EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22017D1489

Rakkomandazzjoni Nru 1/2017 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova tal-4 ta' Awwissu 2017 dwar l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova [2017/1489]

OJ L 215, 19.8.2017, p. 3–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 19/08/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2017/1489/oj

19.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/3


RAKKOMANDAZZJONI Nru 1/2017 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U R-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA

tal-4 ta' Awwissu 2017

dwar l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova [2017/1489]

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U R-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fis-27 ta' Ġunju 2014 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 436(1) tal-Ftehim il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu s-setgħa li jadotta rakkomandazzjonijiet, bil-għan li jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim.

(3)

Skont l-Artikolu 453(1) tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom jieħdu kwalunkwe miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim u jiżguraw li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-Ftehim.

(4)

Ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat ippropona fażi ġdida ta' involviment mal-imsieħba, li tippermetti sens akbar ta' sjieda miż-żewġ naħat.

(5)

L-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova qablu li jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom billi qablu fuq sett ta' prijoritajiet għall-perijodu 2017-2019 bil-għan li jappoġġaw u jsaħħu r-reżiljenza u l-istabbiltà tar-Repubblika tal-Moldova, filwaqt li jfittxu assoċjazzjoni politika aktar mill-qrib u integrazzjoni ekonomika aktar profonda.

(6)

Il-Partijiet għall-Ftehim qablu fuq it-test tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova, li ser tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Ftehim, b'enfasi fuq il-kooperazzjoni fir-rigward tal-interessi kondiviżi identifikati b'mod komuni,

ADOTTA R-RAKKOMANDAZZJONI LI ĠEJJA:

Artikolu 1

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jirrakkomanda li l-Partijiet jimplimentaw l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova kif tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

L-Aġenda ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova, kif tinsab fl-Anness, għandha tissostitwixxi l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova li ġiet adottata fis-26 ta' Ġunju 2014.

Artikolu 3

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tieħu effett fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Chisinau, l-4 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni

Il-President

Pavel FILIP


(1)  ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.


ANNESS

AĠENDA TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA

Werrej

Aġenda ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova 7

1.

Prinċipji, strumenti u riżorsi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni 7

2.

Prijoritajiet tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni 8

2.1

Prijoritajiet ewlenin 8

2.2

Djalogu Politiku, Governanza Tajba u Tisħiħ tal-Istituzzjonijiet 10

(i)

Tisħiħ tal-istabbiltà, l-indipendenza u l-effikaċja tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxi d-demokrazija u l-istat tad-dritt fir-Repubblika tal-Moldova 10

(ii)

Aktar riforma fis-settur tal-ġustizzja, li b'mod partikolari jiżgura l-indipendenza, l-imparzjalità, il-professjonaliżmu u l-effiċjenza tal-ġudikatura 13

(iii)

Jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali 14
Drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali 14
Libertà ta' espressjoni 15
Kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili 15
Trattament ħażin u tortura 16
Drittijiet tat-tfal 16
Vjolenza domestika 16
Trattament ugwali 16
Drittijiet tat-trade unions u standards fundamentali tax-xogħol 16

2.3

Politika barranija u tas-sigurtà 17
Terroriżmu, nonproliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva u esportazzjoni ta' armi illegali 17
Il-Konflitt Transnistrijan 18
Il-Qorti Kriminali Internazzjonali 18

2.4

Kooperazzjoni dwar il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja 18
Protezzjoni tad-data personali 19
Ġlieda kontra l-kriminalità organizzata 19
Riforma tal-pulizija 19
Kooperazzjoni tal-pulizija u bażijiet ta' data 20
Indirizzar tad-drogi illeċiti 21
Traffikar ta' bnedmin 21
Ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal 21
Ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità 21
Prevenzjoni u ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-konflitt ta' interess 22
Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu u ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja 23
Kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni, l-asil u l-ġestjoni tal-fruntieri 24
Kooperazzjoni legali 25

2.5

Kwistjonijiet kummerċjali u b'rabta kummerċjali (DCFTA) 26
Kummerċ ta' oġġetti 26
Regolamenti tekniċi, standardizzazzjoni u infrastruttura relatata 26
Miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS) 27
Faċilitazzjoni doganali u kummerċjali 28
Regoli tal-oriġini 28
Stabbiliment, kummerċ fis-servizzi u kummerċ elettroniku 29
Pagamenti attwali u moviment tal-kapital 29
Akkwist pubbliku 29
Drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) 30
Kompetizzjoni 30
Trasparenza 31
Kummerċ u żvilupp sostenibbli 31

2.6

L-Iżvilupp ekonomiku u l-Opportunitajiet tas-Suq 31
Liġi tal-kumpaniji, kontabbiltà u awditjar u governanza korporattiva 32
Impjiegi, politika soċjali u opportunitajiet indaqs 32
Protezzjoni tal-konsumaturi 33
Statistika 34
Tassazzjoni 34
Servizzi finanzjarji 35
Politika industrijali u intraprenditorjali 36
Estrazzjoni u materja prima 36
Turiżmu 37
Agrikoltura u żvilupp rurali 37
Soċjetà tal-informazzjoni/Ekonomija u Soċjetà Diġitali 37
Saħħa pubblika 38
Ippjanar Urban u Kostruzzjoni 38
Żvilupp reġjonali 38
Politika dwar l-affarijiet marittimi u s-sajd 39

2.7

Konnettività, Effiċjenza fl-Enerġija, Azzjoni Klimatika, Ambjent u Protezzjoni Ċivili 39
Enerġija 39
Trasport 41
Ambjent 41
Azzjoni klimatika 42
Protezzjoni ċivili 42

2.8

Mobbiltà u Kuntatti bejn il-Persuni 43
Edukazzjoni, taħriġ u żgħażagħ 43
Riċerka u innovazzjoni 44
Kultura, politika awdjoviżiva u media 45
Parteċipazzjoni f'Aġenziji u Programmi tal-UE 45

2.9

Sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u viżibilità 46

Aġenda ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova

Fis-27 ta' Ġunju 2014, l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Moldova — “il-Partijiet” — iffirmaw Ftehim ta' Assoċjazzjoni (AA) ambizzjuż u innovattiv, li jinkludi Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA). Il-ftehim fih dispożizzjonijiet vinkolanti bbażati fuq ir-regoli u jipprevedi kooperazzjoni mtejba, li jmorru lil hinn mill-ftehimiet tradizzjonali u li jkopru l-oqsma kollha ta' interess. Il-ftehim kien applikat b'mod proviżorju mill-1 ta' Settembru 2014 sat-tlestija tal-proċess ta' ratifika, li ppermetta l-applikazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fl-1 ta' Lulju 2016.

Bil-għan li jħejju u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, fis-26 ta' Ġunju 2014, il-Partijiet qablu fi Brussell fuq Aġenda ta' Assoċjazzjoni, li tieħu minn lista ta' prijoritajiet għall-ħidma konġunta fil-perijodu 2014-2016.

Dan id-dokument jaġġorna u jerġa' jiffoka l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni 2014-2016 u jistabbilixxi prijoritajiet ġodda għal ħidma konġunta għall-perijodu 2017-2019, inkluż abbażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar ir-Repubblika tal-Moldova adottati fil-15 ta' Frar 2016. Huwa jiddistingwi bejn prijoritajiet fuq perijodu qasir (li fihom jenħtieġ li jsir progress sinifikanti sal-aħħar tal-2017) u prijoritajiet fuq perijodu medju (li fihom jenħtieġ li jsir progress sinifikanti fis-sentejn li ġejjin).

Il-fatt li l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni tiffoka fuq għadd limitat ta' prijoritajiet ma jaffettwax l-ambitu jew il-mandat tad-djalogu eżistenti skont Ftehimiet u Sħubijiet rilevanti oħrajn jew skont il-perkors multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant.

Barra minn hekk, l-ivvjaġġar mingħajr viża lejn il-pajjiżi ta' Schengen għaċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova li għandhom passaport bijometriku daħal fis-seħħ f'April 2014. Il-punti ta' riferiment tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża jeħtieġ li jiġu ssodisfati kontinwament sabiex jiżguraw is-sostenibbiltà tas-sistema ta' vjaġġar mingħajr viża u b'hekk jikkontribwixxu għall-mobbiltà u l-kuntatti bejn il-persuni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova, li huma wħud mill-elementi fundamentali li jirfdu l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika tar-Repubblika tal-Moldova mal-Unjoni Ewropea kif previst fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

1.   Prinċipji, strumenti u riżorsi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni

Il-prinċipji komuni li ġejjin iservu ta' gwida għall-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni:

L-azzjonijiet imwettqa bħala parti mill-Aġenda ta' Assoċjazzjoni jenħtieġ li jiġu implimentati fl-ispirtu tal-objettivi kumplessivi tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika;

Il-prijoritajiet tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni jirriflettu r-responsabbiltà tal-UE u tar-Repubblika tal-Moldova sabiex jimplimentaw b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tagħhom, issa li daħal fis-seħħ għalkollox;

Iż-żewġ partijiet iridu jiġu involuti fl-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni, b'rispett sħiħ għall-prinċipji ta' sjieda, trasparenza, obbligu ta' rendikont u inklużività;

Ir-riżultati miksuba skont l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni ser ikunu kontribut importanti għat-twettiq tal-prijoritajiet tal-2020 li għandu jintlaħaq qbil dwarhom fis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant fi Brussell;

L-Aġenda ta' Assoċjazzjoni għandha l-għan li tikseb riżultati tanġibbli, definiti u sostenibbli permezz tal-implimentazzjoni progressiva ta' miżuri prattiċi u l-involviment tas-soċjetà ċivili u ta' partijiet ikkonċernati oħra. Iż-żewġ partijiet jiżguraw b'mod speċjali li kull leġislazzjoni u dokument strateġiku żviluppati fil-qafas tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni jkunu ppreparati bi proċess inklużiv u bbażat fuq l-evidenza;

Il-partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jsostnu l-prijoritajiet miftiehma permezz ta' mezzi politiċi, tekniċi u finanzjarji xierqa u suffiċjenti;

L-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni tkun soġġetta għal monitoraġġ, rapportar annwali, u valutazzjoni. Il-progress li jsir ser jiġi rieżaminat, anke matul il-laqgħat tal-istrutturi bilaterali mwaqqfa mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Is-soċjetà ċivili ser tiġi mħeġġa wkoll tiffoka l-attivitajiet ta' monitoraġġ tagħha fuq l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni;

L-Unjoni Ewropea ser tappoġġa lir-Repubblika tal-Moldova fl-implimentazzjoni tal-objettivi u l-prijoritajiet stabbiliti fl-Aġenda ta' Assoċjazzjoni. Biex tagħmel dan, hija ser: toffri s-sorsi disponibbli kollha ta' appoġġ mill-UE; tipprovdi għarfien espert u konsulenza; tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, għarfien u informazzjoni; u tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet u t-tisħiħ istituzzjonali. L-Unjoni Ewropea ser tinkoraġġixxi u titlob ukoll il-koordinazzjoni tal-appoġġ minn sħab oħrajn tar-Repubblika tal-Moldova. Hija ser tuża l-istrumenti finanzjarji rilevanti tagħha sabiex tgħin fl-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni. Madankollu, l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni mhijiex dokument tal-ipprogrammar finanzjarju u mhijiex sostitut għall-ipprogrammar finanzjarju mwettaq mill-partijiet.

L-UE ser tipprovdi appoġġ fil-kuntest tal-prijoritajiet kumplessivi għall-għajnuna lir-Repubblika tal-Moldova, kif spjegat fil-Qafas Ta' Appoġġ Uniku (SSF) tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) u l-ipprogrammar multinazzjonali ppreparati għar-Repubblika tal-Moldova permezz tal-ENI, filwaqt li timmira wkoll li tieħu inkonsiderazzjoni l-prijoritajiet tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni. Hija tista' wkoll tipprovdi assistenza minn strumenti oħra tal-UE. Kwalunkwe assistenza finanzjarja ser tiġi pprovduta f'konformità sħiħa mar-regoli u l-proċeduri ta' implimentazzjoni li jirregolaw l-assistenza esterna tal-UE. F'konformità ma' dawn il-proċeduri, l-assistenza kollha tal-UE lir-Repubblika tal-Moldova għandha tibqa' tkun marbuta mal-kondizzjonalitajiet stretti li t-twettiq tagħhom ser jiġi mmonitorjat u evalwat regolarment. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti sistemi ta' twissija bikrija sabiex jitnaqqsu r-riskji.

Din l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni ser tkun applikabbli mill-mument tal-adozzjoni tagħha sal-aħħar tal-2019. L-Aġenda ta' Assoċjazzjoni tista' tiġi emendata jew aġġornata fi kwalunkwe ħin, bil-qbil tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova.

2.   Prijoritajiet tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni

2.1   Prijoritajiet ewlenin

Fost il-prijoritajiet tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni, jenħtieġ li l-azzjonijiet ta' riforma li ġejjin jiġu indirizzati bi prijorità:

 

Fil-qasam tat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-governanza tajba:

1.

Indipendenza tal-ġudikatura

Tiġi implimentata l-leġislazzjoni attwali li tirrigwarda l-ġustizzja u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi sabiex jiġu żgurati l-indipendenza, l-imparzjalità, l-integrità, il-professjonaliżmu u l-effiċjenza tal-ġudikatura, inkluż tal-prosekuzzjoni, li jenħtieġ li jkunu liberi minn kull interferenza politika jew kull interferenza żejda oħra, kif ukoll sabiex tiġi żgurata tolleranza żero għall-korruzzjoni u tiġi evitata kull xorta ta' mġiba korrotta. Jiġu implimentati regoli dwar l-immunità funzjonali f'konformità mal-istandards Ewropej u prattika tajba. Jiġu rreklutati mħallfin u prosekuturi b'mod trasparenti u skont il-mertu minn awtorità indipendenti.

2.

Prevenzjoni u ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-frodi u l-konflitt ta' interess

Tiġi implimentata l-Liġi dwar l-Integrità. Tiġi implimentata l-liġi li tirrikjedi lill-uffiċjali rilevanti kollha biex jipprovdu dikjarazzjoni tal-assi li jippossjedu huma u l-qraba stretti rilevanti tagħhom u biex jirrapportaw dwar konflitti ta' interess potenzjali f'dak li jirrigwarda l-interessi personali tagħhom jew ta' dawk il-qraba stretti, u tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-proċedura ta' infurzar. Jiġu adottati liġijiet dwar sanzjonijiet dissważivi proporzjonali għal reati ta' korruzzjoni u ħasil tal-flus. Tiġi implimentata Strateġija ġdida għall-Integrità u l-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, bil-għan li tipprevjeni u tnaqqas b'mod effettiv il-korruzzjoni f'konformità mal-valuri u l-istandards tal-UE. Jissaħħu l-kapaċitajiet tal-aġenziji ta' kontra l-korruzzjoni u jittejbu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejniethom. Jiddaħħal fis-seħħ qafas legali operattiv sabiex jipproteġi lill-informaturi.

3.

Irkupru tal-assi u investigazzjoni dwar il-frodi bankarja

Jitwaqqaf servizz effiċjenti ta' rkupru tal-assi fil-livell nazzjonali. Jiġu kondiviżi mal-UE r-riżultati ewlenin tat-tieni fażi tal-investigazzjoni Kroll li għaddejja skont it-termini maqbula ma' Kroll mingħajr ma jiġu pperikolati l-investigazzjoni ulterjuri u l-irkupru tal-assi. Il-każijiet kollha ta' frodi li affettwaw is-sistema bankarja tar-Repubblika tal-Moldova fil-perijodu 2012-2014 jiġu soġġetti għal investigazzjoni bir-reqqa u imparzjali, anki bil-għan li jiġu rkuprati l-fondi ddevjati u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja.

4.

Riforma fl-amministrazzjoni pubblika, inkluż il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi

Jiġu implimentati l-Istrateġija tar-Riforma tal-Amministrazzjoni Pubblika (PAR) u l-istrateġiji sottostanti, żviluppati fl-2016 b'konsultazzjoni mal-OECD / SIGMA u mal-komunità tad-donaturi. Jiġu organizzati mill-ġdid l-istituzzjonijiet governattivi, l-awtoritajiet amministrattivi u l-intrapriżi tal-istat sabiex jiżdiedu l-obbligu ta' rendikont, l-effikaċja u l-effiċjenza. Tkun rieżaminata s-sistema ta' koordinazzjoni u żvilupp tal-politika biex jiżdiedu l-inklużività, il-koerenza, l-effiċjenza, il-prevedibbiltà u t-trasparenza tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet. Tittejjeb il-kwalità u l-aċċessibbiltà tas-servizzi pubbliċi. Jiġu żgurati servizz ċivili professjonali u sistema ta' ġestjoni moderna tar-riżorsi umani. Titnieda riforma territorjali li tista' tippermetti massimizzazzjoni tar-riżorsi mqiegħda għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini fil-livell lokali. Is-soċjetà ċivili tkun involuta dejjem aktar biex jiżdiedu d-dover ta' rendikont, it-trasparenza u r-rispons tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-provvista ta' servizzi pubbliċi.

Tiġi aġġornata l-istrateġija għall-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi (PFM) tar-Repubblika tal-Moldova għall-2013-20. Tkompli r-riforma tal-iskrutinju parlamentari u s-sorveljanza tal-baġit. Jissaħħu t-trasparenza, is-sorveljanza u l-obbligu ta' rendikont tal-ġestjoni u tal-politika tal-finanzi pubbliċi. Tittejjeb il-governanza permezz ta' prudenza baġitarja u dixxiplina baġitarja, proċessi tal-obbligu ta' rendikont imsaħħa u ġestjoni aħjar għar-riżultati.

5.

Libertajiet Fundamentali

Jiġu mħarsa l-libertà u l-pluraliżmu tal-media, inkluż permezz tal-adozzjoni ta' Kodiċi Awdjoviżiv ġdid, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Unjoni Ewropea u tal-OSKE, sabiex il-leġislazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova tiġi allinjata mad-Direttiva dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva u jiġu indirizzati b'urġenza l-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-media, il-monopolizzazzjoni tas-suq tar-reklamar u r-riforma tax-xandar nazzjonali. Jiġu ddefiniti aħjar il-kompetenzi u l-kompiti tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni għas-Settur Awdjoviżiv, bil-għan li tissaħħaħ l-indipendenza tiegħu.

Jiġi adottat u implimentat il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali ġdid dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'enfasi fuq l-aktar gruppi vulnerabbli, u jiġu kkoordinati l-proċessi tal-ippjanar u tal-baġit sabiex jiġu allokati biżżejjed riżorsi għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu. Tiġi żgurata l-eżekuzzjoni effettiva tas-sentenzi mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u jinħoloq mekkaniżmu effiċjenti ta' kontroll Parlamentari fuq tali eżekuzzjoni.

Tingħata attenzjoni partikolari biex ikun żgurat li l-kwistjonijiet tal-ugwaljanza u tal-ugwaljanza bejn is-sessi jiġu indirizzati bħala prijorità trasversali.

6.

Soluzzjoni tal-konflitt Transnistrijan

Tiġi żviluppata viżjoni dwar soluzzjoni paċifika u sostenibbli għall-konflitt Transnistrijan, ibbażata fuq is-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, bi status speċjali għat-Transnistrija, li tiggarantixxi b'mod sħiħ id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali tal-popolazzjoni, u trawwem ukoll impenn ulterjuri man-naħa Transnistrijana. Ikompli d-djalogu kostruttiv relatat mas-sitwazzjoni fil-parti ċentrali (Transnistrija) tal-fruntiera bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna mal-kontropartijiet rilevanti kollha.

 

Fil-qasam tal-iżvilupp ekonomiku u l-opportunitajiet tas-suq:

7.

Ambjent tan-Negozju u klima tal-investiment mtejba

Jiġi implimentat il-programm ta' riforma miftiehem mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u jitwettqu politiki ekonomiċi, fiskali u finanzjarji fl-istess spirtu bħall-programm ta' riforma tal-FMI. Jittejjeb il-qafas regolatorju, l-ambjent operazzjonali għall-SMEs u jkunu infurzati l-liġijiet dwar il-kompetizzjoni biex titnaqqas l-imġiba monopolistika. Jiġu implimentati l-Istrateġija għall-Iżvilupp tas-Settur tal-SMEs 2012-2020 u l-Pjan ta' Azzjoni korrispondenti tagħha, f'konformità mal-liġi l-ġdida dwar l-SMEs, u mal-Pjan Direzzjonali rivedut tal-pajjiż dwar il-Kompetittività u mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Attrazzjoni tal-Investiment u l-Promozzjoni tal-Esportazzjoni 2016-2020. Jissaħħaħ ir-rwol tal-assoċjazzjonijiet tal-SMEs u tan-negozji (inkluż assoċjazzjonijiet settorjali) sabiex jittejjeb id-djalogu Pubbliku-Privat. Tiġi ssimplifikata s-sistema ta' spettorati u diversi korpi ta' spezzjoni sabiex tiżdied l-effiċjenza u jitnaqqas il-lok għall-korruzzjoni, waqt li jittejjeb l-infurzar tal-liġi u tal-istandards.

