Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 21994A1223(16)

Ftehim ġenerali dwar il-kummerċ fis-servizzi

OJ L 336, 23.12.1994, p. 191–212 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)
Special edition in Finnish: Chapter 11 Volume 038 P. 193 - OP_DATPRO
Special edition in Swedish: Chapter 11 Volume 038 P. 193 - OP_DATPRO
Special edition in Czech: Chapter 11 Volume 021 P. 280 - 304
Special edition in Estonian: Chapter 11 Volume 021 P. 280 - 304
Special edition in Latvian: Chapter 11 Volume 021 P. 268 - 292
Special edition in Lithuanian: Chapter 11 Volume 021 P. 280 - 304
Special edition in Hungarian Chapter 11 Volume 021 P. 280 - 304
Special edition in Maltese: Chapter 11 Volume 021 P. 280 - 304
Special edition in Polish: Chapter 11 Volume 021 P. 280 - 304
Special edition in Slovak: Chapter 11 Volume 021 P. 280 - 304
Special edition in Slovene: Chapter 11 Volume 021 P. 280 - 304
Special edition in Bulgarian: Chapter 11 Volume 010 P. 203 - 227
Special edition in Romanian: Chapter 11 Volume 010 P. 203 - 227
Special edition in Croatian: Chapter 11 Volume 074 P. 203 - 227

In force

21994A1223(16)



Official Journal L 336 , 23/12/1994 P. 0191 - 0212
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 38 P. 0193
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 38 P. 0193


Ftehim ġenerali dwar il-kummerċ fis-servizzi

MEMBRI,

WAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza li dejjem tiżdied tal-kummerċ fis-servizzi għat-tkabbir u l-iżvilupp ta' l-ekonomija dinjija;

WAQT LI JIXTIEQU li jwaqqfu qafas multilaterali ta' prinċipji u regoli għall-kummerċ fis-servizzi bl-iskop li dan il-kummerċ jespandi taħt kondizzjonijiet ta' trasparenza u liberalizzazzjoni progressiva u bħala mezz li jippromovi t-tkabbir ekonomiku ta' l-imsieħba kollha tal-kummerċ u l-iżvilupp ta' pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw;

WAQT LI JIXTIEQU li jilħqu livelli ta' liberalizzazzjoni tal-kummerċ fis-servizzi permezz sensiliet suċċessivi ta' negozjati multilaterali bil-għan li jippromovu l-interessi tal-parteċipanti kollha fuq bażi ta' vantaġġ reċiproku u li jassiguraw bilanċ ġenerali ta' drittijiet u obbligi, waqt li jirrispettaw kif xieraq l-objettivi tal-politika nazzjonali;

WAQT LI JIRRIKONOXXU d-dritt tal-Membri li jirregolaw, u li jintroduċu regolamenti ġodda, dwar il-provvista ta' servizzi fit-territorji tagħhom sabiex jilħqu l-objettivi tal-politika nazzjonali tagħhom u, f'asimmetriji eżistenti fejn jidħol il-livell ta' żvilupp tar-regolamenti tas-servizzi f'pajjiżi differenti, il-bżonn partikolari tal-pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw li jeżerċitaw dan id-dritt;

WAQT LI JIXTIEQU li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw fil-kummerċ fis-servizzi u l-espnasjoni ta' l-esportazzjoni tas-servizzi tagħhom waqt li inter alia tissaħħaħ il-kapaċitá tas-servizzi domestiċi tagħhom u l-effiċjenza u l-kompetittivitá tagħha;

WAQT LI JIKKUNSIDRAW partikolarment id-diffikultá serja tal-pajjiżi l-inqas żviluppati minħabba s-sitwazzjoni ekonomika speċjali u l-iżvilupp, il-kummerċ u l-bżonnijiet finanzjarji tagħhom;

QEGĦDIN HAWNHEKK JAQBLU KIF ĠEJ:

PARTI I

SKOP U DEFINIZZJONI

Artikolu I

Skop u Definizzjoni

1. Dan il-Ftehim japplika għal miżuri minn Membri li jagħmlu kummerċ fis-servizzi.

2. Għall-iskop ta’ dan il-Ftehim, kummerċ fis-servizzi huwa definit bħala l-provvista ta’ servizz:

(a) aspetti kummerċjali u tekniċi tal-provvista ta' servizzi;

(b) fit-territorju ta’ Membru wieħed għall-konsumatur tas-servizz ta’ xi Membru ieħor;

(ċ) minn fornitur ta’ servizz ta’ Membru wieħed, permezz ta’ preżenza kummerċjali fit-territorju ta’ Membru ieħor;

(d) minn fornitur ta’ servizz ta’ Membru wieħed, permezz ta’ preżenza ta’ persuni naturali ta’ Membru fit-territorju ta’ xi Membru ieħor.

3. Għall-iskopijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a) "miżuri mill-Membri" tfisser miżuri meħuda minn:

(i) gvernijiet u awtoritajiet reġjonali jew lokali: u

(ii) korpi non-governattivi fl-eżerċizzju tal-poteri tagħhom iddelegati minn gvernijiet u awtoritajiet reġjonali jew lokali;

Fil-qadi ta’ l-obbligazzjonijiet u r-rabtiet taħt dan il-Ftehim, kull Membru għandu jieħu dawk il-miżuri raġonevoli li jkunu disponibbli għalih sabiex jiżgura l-osservanza tagħhom minn gvernijiet u awtoritajiet reġjonali u lokali u korpi non-governattivi fit-territorju tiegħu;

(b) servizzi’ tinkludi kull servizz f’kull settur bl-eċċezzjoni ta’ servizzi pprovduti fl-eżerċizzju ta’ awtoritá governattiva;

(ċ) "servizzi pprovduti fl-eżerċizzju ta’ awtoritá governattiva" tfisser kull servizz li ma jkunx ipprovdut la fuq bażi kummerċjali u lanqas f’kompetizzjoni ma’ xi fornitur tas-servizzi.

PARTI II

OBBLIGAZZJONIJIET ĠENERALI U DIXXIPLINI

Artikolu II

Trattament ta’ Nazzjon l-Aktar Favorit

1. Fejn tidħol xi miżura koperta b’dan il-Ftehim, kull Membru għandu jagħti immedjatament u mingħajr kondizzjonijiet lil servizzi u fornituri tas-servizzi ta’ kull Membru ieħor trattament mhux inqas favorevoli għal dak li jagħti lil servizzi u fornituri tas-servizzi simili ta’ kull pajjiż ieħor.

2. Membru jista’ jżomm miżura inkonsistenti mal-paragrafu 1 sakemm dik il-miżura tkun fil-lista, u tilħaq il-kondizzjonijiet, ta’ l-Anness dwar l-Eżenzjonijiet ta’ l-Artikolu II.

3. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma għandhomx ikunu jinftehmu b’mod li jżommu lil xi Membru milli jikkonferixxi jew jagħti vantaġġi lill-pajjiżi li jmissu miegħu sabiex jiffaċilita skambji limitati għal żoni tal-fruntiera kontigwi ta’ servizzi li jkunu kemm prodotti u kemm ikkunsmati lokalment.

Artikolu III

Trasparenza

1. Kull Membru għandu jippubblika fil-pront u, bl-eċċezzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, l-iktar tard sad-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom, il-miżuri rilevanti ta’ applikazzjoni ġenerali kollha li jaffettwaw jew li jirrelataw ma’ l-operat ta’ dan il-Ftehim. Ftehim Interazzjonali li jaffettwaw jew jirrelataw mal-kummerċ fis-servizzi li tagħhom xi Membru jkun firmatarju għandu jiġu ppubblikati wkoll.

2. Fejn il-pubblikazzjoni bħalma msemmi fil-paragrafu 1 ma tkunx prattikabbli, dik l-informazzjoni għandha tkun ippubblikata b’mod ieħor.

3. Kull Membru għandu fil-pront u mill-inqas ta’ kull sena jinforma ’l-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi bil-bdil jew bl-introduzzjoni ta’ liġijiet, regolamenti jew linji ta’ gwida amministrattivi li jaffetwaw sinifikattivament il-kummerċ fis-servizzi kopert bir-rabtiet speċifiċi taħt dan il-Ftehim.

4. Kull Membru għandu jirrispondi fil-pront għal kull talba minn xi Membru ieħor għal informazzjoni speċifika dwar xi waħda mill-mizuri ta’ applikazzjoni ġenerali tiegħu jew ftehim internazzjonali fit-tifsira tal-paragrafu 1. Kull Membru għandu wkoll iwaqqaf punti ta’ riferiment sabiex jipprovdu informazzjoni speċifika lil Membri oħrajn fuq, talba, dwar dawn il-kwistjonijiet kif ukoll dawk soġġetti għall-bżonn ta’ notifika fil-paragrafu 3. Dawn il-punti ta’ riferiment għandhom jiġu mwaqqfa fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim li jwaqqaf l-ODK (referut f’dan il-Ftehim bħala l-"Ftehim ta’ l-ODK"). Flessibilitá xierqa fejn jidħol il-limitu ta’ żmien li fih dawn il-punti ta’ riferiment għandhom jiġu stabbiliti tista’ tiġi miftehma individwalment għal pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw li huma Membri. Punti ta’ riferiment ma għandhomx ikunu depożitarji ta’ liġijiet u regolamenti.

5. Kull Membru jista’ jinnotifika lill-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi b’xi miżura, meħuda minn xi Membru ieħor, li jikkonsidra li taffettwa l-operat ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu III bis

Żvelar ta’ Informazzjoni Kunfidenzali

Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jirrikjedi xi Membru sabiex jipprovdi informazzjoni kunfidenzali li l-iżvelar tagħha jkun jimpedixxi l-infurzar tal-liġi jew inkella jkun kuntrarju għall-interess pubbliku jew ikun ta’ preġudizzju għall-interessi kummerċjali leġittimi ta’ impriżi partikolari, pubbliċi jew privati.

Artikolu IV

Iktar Parteċipazzjoni minn Pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw

1. Iktar parteċipazzjoni ta’ Pajjiżi Membri li għadhom qegħdin jiżviluppaw fil-kummerċ dinji għandha tkun iffaċilitata permezz ta’ rabtiet speċifiċi nnegozjati minn Membri differenri skond il-Partijiet III u IV ta’ dan il-Ftehim u li jirrelataw ma’:

(a) it-tisħiħ tal-kapaċitá tas-servizzi domestiċi tagħhom u l-effiċjenza u l-kompetittivitá tagħha inter alia permezz ta’ aċċess għat-teknoloġija fuq bażi kummerċjali;

(b) it-titjib ta’ l-aċċess tagħhom għal kanali ta’ distribuzzjoni u punti għall-informazzjoni; u

(ċ) il-liberalizzazzjoni ta’ l-aċċess għas-suq f’setturi u modi ta’ interess għall-esportazzjoni tagħhom.

2. Pajjiżi Membri żviluppati, u sa fejn hu possibbli Membri oħra, għandhom jistabbilixxu punti ta’ kuntatt sa sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ l-ODK sabiex jiffaċilitaw l-aċċess ta’ fornituri tas-servizzi f’pajjiżi Membri li għadhom qegħdin jiżviluppaw għal informazzjoni, li għandha x’taqsam mas-swieq rispettivi tagħhom, li tikkonċerna:

(a) aspetti kummerċjali u tekniċi tal-provvista ta’ servizzi;

(b) reġistrazzjoni, rikonoxximent u ksib ta’ kwalifiki professjonali; u

(ċ) id-disponibbilitá tat-teknoloġija tas-servizzi.

3. Għandha tingħata prijoritá speċjali lill-pajjiżi Membri l-inqas żviluppati fl-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2. Għandha tittieħed attenzjoni partikolari tad-diffikultá serja tal-pajjiżi l-inqas żviluppati meta jaċċettaw rabtiet speċifiċi nnegozjati minħabba s-sitwazzjoni ekonomika speċjali, l-iżvilupp, il-kummerċ u l-bżonnijiet finanzjarji tagħhom.

Artikolu V

Integrazzjoni Ekonomika

1. Dan il-Ftehim ma għandux iżomm lil xi Membru milli jkun Parti jew jidħol f’xi ftehim li jilliberalizza l-kummerċ fis-servizzi bejn il-partijiet ta’ dak il-ftehim, sakemm dak il-ftehim:

(a) ikollu kopertura settorjali sostanzjali [1], u

(b) jkun jipprovdi għan-nuqqas jew għall-eliminazzjoni ta’, sostanzjalment, id-diskriminazzjoni kollha bejn il-Partijiet, fis-sens ta’ l-Artikolu XVII, fis-setturi koperti taħt is-subparagrafu (a), permezz ta’:

(i) elimination of existing discriminatory measures, and/or

(ii) projbizzjoni ta’ iktar miżuri diskriminatorji jew oħrajn ġodda,

jew mad-dħul fis-seħħ ta’ dak il-ftehim jew fuq bażi ta’ qafas ta’ żmien raġonevoli, bl-eċċezzjoni ta’ miżuri permessi taħt l-Artikoli XI, XII, XIV u XIV bis.

