti għandhom jistabbilixxu:

(a)

il-kwistjonijiet identifikati b’mod konġunt mill-Unjoni u mir-Renju Unit fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokoll; u

(b)

is-soluzzjonijiet proposti.

Artikolu 21

Rieżami ta’ din it-taqsima

Il-Mekkaniżmu għandu jiġi rieżaminat regolarment u, jekk xieraq, rivedut.

L-ewwel rieżami għandu jseħħ mhux iżjed tard mill-1 ta’ Jannar 2027.

TAQSIMA 4

Dispożizzjonijiet Finali

Artikolu 22

L-Annessi minn I sa IV għandhom jiffurmaw parti integrali minn din id-Deċiżjoni.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara d-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   It-Taqsimiet 1, 3 u 4 għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   L-Artikoli 9, 11 u 12 ta’ din id-Deċiżjoni u l-Anness III tagħha għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Minn dik id-data, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 4/2020 għandhom jieqfu japplikaw. Awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 4/2020 għandha tibqa’ valida sad-data li fiha japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 7(1)(a)(iii), l-Artikoli 9, 11, 12, 13 u l-Artikolu 15(3), f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikoli 9 u 11 ta’ din id-Deċiżjoni ser tiġi ttrattata bħala awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 4/2020, sakemm jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dik id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 4/2020.

4.   Soġġetti għat-tieni subparagrafu, id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Deċiżjoni, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 7(1)(a)(iii), l-Artikolu 13 u l-Artikolu 15(3), għandhom japplikaw mit-30 ta’ Settembru 2023, dment li d-dikjarazzjonijiet li ġejjin ikunu saru fil-Kumitat Konġunt:

(a)

dikjarazzjoni mill-Unjoni li tistipula li hija sodisfatta:

(i)

bl-implimentazzjoni mir-Renju Unit tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 6/2020 permezz tal-għoti ta’ aċċess għall-informazzjoni li tinsab fin-networks, fis-sistemi tal-informazzjoni u fil-bażijiet tad-data tar-Renju Unit u fil-moduli nazzjonali tar-Renju Unit tas-sistemi tal-Unjoni msemmija fl-Anness I għal dik id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt; u

(ii)

li r-reġistrazzjonijiet XI EORI eżistenti kollha jinħarġu b’mod korrett; u

(iii)

li r-Renju Unit ħareġ gwida ġdida għall-pakketti f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni; u

(iv)

li r-Renju Unit ħareġ id-dikjarazzjoni unilaterali tiegħu dwar il-proċeduri tal-esportazzjoni għall-merkanzija li toħroġ mill-Irlanda ta’ Fuq lejn partijiet oħra tar-Renju Unit.

(b)

dikjarazzjoni mir-Renju Unit li tistipula li l-importaturi kollha li jixtiequ joperaw skont l-Artikoli 7(1)(a)(ii) u l-Artikolu 7(1)(b)(ii) ta’ din id-Deċiżjoni ngħataw awtorizzazzjonijiet skont l-Artikoli 9 u 11 ta’ din id-Deċiżjoni u l-Anness III tagħha.

Fil-każ li xi waħda mid-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu ma tkunx saret sat-30 ta’ Settembru 2023, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 7(1)(a)(iii), l-Artikoli 9, 11, 12, 13 u l-Artikolu 15(3), għandhom japplikaw mill-ewwel jum tax-xahar wara dak li fih tkun saret l-aħħar waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet.

5.   Dment li l-atti tal-Unjoni li jipprevedu l-faċilitazzjonijiet relatati mal-moviment tal-merkanzija msemmija fl-Artikolu 7(1)(a)(ii) u l-Artikolu 7(1)(a)(iii) ta’ din id-Deċiżjoni jkunu daħlu fis-seħħ u soġġett għat-tieni subparagrafu, l-Artikolu 7(1)(a)(iii), l-Artikolu 13 u l-Artikolu 15(3) għandhom japplikaw mit-30 ta’ Settembru 2024, dment li jkunu saru d-dikjarazzjonijiet li ġejjin fil-Kumitat Konġunt:

(a)

dikjarazzjoni mill-Unjoni li tistipula li hija sodisfatta li r-Renju Unit stabbilixxa n-networks, is-sistemi tal-informazzjoni u l-bażijiet tad-data fir-rigward tad-data msemmija fl-Artikolu 141(10)(d)(vii) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 li għandha tiġi pprovduta lill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit, u hija sodisfatta bl-implimentazzjoni mir-Renju Unit tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 6/2020 permezz tal-għoti ta’ aċċess għall-informazzjoni li tinsab f’dawn in-networks, fis-sistemi tal-informazzjoni u fil-bażijiet tad-data; u

(b)

dikjarazzjoni mir-Renju Unit li tistipula li t-trasportaturi awtorizzati kollha jistgħu jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 13 ta’ din id-Deċiżjoni.

