Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22023A0228(01)

TRADUZZJONI It-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità dwar il-Kooperazzjoni Msaħħa u l-Iżvelar tal-Evidenza Elettronika

ST/14898/2021/INIT

ĠU L 63, 28.2.2023, pp. 28–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

Related Council decision

28.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 63/28


TRADUZZJONI

It-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità dwar il-Kooperazzjoni Msaħħa u l-Iżvelar tal-Evidenza Elettronika

Preambolu

L-ISTATI MEMBRI TAL-KUNSILL TAL-EWROPA U L-ISTATI PARTIJIET L-OĦRA GĦALL-KONVENZJONI dwar iċ-Ċiberkriminalità (ETS Nru. 185, minn hawn ’il quddiem “il-Konvenzjoni”), miftuħa għall-iffirmar f’Budapest fit-23 ta’ Novembru 2001, firmatarji ta’ dan il-Protokoll,

FILWAQT LI JŻOMMU F’MOĦĦHOM l-ilħuq u l-impatt tal-Konvenzjoni fir-reġjuni kollha tad-dinja;

FILWAQT LI JFAKKRU li l-Konvenzjoni diġà hija supplementata mill-Protokoll Addizzjonali dwar il-kriminalizzazzjoni ta’ atti ta’ natura razzista u ksenofobika li jsiru permezz ta’ sistemi tal-kompjuter (ETS Nru 189), miftuħ għall-iffirmar fi Strasburgu fit-28 ta’ Jannar 2003 (minn hawn ’il quddiem “l-Ewwel Protokoll”), kif japplika għall-Partijiet għal dak il-Protokoll;

FILWAQT LI JQISU wkoll it-trattati eżistenti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-kooperazzjoni f’materji kriminali kif ukoll ftehimiet u arranġamenti oħrajn dwar il-kooperazzjoni f’materji kriminali bejn il-Partijiet għall-Konvenzjoni;

FILWAQT LI JQISU wkoll il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali (ETS Nru 108) kif emendat mill-Protokoll emendatorju tagħha (CETS Nru 223), miftuħ għall-iffirmar fi Strasburgu fl-10 ta’ Ottubru 2018, u li kwalunkwe Stat jista’ jiġi mistieden jaderixxi miegħu;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-użu li qed jikber tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inklużi s-servizzi tal-internet, u ż-żieda fiċ-ċiberkriminalità, li hija theddida għad-demokrazija u l-istat tad-dritt u li bosta Stati jqisuha wkoll bħala theddida għad-drittijiet tal-bniedem;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU wkoll l-għadd jikber ta’ vittmi taċ-ċiberkriminalità u l-importanza li tinkiseb ġustizzja għal dawk il-vittmi;

FILWAQT LI JFAKKRU li l-gvernijiet għandhom ir-responsabbiltà li jipproteġu lis-soċjetà u lill-individwi kontra kriminalità mhux biss offline iżda wkoll online, inkluż permezz ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet kriminali effettivi;

KONXJI li l-evidenza ta’ kwalunkwe reat kriminali kulma jmur qed tinħażen f’forma elettronika fuq sistemi tal-kompjuter f’ġuriżdizzjonijiet barranin, multipli jew mhux magħrufa, u konvinti li huma meħtieġa miżuri addizzjonali biex tali evidenza tinkiseb legalment sabiex ikun possibbli rispons effettiv tal-ġustizzja kriminali u biex jitħares l-istat tad-dritt;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-ħtieġa għal kooperazzjoni akbar u aktar effiċjenti bejn l-Istati u s-settur privat, u li f'dan il-kuntest hemm il-ħtieġa ta’ aktar ċarezza jew ċertezza legali għall-provdituri ta’ servizz u entitajiet oħra rigward iċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jirrispondu għal talbiet diretti mill-awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali f’Partijiet oħra għall-iżvelar ta’ data elettronika;

BIL-MIRA, għalhekk, li jsaħħu aktar il-kooperazzjoni fuq iċ-ċiberkriminalità u l-ġbir ta’ evidenza f’forma elettronika ta’ kwalunkwe reat kriminali għall-iskop ta’ investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali speċifiċi permezz ta’ għodod addizzjonali li jappartjenu għal assistenza reċiproka aktar effiċjenti u forom oħra ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti; kooperazzjoni f’emerġenzi; u kooperazzjoni diretta bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-provdituri ta’ servizzi u entitajiet oħra fil-pussess jew il-kontroll ta’ informazzjoni pertinenti;

KONVINTI li l-kooperazzjoni effettiva transfruntiera għall-finijiet tal-ġustizzja kriminali, inkluż bejn is-setturi pubbliċi u privati, tgawdi minn kundizzjonijiet u salvagwardji effettivi għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-ġbir tal-evidenza elettronika għall-investigazzjonjiet kriminali spiss tikkonċerta d-data personali, u filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa f’bosta Partijiet tal-protezzjoni tal-privatezza u d-data personali sabiex jissodisfaw l-obbligi kostituzzjonali u internazzjonali tagħhom; u

KONXJI tal-ħtieġa li jiġi żgurat li l-miżuri effettivi ta’ ġustizzja kriminali dwar iċ-ċiberkriminalità u l-ġbir ta’ evidenza f’forma elettronika jkunu soġġetti għal kundizzjonijiet u salvagwardji, li għandhom jipprevedu l-protezzjoni adegwata tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi d-drittijiet li jinbtu bis-saħħa tal-obbligi li l-Istati jkunu ħadu skont l-istrumenti internazzjonali applikabbli tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ETS Nru 5) tal-1950 tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1966, il-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, il-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1969, u trattati internazzjonali oħrajn dwar id-drittijiet tal-bniedem;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 1

Skop

L-għan ta’ dan il-Protokoll huwa li jissupplimenta:

a.

il-Konvenzjoni kif tapplika bejn il-Partijiet għal dan il-Protokoll; u

b.

l-Ewwel Protokoll kif japplika bejn il-Partijiet ta’ dan il-Protokoll li huma wkoll Partijiet tal-Ewwel Protokoll.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Ħlief kif speċifikat mod ieħor hawnhekk, il-miżuri deskritti f’dan il-Protokoll għandhom jiġu applikati:

a.

kif japplikaw bejn il-Partijiet tal-Konvenzjoni li huma Partijiet ta’ dan il-Protokoll, għal investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali li jikkonċernaw reati kriminali relatati mas-sistemi u d-data tal-kompjuter, u l-ġbir tal-evidenza f’forma elettronika ta’ reat kriminali; u

b.

kif japplikaw bejn il-Partijiet tal-Ewwel Protokoll li huma Partijiet ta’ dan il-Protokoll, għal investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali speċifiċi rigward reati kriminali stabbiliti bis-saħħa tal-Ewwel Protokoll.

2.   Kull Parti għandha tadotta tali miżuri leġiżlattivi u oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa għat-twettiq tal-obbligi stipulati f’dan il-Protokoll.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Id-definizzjonijiet ipprovduti fl-Artikoli 1 u 18, il-paragrafu 3, tal-Konvenzjoni japplikaw għal dan il-Protokoll.

2.   Għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll, japplikaw id-definizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

a.

“awtorità ċentrali” tfisser l-awtorità jew l-awtoritajiet deżinjati taħt trattat jew arranġament ta’ assistenza reċiproka abbażi ta’ leġiżlazzjoni uniformi jew reċiproka fis-seħħ bejn il-Partijiet ikkonċernati, jew, fin-nuqqas ta’ wieħed minn dawn, l-awtorità jew l-awtoritajiet maħtura minn Parti skont l-Artikolu 27, il-paragrafu 2.a, tal-Konvenzjoni;

b.

“awtorità kompetenti” tfisser awtorità ġudizzjarja, amministrattiva jew awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi li għandha s-setgħa mil-liġi domestika li tordna, tawtorizza jew twettaq l-eżekuzzjoni ta’ miżuri skont dan il-Protokoll għall-iskop ta’ ġbir jew produzzjoni ta’ evidenza fir-rigward ta’ investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali speċifiċi;

c.

“emerġenza” tfisser sitwazzjoni li fiha hemm riskju sinifikanti u imminenti għall-ħajja jew is-sikurezza ta’ kwalunkwe persuna fiżika;

d.

“data personali” tfisser informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli;

e.

“Parti trasferenti” tfisser il-Parti li tkun qed tittrażmetti d-data b’risposta għal talba jew bħala parti minn skwadra ta' investigazzjoni konġunta jew, għall-finijiet tal-Kapitolu II, it-taqsima 2, Parti li fit-territorju tagħha jinsab provditur ta’ servizz trażmittenti jew entità li tipprovdi servizzi ta' reġistrazzjoni tal-ismijiet ta’ dominju.

Artikolu 4

Lingwa

1.   Talbiet, ordnijiet, u l-informazzjoni li takkumpanjahom ippreżentata lil Parti għandha tkun f’lingwa aċċettabbli għall-Parti rikjesta jew il-Parti notifikata skont l-Artikolu 7, il-paragrafu 5, jew tkun akkumpanjata minn traduzzjoni f’tali lingwa.

2.   L-ordnijiet skont l-Artikolu 7 u talbiet skont l-Artikolu 6, u kwalunkwe informazzjoni li takkumpanjahom għandhom ikunu:

a.

ippreżentati f’lingwa tal-Parti l-oħra li fiha l-provditur ta’ servizz jew l-entità jaċċettaw proċess domestiku paragunabbli;

b.

ippreżentati f’lingwa oħra aċċettabbli għall-provditur tas-servizz jew l-entità; jew

c.

akkumpanjati minn traduzzjoni f’waħda mil-lingwi skont il-paragrafi 2.a jew 2.b.

Kapitolu II

Miżuri għal kooperazzjoni msaħħa

Taqsima 1

Prinċipji ġenerali applikabbli għall-Kapitolu II

Artikolu 5

Prinċipji ġenerali applikabbli għall-Kapitolu II

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu sa fejn ikun l-aktar possibbli.

2.   It-Taqsima 2 ta’ dan il-kapitolu tikkonsisti mill-Artikoli 6 u 7. Tipprevedi l-proċeduri li jsaħħu l-kooperazzjoni diretta mal-provdituri u l-entitajiet fit-territorju ta’ Parti oħra. It-Taqsima 2 tapplika sew jekk ikun hemm sew jekk ma jkunx hemm trattat jew arranġament ta’ assistenza reċiproka abbażi ta’ leġiżlazzjoni uniformi jew reċiproka fis-seħħ bejn il-Partijiet ikkonċernati.