2. Meta jiġi evalwat jekk il-kondizzjonijiet taħt il-paragrafu (b) humiex milħuqa, tista’ tingħata konsiderazzjoni għar-relazzjoni tal-ftehim għal proċess usa’ ta’ integrazzjoni ekonomika jew għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bejn il-pajjiżi kkonċernati.

3. (a) Fejn pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw ikunu partijiet fi ftehim tat-tip imsemmi fil-paragrafu 1, għandha tiġi pprovduta flessibilitá fejn jidħlu l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, partikolarment b’referenza għas-subparagrafu (b) tiegħu, skond il-livell ta’ żvilupp tal-pajjiżi kkonċernati, kemm ġeneralment u kemm fis-subsetturi.

(b) Minkejja l-paragrafu 6, fil-każ ta’ ftehim tat-tip kif imsemmi fil-paragrafu 1 li jinvolvi biss pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw, jista’ jingħata trattament iktar favorevoli lil persuni ġuridiċi li huma propjetà ta’, jew ikkontrollati minn, persuni naturali tal-partijiet f’dak il-ftehim.

4. Kull ftehim referut fil-paragrafu 1 għandu jkun iddisinjat sabiex jiffaċilita l-kummerċ bejn il-partijiet fil-ftehim u ma għandux iżid il-livell ġenerali ta’ xkiel għall-kummerċ fis-servizzi fis-setturi u s-subsetturi rispettivi fejn jidħol xi Membru barra dak il-ftehim meta kkumparat mal-livell applikabbli qabel dak il-ftehim.

5. Jekk, fil-konklużjoni, fit-tkabbir jew f’kull modifikazzjoni sinifikanti ta’ xi ftehim taħt il-paragrafu 1, xi Membru jaħseb biex jirtira jew biex jimmodifika rabta speċifika b’mod inkonsistenti mat-termini u l-kondizzjonijiet imsemmija fl-Iskeda tiegħu, għandu jipprovdi notifika minn qabel ta’ mill-inqas 90 ġurnata ta’ dawk il-modifiki jew irtirar u l-proċedura msemmija fil-paragrafi 2, 3, u 4 ta’ l-Artikolu XXI għandha tapplika.

6. Fornitur ta’ servizz ta’ xi Membru ieħor li huwa persuna ġuridika kkostitwita taħt il-liġijiet ta’ parti fi ftehim kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun intitolat għal trattament mogħti taħt dak il-ftehim, sakemm jingaġġa ruħu f’operazzjonijiet ta’ kummerċ sostanzjali fit-territorju tal-partijiet ta’ dak il-ftehim.

7. (a) Membri li huma partijiet fi ftehim kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jgħarrfu fil-pront b’dak il-ftehim jew b’xi tkabbir jew modifikazzjoni sinifikanti tiegħu lill-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi. Huma għandhom ukoll jagħmlu aċċessibbli informazzjoni rilevanti disponibbli għall-Kunsill bħalma rikjest minnu. Il-Kunsill jista’ jwaqqaf grupp ta’ ħidma sabiex teżamina dak il-ftehim jew tkabbir jew modifikazzjoni tiegħu u tirrapporta lill-Kunsill dwar il-konsistenza tiegħu ma’ dan l-Artikolu.

(b) Membri li huma partijiet fi ftehim bħalma msemmi fil-paragrafu 1 li jkun implimentat fuq il-bażi ta’ qafas ta’ żmien għandhom jirrappurtaw perjodikament lill-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi dwar l-implimentazzjoni tiegħu. Il-Kunsill jista’ jwaqqaf grupp ta’ ħidma sabiex jeżamina dawn ir-rapporti jekk jaħseb li dan ikun neċessarju.

(ċ) Il-Kunsill jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-partijiet kif jidhirlu xieraq ibbażati fuq ir-rapporti tal-gruppi ta’ ħidma imsemmija fis-subparagrafi (a) u (b).

8. Membru li huwa parti fi ftehim kif imsemmi fil-paragrafu 1 ma jistax ifittex kumpens għal benefiċċji tal-kummerċ li jistgħu jakkumulaw għal xi Membru ieħor permezz ta’ dak il-ftehim.

Artikolu V bis

Ftehim ta’ Integrazzjoni tas-Swieq tax-Xogħol

Dan il-Ftehim ma għandux iżomm lil xi Membru milli jkun parti f’xi ftehim li jistabbilixxi integrazzjoni sħiħa [2] tas-swieq tax-xogħol bejn il-partijiet ta’ dak il-ftehim, sakemm dak il-ftehim:

(a) jeżenta ċittadini ta’ partijiet f’dak il-ftehim minn ħtiġijiet li jikkonċernaw ir-residenza u permessi ta’ xogħol;

(b) ikun notifikat lill-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi.

Artikolu VI

Regolazzjoni Domestika

1. F’setturi fejn rabtiet speċifiċi jkunu involuti, kull Membru għandu jiżgura li l-miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali kollha li jaffettwaw il-kummerċ fis-servizzi jkunu amministrati b’mod raġonevoli, oġġettiv u imparzjali.

2. (a) Kull Membru għandu jżomm jew jikkostitwixxi malajr kemm jista’ jkun tribunali jew proċeduri ġudizzjarji, arbitrali jew amministrattivi li jipprovdu, fuq it-talba ta’ fornitur ta’ servizz affetwat, għar-reviżjoni fil-pront u, fejn iġġustifikat, rimedji xierqa għal deċiżjonijiet amministrattivi li jaffettwaw il-kummerċ fis-servizzi. Fejn dawn il-proċeduri ma jkunux indipendenti mill-aġenzija fdata bid-deċiżjoni kkonċernata, il-Membru għandu jiżgura li l-proċeduri fil-fatt jippprovdu għal reviżjoni oġġettiva u imparzjali.

(b) Id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (a) ma għandhomx jinftehmu b’mod li jirrikjedu lil xi Membru sabiex jikkostitwixxi dawn it-tribunali jew proċeduri fejn dan ikun inkonsistenti ma’ l-istruttura kostituzzjonali jew in-natura tas-sistema legali tiegħu.

3. Fejn hi meħtieġa awtorizzazzjoni għall-provvista ta’ servizzi li dwarhom intagħmlet rabta speċifika, l-awtoritajiet kompetenti tal-Membru għandhom, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli wara s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni kkunsidrata kompluta taħt il-liġijiet u r-regolamenti domestiċi, jinfurmaw lill-applikant dwar id-deċiżjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni. Fuq it-talba ta’ l-applikant, l-awtoritajiet kompetenti tal-membru għandhom jipprovdu, mingħajr dewmien żejjed, informazzjoni li tikkonċerna l-istat ta’ l-applikazzjoni

4. Sabiex jiżgura li miżuri li jirrelataw mar-rikjesti u proċeduri ta’ kwalifika, standards tekniċi u rikjesti ta’ liċenzar ma jkunux jikkostitwixxu xkiel żejjed lill-kummerċ fis-servizzi, il-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi għandu, permezz ta’ korpi xierqa li huwa jista’ jwaqqaf, jiżviluppa dixxiplini neċessarji. Dawn id-dixxiplini għandhom jimmiraw li jiżguraw li dawn il-ħriġijiet ikunu inter alia:

(a) ibbażati fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, bħal kompetenza u l-abbilitá ta’ provvista tas-servizzi;

(b) mhux iktar ta’ piż żejjed milli neċessarju sabiex jiżguraw il-kwalitá tas-servizz;

(ċ) fil-każ ta’ proċeduri ta’ lliċenzar, mhux fihom infushom ta’ restrizzjoni għall-provvista tas-servizz.

5. (a) F’setturi fejn Membru jkun daħal għal rabtiet speċifiċi, sad-dħul fis-seħħ ta’ dixxiplini żviluppati f’dawn is-setturi skond il-paragrafu 4, il-Membru ma għandux japplika rikjesti ta’ lliċenzar u kwalifiki u standards tekniċi li jannullaw jew ifixklu dawk ir-rabtiet speċifiċi b’mod li:

(i) ma jkunux konformi mal-kriterji stabbiliti fis-subparagrafi 4(a), (b) jew (ċ); u

(ii) ma setgħux ikunu raġonevolment mistennija mill-Membru fiż-żmien meta r-rabtiet speċifiċi f’dawk is-setturi kienu magħmula.

(b) Biex jiġi ddeterminat jekk Membru jkunx konformi ma’ l-obbligazzjoni taħt il-paragrafu 5(a), għandhom jiġu kkunsidrati standards internazzjonali ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti [3] applikati minn dak il-Membru.

6. F’setturi fejn rabtiet speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ servizzi professjonali jkunu miftehmin, kull Membru għandu jipprovdi proċeduri adegwati sabiex jivverifika l-kompetenza ta’ professjonisti ta’ xi membru ieħor.

Artikolu VII

Rikonoxximent

1. Għall-iskopijiet ta’ twettiq, fl-intier jew parzjalment, ta’ l-istandards jew kriterji għall-awtorizzazzjoni, illiċenzar jew ċer- tifikazzjoni tal-fornituri tas-servizzi, u bla ħsara għall-ħtiġijiet ta’ paragrafu 3, Membru jista’ jirrikonoxxi l-edukazzjoni jew l-esperjenza miksuba, il-ħtiġijiet milħuqa, jew il-liċenzi u ċ-ċertifikazzjonijiet mogħtija f’pajjiż partikolari. Dan ir-rikonoxximent, li jista’ jsir permezz ta’ armonizzazzjoni jew b’mod ieħor, jista’ jkun ibbażat fuq ftehim jew arranġament mal-pajjiż ikkonċernat jew b’mod awtonomu.

2. Membru li jkun parti fi ftehim jew arranġament tat-tip kif imsemmi fil-paragrafu 1, kemm jekk eżistenti jew futur, għandu jħalli opportunitá adegwata għal Membri oħra interessati li jinnegozjaw is-sħubija tagħhom f’dak il-ftehim jew arranġament jew li jinnegozjaw uħud komparabbli miegħu. Fejn Membru jagħti rikonoxximent b’mod awtonomu, huwa għandu jħalli opportunitá adegwata għal xi Membru ieħor sabiex juri li l-edukazzjoni, l-esperjenza, il-liċenzi jew ċertifikazzjonijiet miksuba jew ir-rikjesti milħuqa fit-territorju ta’ dak il-Membru l-ieħor għandhom jiġu rrikonoxxuti.

3. Membru ma għandux jagħmel rikonoxximent b’mod li jikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni bejn il-pajjiżi fl-applikazzjoni ta’ l-istandards u l-kriterji tiegħu għall-awtorizzazzjoni, illiċenzar jew ċertifikazzjoni tal-fornituri tas-servizzi, jew restrizzjoni moħbija għall-kummerċ fis-servizzi.

4. Kull Membru għandu:

(a) fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha l-Ftehim ta’ l-ODK jidħol fis-seħħ għalih, jinforma lill-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi bil-miżuri ta’ rikonoxximent eżistenti tiegħu u jiddikjara jekk dawn il-miżuri humiex ibbażati fuq ftehim jew arranġamenti tat-tip kif imsemmi fil-paragrafu 1;

(b) fil-pront jinforma lill-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi kmieni kemm jista’ jkun possibbli dwar il-ftuħ tan-negozjati dwar ftehim jew arranġament tat-tip kif imsemmi fil-paragrafu 1 sabiex jipprovdi opportunitá adegwata lil kull Membru ieħor li jindika l-interess tiegħu li jipparteċipa fin-negozjati qabel ma dawn jidħlu f’fażi sostantiva;

(ċ) fil-pront jinforma lill-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi meta jaddotta miżuri ta’ rikonoxximent ġodda jew meta jbiddel sinifikattivament dawk eżistenti u jiddikjara jekk il-miżuri humiex ibbażati fuq ftehim jew arranġament tat-tip kif imsemmi fil-paragrafu 1.

5. Meta jkun xieraq, ir-rikonoxximent għandu jkun ibbażat fuq kriterji miftehma multilateralment. F’każi xierqa, il-Membri għandhom jaħdmu f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet inter-governattivi u non-governattivi rilevanti sabiex jistabbilixxu u jaddottaw standards u kriterji ta’ rikonoxximent internazzjonali komuni u standards għall-prattika ta’ kummerċ ta’ servizzi u professjonijiet rilevanti internazzjonali komuni.

Artikolu VIII

Monopolji u Fornituri ta’ Servizzi Esklussivi

1. Kull Membru għandu jiżgura li kull fornitur ta’ servizz ta’ monopolju fit-territorju tiegħu, fil-provvista tas-servizz ta’ monopolju fis-suq rilevanti, ma jaġixxix b’mod inkonsistenti ma’ l-obbligazzjonijiet ta’ dak il-Membru taħt l-Artikolu II u rabtiet speċifiċi.

2. Fejn fornitur ta’ monopolju ta’ Membru jikkompeti, kemm direttament jew permezz ta’ kumpanija affiljata, fil-provvista ta’ servizz barra l-iskop tad-drittijiet monopolistiċi tiegħu u li huwa soġġett għal rabtiet speċifiċi ta’ dak il-Membru, il-Membru għandu jiżgura li dak il-fornitur ma jabbużax mill-pożizzjoni ta’ monopolju tiegħu sabiex jaġixxi fit-territorju tiegħu inkonsistentament ma’ dawk ir-rabtiet.

