EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22019A1120(02)

Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal

ST/13483/2019/INIT

OJ L 299, 20.11.2019, p. 13–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2019/1925/oj

Related Council decision

20.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/13


PROTOKOLL

dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal

ARTIKOLU 1

Suġġett

Dan il-Protokoll jitratta l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal ( “il-Ftehim”). Dan il-Protokoll jinkludi Anness u Appendiċijiet li jiffurmaw parti integrali minnu.

ARTIKOLU 2

Ġenerali

1.   Iż-żewġ Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jippromwovu s-sajd sostenibbli u li jipproteġu l-bijodiversità tal-baħar, f’konformità mal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, trasparenza u governanza tajba.

2.   Skont l-Artikolu 4 tal-Ftehim, il-bastimenti tal-Unjoni jistgħu jwettqu attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tas-Senegal biss jekk ikollhom awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa fil-kuntest ta’ dan il-Protokoll u skont il-proċeduri deskritti fl-Anness tiegħu.

ARTIKOLU 3

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   L-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti kif ġej:

fir-rigward ta’ speċijiet migratorji ħafna (l-ispeċijiet elenkati fl-Anness 1 għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar), bl-eċċezzjoni ta’l-ispeċijiet protetti mill-konvenzjonijiet internazzjonali u

l-ispeċijiet ipprojbiti mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT);

(a)

28 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni mgħammra bi friża;

(b)

10 bastimenti tas-sajd bil-bastun u x-xlief ;

(c)

5 bastimenti tas-sajd bil-konz;

fil-każ ta’ speċijiet demersali fil-fond:

(d)

2 bastimenti tat-tkarkir.

Dan il-paragrafu għandu japplika suġġett għall-Artikoli 8 u 10 ta’ dan il-Protokoll.

2.   L-opportunitajiet tas-sajd deskritti fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw biss għaż-żoni tas-sajd tas-Senegal li l-koordinati ġeografiċi tagħhom huma kkomunikati lill-Unjoni qabel il-bidu tal-applikazzjoni provviżorja skont il-leġislazzjoni tas-Senegal li tkun fis-seħħ.

3.   Il-bastimenti tal-Unjoni ma jistgħux iwettqu attivitajiet f’żoni pprojbiti, jew matul perjodi ta’ mistrieħ bijoloġiku, f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness u fil-leġislazzjoni nazzjonali.

4.   L-aċċess għal-lixka ħajja għandu jkun awtorizzat għall-bastimenti tas-sajd bil-bastun u x-xlief Ewropej skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-leġislazzjoni nazzjonali.

ARTIKOLU 4

Kontribuzzjoni finanzjarja

1.   Għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 15, il-valur totali stmat ta' dan il-Protokoll huwa ta’ EUR 15 253 750, jiġifieri EUR 3 050 750 fis-sena. L-ammont fis-sena jitqassam kif ġej:

EUR 1 700 000 fis-sena bħala l-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 6 tal-Ftehim, li għandhom jiġu allokati kif ġej:

(a)

ammont annwali speċifiku ta’ EUR 800 000 bħala kumpens finanzjarju għall-aċċess għar-riżorsi, inkluż ammont ekwivalenti għal tunnellaġġ ta’ referenza, għal speċijiet migratorji ħafna, ta’ 10 000 tunnellata fis-sena;

(b)

ammont speċifiku ta’ EUR 900 000 fis-sena għal ħames snin bħala appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd tas-Senegal;

EUR 1 350 750 fis-sena li jikkorrispondu għall-ammont stmat tal-imposti li s-sidien tal-bastimenti jridu jħallsu għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd maħruġin huwa u jiġi applikat l-Artikolu 4 tal-Ftehim u skont il-proċeduri previsti fl-Anness, il-Kapitolu II, il-punt 3.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika suġġett għall-Artikoli 5, 7 u 9 ta’ dan il-Protokoll u għall-Artikoli 13 u 14 tal-Ftehim.

3.   Is-Senegal u l-Unjoni, abbażi tad-data tal-qbid ta’ kuljum li jirċievi l-Istat Membru tal-bandiera, għandhom skont il-każ jimmonitorjaw l-attività tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fiż-żoni tas-sajd tas-Senegal sabiex jiżguraw li jkun hemm ġestjoni xierqa ta’:

it-tunnellaġġ ta’ referenza stabbilit fil-punt (a) tal-ewwel inċiż tal-paragrafu 1 għall-ispeċijiet li jpassu ħafna, u

il-volum awtorizzat ta’ qabdiet għall-ispeċijiet demersali indikati fl-iskeda teknika rilevanti, kif stabbilit fl-Appendiċi 2 tal-Anness.

4.   L-Unjoni, l-Istati Membri tal-bandiera u s-Senegal għandhom jimmonitorjaw il-qabdiet b’mod partikolari permezz tas-sistema ERS (Electronic Reporting System - Sistema ta’ Rappurtar Elettroniku). Huma għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li ma jaqbżux il-volum permess tal-qabdiet u jinfurmaw lil xulxin kif xieraq.

5.   Hekk kif il-qabdiet jilħqu 80 % tal-volum tal-qabdiet permissibbli għall-ispeċijiet demersali tal-baħar fond, il-monitoraġġ ta’ kull ġimgħa tal-qabdiet mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandu jsir. Ladarba s-sistema ERS tkun operattiva, il-monitoraġġ isir fuq bażi ta’ kuljum. Is-Senegal għandu jgħarraf lill-awtoritajiet tal-Unjoni malli jintlaħaq il-volum awtorizzat ta’ qabdiet. Mal-wasla ta’ dik in-notifika, l-Unjoni għandha wkoll tinforma lill-Istati Membri, li għandhom jirtiraw miż-żona tas-sajd.

6.   Jekk il-kwantità annwali tal-ispeċijiet li jpassu ħafna li jaqbdu l-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet tas-Senegal tkun taqbeż it-tunnellaġġ ta’ referenza annwali mogħti fil-punt (a) tal-ewwel inċiż tal-paragrafu 1, l-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għandu jiżdied b’EUR 45 għal kull tunnellata addizzjonali maqbuda.

7.   Il-volum ta’ qabdiet permissibbli għall-ispeċijiet tal-ħut tal-qiegħ imniżżlin fl-iskeda teknika korrispondenti mogħtija fl-Appendiċi 2 tal-Anness għandhom jikkorrispondu għall-ammont massimu tal-qabdiet ta’ dawn l-ispeċijiet awtorizzati. Jekk il-kwantità annwali ta’ qabdiet ta’ dawn l-ispeċijiet taqbeż il-volum awtorizzat, għandha tiġi applikata penali ta’ EUR 95 għal kull tunnellata għall-qabdiet li jaqbżu l-imposta.

8.   L-Unjoni għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-punt (a) tal-ewwel inċiż tal-paragrafu 1, dwar l-aċċess tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għar-riżorsi tas-sajd tas-Senegal sa mhux aktar tard minn 90 jum mid-data tal-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll għall-ewwel sena u sa mhux aktar tard mid-data tal-anniversarju tal-iffirmar tal-Protokoll għas-snin ta’ wara.

9.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel inċiż tal-paragrafu 1 għandha titħallas f’kont tat-Teżor Pubbliku tas-Senegal. L-appoġġ settorjali msemmi fil-punt (b) tal-ewwel inċiż tal-paragrafu 1 għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tad-Direttorat tas-Sajd Marittimu għall-implimentazzjoni tiegħu. In-naħa tas-Senegal għandha tiżgura li l-fondi ta’ appoġġ settorjali huma inklużi fl-ipprogrammar tal-baġit (liġi finanzjarja annwali). L-awtoritajiet tas-Senegal għandhom jinnotifikaw id-dettalji xierqa tal-kontijiet tat-Teżor lill-Kummissjoni Ewropea qabel l-applikazzjoni provviżorja ta' dan il-Protokoll u minn hemm ’il quddiem fuq bażi annwali.

ARTIKOLU 5

Appoġġ settorjali

1.   L-appoġġ settorjali pprovdut taħt dan il-Protokoll għandu b’mod partikolari jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Ittra ta’ Politika tas-Settur għall-Iżvilupp tas-Sajd u l-Akkwakultura tas-Senegal (2016–2023) u għall-iżvilupp tal-ekonomija marittima. L-għanijiet huma:

l-immaniġġar sostenibbli tar-riżorsi,

it-titjib tal-monitoraġġ, tal-kontroll u tas-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd,

l-iżvilupp ta’ kapaċità xjentifika, ir-riċerka dwar ir-riżorsi tas-sajd u l-ġbir ta’ data,

l-appoġġ għas-sajd fuq skala żgħira,

l-iżvilupp tal-akkwakultura,

il-valorizzazzjoni, il-kontroll u ċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa tal-prodotti tas-sajd,

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-partijiet involuti fis-settur tas-sajd.

2.   Sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll jew wara l-applikazzjoni provviżorja tiegħu, jekk ikun il-każ, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta programm settorjali pluriennali u r-regoli għall-implimentazzjoni tiegħu, b’mod partikolari dan li ġej:

il-linji gwida annwali u pluriennali għall-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-punt b tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1);

il-miri annwali u pluriennali li għandhom jintlaħqu sabiex biż-żmien ikun hemm sajd sostenibbli u responsabbli, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet imsemmija mis-Senegal fil-politika nazzjonali tas-sajd tiegħu u f’politiki oħrajn marbutin mal-istabbiliment ta’ sajd responsabbli u sostenibbli jew li għandhom impatt fuqu, speċjalment fir-rigward tal-appoġġ għas-sajd artiġjanali u tas-sorveljanza, tal-kontroll u tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (is-sajd IUU), kif ukoll il-prijoritajiet marbutin mat-tisħiħ tal-kapaċitajiet xjentifiċi tas-Senegal fis-settur tas-sajd;

il-kriterji u l-proċeduri, fosthom, fejn ikun xieraq, l-indikaturi baġitarji u finanzjarji, sabiex issir l-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba kull sena.

3.   L-ewwel parti tal-appoġġ settorjali għandha titħallas ladarba l-ipprogrammar pluriennali jkun ġie vvalidat mill-Kumitat Konġunt.

4.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiddetermina l-għanijiet u għandu jagħmel valutazzjoni tal-effetti kollaterali li l-proġetti mistennija jkollhom sabiex japprova l-allokazzjoni tal-ammonti tal-kontribuzzjoni finanzjarja għall-appoġġ settorjali min-naħa tas-Senegal. Fejn xieraq, il-Kumitat jista', fejn ikun xieraq, jirrevedi l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali.

5.   Kull sena, is-Senegal għandu fil-forma ta’ rapport annwali tar-riżultati miksubin jagħti rendikont tal-progress li jkun sar fuq il-proġetti implimentati bil-finanzjament tal-appoġġ settorjali, li għandu jiġi eżaminat mill-Kumitat Konġunt. Is-Senegal għandu jagħmel ukoll rapport finali mal-iskadenza ta' dan il-Protokoll.

6.   Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja għall-appoġġ settorjali għandu jsir f’serje ta’ ħlasijiet parzjali, abbażi ta’ approċċ ibbażat fuq l-analiżi tar-riżultati tal-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali u tal-bżonnijiet identifikati matul il-programmazzjoni pluriennali. Is-sospensjoni tal-appoġġ settorjali previst fil-punt (b) tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tista’ sseħħ fil-każijiet li ġejjin: meta r-riżultati miksuba ma jkunux skont l-ipprogrammar wara evalwazzjoni mwettqa mill-Kumitat Konġunt jew meta dik il-kontribuzzjoni finanzjarja ma tkunx iġġarrbet skont il-programmazzjoni approvata.

7.   Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandu jibda mill-ġdid wara konsultazzjoni bejn il-Partijiet u ftehim bejniethom, u/jew meta r-riżultati tal-implimentazzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 4 jiġġustifikawh. Madankollu, il-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni finanzjarja ma jistax isir lil hinn minn sitt xhur minn meta jiskadi dan il-Protokoll.

8.   Kwalunkwe proposta biex jiġi emendat il-programm pluriennali tal-appoġġ settorjali għandha tiġi approvata mill-Kumitat Konġunt, fejn xieraq permezz ta’ skambju ta’ ittri.

9.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw il-viżibbiltà tal-kisbiet tal-appoġġ settorjali.

ARTIKOLU 6

Kooperazzjoni xjentifika

1.   Il-partijiet jintrabtu li jippromwovu, fil-livell tar-reġjun tal-Afrika tal-Punent, il-kooperazzjoni b’ rabta mas-sajd responsabbli. Huma għandhom jintrabtu li jħarsu r-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet kollha tal--ICCAT u li jqisu l-pariri xjentifiċi ta’ organizzazzjonijiet reġjonali kompetenti oħrajn bħall-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant (CECAF).

2.   Il-Partijiet għandhom jintrabtu li jlaqqgħu b’mod regolari u meta jkun hemm bżonn il-grupp ta’ ħidma xjentifika konġunta sabiex jeżamina kull kwistjoni xjentifika li għandha x’taqsam mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll. Il-Kumitat Konġunt għandu jistabbilixxi l-mandat, il-kompożizzjoni u l-funzjonament ta’ dan il-grupp ta’ ħidma xjentifika konġunta.

3.   Il-partijiet għandhom jintrabtu li jagħmlu pubbliku u jiskambjaw kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar l-attivitajiet tas-sajd relatati ma’ dan il-Protokoll.

4.   Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet adottati mill-ICCAT u fid-dawl tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, bħal dak tas-CECAF u, fejn ikun xieraq, tal-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma xjentifika konġunta, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta miżuri li jikkonċernaw l-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni biex tkun żgurata l-ġestjoni sostenibbli tal-ispeċijiet tal-ħut koperti minn dan il-Protokoll.

ARTIKOLU 7

Koperazzjoni ekonomika u valorizzazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni ekonomika u teknika bejn l-operaturi fis-settur tas-sajd u tal-ipproċessar sabiex joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-investiment u għall-isfruttament ekonomiku tar-riżorsa.

