Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12008M017

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni ewropea - TITOLU III: DISPOŻIZZJONIJIET DWAR L-ISTITUZZJONIJIET - Artikolu 17

ĠU C 115, 9.5.2008, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/teu_2008/art_17/oj

12008M017

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni ewropea - TITOLU III: DISPOŻIZZJONIJIET DWAR L-ISTITUZZJONIJIET - Artikolu 17

Official Journal 115 , 09/05/2008 P. 0025 - 0026


Artikolu 17

1. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tippromwovi l-interess ġenerali ta' l-Unjoni u tieħu l-inizjattivi xierqa għal dan il-għan. Hija għandha tissorvelja l-applikazzjoni tat-Trattati kif ukoll tal-miżuri adottati mill-Istituzzjonijiet skond dawn it-Trattati. Hija għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tad-dritt ta' l-Unjoni taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea. Hija għandha teżegwixxi l-baġit u tamministra l-programmi. Għandha teżerċita funzjonijiet ta' koordinazzjoni, eżekuzzjoni u amministrazzjoni, skond il-kondizzjonijiet previsti fit-Trattati. Bl-eċċezzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni, u ta' każijiet oħrajn previsti fit-Trattati, hija għandha tassigura r-rappreżentanza esterna ta' l-Unjoni. Hija għandha tieħu l-inizjattiva għall-programmazzjoni annwali u pluriennali ta' l-Unjoni sabiex jintlaħqu ftehim interistituzzjonali.

2. L-atti leġislattivi ta' l-Unjoni ma jistgħux jiġu adottati ħlief fuq proposta tal-Kummissjoni, ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor. L-atti l-oħrajn għandhom jiġu adottati fuq proposta tal-Kummissjoni meta t-Trattati jipprovdu hekk.

3. Il-mandat tal-Kummissjoni għandu jkun ta' ħames snin.

Il-membri tal-Kummissjoni għandhom jintgħażlu abbażi tal-kompetenza ġenerali tagħhom u ta' l-impenn Ewropew tagħhom u minn fost persuni li ma jkun hemm l-ebda dubbju dwar l-indipendenza tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha b'indipendenza totali. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18, il-membri tal-Kummissjoni la għandhom ifittxu u lanqas għandhom jaċċettaw istruzzjonijiet minn xi gvern, xi istituzzjoni, korp jew organu. Huma għandhom iżommu lura minn kull azzjoni li ma tkunx kompatibbli mal-funzjonijiet tagħhom jew mat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

4. Il-Kummissjoni maħtura bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u l- 31 ta' Ottubru 2014, għandha tkun magħmula minn ċittadin wieħed minn kull Stat Membru, inklużi l-President tagħha u r-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li għandu jkun wieħed mill-Viċi-Presidenti tagħha.

5. Mill- 1 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni għandha tkun magħmula minn għadd ta' membri, inklużi l-President tagħha u r-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li jikkorrispondi għal żewġ terzi ta' l-għadd ta' Stati Membri, sakemm il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'mod unanimu, ma jiddeċidix li jbiddel dan l-għadd.

Il-membri tal-Kummissjoni għandhom jintgħażlu minn fost iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri skond sistema ta' rotazzjoni strettament indaqs bejn l-Istati Membri li tirrifletti l-firxa demografika u ġeografika ta' l-Istati Membri kollha. Din is-sistema għandha tkun stabbilita b'unanimità mill-Kunsill Ewropew skond l-Artikolu 244 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

6. Il-President tal-Kummissjoni għandu:

a) jistabbilixxi l-linji gwida li fuqhom għandha taħdem il-Kummissjoni;

b) jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni, sabiex jassigura l-koerenza, l-effiċjenza u l-kolleġġjalità ta' l-azzjoni tagħha;

ċ) jaħtar Viċi-Presidenti, barra r-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, minn fost il-membri tal-Kummissjoni.

Membru tal-Kummissjoni għandu jirriżenja jekk jiġi mitlub jagħmel hekk mill-President. Ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandu jirriżenja, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18, jekk jiġi mitlub jagħmel hekk mill-President.

7. Waqt li jitqiesu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u wara konsultazzjonijiet xierqa, il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġgoranza kwalifikata, għandu jipproponi lill-Parlament Ewropew kandidat għall-funzjoni ta' President tal-Kummissjoni. Dan il-kandidat għandu jkun elett mill-Parlament Ewropew b'maġgoranza tal-membri tiegħu. Jekk dan ma jiksibx il-maġġoranza, il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu fi żmien xahar jipproponi kandidat ġdid li għandu jiġi elett mill-Parlament Ewropew skond l-istess proċedura.

Il-Kunsill, bi ftehim komuni mal-President elett, għandu jadotta l-lista tal-persuni l-oħra li l-Kunsill jipproponi li jaħtar bħala membri tal-Kummissjoni. Huma għandhom jintgħażlu abbażi ta' suġġerimenti magħmula mill-Istati Membri, skond il-kriterji previsti fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, u fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5.

Il-President, ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-membri l-oħrajn tal-Kummissjoni għandhom ikunu suġġetti bħala grupp għal vot ta' approvazzjoni mill-Parlament Ewropew. Abbażi ta' din l-approvazzjoni l-Kummissjoni għandha tinħatar mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

8. Il-Kummissjoni bħala grupp għandha tkun responsabbli quddiem il-Parlament Ewropew. Il-Parlament Ewropew jista' jadotta mozzjoni ta' ċensura tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 234 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Jekk tali mozzjoni tkun adottata, il-membri tal-Kummissjoni għandhom jirriżenjaw kollettivament u r-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandu jirriżenja mill-funzjonijiet li jeżerċita fi ħdan il-Kummissjoni.

--------------------------------------------------

Top