3.   It-Taqsima 3 ta’ dan il-kapitolu tikkonsisti mill-Artikoli 8 u 9. Tipprevedi proċeduri biex issaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali bejn l-awtoritajiet għad-divuglazzjoni ta’ data tal-kompjuter maħżuna. It-Taqsima 3 tapplika sew jekk ikun hemm sew jekk ma jkunx hemm trattat jew arranġament ta’ assistenza reċiproka abbażi ta’ leġiżlazzjoni uniformi jew reċiproka fis-seħħ bejn il-Partijiet rikjedenti u dawk rikjesti.

4.   It-Taqsima 4 ta’ dan il-kapitolu tikkonsisti mill-Artikolu 10. Tipprevedi l-proċeduri li jappartjenu għall-assistenza reċiproka ta’ emerġenza. It-Taqsima 4 tapplika sew jekk ikun hemm sew jekk ma jkunx hemm trattat jew arranġament ta’ assistenza reċiproka abbażi ta’ leġiżlazzjoni uniformi jew reċiproka fis-seħħ bejn il-Partijiet rikjedenti u dawk rikjesti.

5.   It-Taqsima 5 ta’ dan il-kapitolu tikkonsisti mill-Artikoli 11 u 12. It-Taqsima 5 tapplika meta ma jkunx hemm trattat jew arranġament ta’ assistenza reċiproka abbażi ta’ leġiżlazzjoni uniformi jew reċiproka fis-seħħ bejn il-Partijiet rikjedenti u dawk rikjesti. Id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 ma għandhomx japplikaw meta jkun jeżisti tali trattat jew arranġament, ħlief kif previst fl-Artikolu 12, il-paragrafu 7. Madankollu, il-Partijiet ikkonċernati jistgħu reċiprokament jiddeċiedu li japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-taqsima 5 minflokhom, jekk it-trattat jew l-arranġament ma jipprojbux dan.

6.   Fejn, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, il-Parti rikjesta tkun permessa tagħmel il-kooperazzjoni kondizzjonali fuq l-eżistenza ta’ kriminalità doppja, din il-kundizzjoni għandha titqies issodisfata, irrispettivament minn jekk il-liġijiet tagħha jqegħdux ir-reat fl-istess kategorija ta’ reat jew jiddenominawx ir-reat bl-istess terminoloġija bħall-Parti rikjedenti, jekk l-imġiba sottostanti għar-reat li għalih qed tintalab l-assistenza jkun reat kriminali skont il-liġijiet tagħha.

7.   Id-dispożizzjonijiet f’dan il-kapitolu ma jirrestrinġux il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet, jew bejn il-Partijiet u l-provdituri ta’ servizzi jew entitajiet oħra, permezz ta’ ftehimiet, arranġamenti, prattiki, jew liġi domestika applikabbli oħrajn.

Taqsima 2

Proċeduri li jsaħħu l-kooperazzjoni diretta mal-provdituri u l-entitajiet f’Partijiet oħra

Artikolu 6

Talba għal informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju

1.   Kull Parti għandha tadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra skont kif ikun meħtieġ biex l-awtoritajiet kompetenti tagħha jingħataw is-setgħa, għall-finijiet ta’ investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali speċifiċi, li joħorġu talba lil entità li tipprovdi servizzi ta’ reġistrazzjoni ta’ ismijiet ta’ dominju fit-territorju ta’ Parti oħra għal informazzjoni fil-pussess jew fil-kontroll tal-entità, għall-identifikazzjoni jew il-kuntatt tar-reġistrant ta’ isem ta’ dominju.

2.   Kull Parti għandha tadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra skont kif ikun meħtieġ biex entità fit-territorju tagħha tkun tista’ tiżvela tali informazzjoni b’risposta għal talba skont il-paragrafu 1, soġġett għal kundizzjonijiet raġonevoli previsti mil-liġi domestika.

3.   It-talba skont il-paragrafu 1 għandha tinkludi:

a.

id-data li fiha nħarġet it-talba u d-dettalji dwar l-identità u ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti li toħroġ it-talba;

b.

l-isem tad-dominju li dwaru qed tiġi mfittxija l-informazzjoni, u lista dettaljata tal-informazzjoni mfittxija, inklużi l-elementi ta’ data partikolari;

c.

dikjarazzjoni li t-talba qed tinħareġ skont dan il-Protokoll, li l-ħtieġa għall-informazzjoni tirriżulta minħabba r-rilevanza tagħha għal investigazzjoni jew proċediment kriminali speċifiku u li l-informazzjoni se tintuża biss għal dik l-investigazzjoni jew proċediment kriminali speċifika; u

d.

il-perjodu ta’ żmien li fih tiġi żvelata l-informazzjoni u l-mod li bih tiġi żvelata, u kwalunkwe struzzjonijiet proċedurali speċjali oħra.

4.   Jekk ikun aċċettabbli għall-entità, Parti tista’ tissottometti talba skont il-paragrafu 1 f’forma elettronika. Jistgħu jkunu meħtieġa livelli xierqa ta’ sigurtà u awtentikazzjoni.

5.   Fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni minn entità deskritta fil-paragrafu 1, Parti rikjedenti tista’ titlob li l-entità tagħti raġuni għaliex mhijiex qed tiżvela l-informazzjoni mfittxija. Il-Parti rikjedenti tista’ tfittex konsultazzjoni mal-Parti li fiha tkun tinsab l-entità, bil-ħsieb li tiddetermina l-miżuri disponibbli biex tinkiseb l-informazzjoni.

6.   Kull Parti għandha, fil-ħin tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll jew meta tiddepożita l-istrument tagħha ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni, jew fi kwalunkwe ħin ieħor, tikkomunika lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa l-awtorità maħtura għall-iskop ta’ konsultazzjoni skont il-paragrafu 5.

7.   Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jistabbilixxi u jżomm aġġornat reġistru tal-awtoritajiet maħtura mill-Partijiet skont il-paragrafu 6. Kull Parti għandha tiżgura li d-dettalji li tkun ipprovdiet għar-reġistru jkunu korretti f’kull ħin.

Artikolu 7

Divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-abbonati

1.   Kull Parti għandha tadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra skont kif ikun meħtieġ biex l-awtoritajiet kompetenti tagħha jingħataw is-setgħa li joħorġu ordni li għandha tiġi ppreżentata direttament lil provditur ta’ servizz fit-territorju ta’ Parti oħra, sabiex jinkiseb l-iżvelar ta’ informazzjoni speċifika u maħżuna dwar l-abbonati fil-pussess jew fil-kontroll ta’ dak il-provditur ta’ servizz, meta l-informazzjoni dwar l-abbonat tkun meħtieġa għall-investigazzjonijiet jew il-proċedimenti kriminali speċifiċi tal-Parti emittenti.

2.

a.

Kull Parti għandha tadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra skont kif ikun meħtieġ biex provditur ta’ servizz fit-territorju tiegħu jiżvela l-informazzjoni dwar l-abbonati b’risposta għal ordni skont il-paragrafu 1.

b.

Fil-ħin tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll jew meta tiddepożita l-istrument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni tagħha, Parti tista’ - fir-rigward ta’ ordnijiet maħruġa lill-provdituri tas-servizzi fit-territorju tagħha - tagħmel id-dikjarazzjoni li ġejja: “L-ordni skont l-Artikolu 7, il-paragrafu 1, trid tinħareġ minn, jew taħt is-superviżjoni ta’, prosekutur jew awtorità ġudizzjarja oħra, jew inkella tinħareġ taħt superviżjoni indipendenti”.

3.   L-ordni skont il-paragrafu 1 għandha tispeċifika:

a.

l-awtorità emittenti u d-data maħruġa;

b.

dikjarazzjoni li l-ordni nħarġet skont dan il-Protokoll;

c.

l-isem u l-indirizz tal-provditur(i) ta’ servizz li għandu/hom jiġi/u nnotifikat(i);

d.

ir-reat(i) li huwa/huma s-suġġett tal-investigazzjoni jew tal-proċediment kriminali;

e.

l-awtorità li qed tfittex l-informazzjoni speċifika dwar l-abbonati, jekk mhux l-awtorità emittenti; u

f.

deskrizzjoni dettaljata tal-informazzjoni speċifika mitluba dwar l-abbonati.

4.   L-ordni skont il-paragrafu 1 għandha tkun akkumpanjata mill-informazzjoni supplimentari li ġejja:

a.

ir-raġunijiet legali domestiċi li jagħtu s-setgħa lill-awtorità biex toħroġ l-ordni;

b.

referenza għad-dispożizzjonijiet legali u l-pieni applikabbli għar-reat li tiegħu tkun qed issir investigazzjoni jew prosekuzzjoni;

c.

l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-awtorità li lilha l-provditur ta’ servizz għandu jirritorna l-informazzjoni dwar l-abbonati, li mingħandha jista’ jitlob aktar informazzjoni, jew li għandu jwieġeb għaliha mod ieħor;

d.

il-perjodu ta’ żmien li fih u l-mod li bih tiġi ritornata l-informazzjoni dwar l-abbonati;

e.

jekk diġà jkunx intalab li d-data tiġi ppreservata, inkluż id-data ta’ preservazzjoni u kwalunkwe numru ta’ referenza applikabbli;

f.

kwalunkwe struzzjoni proċedurali speċjali;

g.

jekk applikabbli, dikjarazzjoni li saret notifika simultanja skont il-paragrafu 5; u

h.

kwalunkwe informazzjoni oħra li tista’ tgħin biex tinkiseb id-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar l-abbonati.

5.

a.

Parti tista’, fil-ħin tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll jew meta tiddepożita l-istrument tagħha ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, u fi kwalunkwe ħin ieħor, tinnotifika lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa li, meta tinħareġ ordni skont il-paragrafu 1 lil provditur ta’ servizz fit-territorju tagħha, il-Parti teħtieġ, f’kull każ jew f’ċirkostanzi identifikati, notifika simultanja tal-ordni, l-informazzjoni supplimentari u sommarju tal-fatti relatati mal-investigazzjoni jew il-proċediment.

b.

Kemm jekk Parti tkun teħtieġ notifika skont il-paragrafu 5.a kif ukoll jekk le, hija tista’ titlob lill-provditur ta’ servizz jikkonsulta lill-awtoritajiet tal-Parti f’ċirkostanzi identifikati qabel l-iżvelar.

c.

