EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22007A1221(03)

Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali

OJ L 339, 21.12.2007, p. 3–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 014 P. 281 - 319

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/2007/712/oj

Related Council decision
Related Council decision

21.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 339/3


KONVENZJONI

dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali

PREAMBOLU

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA GĦAL DIN IL-KONVENZJONI

DETERMINATI li jsaħħu fit-territorji tagħhom il-protezzjoni legali ta' persuni stabbiliti hemmhekk,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW li għal dan il-għan huwa neċessarju li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati, sabiex ikun faċilitat ir-rikonoxximent, u sabiex tiġi introdotta proċedura rapida li tiżgura l-eżekuzzjoni ta' sentenzi, ta' strumenti awtentiċi u ta' tranżazzjonijiet quddiem il-qorti,

KONXJI mir-rabtiet bejniethom, li ġew sanzjonati fil-qasam ekonomiku minn strumenti ta' ftehim dwar il-kummerċ liberu konklużi bejn il-Komunità Ewropea u ċerti Stati membri ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Liberu,

-il-Konvenzjoni ta' Brussell tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, kif emendata bil-Konvenzjonijiet ta' Adeżjoni skond it-tkabbir suċċessiv ta' l-Unjoni Ewropea;

-il-Konvenzjoni ta' Lugano tas-16 ta' Settembru 1988 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, li testendi l-applikazzjoni tar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Brussell ta' l-1968 għal ċerti Stati membri ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Liberu;

-ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, li ħa post il-Konvenzjoni ta' Brussell imsemmija aktar 'il fuq;

-il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, iffirmat fi Brussell fid-19 ta' Ottubru 2005;

KONVINTI li l-estensjoni tal-prinċipji stabbliti fir-Regolament (KE) Nru 44/2001 għall-Partijiet Kontraenti ta' dan l-istrument għandha ssaħħaħ il-koperazzjoni legali u ekonomika,

BILLI jixtiequ li jiżguraw interpretazzjoni uniformi kemm jista' jkun ta' dan l-istrument,

IDDEĊIDEW f'dan l-ispirtu li jikkonkludu din il-Konvenzjoni, u

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TITOLU I

AMBITU

Artikolu 1

1.   Din il-Konvenzjoni għandha tapplika f'materji ċivili u kummerċjali irrispettivament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M'għandhiex tapplika, b'mod partikolari, għal materji ta' dħul ta' finanzi, tad-dwana jew amministrattivi.

2.   Il-Konvenzjoni m'għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:

(a)

l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta' persuni fiżiċi, id-drittijiet fuq proprjetà derivanti minn relazzjonijiet matrimonjali, testmenti u suċċessjoni;

(b)

il-falliment, proċedimenti relatati ma' l-istralċ ta' kumpanniji insolventi jew ta' persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, kompożizzjonijet u proċedimenti analogi;

(ċ)

is-sigurtà soċjali;

(d)

l-arbitraġġ.

3.   F'din il-Konvenzjoni, it-terminu “Stat marbut b'din il-Konvenzjoni” għandu jfisser kwalunkwe Stat li huwa Parti Kontraenti għal din il-Konvenzjoni jew Stat Membru tal-Komunità Ewropea. Jista' jfisser ukoll il-Komunità Ewropea.

TITOLU II

ĠURISDIZZJONI

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 2

1.   Suġġett għad-dispożizzjonijet ta' din il-Konvenzjoni, persuni domiċiljati fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, jiġu mħarrka fil-qrati ta' dak l-Istat.

2.   Persuni li mhumiex ċittadini ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih huma domiċiljati għandhom ikunu regolati bir-regoli tal-ġurisdizzjoni applikabbli għal ċittadini ta' dak l-Istat.

Artikolu 3

1.   Persuni domiċiljati fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni jistgħu jiġu mħarrka fil-qrati ta' Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni permezz biss tar-regoli stabbiliti fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta' dan it-Titolu.

2.   B'mod partikolari r-regoli ta' ġurisdizzjoni nazzjonali stabbiliti fl-Anness I m'għandhomx ikunu applikabbli kontrihom.

Artikolu 4

1.   Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta' kull Stat marbut b'din il-Konvenzjoni għandha, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 22 u 23, tiġi stabbilita mil-liġi ta' dak l-Istat.

2.   Kontra tali konvenut, kwalunkwe persuna domiċiljata fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni tista', irrispettivament min-nazzjonalità tagħha, tagħmel użu f'dak l-Istat mir-regoli ġurisdizzjonali fis-seħħ hemmhekk, u b'mod partikolari dawk speċifikati fl-Anness I, bl-istess mod bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat.

TAQSIMA 2

Ġurisdizzjoni speċjali

Artikolu 5

Persuna domiċiljata fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni tista', fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni, tiġi mħarrka:

1.

(a)

f'materji relatati ma' kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq ta' l-obbligazzjoni in kwistjoni;

(b)

għall-finijiet ta' din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq ta' l-obbligazzjoni in kwistjoni għandu jkun:

fil-każ ta' bejgħ ta' merċi, il-post fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni fejn, skond il-kuntratt, ikunu ntbagħtu l-merċi jew fejn kellhom jintbagħtu,

fil-każ tal-provvista ta' servizzi, il-post fi Stat marbut b'din il-konvenzjoni fejn, skond il-kuntratt, is-servizzi ġew provduti jew kellhom jiġu pprovduti;

(ċ)

jekk is-subinċiż (b) ma japplikax, għandu japplika s-subinċiż (a);

2.

f'materji relatati ma' manteniment,

(a)

fil-qrati tal-post fejn il-kreditur tal-manteniment ikun domiċiljat jew jirrisjedi abitwalment, jew

(b)

fil-qorti li, skond il-liġi tagħha stess, għandha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fi proċedimenti li jikkonċernaw l-istatus ta' persuna jekk il-materja relatata mal-manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċedimenti, sakemm dik il-ġurisdizzjoni tkun ibbażata biss fuq in-nazzjonalità ta' waħda mill-partijiet, jew

(ċ)

fil-qorti li, skond il-liġi tagħha stess, għandha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fi proċedimenti li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri, jekk il-materja relatata mal-manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċedimenti, ħlief jekk dik il-ġurisdizzjoni tkun ibbażata biss fuq in-nazzjonalità ta' waħda mill-partijiet;

3.

f'materji relatati ma' responsabbiltà għal danni, delitti ċivili jew kważi-delitti ċivili, fil-qrati tal-post fejn l-inċident dannuż seħħ jew jista' jseħħ;

4.

fir-rigward ta' talba ċivili għal danni jew restituzzjoni li tkun ibbażata fuq att li jagħti lok għal proċedimenti kriminali, fil-qorti li quddiemha jiġu istitwiti tali proċedimenti, safejn dik il-qorti jkollha l-ġurisdizzjoni, skond il-liġi tagħha stess, li tiddeċiedi fi proċedimenti ċivili;

5.

fir-rigward ta' disputa li tirriżulta mill-attività ta' fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor, fil-qrati tal-post fejn il-fergħa, l-aġenzija jew stabbiliment ieħor ikunu jinsabu;

6.

bħala settlor, trustee jew benefiċjarju ta' trust maħluq permezz ta' liġi, jew permezz ta' strument miktub, jew stabbilit verbalment u mfassal bil-kitba għall-finijiet ta' prova, fil-qrati ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih it-trust ikun domiċiljat;

7.

fir-rigward ta' disputa li tikkonċerna l-ħlas ta' rimunerazzjoni mitluba għas-salvataġġ ta' tagħbija jew merkanzija, fil-qorti li taħt l-awtorità tagħha t-tagħbija jew il-merkanzija in kwistjoni:

(a)

tkun inqabdet sabiex jiġi żgurat dak il-ħlas, jew

(b)

setgħet ġiet hekk maqbuda, iżda jkun sar depożitu jew ingħatat garanzija oħra,

sakemm din id-dispożizzjoni tkun tapplika biss jekk jiġi allegat li l-konvenut ikollu interess fit-tagħbija jew fil-merkanzija jew kellu tali interess meta sar is-salvataġġ.

Artikolu 6

Persuna domiċiljata fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni tista' titħarrek ukoll:

1.

meta tkun waħda minn numru ta' konvenuti, fil-qrati tal-post fejn kwalunkwe wieħed minnhom ikun domiċiljat, sakemm it-talbiet ikunu marbuta tant strettament ma' xulxin li jkun espedjenti li jinstemgħu u jiġu deċiżi flimkien sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' sentenzi irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati;

2.

bħala parti terza f'kawża dwar garanzija jew fi kwalunkwe proċedimenti oħra ta' terzi, fil-qorti li quddiemha jkunu ġew istitwiti l-proċedimenti oriġinali, ħlief jekk dawn ġew istitwiti biss bl-għan li jneħħuha minn taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti li tkun kompetenti fil-każ tagħha;

3.

fuq kontrotalba li tirriżulta mill-istess kuntratt jew fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali, fil-qorti li fiha t-talba oriġinali tkun pendenti;

4.

f'materji relatati ma' kuntratt, jekk il-azzjoni tista' tinstema' flimkien ma' kawża kontra l-istess konvenut f'materji relatati ma' drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli, fil-qorti ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih tinsab il-proprjetà.

Artikolu 7

Meta bis-saħħa ta' din il-Konvenzjoni, qorti ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni jkollha l-ġurisdizzjoni f'kawżi relatati ma' responsabbiltà mill-użu jew operazzjoni ta' bastiment, dik il-qorti, jew kwalunkwe qorti oħra sostitwita għal dan l-iskop mil-liġi nterna ta' dak l-Istat, għandha jkollha wkoll il-ġurisdizzjoni fuq talbiet għal-limitazzjoni ta' tali responsabbiltà.

TAQSIMA 3

Ġurisdizzjoni f'materji relatati ma' l-assigurazzjoni

Artikolu 8

F'materji relatati ma' l-assigurazzjoni, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi stabbilita minn din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 5(5).

Artikolu 9

1.   Assiguratur domiċiljat fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni jista' jiġi mħarrek:

(a)

fil-qrati ta' l-Istat fejn ikun domiċiljat, jew

(b)

fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni, fil-każ ta' kawżi miġjuba mid-detentur tal-polza, l-assigurat jew benefiċjarju, fil-qrati tal-post fejn l-attur ikun domiċiljat, jew

(ċ)

jekk huwa jkun ko-assiguratur, fil-qrati ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih jiġu istitwiti proċedimenti kontra l-assiguratur ewlieni.

2.   Assiguratur li ma jkunx domiċiljat fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni iżda li jkollu fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor f'wieħed mill-Istati marbuta b'din il-Konvenzjoni għandu, f'disputi li jirriżultaw mill-attività tal-fergħa, ta' l-aġenzija jew ta' l-istabbiliment, jiġi meqjus bħala domiċiljat f'dak l-Istat.

Artikolu 10

Fir-rigward ta' assigurazzjoni tar-responsabbiltà jew assigurazzjoni ta' proprjetà immobbli, l-assiguratur jista' jiġi mħarrek ukoll fil-qrati tal-post fejn seħħ l-inċident dannuż. L-istess japplika jekk proprjetà mobbli u proprjetà immobbli jkunu koperti bl-istess polza ta' assigurazzjoni u t-tnejn jintlaqtu ħażin mill-istess kontinġenza.

Artikolu 11

1.   Fir-rigward ta' assigurazzjoni tar-responsabbiltà, l-assiguratur jista' wkoll, jekk il-liġi tal-qorti tippermetti dan, jiġi msejjaħ fil-kawża miġjuba kontra l-assigurat mill-parti li ġarrbet id-dannu.

2.   L-Artikoli 8, 9 u 10 għandhom japplikaw għall-kawżi miġjuba mill-parti li ġarrbet id-dannu direttament kontra l-assiguratur, fejn ikunu permessi tali kawżi diretti.

3.   Jekk il-liġi li tiggverna dawk il-kawżi diretti tipprovdi li d-detentur tal-polza jew l-assigurat jistgħu jissejħu bħala parti fil-kawża, l-istess qorti għandha jkollha l-ġurisdizzjoni fuqhom.

Artikolu 12

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(3), assiguratur jista' jistitwixxi proċedimenti biss fil-qrati ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih il-konvenut ikun domiċiljat, irrispettivament minn jekk ikunx id-detentur tal-polza, l-assigurat jew il-benefiċjarju.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta' din it-Taqsima m'għandhomx jinċidu fuq id-dritt li tiġi preżentata kontrotalba fil-qorti li fiha, skond din it-Taqsima, tkun pendenti t-talba oriġinali.

Artikolu 13

In-nonkonformità mad-dispożizzjonijiet ta' din it-Taqsima hija ammessa biss bi ftehim:

1.

li jkun intlaħaq wara li tkun inqalgħet id-disputa, jew

2.

li jippermetti lid-detentur tal-polza, l-assigurat jew benefiċjarju li jistitwixxu proċedimenti fi qrati diversi minn dawk indikati f'din it-Taqsima, jew

3.

li jintlaħaq bejn id-detentur tal-polza u l-assiguratur, li t-tnejn li huma jkunu, fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt, domiċiljati jew jirrisjedu abitwalment fl-istess Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, u li jkollu l-effett li jikkonferixxi l-ġurisdizzjoni fuq il-qrati ta' dak l-Istat anki jekk l-inċident dannuż seħħ barra mill-pajjiż, sakemm l-istess ftehim ma jmurx kontra l-liġi ta' dak l-Istat, jew

4.

li jintlaħaq mad-detentur tal-polza li ma jkunx domiċiljat fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, ħlief safejn l-assigurazzjoni tkun obbligatorja jew tirrigwarda proprjetà immobbli fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, jew

5.

li jirrigwarda kuntratt ta' assigurazzjoni safejn dan ikopri riskju wieħed jew aktar minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 14.