8.

Agrikoltura u Żvilupp Rurali

Tiġi implimentata Liġi Ġenerali dwar prinċipji ta' sussidjar fl-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, sabiex b'hekk tittejjeb l-implimentazzjoni tal-politika f'dan il-qasam. Tiżdied il-kompetittività tal-produzzjoni agrikola, speċjalment f'setturi magħżula b'valur ta' esportazzjoni għoli. Jittejbu l-kundizzjonijiet tal-impjieg u tal-ħajja fiż-żoni rurali. Jitjieb l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-art u tal-ilma. Jittejbu s-servizzi u l-infrastruttura u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi fiż-żoni rurali.

9.

Riformi relatati mal-kummerċ: Regolamenti tekniċi, standardizzazzjoni u infrastruttura relatata, u faċilitazzjoni doganali u tal-kummerċ

Tittejjeb il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, waqt li l-indikaturi tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ tal-OECD jittieħdu bħala parametru referenzjarju. Fil-qasam tar-regolamenti u l-istandards tekniċi, tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet rilevanti tal-UE, pereżempju CEN, CENELEC, ETSI, EURAMET, EA, WELMEC. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi relatati ma' regolamenti tekniċi u miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS) huma essenzjali sabiex ir-regolamenti l-ġodda f'dawn l-oqsma jiġu applikati b'mod aktar mifrux u l-pubbliku jifhimhom. Tinkiseb l-akkreditazzjoni fuq miżuri SPS tal-laboratorji kollha involuti fil-kontrolli uffiċjali għall-istandards internazzjonali sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-SPS għall-esportazzjoni u tissaħħaħ is-sikurezza alimentari fis-suq intern tar-Repubblika tal-Moldova.

Tiġi allinjata l-leġislazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova mal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni Ewropea u mar-regolamenti ta' implimentazzjoni tiegħu u tittejjeb il-prestazzjoni tal-amministrazzjoni doganali f'termini ta' integrità professjonali u trasparenza. Tiġi allinjata l-leġislazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova biex ir-Repubblika tal-Moldova tkun tista' taderixxi mal-Konvenzjoni dwar Proċedura Komuni ta' Transitu.

 

Fil-qasam tal-konnettività, l-effiċjenza fl-enerġija, l-ambjent u l-azzjoni klimatika:

10.

Sigurtà tal-enerġija u effiċjenza fl-enerġija

Tissaħħaħ l-indipendenza ta' ANRE, inkluż permezz ta' depolitiċizzazzjoni tal-ħatriet u proċedura ta' sensji għad-diretturi, kif ukoll permezz tal-iffissar ta' baġit awtonomu. Tiġi adottata Liġi ġdida dwar l-Enerġija b'mod trasparenti u inklużiv. Jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha tar-rieżami ta' ANRE mwettaq mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija. Jiġu implimentati l-liġijiet il-ġodda dwar l-elettriku u dwar il-gass naturali billi jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa preskritti mil-liġi u billi tiġi adottata l-leġislazzjoni sekondarja meħtieġa. Jiġu implimentati b'mod sħiħ l-impenji u l-ftehimiet tar-Repubblika tal-Moldova, inkluż dawk stabbiliti fost il-miri tal-programmi finanzjarji tal-FMI. Ikomplu jittieħdu passi favur l-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija tar-Repubblika tal-Moldova f'dak tal-UE. Tinġieb f'konformità l-Liġi dwar l-effiċjenza fl-enerġija fil-bini u jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' appoġġ xierqa għall-miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija kemm f'bini pubbliku kif ukoll fid-djar. Abbażi tal-liġi dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, jiġu żviluppati skemi ta' appoġġ, regoli amministrattivi u miżuri oħrajn meħtieġa sabiex jitrawwem użu akbar ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli.

11.

Trasport

Jiġi implimentat il-programm ta' riforma u ta' ristrutturar tas-settur ferrovjarju. Jiżdiedu l-isforzi sabiex tiġi implimentata l-leġislazzjoni tal-UE dwar l-avjazzjoni sabiex jittieħed vantaġġ sħiħ mill-Ftehim dwar Żona ta' Avjazzjoni Komuni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova. Tiġi stabbilita kompetizzjoni ħielsa u ġusta fis-settur tal-avjazzjoni, b'mod partikolari, jiġu inklużi klawsoli dwar l-aċċess nondiskriminatorju għall-ajruport fil-konċessjoni tal-ajruport ta' Chisinau u jerġa' jkun hemm kompetizzjoni effettiva fis-settur tas-servizzi fuq l-art. Jiġu żviluppati infrastrutturi ekonomikament importanti, inkluż permezz ta' implimentazzjoni ulterjuri tal-proġetti għall-iżvilupp tan-netwerk indikattiv estiż ta' TEN-T.

12.

Ambjent u azzjoni klimatika

Jiġu żgurati l-kontinwazzjoni tar-riformi amministrattivi u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva xierqa sabiex jiġu implimentati l-kapitoli tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni dwar l-ambjent u l-azzjoni klimatika. Isiru avvanzi fl-approssimazzjoni mal-acquis ambjentali billi jiġi adottat il-qafas legali ewlieni fis-settur, jiġifieri l-liġijiet dwar il-Protezzjoni tal-Arja, il-Ġestjoni tas-Sustanzi Kimiċi u l-Emissjonijiet Industrijali (il-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrati tat-Tniġġis). Jiġu implimentati l-liġijiet dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika u l-Maniġġar tal-Iskart.

 

Fil-qasam tal-mobbiltà u l-kuntatti bejn il-persuni:

13.

Edukazzjoni, taħriġ u żgħażagħ

Tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Kodiċi l-ġdid tal-Edukazzjoni fil-livelli kollha tal-edukazzjoni. Tiżdied il-kapaċità amministrattiva tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u tal-korpi subordinati. Issir ir-riforma tal-Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali, skont l-objettivi tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Iżvilupp tal-ETV (2013-2020), sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Jiġi adottat qafas legali għall-Kumitati Settorjali. Jiġi inkoraġġut l-involviment ta' partijiet ikkonċernati rilevanti (inkluż negozji u sħab soċjali) f'kull forma ta' tagħlim tul il-ħajja għal żvilupp professjonali kontinwu sabiex iqarrbuhom lejn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Titwettaq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali ta' Żvilupp tas-Settur taż-Żgħażagħ.

2.2   Djalogu Politiku, Governanza Tajba u Tisħiħ tal-Istituzzjonijiet

Id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni b'rabta mar-riformi li għandhom jitwettqu fil-qafas ta' din l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni għandhom l-għan li jsaħħu r-rispett għall-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi kif imħaddna mill-Konvenzjonijiet prinċipali tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa u l-protokolli relatati. Jenħtieġ li tiġi żgurata konsistenza mal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, li ser ikun applikabbli matul l-implimentazzjoni ta' din l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni.

(i)   Jissaħħu l-istabbiltà, l-indipendenza u l-effikaċja tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fir-Repubblika tal-Moldova, inkluż permezz ta' riforma komprensiva tal-amministrazzjoni pubblika u riforma tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jiġu adottati u implimentati l-kompetenzi riveduti tal-Qorti Kostituzzjonali u l-proċeduri tal-ħatra tal-membri tagħha, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa;

Jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas identifikat mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa/Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (OSKE/ODIHR), mill-missjoni ta' monitoraġġ tas-soċjetà ċivili nazzjonali u minn awtoritajiet pubbliċi ċentrali f'elezzjonijiet tal-passat, inkluż il-ħtieġa li jiġu żgurati finanzjament trasparenti tal-kampanji, kopertura indipendenti u imparzjali mill-media tal-massa u l-vot tad-dijaspora;

Tiġi vvalutata l-possibbiltà li jiġi permess il-finanzjament dirett tal-attività tal-partiti politiċi, tal-kampanji elettorali/kontestanti elettorali miċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova, mid-dħul miksub minn barra l-pajjiż, filwaqt li fl-istess ħin jiġi impedit li ċittadini, persuni u stati barranin jindaħlu direttament jew indirettament fl-attività politika fir-Repubblika tal-Moldova;

Jiddaħħal fis-seħħ qafas legali operattiv sabiex jipproteġi lill-informaturi;

Tiġi implimentata r-Riforma tal-istruttura territorjali tal-pajjiż billi jitnaqqas in-numru ta' awtoritajiet lokali f'konformità mal-Istrateġija ta' Deċentralizzazzjoni Nazzjonali, kif ukoll mal-Istrateġija tal-PAR;

Jiġu implimentati l-Istrateġija tal-PAR u l-istrateġiji sottostanti, żviluppati fl-2016 f'konsultazzjoni mal-OECD/is-SIGMA u mal-komunità tad-donaturi;

Jissaħħu l-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni, monitoraġġ u rapportar u l-kapaċitajiet kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak amministrattiv;

Jiġu stmati l-ispejjeż tal-Pjan ta' Azzjoni għall-PAR 2016-2018;

Jiġi stabbilit baġit f'bilanċ skont ftehim tal-FMI, b'riżorsi finanzjarji biżżejjed biex jiġu implimentati r-riformi ppjanati;

Tiġi rriformata l-Kanċellerija tal-Istat;

Jiġu ċċarati l-funzjonijiet, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-istituzzjonijiet ewlenin u jiġu żviluppati proċeduri u metodoloġiji unifikati, bil-miktub u allinjati għall-iżvilupp u l-kordinazzjoni ta' politika inklużiva u bbażata fuq l-evidenza;

Jitħejja r-rieżami tal-qafas legali tas-servizz ċivili bil-ħsieb li dan jiġi emendat biex ikopri l-istituzzjonijiet kollha li jeżerċitaw il-kompiti tipiċi ta' amministrazzjoni governattiva u jiġi żgurat li r-reklutaġġ, il-promozzjonijiet u t-tkeċċijiet isiru skont il-mertu;

Jiġi kkonsolidat ir-rwol tas-Segretarji tal-Istat bħala l-impjegati taċ-ċivil bl-ogħla karigi f'kull ministeru rilevanti sabiex jikkontribwixxu għall-professjonalizzazzjoni u d-depolitiċizzazzjoni tas-servizz pubbliku;

Jitkabbar l-ambitu tal-ġbir tad-data għar-reġistru tal-persunal, inkluż id-data dwar salarji u jiġi estiż gradwalment l-użu tagħha għall-istituzzjonijiet statali kollha;

Jiġu organizzati mill-ġdid l-Istituzzjonijiet Governattivi għal aktar obbligu ta' rendikont, effikaċja u effiċjenza, inkluż ir-rieżami tal-kosteffettività u l-effiċjenza ta' intrapriżi tal-istat li jwettqu funzjonijiet amministrattivi;

Tiġi implimentata b'mod sħiħ il-leġislazzjoni dwar it-trasparenza tad-deċiżjonijiet;

Tiġi emendata l-Liġi dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni biex titjieb l-implimentazzjoni tagħha u jiġu stabbiliti l-arranġamenti neċessarji biex tkun immonitorjata l-implimentazzjoni tagħha;

Tiġi żviluppata liġi ġenerali dwar il-proċeduri amministrattivi biex jiġu infurzati prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u biex gradwalment jiġu armonizzati proċeduri amministrattivi speċjali bil-liġi l-ġdida;

Titnieda riforma territorjali li tista' tippermetti massimizzazzjoni tar-riżorsi magħmula disponibbli għaċ-ċittadini fil-livell lokali;

Tiġi aġġornata l-istrateġija tal-PFM tar-Repubblika tal-Moldova għall-perijodu 2013-20;

Tiġi adottata strateġija ġdida ta' Kontroll Finanzjarju Pubbliku Intern (PIFC);

Titkompla r-riforma tal-iskrutinju parlamentari u s-sorveljanza tal-baġit; jissaħħu t-trasparenza, is-sorveljanza u l-obbligu ta' rendikont tal-ġestjoni u tal-politika tal-finanzi pubbliċi;

Jiġi adottat l-abbozz il-ġdid ta' Liġi dwar il-funzjonament tal-Qorti tal-Kontijiet biex tiġi żgurata l-indipendenza u l-effiċjenza tal-awditjar estern pubbliku.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

F'kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, jiġu esplorati l-passi meħtieġa sabiex jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali bil-għan li titrawwem ir-reżiljenza fit-tul tar-Repubblika tal-Moldova;

Jittejjeb l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-Gvern u l-Parlament;

Tiġi żgurata s-sorveljanza mill-Parlament fuq l-implimentazzjoni tar-riformi u tal-leġislazzjoni;

Jiġi żgurat li l-elezzjonijiet presidenzjali, parlamentari u lokali jsiru b'mod demokratiku, f'konformità mal-istandards Ewropej;

Tiġi eżaminata l-possibbiltà ta' rieżami tal-finanzjament mill-istat tal-partiti politiċi abbażi tal-aħjar prattiki internazzjonali, biex jiġu kkunsidrati r-riżultati tal-elezzjonijiet Presidenzjali;

Jiġi rieżaminat il-limitu massimu fuq donazzjonijiet individwali u tal-entitajiet legali lill-partiti politiċi, skont l-aħjar prattiki internazzjonali u skont l-għarfien espert tal-Kummissjoni ta' Venezja;

Issir l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' deċentralizzazzjoni, f'konformità mal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali tal-Kunsill tal-Ewropa (Serje Nru 122 tat-Trattat tal-Kunsill tal-Ewropa);

Jiġu rieżaminati l-mekkaniżmi tar-reġistrazzjoni tal-votanti, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR, bil-għan li tiġi żgurata l-preċiżjoni tad-data;

Jiġu żviluppati u implimentati l-Modulu — “Kontroll Finanzjarju” tas-Sistema ta' Informazzjoni Awtomatizzata “Elezzjonijiet” u l-qafas regolatorju, li ser jawtomatizzaw il-proċess ta' rapportar, il-ġbir u l-analiżi tar-rapporti finanzjarji tal-partiti politiċi u tal-kandidati elettorali u ser itejbu l-aċċess pubbliku għal din l-informazzjoni. Jiddaħħlu fis-seħħ sanzjonijiet effettivi f'każ ta' ksur u jiġi żgurat li l-oneru tal-prova fuq l-oriġini tal-fondi jkun fuq il-partiti. Tiġi implimentata l-possibbiltà li jiġu kkonfiskati l-assi mhux ġustifikati;

Jiġu stabbiliti mekkaniżmi effettivi biex il-flussi tal-assistenza jiġu ġestiti u kkoordinati skont il-ħtiġijiet tal-Gvern;

Titkompla r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika f'konformità mal-Prinċipji tal-Amministrazzjoni Pubblika (kemm ir-riforma lokali kif ukoll ċentrali u dik territorjali), f'konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili u b'involviment dejjem aktar tagħha, bil-għan li jinbena servizz pubbliku kredibbli, effiċjenti, trasparenti u skont il-mertu professjonali u bbażat fuq l-evidenza, bil-kodiċi xieraq ta' etika tiegħu, ħieles minn kull pressjoni politika;

F'konformità mal-Istrateġija tal-PAR, tiġi ottimizzata l-amministrazzjoni pubblika fil-livell lokali u nazzjonali;

Jintużaw regolarment valutazzjonijiet tal-impatt ex ante; jiġi żgurat li l-ispejjeż tar-riformi jiġu stmati sistematikament u jiġu stabbiliti fora għas-soluzzjoni ta' konflitti interministerjali, kemm f'livell amministrattiv u politiku għoli;

Tiġi introdotta sistema trasparenti u aktar kompetittiva tas-salarji għall-uffiċjali pubbliċi biex tattira u żżomm it-talent;

Tiġi pprovduta informazzjoni faċilment aċċessibbli liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom għal amministrazzjoni tajba, l-aċċess għal informazzjoni, il-ġustizzja amministrattiva u d-dritt li jitolbu kumpens, biex b'hekk iċ-ċittadini jkunu jafu fejn u kif jippreżentaw lment. Jiġi żgurat segwitu effettiv u konkret għat-talbiet u l-ilmenti taċ-ċittadini;

Jiġi żgurat it-titjib istituzzjonali u organizzazzjonali meħtieġ għat-tisħiħ tas-sorveljanza Parlamentari, inkluż il-modalitajiet għall-kooperazzjoni mal-awditjar estern pubbliku;

Tissaħħaħ il-kapaċità tal-Ministeru għall-Finanzi li jwettaq ir-rwol tiegħu bħala awtorità fiskali ċentrali u li jiżgura s-sostenibbiltà fiskali;

Tkompli tittejjeb il-PFM u tiġi implimentata b'mod effettiv l-istrateġija tal-PFM aġġornata;

Jiġi stabbilit Programm ta' Investiment Pubbliku pluriennali kontinwu, immexxi mill-Ministeru għall-Finanzi, sabiex jiġu żgurati investimenti ta' prijorità fil-livell nazzjonali fil-qafas tal-baġit pluriennali;

Jiġi żgurat titjib istituzzjonali u organizzattiv meħtieġ għat-tisħiħ tas-sorveljanza esterna, inkluż aktar żvilupp tal-funzjoni tal-awditjar estern tal-Qorti tal-Kontijiet tar-Repubblika tal-Moldova, f'konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar, u l-modalitajiet għall-kooperazzjoni bejn il-parlament u l-awditjar estern pubbliku;

Jitwettqu l-proċeduri dixxiplinari, kif xieraq, u jiġu applikati b'mod effettiv is-sanzjonijiet;

Issir riforma gradwali tal-istandards tal-kontabbiltà pubblika u tar-rapportar estern;

(ii)   Ikompli jiġi rriformat is-settur tal-ġustizzja, b'mod partikolari billi jiġu żgurati l-indipendenza, l-imparzjalità, il-professjonaliżmu u l-effikaċja tal-ġudikatura, inkluż il-prosekuzzjoni, li jenħtieġ li tkun ħielsa minn kull interferenza politika jew kull interferenza mhux mixtieqa oħra. Xi elementi tar-riforma komprensiva tas-settur tal-ġustizzja jistgħu jirrikjedu emendi kostituzzjonali:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tiġi implimentata l-leġislazzjoni attwali li tirrigwarda l-imħallfin, il-prosekuturi, l-avukati u operaturi oħra fil-qasam tal-ġustizzja, sabiex tiġi żgurata tolleranza żero għall-korruzzjoni u tiġi evitata kull xorta ta' mġiba korrotta;

Jiġi żgurat reklutaġġ ta' mħallfin u prosekuturi minn awtorità indipendenti permezz ta' kriterji oġġettivi u trasparenti skont il-mertu u permezz ta' proċeduri tal-għażla ġusti, li jinkludu eżamijiet obbligatorji bil-miktub u lista nazzjonali ta' pożizzjonijiet vakanti, f'konformità mal-istandards Ewropej;

Tiġi żgurata l-promozzjoni ta' mħallfin u prosekuturi, inkluż għal kapijiet prosekuturi u fi qrati għoljin, minn awtorità indipendenti permezz ta' kriterji oġġettivi u trasparenti skont il-mertu u permezz ta' proċeduri tal-għażla ġusti, f'konformità mal-istandards Ewropej;

Tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tas-salvagwardji għall-indipendenza tal-imħallfin;

Tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tar-regoli dixxiplinari u tal-kodiċi ta' etika, inkluż salvagwardji proċedurali għall-imħallfin u għall-prosekuturi u l-awtonomija tal-Ispezzjoni Ġudizzjarja lejn il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, kif ukoll il-mekkaniżmi tal-ilmenti aċċessibbli għall-pubbliku;

Jiġu implimentati r-regoli dwar l-immunità funzjonali skont prattika tajba u f'konformità sħiħa mal-istandards Ewropej;

Jiġi implimentat il-pakkett leġislattiv dwar l-integrità fis-settur tal-ġustizzja;

Jittejbu t-trasparenza u l-effikaċja fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura;

Tissaħħaħ l-indipendenza tal-Kunsill Superjuri tal-Prosekuturi f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar is-Servizz tal-Prosekuzzjoni tal-25 ta' Frar 2016 u titkompla b'mod attiv ir-riforma komprensiva tas-Servizz tal-Prosekuzzjoni, li tinkludi l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni l-ġdida;

Ikunu żgurati proċess ġust, aċċess għall-ġustizzja u drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali skont l-obbligi tar-Repubblika tal-Moldova skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u Konvenzjonijiet oħra rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa billi jiddaħħlu fis-seħħ:

=

leġislazzjoni u miżuri mmirati biex jiggarantixxu d-drittijiet proċedurali ta' persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali;

=

leġislazzjoni, miżuri u riżorsi mmirati biex jiggarantixxu d-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità għal aċċess għall-ġustizzja, il-protezzjoni, l-appoġġ u l-kumpens, anke skont is-sistema tal-ġustizzja kriminali;

Tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta' għajnuna legali u ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim;

Jiġi żgurat il-funzjonament ta' sistema elettronika effettiva ta' ġestjoni tal-każijiet ġudizzjarji b'allokazzjoni każwali ta' każijiet u statistika ġudizzjarja kredibbli.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiġi żgurata l-indipendenza tal-istituzzjonijiet fis-settur tal-ġustizzja, biex b'hekk dawn ma jkunux soġġetti għal pressjoni politika jew kull forma oħra ta' pressjoni mill-amministrazzjoni, mill-gvern jew mill-parlament;

Tiġi żgurata l-indipendenza sħiħa tal-prosekuturi kollha u jonqos ir-rwol ta' sorveljanza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, kif previst mil-Liġi l-ġdida dwar l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku;

Jiġi żgurat li l-Istitut Nazzjonali tal-Ġustizzja jagħti taħriġ inizjali u kontinwu skont il-ħtiġijiet identifikati;

Jintwera rekord ta' miżuri li jsaħħu l-integrità u l-obbligu ta' rendikont tal-ġudikatura, bħal skrutinju u kundanni għal reati relatati mal-korruzzjoni;

Issir ħidma fuq it-titjib tal-perċezzjoni pubblika tal-indipendenza, l-integrità, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-ġudikatura;

Isir progress f'riforma komprensiva tal-prosekuzzjoni, inkluż il-prosekuturi speċjalizzati għall-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;

Isir progress fl-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-ottimizzazzjoni tal-mappa ġudizzjarja, f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni approvat bid-Deċiżjoni nru 21 tal-Parlament tat-3 ta' Marzu 2017;

Jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja, b'mod partikolari għan-nisa u l-gruppi vulnerabbli;

Issir ħidma biex jitnaqqas b'mod sostanzjali t-tul ta' żmien tal-proċedimenti ta' kawżi ċivili u kriminali;

Issir ħidma biex tiżdied ir-rata tal-ikklirjar tal-kawżi.

