Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12016E/PRO/31

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea
PROTOKOLL (Nru 31) DWAR L-IMPORTAZZJONIJIET FL-UNJONI TA' PRODOTTI PETROLIFIĊI RAFFINATI FL-ANTILLES TA' L-OLANDA

ĠU C 202, 7.6.2016, p. 314–316 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/tfeu_2016/pro_31/oj

   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

C 202/314


PROTOKOLL (Nru 31)

DWAR L-IMPORTAZZJONIJIET FL-UNJONI TA' PRODOTTI PETROLIFIĊI RAFFINATI FL-ANTILLES TA' L-OLANDA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JIXTIEQU jagħtu dettalji iktar kompleti dwar is-sistema ta' negozju applikabbli għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti petrolifiċi raffinati fl-Antilles ta' l-Olanda,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Dan il-Protokoll huwa applikabbli għal prodotti petrolifiċi li jaqgħu taħt in-Nomenkaltura ta' Brussell numri 27.10, 27.11, 27.12, ex 27.13 (xama' tal-pitrolju, xama' petrolifika jew tax-shale u residwi tal-pitrolju) u 27.14, importati għall-użu fl-Istati Membri.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jimpenjaw irwieħhom li jagħtu lil prodotti petrolifiċi raffinati fl-Antilles ta' l-Olanda il-preferenzi tariffarji li jirriżultaw mill-Assoċjazzjoni ta' din ta' l-aħħar mal-Unjoni, taħt il-kondizzjonijiet previsti f'dan il-Protokoll. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ikunu xi jkunu r-regoli ta' l-oriġini applikati mill-Istati Membri.

Artikolu 3

1.   Meta l-Kummissjoni, fuq talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, tistabbilixxi li importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti petrolifiċi raffinati fl-Antilles ta' l-Olanda taħt is-sistema prevista fl-Artikolu 2 fuq qed jikkawżaw diffikultajiet reali fis-suq ta' Stat Membru wieħed jew iktar, għandha tiddeċiedi li dazji doganali fuq l-importazzjonijiet imsemmija għandhom jiġu introdotti, miżjuda jew introdotti mill-ġdid mill-Istati Membri in kwistjoni, sal-limitu u għal dak il-perjodu li jista' jkun meħtieġ sabiex tiġi sodisfatta dik is-sitwazzjoni. Ir-rati tad-dazji doganali hekk introdotti, miżjuda jew introdotti mill-ġdid ma jistgħux jaqbżu id-dazji doganali applikabbli għal pajjiżi terzi għal dawn l-istess prodotti.

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 jistgħu fi kwalunkwe każ jiġu applikati meta l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti petrolifiċi raffinati fl-Antilles ta' l-Olanda jilħqu żewġ miljun tunnellata metrika f'sena.

3.   Il-Kunsill għandu jiġi nformat bid-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni skond il-paragrafi 1 u 2, inklużi dawk diretti lejn ir-rifjut ta' talba minn Stat Membru. Il-Kunsill għandu, fuq talba ta' kull Stat Membru, jassumi responsabbiltà għall-kwistjoni u jista' fi kwalukwe ħin jemendhom jew jirrevokhom.

Artikolu 4

1.   Jekk Stat Membru jikkunsidra li importazzjonijiet ta' prodotti petrolifiċi raffinati fl-Antilles ta' l-Olanda, magħmula jew direttament jew permezz ta' Stat Membru ieħor taħt is-sistema prevista fl-Artikolu 2 fuq, qed jikkawżaw diffikultajiet reali fis-suq tiegħu u li azzjoni immedjata hi meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti, jista' fuq l-inizjattiva tiegħu stess jiddeċiedi li japplika dazji doganali għal dawn l-importazzjonijiet, li r-rata tagħhom ma tistax taqbeż dawk tad-dazji doganali applikabbli għal pajjiżi terzi fir-rigward ta' l-istess prodotti. Għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi fi żmien xahar jekk il-miżuri meħuda mill-Istat għandhomx jinżammu jew għandhomx jiġu emendati jew ikkanċellati. Id-disposizzonijiet ta' l-Artikolu 3(3) għandhom ikunu applikabbli għal din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