L-awtoritajiet innotifikati skont il-paragrafu 5.a jew ikkonsultati skont il-paragrafu 5.b jistgħu, mingħajr dewmien żejjed, jagħtu struzzjonijiet lill-provditur ta’ servizz biex ma jiżvelax l-informazzjoni dwar l-abbonati jekk:

i.

l-iżvelar jista’ jippreġudika investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali f’dik il-Parti; jew

ii.

il-kundizzjonijiet jew ir-raġunijiet għar-rifjut ikunu japplikaw skont l-Artikolu 25, il-paragrafu 4, u l-Artikolu 27, il-paragrafu 4 tal-Konvenzjoni, jekk l-informazzjoni dwar l-abbonat tkun intalbet permezz tal-assistenza reċiproka.

d.

L-awtoritajiet innotifikati skont il-paragrafu 5.a jew ikkonsultati skont il-paragrafu 5.b:

i.

jistgħu jitolbu informazzjoni addizzjonali mill-awtorità msemmija fil-paragrafu 4.c għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 5.c u ma għandhomx jiżvelawha lill-provditur ta’ servizz mingħajr il-kunsens tal-awtorità; u

ii.

għandhom jinfurmaw lill-awtorità msemmija fil-paragrafu 4.c minnufih jekk il-provditur ta’ servizz jkun ingħata struzzjonijiet li ma jiżvelax l-informazzjoni dwar l-abbonati u jagħtu r-raġunijiet għal dan.

e.

Parti għandha taħtar awtorità unika biex tirċievi notifika skont il-paragrafu 5.a. u twettaq l-azzjonijiet deskritti fil-paragrafi 5.b., 5.c. u 5.d. Il-Parti għandha, fil-ħin meta ssir notifika lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa skont il-paragrafu 5.a., tikkomunika l-informazzjoni ta’ kuntatt ta’ dik l-awtorità lis-Segretarju Ġenerali.

f.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jwaqqaf u jżomm aġġornat reġistru tal-awtoritajiet maħtura mill-Partijiet skont il-paragrafu 5.e. u jekk u taħt liema ċirkostanzi jeħtieġu notifika skont il-paragrafu 5.a. Kull Parti għandha tiżgura li d-dettalji li tipprovdi għar-reġistru jkunu korretti f’kull ħin.

6.   Jekk ikun aċċettabbli għall-provditur ta’ servizz, Parti tista’ tissottometti ordni skont il-paragrafu 1 u informazzjoni supplimentari skont il-paragrafu 4 f’forma elettronika. Parti tista’ tipprovdi notifika u informazzjoni addizzjonali skont il-paragrafu 5 f’forma elettronika. Jistgħu jkunu meħtieġa livelli xierqa ta’ sigurtà u awtentikazzjoni.

7.   Jekk provditur ta’ servizz jinforma lill-awtorità fil-paragrafu 4.c li mhux se jiżvela l-informazzjoni mitluba dwar l-abbonat, jew jekk ma jiżvelax informazzjoni dwar l-abbonati b’risposta għall-ordni skont il-paragrafu 1 fi żmien tletin jum minn meta jirċievi l-ordni jew il-perjodu ta’ żmien stipulat fil-paragrafu 4.d, skont liema perjodu ta’ żmien ikun itwal, l-awtoritajiet kompetenti tal-Parti emittenti jistgħu mbagħad ifittxu li jinfurzaw l-ordni biss permezz tal-Artikolu 8 jew forom oħra ta’ assistenza reċiproka. Il-partijiet jistgħu jitolbu li provditur ta’ servizz jagħti raġuni għar-rifjut li jiżvela l-informazzjoni dwar l-abbonati mfittxija mill-ordni.

8.   Parti tista’, fil-mument tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll jew meta tiddepożita l-istrument tagħha ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni, tiddikjara li Parti emittenti għandha tfittex l-iżvelar tal-informazzjoni dwar l-abbonati mill-provditur ta’ servizz qabel ma tfittixha skont l-Artikolu 8, sakemm il-Parti emittenti ma tipprovdix spjegazzjoni raġonevoli għaliex ma tkunx għamlet dan.

9.   Fil-mument tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll jew meta tiddepożita l-istrument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni tiegħu, Parti tista’:

a.

tirriżerva d-dritt li ma tapplikax dan l-Artikolu; jew

b.

jekk l-iżvelar ta’ ċerti tipi ta’ numri ta’ aċċess skont dan l-Artikolu jkun inkonsistenti mal-prinċipji fundamentali tas-sistema legali domestika tiegħu, tirriżerva d-dritt li ma tapplikax dan l-Artikolu għal numri bħal dawn.

Taqsima 3

Proċeduri li jsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali bejn l-awtoritajiet għall-iżvelar ta’ data informatika maħżuna.

Artikolu 8

It-twettiq ta’ ordnijiet minn Parti oħra għall-għoti mħaffef ta’ informazzjoni dwar l-abbonati u d-data dwar it-traffiku

1.   Kull Parti għandha tadotta l-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra li jistgħu jkunu meħtieġa biex tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti tagħha biex joħorġu ordni biex tiġi sottomessa bħala parti minn talba lil Parti oħra għall-iskop li provditur ta’ servizz fit-territorju tal-Parti rikjesta jiġi obbligat li jagħti

a.

informazzjoni dwar l-abbonati, u

b.

data dwar it-traffiku

speċifika u maħżuna fil-pussess jew il-kontroll ta’ dak il-provditur ta’ servizz li tkun meħtieġa għall-investigazzjonijiet jew il-proċedimenti kriminali speċifiċi tal-Parti.

2.   Kull Parti għandha tadotta dawk il-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra li jistgħu jkunu meħtieġa biex jagħtu effett lil ordni skont il-paragrafu 1 sottomessa minn Parti rikjedenti.

3.   Fit-talba tagħha, il-Parti rikjedenti għandha tissottometti l-ordni skont il-paragrafu 1, l-informazzjoni ta’ sostenn u kwalunkwe struzzjoni proċedurali speċjali lill-Parti rikjesta.

a.

L-ordni għandha tispeċifika:

i.

l-awtorità emittenti u d-data li fiha nħarġet l-ordni;

ii.

dikjarazzjoni li l-ordni ġiet sottomessa skont dan il-Protokoll;

iii.

l-isem u l-indirizz tal-provditur(i) ta’ servizz li għandu/hom jiġi/u nnotifikat(i);

iv.

ir-reat(i) li huwa/huma s-suġġett tal-investigazzjoni jew tal-proċediment kriminali;

v.

l-awtorità li qed tfittex l-informazzjoni jew id-data, jekk ma tkunx l-awtorità emittenti; u

vi.

deskrizzjoni dettaljata tal-informazzjoni speċifika jew id-data mfittxija.

b.

L-informazzjoni ta’ sostenn, ipprovduta għall-iskop li tassisti lill-Parti rikjesta biex tagħti effett lill-ordni u li ma għandhiex tiġi żvelata lill-provditur ta’ servizz mingħajr il-kunsens tal-Parti rikjedenti, għandha tispeċifika:

i.

ir-raġunijiet legali domestiċi li jagħtu s-setgħa lill-awtorità biex toħroġ l-ordni;

ii.

id-dispożizzjonijiet legali u l-pieni applikabbli għar-reat(i) li tiegħu/tagħhom tkun qed issir investigazzjoni jew prosekuzzjoni;

iii.

ir-raġuni għaliex il-Parti rikjedenti temmen li l-provditur ta’ servizz huwa fil-pussess jew fil-kontroll tad-data;

iv.

sommarju tal-fatti relatati mal-investigazzjoni jew mal-proċediment;

v.

ir-rilevanza tal-informazzjoni jew id-data għall-investigazzjoni jew il-proċediment;

vi.

informazzjoni ta’ kuntatt ta’ awtorità jew awtoritajiet li jistgħu jipprovdu aktar informazzjoni;

vii.

jekk diġà jkunx intalab li l-informazzjoni jew id-data tiġi ppreservata, inkluż id-data ta’ preservazzjoni u kwalunkwe numru ta’ referenza applikabbli; u

viii.

jekk l-informazzjoni jew id-data ġietx diġà mfittxija b’modi oħra, u, jekk inhu l-każ, b’liema mod.

c.

Il-parti rikjedenti tista’ titlob li l-Parti rikjesta twettaq struzzjonijiet proċedurali speċjali.

4.   Parti tista’ tiddikjara fil-mument tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll jew meta tiddepożita l-istrument tagħha ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni, u fi kwalunkwe ħin ieħor, li hija meħtieġa informazzjoni ta’ sostenn addizzjonali biex jitwettqu l-ordnijiet skont il-paragrafu 1.

5.   Il-parti rikjesta għandha taċċetta talbiet f’forma elettronika. Tista’ teħtieġ livelli xierqa ta’ sigurtà u awtentikazzjoni qabel ma taċċetta t-talba.

6.

a.

Il-Parti rikjesta, mid-data tal-wasla tal-informazzjoni kollha speċifikata fil-paragrafi 3 u 4, għandha tagħmel sforzi raġonevoli biex taqdi lill-provditur ta’ servizz fi żmien ħamsa u erbgħin jum, jekk mhux qabel, u għandha tordna r-ritorn tal-informazzjoni jew tad-data mitluba mhux aktar tard minn:

i.

għoxrin jum għall-informazzjoni dwar l-abbonati; u

ii.

ħamsa u erbgħin jum għad-data dwar it-traffiku.

b.

Il-Parti rikjesta għandha tipprevedi għat-trażmissjoni tal-informazzjoni jew tad-data prodotta lill-Parti rikjedenti mingħajr dewmien żejjed.

7.   Jekk il-Parti rikjesta ma tkunx tista’ tikkonforma mal-istruzzjonijiet skont il-paragrafu 3.c bil-mod mitlub, hija għandha tinforma minnufih lill-Parti rikjedenti, u, jekk applikabbli, tispeċifika kwalunkwe kundizzjonijiet skont liema tkun tista’ tikkonforma, u wara dan il-parti rikjedenti għandha tiddetermina jekk it-talba għandiex tiġi eżegwita xorta waħda.

8.   Il-Parti rikjesta tista’ tirrifjuta li teżegwixxi talba għar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 25, il-paragrafu 4, jew l-Artikolu 27, il-paragrafu 4, tal-Konvenzjoni jew tista’ timponi kundizzjonijiet li tqis meħtieġa biex tippermetti l-eżekuzzjoni tat-talba. Il-Parti rikjesta tista’ tipposponi l-eżekuzzjoni tat-talbiet għal raġunijiet stabbiliti skont l-Artikolu 27, il-paragrafu 5, tal-Konvenzjoni. Il-Parti rikjesta għandha tinnotifika l-Parti rikjedenti malajr kemm jista’ jkun dwar ir-rifjut, il-kundizzjonijiet, jew il-posponiment. Il-Parti rikjesta għandha tinnotifika wkoll lill-Parti rikjedenti dwar ċirkostanzi oħra li x’aktarx idewmu l-eżekuzzjoni tat-talba b’mod sinifikanti. L-Artikolu 28, il-paragrafu 2.b, tal-Konvenzjoni għandu japplika għal dan l-Artikolu.

