EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22021P0908(04)

Riżoluzzjoni dwar il-kwalità tal-ħajja, inklużi sistemi tal-kura tas-saħħa sodi u riforma tal-pensjonijiet sostenibbli fl-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant 2021/C 361/04

OJ C 361, 8.9.2021, p. 26–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 361/26


RIŻOLUZZJONI

dwar il-kwalità tal-ħajja, inklużi sistemi tal-kura tas-saħħa sodi u riforma tal-pensjonijiet sostenibbli fl-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant

(2021/C 361/04)

L-ASSEMBLEA PARLAMENTARI EURONEST,

wara li kkunsidrat l-Att Kostituttiv tal-Assemblea Parlamentari Euronest tat-3 ta’ Mejju 2011,

wara li kkunsidrat id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Brussell fl-24 ta’ Novembru 2017, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet konġunti ta’ summits preċedenti,

wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest tat-3 ta’ April 2012 dwar it-tisħiħ tas-soċjetà ċivili fil-Pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, inkluża l-kwistjoni tal-kooperazzjoni bejn il-gvern u s-soċjetà ċivili, u l-kwistjoni tar-riformi bl-għan li s-soċjetà ċivili tingħata setgħat akbar (1),

wara li kkunsidrat ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta’ Ġunju 2020 (2),

wara li kkunsidrat id-dokument ta’ ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tad-9 ta’ Ġunju 2017 bit-titolu “Eastern Partnership - 20 Deliverables for 2020: Focusing on key priorities and tangible results:” (Is-Sħubija tal-Lvant - 20 Riżultat għall-2020: Enfasi fuq il-prijoritajiet ewlenin u r-riżultati tanġibbli) (SWD(2017)0300),

wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tat-18 ta’ Marzu 2020 dwar Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020 (JOIN(2020)0007), u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha bit-titolu “It-Tisħiħ tar-Reżiljenza – Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd” (SWD(2020)0056),

wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2020 dwar il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020,

wara li kkunsidrat l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, u b’mod partikolari l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) 3 dwar l-iżgurar ta’ ħajjiet b’saħħithom u l-promozzjoni tal-benessri għal kulħadd fl-etajiet kollha u l-SDG 4 dwar l-iżgurar ta’ edukazzjoni ta’ kwalità inklużiva u ekwa u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd,

wara li kkunsidrat id-Dokument ta’ Diskussjoni tal-Ekonomija Ewropea tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Ottubru 2020 bit-titolu “Towards Better Adequacy & Sustainability: A Review of Pension Systems & Pension Reforms in Eastern Partnership Countries” (Lejn Adegwatezza u Sostenibbiltà Aħjar: Rieżami tas-Sistemi tal-Pensjonijiet u tar-Riformi tal-Pensjonijiet fil-Pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant),

wara li kkunsidrat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b’mod speċjali l-prinċipju 15 dwar l-introjtu u l-pensjonijiet tax-xjuħija,

wara li kkunsidrat ir-rakkomandazzjoni tagħha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tad-19 ta’ Ġunju 2020 dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta’ Ġunju 2020 (3),

wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tas-17 ta’ April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (4),

wara li kkunsidrat l-appell urġenti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres għal waqfien mill-ġlied globali f’kull naħa tad-dinja biex issir enfasi fuq l-eliminazzjoni tal-COVID-19 fit-23 ta’ Marzu 2020,

wara li kkunsidrat il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE, minn naħa waħda, u l-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, il-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ UE-Armenja, il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni UE-Ażerbajġan u b’mod partikolari l-kapitoli ta’ dawn il-ftehimiet dwar l-iżvilupp kummerċjali u sostenibbli kif ukoll dwar l-impjiegi, il-politika soċjali u l-opportunità indaqs,

A.

billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2020 dwar il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020 jenfasizzaw li t-tisħiħ tar-reżiljenza bħala qafas ta’ politika prevalenti se jkun wieħed mill-għanijiet ewlenin għas-Sħubija tal-Lvant matul is-snin li ġejjin, inkluż fl-oqsma tal-ambjent, is-saħħa (b’mod partikolari fil-kuntest tal-pandemija attwali tal-COVID-19) u s-sigurtà tal-bniedem;