Artikolu 14

Dawn li ġejjin huma r-riskji msemmija fl-Artikolu 13(5):

1.

kwalunkwe telf ta' jew ħsara lil:

(a)

bastimenti tal-baħar, stallazzjonijiet 'il barra mix-xtut jew fil-baħar miftuħ, jew inġenji ta' l-ajru, li jirriżultaw minn perikli relatati ma' l-użu tagħhom għal skopijiet kummerċjali;

(b)

merċi waqt it-trasport tagħhom, ħlief bagalji ta' passiġġieri, fejn tali trasport jikkonsisti fi, jew jinkludi, ġarr minn tali bastimenti jew inġenji ta' l-ajru;

2.

kwalunkwe responsabbiltà, diversa minn korriment ta' passiġġieri jew telf ta' jew ħsara lill-bagalji tagħhom:

(a)

li tirriżulta mill-użu jew mill-operazzjoni ta' bastimenti, ta' stallazzjonijiet jew ta' inġenji ta' l-ajru kif imsemmija fil-punt 1(a) safejn, fir-rigward ta' dawn ta' l-aħħar, il-liġi ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih dawk l-inġenji ta' l-ajru jkunu reġistrati ma tipprojbixxix ftehim dwar ġurisdizzjoni fir-rigward ta' l-assigurazzjoni ta' tali riskji;

(b)

għal telf jew ħsara kkawżati minn merċi waqt it-trasport tagħhom kif deskritt fil-punt 1(b);

3.

kwalunkwe telf finanzjarju konness ma' l-użu jew l-operazzjoni ta' bastimenti, ta' stallazzjonijiet jew ta' inġenji ta' l-ajru kif imsemmi fil-punt 1(a), b'mod partikolari telf ta' ħlas għall-ġarr ta' merkanzija jew ta' kiri b'charter;

4.

kwalunkwe riskju jew interess konness ma' kwalunkwe wieħed minn dawk imsemmija fil-punti 1 sa 3;

5.

minkejja punti 1 sa 4, ir-riskji l-kbar kollha.

TAQSIMA 4

Ġurisdizzjoni fuq kuntratti konsumeristiċi

Artikolu 15

1.   F'materji relatati ma' kuntratt li jsir minn persuna, il-konsumatur, għal skop li jista' jkun meqjus lil hinn mis-sengħa jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tkun stabbilita minn din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 5(5), jekk:

(a)

ikun kuntratt għall-bejgħ ta' merċi abbażi ta' termini ta' kreditu bin-nifs, jew

(b)

ikun kuntratt ta' self li jitħallas lura bin-nifs, jew bi kwalunkwe forma oħra ta' kreditu, magħmul sabiex jiffinanzja l-bejgħ ta' merċi, jew

(ċ)

fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun sar ma' persuna li teżerċita attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni tad-domiċilju tal-konsumatur jew li, bi kwalunkwe mezz, tidderiġi dawk l-attivitajiet lejn dak l-Istat jew lejn diversi Stati li jinkludu dak l-Istat, u l-kuntratt jaqa' fl-ambitu ta' tali attivitajiet.

2.   Meta konsumatur jidħol f'kuntratt ma' parti li ma tkunx domiċiljata fl-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni iżda jkollha fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor f'wieħed mill-Istati marbuta b'din il-Konvenzjoni, dik il-parti għandha, f'disputi li jirriżultaw mill-attività tal-fergħa, ta' l-aġenzija jew ta' l-istabbiliment, tkun meqjusa bħala domiċiljata f'dak l-Istat.

3.   Din it-Taqsima m'għandhiex tapplika għal kuntratt ta' trasport divers minn kuntratt li, għal prezz inklużiv, jipprovdi għal kombinazzjoni ta' vvjaġġar u ta' akkomodazzjoni.

Artikolu 16

1.   Konsumatur jista' jistitwixxi proċedimenti kontra l-parti l-oħra f'kuntratt fil-qrati ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih dik il-parti tkun domiċiljata jew fil-qrati tal-post fejn il-konsumatur ikun domiċiljat.

2.   Jistgħu jiġu istitwiti proċedimenti kontra konsumatur, mill-parti l-oħra fil-kuntratt, biss fil-qrati ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.

3.   Dan l-Artikolu m'għandux jinċidi fuq id-dritt li tiġi preżentata kontrotalba fil-qorti li fiha, skond din it-Taqsima, tkun pendenti t-talba oriġinali.

Artikolu 17

In-nonkonformità mad-dispożizzjonijiet ta' din it-Taqsima hija ammessa biss bi ftehim:

1.

li jkun intlaħaq wara li tkun inqalgħet id-disputa, jew

2.

li jippermetti lill-konsumatur li jistitwixxi proċedimenti fi qrati diversi minn dawk indikati f'din it-Taqsima, jew

3.

li jkun intlaħaq bejn il-konsumatur u l-parti l-oħra fil-kuntratt, li t-tnejn ikunu fil-ħin tal-konklużjoni tal-kuntratt domiċiljati jew jirrisjedu abitwalment fl-istess Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, u li jikkonferixxi l-ġurisdizzjoni fuq il-qrati ta' dak l-Istat, sakemm dak il-ftehim ma jmurx kontra l-liġi ta' dak l-Istat.

TAQSIMA 5

Ġurisdizzjoni fuq kuntratti individwali ta' l-impjieg

Artikolu 18

1.   F'materji relatati ma' kuntratti individwali ta' l-impjieg, il-ġurisdizzjoni għandha tkun determinata minn din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 5(5).

2.   Fejn impjegat jidħol f'kuntratt individwali ta' l-impjieg ma' persuna li timpjega n-nies, li ma tkunx domiċiljata fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, iżda li jkollha fergħa, aġenzija, jew stabbiliment ieħor f'wieħed mill-Istati marbuta b'din il-Konvenzjoni, min jimpjega għandu, f'disputi li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-fergħa, ta' l-aġenzija jew ta' l-istabbiliment, jiġi meqjus li jkun domiċiljat f'dak l-Istat.

Artikolu 19

Persuna li timpjega n-nies domiċiljata fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni tista' tiġi mħarrka:

1.

fil-qrati ta' l-Istat fejn tkun domiċiljata, jew

2.

fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni:

(a)

fil-qrati tal-post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu jew fil-qrati ta' l-aħħar post fejn kien jagħmel dan, jew

(b)

jekk l-impjegat abitwalment ma jwettaqx jew ma kienx iwettaq ix-xogħol tiegħu f'xi pajjiż wieħed, fil-qrati tal-post fejn jinsab jew kien jinsab in-negozju li ngaġġa lill-impjegat.

Artikolu 20

1.   Persuna li timpjega n-nies tista' tistitwixxi proċedimenti biss fil-qrati ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih ikun domiċiljat l-impjegat.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta' din it-Taqsima m'għandhomx jinċidu fuq id-dritt ta' kontrotalba fil-qorti li fiha, skond din it-Taqsima, tkun pendenti t-talba originali.

Artikolu 21

In-nonkonformità mad-dispożizzjonijiet ta' din it-Taqsima hija ammessa biss bi ftehim dwar il-ġurisdizzjoni:

1.

li jintlaħaq wara li tkun inqalgħet id-disputa, jew

2.

li jippermetti lill-impjegat li jistitwixxi proċedimenti fi qrati diversi minn dawk indikati f'din it-Taqsima.

TAQSIMA 6

Ġurisdizzjoni esklużiva

Artikolu 22

Il-qrati segwenti għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklużiva, irrispettivament mid-domiċilju:

1.

fi proċedimenti li jkollhom bħala s-suġġett tagħhom drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli jew kuntratti ta' kiri ta' proprjetà immobbli, il-qrati ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih tkun tinsab il-proprjetà.

Madankollu, fi proċedimenti li jkollhom bħala s-suġġett tagħhom kuntratti ta' kiri ta' proprjetà immobbli konklużi għall-użu privat temporanju għal perjodu massimu ta' sitt xhur konsekuttivi, il-qrati ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih ikun domiċiljat il-konvenut għandhom ukoll ikollhom il-ġurisdizzjoni, sakemm il-kerrej ikun persuna fiżika u s-sid u l-kerrej ikunu domiċiljati fl-istess Stat marbut b'din il-Konvenzjoni;

2.

fi proċedimenti li jkollhom bħala s-suġġett tagħhom il-validità tal-kostituzzjoni, in-nullità jew ix-xoljiment ta' kumpanniji jew persuni ġuridiċi oħra jew assoċjazzjonijiet ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, jew tal-validità tad-deċiżjonijiet ta' l-organi tagħhom, il-qrati ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih il-kumpannija, persuna ġuridika jew assoċjazzjoni jkollha s-sede tagħha. Sabiex tiddetermina dak is-sede, il-qorti għandha tapplika ir-regoli tagħha tad-dritt internazzjonali privat;

3.

fi proċedimenti li jkollhom bħala s-suġġett tagħhom il-validità ta' iskrizzjonijiet f'reġistri pubbliċi, il-qrati ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih jinżamm ir-reġistru;

4.

fi proċedimenti li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta' privattivi, trademarks, disinni, jew drittijiet oħra simili li tagħhom ikunu meħtieġa d-depożitu jew ir-reġistrazzjoni, irrispettivament minn jekk il-kwistjoni ġietx imressqa permezz ta' kawża jew sollevata bħala eċċezzjoni, il-qrati ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih id-depożitu jew ir-reġistrazzjoni ikunu s-suġġett ta' applikazzjoni, ikunu saru jew ikunu, skond it-termini ta' strument Komunitarju jew ta' konvenzjoni internazzjonali, meqjusa bħala li saru.

Mingħajr preġudizzju għall-ġurisdizzjoni ta' l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi skond il-Konvenzjoni dwar l-għoti ta' privattivi Ewropej, iffirmata fi Munich fil-5 ta' Ottubru 1973, il-qrati ta' kull Stat marbut b'din il-Konvenzjoni għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklużiva, irrispettivament mid-domiċilju, fi proċedimenti li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta' kwalunkwe privattiva Ewropea mogħtija għal dak l-Istat irrispettivament minn jekk il-kwistjoni ġietx imressqa permezz ta' kawża jew sollevata bħala eċċezzjoni.

5.

fi proċedimenti li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni ta' sentenzi, il-qrati ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih is-sentenza ġiet eżegwita jew għandha tiġi eżegwita.

TAQSIMA 7

Proroga tal-ġurisdizzjoni

Artikolu 23

1.   Jekk il-partijiet, li minnhom waħda jew aktar tkun domiċiljata fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, ikunu ftiehmu li qorti jew il-qrati ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiddeċiedu fi kwalunkwe disputa li tirriżulta jew li tista' tirriżulta in konnessjoni ma' relazzjoni ġuridika partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Tali ġurisdizzjoni għandha tkun esklużiva sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu mod ieħor. Tali ftehim li jikkonferixxi l-ġurisdizzjoni għandu jkun:

(a)

bil-kitba jew imfassal bil-kitba għall-finijiet ta' prova, jew

(b)

f'forma li tkun skond il-prattika li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom, jew

(ċ)

fin-negozju jew fil-kummerċ internazzjonali, f'forma skond l-użu li dwaru l-partijiet ikunu jew messhom kienu konxji u li f'tali negozju jew kummerċ ikun ġeneralment magħruf lil, u regolarment osservat minn, partijiet f'kuntratti tat-tip involut fin-negozju jew kummerċ partikolari konċernat.

2.   Kwalunkwe komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi li tipprovdi rekord durevoli tal-ftehim għandha tkun ekwivalenti għal “kitba”.

3.   Meta tali ftehim jiġi konkluż bejn partijiet, li minnhom ebda waħda ma tkun domiċiljata fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, il-qrati ta' Stati oħra marbuta b'din il-Konvenzjoni m'għandhom ikollhom ebda ġurisdizzjoni fuq id-disputi tagħhom ħlief jekk il-qorti jew qrati magħżula jkunu astjenu milli jassumu ġurisdizzjoni.

4.   Il-qorti jew qrati ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni li fuqhom strument ta' trust ikun ikkonferixxa l-ġurisdizzjoni għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklużiva fi kwalunkwe proċedimenti miġjuba kontra settlor, trustee jew benefiċjarju, jekk ikunu involuti r-relazzjonijiet bejn dawn il-persuni jew id-drittijiet jew l-obbligi tagħhom skond it-trust.

5.   Kull ftehim jew dispożizzjoni ta' strument ta' trust li jikkonferixxi l-ġurisdizzjoni m'għandhom ikollhom ebda forza legali jekk imorru kontra d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 13, 17 jew 21, jew jekk il-qrati, li l-ġurisdizzjoni tagħhom huma jkunu maħsuba sabiex jeskludu, ikollhom ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa ta' l-Artikolu 22.

Artikolu 24

Barra mill-ġurisdizzjoni derivata minn dispożizzjonijiet oħra ta' din il-Konvenzjoni, qorti ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni li quddiemha jidher konvenut għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m'għandhiex tapplika meta d-dehra ssir sabiex tiġi kkontestata l-ġurisdizzjoni, jew fejn qorti oħra jkollha l-ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa ta' l-Artikolu 22.

TAQSIMA 8

Eżami dwar il-ġurisdizzjoni u l-ammissibbiltà

Artikolu 25

Meta tinġieb talba, quddiem qorti ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, li tikkonċerna prinċipalment materja li fuqha l-qrati ta' Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni jkollhom il-ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa ta' l-Artikolu 22, hi għandha tiddikjara ex officio li m'għandhiex ġurisdizzjoni.

Artikolu 26

1.   Meta konvenut, li jkun domiċiljat fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, ikun ġie msejjaħ quddiem qorti ta' Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni u jonqos li jidher, il-qorti għandha tiddikjara ex officio li m'għandhiex ġurisdizzjoni ħlief jekk il-ġurisdizzjoni tagħha tkun derivata mid-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni.

2.   Il-qorti għandha twaqqaf il-proċedimenti sakemm ma jintweriex li l-konvenut seta' jirċievi d-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex ikun jista' jagħmel arranġamenti għad-difiża tiegħu, jew li l-passi kollha meħtieġa jkunu ttieħdu għal dan il-għan.

