EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02021R2178-20230101

Consolidated text: Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2178 tas-6 ta’ Lulju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika l-kontenut u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni li għandha tiġi żvelata minn impriżi soġġetti għall-Artikoli 19a jew 29a tad-Direttiva 2013/34/UE dwar attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, u li jispeċifika l-metodoloġija biex ikun hemm konformità ma’ dan l-obbligu ta’ żvelar (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/2178/2023-01-01

02021R2178 — MT — 01.01.2023 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2178

tas-6 ta’ Lulju 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika l-kontenut u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni li għandha tiġi żvelata minn impriżi soġġetti għall-Artikoli 19a jew 29a tad-Direttiva 2013/34/UE dwar attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, u li jispeċifika l-metodoloġija biex ikun hemm konformità ma’ dan l-obbligu ta’ żvelar

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 443 10.12.2021, p. 9)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1214 tad-9 ta’ Marzu 2022

  L 188

1

15.7.2022




▼B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2178

tas-6 ta’ Lulju 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika l-kontenut u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni li għandha tiġi żvelata minn impriżi soġġetti għall-Artikoli 19a jew 29a tad-Direttiva 2013/34/UE dwar attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, u li jispeċifika l-metodoloġija biex ikun hemm konformità ma’ dan l-obbligu ta’ żvelar

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“objettiv ambjentali” tfisser wieħed mill-objettivi ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852;

(2) 

“Attività ekonomika allinjata mat-tassonomija” tfisser attività ekonomika li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852;

(3) 

“attività ekonomika tranżitorja” tfisser attività ekonomika li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2020/852;

(4) 

“attività ekonomika abilitanti” tfisser attività ekonomika li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2020/852;

(5) 

“attività ekonomika eliġibbli għat-tassonomija” tfisser attività ekonomika li hija deskritta fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 11(3), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852, irrispettivament minn jekk dik l-attività ekonomika tissodisfax il-kriterji tekniċi kollha ta’ skrinjar stabbiliti f’dawk l-atti delegati;

(6) 

“attività ekonomika mhux eliġibbli għat-tassonomija” tfisser attività ekonomika li ma hijiex deskritta fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 11(3), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852;

(7) 

“maniġer tal-assi” tfisser impriża li hija soġġetta għall-obbligi ta’ divulgazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE u li hija waħda minn dawn li ġejjin:

(a) 

AIFM kif definit fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

(b) 

kumpanija maniġerjali kif definita fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );

(c) 

kumpanija ta’ investiment awtorizzata f’konformità mal-Artikoli 27, 28 u 29 tad-Direttiva 2009/65/KE u li ma tkunx ħatret għall-maniġment tagħha kumpanija maniġerjali awtorizzata f’konformità mal-Artikoli 6, 7 u 8 ta’ dik id-Direttiva.

(8) 

“impriża finanzjarja” tfisser impriża li hija soġġetta għall-obbligi ta’ divulgazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE u li hija maniġer tal-assi, istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fl-Artikolu 4(1)(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ), ditta tal-investiment kif definita fl-Artikolu 4(1)(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, impriża tal-assigurazzjoni kif definita fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ), jew impriża tar-riassigurazzjoni kif definita fl-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2009/138/KE;

(9) 

“impriża mhux finanzjarja” tfisser impriża li hija soġġetta għall-obbligi ta’ divulgazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE u li ma hijiex impriża finanzjarja kif definit fil-punt (8);

(10) 

“attività tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni allinjata mat-tassonomija” tfisser attività tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tikkonforma mal-kriterji stabbiliti fit-Taqsimiet 10.1. u 10.2. tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2139.

Artikolu 2

Divulgazzjonijiet minn impriżi mhux finanzjarji

1.  
L-impriżi mhux finanzjarji għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2020/852 kif speċifikat fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
2.  
L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata f’forma ta’ tabella billi jintużaw il-formoli stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Divulgazzjonijiet mill-maniġers tal-assi

1.  
Il-maniġers tal-assi għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2020/852 kif speċifikat fl-Annessi III u XI ta’ dan ir-Regolament.
2.  
L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata f’forma ta’ tabella billi tintuża l-formola stabbilita fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Divulgazzjonijiet minn istituzzjonijiet ta’ kreditu

1.  
L-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2020/852 kif speċifikat fl-Annessi V u XI ta’ dan ir-Regolament.
2.  
L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata f’forma ta’ tabella billi tintuża l-formola stabbilita fl-Anness VI ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Divulgazzjonijiet minn ditti tal-investiment

1.  
Id-ditti tal-investiment għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2020/852 kif speċifikat fl-Annessi VII u XI ta’ dan ir-Regolament.
2.  
L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata f’forma ta’ tabella billi tintuża l-formola stabbilita fl-Anness VIII ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Divulgazzjonijiet minn impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni

1.  
L-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2020/852 kif speċifikat fl-Annessi IX u XI ta’ dan ir-Regolament.
2.  
L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata f’forma ta’ tabella billi jintużaw il-formoli stabbiliti fl-Anness X ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Regoli dwar id-divulgazzjoni komuni għall-impriżi finanzjarji kollha

1.  
L-iskoperturi għall-gvernijiet ċentrali, banek ċentrali u emittenti supranazzjonali għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu tan-numeratur u tad-denominatur tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-impriżi finanzjarji.
2.  
Id-derivattivi għandhom jiġu esklużi min-numeratur tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni.
3.  
Skoperturi għal impriżi li mhumiex obbligati jippubblikaw informazzjoni mhux finanzjarja skont l-Artikolu 19a jew 29a tad-Direttiva 2013/34/UE għandhom jiġu esklużi min-numeratur tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-impriżi finanzjarji.
4.  
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, bonds ambjentalment sostenibbli jew titoli ta’ dejn bil-għan li jiffinanzjaw attivitajiet speċifiċi identifikati li jinħarġu minn impriża destinatarja ta’ investiment għandhom jiġu inklużi fin-numeratur tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni sal-valur sħiħ tal-attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija li r-rikavat minn dawk il-bonds u t-titoli ta’ dejn jiffinanzjaw, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-impriża destinatarja ta’ investiment.

Skoperturi li l-għan tagħhom mhuwiex li jiffinanzjaw attivitajiet speċifiċi identifikati għandhom jiġu inklużi fin-numeratur ponderati bil-KPI tal-fatturat u bil-KPI tal-CapEx tal-emittent skont il-metodoloġija stabbilita fl-Annessi III, V, VII, u IX.

Meta destinatarja ta’ investiment tkun ħarġet bonds jew titoli ta’ dejn ambjentalment sostenibbli bil-għan li tiffinanzja attivitajiet speċifiċi identifikati, l-impriżi finanzjarji għandhom inaqqsu l-KPI tal-impriża destinatarja ta’ investiment kif xieraq biex jiġi evitat l-għadd doppju.

5.  
Meta l-kriterji tekniċi tal-iskrinjar stabbiliti fl-atti delegati adottati skont l-Artikoli 10(3), 11(3), 12(2), 13(2), 14(2) jew 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852 jiġu emendati, is-self bi skop speċjali u l-istrumenti msemmija fil-paragrafu 4 miżmuma mill-impriżi finanzjarji li jiffinanzjaw l-attivitajiet jew l-assi ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija, għandhom, fin-nuqqas ta’ allinjament tal-attivitajiet jew tal-assi ekonomiċi ffinanzjati mal-kriterji tekniċi tal-iskrinjar emendati, jiġu rrapportati bħala tali skont dan ir-Regolament sa ħames snin wara d-data ta’ applikazzjoni tal-atti delegati li jemendaw dawk il-kriterji tekniċi tal-iskrinjar.
6.  

L-impriżi finanzjarji għandhom jipprevedu diżaggregazzjoni fin-numeratur meta applikabbli u fid-denominatur tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għal:

(a) 

skoperturi għal impriżi mhux finanzjarji u investimenti fihom;

(b) 

skoperturi għal impriżi finanzjarji u investimenti fihom;

(c) 

skoperturi għal impriżi mhux finanzjarji stabbiliti fl-Unjoni li ma humiex soġġetti għal obbligu li jippubblikaw rapport mhux finanzjarja skont l-Artikolu 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE u investimenti fihom;

(d) 

skoperturi għal impriżi finanzjarji stabbiliti fl-Unjoni li ma humiex soġġetti għal obbligu li jippubblikaw rapport mhux finanzjarju skont l-Artikolu 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE msemmi fil-paragrafu 2 u investimenti fihom;

(e) 

skoperturi għal impriżi mhux finanzjarji stabbiliti f’pajjiż terz li ma humiex soġġetti għal obbligu li jippubblikaw rapport mhux finanzjarju skont l-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE u investimenti fihom;

(f) 

skoperturi għal impriżi finanzjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi li ma humiex soġġetti għal obbligu li jippubblikaw rapport mhux finanzjarju skont l-Artikolu 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE u investimenti fihom;

(g) 

skoperturi għal derivattivi u investimenti fihom;

(h) 

skoperturi u investimenti oħrajn.

7.  
L-impriżi finanzjarji jistgħu jużaw stimi għall-valutazzjoni tal-allinjament tat-tassonomija tal-iskoperturi tagħhom għall-impriżi msemmija fil-paragrafu (6), il-punti (e) u (f), meta dawk l-impriżi finanzjarji jkunu kapaċi juru konformità mal-kriterji kollha tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852, ħlief mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3, il-punt (b) ta’ dak ir-Regolament.