B.

billi l-komunikazzjoni konġunta tat-18 ta’ Marzu 2020 dwar il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020 tagħmel enfasi speċjali fuq it-tisħiħ tar-reżiljenza u tipprevedi ż-żieda fl-azzjoni f’oqsma li huma kritiċi għas-saħħa u l-benesseri tan-nies;

C.

billi t-titjib tal-kwalità tal-ħajja huwa objettiv ta’ politika espliċitu u impliċitu stabbilit sew tal-gvernijiet nazzjonali, filwaqt li d-definizzjoni u l-kejl adegwati tiegħu huma ta’ sfida u ta’ spiss diffiċli;

D.

billi l-kwalità tal-ħajja hija kunċett wiesa’ li jkopri aktar minn sempliċement tkabbir ekonomiku u kundizzjonijiet tal-għajxien materjali; billi dan il-kunċett jinkludi firxa ta’ indikaturi li jirriflettu l-multidimensjonalità tiegħu, inklużi s-sodisfazzjon tal-ħajja, l-impjiegi, l-istatus tas-saħħa, ir-relazzjonijiet soċjali, il-ħin liberu, l-edukazzjoni u l-ħiliet, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, l-involviment ċiviku u l-governanza, il-kwalità ambjentali, is-sigurtà tal-bniedem u l-governanza;

E.

billi kemm il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant (SL) kif ukoll il-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ (CEPA) UE-Armenja fihom kapitolu ddedikat għal kwistjonijiet tas-saħħa, li jipprevedi kooperazzjoni li tkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma bl-għan li jittejbu l-istandards tas-saħħa pubblika u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, kif ukoll kapitolu ddedikat għall-ambjent, bl-objettiv li jinkiseb grad għoli ta’ konverġenza regolatorja;

F.

billi jeżistu disparitajiet sinifikanti fi ħdan l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tas-SL kif ukoll bejniethom, kif rifless mill-indikaturi soċjoekonomiċi u l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem; billi l-istennija tal-għomor bħala indikatur ewlieni hija aktar baxxa b’massimu ta’ seba’ snin fil-pajjiżi tas-SL mill-medja tal-UE;

G.

billi l-kombinazzjoni ta’ settur informali kbir, rata għolja ta’ qgħad, rati baxxi ta’ tfaddil u dipendenza kbira mir-rimessi fir-reġjun tas-SL jindikaw il-vulnerabbiltà ta’ segmenti kbar tas-soċjetà fil-pajjiżi tas-SL li x’aktarx jesperjenzaw livelli ogħla ta’ faqar u inugwaljanzi minħabba l-kriżi tal-COVID-19;

H.

billi x-xokkijiet soċjoekonomiċi li jirriżultaw mill-pandemija jaffettwaw b’mod negattiv l-introjtu tan-nies u l-benesseri fiżiku u mentali tagħhom, u l-integrità soċjali tal-komunitajiet kollha kemm huma;

I.

billi sistemi tas-saħħa pubblika affordabbli, effettivi, aċċessibbli, sostenibbli u reżiljenti huma fattur determinanti ewlieni għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja u tal-benesseri taċ-ċittadini;

J.

billi n-nefqa fuq il-kura tas-saħħa, kemm f’termini assoluti kif ukoll bħala sehem tal-PDG, hija ferm aktar baxxa fil-pajjiżi tas-SL milli fl-UE;

K.

billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kienu u se jkomplu jkunu essenzjali fil-mitigazzjoni tal-effetti tal-pandemija fit-tul u se jirrikjedu appoġġ biex tiġi żgurata l-kontinwità ta’ dawn l-attivitajiet ewlenin ta’ appoġġ biex jiġu mmitigati l-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa tal-kriżi tal-COVID-19;

L.

billi l-pandemija tal-COVID-19 poġġiet enfasi kritika fuq il-ħtieġa li tingħata spinta lill-kapaċitajiet ta’ tħejjija u ta’ reazzjoni fir-reġjun Ewropew usa’ kontra l-emerġenzi u b’mod partikolari theddid transfruntier serju għas-saħħa;

M.

