EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22017A1214(01)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta' prodotti organiċi

ĠU L 331, 14.12.2017, p. 4–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

14.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 331/4


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta' prodotti organiċi

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

minn naħa waħda, u

IR-REPUBBLIKA TAĊ-ĊILÌ, minn hawn 'il quddiem imsejħa “iċ-Ċilì”,

min-naħa l-oħra,

kollettivament imsejħin “il-Partijiet”,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU s-sħubija kummerċjali bejniethom li ilha teżisti u b'saħħitha bbażata fuq il-prinċipji komuni u l-valuri riflessi fil-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra;

DETERMINATI li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-espansjoni tas-setturi organiċi tagħhom billi joħolqu opportunitajiet ġodda għall-esportazzjoni;

DETERMINATI li jrawmu l-kummerċ ta' prodotti organiċi u konvinti li dan il-Ftehim sejjer jiffaċilita l-kummerċ ta' prodotti mkabbra u manifatturati b'mod organiku bejn il-Partijiet;

FILWAQT LI JFITTXU li jiksbu livell għoli ta' rispett għall-prinċipji tal-produzzjoni organika, tal-garanzija tas-sistemi tal-kontroll u tal-integrità tal-prodotti organiċi;

IMPENJATI li jsaħħu l-kooperazzjoni regolatorja dwar kwistjonijiet relatati mal-produzzjoni organika;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tar-reċiproċità u t-trasparenza fil-kummerċ internazzjonali għall-benefiċċju tal-partijiet ikkonċernati kollha;

FILWAQT li jżommu f'moħħhom li l-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ jinkoraġġixxi lill-Membri tad-WTO biex jikkunsidraw pożittivament li jaċċettaw bħala ekwivalenti regolamenti tekniċi ta' Membri oħrajn, anke jekk dawn ikunu differenti minn tagħhom, kemm-il darba jkunu sodisfatti li dawk ir-regolamenti jwettqu adegwatament l-għanijiet tar-regolamenti tagħhom stess;

FILWAQT LI JINNUTAW li l-kunfidenza permanenti fl-affidabbiltà kontinwa tal-proċeduri ta' valutazzjoni u tas-sistema ta' kontroll tal-Parti l-oħra hija element essenzjali ta' tali aċċettazzjoni ta' ekwivalenza;

FILWAQT LI JIBNU fuq id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom taħt il-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO u ftehimiet u arranġamenti multilaterali, reġjonali u bilaterali oħrajn li għalihom huma Partijiet;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Skop

L-għan ta' dan il-Ftehim huwa li jitrawwem il-kummerċ tal-prodotti agrikoli u ikel magħmula b'mod organiku bejn l-Unjoni u ċ-Ċilì, skont il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u tar-reċiproċità.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“ekwivalenza” tfisser il-kapaċità ta' liġijiet u regolamenti differenti, kif ukoll ta' sistemi ta' spezzjoni u ta' ċertifikazzjoni differenti, li jilħqu l-istess għanijiet;

(2)

“awtorità kompetenti” tfisser aġenzija uffiċjali li jkollha ġurisdizzjoni fuq il-liġijiet u r-regolamenti elenkati fl-Anness III jew IV u li tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim;

(3)

“awtorità ta' kontroll” tfisser awtorità ta' Stat Membru tal-Unjoni li lilha l-awtorità rilevanti tkun ikkonferixxiet, bis-sħiħ jew b'mod parzjali, il-kompetenza tagħha għall-ispezzjonijiet jew iċ-ċertifikazzjoni fil-qasam tal-produzzjoni organika skont il-liġijiet u r-regolamenti elenkati fl-Anness III;

(4)

“korp ta' kontroll” tfisser entità privata indipendenti li twettaq spezzjonijiet u ċertifikazzjoni fil-qasam tal-produzzjoni organika skont il-liġijiet u r-regolamenti elenkati fl-Anness III jew IV.

Artikolu 3

Rikonoxximent ta' ekwivalenza

1.   Fir-rigward tal-prodotti elenkati fl-Anness I, l-Unjoni tirrikonoxxi l-liġijiet u r-regolamenti taċ-Ċilì elenkati fl-Anness IV bħala ekwivalenti għal-liġijiet u r-regolamenti tagħha elenkati fl-Anness III.

2.   Fir-rigward tal-prodotti elenkati fl-Anness II, iċ-Ċilì jirrikonoxxi l-liġijiet u r-regolamenti tal-Unjoni elenkati fl-Anness III bħala ekwivalenti għal-liġijiet u r-regolamenti tiegħu elenkati fl-Anness IV.

3.   Fil-każ ta' modifika, revoka jew sostituzzjoni ta', jew żieda ma', il-liġijiet u r-regolamenti elenkati fl-Anness III jew IV, ir-regoli l-ġodda għandhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti għar-regoli tal-Parti l-oħra sakemm il-Parti l-oħra ma toġġezzjonax skont il-proċeura stipulata fil-paragrafu 4.

4.   Jekk Parti tikkunsidra li l-liġijiet, regolamenti jew proċeduri amministrattivi u l-prattiki tal-Parti l-oħra ma jibqgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-ekwivalenza, hija għandha toħroġ talba raġunata lill-Parti l-oħra biex temenda l-liġi, ir-regolament jew il-proċedura jew prattika amministrattiva rilevanti u tipprovdi qafas ta' żmien adegwat, li m'għandux ikun ta' inqas minn tliet xhur, biex tiġi żgurata l-ekwivalenza. Jekk, wara l-iskadenza ta' dak il-perjodu, il-Parti kkonċernata tkun għadha tqis li r-rekwiżiti għall-ekwivalenza ma ġewx sodisfatti, din tista' tissospendi b'mod unilaterali r-rikonoxximent tal-ekwivalenza tal-liġijiet u r-regolamenti elenkati fl-Anness III jew IV fir-rigward tal-prodotti rilevanti elenkati fl-Anness I jew II.