9.

a.

Jekk il-Parti rikjedenti ma tkunx tista’ tikkonforma ma’ kundizzjoni imposta mill-Parti rikjesta skont il-paragrafu 8, hija għandha tinforma lill-Parti rikjesta minnufih. Il-Parti rikjesta għandha mbagħad tiddetermina jekk l-informazzjoni jew il-materjal għandhomx jiġu pprovduti xorta waħda.

b.

Jekk il-Parti rikjedenti taċċetta l-kundizzjoni, għandha tkun marbuta biha. Il-Parti rikjesta li tipprovdi informazzjoni jew materjal soġġett għal kundizzjoni bħal din tista’ titlob lill-Parti rikjedenti tispjega fir-rigward ta’ dik il-kundizzjoni l-użu għal tali informazzjoni jew materjal.

10.   Kull Parti għandha, fil-ħin tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll jew meta tiddepożita l-istrument tagħha ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni, tikkomunika lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa u żżomm aġġornata l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-awtoritajiet deżinjati:

a.

li jissottomettu ordni skont dan l-Artikolu; u

b.

li jirċievu ordni skont dan l-Artikolu.

11.   Parti tista’, fil-mument tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll jew meta tiddepożita l-istrument tagħha ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni, tiddikjara li teħtieġ li talbiet minn Partijiet oħra skont dan l-Artikolu jiġu sottomessi lilha mill-awtorità ċentrali tal-Parti rikjedenti, jew minn tali awtorità oħra kif stabbilit b’mod reċiproku bejn il-Partijiet ikkonċernati.

12.   Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jistabbilixxi u jżomm aġġornat reġistru tal-awtoritajiet maħtura mill-Partijiet skont il-paragrafu 10. Kull Parti għandha tiżgura li d-dettalji li tkun ipprovdiet għar-reġistru jkunu korretti f’kull ħin.

13.   Fil-ħin tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll jew meta tiddepożita l-istrument tagħha ta’ ratifika, aċċettazzjoni, jew approvazzjoni, Parti tista’ tirriżerva d-dritt li ma tapplikax dan l-Artikolu għad-data dwar it-traffiku.

Artikolu 9

Żvelar imħaffef ta’ data maħżuna tal-kompjuter f’emerġenza

1.

a.

Kull Parti għandha tadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra skont kif ikun meħtieġ, f’emerġenza, għall-punt ta’ kuntatt tagħha għan-Network 24/7 imsemmi fl-Artikolu 35 tal-Konvenzjoni (“il-punt ta’ kuntatt”) biex tibgħat talba lil u tirċievi talba minn punt ta’ kuntatt f’Parti oħra li tkun qed tfittex assistenza immedjata biex tikseb mingħand provditur ta’ servizzi fit-territorju ta’ dik il-Parti l-iżvelar imħaffef ta’ data tal-kompjuter speċifikata u maħżuna fil-pussess jew fil-kontroll ta’ dak il-provditur ta’ servizzi, mingħajr talba għal assistenza reċiproka.

b.

Parti tista’, fil-mument tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll jew meta tiddepożita l-istrument tagħha ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni, tiddikjara li mhijiex se teżegwixxi talbiet skont il-paragrafu l.a li tfittex biss id-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar l-abbonati.

2.   Kull Parti għandha tadotta tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex tippermetti, skont il-paragrafu 1:

a.

li l-awtoritajiet tagħha jfittxu data mingħand provditur ta’ servizz fit-territorju tagħha wara talba skont il-paragrafu 1;

b.

li provditur ta’ servizz fit-territorju tagħha jiżvela d-data mitluba lill-awtoritajiet tagħha b’risposta għal talba skont il-paragrafu 2.a; u

c.

li l-awtoritajiet tagħha jipprovdu d-data mitluba lill-Parti rikjedenti.

3.   It-talba skont il-paragrafu 1 għandha tispeċifika:

a.

l-awtorità kompetenti li qed tfittex id-data u d-data li fiha nħarġet it-talba;

b.

dikjarazzjoni li t-talba nħarġet skont dan il-Protokoll;

c.

l-isem u l-indirizz tal-provditur(i) ta’ servizzi fil-pussess jew fil-kontroll tad-data mfittxija;

d.

ir-reat(i) li huwa/huma s-suġġett tal-investigazzjoni jew tal-proċediment kriminali u referenza għad-dispożizzjonijiet legali u l-pieni applikabbli tiegħu;

e.

biżżejjed fatti li juru li hemm emerġenza u kif id-data mfittxija tirrelata magħha;

f.

deskrizzjoni dettaljata tad-data mfittxija;

g.

kwalunkwe struzzjonijiet proċedurali speċjali; u

h.

kwalunkwe informazzjoni oħra li tista’ tgħin biex jinkiseb l-iżvelar tad-data mitluba.

4.   Il-Parti rikjesta għandha taċċetta talba f’forma elettronika. Parti tista’ taċċetta wkoll talba mibgħuta bil-fomm u tista’ teħtieġ konferma f’forma elettronika. Tista’ teħtieġ livelli xierqa ta’ sigurtà u awtentikazzjoni qabel ma taċċetta t-talba.

5.   Parti tista’, fil-mument tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll jew meta tiddepożita l-istrument tagħha ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni, tiddikjara li teħtieġ li l-Partijiet rikjedenti, wara l-eżekuzzjoni tat-talba, jippreżentaw it-talba u kwalunkwe informazzjoni supplimentari trażmessa b’appoġġ għaliha, f’format u permezz ta’ tali mezz, li jista’ jinkludi assistenza reċiproka, kif speċifikat mill-Parti rikjesta.

6.   Il-Parti rikjesta għandha tinforma lill-Parti rikjedenti dwar dak li tkun iddeterminat fuq it-talba skont il-paragrafu 1 fuq bażi mħaffa rapidament u, jekk applikabbli, għandha tispeċifika kwalunkwe kundizzjoni li biha tipprovdi d-data u kwalunkwe forma oħra ta’ kooperazzjoni li tista’ tkun disponibbli.

7.

a.

Jekk Parti rikjedenti ma tkunx tista’ tikkonforma ma’ kundizzjoni imposta mill-Parti rikjesta skont il-paragrafu 6, hija għandha tinforma lill-Parti rikjesta minnufih. Il-Parti rikjesta għandha mbagħad tiddetermina jekk l-informazzjoni jew il-materjal għandhomx jiġu pprovduti xorta waħda. Jekk il-Parti rikjedenti taċċetta l-kundizzjoni, għandha tkun marbuta biha.

b.

Il-Parti rikjesta li tipprovdi informazzjoni jew materjal soġġett għal kundizzjoni bħal din tista’ titlob lill-Parti rikjedenti tispjega fir-rigward ta’ dik il-kundizzjoni l-użu għal tali informazzjoni jew materjal.

Taqsima 4

Proċeduri li jappartjenu għall-assistenza reċiproka ta’ emerġenza

Artikolu 10

Assistenza reċiproka ta’ emerġenza

1.   Kull Parti tista’ tfittex l-assistenza reċiproka fuq bażi mħaffa rapidament fejn tkun tal-fehma li teżisti emerġenza. Talba skont dan l-Artikolu għandha tinkludi, minbarra l-kontenut l-ieħor meħtieġ, deskrizzjoni tal-fatti li juru li hemm emerġenza u kif l-assistenza mitluba tirrelata magħha.

2.   Parti rikjesta għandha taċċetta tali talba f’forma elettronika. Tista’ teħtieġ livelli xierqa ta’ sigurtà u awtentikazzjoni qabel ma taċċetta t-talba.

3.   Il-Parti rikjesta tista’ tfittex, fuq bażi mħaffa rapidament, informazzjoni supplimentari sabiex tevalwa t-talba. Il-Parti rikjedenti għandha tipprovdi tali informazzjoni supplimentari fuq bażi mħaffa rapidament.

4.   Ladarba tkun sodisfatta li teżisti emerġenza u li r-rekwiżiti l-oħra għall-assistenza reċiproka jkunu ġew issodisfati, il-Parti rikjesta għandha twieġeb għat-talba fuq bażi mħaffa rapidament.

5.   Kull Parti għandha tiżgura li persuna mill-awtorità ċentrali tagħha jew awtoritajiet oħra responsabbli biex tirrispondi għal talbiet għal assistenza reċiproka tkun disponibbli fuq bażi ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, sebat ijiem fil-ġimgħa għall-fini li twieġeb għal talba skont dan l-Artikolu.

6.   L-awtorità ċentrali jew l-awtoritajiet oħra responsabbli għall-assistenza reċiproka tal-Partijiet rikjedenti u dawk rikjesti jistgħu jiddeterminaw b’mod reċiproku li r-riżultati tal-eżekuzzjoni ta’ talba skont dan l-Artikolu, jew kopja bil-quddiem tagħhom, jistgħu jiġu pprovduti lill-Parti rikjedenti permezz ta’ mezz differenti minn dak użat għat-talba.

7.   Fejn ma jkun hemm l-ebda trattat jew arranġament ta’ assistenza reċiproka fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni uniformi jew reċiproka fis-seħħ bejn il-Partijiet rikjedenti u dawk rikjesti, l-Artikolu 27, il-paragrafi 2.b u minn 3 sa 8, u l-Artikolu 28, il-paragrafi minn 2 sa 4, tal-Konvenzjoni għandhom japplikaw għal dan l-Artikolu.

8.   Fejn jeżisti trattat jew arranġament bħal dan, dan l-Artikolu għandu jiġi ssupplimentat bid-dispożizzjonijiet ta’ tali trattat jew arranġament sakemm il-Partijiet ikkonċernati ma jiddeterminawx reċiprokament li japplikaw kwalunkwe jew kull dispożizzjoni tal-Konvenzjoni msemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, minflok.