3.   Minflok id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, għandu japplika l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta' l-Aja tal-15 ta' Novembru 1965 dwar in-Notifika f'Pajjiżi Barranin ta' Atti Ġudizzjarji u Extra-Ġudizzjarji f'Materji Ċivili jew Kummerċjali jekk id-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti kellu jiġi trażmess skond dik il-Konvenzjoni.

4.   L-Istati Membri tal-Komunità Ewropea marbuta bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 jew bil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar in-notifika ta' atti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji f'materji ċivili u kummerċjali, iffirmat fi Brussell fid-19 ta' Ottubru 2005, għandhom japplikaw fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 19 ta' dak ir-Regolament jekk id-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti kellu jiġi trażmess skond dak ir-Regolament jew dak il-Ftehim.

TAQSIMA 9

Lis pendens – kawżi relatati

Artikolu 27

1.   Fejn il-proċedimenti li jinvolvu l-istess suġġett tal-kawża u li jkunu bejn l-istess partijiet jitressqu fil-qrati ta' Stati differenti marbuta b'din il-Konvenzjoni, kwalunkwe qorti, diversa mill-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti, għandha twaqqaf il-proċedimenti ex officio sa meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti.

2.   Fejn tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti, kwalunkwe qorti barra l-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti għandha tastjeni milli tassumi ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

Artikolu 28

1.   Fejn ikunu pendenti kawżi relatati fil-qrati ta' Stati differenti marbuta b'din il-Konvenzjoni, kwalunkwe qorti, diversa mill-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti, tista' twaqqaf il-proċedimenti tagħha.

2.   Fejn dawn il-kawżi jkunu pendenti fl-ewwel istanza, kwalunkwe qorti, diversa mill-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti, tista' wkoll, fuq applikazzjoni ta' waħda mill-partijiet, tastjeni milli tassumi ġurisdizzjoni jekk l-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti jkollha l-ġurisdizzjoni fuq il-kawżi in kwistjoni u l-liġi tagħha tippermetti l-konsolidament tagħhom.

3.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, il-kawżi huma meqjusa bħala relatati meta tant ikunu konnessi mill-qrib li jkun espedjenti li jiġu mismugħin u deċiżi flimkien sabiex ikun evitat ir-riskju li jirriżultaw sentenzi irrikonċiljabbli minn proċedimenti separati.

Artikolu 29

Meta kawżi jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta' diversi qrati, kwalunkwe qorti, diversa mill-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti, għandha tastjeni milli tassumi ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

Artikolu 30

Għall-finijiet ta' din it-Taqsima, qorti għandha tiġi kkunsidrata bħala li quddiemha ġew istitwiti l-proċedimenti:

1.

fil-ħin meta d-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jiġi preżentat fil-qorti, sakemm l-attur sussegwentement ma jkunx naqas li jieħu l-passi li kien meħtieġ li jieħu sabiex jinnotifika lill-konvenut, jew

2.

jekk id-dokument irid jiġi notifikat qabel jiġi preżentat fil-qorti, fil-ħin li tirċevih l-awtorità responsabbli għan-notifika, sakemm l-attur sussegwentement ma jkunx naqas li jieħu l-passi li kien meħtieġ li jieħu sabiex id-dokument jiġi preżentat fil-qorti.

TAQSIMA 10

Miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi

Artikolu 31

Tista' ssir applikazzjoni lill-qrati ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni għal dawk il-miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi, li jistgħu ikunu disponibbli skond il-liġi ta' dak l-Istat, anki jekk, skond din il-Konvenzjoni, il-qrati ta' Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar il-mertu.

TITOLU III

RIKONOXXIMENT U EŻEKUZZJONI

Artikolu 32

Għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni, “sentenza” tfisser kwalunkwe sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, irrispettivament minn kif tissejjaħ is-sentenza, inklużi digriet, ordni, deċiżjoni jew mandat ta' eżekuzzjoni, kif ukoll id-determinazzjoni ta' l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti.

TAQSIMA 1

Rikonoxximent

Artikolu 33

1.   Sentenza mogħtija fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati l-oħra marbuta b'din il-Konvenzjoni mingħajr ma tkun meħtieġa ebda proċedura speċjali.

2.   Kwalunkwe parti interessata li tqajjem ir-rikonoxximent ta' sentenza bħala l-kwistjoni prinċipali f'disputa tista', skond il-proċeduri kontemplati fit-Taqsimiet 2 u 3 ta' dan it-Titolu, tapplika għal deċiżjoni sabiex is-sentenza tiġi rikonoxxuta.

3.   Jekk ir-riżultat tal-proċedimenti f'qorti ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni jiddipendi mid-deċiżjoni dwar kwistjoni inċidentali ta' rikonoxximent, dik il-qorti għandha jkollha l-ġurisdizzjoni fuq dik il-kwistjoni.

Artikolu 34

Sentenza m'għandhiex tiġi rikonoxxuta:

1.

jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-politika pubblika ta' l-Istat li fih ġie mitlub ir-rikonoxximent;

2.

meta tkun ingħatat f'każ ta' kontumaċja, jekk il-konvenut ma ġiex notifikat bid-dokument li istitwixxa l-proċedimenti jew b'dokumenti ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b'tali mod li dan ikun jista' jħejji d-difiża tiegħu, sakemm il-konvenut ma jkunx naqas li jibda l-proċedimenti sabiex jikkontesta s-sentenza meta kien possibbli għalih li jagħmel dan;

3.

jekk tkun irrikonċiljabbli ma' sentenza mogħtija f'disputa bejn l-istess partijiet fl-Istat li fih jintalab ir-rikonoxximent;

4.

jekk tkun irrikonċiljabbli ma' sentenza preċedentement mogħtija fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni jew fi Stat terz li tinvolvi l-istess suġġett tal-kawża u bejn l-istess partijiet, sakemm l-ewwel sentenza li ngħatat tissodisfa l-kondizzjonijiet neċessarji għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat indirizzat.

Artikolu 35

1.   Addizzjonalment, sentenza m'għandhiex tiġi rikonoxxuta jekk tmur kontra t-Taqsimiet 3, 4 jew 6 tat-Titolu II, jew f'każ previst fl-Artikolu 68. Sentenza tista', barra minn hekk, ma tingħatax rikonoxximent fi kwalunkwe każ previst fl-Artikolu 64(3) jew 67(4).

2.   Fl-eżami tagħha tar-raġunijiet għall-ġurisdizzjoni msemmija fil-paragrafu ta' qabel dan, il-qorti jew awtorità li lilha ssir l-applikazzjoni għandha tkun marbuta bid-determinazzjoni tal-fatti li fuqha l-qorti ta' l-Istat ta' l-oriġini tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha.

3.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta' l-Istat ta' l-oriġini ma tistax tiġi riveduta. L-eżami fid-dawl tal-kriterju tal-politika pubblika msemmi fl-Artikolu 34(1) ma jistax jiġi applikat għar-regoli relatati mal-ġurisdizzjoni.

Artikolu 36

Taħt l-ebda ċirkostanza m'għandha sentenza barranija tiġi riveduta fil-mertu.

Artikolu 37

1.   Qorti ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih jintalab ir-rikonoxximent ta' sentenza mogħtija fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni tista' twaqqaf il-proċedimenti jekk ikun ġie preżentat appell ordinarju kontra s-sentenza.

2.   Qorti ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih jintalab ir-rikonoxximent ta' sentenza mogħtija fl-Irlanda jew fir-Renju Unit tista' twaqqaf il-proċedimenti jekk l-eżekuzzjoni tiġi sospiża fl-Istat ta' l-oriġini, minħabba appell.

TAQSIMA 2

Eżekuzzjoni

Artikolu 38

1.   Sentenza mogħtija fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni u li tkun eżekutorja f'dak l-Istat għandha tiġi eżegwita fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni meta, fuq talba ta' kwalunkwe parti interessata, tkun ġiet dikjarata eżekutorja hemmhekk.

2.   Madankollu, fir-Renju Unit, dik is-sentenza għandha tiġi eżegwita fl-Ingilterra u f'Wales, fl-Iskozja, jew fl-Irlanda ta' Fuq meta, fuq talba ta' kwalunkwe parti interessata, tkun ġiet reġistrata għall-eżekuzzjoni f'dik il-parti tar-Renju Unit.

Artikolu 39

1.   L-applikazzjoni għandha tiġi preżentata lill-qorti jew lill-awtorità kompetenti indikata fil-lista fl-Anness II.

2.   Il-ġurisdizzjoni lokali għandha tiġi stabbilita b'referenza għall-post tad-domiċilju tal-parti li kontriha tkun qed tintalab l-eżekuzzjoni, jew għall-post ta' l-eżekuzzjoni.

Artikolu 40

1.   Il-proċedura għall-preżentata ta' l-applikazzjoni għandha tkun regolata mil-liġi ta' l-Istat li fih tkun qed tintalab l-eżekuzzjoni.

2.   L-applikant għandu jagħti indirizz għan-notifika tal-proċess fiż-żona ta' ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha saret l-applikazzjoni. Madankollu, jekk il-liġi ta' l-Istat li fih tintalab l-eżekuzzjoni ma tipprovdix għall-għoti ta' dak l-indirizz, l-applikant għandu jaħtar rappreżentant ad litem.

3.   Id-dokumenti msemmija fl-Artikoli 53 għandhom jiġu mehmuża ma' l-applikazzjoni.

Artikolu 41

Is-sentenza għandha tiġi dikjarata eżekutorja immedjatament mat-twettiq tal-formalitajiet fl-Artikolu 53 mingħajr ebda reviżjoni taħt l-Artikoli 34 u 35. Il-parti li kontra tagħha tintalab l-eżekuzzjoni m'għandhiex f'dan l-istadju tal-proċedimenti jkollha d-dritt li tagħmel xi sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni.

Artikolu 42

1.   Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha minnufih tinġieb għall-attenzjoni ta' l-applikant skond il-proċedura stabbilita bil-liġi ta' l-Istat li fih tintalab l-eżekuzzjoni.

2.   Id-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha tiġi notifikata lill-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, flimkien mas-sentenza, jekk ma tkunx diġà ġiet notifikata lil dik il-parti.

Artikolu 43

1.   Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà tista' tiġi appellata minn kwalunkwe parti.

2.   L-appell għandu jiġi preżentat fil-qorti indikata fil-lista fl-Anness III.

3.   L-appell għandu jiġi ttrattat skond ir-regoli li jirregolaw il-proċedura f'materji kontenzjużi.

4.   Jekk il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tonqos milli tidher quddiem il-qorti ta' l-appell fi proċedimenti li jikkonċernaw appell preżentat mill-applikant, l-Artikolu 26(2) sa (4) għandu japplika anki meta l-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni ma tkunx domiċiljata f'xi wieħed mill-Istati marbuta b'din il-Konvenzjoni.

5.   L-appell kontra d-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandu jiġi preżentat fi żmien xahar min-notifika tagħha. Jekk il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tkun domiċiljata fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni divers minn dak li fih tkun ingħatat id-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà, iż-żmien għall-appell għandu jkun ta' xahrejn u għandu jiddekorri mid-data tan-notifika, mogħtija jew lilu personalment jew fir-residenza tiegħu. Ebda estensjoni taż-żmien ma tista' tingħata minħabba d-distanza.

Artikolu 44

Is-sentenza mogħtija fl-appell tista tiġi kkontestata biss bl-appell imsemmi fl-Anness IV.

Artikolu 45

1.   Il-qorti li fiha jiġi preżentat appell taħt l-Artikolu 43 jew 44 għandha tiċħad jew tirrevoka dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà biss għal waħda mir-raġunijiet speċifikati fl-Artikoli 34 u 35. Għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha mingħajr dewmien.

2.   Taħt l-ebda ċirkostanza m'għandha sentenza barranija tiġi riveduta fil-mertu.

Artikolu 46

1.   Il-qorti li fiha jiġi preżentat appell skond l-Artikolu 43 jew 44 tista', fuq talba tal-parti li kontriha qed tintalab l-eżekuzzjoni, twaqqaf il-proċedimenti jekk ikun ġie preżentat appell ordinarju kontra dik is-sentenza fl-Istat ta' oriġini jew jekk iż-żmien għal dak l-appell ma jkunx għadu għadda; f'dan il-każ ta' l-aħħar, il-qorti tista' tispeċifika ż-żmien li fih dak l-appell għandu jiġi preżentat.

2.   Meta s-sentenza tkun ingħatat fl-Irlanda jew fir-Renju Unit, kwalunkwe forma ta' appell disponibbli fl-Istat ta' oriġini għandha tkun trattata bħala appell ordinarju għall-finijiet tal-paragrafu 1.

3.   Il-qorti tista' wkoll tagħmel l-eżekuzzjoni kondizzjonali għall-preżentata ta' garanzija skond kif tiddeċiedi hi.

Artikolu 47

1.   Meta sentenza jkollha tiġi rikonoxxuta skond din il-Konvenzjoni, xejn m'għandu jżomm lill-applikant milli jirrikorri għal miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi, skond il-liġi ta' l-Istat rikjest mingħajr ma tkun meħtieġa dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà skond l-Artikolu 41.

2.   Id-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà ġġorr magħha s-setgħa li wieħed jipproċedi bi kwalunkwe miżura protettiva.

3.   Matul iż-żmien speċifikat għal appell skond l-Artikolu 43(5) kontra d-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà u sa meta kwalunkwe appell bħal dak ikun ġie deċiż, ebda miżuri ta' eżekuzzjoni ħlief miżuri protettivi ma jistgħu jittieħdu kontra l-proprjetà tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni.

Artikolu 48

1.   Fejn sentenza barranija tkun ingħatat fir-rigward ta' diversi materji u d-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà ma tkunx tista' tingħata dwarhom kollha, il-qorti jew awtorità kompetenti għandha tagħtiha għal waħda jew aktar minnhom.