(iii)   Jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali permezz ta' kooperazzjoni komprensiva dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Din il-kooperazzjoni ser tinkludi ħidma fl-oqsma segwenti, għal:

 

Drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jiġi ffinalizzat u sussegwentement implimentat il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali l-ġdid dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'enfasi fuq l-aktar gruppi vulnerabbli, u jiġu kkoordinati l-proċessi tal-ippjanar u tal-baġit sabiex jiġu allokati biżżejjed riżorsi għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu;

Jiġu stabbiliti Kunsill Nazzjonali u Segretarjat sabiex jabbozzaw, jimmonitorjaw u jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali l-ġdid dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

Tiġi żgurata l-eżekuzzjoni effettiva tas-sentenzi mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u jinħoloq mekkaniżmu effiċjenti ta' kontroll Parlamentari fuq tali eżekuzzjoni;

Tibda l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-konsolidazzjoni tar-relazzjonijiet interetniċi 2017-2027 u jiġi adottat il-pjan ta' azzjoni rilevanti];

Isir progress fl-implimentazzjoni pilota tal-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji f'seba' lokalitajiet, bħala parti minn sforz tar-Repubblika tal-Moldova biex tirratifika l-Karta;

Titlesta r-riforma tal-istituzzjoni tal-Ombudsman, billi tittejjeb il-Liġi dwar l-Ombudsman Nru 52 tat-3 ta' April 2014, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u d-dispożizzjoni finanzjarja skont il-Prinċipji ta' Pariġi;

Jiġi żgurat il-funzjonament tal-Mekkaniżmu Nazzjonali ta' Prevenzjoni kontra t-Tortura, f'konformità mal-paragrafu 3 tal-Artikolu 18 tal-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra;

Jiġi rratifikat il-Protokoll Nru 12 għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali;

Jiġu adottati u implimentati l-emendi għal-leġislazzjoni dwar ir-reati ta' mibegħda sabiex din tinġieb f'konformità mal-istandards Ewropej. Jiżdiedu l-isforzi biex jiġu investigati u tittieħed azzjoni dwar każijiet ta' diskors ta' mibegħda u reati ta' mibegħda biex jiġi żgurat l-aċċess effettiv tal-vittmi għall-ġustizzja.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti kontra d-diskriminazzjoni fuq kull bażi, inkluż il-Liġi dwar l-Iżgurar tal-Ugwaljanza, kif ukoll tissaħħaħ il-kapaċità tal-Kunsill għall-Prevenzjoni u l-Eradikazzjoni tad-Diskriminazzjoni (“il-Kunsill tal-Ugwaljanza”);

Jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-istrutturi tal-Kunsill tal-Ewropa u mill-esperti dwar il-konformità mal-Konvenzjoni Qafas għall-ħarsien tal-minoranzi nazzjonali, u jiġu implimentati bi qbil ma' dawn l-istrutturi u mal-esperti. F'dan il-kuntest, tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali, inkluż permezz tad-djalogu u l-konsultazzjonijiet ma' dawn tal-aħħar, filwaqt li jitqiesu l-opinjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa;

Tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni dwar l-aċċessibbiltà għal persuni b'diżabbiltà. Tiżdied l-aċċessibbiltà tal-persuni b'diżabilità għall-bini pubbliku, it-trasport u l-informazzjoni;

Tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, inkluż l-Artikolu 12 (Rikonoxximent ugwali quddiem il-liġi) u l-Artikolu 14 (Libertà u sigurtà tal-persuna);

Jiġi ffirmat il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità;

Titkompla d-deistituzzjonalizzazzjoni tat-tfal;

Jinżammu mekkaniżmi mhux ġudizzjarji u tal-fażi qabel dik ġudizzjarja effettivi għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

Ikompli jingħata aċċess għal informazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u soluzzjonijiet legali adegwati;

Jiġu implimentati miżuri effettivi biex jiġu evitati arresti mhux ġustifikati u interċettazzjonijiet illegali, b'kont meħud li jista' jkun meħtieġ livell proporzjonat ta' intrużività biex tiġi żgurata l-investigazzjoni adatta tal-korruzzjoni jew ta' tipi oħra ta' reati;

Jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-ġudikatura, fl-infurzar tal-liġi u fl-amministrazzjoni u titqajjem kuxjenza dwarhom;

Tiġi implimentata l-Liġi tal-1994 dwar l-Istatus Awtonomu Legali Speċjali ta' Gagauzia abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-2002 u tal-OSKE tal-2013;

Jiġu salvagwardati d-drittijiet proċedurali ta' persuni f'detenzjoni tal-pulizija u l-NAC u ta' persuni miżmumin taħt arrest.

 

Libertà ta' espressjoni

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Titkompla l-ħidma fuq l-iżgurar tal-libertà ta' espressjoni u tal-indipendenza tal-media, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Unjoni Ewropea u l-OSKE;

Tiġi żviluppata u adottata strateġija għall-iżvilupp tal-media tal-massa skont prattiki Ewropej;

Jitwaqqaf djalogu regolari sabiex jiġu skambjati l-aħjar prattiki dwar il-libertà tal-media, il-pluraliżmu tal-media, id-depenalizzazzjoni tad-diffamazzjoni, il-protezzjoni tas-sorsi tal-ġurnalisti u d-diversità kulturali fil-media;

Jiġi adottat Kodiċi Awdjoviżiv ġdid li jkun konformi għalkollox mar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE u tal-KtE, skont l-abbozz tal-2011;

Jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-indipendenza sħiħa tax-Xandara Pubbliċi.

 

Kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jiġu involuti l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta' min iħaddem u trade unions, fil-ġbir tal-informazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki;

Tiġi adottata Strateġija għall-Iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili għall-2017-2020 u tiġi żgurata l-implimentazzjoni tagħha.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiġi adottata Liġi ġdida dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi f'konformità mal-istandards internazzjonali li, fost l-oħrajn, ser ittejjeb il-qafas legali għal parteċipazzjoni effettiva tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

Jissaħħaħ il-qafas tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politiki pubbliċi, inkluż billi tiġi emendata l-liġi dwar teħid ta' deċiżjonijiet trasparenti;

Tiġi promossa u tissaħħaħ is-sostenibbiltà finanzjarja tas-soċjetà ċivili u jiġu kkunsidrati l-introduzzjoni tal-ikkuntrattar soċjali, l-estensjoni ta' programmi ta' għotjiet pubbliċi, u l-faċilitazzjoni tal-qafas legali dwar id-donazzjonijiet;

Jiġi żviluppat l-ispirtu tal-volontarjat u ċiviku attiv.

 

Trattament ħażin u tortura

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jiġi indirizzat b'mod effettiv kull trattament ħażin irrapportat ta' detenuti minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, b'mod partikolari f'arrest preventiv;

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Jiddaħħal fis-seħħ qafas politiku komprensiv għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-impunità abbażi tal-linji gwida dwar l-eradikazzjoni tal-impunità għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem (il-Kunsill tal-Ewropa, 2011);

Jiġu żgurati investigazzjoni u sanzjonijiet effettivi għat-tortura u t-trattament ħażin.

 

Drittijiet tat-tfal

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Jiġi implimentat il-Pjan ta' Azzjoni 2016-2020 dwar l-Istrateġija għall-Protezzjoni tat-Tfal għas-snin 2014-2020.

 

Vjolenza domestika

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-qafas leġislattiv u ta' politika eżistenti dwar il-vjolenza domestika.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiġi rratifikata l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika.

 

Trattament ugwali

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiġi żgurata l-armonizzazzjoni mal-istandards Ewropej fir-rigward tar-regoli tas-saħħa u s-sigurtà, ir-regoli dwar il-leave tal-maternità u r-regoli dwar ir-rikonċiljazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri u dawk professjonali;

Tiġi promossa l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fil-ħajja pubblika, politika u tan-negozju, u jitwettqu attivitajiet immirati li l-għan tagħhom huwa l-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza ugwali tal-irġiel u n-nisa f'dawn l-oqsma.

 

Drittijiet tat-trade unions u standards fundamentali tax-xogħol

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tkompli l-ħidma sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tat-trade unions u l-istandards fundamentali tax-xogħol jiġu rrispettati f'konformità mal-istandards Ewropej u mal-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

Isir progress biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol, b'enfasi partikolari fuq l-impjiegi tan-nisa;

Tiġi implimentata l-leġislazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-impjieg tat-tfal.

2.3   Politika estera u ta' sigurtà

Id-djalogu u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) jimmiraw lejn konverġenza gradwali, inkluż fil-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK). B'mod partikolari, huma ser jindirizzaw il-prevenzjoni tal-konflitti u l-kwistjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet, l-istabbiltà reġjonali, id-diżarm, in-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-armi u l-kontroll tal-esportazzjoni. Il-kooperazzjoni f'dan il-qasam ser tkun imsejsa fuq valuri komuni u interessi reċiproċi u ser ikollha l-għan li żżid l-armonizzazzjoni u l-effettività tal-politika, billi jsir użu minn fora bilaterali, internazzjonali u reġjonali. Hija ser tinkludi ħidma sabiex:

 

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jiġi ffirmat il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tkompli l-promozzjoni tar-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitti u tal-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali abbażi ta' multilateraliżmu effettiv;

Tiġi żviluppata kooperazzjoni dwar is-sanzjonijiet tal-UE;

Jiġi promoss ir-rispett għall-prinċipji tas-sovranità u l-integrità territorjali, l-invjolabbiltà tal-fruntieri, u l-indipendenza, kif stabbilit fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u fl-Att Finali tal-konferenza tal-OSKE f'Ħelsinki;

Tissaħħaħ il-kooperazzjoni prattika dwar il-prevenzjoni tal-konflitti u l-maniġġar ta' kriżijiet, billi tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fl-operazzjonijiet ċivili u militari tal-maniġġar ta' kriżijiet immexxija mill-UE, u jiġu pprovduti attivitajiet ta' taħriġ u konsultazzjoni fil-qasam tal-PSDK (abbażi tal-Ftehim Qafas dwar il-Parteċipazzjoni fis-seħħ mill-1 ta' Lulju 2013 u l-qafas multilaterali tal-Bord għas-Sħubija tal-Lvant dwar il-PSDK).

 

Terroriżmu, nonproliferazzjoni tal-armi tal-qerda massiva (AQM) u esportazzjonijiet illegali tal-armi

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tiġi skambjata informazzjoni dwar l-organizzazzjonijiet u l-gruppi terroristiċi, l-attivitajiet tagħhom u n-netwerks ta' appoġġ tagħhom, f'konformità mad-dritt internazzjonali u mal-leġislazzjoni mgħoddija mill-partijiet, inkluż permezz tal-ftehim ta' kooperazzjoni strateġika u operazzjonali bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Europol, kif ukoll permezz tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Eurojust;

Jiġi żgurat li l-liġi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu tkun imsejsa fuq id-drittijiet tal-bniedem u tiġi riveduta mill-Kummissjoni ta' Venezja;

Ikun hemm kooperazzjoni dwar il-kontrolli doganali bbażati fuq ir-riskji, li jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà tal-oġġetti li jiġu importati, esportati jew li jkunu fi transitu;

Ikun hemm kooperazzjoni fil-prevenzjoni tat-terroriżmu;

Tiġi adottata strateġija komprensiva għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u s-CBRN u Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali relatat.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Ikun hemm kooperazzjoni bil-għan li jissaħħaħ il-kunsens internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem, inkluż dwar id-definizzjoni legali ta' atti terroristiċi;

Ikompli jittejjeb il-qafas leġislattiv u regolatorju nazzjonali fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, b'mod partikolari b'rispett sħiħ għall-istat tad-dritt, għad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, għad-dritt internazzjonali dwar ir-refuġjati u d-dritt umanitarju internazzjonali u f'konformità sħiħa mal-Konvenzjonijiet rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kunsill tal-Ewropa, bħall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2005 dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (CETS 196) u l-Protokoll Addizzjonali tagħha u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, il-Qabda u l-Konfiska tal-Profitti minn Attività Kriminali u dwar l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu (CETS 198);

Issir enfasi aktar qawwija fuq l-għarfien u l-indirizzar tal-ixprunaturi tar-radikalizzazzjoni u tal-fatturi li jwasslu għal estremiżmu vjolenti;

Jiġu esplorati l-possibbiltajiet għal kooperazzjoni, inkluż dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni (inkluż l-ajruport) u l-protezzjoni ta' miri faċli;

Jiġu żviluppati modi ta' ħidma flimkien fuq il-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi u l-qerda tal-ħażniet;

Jiġu żviluppati modi ta' ħidma flimkien u skambju ta' informazzjoni dwar is-sejbien u t-traċċar ta' armi illegali;

Ikun hemm kooperazzjoni dwar u kontribut għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u l-materjali relatati, kif ukoll il-mezzi ta' kunsinna tagħhom, permezz ta' konformità sħiħa ma' u l-implimentazzjoni nazzjonali tal-obbligi attwali tal-partijiet skont it-trattati u l-ftehimiet internazzjonali dwar id-diżarm u n-nonproliferazzjoni u obbligi internazzjonali rilevanti oħrajn;

Titwaqqaf sistema effettiva ta' kontroll nazzjonali tal-esportazzjoni u t-transitu ta' merkanzija relatata mal-AQM, inkluż kontroll tal-użu finali tal-AQM fuq teknoloġiji b'użu doppju, b'pieni effettivi għall-ksur tal-kontrolli tal-esportazzjoni;

Jiġi indirizzat il-kummerċ illeċitu ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir, inkluż il-munizzjon tagħhom, skont il-ftehimiet internazzjonali attwali u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll l-impenji skont strumenti internazzjonali oħrajn applikabbli f'dan il-qasam;

Tkompli l-kooperazzjoni fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi konvenzjonali, fid-dawl tal-pożizzjoni komuni tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari.

 

Il-Konflitt Transnistrijan

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tinżamm il-funzjonalità tal-pjattaformi ta' djalogu u l-formati tan-negozjati kollha eżistenti, maħsuba sabiex jidentifikaw is-soluzzjonijiet vijabbli għall-problemi li qegħdin jiffaċċaw in-nies fuq iż-żewġ naħat tax-xmara Nistru u sabiex jissolva b'mod paċifiku u komprensiv il-konflitt Transnistrijan abbażi tas-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment bi status legali speċjali għar-reġjun Transnistrijan;

Tiġi żviluppata viżjoni dwar ir-riżoluzzjoni tal-konflitt Transnistrijan bħala bażi għall-involviment man-naħa Transnistrijana;

Tinżamm kooperazzjoni effettiva bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova dwar ir-riżoluzzjoni tal-konflitt Transnistrijan, u tingħata promozzjoni lill-miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja, fil-formati miftiehma, inkluż konsultazzjonijiet dwar l-arranġamenti fil-fażi ta' wara r-riżoluzzjoni tal-konflitt;

Jissaħħaħ id-djalogu, bil-għan li jiġu spjegati l-benefiċċji tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u tiġi żgurata l-applikabbiltà tiegħu fit-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova, filwaqt li jittieħdu miżuri sabiex tiġi legalizzata l-attività tal-operaturi ekonomiċi min-naħa tax-xellug tax-xmara Nistru;

Ikompli d-djalogu kostruttiv relatat mas-sitwazzjoni fil-parti ċentrali (Transnistrija) tal-fruntiera bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna mal-kontropartijiet rilevanti kollha;

Jiġu żviluppati pjattaformi ta' djalogu bejn ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-media min-naħa tal-lemin u tax-xellug tax-xmara Nistru.

 

Il-Qorti Kriminali Internazzjonali

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jiġu implimentati l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-istrumenti relatati miegħu, b'kont dovut tal-preservazzjoni tal-integrità tiegħu.

2.4   Kooperazzjoni dwar il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja

Ir-Repubblika tal-Moldova hija mistennija li tissodisfa kontinwament ir-rekwiżiti stabbiliti fl-erba' Blokki tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża tas-16 ta' Diċembru 2010. L-implimentazzjoni effettiva u sostenibbli tal-parametri referenzjarji kollha inklużi fil-Pjan ta' Azzjoni, inkluż dawk fil-Blokk 3 (L-Ordni Pubbliku u s-Sigurtà), hija essenzjali sabiex tinżamm is-sistema ta' vjaġġar mingħajr viża mal-UE. F'konformità mal-mekkaniżmu rivedut ta' sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża (1), l-ivvjaġġar mingħajr viża jista' jkun sospiż f'każijiet fejn xi parametru referenzjarju wieħed jew aktar ma jibqax jiġi ssodisfat. Fil-każ ta' tħassib ġustifikat dwar l-issodisfar tal-parametri referenzjarji konkreti tal-Pjan ta' Azzjoni, ir-Repubblika tal-Moldova ser tipprovdi, fuq talba, informazzjoni lill-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, il-Partijiet jieħdu nota xierqa tar-rakkomandazzjonijiet miksuba wara l-missjonijiet ta' Reviżjoni bejn il-Pari organizzati fl-2015 u fl-2016, maħsuba biex jivvalutaw is-setturi tal-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fir-Repubblika tal-Moldova. F'dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Moldova qed timpenja ruħha li tuża dawk ir-rakkomandazzjonijiet, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet l-oħrajn tal-UE, kif ukoll ma' rakkomandazzjonijiet oħrajn ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, għall-iżvilupp tad-dokument ta' politika wara l-2016 fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif ukoll tad-dokumenti ta' politika wara l-2017 fil-qasam tal-ġustizzja u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

Barra minn hekk, il-partijiet ser jaħdmu flimkien fl-oqsma li ġejjin:

 

Protezzjoni ta' data personali

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tkompli l-armonizzazzjoni tal-qafas legali nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni ta' data personali mal-liġi tal-UE b'enfasi partikolari fuq ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3);

Tkompli l-implimentazzjoni tal-qafas legali dwar il-protezzjoni ta' data personali fis-setturi kollha sabiex ikun żgurat livell għoli ta' protezzjoni ta' data f'konformità mal-istandards u l-istrumenti Ewropej;

Ikomplu jissaħħu l-kapaċitajiet taċ-Ċentru Nazzjonali għall-Protezzjoni ta' Data Personali.

 

Ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jiġu definiti u maqsuma f'termini ċari x'inhuma l-kompetenzi u s-setgħat tal-pulizija li jridu jiġu implimentati għall-fini tal-ġbir ta' intelligence u l-ġbir u l-użu ta' evidenza (forensika);

Tinħoloq u tittejjeb b'mod effettiv sistema ta' investigazzjonijiet finanzjarji li tiffoka fuq it-tiftix, il-qabda u l-konfiska ta' assi li joriġinaw mill-kriminalità organizzata;

Jiġi ppubblikat rapport kull sena dwar l-attività tal-prosekutur speċjalizzat inkarigat mill-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Ikompli jiġi implimentat u jissaħħaħ fit-territorju kollu l-kunċett ta' attivitajiet tal-pulizija bbażati fuq l-intelligence li jirrikjedu sistema żviluppata sewwa ta' analiżi u ġestjoni tat-theddid u tar-riskji (metodoloġija tal-EUROPOL applikata fil-kuntest tas-SOCTA).