L-impriżi finanzjarji għandhom jifformalizzaw, jiddokumentaw u jippubblikaw il-metodoloġija li fuqha huma bbażati dawn l-istimi, inkluż l-approċċ u l-metodoloġija tar-riċerka, is-suppożizzjonijiet ewlenin u l-prinċipji ta’ prekawzjoni użati.

L-impriżi finanzjarji għandhom jiddivulgaw:

(a) 

il-proporzjon ta’ skoperturi allinjati mat-Tassonomija bbażati fuq stimi separatament mill-indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin tagħhom divulgati skont dan ir-Regolament;

(b) 

il-miżuri meħuda u l-perjodu ta’ żmien meħtieġ biex tintwera l-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3, il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2020/852.

Artikolu 8

Regoli komuni għad-divulgazzjoni mill-impriżi finanzjarji u mhux finanzjarji kollha

1.  
L-impriżi finanzjarji u l-impriżi mhux finanzjarji għandhom jinkludu d-divulgazzjonijiet addizzjonali kollha li jakkumpanjaw l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni stabbiliti fl-Annessi I, III, V, VII, XI fl-istess partijiet tar-rapport mhux finanzjarju li jkun fihom dawk l-indikaturi jew għandhom jipprovdu kontroreferenzi għall-partijiet tar-rapport mhux finanzjarju li jkun fihom dawk l-indikaturi.
2.  
L-informazzjoni divulgata f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tkopri l-perjodu ta’ rapportar annwali mis-sena kalendarja preċedenti tad-data tad-divulgazzjoni.
3.  
L-impriżi finanzjarji u l-impriżi mhux finanzjarji għandhom jipprovdu fir-rapport mhux finanzjarju l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jkopru l-perjodu ta’ rappurtar preċedenti.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-ewwel perjodu ta’ rappurtar annwali għandu jkopri s-sena 2023.

4.  
L-impriżi finanzjarji u l-impriżi mhux finanzjarji għandhom, fid-divulgazzjonijiet tagħhom, jużaw l-istess munita bħal fir-rapporti finanzjarji tagħhom.

L-impriżi finanzjarji għandhom jużaw l-aktar data reċenti disponibbli u l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-kontropartijiet tagħhom biex jikkalkulaw l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tagħhom stess.

5.  
L-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għandhom ikopru biss l-objettivi tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u tal-adattament sa tnax-il xahar wara d-data tal-applikazzjoni tar-regolamenti delegati li jkun fihom il-kriterji tekniċi tal-iskrinjar għall-objettivi ambjentali l-oħrajn u li jkunu ġew adottati skont l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852.

▼M1

6.  

L-impriżi mhux finanzjarji u l-impriżi finanzjarji għandhom jiddivulgaw l-ammont u l-proporzjon ta’:

(a) 

l-attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-tassonomija msemmijin fit-Taqsimiet 4.26, 4.27 u 4.28 tal-Annessi I u II tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 fid-denominatur u fin-numeratur tal-indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin tagħhom;

(b) 

l-attivitajiet ekonomiċi eliġibbli għat-tassonomija, iżda mhux allinjati mat-tassonomija, imsemmijin fit-Taqsimiet 4.26, 4.27 u 4.28 tal-Annessi I u II tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 fid-denominatur tal-indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin tagħhom;

(c) 

l-attivitajiet relatati mal-enerġija nukleari mhux eliġibbli għat-tassonomija fid-denominatur tal-indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin tagħhom.

7.  

L-impriżi mhux finanzjarji u l-impriżi finanzjarji għandhom jiddivulgaw l-ammont u l-proporzjon ta’:

(a) 

l-attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-tassonomija msemmijin fit-Taqsimiet 4.29, 4.30 u 4.31 tal-Annessi I u II tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 fid-denominatur u fin-numeratur tal-indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin tagħhom;

(b) 

l-attivitajiet ekonomiċi eliġibbli għat-tassonomija, iżda mhux allinjati mat-tassonomija, imsemmijin fit-Taqsimiet 4.29, 4.30 u 4.31 tal-Annessi I u II tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 fid-denominatur tal-indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin tagħhom;

(c) 

l-attivitajiet relatati mal-gass fossili mhux eliġibbli għat-tassonomija fid-denominatur tal-indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin tagħhom.

8.  
L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 6 u 7 għandha tiġi ppreżentata f’forma ta’ tabella billi jintużaw il-formoli stabbiliti fl-Anness XII ta’ dan ir-Regolament.

▼B

Artikolu 9

Rieżami

1.  

Sat-30 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta b’mod partikolari l-ħtieġa għal kwalunkwe emenda ulterjuri fir-rigward tal-inklużjoni ta’:

(a) 

skoperturi għal gvernijiet ċentrali u banek ċentrali fin-numeratur u fid-denominatur tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-impriżi finanzjarji;

(b) 

skoperturi għal impriżi li ma jippubblikawx rapport mhux finanzjarju skont l-Artikoli 19a jew 29a tad-Direttiva 2013/34/UE fin-numeratur tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-impriżi finanzjarji.

