This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22022A0706(01)
Agreement between the European Union and Ukraine on the carriage of freight by road
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq
ST/10151/2022/INIT
ĠU L 179, 6.7.2022, p. 4–10
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2022/1158/oj
6.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 179/4 |
FTEHIM bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa wkoll “l-Unjoni”,
minn naħa,
u
L-UKRAJNA,
min-naħa l-oħra,
minn hawn ’il quddiem individwalment imsejħa “Parti” u kollettivament imsejħa l-“Partijiet”,
Filwaqt LI JIRRIKONOXXU t-tfixkil importanti li qed iġarrab is-settur tat-trasport fl-Ukrajna wara l-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna,
Filwaqt LI JIRRIKONOXXU n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ rotot tat-trasport tradizzjonali fir-reġjun u l-ħtieġa urġenti li jkunu żgurati l-ktajjen tal-provvista u s-sigurtà tal-ikel permezz ta’ rotot alternattivi bit-triq, b’mod partikolari għat-trasport tal-qamħ, tal-fjuwil, tal-oġġetti tal-ikel u ta’ oġġetti oħra mill-Ukrajna lejn l-Unjoni,
XEWQANA li jappoġġaw lis-soċjetà u lill-ekonomija tal-Ukrajna billi jippermettu lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni u tal-Ukrajna jwettqu operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija lejn u mit-territorju tal-Ukrajna lejn l-Unjoni u viċi versa meta jkun meħtieġ,
Filwaqt LI JINNOTAW li s-sistema attwali bbażata fuq għadd limitat ta’ permessi tal-Istati Membri ma tippermettix il-flessibbiltà meħtieġa biex l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Ukrajna jżidu l-operazzjonijiet tagħhom fi ħdan l-Unjoni u mal-Unjoni,
DETERMINATI li jiżguraw li fil-futur, il-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-suq fit-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn il-Partijiet attwalment disponibbli għall-operaturi tat-trasport bit-triq stabbiliti f’xi waħda mill-Partijiet fi kwalunkwe każ mhux se jkunu aktar restrittivi meta mqabbla mas-sitwazzjoni eżistenti bħalissa,
DETERMINATI li jgħinu lill-ekonomija tal-Ukrajna billi jilliberalizzaw l-operazzjonijiet tat-tranżitu u tat-trasport internazzjonali bilaterali bejn l-Unjoni u l-Ukrajna biex jippermettu t-trasport meħtieġ tal-merkanzija u biex jagħtu l-istess drittijiet reċiproċi liż-żewġ Partijiet ħalli jwettqu operazzjonijiet tat-tranżitu u tat-trasport internazzjonali bilaterali bejn l-Unjoni u l-Ukrajna,
Filwaqt LI JINNOTAW li l-Artikolu 136 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) jipprevedi liberalizzazzjoni koordinata u progressiva tat-trasport bejn il-Partijiet u jiddikjara li l-kundizzjonijiet għal dak il-għan jenħtieġ li jiġu ttrattati bi ftehimiet speċjali dwar it-trasport bit-triq,
XEWQANA li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jiġu soġġetti għall-kapitolu dwar is-soluzzjoni tat-tilwim tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni,
XEWQANA li jappoġġaw lis-sewwieqa Ukreni u jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-ħiliet u tal-għarfien tagħhom billi joħolqu kundizzjonijiet li jippermettulhom ikomplu jużaw il-liċenzji tas-sewqan Ukreni u ċ-ċertifikati ta’ kompetenza professjonali eżistenti tagħhom,
Filwaqt LI JIRRIKONOXXU l-impossibbiltà li jiġi antiċipat id-dewmien tal-impatt tal-gwerra tal-aggressjoni Russa fuq is-settur tat-trasport u l-infrastrutturi fl-Ukrajna, u li minħabba f’hekk, fi żmien tliet xhur qabel l-iskadenza ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw fi ħdan il-Kumitat Konġunt biex jivvalutaw il-ħtieġa għat-tiġdid tiegħu,
Filwaqt LI JIRRIKONOXXU li l-Ftehim Ewropew dwar ix-xogħol tal-ekwipaġġi tal-vetturi involuti fit-trasport internazzjonali bit-triq (AETR) se jiżgura li l-operazzjonijiet tat-trasport skont dan il-Ftehim jirrispettaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera u l-kompetizzjoni ġusta u ma jipperikolawx is-sikurezza fit-toroq,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Objettivi
1. Dan il-Ftehim għandu l-għan li jiffaċilita temporanjament it-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn u mit-territorju tal-Unjoni Ewropea u tal-Ukrajna billi jagħti drittijiet addizzjonali tat-tranżitu u tat-trasport tal-merkanzija bejn il-Partijiet lill-operaturi stabbiliti f’xi waħda mill-Partijiet wara r-riperkussjonijiet tal-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u t-tfixkil sinifikanti li din iġġib magħha għall-modi kollha tat-trasport fil-pajjiż.