2.   Meta l-kwantitajiet ta' prodotti petrolifiċi raffinati fl-Antilles ta' l-Olanda importati jew direttament jew permezz ta' Stat Membru, taħt is-sistema prevista fl-Artikolu 2 fuq, fi Stat Membru jew Stati tal-KEE jeċċedu tul sena kalendarja it-tunnellaġġ li jidher fl-Anness ma' dan il-Protokoll, il-miżuri meħuda skond il-paragrafu 1 minn dak jew dawk l-Istati Membri għas-sena kurrenti għandhom jiġu kkunsidrati li huma ġustifikati; il-Kumissjoni għandha, wara li tassigura lilha nfisha li t-tunnellaġġ iffissat intlaħaq, tirreġistra formalment il-miżuri meħuda. F' dan il-każ l-Istati Membri l-oħra għandhom jastjenu milli jqiegħdu l-kwistjoni formalment quddiem il-Kunsill.

Artikolu 5

Jekk l-Unjoni tiddeċiedi li tapplika restrizzjonijiet kwantitattivi għal prodotti petrolifiċi, mingħajr distinzjoni ta' mnejn huma impurtati, dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu ukoll jiġu applikati għal importazzjonijiet ta' dawn il-prodotti mill-Antilles ta' l-Olanda. F'dan il-każ għandu jingħata trattament preferenzjali lill-Antilles ta' l-Olanda meta pparagunata ma' pajjiżi terzi.

Artikolu 6

1.   Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 u 5 għandhom jiġu riveduti mill-Kunsill, b'deċiżjoni unanima, wara konsultazjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, meta definizzjoni komuni ta' oriġini għal prodotti petrolifiċi minn pajjiżi terzi u pajjiżi Assoċjati hija adottata, jew meta jittieħdu deċiżjonijiet fil-qafas ta' politika kummerċjali komuni għall-prodotti in kwistjoni jew meta hija stabbilita politika komuni għall-enerġija.

2.   Meta ssir din ir-reviżjoni, madanakollu, preferenzi ekwivalenti għandhom fi kwalunkwe każ jiġu mantnuti a favur ta' l-Antilles ta' l-Olanda f'forma xierqa u għal kwantità minima ta' 2.5 miljun tunnellata metrika ta' prodotti petrolifiċi.

3.   L-impenji ta' l-Unjoni fir-rigward ta' preferenzi ekwivalenti kif imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jistgħu, jekk meħtieġ, jitqassmu pajjiż b'pajjiż b'kont meħud tat-tunnellaġġ indikat fl-Anness ma' dan il-Protokoll.

Artikolu 7

Għall-implimentazzjoni ta' dan il-Protokoll, il-Kummissjoni hija responsabbli għall-mudell li ġej ta' importazzjonijiet fl-Istati Membri ta' prodotti petrolifiċi raffinati fl-Antilles ta' l-Olanda. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, li għandha tara li hija ċċirkolata, l-informazzjoni utli kollha għal dak l-għan skond il-kondizzjonijiet amministrattivi rakkomandati minnha.


ANNESS MAL-PROTOKOLL

Għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll li jikkonċerna importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta' prodotti petrolifiċi raffinati fl-Antilles ta' l-Olanda, il-Partijiet Kontrenti Għolja iddeċidew li l-kwantità ta' 2 miljun tunnellata metrika ta' prodotti petrolifiċi mill-Antilles għandha tiġi allokata bejn l-Istati Membri kif ġej:

Il-Ġermanja …

625 000 tunnellata metrika

L-Unjoni Ekonomika Belgo/Lussemburgiża …

200 000 tunnellata metrika

Franza …

75 000 tunnellata metrika

L-Italja …

100 000 tunnellata metrika

L-Olanda …

1 000 000 tunnellata metrika


Top