2.  
Ir-rieżami tal-iskoperturi tal-SMEs se jkun akkumpanjat minn valutazzjoni tal-impatt li tivvaluta l-piż amministrattiv, l-aċċess għall-finanzjament u l-impatti potenzjali fuq l-SMEs ta’ estensjoni possibbli biex tkopri l-iskoperturi tal-SMEs li mhumiex koperti minn dan ir-Regolament Delegat jew biex jipprovdu tali informazzjoni b’mod volontarju.
3.  
L-iskoperturi għal u l-investimenti f’impriżi li ma jippubblikawx informazzjoni mhux finanzjarja skont l-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE u l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852, iżda li jipprovdu tali informazzjoni ekwivalenti b’mod volontarju, jistgħu jiġu inklużi fin-numeraturi tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-impriżi finanzjarji mill-1 ta’ Jannar 2025 soġġett għall-valutazzjoni pożittiva msemmija fil-paragrafu (2).

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.  
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2.  
Mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022, l-impriżi mhux finanzjarji għandhom jiddivulgaw biss il-proporzjon ta’ attivitajiet ekonomiċi eliġibbli għat-Tassonomija u mhux eleġibbli għat-Tassonomija fil-fatturat totali, fin-nefqa kapitali u operazzjonali tagħhom u l-informazzjoni kwalitattiva msemmija fit-Taqsima 1.2. tal-Anness I rilevanti għal din id-divulgazzjoni.
3.  

Mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2023, l-impriżi finanzjarji għandhom jiddivulgaw biss:

(a) 

il-proporzjon fl-assi totali tagħhom ta’ skoperturi għal attivitajiet ekonomiċi mhux eliġibbli għat-Tassonomija u eliġibbli għat-Tassonomija;

(b) 

il-proporzjon fl-assi totali tagħhom tal-iskoperturi msemmija fl-Artikolu 7, il-paragrafi 1 u 2;

(c) 

il-proporzjon fl-assi totali tagħhom tal-iskoperturi msemmija fl-Artikolu 7(3);

(d) 

l-informazzjoni kwalitattiva msemmija fl-Anness XI.

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jiddivulgaw ukoll il-proporzjon tal-portafoll tan-negozjar tagħhom u fuq talba s-self interbankarju fl-assi totali tagħhom.

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jiddivulgaw ukoll il-proporzjon tal-attivitajiet ekonomiċi tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja eliġibbli għat-Tassonomija u mhux eleġibbli għat-Tassonomija.

4.  
L-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-impriżi mhux finanzjarji, inkluż kwalunkwe informazzjoni ta’ akkumpanjament li għandha tiġi ddivulgata skont l-Annessi I u II ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu divulgati mill-1 ta’ Jannar 2023.
5.  
L-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-impriżi finanzjarji, inkluż kwalunkwe informazzjoni ta’ akkumpanjament li għandha tiġi ddivulgata skont l-Anness III, V, VII, IX, XI ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu divulgati mill-1 ta’ Jannar 2024.

It-taqsimiet 1.2.3. u 1.2.4. tal-Anness V għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

KPIs TA’ IMPRIŻI MHUX FINANZJARJI

1.    Il-kontenut tal-KPIs li għandhom jiġu ddivulgati mill-impriżi mhux finanzjarji

1.1.    Speċifikazzjoni tal-indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin (KPI)

1.1.1.    KPI relatat mal-fatturat (KPI tal-fatturat)

Il-proporzjon tal-fatturat imsemmi fl-Artikolu 8(2)(a) tar-Regolament (UE) 2020/852 għandu jiġi kkalkolat bħala l-parti tal-fatturat nett derivat minn prodotti jew servizzi, inklużi assi intanġibbli, assoċjati ma’ attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija (numeratur) diviż bil-fatturat nett (denominatur) kif definit fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/34/UE. Il-fatturat għandu jkopri d-dħul rikonoxxut skont l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 1, il-paragrafu 82(a) kif adottat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 ( 5 ).

Il-KPI msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jeskludi min-numeratur tiegħu l-parti tal-fatturat nett derivat minn prodotti u minn servizzi assoċjati ma’ attivitajiet ekonomiċi li ġew adattati għat-tibdil fil-klima f’konformità mal-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament (UE) 2020/852 u f’konformità mal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 dment li dawk l-attivitajiet:

(a) 

ikunu jikkwalifikaw bħala attivitajiet abilitanti f’konformità mal-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament 2020/852, jew

(b) 

ikunu huma stess allinjati mat-Tassonomija.

1.1.2.    KPI relatat man-nefqa tal-kapital (CapEx)(KPI tal-CapEx)

Il-proporzjon tal-CapEx imsemmi fl-Artikolu 8(2)(b) tar-Regolament (UE) 2020/852 għandu jiġi kkalkolat bħala n-numeratur diviż bid-denominatur kif speċifikat fil-punti 1.1.2.1. u 1.1.2.2. ta’ dan l-Anness.