9.   Kull Parti tista’, fil-mument tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll jew meta tiddepożita l-istrument tagħha ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni, tiddikjara li t-talbiet jistgħu jintbagħtu wkoll direttament lill-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha, jew permezz tal-mezzi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (INTERPOL) jew lill-punt ta’ kuntatt 24/7 tagħha stabbilit skont l-Artikolu 35 tal-Konvenzjoni. Fi kwalunkwe każ bħal dan, għandha tintbagħat kopja fl-istess ħin lill-awtorità ċentrali tal-Parti rikjesta permezz tal-awtorità ċentrali tal-Parti rikjedenti. Meta talba tintbagħat direttament lil awtorità ġudizzjarja tal-Parti rikjesta u dik l-awtorità ma tkunx kompetenti biex tittratta t-talba, hija għandha tirreferi t-talba lill-awtorità nazzjonali kompetenti u tinforma lill-Parti rikjedenti direttament li għamlet dan.

Taqsima 5

Proċeduri li jappartjenu għall-kooperazzjoni internazzjonali fin-nuqqas ta’ ftehimiet internazzjonali applikabbli

Artikolu 11

Vidjokonferenzi

1.   Parti rikjedenti tista’ titlob, u l-Parti rikjesta tippermetti, li x-xhieda u d-dikjarazzjonijiet jittieħdu minn xhud jew espert permezz ta’ vidjokonferenza. Il-Parti rikjedenti u l-Parti rikjesta għandhom jikkonsultaw sabiex jiffaċilitaw ir-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe kwistjoni li tista’ tinqala’ fir-rigward tal-eżekuzzjoni tat-talba, inkluż, kif applikabbli: liema Parti għandha tippresjedi; l-awtoritajiet u l-persuni li għandhom ikunu preżenti; jekk għandhiex tkun Parti waħda jew it-tnejn li huma li jamministraw ġuramenti, twissijiet jew jagħtu struzzjonijiet lix-xhud jew lill-espert; il-mod kif jiġi interpellat ix-xhud jew l-espert; il-mod li bih id-drittijiet tax-xhud jew tal-espert għandhom jiġu żgurati kif xieraq; it-trattament ta’ dikjarazzjonijiet ta’ privileġġ jew immunità; it-trattament ta’ oġġezzjonijiet għal mistoqsijiet jew tweġibiet; u jekk Parti waħda jew it-tnejn li huma għandhomx jipprovdu servizzi ta’ traduzzjoni, interpretazzjoni u traskrizzjoni.

2.

a.

L-awtoritajiet ċentrali tal-Partijiet rikjesti u rikjedenti għandhom jikkomunikaw direttament ma’ xulxin għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu. Parti rikjesta tista’ taċċetta talba f’forma elettronika. Tista’ teħtieġ livelli xierqa ta’ sigurtà u awtentikazzjoni qabel ma taċċetta t-talba.

b.

Il-Parti rikjesta għandha tinforma lill-Parti rikjedenti bir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew għad-dewmien tal-eżekuzzjoni tat-talba. L-Artikolu 27, paragrafu 8, tal-Konvenzjoni japplika għal dan l-Artikolu. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kundizzjoni oħra li Parti rikjesta tista’ timponi skont dan l-Artikolu, l-Artikolu 28, il-paragrafi minn 2 sa 4 tal-Konvenzjoni japplikaw għal dan l-Artikolu.

3.   Parti rikjesta li tipprovdi assistenza skont dan l-Artikolu għandha tagħmel ħilitha biex tikseb il-preżenza tal-persuna li tkun qed tintalab ix-xhieda jew id-dikjarazzjoni tagħha. Fejn xieraq, il-Parti rikjesta tista’, sa fejn ikun possibbli skont il-liġi tagħha, tieħu l-miżuri meħtieġa biex tobbliga lil xhud jew espert jidher fil-Parti rikjesta f’ħin u f’post partikolari.

4.   Il-proċeduri relatati mat-tmexxija tal-vidjokonferenza speċifikati mill-Parti rikjedenti għandhom jiġu segwiti, ħlief fejn dan ma jkunx kompatibbli mal-liġi domestika tal-Parti rikjesta. F’każ ta’ inkompatibbiltà, jew sal-punt li l-proċedura ma tkunx ġiet speċifikata mill-Parti rikjedenti, il-Parti rikjesta għandha tapplika l-proċedura skont il-liġi domestika tagħha sakemm ma jiġix iddeterminat reċiprokament mod ieħor mill-Partijiet rikjedenti u rikjesti.

5.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ġurisdizzjoni skont il-liġi domestika tal-Parti rikjedenti, meta matul il-vidjokonferenza, ix-xhud jew l-espert:

a.

jagħmel dikjarazzjoni intenzjonalment falza meta l-Parti rikjesta, skont il-liġi domestika tal-Parti rikjesta, tkun obbligat tali persuna tixhed b’mod veritier;

b.

jirrifjuta li jixhed meta l-Parti rikjesta tkun, f’konformità mal-liġi domestika tal-Parti rikjesta, obbligat lil tali persuna li tixhed; jew

c.

iġib ruħu ħażin b’mod ieħor li huwa pprojbit mil-liġi domestika tal-parti rikjesta matul tali proċedimenti;

il-persuna għandha tkun sanzjonabbli fil-Parti rikjesta bl-istess mod daqslikieku tali att twettaq matul il-proċedimenti domestiċi tagħha.

6.

a.

Sakemm ma jkunx iddeterminat reċiprokament mod ieħor bejn il-Parti rikjedenti u l-Parti rikjesta, il-Parti rikjesta għandha ġġarrab l-ispejjeż kollha relatati mal-eżekuzzjoni ta’ talba skont dan l-Artikolu, ħlief:

i.

it-tariffi ta’ xhud espert;

ii.

l-ispejjeż tat-traduzzjoni, l-interpretazzjoni u t-traskrizzjoni; u

iii.

spejjeż ta’ natura straordinarja.

b.

Jekk l-eżekuzzjoni ta’ talba timponi spejjeż ta’ natura straordinarja, il-Parti rikjedenti u l-Parti rikjesta għandhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet skont liema tista’ tiġi eżegwita t-talba.

7.   Fejn ikun hemm qbil reċiproku bejn il-Parti rikjedenti u l-Parti rikjesta:

a.

id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu applikati għall-finijiet tat-twettiq ta’ awdjokonferenzi;

b.

it-teknoloġija tal-vidjokonferenza tista’ tintuża għal skopijiet, jew għal seduti ta’ smigħ, għajr dawk deskritti fil-paragrafu 1, inkluż għall-iskop ta’ identifikazzjoni ta’ persuni jew oġġetti.

8.   Meta Parti rikjesta tagħżel li tippermetti s-smigħ ta’ persuna suspettata jew akkużata, hija tista’ teħtieġ kundizzjonijiet u salvagwardji partikolari fir-rigward tat-teħid ta’ xhieda jew dikjarazzjoni minn tali persuna, jew l-għoti ta’ notifiki jew l-applikazzjoni ta’ miżuri proċedurali lil tali persuna.

Artikolu 12

Skwadri ta’ investigazzjoni konġunta u investigazzjonijiet konġunti

1.   Bi ftehim reċiproku, l-awtoritajiet kompetenti ta’ żewġ Partijiet jew aktar jistgħu jistabbilixxu u joperaw skwadra ta’ investigazzjoni konġunta fit-territorji tagħhom biex jiffaċilitaw investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali, fejn il-koordinazzjoni msaħħa titqies ta’ utilità partikolari. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu ddeterminati mill-Partijiet rispettivi kkonċernati.

2.   Il-proċeduri u l-kundizzjonijiet li jiggvernaw l-operazzjoni ta’ skwadri ta’ investigazzjoni konġunti, bħall-iskopijiet speċifiċi tagħhom; il-kompożizzjoni; il-funzjonijiet; it-tul ta’ żmien u kwalunkwe perjodu ta’ estensjoni; il-post; l-organizzazzjoni; it-termini tal-ġbir, it-trażmissjoni u l-użu ta’ informazzjoni jew evidenza; it-termini ta’ kunfidenzjalità; u t-termini tal-involviment tal-awtoritajiet parteċipanti ta’ Parti f’attivitajiet investigattivi li jsiru fit-territorju ta’ Parti oħra, għadhom ikunu kif maqbul bejn dawn l-awtoritajiet kompetenti.

3.   Parti tista’ tiddikjara fil-ħin tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll jew meta tiddepożita l-istrument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni tagħha li l-awtorità ċentrali tagħha trid tkun firmatarja jew inkella taqbel fil-ftehim li jistabbilixxi l-iskwadra.

4.   Dawn l-awtoritajiet kompetenti u parteċipanti għandhom jikkomunikaw direttament, bl-eċċezzjoni li l-Partijiet jistgħu jiddeterminaw reċiprokament mezzi ta’ komunikazzjoni xierqa oħrajn meta ċirkostanzi ta' eċċezzjoni jkunu jirrekjedu koordinazzjoni aktar ċentrali.

5.   Fejn ikun meħtieġ li jittieħdu miżuri investigattivi fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet ikkonċernati, l-awtoritajiet parteċipanti minn dik il-Parti jistgħu jitolbu li l-awtoritajiet tagħhom jieħdu dawn il-miżuri mingħajr ma l-Partijiet l-oħra jkollhom jissottomettu talba għall-assistenza reċiproka. Dawn il-miżuri għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet ta’ dik il-Parti fit-territorju tagħha skont il-kundizzjonijiet li japplikaw skont il-liġi domestika f’investigazzjoni nazzjonali.

6.   L-użu ta’ informazzjoni jew evidenza pprovduta mill-awtoritajiet parteċipanti ta’ Parti waħda lill-awtoritajiet parteċipanti ta’ Partijiet oħra kkonċernati jista’ jiġi rrifjutat jew ristrett bil-mod stabbilit fil-ftehim deskritt fil-paragrafi 1 u 2. Jekk dak il-ftehim ma jistipulax termini għar-rifjut jew ir-restrizzjoni tal-użu, il-Partijiet jistgħu jużaw l-informazzjoni jew l-evidenza pprovduta:

a.

għall-finijiet li għalihom ikun sar il-ftehim;

b.

għall-kxif, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali għajr dawk li għalihom ikun sar il-ftehim, soġġett għall-kunsens minn qabel tal-awtoritajiet li jkunu pprovdew l-informazzjoni jew l-evidenza. Madankollu, il-kunsens ma għandux ikun meħtieġ meta l-prinċipji legali fundamentali tal-Parti li tuża l-informazzjoni jew l-evidenza jirrikjedu li din tiżvela l-informazzjoni jew l-evidenza biex tipproteġi d-drittijiet ta’ persuna akkużata fi proċedimenti kriminali. F’dak il-każ, dawk l-awtoritajiet għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet li pprovdew l-informazzjoni jew l-evidenza mingħajr dewmien żejjed; jew

c.

biex tiġi evitata emerġenza. F’dak il-każ, l-awtoritajiet parteċipanti li rċevew l-informazzjoni jew l-evidenza għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien żejjed lill-awtoritajiet parteċipanti li pprovdew l-informazzjoni jew l-evidenza, sakemm ma jiġix determinat mod ieħor b’mod reċiproku.