Jiġu deskritti b'mod ċar l-għodod (inkluż Mezzi ta' Investigazzjoni Speċjali meta għandhom jintużaw) u l-kondizzjonijiet li skonthom jistgħu jintużaw f'investigazzjoni.

 

Riforma tal-Pulizija

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jiġi ffinalizzat it-twaqqif ta' organizzazzjoni tal-pulizija responsabbli, kredibbli u effettiva, integrata fil-Ministeru għall-Affarijiet Interni. It-tmexxija politika tal-Ministeru ser tkun ristretta għall-istabbiliment tal-prijoritajiet strateġiċi u l-politiki wiesgħa tal-forzi tal-pulizija. Ma jeżisti ebda dritt ta' inġunzjoni (la pożittiv u lanqas negattiv) fir-rigward tal-attivitajiet operazzjonali tal-forzi tal-pulizija;

Jiġu implimentati servizzi tal-pulizija fil-komunità u jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu javviċinaw faċilment lill-pulizija b'informazzjoni;

Jissaħħaħ l-obbligu ta' rendikont u jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda influwenza indebita fuq il-pulizija.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiġi implimentata l-Istrateġija għall-Ordni Pubbliku u s-Sigurtà, inkluż f'dak li jirrigwarda l-ordni pubbliku u l-ġestjoni tal-folol.

Tkompli l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Iżvilupp tal-Pulizija 2016-2020, b'attenzjoni partikolari fuq l-immodernizzar tal-forzi tal-pulizija fir-rigward (a) tal-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani (b) tat-tekniki ta' ġestjoni u (c) tal-kapaċitajiet operazzjonali (rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem meta jittrattaw detenuti tal-pulizija; l-iżvilupp ta' relazzjonijiet effettivi mal-pubbliku ġenerali; l-aġġornament tal-ambjent tal-ICT tagħhom; it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' investigazzjoni tax-xena tar-reat u l-iżvilupp ulterjuri tal-istrateġija kontra l-korruzzjoni);

Tiġi adottata Strateġija ta' Żvilupp għat-truppi tal-Carabinieri u jiġi żgurat il-progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija;

Titwaqqaf sistema effettiva ta' protezzjoni tax-xhieda (unità speċjalizzata) u jiġu offruti l-garanziji meħtieġa lix-xhieda sabiex ikunu protetti minn intimidazzjoni u theddid fiżiku;

Tiġi promossa kultura ta' integrità u valuri etiċi fil-Ministeru għall-Affarijiet Interni u l-Pulizija. Jiġu żviluppati regoli u standards ta' kondotta għall-prevenzjoni u s-sanzjonar b'mod effettiv ta' għemil ħażin tal-pulizija. Jitwaqqfu għodod li jivvalutaw l-effiċjenza u l-effettività tal-attivitajiet tal-pulizija;

Jitwaqqaf Ċentru Konġunt ta' Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (JLETC) sabiex jiġi żgurat taħriġ adegwat, bażiku u speċjalizzat fuq il-post tax-xogħol, inkluż taħriġ speċjalizzat ħafna, fejn meħtieġ. Abbażi tal-Arranġament ta' Ħidma tal-2012 bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Akkademja tal-Pulizija tal-UE (CEPOL), il-JLETC ser jiżviluppa relazzjoni operazzjonali mill-qrib mas-CEPOL;

Jittejbu l-kundizzjonijiet tal-kustodja fil-Pulizija;

Fuq il-bażi tal-aħjar prattiki tal-UE, jiġi żgurat li jkun hemm mekkaniżmu independenti għall-monitoraġġ tal-pulizija li ser jagħmel monitoraġġ tal-funzjonament ġenerali tal-pulizija u tal-mod li bih l-uffiċjali kollha b'setgħat tal-pulizija jwettqu l-attivitajiet tagħhom bħala pulizija.

Tiżdied il-kapaċità ta' rispons rapidu tal-Pulizija.

 

Kooperazzjoni tal-pulizija u bażijiet ta' data

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tkompli tiġi żviluppata l-bażi ta' data ċentralizzata awtomatizzata dwar l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet (sistema elettronika nazzjonali għall-ġestjoni tal-każijiet), sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' duplikazzjoni tal-każijiet kriminali u nuqqas ta' tqabbil tal-każijiet li ta' spiss ikollhom ambitu ġeografiku kbir jew saħansitra ambitu internazzjonali. Idealment, sistema bħal din jenħtieġ li tkopri l-aspetti kollha tal-katina tal-investigazzjoni/prosekuzzjoni, inkluż informazzjoni dwar l-irkupru, l-iffriżar u l-konfiska tal-assi;

Ikompli jittejjeb l-istrument tal-istatistika nazzjonali fis-seħħ għall-kejl tar-rata tal-kriminalità u tar-rata tal-ikklirjar. Jenħtieġ li jintuża b'mod effettiv bħala għodda għall-maniġġar fl-iżvilupp ta' prijoritajiet politiċi ġodda.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Jiġi żgurat li taħt struttura amministrattiva unika (Punt Uniku ta' Kuntatt — SPOC), l-unitajiet ċentrali għall-kooperazzjoni tal-pulizija internazzjonali (l-Unità Nazzjonali tal-Europol u l-Uffiċċju Ċentrali Nazzjonali tal-Interpol) ikollhom aċċess għall-bażijiet ta' data nazzjonali u internazzjonali rilevanti;

Jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' data bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Europol (b'mod kwalitattiv u kwantitattiv) f'każijiet kriminali transfruntieri;

Tiġi żviluppata analiżi strateġika tal-fenomenu tal-kriminalità, kemm fil-livell globali kif ukoll f'dak settorjali, u tiġi kondiviża ma' korpi kompetenti tal-infurzar tal-liġi u mal-EUROPOL;

Jiġu żviluppati pjanijiet ta' azzjoni pluriennali li jiddefinixxu l-prijoritajiet operazzjonali tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, abbażi tal-Valutazzjoni tat-Theddid tal-Kriminalità Serja u Organizzata;

Jissaħħaħ l-iskambju ta' informazzjoni mal-UE u l-Istati Membri tagħha dwar it-terroriżmu, il-migrazzjoni illegali, il-ħasil tal-flus u kwistjonijiet finanzjarji.

 

Indirizzar tad-drogi illeċiti

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Il-parteċipazzjoni fin-netwerk Ewropew ta' informazzjoni dwar id-drogi u d-dipendenza fuq id-droga (Reitox) taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) u l-laqgħat mal-esperti rilevanti organizzati mill-EMCDDA, fil-limiti tal-baġit disponibbli;

Tiġi implimentata allokazzjoni ċara tal-kompiti u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għat-tnaqqis tad-domanda għad-droga, kif ukoll bejn l-awtoritajiet involuti fit-tnaqqis tal-provvista tad-droga.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiġi estiża l-koordinazzjoni għall-aspetti kollha tal-politika dwar id-droga, inkluż aspetti soċjali u tas-saħħa pubblika, miżuri ta' infurzar, kooperazzjoni internazzjonali u politika dwar iż-żgħażagħ;

Jiġi approvat u implimentat il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali 2017-2018 għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali Kontra d-Droga għas-snin 2011-2018.

 

Traffikar tal-bnedmin

Tiġi approvata u implimentata l-Istrateġija Nazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin għas-snin 2017-2022, li ser tkopri wkoll is-sistema nazzjonali ta' riferiment.

Jiġi ssimplifikat aktar il-fluss ta' informazzjoni billi jittejbu l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Europol u l-unitajiet multidixxiplinari nazzjonali għall-infurzar tal-liġi tar-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll bejn dawk l-unitajiet stess;

Jiġi żgurat it-tisħiħ tal-kapaċitajiet fl-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi sabiex tiġi żgurata l-kooperazzjoni mal-aġenziji tal-UE fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin.

 

Ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal

Tissaħħaħ il-kapaċità tal-unità investigattiva rilevanti sabiex tipprova tidentifika t-tfal vittmi ta' abbuż sesswali, b'mod partikolari l-pedopornografija;

Jitwaqqfu strutturi sabiex issir valutazzjoni individwali ta' kull persuna minorenni partikolari vittma ta' abbuż sesswali bil-għan li jiġu stabbiliti assistenza u appoġġ speċifiċi;

Jiġi previst rappreżentant speċjali għat-tfal vittmi ta' abbuż sesswali, fejn id-detenturi ta' responsabbiltà ta' ġenituri jiġu preklużi milli jirrappreżentaw lit-tfal minħabba konflitt ta' interess, jew meta t-tfal ma jkunux akkumpanjati jew ikunu mifruda mill-familja;

Isiru disponibbli miżuri jew programmi ta' intervent xierqa li jiġġestixxu r-riskju individwali marbut mat-trasgressuri kkundannati kollha għal abbuż jew sfruttament sesswali tat-tfal.

 

Ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-EC3 tal-Europol.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Isir investiment fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet (inkluż tal-awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali), l-għarfien espert u l-ispeċjalizzazzjoni fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità (azzjonijiet ta' ċiberkriminalità mfassla apposta, programmi bilaterali tal-ġustizzja/pulizija);

Tissaħħaħ il-kooperazzjoni sabiex jiġu miġġielda ċ-ċiberkriminalità u l-isfruttament sesswali tat-tfal permezz tal-allinjament tal-prijoritajiet u s-simplifikazzjoni tal-komunikazzjoni;

Jiġu esplorati possibilitajiet ta' kooperazzjoni speċifikament dwar il-protezzjoni ta' infrastrutturi kritiċi kif deskritt fid-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (4), billi tiġi kkunsidrata wkoll id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), kif ukoll ir-rabta biex jiġi indirizzat it-theddid ibridu, filwaqt li bħala bażi jintużaw il-programmi ta' assistenza preċedenti tal-UE u ta' donaturi oħra għar-reżiljenza ċibernetika;

Tiżdied il-kooperazzjoni biex jittejbu r-reżiljenza ċibernetika u l-istat tat-tħejjija: jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-Istrateġija Nazzjonali għaċ-Ċibersigurtà wara l-2020 ibbażata fuq approċċ ta' diversi partijiet ikkonċernati, tiġi stabbilita Skwadra ta' Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters (CERT), jiġi promoss l-istabbiliment ta' oqfsa u strutturi ta' koordinazzjoni adatti fost l-entitajiet tas-settur pubbliku u mas-settur privat;

Issir ħidma flimkien biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja ċibernetika tal-OSKE, li għandhom l-għan li jżidu t-trasparenza u l-kooperazzjoni fil-livelli reġjonali u subreġjonali;

Tiġi implimentata l-Konvenzjoni ta' Budapest, b'mod partikolari fir-rigward tal-liġi proċedurali għall-fini ta' investigazzjonijiet domestiċi, kooperazzjoni pubblika-privata u kooperazzjoni internazzjonali.

 

Prevenzjoni u ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-konflitt ta' interess

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tiġi implimentata l-Liġi dwar l-Integrità;

Tiġi implimentata l-liġi li tirrikjedi lill-uffiċjali rilevanti kollha biex jipprovdu dikjarazzjoni tal-assi li jippossjedu huma u l-qraba stretti rilevanti tagħhom u biex jirrapportaw dwar konflitti ta' interess potenzjali f'dak li jirrigwarda l-interessi personali tagħhom jew ta' dawk il-qraba stretti, u tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-proċedura ta' infurzar. Jenħtieġ li l-korrettezza tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tal-assi/konflitti ta' interess potenzjali jiġu vvalutati mill-Awtorità Nazzjonali għall-Integrità (NIA) u jenħtieġ li l-investigazzjoni kriminali relatata titwettaq miċ-Ċentru Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni (NAC). Jenħtieġ li l-valutazzjonijiet jiġu pprijoritizzati b'mod adegwat, b'enfasi primarja fuq dikjarazzjonijiet ta' livell għoli, inkluż minn imħallfin u prosekuturi;

Jiġi żgurat segwitu suffiċjenti ta' dikjarazzjonijiet suspettużi u jiġu applikati sistematikament is-sanzjonijiet (multi, miżuri dixxiplinari u oħrajn) fil-każ ta' dikjarazzjonijiet foloz, dikjarazzjonijiet li jsiru tard jew in-nuqqas ta' dikjarazzjoni tal-assi. L-oneru tal-prova dwar l-oriġini tal-flus jew tal-assi jrid ikun fuq l-uffiċjal. Jibqgħu jsiru dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-assi;

Tiġi żgurata transizzjoni gradwali lejn il-preżentazzjoni online tad-dikjarazzjonijiet;

Jiġi żgurat il-funzjonament sħiħ tal-NIA;

Jiġu żviluppati mekkaniżmi trasparenti, meritokratiċi u professjonali għall-ħatriet fi ħdan il-Kunsill għall-Integrità, u l-ispetturi tal-integrità u l-ġestjoni tal-NIA, sabiex jiżguraw li l-NIA tkun indipendenti u ħielsa minn kull influwenza politika. Jiġi żgurat li l-NIA jkollha aċċess għar-reġistri meħtieġa, inkluż reġistri privati u tal-istat, sabiex tiġi żgurata l-verifika effiċjenti tal-ġid u tal-interessi personali;

Tiġi żgurata r-rappreżentanza tas-soċjetà ċivili fil-Kunsill għall-Integrità;

Tiġi adottata l-liġi dwar sanzjonijiet dissważivi proporzjonali għal reati ta' korruzzjoni u ħasil tal-flus;

Tibda tiġi implimentata b'mod effettiv l-Istrateġija l-ġdida għall-Integrità u l-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni bħala strument strateġiku maħsub biex jipprevjeni u jnaqqas il-korruzzjoni, f'konformità mal-valuri u l-istandards tal-UE. Jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Grupp ta' Monitoraġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Integrità u Kontra l-Korruzzjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament, il-gvern, il-ġudikatura, is-settur privat u s-soċjetà ċivili;

Jiġu żgurati kooperazzjoni effettiva ma' u assistenza lill-istituzzjonijiet u l-korpi rilevanti tal-UE, inkluż l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għall-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post relatati mal-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi tal-UE, li jridu jiġu pprovduti f'konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Jittejjeb il-mekkaniżmu għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni bejn l-aġenziji kontra l-korruzzjoni, bħall-NAC, l-NIA, il-Prosekutur Ġenerali, is-Servizz tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni (MIA) għall-Protezzjoni Interna u l-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni u s-Servizz tal-Intelligence u s-Sigurtà;

Jiġi stabbilit mekkaniżmu effettiv ta' koordinazzjoni fil-finanzjament tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kontra l-ħasil tal-flus u kontra t-terroriżmu fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika fil-livell governattiv;

Jissaħħaħ ir-rwol tal-NAC fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni bil-għan li jiġu prodotti riżultati konkreti. Jiġi żgurat li huwa jkollu baġit u persunal suffiċjenti, responsabbiltajiet ċari, kompetenzi suffiċjenti u l-awtonomija meħtieġa u li jkun protett minn kull influwenza politika żejda u jikkoopera tajjeb ma' istituzzjonijiet oħrajn tal-infurzar tal-liġi involuti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, speċjalment l-uffiċċju tal-prosekuzzjoni kontra l-korruzzjoni.

Tkompli titqajjem kuxjenza dwar il-forom u t-tipi differenti ta' korruzzjoni u dwar kif dawn jistgħu jiġu evitati. Jenħtieġ li l-kampanji ta' informazzjoni jsiru fuq bażi regolari. L-għodod u l-istrateġiji ta' komunikazzjoni għandhom jitfasslu apposta għall-udjenza kkonċernata u l-effett tagħhom għandu jiġi evalwat regolarment;

Tittejjeb is-sistema għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' uffiċjali ta' livell għoli għal każijiet ta' korruzzjoni, sabiex b'hekk tiġi żgurata t-trasparenza u l-imparzjalità tal-proċedimenti ġudizzjarji permezz, fost l-oħrajn, tal-ħolqien ta' kundizzjonijiet għal kopertura miftuħa tal-media. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Kontra l-Korruzzjoni jiffoka fuq il-korruzzjoni ta' livell għoli u li jissaħħu l-kapaċitajiet tiegħu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni ta' livell għoli;

Jinkisbu riżultati aktar tanġibbli fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni billi jittejjeb ir-rekord tal-awtoritajiet li jiġġieldu l-korruzzjoni permezz ta' sanzjonijiet aktar effettivi u sentenzi reali, speċjalment kontra uffiċjali ta' livell għoli;

Tiġi emendata l-leġislazzjoni sabiex il-mandat tal-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Kontra l-Korruzzjoni jiġi limitat għall-korruzzjoni ta' livell għoli u każijiet oħra ta' korruzzjoni li ġew investigati mill-NAC jiġu ttrasferiti lill-prosekuturi ordinarji;

Jiġi żviluppat u jittejjeb qafas leġislattiv koerenti u komprensiv sabiex jippromwovi l-integrità fis-settur pubbliku;

Tiġi investigata bir-reqqa l-frodi bankarji, bil-għan li jiġu rkuprati l-flus iddevjati u jiġi rrapportat regolarment il-progress fl-investigazzjoni b'mod trasparenti;

Jiġu kondiviżi mal-UE r-riżultati ewlenin tat-tieni fażi tal-investigazzjoni Kroll li għaddejja skont it-termini maqbula ma' Kroll mingħajr ma jiġu pperikolati l-investigazzjonijiet ulterjuri u l-irkupru tal-assi;

Tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-sistema ta' integrità elettronika mar-reġistri privati u tal-istat kollha meħtieġa għall-verifika effiċjenti tal-ġid u tal-interessi personali;

Tkompli tiġi implimentata s-sistema ta' valutazzjoni tal-integrità istituzzjonali mill-NAC u l-ġestjoni tar-riskji ta' korruzzjoni minn istituzzjonijiet pubbliċi.

 

Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu u ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tiġi allinjata l-leġislazzjoni mar-Raba' Direttiva dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

Jiżdiedu l-kapaċitajiet tekniċi u operazzjonali tal-Unità tal-Intelligence Finanzjarja sabiex jiġu implimentati b'mod effettiv il-kompiti kollha fil-qasam tal-AML/tas-CFT, speċjalment fil-qasam tat-titjib tal-intelligence finanzjarja;

Jenħtieġ li l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja tindirizza dejjem aktar u b'mod proattiv l-allegazzjonijiet ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu, billi tibda b'dawk il-korpi taħt l-obbligu ta' rapportar li sistematikament jirrapportaw tranżazzjonijiet suspettużi, li jenħtieġ li jiġu ssanzjonati jekk jonqsu milli jirrapportaw;

Tissaħħaħ is-sistema tal-iffriżar preventiv billi l-entitajiet tar-rapportar rilevanti jingħataw is-setgħa li jissospendu t-tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi;

Jitwaqqaf Servizz nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi, li jippromwovi, permezz ta' kooperazzjoni mtejba, l-aktar traċċar rapidu possibbli fl-UE kollha ta' assi derivati mill-kriminalità.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiġi implimentata politika/strateġija ġenerali ta' kriminalità finanzjarja u investigazzjonijiet finanzjarji, li tkun tkopri l-awtoritajiet rilevanti kollha, inkluż il-prosekuzzjoni, immirata biex jiġu aċċellerati l-investigazzjonijiet twal u kumplessi fil-qasam tal-kriminalità finanzjarja. Jiġi inkluż kunċett ta' twettiq parallel ta' investigazzjonijiet finanzjarji u ħidma tal-pulizija mmexxija mill-intelligence fl-istrateġija, sabiex jiġu permessi miżuri ta' infurzar proattiv abbażi tal-analiżi tad-data;

Jittejjeb u jiġi implimentat qafas leġislattiv robust għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu skont ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u r-rakkomandazzjonijiet tal-FATF u f'konformità mar-riżultati tal-evalwazzjonijiet reċiproċi fil-qafas ta' Moneyval;

Tiġi implimentata leġislazzjoni robusta u ambizzjuża dwar il-qbid u l-konfiska tal-assi, li tmur lil hinn mill-istandards minimi stabbiliti fil-livell tal-UE u b'hekk tinkludi wkoll, pereżempju, dispożizzjonijiet dwar konfiska mingħajr kundanna kriminali (jew ċivili).