2. Dan il-Ftehim għandu jinkludi wkoll miżuri li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tad-dokumenti tas-sewwieqa.
3. Dan il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat li għandu l-effett li jnaqqas jew li b’xi mod ieħor jagħmel il-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-suq għas-servizzi internazzjonali tat-trasport bit-triq bejn il-Partijiet aktar restrittivi meta mqabbla mas-sitwazzjoni eżistenti fil-jum ta’ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan il-Ftehim għandu japplika għat-tranżitu u għat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq bejn il-Partijiet f’isem ħaddieħor, u hu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti mis-sistema multilaterali tal-kwoti tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport fi ħdan il-Forum Internazzjonali tat-Trasport. It-trasport tal-merkanzija bit-triq fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea mhuwiex fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim. It-tranżitu mit-territorju tal-Parti l-oħra għat-trasport tal-merkanzija bejn il-pajjiżi terzi mhux kopert minn dan il-Ftehim.
2. Dan il-Ftehim jistabbilixxi wkoll ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-dokumenti tas-sewwieqa.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-għanijiet ta' dan il-Ftehim id-definizzjonijiet japplikaw li ġejjin:
(1) |
“parti ta’ stabbiliment” tfisser il-Parti fejn ikun stabbilit operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq; |
(2) |
“operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq” tfisser persuna fiżika jew ġuridika involuta fit-trasport tal-merkanzija b’għan kummerċjali stabbilita f’xi Parti f’konformità mal-liġi ta’ dik il-Parti u awtorizzata mill-istess Parti biex twettaq it-trasport internazzjonali tal-merkanzija f’isem ħaddieħor permezz ta’ vetturi bil-mutur jew kombinamenti ta’ vetturi; |
(3) |
“vettura” tfisser vettura bil-mutur irreġistrata f’waħda mill-Partijiet, f’kombinament magħqud ta’ vetturi li jkollu għallinqas vettura waħda bil-mutur minnu li tkun irreġistrata f’xi waħda mill-Partijiet, użata esklussivament għat-trasport tal-merkanzija; |
(4) |
“tranżitu” tfisser il-moviment ta’ vetturi, mingħajr tagħbija jew ħatt tal-merkanzija, fit-territorju ta’ Parti minn operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq stabbilit fil-Parti l-oħra; |
(5) |
“trasport internazzjonali bilaterali” tfisser vjaġġi mgħobbija b’vettura, mit-territorju tal-Parti ta’ stabbiliment lejn it-territorju tal-Parti l-oħra, u viċi versa, bi tranżitu jew mingħajru mit-territorju ta’ pajjiż terz; |
(6) |
“dokumenti tas-sewwieqa” tfisser permess tas-sewqan domestiku, bħal liċenzja tas-sewqan, li jagħti prova tal-kundizzjonijiet li skonthom sewwieq hu awtorizzat isuq skont il-liġi tal-Parti li toħroġ id-dokument, jew ċertifikat ta’ kompetenza professjonali, kard ta’ kwalifika tas-sewwieqa jew xi dokument uffiċjali ieħor li jagħti prova li d-detentur tiegħu għandu l-kwalifika u t-taħriġ rilevanti meħtieġa skont il-liġi tal-Parti li toħroġ id-dokument, biex iwettaq l-attività tas-sewqan f’termini simili għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/59/KE (1). |
Artikolu 4
Aċċess għas-servizzi tat-trasport bit-triq
L-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq għandhom ikunu intitolati jwettqu l-operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq li ġejjin:
(a) |
vjaġġi mgħobbija li jsiru b’vettura li l-punt tat-tluq u l-punt tal-wasla tagħhom jkunu fit-territorju ta’ żewġ Partijiet differenti, bi tranżitu jew mingħajru mit-territorju ta’ pajjiż terz; |