3. Il-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi jista’, fuq it-talba ta’ Membru li għandu raġuni li tħassbu li fornitur ta’ servizz ta’ monopolju ta’ xi Membru ieħor qiegħed jaġixxi inkonsistentament mal-paragrafi 1 jew 2, jitlob lill-Membri li jistabbilixxu, jżommu jew jawtorizzaw lil dak il-fornitur sabiex jipprovdu informazzjoni speċifika li tikkonċerna l-operazzjonijiet rilevanti.

4. Jekk. wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar l-ODK, xi Membru jagħti drittijiet ta’ monopolju fejn jidħlu l-provvista ta’ servizzi koperti bir-rabtiet speċifiċi tiegħu, dak il-Membru għandu jinnotifika lill-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-implimentazzjoni maħsuba għall-għotja tad-drittijiet tal-monopolju u d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ l-Artikolu XXI għandhom japplikaw.

5. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw ukoll f’każi ta’ fornituri ta’ servizzi esklussivi, fejn Membru, formalment jew b’effett, (a) jawtorizza jew jistabbilixxi numru żgħir ta’ fornituri tas-servizz u (b) sostanzjalment ma jħallix kompetizzjoni bejn dawk il-fornituri fit-territorju tiegħu.

Artikolu IX

Prassi tal-Kummerċ

1. Il-Membri jirrikonoxxu li ċerti prassi tal-kummerċ tal-fornituri tas-servizzi, barra dawk li jaqgħu taħt l-Artikolu VIII, jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni u għaldaqstant jirrestrinġu l-kummerċ fis-servizzi.

2. Kull Membru għandu, fuq it-talba ta’ xi Membru ieħor, jidħol f’konsultazzjonijiet bl-iskop li jelimina prassi msemmija fil-paragrafu 1. Il-Membru indirizzat għandu jikkunsidra bis-sħiħ u simpatetikament din it-talba u għandu jikkoopera billi jipprovdi informazzjoni mhux kunfidenzali disponibbli pubblikament ta’ rilevanza għall-kwistjoni. Il-Membru indirizzat għandu wkoll jipprovdi informazzjoni oħra disponibbli għall-Membri li jagħmlu t-talba, bla ħsara għal-liġi domestika tiegħu u għall-konklużjoni ta’ qbil sodisfaċenti li jikkonċerna s-salvagwardjar tal-kunfidenzalitá tiegħu mill-Membru li jagħmel it-talba.

Artikolu X

Miżuri ta’ Salvagwardjar f’Emerġenza

1. Għandu jkun hemm negozjati multilaterali dwar il-kwistjoni tal-miżuri ta’ salvagwardjar f’emerġenza bbażati fuq il-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni. Ir-riżultati ta’ dawn in-negozjati għandhom jidħlu fis-seħħ f’data mhux aktar tard minn tliet snin mid-data li fiha jidħol fis-seħħ il-Ftehim dwar l-ODK.

2. Fil-perjodu qabel ma jidħlu fis-seħħ ir-riżultati tan-negozjati msemmija fil-paragrafu 1, kull Membru jista’, minkejja d-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu XXI, jinnotifika lill-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi bl-intenzjoni tiegħu li jimmodifika jew jirtira minn xi rabta speċifika wara perjodu ta’ sena mid-data li fiha dik ir-rabta tidħol fis-seħħ; sakemm il-membru juri lill-Kunsill li l-modifika jew l-irtirar ma jistgħux jistennew il-perjodu ta’ tliet snin kif ipprovdut fil-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu XXI.

3. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 għandhom jispiċċaw tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehm dwar l-ODK.

Artikolu XI

Ħlasijiet u Trasferimenti

1. Bl-eċċezzjoni taċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu XII, Membru ma jistax japplika restrizzjonijiet fuq trasferimenti internazzjonali u ħlasijiet għal tranżazzjonijiet kurrenti li jirrelataw mar-rabtiet speċifiċi tiegħu.

2. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-membri tal-Fond Monetarju Internazzjonali taħt l-Artikli tal-Ftehim dwar il-Fond, inklużi l-użu ta’ azzjonijiet ta’ skambju li jkunu konformi mal-Artikli tal-Ftehim, sakemm il-Membru ma jistax jimponi restrizzjonijiet fuq tranżazzjonijiet kapitali b’mod inkonsistenti mar-rabtiet speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ dawk it-tranżazzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu XII jew fuq it-talba tal-Fond.

Artikolu XII

Restrizzjonijiet sabiex jiġu Salvagwardjati l-Bilanċi tal-Ħlasijiet

1. Fl-eventwalitá ta’ bilanċ ta’ ħlasijiet serju u diffikultajiet finanzjarji esterni jew theddida tagħhom Membru jista’ jaddotta jew iżomm restrizzjonijiet fuq il-kummerċ fis-servizzi li fuqhom għandu rabtiet speċifiċi, inklużi ħlasijiet jew trasferimenti għal tranżazzjonijiet relatati ma’ dawk ir-rabtiet. Huwa rrikonnoxxut li pressjonijiet partikolari fuq il-bilanċ ta’ ħlasijiet ta’ Membru fuq il-proċess ta’ żvilupp ekonomiku jew transizzjoni ekonomika jistgħu jeħtieġu l-użu ta’ restrizzjonijiet sabiex jiżguraw inter alia l-manteniment ta’ livell ta’ riżervi finanzjarji adegwat għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ żvilupp ekonomiku jew transizzjoni ekonomika tiegħu.

2. Ir-restrizzjonijiet imsemija fil-paragrafu 1:

(a) ma għandhomx jiddiskriminaw bejn il-Membri;

(b) għandhom ikunu konsistenti ma’ l-Artikli tal-Ftehim tal-Fond Monetarju Internazzjonali;

(ċ) għandhom jevitaw ħsara mhux bżonnjuża għall-interessi kummerċjali, ekonomiċi u finanzjarji ta’ xi Membru ieħor;

(d) ma għandhomx ikunu iktar minn dawk neċessarji sabiex jiġu ttrattati ċ-ċirkostanzi deskritti fil-paragrafu 1;

(e) għandhom ikunu temporanji u sfumati fix-xejn progressivament hekk kif is-sitwazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1 titjieb.

3. Biex tiġi ddeterminata l-inċidenza ta’ dawn ir-restrizzjonijiet, il-membri jistgħu jagħtu prijoritá lill-provvista ta’ servizzi li huma iktar essenzali għall-programmi ta’ żvilupp ekonomiku tagħhom. Madanakollu, dawn ir-restrizzjonijiet ma għandhomx ikunu addottati jew miżmuma bl-iskop li jipproteġu settur partikolari ta’ servizzi.

4. Kull restrizzjoni addottata jew miżmuma taħt il-paragrafu 1, jew kull bidla fiha, għandha tkun innotifikata fil-pront lill-Kunsill Ġenerali.

5. (a) Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkonsultaw fil-pront mal-Kumitat dwar ir-Restrizzjonjijiet fuq il-Bilanċ tal-Ħlasijiet dwar restrizzjonijiet addottati taħt dan l-Artikolu.

(b) Il-Konferenza Ministerjali għandha tistabbilixxi proċeduri [4] għal konsultazzjonijiet perjodiċi bl-iskop li tħalli dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu magħmula għall-membru kkonċernat kif din tikkunsidra xieraq.

(ċ) Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom jaraw is-sitwazzjoni tal-bilanċ tal-ħlasijiet tal-Membru kkonċernat u r-restrizzjonijiet adottati u miżmuma taħt dan l-Artikolu, waqt li jiġu kkunsidrati inter alia fatturi bħal:

(i) in-natura u sa fejn jasal il-bilanċ tal-ħlasijiet u d-diffikultajiet finanzjarji esterni;

(ii) l-ambjent tal-kummerċ u ta’ l-ekonomija esterna tal-Membru kkonsultant;

(iii) miżuri korrettivi alternattivi li jistgħu jkunu disponibbli.

(d) Il-konsultazzjonijiet għandhom jindirizzaw il-konformitá ta’ xi restrizzjoni mal-paragrafu 2, partikolarment l-isfumar progressiv tar-restrizzjonijiet skond il-paragrafu 2(e).

(e) F’dawn il-konsultazzjonijiet, is-sejba ta’ statistiċi jew fatti oħra ppreżentati mill-Fond Monetarju Internazzjonali li jirrelataw ma’ skambji barranin, riżervi monetarji u bilanċi ta’ ħlasijiet, għandhom ikunu aċċettati u l-konklużjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-evalwazzjoni tal-Fond tal-bilanċi tal-ħlasijiet u s-sitwazzjoni finanzjarja esterna tal-Membru kkonsultant.

6. Jekk Membru li mhux membru tal-Fond Monetarju Internazzjonali jixtieq japplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu l-Konferenza Ministerjali għandha twaqqaf proċedura ta’ reviżjoni u proċeduri oħrajn neċessarji.

Artikolu XIII

Ksib Governattiv

1. L-Artikoli II, XVI u XVII ma għandhomx japplikaw għal-liġijiet, regolamenti jew ħtiġijiet li jirregolaw il-ksib minn aġenziji governattivi ta’ servizzi mixtrija għal skopijiet governattivi u mhux bl-iskop ta’ bejgħ kummerċjali mill-ġdid jew bl-iskop ta’ użu fil-provvista ta’ servizzi għall-bejgħ kummerċjali.

2. Għandu jkun hemm negozjati multilaterali dwar il-ksib governattiv ta’ servizzi taħt dan il-Ftehim sa sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar l-ODK.

Artikolu XIV

Eċċezzjonijiet Ġenerali

Mingħajr ħsara għall-ħtieġa li dawn il-miżuri ma jkunux applikati b’mod li jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u mhux ġustifikabbli bejn il-pajjiżi fejn jipprevalu kondizzjonijiet simili, jew restrizzjoni fuq il-kummerċ fis-servizzi moħbija, xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jinftiehem li ma jħallix l-adozzjoni jew l-infurzar minn xi Membri ta’ miżuri:

(a) neċessarji sabiex jipproteġu l-morali pubblika jew sabiex iżommu l-ordni pubblika [5];

(b) neċessarji sabiex jipproteġu l-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, ta’ l-annimali, jew tal-pjanti;

(ċ) neċessarji sabiex jiżguraw il-konformità mal-liġijiet jew regolamenti li mhumiex inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, inklużi dawk li għandhom x’jaqsmu ma’:

(i) il-prevenzjoni ta’ prassi li jqarrqu u frodulenti jew it-trattament ta’ l-effetti ta’ ksur ta’ kuntratti ta’ servizz;

(ii) il-protezzjoni tal-privatezza ta’ l-individwi fejn għandu x’jaqsam l-ipproċessar u t-tixrid ta’ informazzjoni personali u l-protezzjoni tal-kunfidenzalitá ta’ rekords u kontijiet individwali;

(iii) sigurtá;

[6] imposition or collection of direct taxes in respect of Is-servizzi or Is-servizzi suppliers of other Members;

(e) inkonsistenti ma’ l-Artikolu II, sakemm id-differenza fit-trattament tkun riżultat ta’ ftehim dwar l-evitar ta’ tassazzjoni doppja jew dispożizzjonijiet dwar l-evitar tat-taxxa doppja f’xi ftehim jew arranġament internazzjonali ieħor li bih il-Membru jkun marbut.

Artikolu XIV bis

Eċċezzjonijiet ta’ Sigurtá

1. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jinftiehem li:

(a) jirrikjedi xi Membru sabiex jagħti xi informazzjoni li l-iżvelar tagħha hu jikkunsidra li jmur kontra l-interessi tas-sigurtá essenzali tiegħu; jew

(b) ma jħallix xi Membru jieħu azzjoni li jikkunsidra neċessarja għall-protezzjoni ta’ l-interessi tas-sigurtá essenzali tiegħu:

(i) li għandha x’taqsam mal-provvista ta’ servizzi magħmula direttament jew indirettament għall-iskop li jwaqqaf stabbiliment militari;

(ii) li għandha x’taqsam ma’ materjali fussjonali u fużjonabbli jew materjali li minnhom jiġu meħuda;

(iii) meħuda fi żmien ta’ gwerra jew emerġenza oħra fir-relazzjonijiet internazzjonali; jew

(ċ) li ma jħallix xi Membru milli jieħu azzjoni skond l-obbligazzjonijiet tiegħu taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti għall-manteniment tal-paċi u s-sigurtá internazzjonali.

2. Il-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi għandu jkun infurmat bl-iktar mod sħiħ b’miżuri meħuda taħt il-paragrafi 1(b) u (ċ) u bit-tmiem tagħhom.

Artikolu XV

Sussidji

1. Il-Membri jirrikonoxxu li, f’ċerti ċirkostanzi, is-sussidji jista’ jkollhom effetti li jtellfu l-kummerċ fis-servizzi. Il-Membri għandhom jidħlu f’negozjati bl-iskop li jiżviluppaw id-dixxiplini multilaterali neċessarji sabiex jevitaw dawn l-effetti li jtellfu l-kummerċ [7]. In-negozjati għandhom jindirizzaw ukoll is-siwi ta’ proċeduri ta’ sussidju. Dawn in-negozjati għandhom jirrikonoxxu r-rwol ta’ sussidji fejn jidħlu programmi ta’ żvilupp ta’ pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw u jikkunsidraw il-bżonnijiet tal-Membri, partikolarment pajjiżi Membri li għadhom qegħdin jiżviluppaw, għal flessibilitá f’dan il-qasam. Għall-iskop ta’ dawn in-negozjati, il-Membri għandhom jibdlu informazzjoni li tikkonċerna s-sussidji kollha li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ fis-servizzi li huma jipprovdu lill-fornituri tas-servizzi domestiċi tagħhom.