2.   Applikant jista' jitlob dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà limitata għal partijiet ta' sentenza.

Artikolu 49

Sentenza barranija li tordna ħlas perjodiku bħala penali għandha tkun eżekutorja fl-Istat li fih tintalab l-eżekuzzjoni fil-każ biss li l-ammont tal-ħlas ikun ġie finalment stabbilit mill-qrati ta' l-Istat ta' l-oriġini.

Artikolu 50

1.   Applikant li fl-Istat ta' l-oriġini jkun ibbenefika minn għajnuna legali sħiħa jew parzjali jew eżenzjoni mill-ispejjez għandu jkun intitolat, fil-proċedura prevista f'din it-Taqsima, li jibbenefika mill-għajnuna legali l-aktar favorevoli jew l-eżenzjoni mill-ispejjez l-aktar estensiva kontemplata mil-liġi ta' l-Istat indirizzat.

2.   Madankollu, applikant li jitlob l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni mogħtija minn awtorità amministrattiva fid-Danimarka, fl-Iżlanda jew fin-Norveġja fir-rigward ta' manteniment jista', fl-Istat indirizzat, jitlob il-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 1 jekk jippreżenta dikjarazzjoni mill-Ministeru tal-Ġustizzja Daniż, Iżlandiż jew Norveġiż, fis-sens li hu jissodisfa r-rekwiżiti ekonomiċi sabiex jikkwalifika għall-għoti ta' għajnuna legali sħiha jew parzjali jew eżenzjoni mill-ispejjeż.

Artikolu 51

L-ebda garanzija, obbligu jew depożitu, irrispettivament minn kif ikunu deskritti, m'għandhom jiġu mitluba mingħand parti li, fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, tapplika għall-eżekuzzjoni ta' sentenza mogħtija fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni għar-raġuni li hija tkun ċittadin ta' pajjiż barrani jew li ma tkunx domiċiljata jew residenti fil-Istat li fih tintalab l-eżekuzzjoni.

Artikolu 52

Fi proċedimenti għall-ħruġ ta' dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà, l-ebda ħlas, dazju jew dritt kalkulati b'referenza għall-valur tal-kwistjoni ma jistgħu jiġu mposti fl-Istat li fih tintalab l-eżekuzzjoni.

TAQSIMA 3

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 53

1.   Parti li titlob ir-rikonoxximent jew li tapplika għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha tipproduċi kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kondizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha.

2.   Parti li tapplika għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha tipproduċi wkoll iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 54, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55.

Artikolu 54

Il-qorti jew l-awtorità kompetenti ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni fejn ingħatat sentenza għandha toħroġ, fuq talba ta' kwalunkwe parti interessata, ċertifikat skond il-formola standard fl-Anness V ta' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 55

1.   Jekk iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 54 ma jiġix preżentat, il-qorti jew l-awtorità kompetenti tista' tispeċifika żmien sabiex jiġi preżentat jew taċċetta dokument ekwivalenti jew, jekk jidhrilha li għandha informazzjoni suffiċjenti quddiemha, tipproċedi mingħajr ma tesiġi l-preżentata tiegħu.

2.   Jekk il-qorti jew awtorità kompetenti hekk tordna, għandha tiġi preżentata traduzzjoni tad-dokumenti. It-traduzzjoni għandha tkun ċertifikata minn persuna kwalifikata għal dan l-iskop f'wieħed mill-Istati marbuta b'din il-Konvenzjoni.

Artikolu 56

L-ebda awtentikazzjoni legali jew formalità oħra simili m'għandha tkun meħtieġa fir-rigward tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 53 jew l-Artikolu 55(2), jew fir-rigward ta' dokument li jaħtar rappreżentant ad litem.

TITOLU IV

STRUMENTI AWTENTIĊI U TRANŻAZZJONIJIET QUDDIEM IL-QORTI

Artikolu 57

1.   Dokument li jkun ġie mħejji formalment jew reġistrat bħala strument awtentiku u li jkun eżekutorju fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni għandu, fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni, jiġi dikjarat eżekutorju hemmhekk, fuq applikazzjoni magħmula skond il-proċeduri previsti fl-Artikolu 38, et seq. Il-qorti li fiha jiġi ppreżentat appell skond l-Artikolu 43 jew l-Artikolu 44 għandha tiċħad jew tirrevoka dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà biss jekk l-eżekuzzjoni ta' l-istrument manifestament tmur kontra l-politika pubblika fl-Istat indirizzat.

2.   L-arranġamenti relatati ma' obbligi ta' manteniment konklużi ma' awtoritajiet amministrattivi jew awtentikati minnhom għandhom ukoll jitqiesu bħala strumenti awtentiċi fis-sens tal-paragrafu 1.

3.   L-istrument preżentat għandu jissodisfa l-kondizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tiegħu fl-Istat ta' l-oriġini.

4.   It-Taqsima 3 tat-Titolu III għandha tapplika skond kif ikun meħtieġ. L-awtorità kompetenti ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni fejn ikun tħejja jew ġie reġistrat strument awtentiku għandha toħroġ, fuq talba ta' kwalunkwe parti interessata, ċertifikat skond il-forma standard fl-Anness VI ta' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 58

Tranżazzjoni li tkun ġiet approvata minn qorti fil-kors ta' proċedimenti u li tkun eżekutorja fl-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih ġiet konkluża għandha tkun eżekutorja fl-Istat indirizzat taħt l-istess kondizzjonijiet applikabbli għall-istrumenti awtentiċi. Il-qorti jew l-awtorità kompetenti ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni fejn tkun ġiet approvata tranżazzjoni quddiem il-qorti għandha toħroġ, fuq talba ta' kwalunkwe parti interessata, ċertifikat skond il-forma standard fl-Anness V ta' din il-Konvenzjoni.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 59

1.   Sabiex tistabbilixxi jekk parti tkunx domiċiljata fl-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fil-qrati tiegħu jkunu ġew istitwiti l-proċedimenti, il-qorti għandha tapplika l-liġi interna tagħha.

2.   Fil-każ li parti ma tkunx domiċiljata fl-Istat li fil-qrati tiegħu jkunu ġew istitwiti l-proċedimenti, il-qorti, sabiex tistabbilixxi jekk il-parti tkunx domiċiljata fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni, għandha tapplika l-liġi ta' dak l-Istat.

Artikolu 60

1.   Għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni, kumpannija jew persuna ġuridika oħra jew assoċjazzjoni ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi tkun domiċiljata fil-post fejn ikollha:

(a)

is-sede statutorja tagħha, jew

(b)

l-amministrazzjoni ċentrali tagħha, jew

(ċ)

il-post prinċipali tan-negozju tagħha.

2.   Għall-finijiet tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda “sede statutorja” tfisser l-uffiċċju reġistrat jew, fejn tali uffiċċju ma jkun jeżisti mkien, il-post ta' l-inkorporazzjoni jew, fejn tali uffiċċju ma jkun jeżisti mkien, l-post fejn skond il-liġi tiegħu tkun saret il-formazzjoni.

3.   Sabiex tistabbilixxi jekk trust ikunx domiċiljat fl-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fil-qrati tiegħu jkunu ġew istitwiti l-proċedimenti, il-qorti għandha tapplika r-regoli tagħha tad-dritt internazzjonali privat.

Artikolu 61

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni ta' liġijiet nazzjonali aktar favorevoli, persuni domiċiljati fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni li jkunu qed jiġu mħarrka fil-qrati kriminali ta' Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni li tiegħu ma jkunux ċittadini, għal reat li ma ġiex imwettaq bi ħsieb, jistgħu jiġu difiżi minn persuni kwalifikati sabiex jagħmlu dan, anki jekk ma jidhrux huma personalment. Madankollu, il-qorti li fiha ġew istitwiti l-proċedimenti tista' tordna li jidhru personalment; fil-każ tal-kontumaċja, fir-rigward ta' sentenza mogħtija fil-kawża ċivili, mingħajr ma l-persuna konċernata kellha l-opportunità li tagħmel arranġamenti għad-difiża tagħha, jistgħu jiġu miċħuda r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni fl-Istati l-oħra marbuta b'din il-Konvenzjoni.

Artikolu 62

Għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni, l-espressjoni “il-qorti” għandha tinkludi kwalunkwe awtoritajiet indikati, minn Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, bħala li għandhom ġurisdizzjoni f'materji li jaqgħu fl-ambitu ta' din il-Konvenzjoni.

TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI

Artikolu 63

1.   Din il-Konvenzjoni għandha tapplika biss għal proċedimenti legali istitwiti u għal dokumenti formalment imfassla jew reġistrati bħala strumenti awtentiċi wara d-dħul fis-seħħ tagħha fl-Istat ta' l-origini u, fejn jintalbu r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta' sentenza jew strumenti awtentiċi, fl-Istat indirizzat.

2.   Madankollu, jekk il-proċedimenti fl-Istat ta' l-origini ikunu ġew istitwiti qabel id-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni, is-sentenzi mogħtija wara dik id-data għandhom jiġu rikonoxxuti u eżegwiti skond it-Titolu III:

(a)

jekk il-proċedimenti fl-Istat ta' l-origini ikunu ġew istitwiti wara d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta' Lugano tas-16 ta' Settembru 1988 kemm fl-Istat ta' l-oriġini kif ukoll fl-Istat indirizzat;

(b)

fil-każijiet l-oħra kollha, jekk il-ġurisdizzjoni kienet ibbażata fuq regoli kompatibbli ma' dawk previsti jew fit-Titolu II jew f'konvenzjoni konkluża bejn l-Istat ta' l-oriġini u l-Istat indirizzat li kienet fis-seħħ meta l-proċedimenti ġew istitwiti.

TITOLU VII

RELAZZJONI MAR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) NRU 44/2001 U STRUMENTI OĦRA

Artikolu 64

1.   Din il-Konvenzjoni m'għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-Komunità Ewropea tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar il-ġuriżdizjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, kif ukoll kwalunkwe emendi ta' l-istess, tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta' Sentenzi f'Materji Ċivili u Kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis-27 ta' Settembru 1968, u tal-Protokoll dwar l-interpretazzjoni ta' dik il-Konvenzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmat fil-Lussemburgu fit-3 ta' Ġunju 1971, kif emendati mill-Konvenzjonijiet ta' l-Adeżjoni ma' l-imsemmija Konvenzjoni u l-imsemmi Protokoll mill-Istati li jissieħbu fil-Komunitajiet Ewropej, kif ukoll tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, iffirmat fi Brussell fid-19 t' Ottubru 2005.

2.   Madankollu, din il-Konvenzjoni għandha fi kwalunkwe każ tiġi applikata:

(a)

f'materji ta' ġurisdizzjoni, meta l-konvenut ikun domiċiljat fit-territorju ta' Stat fejn tapplika din il-Konvenzjoni iżda mhux strument imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, jew fejn l-Artikoli 22 jew 23 ta' din il-Konvenzjoni jikkonferixxu ġurisdizzjoni lill-qrati ta' tali Stat;

(b)

in konnessjoni ma' lis pendens jew ma' kawżi relatati kif previst fl-Artikoli 27 u 28, fejn proċedimenti jiġu istitwiti fi Stat fejn tapplika l-Konvenzjoni iżda mhux strument imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u fi Stat fejn din il-Konvenzjoni kif ukoll strument imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu japplikaw;

(ċ)

f'materji ta' rikonoxximent u eżekuzzjoni, fejn jew l-Istat ta' l-oriġini jew l-Istat indirizzat ma japplikax strument imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

3.   Addizzjonalment għar-raġunijiet previsti fit-Titolu III, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni jistgħu jiġu miċħuda jekk ir-raġuni għall-ġurisdizzjoni li fuqha is-sentenza ġiet ibbażata tkun differenti minn dik li tirriżulta minn din il-Konvenzjoni u r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni jkunu mitluba kontra parti li tkun domiċiljata fi Stat fejn tapplika din il-Konvenzjoni iżda mhux strument imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu 1, ħlief jekk is-sentenza tista' diversament tiġi rikonoxxuta jew eżegwita skond kwalunkwe regola tal-liġi fl-Istat indirizzat.

Artikolu 65

Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 63(2), 66 u 67, din il-Konvenzjoni għandha, bejn l-Istati marbuta b'din il-Konvenzjoni, tieħu post il-konvenzjonijiet konklużi bejn tnejn jew aktar minnhom li jkopru l-istess materji bħal dawk li għalihom tapplika din il-Konvenzjoni. B'mod partikolari, għandha tieħu post il-konvenzjonijiet imsemmija fl-Anness VII.

Artikolu 66

1.   Il-konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 65 għandhom jibqgħu jkollhom effett fir-rigward ta' materji li għalihom ma tapplikax din il-Konvenzjoni.

2.   Għandhom jibqgħu jkollhom effett fir-rigward ta' sentenzi mogħtija u dokumenti formalment imfassla jew reġistrati bħala strumenti awtentiċi qabel id-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 67

1.   Din il-Konvenzjoni m'għandhiex tinċidi fuq kwalunkwe konvenzjoni li biha l-Partijiet Kontraenti u/jew l-Istati marbuta b'din il-Konvenzjoni jkunu marbuta u li, in konnessjoni ma' materji partikolari, tirregola l-ġurisdizzjoni jew ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta' sentenzi. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw minn xi ftehim ieħor bejn ċerti Partijiet Kontraenti, din il-Konvenzjoni m'għandhiex timpedixxi l-Partijiet Kontraenti milli jaderixxu ma' dawk il-konvenzjonijiet.

2.   Din il-Konvenzjoni m'għandhiex timpedixxi qorti ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni u b'konvenzjoni dwar materja partikolari milli tassumi ġurisdizzjoni skond dik il-konvenzjoni, anki meta l-konvenut ikun domiċiljat fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni li ma jkunx parti għal dik il-konvenzjoni. Il-qorti li tkun qed tisma' l-kawża għandha, fi kwalunkwe każ, tapplika l-Artikolu 26 ta' din il-Konvenzjoni.