billi l-kriżi tal-COVID-19 evidenzjat l-importanza li tiġi appoġġjata u żgurata t-tranżizzjoni ekoloġika, tal-kura u dik diġitali biex b’hekk ħadd ma jitħalla jibqa’ lura;

N.

billi b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19, l-UE mmobilizzat pakkett ta’ appoġġ ta’ emerġenza ta’ EUR 80 miljun għal ħtiġijiet immedjati u sa massimu ta’ EUR 1 biljun biex jiġu appoġġjati s-sistemi tas-saħħa u l-irkupru soċjali u ekonomiku fuq perjodu ta’ żmien qasir u medju fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant;

O.

billi programmi bħall-Inizjattiva ta’ Solidarjetà għas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jipprovdu assistenza għal żmien qasir u medju biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-kriżi tal-COVID-19 u jistgħu jaġixxu bħala pass ’il quddiem lejn aktar kooperazzjoni;

P.

billi l-kriżi tal-COVID-19 uriet l-importanza ta’ azzjoni konġunta tal-UE; billi l-Parlament talab, fost l-oħrajn, il-ħolqien ta’ mekkaniżmu Ewropew ta’ reazzjoni relatata mas-saħħa biex iħejji aħjar għal u jwieġeb b’mod komuni u kkoordinat għal kwalunkwe tip ta’ kriżi tas-saħħa jew sanitarja;

Q.

billi l-UE impenjat ruħha favur approċċ ikkoordinat u magħqud sabiex taġixxi b’mod effettiv u b’solidarjetà meta tindirizza l-kriżi tal-COVID-19, b’mod partikolari fir-rigward tal-akkwist u d-distribuzzjoni tal-vaċċini, filwaqt li l-Istati Membri jżommu sjieda sħiħa tal-politiki tas-saħħa pubblika tagħhom u tar-responsabbiltà tagħhom għall-organizzazzjoni u t-twassil ta’ servizzi tas-saħħa u l-kura medika;

R.

billi n-nisa akbar fl-età, huma f’riskju akbar ta’ faqar minħabba, fost fatturi oħra, id-differenza fil-pagi u fil-pensjonijiet, is-segregazzjoni skont il-ġeneru fis-suq tax-xogħol, id-differenza bejn il-ġeneri rigward l-għoti tal-kura, u d-differenzi bejn il-ġeneri fir-rigward tal-ħin tax-xogħol;

S.

billi l-Kummissjoni u l-Uffiċċju Reġjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għall-Ewropa irrikonoxxew fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom tal-4 ta’ Novembru 2020 (5) li huma meħtieġa aktar sforzi biex il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jiġu megħjuna jtejbu s-sigurtà tas-saħħa reġjonali u subreġjonali, jindirizzaw l-inugwaljanzi fis-saħħa, jagħtu spinta lir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa u jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji tal-pajjiżi tad-WHO u d-Delegazzjonijiet tal-UE kif ukoll is-sħubija bejn iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u d-WHO Ewropa sabiex jiġu żgurati approċċi strateġiċi koerenti madwar ir-reġjun kollu;

T.

billi sistemi tal-pensjonijiet prevedibbli, adegwati u sostenibbli jikkostitwixxu element importanti fl-għoti ta’ kwalità tajba tal-ħajja wara t-tluq mill-post tax-xogħol, kif ukoll fl-iżgurar tas-sigurtà tal-introjtu, il-prevenzjoni tal-faqar u t-tnaqqis tal-inugwaljanza fix-xjuħija;

U.

billi l-ġestjoni tas-sistemi tal-pensjonijiet tibqa’ kompetenza ta’ Stat Membru fl-UE; billi l-faċilitazzjoni tat-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tagħha għandhom potenzjal sinifikanti biex itejbu r-reazzjonijiet għall-isfidi demografiċi u biex isaħħu l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet;

V.

billi fil-kuntest tal-aċċellerazzjoni tat-tixjiħ tal-popolazzjoni, settur informali sinifikanti u għadd kbir ta’ ħaddiema staġjonali, kif ukoll il-kriżi ekonomika li qed tiżvolġi, qed isir aktar diffiċli biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika dwar il-pensjonijiet fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant;

W.

