EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22012D0787

2012/787/: Deċiżjoni Nru 1/2012 Tal-Kumitat dwar Il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE tad- 29 ta’ Novembru 2012 dwar deroga mir-regoli ta’ oriġini kif stipulata fil-Protokoll 1 ta’ mal-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, biex tittieħed f’kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċjali tal-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar fir-rigward tat-tonn ippriservat u l-flettijiet tat-tonn (loins)

OJ L 347, 15.12.2012, p. 38–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/787/oj

15.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/38


DEĊIŻJONI Nru 1/2012 TAL-KUMITAT DWAR IL-KOOPERAZZJONI DOGANALI ALN-UE

tad-29 ta’ Novembru 2012

dwar deroga mir-regoli ta’ oriġini kif stipulata fil-Protokoll 1 ta’ mal-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, biex tittieħed f’kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċjali tal-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar fir-rigward tat-tonn ippriservat u l-flettijiet tat-tonn (loins)

(2012/787/UE)

IL-KUMITAT DWAR IL-KOOPERAZZJONI DOGANALI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 41(4) tal-Protokoll I tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra (1) (‘l-FSE interim’) japplika b’mod proviżorju sa mill-14 ta’ Mejju 2012 bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Madagaskar, ir-Repubblika ta’ Mawrizju, ir-Repubblika tas-Seychelles u r-Repubblika taż-Żimbabwe.

(2)

Il-Protokoll 1 ta’ mal-FSE interim, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, fih ir-regoli ta’ oriġini għall-importazjoni fl-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw fl-Istati tal-ALN.

(3)

Skont l-Artikolu 42(8) tal-Protokoll 1 ta’ mal-FSE interim, jingħataw awtomatikament derogi minn dawn ir-regoli ta’ oriġini fi ħdan kwota annwali ta’ 8 000 tunellata ta’ tonn taż-żejt u ta’ 2 000 tunnellata flettijiet tat-tonn.

(4)

Sabiex il-kwota disponibbli tkun tista’ tinuża b’mod effettiv u bis-sħiħ, il-Mawrizju, is-Seychelles u l-Madagaskar talbu deroga li tkopri l-kwantitajiet annwali ta’ 8 000 tunnellata ta’ tonn taż-żejt u ta’ 2 000 tunnellata ta’ flettijiet tat-tonn importat fl-Unjoni mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(5)

Peress li l-kwantitajiet mitluba jaqgħu fi ħdan il-kwota annwali li tingħata awtomatikament kif tintalab mill-Istati tal-ALN, il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali għandu jalloka l-kwota globali lill-Istati tal-ALN. Għaldaqstant, għandha tingħata deroga lill-Istati tal-ALN għar-rigward ta’ tonn taż-żejt u ta’ flett tat-tonn għall-kwantitajiet mitluba.

(6)

Ir-referenza fl-Artikolu 42(8) tal-Protokoll 1 għall-FSE interim għal “tonn taż-żejt” għandu jinftiehem bħala li jkopri t-tonn ippriservat fiż-żejt veġetali jew b’modi oħra. Għal dawk it-tip ta’ tonn, l-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (2) (‘in-Nomenklatura Magħquda’) jirreferi għat-terminu “ippriservat”. It-terminu “tonn ippriservat” ikopri tonn taż-żejt iżda wkoll tonn ippakkajat mingħajr arja f’boroż tal-plastik jew kontenituri oħra. Huwa għalhekk xieraq li jintuża t-terminu “tonn ippriservat”.

(7)

Fl-interess taċ-ċarezza, huwa adatt li jiġi stipulat b’mod espliċitu li l-uniċi materjali mhux ta’ oriġini li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta’ tonn ippriservat u ta’ flettijiet tat-tonn taħt il-kodiċi NM 1604 14 16 għandhom ikunu tonn ta’ taħt l-Intestaturi HS 0302 jew 0303, sabiex it-tonn ippriservat u l-flettijiet tat-tonn jibbenefikaw mid-deroga.

(8)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (3), jistabbilixxi r-regoli għall-immaniġġjar tal-kwoti tariffarji. Sabiex tkun żgurata ġestjoni effiċjenti mwettqa b’kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-Istati tal-ALN, l-awtoritajiet doganali tal-Unjoni u tal-Kummissjoni, dawk ir-regoli għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kwantitajiet importati skont id-deroga mogħtija b’din id-Deċiżjoni.