F’każ li ż-żewġ dikjarazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu jkunu saru qabel it-30 ta’ Settembru 2024 jew f’każ li xi waħda mid-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu ma tkunx saret sa din id-data, l-Artikolu 7(1)(a)(iii), l-Artikolu 13 u l-Artikolu 15(3) għandhom japplikaw mill-ewwel jum tax-xahar wara dak li fih tkun saret l-aħħar waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet.

Magħmul f'Londra, l-24 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kopresidenti

Maroš ŠEFČOVIČ

James CLEVERLY


(1)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 4/2020 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar id-determinazzjoni tal-merkanzija mhux f’riskju [2020/2248] (ĠU L 443, 30.12.2020, p. 6).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq l-istatistiċi Komunitarji rigward il-kummerċ ta’ merkanzija bejn Stati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 (ĠU L 102, 7.4.2004, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 (ĠU L 152, 16.6.2009, p. 23).

(6)  Id-Deċiżjoni Nru 6/2020 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tas-17 ta’ Diċembru 2020 li tipprevedi l-arranġamenti prattiċi ta’ ħidma relatati mal-eżerċizzju tad-drittijiet tar-rappreżentanti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 12(2) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq [2020/2250] (ĠU L 443, 30.12.2020, p. 16).


ANNESS I

Dikjarazzjoni Unilaterali mir-Renju Unit

L-involviment tal-istituzzjonijiet tal-Ftehim tal-1998

1.   

Ir-Renju Unit ser jadotta l-proċedura li ġejja biex iħaddem il-mekkaniżmu tal-brejk ta’ emerġenza fl-Artikolu 13(3a) tal-Qafas ta’ Windsor (1). Dan il-mekkaniżmu japplika fiċ-ċirkostanzi uniċi ta’ din id-Dikjarazzjoni u huwa mingħajr preġudizzju għall-istatus tal-votazzjoni bejn il-komunitajiet kollha u tas-salvagwardji fil-Ftehim tal-1998, li japplikaw biss u esklussivament għal kwistjonijiet deċentralizzati.

a.

Il-mekkaniżmu jaħdem biss u esklussivament f’każ li wara d-data ta’ din id-dikjarazzjoni, l-Eżekuttiv tal-Irlanda ta’ Fuq ikun ġie stabbilit mill-ġdid u jsir operattiv, inkluż bl-Ewwel Ministru u viċi tiegħu fil-kariga, u l-Assemblea tal-Irlanda ta’ Fuq tkun qed tiltaqa’ f’seduti regolari. Minn hemm ’il quddiem, il-Membri tal-Assemblea Leġiżlattiva (Members of the Legislative Assembly, “MLAs”) li jixtiequ jħaddmu l-mekkaniżmu jridu individwalment u kollettivament ifittxu b’rieda tajba l-operat sħiħ tal-istituzzjonijiet, inkluż permezz tan-nomina ta’ Ministri u l-appoġġ għall-operat normali tal-Assemblea.

b.

Il-limitu minimu għall-mekkaniżmu jopera fuq l-istess bażi bħall-proċess separat tal-“Petizzjoni dwar Tħassib” (Petition of Concern) tal-Ftehim tal-1998, kif aġġornat fil-Ftehim Deċennju Ġdid, Approċċ Ġdid (New Decade, New Approach Agreement) fl-2020. Dan ifisser li 30 MLAs minn tal-inqas żewġ partiti (u bl-esklużjoni tal-Ispeaker u l-Viċi Speakers) ser ikollhom jinnotifikaw lill-Gvern tar-Renju Unit bix-xewqa tagħhom li jenħtieġ li jiġi applikat il-mekkaniżmu tal-brejk ta’ emerġenza.

c.