3.   Is-sentenzi mogħtija, fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, minn qorti fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni prevista f'konvenzjoni dwar materja partikolari għandhom jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fl-Istati l-oħra marbuta b'din il-Konvenzjoni skond it-Titolu III ta' din il-Konvenzjoni.

4.   Addizzjonalment għar-raġunijiet previsti fit-Titolu III, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni jistgħu jiġu miċħuda jekk l-Istat indirizzat ma jkunx marbut bil-konvenzjoni dwar materja partikolari u l-persuna li kontriha jintalbu r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tkun domiċiljata f'dak l-Istat, jew, jekk l-Istat indirizzat ikun Stat Membru tal-Komunità Ewropea u fir-rigward ta' konvenzjonijiet li jkunu jridu jiġu konklużi mill-Komunità Ewropea, fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha, ħlief jekk is-sentenza tista' diversament tiġi rikonoxxuta jew eżegwita skond kwalunkwe regola tal-liġi fl-Istat indirizzat.

5.   Fejn konvenzjoni, dwar materja partikolari, li għaliha kemm l-Istat ta' l-oriġini kif ukoll l-Istat indirizzat ikunu partijiet, tistabbilixxi kondizzjonijiet għar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta' sentenzi, dawk il-kondizzjonijiet għandhom japplikaw. Fi kwalunkwe każ, jistgħu jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni li jikkonċernaw il-proċeduri għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi.

Artikolu 68

1.   Din il-Konvenzjoni m'għandhiex tinċidi fuq xi ftehim li bih Stati marbuta b'din il-Konvenzjoni aċċettaw, qabel id-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni, li ma jirrikonoxxux sentenzi mogħtija fi Stati oħra marbuta b'din il-Konvenzjoni kontra konvenuti domiċiljati jew abitwalment residenti fi Stat terz fejn, f'każijiet previsti fl-Artikolu 4, is-sentenza setgħet tkun ibbażata biss fuq raġuni ta' ġurisdizzjoni kif speċifikat fl-Artikolu 3(2). Mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw minn xi ftehim ieħor bejn ċerti Partijiet Kontraenti, din il-Konvenzjoni m'għandhiex timpedixxi lill-Partijiet Kontraenti milli jaderixxu ma' dawk il-konvenzjonijiet.

2.   Madankollu, Parti Kontraenti ma tistax tassumi obbligazzjoni, lejn Stat terz, li ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni minn qorti li tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-preżenza, f'dak l-Istat, ta' proprjetà tal-konvenut, jew il-qbid mill-attur ta' proprjetà li tinsab hemm:

(a)

jekk il-kawża titressaq sabiex tasserixxi jew tiddikjara drittijiet ta' proprjetà jew ta' pussess fuq dik il-proprjetà, tkun maħsuba sabiex tikseb l-awtorità sabiex tiddisponi minnha, jew tkun ġejja minn kwistjoni oħra relatata ma' dik il-proprjetà, jew

(b)

jekk il-proprjetà tikkostitwixxi l-garanzija għal dejn li jkun is-suġġett tal-kawża.

TITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 69

1.   Il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-firma mill-Komunità Ewropea, mid-Danimarka, u mill-Istati li, fiż-żmien tal-ftuħ għall-firma, ikunu Membri ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Liberu.

2.   Il-Konvenzjoni għandha tkun suġġetta għar-ratifika mill-Firmatarji. L-istrumenti tar-ratifika għandhom jiġu depożitati mal-Kunsill Federali Svizzeru, li għandu jaġixxi bħala d-Depożitarju ta' din il-Konvenzjoni.

3.   Fiż-żmien tar-ratifika, il-Partijiet Kontraenti jistgħu jippreżentaw dikjarazzjonijiet skond l-Artikoli I, II u III tal-Protokoll 1.

4.   Il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tas-sitt xahar li jiġi wara d-data li fiha l-Komunità Ewropea u Membru ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Liberu jiddepożitaw l-istrumenti tar-ratifika tagħhom.

5.   Il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fir-rigward ta' kwalunkwe Parti oħra fl-ewwel jum tat-tielet xahar li jiġi wara d-depożitu ta' l-istrument tar-ratifika tagħha.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(3) tal-Protokoll 2, din il-Konvenzjoni għandha tieħu post il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali magħmula f'Lugano fis-16 ta' Settembru 1988 mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha skond il-paragrafi 4 u 5 hawn fuq. Kwalunkwe referenza għall-Konvenzjoni ta' Lugano ta' l-1988 fi strumenti oħra għandha tinftiehem bħala referenza għal din il-Konvenzjoni.

7.   Sa fejn ikunu konċernati r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u t-territorji mhux Ewropej imsemmija fl-Artikolu 70(1)(b), il-Konvenzjoni għandha tieħu post il-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta' Sentenzi f'Materji Ċivili u Kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis-27 ta' Settembru 1968, u l-Protokoll dwar l-interpretazzjoni ta' dik il-Konvenzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmat fil-Lussemburgu fit-3 ta' Ġunju 1971, kif emendati mill-Konvenzjonijiet ta' Adeżjoni ma' l-imsemmija Konvenzjoni u ma' l-imsemmi Protokoll mill-Istati li jissieħbu fil-Komunitajiet Ewropej, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni fir-rigward ta' dawn it-territorji skond l-Artikolu 73(2).

Artikolu 70

1.   Wara li tidħol fis-seħħ, din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-adeżjoni minn dawn li ġejjin:

(a)

l-Istati li, wara l-ftuħ għall-firma ta' din il-Konvenzjoni, isiru Membri ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Liberu, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 71;

(b)

l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea li jaġixxu f'isem ċerti territorji mhux Ewropej li jkunu parti mit-territorju ta' dak l-Istat Membru jew li għar-relazzjonijiet esterni ta' dak l-Istat Membru huma jkunu responsabbli, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 71;

(ċ)

kwalunkwe Stat ieħor, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 72.

2.   L-Istati msemmija fil-paragrafu 1, li jixtiequ jsiru Parti Kontraenti għal din il-Konvenzjoni, għandhom jindirizzaw l-applikazzjoni tagħhom lid-Depożitarju. L-applikazzjoni, inkluża l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 71 u 72 għandha tkun akkumpanjata minn traduzzjoni għall-Ingliż u għall-Franċiż.

Artikolu 71

1.   Kwalunkwe Stat imsemmi fl-Artikolu 70(1)(a) u (b) li jixtieq isir Parti Kontraenti għal din il-Konvenzjoni

(a)

għandu jikkomunika l-informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni;

(b)

jista' jippreżenta dikjarazzjonijiet skond l-Artikoli I u III tal-Protokoll 1.

2.   Id-Depożitarju għandu jibgħat kwalunkwe informazzjoni li jirċievi skond il-paragrafu 1 lill-Partijiet Kontraenti l-oħra qabel jiġi depożitat l-istrument ta' adeżjoni mill-Istat konċernat.

Artikolu 72

1.   Kwalunkwe Stat imsemmi fl-Artikolu 70(1)(ċ) li jixtieq isir Parti Kontraenti għal din il-Konvenzjoni

(a)

għandu jikkomunika l-informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni;

(b)

jista' jippreżenta dikjarazzjonijiet skond l-Artikoli I u III ta' Protokoll 1; u

(ċ)

għandu jipprovdi lid-Depożitarju b'informazzjoni, partikolarment dwar:

(1)

is-sistema ġudizzjarja tiegħu, inkluża informazzjoni dwar il-ħatra u l-indipendenza ta' l-imħallfin;

(2)

il-liġi interna tiegħu li tikkonċerna l-proċedura ċivili u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi; u

(3)

id-dritt internazzjonali privat tiegħu relatat mal-proċedura ċivili.

2.   Id-Depożitarju għandu jibgħat kwalunkwe informazzjoni li jirċievi skond il-paragrafu 1 lill-Partijiet Kontraenti l-oħra qabel jistieden lill-Istat konċernat sabiex jaderixxi skond il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, id-Depożitarju għandu jistieden lill-Istat konċernat sabiex jaderixxi biss jekk ikun kiseb il-kunsens unanimu tal-Partijiet Kontraenti. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jagħtu l-kunsens tagħhom mhux aktar tard minn sena wara l-istedina tad-Depożitarju.

4.   Il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ biss f'relazzjonijiet bejn l-Istat aderenti u l-Partijiet Kontraenti li ma jkunux ressqu xi oġġezzjoni għall-adeżjoni qabel l-ewwel jum tat-tielet xahar wara li jiġi depożitat l-istrument ta' l-adeżjoni.

Artikolu 73

1.   L-istrumenti ta' l-adeżjoni għandhom jiġu depożitati mad-Depożitarju.

2.   Fir-rigward ta' Stat aderenti msemmi fl-Artikolu 70, il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tielet xahar wara d-depożitu ta' l-istrument ta' l-adeżjoni tiegħu. Minn dak il-ħin, l-Istat aderenti għandu jitqies bħala Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni.

3.   Kwalunkwe Parti Kontraenti tista' tippreżenta lid-Depożitarju test ta' din il-Konvenzjoni fil-lingwa jew lingwi tal-Parti Kontraenti konċernata, li għandu jkun awtentiku jekk hekk jiġi miftiehem mill-Partijiet Kontraenti skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll 2.

Artikolu 74

1.   Din il-Konvenzjoni hija konkluża għal perjodu indefinit.

2.   Kwalunkwe Parti Kontraenti tista', fi kwalunkwe żmien, tirrinunzja l-Konvenzjoni billi tibgħat notifika lid-Depożitarju.

3.   Ir-rinunzja għandha jkollha effett fl-aħħar tas-sena kalendarja li tiġi wara li jiskadi perjodu ta' sitt xhur mid-data li fiha d-Depożitarju jirċievi n-notifika tar-rinunzja.

Artikolu 75

Is-segwenti huma mehmuża ma' din il-Konvenzjoni:

il-Protokoll 1, dwar ċerti kwistjonijiet ta' ġurisdizzjoni, ta' proċedura u ta' l-eżekuzzjoni;

il-Protokoll 2, dwar l-interpretazzjoni uniformi ta' din il-Konvenzjoni u dwar il-Kumitat Permanenti;

il-Protokoll 3, dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 67 ta' din il-Konvenzjoni;

l-Annessi I sa IV u l-Anness VII, b'informazzjoni relatata ma' l-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni;

l-Annessi V u VI, li fihom iċ-ċertifikati msemmija fl-Artikoli 54, 58 u 57 ta' din il-Konvenzjoni;

L-Anness VIII, li fih il-lingwi awtentiċi msemmija fl-Artikolu 79 ta' din il-Konvenzjoni; u

l-Anness IX, li jikkonċerna l-applikazzjoni ta' l-Artikolu II ta' Protokoll 1.

Dawn il-Protokolli u l-Annessi għandhom jifformaw parti integrali minn din il-Konvenzjoni.

Artikolu 76

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 77, kwalunkwe Parti Kontraenti tista' titlob ir-reviżjoni ta' din il-Konvenzjoni. Għal dan il-għan, id-Depożitarju għandu jlaqqa' lill-Kumitat Permanenti kif stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Protokoll 2.

Artikolu 77

1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkomunikaw lid-Depożitarju t-test ta' kwalunkwe dispożizzjonijiet tal-liġijiet li jemendaw il-listi stabbiliti fl-Annessi I sa IV kif ukoll kwalunkwe tħassir jew tiżjid fil-lista stabbilita fl-Anness VII u d-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom. Dik il-komunikazzjoni għandha ssir fi żmien raġonevoli qabel id-dħul fis-seħħ u tkun akkumpanjata minn traduzzjoni għall-Ingliż u għall-Franċiż. Id-Depożitarju għandu jadatta l-Annessi konċernati kif meħtieġ, wara li jkun ikkonsulta lill-Kumitat Permanenti skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll 2. Għal dak il-għan, il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu traduzzjoni ta' l-adattamenti għal-lingwa tagħhom.

2.   Kwalunkwe emenda fl-Annessi V sa VI u VIII sa IX ta' din il-Konvenzjoni għandha tiġi adottata mill-Kumitat Permanenti skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll 2.

Artikolu 78

1.   Id-Depożitarju għandu jinnotifika lill-Partijiet Kontraenti dwar:

(a)

id-depożitu ta' kull strument ta' ratifika jew adeżjoni;

(b)

id-dati tad-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni fir-rigward tal-Partijiet Kontraenti;

(ċ)

kwalunkwe dikjarazzjoni li jirċievi skond l-Artikoli I sa IV tal-Protokoll 1;

(d)

kwalunkwe komunikazzjoni magħmula skond l-Artikolu 74(2), l-Artikolu 77(1) u paragrafu 4 tal-Protokoll 3.

2.   In-notifiki jiġu akkumpanjati minn traduzzjonijiet għall-Ingliż u għall-Franċiż.

Artikolu 79

Il-Konvenzjoni, imfassla f'oriġinal wieħed bil-lingwi elenkati fl-Anness VIII, bit-testi kollha ugwalment awtentiċi, għandha tiġi depożitata fl-Arkivji Federali Svizzeri. L-Arkivji Federali Svizzeri għandhom jibgħatu kopja ċertifikata lil kull Parti Kontraenti.

B'XIEHDA TA' DAN, il-Plenipotenzjarji, sottoskritti, iffirmaw din il-Konvenjoni.

Съставено в Лугано на тридесети октомври две хиляди и седма година.

Hecho en Lugano el treinta de octubre de dos mil siete.

V Luganu dne třicátého října dva tisíce sedm.

Udfærdiget i Lugano, den tredivte oktober to tusind og syv.

Geschehen zu Lugano am dreißigsten Oktober zweitausendsieben.

