EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12016E/PRO/30

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea
PROTOKOLL (Nru 30) DWAR L-APPLIKAZZJONI TAL-KARTA TAD-DRITTIJIET FUNDAMENTALI TA' L-UNJONI EWROPEA GĦALL-POLONJA U GĦAR-RENJU UNIT

OJ C 202, 7.6.2016, p. 312–313 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/tfeu_2016/pro_30/oj

   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

C 202/312


PROTOKOLL (Nru 30)

DWAR L-APPLIKAZZJONI TAL-KARTA TAD-DRITTIJIET FUNDAMENTALI TA' L-UNJONI EWROPEA GĦALL-POLONJA U GĦAR-RENJU UNIT

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BILLI fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea;

BILLI l-Karta għandha tiġi applikata f'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6 msemmi qabel u mat-Titolu VII tal-Karta nnifisha;

BILLI l-Artikolu 6 msemmi qabel jeħtieġ li l-Karta tkun applikata u interpretata mill-qrati tal-Polonja u tar-Renju Unit f' konformità stretta ma' l-ispjegazzjonijiet imsemmija f'dak l-Artikolu;

BILLI l-Karta fiha kemm drittijiet kif ukoll prinċipji;

BILLI l-Karta fiha kemm dispożizzjonijiet li huma ta' karattru ċivili u politiku u dawk li huma ta' karattru ekonomiku u soċjali;

BILLI l-Karta tikkonferma d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti fl-Unjoni u tagħmel dawk id-drittijiet aktar viżibbli, mingħajr ma toħloq drittijiet jew prinċipji ġodda;

IFAKKRU l-obbligi tal-Polonja u tar-Renju Unit taħt it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u l-liġi ta' l-Unjoni b'mod ġenerali;

JINNOTAW ix-xewqa tal-Polonja u tar-Renju Unit li jiċċaraw ċerti aspetti ta' l-applikazzjoni tal-Karta;

XEWQANA għalhekk li jiċċaraw l-applikazzjoni tal-Karta rigward il-liġijiet u l-azzjoni amministrattiva tal-Polonja u tar-Renju Unit, kif ukoll il-ġustizzjabbiltà tagħha fil-Polonja u fir-Renju Unit;

JAFFERMAW MILL-ĠDID li referenzi f'dan il-Protokoll għall-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Karta huma strettament mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet oħra tal-Karta;

JAFFERMAW MILL-ĠDID li dan il-Protokoll huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Karta għall-Istati Membri l-oħra;

JAFFERMAW MILL-ĠDID li dan il-Protokoll huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi l-oħra tal-Polonja u tar-Renju Unit taħt it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, u l-liġi ta' l-Unjoni b'mod ġenerali;

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

1.   Il-Karta ma testendix il-fakulta tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, jew kwalunkwe qorti jew tribunal tal-Polonja jew tar-Renju Unit, li ssib li l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet, il-prattiki jew l-azzjonijiet amministrattivi tal-Polonja jew tar-Renju Unit huma inkonsistenti mad-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji fundamentali li hija tafferma mill-ġdid.

2.   B'mod partikolari, u sabiex jiġi evitat kull dubbju, xejn fit-Titolu IV tal-Karta ma joħloq drittijiet ġustizzjabbli applikabbli għall-Polonja jew għar-Renju Unit, ħlief sa fejn il-Polonja jew ir-Renju Unit ikunu ipprevedew tali drittijiet fil-liġi nazzjonali tagħhom.

Artikolu 2

Meta dispożizzjoni tal-Karta tirriferi għall-prattiki u l-liġijiet nazzjonali, din għandha tapplika għall-Polonja jew għar-Renju Unit biss fil-limitu li d-drittijiet jew il-prinċipji li jinsabu fiha jkunu rikonoxxuti fil-liġi jew fil-prattiki tal-Polonja jew tar-Renju Unit.


Top