1.1.2.1.   Denominatur

Id-denominatur għandu jkopri ż-żidiet mal-assi tanġibbli u intanġibbli matul is-sena finanzjarja kkunsidrata qabel id-deprezzament, l-amortizzament u kwalunkwe kejl mill-ġdid, inklużi dawk li jirriżultaw minn evalwazzjonijiet mill-ġdid u indebolimenti, għas-sena finanzjarja rilevanti u esklużi l-bidliet abbażi tal-valur ġust. Id-denominatur għandu jkopri wkoll iż-żidiet mal-assi tanġibbli u intanġibbli li jirriżultaw minn kombinamenti ta’ negozji.

Għal impriżi mhux finanzjarji li japplikaw standards internazzjonali ta’ rappurtar finanzjarju (IFRS) kif adottati mir-Regolament (KE) Nru 1126/2008, il-CapEx għandha tkopri l-kostijiet li jiġu kontabbilizzati abbażi ta’:

(a) 

IAS 16 Proprjetà, Impjanti u Tagħmir, il-paragrafi 73(e)(i) u (iii);

(b) 

IAS 38 Assi Intanġibbli, il-paragrafu 118(e)(i);

(c) 

IAS 40 Proprjetà għall-Investiment, il-paragrafi 76(a) u (b) (għall-mudell abbażi tal-valur ġust);

(d) 

IAS 40 Proprjetà għall-Investiment, il-paragrafu 79(d)(i) u (ii) (għall-mudell tal-kost);

(e) 

IAS 41 Agrikoltura, il-paragrafu 50(b) u (e);

(f) 

IFRS 16 Lokazzjonijiet, il-paragrafu 53(h).

Għal impriżi mhux finanzjarji li japplikaw prinċipji kontabilistiċi nazzjonali ġeneralment aċċettati (GAAP), il-CapEx għandha tkopri l-kostijiet kontabbilizzati skont il-GAAP applikabbli li jikkorrispondu għall-kostijiet inklużi fin-nefqa tal-kapital minn impriżi mhux finanzjarji li japplikaw l-IFRS.

Il-lokazzjonijiet li ma jwasslux għar-rikonoxximent ta’ dritt ta’ użu fuq l-assi ma għandhomx jingħaddu bħala CapEx.

1.1.2.2.   Numeratur

In-numeratur huwa daqs il-parti tan-nefqa tal-kapital inkluża fid-denominatur li hija li hija kwalunkwe minn:

(a) 

relatata ma’ assi jew ma’ proċessi li huma assoċjati ma’ attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija;

(b) 

parti minn pjan biex jiġu estiżi l-attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija jew biex l-attivitajiet ekonomiċi eliġibbli għat-Tassonomija jkunu jistgħu jsiru allinjati mat-Tassonomija (“pjan tal-CapEx”) skont il-kundizzjonijiet speċifikati fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-punt 1.1.2.2.;

(c) 

relatata max-xiri ta’ output minn attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija u miżuri individwali li jippermettu li l-attivitajiet fil-mira jsiru b’livell baxx ta’ karbonju jew li jwasslu għal tnaqqis ta’ gassijiet serra, b’mod partikolari l-attivitajiet elenkati fil-punti 7.3 sa 7.6 tal-Anness I tal-Att Delegat dwar il-Klima, kif ukoll attivitajiet ekonomiċi oħra elenkati fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 11(3), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852 u dment li tali miżuri jkunu implimentati u operazzjonali fi żmien 18-il xahar.

Il-pjan CapEx imsemmi fl-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt 1.1.2.2. għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-pjan għandu l-għan jew li jespandi l-attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija tal-impriża jew li jtejjeb l-attivitajiet ekonomiċi eliġibbli għat-Tassonomija biex jagħmilhom allinjati mat-Tassonomija fi żmien ħames snin;

(b) 

il-pjan għandu jiġi ddivulgat fil-livell aggregat tal-attività ekonomika u jiġi approvat mill-korp maniġerjali ta’ impriżi mhux finanzjarji direttament jew b’delega.

Meta l-kriterji tekniċi tal-iskrinjar rilevanti jiġu emendati qabel it-tlestija tal-pjan CapEx, l-impriżi mhux finanzjarji għandhom jew jaġġornaw il-pjan fi żmien sentejn biex jiżguraw li l-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-punt (a) ikunu allinjati mal-kriterji tekniċi tal-iskrinjar emendati mat-tlestija tal-pjan jew jiddikjaraw mill-ġdid in-numeratur tal-KPI CapEx. L-aġġornament tal-pjan għandu jerġa’ jibda l-perjodu msemmi fil-punt (a). Il-perjodu msemmi fil-punt (a) tat-tieni paragrafu ta’ dan il-punt 1.1.2.2. jista’ jaqbeż il-ħames snin biss meta perjodu itwal ikun iġġustifikat oġġettivament minn karatteristiċi speċifiċi tal-attività ekonomika u t-titjib ikkonċernat, b’massimu ta’ 10 snin. Dik il-ġustifikazzjoni għandha tidher fil-pjan CapEx innifsu u fl-informazzjoni kuntestwali dettaljata taħt il-punt 1.2.3. ta’ dan l-Anness.