2.   Il-Partijiet għandhom jużaw il-potenzjal li jirriżulta mill-istrumenti finanzjarji u tekniċi għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex itejbu l-konsistenza tal-azzjonijiet fil-qasam tas-sajd u l-ekonomija blu. Għal dan il-għan, ser ikun hemm enfasi partikolari fuq il-valorizzazzjoni tal-prodotti, il-provvista tal-unitajiet tal-ipproċessar u s-suq lokali u l-promozzjoni tal-kummerċ.

ARTIKOLU 8

Reviżjoni tal-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet tas-sajd

1.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jirrevedi l-opportunitajiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 3, sakemm ir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet adottati mill-ICCAT u l-opinjonijiet tas-CECAF jikkonfermaw li din ir-reviżjoni tiżgura l-ġestjoni sostenibbli tal-ispeċijiet tal-ħut imsemmija f’dan il-Protokoll u suġġetti għal validazzjoni mill-grupp ta’ ħidma xjentifika.

2.   F’każijiet bħal dawn, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-punt (a) tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) għandha tiġi aġġustata b’mod proporzjonat u pro rata temporis.

3.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jeżamina u, jekk ikun meħtieġ, jadatta jew jemenda, bi qbil reċiproku, id-dispożizzjonijiet marbutin mal-kondizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd u l-miżuri tekniċi li jimplimentaw dan il-Protokoll.

ARTIKOLU 9

Qabdiet inċidentali

Skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT, il-Partijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw fit-tnaqqis ta’ qabdiet inċidentali ta’ speċijiet protetti ta’ għasafar tal-baħar, ta’ fkieren tal-baħar, ta’ klieb il-baħar u ta’ mammiferi tal-baħar. Għal dak il-għan il-bastimenti tal-Unjoni għandhom jiżguraw l-applikazzjoni ta’ miżuri tekniċi ppruvati xjentifikament biex itejbu s-selettività tal-irkaptu tas-sajd u biex inaqqsu l-qbid inċidentali ta’ speċijiet mhux fil-mira.

ARTIKOLU 10

Opportunitajiet ġodda tas-sajd u sajd sperimentali

1.   F’każ li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jkunu interessati f’attivitajiet tas-sajd li mhumiex previsti fl-Artikolu 1, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin fi ħdan il-Kumitat Konġunt biex tinħareġ awtorizzazzjoni eventwali għal dawn l-attivitajiet il-ġodda. Fejn ikun xieraq, il-Kumitat Konġunt għandu jiddeċiedi dwar il-kondizzjonijiet li japplikaw għal dawn l-opportunitajiet il-ġodda tas-sajd u, jekk ikun hemm bżonn, jemenda dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu.

2.   L-awtorizzazzjoni għat-twettiq ta’ attivitajiet ġodda tas-sajd għandha tinħareġ filwaqt li jitqiesu l-aqwa pariri xjentifiċi u, fejn ikun xieraq, abbażi tar-riżultati ta’ kampanji xjentifiċi vvalidati mill-grupp ta’ ħidma xjentifika konġunta.

3.   Wara l-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kumitat Konġunt għandu jawtorizza kampanji tas-sajd sperimentali fiż-żoni tas-sajd tas-Senegal sabiex jiġu ttestjati l-fattibbiltà teknika u l-vijabbiltà ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd il-ġodda. Għal dan il-għan, u fuq talba tas-Senegal, il-Kumitat Konġunt għandu jistabbilixxi, fuq bażi ta' każ b’każ, l-ispeċijiet, il-kondizzjonijiet u kwalunkwe parametru ieħor rilevanti. Il-Partijiet għandhom iwettqu s-sajd sperimentali skont il-kondizzjonijiet li jkun stabbilixxa l-grupp ta’ ħidma xjentifika konġunta.

ARTIKOLU 11

Komunikazzjoni kompjuterizzata

1.   Is-Senegal u l-Unjoni għandhom intrabtu li jimplimentaw mingħajr dewmien is-sistemi kompjuterizzati meħtieġa għall-iskambju elettroniku tal-informazzjoni u d-dokumenti kollha marbutin mal-implimentazzjoni tal-Ftehim.

2.   Il-verżjoni elettronika ta’ kwalunkwe dokument f’kull każ għandha titqies li hija ekwivalenti għall-verżjoni stampata tiegħu.

3.   Is-Senegal u l-Unjoni għandhom jgħarrfu minnufih lil xulxin b’kull ħsara f'sistema kompjuterizzata. F’dan il-każ, l-informazzjoni u d-dokumenti marbutin mal-implimentazzjoni tal-Ftehim għandha teħdilhom posthom b’mod awtomatiku l-verżjoni stampata tagħhom.

ARTIKOLU 12

Kunfidenzjalità tad-data

1.   Is-Senegal u l-Unjoni għandhom jintrabtu li jittrattaw f’kull ħin id-data personali kollha dwar il-bastimenti tal-Unjoni u l-attivitajiet tas-sajd tagħhom miksuba fil-kuntest tal-Ftehim strettament skont il-prinċipji rispettivi tagħhom tal-kunfidenzjalità u tal-protezzjoni tad-data.

2.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li d-data aggregata marbuta mal-attivitajiet tas-sajd fiż-żoni tas-sajd tas-Senegal biss titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, skont id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-ICCAT u tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd l-oħrajn. Id-data li tista’ titqies bħala kunfidenzjali għandha tintuża mill-awtoritajiet kompetenti biss għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Ftehim u għall-ġestjoni, il-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd.

3.   Fir-rigward tad-data personali li jibagħtu l-partijiet, il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi s-salvagwardji u l-miżuri ġuridiċi xierqa skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (ir-Regolament Ġenerali Ewropew dwar il-Protezzjoni tad-Data) u r-regoli applikabbli għas-Senegal.

ARTIKOLU 13

Sospensjoni

L-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, inkluż il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja, tista’ tiġi sospiża b’mod unilaterali minn waħda mill-Partijiet fil-każijiet u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14 tal-Ftehim.

ARTIKOLU 14

Terminazzjoni

Dan il-Protokoll jista’ jintemm b’mod unilaterali minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet fil-każijiet u skont il-kondizzjonijiet imniżżlin fl-Artikolu 14 tal-Ftehim.

ARTIKOLU 15

Tul ta’ żmien

Dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu għandhom japplikaw għal perjodu ta’ ħames snin mid-data ta l-applikazzjoni provviżorja tiegħu.

ARTIKOLU 16

Applikazzjoni provviżorja

Dan il-Protokoll għandu japplika b’mod provviżorju mid-data tal-iffirmar tiegħu.

ARTIKOLU 17

Dħul fis-seħħ

Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fid-data meta l-Partijiet jgħarrfu lil xulxin li lestew il-proċeduri meħtieġa għal dak il-għan.

Image 1


(1)  Ir-Regolament (EU) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).


ANNESS

IL-KONDIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW L-ATTIVITAJIET TAS-SAJD MILL-BASTIMENTI TAL-UNJONI FIŻ-ŻONI TAS-SAJD TAS-SENEGAL

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

1.   Ħatra tal-awtorità kompetenti

1.

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness u sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, kull referenza għall-Unjoni (UE) jew għar-Repubblika tas-Senegal (is-Senegal) bħala awtorità kompetenti għandha tfisser:

(a)

għall-Unjoni: il-Kummissjoni Ewropea, fejn ikun applikabbli permezz tad-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-Senegal;

(b)

għar-Repubblika tas-Senegal: il-Ministeru għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi.

2.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness, it-terminu “awtorizzazzjoni tas-sajd” huwa ekwivalenti għat-terminu “liċenzja” kif iddefinit fil-liġijiet tas-Senegal.

3.

Id-drittijiet u l-obbligi indikati bħala dawk tal-“bastimenti” għandhom jinftiehmu bħala d-drittijiet u l-obbligi tal-operaturi tal-bastimenti, l-aġenti tagħhom u l-kaptani responsabbli mill-operazzjonijiet.

2.   Żoni tas-sajd

“Iż-żoni tas-sajd tas-Senegal” huma l-partijiet mill-ilmijiet tas-Senegal li fihom is-Senegal jawtorizza lill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jwettqu attivitajiet tas-sajd skont l-Artikolu 4(1) tal-Ftehim.

2.1.

Il-koordinati ġeografiċi taż-żoni tas-sajd tas-Senegal u tal-linji ta’ bażi għandhom jiġu kkomunikati lill-Unjoni qabel l-applikazzjoni provviżorja ta' dan il-Protokoll skont il-leġislazzjoni tas-Senegal.

2.2.

Bl-istess mod, iż-żoni li fihom ma jistax isir sajd skont il-liġijiet nazzjonali fis-seħħ, bħall-parks nazzjonali, iż-żoni protetti tal-baħar u ż-żoni ta’ trobbija tal-ħut, u ż-żoni li fihom ma jistax isir tbaħħir għandhom jiġu komunikati lill-Unjoni qabel l-applikazzjoni provviżorja f’konformità mal-leġislazzjoni tas-Senegal.

2.3.

Is-Senegal għandu jgħarraf lis-sidien tal-bastimenti bil-koordinati taż-żoni tas-sajd u taż-żoni pprojbiti meta joħorġilhom l-awtorizzazzjoni tas-sajd.

2.4.

Is-Senegal għandu jgħarraf lill-Kummissjoni Ewropea bi kwalunkwe bidla f’dawn iż-żoni tal-inqas xahrejn qabel l-applikazzjoni provviżorja ta' dan il-Protokoll.

3.   Perjodu ta’ rkupru bijoloġiku

Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li huma awtorizzati jwettqu l-attivitajiet tagħhom skont dan il-Protokoll għandhom iħarsu kwalunkwe perjodu ta’ waqfien mis-sajd għal raġunijiet bijoloġiċi stabbilit mil-leġislazzjoni tas-Senegal. Kull sena, id-digriet li jistabbilixxi l-perjodu ta’ rkupru bijoloġiku għandu jkun innotifikat biżżejjed bil-quddiem lill-UE sabiex it-talbiet għal awtorizzazzjoni jkunu jistgħu jiġu adattati.

4.   Ħatra ta’ destinatarju

Kull bastiment tas-sajd tal-Unjoni li jkun qed iwettaq attività fiż-żoni tas-sajd tas-Senegal għandu jkun rappreżentat minn aġent residenti fis-Senegal.

5.   Kont bankarju għall-ħlasijiet tas-sidien tal-bastimenti

Qabel ma jidħol fis-seħħ il-Protokoll, is-Senegal għandu jgħarraf lill-Unjoni bid-dettalji tal-kont tat-Teżor pubbliku li fih għandhom jiġu ddepożitati l-ammonti finanzjarji li l-bastimenti tal-Unjoni Ewropea għandhom iħallsu skont il-Ftehim. Sidien il-bastimenti għandhom iħallsu l-ispejjeż marbutin ma’ dawn it-trasferimenti bankarji.

6.   Kuntatti

Iż-żewġ Partijiet għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-punti ta’ kuntatt rispettivi:

għall-proċeduri relatati mal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd;

għar-rappurtar tal-obbligi tal-operaturi tal-Unjoni; u

għal skambji oħra ta’ informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni ta' dan il-Protokoll u l-osservanza tal-istandards u l-obbligi li jirriżultaw mil-leġislazzjoni tas-Senegal.

KAPITOLU II

AWTORIZZAZZJONIJIET TAS-SAJD

1.   Prerekwiżiti biex tinkiseb awtorizzazzjoni tas-sajd — il-bastimenti eliġibbli

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 4 tal-Ftehim għandhom jinħarġu bil-kondizzjoni li:

il-bastiment jiddaħħal fir-reġistru tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni;

ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà stabbiliti f’dan il-Protokoll u fir-regoli Ewropej dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-flotot tas-sajd esterni (1) jkunu ssodisfati; u

jridu jkunu ġew sodisfati l-obbligi preċedenti kollha marbutin ma’ sid il-bastiment, mal-kaptan jew mal-bastiment innifsu li jkunu ġejjin mill-attivitajiet tas-sajd tagħhom fis-Senegal skont il-Ftehim.

2.   Talbiet għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd

2.1.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni għandhom iressqu, b’mod elettroniku, talba għal kull bastiment li jixtieq jistad skont dan il-Ftehim, lill-Ministeru għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, u jibagħtu kopja tagħha lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-Senegal, mill-inqas għoxrin (20) jum tax-xogħol qabel jibda l-perjodu ta’ validità mitlub.

2.2.

It-talbiet għandhom jiġu ppreżentati lill-awtorità kompetenti tas-Senegal fuq formoli mfasslin skont il-mudell mogħti fl-Appendiċi 1.

2.3.

Kull applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għas-sajd għandu jkollha magħha d-dokumenti li ġejjin:

prova tal-ħlas bil-quddiem b’rata fissa stabbilita fl-iskeda teknika fl-Appendiċi 2 jew 3 skont il-kategorija kkonċernata; u

ritratt bil-kulur tal-bastiment, meħud mill-ġenb.

2.4.

Skont dan il-Protokoll, kull talba għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd għal bastiment li l-karatteristiċi tekniċi tiegħu ma jkunux inbidlu għandha tkun akkumpanjata biss bi prova tal-ħlas bil-quddiem b’rata fissa.

3.   Imposti u ħlas fiss bil-quddiem

3.1.

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom jinħarġu wara li jsir il-ħlas bil-quddiem b’rata fissa lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif indikat hawn taħt.

3.2.

Il-ħlas fiss bil-quddiem u l-imposti f’Euro għal kull tunnellata ta’ ħut maqbuda fiż-żoni tas-sajd tas-Senegal, għandhom ikunu kif ġej:

 

Għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni:

għall-ewwel tliet snin tal-Protokoll, ħlas fiss annwali bil-quddiem ta’ EUR 18 500 għal kull bastiment ekwivalenti għal 231,25 tunnellata fis-sena, b’imposta ta’ EUR 80 għal kull tunnellata;

għall-aħħar sentejn tal-Protokoll, ħlas fiss annwali bil-quddiem ta’ EUR 18 500 għal kull bastiment ekwivalenti għal 217,65 tunnellata fis-sena, b’imposta ta’ EUR 85 għal kull tunnellata.