(b) |
vjaġġi mgħobbija li jsiru b’vettura mit-territorju tal-Parti ta’ stabbiliment lejn it-territorju tal-istess Parti bi tranżitu mit-territorju tal-Parti l-oħra; |
(c) |
vjaġġi mgħobbija li jsiru b’vettura lejn jew mit-territorju tal-Parti ta’ stabbiliment lejn pajjiż terz bi tranżitu mit-territorju tal-Parti l-oħra; |
(d) |
vjaġġi mhux mgħobbija li jsiru b’vettura flimkien mal-vjaġġi msemmija fil-punti (a), (b) u (c). |
Artikolu 5
Dokumenti tas-sewwieqa
1. Fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim u għat-tul ta’ żmien kollu tiegħu, kull Parti għandha teżenta lid-detenturi tad-dokumenti tas-sewwieqa maħruġa mill-Parti l-oħra mir-rekwiżit li jkollhom permess internazzjonali tas-sewqan, kif definit fil-Konvenzjonijiet dwar it-Traffiku fit-Toroq magħmula f’Ġinevra fl-1949 u magħmula fi Vjenna fl-1968.
2. L-Ukrajna għandha tinforma lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha bi kwalunkwe miżura li tieħu wara t-23 ta’ Frar 2022 biex testendi l-validità amministrattiva tad-dokumenti tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna.
3. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jevitaw u jiġġieldu l-frodi u l-falsifikazzjoni tad-dokumenti tas-sewwieqa. Għal dak il-għan, u mingħajr preġudizzju għar-regoli rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data personali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha permezz ta’ portal web immexxi mill-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna jew bil-kisba tad-data mil-liċenzji tas-sewqan elettroniċi maħruġa mill-Ukrajna f’konformità mal-leġiżlazzjoni tagħha.
Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha ma jkunux jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni rilevanti b’mezzi elettroniċi xierqa, l-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha b’xi mezz xieraq ieħor.
Artikolu 6
Tul ta’ żmien
1. Dan il-Ftehim għandu japplika sat-30 ta’ Ġunju 2023.
2. Sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw biex jivvalutaw il-ħtieġa għat-tiġdid tiegħu. Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw fi ħdan il-Kumitat Konġunt kif stabbilit fl-Artikolu 7(2).
Artikolu 7
Kumitat Konġunt
1. Kumitat Konġunt huwa hawnhekk stabbilit. Dan għandu jissorvelja u jimmonitorja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u perjodikament iwettaq rieżami tal-funzjonament ta’ dan il-Ftehim fid-dawl tal-objettivi tiegħu.
2. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ meta jintalab minn xi wieħed mill-kopresidenti tiegħu. Huwa għandu jiltaqa’ wkoll sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim, biex jivvaluta u jiddeċiedi l-ħtieġa għall-kontinwazzjoni ta’ dan il-Ftehim skont l-Artikolu 6(2). Il-Kumitat Konġunt għandu jieħu deċiżjoni dwar din il-kontinwazzjoni, inkluż it-tul ta’ żmien tagħha, kif xieraq, f’konformità mal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.
3. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt bħala osservaturi.
4. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun presedut b’rotazzjoni minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tal-Ukrajna.
5. Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b’kunsens bejn il-Partijiet. Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu vinkolanti għall-Partijiet, u dawn għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jimplimentawhom.
6. Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.