billi l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fih għadd ta’ dispożizzjonijiet iddedikati għad-drittijiet tal-pensjoni, inkluż id-dritt tal-ħaddiema u tal-persuni li jaħdmu għal rashom għal pensjoni proporzjonata mal-kontribuzzjonijiet u l-iżgurar ta’ introjtu adegwat; id-dritt għal opportunitajiet indaqs biex jiġu akkwistati drittijiet tal-pensjoni kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel; u d-dritt għal riżorsi li jiżguraw id-dinjità fix-xjuħija;

X.

billi l-investiment fl-ekonomija tal-kura huwa ta’ importanza kruċjali biex tiġi żgurata ħajja diċenti għal kulħadd u biex jiġu protetti l-persuni kollha li jgħixu fl-UE u s-Sħubija tal-Lvant; billi l-persuni akbar fl-età ntlaqtu u għadhom qed jintlaqtu b’mod qawwi mill-kumplikazzjonijiet u l-fatalitajiet marbuta ma’ mard differenti, inkluż il-COVID-19;

Il-kwalità tal-ħajja

1.

Tilqa’ l-enfasi ġenerali tal-UE fuq ir-reżiljenza fil-fokus attwali tal-istrateġija tagħha tas-Sħubija tal-Lvant u tinnota li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ambjent, il-politiki soċjali dwar it-tibdil fil-klima, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali, b’mod partikolari l-impjieg deċenti, is-saħħa pubblika u l-edukazzjoni jikkontribwixxi għal benefiċċji tanġibbli fit-tul għall-kwalità tal-ħajja fl-UE u fil-viċinat tal-Lvant tagħha;

2.

Tinnota li l-biċċa l-kbira tal-objettivi u l-programmi eżistenti fl-ambitu tas-Sħubija tal-Lvant jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja b’mod indirett, iżda li l-viżibbiltà tal-valur miżjud dirett tagħhom hija fil-biċċa l-kbira limitata ħafna għaċ-ċittadini, u titlob għalhekk koordinazzjoni aħjar tal-politiki ekonomiċi u soċjali kif ukoll il-koerenza tagħhom mat-trasformazzjoni ekoloġika tal-ekonomija f’konformità mal-impenji meħuda fl-ambitu tal-Protokoll ta’ Pariġi favur mitigazzjoni;

3.

Tisħaq fuq il-fatt li għajxien deċenti u l-aċċess għall-protezzjoni soċjali jikkostitwixxu sfida konġunta serja għall-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi SL u għalhekk għandhom isiru s-suġġetti ewlenin ta’ sforzi konġunti u kooperazzjoni;

4.

Tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ ftehimiet bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL, kif ukoll tal-pjattaforma multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant, permezz ta’ politiki innovattivi biex jiġi ġġenerat u mkejjel titjib tanġibbli għall-kwalità tal-ħajja, filwaqt li tiżdied ukoll il-viżibbiltà ta’ tali azzjonijiet u eżiti konkreti;

Sistemi tal-kura tas-saħħa sodi

5.

Tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jitgħallmu mill-pandemija tal-COVID-19 u jżidu l-kooperazzjoni bbażata fuq il-ħtiġijiet bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL, bl-involviment tal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, tas-soċjetà ċivili u tas-servizzi tas-saħħa lokali;

6.

Tfakkar fl-importanza kruċjali ta’ kura tas-saħħa aċċessibbli, affordabbli u ta’ kwalità għal kulħadd;

7.

Hija tal-fehma li s-sistemi tal-kura tas-saħħa pubblika għandhom jiffokaw primarjament fuq il-benefiċjarji tagħhom, aktar milli fuq l-ispejjeż, u għandhom jiġu ffinanzjati tajjeb biżżejjed biex iħallsu b’mod korrett u joperaw f’kundizzjonijiet tajbin;

8.

Tistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-gvernijiet tas-SL jindirizzaw fil-programmi tagħhom il-ħtiġijiet enfasizzati mill-kriżi attwali, b’mod partikolari biex jiżguraw il-protezzjoni soċjali u jissalvagwardjaw l-impjiegi, l-aċċess għal servizzi reżiljenti tal-kura tas-saħħa pubblika kif ukoll l-aċċess għall-edukazzjoni, inklużi t-tagħlim online, is-sigurtà tal-ikel u l-assistenza materjali għall-persuni l-aktar fil-bżonn;

9.

Tissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess universali għal servizzi tal-kura tas-saħħa u għall-infrastruttura medika bħal sptarijiet, faċilitajiet ta’ kura, mediċini, testijiet u vaċċini fi żminijiet ta’ COVID-19 u li jiġu ppreservati u msaħħa s-servizzi tal-kura tas-saħħa pubblika u jiżdied sostanzjalment il-finanzjament tagħhom; tisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi konġunti fi ħdan id-WTO biex tintlaħaq id-dimensjoni globali biex tingħeleb il-pandemija tal-COVID-19;

10.

Tistieden lill-UE u lill-gvernijiet tas-SL jindirizzaw l-inugwaljanzi fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u tal-kura, billi jagħmlu enfasi fuq it-tisħiħ tas-servizzi u l-kapaċitajiet tas-saħħa fil-livell lokali u reġjonali fi ħdan l-ippjanar tal-programmi tas-SL li jmiss lil hinn mill-2020 u fi ħdan l-ipprogrammar tal-appoġġ bilaterali tal-UE;

11.

Tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tas-SL jirrispettaw id-dritt għas-saħħa billi jżommu aċċess universali u ugwali għas-servizzi tas-saħħa u tal-kura, mingħajr diskriminazzjoni abbażi tal-età, ir-razza, l-etniċità, il-grupp lingwistiku jew soċjali jew l-orjentazzjoni sesswali, l-espressjoni tal-ġeneru, l-identità tal-ġeneru jew il-karatteristiċi sesswali, jew għal kwalunkwe raġuni oħra;

12.

Tinsisti li l-aċċess għall-kura tas-saħħa għall-minoranzi għandu jissaħħaħ matul il-pandemija attwali u tisħaq li dawn ma għandhomx ikunu fil-mira ta’ miżuri restrittivi tal-pandemija mingħajr l-ebda indikazzjoni speċifika għall-ħtieġa ta’ tali miżuri speċjali sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni;

13.

Tinnota li l-għażliet ta’ terapija u ta’ kura għall-mard kroniku, bħall-kanċer, ma għandhomx jiġu affettwati b’mod negattiv u għandhom jiġu żgurati minkejja l-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt tagħha fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa u l-finanzi pubbliċi;

14.

Tinnota li l-kwalità tal-ħajja fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant mhijiex biss inqas minn dik fil-pajjiżi tal-UE, iżda ħafna nies, speċjalment dawk li jgħixu f’żoni rurali, jiffaċċjaw diffikultajiet biex jilħqu standards soċjali bażiċi minħabba l-infrastruttura u s-sanità ta’ kwalità baxxa, in-nuqqas ta’ servizzi mediċi u edukattivi jew servizzi mediċi u edukattivi ’l bogħod minn fejn jgħixu;

15.

Tinkoraġġixxi skambji regolari u strutturati ta’ informazzjoni u ta’ persunal biex tittejjeb ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa u biex titnaqqas il-pressjoni fuq l-infrastruttura u l-persunal kritiċi tas-saħħa, kif ukoll biex jiġi ffaċilitat it-tagħlim reċiproku dwar l-aħjar prattiki, it-tħejjija u l-ġestjoni istituzzjonali;

16.

Tistieden lill-UE tqis programmi ta’ assistenza teknika bilaterali u reġjonali għar-riforma tal-kura tas-saħħa fir-reġjun tas-SL bil-ħsieb li jittejbu l-qafas leġiżlattiv u l-ġestjoni finanzjarja tas-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa, jinkiseb aċċess aħjar għas-servizzi tas-saħħa pubblika u tiżdied il-kwalità ġenerali tal-kura, kif ukoll biex iwettqu programmi tas-saħħa mmirati jew settorjali li jwasslu benefiċċji tanġibbli fit-tul għaċ-ċittadini u l-kwalità tal-ħajja tagħhom;

17.

Tinnota li r-rata ta’ mortalità materna fil-pajjiżi tas-SL hija ftit ogħla milli fl-UE u jħeġġeġ li din il-kwistjoni tiġi indirizzata permezz tar-riformi meħtieġa fil-kura tas-saħħa;

18.