 

Għall-Bastimenti tas-sajd bil-bastun u x-xlief :

ħlas fiss annwali bil-quddiem ta’ EUR 13 000 għal kull bastiment, ekwivalenti għal 173,33 tunnellata fis-sena b’imposta ta’ EUR 75 għal kull tunnellata;

 

Għall-bastimenti bil-konz :

ħlas fiss annwali bil-quddiem ta’ EUR 3 525 għal kull bastiment, ekwivalenti għal 47 tunnellata fis-sena, b’imposta ta’ EUR 75 għal kull tunnellata.

 

Għall-bastimenti tas-sajd bit-tkarkir:

ħlas fiss bil-quddiem ta’ EUR 500 għal kull bastiment u kull trimestru imposta ta’ EUR 95 għal kull tunnellata.

L-ammont tal-imposta, tal-ħlas fiss bil-quddiem u l-kundizzjonijiet tekniċi għandhom jiġu stabbiliti fl-iskedi tekniċi li jinsabu fl-Appendiċijiet 2 u 3.

3.3.

L-ammont tal-imposta u tal-ħlas fiss bil-quddiem jinkludi t-taxxi nazzjonali u lokali kollha minbarra t-taxxi tal-portijiet u l-ispejjeż għall-provvista tas-servizzi.

3.4.

Meta l-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd ikun ta’ inqas minn sena, b’mod partikolari minħabba perjodu ta’ rkupru bijoloġiku, l-ammont tal-ħlas fiss bil-quddiem għandu jiġi adattat prorata temporis għall-perjodu ta’ validità, hekk kif stabbilit skont id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Appendiċijiet 2 u 3.

4.   Ħruġ tal-awtorizzazzjoni tas-sajd u lista provviżorja tal-bastimenti awtorizzati li jistadu

4.1.

Ladarba jirċievi t-talbiet għall-awtorizzazzjoni tas-sajd skont il-punti 2.2 u 2.3, is-Senegal għandu jistabbilixxi, fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol, għal kull kategorija ta’ bastimenti, il-lista provviżorja ta’ bastimenti awtorizzati li jistadu.

4.2.

Din il-lista għandha tintbagħat minnufih lill-awtorità nazzjonali responsabbli għall-kontroll tas-sajd u lill-Unjoni. Is-Senegal jista’ joħroġ il-lista provviżorja direttament lil sid il-bastiment jew lill-aġent tiegħu.

4.3.

Il-bastimenti għandhom ikunu awtorizzati jistadu ladarba jitniżżlu fil-lista proviżorja. Dawn il-bastimenti għandhom iżommu abbord kopja tal-lista provviżorja sakemm tinħareġ l-awtorizzazzjoni tas-sajd.

4.4.

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti kollha għandhom jinħarġu mill-awtorità kompetenti lis-sidien tal-bastimenti jew lir-rappreżentanti tagħhom fi żmien 20 jum ta’ xogħol minn meta jirċievu d-dokumentazzjoni kollha msemmija fil-punt 2.3. Għandha tintbagħat ukoll kopja tal-awtorizzazzjonijiet lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-Senegal.

4.5.

Sabiex ma jkunx hemm dewmien fil-possibbiltà tal-bastimenti li jistadu fiż-żona, għandha tintbagħat kopja tal-awtorizzazzjoni tas-sajd lis-sidien tal-bastimenti b’mod elettroniku. Din il-kopja tista’ tintuża għal perjodu massimu ta’ 60 jum mid-data tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni tas-sajd. Waqt dan il-perjodu, il-kopja għandha titqies ekwivalenti għall-oriġinal.

4.6.

L-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tinżamm abbord il-ħin kollu, mingħajr preġudizzju għall-punti 4.3 u 4.5.

5.   Trasferiment tal-awtorizzazzjoni tas-sajd

5.1.

L-awtorizzazzjoni għas-sajd għandha tinħareġ f’isem bastiment speċifiku u ma għandhiex tkun trasferibbli.

5.2.

Madankollu, fuq talba tal-Unjoni u f’każ ta’ prova ta’ forza maġġuri kkonfermat f’rapport tekniku, b’mod partikolari f’każ ta’ telf ta’ bastiment jew ta’ nuqqas ta’ użu fit-tul tiegħu minħabba ħsara teknika gravi, l-awtorizzazzjoni tas-sajd tiegħu għandha tinbidel b’awtorizzazzjoni tas-sajd ġdida maħruġa f’isem il-bastiment ieħor tal-istess kategorija bħal dik tal-bastiment li għandu jinbidel, mingħajr ma jkun hemm bżonn titħallas imposta ġdida.

5.3.

F’każijiet bħal dawn, fil-kalkolu tal-livelli tal-qabdiet biex jiġi stabbilit jekk għandux isir ħlas addizzjonali jew le għandhom jitqiesu l-qabdiet totali taż-żewġ bastimenti meħudin f’daqqa.

5.4.

Is-sid tal-ewwel bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jibgħat lura l-awtorizzazzjoni tas-sajd imħassra lill-awtorità kompetenti. Huwa għandu jinforma bil-miktub lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-Senegal.

5.5.

Ladarba tkun intraddet lura l-awtorizzazzjoni mħassra, għandha tinħareġ awtorizzazzjoni tas-sajd ġdida mill-aktar fis possibbli. Id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-Senegal għandha tiġi mgħarrfa bit-trasferiment tal-awtorizzazzjoni tas-sajd.

6.   Tul tal-validità tal-liċenzja

6.1.

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn għandhom jinħarġu għal perjodu ta’ sena. L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tat-tkarkir għas-sajd għall-ħut tal-qiegħ li jgħix f’baħar fond għandhom jinħarġu għal perjodu ta’ trimestru.

6.2.

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom ikunu jistgħu jiġġeddu.

6.3.

Sabiex jiġi stabbilit meta jibda l-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd:

"perjodu annwali" ifisser il-perjodu mill-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll sal-31 ta’ Diċembru tal-istess sena; wara dan, kull sena kalendarja sħiħa; fl-aħħar sena ta’ applikazzjoni ta' dan il-Protokoll, il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar u d-data meta jiskadi dan il-Protokoll;

perjodu ta’ trimestru jifisser, minn meta jibda japplika b’mod provviżorju dan il-Protokoll, il-perjodu mid-data ta’ meta jidħol fis-seħħ sad-data meta jibda l-perjodu tat-trimestru ta’ wara, li jrid jibda bilfors fl-1 ta’ Jannar, fl-1 ta’ April, fl-1 ta’ Lulju jew fl-1 ta’ Ottubru; wara dan, kull trimestru sħiħ; u fi tmiem l-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll, il-perjodu bejn tmiem l-aħħar trimestru sħiħ u d-data meta jiskadi dan il-Protokoll.

7.   Bastimenti ta’ appoġġ

7.1.

Fuq talba tal-Unjoni, is-Senegal għandu jawtorizza l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd sabiex jiġu megħjuna minn bastimenti ta’ appoġġ.

7.2.

Dan l-appoġġ la jista’ jinkludi l-provvista tal-fjuwil u lanqas it-trasbord tal-qabdiet.

7.3.

Il-bastimenti ta’ appoġġ għandhom itajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni, u ma jistgħux ikunu mgħammra għas-sajd.

7.4.

Il-bastimenti ta’ appoġġ għandhom ikunu suġġetti għall-istess proċedura għat-trażmissjoni tat-talbiet għal awtorizzazzjoni tas-sajd imsemmija f’dan il-Kapitolu, safejn din tkun tapplika għalihom. L-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tkun akkumpanjata mil-lista ta’ bastimenti tas-sajd li minnhom jitwettqu attivitajiet ta’ appoġġ.

7.5.

Is-Senegal għandu jistabbilixxi l-lista tal-bastimenti ta’ appoġġ awtorizzati u jibgħatha minnufih lill-awtorità nazzjonali responsabbli għall-kontroll tas-sajd u lill-Unjoni.

7.6.

L-imposta għal kull bastiment ta’ appoġġ għandha tkun ta’ EUR 3 500 għal kull bastiment kull sena.

7.7.

L-awtorizzazzjoni ta’ bastiment ta’ appoġġ mhix trasferibbli u l-imposta ma għandhiex titnaqqas prorata temporis.

KAPITOLU III

MIŻURI TEKNIĊI

1.

Il-miżuri tekniċi li għandhom x’jaqsmu maż-żona, mat-tagħmir tas-sajd u l-qabdiet aċċessorji li japplikaw għal bastimenti tat-tkarkir li jistadu għall-ħut tal-qiegħ li jgħixu fl-ilma fond li għandhom awtorizzazzjoni tas-sajd għandhom jiġu definiti fl-iskeda teknika li tinsab fl-Appendiċi 2.

2.

Il-miżuri tekniċi applikabbli għall-bastimenti tat-tonn li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd għandhom jiġu definiti fl-iskeda teknika li tinsab fl-Appendiċi 3. Il-bastimenti tas-sajd għat-tonn għandhom jiżguraw konformità mar-rakkomandazzjonijiet u mar-riżoluzzjonijiet tal-ICCAT u jqisu l-parir xjentifiku ta’ organizzazzjonijiet reġjonali oħra tal-ġestjoni tas-sajd.

KAPITOLU IV

Monitoraġġ, kontroll u sorveljanza

Taqsima 1

Rappurtar u monitoraġġ tal-qabdiet

1.   Ġurnal elettroniku ta’ abbord tas-sajd

1.1.

Il-kaptan ta’ bastiment tal-Unjoni li jkun qed iwettaq attivitajiet tas-sajd skont il-Ftehim għandu jżomm ġurnal elettroniku ta’ abbord tas-sajd integrat f’sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar (ERS).

1.2.

Bastiment li ma jkunx mgħammar b’ERS ma għandux ikun awtorizzat jidħol fiż-żona tas-sajd tas-Senegal biex iwettaq attivitajiet tas-sajd fiha.

1.3.

Jekk ikun meħtieġ, il-ġurnal ta’ abbord tas-sajd għat-tonn għandu jiġi adattat sabiex ikun konformi mar-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-ICCAT jew ma’ organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd oħra għas-sajd l-ieħor.

1.4.

Il-ġurnal ta’ abbord tas-sajd għandu jimtela mill-kaptan għal kull jum li fih il-bastiment ikun fiż-żona tas-sajd tas-Senegal.

1.5.

Il-kaptan għandu jirreġistra kull ġurnata fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd il-kwantità stmata ta’ kull speċi maqbuda u miżmuma abbord għal kull operazzjoni ta’ sajd. Il-kwantitajiet għandhom jitniżżlu f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, skont il-każ, l-għadd ta’ ħut individwali. Il-ġurnal ta’ abbord tas-sajd jimtela b’mod li jinqara, b’ittri kapitali, u jiġi ffirmat mill-kaptan. Il-kaptan għandu jkun responsabbli għall-preċiżjoni tad-data rreġistrata fil-ġurnal ta’ abbord tas-sajd. Id-data tal-ġurnal ta’ abbord tas-sajd għandha tintbagħat kuljum, b’mod awtomatiku, liċ-Ċentru tal-Monitoraġġ tas-Sajd (ĊMS) tal-Istat tal-bandiera, kif ukoll lill-awtorità kompetenti tas-Senegal, b’mezz elettroniku. It-trażmissjonijiet għandhom jinkludu tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

in-numri ta’ identifikazzjoni u l-isem tal-bastiment tas-sajd;

(b)

il-kodiċi alfa-3 tal-FAO ta’ kull speċi;

(c)

iż-żona ġeografika rilevanti fejn saru l-qabdiet;

(d)

id-data meta nqabad il-ħut u, jekk ikun il-każ, il-ħin li fih ikun inqabad;

(e)

id-data u l-ħin tat-tluq mill-port, u t-tul taż-żmien tal-vjaġġ;

(f)

it-tip ta’ rkaptu li jkun intuża, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u d-daqsijiet;

(g)

l-istima tal-kwantitajiet ta’ kull speċi miżmuma abbord, mogħtija f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, jekk ikun il-każ, fl-għadd ta’ ħut individwali; u

(h)

l-istima tal-kwantitajiet ta’ kull speċi mormija lura l-baħar, mogħtija f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, jekk ikun il-każ, fl-għadd ta’ ħut individwali.

1.6.

L-Istat tal-bandiera għandu jiżgura li din id-data tasal u tiġi rreġistrata f’bażi tad-data elettronika li tippermetti li din id-data tinżamm b’mod sigur għal mill-inqas 36 xahar.

1.7.

L-Istat tal-bandiera u s-Senegal għandhom jiżguraw li jkollhom it-tagħmir tal-informatika u s-softwer meħtieġa għat-trażmissjoni awtomatika tad-data tal-ERS. It-trażmissjoni tad-data tal-ERS trid issir bl-użu tal-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni mmaniġġjati mill-Kummissjoni Ewropea għall-iskambji standardizzati tad-data dwar is-sajd. L-emendi fl-istandards għandhom jiġu implimentati fi żmien sitt xhur.

1.8.

Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jiżgura li l-ġurnali ta’ abbord tas-sajd jitqiegħdu b’mod awtomatiku għad-dispożizzjoni taċ-ĊMS tas-Senegal permezz tal-ERS, kuljum għall-perjodu li matulu l-bastiment ikun fiż-żona tas-sajd, anki meta dan ma jkun qabad xejn.

1.9.

L-arranġamenti biex l-informazzjoni dwar il-qabdiet tintbagħat permezz tal-ERS u l-proċeduri f’każ li din ikollha l-ħsara huma ddefiniti fl-Appendiċi 4.

1.10.