Tittejjeb il-kooperazzjoni operazzjonali dwar il-konfiska, l-irkupru u l-ġestjoni tal-assi permezz ta' komunikazzjoni effettiva u skambju tal-aħjar prattiki bejn l-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi tar-Repubblika tal-Moldova u l-UE;

Tittejjeb il-kooperazzjoni operazzjonali bejn is-servizzi tal-intelligence finanzjarja, tal-pulizija, is-servizzi ta' spezzjoni finanzjarja, is-servizzi u l-unitajiet fiskali u doganali permezz ta' interoperabbiltà u skambji ta' data (pereżempju, abbażi ta' ftehimiet imfassla apposta dwar l-iskambju tad-data). Jenħtieġ li jinħatru uffiċjali ta' kollegament bejn is-servizzi sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni operazzjonali. Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati l-iskambji temporanji ta' persunal għall-finijiet ta' taħriġ;

F'kooperazzjoni maċ-Ċentru Konġunt ta' Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (ara hawn fuq), jiġu stabbiliti kurrikuli ta' taħriġ bi proċess ċar ta' akkreditazzjoni għall-investigaturi u l-analisti fil-qasam tal-kriminalità finanzjarja u l-kollegi minn oqsma oħrajn jiġu permessi u mħeġġa jipparteċipaw f'taħriġ dwar l-investigazzjonijiet finanzjarji. Jenħtieġ li l-importanza tal-investigazzjonijiet finanzjarji tkun debitament riflessa fit-taħriġ tal-investigaturi, tal-prosekuturi u tal-imħallfin;

Jiġu żviluppati l-gwida u l-istruzzjonijiet għall-korpi taħt l-obbligu ta' rapportar li jirrapportaw sistematikament tranżazzjonijiet suspettużi sabiex itejbu l-effettività tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali Kontra l-Ħasil tal-Flus u Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu.

 

Kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni, l-asil u l-ġestjoni tal-fruntieri

Migrazzjoni u l-Asil

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Titkompla l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' riammissjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova u tkompli tiġi pprovduta assistenza għar-riintegrazzjoni taċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova;

Tkompli tiġi pprovduta informazzjoni li jkollha l-għan li tikkjarifika d-drittijiet u l-obbligi ta' vjaġġar mingħajr viża, inkluż informazzjoni dwar ir-regoli li jirregolaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol tal-UE (inkluż minn fuq il-portal tal-UE dwar l-immigrazzjoni), dwar il-qafas tal-UE dwar il-migrazzjoni legali (Direttivi dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta' ċerti kategoriji ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi) u dwar ir-responsabbiltà għal abbuż tad-drittijiet skont is-sistema ta' vjaġġar mingħajr viża, kif ukoll dwar id-drittijiet u l-obbligi li jappartjenu għas-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri tal-UE;

Tkompli tiġi żviluppata kooperazzjoni prattika fil-qafas tas-Sħubija għall-Mobbiltà bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiġi promossa u mtejba l-kooperazzjoni fi ħdan is-Sħubija għall-Mobbiltà bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova permezz tal-parteċipazzjoni attiva tal-EUMS b'attenzjoni speċjali fuq il-migrazzjoni u l-iżvilupp;

Jissaħħu l-infrastruttura eżistenti (inklużi ċ-ċentri ta' detenzjoni) u l-persunal tal-korpi responsabbli sabiex jiġi żgurat ir-ritorn effettiv ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu u/jew fi Ftehim ta' Assoċjazzjoni illegali mit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova, jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-immigranti f'detenzjoni amministrattiva;

Jitkompla t-tisħiħ tal-qafas ta' integrazzjoni eżistenti permezz ta' ċentri ta' integrazzjoni;

Tissaħħaħ l-attività tal-Uffiċċju għall-migrazzjoni u l-asil, bħala l-attur ewlieni fis-sistema tal-ġestjoni tal-flussi migratorji u tal-kontabilità, billi: (1) jissaħħu l-qafas legali, il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza u d-dokumentazzjoni tal-persuni barranin, (2) jissaħħu s-servizzi reġjonali fil-ġlieda kontra s-soġġorn illegali tal-persuni barranin u fl-għadd tal-persuni barranin, (3) tittejjeb l-infrastruttura, kif ukoll, jiġu allokati r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa;

Tkompli tissaħħaħ is-sistema ta' ġbir u analiżi tad-data dwar il-flussi migratorji u l-asil billi jiġi aġġornat il-Profil tal-Migrazzjoni Estiż u jkomplu jitfasslu r-rapporti ta' evalwazzjoni u analiżi tar-riskji dwar il-migrazzjoni u l-asil;

Tkompli l-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni dwar l-asil, li tipprovdi qafas solidu għall-protezzjoni ta' dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, filwaqt li tissaħħaħ l-infrastruttura taċ-Ċentru ta' Akkomodazzjoni;

Jingħata taħriġ lill-impjegati taċ-ċivil, l-impjegati tal-MIA, l-imħallfin u l-maġistrati dwar l-asil u l-migrazzjoni;

Jiġi segwit approċċ integrat fil-qasam tad-dijaspora u jiġu kkonsolidati l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali u nazzjonali dwar materji relatati mad-dijaspora;

Jiġu żviluppati mezzi aktar effettivi għall-promozzjoni tal-migrazzjoni ċirkolari.

Ġestjoni tal-fruntieri

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tkompli tissaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri u tinżamm il-kwalità għolja ta' kontrolli fuq il-fruntieri u sorveljanza tal-fruntieri, kif ukoll jiġu estiżi u mtejba l-faċilitajiet fissi u mobbli ta' sorveljanza bil-vidjo;

Tissaħħaħ il-ġestjoni konġunta tal-fruntiera bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova, inkluż permezz ta' kontroll konġunt fuq il-fruntieri u l-iskambju ta' informazzjoni (inkluż qabel il-wasla).

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Ikomplu jiġu pprovduti infrastruttura adegwata, tagħmir tekniku, sistemi tal-IT u riżorsi umani u finanzjarji, f'konformità mal-Istrateġija u l-pjan ta' azzjoni għal Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (IBM) tar-Repubblika tal-Moldova.

Tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (FRONTEX);

Tissaħħaħ is-sistema tal-koordinazzjoni fuq il-fruntiera fil-livell nazzjonali;

Tittejjeb l-istampa tas-sitwazzjoni fil-livell lokali u dak nazzjonali billi jissaħħu l-analiżi tar-riskji, l-analiżi tal-informazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni mas-sħab nazzjonali u internazzjonali.

 

Kooperazzjoni legali

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiżdied il-kooperazzjoni bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Eurojust (b'mod kwalitattiv u kwantitattiv) f'każijiet kriminali transfruntieri;

Tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kummerċjali billi:

=

Issir l-adeżjoni ma' u l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet multilaterali dwar kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili u b'mod partikolari l-Konvenzjoni tal-1970 dwar it-Teħid ta' Evidenza Barra mill-Pajjiż f'Materji Ċivili jew Kummerċjali;

=

Issir l-adeżjoni ma' u l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet multilaterali dwar il-protezzjoni tat-tfal, speċjalment, il-Konvenzjonijiet tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fil-qasam tal-liġi tal-familja;

=

Titħejja t-triq għall-adeżjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1996 dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, b'mod partikolari billi jiġu vvalutati l-kapaċitajiet u r-riżorsi nazzjonali;

Tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali billi jiġu aderiti u implimentati l-konvenzjonijiet rilevanti, speċjalment dawk tal-Kunsill tal-Ewropa.

2.5   Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ (DCFTA)

Iż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva tirrappreżenta parti estensiva mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Għalhekk, huwa mistenni li l-implimentazzjoni ta' din il-parti, li tinsab fit-Titolu V (Il-Kummerċ u materji relatati mal-Kummerċ) tal-Ftehim, tingħata livell ta' prijorità proporzjonat mal-importanza tagħha fil-kuntest globali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u fil-qafas tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova.

Kummerċ ta' oġġetti

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien sabiex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-oġġetti, inkluża l-enerġija, b'mod partikolari permezz ta' konsultazzjonijiet konġunti, sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Isir aktar titjib fil-qasam tal-istatistika dwar il-bilanċ kummerċjali sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jkomplu japplikaw b'mod korrett il-mekkaniżmu kontra ċ-ċirkomvenzjoni;

Issir kooperazzjoni fl-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali għat-titjib tal-kompetittività fir-Repubblika tal-Moldova;

Tiġi skambjata informazzjoni dwar żviluppi marbuta mal-aċċess għas-suq fir-Repubblika tal-Moldova u l-politika tagħha dwar l-aċċess għas-suq;

Jiġu implimentati miżuri biex tittejjeb il-klima tan-negozju għall-operaturi tan-negozju fil-kummerċ.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiżdied il-kapaċità tal-esportazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova, inkluż permezz tat-tnedija ta' skemi ta' appoġġ (għotja) finanzjarju u mhux finanzjarju għall-iżvilupp tal-esportazzjoni ta' kumpanniji individwali;

Tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova fil-proċess tat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni li tista' tkun meħtieġa sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tad-DCFTA;

Jiġu eliminati d-dazji doganali fuq oġġetti li joriġinaw mill-UE skont l-Anness XV-D tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

Tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-enerġija relatati mal-kummerċ;

Jiġu implimentati l-elementi tal-esportazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Attrazzjoni tal-Investiment u l-Promozzjoni tal-Esportazzjoni 2018-2020 għall-perijodu 2016-2020, inkluż reviżjoni ta' nofs it-terminu ta' din l-istrateġija fl-2018.

Regolamenti tekniċi, l-istandardizzazzjoni u l-infrastruttura relatata

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien sabiex jiksbu konformità mar-regolamenti tekniċi tal-UE, l-istandardizzazzjoni, il-metroloġija, l-akkreditazzjoni, il-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità u s-sistema tas-sorveljanza tas-suq kif previst fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u b'mod aktar speċifiku fil-parti tiegħu dwar id-DCFTA.

It-tħejjijiet ser jinkludu ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tiġi skambjata informazzjoni dwar l-issodisfar tal-impenji sabiex tiġi approssimata l-leġislazzjoni domestika għall-acquis tal-Unjoni, kif speċifikat fl-annessi rilevanti għall-Ftehim, u dwar l-infurzar tagħha;

Jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi tal-korpi, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji governattivi rilevanti.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiġi żviluppata u modernizzata l-infrastruttura relatata mal-amministrazzjoni tar-regolamenti tekniċi, l-istandardizzazzjoni, il-metroloġija, l-akkreditazzjoni, il-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità u s-sistema tas-sorveljanza tas-suq, inkluż il-ħolqien ta' sistema ta' informazzjoni nazzjonali;

Titjieb il-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet tal-UE bħal CEN, CENELEC, ETSI, EURAMET, EA, WELMEC;

Tiġi skambjata informazzjoni dwar aspetti rilevanti oħra tal-pjanijiet tar-Repubblika tal-Moldova fil-qasam tal-ostakli tekniċi għall-kummerċ, u dwar il-perijodi ta' żmien applikabbli;

Titfassal u tiġi implimentata, f'kooperazzjoni mal-korpi rappreżentattivi tas-settur privat fir-Repubblika tal-Moldova, Kampanja/Azzjoni ta' konsultazzjoni, konsulenza u informazzjoni fil-fond bil-għan li l-komunità tan-negozju fir-Repubblika tal-Moldova tiġi megħjuna tifhem aħjar ir-regoli tal-UE dwar il-prodotti u r-rekwiżiti għat-tqegħid tal-prodotti fis-suq;

Issir kooperazzjoni fil-proċess ta' tħejjija għall-Ftehim dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni (ACAA) ta' Prodotti Industrijali.

Miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS)

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien sabiex l-istandards sanitarji u fitosanitarji għall-ikel u l-għalf u l-leġislazzjoni u l-prassi fis-saħħa tal-pjanti u s-saħħa u l-benesseri tal-annimali applikabbli fir-Repubblika tal-Moldova jkunu aktar konformi ma' dawk tal-UE, kif stipulat fl-annessi rilevanti għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Din il-kooperazzjoni ser tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tiġi ssimplifikata ċ-ċertifikazzjoni tal-importazzjoni/esportazzjoni ta' prodotti agroalimentari;

Tiġi żviluppata u implimentata l-Istrateġija għas-Sikurezza Alimentari għall-perijodu 2017-2022;

Tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija Nazzjonali tas-Sikurezza Alimentari u l-Ministeru għall-Agrikoltura sabiex jitħejjew, jiġu adottati u implimentati riformi leġislattivi fil-qasam tal-SPS;

Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva billi jingħata taħriġ lill-persunal fil-korpi u l-aġenziji eżekuttivi u governattivi responsabbli sabiex iħejju u jimplimentaw leġislazzjoni konformi mal-liġi tal-UE;

Jiġu organizzati kampanji ta' informazzjoni ma' aġenziji, negozji u NGOs relatati dwar ir-rekwiżiti għall-aċċess għas-suq tal-UE u mas-soċjetà ċivili dwar l-aspetti tal-konsumaturi fis-sikurezza alimentari u tal-għalf;

Tinkiseb akkreditazzjoni rikonoxxuta internazzjonalment tal-laboratorji kollha involuti f'kontrolli uffiċjali sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-SPS għall-esportazzjoni u tissaħħaħ is-sikurezza tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u dik alimentari fis-suq intern tar-Repubblika tal-Moldova.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Jiġu organizzati mill-ġdid u żviluppati l-kapaċitajiet tal-Aġenzija Nazzjonali tas-Sikurezza Alimentari, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Istrateġija għas-Sikurezza Alimentari ġdida u futura għall-perijodu 2017-2022;

Titlesta l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għas-Sikurezza Alimentari attwali tar-Repubblika tal-Moldova, b'attenzjoni partikolari fuq il-kwalità tal-leġislazzjoni u l-kapaċità tal-infurzar, filwaqt li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati;

Jiġu approssimati mal-acquis tal-Unjoni l-liġijiet domestiċi elenkati fl-annessi rilevanti għall-Ftehim, u jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tagħhom;

Ikomplu jittejbu l-infrastruttura u l-kapaċità relatata meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti, il-laboratorji tas-sikurezza tal-ikel u l-Postijiet ta' Spezzjoni fuq il-Fruntiera, f'konformità mar-rekwiżiti tal-UE;

Tiġi ffinalizzata l-ħidma fuq it-twaqqif ta' sistema ta' twissija bikrija għas-sikurezza alimentari u tal-għalf, is-saħħa tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti.

Faċilitazzjoni doganali u kummerċjali

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien biex il-leġislazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova tkun konformi mad-dritt tal-UE, mal-Pjanijiet ta' Azzjoni Doganali tal-UE u mal-istandards internazzjonali kif definiti fil-Kapitolu 5 u fl-annessi rilevanti għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Din il-kooperazzjoni ser tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tiġi allinjata l-leġislazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova mal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni Ewropea;

Titkompla l-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku għall-Kooperazzjoni Doganali;

Titkompla l-modernizzazzjoni tas-servizz doganali, u tal-infrastruttura tiegħu, kif ukoll jiġi organizzat taħriġ għall-persunal, b'mod partikolari sabiex tissaħħaħ il-kultura orjentata lejn is-servizzi u ħielsa mill-korruzzjoni fir-Repubblika tal-Moldova;

Jitfassal pjan direzzjonali għall-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova mal-Konvenzjoni dwar il-Proċedura Komuni ta' Transitu u jitwaqqaf tim tal-proġett;

Jissaħħu l-miżuri għall-ġlieda kontra l-frodi u għall-prevenzjoni tal-kummerċ illeċitu, inkluż fi prodotti soġġetti għas-sisa, b'mod partikolari permezz ta' kooperazzjoni mtejba skont il-Protokoll dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka fi Kwistjonijiet Doganali;

Jiġi żgurat l-infurzar effettiv tal-leġislazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova dwar il-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u d-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali u jiġi pprovdut taħriġ xieraq lill-uffiċjali doganali f'dan ir-rigward.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Jiġu żviluppati regoli dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali l-ġdid;

Tiġi allinjata s-sistema tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati tar-Repubblika tal-Moldova ma' dik tal-UE, bil-prospett ta' rikonoxximent reċiproku;

Tiġi allinjata l-leġislazzjoni u jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet biex ir-Repubblika tal-Moldova taderixxi mal-Konvenzjoni dwar il-Proċedura Komuni ta' Transitu;

Ikomplu jiġu ssimplifikati u mmodernizzati l-proċeduri doganali u tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tagħhom;

Issir kooperazzjoni fuq il-kontroll doganali bbażat fuq ir-riskji u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni rilevanti li tikkontribwixxi għal ġestjoni mtejba tar-riskji u s-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ leġittimu u s-sikurezza u s-sigurtà tal-oġġetti importati, esportati jew li jkunu fi transitu;

Jiżdiedu l-proċeduri għall-adeżjoni rapida mal-Konvenzjoni ta' Qafas tal-WHO dwar il-Protokoll għall-Kontroll fuq it-Tabakk u l-implimentazzjoni tagħha sabiex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk.

Regoli tal-oriġini

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien biex jimplimentaw ir-regoli ta' oriġini stipulati fil-protokoll għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u li jirriżultaw mill-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova mal-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji. Din il-kooperazzjoni ser tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jiġu diskussi u, jekk meħtieġ, jiġu riveduti l-proċeduri attwali applikati mis-servizz doganali tar-Repubblika tal-Moldova fiċ-ċertifikazzjoni u l-verifika tal-oriġini tal-oġġetti.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tingħata għajnuna lir-Repubblika tal-Moldova sabiex timplimenta l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-adeżjoni tagħha mal-Konvenzjoni;

Jiġi pprovdut taħriġ dwar iċ-ċertifikazzjoni u l-verifika tal-oriġini preferenzjali lis-servizz doganali tar-Repubblika tal-Moldova.

Stabbiliment, kummerċ fis-servizzi u kummerċ elettroniku

Il-partijiet ser ikomplu d-djalogu tagħhom dwar l-istabbiliment, il-kummerċ fis-servizzi u l-kummerċ elettroniku skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Huma ser jimplimentaw l-impenji magħmula fl-oqsma tas-servizzi, kif speċifikati fl-annessi rilevanti għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Din il-kooperazzjoni ser tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jiġu pprovduti taħriġ u kapaċità amministrattiva suffiċjenti sabiex jittrattaw mal-approssimazzjoni tal-leġislazzjoni;

Jiġi żgurat skambju regolari ta' informazzjoni dwar il-ħidma leġislattiva prevista jew li għaddejja fl-oqsma magħżula għall-approssimazzjoni u jsir djalogu għal dan il-għan;

Jiġi żgurat li l-qafas legali għas-servizzi u l-istabbiliment fir-Repubblika tal-Moldova jkun jirrifletti d-drittijiet u l-obbligi u jippermetti l-implimentazzjoni effettiva tal-impenji ta' aċċess għas-suq li jirriżultaw mid-DCFTA.

Pagamenti attwali u moviment tal-kapital

Il-partijiet ser jissoktaw bid-djalogu tagħhom dwar il-pagamenti u l-movimenti tal-kapital, b'mod partikolari bil-għan li jimmonitorjaw il-konformità mal-impenji eżistenti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

Akkwist pubbliku

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien fuq l-implimentazzjoni mir-Repubblika tal-Moldova tal-Kapitolu dwar l-Akkwist tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u r-riformi relatati. Din il-kooperazzjoni ser tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tiġi kkoordinata l-armonizzazzjoni tal-qafas legali u istituzzjonali tal-akkwist pubbliku fir-Repubblika tal-Moldova mal-Kummissjoni Ewropea;

Tiġi pprovduta informazzjoni preċiża u f'waqtha dwar l-iżviluppi fil-leġislazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova, b'mod partikolari l-ħidma leġislattiva ppjanata li taffettwa l-politika tal-akkwist u l-infurzar, u dwar l-iżvilupp tal-istruttura istituzzjonali;

Tkompli tiġi implimentata l-istrateġija tal-akkwist pubbliku tar-Repubblika tal-Moldova, biex b'hekk tiġi żgurata sistema ta' akkwist li tkun tiffunzjona sewwa, kompetittiva, responsabbli u trasparenti li tiġġenera u tiggarantixxi l-fiduċja taċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova u tal-komunità internazzjonali fil-funzjoni tal-akkwist;

Tiġi stabbilita u implimentata leġislazzjoni dwar l-akkwist fil-qasam tal-utilitajiet, il-konċessjonijiet u s-sħubiji pubbliċi-privati, f'konformità mal-leġislazzjoni tal-UE rilevanti;

Jiġi żgurat li l-Aġenzija Nazzjonali indipendenti għar-Riżoluzzjoni tal-Ilmenti jkollha kapaċità amministrattiva suffiċjenti biex tipprovdi rimedji effettivi f'konformità mal-leġislazzjoni rilevanti tal-UE;

Jiġu żviluppati l-kompetenzi u l-kapaċità amministrattiva meħtieġa fil-korpi responsabbli mis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-politika tal-akkwist;

Tiġi allinjata s-sistema ta' rimedji mal-acquis Ewropew dwar l-istandards marbutin mal-indipendenza, l-integrità u t-trasparenza, li jipprevedi trattament rapidu u kompetenti tal-ilmenti;

Jiġu żviluppati l-kompetenzi u l-kapaċità amministrattiva neċessarji li jrawmu effiċjenza akbar fil-proċessi tal-akkwist pubbliku, inklużi dawk l-aspetti li jistgħu jikkontribwixxu għal tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklużiv tar-Repubblika tal-Moldova.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tkompli tiġi implimentata l-istrateġija tal-akkwist pubbliku tar-Repubblika tal-Moldova;

Tiġi żgurata r-riforma nazzjonali tal-akkwist pubbliku permezz ta' allinjament gradwali mal-qafas legali rilevanti u aġġornat tal-UE u jiġi żgurat li tali riforma tiġi implimentata u infurzata kif suppost;

Jiġu definiti regoli dwar l-akkwist għall-impriżi pubbliċi skont l-istandards u l-aħjar prattiki tal-UE;

Ikompli jiġi implimentat l-akkwist elettroniku u jittejbu l-funzjonalitajiet tal-għodda tal-IT rilevanti;

Jiġi kkunsidrat li jinħolqu korpi ċentralizzati għall-akkwist u jiġi żgurat li l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti kollha jkollhom il-persunal adegwat u r-riżorsi meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom.

Drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR)

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien biex il-leġislazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova tkun konformi mal-liġi tal-UE u l-istandards internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u ser jiżguraw il-protezzjoni effettiva tal-IPR kollha, inkluż l-indikazzjonijiet ġeografiċi, kif speċifikat fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Din il-kooperazzjoni ser tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jittieħdu miżuri sabiex jiżdied l-għarfien tal-pubbliku fil-qasam tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u jiġi żgurat djalogu effettiv mad-detenturi tad-drittijiet;

Jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tal-leġislazzjoni domestika f'konformità mal-istandards tal-UE f'dan il-qasam, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, u jiġu żviluppati għodod ta' monitoraġġ għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-IPR skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

Jiġi pprovdut taħriġ adegwat dwar il-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi lill-uffiċjali tal-amministrazzjonijiet u l-membri tal-ġudikatura rilevanti.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Jiġi żgurat li d-detenturi tad-drittijiet miż-żewġ partijiet ikollhom livell effettiv u adegwat ta' protezzjoni tal-IPR tagħhom u li jkun hemm fis-seħħ miżuri adegwati għall-infurzar ta' dawn id-drittijiet;

Tissaħħaħ il-kapaċità tal-infurzar tal-korpi governattivi u l-aġenziji eżekuttivi responsabbli, inkluż is-servizz doganali tar-Repubblika tal-Moldova, u tiġi rrapportata regolarment is-sitwazzjoni tal-kapaċità amministrattiva;

Tiġi żgurata l-eżistenza ta' qafas legali xieraq li jiggarantixxi l-aċċess tad-detenturi tad-drittijiet għall-ġustizzja u d-disponibbiltà u l-implimentazzjoni effettiva ta' sanzjonijiet;

Jiġu kkonsolidati l-istrutturi istituzzjonali rilevanti, kif ukoll l-Aġenzija Statali għall-Proprjetà Intellettwali u s-soċjetajiet kolletturi; Tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi, mal-organizzazzjonijiet tal-immaniġġar kollettiv u mal-assoċjazzjonijiet tal-industrija;

Jiġu implimentati l-istandards inkorporati fid-Direttiva dwar l-Infurzar 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

Jittieħdu miżuri effettivi kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija u tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni tal-infurzar u tas-sanzjonijiet għall-ksur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali abbażi tal-Istrateġija Nazzjonali għall-IPR sal-2020, u jiġu prodotti rapporti regolari bbażati fuq miri u data tanġibbli u li jistgħu jitkejlu.

Kompetizzjoni

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien sabiex jimplimentaw il-kapitolu tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni dwar il-kompetizzjoni u r-riformi relatati. Din il-kooperazzjoni ser tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Jiġi żgurat li l-qafas istituzzjonali tar-Repubblika tal-Moldova u l-kapaċità amministrattiva tagħha jiggarantixxu l-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni dwar il-kompetizzjoni b'mod imparzjali u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi ekonomiċi kollha;

Jissaħħaħ id-djalogu dwar l-esperjenza tal-infurzar tal-leġislazzjoni f'dan il-qasam, kif ukoll dwar żviluppi leġislattivi oħrajn relatati mal-kompetizzjoni, inkluż billi jingħata taħriġ lill-awtoritajiet u pariri esperti ad hoc dwar l-infurzar ġenerali tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

Trasparenza

Il-partijiet ser jagħtu attenzjoni speċjali lil ħidma li għandha l-għan li tiżgura li:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tiġi żviluppata strateġija ta' komunikazzjoni tal-gvern u jiġu definiti t-temi ewlenin li jiffukaw fuq l-isforzi tal-komunikazzjoni tal-amministrazzjoni;

Jissaħħu l-kapaċitajiet tal-ippjanar strateġiku tal-uffiċċju tal-komunikazzjoni tal-gvern;

Jiġu diskussi l-aħjar prattiki u l-esperjenzi ta' tfassil ta' politika trasparenti, notevolment permezz tal-involviment tas-soċjetà ċivili fid-djalogu ta' politika;

Tiġi skambjata informazzjoni u jingħata taħriġ rilevanti, inkluż dwar il-mekkaniżmi ta' komunikazzjoni u konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati;

Isiru seminars u avvenimenti oħrajn għall-pubbliku ġenerali, immirati biex jispjegaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-proċess ta' approssimazzjoni.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Jiġu rrispettati l-impenji dwar it-trasparenza fit-tfassil tal-politika relatata mal-kummerċ u jiġu kkunsidrati l-mekkaniżmi meħtieġa li jista' jkun hemm bżonn li jiddaħħlu fis-seħħ;

Jittejjeb l-aċċess faċli u liberu għall-informazzjoni pubblika mogħtija mil-liġi.

Kummerċ u żvilupp sostenibbli

Il-partijiet ser ikomplu bid-djalogu u l-ħidma tagħhom fuq il-kwistjonijiet koperti mill-kapitolu rilevanti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Dan ser jinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir u medju

Tiġi skambjata informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika domestika rilevanti jew tal-impenji internazzjonali relatati mal-iżvilupp sostenibbli;

Tiġi diskussa l-implimentazzjoni effettiva tal-impenji taħt dan il-kapitolu fir-rigward tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati u d-djalogu tas-soċjetà ċivili;

Jiġi żgurat li l-ispezzjoni tal-manodopera tibqa' konformi mal-istandards tal-ILO u l-prinċipji tal-UE;

Jiġu skambjati l-aħjar prattiki u l-esperjenza rilevanti.

Il-partijiet ser iżommu f'moħħhom li l-prijoritajiet dwar id-drittijiet tat-trejdjunjins u l-istandards fundamentali tax-xogħol fit-Taqsima 2.2 u l-ewwel prijorità identifikata fit-Taqsima 2.6 (l-Impjiegi, il-politiki soċjali u l-opportunitajiet indaqs) huma rilevanti ħafna għall-implimentazzjoni tal-kapitolu “Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli” u, għalhekk, jinħtieġ li jiġu indirizzati b'rabta ma' din il-parti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

2.6   L-Iżvilupp ekonomiku u l-Opportunitajiet tas-Suq

Il-Partijiet ser jaħdmu flimkien biex jappoġġaw lir-Repubblika tal-Moldova sabiex tistabbilixxi ekonomija tas-suq li taħdem kompletament u sabiex b'mod gradwali ġġib il-politiki tagħha aktar konformi mal-politiki tal-UE, f'konformità mal-prinċipji gwida tal-istabbiltà makroekonomika, finanzi pubbliċi sodi, sistema finanzjarja b'saħħitha u bilanċ tal-pagamenti sostenibbli. B'mod partikolari, din il-kooperazzjoni għandha tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jiġi implimentat il-programm ta' riforma miftiehem mal-Fond Monetarju Internazzjonali;

Tibda tiġi implimentata, ladarba tiġi adottata, l-operazzjoni ta' assistenza makrofinanzjarja miftiehma mal-UE.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Titlesta l-implimentazzjoni tal-programm ta' riforma miftiehem mal-Fond Monetarju Internazzjonali;

Tiġi implimentata kompletament, ladarba tiġi adottata, l-operazzjoni ta' assistenza makrofinanzjarja miftiehma mal-UE;

Jiġu mmonitorjati l-iżviluppi makroekonomiċi, jiġu diskussi l-isfidi politiċi ewlenin u tiġi skambjata informazzjoni dwar l-aħjar prattiki billi jissaħħaħ id-djalogu makroekonomiku regolari sabiex tittejjeb il-kwalità tat-tfassil tal-politika ekonomika;

Ikomplu jissaħħu l-indipendenza, is-setgħat regolatorji u l-kapaċità tal-Bank Nazzjonali tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Kummissjoni Nazzjonali għas-Swieq Finanzjarji. Tiġi kondiviża l-esperjenza tal-UE dwar il-politika monetarja u tar-rati tal-kambju, kif ukoll il-politiki dwar is-superviżjoni u r-regolamentazzjoni tas-settur bankarju u finanzjarju, biex il-kapaċitajiet tar-Repubblika tal-Moldova f'dawn l-oqsma jiġu żviluppati aktar;

Jittejbu s-sostenibbiltà u l-governanza tal-finanzi pubbliċi, permezz tal-implimentazzjoni ta' riformi fiskali, inkluż it-titjib tal-implimentazzjoni tas-sorveljanza parlamentari tal-baġit;

Ikomplu jiġu żviluppati regoli u proċeduri miftuħa, kompetittivi u trasparenti dwar il-privatizzazzjoni, u dawn jiġu implimentati f'konformità mal-aħjar prattiki tal-UE.

Liġi tal-kumpanniji, kontabbiltà u awditjar u governanza korporattiva

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien biex iħejju lir-Repubblika tal-Moldova għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u tal-istrumenti internazzjonali msemmija fl-annessi rilevanti għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, b'mod partikolari sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Il-leġislazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova dwar l-awditjar u l-kontabbiltà tiġi approssimata għal dik tal-UE u għall-istrumenti internazzjonali kif elenkati fl-Anness II tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

Tiġi skambjata informazzjoni f'waqtha, rilevanti u preċiża dwar is-sitwazzjoni attwali tal-leġislazzjoni eżistenti u l-konformità tagħha mal-liġi tal-UE, abbażi tal-format miftiehem bejn il-partijiet, sabiex il-liġi tal-UE tiġi implimentata skont l-iskeda ta' żmien miftiehma;

Jiġu identifikati l-oqsma li fihom jinħtieġ li jiġu pprovduti taħriġ, tisħiħ tal-kapaċitajiet u għarfien espert;

Tiġi ssimplifikata s-sistema ta' spettorati u diversi korpi ta' spezzjoni sabiex tiżdied l-effikaċja u jitnaqqas l-ambitu għall-korruzzjoni, bl-għan aħħari li jittejjeb l-ambjent tan-negozju u jittejjeb l-infurzar tal-liġi u l-istandards.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiġi żviluppata l-kapaċità amministrattiva tal-istituzzjonijiet tal-istat tar-Repubblika tal-Moldova involuti fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-kumpanniji, il-kontabbiltà u l-awditjar u l-governanza korporattiva;

Jingħata bidu għal diskussjonijiet dwar l-istabbiliment ta' reġistru tas-sjieda benefiċjarja għall-kumpanniji.

Impjiegi, politika soċjali u opportunitajiet indaqs

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien fl-oqsma li ġejjin sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jiġu żgurati kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija dwar l-Impjiegi għall-perijodu 2017-2020;

Jiġi żgurat jkunu fis-seħħ kondizzjonijiet bażiċi li jippermettu l-funzjonament effettiv l-ispezzjoni tal-manodopera;

Titkompla l-promozzjoni tad-djalogu soċjali, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sħab soċjali.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Titkompla l-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija dwar l-Impjiegi għall-perijodu 2017-2020;

Tiġi implimentata l-liġi tal-UE fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-liġi tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif imsemmi fl-annessi rilevanti għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, u b'mod partikolari sabiex:

=

tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u tal-infurzar fl-oqsma tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-liġi tax-xogħol, notevolment l-ispettorat tax-xogħol u l-korpi ġudizzjarji rilevanti;

=

Jissaħħu l-kapaċitajiet tas-sħab soċjali (pereżempju taħriġ dwar il-leġislazzjoni u l-istandards tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà, u dwar il-liġi tax-xogħol);

Jiġi żviluppat approċċ strateġiku għall-impjiegi, li jimmira għal aktar impjiegi u impjiegi aħjar, b'kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, it-tlaqqigħ aħjar tal-ħiliet u l-impjiegi fis-suq tax-xogħol u l-promozzjoni ta' appoġġ attiv u servizzi tal-impjieg effiċjenti, filwaqt li jiġi promoss suq tax-xogħol inklużiv; jiġu implimentati l-programmi nazzjonali għal xogħol deċenti miftiehma bejn l-ILO u r-Repubblika tal-Moldova;

Jissaħħu l-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni responsabbli mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki tal-impjiegi u dawk soċjali, notevolment is-servizzi tal-impjiegi u s-servizzi soċjali.

Protezzjoni tal-konsumaturi

Sabiex iħejju għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u tal-istrumenti internazzjonali msemmija fl-anness rilevanti għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, il-partijiet ser jaħdmu flimkien sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jiġi rivedut l-acquis kollu dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-Repubblika tal-Moldova adottat sal-lum, skont l-acquis tal-UE adottat reċentement f'dan il-qasam (kif elenkat fl-Anness IV tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni);

Jiġi implimentat il-Pjan ta' Żvilupp Istituzzjonali Pluriennali tal-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi (CPA);

Jiġi implimentat il-Pjan ta' Żvilupp Istituzzjonali Pluriennali tal-Aġenzija Nazzjonali tas-Sikurezza Alimentari (ANSA).

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiġi stabbilita u attivata sistema nazzjonali li tippermetti komunikazzjoni effiċjenti bejn il-partijiet ikkonċernati nazzjonali dwar prodotti tal-konsumatur perikolużi li mhumiex għall-ikel u s-sejħa lura tagħhom mis-suq;

Tistabbilixxi u tattiva sistema ta' skambju ta' informazzjoni dwar prodotti tal-ikel perikolużi għall-konsumatur, abbażi ta' sistema ta' twissija rapida għall-ikel u l-għalf fuq mudell tal-UE;

Jiġu integrati l-punti ta' kontroll differenti tas-sikurezza alimentari (punt ta' spezzjoni fuq il-fruntiera, is-servizzi tal-saħħa tal-pjanti u s-saħħa tal-annimali u ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Ittestjar u ċ-Ċertifikazzjoni tal-Għelejjel u tal-Ħamrija) f'Sistema waħda ġestita u integrata tal-MIS;

Ikomplu jiġu żviluppati u infurzati l-proċeduri ta' kontroll tal-analiżi tal-ġestjoni abbażi tar-riskji għall-prodotti tal-ikel u mhux tal-ikel;

Jiġi vvalutat perjodikament il-Pjan ta' Żvilupp Istituzzjonali Pluriennali tas-CPA u, jekk ikun meħtieġ, jiġi rivedut;

Jiġi vvalutat perjodikament il-Pjan ta' Żvilupp Istituzzjonali Pluriennali tal-ANSA u, jekk ikun meħtieġ, jiġi rivedut;

L-oqfsa normattivi u legali tar-Repubblika tal-Moldova fir-rigward tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji jkomplu jiġu allinjati mal-acquis tal-UE;

Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-infurzar tal-protezzjoni tal-konsumaturi fir-Repubblika tal-Moldova, notevolment permezz tat-taħriġ ta' uffiċjali tal-gvern u rappreżentanti oħrajn tal-interessi tal-konsumaturi dwar it-traspożizzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE u l-implimentazzjoni u l-infurzar sussegwenti tagħha.

Statistika

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien biex il-leġislazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova ssir aktar konformi mal-liġi tal-UE fil-qasam tal-istatistika. Din il-kooperazzjoni ser tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tiġi approvata l-Liġi dwar l-istatistika uffiċjali żviluppata abbażi tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) dwar l-istatistika komunitarja u abbażi tal-liġi ġenerika dwar l-istatistika uffiċjali għall-pajjiżi fil-Lvant tal-Ewropa, fil-Kawkasu u fl-Asja Ċentrali;

Tiġi approvata l-Klassifikazzjoni NUTS skont ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) b'aktar emendi u aġġustamenti;

Jinxterdu r-riżultati finali taċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni u tad-Djar (PHC) tal-2014 u tittejjeb l-istatistika dwar il-popolazzjoni permezz tal-estensjoni tal-użu ta' sorsi ta' data amministrattiva;

Jiġu żviluppati estimi għall-kontijiet reġjonali skont il-metodoloġija SNA 1993/ESA 1995;

Tiġi żgurata l-indipendenza professjonali u istituzzjonali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tar-Repubblika tal-Moldova fl-implimentazzjoni tar-riforma li jmiss tal-amministrazzjoni pubblika billi jinżammu l-istatus u l-post attwali tiegħu fl-amministrazzjoni pubblika.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Jiġu żgurati l-kalkoli tal-“Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur” (HICP) skont l-istandards tal-UE;

Jiġu implimentati l-metodoloġija SNA 2008/ESA 2010 u r-rikalkolu tas-serje taż-żmien għall-indikaturi makroekonomiċi ewlenin skont il-metodoloġija approvata;

Tiġi implimentata sistema ta' mmaniġġar tal-kwalità fl-istatistika uffiċjali, skont l-istandards Ewropej.

Tassazzjoni

Il-partijiet ser isaħħu l-kooperazzjoni bil-għan li jtejbu u jiżviluppaw is-sistema u l-amministrazzjoni tat-taxxa tar-Repubblika tal-Moldova abbażi tal-istandards tal-UE u dawk internazzjonali. Dan ser jinkludi t-tħejjija sabiex gradwalment il-leġislazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova ssir aktar konformi mal-liġi tal-UE u mal-istrumenti internazzjonali msemmija fl-anness għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u, b'mod partikolari, ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Il-kodiċi tat-taxxa tar-Repubblika tal-Moldova dwar il-VAT u s-sisa tiġi armonizzata mad-direttivi rilevanti tal-UE skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness VI tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

Tkompli tiġi żviluppata kooperazzjoni mal-OECD u mal-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri tal-UE permezz tal-iskambju ta' esperjenzi u xejriet ġodda fil-qasam tat-tassazzjoni.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tittejjeb u tiġi ssimplifikata l-leġislazzjoni fiskali;

Jiġu adottati miżuri bl-għan li jiġu żgurati l-impożizzjoni u l-ġbir ġusti u effettivi tat-taxxi diretti;

Il-leġislazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova dwar l-eżenzjonijiet tal-VAT u tad-dazju tas-sisa tiġi approssimata mal-leġislazzjoni tal-UE f'konformità mal-Anness VI tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

Tittejjeb il-kooperazzjoni fiskali internazzjonali sabiex tissaħħaħ il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, jiġifieri permezz tal-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' trasparenza, skambju ta' informazzjoni u kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa;

Tittejjeb il-kapaċità tal-amministrazzjoni tat-taxxa billi tissaħħaħ il-ġestjoni tal-bidla, tiġi implimentata r-riforma istituzzjonali u operazzjonali, isir kontribut għall-proċess tal-integrazzjoni Ewropea u tiġi mmodernizzata t-teknoloġija tal-informazzjoni;

Tittejjeb il-kapaċità tal-amministrazzjoni tat-taxxa biex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta' arretrati, jiġi żgurat il-ġbir effettiv tat-taxxa u tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa;

Jittieħdu miżuri li jarmonizzaw il-politiki għall-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu ta' prodotti soġġetti għas-sisa.