2. Kull Membru li jikkunsidra ruħu affettwat b’mod ħażin b’sussidju ta’ Membru ieħor jista’ jirrikjedi konsultazzjonijiet ma’ dak il-membru dwar dawn il-kwistjonijiet. Din it-talba għandha tingħata konsiderazzjoni simpatetika.

PARTI III

RABTIET SPEĊIFIĊI

Artikolu XVI

Aċċess għas-Suq

1. Fejn jidħol aċċess għas-suq permezz tal-modi ta’ provvista identifikati fl-Artikolu I, kull Membru għandu jagħti lis-servizzi u lill-fornituri tas-servizzi ta’ Membru ieħor trattament mhux inqas favorevoli minn dak ipprovdut taħt it-termini, limitazzjonijiet u kondizzjonijiet miftehma u speċifikati fl-Iskeda tiegħu . [8]

2. F’setturi fejn ir-rabtiet tal-aċċess għas-suq ikunu ttieħdu, il-miżuri li Membru ma jistax iżomm jew jaddotta sew jekk fuq bażi ta’ suddiviżjoni reġjonali jew fuq il-bażi tat-territorju kollu tiegħu, sakemm mhux speċifikat mod ieħor fl-Iskeda tiegħu, hume definiti bħala:

(a) limitazzjonijiet fuq in-numru ta’ fornituri tas-servizzi sew jekk fil-forma ta’ kwoti numeriċi, monopolji, fornituri tas-servizzi esklussivi jew il-ħtieġa tat-test tal-bżonnijiet ekonomiċi;

(b) limitazzjonijiet fuq il-valur totali tat-tranżazzjonijiet jew assi tas-servizz fil-forma ta’ kwoti numeriċi jew il-ħtieġa tat-test tal-bżonnijiet ekonomiċi;

(ċ) limitazzjonijet fuq in-numru totali ta’ operazzjonijiet tas-servizz jew fuq il-kwantitá totali ta’ ħruġ espress f’termini ta’ units numeriċi fil-forma ta’ kwoti jew il-ħtieġa ta’ test tal-bżonnijiet ekonomiċi ; [9]

(d) limitazzjonijiet fuq in-numru totali ta’ persuni naturali li jistgħu jkunu impjegati f’settur tas-servizzi partikolari jew li fornitur tas-servizzi jista’ jimpjega u li huma neċessarji għal, u direttament irrelatati mal-provvista ta’ servizz speċifiku fil-forma ta’ kwoti numeriċi jew il-ħtieġa ta’ test tal-bżonnijiet ekonomiċi;

(e) miżuri li jirrestrinġu jew jirrikjedu tipi speċifiċi ta’ entitá legali jew intrapriża konġunta li permezz tagħha fornitur tas-servizzi jista’ jipprovdi servizz; u

(f) limitazzjonijiet fuq il-parteċipazzjoni ta’ kapital barrani f’termini ta’ limitu ta’ perċentwal massimu fuq azzjonarjat barrani jew il-valur totali ta’ l-investiment barrani totali jew individwali.

Artikolu XVII

Trattament Nazzjonali

1. Fis-setturi imsemmija fl-Iskeda, bla ħsara għal xi kondizzjonijiet jew kwalifiċi imsemmija fiha, kull Membru għandu jħalli lil servizzi jew fornituri ta’ servizzi ta’ Membri oħrajn, fejn jidħlu miżuri li jaffettwaw il-provvista tas-servizzi, trattament mhux inqas favorevoli minn dak li jħalli għal servizzi u fornituri tas-servizzi simili tiegħu stess . [10]

2. Membru jista’ jilħaq il-ħtiġijiet tal-paragrafu 1 billi jħalli lil servizzi jew fornituri tas-servizzi ta’ xi Membru ieħor, jew trattament formalment identiku jew trattament formalment differenti minn dak li jħalli lil servizzi jew fornituri tas-servizzi simili tiegħu stess.

3. Trattament formalment identiku jew formalment differenti għandu jkun ikkunsidrat inqas favorevoli jekk ibiddel il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni favur is-servizzi jew il-fornituri tas-servizzi tal-Membru meta kkumparat ma’ servizzi jew fornituri tas-servizzi simili ta’ xi Membru ieħor.

Artikolu XVIII

Rabtiet Addizzjonali

Il-Membri jistgħu jinnegozjaw rabtiet fejn jidħlu miżuri li jaffettwaw il-kummerċ fis-servizzi li mhumiex soġġetti għall-Iskedar taħt l-Artikoli XVI jew XVII, inklużi dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ kwalifiċi, standards jew kwistjonijiet ta’ lliċenzar. Dawn ir-rabtiet għandhom ikunu msemmija fl-Iskeda tal-Membru.

PARTI IV

LIBERALIZZAZZJONI PROGRESSIVA

Artikolu XIX

Negozjati ta’ Rabtiet Speċifiċi

1. Skond l-iskopijiet ta’ dan il-Ftehim, il-Membri għandhom jidħlu f’negozjati suċċessivi, li jibdew mhux aktar tard minn ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar l-ODK u perjodikament minn hemm ’il quddiem, bl-iskop li jilħqu livell progressivament ogħla ta’ liberalizzazzjoni. Dawn in-negozjati għandhom ikunu mmirati lejn it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta’ l-effetti negattivi fuq il-kummerċ fis-servizzi ta’ miżuri bħala mezz biex jipprovdu aċċess għas-suq effettiv. Dan il-proċess għandu jsir bl-iskop li jippromovi l-interessi tal-parteċipanti kollha fuq bażi ta’ vantaġġi reċiproċi u sabiex jiżgura bilanċ ġenerali ta’ drittijiet u obbligi.

2. Il-proċess ta’ liberalizzazzjoni għandu jsir b’rispett xieraq lejn l-objettivi ta’ politika nazzjonali u l-livell ta’ żvilupp ta’ Membri individwali, kemm ġeneralment u kemm f’setturi individwali. Għandu jkun hemm flessibilitá xierqa għal pajjiżi Membri individwali li għadhom qegħdin jiżviluppaw sabiex jiftħu inqas setturi, jilliberalizzaw inqas tipi ta’ tranżazzjonijiet, jestendu progressivament l-aċċess għas-suq skond is-sitwazzjoni ta’ żvilupp tagħhom u, meta jagħmlu l-aċċess għas-swieq tagħhom disponibbli għal fornituri tas-servizzi barranin, iżidu ma’ dak l-aċċess kondizzjonijiet immirati sabiex jilħqu l-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu IV.

3. Għal kull sessjoni, għandhom jiġu stabbiliti linji ta’ gwida u proċeduri tan-negozjati. Għall-iskopijiet li jistabbilixxu dawn il-linji ta’ gwida, il-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi għandu jassessja l-kummerċ fis-servizzi f’termini ġenerali u fuq bażi settorali b’referenza għall-objettivi ta’ dan il-Ftehim, inklużi dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu IV. Il-linji ta’ gwida tan-negozjar għandhom jistabbilixxu modalitajiet għat-trattament ta’ liberalizzazzjoni meħuda b’mod awtonomu mill-Membri mill-aħħar negozjati, kif ukoll għat-trattament speċjali għal pajjiżi Membri l-inqas żviluppati taħt id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu IV.

4. Il-proċess ta’ liberalizzazzjoni progressiva għandu jiġi avvanzat f’kull sessjoni permezz ta’ negozjati bilaterali, plurilaterali jew multilaterali diretti lejn iż-żjieda tal-livell ġenerali ta’ rabtiet speċifiċi magħmulin mill-Membri taħt dan il-Ftehim.

Artikolu XX

Skedi għal Rabtiet Speċifiċi

1. Kull Membru għandu jistabbilixxi fi skeda r-rabtiet speċifiċi li għamel taħt Parti III ta’ dan il-Ftehim. Fejn jidħlu setturi li fihom dawn ir-rabtiet ġew magħmulin, kull Skeda għandha tispeċifika:

(a) termini, limitazzjonijiet u kondizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq;

(b) kondizzjonijiet u kwalifiċi fuq it-trattament nazzjonali;

(ċ) impriżi li għandhom x’jaqsmu ma’ rabtiet addizzjonali;

(d) fejn huwa xieraq il-qafas ta’ żmien għall-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rabtiet; u

(e) id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-rabtiet.

2. Miżuri inkonsistenti kemm ma’ l-Artikolu XVI u kemm ma’ l-Artikolu XVII għandhom ikunu mniżżla fil-kolonna rrelatata ma’ l-Artikolu XVI. F’dan il-każ l-iskrizzjoni tkun ikkunsidrata bħala waħda li tipprovdi kondizzjoni jew kwalifika għall-Artikolu XVII ukoll.

3. Skedi tar-rabtiet speċifiċi għandhom ikunu annessi ma’ dan il-Ftehim u għandhom jiffurmaw parti integrali minnu.

Artikolu XXI

Modifikazzjoni ta’ l-Iskedi

1. (a) Membru (riferut f’dan l-Artikolu bħala "l-Membru modifikant") jista’ jimmodifika jew jirtira minn xi rabta fl-Iskeda tiegħu, f’kull żmien wara li jkunu għaddew tliet snin mid-data li fiha r-rabta tkun daħlet fis-seħħ, skond id-dispożizzjonijiet f’dan l-Artikolu.

(b) Membru modifikant għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jimmodifika jew jirtira minn xi rabta skond dan l-Artikolu lill-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi mhux aktar tard minn tliet xhur qabel id-data maħsuba ta’ implimentazzjoni tal-modifika jew l-irtirar.

2. (a) Fuq it-talba ta’ xi Membru li l-benefiċċji tiegħu taħt dan il-Ftehim jistgħu jiġu affettwati (irreferut fl-Artikolu bħala "l-Membru affettwat") b’modifika jew l-irtirar propost kif innotifikat taħt is-subparagrafu 1(b), il-Membru modifikant għandu jidħol f’negozjati bl-iskop li jilħaq ftehim dwar xi aġġustament kompensatorju neċessarju. F’dawn in-negozjati u l-ftehim, il-Membri kkonċernati għandhom jagħmlu minn kollox sabiex iżommu livell ġenerali ta’ vantaġġi reċiproċi mhux inqas favorevoli għall-kummerċ milli hemm ipprovdut fl-Iskedi ta’ rabtiet speċifiċi qabel dawn in-negozjati.

(b) L-aġġustamenti kompensatorji għandhom isiru fiq bażi ta’ nazzjon l-iktar favorit.

3. (a) Jekk ma jintlaħaqx ftehim bejn il-Membru modifikant u l-Mambru affettwat, qabel jispiċċa l-perjodu li jkun hemm ipprovdut fin-negozjati, dak il-Membru affettwat jista’ jirreferi l-kwistjoni għall-arbitraġġ. Kull Membru affetwat li jkun jixtieq jinforza xi dritt li jista’ jkollu għall-kumpens għandu jipparteċipa fl-arbitraġġ.

(b) Jekk l-ebda Membru affettwat ma jitlob l-arbitraġġ, il-Membru modifikant għandu jkun liberu li jimplimenta l-modifika jew l-irtirar propost.

4. (a) Il-Membru modifikant ma jistax jimmodifika jew jirtira mir-rabtiet tiegħu sakemm ma jkunx għamel aġġustamenti kompensatorji b’mod konformi mas-sejbiet ta’ l-arbitraġġ.

(b) Jekk il-Membru modifikant jimplimenta l-modifika jew l-irtirar propost u ma jħarisx is-sejbiet ta’ l-arbitraġġ, kull Membru affetwat li pparteċipa fl-arbitraġġ jista’ jimmodifika jew jirtira benefiċċji sostanzjalment ekwivalenti b’mod konformi ma’ dawk is-sejbiet. Minkejja l-Artikolu II, din il-modifika jew l-irtirar tista’ tkun implimentata biss fejn jidħol il-Membru modifikant.

5. Il-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi għandu jwaqqaf proċeduri għall-korrezzjoni jew modifika ta’ l-Iskedi. Kull Membru li jkun immodifika jew irtira minn xi rabtiet skedati taħt dan l-Artikolu għandu jimmodifika l-Iskeda tiegħu skond dawn il-proċeduri.

PARTI V

DISPOSIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI

Artikolu XXII

Konsultazzjoni

1. Kull Membru għandu jippermetti konsiderazzjoni simpatetika u opportunità adegwata għall-konsultazzjoni fejn jidħlu rappreżentazzjonijiet kif jistgħu jkunu magħmula minn xi Membru ieħor fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni li taffetwa l-operat ta’ dan il-Ftehim. Il-Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tat-Tilwim (FRT) għandu jgħodd għal dawn il-kondizzjonijiet.