5.   Tista' tittieħed ukoll deċiżjoni li jiġi sospiż unilateralment ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza tal-liġijiet u r-regolamenti elenkati fl-Anness III jew IV fir-rigward tal-prodotti rilevanti elenkati fl-Anness I jew II, wara l-iskadenza ta' perjodu ta' avviż ta' tliet xhur, meta Parti waħda ma tkunx ipprovdiet l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 6 jew ma taqbilx dwar reviżjoni bejn il-pari taħt l-Artikolu 7.

6.   Fir-rigward ta' prodotti mhux elenkati fl-Anness I jew II, u skont il-punt (b) tal-Artikolu 8(3), l-ekwivalenza għandha tiġi eżaminata fuq talba ta' Parti waħda mill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 8(1).

Artikolu 4

L-importazzjoni u t-tqegħid fis-suq

1.   L-Unjoni għandha taċċetta l-importazzjoni fit-territorju tagħha, u t-tqegħid fis-suq bħala prodotti organiċi, tal-prodotti elenkati fl-Anness I, sakemm dawk il-prodotti huma konformi mal-liġijiet u mar-regolamenti taċ-Ċilì elenkati fl-Anness IV u huma akkumpanjati minn ċertifikat ta' spezzjoni, kif previst fl-Anness V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat-8 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta' prodotti organiċi minn pajjiżi terzi, maħruġ minn korp ta' kontroll rikonoxxut miċ-Ċilì u indikat lill-Unjoni taħt il-paragrafu 3.

2.   Iċ-Ċilì għandu jaċċetta l-importazzjoni fit-territorju tiegħu, u t-tqegħid fis-suq bħala prodotti organiċi, tal-prodotti elenkati fl-Anness II, sakemm dawk il-prodotti huma konformi mal-liġijiet u mar-regolamenti tal-Unjoni elenkati fl-Anness III u huma akkumpanjati minn ċertifikat maħruġ minn awtorità ta' kontroll jew korp ta' kontroll tal-Unjoni skont ir-Riżoluzzjoni Nru 7880 tad-Direttorat Nazzjonali tas-Servizz Agrikolu u t-Trobbija tal-Annimali, tad-29 ta' Novembru 2011, li jistabbilixxi l-kontenut minimu għaċ-ċertifikati tal-agrikoltura organika, fil-qafas tal-Liġi 20.089.

3.   Kull Parti tirrikonoxxi lill-awtoritajiet ta' kontroll jew lill-korpi ta' kontroll indikati mill-Parti l-oħra bħala responsabbli għat-twettiq tal-kontrolli rilevanti fir-rigward ta' prodotti organiċi koperti mir-rikonoxximent ta' ekwivalenza kif imsemmi fl-Artikolu 3 u għall-ħruġ ta' ċertifikat ta' spezzjoni kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu bil-għan li jiġu importati u mqiegħda fis-suq fit-territorju tal-Parti l-oħra.

Il-Parti importatriċi, b'kooperazzjoni mal-Parti l-oħra, għandha tassenja kodiċijiet numeriċi lil kull awtorità ta' kontroll u korp ta' kontroll rilevanti indikati mill-Parti l-oħra.

Artikolu 5

Tikkettar

1.   Prodotti importati minn Parti waħda mill-Parti l-oħra skont dan il-Ftehim għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar it-tikkettar stipulati fil-liġijiet u fir-regolamenti tal-Parti l-oħra elenkati fl-Annessi III u IV. Dawk il-prodotti jista' jkollhom il-logo organiku tal-Unjoni, il-logo organiku taċ-Ċilì jew iż-żewġ logos, kif stipulat fil-liġijiet u fir-regolamenti rilevanti, sakemm jikkonformaw mar-rekwiżiti tat-tikkettar għal-logo rispettiv jew għaż-żewġ logos.

2.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom biex jiġi evitat kwalunkwe użu ħażin tat-termini li jirreferu għall-produzzjoni organika, inklużi derivattivi jew diminuttivi bħal “bijo” u “eko”, fir-rigward ta' prodotti li huma koperti mir-rikonoxximent tal-ekwivalenza msemmi fl-Artikolu 3.

3.   Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jipproteġu l-logo organiku tal-Unjoni u l-logo organiku taċ-Ċilì stipulati fil-liġijiet u fir-regolamenti rilevanti kontra kwalunkwe użu ħażin jew imitazzjoni. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-logo organiku tal-Unjoni u l-logo organiku taċ-Ċilì jintużaw biss għat-tikkettar, għar-reklamar jew għad-dokumenti kummerċjali ta' prodotti li jikkonformaw mal-liġijiet u mar-regolamenti elenkati fl-Annessi III u IV.

