EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22003A0429(01)

Ftehim bejn il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Istati mhux membri ta’ l-Unjoni Ewropea dwar il-parteċipazzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar fl-arranġamenti Komunitarji għall-iskambju minn kmieni tat-tagħrif fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika (Ecurie) (2003/Ċ 102/02)

OJ C 102, 29.4.2003, p. 2–5 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 15 Volume 007 P. 295 - 298
Special edition in Estonian: Chapter 15 Volume 007 P. 295 - 298
Special edition in Latvian: Chapter 15 Volume 007 P. 295 - 298
Special edition in Lithuanian: Chapter 15 Volume 007 P. 295 - 298
Special edition in Hungarian Chapter 15 Volume 007 P. 295 - 298
Special edition in Maltese: Chapter 15 Volume 007 P. 295 - 298
Special edition in Polish: Chapter 15 Volume 007 P. 295 - 298
Special edition in Slovak: Chapter 15 Volume 007 P. 295 - 298
Special edition in Slovene: Chapter 15 Volume 007 P. 295 - 298
Special edition in Bulgarian: Chapter 15 Volume 009 P. 123 - 126
Special edition in Romanian: Chapter 15 Volume 009 P. 123 - 126
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 007 P. 115 - 118

Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

22003A0429(01)



Official Journal C 102 , 29/04/2003 P. 0002 - 0005


Ftehim

bejn il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Istati mhux membri ta’ l-Unjoni Ewropea dwar il-parteċipazzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar fl-arranġamenti Komunitarji għall-iskambju minn kmieni tat-tagħrif fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika (Ecurie)

(2003/Ċ 102/02)

IL-PARTIJIET F’DAN IL-FTEHIM,

Billi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/600/Euratom ħolqot qafas, fil-għamla ta’ arranġamenti ta’ l-Ecurie, għall-iskambju minn kmieni tat-tagħrif fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika.

Billi l-effiċjenza ta’ l-arranġamenti ta’ l-Ecurie jridu jiġu mtejba jekk jieħdu sehem terz tal-pajjiżi u b’mod partikolari l-pajjiżi ġirien ta’ l-Unjoni Ewropea.

Billi l-Bulgarja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvija, il-Lituwanja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, l-Isvizzera u t-Turkija, minn issa ’l quddiem imsejħa "il-Pajjiżi Parteċipanti", għandhom jiġu mistiedna sabiex jagħmlu parti minn dan il-Ftehim,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-għan u l-iskop

Il-Ftehim għandu x’jaqsam ma’ l-arranġamenti tan-notifiki u l-iskambju tat-tagħrif fil-każijiet kollha li fihom il-Pajjiżi Parteċipanti jew Pajjiż Parteċipanti ta’ l-Euratom jiddeċiedu li jieħdu miżuri ta’ natura mifruxa fil-wisa sabiex jipproteġu l-pubbliku ġenerali fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika li tirriżulta minn:

(a) inċident li jiġri ġewwa t-territorju tiegħu li jinvolvi waħda mill-istallazzjonijiet li ġejjin jew f’konnessjoni ma’ l-oqsma ta’ attività li ġejjin:

- kull rerattur nukleari, ikun fejn ikun lokat,

- kull faċilità oħra taċ-ċiklu tal-karburant nukleari,

- kull faċilità li tiġġestjona l-iskart radjoattiv,

- it-trasport u l-ħażna tal-karburanti nukleari jew ta’ l-iskart radjoattiv,

- il-produzzjoni, l-użu, il-ħażna, id-disponiment minnu u t-trasport tar-radjo-isotopi għal għanijiet agrikoli, industrijali, mediċi u ta’ għanijiet xjentifiċi jew ta’ riċerka li għandhom x’jaqsmu magħhom,

- l-użu tar-radjo-isotopi għall-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija fl-oġġetti ta’ l-ispazju;

jew

(b) kull inċident ieħor li bħala riżultat tiegħu ikun ġara jew x’aktarx li jiġri ħruġ sinifikanti tal-materjal radjoattiv;

jew

(ċ) il-kxif, ġewwa t-territorju tiegħu jew ’il barra minnu, ta’ livelli mhux normali ta’ radjoattività li x’aktarx ikunu ta’ ħsara għas-saħħa pubblika.