2. Il-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi jew il-Korp ta’ Riżoluzzjoni tat-Tilwim (KRT) jista’, fuq it-talba ta’ xi Membru, jikkon- sulta ma’ kwalunkwe Membru jew Membri fejn tidħol kull kwistjoni li għaliha ma kienx possibbli li tinstab soluzzjoni sodisfaċenti permezz ta’ konsultazzjoni taħt il-paragrafu 1.

3. Membru ma jistax jinvoka l-Artikolu XVII, sew taħt dan l-Artikolu u sew taħt l-Artikolu XXIII, fejn tidħol miżura ta’ Membru ieħor li taqa’ taħt l-iskop ta’ ftehim internazzjonali bejniethom li għandu x‘jaqsam mal-ħelsien mit-taxxa doppja. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-Membri fuq jekk miżura taqax taħt l-iskop ta’ dak il-ftehim bejniethom, għandu jkun miftuħ għal kull wieħed mill-Membri sabiex iressaq il-kwistjoni quddiem il-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi [11]. Il-Kunsill għandu jirreferi l-kwistjoni għall-arbitraġġ. Id-deċiżjoni ta’ l-arbitru għandha tkun finali u vinkolanti fuq il-Membri.

Artikolu XXIII

Riżoluzzjoni tat-Tilwim u Infurzar

1. Jekk Membru jikkonsidra li Membru ieħor jonqos milli jonora l-obbligazzjonijiet jew ir-rabtiet speċifiċi tiegħu taħt dan il-Ftehim, huwa jista’, bl-iskop li jilħaq riżoluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti tal-kwistjoni, jirrikorri għall-FRT.

2. Jekk il-KRT jikkunsidra ċ-ċirkostanzi serji biżżejjed li jiġġustifikaw din l-azzjoni, dan jista’ jawtorizza Membru jew Membri sabiex jissospendu l-applikazzjoni, għal xi Membru jew Membri oħrajn, ta’ obbligazzjonijiet u rabtiet speċifiċi skond l-Artikolu 22 tal-FRT.

3. Jekk xi Membru jikkunsidra li xi benefiċċju li huwa jista’ raġonevolment jistenna li jkollu taħt xi rabtiet speċifiċi ta’ Membru ieħor taħt Parti III ta’ dan il-Ftehim ikun qiegħed jiġi annullat jew imfixkel b’riżultat ta’ l-applikazzjoni ta’ xi miżura li ma tkunx kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, huwa jista’ jirrikorri għall-FRT. Jekk il-miżura tkun ikkunsidrata mill-KRT bħala waħda li annullat jew fixklet dak l-benefiċċju, il-Membru affetwat għandu jkun intitolat għal aġġustament reċiprokament sodisfaċenti fuq il-bażi tal-paragrafu 2 tal-Artikolu XXI, li jista’ jinkludi l-modifika jew l-irtirar tal-miżura. Fl-eventwalitá li ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil bejn il-Membri kkonċernati, għandu japplika l-Artikolu 22 tal-FRT.

Artikolu XXIV

Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi

1. Il-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi għandu jaqdi dawk il-funzjonijiet li jkunu assenjati lilu sabiex jiġi ffaċilitat l-operat ta’ dan il-Ftehim u jsaħħaħ l-objettivi tiegħu. Il-Kunsill jista’ jwaqqaf korpi sussidjarji kif jidhirlu xieraq għall-qadi effettiv tal-funzjonijiet tiegħu.

2. Il-Kunsill u, kemm-il darba l-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor, il-korpi sussidjarji tiegħu għandhom ikunu miftuħin għall-parteċipazzjoni mir-rappreżentanti tal-Membri.

3. Il-President tal-Kunsill għandu jiġi elett mill-Membri.

Artikolu XXV

Kooperazzjoni Teknika

1. Il-fornituri tas-servizzi tal-Membri li jkunu jinħtieġu din l-assistenza għandu jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ punti ta’ kuntatt referuti fil-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu IV.

2. Assistenza teknika lil pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw għandha tkun ipprovduta fuq il-livell multilaterali mis-Segretarjat u għandha tkun deċiża mill-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi.

Artikolu XXVI

Relazzjoni ma’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali Oħrajn

Il-Kunsill Ġenerali għandu jagħmel l-arranġamenti xierqa għall-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji speċjalizzati tagħha kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet inter-governattivi oħrajn ikkonċernati mis-servizzi.

PARTI VI

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu XXVII

Ċaħda tal-Benefiċċji

Membru jista’ jiċħad il-benefiċċji ta’ dan il-Ftehim:

(a) għall-provvista ta’ servizz, jekk dan juri li s-servizz huwa fornut mit-territorju jew fit-territorju ta’ non-Membru jew ta’ Membru li għalih il-Membru li jiċħad ma japplikax il-Ftehim ta’ l-ODK.

(b) fil-każ ta’ provvista ta’ servizz ta’ trasport marittimu, jekk dan juri li s-servizz huwa fornut:

(i) b’bastiment irreġistrat taħt il-liġijiet ta’ non-Membru jew ta’ Membru li għalih il-Membru li jiċħad ma japplikax il-Ftehim ta’ l-ODK, u

(ii) minn persuna li tħaddem u/jew tuża l-bastiment, kollu jew parti minnu, iżda li hija ta’ non-Membru jew ta’ Membru li għalih il-Membru li jiċħad ma japplikax il-Ftehim ta’ l-ODK;

(ċ) għall-fornitur tas-servizz li huwa persuna ġuridika, jekk dan juri li mhux fornitur ta’ servizz ta’ Membru ieħor, jew li huwa fornitur ta’ servizz ta’ Membru li għalih il-Membru li jiċħad ma japplikax il-Ftehim ta’ l-ODK.

Artikolu XXVIII

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a) "miżura" tfisser kull miżura minn Membru, kemm jekk fil-forma ta’ liġi, regola, proċedura, deċiżjoni, azzjoni amministrattiva, jew kull forma oħra;

(b) "provvista ta" servizz’ tinkludi l-produzzjoni, distribuzzjoni, bejgħ u varar ta’ prodott fis-suq, bejgħ u konsenja ta’ servizz;

(ċ) "miżuri minn Membri li jaffettwaw il-kummerċ fis-servizzi" jinkludu miżuri fejn jidħlu:

(i) ix-xiri, ħlas jew użu ta’ servizz;

(ii) l-aċċess għal u l-użu ta’ servizzi li huma meħtieġa minn dawk il-Membri sabiex jiġu offruti lill-pubbliku in ġenerali, f’konnessjoni mal-provvista ta’ servizz;

(iii) il-preżenza, li tinkludi preżenza kummerċjali, ta’ persuni ta’ Membru għall-provvista ta’ servizz fit-territorju ta’ Membru ieħor;

(d) "preżenza kummerċjali’ tfisser kull tip ta" impriża jew stabbiliment professjonali, inklużi dawk permezz ta’:

(i) kostituzzjoni, akwisizzjoni jew żamma ta’ persuna ġuridika, jew

(ii) kreazzjoni jew żamma ta’ fergħa jew uffiċċju rappreżentattiv,

fit-territorju ta’ Membru għall-iskop li jkun ipprovdut servizz;

(e) "settur’ ta" servizz tfisser,

(i) b’referenza għal rabta speċifika, subsetturi, wieħed, iktar jew kollha, ta’ dak is-servizz kif speċifikat fl-Iskeda tal-Membru,

(ii) inkella, is-settur ta’ dak is-servizz kollu, inklużi s-subsetturi tiegħu kollha;

(f) "servizz ta’ Membru ieħor"’ tfisser servizz li huwa fornut,

(i) mit-territorju jew fit-territorju ta’ dak il-Membru ieħor, jew fil-każ tat-trasport marittimu, b’bastiment irreġistrat taħt il-liġijiet ta’ dak il-Membru l-ieħor li jipprovdi s-servizz permezz ta’ l-operat ta’ bastiment u/jew l-użu tiegħu, parti minnu jew kollu; jew

(ii) fil-każ ta’ provvista ta’ servizz permezz ta’ preżenza kummerċjali jew bil-preżenza ta’ persuni naturali, bil-fornitur ta’ servizz ta’ dak il-Membru l-ieħor;

(g) "fornitur ta’ servizz"’ tfisser kull persuna li jipprovdi servizz [12];

(h) "fornitur ta’ servizz ta’ monopolju"’ tfisser kull persuna, pubblika jew privata, li fis-suq rilevanti tat-territorju ta’ Membru jkun awtorizzat li jew stabbilit formalment jew effettivament minn dak il-Membru bħala l-uniku fornitur ta’ dak is-servizz;

(i) "konsumatur tas-servizz" tfisser kull persuna li jirċievi jew juża s-servizz;

(j) "persuna" tfisser jew persuna naturali jew persuna ġuridika;

(k) "persuna naturali ta’ Membru ieħor" tfisser persuna naturali li għandu r-residenza fit-territorju ta’ dak il-Membru l-ieħor jew kwalunkwe Membru ieħor, u li taħt il-liġi ta’ dak il-membru:

(i) huwa persuna ta’ nazzjonalità ta’ dak il-Membru l-ieħor; jew

(ii) għandu d-dritt ta’ residenza permanenti f’dak il-Membru l-ieħor, fil-każ ta’ Membru li:

1. ma għandux persuni ta’ nazzjonalitá tiegħu; jew

2. jippermetti sostanzjalment l-istess trattament għar-residenti permanenti tiegħu bħalma jippermetti lill-persuni ta’ nazzjonalitá tiegħu fejn jidħlu miżuri li jaffetwaw il-kummerċ fis-servizzi, bħalma notifikat fl-aċċettazzjoni jew is-sħubija tiegħu fil-Ftehim ta’ l-ODK, sakemm l-ebda Membru ma jkun obbligat li jippermetti lil dawn ir-residenti permanenti trattament iktar favorevoli milli jkun jippermetti dak il-Membru l-ieħor lil dawn ir-residenti permanenti. Din in-notifika għandha tinkludi ċ-ċertezza li jittieħdu, fejn jidħlu dawn ir-residenti permanenti, l-istess responsabbilitajiet li Membri oħrajn għandhom mal-persuni ta’ nazzjonalitá tiegħu, skond il-liġijiet u r-regolamenti tiegħu;

(l) "persuna ġuridika" tfisser kull entitá legali kkostitwita kif suppost jew organizzata b’mod ieħor taħt il-liġi applikabbli, sew jekk għall-profitt u sew jekk mod ieħor, kemm jekk proprjetá privata u kemm jekk tal-gvern, inklużi korporazzjonijiet, fond, sħubija, impriża konġunta, proprjetarju wieħed jew assoċjazzjoni;

(m) "persuna ġuridika ta’ Membru ieħor" tfisser persuna ġuridika li hija jew:

(i) kostitwita jew organizzata b’mod ieħor taħt il-liġi ta’ dak il-Membru l-ieħor, u li tħaddem operazzjonijiet ta’ kummerċ sostanzjali fit-territorju ta’ dak il-Membru jew kwalunkwe Membru ieħor; jew

(ii) fil-każ ta’ provvista ta’ servizz permezz ta’ preżenza kummerċjali, proprjetá ta’ jew kontrollata minn:

1. persuni naturali ta’ dak il-Membru; jew

2. persuni ġuridiċi ta’ dak il-Membru l-ieħor identifikati taħt is-subparagrafu (i);

(n) persuna ġuridika hija:

(i) "proprjetá" ta’ persuni ta’ Membru jekk iktar minn 50 fil-mija ta’ l-interessi fiha huma proprjetá ta’ benefiċċju għal persuni ta’ dak il-Membru;

(ii) "ikkontrollata" minn persuni ta’ Membru jekk dawn il-persuni għandhom il-poter li jinnominaw maġġoranza tad-Diretturi jew inkella li legalment jidderieġu l-azzjonijiet tagħha;

(iii) "affiljata" ma’ persuna oħra meta hija tikkontrolla, jew hija kkontrollata minn dik il-persuna l-oħra; jew meta hi u l-persuna l-oħra huma t-tnejn ikkontrollati mill-istess persuna.

(o) "taxxi diretti" tinkludi t-taxxi kollha fuq id-dħul totali, fuq id-dħul kapitali jew fuq elementi tad-dħul u tal-kapital, inklużi taxxi fuq id-dħul mit-trasferiment ta’ proprjetá, taxxi fuq il-patrimonju, wirt u rigali, u taxxi fuq l-ammonti totali ta’ pagi jew salarji mħallsin minn intrapriżi, kif ukoll taxxi fuq l-apprezzament tal-kapital.

Artikolu XXIX

L-Anness

L-Annessi għal dan il-Ftehim huma parti integrali minn dan il-Ftehim.

[1] Din il-kondizzjoni hija mifhuma f’termini ta’ numru ta’ setturi, volum ta’ kummerċ affetwat u modi ta’ provvista. Sabiex tintlaħaq din il-kondizzjoni, ftehim ma għandux jinkludi a priori l-esklużjoni ta’ xi mod ta’ provvista.

[2] Tipikament, din l-integrazzjoni tipprovdi liċ-ċittadini tal-partijiet ikkonċernati bi dritt għad-dħul ħieles fis-swieq tax-xogħol tal-partijiet u tinkludi miżuri li jikkonċernaw kondizzjonijiet ta’ ħlas, kondizzjonijiet ta’ l-impjieg oħrajn u benefiċċji soċjali.

