EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12007P

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea

OJ C 303, 14.12.2007, p. 1–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 01 Volume 007 P. 104 - 119

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/11/2009; Mibdul minn 12010P001

14.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 303/1


IL-KARTA TAD-DRITTIJIET FUNDAMENTALI TA' L-UNJONI EWROPEA

(2007/C 303/01)

IL-KARTA TAD-DRITTIJIET FUNDAMENTALI TA' L-UNJONI EWROPEA

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jipproklamaw b'mod solenni t-test li ġej bħala l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea:

Il-popli ta' l-Ewropa, bil-ħolqien bejniethom ta' unjoni dejjem iktar stretta, iddeċidew li jaqsmu bejniethom ġejjieni ta' paċi bbażat fuq valuri komuni.

Konxja tal-wirt spiritwali u morali tagħha, l-Unjoni hi mibnija fuq il-valuri indiviżibbli u universali tad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, ta' l-ugwaljanza u tas-solidarjetà; hi bbażata fuq il-prinċipji ta' demokrazija u l-istat tad-dritt. Hija tqiegħed il-persuna fil-qalba ta' l-attivitajiet tagħha, billi tistabbilixxi ċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni u billi toħloq spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

L-Unjoni tikkontribwixxi għall-preservazzjoni u għall-iżvilupp ta' dawn il-valuri komuni filwaqt li tirrispetta d-diversità tal-kulturi u tat-tradizzjonijiet tal-popli ta' l-Ewropa kif ukoll ta' l-identità nazzjonali ta' l-Istati Membri u ta' l-organizzazzjoni ta' l-awtoritajiet pubbliċi tagħhom fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali; hija tfittex li tippromwovi żvilupp bilanċjat u sostenibbli u tiżgura l-moviment liberu ta' persuni, ta' servizzi, ta' merkanzija u ta' kapital, kif ukoll il-libertà ta' stabbiliment.

Għal dan l-għan, hu meħtieġ li tiġi msaħħa l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fid-dawl ta' l-evoluzzjoni tas-soċjetà, il-progress soċjali u l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi, billi dawk id-drittijiet isiru iktar viżibbli f'Karta.

Din il-Karta tafferma mill-ġdid, fir-rispett tal-kompetenzi u l-kompiti ta' l-Unjoni, kif ukoll tal-prinċipju ta' sussidjarjetà, id-drittijiet kif jirriżultaw, b'mod partikolari, mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali u mill-obbligi internazzjonali komuni għall-Istati Membri, mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, mill-Karti Soċjali adottati mill-Unjoni u mill-Kunsill ta' l-Ewropa kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. F'dan il-kuntest, il-Karta għandha tkun interpretata mill-qrati ta' l-Unjoni u ta' l-Istati Membri b'kont debitu meħud ta' l-ispjegazzjonijiet imħejjija taħt l-awtorità tal-Praesidium tal-Konvenzjoni li abbozza l-Karta u aġġornati taħt ir-responsabbiltà tal-Praesidium tal-Konvenzjoni Ewropea.

It-tgawdija ta' dawn id-drittijiet iġġib magħha responsabbiltajiet u dmirijiet kemm fir-rigward ta' ħaddieħor, kif ukoll fir-rigward tal-komunità tal-bnedmin u tal-ġenerazzjonijiet futuri.

L-Unjoni għaldaqstant tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji elenkati hawn taħt.

TITOLU I

DINJITÀ

Artikolu 1

Is-dinjità tal-bniedem

Id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta.

Artikolu 2

Id-dritt għall-ħajja

1.   Kull persuna għandha d-dritt għall-ħajja.

2.   Ħadd m'għandu jiġi kkundannat għall-piena tal-mewt, jew titneħħielu ħajtu.

Artikolu 3

Id-dritt għall-integrità tal-persuna

1.   Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett ta' l-integrità fiżika u mentali tagħha.

2.   Fl-oqsma tal-mediċina u tal-bijoloġija, dawn li ġejjin għandhom jiġu rispettati b'mod partikolari:

a)

il-kunsens liberu u infurmat tal-persuna kkonċernata, skond il-proċeduri stabbiliti mil-liġi;

b)

il-projbizzjoni ta' prattiċi ewġeniċi, partikolarment dawk li jimmiraw għas-selezzjoni tal-persuni;

ċ)

il-projbizzjoni li l-ġisem tal-bniedem u l-partijiet tiegħu, bħala tali, jintużaw bħala mezz ta' gwadann finanzjarju;

d)

il-projbizzjoni tal-klonazzjoni riproduttiva tal-bnedmin.