Artikolu 8
Soluzzjoni tat-tilwim (2)
Meta tinqala’ tilwima bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 14 tat-Titolu IV tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandhom japplikaw mutatis mutandis.
Artikolu 9
Twettiq tal-obbligi
1. Kull Parti hija responsabbli għalkollox li tosserva d-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-Ftehim.
2. Kull Parti għandha tiżgura li jittieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jingħata effett lid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, inkluż l-osservanza tagħhom fil-livelli kollha tal-gvern u mill-persuni li jeżerċitaw awtorità governattiva delegata. Kull Parti għandha taġixxi in bona fede biex tiżgura li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti f’dan il-Ftehim.
3. Dan il-Ftehim huwa ftehim speċifiku skont it-tifsira tal-Artikolu 479(5) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Parti tista’ tieħu miżuri xierqa relatati ma’ dan il-Ftehim fil-każ ta’ ksur partikolarment serju u sostanzjali ta’ xi wieħed mill-obbligi deskritti fl-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bħala elementi essenzjali, li jhedded il-paċi u s-sigurtà internazzjonali ħalli tkun meħtieġa reazzjoni immedjata. Miżuri xierqa bħal dawn għandhom jittieħdu f’konformità mal-Artikolu 478 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.
Artikolu 10
Miżuri ta’ salvagwardja
1. Kwalunkwe Parti tista’ tieħu miżuri xierqa ta’ salvagwardja jekk ikun jidhrilha li l-operazzjonijiet tat-trasport imwettqa mill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Parti l-oħra jkunu jheddu s-sikurezza fit-toroq. Il-miżuri ta’ salvagwardja għandhom jittieħdu b’rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali, għandhom ikunu proporzjonati u limitati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ żmien tagħhom għal dak li hu strettament meħtieġ ħalli tissewwa s-sitwazzjoni jew jinżamm il-bilanċ ta’ dan il-Ftehim. Għandha tingħata prijorità lil dawk il-miżuri li jfixklu l-inqas il-funzjonament ta’ dan il-Ftehim.
2. Qabel ma tibda xi konsultazzjonijiet, il-Parti kkonċernata għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miżuri meħuda u għandha tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha.
3. Il-Partijiet għandhom jibdew minnufih il-konsultazzjonijiet fil-Kumitat tal-Kummerċ biex tinstab soluzzjoni aċċettabbli għal kulħadd.
4. Kwalunkwe azzjoni meħuda skont it-termini ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi sospiża malli l-Parti li tkun qed tonqos tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew meta tispiċċa t-theddida għas-sikurezza fit-toroq.
Artikolu 11
Applikazzjoni territorjali
Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa, għat-Territorju li fih japplikaw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk it-Trattati u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment.
L-applikazzjoni tiegħu hija sospiża fiż-żoni fejn il-Gvern tal-Ukrajna ma jeżerċitax kontroll effettiv.
Artikolu 12
Terminazzjoni
1. Kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista’, fi kwalunkwe ħin, tinnotifika bil-miktub, b’mezzi diplomatiċi, lill-Parti l-oħra dwar id-deċiżjoni tagħha li tittermina dan il-Ftehim. Il-Ftehim għandu jintemm ġimagħtejn wara din in-notifika, sakemm il-Parti notifikanti ma tindikax data aktar tard biex din in-notifika tidħol fis-seħħ. Fil-każ tal-aħħar, id-data ma għandhiex tkun aktar minn xahrejn wara d-data tan-notifika.
2. L-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq li l-vettura tagħhom tkun fit-territorju tal-Parti l-oħra malli jiskadi dan il-Ftehim għandhom jitħallew jgħaddu mit-territorju ta’ dik il-Parti biex jirritornaw fit-territorju tal-Parti ta’ stabbiliment.
3. Għal aktar ċertezza, id-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1 tfisser id-data meta n-notifika tintbagħat lill-Parti l-oħra.