Lugano, kolmekümnes oktoober kaks tuhat seitse

Έγινε στο Λουγκάνο στις τριάντα Οκτωβρίου του έτους δύο χιλιάδες επτά.

Done at Lugano, on the thirtieth day of October in the year two thousand and seven.

Fait à Lugano, le trente octobre deux mille sept.

Arna dhéanamh in Lugano, an tríochadú lá de Dheireadh Fómhair sa bhliain dhá mhíle a seacht.

Fatto a Lugano, addì trenta ottobre duemilasette

Gerður í Lúganó þrítugasta dag október mánaðar árið tvö þúsund og sjö.

Lugâno, divi tûkstoði septîtâ gada trîsdesmitajâ oktobrî.

Priimta Lugane, du tûkstanèiai septintais metais spalio trisdeðimtà dienà.

Kelt Luganóban, a kétezer-hetedik év október havának harmincadik napján.

Magħmul f'Lugano, fit-tlettax-il jum ta' Ottubru fis-sena elfejn u seba'.

Gedaan te Lugano, op dertig oktober tweeduizend zeven.

Utferdiget i Lugano den trettiende oktober totusenogsyv.

Sporządzono w Lugano dnia trzydziestego października dwa tysiące siódmego roku

Feito em Lugano, aos trinta dias de Outubro do ano de dois mil e sete

Încheiatã la Lugano, la treizeci octombrie anul douã mii șapte.

V Lugane tridsiateho októbra dvetisícsedem.

Sestavljeno v Luganu, tridesetega oktobra leta dva tisoč sedem.

Tehty Luganossa kolmantenakymmenentenä päivänä lokakuuta vuonna kaksituhattaseitsemän.

Utfärdad i Lugano den trettionde oktober år tjugohundrasju.

За Европейската общност

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenstvi

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Thar ceann an Chomhphobail Eorpaigh

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Thar ceann an Chomhphobail Eorpaigh

Per la Comunità europea

Europos bendrijos vārdā

az Európai Közösség részéröl

Għall-Komunità Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólnoty Europejskiej

Pela Comunidade Europeia

Pentru Comunitatea Europeană

Za Európske spoločenstvo

Za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

På Europeiska gemenskapens vägnar

Image

Image

For Kongeriget Danmark

Image

Fyrir hönd lýðveldisins Íslands

Image

For Kongeriket Norge

Image

Für die Schweizerische Eidgenossenschaft

Pour la Confédération suisse

Per la Confederazione svizzera

Image


PROTOKOLL 1

dwar ċerti kwistjonijiet ta' ġurisdizzjoni, proċedura u eżekuzzjoni


IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu I

1.   Id-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji mfassla fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, li jridu jiġu notifikati lil persuni fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni għandhom jiġu mibgħuta skond il-proċeduri stabbiliti fil-konvenzjonijiet u kwalunkwe ftehim applikabbli bejn dawn l-Istati.

2.   Ħlief jekk il-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha għandha ssir in-notifika toġġezzjona permezz ta' dikjarazzjoni lid-Depożitarju, dawk id-dokumenti jistgħu jintbagħtu wkoll mill-uffiċjali pubbliċi inkarigati ta' l-Istat li fih tħejja d-dokument, direttament lill-uffiċjali pubbliċi inkarigati ta' l-Istat li fih ikun jinsab id-destinatarju. F'dan il-każ l-uffiċjal ta' l-Istat ta' l-oriġini għandu jibgħat kopja tad-dokument lill-uffiċjal ta' l-Istat li lilu ssir l-applikazzjoni, li jkun kompetenti li jibgħatha lid-destinatarju. Id-dokument għandu jintbagħat bil-mod speċifikat bil-liġi ta' l-Istat li lilu ssir l-applikazzjoni. Dak li jkun intbagħat għandu jiġi reġistrat permezz ta' ċertifikat li jintbagħat direttament lill-uffiċjal ta' l-Istat ta' l-oriġini.

3.   L-Istati Membri tal-Komunità Ewropea marbuta bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 jew bil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar in-notifika ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji f'materji ta' natura ċivili u kummerċjali, ffirmata fi Brussell fid-19 ta' Ottubru 2005, għandhom japplikaw fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, dak ir-Regolament u dak il-Ftehim.

Artikolu II

1.   Il-ġurisdizzjoni speċifikata fl-Artikoli 6(2) u 11 f'kawżi dwar garanzija jew fi kwalunkwe proċedimenti ta' partijiet terzi tista' ma tiġix invokata għal kollox fl-Istati marbuta b'din il-Konvenzjoni msemmija fl-Anness IX. Kwalunkwe persuna domiċiljata fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni tista' tiġi mħarrka fil-qrati ta' dawn l-Istati skond ir-regoli msemmija fl-Anness IX.

2.   Fil-ħin tar-ratifika l-Komunità Ewropea tista' tiddikjara li l-proċedimenti msemmija fl-Artikoli 6(2) u 11 ma jistgħux jiġu nvokati f'xi Stati Membri oħra u tipprovdi informazzjoni dwar ir-regoli li għandhom japplikaw.

3.   Sentenzi mogħtija fl-Istati l-oħra marbuta b'din il-Konvenzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 6(2) jew l-Artikolu 11 għandhom jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fl-Istati msemmija fil-paragrafi 1 u 2 skond it-Titolu III. Kwalunkwe effetti li sentenzi mogħtija f'dawn l-Istati jista' jkollhom fuq partijiet terzi bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ukoll jiġu rikonoxxuti fl-Istati l-oħra marbuta b'din il-Konvenzjoni.

Artikolu III

1.   L-Iżvizzera tirriżerva d-dritt li meta tirratifika tiddikjara li ma hix se tapplika s-segwenti parti tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 34(2):

“ħlief jekk il-konvenut naqas li jistitwixxi proċedimenti sabiex jikkontesta s-sentenza meta kien possibbli għalih li jagħmel dan”.

Jekk l-Iżvizzera tagħmel dik id-dikjarazzjoni, il-Partijiet Kontraenti l-oħra għandhom japplikaw l-istess riserva fir-rigward ta' sentenzi mogħtija mill-qrati ta' l-Iżvizzera.

2.   Il-Partijiet Kontraenti jistgħu, fir-rigward ta' sentenzi mogħtija fi Stat aderenti msemmi fl-Artikolu 70(1)(ċ), permezz ta' dikjarazzjoni jirriżervaw:

(a)

id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1, u

(b)

id-dritt ta' awtorità msemmija fl-Artikolu 39, minkejja d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 41, li teżamina minn jeddha jekk kwalunkwe waħda mir-raġunijiet għaċ-ċaħda tar-rikonoxximent u ta' l-eżekuzzjoni ta' sentenza tkunx preżenti jew le.

3.   Jekk Parti Kontraenti tkun għamlet dik ir-riserva fir-rigward ta' Stat aderenti imsemmi fil-paragrafu 2, dan l-Istat aderenti jista' b'dikjarazzjoni jirriserva l-istess dritt fir-rigward ta' sentenzi mogħtija mill-qrati ta' dik il-Parti Kontraeni.

4.   Ħlief għar-riserva msemmija fil-paragrafu 1, id-dikjarazzjonijiet huma validi għal perjodi ta' ħames snin u jiġġeddu fl-aħħar ta' dawk il-perjodi. Il-Parti Kontraenti għandha tinnotifika t-tiġdid ta' dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 mhux aktar tard minn sitt xhur qabel jgħaddi dak il-perjodu. Stat aderenti jista' jġedded id-dikjarazzjoni tiegħu magħmula skond il-paragrafu 3 biss wara t-tiġdid tad-dikjarazzjoni rispettiva skond il-paragrafu 2.

Artikolu IV

Id-dikjarazzjonijiet imsemmija f'dan il-Protokoll jistgħu jiġu rtirati fi kwalunkwe żmien b'notifika lid-Depożitarju. In-notifika għandha tkun akkumpanjata bi traduzzjoni għall-Ingliż u għall-Franċiż. Il-Partijiet Kontraenti jipprovdu għal traduzzjonijiet għall-lingwi tagħhom. Kwalunkwe irtirar bħal dak għandu jkollu effett mill-ewwel jum tat-tielet xahar li jiġi wara dik in-notifika.


PROTOKOLL 2

dwar l-interpretazzjoni uniformi tal-Konvenzjoni u dwar il-kumitat permanenti

PREAMBOLU

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WARA LI KKUNSIDRAW l-Artikolu 75 ta' din il-Konvenzjoni,

WARA LI KKUNSIDRAW ir-rabta sostanzjali bejn din il-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni ta' Lugano ta' l-1988, u l-istrumenti msemmija fl-Artikolu 64(1) ta' din il-Konvenzjoni,

WARA LI KKUNSIDRAW li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijet ta' l-istrumenti msemmija fl-Artikolu 64(1) ta' din il-Konvenzjoni,

WARA LI KKUNSIDRAW li din il-Konvenzjoni ssir parti mir-regoli tal-Komunità u li għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni fir-rigward ta' l-applikazzjoni mill-qrati ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea,

KONXJI mid-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-interpretazzjoni ta' l-istrumenti msemmija fl-Artikolu 64(1) ta' din il-Konvenzjoni saż-żmien ta' l-iffirmar ta' din il-Konvenzjoni, u tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta' Lugano ta' l-1988 dwar din il-Konvenzjoni ta' l-aħħar saż-żmien ta' l-iffirmar ta' din il-Konvenzjoni,

WARA LI KKUNSIDRAW li r-revizjoni parallela ta' kemm il-Konvenzjoni ta' Lugano ta' l-1988 kif ukoll dik ta' Brussell, li wasslet għall-konklużjoni ta' test rivedut għal dawn il-Konvenzjonijiet, kienet ibbażata sostanzjalment fuq id-deċiżjonjiet fuq imsemmija dwar il-Konvenzjonijiet ta' Brussell ta' l-1968 u ta' Lugano ta' l-1988,

WARA LI KKUNSIDRAW li t-test rivedut tal-Konvenzjoni ta' Brussell ġie inkorporat, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam, fir-Regolament (KE) Nru 44/2001,

WARA LI KKUNSIDRAW li dan it-test rivedut jikkostitwixxi wkoll il-bażi għat-test ta' din il-Konvenzjoni,

WAQT LI JIXTIEQU jevitaw, b'rispett sħiħ lejn l-indipendenza tal-qrati, interpretazzjonijiet diverġenti u li jaslu għal interpretazzjoni uniformi daqs kemm hu possibbli tad-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni u ta' dawk tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 li huma riprodotti sostanzjalment f'din il-Konvenzjoni u ta' strumenti oħra msemmija fl-Artikolu 64(1) ta' din il-Konvenzjoni,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Kwalunkwe qorti li tapplika u tinterpreta din il-Konvenzjoni għandha tagħti l-kunsiderazzjoni mistħoqqa lill-prinċipji stabbiliti minn kwalunkwe deċiżjoni rilevanti li tikkonċerna dispożizzjonijiet konċernati jew kwalunkwe dispożizzjoni simili tal-Konvenzjoni ta' Lugano ta' l-1988 u l-istrumenti msemmija fl-Artikolu 64(1) ta' din il-Konvenzjoni mogħtija mill-qrati ta' l-Istati marbuta b'din il-Konvenzjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

2.   Għall-qrati ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom fir-rigward tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej li jirriżultaw mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jew mill-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, ffirmat fi Brussell fid-19 ta’Ottubru 2005.

Artikolu 2

Kwalunkwe Stat marbut b'din il-Konvenzjoni u li mhuwiex Stat Membru tal-Komunità Ewropea huwa intitolat li jippreżenta dikjarazzjonijiet dwar il-każ jew osservazzjonijiet bil-miktub, skond l-Artikolu 23 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, fejn qorti jew tribunal ta' Stat Membru tal-Komunità Ewropea jirriferu xi kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' din il-Konvenzjoni jew ta' l-istrumenti msemmija fl-Artikolu 64(1) ta' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tistabbilixxi sistema ta' skambju ta' informazzjoni li tikkonċerna sentenzi rilevanti mogħtija skond din il-Konvenzjoni kif ukoll sentenzi rilevanti skond il-Konvenzjoni ta' Lugano ta' l-1988 u l-istrumenti msemmija fl-Artikolu 64(1) ta' din il-Konvenzjoni. Din is-sistema għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku u jkun fiha sentenzi mogħtija mill-qrati ta' l-aħħar istanza u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll sentenzi ta' importanza partikolari li saru finali u li ngħataw skond din il-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni ta' Lugano ta' l-1988, u l-istrumenti msemmija fl-Artikolu 64(1) ta' din il-Konvenzjoni. Is-sentenzi għandhom jiġu kklassifikati u pprovduti flimkien ma' sommarju.

Is-sistema għandha tinkludi t-trażmissjoni, lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati marbuta b'din il-Konvenzjoni, ta' sentenzi kif imsemmija aktar ‘il fuq mogħtija mill-qrati ta' dawn l-Istati.

2.   L-għażla ta' każijiet ta' interess partikolari għall-funzjonament korrett tal-Konvenzjoni għandha ssir mir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, li għandu jippreżenta l-ġurisprudenza magħżula fil-laqgħa ta' l-esperti skond l-Artikolu 5 ta' dan il-Protokoll.

3.   Sa meta l-Komunitajiet Ewropej ikunu stabbilixxew is-sistema skond il-paragrafu 1, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandha żżomm is-sistema għall-iskambju ta' l-informazzjoni stabbilita mill-Protokoll 2 tal-Konvenzjoni ta' Lugano ta' l-1988 għal sentenzi mogħtija skond din il-Konvenzjoni u l-Konvenzjoni ta' Lugano ta' l-1988.