L-awtoritajiet tas-Senegal għandhom jittrattaw id-data dwar l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti individwali b’mod kunfidenzjali u sigur.

1.11

Il-punti 1.6 sa 1.9 għandhom japplikaw min-notifika mis-Senegal tat-tagħmir fl-ERS u mill-operazzjonalizzazzjoni tal-approvazzjoni awtomatika miċ- ĊMS tiegħu, fejn xieraq wara perjodu ta’ test. Sakemm il-wasla awtomatika tkun qed taħdem, l-informazzjoni msemmija fil-punt 1.5 (a) sa (h) għandha tiġi fornita mill-bastimenti f’format elettroniku, permezz tal-email waqt il-ħruġ miż-żona fil-forma ta’ estratt mill-ġurnal elettroniku tas-sajd li jakkumpanja n-notifika tal-ħruġ tiegħu jew, mhux aktar tard minn 48 siegħa wara l-wasla tiegħu fil-port tas-Senegal. F’dan il-każ, id-data tintbagħat ukoll lis- Centre de recherche océanographique de Dakar Thiaroye (CRODT). Ladarba l-ERS mis-Senegal tkun waslet, it-trażmissjoni tal-ġurnali ta’ abbord tas-sajd lis-CRODT titwettaq miċ-ĊMS tas-Senegal.

1.12

Il-monitoraġġ tal-konsum tal-volum awtorizzat ta’ qabdiet għandu jiġi żgurat mill-Istat Membru tal-bandiera u mis-Senegal fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ kuljum. L-Istat Membru tal-bandiera għandu jiżgura li l-operazzjonijiet tas-sajd jitwaqqfu fid-data li fiha jintlaħaq il-volum awtorizzat ta’ qabdiet għall-bastimenti tiegħu, sabiex tiġi evitata kull qabża fil-volum awtorizzat.

2.   Data aggregata dwar il-qabdiet

2.1.

Kull trimestru, l-Istat tal-bandiera għandu jdaħħal il-kwantitajiet tal-qabdiet u tal-qbid skartat ta’ kull bastiment, aggregati għal kull xahar, fil-bażi tad-data miżmuma mill-Kummissjoni Ewropea. Għall-ispeċijiet li għalihom hemm qabdiet totali permissibbli skont il-Protokoll jew skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT, il-kwantitajiet għandhom jingħataw kull xahar għax-xahar ta’ qabel.

2.2.

L-Istat tal-bandiera għandu jivverifika d-data permezz ta’ kontroverifiki mad-data dwar il-ħatt l-art, dwar il-bejgħ, dwar l-ispezzjonijiet jew dwar l-osservazzjonijiet, kif ukoll ma’ kull informazzjoni rilevanti li l-awtoritajiet ikunu jafu biha. L-aġġornamenti tal-bażi tad-data li jkunu meħtieġa wara dawn il-verifiki għandhom isiru mill-aktar fis possibbli. Għall-verifiki għandhom jintużaw il-koordinati ġeografiċi taż-żona tas-sajd kif stabbiliti skont dan il-Protokoll. Il-Kumitat Konġunt jivvalida l-fatturi ta’ konverżjoni użati għad-determinazzjoni tal-piż sħun.

2.3.

Qabel jintemm kull trimestru, l-Unjoni għandha tipprovdi data aggregata meħuda mill-bażi tad-data lill-awtoritajiet tas-Senegal għat-trimestri tas-sena li tkun għaddejja li jkunu għaddew, li tkun tindika l-kwantitajiet tal-qabdiet għal kull bastiment, għal kull xahar ta’ qabda u għal kull speċi. Din id-data hija provviżorja u tista’ tinbidel.

2.4.

Is-Senegal għandu janalizza d-data u jindika kull inkonsistenza kbira li jista’ jkun hemm mad-data tal-ġurnali elettroniċi ta’ abbord tas-sajd ipprovduti permezz tal-ERS. L-Istati tal-bandiera għandhom jinvestigaw dan u jaġġornaw id-data kif meħtieġ.

2.5.

F’każ li ma jitħarsux id-dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtar tal-qabdiet, is-Senegal jista’ jissospendi l-awtorizzazzjoni tas-sajd tal-bastiment ikkonċernat sakemm jinkiseb ir-rapport dwar il-qabdiet li jkun nieqes u jista’ jippenalizza lil sid il-bastiment skont id-dispożizzjonijiet previsti għal dan il-għan fil-leġislazzjoni nazzjonali fis-seħħ. Jekk ir-reat jiġi ripetut, is-Senegal jista’ jirrifjuta li jġedded l-awtorizzazzjoni tas-sajd.

2.6.

Is-Senegal għandu jgħarraf lill-Unjoni minnufih b’kull sanzjoni applikata f’dan il-kuntest.

3.   Tranżizzjoni għal sistema elettronika ta’ rappurtar tad-data dwar is-sajd (ERS)

Iż-żewġ Partijiet jaqblu li jiżguraw it-tranżizzjoni għal sistema elettronika ta’ rappurtar tad-data dwar is-sajd abbażi tal-karatteristiċi tekniċi ddefiniti fl-Appendiċi 4. Il-Partijiet jaqblu li jiddefinixxu l-proċeduri komuni sabiex din it-tranżizzjoni tkun tista’ sseħħ malajr kemm jista’ jkun. Is-Senegal għandu jgħarraf lill-Unjoni hekk kif jintlaħqu l-kondizzjonijiet għal din it-tranżizzjoni. Ġie maqbul perjodu ta’ xahrejn mid-data meta tintbagħat din l-informazzjoni sabiex matulu ssir kompletament operattiva.

4.   Kalkolu tal-imposti

4.1.

Verifiki fuq id-data ma’ kull trimestru

4.1.1.

Is-Senegal għandu jinnotifika minnufih lill-Unjoni bir-riżultati tal-verifiki msemmija fil-punt 2.3.

4.1.2.

L-Unjoni għandha tipprovdi lis-Senegal bil-kjarifiki meħtieġa, fejn xieraq, ipprovduti mill-istitut xjentifiku tal-Istat Membru tal-bandiera. Jekk ikun meħtieġ, għandhom jiltaqgħu l-grupp ta’ ħidma xjentifika konġunta jew l-istituti xjentifiċi.

4.2.

Il-kont finali u l-ħlas

4.2.1.

Abbażi tad-dikjarazzjonijiet tad-data miġbura, għal kull bastiment l-Unjoni għandha tistabbilixxi kalkolu tal-qabdiet u kalkolu tal-imposti li jridu jitħallsu mill-bastiment għall-istaġun annwali tiegħu għas-sena kalendarja ta’ qabel.

4.2.2.

Hija għandha tibgħat dawn il-kalkoli finali lill-awtoritajiet tas-Senegal, u lil sid il-bastiment permezz tal-Istati Membri, qabel it-30 ta’ April tas-sena li tkun għaddejja. Il-verifika u l-validazzjoni mis-Senegal tal-kontijiet finali għandhom isiru fi żmien tletin jum minn meta jaslu s-Senegal. Jekk is-Senegal ma joġġezzjonax fi żmien it-tletin jum imsemmi hawn fuq, il-kalkoli finali għandhom jitqiesu li ġew adottati. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin, jekk ikun hemm bżonn fil-Kumitat Konġunt.

4.3.

Meta l-kalkolu finali jkun ikbar mill-imposta fissa prevista mħallsa minn qabel biex tinkiseb l-awtorizzazzjoni tas-sajd, sid il-bastiment għandu jħallas il-bilanċ pendenti lis-Senegal qabel il-31 ta’ Lulju tas-sena li tkun għaddejja. Jekk il-kalkolu finali jkun inqas mill-imposta fissa prevista mħallsa minn qabel, sid il-bastiment ma jistax jirkupra s-somma li jifdal. Is-sidien tal-bastimenti għandhom jibagħtu lis-Senegal kopja tal-prova tal-ħlas.

Taqsima 2

Dħul fl-ilmijiet tas-Senegal u ħruġ minnhom

1.

Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li joperaw fl-ilmijiet tas-Senegal fil-kuntest ta’ dan il-Protokoll għandhom jgħarrfu lill-awtoritajiet kompetenti tas-Senegal, tal-inqas erba’ sigħat bil-quddiem, li huma jkun beħsiebhom jidħlu fl-ilmijiet tas-Senegal jew joħorġu minnhom.

2.

Meta jinnotifikaw id-dħul tagħhom fl-ilmijiet tas-Senegal jew il-ħruġ tagħhom minnhom, il-bastimenti għandhom jibagħtu wkoll il-pożizzjoni tagħhom, kif ukoll il-qabdiet li diġà jkollhom maqbudin u miżmumin abbord, identifikati bil-kodiċi alfa 3 tal-FAO tagħhom, mogħtija f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, fejn ikun meħtieġ, fl-għadd ta’ ħut individwali, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Appendiċi 4, it-Taqsima 2. Dawn il-komunikazzjonijiet għandhom isiru bil-posta elettronika jew bil-fax sad-data miftiehma mill-Partijiet sabiex jikkunsidraw bħala effettiva l-wasla awtomatika ta’ messaġġi ERS.

3.

Bastiment li jinqabad jistad mingħajr ma jkun avża lill-awtorità kompetenti tas-Senegal għandu jitqies bħala bastiment mingħajr awtorizzazzjoni tas-sajd u għalhekk ikunu esposti għas-sanzjonijiet previsti fil-leġislazzjoni nazzjonali.

4.

L-indirizz tal-posta elettronika, in-numri tal-faks u tat-telefown, u l-koordinati tar-radju tal-awtoritajiet kompetenti tas-Senegal għandhom jinhemżu mal-Appendiċi 6.

Taqsima 3

Dħul fil-port, trasbord u ħatt l-art

1.   Il-bastiment għandu jinnotifika d-dħul tiegħu fil-port lill-awtorità kompetenti 72 siegħa bil-quddiem lill-port bħala minimu.

2.   Il-bastimenti bil-bastun u x-xlief iħottu l-art il-qabdiet tagħhom li jkunu saru fiż-żoni tas-sajd tas-Senegal fil-port ta’ Dakar.

2.1.

Il-bastimenti tas-sajd bil-bastun u x-xlief għandhom joffru l-qabdiet tagħhom, bħala prijorità għal intrapriżi tas-suq industrijali jew artiġjanali u lokali, bi prezz definit abbażi tan-negozjati bejn l-operaturi b’referenza għas-suq internazzjonali.

2.2.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-approvazzjoni tas-saħħa maħruġa mill-Unjoni lis-Senegal, il-qabdiet li jitniżżlu f’Dakar skont dan il-Protokoll għandhom ikunu soġġetti għal obbligu ta’ spezzjoni u ċertifikazzjoni mill-awtorità kompetenti tas-Senegal.

3.   Il-bastimenti tas-sajd kollha tal-Unjoni li jopera taħt dan il-Protokoll li jittrasbordaw fl-ilmijiet tas-Senegal għandhom iwettqu din l-operazzjoni skont il-leġislazzjoni tas-Senegal.

4.   It-talbiet għat-trasbord għandhom jitressqu bl-informazzjoni li ġejja:

4.1.

it-tunnellaġġ, għal kull speċi, li jkun se jiġi ttrasbordat jew li jkun se jinħatt l-art;

4.2.

il-jum tat-trasbord jew tal-ħatt l-art; u

4.3.

id-destinazzjoni tal-qabdiet li jkunu ġew ittrasbordati jew li jkunu nħattu l-art.

5.   Kwalunkwe operazzjoni ta’ trasbord jew ta’ ħatt l-art ta’ qabdiet li mhix imsemmija fil-punti 1 sa 4 għandha tkun ipprojbita fl-ilmijiet tas-Senegal. Kull ksur ta’ din id-dispożizzjoni għandu jwassal għas-sanzjonijiet previsti fir-regolamenti tas-Senegal fis-seħħ.

Taqsima 4

Sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti abbażi ta’ satellita (VMS)

1.   Messaġġi dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti — il-VMS

1.1

Kull bastiment tal-Unjoni awtorizzat skont dan il-Protokoll għandu jkun mgħammar b’sistema ta’ monitoraġġ bis-satellita (Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti — VMS).

Huwa pprojbit li wieħed iċaqlaq, jitfi, jeqred, jagħmel ħsara jew jiddiżattiva s-sistema ta’ monitoraġġ kontinwu tal-pożizzjoni permezz tal-komunikazzjoni bis-satellita li tkun abbord il-bastiment għat-trażmissjoni tad-data, jew li wieħed jibdel bi ħsieb, ibagħbas jew jiffalsifika d-data li din is-sistema tittrażmetti jew tirreġistra.

Il-bastimenti tal-Unjoni Ewropea għandhom jikkomunikaw il-pożizzjoni tagħhom, b’mod awtomatiku u kontinwu, liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera tagħhom, is-sigħat kollha għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni u kull sagħtejn għall-bastimenti l-oħra. Din il-frekwenza tista’ tiżdied bħala parti minn miżuri ta’ investigazzjoni tal-attivitajiet ta’ bastiment.

1.2.

Kull messaġġ ta’ pożizzjoni għandu jinkludi:

(a)

l-identifikazzjoni tal-bastiment;

(b)

l-aktar pożizzjoni ġeografika reċenti tal-bastiment (lonġitudni, latitudni) b’marġini ta’ żball ta’ inqas minn 500 metru u b’livell ta’ fiduċja ta’ 99 %;

(c)

id-data u l-ħin li fihom tkun ġiet irreġistrata l-pożizzjoni; u

(d)

il-veloċità tal-bastiment u d-direzzjoni li fiha jkun qed jivvjaġġa.

Għandu jiġi kkonfigurat skont il-format mogħti fl-Appendiċi 5.

1.3

L-arranġamenti biex l-informazzjoni dwar il-pożizzjonijiet tal-bastimenti tintbagħat permezz tal-VMS u l-proċeduri f’każ li din ikollha l-ħsara huma ddefiniti fl-Appendiċi 5.