Tinnota bi tħassib l-impatti negattivi potenzjali, inklużi l-ispejjeż sinifikanti tas-soċjetà, ta’ remunerazzjonijiet baxxi u ta’ eżodu ta’ mħuħ fis-settur tal-kura tas-saħħa, li huma aggravati matul żminijiet ta’ kriżi, b’mod partikolari l-pandemija tal-COVID-19;

19.

Tilqa’ d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa tal-4 ta’ Novembru 2020 li tesprimi l-ħtieġa li jinġabru flimkien l-isforzi biex tittejjeb is-saħħa tal-bniedem madwar l-Ewropa u li l-pajjiżi jiġu appoġġjati b’mod attiv biex jintlaħaq l-ogħla livell ta’ saħħa u ta’ protezzjoni tas-saħħa; tappoġġja bis-sħiħ aktar skambji ta’ informazzjoni dwar l-aħjar prattiki, konsultazzjonijiet u djalogi strutturati regolari bil-ħsieb li jitqiesu azzjonijiet u inizjattivi konġunti u tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ pjanijiet aktar konkreti li jiddeskrivu l-proġetti;

20.

Tinnota bi tħassib li skont il-projezzjonijiet, il-vaċċini kontra l-COVID-19 ipprovduti fil-qafas tal-iskema COVAX se jkopru bħala medja madwar 20 % biss tal-popolazzjoni tas-SL; u tħeġġeġ aktar kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL f’dan ir-rigward; ittenni li huwa ta’ importanza partikolari li l-vaċċini tal-COVID-19 isiru disponibbli abbażi ta’ kriterji ċari u trasparenti fir-reġjun Ewropew kollu, inkluż fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, mingħajr dewmien, sabiex tiżdied il-veloċità tad-distribuzzjoni tal-vaċċini; tilqa’ f’dan il-kuntest l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu komuni tal-UE għall-kondiviżjoni tal-vaċċini;

21.

Tenfasizza li ma hemm l-ebda ġestjoni effettiva tal-pandemija tal-COVID-19 mingħajr trażmissjoni rapida u effiċjenti ta’ ammont adegwat ta’ vaċċini lill-pajjiżi tas-SL; jekk dan ma jiġix żgurat, il-virus se jinfirex madwar l-UE peress li grupp kbir ta’ nies qed jaħdem f’ħafna pajjiżi tal-UE;

22.

Tfakkar fil-ħtieġa li tiġi kondiviża data nazzjonali komparabbli relatata ma’ emerġenzi tas-saħħa, ma’ tifqigħat ta’ mard infettiv u ma’ pandemiji, kif ukoll ma’ sistema vijabbli ta’ rikonoxximent reċiproku tat-tilqim;

23.

Tirrikonoxxi l-ħtieġa li wieħed jibni fuq l-eżempju tal-ewwel Konferenza Ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant dwar it-Tuberkulożi u t-Tuberkulożi Reżistenti għal Ħafna Mediċini fl-2015, li ġabret flimkien Ministri u uffiċjali ta’ livell għoli mill-gvernijiet nazzjonali u organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi;

24.

Tfakkar fil-potenzjal mhux sfruttat tal-qafas tas-Sħubija tal-Lvant għall-indirizzar tal-aspetti transfruntiera tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-kura tas-saħħa, il-programmi ta’ skambju u l-għajnuna ta’ emerġenza bil-parteċipazzjoni ta’ persunal mediku mill-pajjiżi tal-UE u tas-SL;

25.

Tissottolinja l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili matul il-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li tappoġġja gruppi vulnerabbli u ħaddiema tal-kura tas-saħħa u tobba; tisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-soċjetajiet tas-SL wara l-pandemija b’enfasi partikolari fuq gruppi vulnerabbli u fuq l-għadd dejjem akbar ta’ persuni affettwati soċjalment mill-kriżi, u titlob appoġġ imsaħħaħ għall-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tas-SL sabiex ikunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal tagħhom għall-mitigazzjoni tal-effetti tal-pandemija u għat-titjib tal-benesseri tas-saħħa u soċjoekonomiku tal-popolazzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari l-aktar gruppi vulnerabbli u dawk li huma affettwati b’mod sproporzjonat;

26.