Meta l-pjan CapEx jonqos milli jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni paragrafu ta’ dan il-punt 1.1.2.2., il-KPI ppubblikat preċedentement relatat man-nefqa kapitali għandu jiġi ddikjarat mill-ġdid.

In-numeratur għandu jkun fih ukoll il-parti tal-KapEx għall-adattament tal-attivitajiet ekonomiċi għat-tibdil fil-klima skont l-Anness II ta’ dan l-Att Delegat dwar il-Klima. In-numeratur għandu jipprevedi diżaggregazzjoni għall-parti tal-CapEx allokata għal kontribuzzjoni sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima.

1.1.3.    KPI relatat man-nefqa operattiva (OpEx) (KPI tal-OpEx)

Il-proporzjon ta’ OpEx imsemmi fl-Artikolu 8(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2020/852 għandu jiġi kkalkulat bħala n-numeratur diviż bid-denominatur kif speċifikat fil-punti 1.1.3.1. u 1.1.3.2. ta’ dan l-Anness.

1.1.3.1.   Denominatur

Id-denominatur għandu jkopri l-kostijiet diretti mhux kapitalizzati relatati mar-riċerka u l-iżvilupp, il-miżuri ta’ rinnovazzjoni tal-bini, il-lokazzjoni għal żmien qasir, il-manutenzjoni u t-tiswija, u kwalunkwe nefqa diretta oħra relatata mas-servizzjar ta’ kuljum tal-assi ta’ proprjetà, impjanti u tagħmir mill-impriża jew il-parti terza li lilha jiġu esternalizzati l-attivitajiet li huma meħtieġa biex jiġi żgurat il-funzjonament kontinwu u effettiv ta’ tali assi.

Impriżi mhux finanzjarji li japplikaw il-GAAP nazzjonali u li mhumiex jikkapitalizzaw assi bid-dritt tal-użu għandhom jinkludu l-kostijiet tal-lokazzjoni fl-OpEx flimkien mal-kostijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-punt 1.1.3.1. ta’ dan l-Anness.

1.1.3.2.   Numeratur

In-numeratur huwa daqs il-parti tan-nefqa operattiva inkluża fid-denominatur li hija kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a) 

relatata ma’ assi jew proċessi assoċjati ma’ attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija, inkluż taħriġ u ħtiġijiet oħra ta’ adattament tar-riżorsi umani, u kostijiet diretti mhux kapitalizzati li jirrappreżentaw ir-riċerka u l-iżvilupp;

(b) 

parti mill-pjan CapEx biex jespandi l-attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija jew jippermetti li attivitajiet ekonomiċi eliġibbli għat-Tassonomija jsiru allinjati mat-Tassonomija f’perjodu ta’ żmien definit minn qabel kif stabbilit fit-tieni paragrafu ta’ dan il-punt 1.1.3.2;

(c) 

relatata max-xiri ta’ output minn attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija u ma’ miżuri individwali li jippermettu li l-attivitajiet fil-mira jsiru b’livell baxx ta’ karbonju jew li jwasslu għal tnaqqis fil-gassijiet serra kif ukoll miżuri individwali ta’ rinnovazzjoni tal-bini kif identifikati fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 11(3), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 14(2) jew l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852 u dment li tali miżuri jkunu implimentati u operazzjonali fi żmien 18-il xahar.

Il-pjan CapEx imsemmi fl-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt 1.1.3.2 għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet speċifikati fil-punt 1.1.2.2. ta’ dan l-Anness.

Il-kostijiet tar-riċerka u l-iżvilupp li diġà tqiesu fil-KPI tal-CapEx ma għandhomx jitqiesu bħala OpEx.

In-numeratur għandu jinkludi wkoll il-parti tal-OpEx għall-adattament tal-attivitajiet ekonomiċi għat-tibdil fil-klima skont l-Anness II tal-Att Delegat dwar il-Klima. In-numeratur għandu jipprevedi diżaggregazzjoni għall-parti tal-OpEx allokata għal kontribut sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima.

Meta n-nefqa operattiva ma tkunx materjali għall-mudell kummerċjali tal-impriżi mhux finanzjarji, dawk l-impriżi għandhom:

(a) 

ikunu eżentati mill-kalkolu tan-numeratur tal-KPI OPEX f’konformità mal-punt 1.1.3.2 u jiddivulgaw dak in-numeratur bħala ugwali għal żero;

(b) 

jiddivulgaw il-valur totali tad-denominatur OpEx ikkalkulat f’konformità mal-punt 1.1.3.1;

(c) 

jispjegaw in-nuqqas ta’ materjalità tan-nefqa operattiva fil-mudell kummerċjali tagħhom.