Artikolu 6

Skambju ta' informazzjoni

Il-Partijiet għandhom iwettqu skambji tat-tagħrif rilevanti kollu li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim. B'mod partikolari, sal-31 ta' Marzu tat-tieni sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, u sussegwentement sal-31 ta' Marzu ta' kull sena, kull Parti għandha tibgħat lill-oħra:

rapport li jkun fih informazzjoni fir-rigward tat-tipi u l-kwantitajiet ta' prodotti organiċi esportati taħt dan il-Ftehim, li jkopri l-perjodu minn Jannar sa Diċembru tas-sena ta' qabel; kif ukoll

rapport dwar l-attivitajiet ta' monitoraġġ u ta' superviżjoni mwettqa mill-awtorità kompetenti, ir-riżultati miksuba u l-miżuri korrettivi meħuda, li jkopri l-perjodu minn Jannar sa Diċembru tas-sena ta' qabel.

Fi kwalunkwe ħin, kull Parti għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Parti l-oħra dwar:

kwalunkwe aġġornament tal-lista tal-awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet ta' kontroll u korpi ta' kontroll tagħhom, inklużi d-dettalji rilevanti tal-kuntatt (b'mod partikolari l-indirizz u l-indirizz tal-Internet);

kwalunkwe bidliet jew revoki li tkun beħsiebha twettaq fir-rigward ta' liġijiet jew regolamenti elenkati fl-Annessi III u IV, kwalunkwe proposti għal liġijiet jew regolamenti ġodda jew kwalunkwe bidliet rilevanti fi proċeduri u prattiki amministrattivi relatati ma' prodotti organiċi elenkati fl-Annessi I u II;

kwalunkwe bidliet jew revoki li adottat għal liġijiet jew regolamenti elenkati fl-Annessi III u IV, kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida jew bidliet rilevanti fi proċeduri u prattiki amministrattivi relatati ma' prodotti organiċi elenkati fl-Annessi I u II; kif ukoll dwar

kwalunkwe bidliet fl-indirizzi tal-Internet stabbiliti fl-Anness V.

Artikolu 7

Reviżjonijiet bejn il-pari

1.   Wara avviż bil-quddiem ta' mill-inqas tliet xhur, kull Parti għandha tippermetti lill-uffiċjali jew esperti nominati mill-Parti l-oħra jwettqu reviżjonijiet bejn il-pari fit-territorju tagħha biex tivverifika li l-awtoritajiet ta' kontroll u l-korpi ta' kontroll rilevanti jkunu qed iwettqu l-kontrolli meħtieġa taħt dan il-Ftehim.

2.   Kull Parti għandha tikkoopera ma', u tassisti lil, il-Parti l-oħra, safejn huwa permess skont il-liġi applikabbli, fit-twettiq tar-reviżjonijiet bejn il-pari msemmija fil-paragrafu 1, li jistgħu jinkludu żjarat f'uffiċċji tal-awtoritajiet ta' kontroll u tal-korpi ta' kontroll rilevanti, ta' faċilitajiet tal-ipproċessar u ta' operaturi ċertifikati.

Artikolu 8

Kumitat Konġunt dwar il-Prodotti Organiċi

1.   Il-Partijiet b'dan jistabbilixxu Kumitat Konġunt dwar il-Prodotti Organiċi (“il-Kumitat Konġunt”) magħmul minn rappreżentanti, maħturin kif xieraq, tal-Unjoni, minn naħa waħda, u tal-Gvern taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra.

2.   Għandhom isiru konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt sabiex l-implimentazzjoni tiġi faċilitata u biex l-għan ta' dan il-Ftehim jitmexxa 'l-quddiem.

3.   Il-funzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu li:

(a)

jimmaniġġja dan il-Ftehim, billi jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-funzjonament tajjeb tiegħu;

(b)

jeżamina kwalunkwe talba minn Parti waħda biex jaġġorna, jew jestendi għal prodotti ġodda, il-lista ta' prodotti fl-Anness I jew II u li jadotta deċiżjoni biex jimmodifika l-Anness I jew II jekk l-ekwivalenza tkun rikonoxxuta mill-Parti l-oħra;

(c)

jsaħħaħ il-kooperazzjoni dwar il-liġijiet, ir-regolamenti, l-istandards u l-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità fir-rigward tal-produzzjoni organika, li għaliha għandu jiddiskuti kwalunkwe kwistjoni teknika jew regolatorja oħra relatata mar-regoli tal-produzzjoni organika u mas-sistemi ta' kontroll bil-ħsieb li tiżdied il-konverġenza bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u l-istandards;

(d)

jikkunsidra kwalunkwe kwistjoni oħra fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

4.   Il-Partijiet għandhom, skont il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom, jimplimentaw id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt taħt il-punt (b) tal-paragrafu 3 u jinfurmaw lil xulxin b'dan fi żmien tliet xhur mid-data tal-adozzjoni tagħhom (1).

5.   Il-Kumitat Konġunt għandu jopera permezz ta' konsensus. Għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu. Jista' jistabbilixxi sottokumitati u gruppi ta' ħidma biex jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi.

6.   Il-Kumitat Konġunt għandu jinforma lill-Kumitat dwar Standards, Regolamenti Tekniċi u Stima ta' Konformità stabbilit fl-Artikolu 88 tal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra, dwar id-deċiżjonijiet u x-xogħol tiegħu.

7.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' darba f'sena, fl-Unjoni u fiċ-Ċilì b'mod alternat, f'data li dwarha jsir qbil reċiprokament. Jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu, tista' ssir laqgħa tal-Kumitat Konġunt permezz ta' vidjo jew telekonferenza.

8.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiġi kopresedut miż-żewġ Partijiet.