Servizzi finanzjarji

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien sabiex iħejju lir-Repubblika tal-Moldova għall-modernizzazzjoni tal-qafas superviżorju u regolatorju finanzjarju tagħha, sabiex b'hekk tikkonforma ruħha mal-istandards regolatorji miftehma internazzjonalment fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, bl-użu tal-leġislazzjoni tal-UE u l-istrumenti internazzjonali msemmija fl-annessi rilevanti għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż it-Titolu IV (Il-kooperazzjoni ekonomika u kooperazzjoni settorjali oħra) ta' dan il-ftehim, bħala referenza għall-iżvilupp ta' sett ta' regoli xierqa għar-Repubblika tal-Moldova. Din il-kooperazzjoni għandha tinkludi l-azzjonijiet li ġejjin u tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jittieħdu passi sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tal-azzjonisti u tiġi garantita l-istabbiltà finanzjarja tas-suq tal-assigurazzjoni;

Jiġi żgurat li l-każijiet ta' frodi li affettwaw is-settur bankarju tar-Repubblika tal-Moldova fl-2014 jiġu soġġetti għal investigazzjoni bir-reqqa, trasparenti u imparzjali, bil-għan li jiġu rkuprati l-fondi ddevjati u l-persuni responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

Ikompli jittejjeb il-qafas legali billi jiġu pprovduti l-istrumenti u l-miżuri meħtieġa (pereżempju, billi tiżdied ir-responsabbiltà tal-azzjonisti, jiġu imposti sanzjonijiet aktar ħorox) sabiex jiġu indirizzati l-fatturi li wasslu għall-frodi bankarji fl-2014 u jiġu evitati transazzjonijiet frodulenti simili fil-livelli kollha;

Jiġi żviluppat u adottat b'mod progressiv qafas tal-assigurazzjoni tad-depożiti, f'konformità mal-istandards miftehma internazzjonalment;

Tiġi adottata l-liġi dwar l-organizzazzjonijiet ta' kreditu mhux bankarji żviluppata mill-Kummissjoni Nazzjonali tas-Swieq Finanzjarji;

Jiġu stabbiliti kuntatti u tiġi skambjata informazzjoni mas-superviżuri finanzjarji tal-UE. B'mod partikolari, l-UE ser tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova sabiex jikkonkludu ftehimiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji mal-awtoritajiet superviżorji u regolatorji rilevanti tal-UE (pereżempju, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet mill-Istati Membri tal-UE);

Tiġi skambjata informazzjoni f'waqtha, rilevanti u preċiża dwar is-sitwazzjoni attwali tal-leġislazzjoni eżistenti tal-Moldova;

Jiġu identifikati l-oqsma li fihom jinħtieġ li jiġu pprovduti taħriġ, tisħiħ tal-kapaċitajiet u għarfien espert.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Jinħoloq qafas superviżorju u regolatorju ġdid li jkun konformi mal-istandards regolatorji miftehma internazzjonalment, inklużi approċċ superviżorju, għodod u strumenti ġodda;

Jiddaħħal fis-seħħ qafas komprensiv għat-titjib tal-governanza korporattiva u tal-ġestjoni tar-riskji fis-settur finanzjarju bankarju;

Jiġi żviluppat qafas ta' superviżjoni makroprudenzjali;

Tinbena kapaċità sabiex tiġi implimentata l-leġislazzjoni ġdida fis-settur finanzjarju;

Tittejjeb il-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet superviżorji f'konformità mal-istandards miftehma internazzjonalment;

Tiġi żviluppata leġislazzjoni nazzjonali dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, b'mod partikolari billi: tiġi implimentata l-leġislazzjoni tal-UE f'dawn l-oqsma; tissaħħaħ il-kooperazzjoni mat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (Financial Action Task Force, FATF), mal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari l-Kumitat ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni ta' Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (MONEYVAL) ta' dan tal-aħħar, u kwalunkwe awtoritajiet rilevanti oħrajn fl-Istati Membri tal-UE; u jiġu ffirmati l-Memoranda ta' Qbil bejn l-awtoritajiet tal-intelligence finanzjarja tar-Repubblika tal-Moldova u l-Istati Membri tal-UE;

Tiġi żviluppata kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istat u l-organizzazzjonijiet responsabbli għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Nazzjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu.

Politika industrijali u intraprenditorjali

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien biex jittejjeb l-ambjent kummerċjali u regolatorju fir-Repubblika tal-Moldova, biex jiġu stimolati l-investimenti u l-attivitajiet kummerċjali skont it-tipi kollha ta' kumpanniji, b'attenzjoni speċjali għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), inkluż il-mikrointrapriżi. Din il-kooperazzjoni ser tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tiġi implimentata l-Istrateġija għall-Iżvilupp tas-Settur tal-SMEs għall-perijodu 2012-2020 u l-Pjan ta' Azzjoni korrispondenti tagħha f'konformità mal-liġi l-ġdida dwar l-SMEs, mal-Pjan Direzzjonali rivedut tal-pajjiż dwar il-Kompetittività u mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Attrazzjoni tal-Investiment u l-Promozzjoni tal-Esportazzjoni għall-2016-2020 u l-Pjan ta' Azzjoni korrispondenti tagħha;

Tiġi żviluppata politika industrijali ffukata fuq l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-innovazzjoni;

Jiġi implimentat b'mod effettiv il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) li jinkludi inizjattivi bħalma huma n-Netwerk Enterprise Europe (EEN), Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ, proġetti ta' kooperazzjoni bejn ir-raggruppamenti, eċċ., permezz tat-tisħiħ tal-kapaċità tal-partijiet ikkonċernati istituzzjonali u tas-settur privat rilevanti fir-Repubblika tal-Moldova;

Jiġu implimentati inizjattivi biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' innovazzjoni, f'konformità mal-inizjattiva l-ġdida EU4Innovation mnedija fis-Sħubija tal-Lvant, filwaqt li jitrawmu l-iżvilupp ta' miżuri ta' politika u inċentivi biex jiġu appoġġati negozji innovattivi.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Jiġu implimentati l-pjan direzzjonali speċifiku għall-pajjiż u r-rakkomandazzjonijiet tal-Valutazzjoni tal-SBA (l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar);

Issir rabta bejn l-iżvilupp tal-SMEs u l-opportunitajiet maħluqa mid-DCFTA, inkluż permezz tan-netwerks (ta' appoġġ) għan-negozji (bħan-Netwerk Enterprise Europe) u r-raggruppamenti, filwaqt li jiġi ffinalizzat l-iżvilupp ta' politika ddedikata għar-raggruppamenti f'dan il-kuntest;

Jissaħħaħ ir-rwol tal-assoċjazzjonijiet tal-SMEs u tan-negozji (inkluż assoċjazzjonijiet settorjali) sabiex jittejjeb id-djalogu Pubbliku-Privat;

Jiġi implimentat il-qafas kunċettwali, leġislattiv u operazzjonali li jistimula l-iżvilupp tal-produzzjoni industrijali permezz tal-modernizzazzjoni u l-innovazzjoni bħala ġeneratur tal-impjiegi, inkluż permezz ta' raggruppamenti fejn ekonomikament rilevanti, fir-Repubblika tal-Moldova. F'dan ir-rigward, tkompli tiġi żviluppata u implimentata l-politika industrijali l-ġdida.

Estrazzjoni u materja prima

Il-partijiet ser jiskambjaw informazzjoni dwar l-estrazzjoni u l-materja prima sabiex jiksbu fehim aħjar tad-direzzjonijiet u l-politiki strateġiċi rispettivi tagħhom. Id-diskussjonijiet ser isiru permezz tas-Sottokumitat iddedikat.

Turiżmu

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien biex:

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Jiġu stabbiliti kuntatti sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp ta' industrija turistika kompetittiva u sostenibbli u jiġu spjegati l-passi meħtieġa sabiex tiġi approfondita l-kollaborazzjoni bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-operaturi tal-UE fil-qasam tat-turiżmu;

Ikomplu jiġu skambjati l-aħjar prattiki u jiġu kondiviżi l-għarfien, it-taħriġ u l-edukazzjoni fil-qasam tat-turiżmu.

Agrikoltura u żvilupp rurali

Sabiex jikkooperaw fl-approssimazzjoni politika u leġislattiva għall-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-UE u, b'mod partikolari, sabiex jirrispettaw l-impenji f'termini ta' żmien fl-oqsma speċifiċi stipulati fl-annessi rilevanti għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, il-partijiet ser jaħdmu flimkien sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tiġi implimentata Liġi Ġenerali dwar prinċipji ta' sussidjar fl-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, sabiex b'hekk tittejjeb l-implimentazzjoni tal-politika f'dan il-qasam;

Jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-Ministeru għall-Agrikoltura u tal-Industrija tal-Ikel fl-istatistika agrikola u l-analiżi ekonomika.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Jiġi żviluppat u implimentat il-qafas politiku, legali u istituzzjonali (inkluż ir-rekwiżiti tas-sikurezza alimentari, il-politika dwar il-kwalità, il-biedja organika u l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni) fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali;

Jiġu żviluppati, promossi u implimentati programmi settorjali għal subsetturi agrikoli speċifiċi;

Jittejbu l-kompetittività tal-produzzjoni agrikola u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi fiż-żoni rurali;

Jiġi żviluppat katast tal-art trasparenti u aġġornat bħala bażi għall-monitoraġġ tal-użu tal-art, kif ukoll għall-iffaċilitar tar-riforma agrarja u l-konsolidazzjoni tal-azjendi agrikoli, bil-għan li tittejjeb is-sitwazzjoni strutturali tas-settur agroalimentari u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali;

Jittejjeb l-użu sostenibbli tal-art fis-settur agroalimentari;

Jittejjeb l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma fis-settur agroalimentari, bl-użu ta' teknoloġiji ġodda;

Jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-amministrazzjonijiet lokali u ċentrali fir-rigward ta' politiki dwar l-iżvilupp rurali;

Tissaħħaħ il-kapaċità tal-Aġenzija tal-Pagamenti sabiex jiġu żgurati t-trasparenza, l-effiċjenza u l-prevedibbiltà tal-għajnuna mill-Istat żborżata;

Titnaqqas il-vulnerabbiltà tas-settur agrikolu għall-perikli klimatiċi.

Soċjetà tal-informazzjoni/Ekonomija u Soċjetà Diġitali

Il-partijiet ser jikkooperaw flimkien sabiex jallinjaw l-ambjenti diġitali tal-pajjiż mas-Suq Uniku Diġitali tal-UE. Dan ser joħloq impjiegi, tkabbir u innovazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova, li minnhom jibbenifikaw b'mod partikolari ż-żgħażagħ f'termini ta' opportunitajiet ta' edukazzjoni u xogħol, lokalment jew mill-bogħod, u għall-ftuħ ta' negozji b'kapital inizjali baxx. B'mod partikolari, il-partijiet ser jikkooperaw sabiex jappoġġaw lir-Repubblika tal-Moldova fl-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE msemmi fl-annessi rilevanti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jissaħħu l-indipendenza u l-kapaċità amministrattiva tar-regolatur nazzjonali għall-komunikazzjoni elettronika, bil-għan li tiġi żgurata l-abbiltà tiegħu li jieħu miżuri regolatorji xierqa u jinforza d-deċiżjonijiet tiegħu u r-regolamenti kollha applikabbli u jippromwovi kompetizzjoni ġusta fis-swieq;

Isir progress fl-implimentazzjoni tan-Numru Ewropew Uniku tal-Emerġenza 112 fir-Repubblika tal-Moldova.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Jissaħħaħ is-settur diġitali permezz ta' skambju ta' informazzjoni u esperjenza dwar l-implimentazzjoni tas-Suq Uniku Diġitali (DSM). Jiġi promoss fir-Repubblika tal-Moldova l-allinjament mal-leġislazzjoni, l-aħjar prattiki u n-normi tal-UE, fost l-oħrajn, dwar: il-kummerċ-e; il-protezzjoni tad-data permezz tar-reżiljenza tan-netwerks; id-definizzjoni tal-istrateġija nazzjonali taċ-ċibersigurtà; it-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali ta' CERT; u d-definizzjoni tal-mudell nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-broadband rurali;

Jittejbu l-livell ta' ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data personali fil-komunikazzjoni elettronika, sabiex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-integrità tas-servizzi pubbliċi elettroniċi u sabiex tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini f'dawn is-servizzi.

Saħħa pubblika

Il-partijiet ser jikkooperaw sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni attiva tar-Repubblika tal-Moldova fil-Programm tas-Saħħa tal-UE 2014–2020.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Jitrawmu riformi fis-settur tas-saħħa u jingħata appoġġ lir-Repubblika tal-Moldova sabiex tħejji għall-implimentazzjoni tal-acquis tas-saħħa tal-UE, kif imsemmi fl-annessi għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-leġislazzjoni fl-oqsma tal-kontroll fuq it-tabakk, il-kwalità u s-sikurezza tas-sustanzi ta' oriġini umana (tessuti tad-demm, organi u ċelloli) u theddid għas-saħħa f'konformità wkoll mal-obbligi internazzjonali tar-Repubblika tal-Moldova skont il-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk u r-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa;

Jissaħħu l-istat ta' tħejjija, it-taħriġ u s-sorveljanza u l-kontroll epidemjoloġiċi tal-mard li jittieħed, fost l-oħrajn permezz ta': 1) il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-Programm Mediterranju għat-Taħriġ fl-Epidemjoloġija tal-Intervent (MediPIET); 2) il-kooperazzjoni maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard; 3) l-iżgurar tas-sjieda tal-pajjiż u s-sostenibbiltà tal-programmi nazzjonali għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-HIV, tat-tuberkulożi u tal-epatite; 4) it-tisħiħ tal-programmi ta' immunizzazzjoni;

Jiġu żgurati l-adeżjoni ma' u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-Protokoll għall-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk;

Tissaħħaħ l-azzjoni multisettorjali nazzjonali sabiex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antimikrobiċi, fost l-oħrajn, permezz tat-tisħiħ tas-sorveljanza, l-użu prudenti tal-antimikrobiċi u l-kontroll tal-infezzjonijiet f'ambjenti ta' kura tas-saħħa.

Ippjanar Urban u Kostruzzjoni

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Jiġi implimentat il-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u l-Ippjanar Urban għas-snin 2017-2020, permezz tal-iżvilupp u l-adozzjoni tal-leġislazzjoni sekondarja (abbozz ta' liġijiet u deċiżjonijiet tal-Gvern) f'konformità mal-“Istrateġija Moldova 2020”;

Jittieħdu miżuri li jiżguraw l-iskemi tal-ippjanar spazjali fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, kif ukoll il-pjanijiet regolatorji u l-pjanijiet għall-iżvilupp muniċipali, sabiex tiġi promossa politika integrata tal-iżvilupp reġjonali.

Żvilupp reġjonali

Il-partijiet ser jikkooperaw fil-qafas tal-politiki tal-iżvilupp reġjonali u fid-Djalogu bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-Politika Reġjonali, fid-dawl tal-isforzi tar-Repubblika tal-Moldova sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tkompli tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fl-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju sabiex tibbenifika mill-iskambju tal-esperjenza u l-aħjar prattika mar-reġjuni parteċipanti mill-Istati Membri tal-UE;

Jitjiebu l-arranġamenti istituzzjonali u tinbena kapaċità adegwata fil-livelli nazzjonali/reġjonali/lokali biex tipparteċipa fil-programmi kollha ta' kooperazzjoni transkonfinali (CBC);

Tibda tipparteċipa fil-Programmi ta' Kooperazzjoni Transkonfinali tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) għall-perijodu 2014–2020 (il-Programm Operattiv Konġunt tar-Rumanija/ir-Repubblika tal-Moldova u l-Programm Operattiv Konġunt tal-Baħar l-Iswed), u l-programm transnazzjonali tad-Danubju. Titkompla l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Kooperazzjoni Territorjali tal-Isħubija tal-Lvant bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiġi implimentata l-Istrateġija tar-Repubblika tal-Moldova għall-Iżvilupp Reġjonali għall-perijodu 2016-2020, f'konformità mal-aġenda Moldova 2020, fit-territorju kollu tal-pajjiż bil-għan li jiġi appoġġat tkabbir aktar bilanċjat tal-pajjiż kollu kemm hu;

Jiġu promossi b'mod partikolari, bħala parti mill-objettiv stabbilit fl-Istrateġija tar-Repubblika tal-Moldova għall-Iżvilupp Reġjonali li jiġi żgurat it-tkabbir ekonomiku sostenibbli fir-reġjuni, l-ispeċjalizzazzjoni u l-innovazzjoni ekonomika reġjonali, l-intraprenditorija u t-tisħiħ tal-potenzjal ta' żvilupp ekonomiku kompetittiv ta' ċentri urbani, u jiġi promoss il-kunċett ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għat-tfassil tal-istrateġiji tar-riċerka u l-innovazzjoni;

Tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali u operazzjonali tal-istituzzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali fil-qasam tal-iżvilupp reġjonali, inkluża ħidma fuq l-iżvilupp ta' sistema effettiva ta' governanza fuq bosta livelli u diviżjoni ċara tar-responsabbiltajiet;

Jittejjeb l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-livelli lokali u reġjonali u tiġi kkonsolidata s-sħubija bejn il-partijiet kollha involuti fl-iżvilupp reġjonali;

Tittejjeb il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fl-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju sabiex tkun tista' tibbenifika mill-iskambju tal-esperjenza u l-aħjar prattika mar-reġjuni parteċipanti mill-Istati Membri tal-UE dwar serje ta' suġġetti, inklużi dawk koperti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

Politika dwar l-affarijiet marittimi u s-sajd

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien biex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jitrawwem approċċ integrat għall-affarijiet marittimi billi jiġi ddeżinjat punt ta' kuntatt nazzjonali u jkun hemm parteċipazzjoni fl-inizjattivi tal-UE fil-baċiri tal-baħar kollha bil-għan li jiġu identifikati oqsma ta' interess komuni għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp ta' proġetti fil-Baħar l-Iswed.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-ħidma lejn il-ħolqien ta' sajd sostenibbli fil-Baħar l-Iswed, fil-kuntest tal-oqfsa kemm bilaterali kif ukoll multilaterali, f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' Bukarest tal-2016 tal-Istati riparji kollha, u abbażi ta' approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tas-sajd;

Tiżdied il-kooperazzjoni teknika, xjentifika u amministrattiva sabiex jittejbu l-monitoraġġ u l-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd u tal-kummerċ ta' prodotti tas-sajd u t-traċċabilità tagħhom, bil-għan li jiġi miġġieled b'mod effettiv is-sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Irregolat (sajd IUU).

2.7   Il-Konnettività, l-Effiċjenza fl-Enerġija, l-Azzjoni Klimatika, l-Ambjent u l-Protezzjoni Ċivili

Enerġija

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien lejn sigurtà tal-enerġija mtejba permezz ta' żieda fid-diversifikazzjoni, kif ukoll effiċjenza fl-enerġija akbar u l-użu ta' enerġija rinnovabbli. L-għan komuni jibqa' l-istabbiliment ta' suq tal-enerġija kompetittiv u trasparenti fir-Repubblika tal-Moldova u l-integrazzjoni sħiħa tiegħu fis-suq tal-enerġija tal-UE.