1.2.    Speċifikazzjoni tad-divulgazzjonijiet li jakkumpanjaw il-KPIs ta’ impriżi mhux finanzjarji

L-impriżi mhux finanzjarji għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni li ġejja li takkumpanja l-KPIs rilevanti.

1.2.1.    Politika tal-kontabilità

L-impriżi mhux finanzjarji għandhom jispjegaw:

(a) 

kif il-fatturat, in-nefqa tal-kapital u n-nefqa operattiva ġew iddeterminati u allokati għan-numeratur;

(b) 

il-bażi li fuqha ġew ikkalkulati l-fatturat, in-nefqa tal-kapital u n-nefqa operattiva, inkluż kwalunkwe valutazzjoni fl-allokazzjoni tad-dħul jew tal-infiq għal attivitajiet ekonomiċi differenti.

Għall-fatturat u n-nefqa kapitali, l-impriżi mhux finanzjarji għandhom jinkludu referenzi għall-partiti relatati fir-rapporti mhux finanzjarji;

Meta l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe kalkolu tkun inbidlet mill-perjodu ta’ rapportar preċedenti, l-impriżi mhux finanzjarji għandhom jispjegaw għaliex dawk il-bidliet jirriżultaw f’informazzjoni aktar affidabbli u rilevanti u jipprovdu għal ċifri komparattivi ddikjarati mill-ġdid.

L-impriżi mhux finanzjarji għandhom jiddivulgaw kwalunkwe bidla materjali li tkun seħħet matul il-perjodu ta’ rapportar fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet CapEx kif iddivulgat skont il-punt u 1.1.2 ta’ dan l-Anness. L-impriżi mhux finanzjarji għandhom jiddivulgaw dan li ġej kollu:

(a) 

il-bidliet materjali li seħħew fil-pjan CapEx u r-raġunijiet għal dawk il-bidliet;

(b) 

l-impatt ta’ tali bidliet fuq il-potenzjal li l-attivitajiet ekonomiċi tal-impriża jsiru allinjati mat-Tassonomija u fuq il-perjodu ta’ żmien li fih din il-bidla hija mistennija li sseħħ;

(c) 

id-dikjarazzjoni mill-ġdid tal-KPI tal-CapEx u tal-OpEx għal kull sena ta’ rappurtar li tkun għaddiet koperta mill-pjan kull meta l-bidliet fil-pjan kellhom impatt fuq dawk il-KPIs.

1.2.2.    Valutazzjoni tal-konformità mar-Regolament (UE) 2020/852

1.2.2.1.   Informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-konformità mar-Regolament (UE) 2020/852:

L-impriżi mhux finanzjarji għandhom:

(a) 

jiddeskrivu n-natura tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom eliġibbli għat-Tassonomija u allinjati mat-Tassonomija, billi jirreferu għall-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 11(3), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852;

(b) 

jispjegaw kif ivvalutaw il-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852 u l-kriterji tekniċi tal-iskrinjar assoċjati inklużi fl-atti delegati msemmija fil-punt (a);

(c) 

jispjegaw kif evitaw kwalunkwe għadd doppju fl-allokazzjoni fin-numeratur tal-KPIs tal-fatturat, tal-CapEx, u tal-OpEx fl-attivitajiet ekonomiċi kollha.

1.2.2.2.   Kontribuzzjoni għal objettivi multipli

Meta attività ekonomika tikkontribwixxi għal diversi objettivi ambjentali, l-impriżi mhux finanzjarji għandhom:

(a) 

juru konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852, b’mod partikolari mal-kriterji tekniċi tal-iskrinjar fir-rigward ta’ diversi objettivi ambjentali;

(b) 

jiddivulgaw il-fatturat, il-CapEx u l-OpEx minn dik l-attività bħala li jikkontribwixxu għal diversi objettivi ambjentali;

(c) 

jgħoddu darba biss il-fatturat minn dik l-attività fin-numeratur tal-KPIs fil-punt 1.1 ta’ dan l-Anness biex jiġi evitat l-għadd doppju.

1.2.2.3.   Diżaggregazzjoni tal-KPIs

Meta l-KPIs għal attività ekonomika jridu jiġu diżaggregati, b’mod partikolari meta l-faċilitajiet tal-produzzjoni jintużaw b’mod integrat, l-impriżi mhux finanzjarji għandhom jiżguraw li:

(a) 

kwalunkwe diżaggregazzjoni tkun ibbażata fuq kriterji li huma xierqa għall-proċess tal-produzzjoni li qed jiġi implimentat u tkun tirrifletti l-ispeċifiċitajiet tekniċi ta’ dak il-proċess;

(b) 

tingħata informazzjoni xierqa li takkumpanja l-KPIs dwar il-bażi ta’ tali diżaggregazzjoni.