Artikolu 9

Soluzzjoni ta' tilwim

Kwalunkwe tilwima dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tiġi riżolta permezz ta' konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet fi ħdan il-Kumitat Konġunt. Il-Partijiet għandhom jippreżentaw lill-Kumitat Konġunt l-informazzjoni rilevanti meħtieġa għal eżami bir-reqqa tal-kwistjoni, bil-għan li tiġi riżolta t-tilwima.

Artikolu 10

Kunfidenzjalità

Ir-rappreżentanti, esperti u aġenti oħra tal-Partijiet għandhom ikunu meħtieġa, anke wara li jkunu temmew id-doveri tagħhom, li ma jiżvelaw ebda tagħrif miksub fil-qafas ta' dan il-Ftehim li jkun kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali.

Artikolu 11

Reviżjoni

1.   Fejn xi waħda mill-Partijiet tfittex li ssir reviżjoni ta' dan il-Ftehim, għandha tissottometti talba raġunata lill-Parti l-oħra.

2.   Il-Partijiet jistgħu jafdaw lill-Kumitat Konġunt bil-kompitu li jikkunsidra kwalunkwe tali talba u, jekk xieraq, li jagħmel rakkomandazzjonijiet, b'mod partikolari bil-għan li jinfetħu negozjati fuq partijiet ta' dan il-Ftehim li ma jistgħux jinbidlu skont il-punt (b) tal-Artikolu 8(3).

Artikolu 12

Implimentazzjoni tal-Ftehim

Il-Partijiet għandhom jieħdu l-passi kollha, kemm jekk ġenerali kif ukoll jekk speċifiċi, biex jiżguraw il-konformità mal-obbligi taħt dan il-Ftehim. Huma għandhom jastjenu minn kwalunkwe miżura li tkun tista' tipperikola t-twettiq tal-għan ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 13

Annessi

L-Annessi ta' dan il-Ftehim għandhom jifformaw parti integrali minnu.

Artikolu 14

Kamp ta' applikazzjoni territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fihom jiġi applikat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak it-Trattat u, min-naħa l-oħra, għat-territorju taċ-Ċilì.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ u tul ta' żmien

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tielet xahar wara l-aħħar notifika tat-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa minn kull Parti.

Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu inizjali ta' tliet snin. Huwa jiġi mġedded indefinittivament sakemm l-Unjoni jew iċ-Ċilì ma jinnotifikawx lill-Parti l-oħra b'oġġezzjoni tagħhom għal tali tiġdid qabel jiskadi l-perjodu inizjali.

Kwalunkwe Parti tista' tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub dwar l-intenzjoni tagħha li tiddenunzja dan il-Ftehim. Id-denunzja għandha ssir effettiva tliet xhur wara n-notifika.

Artikolu 16

Testi awtentiċi

Dan il-Ftehim huwa ffirmat f'żewġ eżemplari bl-Ingliż u bl-Ispanjol, b'kull test ikun ugwalment awtentiku.

Magħmul fi Brussell fis-sebgħa u għoxrin jum ta' April tas-sena elfejn u sbatax.

Għall-Unjoni Ewropea

Għall-Gvern tar-Repubblika taċ-Ċilì


(1)  Iċ-Ċilì għandu jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt permezz tal-Acuerdos de Ejecución, skont l-Artikolu 54, punt 1, ir-raba' paragrafu tal-Kostituzzjoni Politika tar-Repubblika taċ-Ċilì (Constitución Política de la República de Chile).


ANNESS I

Prodotti organiċi miċ-Ċilì li għalihom l-Unjoni tirrikonoxxi l-ekwivalenza

Kodiċi u deskrizzjoni tan-nomenklatura tas-SistemaArmonizzata

Kummenti

0409

Għasel naturali

 

06

SIĠAR ĦAJJIN U XTIELI OĦRA; BASAL, GĦERUQ U BĦALHOM; FJURI MAQTUGĦIN U WERAQ ORNAMENTALI

 

Il-kodiċijiet li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma inklużi biss jekk mhux ipproċessati

 

0603

Fjuri maqtugħin u blanzuni ta' fjuri ta' tip adatti għal bukketti u għal għanijiet ornamentali, friski, nixfin, miżbugħin, ibbliċjati, mimlijin jew ippreparati mod ieħor

 

0603 90

Oħrajn

 

0604

Weraq, friegħi u partijiet oħrajn ta' pjanti, mingħajr fjuri jew blanzuni, u ħaxix, ħażiż u likeni, li huma oġġetti adattati għal bukketti jew għal għanijiet ornamentali, friski, nixfin, miżbugħin, ibbliċjati, mimlijin jew ippreparati mod ieħor

 

0604 90

Oħrajn

 

07

VEĠETALI U ĊERTI GĦERUQ U TUBERI TAJBIN GĦALL-IKEL

 

08

FROTT U ĠEWŻ TAJBIN GĦALL-IKEL; QOXRA TAL-FROTT TAĊ-ĊITRU JEW BETTIEĦ

 

09

KAFÈ, TE, MATÈ* U ĦWAWAR

* Esklużi

10

ĊEREALI

 

11

PRODOTTI TAL-INDUSTRIJA TAT-TĦIN; XGĦIR; LAMTI; INULINA; GLUTINA TAL-QAMĦ

 

12

ŻRIERAGĦ TAŻ-ŻEJT U FROTT OLEAĠINUŻ; QMUĦ VARJI, ŻRIERAGĦ U FROTT; PJANTI INDUSTRIJALI JEW MEDIĊINALI; TIBEN U MAGĦLEF

 