1.4

Iċ-ĊMS għandhom jikkomunikaw bejniethom fil-kuntest tas-sorveljanza tal-attivitajiet tal-bastimenti.

2.   Komunikazzjoni sigura tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni lis-Senegal

Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jibgħat awtomatikament il-messaġġi dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti kkonċernati liċ-ĊMS tas-Senegal. Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u s-Senegal għandhom jiskambjaw l-indirizz tal-posta elettronika ta’ kuntatt tagħhom u għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin b’kull tibdil f’dawn l-indirizzi.

It-trażmissjoni tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni bejn iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u s-Senegal għandha ssir b’mod elettroniku permezz ta’ sistema sigura tal-komunikazzjoni.

Iċ-ĊMS tas-Senegal għandu jgħarraf liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u lill-Unjoni b’kull interruzzjoni fil-wasla tal-messaġġi suċċessivi dwar il-pożizzjoni ta’ bastiment li jkun awtorizzat jistad, fil-każ li l-bastiment ikkonċernat ma jkunx innotifika l-ħruġ tiegħu miż-żona.

3.   Validità tal-messaġġ tal-VMS f’każ ta’ tilwim

Id-data dwar il-pożizzjoni mogħtija mis-sistema tal-VMS biss għandha titqies bħala awtentika f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-Partijiet.

Taqsima 5

Osservaturi

1.   Osservazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd

1.1.

Il-bastimenti li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd għandhom ikunu suġġetti għal skema ta’ osservazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd tagħhom imwettqin fil-kuntest ta’ dan il-Ftehim.

1.2.

Għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn, l-iskema tal-osservaturi għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet previsti mir-rakkomandazzjonijiet adottati mill-ICCAT u, jekk ikun il-każ, mal-programmi ta’ osservazzjoni reġjonali stabbiliti fil-kuntest ta’ dawn tal-aħħar.

2.   Bastimenti u osservaturi magħżulin

2.1.

Meta joħroġ l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd, is-Senegal għandu jgħarraf lill-Unjoni u lil sid il-bastiment, jew lid-destinatarju tiegħu, bil-bastimenti li fuqhom ikun irid jittella’ abbord osservatur, kif ukoll bil-ħin li matulu l-osservatur ikun se jkun abbord kull bastiment.

2.2

Is-Senegal għandu jgħarraf lill-Unjoni u lil sid il-bastiment li fuqu jkun irid jittella’ abbord osservatur, jew lid-destinatarju tiegħu, b’isem l-osservatur magħżul għal dak il-bastiment sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel id-data prevista għall-imbark. Is-Senegal għandu jgħarraf minnufih lill-Unjoni u lil sid il-bastiment, jew lid-destinatarju tiegħu, bi kwalunkwe bidla fil-bastimenti u fl-osservaturi magħżulin.

2.3.

Is-Senegal għandu jagħmel ħiltu biex ma jagħżilx osservaturi għal bastimenti li diġà jkollhom osservatur abbord jew li diġà jkunu taħt l-obbligu formali, li waqt l-attivitajiet tagħhom f’żoni tas-sajd minbarra dawk tas-Senegal, itellgħu osservatur abbord matul is-sena tas-sajd ikkonċernata.

2.4.

Għall-bastimenti tat-tkarkir għas-sajd għall-ħut tal-qiegħ li jgħix f’baħar fond, iż-żmien tal-osservatur abbord ma jistax jaqbeż xahrejn. L-osservaturi m’għandhomx iqattgħu iżjed ħin abbord il-bastiment milli għandhom bżonn biex iwettqu dmirijiethom.

3.   Kontribuzzjoni finanzjarja b’rata fissa

3.1.

Meta jibagħtu l-ħlas tal-imposta annwali, is-sidien tal-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni mgħammra bi friża, tal-bastimenti bil-bastun u x-xlief u tal-bastimenti li jistadu bil-konz tal-wiċċ għandhom jibagħtu wkoll somma fissa ta’ EUR 600 għal kull bastiment lid-Direttorat għall-Protezzjoni u għas-Sorveljanza tas-Sajd (DPSP) għall-funzjonament tajjeb tal-programm tal-osservaturi.

3.2.

Meta jibagħtu l-ħlas tal-imposta trimestrali, sidien il-bastimenti tat-tkarkir għandhom jibagħtu wkoll somma fissa ta’ EUR 150 għal kull bastiment lid-DPSP għall-funzjonament tajjeb tal-programm tal-osservaturi.

4.   Paga tal-osservatur

Is-Senegal għandu jħallas il-paga u l-kontribuzzjonijiet soċjali tal-osservatur.

5.   Kondizzjonijiet tal-imbark

5.1.

Il-oundizzjonijiet tal-imbarkazzjoni tal-osservatur, b’mod partioulari t-tul ta’ żmien tiegħu abbord, għandhom jiġu ddefiniti bi ftehim reċiproku bejn sid il-bastiment jew id-destinatarju tiegħu u s-Senegal.

5.2.

Waqt li jkun abbord, l-osservatur għandu jiġi ttrattat bħala uffiċjal. Madankollu, l-ilqugħ tal-osservatur abbord għandu jqis l-istruttura teknika tal-bastiment.

5.3.

Sid il-bastiment għandu jħallas l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tal-ikel għall-osservatur abbord il-bastiment.

5.4.

Il-kaptan għandu jieħu l-miżuri kollha li għalihom huwa jkun responsabbli sabiex jiggarantixxi s-sikurezza fiżika u l-benesseri ġenerali tal-osservatur.

5.5.

L-osservatur għandu jingħata l-faċilitajiet kollha meħtieġa biex iwettaq dmirijietu. Huwa għandu jkollu aċċess għall-mezzi ta’ komunikazzjoni, għad-dokumenti relatati mal-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment, b’mod partikolari l-ġurnal tas-sajd u l-ktieb tan-navigazzjoni, kif ukoll għall-partijiet tal-bastiment marbuta direttament mal-kompiti tiegħu.

6.   Obbligi tal-osservatur

Waqt li jkunu abbord, l-osservaturi għandhom:

6.1.

jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex la jinterrompu u lanqas itellfu l-ħidmiet tas-sajd;

6.2.

iħarsu l-proprjetà u t-tagħmir li jkun hemm abbord; u

6.3.

iħarsu n-natura kunfidenzjali ta’ kull dokument tal-bastiment.

7.   Imbark u żbark tal-osservatur

7.1.

L-osservatur għandu jimbarka f’port magħżul minn sid il-bastiment.

7.2.

Sid il-bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jinnotifika lis-Senegal, għaxart ijiem qabel l-imbarkazzjoni, dwar id-data, il-ħin u l-port tal-imbarkazzjoni tal-osservatur. Jekk l-osservatur jittella’ abbord f’pajjiż barrani, l-ispejjeż tal-vjaġġ tiegħu lejn il-port tal-imbark għandu jħallashom sid il-bastiment.

7.3.

Jekk l-osservatur ma jasalx għall-imbarkazzjoni fi żmien 12-il siegħa mid-data u l-ħin previsti, sid il-bastiment għandu jinħeles awtomatikament mill-obbligu tiegħu li jippermetti lill-osservatur jimbarka. Huwa għandu jkun ħieles li jitlaq il-port u jibda l-operazzjonijiet tas-sajd.

7.4.

Meta l-osservatur ma jiżbarkax f’port tas-Senegal, sid il-bastiment għandu jiżgura r-ritorn tal-osservatur lura lejn is-Senegal mill-aktar fis possibbli, u għandu jagħmel dan bi spejjeż tiegħu.

8.   Kompiti tal-osservatur

Fost il-kompiti assenjati lill-osservaturi xjentifiċi dawn għandhom:

iżommu l-iskedi tal-vjaġġi tas-sajd b’mod korrett billi jdaħħlu l-informazzjoni ewlenija dwar is-sajd (il-pożizzjonijiet ġeografiċi tal-bastiment, il-ħinijiet tal-bidu u tat-tmiem tal-operazzjonijiet tas-sajd, l-għadd ta’ xbieki, fejn applikabbli, l-għadd ta’ konzijiet u t-tagħmir biex jinġabar il-ħut (FADs), eċċ.);

jiġbru informazzjoni dwar qabdiet speċifiċi (kwantitajiet u daqsijiet) u qabdiet inċidentali, b’mod partikolari ċefalopodi, krustaċji u ħut demersali, kif ukoll klieb il-baħar, fkieren tal-baħar, mammiferi tal-baħar u tjur tal-baħar;

jieħdu kampjuni bijoloġiċi għal studji xjentifiċi dwar ir-riproduzzjoni, it-tkabbir u l-identità tal-istokkijiet; il-kampjuni għandhom jittieħdu bi qbil ma’ protokoll xjentifiku stabbilit mill-Istitut Nazzjonali għar-Riċerka dwar is-Sajd;

fil-każ ta’ bastimenti tat-tonn, josservaw u jirrappurtaw dwar l-FADs, skont il-programm tal-osservaturi tal-ICCAT adottat fil-qafas tal-programm pluriennali għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tat-tonn tropikali;

iwettqu kwalunkwe kompitu xjentifiku ieħor irrakkomandat mill-Grupp ta’ Ħidma Xjentifiku Konġunt.

9.   Rapport tal-osservatur

9.1.

Qabel ma jħalli l-bastiment, l-osservatur għandu jissottometti rapport tal-osservazzjonijiet tiegħu lill-kaptan tal-bastiment. Il-kaptan tal-bastiment għandu d-dritt jagħmel kummenti fir-rapport tal-osservatur. Ir-rapport għandu jiġi ffirmat mill-osservatur u mill-kaptan. Il-kaptan għandu jirċievi kopja tar-rapport tal-osservatur.

9.2.

L-osservatur għandu jibgħat ir-rapport tiegħu lis-Senegal, li għandu jibgħat kopja tiegħu lill-Unjoni fi żmien tmint ijiem mill-iżbark tal-osservatur.

Taqsima 6

Spezzjoni fuq il-baħar jew fil-port

1.   Spezzjoni fuq il-baħar

1.1

L-ispezzjoni fuq il-baħar, fiż-żoni tas-sajd tas-Senegal, tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd għandha ssir minn bastimenti u spetturi tas-Senegal li jkunu identifikati b’mod ċar bħala spetturi maħturin sabiex iwettqu verifiki tas-sajd.

1.2.

Qabel ma jitilgħu abbord, l-ispetturi tas-Senegal għandhom iwissu lill-bastiment tal-Unjoni bid-deċiżjoni tagħhom li jwettqu spezzjoni. L-ispezzjoni għandha ssir minn mhux aktar minn żewġ spetturi, li jkollhom juru l-identità u l-kwalifika tagħhom ta’ spettur qabel jibdew l-ispezzjoni.

1.3.

L-ispetturi tas-Senegal għandhom jibqgħu abbord il-bastiment tas-sajd tal-Unjoni għall-ħin meħtieġ sabiex iwettqu l-kompiti marbutin mal-ispezzjoni biss. Dawn għandhom jagħmlu l-ispezzjoni b’tali mod li jillimitaw kemm jistgħu l-impatt fuq il-bastiment, fuq l-attività tas-sajd tiegħu u fuq il-merkanzija tiegħu.

1.4.

Is-Senegal jista’ jawtorizza lill-Unjoni tieħu sehem fl-ispezzjoni fuq il-baħar bħala osservatur.

1.5.

Il-kaptan tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni għandu jiffaċilita l-imbark tal-ispetturi tas-Senegal u għandu jiffaċilitalhom xogħolhom.

1.6.

Fi tmiem kull spezzjoni, l-ispetturi tas-Senegal għandhom ifasslu rapport tal-ispezzjoni. Il-kaptan tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni għandu d-dritt jagħmel kummenti fir-rapport tal-ispezzjoni. Ir-rapport tal-ispezzjoni għandu jiġi ffirmat mill-ispettur li jkun qed ifasslu u mill-kaptan tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni.

1.7.

L-ispetturi tas-Senegal għandhom jagħtu kopja tar-rapport tal-ispezzjoni lill-kaptan tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni qabel ma jħallu l-bastiment. Fil-każ ta’ ksur, is-Senegal għandu jibgħat kopja tar-rapport tal-ispezzjoni lill-Unjoni fi żmien tmint ijiem mill-ispezzjoni.

2.   Spezzjoni fil-port

2.1.

L-ispezzjoni fil-port ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jħottu l-art jew jittrasbordaw, fl-ilmijiet ta’ port tas-Senegal, qabdiet li huma jkunu għamlu fiż-żona tas-Senegal, għandha ssir minn spetturi awtorizzati.

2.2.

L-ispezzjoni għandha ssir minn mhux aktar minn żewġ spetturi, li jkollhom juru l-identità u l-kwalifika tagħhom ta’ spettur qabel jibdew l-ispezzjoni. L-ispetturi tas-Senegal għandhom jibqgħu abbord il-bastiment tas-sajd tal-Unjoni għall-ħin meħtieġ sabiex iwettqu l-kompiti marbutin mal-ispezzjoni biss u għandhom iwettqu l-ispezzjoni b’mod li jnaqqas kemm jista’ jkun il-konsegwenzi tagħha fuq il-bastiment, fuq il-ħatt l-art jew l-operazzjoni tat-trasbord u fuq il-merkanzija.

2.3.

Is-Senegal jista’ jawtorizza lill-Unjoni tieħu sehem fl-ispezzjoni fil-port bħala osservatur.

2.4.

Il-kaptan tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni għandu jiffaċilita xogħol l-ispetturi tas-Senegal.

2.5.

Fi tmiem kull spezzjoni, l-ispettur tas-Senegal għandu jfassal rapport tal-ispezzjoni. Il-kaptan tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni għandu d-dritt jagħmel kummenti fir-rapport tal-ispezzjoni. Ir-rapport tal-ispezzjoni għandu jiġi ffirmat mill-ispettur li jkun qed ifasslu u mill-kaptan tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni.

2.6.