4. L-iskadenza skont l-Artikolu 6, jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux ikollhom l-effett li jillimitaw il-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-suq fis-servizzi tat-trasport bit-triq bejn il-Partijiet meta mqabbla mas-sitwazzjoni eżistenti lejliet id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Għal dak il-għan, fin-nuqqas ta’ ftehim sussegwenti bejn il-Partijiet, id-drittijiet tal-aċċess għas-suq stabbiliti skont il-ftehimiet bilaterali eżistenti bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna f’dak il-jum għandhom japplikaw mill-ġdid mid-data tal-iskadenza jew tat-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 13
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni proviżorja
1. Il-Partijiet għandhom jirratifikaw jew japprovaw dan il-Ftehim f’konformità mal-proċeduri tagħhom stess. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum li fih il-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri legali interni rispettivi tagħhom neċessarji għal dan il-għan.
2. Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni u l-Ukrajna jaqblu li japplikaw b’mod proviżorju dan il-Ftehim mill-jum tal-iffirmar tiegħu.
3. Għall-għanijiet tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan il-Ftehim, kull referenza f’dawn id-dispożizzjonijiet għad-“data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim” għandha tinftiehem bħala d-“data minn meta dan il-Ftehim jiġi applikat b’mod proviżorju” f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.
Magħmul f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Isvediż, bit-Taljan, bl-Ungeriż u bl-Ukren, u kull test huwa awtentiku ugwalment.
B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji ffirmati hawn taħt, debitament awtorizzati għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.
Съставено в Лион на двадесет и девети юни две хиляди двадесет и втора година.
Hecho en Lyon, el veintinueve de junio de dos mil veintidós.
V Lyonu dne dvacátého devátého června dva tisíce dvacet dva.
Udfærdiget i Lyon, den niogtyvende juni to tusind og toogtyve.
Geschehen zu Lyon am neunundzwanzigsten Juni zweitausendzweiundzwanzig.
Kahe tuhande kahekümne teise aasta juunikuu kahekümne üheksandal päeval Lyonis.
Έγινε στη Λυών, στις είκοσι εννέα Ιουνίου δύο χιλιάδες είκοσι δύο.
Done at Lyon on the twenty-ninth day of June in the year two thousand and twenty two.
Fait à Lyon, le vingt-neuf juin deux mille vingt-deux.
Arna dhéanamh i Lyon, an naoú lá is fiche de Mheitheamh sa bhliain dhá mhíle fiche a dó.
Sastavljeno u Lyonu dvadeset i devetog lipnja godine dvije tisuće dvadeset i druge.
Fatto a Lione, addi ventinove giugno duemilaventidue.
Lionā, divi tūkstoši divdesmit otrā gada divdesmit devītajā jūnijā.
Priimta du tūkstančiai dvidešimt antrų metų birželio dvidešimt devintą dieną Lione.
Kelt Lyonban, a kétezerhuszonkettedik év június havának huszonkilencedik napján.
Magħmul f’Lyon, fid-disgħa u għoxrin jum ta’ Ġunju fis-sena elfejn u tnejn u għoxrin.
Gedaan te Lyon, negenentwintig juni tweeduizend tweeëntwintig.
Sporządzono w Lyonie dnia dwudziestego dziewiątego czerwca roku dwa tysiące dwudziestego drugiego.
Feito em Lião, em vinte e nove de junho de dois mil e vinte e dois.
Întocmit la Lyon, la douăzeci și nouă iunie două mii douăzeci și doi.
V Lyone dvadsiateho deviateho júna dvetisícdvadsaťdva
V Lyonu, devetindvajsetega junija dva tisoč dvaindvajset.
Tehty Lyonissa kahdentenakymmenentenäyhdeksäntenä päivänä kesäkuuta vuonna kaksituhattakaksikymmentäkaksi.
Som skedde i Lyon den tjugonionde juni tjugohundratjugotvå.
Вчинено в м.Лiон двадцять дев’ятого червня двi тисячi двадцять другого року.
(1) Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiġġieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4).
(2) Biex ikun evitat id-dubju, la dan l-Artikolu u lanqas dan il-Ftehim ma għandhom jiġu interpretati li jagħtu xi drittijiet jew jimponu xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati domestiċi tal-Partijiet.