Il-kodiċi li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma esklużi jew limitati:

 

1211

Pjanti u partijiet tagħhom (inklużi żerriegħa u frott), ta' kwalità użata l-aktar fil-fwejjaħ, fil-farmaċija jew għal għanijiet ta' insettiċidi, funġiċidi jew għal għanijiet simili oħrajn, friski jew imnixxfin, maqtugħin jew le, misħuqin jew trab

Inklużi biss jekk mhux ipproċessati jew jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel

1212 21

Alka tal-baħar u alki oħrajn

Esklużi

1212 21

Tajbin għall-konsum uman

Esklużi

1212 29

Oħrajn

Esklużi

13

GOMMALAKKA; GOMOM, RAŻI, U LINEF U ESTRATTI VEĠETALI OĦRAJN

 

Il-kodiċi li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma esklużi jew limitati:

 

1301

Gommalakka; gomom naturali, rażi, rażi tal-gomma u oleoreżini (pereżempju, balzmi)

Esklużi

1302

Linef u estratti veġetali; sustanzi tal-pektin, pektinati u pektati; agar-agar u muċilaġni u materjali li jgħaqqdu oħrajn, kemm jekk modifikati kif ukoll jekk le, li ġejjin minn prodotti veġetali

Inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel

1302 11

Loppju

Esklużi

1302 19

Oħrajn

Esklużi

14

MATERJALI VEĠETALI TAT-TRIZZA; PRODOTTI VEĠETALI LI MHUMIEX IMSEMMIJIN JEW INKLUŻI BAND'OĦRA

 

15

XAĦMIJIET U ŻJUT TA' ANNIMALI JEW ĦXEJJEX U PRODOTTI MILL-QSIM TAGĦHOM; XAĦMIJIET IPPREPARATI TAJBIN GĦALL-IKEL; XEMGĦAT TA' ANNIMALI JEW ĦXEJJEX

 

Il-kodiċi li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma esklużi jew limitati:

 

1501

Xaħam tal-majjal (inkluż lardu) u xaħam tat-tjur, minbarra dak tal-intestatura 0209 jew 1503

Inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel

1502

Xaħmijiet ta' annimali bovini, nagħaġ jew mogħoż, minbarra dawk tal-intestatura 1503

Inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel

1503

Stearina tax-xaħam, żejt tax-xaħam, oleostearina, żejt oleo u żejt tax-xaħam ta' dam, mhux emulsifikati jew imħallta jew ippreparati mod ieħor

Inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel

1505

Xaħam tas-suf u sustanzi xaħmija li ġejjin minnu (inkluża l-lanolina)

Esklużi

1506

Xaħam u żjut oħrajn ta' annimali u l-frazzjonijiet tagħhom, raffinati jew le, iżda mhux modifikati kimikament

Esklużi

1515 30

Żejt ir-riġnu u l-frazzjonijiet tiegħu

Esklużi

1515 90

Oħrajn

Għal dan is-sottokapitolu, iż-żejt tal-ġoġoba huwa eskluż. Prodotti oħra huma inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel.

1516 20

Xaħmijiet u żjut ta' veġetali u l-frazzjonijiet tagħhom

Inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel

1518

Żjut u xaħmijiet tal-annimali u veġetali u l-frazzjonijiet tagħhom, mgħollija, ossidati, deidratati, kubritizzati, imneffħa, polimerizzati bis-sħana f'vakwu jew f'gass inerti jew immodifikati kimikament b'mod ieħor, minbarra dawk tal-intestatura 1516 ; taħlitiet jew preparazzjonijiet li ma jittiklux ta' xaħmijiet u żjut tal-annimali jew veġetali jew ta' frazzjonijiet ta' diversi xaħmijiet u żjut ta' dan il-kapitolu, mhux speċifikati jew inklużi band'oħra

Esklużi

1520

Gliċerina, grezza; ilmijiet tal-gliċerol u lissiji tal-gliċerol

Esklużi

1521

Xemgħat veġetali (minbarra t-trigliċeridi), xema' tan-naħal, xemgħat ta' insetti oħrajn u spermaċeti, kemm jekk raffinati jew ikkuluriti kif ukoll jekk le

Esklużi ħlief għal xemgħat veġetali jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel

17

ZOKKOR U ĦELU TAZ-ZOKKOR

 

18

KAWKAW U PREPARAZZJONIJIET TAL-KAWKAW

 

19

PREPARATI TAĊ-ĊEREALI, DQIQ, LAMTU JEW ĦALIB; PRODOTTI TAL-FURNARA

 

20

PREPARAZZJONIJIET TA' ĦXEJJEX, FROTT, ĠEWŻ U PARTIJIET OĦRAJN TA' PJANTI

 

21

PREPARAZZJONIJIET DIVERSI TAJBIN GĦALL-IKEL

 

22

XORB, SPIRTI U ĦALL

 

Il-kodiċi li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma esklużi jew limitati:

 

2201

Ilmijiet, inkluż ilmijiet minerali naturali jew artifiċjali u ilmijiet effervexxenti, li ma fihomx zokkor miżjud jew materjal ieħor ta' ħlewwa u lanqas togħmiet; silġ u borra

Esklużi

2202

Ilmijiet, inklużi ilmijiet minerali u ilmijiet effervexxenti, biz-zokkor jew materjal ieħor li jagħmel ħelu miżjud jew imħawrin, u xorb ieħor mhux alkoħoliku, mhux meraq tal-frott jew tal-ħxejjex ta' titlu 2009