Artikolu 2

L-iskambju tat-tagħrif meta l-miżuri riferiti fl-Artikolu 1 jittieħdu ġewwa t-territorju ta’ Pajjiż Parteċipanti jew ta’ Stat Membru ta’ l-Euratom

1. Jekk wieħed mill-Pajjiżi Parteċipanti jiddeċiedi li jieħu xi waħda mill-miżuri riferiti fl-Artikolu 1, dan il-Pajjiż għandu jipprovdi minnufih lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, (minn issa ’l quddiem imsejħa l-Kummissjoni), bit-tagħrif rilevanti sabiex jimminimizza kull konsegwenza prevista radjoloġika. Il-Kummisshoni għandha tgħarraf minnufih lill-Istati Membri ta’ l-Euratom u lill-Pajjiżi l-oħra Perteċipanti.

2. Meta Stat Membru ta’ l-Euratom ikun iddeċieda li jieħu kull miżura minn dawn u jkun għarraf lill-Kummisjoni biha, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Pajjiżi Parteċipanti minnufih.

Artikolu 3

It-tagħrif provdut fl-Artikolu 2

It-tagħrif li jrid jiġi provdut skond l-Artikolu 2 għandu, meta prattikabbli u approppjat, jinkludi dan li ġej:

(a) in-natura u l-ħin tal-ġrajja, il-lokazzjoni tagħha u l-faċilità jew l-attività involuti;

(b) il-kawża preżunta jew stabbilita u l-iżvilupp previst ta’ l-inċident rigward il-ħruġ tal-materjali radjoattivi;

(ċ) il-karatteristiċi ġenerali tal-ħruġ radjoattiv, inklużi n-natura, il-għamla probabbli fiżika u kimika, il-kompożizzjoni u l-għoli effettiv tal-ħruġ radjoattiv;

(d) tagħrif dwar il-kondizzjonijiet kurrenti u previsti meteoroloġiċi u idroloġiċi meħtieġa għall-previżjoni tat-tifrix tal-ħruġ radjoattiv;

(e) ir-riżultati tal-monitoraġġ ambjentali;

(f) ir-riżultati tal-kejlijiet tal-livelli tar-radjoattività fl-ikel, fit-tgħam u fl-ilma tax-xorb;

(g) il-miżuri ta’ protezzjoni meħuda jew pjanati;

(h) il-miżuri meħuda, jew ippjanati, għalbiex jgħarrfu lill-pubbliku;

(i) l-imġiba mbassra matul iż-żmien tal-ħruġ radjoattiv.

F’intervalli appropjati taż-żmien wara dan, il-Pajjiż Parteċipanti interessat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’kull tagħrif ieħor li jista’ jkun ta’ użu, b’mod partikolari rigward iktar żvilupp tas-sitwazzjoni u t-tmiem previst jew attwali ta’ l-emerġenza.

Artikolu 4

Il-kondizzjonijiet ta’ l-iskambju tat-tagħrif,

1. Malli tirċievi t-tagħrif riferit f’L-Artikoli 1 u 3, il-Kummissjoni għandha, filwaqt li tqis it-tagħrif riċevut mill-Istati Membri ta’ l-Euratom:

(a) tgħarraf minnufih lill-Pajjiżi Parteċipanti bil-miżuri meħuda u bir-rakkomandazzjonijiet maħruġa wara li tkun irċeviet dan it-tagħrif;

(b) tgħarraf lill-Pajjiżi Parteċipanti, f’intervalli appropjati taż-żmien wara dan, bil-livelli tar-radoattività fl-ikel, fit-tgħam u fl-ilma tax-xorb u fl-ambjent reġistrati mill-faċilitjiet tal-monitoraġġ fl-Istati Membri ta’ l-Euratom u fil-Pajjiżi Parteċipanti;