Meta jipprovdu notifika lill-Gvern tar-Renju Unit, l-MLAs ser ikollhom juru, fi spjegazzjoni bil-miktub dettaljata u disponibbli għall-pubbliku:

i.

li jkunu ssodisfaw l-istess rekwiżiti bħal dawk stabbiliti fl-Anness B tal-Parti 2 tal-Ftehim Deċennju Ġdid, Approċċ Ġdid, jiġifieri li n-notifika tkun qed issir biss fl-aktar ċirkostanzi eċċezzjonali u bħala l-aħħar alternattiva, wara li jkun intuża kull mekkaniżmu ieħor disponibbli;

ii.

li l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(3a) tal-Qafas ta’ Windsor ikunu ssodisfati; u

iii.

li l-MLAs fittxew li minn qabel jiddiskutu b’mod sostantiv mal-Gvern tar-Renju Unit u fl-Eżekuttiv tal-Irlanda ta’ Fuq biex jeżaminaw il-possibbiltajiet kollha fir-rigward tal-att tal-Unjoni; li ħadu passi biex jikkonsultaw lin-negozji, lil kummerċjanti oħra u lis-soċjetà ċivika affettwati mill-att rilevanti tal-Unjoni; u li għamlu kull użu raġonevoli mill-proċessi ta’ konsultazzjoni applikabbli pprovduti mill-Unjoni Ewropea għall-atti l-ġodda tal-Unjoni rilevanti għall-Irlanda ta’ Fuq.

2.   

Jekk jaċċetta li l-kondizzjonijiet fil-paragrafu 1(a) u (b) ikunu ġew issodisfati u li l-ispjegazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 1(c) hija sodisfaċenti, ir-Renju Unit jinnotifika lill-Unjoni f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(3a) tal-Qafas ta’ Windsor.

3.   

Ir-Renju Unit, wara notifika mill-MLAs, jimpenja ruħu li jinforma lill-Unjoni mingħajr dewmien.

4.   

Ir-Renju Unit, wara notifika lill-Unjoni li ġie attivat il-brejk ta’ emerġenza, jimpenja ruħu għal konsultazzjonijiet intensivi fil-Kumitat Konġunt dwar l-att rilevanti tal-Unjoni kif previst fl-Artikolu 13(4) tal-Qafas ta’ Windsor.


(1)  Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023.


ANNESS II

Applikazzjoni għal Awtorizzazzjoni biex tiddaħħal merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq għall-konsumaturi aħħarin

(imsemmija fl-Artikolu 9)

Informazzjoni dwar l-applikazzjoni

1.

Dokumenti ta’ sostenn

Dokumenti ta’ sostenn u informazzjoni mandatorji li għandhom jingħataw mill-applikanti kollha:

 

Id-dokument ta’ stabbiliment/prova ta’ stabbiliment permanenti tan-negozju

2.

Dokumenti ta’ sostenn u informazzjoni oħra li għandhom jingħataw mill-applikant:

 

Kwalunkwe dokument ieħor ta’ sostenn jew informazzjoni li titqies rilevanti għall-verifika tal-konformità tal-applikant mal-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 10 u 11 ta’ din id-Deċiżjoni.

Agħti informazzjoni dwar it-tip u, jekk applikabbli, in-numru ta’ identifikazzjoni u/jew id-data tal-ħruġ tad-dokument(i) ta’ sostenn mehmuż(a) mal-applikazzjoni. Indika wkoll l-għadd totali ta’ dokumenti mehmuża.

3.

Data u firma tal-applikant

L-applikazzjonijiet li jsiru bl-użu ta’ tekniki elettroniċi tal-ipproċessar tad-data għandhom jiġu awtentikati mill-persuna li tippreżenta l-applikazzjoni.

Data li fiha l-applikant ikun iffirma jew awtentika b’mod ieħor l-applikazzjoni.

Dettalji tal-applikant

4.

L-applikant

L-applikant huwa l-persuna li tapplika għand l-awtoritajiet doganali għal deċiżjoni.

Daħħal l-isem u l-indirizz tal-persuna kkonċernata.

5.

Numru tal-identifikazzjoni tal-applikant

L-applikant huwa l-persuna li tapplika għand l-awtoritajiet doganali għal deċiżjoni.