Tissottolinja r-rieda tal-pajjiżi tal-UE u tas-Sħubija tal-Lvant li jibnu soċjetajiet favur l-età, fejn servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja jiżguraw solidarjetà interġenerazzjonali;

Riforma tal-pensjonijiet sostenibbli

27.

Tinnota d-diversità tas-sistemi tal-pensjonijiet u tal-oqfsa leġiżlattivi rilevanti fil-pajjiżi kollha tal-UE u tas-SL; tinnota, madankollu, il-potenzjal mhux sfruttat tal-qafas tas-SL biex jgħin lill-pajjiżi sħab jimxu lejn sistemi ta’ protezzjoni soċjali aktar b’saħħithom inklużi sistemi tal-pensjonijiet aktar protettivi, b’solidarjetà u dinjità fil-qalba tiegħu;

28.

Tissottolinja li ċ-ċittadini kollha fl-UE u fil-pajjiżi tas-SL għandhom jiġu ggarantiti pensjoni minima li tirrifletti l-livelli ta’ introjtu nazzjonali;

29.

Tirrakkomanda li tiżdied il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, inkluża l-ġestjoni tas-sistemi tal-pensjonijiet, b’mod partikolari billi jiġi mħarreġ il-persunal tal-amministrazzjoni tal-pensjonijiet u jiġu appoġġjati programmi ta’ assistenza teknika eżistenti, bħal dawk immexxija mill-Bank Dinji;

30.

Tħeġġeġ lill-gvernijiet biex jimxu lejn sostenibbiltà u adegwatezza akbar fis-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom billi jwessgħu l-bażi tal-kontribuzzjoni permezz ta’ żieda fl-impjiegi formalizzati; tħeġġeġ lill-pajjiżi jqisu l-età xierqa tal-irtirar legali tagħhom bil-ħsieb li jippromulgaw riformi fit-tul imfassla għaċ-ċirkostanzi ekonomiċi individwali tagħhom;

31.

Tesprimi dispjaċir għad-differenza li teżisti bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet u tistieden lill-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tas-SL iressqu miżuri konkreti biex jindirizzawha, inkluż billi jiġġieldu kontra d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u jżidu r-rata ta’ impjieg tan-nisa permezz ta’ miżuri li joħolqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jiġġieldu kontra x-xogħol prekarju u informali, u jiżguraw introjtu minimu għal kulħadd;

32.

Tinnota r-rabta mill-qrib bejn l-età tal-irtirar u s-somma finali tal-pensjoni riċevuta mill-pensjonant; tieħu nota li l-pensjonijiet huma relattivament baxxi meta mqabbla mal-għoli tal-ħajja;

33.

Tfakkar fir-rwol vitali li jiġu akkumpanjati r-riformi strutturali u istituzzjonali, bħal dawk immirati lejn it-titjib tar-regolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol u ż-żieda fl-impjiegi formalizzati, jew lejn il-bini ta’ amministrazzjoni tat-taxxa li tiffunzjona tajjeb u qafas regolatorju adegwat għas-settur finanzjarju;

34.

Tirrikonoxxi l-kumplessità tal-kisba ta’ bilanċ bejn it-tul ta’ żmien tax-xogħol u t-tul ta’ żmien tal-pensjoni, fid-dawl tal-żidiet kontinwi previsti fl-istennija tal-għomor, filwaqt li tittejjeb ukoll il-ġustizzja tas-sistemi tal-pensjonijiet amministrati mill-Istat, inkluż billi tissaħħaħ aktar ir-rabta bejn il-benefiċċji u l-kontribuzzjonijiet;

35.

Titlob aktar assistenza teknika mill-UE u l-Istati Membri tagħha għall-valutazzjoni u l-ittestjar ta’ skemi obbligatorji ta’ pensjoni komplementari (pilastru II) u kompletament volontarji (pilastru III) biex jikkomplementaw il-pensjonijiet tal-Istat fil-pajjiżi tas-SL.

(1)  ĠU C 153, 30.5.2012, p. 16.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2020)0167.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2020)0167.

(4)  Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

(5)  https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/international_cooperation/docs/2020_who_euro_cooperation_en.pdf


Top