2. Malli jirċievu t-tagħrif riferit f’L-Artikoli 2 u 3 ta’ hawn fuq, il-Pajjiżi Parteċipanti għandhom:

(a) jgħarrfu minnufih lill-Kummissjni bil-miżuri meħuda u bir-rakkomandazzjonijiet maħruġa wara li jkunu rċevew dan it-tagħrif;

(b) jgħarrfu lill-Kummissjoni, f’intervalli appropjati taż-żmien wara dan, bil-livelli tar-radjoattività reġistrati mill-faċilitajiet tagħhom tal-monitoraġġ fl-ikel, fit-tgħam u fl-ilma tax-xorb.

Artikolu 5

Ir-restrizzjonijiet

Il-Pajjiżi Parteċipanti m’għandhomx ikunu obbligati li jipprovdu lill-Kummissjoni t-tagħrif li jipperikola s-sigurtà nazzjonali, u l-Kummissjoni m’għandha tgħaddi lill-Pajjiżi Parteċipanti l-ebda tagħrif provdut minn Stat Membru ta’ l-Euratom jew minn kull parti fil-Ftehim jekk dan it-tagħrif ikun magħmul disponibbli fuq bażi kunfidenzjali.

Artikolu 6

L-arranġamenti tekniċi

1. L-arranġamenti eżistenti dettljati ta’ l-Ecurie għall-iskambju tat-tagħrif riferit f’L-Artikoli 2, 3 u 4 għandhom jiġu implimentati mill-Pajjiżi Parteċipanti fi żmien tliet xhur mid-data tal-firma tagħhom għal dan il-Ftehim.

2. Wara dan, għandhom jiġu stabbiliti l-arranġamenti dettaljati għall-iskambju tat-tagħrif riferit f’L-Artikoli 2, 3 u 4 bi Ftehim konġunt bejn il-Pajjiżi Kontrattanti, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ta’ l-Euratom u ttestjati f’intervalli regolari taż-żmien. Kull parti għandha ġġorr l-ispejjeż tagħha rigward l-implimentazzjoni ta’ dawn l-arranġamenti.

Artikolu 7

L-awtoritajiet kompetenti u l-punti tal-kuntatt

1. Il-Pajjiżi Parteċipnti għandhom jindikaw lill-Kummissjoni l-awtorità kompetenti u l-punt tal-kuntatt nominati għalbiex jibagħtu u jirċievu t-tagħrif riferit f’L-Artikoli 2, 3 u 4, kif ukoll it-tagħrif tagħhom tal-kuntatt. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Pajjiżi Parteċipanti dwar liema mid-dipartimenti tagħha huma l-awtorità kompetenti jew il-punt tal-kuntatt.

2. Il-punti tal-kuntatt fil-Pajjiżi Parteċipanti u d-dipariment rilevanti tal-Kummissjoni għandhom ikunu disponibbli fuq il-bażi ta’ 24 siegħa kuljum.

Artikolu 8

Il-laqgħat

1. Il-Pajjiżi Parteċipanti għandhom jiġu mistiedna għal-laqgħat tal-grupp stabbilit mill-Kummissjoni għall-ġestjoni ta’ l-arranġamenti ta’ l-Ecurie.

2. Dan il-grupp jista’ jiddeċiedi li jistieden rappreżentanti mill-Pajjiżi Parteċipanti għalbiex jattendu l-laqgħat ta’ kull grupp tax-xogħol li jiġi stabbilit.

3. Ir-rappreżentanti mill-Istati Parteċipanti għandu jkollhom l-istatus ta’ osservaturi, u kull nefqa li tinħoloq f’konnessjoni ma dan għandha tinġarr mill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.

Artikolu 9

L-arranġamenti ta’ l-Ecurie u l-konvenzjonijiet l-oħra internazzjonali fl-istess qasam

Dan il-Ftehim m’għandux jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Pajjiżi Parteċipanti u tal-Komunità ta’ l-Euratom li joħorġu mill-Ftehimijiet jew mill-konvenzjonijiet bilaterali jew multiaterali li huma korrentement fis-seħħ jew li jridu jiġu konklużi fl-oqsma koperti bil-Ftehim preżenti u li jaqblu mal-miri tiegħu.