Esklużi

2208

Alkoħol etiliku mhux żnaturat b'saħħa alkoħolika bil-volum ta' inqas minn 80 % vol; spirti, likuri u xorb ieħor spirituż

Inklużi biss jekk ipproċessati minn prodotti agrikoli, għall-użu bħala ikel

3301

Żjut essenzjali (mingħajr terpene jew bit-terpene), inklużi l-konkreti u l-assoluti; reżinojdi; oleoreżini estratti; konċentrati ta' żjut essenzjali fix-xaħam, fi żjut fissi, fix-xemgħa jew hekk, magħmulin permezz ta' enfleurage jew maċerazzjoni; prodotti sekondarji terpeniċi tad-deterpenazzjoni ta' żjut essenzjali; distillati ta' ilma u soluzzjonijiet ta' ilma ta' żjut essenzjali

Inklużi biss jekk użati għall-ikel

Il-kundizzjonijiet:

Prodotti organiċi elenkati f'dan l-Anness għandhom ikunu prodotti agrikoli mhux ipproċessati fiċ-Ċilì u prodotti agrikoli ipproċessati għall-użu bħala ikel li ġew ipproċessati fiċ-Ċilì b'ingredjenti mkabbra b'mod organiku li ġew prodotti fiċ-Ċilì jew li ġew importati fiċ-Ċilì jew mill-Unjoni jew minn pajjiż terz fil-qafas ta' reġim li huwa rikonoxxut bħala ekwivalenti mill-Unjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91.


ANNESS II

Prodotti organiċi mill-Unjoni li għalihom iċ-Ċilì jirrikonoxxi l-ekwivalenza

Kodiċi u deskrizzjoni tan-nomenklatura tas-Sistema Armonizzata

Kummenti

01

ANNIMALI ĦAJJIN

Il-prodotti tal-kaċċa u s-sajd ta' annimali salvaġġi ma' għandhomx jiġu kkunsidrati bħala produzzjoni organika.

02

LAĦAM U ĠEWWIENI LI JITTIEKEL

Laħam u fdalijiet tal-laħam li jittieklu mill-kaċċa u s-sajd ta' annimali selvaġġi huma esklużi.

03

ĦUT U KRUSTAĊJI, MOLLUSKI U INVERTEBRATI AKKWATIĊI OĦRAJN

Is-sajd ta' annimali selvaġġi huwa eskluż.

04

PRODOTTI TAL-ĦALIB; BAJD TAT-TJUR; GĦASEL NATURALI; PRODOTTI TAJBIN GĦALL-IKEL ĠEJJIN MINN ANNIMALI, LI MHUMIEX IMSEMMIJIN JEW INKLUŻI BAND'OĦRA

 

05

PRODOTTI ĠEJJIN MILL-ANNIMALI LI MHUMIEX SPEĊIFIKATI JEW INKLUŻI BAND'OĦRA

 

Il-kodiċijiet li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma esklużi:

 

0501

Xagħar uman, mhux maħdum, kemm jekk maħsul u mnaddaf u kemm jekk le; skart ta' xagħar uman

 

0502

Lanżit u xagħar tal-ħnieżer, majjali tas-simna (hogs) jew ċingjali; ix-xagħar tal-baġer u xagħar ieħor li bih jagħmlu l-ixkupilji; l-iskart ta' lanżit jew xagħar ta' din ix-xorta

 

0502 10

Lanżit u xagħar tal-ħnieżer, ħnieżer imsewwija jew ħnieżer selvaġġi u skart tagħhom

 

0502 90

Oħrajn

 

0505

Ġlud u partijiet oħrajn minn għasafar, bir-rix, rix u bċejjeċ tar-rix (kemm bit-trufijiet mirqumin kif ukoll le), mhux maħdumin aktar minn imnaddfin, disinfettati jew trattati għall-preservazzjoni; trab u skart tar-rix jew partijiet tar-rix

 

0506

Għadam u ċ-ċentru tal-qrun, mhux maħdumin, bix-xaħam imneħħi, sempliċiment ippreparati (iżda mhux maqtugħin f'għamla), trattati bl-aċtu jew deġelatinizzati; trab u skart ta' dawn il-prodotti

 

0507

Ivorju, qoxra tal-fekruna, (għadma tal-) baliena u xagħar tal-baliena, qran, qran imsaġġra, qawqab, dwiefer, dwiefer tal-annimali u mnaqar, li mhumiex maħduma jew li huma sempliċement imħejjija imma ma humiex maqtugħa f'xi forma; trab u skart ta' dawn il-prodotti

 

0510

Ambra griża, kastorew, żibett u misk; kantaridi; bili, niexfa jew le; glandoli u prodotti oħrajn tal-annimali użati fil-preparazzjoni ta' prodotti farmaċewtiċi, friski, imkessħa, iffriżati jew ippreservati provviżorjament mod ieħor

 

0511 91

Oħrajn

 

0511 99

Sponoż naturali ġejjin minn annimali

 

06

SIĠAR ĦAJJIN U XTIELI OĦRA; BASAL, GĦERUQ U BĦALHOM; FJURI MAQTUGĦIN U WERAQ ORNAMENTALI

 

Il-kodiċijiet li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma inklużi biss jekk mhux ipproċessati:

 

0603

Fjuri maqtugħin u blanzuni ta' fjuri ta' tip adatti għal bukketti u għal għanijiet ornamentali, friski, nixfin, miżbugħin, ibbliċjati, mimlijin jew ippreparati mod ieħor