[3] It-terminu "organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti" jirreferi għal korpi internazzjonali li s-sħubija tagħhom hija miftuħa għall-korpi rilevanti ta’, għall-inqas, il-Membri kollha ta’ l-ODK.

[4] Huwa mifhum li l-proċeduri taħt il-paragrafu 5 għandhom ikunu l-istess bħal dawk tal-GATT 1994.

[5] L-eċċezzjoni ta’ l-ordni pubblika tista’ tkun invokata biss fejn theddida ġenwina u serja biżżejjed tkun magħmula fuq wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetá.

[6] jistabbilixxu, jallukaw jew iqassmu d-dħul, profitt, qligħ, telf, tnaqqis jew kreditu ta’ persuni residenti jew fergħat ta’ l-istess persuna, sabiex jissalvagwardjaw il-bażi tat-taxxa tal-Membru.Termini jew kunċetti tat-taxxa fil-paragrafu (d) ta’ l-Artikolu XIV u f’din in-nota huma stabbiliti skond definizzjonijiet jew kunċetti tat-taxxa, jew definizzjonijiet u kunċetti ekwivalenti jew simili, taħt il-liġi domestika tal-Membru li jieħu l-miżura.

[7] Programm ta’ xogħol futur għandu jistabbilixxi kif, u f’liema qafas ta’ żmien isiru n-negozjati dwar dawn id-dixxiplini multilaterali.

[8] Jekk Membru jintrabat b’aċċess tas-suq fejn tidħol il-provvista ta’ servizz bil-mod ta’ provvista kif imsemmi fis-subparagrafu 2(a) ta’ l-Artikolu I u jekk il-moviment tal-kapital ta’ bejn il-fruntieri huwa parti essenzali mis-servizz innifsu, dak il-Membru huwa marbut li jħalli dan il-moviment tal-kapital. Jekk Membru jintrabat bl-aċċess tas-suq fejn tidħol il-provvista ta’ servizz permezz tal-mod ta’ provvista kif imsemmi fis-subparagrafu 2(ċ) ta’ l-Artikolu I, huwa jkun marbut li jħalli trasferimenti ta’ kapital relatati fit-territorju tiegħu.

[9] Is-subparagrafu 2(ċ) ma jkoprix miżuri ta’ Membru li jillimita l-dħul għall-provvista ta’ servizz.

[10] Rabtiet speċifiċi meħudin bħala magħmulin taħt dan l-Artiklu ma għandhomx jjinftehmu li jirrikjedu xi Membru li jikkompensa għal xi żvantaġġi kompetittivi li jirriżultaw mill-karattru barrani tas-servizzi rilevanti jew tal-fornituri.

[11] Fejn jidħlu ftehim dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja li jeżistu fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar l-ODK, din il-kwistjoni tista’ titressaq quddiem il-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi biss bil-kunsens taż-żewġ partijiet tal-ftehim.

[12] Fejn is-servizz mhux ipprovvdut direttament minn persuna ġuridika iżda permezz ta’ forom oħrajn ta’ preżenza kummerċjali bħal fergħa jew uffiċċju rappreżentattiv, il-fornitur tas-servizz (i.e. il-persuna ġuridika) għandu, minkejja dan, permezz ta’ din il-preżenza jingħata t-trattament ipprovvdut lil fornituri tas-servizzi oħrajn taħt dan il-Ftehim. Dan it-trattament għandu jiġi estiż għal preżenza li permezz tagħha s-servizz ikun ipprovvdut u ma hemmx bżonn li jkun estiż għal partijiet oħrajn tal-fornitur li jinsabu barra t-territorju fejn is-servizz ikun ipprovvdut.

--------------------------------------------------

L-Anness fuq l-Artikolu II Eżenzjonijiet

SKOP

1. Dan l-Anness jispeċifika l-kondizzjonijiet li taħthom Membru, fid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, ikun eżentat mill-obbligazzjonijiet tiegħu taħt il-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu II.

2. Kull eżenzjoni ġdida li għaliha tkun saret applikazzjoni wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar l-ODK għandha tkun ittrattata taħt il-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu IX ta’ dak il-Ftehim.

Reviżjoni

3. Il-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi għandu jirrevedi l-eżenzjonijiet kollha mogħtija għal perjodu ta’ iktar minn ħames snin. L-ewwel reviżjoni ta’ dan it-tip għandha ssir mhux iktar minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar l-ODK.

4. Il-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi f’reviżjoni għandu:

(a) jeżamina jekk il-kondizzjonijiet li ħolqu l-bżonn ta’ eżenzjoni għadhomx jipprevalu; u

(b) jistabbilixxi d-data ta’ xi reviżjoni oħra.

Tmiem

5. L-eżenzjoni ta’ Membru mill-obbligazzjonijiet tiegħu taħt il-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu II tal-Ftehim fejn jidħlu miżuri partikolari jintemm fid-data pprovduta fl-eżenzjoni.

6. Fil-prinċipju, dawn l-eżenzjonijiet ma għandhomx jeċċedu l-perjodu ta’ 10 snin. F’kull każ, huma għandhom ikunu soġġetti għal negozjati f’sessjonijiet ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ sussegwenti.

7. Membru għandu jinnotifika ’l-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi mat-tmiem tal-perjodu ta’ eżenzjoni li l-miżura inkonsistenti ġiet irranġata u konformi mal-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu II tal-Ftehim.

Listi ta’ Eżenzjonijiet ta’ l-Artikolu II

Il-listi ta’ eżenzjonijiet miftiehma taħt il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu II ser ikunu annessi hawnhekk fil-kopja tat-trattat tal-Ftehim ta’ l-ODK.

--------------------------------------------------

L-Anness dwar il-Moviment ta’ Persuni Naturali li jfornu Servizzi taħt il-Ftehim

1. Dan l-Anness japplika għal miżuri li jaffetwaw persuni naturali li jfornu servizzi ta’ Membru, u persuni naturali ta’ Membru li huma impjegati minn fornitur ta’ servizz ta’ Membru, fejn tidħol il-provvista ta’ servizz.

2. Il-Ftehim ma għandux japplika għal miżuri li jaffetwaw persuni naturali li jkunu qegħdin ifittxu aċċess għas-suq ta’ l-impjieg ta’ Membru, u lanqas ma għandu japplika għal miżuri fejn jidħlu ċittadinanza, residenza jew impjieg fuq bażi permanenti.

3. Skond il-Partijiet III u IV tal-Ftehim, il-Membri jistgħu jinnegozjaw rabtiet speċifiċi li japplikaw għall-moviment tal-kategoriji kollha ta’ persuni naturali li jfornu servizzi taħt il-Ftehim. Persuni naturali koperti b’rabta speċifika għandhom ikunu jistgħu ifornu s-servizz skond it-termini ta’ dik ir-rabta.

4. Il-Ftehim ma għandux iżomm lil xi Membru milli japplika miżuri sabiex jirregola d-dħul ta’ persuni naturali, jew qagħda temporanja, fit-territorju tiegħu, inklużi dawk il-miżuri neċessarji sabiex jipproteġu l-integritá u jiżguraw il-moviment ordnat ta’ persuni naturali bejn il-fruntieri tiegħu, sakemm dawn il-miżuri ma jkunux applikati b’manjiera li tannulla jew tfixkel il-benefiċċji favur kwalunkwe Membru taħt it-termini ta’ rabta speċifika . [1]

[1] Il-fatt uniku tal-bżonn ta’ viża għal persuni naturali ta’ ċerti Membri u mhux għal oħrajn ma għandux ikun meqjus wieħed li jannulla jew ifixkel il-benefiċċji taħt rabta speċifika.

--------------------------------------------------

L-Anness dwar s-Servizzi tat-Trasport bl-Ajru

1. Dan l-Anness japplika għal miżuri li jaffetwaw il-kummerċ fis-servizzi tat-trasport bl-ajru, kemm jekk skedati u kemm jekk le, u servizzi relatati. Huwa kkonfermat li kull rabta speċifika jew obbligazzjoni meħuda taħt dan il-Ftehim ma għandhiex tnaqqas jew taffetwa l-obbligazzjonijiet ta’ xi Membru taħt ftehim bilaterali jew multilaterali li huma effettivi fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar l-ODK.

2. Il-Ftehim, inklużi l-proċeduri ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim, ma għandhomx japplikaw għal miżuri li jaffetwaw:

(a) id-drittijiet tat-traffiku, ikunu kif ikunu mogħtija; jew

(b) servizzi relatati direttament ma’ l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku,

ħlief għal kif ipprovdut fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Anness.

3. Il-Ftehim għandu jgħodd għal miżuri li jaffetwaw:

(a) it-tiswija ta’ l-ajruplani u servizzi ta’ manutenzjoni;

(b) il-bejgħ u l-varar fis-suq ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru;

(ċ) servizzi ta’ sistema ta’ post miżmum bil-kompjuter (SRK).

4. Il-proċeduri ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim tal-Ftehim jistgħu jiġu invokati biss fejn l-obbligazzjonijiet jew ir-rabtiet speċifiċi kienu meħudin mill-Membri kkonċernati u fejn il-proċeduri ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim fi ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali oħrajn ikunu ġew użati.

5. Il-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi għandu jirrevedi perjodikament, u mill-inqas kull ħames snin, żviluppi fis-settur tat-trasport bl-ajru u l-operat ta’ dan l-Anness bl-iskop li jikkunsidra applikazzjoni usa’ possibbli ta’ dan il-Ftehim.

6. Definizzjonijiet

(a) "Servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni ta’ l-ajruplani" tfisser dawk l-attivitajiet meta magħmulin fuq ajruplan jew parti minnu waqt li jkun imneħħi mis-servizz u ma jinkludux l-hekk imsejħa manutenzjoni tal-linja.

(b) "Il-Bejgħ u l-varar fis-suq ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru" tfisser opportunitajiet għal-linja ta’ l-ajru kkonċernata li tbiegħ u tvara b’mod ħieles is-servizzi tat-trasport bl-ajru tagħha inklużi l-aspetti kollha bħalma huma riċerka fuq immarkittjar, riklamar u distribuzzjoni. Dawn l-attivitajiet ma jinkludux deċiżjonijiet fuq il-prezz tas-servizzi tat-trasport bl-ajru u lanqas il-kondizzjonijiet applikabbli.

(ċ) "Servizzi ta’ sistema ta’ post miżmum bil-kompjuter(SRK)" tfisser servizzi pprovduti b’sistemi kkompjuterizzati li fihom informazzjoni dwar l-iskedi tal-linji tal-ajru, disponibbilitá.

(d) "Drittijiet tat-Traffiku" tfisser id-dritt għal servizzi, kemm skedati u kemm le, li joperaw u/jew iġorru passiġġieri, merkanzija u posta għal remunerazzjoni jew kera minn, lejn, fuq, jew fit-territorju ta’ Membru, inklużi punti li jridu jiġu serviti, rotot biex jiġu operati, tipi ta’ traffiku li għandu jinġarr, kapaċitá pprovduta, tariffi mitluba u l-kondizzjonijiet tagħhom, u kriterji għad-deskrizzjoni ta’ linji ta’ l-ajru, li jinkludu dawk il-kriterji bħal numru, proprjetá u kontroll.

--------------------------------------------------

L-Anness dwar Servizzi Finanzjarji

1. Skop u Definizzjoni

(a) Dan l-Anness japplika għal miżuri li jaffetwaw il-provvista ta’ servizzi finanzjarji. Referenza għall-provvista ta’ servizzi finanzjarji f’dan l-Anness għandha tfisser il-provvista ta’ servizz bħalma definit fil-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu I tal-Ftehim.

(b) għall iskopijiet tas-subparagrafu 3(b) ta’ l-Artikolu I tal-Ftehim, "servizzi pprovduti fl-eżerċizzju ta’ awtoritá governattiva" tfisser dan li ġej:

(i) attivitajiet immexxijin minn bank ċentrali jew awtoritá monetarja jew politiċi tar-rata tal-kambju;

(ii) attivitajiet li jiffurmaw parti minn sistema statutorja ta’ sigurtá soċjali jew pjanijiet pubbliċi ta’ rtirar; u

(iii) attivitajiet oħrajn immexxijin minn entitá pubblika bil-garanzija, iggarantiti minn jew bl-użu ta’ riżorsi finanzjarji tal-Gvern.

(ċ) Għall-iskopijiet tas-subparagrafu 3(b) ta’ l-Artikolu I tal-Ftehim, jekk Membru jħalli xi attivitá minn dawk referuti fis-subparagrafi (b)(ii) jew (b)(iii) ta’ dan il-paragrafu tiġi mmexxija mill-fornituri ta’ servizzi finanzjarji tiegħu f’kompetizzjoni ma’ entitá jew fornitur ta’ servizzi finanzjarji pubbliċi, "servizzi" għandha tinkludi dawk l-attivitajiet.

(d) Is-subparagrafu 3(ċ) ta’ l-Artikolu I tal-Ftehim ma għandux japplika għal servizzi koperti b’dan l-Anness.