Daħħal in-numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (in-numru EORI) tal-persuna kkonċernata, kif previst fl-Artikolu 1(18) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446.

6.

L-istatus legali tal-applikant

L-istatus legali kif imsemmi fid-dokument ta’ stabbiliment.

7.

In-numru/i ta’ identifikazzjoni tal-VAT

Meta jkun assenjat, daħħal in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT.

8.

L-attivitajiet kummerċjali

Daħħal informazzjoni dwar l-attività kummerċjali tal-applikant. Iddeskrivi fil-qosor l-attività kummerċjali tiegħek u għid x’inhu r-rwol tiegħek fil-katina ta’ provvista (pereż. manifattur ta’ prodotti, importatur, bejjiegħ bl-imnut, eċċ.). Jekk jogħġbok iddeskrivi:

l-użu maħsub tal-merkanzija importata, inkluża deskrizzjoni tat-tip ta’ merkanzija u jekk tiġix ipproċessata b’xi mod;

stima tal-għadd ta’ dikjarazzjonijiet doganali għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera għall-merkanzija kkonċernata li għandha ssir għal kull sena;

it-tip ta’ rekords, sistemi u kontrolli stabbiliti biex jappoġġjaw l-impenn fl-Artikolu 10(b).

9.

Fatturat annwali

Għall-finijiet tal-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni, daħħal il-fatturat annwali għas-sena finanzjarja sħiħa l-aktar reċenti. Jekk negozju stabbilit ġdid, ipprovdi tali rekords u informazzjoni kif rilevanti biex tkun tista’ ssir valutazzjoni tal-fatturat antiċipat pereż. l-aħħar previżjonijiet tal-fluss tal-flus, tal-karta tal-bilanċ u tal-profitt u t-telf, approvati mid-diretturi/mis-sħab/mill-proprjetarju uniku.

10.

Il-persuna ta’ kuntatt responsabbli mill-applikazzjoni

Il-persuna ta’ kuntatt għandha tkun responsabbli biex iżżomm kuntatt mad-dwana rigward l-applikazzjoni.

Daħħal l-isem tal-persuna ta’ kuntatt u kwalunkwe waħda mill-informazzjoni li ġejja: in-numru tat-telefon, l-indirizz elettroniku (preferibbilment ta’ kaxxa postali funzjonali).

11.

Il-persuna responsabbli għall-kumpanija applikanti jew li teżerċita kontroll fuq il-ġestjoni tagħha

Għall-finijiet tal-Artikolu 11(1)(b) ta’ din id-Deċiżjoni, daħħal l-isem/ismijiet u d-dettalji sħaħ tal-persuna/i kkonċernata/i skont l-istabbiliment legali/il-forma ġuridika tal-kumpanija applikanti, b’mod partikolari: id-direttur/il-maniġer tal-kumpanija u d-diretturi tal-bord, jekk ikun hemm. Id-dettalji jenħtieġ li jinkludu: l-isem u l-indirizz sħaħ, id-data tat-twelid u n-Numru ta’ Identifikazzjoni Nazzjonali.

Id-dati, iż-żminijiet, il-perjodi u l-postijiet

12.

Id-data tal-istabbiliment

F’numri – il-jum, ix-xahar u s-sena ta’ stabbiliment.

13.

L-indirizz ta’ stabbiliment/l-indirizz ta’ residenza

L-indirizz sħiħ tal-post fejn il-persuna hija stabbilita/tirrisjedi, inkluż l-identifikatur tal-pajjiż jew it-territorju.

14.

Il-post fejn jinżammu r-rekords

Daħħal l-indirizz sħiħ tal-post(ijiet) fejn jinżammu jew fejn ikun maħsub li jinżammu r-rekords tal-applikant. Il-UN/LOCODE jista’ jissostitwixxi l-indirizz, jekk jidentifika b’mod mhux ambigwu l-post ikkonċernat.

15.

Il-post(ijiet) tal-ipproċessar jew tal-użu

Indika l-indirizz tal-post(ijiet) fejn se tiġi pproċessata l-merkanzija, fejn applikabbli, u mibjugħa lill-konsumaturi aħħarin.


ANNESS III

Spjegazzjoni tal-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11

Dan l-Anness huwa spjegazzjoni tal-kondizzjonijiet fl-Artikolu 11 u ma jbiddilx (la jirrestrinġi u lanqas jespandi), dawk il-kondizzjonijiet.