Artikolu 4

Il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti

Ħadd m'għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.

Artikolu 5

Il-projbizzjoni ta' l-iskjavitù u tax-xogħol forzat

1.   Ħadd m'għandu jinżamm fi skjavitù jew f'servitù.

2.   Ħadd m'għandu jiġi mġiegħel jagħmel xogħol forzat jew obbligatorju.

3.   It-traffikar tal-bnedmin huwa pprojbit.

TITOLU II.

LIBERTAJIET

Artikolu 6

Id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà

Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà.

Artikolu 7

Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja

Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta' darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.

Artikolu 8

Il-protezzjoni tad-data personali

1.   Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali li tirrigwardaha.

2.   Din id-data għandha tiġi trattata b'mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għad-data miġbura li għandha x'taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha.

3.   L-osservanza ta' dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta' awtorità indipendenti.

Artikolu 9

Id-dritt għaż-żwieġ u dritt għat-twaqqif ta' familja

Id-dritt għaż-żwieġ u d-dritt għat-twaqqif ta' familja huma ggarantiti skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet.

Artikolu 10

Il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon

1.   Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon. Dan id-dritt jimplika l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, kif ukoll il-libertà li juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, waħdu jew ma' oħrajn, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti.

2.   Id-dritt għall-oġgezzjoni ta' kuxjenza hu rikonoxxut, skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta' dan id-dritt.

Artikolu 11

Il-libertà ta' l-espressjoni u ta' l-informazzjoni

1.   Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta' l-espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà ta' opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri.

2.   Il-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni għandhom ikunu rrispettati.

Artikolu 12

Il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni

1.   Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' assoċjazzjoni f'kull livell, b'mod partikolari fil-qasam politiku, tat-trade unions, u ċiviku, li jimplika d-dritt ta' kull persuna li tifforma trade unions flimkien ma' oħrajn u li tissieħeb magħhom għall-protezzjoni ta' l-interessi tagħha.

2.   Il-partiti politiċi fil-livell ta' l-Unjoni jikkontribwixxu għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini ta' l-Unjoni.

Artikolu 13

Il-libertà ta' l-arti u x-xjenzi

L-arti u r-riċerka xjentifika huma liberi. Il-libertà akkademika għandha tiġi rispettata.

Artikolu 14

Id-dritt għall-edukazzjoni

1.   Kull persuna għandha d-dritt għall-edukazzjoni u li jkollha aċċess għall-formazzjoni professjonali u kontinwa.

2.   Dan id-dritt jinkludi l-possibbilità li wieħed jirċievi edukazzjoni obbligatorja bla ħlas.

3.   Il-libertà li jiġu mwaqqfa stabbilimenti ta' tagħlim b'rispett għall-prinċipji demokratiċi kif ukoll id-dritt tal-ġenituri li jiżguraw l-edukazzjoni u t-tagħlim tat-tfal tagħhom, skond it-twemmin reliġjuż, filosofiku u pedagoġiku tagħhom għandhom jiġu rispettati, skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta' din il-libertà u dan id-dritt.

Artikolu 15

Il-libertà professjonali u dritt għax-xogħol

1.   Kull persuna għandha d-dritt li taħdem u li twettaq xogħol magħżul jew aċċettat liberament.

2.   Kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu l-libertà li jfittex impjieg, li jaħdem, li jeżerċita d-dritt ta' stabbiliment u li jagħti servizzi f'kull Stat Membru.

3.   Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma awtorizzati jaħdmu fit-territorji ta' l-Istati Membri għandhom id-dritt għal kondizzjonijiet ta' xogħol ekwivalenti għal dawk li jgawdu minnhom iċ-ċittadini ta' l-Unjoni.

Artikolu 16

Il-libertà ta' intrapriża

Il-libertà ta' intrapriża skond il-liġi ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta.

Artikolu 17

Id-dritt għall-proprjetà

1.   Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista' tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta' kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista' jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.

2.   Il-proprjetà intellettwali għandha tiġi protetta.

Artikolu 18

Id-dritt għall-asil

Id-dritt għall-asil għandu jkun garantit b'rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus ta' refuġjati u skond it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea (hawn aktar 'il quddiem “it-Trattati”).