Artikolu 4

1.   Għandu jiġi stabbilit Kumitat Permanenti, kompost minn rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti.

2.   Fuq talba ta' Parti Kontraenti, id-Depożitarju tal-Konvenzjoni għandu jsejjaħ laqgħat tal-Kumitat għall-finijiet ta':

konsultazzjoni dwar ir-relazzjoni bejn din il-Konvenzjoni u strumenti oħra internazzjonali;

konsultazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 67, inklużi adeżjonijiet ippjanati ma' strumenti dwar materji partikolari skond l-Artikolu 67(1) u l-leġiżlazzjoni proposta skond il-Protokoll 3;

il-kunsiderazzjoni ta' l-adeżjoni ta' Stati ġodda. B'mod partikolari, il-Kumitat jista' jistaqsi lil Stati aderenti msemmija fl-Artikolu 70(1)(ċ) mistoqsijiet dwar is-sistema ġudizzjarja tagħhom u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Il-Kumitat jista' wkoll jikkunsidra adattamenti possibbli għall-Konvenzjoni, neċessarji għall-applikazzjoni tagħha fl-Istati aderenti;

l-aċċettazzjoni ta' verżjonijiet awtentiċi f'lingwi ġodda skond l-Artikolu 73(3) ta' din il-Konvenzjoni u l-emendi neċessarji għall-Anness VIII;

konsultazzjoni dwar reviżjoni tal-Konvenzjoni skond l-Artikolu 76;

konsultazzjoni dwar emendi fl-Annessi I sa IV u fl-Anness VII skond l-Artikolu 77(1);

l-adozzjoni ta' l-emendi fl-Annessi V u VI skond l-Artikolu 77(2);

l-irtirar tar-riservi u tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Partijiet Kontraenti skond il-Protokoll 1 u l-emendi neċessarji għall-Anness IX.

3.   Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli proċedurali li jikkonċernaw il-funzjonament u l-proċedura deċiżjonali tiegħu. Dawn ir-regoli għandhom jipprovdu għall-possibbiltà ta' konsultazzjoni u deċiżjoni permezz ta' proċedura bil-miktub.

Artikolu 5

1.   Id-Depożitarju jista' jsejjaħ, kull meta jkun neċessarju, laqgħa ta' l-esperti għall-iskambju ta' opinjonijiet dwar il-funzjonament tal-Konvenzjoni, b'mod partikolari dwar l-iżvilupp tal-ġurisprudenza u ta' leġiżlazzjoni ġdida li tista' tinfluwenza l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni.

2.   Din il-laqgħa għandha tkun komposta minn esperti tal-Partijiet Kontraenti, ta' l-Istati marbuta b'din il-Konvenzjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, u ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Liberu. Għandha tkun miftuħa għal kwalunkwe esperti oħra li l-preżenza tagħhom tkun meqjusa xierqa.

3.   Kwalunkwe problemi li jirriżultaw dwar il-funzjonament tal-Konvenzjoni jistgħu jiġu riferiti lill-Kumitat Permanenti msemmi fl-Artikolu 4 ta' dan il-Protokoll għal azzjoni ulterjuri.


PROTOKOLL 3

dwar l-applikazzjoni ta' l-artikolu 67 tal-konvenzjoni


IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA FTIEHMU KIF ĠEJ:

1.

Għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni, d-dispożizzjonijiet li, in konnessjoni ma' materji partikolari, jirregolaw il-ġurisdizzjoni jew ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta' sentenzi u li huma jew ser jiġu inklużi f'atti ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej għandhom jiġu trattati bl-istess mod bħall-konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 67(1).

2.

Jekk wieħed mill-Partijiet Kontraenti jkun ta' l-opinjoni li dispożizzjoni nkluża f'att propost ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej tkun inkompatibbli mal-Konvenzjoni, il-Partijiet Kontraenti għandhom minnufih jikkunsidraw li jemendaw il-Konvenzjoni skond l-Artikolu 76, mingħajr preġudizzju għall-proċedura stabbilita mill-Protokoll 2.

3.

Fil-każ fejn il-Parti Kontraenti jew diversi Partijiet flimkien jinkorporaw uħud mid-dispożizzjonijiet jew id-dispożizzjonijiet kollha inklużi f'atti ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea, msemmija fil-paragrafu 1, fil-liġi nazzjonali, dawn id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali għandhom jiġu trattati bl-istess mod bħall-konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 67(1).

4.

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibgħatu lid-Depożitarju it-test tad-dispożizzjonijiet imsemmija imsemmija fil-paragrafu 3. Din għandha tkun akkumpanjata minn traduzzjoni għall-Ingliż u għall-Franċiż.


ANNESS I

Ir-regoli tal-ġurisdizzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) u 4(2) tal-Konvenzjoni huma s-segwenti:

fil-Belġju: l-Artikoli 5 sa 14 tal-Liġi tas-16 ta' Lulju 2004 dwar id-dritt internazzjonali privat,

fil-Bulgarija: l-Artikolu 4(1) tal-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat,

fir-Repubblika Ċeka: l-Artikolu 86 ta' l-Att Nru 99/1963 Koll., il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (občanský soudní řád), kif emendat,

fid-Danimarka: l-Artikolu 246(2) u (3) ta' l-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (Lov om rettens pleje),

fil-Ġermanja: l-Artikolu 23 tal-kodiċi ta' proċedura ċivili (Zivilprozeßordnung),

fl-Estonja: il-Paragrafu 86 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (tsiviilkohtumenetluse seadustik),

fil-Greċja: l-Artikolu 40 tal-kodiċi ta' proċedura ċivili (Κώδικας Πολιτικής Δικονομίας),

fi Franza: l-Artikoli 14 u 15 tal-kodiċi ċivili (Code civil),

fl-Iżlanda: l-Artikolu 32 paragrafu 4 ta' l-Att tal-Proċedimenti Ċivili (Lög um meðferð einkamála nr. 91/1991),

fl-Irlanda: ir-regoli li jgħamluha possibbli li l-ġurisdizzjoni tkun ibbażata fuq in-notifika tad-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti lill-konvenut waqt il-preżenza temporanja tiegħu fl-Irlanda,

fl-Italja: l-Artikoli 3 u 4 ta' l-Att 218 tal-31 ta' Mejju 1995,

f'Ċipru: taqsima 21(2) tal-Liġi tal-Qrati tal-Ġustizzja Nru 14 ta' l-1960, kif emendata,

fil-Latvja: taqsima 27 u paragrafi 3, 5, 6 u 9 tat-taqsima 28 tal-Liġi tal-Proċedura Ċivili (Civilprocesa likums),

fil-Litwanja: l-Artikolu 31 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Civilinio proceso kodeksas),

fil-Lussemburgu: l-Artikoli 14 u 15 tal-kodiċi ċivili (Code civil),

fl-Ungerija: l-Artikolu 57 tad-Digriet tal-Liġi Nru 13 ta' l-1979 dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (a nemzetközi magánjogról szóló 1979. évi 13. törvényerejű rendelet),

f'Malta: l-Artikoli 742, 743 u 744 tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili – Kap. 12 (Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili – Kap. 12) u l-Artikolu 549 tal-Kodiċi tal-Kummerċ – Kap. 13 (Kodiċi tal-kummerċ – Kap. 13),

fin-Norveġja: Taqsima 4-3(2) it-tieni sentenza ta' l-Att dwar it-Disputi (tvisteloven),

fl-Awstrija: l-Artikolu 99 tal-Liġi dwar il-Ġurisdizzjoni tal-qorti (Juriżdiktionsnorm),

fil-Polonja: l-Artikoli 1103 u 1110 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (Kodeks postępowania cywilnego), safejn jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni abbażi tar-residenza tal-konvenut fil-Polonja, il-pussess mill-konvenut ta' proprjetà fil-Polonja jew il-jedd tiegħu għal drittijiet ta' proprjetà fil-Polonja, il-fatt li s-suġġett tad-disputa jkun jinsab il-Polonja u l-fatt li wieħed mill-partijiet ikun ċittadin Pollakk,

fil-Portugall: l-Artikolu 65 u l-Artikolu 65 A tal-kodiċi ta' proċedura ċivili (Código de Processo Civil) u l-Artikolu 11 tal-kodiċi ta' proċedura dwar l-impjiegi (Código de Processo de Trabalho),

fir-Rumanija: l-Artikoli 148-157 ta' Liġi Nru 105/1992 dwar Relazzjonijiet tad-Dritt Internazzjonali Privat,

fis-Slovenja: l-Artikolu 48(2) ta' l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat u l-Proċedura (Zakon o mednarodnem zasebnem pravu in postopku) in konnessjoni ma' l-Artikolu 47(2) ta' l-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o pravdnem postopku) u l-Artikolu 58 ta' l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat u l-Proċedura (Zakon o mednarodnem zasebnem pravu in postopku) in konnessjoni ma' l-Artikolu 59 ta' l-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o pravdnem postopku),

fis-Slovakkja: l-Artikoli 37 sa 37e ta' l-Att Nru 97/1963 dwar id-Dritt Internazzjonali Privat u r-Regoli ta' Proċedura relatati miegħu,

fl-Iżvizzera: le for du lieu du séquestre/Gerichtsstand des Arrestortes /foro del luogo del sequestro fit-tifsira ta' l-Artikolu 4 tal-loi fédérale sur le droit international privé/Bundesgesetz über das internationale Privatrecht/legge federale sul diritto internazionale privato,

fil-Finlandja: it-tieni, it-tielet u r-raba' sentenzi ta' l-ewwel paragrafu ta' Taqsima 1 tal-Kapitolu 10 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ġudizzjarja (oikeudenkäymiskaari/rättegångsbalken),

fl-Iżvezja: l-ewwel sentenza ta' l-ewwel paragrafu ta' Taqsima 3 tal-Kapitolu 10 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ġudizzjarja (rättegångsbalken),

fir-Renju Unit: ir-regoli li jagħmluha possibbli li l-ġurisdizzjoni tkun ibbażata fuq:

(a)

in-notifika tad-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti kontra l-konvenut waqt il-preżenza temporanja tiegħu fir-Renju Unit, jew

(b)

il-preżenza fir-Renju Unit ta' proprjetà li tappartjeni lill-konvenut, jew

(ċ)

il-qbid mill-attur ta' proprjetà li tinsab fir-Renju Unit.


ANNESS II

Il-qrati jew awtoritajiet kompetenti li lilhom tista' tiġi preżentata l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 39 tal-Konvenzjoni huma s-segwenti:

fil-Belġju: it-“tribunal de première instance” jew “rechtbank van eerste aanleg” jew “erstinstanzliches Gericht”,

fil-Bulgarija: il-“Софийски градски съд”,

fir-Repubblika Ċeka: l-“okresní soud” jew “soudní exekutor”,

fid-Danimarka: il-“byret”,

fil-Ġermanja:

(a)

l-imħallef li jippresiedi awla tal-“Landgericht”,

(b)

nutar fi proċedura ta' dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà ta' strument awtentiku,

fl-Estonja: il-“maakohus” (qorti tal-kontea),

fil-Greċja: il-“Μονομελές Πρωτοδικείο”,

fi Spanja: il-“Juzgado de Primera Instancia”,

fi Franza:

(a)

il-“greffier en chef du tribunal de grande instance”,

(b)

il-“président de la chambre départementale des notaires” fil-każ ta' applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà ta' strument notarili awtentiku,

fl-Irlanda: il-High Court,

fl-Iżlanda: il-“héraðsdómur”,

fl-Italja: il-“corte d'appello”,

f'Ċipru: il-“Επαρχιακό Δικαστήριο” jew fil-każ ta' sentenza dwar il-manteniment il-“Οικογενειακό Δικαστήριο”,

fil-Latvja: il-“rajona (pilsētas) tiesa”,

fil-Litwanja: il-“Lietuvos apeliacinis teismas”,

fil-Lussemburgu: l-imħallef li jippresiedi t-“tribunal d'arrondissement”,

fl-Ungerija: il-“megyei bíróság székhelyén működő helyi bíróság”, u f'Budapest il-“Budai Központi Kerületi Bíróság”,

f'Malta: il-Prim' Awla tal-Qorti Ċivili jew il-Qorti tal-Maġistrati ta' Għawdex fil-ġurisdizzjoni superjuri tagħha, jew, fil-każ ta' sentenza dwar il-manteniment, ir-Reġistratur tal-Qorti wara li tkun mibgħuta lilu mill-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja,

fl-Olanda: il-“voorzieningenrechter van de rechtbank”,

fin-Norveġja: it-“tingrett”,

fl-Awstrija: il-“Bezirksgericht”,

fil-Polonja: is-“sąd okręgowy”,

fil-Portugall: it-“Tribunal de Comarca”,

fir-Rumanija: it-“Tribunal”,

fis-Slovenja: l-“okrožno sodišče”,

fis-Slovakkja: l-“okresný súd”,

fl-Iżvizzera:

(a)

fir-rigward ta' sentenzi li jordnaw il-ħlas ta' somma flus, il-“juge de la mainlevée”/“Rechtsöffnungsrichter”/“giudice competente a pronunciare sul rigetto dell'opposizione”, fil-kuntest tal-proċedura regolata mill-Artikoli 80 u 81 tal-loi fédérale sur la poursuite pour dettes et la faillite /Bundesgesetz über Schuldbetreibung und Konkurs/legge federale sulla esecuzione e sul fallimento.

(b)

fir-rigward ta' sentenzi li jordnaw l-adempjiment ħlief il-ħlas ta' somma flus, il-“juge cantonal d'exequaturcompétent /zuständigerkantonaler Vollstreckungsrichter”/“giudice cantonalecompetente a pronunciare l'exequatur,

fil-Finlandja: il-“käräjäoikeus/tingsrätt”,

fl-Iżvezja: is-“Svea hovrätt”,

fir-Renju Unit:

(a)

fl-Ingilterra u Wales, il-“High Court of Justice”, jew fil-każ ta' sentenza dwar il-manteniment, il-Qorti tal-Maġistrati, wara li tkun mibgħuta lilha mis-Segretarju ta' l-Istat,

(b)

fl-Iskozja, il-“Court of Session”, jew fil-każ ta' sentenza dwar il-manteniment, ix-“Sheriff Court” wara li tkun mibgħuta lilha mis-Segretarju ta' l-Istat,

(ċ)

fl-Irlanda ta' Fuq, il-“High Court of Justice”, jew fil-każ ta' sentenza dwar il-manteniment, il-Qorti tal-Maġistrati wara li tkun mibgħuta lilha mis-Segretarju ta' l-Istat,

(d)

f'Ġibiltà, il-Qorti Suprema ta' Ġibiltà, jew fil-każ ta' sentenza dwar il-manteniment, il-Qorti tal-Maġistrati wara li tkun mibgħuta lilha mill-Avukat Ġenerali ta' Ġibiltà.