2. Regolazzjoni Domestika

(a) Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra f’dan il-Ftehim, Membru ma għandux jiġi miżmum milli jieħu miżuri għal raġunijiet ta’ prudenza, inklużi dawk għall-protezzjoni ta’ l-investituri, depożitanti, detenturi tal-poloz, jew persuni dovuti dazju fiduċjarju minn fornitur tas-servizzi finanzjarji, jew biex jiżguraw l-integritá u l-istabbilitá tas-sistema finanzjarja. Fejn dawn il-miżuri ma jkunux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim, dawn ma għandhomx jiġu użati bħala mezz biex jevitaw ir-rabtiet jew l-obbligazzjonijiet tal-Membru taħt il-Ftehim.

(b) Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jinftiehem li jirrikjedi xi Membru sabiex jiżvela informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ kontijiet jew affarijiet ta’ konsumaturi individwali jew xi informazzjoni kunfidenzali jew fuq proprjetá fil-pussess ta’ entitajiet pubbliċi.

3. Rikonoxximent

(a) Membru jista’ jirrikonoxxi miżuri ta’ prudenza ta’ xi pajjiż ieħor waqt li jistabbilixxi kif il-miżuri tal-Membru li jirrelataw mas-servizzi finanjarji għandhom jiġu applikati. Dan ir-rikonoxximent, li jista’ jintlaħaq permezz ta’ armonizzazzjoni jew b’mod ieħor, jista’ jkun ibbażat fuq ftehim jew arranġament mal-pajjiż ikkonċernat jew jista’ jkun permess b’mod awtonomu.

(b) Membru li huwa parti f’dan il-ftehim jew arranġament riferut fis-subparagrafu (a), kemm jekk futur u kemm jekk eżistenti, għandu jippermetti opportunitá adegwata lil Membri oħrajn interessati sabiex jinnegozjaw is-sħubija tagħhom f’dawn il-ftehim jew arranġamenti, jew sabiex jinnegozjaw oħrajn komparabbli miegħu, taħt ċirkostanzi fejn ikun hemm regolamenti ekwivalenti, monituraġġ, implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament, u, jekk xieraq, proċeduri li jikkonċernaw it-tqassim ta’ informazzjoni bejn il-partijiet fil-ftehim jew arranġament. Fejn Membru jippermetti rikonoxximent b’mod awtonomu, dan għandu jħalli opportunitá adegwata lil kwalunkwe Membru ieħor sabiex juri li dawn iċ-ċirkostanzi jeżistu.

(ċ) Fejn Membru jkun qiegħed jikkontempla li jagħti rikonoxximent lil miżuri ta’ prudenza ta’ xi pajjiż ieħor, il-paragrafu 4(b) ta’ l-Artikolu VII ma għandux jgħodd.

4. Riżoluzzjoni tat-Tilwim

Panels dwar tilwim fuq kwistjonijiet ta’ prudenza u kwistjonijiet finanzjarji oħrajn għandu jkollhom l-għarfien neċessarju rilevanti għas-servizz finanzjarju speċifiku involut fit-tilwim.

5. Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan l-Anness:

(a) Servizz finanzjarju huwa kull servizz ta’ natura finanzjarja offrut minn fornitur tas-servizzi finanzjarji ta’ Membru. Servizzi finanzjarji jinkludu kull servizz ta’ assigurazzjoni jew relatat ma’ l-assigurazzjoni u kull servizz bankarju jew servizz finanzjarju ieħor (barra l-assigurazzjoni). Servizzi finanzjarji jinkludu l-attivitajiet segwenti:

Servizzi ta’ assigurazzjoni jew relatati ma’ l-assigurazzjoni

(i) Assigurazzjoni diretta (li tinkludi ko-assigurazzjoni):

(A) tal-ħajja

(B) mhux tal-ħajja

(ii) Re-assigurazzjoni u retroċessjoni;

(iii) Inter-medjazzjoni assikurattiva, bħal senserija u aġenzija;

(iv) Servizzi awżiljarji għall-assigurazzjoni, bħal konsulenza, żamma tal-kontijiet, stima tal-periklu u servizzi tar-riżoluzzjoni tat-talbiet.

Servizzi bankarji jew servizzi finanzjarji oħrajn (minbarra l-assigurazzjoni)

(v) Aċċettazzjoni ta’ depożiti u fondi oħrajn li jitħallsu lura mill-pubbliku;

(vi) Self ta’ kull tip, inkluż kreditu tal-konsumatur, kreditu fuq l-ipoteki, kumpaniji li jżommu u jħaddmu l-ishma u ffinanzjar ta’ tranżazzjoni kummerċjali;

(vii) Kera finanzjarju;

(viii) Kull servizz ta’ trażmissjoni ta’ ħlas u flus, inklużi kreditu, tariffi u karti tad-debitu, ċekkijiet tal-vjaġġaturi u drafts bankarji;

(ix) Garanziji u rabtiet;

(x) Kummerċ f’isem wieħed jew f’isem il-konsumaturi, kemm jekk bi skambju, f’suq "over-the-counter" jew b’mod ieħor, dan li ġej:

(A) strumenti tas-swieq tal-flejjes (inklużi ċekkijiet, kontijiet, ċertifikati tad-depożiti);

(B) skambju barrani;

(Ċ) prodotti derivattivi li jinkludu, iżda mhux limitati għal, futuri u opzjonijiet;

(D) strumenti tar-rati ta' l-iskambju u rati ta' l-interessi, inklużi prodotti bħal bdil, ftehim ta' rata bil-quddiem;

(E) garanziji trasferibbli;

(F) strumenti negozjabbli oħrajn u assi finanzjarji, inklużi ingotti tad-deheb jew fidda qabel jinħadmu.

(xi) Parteċipazzjoni fil-ħruġ ta' kull tip ta' garanziji, inklużi sottoskrizzjoni għal garanzija u l-għażla ta' aġent (kemm jekk pubblikament jew privatament) u provvista ta' servizzi relatati ma' dawn il-materji;

(xii) Senserija tal-flus;

(xiii) Immaniġġjar ta' l-assi, bħal immaniġġjar tal-flus kontanti jew portafoll, kull forma ta' mmaniġġjar ta' investiment kollettiv, immaniġġjar ta' fondi għall-pensjoni, servizzi ta' kustodja, depożitarju, u fond;

(xiv) Servizzi ta' riżoluzzjoni u tneħħija ta' ħlas għal assi finanzjarji, inklużi garanziji, prodotti derivattivi, u strumenti negozjabbli oħrajn;

(xv) Provvista u trasferiment ta' informazzjoni finanzjarja, u pproċessar ta' għarfien finanzjarju u software relatat minn fornituri ta' servizzi finanzjarji oħrajn;

(xvi) Pariri, intermedjazzjoni u servizzi finanzjarji awżiljari oħrajn fuq l-attivitajiet kollha fil-lista tas-subparagrafi (v) u (xv), li jinkludu referenza u analiżi ta' kreditu, riċerka u pariri fuq l-investiment u l-portafoll, pariri dwar akwisizzjonijiet u dwar strateġija u ristrutturazzjoni tal-kumpaniji.

(b) Fornitur tas-servizzi finanzjarji tfisser persuna naturali jew ġuridika ta' Membru li jixtieq li jforni, jew li jkun qiegħed iforni servizzi finanzjarji iżda t-terminu "fornitur ta' servizzi finanzjarji" ma jinkludix entitajiet pubbliċi.

(ċ) "Entitá pubblika" tfisser:

(i) gvern, bank ċentrali jew awtoritá monetarja, ta' Membru, jew entitá proprjetá ta' jew ikkontrollata minn Membru, li hija primarjament involuta f'funzjonijiet tal-gvern jew attivitajiet għal skopijiet governattivi, li ma tinkludix entitá primarjament involuta fil-provvista ta' servizz finanzjarju fuq termini kummerċjali; jew

(ii) entitá privata, li taqdi funzjonijiet normalment moqdija minn bank ċentrali jew awtoritá monetarja, meta teżerċita dawk il-funzjonijiet.

--------------------------------------------------

It-Tieni l-Anness dwar Servizzi Finanzjarji

1. Minkejja l-Artikolu II tal-Ftehim u l-paragrafi 1 u 2 ta' l-Anness dwar l-Artikolu II Eżenzjonijiet, Membru jista', waqt il-perjodu ta' 60 ġurnata li jibdew erba' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar l-ODK, iżid f'dak l-Anness miżuri li għandhom x'jaqsmu ma' servizzi finanzjarji li huma inkonsistenti mal-paragrafu 1 ta' l-Artikolu II tal-Ftehim.

2. Minkejja l-Artikolu XXI tal-Ftehim, Membru jista', waqt il-perjodu ta' 60 ġurnata li jibdew erba' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar l-ODK, itejjeb, jimmodifika jew jirtira r-rabtiet speċifiċi, kollha jew parti minnhom, fuq servizzi finanzjarji inklużi fl-Iskeda tiegħu.

3. Il-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi għandu jistabbilixxi l-proċeduri neċessarji għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2.

--------------------------------------------------

L-Anness dwar Negozjati fuq Servizzi tat-Trasport Marittimu

1. L-Artikolu II u l-Anness dwar l-Artikolu II Eżenzjonijiet, inkluż il-ħtieġa li tiġi inkluża fil-lista fl-Anness kull miżura inkonsistenti ma' trattament ta' nazzjon l-iktar favorit li Membru jżomm, għandhom jidħlu fis-seħħ għat-trasport bil-baħar internazzjonali, servizzi awżiljari u aċċess lejn u l-użu tal-faċilitajiet tal-port biss meta:

(a) fid-data ta' l-implimentazzjoni li għandha tiġi ddeterminata taħt il-paragrafu 4 tad-Deċiżjoni Ministerjali dwar in Negozjati fuq is-Servizzi tat-Trasport Marittimu; jew,

(b) jekk in-negozjati ma jirnexxux, fid-data tar-rapport finali tal-Grupp tan-Negozjaturi fuq is-Servizzi tat-Trasport Marittimu li hemm ipprovdut f'dik id-Deċiżjoni.

2. Il-Paragrafu 1 ma għandux japplika għal xi rabta speċifika fuq servizzi tat-trasport marittimu li tkun inkluża fl-Iskeda ta' xi Membru.

3. Mill-konklużjonijiet tan-negozjati riferuti fil-paragrafu 1, u qabel id-data ta' l-implimentazzjoni, Membru jista' jtejjeb, jimmodofika jew jirtira minn rabtiet speċifiċi, kollha jew parti minnhom, f'dan is-settur mingħajr ma joffri kumpens, minkejja d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu XXI.

--------------------------------------------------

L-Anness dwar it-Telekomunikazzjonijiet

1. Skopijiet

Waqt li jirrikonoxxu l-ispeċifiċitajiet tas-servizzi tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet, partikolarment, ir-rwol doppju bħala settur distint ta' l-attivitá ekonomika u bħala mezz ta' trasport għal attivitajiet ekonomiċi oħrajn, il-Membri qablu fuq l-Anness li ġej bl-għanijiet li jelaboraw fuq id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim fejn jidħlu miżuri li jaffetwaw l-aċċess għal u l-użu ta' xbieki komunikattivi u servizzi tat-trasport tat-telekomunikazzjonijiet pubbliċi. Għaldaqstant, dan l-Anness jipprovdi noti u dispożizzjonijiet supplimentari għall-Ftehim.

2. Skop

(a) Dan l-Anness għandu japplika għall-miżuri kollha ta' Membru li jaffetwaw l-aċċess lejn u l-użu ta' xbieki komunikattivi u servizzi tat-trasport tat-telekomunikazzjonijiet [1].

(b) Dan l-Anness ma għandux japplika għal miżuri li jaffetwaw id-distribuzzjoni bi trażmissjoni jew bil-kejbil tal-programmazzjoni tar-radju u t-televixin.

(ċ) Xejn f'dan l-Anness ma għandu jinftiehem li:

(i) jirrikjedi lil xi Membru li jawtorizza fornitur ta' servizz ta' xi Membru ieħor sabiex jistabbilixxi, jibni, jakkwista, jikri, jopera, jew iforni xbieki telekomunikattivi tat-trasport jew tas-servizzi, barra dawk ipprovduti fl-Iskeda tiegħu; jew

(ii) jirrikjedi lil xi Membru (jew jirrikjedi lil xi Membru li jobbliga lill-fornituri tas-servizzi taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu) li jistabbilixxu, jibnu, jakkwistaw, jikru, iħaddmu, jew ifornu servizzi jew xbieki telekominkattivi tat-trasport mhux offruti lill-pubbliku in ġenerali.

3. Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' dan l-Anness:

(a) "Telekomunikazzjonijiet" tfisser it-trażmissjoni u r-riċeviment ta' sinjali bi kwalunkwe mezz elettromanjetiku.

(b) "Servizzi ta' trasport tat-telekomunikazzjonijiet pubbliċi" tfisser kull servizz ta' trasport tat-telekomunikazzjonijiet meħtieġ, espliċitament jew effettivament, minn Membru sabiex joffrieh lill-pubbliku in ġenerali. Dawn is-servizzi jistgħu jinkludu inter alia telegrafija, telefon, telex, u trażmissjoni ta' data li jinvolvu tipikament it-trażmissjoni real-time ta' informazzjoni pprovduta mill-konsumatur bejn żewġ punti jew aktar mingħajr bidla minn tarf għal tarf fil-forma jew il-kontenut ta' l-informazzjoni tal-konsumatur.