Artikolu 19

Il-protezzjoni f'każ ta' tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni

1.   It-tkeċċijiet kollettivi huma pprojbiti.

2.   Ħadd ma jista' jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.

TITOLU III

L-UGWALJANZA

Artikolu 20

L-ugwaljanza f'għajnejn il-liġi

Kull persuna hija ugwali f'għajnejn il-liġi.

Artikolu 21

Non-diskriminazzjoni

1.   Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita.

2.   Fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattati u mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni speċifika tagħhom, kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità hi pprojbita.

Artikolu 22

Id-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika

L-Unjoni tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.

Artikolu 23

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż l-impjieg, ix-xogħol u l-paga.

Il-prinċipju ta' ugwaljanza m'għandux jimpedixxi li jinżammu fis-seħħ jew jiġu adottati miżuri maħsuba biex jagħtu vantaġġi speċifiċi lis-sess l-anqas irrappreżentat.

Artikolu 24

Id-drittijiet tat-tfal

1.   It-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom. Huma jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament. Dawn l-opinjonijiet għandhom jitqiesu f'materji li jirrigwardawhom skond l-età u l-maturità tagħhom.

2.   Fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.

3.   It-tfal kollha għandhom id-dritt li jkollhom, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal.

Artikolu 25

Id-drittijiet ta' l-anzjani

L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet ta' l-anzjani li jgħixu ħajja dinjituża u indipendenti u li jipparteċipaw fil-ħajja soċjali u kulturali.

Artikolu 26

L-Integrazzjoni tal-persuni diżabbli

L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet tal-persuni diżabbli li jibbenefikaw minn miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità.

TITOLU IV

SOLIDARJETÀ

Artikolu 27

Id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża

Il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom, fil-livelli xierqa, jkunu ggarantiti informazzjoni u konsultazzjoni fi żmien utli, fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

Artikolu 28

Dritt ta' negozjar u ta' azzjoni kollettiva

Il-ħaddiema u dawk li jħaddmu, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, għandhom, skond il-liġi ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, id-dritt li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim kollettivi fil-livelli xierqa u, fil-każ ta' konflitti ta' interess, li jieħdu azzjoni kollettiva, inkluż l-istrajk, sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom.

Artikolu 29

Id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' impjieg

Kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għal servizz ta' impjieg mingħajr ħlas.

Artikolu 30

Il-protezzjoni fil-każ ta' tkeċċija inġusta

Kull ħaddiem għandu d-dritt għall-protezzjoni kontra tkeċċija inġusta, skond il-liġi ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

Artikolu 31

Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa

1.   Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.

2.   Kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta' sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta' mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta' leave imħallas.

Artikolu 32

Il-projbizzjoni ta' impjieg ta' tfal u protezzjoni taż- żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol

L-impjieg tat-tfal huwa pprojbit. L-età minima għall-ammissjoni għal impjieg ma tistax tkun anqas mill-età li fiha jispiċċa l-obbligu ta' l-iskola, bla preġudizzju għal regoli iktar favorevoli għaż-żgħażagħ u ħlief derogi limitati.

Iż-żgħażagħ li jingħataw xogħol għandhom igawdu minn kondizzjonijiet tax-xogħol skond l-età tagħhom u għandhom ikunu protetti kontra l-isfruttament ekonomiku jew kontra kull xogħol li jista' jipperikola s-sigurtà, is-saħħa jew l-iżvilupp fiżiku, mentali, morali jew soċjali tagħhom, jew li jista' jikkomprometti l-edukazzjoni tagħhom.

Artikolu 33

Il-ħajja tal-familja u professjonali

1.   Il-familja għandha tgawdi minn protezzjoni legali, ekonomika u soċjali.

2.   Sabiex wieħed jirrikonċilja l-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali, kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni mit-tkeċċija għal xi raġuni konnessa mal-maternità, u d-dritt għal leave tal-maternità mħallas u għal leave parentali wara t-twelid jew l-adozzjoni ta' tifel jew tifla.

