EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22015D0821

Deċiżjoni Nru 1 tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-UE-l-Albanija tal-11 ta' Mejju 2015 li tissostitwixxi l-Protokoll 4 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa, u r-Repubblika tal-Albanija, fuq in-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva [2015/821]

OJ L 129, 27.5.2015, p. 50–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/821/oj

27.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 129/50


DEĊIŻJONI Nru 1 TAL-KUNSILL TA' STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI TAL-UE-L-ALBANIJA

tal-11 ta' Mejju 2015

li tissostitwixxi l-Protokoll 4 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa, u r-Repubblika tal-Albanija, fuq in-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva [2015/821]

IL-KUNSILL TA' STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI TAL-UE-L-ALBANIJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u l-Albanija, fuq in-naħa l-oħra (1), iffirmat fil-Lussemburgu fit-12 ta' Ġunju 2006, u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Protokoll 4 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u l-Albanija, fuq in-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva,

Billi:

(1)

L-Artikolu 41 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, fuq in-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), jirreferi għall-Protokoll 4 tal-Ftehim (“Protokoll 4”) li jistabbilixxi r-regoli tal-oriġini u jistipula akkumulazzjoni tal-oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, l-Albanija, it-Turkija u kull pajjiż jew territorju li jipparteċipa fil-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 38 tal-Protokoll 4 jipprovdi li l-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stipulat fl-Artikolu 116 tal-Ftehim jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 4.

(3)

Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (2) (“il-Konvenzjoni”) għandha l-għan li tissostitwixxi l-protokolli dwar ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fis-seħħ bħalissa fost il-pajjiżi taż-żona pan-Ewro-Mediterranja b'att legali wieħed. L-Albanija u l-parteċipanti l-oħra fil-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mill-Balkani tal-Punent ġew mistiedna jingħaqdu mas-sistema pan-Ewropea tal-akkumulazzjoni djagonali tal-oriġini fl-aġenda ta' Tessaloniki, approvata mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2003. Huma ġew mistiedna jissieħbu mal-Konvenzjoni b'deċiżjoni tal-Konferenza Ministerjali Ewro-Mediterranja ta' Ottubru 2007.

(4)

L-Unjoni u l-Albanija ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011 u fis-27 ta' Ġunju 2011 rispettivament.

(5)

L-Unjoni u l-Albanija ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u l-5 ta' Marzu 2012 rispettivament. Bħala konsegwenza, f'applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward ta' kemm l-Unjoni kif ukoll l-Albanija fl-1 ta' Mejju 2012.

(6)

Il-Protokoll 4 għandu għalhekk jiġi sostitwit bi protokoll ġdid li jagħmel referenza għall-Konvenzjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll 4 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, fuq in-naħa l-oħra rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, jiġi sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta' Mejju 2015.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Mejju 2015.

Għall-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  ĠU L 107, 28.4.2009, p. 166.

(2)  ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.


ANNESS

Protokoll 4

dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

Artikolu 1

Regoli ta' oriġini applikabbli

1.   Għall-fini tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, għandhom japplikaw l-Appendiċi I u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (1) (“il-Konvenzjoni”).

2.   Ir-referenzi kollha għall-“ftehim rilevanti” fl-Appendiċi I u fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali ta' oriġini pan-Ewro-Mediterranji jinftiehmu bħala li jirreferu għal dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Soluzzjoni tat-tilwim

1.   Fejn iqumu tilwimiet b'rabta mal-proċeduri ta' verifikazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni li ma jkunux jistgħu jissolvew bejn l-awtoritajiet doganali li jkunu qed jitolbu verifikazzjoni u l-awtoritajiet doganali li jkunu responsabbli milli jwettqu dik il-verifikazzjoni, dawn jitressqu quddiem il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

2.   Fil-każijiet kollha s-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-importatur u l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż tal-importazzjoni ssir skont il-leġislazzjoni ta' dak il-pajjiż.

Artikolu 3

Emendi għall-Protokoll

Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll.

Artikolu 4

Irtirar mill-Konvenzjoni

1.   Jekk l-Unjoni Ewropea jew l-Albanija jagħtu avviż bil-miktub lid-depożitarju tal-Konvenzjoni dwar l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mill-Konvenzjoni skont l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni, l-Unjoni Ewropea u l-Albanija immedjatament jidħlu f'negozjati dwar ir-regoli tal-oriġini għall-iskop tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

2.   Sad-dħul fis-seħħ ta' dawk ir-regoli ta' oriġini ġodda nnegozjati, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, applikabbli fil-mument tal-irtirar, għandhom jibqgħu japplikaw għal dan il-Ftehim. Madankollu, mill-mument tal-irtirar, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni jiġu interpretati fis-sens li jippermettu akkumulazzjoni bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Albanija biss.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet ta' tranżizzjoni — akkumulazzjoni

Minkejja l-Artikoli 16(5) u 21(3) tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, fejn l-akkumulazzjoni tinvolvi biss l-Istati tal-EFTA, il-Gżejjer Faeroe, l-Unjoni Ewropea, it-Turkija u l-parteċipanti fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, il-prova tal-oriġini tista' tkun ċertifikat tal-moviment EUR.1 jew dikjarazzjoni tal-oriġini.


(1)  ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.


Top