Artikolu 11(1)(b)

1.

Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 11(1)(b) ta’ din id-Deċiżjoni għandu jitqies issodisfat jekk:

(a)

ma tkun ittieħdet l-ebda deċiżjoni minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja li tikkonkludi li waħda mill-persuni deskritti fil-punt (b) wettqet, fit-tliet snin ta’ qabel l-applikazzjoni, ksur serju jew ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali jew tar-regoli tat-tassazzjoni b’rabta mal-attività ekonomika tagħha; u

(b)

l-ebda waħda mill-persuni elenkati hawn taħt ma għandha fil-kondotta reat kriminali serju fir-rigward tal-attività ekonomika tagħha, u fejn applikabbli, l-attività ekonomika tal-applikant:

(i)

l-applikant,

(ii)

l-impjegat(i) inkluż kwalunkwe rappreżentant dirett inkarigat mill-amministrazzjoni tal-applikant li għandha x’taqsmu mal-moviment tal-merkanzija taħt din l-iskema,

(iii)

il-persuna/i responsabbli għall-applikant jew li teżerċita/jeżerċitaw kontroll fuq il-ġestjoni tagħha, u

(iv)

persuna li taġixxi f’isimha stess u għan-nom tal-applikant fir-rigward tal-moviment tal-merkanzija taħt din l-iskema.

2.

Madankollu, il-kriterju jista’ jitqies li ġie ssodisfat meta l-awtorità kompetenti tqis li kwalunkwe ksur ikun ta’ importanza minuri, fir-rigward tal-għadd jew id-daqs tal-operazzjonijiet relatati, u l-awtorità kompetenti ma jkollha l-ebda dubju dwar il-bona fide tal-applikant.

3.

Meta l-persuna msemmija fil-paragrafu 1(b)(iii), għajr l-applikant, tkun stabbilita jew ikollha r-residenza tagħha barra mir-Renju Unit, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta l-issodisfar tal-kriterju msemmi abbażi tar-rekords u l-informazzjoni li jkunu disponibbli għaliha.

4.

Meta l-applikant ikun ilu stabbilit għal inqas minn tliet snin, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta l-issodisfar tal-kriterju fir-rigward tal-applikant abbażi tar-rekords u l-informazzjoni li jkunu disponibbli għaliha.

Artikolu 11(1)(c)

Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 11(1)(c) ta’ din id-Deċiżjoni għandu jitqies issodisfat jekk:

5.

L-applikant għandu organizzazzjoni amministrattiva u kontrolli interni li jikkorrispondu għat-tip u d-daqs tan-negozju, u li huma adattati għall-ġestjoni tal-fluss tal-merkanzija. L-applikanti jrid ikollhom kontrolli interni li jkunu kapaċi jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-iżbalji, kif ukoll jipprevjenu u jidentifikaw attivitajiet illegali fl-organizzazzjoni tagħhom.

6.

L-applikant jenħtieġ li juri li ż-żamma tar-rekords li tirrigwarda l-moviment tal-merkanzija taħt din l-iskema hija adegwata. Il-proċeduri għall-protezzjoni kontra t-telf ta’ informazzjoni u l-proċeduri ta’ arkivjar fir-rigward taż-żamma ta’ rekords storiċi jenħtieġ li jintwerew inklużi l-valutazzjoni, il-backup u l-protezzjoni tar-rekords għal ħames snin.

7.

Il-ġestjoni tar-rekords jenħtieġ li tkun konsistenti mal-prinċipji kontabilistiċi applikati fir-Renju Unit.

8.

Ir-rekords dwar il-movimenti tal-merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq jenħtieġ li jew jiġu integrati fis-sistema kontabilistika jew, meta jinżammu separatament, jenħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà li tippermetti kontroverifiki bejn ir-rekords relatati max-xiri, mal-bejgħ, mal-kontroll tal-istokk u mal-moviment tal-merkanzija.

9.

In-negozjant awtorizzat għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti b’aċċess elettroniku u/jew fiżiku, fuq talba, għar-rekords imsemmija fil-punt 8 f’format xieraq.

10.