Artikolu 34

Sigurtà soċjali u assistenza soċjali

1.   L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal benefiċċji ta' sigurtà soċjali u servizzi soċjali li jipprovdu protezzjoni f'każijiet bħal ma huma l-maternità, il-mard, l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, id-dipendenza jew l-anzjanità, u fil-każ ta' telf tax-xogħol, skond ir-regoli stabbiliti mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

2.   Kull min jirrisjedi u jmur minn post għal ieħor legalment fl-Unjoni Ewropea hu intitolat għall-benefiċċji ta' sigurtà soċjali u l-vantaġġi soċjali, skond il-liġi ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

3.   Sabiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti, skond ir-regoli stabbiliti mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

Artikolu 35

Il-protezzjoni tas-saħħa

Kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għal kura preventiva tas-saħħa u d-dritt li tgawdi minn kura medika skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali. Għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-linji ta' politika u l-attivitajiet kollha ta' l-Unjoni.

Artikolu 36

L-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali

L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta l-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali kif previst fil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, skond it-Trattati, sabiex tippromwovi l-koeżjoni soċjali u territorjali ta' l-Unjoni.

Artikolu 37

Protezzjoni ta' l-ambjent

Livell għoli ta' protezzjoni ta' l-ambjent u t-titjib fil-kwalità ta' l-ambjent għandhom jiġu integrati fil-politika ta' l-Unjoni u għandhom jiġu żgurati skond il-prinċipju ta' żvilupp sostenibbli.

Artikolu 38

Protezzjoni tal-konsumatur

Il-politika ta' l-Unjoni għandha tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur.

TITOLU V.

ĊITTADINANZA

Artikolu 39

Dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew

1.   Kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn jirrisjedi, bl-istess kondizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini ta' dak l-Istat.

2.   Il-membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti b'vot dirett universali li hu liberu u sigriet.

Artikolu 40

Id-dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali

Kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu d-dritt li jivvota u d-dritt li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn jirrisjedi bl-istess kondizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini ta' dak l-Istat.

Artikolu 41

Id-dritt għal amministrazzjoni tajba

1.   Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni.

2.   Dan id-dritt jinkludi:

a)

id-dritt ta' kull persuna li tinstema', qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament;

b)

id-dritt ta' kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju;

ċ)

l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.

3.   Kull persuna għandha d-dritt li l-Unjoni tagħmel tajjeb għal danni kkaġunati mill-istituzzjonijiet jew l-uffiċjali tagħha fil-qadi ta' dmirijiethom, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri.

4.   Kull persuna tista' tikteb lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni f'waħda mil-lingwi tat-Trattati u għandha tirċievi tweġiba bl-istess lingwa.

Artikolu 42

Id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti

Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu d-dritt ta' aċċess għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom.

Artikolu 43

L-Ombudsman Ewropew

Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandu d-dritt li jirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet, tal-korpi jew ta' l-aġenziji ta' l-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha.

Artikolu 44

Id-dritt ta' petizzjoni

Kull ċittadin ta' l-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandu d-dritt ta' petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew.

Artikolu 45

Il-libertà ta' moviment u ta' residenza

1.   Kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu d-dritt tal-libertà ta' moviment u ta' residenza fit-territorju ta' l-Istati Membri.

2.   Il-libertà ta' moviment u ta' residenza tista' tingħata, skond it-Trattati, lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti legalment fit-territorju ta' Stat Membru.

Artikolu 46

Il-protezzjoni diplomatika u konsulari

Kull cittadin ta' l-Unjoni għandu, fit-territorju ta' pajjiż terz li fih l-Istat Membru li tiegħu jkun ċittadin ma jkunx rappreżentat, igawdi mill-protezzjoni ta' l-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta' kull Stat Membru, bl-istess kondizzjonijiet taċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru.

TITOLU VI

ĠUSTIZZJA

Artikolu 47

Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali

Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta' l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

Għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.

Artikolu 48

Il-preżunzjoni ta' innoċenza u dritt għad-difiża

1.   Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi.

2.   Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta' kull imputat.

Artikolu 49

Il-prinċipji ta' legalità u proporzjonalità ta' reati u ta' pieni

1.   L-ebda persuna m'għandha tiġi kkundannata għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali. Lanqas m'għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta twettaq ir-reat. Jekk wara li twettaq ir-reat, il-liġi tipprovdi għal piena inqas, dik il-piena għandha tkun applikabbli.

2.   Dan l-Artikolu m'għandux jippreġudika l-proċess u l-piena ta' persuna ħatja ta' att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, kien jew kienet reat skond il-prinċipji ġenerali rikonoxxuti mill-komunità tan-nazzjonijiet.