Artikolu 10

Id-dħul fis-seħħ [1]

1. Wara l-firma ta’ dan il-Ftehim mill-Euratom, il-Ftehim għandu jkun miftuħ għar-ratifika tar-Repubblika tal-Bulgarja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Latvija, ir-Repubblika tal-Lituwanja, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tas-Slovenja, il-Konfederazzjoni Svizzera u r-Repubblika tat-Turkija. Għal dan l-effett, l-Euratom għandha tittrasmetti ċertifikati attestati tal-Ftehim lil dawn il-pajjiżi għall-firma. L-Euratom tista’ tistieden lil pajjiżi oħra sabiex jagħmlu parti minn dan il-Ftehim.

2. Il-Kummissoni għandha tkun id-depożitarju ta’ dan il-Ftehim.

3. Dan il-Ftehim ħandu jidħol fis-seħħ tliet xhur wara li jkun aċċeda għalih mill-inqas pajjiż wieħed. Għal kull Pajjiż li jaderixxi ma’ dan il-Ftehim wara d-dħul tiegħu fis-seħħ, il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ tliet xhur iktar tard.

4. Kull pajjiż li jkun qiegħed jaderixxi għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bit-temma tal-proċeduri interni rigward il-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-partijiet l-oħra ta’ dan il-Ftehim dwar l-adeżjoni ta’ parti ġdida, inkluża d-data li fiha l-Ftehim jibda jkollu effett għal din il-parti.

5. Kull pajjiż li jkun qiegħed jaderixxi għandu jipparteċipa b’mod proviżorju bħala membru ma’ l-arranġamenti ta’ l-Ecurie mid-data li fiha l-Kummissjoni tirċievi kopja attestata ta’ dan il-Ftehim iffirmata kif mistħoqq mill-awtorità nazzjonali investita bil-poteri mitluba, kif ukoll bit-tagħrif tal-kuntatt mitlub skond l-Artikolu 7 għall-implimetazzjoni fis-sħiħ tiegħu.

Artikolu 11

Il-kondizzjonijiet tat-temma

1. Jekk Parti tiddeċiedi li ttemm dan il-Ftehim, din it-temma għandha tiġi notifikata bil-miktub lill-Partijiet l-oħra. Fit-tmiem ta’ perjodu taż-żmien ta’ tliet xhur mid-data tan-notifika, dan il-Ftehim għandu jieqaf milli jkollu effetti legali bejn il-Parti li tiddeċiedi t-temma u l-Partijiet l-oħra għal dan il-Ftehim. Id-data tat-temma għandha tiddependi mid-data tan-notifika lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-partijiet l-oħra għal dan il-Ftehim bid-data rilevanti.

2. Ma’ l-adeżjoni ta’ Pajjiż Parteċipanti għall-Unjoni Ewropea, għanda tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/600/Euratom u dan il-Ftehim għandu jtemm milli jkollu effett individwali għal dan il-pajjiż.

3. Dan il-Ftehim ma għandux jibqa’ jeżisti jekk l-Euratom tiddeċiedi li tirtira minn dan il-Ftehim skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-Isvizzera

Il-Ftehim konkluż fil-għamla ta’ bdil ta’ ittri bejn l-Euratom u l-Isvizzera fil-21 a’ Ġunju 1995 (ĠU C 335, tat-13.12.1995, p. 4) għandu jiġi mħassar b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim għall-Isvizzera wara l-adeżjoni tagħha ma dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussel, fid-29 ta’ Jannar 2003.

Għall-Kummissjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika

Margot Wallström

Membru tal-Kummissjoni

[1] Irid jiġi pubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea meta r-ratifiki kollha jkunu ġew notifikati lill-Kummissjoni.

--------------------------------------------------

Top