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tissaħħaħ l-indipendenza ta' ANRE, inkluż permezz ta' depolitiċizzazzjoni tal-ħatriet u proċedura ta' sensji għad-diretturi, kif ukoll permezz tal-iffissar ta' baġit awtonomu. Għal dan l-iskop, ir-Repubblika tal-Moldova ser tadotta Liġi ġdida dwar l-Enerġija b'mod trasparenti u inklużiv, u timplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha tar-reviżjoni ta' ANRE mwettqa mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija;

Ikomplu jittieħdu passi lejn l-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija tar-Repubblika tal-Moldova ma' dak tal-UE;

Tiġi implimentata l-liġi l-ġdida (“it-tielet pakkett dwar l-enerġija”) dwar l-elettriku billi jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa preskritti mil-liġi u billi tiġi adottata l-leġislazzjoni sekondarja meħtieġa;

Jiġu implimentati b'mod sħiħ l-impenji u l-ftehimiet tar-Repubblika tal-Moldova, inkluż dawk stabbiliti fost il-miri tal-programmi finanzjarji tal-FMI bħall-irkupru kollu tad-devjazzjonijiet tat-tariffi ta' qabel, wara r-rakkomandazzjonijiet tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija;

Tiġi implimentata l-liġi l-ġdida (“it-tielet pakkett dwar l-enerġija”) dwar il-gass naturali;

F'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-FMI, titkompla l-ħidma lejn l-eliminazzjoni ta' dejn akkumulat fis-settur tal-enerġija;

Jittieħdu passi lejn ftuħ akbar tas-suq tal-gass naturali;

Titlesta s-separazzjoni legali u jsiru t-tħejjijiet għas-separazzjoni sħiħa ta' Moldovatransgas, wara li tittieħed f'kunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija dwar l-għażla taż-żmien għas-separazzjoni fis-settur tal-gass;

Jiġi implimentat il-pjan direzzjonali għat-titjib tal-interkonnessjonijiet tal-gass u tal-elettriku bejn ir-Repubblika tal-Moldova u r-Rumanija. Il-preżenza ta' kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni f'termini ta' regoli bażiċi ekwivalenti rigward l-aċċess għas-swieq, l-infrastruttura u l-ftuħ, kif ukoll standards ambjentali u ta' sikurezza kompatibbli ser jiffaċilitaw kummerċ sostanzjali tal-elettriku u tal-gass bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova fil-futur;

Jitlesta r-ristrutturar korporattiv ta' Termoelectrica;

Tittejjeb u tiġi garantita t-trasparenza tas-sejħiet għall-offerti u tal-kuntratti għall-provvista tal-elettriku;

Abbażi tal-liġi dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, jiġu żviluppati skemi ta' appoġġ, regoli amministrattivi u miżuri oħrajn meħtieġa sabiex jitrawwem użu akbar ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

Jiġi abbozzat u implimentat pjan ta' azzjoni rigward ir-riżervi strateġiċi taż-żejt skont l-obbligu tal-Komunità tal-Enerġija;

Il-Liġi dwar l-effiċjenza fl-enerġija fil-bini ssir konformi u jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' appoġġ xierqa u trasparenti għall-miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija kemm f'bini pubbliku kif ukoll fid-djar;

Jiġu identifikati u implimentati miżuri li jżidu l-kompetizzjoni fis-swieq tal-gass u tal-elettriku u d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, waqt li jiġi żgurat li m'hemmx diskriminazzjoni bejn l-operaturi;

Jittieħdu miżuri sabiex tinkiseb konformità mar-regolament(i) tal-SoS.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Jittieħdu aktar passi sabiex jitnaqqas it-telf mit-trasmissjoni u d-distribuzzjoni fin-netwerks tal-elettriku, tal-gass u tas-sħana;

Jiġi adottat u implimentat pjan ta' azzjoni maħsub biex iżid is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum gross totali tal-enerġija għal 17 % sal-2020;

Tiġi adottata Liġi ġdida dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija f'konformità mad-Direttiva 2012/27/UE u tkompli l-estensjoni tal-ittikkettar fuq il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħrajn għal prodotti ġodda;

Tiġi żviluppata aktar il-kompetizzjoni fis-swieq tal-elettriku u tal-gass sabiex jintlaħaq il-livell meħtieġ ta' likwidità li tippermetti l-iżvilupp ta' swieq kompetittivi organizzati;

Abbażi ta' evalwazzjoni perjodika tal-kundizzjonijiet tas-suq, jiġu identifikati l-passi u l-azzjonijiet li jridu jittieħdu għat-transizzjoni gradwali lejn mekkaniżmi tal-ipprezzar (kompetittivi) bbażati fis-suq;

Titjieb il-metodoloġija għall-iffissar tat-tariffi biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-irkupru tal-ispejjeż f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-FMI u tal-Komunità tal-Enerġija;

Tiġi implimentata s-separazzjoni sħiħa ta' Moldovagas u Moldovatransgaz u jiġu adottati tariffi ġodda ta' dħul u ħruġ fis-settur tal-gass naturali;

Jiġu identifikati u implimentati miżuri li jsaħħu l-appoġġ soċjali u l-protezzjoni ta' konsumaturi vulnerabbli;

Jitlestew l-interkonnessjonijiet tal-enerġija mar-Rumanija (u/jew mal-Ukrajna) u jittieħdu passi lejn l-integrazzjoni tas-suq reġjonali. Il-preżenza ta' kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni f'termini ta' regoli bażiċi ekwivalenti rigward l-aċċess għas-swieq, l-infrastruttura u l-ftuħ, kif ukoll standards ambjentali u ta' sikurezza kompatibbli ser jiffaċilitaw kummerċ sostanzjali tal-elettriku u tal-gass bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova fil-futur;

Jinbeda l-iskambju online tad-data dwar ir-radjazzjoni ambjentali billi tiġi ffaċilitata l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova mal-Pjattaforma Ewropea għall-Iskambju tad-Data Radjoloġika (EURDEP);

Tiġi aġġornata l-Istrateġija dwar l-Enerġija 2030 f'konformità mal-approssimazzjoni legali l-ġdida u l-eżiti fil-qasam tal-interkonnessjonijiet.

Trasport

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni ulterjuri tal-leġislazzjoni tal-UE msemmija fl-annessi għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u sabiex jappoġġaw lir-Repubblika tal-Moldova. Din il-kooperazzjoni ser tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jiġi implimentat il-programm ta' riforma u ristrutturar tas-settur ferrovjarju;

Jiżdiedu l-isforzi sabiex tiġi implimentata l-leġislazzjoni tal-UE dwar l-avjazzjoni sabiex jittieħed vantaġġ sħiħ mill-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova;

Tiġi stabbilita kompetizzjoni ħielsa u ġusta fis-settur tal-avjazzjoni, b'mod partikolari, jiġu inklużi klawsoli dwar l-aċċess mhux diskriminatorju għall-ajruport fil-konċessjoni tal-ajruport ta' Chisinau u terġa' tinkiseb kompetizzjoni effettiva fis-settur tas-servizzi fuq l-art.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiġi implimentata l-istrateġija komprensiva tat-trasport u l-loġistika għall-perijodu 2013-22;

Jiġi garantit il-Fond tat-Toroq, filwaqt li jiġi żgurat finanzjament stabbli għall-implimentazzjoni tal-Kuntratti ta' Manutenzjoni Abbażi tal-Prestazzjoni (PBMC);

Jiġu implimentati r-riformi meħtieġa sabiex ir-Repubblika tal-Moldova tkun tista' titneħħa mill-aktar fis possibbli minn fuq il-lista s-sewda tal-Memorandum ta' Qbil ta' Pariġi;

Tiġi żviluppata infrastruttura, b'mod partikolari billi jitħejjew u jiġu implimentati aktar proġetti għall-iżvilupp tan-netwerk ewlieni ta' TEN-T estiż, kif maqbul waqt il-laqgħa ministerjali ta' TEN-T li saret f'Rotterdam fl-2016;

L-Istati Membri tal-UE għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà tal-ftuħ gradwali tas-suq tat-trasport bit-triq abbażi tal-progress li sar mir-Repubblika tal-Moldova fit-traspożizzjoni tal-acquis tal-UE rilevanti.

Ambjent

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien sabiex iħejju għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u l-istandards internazzjonali, b'mod partikolari sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tar-riformi amministrattivi tal-istituzzjonijiet ambjentali u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva xierqa sabiex jiġi implimentat il-kapitolu tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni dwar l-ambjent;

Isir progress fl-approssimazzjoni mal-acquis ambjentali billi jiġi adottat il-qafas legali ewlieni fis-settur, jiġifieri l-liġijiet dwar il-Protezzjoni tal-Arja, is-Sustanzi Kimiċi u l-Emissjonijiet Industrijali (il-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrati tat-Tniġġis);

Jiġu implimentati l-liġijiet dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika u dwar l-Immaniġġar tal-Iskart;

Jiġu żviluppati u adottati mekkaniżmi ta' implimentazzjoni għall-applikazzjoni tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (VIA) u tal-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (VAS), sabiex l-ambjent jiġi integrat bħala kwistjoni trasversali fl-oqsma ta' politika ewlenin l-oħrajn;

Jiġu żviluppati u adottati l-istrateġiji, il-programmi u l-pjanijiet nazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Arja, il-Ġestjoni tas-Sustanzi Kimiċi u l-Ġestjoni tal-Ilma.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiġi adottata l-leġislazzjoni ta' implimentazzjoni meħtieġa f'diversi subsetturi ambjentali, b'mod partikolari dwar il-ġestjoni u l-kwalità tal-ilma, l-immaniġġar tal-iskart, il-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi, il-protezzjoni tan-natura, il-kwalità tal-arja u t-tniġġis industrijali, sabiex jiġu ssodisfati l-obbligi deskritti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

Jittejjeb l-iżvilupp tal-ekonomija ekoloġika fir-Repubblika tal-Moldova;

Tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ambjentali għas-snin 2014-2023 u tal-istrateġiji nazzjonali dwar il-Provvista tal-Ilma u s-Sanitazzjoni, l-Immaniġġar tal-Iskart u l-Konservazzjoni tal-Bijodiversità;

Tiġi rieżaminata l-Liġi dwar l-immaniġġar tal-iskart sabiex tiġi eżaminata l-possibbiltà li jissaħħu d-dispożizzjonijiet ambjentali.

Azzjoni klimatika

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien biex isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni dwar it-tibdil fil-klima, sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jiġi elaborat aktar il-pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-Kontribut Determinat fil-Livell Nazzjonali.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tinbeda l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima;

Tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Adattament għat-Tibdil fil-Klima u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha li jkopru l-perijodu sal-2020;

Tibda l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Żvilupp b'Emissjonijiet Baxxi li tkopri l-perijodu sal-2030 fir-rigward tal-Kontribut Maħsub Determinat fil-Livell Nazzjonali (INDC) tal-pajjiż;

Tittejjeb il-koordinazzjoni interistituzzjonali u intersettorjali u l-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima jiġu integrati fil-politiki u l-pjanijiet fil-livelli kollha;

Il-leġislazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova tiġi approssimata b'mod aktar konformi mal-atti tal-UE u l-istrumenti internazzjonali applikabbli kif previst mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni skont l-Anness XII tiegħu;

Tittejjeb il-qafas tat-trasparenza tar-Repubblika tal-Moldova għall-azzjoni klimatika, b'mod partikolari permezz ta' sistema nazzjonali għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-politiki dwar il-klima, il-miżuri u l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra bbażati fuq il-mudell tal-UE.

Protezzjoni ċivili

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien biex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jiġu żviluppati arranġamenti biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali fil-qasam tal-protezzjoni ċivili bl-għan li r-Repubblika tal-Moldova tersaq iktar qrib lejn il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili;

Jiġu promossi l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-UE dwar is-sostenn tan-nazzjon ospitanti;

Jinbeda djalogu dwar l-aspetti tal-politika dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri billi jiġu skambjati l-aħjar prattiki, jiġu organizzati taħriġ konġunt, eżerċizzji, żjarat ta' studju u workshops u jinġabru fil-qosor it-tagħlimiet li ttieħdu waqt operazzjonijiet u eżerċizzji ta' emerġenza reali;

Ikomplu jiġu żviluppati attivitajiet ta' prevenzjoni, permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-informazzjoni għall-popolazzjoni ġenerali, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, dwar ir-riskji ewlenin.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiġi żgurata komunikazzjoni effettiva 24 siegħa kuljum, inkluż l-iskambju ta' twissijiet bikrija u informazzjoni dwar emerġenzi fuq skala kbira li jaffettwaw lill-UE u lir-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll lil pajjiżi terzi li fihom xi waħda mill-partijiet tkun involuta fir-rispons għad-diżastri;

Tiġi ffaċilitata assistenza reċiproka, speċjalment permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, fil-każ ta' emerġenzi kbar, kif ikun xieraq u skont id-disponibbiltà ta' riżorsi suffiċjenti;

Isir progress fl-iżvilupp tal-valutazzjoni u l-immappjar għall-pajjiż kollu tar-riskji ta' diżastri u jingħata appoġġ għall-iżvilupp tal-Atlas Elettroniku tar-Riskji Reġjonali (ERRA) u jiġi żgurat l-użu effettiv tiegħu fil-livell nazzjonali;

Tittejjeb il-bażi tal-għarfien dwar ir-riskji tad-diżastri u t-telf ekonomiku billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-aċċessibbiltà u l-komparabbiltà tad-data;

Jittejbu l-politiki dwar il-prevenzjoni, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-acquis tal-UE u l-aħjar prattiki, ta' inċidenti industrijali kbar li jinvolvu materjal perikoluż;

Titjieb il-kooperazzjoni li ser twassal għal sistema aktar reżiljenti ta' protezzjoni ċivili u mmaniġġar tar-riskji tad-diżastri fir-Repubblika tal-Moldova bbażata fuq l-aħjar prattiki tal-UE u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.

2.8   Mobbiltà u Kuntatti bejn il-Persuni

Edukazzjoni, taħriġ u żgħażagħ

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien fuq il-modernizzazzjoni u r-riforma ġenerali tal-edukazzjoni, skont il-ħtiġijiet tal-żgħażagħ u tal-pajjiż, ġusta mal-istudenti minn madwar l-estrazzjonijiet ġeografiċi u soċjali kollha, effiċjenti f'termini ta' użu tar-riżorsi u li tnissel fiduċja fost is-soċjetà permezz tal-kwalità tajba tar-riżorsi umani tagħha u s-sistemi tar-riżultati, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ fir-Repubblika tal-Moldova. Din il-kooperazzjoni ser tinkludi ħidma sabiex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tiġi ffinalizzata l-adozzjoni tal-liġijiet sekondarji kollha li jippermettu l-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi tal-Edukazzjoni l-ġdid fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;

Tiżdied il-kapaċità amministrattiva tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u tal-korpi subordinati;

Tiġi stabbilita sistema ta' indikaturi tar-riżultati li jkunu jirriflettu r-rilevanza tar-riżultati miksuba mis-sistema edukattiva;

Tiżdied il-kwalità tat-taħriġ inizjali tal-għalliema, il-kwalità tal-proċeduri ta' reklutaġġ u l-attraenza tal-impjiegi fis-settur tal-edukazzjoni, inkluż permezz tal-livell ta' gwadann finanzjarju;

Tiġi promossa kooperazzjoni sistemika bejn is-sistema edukattiva u s-settur privat biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

Titkompla u tiġi ffinanzjata b'mod xieraq ir-riforma tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV), sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Iżvilupp tal-ETV (2013-2020) u jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

Jiġi adottat qafas legali għall-Kumitati Settorjali.

Jitwettqu attivitajiet konġunti u skambji li jippromwovu aktar l-integrazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja, fil-kuntest tas-sħubija tagħha fil-proċess ta' Bolonja;

Jiġu promossi l-kooperazzjoni akkademika, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-mobbiltà tal-persunal u tal-istudenti permezz tal-programm Erasmus+ u l-mobbiltà u t-taħriġ tar-riċerkaturi permezz tal-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie;

Jibda jitħaddem b'mod sħiħ it-titolu VII tal-Kodiċi tal-Edukazzjoni (it-Tagħlim tul il-Ħajja), f'kooperazzjoni mal-Ministeru għax-Xogħol;

Jitħeġġeġ l-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti f'kull forma ta' tagħlim tul il-ħajja għat-tkomplija tal-iżvilupp professjonali sabiex jinġiebu eqreb lejn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

Titwettaq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp tas-Settur taż-Żgħażagħ;

Jittejbu l-iskambji u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni mhux formali għaż-żgħażagħ u għal dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, bħala mezzi li jippromwovu d-djalogu interkulturali u l-appoġġ għas-soċjetà ċivili, inkluż permezz ta' programmi tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiġi żgurata l-parteċipazzjoni kostanti fl-ittestjar ta' PISA;

Jitkomplew ir-riformi fl-edukazzjoni bażika sabiex tissaħħaħ il-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema, jiġu mmodernizzati l-kurrikuli u jsir użu akbar mill-valutazzjoni tal-prestazzjoni;

Jitnaqqsu r-rati tat-tluq bikri mill-iskola;

Issir konnessjoni bejn l-edukazzjoni u r-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll bejn l-edukazzjoni u l-ambjent ekonomiku u soċjali;

Titwettaq ħidma għall-immodernizzar tal-istituzzjonijiet pubbliċi tal-edukazzjoni għolja, speċjalment bil-ħsieb ta' organizzazzjoni aħjar tan-netwerks li tagħmilhom aktar attraenti u kompetittivi permezz ta' iżjed trasparenza fil-ġestjoni tar-reklutaġġ tal-persunal;

Isiru evalwazzjonijiet esterni u akkreditazzjoni tal-programmi kollha għat-tliet ċikli kollha tal-edukazzjoni (baċellerat, masters u dottorat) u tal-istituzzjonijiet kollha tal-edukazzjoni għolja;

Isiru evalwazzjonijiet esterni u akkreditazzjoni tal-fornituri tal-edukazzjoni għall-adulti;

Jiżdied it-tagħlim tul il-ħajja;

Jiġi implimentat u appoġġat approċċ strateġiku għall-ETV bil-għan li s-sistema tal-ETV tar-Repubblika tal-Moldova tikkonforma mal-modernizzazzjoni tal-istrutturi tal-ETV tal-UE, kif qed isir permezz tal-Proċess ta' Kopenħagen u l-istrumenti tiegħu;

Tkompli tissaħħaħ is-sistema tal-ETV billi jiġi implimentat b'mod sħiħ il-Pjan ta' Azzjoni tal-Istrateġija għall-Iżvilupp tal-ETV (2013–2020).

Riċerka u Innovazzjoni

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien biex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tiġi adottata modifika ġdida fil-leġislazzjoni dwar ir-riċerka, abbażi tal-aħħar Rieżami tas-Sistema ta' Riċerka tar-Repubblika tal-Moldova mwettqa permezz tal-Faċilità ta' Appoġġ għall-Politiki u b'koerenza mal-Kodiċi tal-Edukazzjoni l-ġdid;

Jinħolqu strutturi ġodda li jwettqu r-rwol ta' koordinazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell governattiv.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER);

Tiżdied il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-programm Orizzont 2020;

Isir progress fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija għar-riċerka u l-iżvilupp sal-2020, il-Pjan ta' Azzjoni u l-Istrateġija għall-Innovazzjoni 2013-20, l-“Innovazzjoni għall-Kompetittività” u r-rakkomandazzjonijiet tar-reviżjoni bejn il-pari tal-Faċilità ta' Appoġġ għall-Politiki ta' Orizzont 2020;

Jissaħħu r-riżorsi umani, materjali u istituzzjonali sabiex jittejbu l-kapaċitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni;

Tiġi integrata l-Aġenda tal-Politika tax-Xjenza Miftuħa.

Kultura, politika awdjoviżiva u media

Kultura

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien biex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tiġi promossa l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-2005 tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali;

Tiġi promossa l-parteċipazzjoni tal-operaturi kulturali u awdjoviżivi mir-Repubblika tal-Moldova fil-programmi tal-UE, b'mod partikolari Ewropa Kreattiva.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Ikun hemm kooperazzjoni fl-iżvilupp ta' politika kulturali inklużiva fir-Repubblika tal-Moldova u fil-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali u naturali;

Jissaħħu l-kapaċitajiet sabiex tiġi żviluppata intraprenditorija kulturali fis-setturi kulturali u kreattivi (inkluż il-wirt kulturali) u sabiex jiġu pprovduti servizzi kulturali.

Politika awdjoviżiva u media

Il-partijiet ser jaħdmu flimkien sabiex iħejju għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE msemmija fl-annessi għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Din il-kooperazzjoni ser tinkludi appoġġ għar-Repubblika tal-Moldova biex:

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Jissaħħu l-kapaċità u l-indipendenza tal-awtoritajiet/korpi regolatorji għall-media u, b'mod partikolari, issir ħidma għall-indipendenza sħiħa tal-Kunsill tal-Koordinazzjoni Awdjoviżiva;

Tiġi emendata l-leġislazzjoni sabiex jiġi ggarantit li l-assistenza finanzjarja pubblika għall-media tiġi allokata skont kriterji oġġettivi u stretti, applikabbli bl-istess mod għall-media u x-xandara pubbliċi kollha;

Flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta' parteċipazzjoni fi programmi u attivitajiet tal-UE magħżula tal-aġenziji tal-UE ffokati fuq il-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV);

Tiġi żviluppata liġi ġdida dwar ir-reklamar f'konformità mal-Kodiċi Awdjoviżiv il-ġdid li għad irid jiġi adottat u mal-istandards Ewropej u li timmira lejn kompetizzjoni effettiva fis-settur.

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiġi indirizzata l-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-media skont l-aħjar prattiki tal-UE;

Issir ħidma għall-adozzjoni ta' leġislazzjoni awdjoviżiva f'konformità ma' standards Ewropej. Isiru skambji ta' fehmiet dwar il-politika awdjoviżiva u l-istandards internazzjonali applikabbli. Ikun hemm kooperazzjoni fil-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija fil-qasam awdjoviżiv u dak tal-media.

Parteċipazzjoni f'Aġenziji u Programmi tal-UE

Prijoritajiet fuq perijodu medju

Tiġi riveduta l-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar il-Parteċipazzjoni fi Programmi tal-UE abbażi tal-parteċipazzjoni effettiva tar-Repubblika tal-Moldova fi Programmi speċifiċi tal-UE.

2.9   Sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u viżibbiltà

Prijoritajiet fuq perijodu qasir

Tiġi żgurata komunikazzjoni b'sisien sodi dwar l-opportunitajiet u l-implikazzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova, b'enfasi fuq id-DCFTA;

Tiġi żgurata l-viżibbiltà rilevanti tal-proġetti u l-programmi kollha tal-UE, kif ukoll il-viżibbiltà tal-impatt tagħhom, permezz ta' ħidma mill-qrib maċ-ċentri tal-media, is-soċjetà ċivili u l-komunità kummerċjali fil-livell lokali, reġjonali u dak nazzjonali.


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 2017/371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-1 ta' Marzu 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa (reviżjoni tal-mekkaniżmu ta' sospensjoni) (ĠU L 61, 8.3.2017, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-Infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 15).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1).


Top