Malli tintemm l-ispezzjoni, l-ispettur tas-Senegal għandu jagħti kopja tar-rapport tal-ispezzjoni lill-kaptan tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni. Is-Senegal għandu jibgħat kopja tar-rapport tal-ispezzjoni lill-Unjoni fi żmien tmint ijiem mill-ispezzjoni.

Taqsima 7

Ksur

1.   Trattament tal-ksur

1.1.

Kull ksur imwettaq minn bastiment tas-sajd tal-Unjoni li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd skont dan l-Anness għandu jissemma f’rapport tal-ispezzjoni. Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-Unjoni u lill-Istat tal-bandiera mill-aktar fis possibbli.

1.2.

L-iffirmar tar-rapport tal-ispezzjoni min-naħa tal-kaptan għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ sid il-bastiment li jiddefendi ruħu mill-akkuża tal-ksur.

2.   Detenzjoni ta’ bastiment — Laqgħa ta’ informazzjoni

2.1.

Meta l-leġislazzjoni tas-Senegal li tkun fis-seħħ dwar il-ksur tippermetti dan, kull bastiment tas-sajd tal-Unjoni li jkun wettaq ksur jista’ jiġi mġiegħel iwaqqaf l-attività tas-sajd tiegħu u jirritorna lejn il-port ta’ Dakar, f’każ li jkun qed ibaħħar.

2.2.

Is-Senegal għandu jinnotifika lill-Unjoni fi żmien 24 siegħa b’kull detenzjoni ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd. Din in-notifika għandu jkollha magħha evidenza dokumentata tal-ksur allegat.

2.3.

Qabel ma jieħu kwalunkwe miżura kontra l-bastiment, il-kaptan, l-ekwipaġġ jew il-merkanzija, ħlief għal miżuri mmirati għall-ħarsien tal-evidenza, is-Senegal għandu jorganizza laqgħa ta’ informazzjoni, fuq talba tal-Unjoni, fi żmien jum ta’ xogħol min-notifika tad-detenzjoni tal-bastiment, sabiex jiġu ċċarati l-fatti li wasslu għad-detenzjoni tal-bastiment u sabiex jiġi spjegat x’azzjoni oħra tista’ tittieħed. Għal din il-laqgħa ta’ informazzjoni jista’ jattendi rappreżentant tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment.

3.   Pieni għall-ksur — Proċedura ta’ kompromess

3.1.

Is-Senegal għandu jistabbilixxi l-piena għall-ksur allegat skont il-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu fis-seħħ.

3.2.

Meta s-soluzzjoni għall-ksur tkun tinvolvi proċeduri legali, qabel jingħata bidu għalihom, u sakemm il-ksur ma jkunx jinvolvi att kriminali, għandha tinbeda proċedura ta’ kompromess bejn is-Senegal u l-Unjoni sabiex jiġu stabbiliti t-termini tal-piena u l-livell tagħha. Il-proċedura ta’ kompromess għandha tintemm sa mhux aktar tard minn tlitt ijiem wara n-notifika tal-waqfien tal-bastiment.

3.3.

F’din il-proċedura ta’ kompromess jistgħu jieħdu sehem rappreżentanti tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment u tal-Unjoni.

4.   Proċeduri legali — Garanzija bankarja

4.1.

Jekk il-proċedura ta’ kompromess tfalli u l-ksur jitressaq quddiem il-qorti kompetenti, sid il-bastiment li jkun wettaq il-ksur għandu jiddepożita garanzija bankarja f’bank magħżul mis-Senegal, li l-ammont tagħha, kif stabbilit mis-Senegal, għandu jkopri l-ispejjeż marbutin mad-detenzjoni tal-bastiment, il-multa stmata u kwalunkwe kumpens li jista’ jkun hemm ’il quddiem. Il-garanzija bankarja ma tistax tiġi rkuprata qabel ma jkunu ġew konklużi l-proċeduri legali.

4.2.

Il-garanzija bankarja għandha tiġi rilaxxata u tingħata lura lil sid il-bastiment mingħajr dewmien wara li tinqata’ s-sentenza:

(a)

kollha kemm hi, jekk ma tkun ġiet imposta l-ebda piena;

(b)

skont l-ammont tal-bilanċ li jkun għad fadal, jekk il-piena tkun multa li tkun iżjed baxxa mill-ammont tal-garanzija bankarja.

4.3.

Is-Senegal għandu jgħarraf lill-Unjoni bir-riżultat tal-proċeduri legali fi żmien tmint ijiem minn meta tingħata s-sentenza.

5.   Rilaxx tal-bastiment u tal-ekwipaġġ

Il-bastiment u l-ekwipaġġ tiegħu għandhom jiġu awtorizzati jħallu l-port ladarba l-multa tkun tħallset fi proċedura ta’ kompromess, jew ladarba l-garanzija bankarja tkun ġiet iddepożitata.

Taqsima 8

Monitoraġġ parteċipattiv marbut mal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (is-sajd IUU)

1.   Objettiv

Bil-għan li tissaħħaħ is-sorveljanza tas-sajd fl-ibħra miftuħa u li tissaħħaħ il-ġlieda kontra s-sajd IUU, il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom javżaw bil-preżenza ta’ kull bastiment fiż-żoni tas-sajd tas-Senegal li ma jkunx fil-lista tal-bastimenti barranin awtorizzati jistadu fis-Senegal mogħtija mis-Senegal.

2.   Proċedura

2.1.

Meta josserva bastiment tas-sajd involut f’attivitajiet li jistgħu jikkostitwixxu sajd IUU, il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni jista’ jiġbor kemm jista’ jkun informazzjoni dwar din l-osservazzjoni.

2.2.

Ir-rapporti ta’ osservazzjoni għandhom jintbagħtu minnufih u fl-istess ħin lill-awtoritajiet tas-Senegal u lill-awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment li jkun wettaq l-osservazzjoni, li min-naħa tagħha għandha tibgħathom lill-Kummissjoni Ewropea jew lill-organizzazzjoni li din tkun għażlet.

2.3.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tibgħat din l-informazzjoni lis-Senegal.

3.   Reċiproċità

Is-Senegal għandu jibgħat lill-Unjoni, mill-aktar fis possibbli, kull rapport ta’ osservazzjoni li jkollu fil-pussess tiegħu dwar bastimenti tas-sajd li jkunu qed iwettqu attivitajiet li jistgħu jkunu attivitajiet tas-sajd IUU fiż-żoni tas-sajd tas-Senegal.

KAPITOLU V

IMBARK TAL-BAĦRIN

1.   Sidien il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkunu qed joperaw fil-kuntest ta’ dan il-Protokoll għandhom jimpjegaw ċittadini mill-pajjiżi Ital-stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) bil-kondizzjonijiet u l-limiti li ġejjin:

għall-flotta tal-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni u l-bastimenti tas-sajd bil-konz, mill-inqas 25 % tal-baħrin li jittellgħu abbord matul l-istaġun tas-sajd għat-tonn fiż-żona tas-sajd tas-Senegal għandhom ikunu ġejjin mis-Senegal jew possibbilment minn pajjiż AKP;

għall-flotta tal-bastimenti tas-sajd bil-bastun u x-xlief, mill-inqas 30 % tal-baħrin li jittellgħu abbord matul l-istaġun tas-sajd fiż-żona tas-sajd tas-Senegal għandhom ikunu ġejjin mis-Senegal jew possibbilment minn pajjiż AKP;

għall-flotta tal-bastimenti tat-tkarkir għas-sajd għall-ħut tal-qiegħ li jgħix f’baħar fond, mill-inqas 25 % tal-baħrin li jittellgħu abbord matul l-istaġun tas-sajd fiż-żona tas-sajd tas-Senegal għandhom ikunu ġejjin mis-Senegal jew possibbilment minn pajjiż AKP.

2.   Is-sidien tal-bastimenti għandhom jagħmlu ħilithom biex itellgħu abbord baħrin li jkunu ġejjin mis-Senegal.

3.   Il-prinċipji u d-drittijiet tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) għandhom japplikaw għall-baħrin li jittellgħu abbord il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni. B’mod partikolari, din tikkonċerna l-libertà ta’ assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effettiv tad-dritt għan-negozjar kollettiv u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-impjiegi u tax-xogħol.

4.   Il-kuntratti ta’ impjieg tal-baħrin tas-Senegal, li kopja tagħhom għandha tingħata lill-awtoritajiet marittimi tas-Senegal u lill-firmatarji ta’ dawn il-kuntratti, isiru bejn ir-rappreżentant(i) tas-sidien tal-bastimenti u l-baħrin u/jew it-trejdjunjins jew ir-rappreżentanti tagħhom. Dawn il-kuntratti għandhom jiggarantixxu lill-baħħara kondizzjonijiet ta’ għajxien u ta’ xogħol deċenti u l-benefiċċju tal-iskema tas-sigurtà soċjali applikabbli għalihom, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli u l-istandards tal-ILO, inkluż mewt, mard u assigurazzjoni kontra l-inċidenti.

5.   Il-pagi tal-baħrin mill-pajjiżi AKP għandhom jitħallsu mis-sidien tal-bastimenti. Dawn il-pagi għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim reċiproku bejn sidien il-bastimenti jew ir-rappreżentanti tagħhom u l-baħrin u/jew it-trejdjunjins tagħhom jew ir-rappreżentanti tagħhom. Madankollu, il-kundizzjonijiet tal-pagi tal-baħħara tal-AKP ma għandhomx ikunu inqas mill-istandards tal-ILO.

6.   Kull baħri impjegat mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandu jirrapporta lill-kaptan maħtur tal-bastiment lejlet id-data proposta għall-imbark tiegħu. Jekk baħri jonqos milli jirrapporta fid-data u l-ħin previsti għall-imbarkazzjoni, sid il-bastiment jinħall awtomatikament mill-obbligu tal-imbarkazzjoni ta’ dak il-baħri.

7.   Kull sena, is-sidien tal-bastimenti għandhom jibagħtu informazzjoni dwar il-baħħara irreklutati. Din l-informazzjoni għandha tinkludi l-għadd ta’ baħrin li huma ċittadini:

(a)

tal-Unjoni;

(b)

ta’ pajjiż tal-AKP, li jiddistingwi bejn pajjiżi tas-Senegal u pajjiżi oħra tal-AKP;

(c)

ta’ pajjiż li jkun la tal-AKP u lanqas tal-UE.


(1)  Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).


Appendiċijiet tal-anness

Appendiċi 1

Formola tat-talba għal awtorizzazzjoni tas-sajd

Appendiċi 2

Skeda teknika għall-ispeċijiet tal-ħut li jgħix f’baħar fond

Appendiċi 3

Skeda teknika għal speċijiet ta’ tonn għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun mgħammra bi friża, għall-bastimenti tas-sajd bil-bastun u x-xlief u għall-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ

Appendiċi 4

Ġurnal elettroniku ta’ abbord tas-sajd (ERS)

Appendiċi 5

Sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti abbażi ta’ satellita (VMS)

Appendiċi 6

Dettalji tal-awtoritajiet tas-Senegal u tal-Istati Membri tal-bandiera


Appendiċi 1

FTEHIM DWAR IS-SAJD BEJN L-UNJONI EWROPEA U S-SENEGAL TALBA GĦAL AWTORIZZAZZJONI TAS-SAJD

Image 2


Appendiċi 2

SKEDA TEKNIKA GĦALL-ISPEĊIJIET TAL-ĦUT LI JGĦIX F’BAĦAR FOND

(1)

Speċijiet fil-mira:

L-ispeċijiet fil-mira huma l-ispeċijiet tal-merluzz l-iswed (Merluccius senegalensis u Merluccius polli)

(2)

Żoni tas-sajd:

Iż-żona tas-sajd awtorizzata hija ddefinita kif ġej (1):

(a)

fil-Punent tal-lonġitudni 016° 53’ 42" W bejn il-fruntiera tas-Senegal mal-Mawritanja u l-latitudni 15° 40’ 00" N;

(b)

lil hinn minn 15-il mil nawtiku mil-linja ta’ referenza ta’ bejn il-latitudni 15° 40’ 00" N u l-latitudni 15° 15’ 00" N;

(c)

lil hinn minn 12-il mil nawtiku mil-linja ta’ referenza tal-latitudni 15° 15’ 00" N sal-latitudni 15° 00’ 00" N;

(d)

lil hinn minn 8 mili nawtiċi mil-linji ta’ referenza tal-latitudni 15° 00’ 00" N sal-latitudni 14° 32’ 30" N;

(e)

fil-Punent tal-lonġitudni 017° 30’ 00" W, fiż-żona ta’ bejn il-latitudni 14° 32’ 30" N u l-latitudni 14° 04’ 00" N;

(f)

fil-Punent tal-lonġitudni 017° 22’ 00" W, fiż-żona ta’ bejn il-latitudni 14° 04’ 00" N u l-fruntiera tat-Tramuntana tas-Senegal mal-Gambja;

(g)

fil-Punent tal-lonġitudni 017° 35’ 00" W, fiż-żona ta’ bejn il-fruntiera tan-Nofsinhar tas-Senegal mal-Gambja u l-latitudni 12° 33’ 00" N;

(h)

fin-Nofsinhar tal-ażimut 137, li għandu jiġi intraċċat minn P9 (12° 33′ 00″ N; 017° 35’ 00’’ W) sal-intersezzjoni mal-ażimut 220° impenġi minn Cabo Roxo, sabiex jitqies il-ftehim ta’ ġestjoni u kooperazzjoni bejn is-Senegal u l-Guinea-Bissau.