3.   Is-severità tal-piena m'għandhiex tkun sproporzjonata għar-reat.

Artikolu 50

Id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat

L-ebda persuna ma tista' terġa' tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b'sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.

TITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI LI JIRREGOLAW L-INTERPRETAZZJONI U L-APPLIKAZZJONI TAL-KARTA

Artikolu 51

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta' l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta' l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta' l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.

2.   Il-Karta ma testendix il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi ta' l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta' l-Unjoni jew ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati.

Artikolu 52

L-ambitu u l-interpretazzjoni ta' drittijiet u ta' prinċipji

1.   Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta' dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta' proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f'dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta' interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

2.   Id-drittijiet rikonoxxuti minn din il-Karta li għalihom hemm dispożizzjonijiet fit-Trattati għandhom jiġu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fihom.

3.   Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta' dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta' l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.

4.   Safejn din il-Karta tirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, dawk id-drittijiet għandhom ikunu interpretati f'armonija ma' dawk it-tradizzjonijiet.

5.   Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Karta li fihom prinċipji jistgħu jiġu implimentati b'atti leġislattivi u eżekuttivi meħuda mill-Istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni, u b'atti ta' l-Istati Membri meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw il-liġi ta' l-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom. Ma jistgħux jiġu invokati fil-qorti ħlief għall-iskop ta' l-interpretazzjoni u d-determinazzjoni tal-legalità ta' dawn l-atti.

6.   Għandha tittieħed kunsiderazzjoni sħiħa tal-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali kif speċifikat f'din il-Karta.

7.   L-ispjegazzjonijiet imfassla bħala gwida għall-interpretazzjoni ta' din il-Karta għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati ta' l-Unjoni u ta' l-Istati Membri.

Artikolu 53

Il-livell ta' protezzjoni

Xejn f'din il-Karta m'għandu jiġi interpretat bħala li jillimita jew li jolqot b'mod negattiv id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti, fl-oqsma ta' applikazzjoni rispettivi tagħhom, mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-liġi internazzjonali u mill-konvenzjonijiet internazzjonali li fihom l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha huma parti, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u mill-kostituzzjonijiet ta' l-Istati Membri.

Artikolu 54

Il-projbizzjoni ta' abbuż tad-dritt

L-ebda dispożizzjoni ta' din il-Karta m'għandha tiġi interpretata b'mod li timplika dritt li ssir attività jew isir xi att li hu intiż biex jeqred xi dritt jew libertà rikonoxxuti f'din il-Karta jew biex jillimitahom b'mod aktar estiż minn kif previst f'din il-Karta.

°

° °

It-test hawn fuq jadatta t-test tal-Karta proklamata fis-7 ta' Diċembru 2000 u ser jibdilha mill-jum tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona.

Съставено в Страсбург на дванадесети декември две хиляди и седма година.

Hecho en Estrasburgo, el doce de diciembre de dos mil siete.

Ve Štrasburku dne dvanáctého prosince dva tisíce sedm.

Udfærdiget i Strasbourg den tolvte december to tusind og syv.

Geschehen zu Strassburg am zwölften Dezember zweitausendsieben.

Kahe tuhande seitsmenda aasta detsembrikuu kaheteistkümnendal päeval Strasbourgis.

Έγινε στo Στρασβoύργo, στις δώδεκα Δεκεμβρίου δύο χιλιάδες επτά.

Done at Strasbourg on the twelfth day of December in the year two thousand and seven.

Fait à Strasbourg, le douze décembre deux mille sept.

Arna dhéanamh in Strasbourg an dara lá déag de Nollaig sa bhliain dhá mhíle a seacht.

Fatto a Strasburgo, addì dodici dicembre duemilasette.

Strasbūrā, divtūkstoš septītā gada divpadsmitajā decembrī.

Priimta du tūkstančiai septintųjų metų gruodžio dvyliktą dieną Strasbūre.

Kelt Strasbourgban, a kétezer-hetedik év december tizenkettedik napján.

Magħmul fi Strasburgu, fit-tnax-il jum ta' Diċembru tas-sena elfejn u sebgħa.

Gedaan te Straatsburg, de twaalfde december tweeduizend zeven.

Sporządzono w Strasburgu dnia dwunastego grudnia roku dwa tysiące siódmego.

Feito em Estrasburgo, em doze de Dezembro de dois mil e sete.