(ċ) "Xibka tat-trasport tat-telekomunikazzjonijiet pubblika" tfisser l-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet pubblika li tippermetti t-telekomunikazzjonijiet bejn punti ta' tmiem ta' xibka definiti.

(d) "Komunikazzjonijiet bejn il-kumpaniji" tfisser telekomunikazzjonijiet li permezz tagħhom kumpanija tikkomunika fil-kumpanija jew ma', jew bejn, is-sussidjarji tagħha, fergħat u, skond il-liġijiet u regolamenti domestiċi tal-Membru, korpi affiljati. Għal dawn l-għanijiet, "sussidjarji", "fergħat" u, fejn applikabbli, "korpi affiljati" għandhom ikunu definiti minn kull Membru. "Komunikazzjonijiet bejn il-kumpaniji" f'dan l-Anness teskludi servizzi kummerċjali jew mhumiex li huma pprovduti lil kumpaniji li mhumiex sussidjarji, fergħat, jew korpi affiljati relatati, jew li jkunu offerti lil konsumaturi jew konsumaturi potenzali.

(e) Kull referenza għal paragrafu jew subparagrafu f'dan l-Anness tinkludi s-suddiviżjonijiet kollha tagħhom.

4. Trasparenza

Fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu III tal-Ftehim, kull Membru għandu jiżgura li l-informazzjoni rilevanti dwar kondizzjonijiet li jaffetwaw l-aċċess lejn u l-użu ta' xbieki pubbliċi telekomunikattivi tat-trasport jew tas-servizzi tkun disponibbli, inklużi: tariffi u termini oħrajn u kondizzjonijiet tas-servizz; speċifikazzjonijiet ta' interfaces tekniċi ma' dawn ix-xbieki u servizzi; informazzjoni dwar korpi responsabbli għall-preparazzjoni u l-adozzjoni ta' standards li jaffetwaw dan l-aċċess u l-użu; kondizzjonijiet li japplikaw għat-twaħħil ta' terminal jew tagħmir ieħor; u notifiki, reġistrazzjonijiet jew ħtiġijiet ta' liċenzar, jekk ikun hemm.

5. Aċċess għal u l-użu ta' Xbieki Pubbliċi Telekomunikattivi tat-Trasport jew tas-Servizzi

(a) Kull Membru għandu jiżgura li kull fornitur ta' servizz ta' kwalunkwe Membru ieħor ikun permess aċċess u użu ta' xbieki pubbliċi telekomunikattivi tat-trasport jew tas-servizzi skond termini u kondizzjonijiet raġonevoli u non-diskriminatorji, għall-provvista ta' servizz inkluż fl-Iskeda tiegħu. Din l-obbligazzjoni għandha tkun applikata inter alia fil-paragrafi (b) u (f) [2].

(b) Kull Membru għandu jiżgura li l-fornituri ta' servizz ta' Membru ieħor ikollhom aċċess għal u l-użu xbieki pubbliċi telekomunikattivi tat-trasport jew tas-servizzi offruti fil-fruntieri ta' dak il-Membru jew bejniethom, inklużi ċirkwiti mikrijin mill-privat, u għaldaqstant għandu jiżgura, bla ħsara għall-paragrafi (e) u (f), li dawn il-fornituri jkunu permessi:

(i) jixtru jew jikru u jwaħħlu terminal jew tagħmir ieħor li jagħmel interface max-xibka komunikattiva li hija neċessarja sabiex tipprovdi s-servizzi tal-fornitur;

(ii) jikonnetjaw bejniethom ċirkwiti mikrija jew proprjetá tal-privat ma' xbieki pubbliċi telekomunikattivi tat-trasport jew tas-servizzi jew ma' ċirkwiti mikrija jew proprjetá ta' fornitur tas-servizzi ieħor; u

(iii) jużaw protokolli ta' operazzjoni tal-għażla tal-fornitur tas-servizz fil-provvista ta' kwalunkwe servizz, barra dak li huwa neċessarju sabiex jiżguraw id-disponibbilitá ta' xbieki u servizzi tat-trasport tat-telekomunikazzjonijiet għall-pubbliku in ġenerali.

(ċ) Kull Membru għandu jiżgura li l-fornituri ta' servizz ta' xi Membru ieħor ikunu jistgħu jużaw xbieki pubbliċi telekomunikattivi tat-trasport jew tas-servizzi għall-moviment ta' l-informazzjoni fil-fruntieri u bejniethom, inklużi komunikazzjonijiet bejn il-kumpaniji ta' dawk il-fornituri tas-servizz, u għall-aċċess għall-informazzjoni li tkun tinsab f'ġabriet ta' data jew inkella f'forma li tinqara minn magna fit-territorju ta' kwalunkwe Membru. Kull miżura ġdida jew emendata ta' Membru li taffetwa sinifikattivament dan l-użu għandha tkun innotifikata u soġġetta għall-konsultazzjoni, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim.

(d) Minkejja l-paragrafu preċedenti, Membru jista' jieħu dawk il-miżuri neċessarju biex jiżgura s-sigurtá u l-kunfidenzalitá tal-messaġġi, bla ħsara għall-ħtieġa li dawn il-miżuri ma jkunux applikati b'mod li jkunu jikkostitwixxu mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja u mhux ġustifikabbli jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ fis-servizzi.

(e) Kull Membru għandu jiżgura li l-ebda kondizzjoni ma tkun imposta fuq l-aċċess għal u l-użu tax- xbieki pubbliċi telekomunikattivi tat-trasport jew tas-servizzi iktar milli neċessarju:

(i) sabiex jissalvagwardja r-responsabbilitajiet tas-servizz pubbliku tal-fornituri tax- xbieki pubbliċi telekomunikattivi tat-trasport jew tas-servizzi, partikolarment l-abbilitá tagħhom li jagħmlu x-xbieki komunikattivi jew is-servizzi tagħhom disponibbli għall-pubbliku in ġenerali;

(ii) sabiex jipproteġi l-integritá teknika tax- xbieki pubbliċi telekomunikattivi tat-trasport jew tas-servizzi; jew

(iii) sabiex jiżgura li l-fornituri ta' servizz ta' xi Membru ieħor ma jipprovdux servizzi sakemm ma jkunux permessi skond ir-rabtiet fl-Iskeda tal-Membru.

(f) Sakemm jissodisfaw il-kriterji msemmija fil-paragrafu (e), il-kondizzjonijiet għall-aċċess u l-użu tax- xbieki pubbliċi telekomunikattivi tat-trasport jew tas-servizzi jistgħu jinkludu:

(i) restrizzjonijiet fuq il-bejgħ mill-ġdid jew użu mqassam ta' dawn is-servizzi;

(ii) ħtieġa ta' l-użu interfaces tekniċi speċifikati, li jinkludu protokols ta' l-interface, għal inter-konnessjoni ma' dawn ix-xbieki komunikattivi u servizzi;

(iii) ħtiġijiet, fejn neċessarju, għal operabbilitá bejniethom ta' dawn is-servizzi u sabiex jinkoraġġixxu l-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 7(a);

(iv) approvazzjoni ta' tip ta' terminal jew tagħmir ieħor li jkollu interface max-xibka u ħtiġijiet tekniċi relatati mat-twaħħil ta' dan it-tagħmir ma' dawn ix-xbieki;

(v) restrizzjonijiet fuq inter-konnessjonijiet ta' ċirkwiti mikrija jew proprjetá tal-privat ma' dawn ix-xbieki jew servizzi jew ma' ċirkwiti mikrija jew proprjetá ta' fornituri tas-servizz oħrajn; jew

(vi) notifika, reġistrazzjoni u lliċenzar.

(g) Minkejja l-paragrafi preċedenti ta' din id-dispożizzjoni, pajjiż Membru li għadu qiegħed jiżviluppa jista', konsistentament mal-livell ta' żvilupp tiegħu, ipoġġi kondizzjonijiet raġonevoli fuq l-aċċess u l-użu tax- xbieki pubbliċi telekomunikattivi tat-trasport jew tas-servizzi neċessarji biex isaħħu l-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet domestika u l-kapaċitá tas-servizz tiegħu u biex iżid il-parteċipazzjoni fil-kummerċ internazzjonali tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom ikunu speċifikati fl-Iskeda tal-Membru.

6. Kooperazzjoni Teknika

(a) Il-Membri jirrikonoxxu li infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet avvanzata u effiċjenti fil-pajjiżi, speċjalment dawk li għadhom qegħdin jiżviluppaw, hija essenzali għall-espansjoni tal-kummerċ fis-servizzi tagħhom. Għal dan il-għan, il-Membri jaqblu u jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni, bl-iktar mod wiesa' possibbli, ta' pajjiżi żviluppati u mhumiex u l-fornituri tax- xbieki pubbliċi telekomunikattivi tat-trasport jew tas-servizzi tagħhom u entitajiet oħrajn fil-programmi ta' żvilupp ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, li jinkludu l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet, il-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, u l-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp.

(b) Il-Membri għandhom jinkoraġġixxu u jappoġġjaw il-kooperazzjoni fit-telekomunikazzjonijiet bejn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fuq livelli internazzjonali, reġjonali u sub-reġjonali.

(ċ) F'kooperazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, il-Membri għandhom jagħmlu disponibbli, fejn ikun prattikabbli, lil pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw informazzjoni fejn għandhom x'jaqsmu s-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet u l-iżviluppi fit-telekomunikazzjonijiet u t-teknoloġija ta' l-informatika sabiex jassistu fit-tisħiħ tas-settur tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet domestiku tagħhom.

(d) Il-Membri għandhom jagħtu konsiderazzjoni speċjali lil opportunitajiet għall-pajjiżi l-inqas żviluppati sabiex jinkoraġġixxu fornituri barranin tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet biex jassistu fit-trasferiment tat-teknoloġija, taħriġ u attivitajiet oħrajn li jappoġġjaw l-iżvilupp ta' l-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet tagħhom u l-espansjoni tal-kummerċ fis-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet.

7. Relazzjoni għal Organizzazzjonijiet u Ftehim Internazzjonali

(a) Il-Membri jirrikonoxxu l-importanza ta' l-istandards internazzjonali għall-kompatibbilitá u l-inter-operabbilitá tax-xbieki komunikattivi u s-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet u jwegħdu li jippromovu dawn l-istandards permezz tax-xogħol ta' korpi internazzjonali rilevanti, inklużi l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni.

(b) Il-Membri jirrikonoxxu r-rwol ta' organizzazzjonijiet inter-governattivi u non-governattivi u l-ftehim biex iwasslu għall-operat effiċjenti tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet domestiċi, partikolarment l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet. Il-Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti xierqa, fejn hu rilevanti, għall-konsultazzjoni ma' dawn l-organizzazzjonijiet fuq kwistjonijiet li joħorġu mill-implimentazzjoni ta' dan l-Anness.

[1] Dan il-paragrafu huwa mifhum li jfisser li kull Membru għandu jiżgura li l-obbligazzjonijiet ta' dan l-Anness ikunu applikati fejn jidħlu fornituri ta' xbieki u servizzi tat-trasport tat-telekomunikazzjonijiet bi kwalunkwe miżuri kif ikunu neċessarji.

[2] It-terminu "non-diskriminatorju" huwa mifhum li jirreferi għal trattament ta' nazzjon l-iktar favorit u ta' trattament nazzjonali bħalma definit fil-Ftehim, kif ukoll li jirrifletti użanzi speċifiċi skond is-settur tat-terminu li jfisser "termini u kondizzjonijiet mhux inqas favorevoli minn dawk permessi għal kull utent ieħor ta' xbieki u servizzi tat-trasport tat-telekomunikazzjonijiet simili taħt ċirkostanzi simili".

--------------------------------------------------

L-Anness dwar in-Negozjati fuq it-Telekomunikazzjonijiet Bażiċi

1. L-Artikolu II u l-Anness dwar l-Artikolu II Eżenzjonijiet, inkluż il-ħtieġa li tiġi inkluża fil-lista fl-Anness kull miżura inkonsistenti ma' trattament ta' nazzjon l-iktar favorit li Membru jżomm, għandhom jidħlu fis-seħħ għal telekomunikazzjonijiet bażiċi biss:

(a) fid-data ta' l-implimentazzjoni li għandha tiġi ddeterminata taħt il-paragrafu 5 tad-Deċiżjoni Ministerjali dwar in-Negozjati fuq it-Telekomunikazzjonijiet Bażiċi; jew,

(b) jekk in-negozjati ma jirnexxux, fid-data tar-rapport finali tal-Grupp tan-Negozjaturi fuq it-Telekomunikazzjonijiet Bażiċi li hemm ipprovdut f'dik id-Deċiżjoni.

2. Il-Paragrafu 1 ma għandux japplika għal xi rabta speċifika dwar it-telekomuinikazzjonijiet bażiċi li tkun inkluża fl-Iskeda ta' xi Membru.

--------------------------------------------------

Top