(3)

Apparat awtorizzat:

Ix-xbieki tat-tkarkir konvenzjonali tal-qiegħ jew għall-merluzz, b’daqs minimu tal-malja ta’ 70 mm. Huwa pprojbit l-użu ta’ kwalunkwe mezz jew tagħmir li jimblokka l-malji tax-xbieki jew li jnaqqas l-azzjoni selettiva tagħhom. Madankollu, bil-għan li jiġi evitat li x-xbieki jitherrew jew jiċċarrtu, huwa permess li jitwaħħlu biss sottovesti ta’ protezzjoni magħmulin mix-xibka jew minn materjal ieħor taħt il-parti ta’ isfel tal-manka tax-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ. Dawn is-sottovesti għandhom jitwaħħlu biss mal-parti ta’ quddiem u mal-ġnub tal-manka tax-xbieki tat-tkarkir. Għall-parti ta’ fuq tax-xbieki tat-tkarkir, jista’ jintuża apparat ta’ protezzjoni biss jekk dan ikun magħmul minn biċċa waħda tax-xibka biss, magħmula mill-istess materjal tal-manka, li l-malji tagħha jkunu tal-anqas 300 mm meta d-drapp ikun stirat. Huwa pprojbit li wieħed jirdoppja r-raden, sempliċi jew immaljat, tal-manka.

(4)

Qabdiet inċidentali  (2):

15 % ta’ ċefalopodi, 5 % ta’ krustaċji u 20 % ta’ speċijiet oħrajn ta’ ħut tal-qiegħ li jgħix f’baħar fond.

Il-perċentwali tal-qabdiet inċidentali stabbiliti fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu kkalkulati fi tmiem kull vjaġġ tas-sajd, skont il-piż totali tal-qabda, skont ir-regolamenti tas-Senegal.

Huma pprojbiti ż-żamma abbord, it-trasbord, il-ħatt l-art, il-ħażna u l-bejgħ tal-elażmobranki jew ta’ partijiet minnhom li huma taħt xi miżura ta’ protezzjoni mill-Pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni għall-konservazzjoni u għall-ġestjoni tal-klieb il-baħar u mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u mill-organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd kompetenti, jiġifieri tal-kelb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku (Carcharhinus longimanus), tal-kelb il-baħar ħariri (Carcharhinus falciformis), tal-kelb il-baħar l-abjad (Carcharodon carcharias), tal-gabdoll (Cetorhinus maximus), tal-pixxiplamtu (Lamna nasus), tal-pixxivolpi għajnu kbira (Alopias superciliosus), tal-ixkatlu komuni (Squatina squatina), tal-manta ġganta (Manta birostris) u tal-ispeċijiet tal-kurazzi (Sphyrna zygaena).

Fil-każ li dawn aċċidentalment jinqabdu, l-ispeċijiet elażmobranki ma jistgħux jinżammu abbord u ma tistax issirilhom ħsara. Il-ħut minn dawn l-ispeċijiet maqbud għandu jintefa’ lura l-baħar minnufih.

Huma pprojbiti ż-żamma abbord, it-trasbord, il-ħatt l-art, il-ħażna u l-bejgħ tal-ispeċijiet pelaġiċi, fosthom tat-Trachurus spp., tas-Sardina pilchardus, tal-iScomber spp. u tas-Sardinella spp..

(5)

Ammont ta’ qabdiet awtorizzat:

Volum ta’ qabdiet awtorizzatiu Imposti:

1,750 tunnellata fis-sena

Imposta:

EUR 95 għal kull tunnellata

L-imposta għandha tiġi kkalkulata fi tmiem kull trimestru li għalih il-bastiment ikun ingħata awtorizzazzjoni tas-sajd, filwaqt li jitqiesu l-qabdiet li jkunu saru matul dak il-perjodu.

Il-liċenzja tingħata biss jekk isir ħlas bil-quddiem ta’ EUR 500 għal kull bastiment, li għandu jitnaqqas mill-ammont totali tal-imposta u li għandu jitħallas fil-bidu ta’ kull trimestru li għalih il-bastiment ikun ingħata awtorizzazzjoni tas-sajd.

(6)

Oħrajn

 

L-għadd ta’ bastimenti li huma awtorizzati jistadu

2 bastimenti

Tip ta’ bastimenti awtorizzati li jistadu

Bastimenti tat-tkarkir għas-sajd għall-ħut tal-qiegħ li jgħix f’baħar fond

Imbark ta’ baħrin li jkunu ġejjin mis-Senegal jew minn pajjiżi AKP oħrajn

25 % tal-ekwipaġġ

Perjodu annwali ta’ waqfien mis-sajd għal raġunijiet bijoloġiċi

Mill-1 ta’ Mejju sat-30 ta’ Ġunju  (3)

L-imbark ta’ osservatur xjentifiku fuq kull bastiment tat-tkarkir għandu jkun obbligatorju..


(1)  Fejn ikun xieraq, iż-żona tas-sajd tista’ tiġi ddefinita permezz ta’ koordinati li jistabbilixxu l-konfini tal-poligonu li fih huwa permess is-sajd. L-awtoritajiet tas-Senegal għandhom jibagħtu dawn il-koordinati lill-Kummissjoni Ewropea qabel ma jidħol fis-seħħ dan il-Protokoll.

(2)  Din id-dispożizzjoni se tiġi analizzata mill-ġdid sena wara li tibda tiġi applikata.

(3)  Bħall-miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni l-oħrajn, il-perjodu ta’ rkupru bijoloġiku għandu jiġi rivedut wara li l-Protokoll ikun ilu sena li daħal fis-seħħ u jista’ jiġi adattat sabiex jitqiesu l-istokkijiet tal-ħut, jekk il-Grupp ta’ ħidma xjentifika konġunt jirrakkomanda dan.


Appendiċi 3

SKEDA TEKNIKA GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD GĦAT-TONN BIT-TARTARUNI MGĦAMMRA BI FRIŻA, GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD BIL-BASTUN U X-XLIEF U GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD BIL-KONZ TAL-WIĊĊ

1.   Żoni tas-sajd

Il-liċenzja għas-sajd pelaġiku fil-baħar fond għandha tipprovdi:

1.1

lill-bastimenti għas-sajd tat-tonn bil-bastun u x-xlief u għall-bastimenti għas-sajd tat-tonn bit-tartaruni u mgħammra bil-friża, id-dritt għas-sajd tat-tonn fl-ibħra kollha li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tas-Senegal;

1.2.

lill-bastimenti tas-sajd bil-konzijiet tal-wiċċ li għandhom fil-mira l-pixxispad, id-dritt li jistabbilixxu t-tagħmir tas-sajd tagħhom:

lil hinn minn 15-il mil nawtiku mil-linja ta’ referenza li tasal sal-fruntiera tas-Senegal u l-Mauritania sal-latitudni 14° 25’ 00" N;

fil-Punent tal-lonġitudni 17° 15’ 00" W, fiż-żona ta’ bejn il-latitudni 14° 25’ 00" N u l-fruntiera tat-Tramuntana tas-Senegal mal-Gambja;

il-Punent tal-lonġitudni 17° 15’ 00" W, fiż-żona ta’ bejn il-fruntiera tan-Nofsinhar tas-Senegal mal-Gambja u l-fruntiera tas-Senegal mal-Guinea Bissau.

2.   Speċijiet ipprojbiti

F'konformità mal-Konvenzjoni dwar l-ispeċijiet tal-ħut li jpassi u skont ir-riżoluzzjonijiet tal-ICCAT, is-sajd għall-manta ġganta (Manta birostris), għall-gabdoll (Cetorhinus maximus), għall-kelb il-baħar l-abjad (Carcharodon carcharias), għall-pixxivolpi għajnu kbira (Alopias superciliosus), għall-kurazzi tal-familja tal-iSphyrnidae (ħlief għall-kurazza tiburo), għall-kelb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku (Carcharhinus longimanus) u għall-kelb il-baħar ħariri (Carcharhinus falciformis), kif ukoll dawk tal-kelb il-baħar tat-tip Rhincodon typus huma pprojbiti.

F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1185/2003 (1), huwa pprojbit li wieħed ineħħi x-xewka tal-kelb il-baħar abbord il-bastimenti u li wieħed iżomm abbord, jittrasborda jew iħott l-art ix-xewka tal-kelb il-baħar. Mingħajr preġudizzju għal dan ta’ hawn fuq, sabiex tkun iffaċilitata l-ħażna abbord, ix-xewka tal-kelb il-baħar tista’ tinqata’ b’mod parzjali u tintewa għal fuq il-karkassa, iżda ma tistax titneħħa minn mal-karkassa qabel ma din tinħatt l-art.

Skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex inaqqsu l-impatt aċċidentali tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-fkieren u fuq l-għasafar tal-baħar billi jimplimentaw miżuri li jżidu kemm jista’ jkun il-possibbiltà li l-annimali li jinqabdu bi żball isalvaw.

3.   Irkaptu u speċijiet

IL-BASTIMENTI TAS-SAJD GĦAT-TONN BIT-TARTARUNI

Irkaptu awtorizzat: it-tartaruni.

Speċijiet fil-mira: it-tonn isfar (Thunnus albacares), it-tonn obeż (Thunnus obesus) u l-palamit (Katsuwonus pelamis).

Qabdiet inċidentali: il-ħarsien tar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT u tal-FAO.

BASTIMENTI BIL-BASTUN U X-XLIEF

Irkaptu awtorizzat: bastun u xlief.

Speċijiet fil-mira: it-tonn isfar (Thunnus albacares), it-tonn obeż (Thunnus obesus) u l-palamit (Katsuwonus pelamis).

Qabdiet inċidentali: il-ħarsien tar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT u tal-FAO.

IL-BASTIMENTI TAS-SAJD BIL-KONZ TAL-WIĊĊ

Irkaptu awtorizzat: il-konzijiet tal-wiċċ.

Speċijiet fil-mira: il-pixxispad (Xiphias gladius), il-ħuta kaħla (Prionace glauca), it-tonn isfar (Thunnus albacares) u t-tonn obeż (Thunnus obesus).

Qabdiet inċidentali: il-ħarsien tar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT u tal-FAO.

4.   Imposti li jridu jħallsu sidien il-bastimenti — l-għadd ta’ bastimenti

Imposta addizzjonali għal kull tunnellata maqbuda

bastimenti tas-sajd bit-tartaruni:

EUR 80 fl-ewwel tliet snin

EUR 85 għall-aħħar sentejn

bastimenti tas-sajd bil-bastun u x-xlief: EUR 75 għall-perjodu kollu ta’ applikazzjoni tal-Protokoll

bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ: EUR 75 għall-perjodu kollu ta’ applikazzjoni tal-Protokoll

L-ammont annwali b’rata fissa bil-quddiem

Għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni: EUR 18 500

Għall-bastimenti tas-sajd bil-bastun u x-xlief: EUR 13 000

Għall-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ: EUR 3 525

Imposta b’rata fissa marbuta mal-osservaturi

EUR 600 għal kull bastiment kull sena

Imposta għal kull bastiment ta’ appoġġ

EUR 3 500 għal kull bastiment kull sena

L-għadd ta’ bastimenti li huma awtorizzati jistadu

28 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni

5 bastimenti li jistadu bil-konz tal-wiċċ

10 bastimenti tas-sajd bil-bastun u x-xlief


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1185/2003 tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar it-tneħħija tax-xewka tal-klieb il-baħar abbord ta' bastimenti (ĠU L 167, 4.7.2003, p. 1)


Appendiċi 4

Ġurnal elettroniku ta’ abbord tas-sajd (ERS)

1.   Trażmissjonijiet tal-ERS

(1)

L-Istat tal-bandiera u s-Senegal għandhom jagħżlu korrispondent tal-ERS kull wieħed li għandu jservi bħala l-punt ta’ kuntatt għall-kwistjonijiet marbutin mal-implimentazzjoni tal-ERS. L-Istat tal-bandiera u s-Senegal għandhom jibagħtu lil xulxin id-dettalji ta’ kuntatt tal-korrispondent tal-ERS rispettiv tagħhom u, jekk ikun hemm bżonn, għandhom jaġġornaw dik l-informazzjoni mingħajr dewmien.

(2)

Il-bastiment għandu jibgħat id-data tal-ERS lill-Istat tal-bandiera tiegħu, li għandu jqiegħda b’mod awtomatiku għad-dispożizzjoni tas-Senegal.

(3)

Id-data għandha tkun bil-format UN/CEFACT u għandha tiġi trażmessa permezz tan-netwerk FLUX li l-Kummissjoni Ewropea tqiegħed għad-dispożizzjoni.

(4)

Madankollu, il-Partijiet jistgħu jaqblu fuq perjodu ta’ tranżizzjoni li matulu d-data għandha tiġi trażmessa permezz tad-DEH (id-“Data Exchange Highway”) fil-format EU-ERS (fil-verżjoni 3.1 tiegħu).

(5)

Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jibgħat awtomatikament u mingħajr dewmien il-messaġġi istantanji li jkun qed jibgħat il-bastiment (il-messaġġi COE, COX u PNO) liċ-ĊMS tas-Senegal. Għandhom jintbagħtu awtomatikament ukoll tipi ta’ messaġġi oħrajn darba kuljum mid-data meta jibda jintuża b’mod effettiv il-format UN-CEFACT jew, sa meta jseħħ dan, għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni taċ-ĊMS tas-Senegal mingħajr dewmien meta ssir talba awtomatika għalihom liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera permezz tan-nodu ċentrali tal-Kummissjoni Ewropea. Minn meta jiġi implimentat b’mod effettiv il-format il-ġdid, dan il-mod ta’ trażmissjoni msemmi l-aħħar għandu jintuża biss għal talbiet speċifiċi għal data storika.

(6)

Iċ-ĊMS tas-Senegal għandu jikkonferma li rċieva d-data istantanja tal-ERS li tkun intbagħtitlu billi jibgħat messaġġ ta’ ritorn li fih jikkonferma r-riċezzjoni tad-data u l-validità tal-messaġġ li huwa rċieva. Ma għandha tintbagħat l-ebda konferma tal-wasla fil-każ tad-data li s-Senegal jirċievi bi tweġiba għal talba li jkun għamel huwa stess. Is-Senegal għandu jittratta d-data kollha tal-ERS b’mod kunfidenzjali.