(9)

Id-deroga għandha tingħata għal perjodu ta’ ħames snin kif previst fl-Artikolu 42(10) il-punt (a) tal-Protokoll 1 ta’ mal-FSE.

(10)

Sabiex ikun possibbli li ssir sorveljanza effiċjenti tal-operat tad-deroga, l-awtoritajiet tal-Istati tal-ALN għandhom jgħaddu regolarment lill-Kummissjoni d-dettalji taċ-ċertifikati ta’ moviment EUR. 1 li jkunu nħarġu.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

B’deroga mill-Protokoll 1 tal-FSE interim u skont l-Artikolu 42(8) ta’ dak il-Protokoll, tonn ippriservat u l-flettijiet tat-tonn taħt l-Intestatura HS 1604 manifatturati minn tonn mhux oriġinarju taħt l-Intestaturi HS 0302 jew 0303 għandhom jitqiesu bħala li joriġinaw fl-Istati tal-ALN skont it-termini stipulati fl-Artikoli 2 sa 5 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-deroga pprovduta fl-Artikolu 1 għandha tapplika fuq bażi annwali għall-prodotti u l-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness ta’ ma’ din id-Deċiżjoni li jkunu ddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni mill-Istati tal-ALN matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2017.

Artikolu 3

Il-kwantitajiet stipulati fl-Anness għandhom jiġu ġestiti skont l-Artikoli 308a, 308b u 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

Artikolu 4

L-awtoritajiet doganali tal-Istati tal-ALN għandom jagħmlu verifiki kwantitattivi fuq l-esportazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.

Iċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 kollha li joħorġu għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jinkludu referenza għal din id-Deċiżjoni.

Qabel tmiem ix-xahar wara kull kwart, l-awtoritajiet doganali ta’ dawk il-pajjiżi għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, permezz tas-Segretarjat tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali, dikjarazzjoni tal-kwantitajiet li fir-rigward tagħhom ikunu ħarġu ċertifikati ta’ moviment EUR. 1 skont din id-Deċiżjoni u n-numru tal-ordni ta’ dawk iċ-ċertifikati.

Artikolu 5

Kaxxa 7 taċ-ċertifikati ta’ moviment EUR. 1 maħruġa taħt din id-Deċiżjoni għandha tinkludi waħda minn dawn l-indikazzjonijiet li ġejjin:

“Derogation - Decision No 1/2012 of the ESA-EU Customs Cooperation Committee of […]”; “Dérogation - Décision no 1/2012 du Comité de Coopération Douanière AfOA-UE du […]”;

Artikolu 6

1.   L-Istati tal-ALP u tal-Unjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa min-naħa tagħhom biex jimplimentaw din id-Deċiżjoni.

2.   Meta l-Unjoni tiskopri, abbażi ta’ informazzjoni oġġettiva, każi ta’ irregolaritajiet jew frodi jew ta’ nuqqas ripetut ta’ rispett tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 4, l-Unjoni tista’ titlob sospensjoni temporanja tad-deroga msemmija fl-Artikolu 1 skont il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 22(5) u (6) tal-FSE interim.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2013.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Novembru 2012.

F’isem il-Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE

Il-Presidenti Konġunti

Péter KOVÁCS, Vivianne FOCK TAVE


(1)  ĠU L 111, 24.4.2012, p. 2.

(2)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(3)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


ANNESS

Nru tal-Ordni

Kodiċi NM

Deskrizzjoni tal-prodotti

Perjodu

Kwantitajiet

(tunnellati)

09.1618

ex 1604 14 11 , ex 1604 14 18 , ex 1604 20 70

Tonn ippriservat (1)

1.1.2013 – 31.12.2013

8 000

1.1.2014 – 31.12.2014

8 000

1.1.2015 – 31.12.2015

8 000

1.1.2016 – 31.12.2016

8 000

1.1.2017 – 31.12.2017

8 000

09.1619

1604 14 16

Flettijiet tat-tonn

1.1.2013 – 31.12.2013

2 000

1.1.2014 – 31.12.2014

2 000

1.1.2015 – 31.12.2015

2 000

1.1.2016 – 31.12.2016

2 000

1.1.2017 – 31.12.2017

2 000


(1)  F’kull forma ta’ ppakkjar li biha l-prodott jitqies bħala ppreservat fi ħdan it-tifsira tal-intestatura HS 1604


Top