Întocmit la Strasbourg, la doisprezece decembrie două mii șapte.

V Štrasburgu dňa dvanásteho decembra dvetisícsedem.

V Strasbourgu, dne dvanajstega decembra leta dva tisoč sedem.

Tehty Strasbourgissa kahdentenatoista päivänä joulukuuta vuonna kaksituhattaseitsemän.

Som skedde i Strasbourg den tolfte december tjugohundrasju.

За Европейския парламент

Por el Parlamento Europeo

Za Evropský parlament

For Europa-Parlamentet

Im Namen des Europäischen Parlaments

Euroopa Parlamendi nimel

Για το Ευρωπαϊκό Κοινοβούλιο

For the European Parliament

Pour le Parlement européen

Thar ceann Pharlaimint na hEorpa

Per il Parlamento europeo

Eiroparlamenta vārdā

Europos Parlamento vardu

Az Európai Parlament részéről

Għall-Parlament Ewropew

Voor het Europees Parlement

W imieniu Parlamentu Europejskiego

Pelo Parlamento Europeu

Pentru Parlamentul European

za Európsky parlament

za Evropski parlament

Euroopan parlamentin puolesta

På Europaparlamentets vägnar

Председател

El Presidente

Předseda

Formand

Der Präsident

eesistuja

Ο Πρόεδρος

The President

Le Président

An tUachtarán

Il Presidente

Priekšsēdētājs

Pirmininkas

Az elnök

Il-President

de Voorzitter

Przewodniczący

O Presidente

Preşedintele

predseda

Predsednik

Puheenjohtaja

Ordförande

Image

За Съвета на Европейския съюз

Por el Consejo de la Unión Europea

Za Radu Evropské unie

For Rådet for Den Europæiske Union

Für den Rat der Europäischen Union

Euroopa Liidu Nõukogu nimel

Για το Συμβούλιο της Ευρωπαϊκής Ένωσης

For the Council of the European Union

Pour le Conseil de l'Union européenne

Thar ceann Chomhairle an Aontais Eorpaigh

Per il Consiglio dell'Unione europea

Eiropas Savienības Padomes vārdā

Europos Sąjungos Tarybos vardu

Az Európai Unió Tanácsa részéről

Għall-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea

Voor de Raad van de Europese Unie

W imieniu Rady Unii Europejskiej

Pelo Conselho da União Europeia

Pentru Consiliul Uniunii Europene

za Radu Európskej únie

za Svet Evropske unije

Euroopan unionin neuvoston puolesta

För Europeiska unionens råd

Председател

El Presidente

Předseda

Formand

Der Präsident

eesistuja

Ο Πρόεδρος

The President

Le Président

An tUachtarán

Il Presidente

Priekšsēdētājs

Pirmininkas

Az elnök

Il-President

de Voorzitter

Przewodniczący

O Presidente

Preşedintele

predseda

Predsednik

Puheenjohtaja

Ordförande

Image

За Комисията на Европейските общности

Por la Comisión de las Comunidades Europeas

Za Komisi Evropských společenství

For Kommission for De Europæiske Fællesskaber

Für die Kommission der Europäischen Gemeinschaften

Euroopa Ühenduste Komisjoni nimel

Για την Επιτροπή των Ευρωπαϊκών Κοινοτήτων

For the Commission of the European Communities

Pour la Commission des communautés européennes

Thar ceann Choimisiún na gComhphobal Eorpach

Per la Commissione delle Comunità europee

Eiropas Kopienu Komisijas vārdā

Europos Bendrijų Komisijos vardu

Az Európai Közösségek Bizottsága részéről

Għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Voor de Commissie van de Europese Gemeenschappen

W imieniu Komisji Wspólnot Europejskich

Pela Comissão das Comunidades Europeias

Pentru Comisia Comunităţilor Europene

Za Komisiu Európskych spoločenstiev

Za Komisijo Evropskih skupnosti

Euroopan yhteisöjen komission puolesta

På Europeiska gemenskapernas kommissions vägnar

Председател

El Presidente

Předseda

Formand

Der Präsident

eesistuja

Ο Πρόεδρος

The President

Le Président

An tUachtarán

Il Presidente

Priekšsēdētājs

Pirmininkas

Az elnök

Il-President

de Voorzitter

Przewodniczący

O Presidente

Preşedintele

predseda

Predsednik

Puheenjohtaja

Ordförande

Image


Top