2.   Falliment tas-sistema ta’ trażmissjoni elettronika abbord il-bastiment jew tas-sistema ta’ komunikazzjoni

(1)

Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u ċ-ĊMS tas-Senegal għandhom jgħarrfu lil xulxin mingħajr dewmien b’kull avveniment li jista’ jaffettwa t-trażmissjoni tad-data tal-ERS ta’ bastiment wieħed jew iktar.

(2)

Jekk iċ-ĊMS tas-Senegal ma jirċevix id-data li bastiment suppost jibgħat, għandu jgħarraf liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera mingħajr dewmien b’dan. Dan għandu jipprova jara malajr kemm jista’ jkun għalfejn dan ma rċeviex id-data tal-ERS u għandu jgħarraf liċ-ĊMS tas-Senegal bir-riżultat ta’ dawn l-investigazzjonijiet.

(3)

Meta t-trażmissjoni bejn bastiment u ċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera tfalli, dan iċ-ĊMS għandu jgħarraf lill-kaptan jew lill-operatur tal-bastiment jew, fin-nuqqas tiegħu, lir-rappreżentant tiegħu mingħajr dewmien b’dan. Malli jirċievi din in-notifika, il-kaptan tal-bastiment għandu jibgħat id-data li tkun nieqsa lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-bandiera b’kull mezz xieraq ta’ telekomunikazzjoni kuljum sa mhux iktar tard minn nofs il-lejl.

(4)

F’każ ta’ ħsara fis-sistema ta’ trażmissjoni elettronika installata abbord il-bastiment, il-kaptan jew l-operatur tal-bastiment għandhom jiżguraw li l-ħsara tissewwa jew li l-ERS tinbidel fi żmien għaxart ijiem minn meta jindunaw bil-ħsara. Ladarba jgħaddi dak il-perjodu, il-bastiment ma jibqax awtorizzat jistad fiż-żona tas-sajd u jkollu joħroġ minnha jew jidħol f’port tas-Senegal fi żmien 24 siegħa. Il-bastiment għandu jkun jista’ jitlaq minn dak il-port jew jerġa’ jidħol fiż-żona tas-sajd biss meta ċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera tiegħu jkun aċċerta ruħu li l-ERS qed terġa’ taħdem kif suppost.

(5)

Jekk is-Senegal ma jkunx irċieva d-data tal-ERS minħabba ħsara fis-sistemi elettroniċi li jkunu taħt il-kontroll tal-Unjoni jew tas-Senegal, il-Parti kkonċernata għandha tieħu azzjoni mill-ewwel biex issolvi l-ħsara malajr. Il-Parti l-oħra għandha tiġi mgħarrfa mill-ewwel malli tissolva l-problema.

(6)

Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jibgħat, kull 24 siegħa liċ-ĊMS tas-Senegal, b’kull mezz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli, id-data kollha tal-ERS li l-Istat tal-bandiera jkun irċieva mill-aħħar trażmissjoni. L-istess proċedura tista’ tintuża fuq talba tas-Senegal f’każ ta’ ħidma ta’ manutenzjoni ta’ iktar minn 24 siegħa li taffettwa s-sistemi li jkunu taħt il-kontroll tal-Unjoni. Is-Senegal għandu javża lis-servizzi ta’ kontroll kompetenti tiegħu sabiex il-bastimenti tal-Unjoni ma jitqisux li qed jonqsu milli jħarsu l-obbligu tagħhom li jibagħtu d-data tal-ERS tagħhom. Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jiżgura li jdaħħal id-data li tkun nieqsa fil-bażi tad-data elettronika tiegħu skont il-punt 1 tal-Appendiċi 5.

3.   Mezzi ta’ komunikazzjoni alternattivi

L-indirizz tal-posta elettronika taċ-ĊMS tas-Senegal li għandu jintuża f’każ li t-trażmissjonijiet tal-ERS jew tal-VMS ifallu għandu jintbagħat qabel ma jibda japplika l-Protokoll.

Dan għandu jintuża:

għan-notifiki tad-dħul u tal-ħruġ u għan-notifiki dwar il-qabdiet li jkun hemm abbord fil-mument tad-dħul u tal-ħruġ;

għan-notifiki dwar il-ħatt l-art u t-trasbord u n-notifiki dwar il-qabdiet li jkunu ġew ittrasbordati, li jkunu nħattu l-art jew li jkun għad hemm abbord;

għat-trażmissjonijiet temporanji tal-ERS u tal-VMS ta’ sostituzzjoni previsti f’każ ta’ falliment.


Appendiċi 5

Sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti abbażi ta’ satellita (VMS)

1.   Messaġġi dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti — il-VMS

L-ewwel pożizzjoni rreġistrata wara d-dħul fiż-żona tas-Senegal għandha tiġi identifikata bil-kodiċi “ENT”. Il-pożizzjonijiet kollha ta’ wara għandhom jiġu identifikati bil-kodiċi “POS”, ħlief għall-ewwel pożizzjoni rreġistrata wara l-ħruġ miż-żona tas-Senegal, li għandha tiġi identifikata bil-kodiċi “EXI”.

Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jiżgura l-ipproċessar awtomatiku u, jekk ikun meħtieġ, it-trażmissjoni elettronika tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni. Il-messaġġi dwar il-pożizzjoni għandhom jiġu rreġistrati b’mod sigur u għandhom jinżammu għal perjodu ta’ tliet snin.

2.   Trażmissjoni min-naħa tal-bastiment f’każ ta’ ħsara fis-sistema tal-VMS

Il-kaptan għandu jiżġura li, matul il-ħin kollu, il-VMS tal-bastiment tiegħu tkun qed taħdem tajjeb u li l-messaġġi dwar il-pożizzjoni jkunu qed jintbagħtu sew liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera.

F’każ ta’ ħsara, il-VMS tal-bastiment għandha tissewwa jew tinbidel fi żmien tletin jum. Wara dak il-perjodu, il-bastiment ma għandux jibqa’ awtorizzat jistad fl-ilmijiet tas-Senegal.

Il-bastimenti li jkunu qed jistadu fiż-żona tas-sajd tas-Senegal b’VMS difettuża jridu jibagħtu l-messaġġi dwar il-pożizzjoni tagħhom permezz ta’ ittra elettronika, bir-radju jew bil-faks liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera, tal-inqas kull erba’ sigħat, u jridu jibagħtu l-informazzjoni obbligatorja kollha.

3.   Funzjonament ħażin tas-sistema ta’ komunikazzjoni

Is-Senegal għandu jiżgura li t-tagħmir elettroniku tiegħu jkun kompatibbli ma’ dak taċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u għandu jgħarraf lill-Unjoni minnufih b’kull nuqqas ta’ funzjonament fil-komunikazzjoni u l-wasla tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni bil-għan li tinstab soluzzjoni teknika mill-aktar fis possibbli. Il-Kumitat Konġunt għandu jipprova jsolvi kwalunkwe tilwim li jista’ jirriżulta minn dan.

Il-kaptan għandu jitqies bħala responsabbli għal kull manipulazzjoni ppruvata tas-sistema tal-VMS tal-bastiment li jkollha l-għan li tfixkel l-operat tagħha jew li tiffalsifika l-messaġġi tagħha dwar il-pożizzjoni tal-bastiment. Kull ksur għandu jkun soġġett għall-pieni previsti mil-leġiżlazzjoni tas-Senegal li tkun fis-seħħ.

4.   Bidla fil-frekwenza tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni

Abbażi ta’ evidenza dokumentata li tipprova ksur, l-awtoritajiet tas-Senegal jistgħu jistaqsu liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera, filwaqt li jibagħtu kopja wkoll lill-Unjoni, li jnaqqas l-intervall biex il-bastiment jibgħat il-messaġġi dwar il-pożizzjoni tiegħu għal kull nofsiegħa għal perjodu partikulari tal-investigazzjoni. Is-Senegal għandu jibgħat din l-evidenza dokumentata lill-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u lill-Unjoni. Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jibgħat minnufih il-messaġġi dwar il-pożizzjoni lis-Senegal fuq il-frekwenza l-ġdida.

Fi tmiem il-perjodu stabbilit tal-investigazzjoni, is-Senegal għandu jgħarraf liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u lill-Unjoni b’kull monitoraġġ li jista’ jkun meħtieġ.

5.   Komunikazzjoni tal-messaġġi tal-VMS lis-Senegal

Il-kodiċi “ER” segwit minn linja mmejla doppja (//) jindika tmiem il-messaġġ

Element tad-data

Kodiċi

Obbligatorju/

Fakultattiv

Kontenut

Bidu tar-reġistrazzjoni

SR

0

Dettall dwar is-sistema li jindika l-bidu tar-reġistrazzjoni

Destinatarju

AD

0

Dettall dwar il-messaġġ — Il-kodiċi alfa-3 tal-pajjiż destinatarju (ISO-3166)

Speditur

MT

0

Dettall dwar il-messaġġ — Il-kodiċi alfa-3 tal-pajjiż speditur (ISO-3166)

Stat tal-bandiera

FS

0

Dettall dwar il-messaġġ — Il-kodiċi alfa-3 tal-Istat tal-bandiera (ISO-3166)

Tip ta’ messaġġ

TM

0

Dettall dwar il-messaġġ – It-tip ta’ messaġġ (ENT, POS, EXI) (MAN)

Sinjal tas-sejħa bir-radju (l-IRCS)

RC

0

Dettall dwar il-bastiment — Is-sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju tal-bastiment (l-IRCS)

Numru ta’ referenza intern tal-Parti Kontraenti

IR

0

Dettall dwar il-bastiment — In-numru uniku tal-parti kontraenti, mogħti bħala l-kodiċi alfa-3 (ISO-3166) segwit min-numru

Numru tar-reġistrazzjoni estern

XR

0

Dettall dwar il-bastiment — In-numru mmarkat fuq il-ġenb tal-bastiment (ISO 8859.1)

Latitudni

LT

0

Dettall dwar il-pożizzjoni tal-bastiment — Il-pożizzjoni fi gradi u fi gradi deċimali N/S GG.ggg (WGS84)

Lonġitudni

LG

0

Dettall dwar il-pożizzjoni tal-bastiment — Il-pożizzjoni fi gradi u fi gradi deċimali E/W GG.ggg (WGS84)

Rotta

CO

0

Ir-rotta tal-bastiment fuq skala ta’ 360°grad

Veloċità

SP

0

Il-veloċità tal-bastiment f’wieħed minn kull għaxar mili nawtiċi

Data

DA

0

Dettall dwar il-pożizzjoni tal-bastiment — Id-data tar-reġistrazzjoni tal-pożizzjoni f’UTC (SSSSXXJJ)

Ħin

TI

0

Dettall dwar il-pożizzjoni tal-bastiment — Il-ħin tar-reġistrazzjoni tal-pożizzjoni f’UTC (SSMM)

Tmiem ir-reġistrazzjoni

ER

0

Dettall dwar is-sistema li jindika tmiem ir-reġistrazzjoni

fil-format NAF, it-trażmissjoni tad-data hija strutturata kif ġej:

il-karattri użati jridu jikkonformaw mal-istandard tal-ISO 8859.1. Linja mmejla doppja (//) u l-kodiċi “SR” ifissru l-bidu tal-messaġġ.

kull element tad-data jiġi identifikat mill-kodiċi tiegħu u jingħażel mill-elementi l-oħra tad-data permezz ta’ linja mmejla doppja (//);

linja mmejla waħda (/) tissepara l-kodiċi minn mad-data;

Qabel ma l-Protokoll jibda japplika b’mod provviżorju, is-Senegal għandu javża jekk id-data tal-VMS għandhiex tiġi trażmessa permezz tal-FLUX TL fil-format UN/CEFACT jew le.


Appendiċi 6

DETTALJI TAL-AWTORITAJIET TAS-SENEGAL U TAL-ISTATI MEMBRI TAL-BANDIERA

IS-SENEGAL

1.   Direttorat tas-Sajd Marittimu

Indirizz: LOT 1 SPHÈRE MINISTÉRIELLE DE DIAMNIADIO, 2e ÉTAGE, BÂTIMENT D

Posta elettronika: magoudiaby@yahoo.fr

Telefown: 00221 33 849 84 40

2.   Għat-talbiet għal awtorizzazzjoni tas-sajd

Indirizz: LOT 1 SPHÈRE MINISTÉRIELLE DE DIAMNIADIO, 2e ÉTAGE, BÂTIMENT D

Posta elettronika: layee78@yahoo.fr

Indirizz tal-posta elettronika (alternattiv): magoudiaby@yahoo.fr

Telefown: 00221 33 849 84 40

3.   Id-Direttorat għall-protezzjoni u għas-sorveljanza tas-sajd (DPSP) u n-notifika tad-dħul u tal-ħruġ

Isem iċ-ĊMS (il-kodiċi tas-sejħa): PAPA SIERA

Dettalji tar-radju: il-kanal 16 VHF

Filgħodu (08:00 sa 10:00H): [iċċekkja] Hz

Waranofsinhar (14:00 sa 17:00H): [iċċekkja] Hz

Indirizz: FENETRE MERMOZ, CORNICHE OUEST DAKAR

Posta elettronika: surpeche@hotmail.com

Indirizz tal-posta elettronika (alternattiv): crrsdpsp@gmail.com

Telefown: +221 338602465

4.   Iċ-Ċentru ta’ riċerka oċeanografika ta’ Dakar-Thiaroye (CRODT)

Indirizz: POLE DE RECHERCHE ISRA/HANN, BP 2241 DAKAR

Posta elettronika: hamet.diadhiou@isra.sn

Indirizz tal-posta elettronika (alternattiv): hamet_diadhiou@yahoo.fr

Telefown: 00221 33 832 82 62

L-ISTATI MEMBRI TAL-BANDIERA:

Id-dettalji tal-kuntatt rilevanti tal-Istati Membri tal-bandiera għandhom jintbagħtu lis-Senegal mill-Unjoni qabel il-bidu tal-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Protokoll.


Top