7.   Fin-nuqqas ta’ ftehim deskritt fil-paragrafi 1 u 2, investigazzjonijiet konġunti jistgħu jitwettqu skont termini miftiehma b’mod reċiproku fuq bażi ta’ każ b’każ. Dan il-paragrafu japplika sew jekk ikun hemm sew jekk ma jkunx hemm trattat jew arranġament ta’ assistenza reċiproka abbażi ta’ leġiżlazzjoni uniformi jew reċiproka fis-seħħ bejn il-Partijiet ikkonċernati.

KAPITOLU III

Kundizzjonijiet u salvagwardji

Artikolu 13

Kundizzjonijiet u salvagwardji

F’konformità mal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni, kull Parti għandha tiżgura li l-istabbiliment, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tas-setgħat u l-proċeduri previsti f’dan il-Protokoll ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet u s-salvagwardji previsti fil-liġi domestika tagħha, li għandhom jipprovdu għall-protezzjoni adegwata tad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem.

Artikolu 14

Protezzjoni ta’ data personali

1.   Ambitu

a.

Ħlief kif previst mod ieħor fil-paragrafi l.b u c, kull Parti għandha tipproċessa d-data personali li tirċievi skont dan il-Protokoll f’konformità mal-paragrafi 2 sa 15 ta’ dan l-Artikolu.

b.

Jekk, fil-ħin li tasal id-data personali skont dan il-Protokoll, kemm il-Parti trasferenti kif ukoll il-Parti riċeventi jkunu marbutin b’mod reċiproku bi ftehim internazzjonali li jistabbilixxi qafas komprensiv bejn dawk il-Partijiet għall-protezzjoni tad-data personali, li jkun applikabbli għat-trasferiment ta’ data personali għall-finijiet tal-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, u li jipprevedi li l-ipproċessar tad-data personali skont dak il-ftehim jikkonforma mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data tal-Partijiet ikkonċernati, għandhom japplikaw it-termini ta’ tali ftehim, għall-miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali ftehim, għad-data personali riċevuta skont il-Protokoll minflok il-paragrafi 2 sa 15, sakemm ma jkunx maqbul mod ieħor mill-Partijiet ikkonċernati.

c.

Jekk il-Parti trasferenti u l-Parti riċeventi ma jkunux marbutin b’mod reċiproku skont ftehim deskritt fil-paragrafu l.b, dawn jistgħu jiddeterminaw b’mod reċiproku li t-trasferiment tad-data personali skont dan il-Protokoll jista’ jsir abbażi ta’ ftehimiet jew arranġamenti oħra bejn il-Partijiet ikkonċernati minflok il-paragrafi 2 sa 15.

d.

Kull Parti għandha tqis li l-ipproċessar ta’ data personali skont il-paragrafi l.a u l.b jissodisfa r-rekwiżiti tal-qafas legali tagħha dwar il-protezzjoni tad-data personali għat-trasferimenti internazzjonali ta’ data personali, u ma tkun meħtieġa l-ebda awtorizzazzjoni ulterjuri għal trasferiment taħt dak il-qafas legali. Parti tista’ tirrifjuta jew tipprevjeni trasferimenti ta’ data lil Parti oħra skont dan il-Protokoll biss għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 15 meta japplika l-paragrafu l.a; jew skont it-termini ta’ ftehim jew arranġament imsemmi fil-paragrafi l.b jew c, meta japplika wieħed minn dawk il-paragrafi.

e.

Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jżomm Parti milli tapplika salvagwardji aktar b’saħħithom għall-ipproċessar mill-awtoritajiet tagħha stess ta’ data personali riċevuta skont dan il-Protokoll.

2.   Skop u użu

a.

Il-parti li tkun irċeviet data personali għandha tipproċessaha għall-finijiet deskritti fl-Artikolu 2. Ma għandhiex tipproċessa d-data personali ulterjorment għal skop inkompatibbli, u ma għandhiex tipproċessa d-data ulterjorment meta dan ma jkunx permess skont il-qafas legali domestiku tagħha. Dan l-Artikolu ma għandux jippreġudika l-abbiltà tal-Parti trasferenti li timponi kundizzjonijiet addizzjonali skont dan il-Protokoll f’każ speċifiku, madankollu, tali kundizzjonijiet ma għandhomx jinkludi kundizzjoni ġeneriċi tal-protezzjoni ta’ data.

b.

Il-Parti riċeventi għandha tiżgura skont il-qafas legali domestiku tagħha li d-data personali mfittxija u pproċessata tkun rilevanti u mhux eċċessiva b’relazzjoni għall-iskopijiet ta’ tali pproċessar.

3.   Kwalità u integrità

Kull Parti għandha tieħu passi raġonevoli biex tiżgura li d-data personali tinżamm b’tali preċiżjoni u kompletezza u tkun aġġornata kif meħtieġ u xieraq għall-ipproċessar legali tad-data personali, filwaqt li jitqiesu l-iskopijiet li għalihom tiġi pproċessata.

4.   Data sensittiva

L-ipproċessar minn Parti ta’ data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi jew twemmin reliġjuż jew twemmin ieħor, jew sħubija fi trade union; data ġenetika; data bijometrika meqjusa bħala sensittiva minħabba r-riskji involuti; jew data personali li tikkonċerna s-saħħa jew il-ħajja sesswali; għandu jsir biss taħt salvagwardji xierqa biex iħarsu kontra r-riskju ta’ impatt ta’ preġudizzju inġustifikat mill-użu ta’ tali data, b’mod partikolari kontra d-diskriminazzjoni illegali.

5.   Perjodi taż-żamma

Kull Parti għandha żżomm id-data personali biss sakemm ikun meħtieġ u xieraq fid-dawl tal-iskopijiet tal-ipproċessar tad-data skont il-paragrafu 2. Sabiex tissodisfa dan l-obbligu, għandha tipprevedi fil-qafas legali domestiku tagħha perjodi ta’ żamma speċifiċi jew rieżami perjodiku tal-ħtieġa ta’ żamma ulterjuri tad-data.

6.   Deċiżjonijiet awtomatizzati

Deċiżjonijiet li jipproduċu effett avvers sinifikanti rigward l-interessi rilevanti tal-individwu li d-data personali tkun relatata miegħu ma jistgħux ikunu bbażati biss fuq l-ipproċessar awtomatiku tad-data personali, sakemm dan ma jkunx awtorizzat skont il-liġi domestika u b’salvagwardji xierqa li jinkludu l-possibbiltà li jsir intervent uman.

7.   Inċidenti ta’ sigurtà tad-data u tas-sigurtà

a.

Kull Parti għandha tiżgura li jkollha fis-seħħ miżuri teknoloġiċi, fiżiċi u organizzattivi xierqa għall-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari kontra t-telf jew l-aċċess aċċidentali jew mhux awtorizzat, l-iżvelar, l-alterazzjoni jew il-qerda (“inċident ta’ sigurtà”).

b.

Malli jiġi skopert inċident ta’ sigurtà li fih ikun hemm riskju sinifikanti ta’ ħsara fiżika jew mhux fiżika lil individwi jew lill-Parti l-oħra, il-Parti riċeventi għandha minnufih tivvaluta l-probabbiltà u l-iskala tagħha u minnufih għandha tieħu azzjoni xierqa biex timmitiga tali ħsara. Tali azzjoni għandha tinkludi notifika lill-awtorità trasferenti, jew, għall-finijiet tal-Kapitolu II, Taqsima 2, l-awtorità jew l-awtoritajiet deżinjati bis-saħħa tal-paragrafu 7.c. Madankollu, in-notifika tista’ tinkludi restrizzjonijiet xierqa fuq it-trażmissjoni ulterjuri tan-notifika; din tista’ tiġi ttardjata jew ma ssirx meta tali notifika tista’ tipperikola s-sigurtà nazzjonali, jew ittardjata meta tali notifika tista’ tipperikola miżuri għall-ħarsien tas-sikurezza pubblika. Tali azzjoni għandha tinkludi wkoll notifika lill-individwu kkonċernat, sakemm il-Parti ma tkunx ħadet miżuri xierqa sabiex ma jkunx għad hemm riskju sinifikanti. In-notifika lill-individwu tista’ tiġi ttardjata jew ma ssirx skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 12.a.i. Il-Parti notifikata tista’ titlob konsultazzjoni u informazzjoni addizzjonali rigward l-inċident u r-risposta għalih.

c.

Kull Parti għandha, fil-ħin tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll jew meta tiddepożita l-istrument tagħha ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni, tikkomunika lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa l-awtorità jew awtoritajiet li għandhom jiġu nnotifikati skont il-paragrafu 7.b għall-finijiet tal-Kapitolu II, it-Taqsima 2: l-informazzjoni pprovduta tista’ sussegwentement tiġi modifikata.

8.   Żamma ta’ rekords

Kull Parti għandha żżomm rekords jew ikollha mezzi xierqa oħra biex turi kif id-data personali ta’ individwu tiġi aċċessata, użata u żvelata f’każ speċifiku.

9.   Kondiviżjoni ulterjuri fi ħdan Parti

a.

Meta awtorità ta’ Parti tipprovdi data personali riċevuta inizjalment skont dan il-Protokoll lil awtorità oħra ta’ dik il-Parti, dik l-awtorità l-oħra għandha tipproċessaha f’konformità ma’ dan l-Artikolu, soġġett għall-paragrafu 9.b.

b.

Minkejja l-paragrafu 9.a, Parti li tkun għamlet riżerva skont l-Artikolu 17 tista’ tipprovdi data personali li tkun irċeviet lill-Istati kostitwenti tagħha jew lil entitajiet territorjali simili dment li l-Parti jkollha fis-seħħ miżuri sabiex l-awtoritajiet riċeventi jkomplu jipproteġu d-data b’mod effettiv billi jipprevedu livell ta’ protezzjoni tad-data komparabbli ma’ dak mogħti minn dan l-Artikolu.

c.

Fil-każ ta’ indikazzjonijiet ta’ implimentazzjoni mhux xierqa ta’ dan il-paragrafu, il-Parti trasferenti tista’ titlob konsultazzjoni u informazzjoni rilevanti dwar dawk l-indikazzjonijiet.