In-negozjant awtorizzat huwa obbligat jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit kull meta jiġu skoperti diffikultajiet ta’ konformità kif ukoll kwalunkwe fattur li jinqala’ wara d-deċiżjoni li jingħata l-istatus ta’ kummerċjant awtorizzat li jista’ jinfluwenza l-kontinwazzjoni jew il-kontenut tiegħu. Jenħtieġ li jkun hemm fis-seħħ istruzzjonijiet interni biex jiġi żgurat li l-persunal rilevanti jkun konxju ta’ kif għandu jinforma lill-awtorità kompetenti dwar dawn id-diffikultajiet ta’ konformità.

11.

Meta negozjanti awtorizzati jkunu qed jimmaniġġjaw merkanzija pprojbita u ristretta, jenħtieġ li jkun hemm fis-seħħ proċeduri xierqa għall-immaniġġjar ta’ din il-merkanzija f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti.

12.

Negozjant awtorizzat jeħtieġ li jkollu evidenza relatata mal-klijenti tiegħu biex jiżgura li jkunu jistgħu jagħmlu valutazzjonijiet preċiżi fir-rigward tal-merkanzija ttrasportata taħt din l-iskema. Irid ikun hemm miżuri fis-seħħ li jiżguraw li kwalunkwe merkanzija trasportata taħt din l-iskema għandha tinbiegħ jew tintuża biss jekk tkun konformi ma’ din id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt. In-negozjant awtorizzat ser ikun obbligat ikollu għarfien kontinwu tal-operazzjonijiet tan-negozju ta’ klijenti ġodda u eżistenti, biżżejjed biex jiżgura konformità mal-kriterji stabbiliti għal negozjant ta’ fiduċja f’din id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt. Dawn li ġejjin huma eżempji ta’ xenarji li fihom negozjant awtorizzat li ma jkunx responsabbli għad-destinazzjoni aħħarija tal-merkanzija jista’ jċaqlaq il-merkanzija skont l-iskema:

(a)

dikjarazzjoni bil-miktub u ffirmata mill-klijent li tistipula li l-merkanzija ser tibqa’ fl-Irlanda ta’ Fuq;

(b)

evidenza li l-klijent jagħmel biss bejgħ bl-imnut għall-użu finali jew għall-konsum aħħari fir-Renju Unit minn stabbiliment fiżiku fl-Irlanda ta’ Fuq;

(c)

evidenza li l-klijent ibigħ biss merkanzija li ser tkun għall-użu finali mill-konsumaturi aħħarin fir-Renju Unit u li tiġi kkonsenjata fir-Renju Unit;

(d)

kuntratti kummerċjali u ordnijiet ta’ xiri li juru li l-merkanzija ser tkun għall-użu finali fir-Renju Unit;

(e)

evidenza li l-bejgħ huwa ta’ merkanzija li għandha tiġi installata fir-Renju Unit b’mod permanenti.

Artikolu 11(1)(d)

13.

Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 11(1)(d) ta’ din id-Deċiżjoni għandu jitqies li ġie ssodisfat meta l-awtorità kompetenti tivverifika li l-applikant jikkonforma b’mod partikolari ma’ dan li ġej:

(a)

l-applikant ma jkunx soġġett għal proċeduri ta’ falliment;

(b)

matul l-aħħar tliet snin qabel ma titressaq l-applikazzjoni, l-applikant ikun issodisfa l-obbligi finanzjarji tiegħu rigward il-ħlasijiet tad-dazji doganali u tad-dazji, it-taxxi jew l-imposti l-oħra kollha li jinġabru jew li jkunu marbutin mal-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-merkanzija;

(c)

abbażi tar-rekords u tal-informazzjoni disponibbli għall-aħħar tliet snin qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni, l-applikant juri li għandu kapaċità finanzjarja suffiċjenti biex jissodisfa l-obbligi tiegħu u jissodisfa l-impenji tiegħu fir-rigward tat-tip u tal-volum tal-attività kummerċjali.

14.

Jekk l-applikant ikun ilu stabbilit għal inqas minn tliet snin, is-solvenza finanzjarja tiegħu għandha tiġi vverifikata abbażi tar-rekords u tal-informazzjoni li jkunu disponibbli.

Artikolu 11(1)(e)

Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 11(1)(e) ta’ din id-Deċiżjoni għandu jitqies issodisfat jekk:

15.