ANNESS III

Il-qrati li fihom jistgħu jiġu preżentati l-appelli msemmija fl-Artikolu 43(2) tal-Konvenzjoni huma s-segwenti:

fil-Belġju:

(a)

fir-rigward ta' appell mill-konvenut, it-“tribunal de première instance” jew ir-“rechtbank van eerste aanleg” jew l-“erstinstanzliche Gericht”,

(b)

fir-rigward ta' appell mill-applikant: il-“cour d'appel” jew il-“hof van beroep”,

fil-Bulgarija: l-“Апелативен съд -София”,

fir-Repubblika Ċeka: il-qorti ta' l-appell permezz tal-qorti distrettwali

fid-Danimarka: il-“landsret”,

fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja: l-“Oberlandesgericht”,

fl-Estonja: ir-“ringkonnakohus”,

fil-Greċja: l-“Εφετείο”,

fi Spanja: el “Juzgado de Primera Instancia” que dictó la resolución recurrida para ser resuelto el recurso por la Audiencia Provincial,

fi Franza:

(a)

il-“cour d'appel” dwar deċiżjonijiet li jippermettu l-applikazzjoni,

(b)

l-imħallef li jippresiedi t-“tribunal de grande instance”, dwar deċiżjonijiet li jiċħdu l-applikazzjoni,

fl-Irlanda: il-“High Court”,

fl-Iżlanda: il-“héraðsdómur,

fl-Italja: il-“corte d'appello”,

f'Ċipru: l-“Επαρχιακό Δικαστήριο” jew fil-każ ta' sentenza dwar il-manteniment l-“Οικογενειακό Δικαστήριο”,

fil-Latvja: l-“Apgabaltiesa” permezz tar-“rajona (pilsētas) tiesa”,

fil-Litwanja: il-“Lietuvos apeliacinis teismas”,

fil-Lussemburgu: il-“Cour supérieure de justice” bħala qorti ta' appell ċivili,

fl-Ungerija: il-qorti lokali li tinsab fis-sede tal-qorti tal-kontea (f'Budapest, il-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda); l-appell jiġi deċiż mill-qorti tal-kontea (f'Budapest, il- “Capital Court”),

f'Malta: il-Qorti ta' l-Appell skond il-proċedura stabbilita għal appelli fil-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, Kap. 12, jew fil-każ ta' sentenza dwar il-manteniment permezz ta' rikors ġuramentat quddiem il-Prim' Awla tal-Qorti Ċivili jew il-Qorti tal-Maġistrati ta' Għawdex fil-ġurisdizzjoni superjuri tagħha,

fl-Olanda: ir-“rechtbank”,

fin-Norveġja: il-“lagmannsrett”,

fl-Awstrija: il-“Landesgericht” permezz tal-“Bezirksgericht”,

fil-Polonja: is-“sąd apelacyjny” permezz tas-“sąd okręgowy”,

fil-Portugall: it-“Tribunal da Relação”, é o tribunal competente. Os recursos interpõem-se, nos termos da legislação nacional em vigor, por meio de requerimento, dirigido ao tribunal que proferiu a decisão recorrida,

fir-Rumanija: il-“Curte de Apel”,

fis-Slovenja: l-“okrožno sodišče”,

fis-Slovakkja: il-qorti ta' l-appell permezz tal-qorti distrettwali li d-deċiżjoni tagħha tkun qed tiġi appellata,

fl-Iżvizzera: it-“tribunal cantonal/Kantonsgericht/tribunale cantonale,

fil-Finlandja: il-“hovioikeus/hovrätt”,

fl-Iżvezja: is-“Svea hovrätt”,

fir-Renju Unit:

(a)

fl-Ingilterra u Wales, il-“High Court of Justice”, jew fil-każ ta' sentenza dwar il-manteniment, il-Qorti tal-Magistrati,

(b)

fl-Iskozja, il-“Court of Session”, jew fil-każ ta' sentenza dwar il-manteniment, ix-“Sheriff Court”,

(ċ)

fl-Irlanda ta' Fuq, il-“High Court of Justice”, jew fil-każ ta' sentenza dwar il-manteniment, il-Qorti tal-Maġistrati,

(d)

f'Ġibiltà, il-Qorti Suprema ta' Ġibiltà, jew fil-każ ta' sentenza dwar il-manteniment, il-Qorti tal-Maġistrati.


ANNESS IV

L-appelli li jistgħu jiġu ppreżentati skond l-Artikolu 44 tal-Konvenzjoni huma s-segwenti:

fil-Belġu, fil-Greċja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Lussemburgu u fl-Olanda, appell fil-kassazzjoni,

fil-Bulgarija: “обжалване пред Върховния касационен съд”,

fir-Repubblika Ċeka: “dovolání” u “žaloba pro zmatečnost”,

fid-Danimarka: appell lill-“højesteret”, bil-permess tal-“Procesbevillingsnævnet”,

fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja: “Rechtsbeschwerde”,

fl Estonija: “kassatsioonkaebus”,

fl-Irlanda: appell fuq punt tal-liġi lill-Qorti Suprema,

fl-Iżlanda: appell lill-“Hæstiréttur”,

f'Ċipru: appell lill-Qorti Suprema,

fil-Latvja: appell lill-“Augstākās tiesas Senāts” permezz ta' l-“Apgabaltiesa”,

fil-Litwanja: appell lil-“Lietuvos Aukščiausiasis Teismas”,

fl-Ungerija: “felülvizsgálati kérelem”,

f'Malta: ma jistax isir appell ieħor quddiem ebda qorti oħra; fil-każ ta' sentenza dwar il-manteniment il-Qorti ta' l-Appell skond il-proċedura ta' appell stabbilita fil-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Procedura Ċivili – Kap. 12,

fin-Norveġja: appell lill-“Høyesteretts Ankeutvalg” jew “Høyesterett”,

fl-Awstrija: “Revisionsrekurs”,

fil-Polonja: “skarga kasacyjna”,

fil-Portugall: appell fuq punt tal-liġi,

fir-Rumanija: “contestaţie în anulare” jew “revizuire”,

fis-Slovenja: appell lill-“Vrhovno sodišče Republike Slovenije”,

fis-Slovakkja: id-“dovolanie”,

fl-Iżvizzera: “recours devant le Tribunal fédéral”/“Beschwerde beim Bundesgericht”/“ricorso davanti al Tribunale federale”,

fil-Finlandja: appell lill-“korkein oikeus/högsta domstolen”,

fl-Iżvezja: appell lill-“Högsta domstolen”,

fir-Renju Unit: appell wieħed ulterjuri fuq punt tal-liġi.


ANNESS V

Iċ-ċertifikat dwar sentenzi u tranżazzjonijiet quddiem il-qorti msemmi fl-Artikoli 54 u 58 tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali

1.

L-Istat ta' l-oriġini

2.

Il-qorti jew awtorità kompetenti li qed toħroġ iċ-ċertifikat

2.1.

Isem

2.2.

Indirizz

2.3.

Tel./Fax/Imejl

3.

Il-qorti li tat is-sentenza/approvat it-tranżazzjoni quddiem il-qorti (*)

3.1.

Tip ta' qorti

3.2.

Post tal-qorti

4.

Is-sentenza/it-tranżazzjoni quddiem il-qorti (*)

4.1.

Data

4.2.

Numru ta' referenza

4.3.

Il-partijiet għas-sentenza/għat-tranżazzjoni quddiem il-qorti (*)

4.3.1.

Isem/ismijieti ta' l-attur(i)

4.3.2.

Isem/ismijiet tal-konvenut(i)

4.3.3.

Isem/ismijiet tal-parti/partijiet l-oħra, jekk ikun hemm

4.4.

Id-data tan-notifika tad-dokument li istitwixxa l-proċedimenti meta s-sentenza tkun ingħatat f'kontumaċja

4.5.

It-test tas-sentenza/tranżazzjoni quddiem il-qorti (*) anness ma' dan iċ-ċertifikat

5.

L-ismijiet tal-partijiet li lilhom ingħatat l-għajnuna legali

Is-sentenza/tranżazzjoni quddiem il-qorti (*) hija eżekutorja fl-Istat ta' l-oriġini (Artikolu 38/58 tal-Konvenzjoni) kontra:

Isem:

Magħmul fi …, data …

Firma u/jew timbru …


(*)  Aqta fejn xieraq.


ANNESS VI

Iċ-ċertifikat dwar l-istrumenti awtentiċi msemmi fl-Artikolu 57(4) tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali

1.

L-Istat ta' l-oriġini

2.

Il-qorti jew l-awtorità kompetenti li qed toħroġ iċ-ċertifikat

2.1.

Isem

2.2.

Indirizz

2.3.

Tel./Fax/Imejl

3.

L-awtorità li awtentikat l-istrument

3.1.

L-awtorità involuta fit-tfassil ta' l-istrument awtentiku (fejn applikabbli)

3.1.1.

Isem u titolu ta' l-awtorità

3.1.2.

Post ta' l-awtorità

3.2.

L-awtorità li rreġistrat l-istrument awtentiku (fejn applikabbli)

3.2.1.

Tip ta' awtorità

3.2.2.

Post ta' l-awtorità

4.

Strument awtentiku

4.1.

Deskrizzjoni ta' l-istrument

4.2.

Data

4.2.1.

li fiha ġie mfassal l-istrument

4.2.2.

jekk hi differenti: li fiha l-istrument ġie reġistrat

4.3.

Numru ta' referenza

4.4.

Partijiet għall-istrument

4.4.1.

Isem il-kreditur

4.4.2.

Isem id-debitur

5.

Test, ta' l-obbligazzjoni eżekutorja, mehmuż ma' dan iċ-ċertifikat.

L-istrument awtentiku huwa eżekutorju kontra d-debitur fl-Istat ta' l-oriġini (Artikolu 57(1) tal-Konvenzjoni)

Magħmul fi data

Firma u/jew timbru


ANNESS VII

Il-konvenzjonijiet li ġew sostitwiti skond l-Artikolu 65 ta' din il-Konvenzjoni huma, b'mod partikolari, is-segwenti:

it-Trattat bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u Spanja dwar l-eżekuzzjoni reċiproka ta' sentenzi f'materji ċivili jew kummerċjali, ffirmat f'Madrid fid-19 ta' Novembru 1896,

il-Konvenzjoni bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi bi protokoll addizzjonali, ffirmata f'Berna fil-21 ta' Diċembru 1926,

il-Konvenzjoni bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Reich Ġermaniż dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi u deċiżjonijiet f'arbitraġġi, ffirmata f'Berna fit-2 ta' Novembru 1929,

il-Konvenzjoni bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Isvezja dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi, ffirmata f'Kopenħagen fis-16 ta' Marzu 1932,

il-Konvenzjoni bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Italja dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi, ffirmata f'Ruma fit-3 ta' Jannar 1933,

il-Konvenzjoni bejn l-Isvezja u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi u deċiżjonijiet ta' l-arbitraġġi ffirmata fi Stokkolma fil-15 ta' Jannar 1936,

il-Konvenzjoni bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Belġju dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi u deċiżjonijiet f'arbitraġġi, ffirmata f'Berna fid-29 ta' April 1959,

il-Konvenzjoni bejn l-Awstrija u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi, ffirmata f'Berna fis-16 ta' Diċembru 1960,

il-Konvenzjoni bejn in-Norveġja u r-Renju Unit li tipprovdi għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni reċiproka ta' sentenzi f'materji ċivili, ffirmata f'Londra fit-12 ta' Ġunju 1961,

il-Konvenzjoni bejn in-Norveġja u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi u dokumenti eżekutorji, f'materji ċivili u kummerċjali, ffirmata f'Oslo fis-17 ta' Ġunju 1977,

il-Konvenzjoni bejn id-Danimarka, l-Finlandja, l-Iżlanda, n-Norveġja u l-Isvezja dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili, ffirmata f'Kopenħagen fil-11 ta' Ottubru 1977, u

il-Konvenzjoni bejn in-Norveġja u l-Awstrija dwar il-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili, ffirmata fi Vjenna fil-21 ta' Mejju 1984.


ANNESS VIII

Il-lingwi msemmija fl-Artikolu 79 tal-Konvenzjoni huma l-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, l-Iżlandiż, l-Irlandiż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, in-Norveġiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u l-Iżvediż.


ANNESS IX

L-Istati u r-regoli msemmija fl-Artikolu II ta' Protokoll 1 huma s-segwenti:

Il-Ġermanja: l-Artikoli 68, 72, 73 u 74 tal-kodiċi ta' proċedura ċivili (Zivilprozeßordnung) li jkkonċernaw notifiki lil partijiet terzi,

L-Awstrija: l-Artikolu 21 tal-kodiċi ta' proċedura ċivili (Zivilprozeßordnung) li jikkonċerna notifiki lil partijiet terzi,

L-Ungerija: Artikoli 58 sa 60 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (Polgári perrendtartás) li jikkonċernaw notifiki lil partijiet terzi,

L-Iżvizzera, fir-rigward ta' dawk id-distretti awtonomi li l-kodiċi ta' proċedura ċivili applikabbli tagħhom ma tipprovdix għall-ġurisdizzjoni msemmija fl-Artikoli 6(2) u 11 tal-Konvenzjoni: id-dispożizzjonijiet xierqa li jikkonċernaw notifiki lil partijiet terzi (litis denuntiatio) tal-kodiċi ta' proċedura ċivili applikabbli.


Top