10.   Trasferiment ulterjuri lejn Stat ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali

a.

Il-Parti riċeventi tista’ tittrasferixxi d-data personali lil Stat ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali biss bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità trasferenti jew, għall-finijiet tal-kapitolu II, it-taqsima 2, l-awtorità jew l-awtoritajiet maħtura skont il-paragrafu 10.b.

b.

Kull Parti għandha, fil-ħin tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll jew meta tiddepożita l-istrument tagħha ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni, tikkomunika lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa l-awtorità jew awtoritajiet li għandhom jipprovdu l-awtorizzazzjoni għall-finijiet tal-kapitolu II, it-taqsima 2; l-informazzjoni provduta tista' tiġi modifikata.

11.   Trasparenza u notifika

a.

Kull Parti għandha tagħti avviż permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviżi ġenerali, jew permezz ta’ avviż personali lill-individwu li d-data personali tiegħu tkun inġabret, fir-rigward ta’:

i.

il-bażi ġuridika għall-ipproċessar u l-iskop(ijiet) tiegħu;

ii.

kwalunkwe perjodu ta’ żamma jew rieżami skont il-paragrafu 5, kif applikabbli;

iii.

riċeventi jew kategoriji ta’ riċeventi li lilhom tiġi żvelata tali data; u

iv.

l-aċċess, ir-rettifika u r-rimedju disponibbli.

b.

Parti tista’ tissoġġetta kwalunkwe rekwiżit ta’ avviż personali għal restrizzjonijiet raġonevoli skont il-qafas legali domestiku tagħha skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 12.a.i.

c.

Meta l-qafas legali domestiku tal-Parti trasferenti jkun jeħtieġ li jingħata avviż personali lill-individwu li d-data tiegħu tkun ġiet ipprovduta lil Parti oħra, il-Parti trasferenti għandha tieħu miżuri sabiex il-Parti l-oħra tiġi infurmata fil-ħin tat-trasferiment rigward dan ir-rekwiżit u informazzjoni ta’ kuntatt xierqa. L-avviż personali ma għandux isir jekk il-Parti l-oħra tkun talbet li l-għoti ta’ data jinżamm personali, meta japplikaw il-kundizzjonijiet għar-restrizzjonijiet kif stipulat fil-paragrafu 12.a.i. Ladarba dawn ir-restrizzjonijiet ma jibqgħux japplikaw u l-avviż personali jkun jista’ jsir, il-Parti l-oħra għandha tieħu miżuri sabiex il-Parti trasferenti tiġi infurmata. Jekk tkun għadha ma ġietx infurmata, il-Parti trasferenti hija intitolata li tagħmel talbiet lill-Parti riċeventi li mbagħad tinforma lill-Parti trasferenti jekk iżżommx ir-restrizzjoni.

12.   Aċċess u rettifika

a.

Kull Parti għandha tiżgura li kwalunkwe individwu, li d-data personali tiegħu tkun ġiet riċevuta skont dan il-Protokoll, ikun intitolat li jfittex u jikseb, f’konformità mal-proċessi stabbiliti fil-qafas legali domestiku tagħha u mingħajr dewmien żejjed:

i.

kopja bil-miktub jew elettronika tad-dokumentazzjoni miżmuma dwar dak l-individwu li jkun fiha d-data personali tal-individwu u l-informazzjoni disponibbli li tindika l-bażi ġuridika għall-ipproċessar u l-iskop għalih, il-perjodi ta’ żamma u r-riċeventi jew il-kategoriji ta’ riċeventi tad-data (“aċċess”), kif ukoll informazzjoni dwar l-għażliet disponibbli għal rimedju; dment li l-aċċess f’każ partikolari jista’ jkun soġġett għall-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet proporzjonati permessi taħt il-qafas legali domestiku tagħha, meħtieġa, fil-mument tal-aġġudikazzjoni, biex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn jew objettivi importanti ta’ interess pubbliku ġenerali u li jagħtu l-konsiderazzjoni dovuta lill-interessi leġittimi tal-individwu kkonċernat;

ii.

rettifika meta d-data personali tal-individwu ma tkunx eżatta jew tkun ġiet ipproċessata b’mod mhux xieraq; ir-rettifika għandha tinkludi - kif ikun xieraq u raġonevoli meta jitqiesu r-raġunijiet għar-rettifika u l-kuntest partikolari tal-ipproċessar - il-korrezzjoni, is-supplimentazzjoni, it-tħassir jew l-anonimizzazzjoni, ir-restrizzjoni tal-ipproċessar, jew l-imblukkar.

b.

Jekk l-aċċess jew ir-rettifika jiġu miċħuda jew ristretti, il-Parti għandha tipprovdi lill-individwu, risposta bil-miktub, li tista’ tiġi pprovduta elettronikament, mingħajr dewmien żejjed, li tinforma lill-individwu dwar iċ-ċaħda jew ir-restrizzjoni. Hija għandha tipprovdi r-raġunijiet għal tali ċaħda jew restrizzjoni u tipprovdi informazzjoni dwar l-għażliet disponibbli għal rimedju. Kwalunkwe spiża mġarrba biex jinkiseb l-aċċess għandha tkun limitata għal dak li huwa raġonevoli u mhux eċċessiv.

13.   Rimedji ġudizzjarji u mhux ġudizzjarji

Kull Parti għandu jkollha fis-seħħ rimedji ġudizzjarji u mhux ġudizzjarji effettivi biex tipprovdi rimedju għall-ksur ta’ dan l-Artikolu.

14.   Sorveljanza

Kull Parti għandu jkollha awtorità pubblika waħda jew aktar li jeżerċitaw, waħedhom jew b'mod kumulattiv, funzjonijiet u setgħat ta’ sorveljanza indipendenti u effettivi fir-rigward tal-miżuri stipulati f’dan l-Artikolu. Il-funzjonijiet u s-setgħat ta’ dawn l-awtoritajiet li jaġixxu waħedhom jew b’mod kumulattiv għandhom jinkludu setgħat ta’ investigazzjoni, is-setgħa li jaġixxu fuq ilmenti u l-kapaċità li jieħdu azzjoni korrettiva.

15.   Konsultazzjoni u sospensjoni

Parti tista’ tissospendi t-trasferiment ta’ data personali lil Parti oħra jekk ikollha evidenza sostanzjali li l-Parti l-oħra tkun qed tikser b’mod sistematiku jew materjali t-termini ta’ dan l-Artikolu jew li ksur materjali jkun imminenti. Hija ma għandhiex tissospendi t-trasferimenti mingħajr avviż raġonevoli, u mhux qabel ma l-Partijiet ikkonċernati jkunu daħlu f’perjodu raġonevoli ta’ konsultazzjoni mingħajr ma laħqu riżoluzzjoni. Madankollu, Parti tista’ tissospendi proviżorjament trasferimenti fil-każ ta’ ksur sistematiku jew materjali li joħloq riskju sinifikanti u imminenti għall-ħajja jew għas-sikurezza ta’, jew ħsara sostanzjali għar-reputazzjoni jew monetarju ta’, persuna fiżika, f’liema każ għandha tinnotifika u tibda konsultazzjonijiet mal-Parti l-oħra immedjatament wara. Jekk il-konsultazzjoni ma tkunx wasslet għal riżoluzzjoni, il-Parti l-oħra tista’ tissospendi reċiprokament it-trasferimenti jekk ikollha evidenza sostanzjali li s-sospensjoni mill-Parti li għamlet is-sospensjoni kienet tmur kontra t-termini ta’ dan il-paragrafu. Il-Parti li tkun għamlet is-sospensjoni għandha tneħħi s-sospensjoni hekk kif il-ksur li jiġġustifika s-sospensjoni jkun ġie rimedjat; kwalunkwe sospensjoni reċiproka għandha titneħħa f’dak il-ħin. Kwalunkwe data personali trasferita qabel is-sospensjoni għandha tkompli tiġi ttrattata f’konformità ma’ dan il-Protokoll.

KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 15

Effetti ta’ dan il-Protokoll

1.

a.

L-Artikolu 39, il-paragrafu 2 tal-Konvenzjoni għandu japplika għal dan il-Protokoll.

b.

Fir-rigward tal-Partijiet li huma membri tal-Unjoni Ewropea, dawk il-Partijiet jistgħu, fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, japplikaw il-liġi tal-Unjoni Ewropea li tirregola l-kwistjonijiet ittrattati f’dan il-Protokoll.

c.

Il-paragrafu l.b ma jaffettwax l-applikazzjoni sħiħa ta’ dan il-Protokoll bejn il-Partijiet li huma membri tal-Unjoni Ewropea u Partijiet oħra.

2.   L-Artikolu 39, il-paragrafu 3, tal-Konvenzjoni għandu japplika għal dan il-Protokoll.

Artikolu 16

Iffirmar u d-dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Protokoll għandu jkun miftuħ għall-iffirmar mill-Partijiet għall-Konvenzjoni, li jistgħu jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu permezz ta’ waħda minn dawn l-għażliet:

a.

il-firma mingħajr riżerva dwar ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni; jew

b.

il-firma bla ħsara għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, segwita mir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni.

2.   L-istrumenti tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni għandhom ikunu ddepożitati mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

3.   Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar li jiġi wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tliet xhur wara d-data li fiha ħames Partijiet għall-Konvenzjoni jkunu esprimew il-kunsens tagħhom li jkunu marbuta b'dan il-Protokoll, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Fir-rigward ta’ kwalunkwe Parti għall-Konvenzjoni li sussegwentement tesprimi l-kunsens tagħha li tintrabat b’dan il-Protokoll, il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tliet xhur wara d-data li fiha l-Parti tkun esprimiet il-kunsens tagħha li tintrabat b’dan il-Protokoll, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 17

Klawsola federali

1.   Stat federali jista’ jirriżerva d-dritt li jassumi obbligi skont dan il-Protokoll konsistenti mal-prinċipji fundamentali tiegħu li jirregolaw ir-relazzjoni bejn il-gvern ċentrali tiegħu u l-Istati kostitwenti tiegħu jew entitajiet territorjali simili oħra, dment li:

a.

il-Protokoll għandu japplika għall-gvern ċentrali tal-Istat federali;

b.

tali riżerva ma għandhiex taffettwa l-obbligi li tiġi prevista l-kooperazzjoni mfittxija minn Partijiet oħra skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II; u

c.

id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 għandhom japplikaw għall-Istati kostitwenti tal-Istat federali jew entitajiet territorjali simili oħra.

