Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22020X1231(02)

    Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit - Notifika mill-Unjoni

    ĠU L 444, 31.12.2020, p. 1486–1487 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 444/1486


    Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit - Notifika mill-Unjoni

    L-Unjoni Ewropea b’dan tinnotifika lir-Renju Unit b’dan li ġej fir-rigward tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra ("il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni").

    A.    NOTIFIKA F’ISEM L-UNJONI FIR-RIGWARD TAL-UFFIĊĊJU TAL-PROSEKUTUR PUBBLIKU EWROPEW (UPPE)

    Artikolu LAW.OTHER.134 (7), punti (d) u (g)

    1.

    F’konformità mal-Artikoli LAW.MUTAS.114 [Definizzjoni ta’ awtorità kompetenti] tat-Tielet Parti [Infurzar tal-Liġi u Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Kriminali] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u l-punt (d) tal-Artikolu LAW.OTHER.134 (7) [Notifiki] ta’ dak il-Ftehim, l-Unjoni, f’isimha stess, b’dan tinnotifika lir-Renju Unit li l-UPPE, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu kif previst fl-Artikoli 22, 23 u 25 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (1), għandu jitqies bħala awtorità kompetenti għall-finijiet tat-Titolu VIII [Assistenza Reċiproka] tat-Tielet Parti [Infurzar tal-Liġi u Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Kriminali] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Din in-notifika għandha tapplika mid-data stabbilita bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata f'konformità mal-Artikolu 120(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939. Ir-Renju Unit ser jiġi infurmat dwar dik id-data.

    2.

    F’konformità mal-Artikoli LAW.CONFISC.21(2) [Awtoritajiet] tat-Tielet Parti [Infurzar tal-Liġi u Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Kriminali] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u l-punt (g) tal-Artikolu LAW.OTHER.134(7) [Notifiki] ta’ dak il-Ftehim, l-Unjoni, f’isimha stess, b’dan tinnotifika lir-Renju Unit li l-UPPE, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu kif previst fl-Artikoli 22, 23 u 25 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939, għandu jitqies bħala awtorità kompetenti bil-għan li jsiru u, jekk xieraq, jiġu eżegwiti talbiet għall-iffriżar magħmula skont it-Titolu XI [Iffriżar u Konfiska] tat-Tielet Parti [Infurzar tal-Liġi u Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Kriminali] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, kif ukoll bħala awtorità ċentrali bil-għan li jintbagħtu u jiġu mwieġba dawk it-talbiet. Din in-notifika għandha tapplika mid-data stabbilita bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata f'konformità mal-Artikolu 120(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939. Ir-Renju Unit ser jiġi infurmat dwar dik id-data.

    3.

    It-talbiet għandhom jintbagħtu lill-Uffiċċju Ċentrali tal-UPPE.

    B.    NOTIFIKA F’ISEM L-UNJONI FIR-RIGWARD TAL-GĦAŻLIET MAGĦMULA MILL-ISTATI MEMBRI GĦALL-FINIJIET TAL-APPLIKAZZJONI TAL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI

    1.

    Minħabba l-iffirmar tard tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, in-notifika tal-Unjoni fir-rigward tal-għażliet magħmula mill-Istati Membri b’rabta mad-dispożizzjonijiet elenkati hawn taħt ser issir mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2021.

    Lista tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni li jeħtieġu li ssir notifika mad-dħul fis-seħħ jew mal-bidu tal-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim:

    a)

    Artikolu LAW.OTHER 134(7)(a): Notifika tal-Unitajiet tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri stabbiliti jew iddeżinjati minn kull Stat Membru għall-finijiet tar-riċeviment u l-ipproċessar tad-data tal-PNR skont it-Titolu III [Trasferiment u proċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR)];

    b)

    Artikolu LAW.OTHER 134(7)(b): Notifika tal-awtorità kompetenti bis-saħħa tal-liġi domestika ta’ kull Stat Membru biex teżegwixxi mandat ta’ arrest;

    c)

    Artikolu LAW.OTHER 134(7)(b): Notifika tal-awtorità kompetenti bis-saħħa tal-liġi domestika ta’ kull Stat Membru biex toħroġ mandat ta’ arrest;

    d)

    Artikolu LAW.OTHER 134(7)(c): Notifika tal-awtorità kompetenti biex tirċievi talbiet għal tranżitu mit-territorju tal-Istat Membru ta’ persuna rikjesta li qed tiġi kkonsenjata;

    e)

    Artikolu LAW.OTHER 134(7)(e): Notifika tal-awtorità ċentrali kompetenti għall-iskambju ta’ informazzjoni estratta mir-rekord kriminali taħt it-Titolu IX [Skambju ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali] u għall-iskambji msemmija fl-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali;

    f)

    Artikolu LAW.OTHER 134(7)(f): Notifika tal-awtorità ċentrali responsabbli biex tibgħat u twieġeb talbiet taħt it-Titolu XI [Iffriżar u Konfiska], u għall-eżekuzzjoni ta’ tali talbiet jew għat-trażmissjoni tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti għall-eżekuzzjoni tagħhom.

    2.

    F’konformità mal-Artikolu SSC.11(2) [Ħaddiema stazzjonati] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-Unjoni b’dan tinnotifika lir-Renju Unit li l-Istati Membri li ġejjin jaqgħu fi ħdan:

    Kategorija A: Stati Membri li esprimew ix-xewqa tagħhom li jidderogaw mill-Artikolu SSC.10 [Regoli ġenerali] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2021: l-Awstrija, l-Ungerija, il-Portugall, l-Iżvezja;

    Kategorija B: Stati Membri li esprimew ix-xewqa tagħhom li ma jidderogawx mill-Artikolu SSC.10 [Regoli ġenerali] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2021: - ;

    Kategorija C: Stati Membri li ma indikawx jekk jixtiequx jidderogaw mill-Artikolu SSC.10 [Regoli ġenerali] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2021: il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja.

    3.

    In-notifiki fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni fir-rigward tal-għażliet tal-Istati Membri li jistgħu jsiru wara d-dħul fis-seħħ jew il-bidu tal-applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ser isegwu fi żmien debitu, fil-perijodi ta’ żmien stabbiliti f’dak il-Ftehim, skont il-każ.

    (1)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).


    Top