 

0603 90

Oħrajn

 

0604

Weraq, friegħi u partijiet oħrajn ta' pjanti, mingħajr fjuri jew blanzuni, u ħaxix, ħażiż u likeni, li huma oġġetti adattati għal bukketti jew għal għanijiet ornamentali, friski, nixfin, miżbugħin, ibbliċjati, mimlijin jew ippreparati mod ieħor

 

0604 90

Oħrajn

 

07

VEĠETALI U ĊERTI GĦERUQ U TUBERI TAJBIN GĦALL-IKEL

 

08

FROTT U ĠEWŻ TAJBIN GĦALL-IKEL; QOXRA TAL-FROTT TAĊ-ĊITRU JEW BETTIEĦ

 

09

KAFÈ, TE, MATÈ* U ĦWAWAR

* Eskluż

10

ĊEREALI

 

11

PRODOTTI TAL-INDUSTRIJA TAT-TĦIN; XGĦIR; LAMTI; INULINA; GLUTINA TAL-QAMĦ

 

12

ŻRIERAGĦ TAŻ-ŻEJT U FROTT OLEAĠINUŻ; QMUĦ VARJI, ŻRIERAGĦ U FROTT; PJANTI INDUSTRIJALI JEW MEDIĊINALI; TIBEN U MAGĦLEF

 

Il-kodiċi li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma esklużi jew limitati:

 

1211

Pjanti u partijiet tagħhom (inklużi żerriegħa u frott), ta' kwalità użata l-aktar fil-fwejjaħ, fil-farmaċija jew għal għanijiet ta' insettiċidi, funġiċidi jew għal għanijiet simili oħrajn, friski jew imnixxfin, maqtugħin jew le, misħuqin jew trab

Inklużi biss jekk mhux ipproċessati jew ipproċessati għall-użu bħala ikel jew għalf

13

GOMMALAKKA; GOMOM, RAŻI, U LINEF U ESTRATTI VEĠETALI OĦRAJN

 

Il-kodiċi li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma esklużi jew limitati:

 

1301

Gommalakka; gomom naturali, rażi, rażi tal-gomma u oleoreżini (pereżempju, balzmi)

Esklużi

1302

Linef u estratti veġetali; sustanzi tal-pektin, pektinati u pektati; agar-agar u muċilaġni u materjali li jgħaqqdu oħrajn, kemm jekk modifikati kif ukoll jekk le, li ġejjin minn prodotti veġetali

Inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel jew għalf

1302 11

Loppju

Esklużi

1302 19

Oħrajn

Esklużi

14

MATERJALI VEĠETALI TAT-TRIZZA; PRODOTTI VEĠETALI LI MHUMIEX IMSEMMIJIN JEW INKLUŻI BAND'OĦRA

 

15

XAĦMIJIET U ŻJUT TA' ANNIMALI JEW ĦXEJJEX U PRODOTTI MILL-QSIM TAGĦHOM; XAĦMIJIET IPPREPARATI TAJBIN GĦALL-IKEL; XEMGĦAT TA' ANNIMALI JEW ĦXEJJEX

 

Il-kodiċi li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma esklużi jew limitati:

 

1501

Xaħam tal-majjal (inkluż lardu) u xaħam tat-tjur, minbarra dak tal-intestatura 0209 jew 1503

Inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel jew għalf

1502

Xaħmijiet ta' annimali bovini, nagħaġ jew mogħoż, minbarra dawk tal-intestatura 1503

Inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel jew għalf

1503

Stearina tax-xaħam, żejt tax-xaħam, oleostearina, żejt oleo u żejt tax-xaħam ta' dam, mhux emulsifikati jew imħallta jew ippreparati mod ieħor.

Inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel jew għalf

1505

Xaħam tas-suf u sustanzi xaħmija li ġejjin minnu (inkluża l-lanolina)

Esklużi

1506

Xaħam u żjut oħrajn ta' annimali u l-frazzjonijiet tagħhom, raffinati jew le, iżda mhux modifikati kimikament

Esklużi

1515 30

Żejt ir-riġnu u l-frazzjonijiet tiegħu

Esklużi

1515 90

Oħrajn

Għal dan is-sottokapitolu, iż-żejt tal-ġoġoba huwa eskluż. Prodotti oħrajn huma esklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel jew għalf.

1520

Gliċerina, grezza; ilmijiet tal-gliċerol u lissiji tal-gliċerol

Inkluż biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel jew għalf.

1521

Xemgħat veġetali (minbarra t-trigliċeridi), xema' tan-naħal, xemgħat ta' insetti oħrajn u spermaċeti, kemm jekk raffinati jew ikkuluriti kif ukoll jekk le

Xemgħat veġetali inklużi biss jekk ipproċessati għall-użu bħala ikel jew għalf

16

PREPARAZZJONIJIET TA' LAĦAM, TA' ĦUT JEW TA' KRUSTAĊEJ, MOLLUSKI JEW INVERTEBRATI AKKWATIĊI OĦRAJN

 

17

ZOKKOR U ĦELU TAZ-ZOKKOR

 

18

KAWKAW U PREPARAZZJONIJIET TAL-KAWKAW

 

19

PREPARATI TAĊ-ĊEREALI, DQIQ, LAMTU JEW ĦALIB; PRODOTTI TAL-FURNARA

 

20

PREPARAZZJONIJIET TA' ĦXEJJEX, FROTT, ĠEWŻ U PARTIJIET OĦRAJN TA' PJANTI

 

