Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12012E294

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea
IS-SITT PARTI - DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI U FINANZJARJI
TITOLU I - DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRREGOLAWL-ISTITUZZJONIJIET
Kapitolu 2 - Atti legali ta' l-Unjoni, proċeduri ta' adozzjoni u dispożizzjonijiet oħrajn
Taqsima 2 - Proċeduri ta' adozzjoni ta' l-atti u dispożizzjonijiet oħra
Artikolu 294
(ex Artikol 251 TKE)

OJ C 326, 26.10.2012, p. 173–175 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/tfeu_2012/art_294/oj

26.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/1


TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)

IS-SITT PARTI

DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI U FINANZJARJI

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW L-ISTITUZZJONIJIET

KAPITOLU 2

ATTI LEGALI TA' L-UNJONI, PROĊEDURI TA' ADOZZJONI U DISPOŻIZZJONIJIET OĦRAJN

TAQSIMA 2

PROĊEDURI TA' ADOZZJONI TA' L-ATTI U DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA

Artikolu 294

(ex Artikol 251 TKE)

1.   Meta fit-Trattati ikun hemm referenza għall-proċedura leġislattiva ordinarja għall-adozzjoni ta’ att, il-proċedura li ġejja għandha tapplika.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Il-Parlament Ewropew għandu jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari u jikkomunikaha lill-Kunsill.

4.   Jekk il-Kunsill japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-att in kwistjoni għandu jiġi adottat bil-formulazzjoni li tikkorrispondi mal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew.

5.   Jekk il-Kunsill ma japprovax il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, għandu jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari u jikkomunikaha lill-Parlament Ewropew.

6.   Il-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew kompletament bir-raġunijiet li wassluh sabiex jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew kompletament bil-pożizzjoni tagħha.

7.   Jekk, fi żmien tliet xhur minn din il-komunikazzjoni, il-Parlament Ewropew:

a)

japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari jew ma jkunx ħa deċiżjoni, l-att konċernat għandu jiġi kkunsidrat adottat bil-formulazzjoni li tikkorrispondi mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

b)

jirrifjuta, b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, l-att propost għandu jitqies li ma ġiex adottat;

c)

jipproponi, b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, t-test hekk emendat għandu jintbagħat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, li għandha tagħti opinjoni dwar dawk l-emendi.

8.   Jekk, fi żmien tliet xhur minn meta jirċievi l-emendi tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata:

a)

japprova dawk l-emendi kollha, l-att in kwistjoni għandu jitqies li ġie adottat;

b)

ma japprovax l-emendi kollha, il-President tal-Kunsill, bi ftehim mal-President tal-Parlament Ewropew, għandu jsejjaħ laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fi żmien sitt ġimgħat.

9.   Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu fuq l-emendi li fuqhom il-Kummissjoni tkun tat opinjoni negattiva.

10.   Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, li għandu jkun kompost mill-membri tal-Kunsill jew ir-rappreżentanti tagħhom, u numru ugwali ta' membri li jirrappreżentaw il-Parlament Ewropew, għandu l-kompitu li jilħaq ftehim dwar test komuni, b'maġgoranza kwalifikata tal-membri tal-Kunsill jew ir-rappreżentanti tagħhom u b'maġġoranza tal-membri li jirrappreżentaw il-Parlament Ewropew fi żmien sitt ġimgħat minn meta jissejjaħ, abbażi tal-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fit-tieni qari.

11.   Il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fix-xogħol tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni u għandha tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa bil-ħsieb li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

12.   Jekk, fi żmien sitt ġimgħat minn meta jissejjaħ, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ma japprovax it-test konġunt, l-att propost għandu jitqies li ma jkunx ġie adottat.

13.   Jekk, f'dak il-perijodu, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni japprova test konġunt, il-Parlament Ewropew, li jaġixxi b'maġgoranza tal-voti espressi, u l-Kunsill, li jaġixxi b'maġgoranza kwalifikata, għandhom kull wieħed ikollhom perijodu ta' sitt ġimgħat minn din l-approvazzjoni sabiex fih jadottaw l-att in kwistjoni skond dan it-test. Jekk jonqsu li jagħmlu dan, l-att propost għandu jitqies li ma jkunx ġie adottat.

14.   Il-perijodi ta' tliet xhur u sitt gimgħat previsti f'dan l-Artikolu għandhom ikunu mtawwla b'massimu ta' xahar u ġimgħatejn rispettivament fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

15.   Meta, fil-każijiet previsti mit-Trattati, att leġislattiv ikun suġġett għall-proċedura leġislattiva ordinarja fuq l-inizjattiva ta' grupp ta' Stati Membri, fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew, jew fuq it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-paragrafu 2, it-tieni sentenza tal-paragrafu 6, u l-paragrafu 9 m'għandhomx japplikaw.

F'dawn il-każijiet, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jikkomunikaw l-abbozz ta' l-att propost lill-Kummissjoni flimkien mal-pożizzjonijiet tagħhom fl-ewwel u fit-tieni qari. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jitolbu l-opinjoni tal-Kummissjoni tul il-proċedura kollha, liema opinjoni tista' tingħata wkoll mill-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess. Din tista' wkoll, jekk tqis meħtieġ, tipparteċipa fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni skond il-paragrafu 11.


Top