L-applikant jew il-persuna responsabbli mill-amministrazzjoni tal-applikant li għandhom x’jaqsmu mal-moviment tal-merkanzija taħt din l-iskema jenħtieġ li jkunu jistgħu juru għarfien ċar tal-obbligi tagħhom fir-rigward ta’ dawn il-kriterji u kif għandhom jikkonformaw magħhom, u jridu juru biżżejjed kompetenza fl-għoti ta’ informazzjoni preċiża lill-awtorità kompetenti fir-rigward ta’ dawn l-obbligi u tal-proċeduri applikabbli.

ANNESS IV

Kategorija 1

Il-merkanzija msemmija bħala “merkanzija tal-kategorija 1” hija dik il-merkanzija soġġetta għal:

1.

miżuri restrittivi fis-seħħ abbażi tal-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sa fejn jirrigwardaw il-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi;

2.

projbizzjonijiet u projbizzjonijiet totali;

3.

strumenti għad-difiża tal-kummerċ kif stabbilit fit-taqsima 5 tal-Anness 2 tal-Protokoll;

4.

il-kwoti tariffarji tal-Unjoni meta l-kwota tintalab mill-importatur;

5.

kwoti tal-Unjoni għajr kwoti tariffarji.

Kategorija 2

Il-merkanzija msemmija bħala “merkanzija tal-kategorija 2” hija dik il-merkanzija soġġetta għal:

1.

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga

2.

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE

3.

Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali

4.

Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart

5.

Ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008

6.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom

7.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3254/91 tal-4 ta’ Novembru 1991 li jipprojbixxi l-użu fil-Komunità ta’ nases li jaqbdu s-saqajn u l-introduzzjoni fil-Komunità ta’ ġlud u merkanzija maħduma ta’ ċerti speċi ta’ annimali slavaġ li joriġinaw minn pajjiżi fejn dawn jinqabdu permezz ta’ nases li jaqbdu s-saqajn jew metodi ta’ nsib li ma jkunux konformi man-normi internazzjonali ta’ nsib b’mod uman

8.

Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi

9.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom tal-20 ta’ Novembru 2006 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ kombustibbli nukleari eżawrit

10.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea

11.

Id-Direttiva tal-Kunsill 83/129/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tirrigwarda l-importazzjoni tal-ġlud ta’ ċerti friegħ tal-foki u ta’ prodotti ġejjin minnhom fl-Istati Membri

12.

Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki

13.

Id-Direttiva 2014/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mad-disponibbiltà fis-suq u s-superviżjoni ta’ splussivi ċivili

14.

Id-Direttiva 2013/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi

15.

Ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi

16.

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi

17.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 tas-27 ta’ Ġunju 2005 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra

18.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2368/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 li jimplimenta l-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process fil-kummerċ internazzjonali ta’ djamanti mhux maħduma

19.

Kwoti tariffarji tal-Unjoni meta l-kwota ma tintalabx mill-importatur

20.

L-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali), ħlief meta l-oġġetti jkunu soġġetti wkoll għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli speċifiċi relatati mad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ ċerti kunsinni ta’ oġġetti bl-imnut, ta’ pjanti għat-tħawwil, ta’ patata taż-żrigħ, ta’ makkinarju u ta’ ċerti vetturi mħaddma għal skopijiet agrikoli jew tal-forestrija, kif ukoll movimenti mhux kummerċjali ta’ ċerti annimali domestiċi fl-Irlanda ta’ Fuq kif se jiġi adottat abbażi tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni Ewropea (COM(2023) 124 final)

21.

Atti tal-Unjoni elenkati fil-punt 2 tal-Anness 3 tal-Protokoll

22.

Atti tal-Unjoni elenkati fil-punt 20 tal-Anness 2 tal-Protokoll

23.

Ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi

24.

Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni

25.

Ir-Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ beni kulturali

26.

Kwalunkwe att tal-Unjoni li japplika għar-Renju Unit u fih, fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mal-Protokoll li jipprevedi kwalunkwe pass li jrid jitwettaq minn operatur ekonomiku jew minn awtorità kompetenti sieħba qabel, jew meta, il-merkanzija tidħol fl-Unjoni, għall-fini tal-kontroll tal-merkanzija jew tal-kontroll ta’ formalitajiet oħra. L-Unjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lir-Renju Unit fejn att tal-Unjoni jkun tan-natura msemmija fl-ewwel sentenza.


Top