21

PREPARAZZJONIJIET DIVERSI TAJBIN GĦALL-IKEL

 

22

XORB, SPIRTI U ĦALL

 

Il-kodiċi li ġejjin ta' dan il-kapitolu huma esklużi jew limitati:

 

2201

Ilmijiet, inkluż ilma minerali naturali jew artifiċjali u ilma ggassjat, li ma fihx zokkor miżjud jew materjal ieħor ta' ħlewwa u lanqas togħmiet; silġ u borra

Esklużi

2202

Ilmijiet, inklużi ilmijiet minerali u ilmijiet effervexxenti, biz-zokkor jew materjal ieħor li jagħmel ħelu miżjud jew imħawrin, u xorb ieħor mhux alkoħoliku, mhux meraq tal-frott jew tal-ħxejjex ta' titlu 2009

Esklużi

2208

Alkoħol etiliku mhux żnaturat b'saħħa alkoħolika bil-volum ta' inqas minn 80 % vol; spirti, likuri u xorb ieħor spirituż

Inklużi biss jekk ipproċessati minn prodotti agrikoli, għall-użu bħala ikel

23

FDAL U SKART MILL-INDUSTRIJA TAL-IKEL; GĦALF TAL-ANNIMALI PPREPARAT

 

Il-kodiċi li ġej ta' dan il-kapitolu huwa limitat:

 

2307

Fond tal-inbid; argol

L-argol huwa eskluż

3301

Żjut essenzjali (mingħajr terpene jew bit-terpene), inklużi l-konkreti u l-assoluti; reżinojdi; oleoreżini estratti; konċentrati ta' żjut essenzjali fix-xaħam, fi żjut fissi, fix-xemgħa jew hekk, magħmulin permezz ta' enfleurage jew maċerazzjoni; prodotti sekondarji terpeniċi tad-deterpenazzjoni ta' żjut essenzjali; distillati ta' ilma u soluzzjonijiet ta' ilma ta' żjut essenzjali

Inklużi biss jekk użati għall-ikel

45

SUFRA U OĠĠETTI TA' SUFRA

Inklużi biss jekk mhux ipproċessati

53

FIBRI TESSILI VEĠETALI OĦRAJN; ĦJUT TAL-KARTI U DRAPP MINSUĠ MILL-ĦJUT TAL-KARTI

Inklużi biss jekk mhux ipproċessati

Il-kundizzjonijiet:

Il-prodotti organiċi elenkati f'dan l-Anness għandhom ikunu prodotti agrikoli mhux ipproċessati u pproċessati li jiġu prodotti jew ipproċessati fl-Unjoni.


ANNESS III

Leġiżlazzjoni organika applikabbli fl-Unjoni

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 517/2013.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) NRU 889/2008 tal-5 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku, kif emendat l-aħħar mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1358/2014.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat-8 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta' prodotti organiċi minn pajjiżi terzi, kif emendat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/931.


ANNESS IV

Leġiżlazzjoni organika applikabbli fiċ-Ċilì

Il-Liġi 20.089 tas-17 ta' Jannar 2006, li toħloq Sistema ta' Ċertifikazzjoni Nazzjonali għall-Prodotti Organiċi Agrikoli.

Id-Digriet Nru 03 tad-29 ta' Jannar 2016, tal-Ministeru tal-Agrikoltura, li japprova r-Regolament tal-Liġi 20.089 li joħloq Sistema ta' Ċertifikazzjoni Nazzjonali għall-Prodotti Organiċi Agrikoli.

Id-Digriet Nru 02 tat-22 ta' Jannar 2016, tal-Ministeru tal-Agrikoltura, li japprova r-Regoli Tekniċi tal-Liġi 20.089 li toħloq Sistema ta' Ċertifikazzjoni Nazzjonali għall-Prodotti Organiċi Agrikoli.

Ir-Riżoluzzjoni Nru 569 tad-Direttorat Nazzjonali tas-Servizz Agrikolu u tat-Trobbija tal-Annimali, tas-7 ta' Frar 2007, li jistabbilixxi l-istandards għar-reġistrazzjoni tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti organiċi.

Ir-Riżoluzzjoni Nru 1110 tad-Direttorat Nazzjonali tas-Servizz Agrikolu u tat-Trobbija tal-Annimali, tal-4 ta' Marzu 2008, li japprova t-tikketta uffiċjali għall-prodotti organiċi u ekwivalenti tagħhom.

Ir-Riżoluzzjoni Nru 7880 tad-Direttorat Nazzjonali tas-Servizz Agrikolu u tat-Trobbija tal-Annimali, tad-29 ta' Novembru 2011, li jistabbilixxi l-kontenut minimu għaċ-ċertifikati agrikoli organiċi, fil-qafas tal-Liġi 20.089.


ANNESS V

Indirizzi tal-Internet fejn jistgħu jiġu kkonsultati l-liġijiet u r-regolamenti elenkati fl-Annessi III u IV inklużi kwalunkwe modifika, revoka, sostituzzjoni jew żieda, kif ukoll verżjonijiet konsolidati, u kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida għal prodotti li ġew elenkati fl-Annessi I u II skont il-punt (b) tal-Artikolu 8(3):

L-Unjoni:

http://eur-lex.europa.eu

Iċ-Ċilì:

http://www.sag.gob.cl/ambitos-de-accion/certificacion-de-productos-organicos-agricolas/132/normativas


Top