2.   Parti oħra tista’ tipprevjeni lill-awtoritajiet, lill-provdituri jew lill-entitajiet fit-territorju tagħha milli jikkooperaw b’risposta għal talba jew ordni ppreżentata direttament mill-Istat kostitwenti jew minn entità territorjali simili oħra ta’ Stat federali li jkun għamel riżerva skont il-paragrafu 1, sakemm dak l-Istat federali ma jinnotifikax lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa li Stat kostitwenti jew entità territorjali simili oħra japplika l-obbligi ta’ dan il-Protokoll applikabbli għal dan l-Istat federali. Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jistabbilixxi u jżomm aġġornat reġistru ta’ tali notifiki.

3.   Parti oħra ma għandhiex tipprevjeni lill-awtoritajiet, lill-provdituri, jew lill-entitajiet fit-territorju tagħha milli jikkooperaw ma’ Stat kostitwenti jew entità territorjali simili oħra fuq il-bażi ta’ riżerva skont il-paragrafu 1, jekk tkun saret ordni jew talba permezz tal-gvern ċentrali jew ftehim ta’ skwadra ta’ investigazzjoni konġunta skont l-Artikolu 12 bil-parteċipazzjoni tal-gvern ċentrali. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-gvern ċentrali għandu jipprevedi t-twettiq tal-obbligi applikabbli tal-Protokoll, dment li, fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali pprovduta lil Stati kostitwenti jew entitajiet territorjali simili, għandhom japplikaw biss it-termini tal-Artikolu 14, il-paragrafu 9, jew, fejn applikabbli, it-termini ta’ ftehim jew arranġament deskritt fl-Artikolu 14, il-paragrafu l.b jew l.c.

4.   Fejn jidħlu d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll, li l-applikazzjoni tagħhom taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-Istati kostitwenti jew ta’ entitajiet territorjali oħra simili li mhumiex obbligati mis-sistema kostituzzjonali tal-federazzjoni li jieħdu miżuri leġiżlattivi, il-gvern ċentrali għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ tali Stati dwar id-dispożizzjonijiet imsemmija dwar l-opinjoni favorevoli tiegħu, u jħeġġiġhom jieħdu azzjoni xierqa biex iwettquhom.

Artikolu 18

Applikazzjoni territorjali

1.   Dan il-Protokoll għandu japplika għat-territorju jew territorji speċifikati f’dikjarazzjoni magħmula minn Parti skont l-Artikolu 38, il-paragrafi 1 jew 2, tal-Konvenzjoni sa fejn tali dikjarazzjoni ma tkunx ġiet irtirata skont l-Artikolu 38, il-paragrafu 3.

2.   Parti tista’, fil-ħin tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll jew meta tiddepożita l-istrument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni tagħha, tiddikjara li dan il-Protokoll ma għandux japplika għal territorju wieħed jew aktar speċifikati fid-dikjarazzjoni tal-Parti skont l-Artikolu 38, il-paragrafi 1 u/jew 2 tal-Konvenzjoni.

3.   Dikjarazzjoni li ssir skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu tista’, fir-rigward ta’ kwalunkwe territorju speċifikat f’tali dikjarazzjoni, tiġi rtirata permezz ta’ notifika indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. L-irtirar għandu jsir effettiv fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ tliet xhur mid-data meta s-Segretarju Ġenerali jirċievi n-notifika.

Artikolu 19

Riżervi u dikjarazzjonijiet

1.   Permezz ta’ notifika bil-miktub indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, kwalunkwe Parti għall-Konvenzjoni tista’, fil-ħin tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll jew meta tiddepożita l-istrument tagħha ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni, tiddikjara li tagħmel użu mir-riżerva/i prevista/i fl-Artikoli 7, il-paragrafi 9.a u 9.b, l-Artikolu 8, il-paragrafu 13, u l-Artikolu 17 ta’ dan il-Protokoll. Ma tista ssir l-ebda riżerva oħra.

2.   Permezz ta’ notifika bil-miktub indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, kwalunkwe Parti għall-Konvenzjoni tista’, fil-mument tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll jew meta tiddepożita l-istrument tagħha ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni, tagħmel id-dikjarazzjoni(jiet) identifikata/i fl-Artikoli 7, il-paragrafi 2.b u 8; l-Artikolu 8, il-paragrafu 11; l-Artikolu 9, il-paragrafi 1.b u 5; l-Artikolu 10, il-paragrafu 9; l-Artikolu 12, il-paragrafu 3; u l-Artikolu 18, il-paragrafu 2, ta’ dan il-Protokoll.

3.   Permezz ta’ notifika bil-miktub indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, kwalunkwe Parti għall-Konvenzjoni għandha tagħmel kwalunkwe dikjarazzjoni, notifika jew komunikazzjoni identifikata fl-Artikolu 7, il-paragrafi 5.a u e; l-Artikolu 8, il-paragrafi 4, u 10.a u b; l-Artikolu 14, il-paragrafi 7.c u 10.b; u l-Artikolu 17, il-paragrafu 2, ta’ dan il-Protokoll skont it-termini speċifikati fih.

Artikolu 20

Status u rtirar ta’ riżervi

1.   Parti li tkun għamlet riżerva f’konformità mal-Artikolu 19, il-paragrafu 1, għandha tirtira tali riżerva, għalkollox jew parzjalment, malli ċ-ċirkostanzi jippermettu dan. Dan l-irtirar għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-wasla ta’ notifika indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. Jekk in-notifika tiddikjara li l-irtirar ta’ riżerva jkollu effett f’data speċifikata fih, u tali data tiġi wara d-data li fiha s-Segretarju Ġenerali jirċievi n-notifika, l-irtrirar għandu jieħu effett f’din id-data aktar tard.

2.   Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa jista’ perjodikament jistaqsi lill-Partijiet li jkunu għamlu riżerva waħda jew aktar skont l-Artikolu 19, paragrafu 1, dwar il-prospetti għall-irtirar ta’ tali riżerva/i.

Artikolu 21

Emendi

1.   Jistgħu jiġu proposti emendi għal dan il-Protokoll minn kwalunkwe Parti għal dan il-Protokoll u għandhom jiġu kkomunikati mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-Partijiet u l-firmatarji tal-Konvenzjoni kif ukoll lil kwalunkwe Stat li jkun ġie mistieden jaderixxi mal-Konvenzjoni.

2.   Kwalunkwe emenda proposta minn Parti għandha tiġi kkomunikata lill-Kumitat Ewropew dwar Problemi Kriminali (CDPC), li għandu jippreżenta lill-Kumitat tal-Ministri l-opinjoni tiegħu dwar din l-emenda proposta.

3.   Il-Kumitat tal-Ministri għandu jikkunsidra l-emenda proposta u l-opinjoni ppreżentata mis-CDPC u, wara konsultazzjoni mal-Partijiet għall-Konvenzjoni, jista’ jadotta l-emenda.

4.   It-test ta’ kwalunkwe emenda adottata mill-Kumitat tal-Ministri f’konformità mal-paragrafu 3 għandha tintbagħat lill-Partijiet għal dan il-Protokoll għall-aċċettazzjoni.

5.   Kwalunkwe emenda adottata f’konformità mal-paragrafu 3 għandha tidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara li l-Partijiet kollha għal dan il-Protokoll ikunu infurmaw lis-Segretarju Ġenerali li jkunu aċċettawha.

Artikolu 22

Solviment ta’ tilwimiet

L-Artikolu 45 tal-Konvenzjoni għandu japplika għal dan il-Protokoll.

Artikolu 23

Konsultazzjonijiet tal-Partijiet u valutazzjoni tal-implimentazzjoni

1.   L-Artikolu 46 tal-Konvenzjoni għandu japplika għal dan il-Protokoll.

2.   Il-partijiet għandhom jivvalutaw perjodikament l-użu effettiv u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll. L-Artikolu 2 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità kif rivedut fis-16 ta’ Ottubru 2020 għandu japplika mutatis mutandis. Il-Partijiet inizjalment għandhom jirrevedu u jistgħu jimmodifikaw permezz ta’ kunsens il-proċeduri ta’ dan l-Artikolu kif japplikaw għal dan il-Protokoll ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll.

3.   Ir-rieżami tal-Artikolu 14 għandu jibda ladarba għaxar Partijiet għall-Konvenzjoni jkunu esprimew il-kunsens tagħhom li jintrabtu b’dan il-Protokoll.

Artikolu 24

Denunzja

1.   Kull Parti tista’, f’kull waqt, tiddenunzja dan il-Protokoll permezz ta’ notifika indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

2.   Tali denunzja għandu jkollha effett fl-ewwel jum tax-xahar li jsegwi l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tliet xhur wara d-data li fiha s-Segretarju Ġenerali jkun irċieva n-notifika.

3.   Id-denunzja tal-Konvenzjoni minn Parti għal dan il-Protokoll tikkostitwixxi denunzja ta’ dan il-Protokoll.

4.   Informazzjoni jew evidenza trasferita qabel id-data effettiva tad-denunzja għandha tkompli tiġi ttrattata f’konformità ma’ dan il-Protokoll.

Artikolu 25

Notifika

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jinnotifika lill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Partijiet u lill-firmatarji tal-Konvenzjoni, u lil kwalunkwe Stat li jkun ġie mistieden biex jaċċedi għall-Konvenzjoni dwar:

a.

kwalunkwe firma;

b.

l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe strument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni;

c.

kwalunkwe data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, f’konformità mal-Artikolu 16, il-paragrafi 3 u 4;

d.

kwalunkwe dikjarazzjoni jew riżerva li tkun saret f’konformità mal-Artikolu 19 jew irtirar ta’ riżervi li jsiru f’konformità mal-Artikolu 20;

e.

kwalunkwe att, notifika jew komunikazzjoni b’rabta ma’ dan il-Protokoll.

B’xhieda ta’ dan, is-sottoskritti, awtorizzati kif jixraq għal dan l-effett, iffirmaw dan il-Protokoll.

Magħmul fi Strasburgu, fit-12 ta’ Mejju 2022, bl-Ingliż u bil-Franċiż, biż-żewġ testi awtentiċi indaqs, f' kopja waħda li għandha tiġi depożitata fl-arkivji tal-Kunsill tal-Ewropa. Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jittrażmetti kopji ċertifikati lil kull Stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Partijiet u lill-Firmatarji għall-Konvenzjoni, u lil kwalunkwe Stat li jkun ġie mistieden jaderixxi mal-Konvenzjoni.

 


Top