1.2.3.    Informazzjoni kuntestwali

L-impriżi mhux finanzjarji għandhom jispjegaw iċ-ċifri ta’ kull KPI u r-raġunijiet għal kwalunkwe bidla f’dawk iċ-ċifri fil-perjodu ta’ rappurtar.

L-impriżi mhux finanzjarji jistgħu jiddivulgaw KPIs addizzjonali bbażati fuq il-fatturat, Capex, Opex) li jinkludu investimenti f’ekwità kontabilizzati f’impriżi konġunti, skont l-IFRS 11 jew IAS28, fuq bażi prorata li tikkorrispondi għas-sehem tagħhom fl-ekwità tal-impriża konġunta.

1.2.3.1.   Informazzjoni kuntestwali dwar il-KPI tal-fatturat

L-impriżi mhux finanzjarji għandhom jipprovdu dan li ġej kollu:

(a) 

tqassim kwantitattiv tan-numeratur sabiex jintwerew l-ixprunaturi ewlenin tal-bidla fil-fatturat KPI matul il-perjodu tar-rapportar, bħal dħul minn kuntratti mal-klijenti, dħul minn lokazzjoni, jew sorsi oħra ta’ introjtu;

(b) 

informazzjoni dwar l-ammonti relatati mal-attivitajiet allinjati mat-Tassonomija li jwettqu l-impriżi mhux finanzjarji għall-konsum intern proprju;

(c) 

spjegazzjoni kwalitattiva tal-elementi ewlenin ta’ bidla fil-KPI tal-fatturat matul il-perjodu ta’ rappurtar.

L-impriżi mhux finanzjarji li ħarġu bonds jew titoli ta’ dejn ambjentalment sostenibbli bil-għan li jiffinanzjaw attivitajiet speċifiċi identifikati allinjati mat-Tassonomija għandhom jiddivulgaw ukoll il-fatturat KPI aġġustat biex jiġi evitat l-għadd doppju.

1.2.3.2.   Informazzjoni kuntestwali dwar il-KPI tal-CapEx

L-impriżi mhux finanzjarji għandhom jipprovdu diżaggregazzjoni kwantitattiva fil-livell aggregat tal-attività ekonomika tal-ammonti inklużi fin-numeratur u fl-ispjegazzjoni kwalitattiva tal-elementi ewlenin tal-bidla fil-KPI CapEx matul il-perjodu tar-rapportar. Tali diżaggregazzjoni għandha tiddivulga dan kollu li ġej:

(a) 

aggregazzjoni ta’ żidiet fil-proprjetà, l-impjanti u t-tagħmir, fl-assi intanġibbli ġġenerati internament, inkluż f’kombinament ta’ negozji jew akkwistati, fil-proprjetajiet ta’ investiment akkwistati jew rikonoxxuti fl-ammont riportat u, fejn applikabbli, għall-assi kapitalizzati bid-dritt tal-użu;

(b) 

aggregazzjoni taż-żidiet relatati mal-akkwiżizzjonijiet permezz ta’ kombinamenti ta’ negozji;

(c) 

aggregazzjoni tal-ispejjeż imġarrba b’rabta mal-attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija u mal-ispejjeż imġarrba bħala parti minn pjan CapEx imsemmi fil-punt 1.1.2. ta’ dan l-Anness.

L-impriżi mhux finanzjarji għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni ewlenija dwar kull wieħed mill-pjanijiet CapEx tagħhom imsemmija fil-punt 1.1.2. ta’ dan l-Anness, inklużi dawn kollha li ġejjin:

(a) 

l-objettivi ambjentali segwiti;

(b) 

l-attivitajiet ekonomiċi kkonċernati;

(c) 

l-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni kkonċernati, fejn rilevanti;

(d) 

il-perjodu ta’ żmien li matulu kull attività ekonomika allinjata mat-Tassonomija hija mistennija li tiġi estiża jew fejn kull attività ekonomika hija mistennija li ssir allinjata mat-Tassonomija, inkluż, meta l-perjodu li fih l-attività ekonomika hija mistennija li ssir allinjata mat-Tassonomija jaqbeż il-ħames snin, ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ tali perjodu itwal, ibbażata fuq il-karatteristiċi speċifiċi tal-attività ekonomika u t-titjib ikkonċernat;

(e) 

l-ispiża kapitali totali li mistennija tiġġarrab matul il-perjodu tar-rapportar u matul il-perjodu ta’ żmien tal-pjanijiet CapEx.

Impriża mhux finanzjarja li ħarġet bonds jew titoli ta’ dejn ambjentalment sostenibbli bl-għan li tiffinanzja attivitajiet speċifiċi identifikati allinjati mat-Tassonomija għandha tiddivulga wkoll il-KPI CapEx aġġustat għan-nefqa kapitali allinjata mat-Tassonomija ffinanzjata minn tali bonds jew titoli ta’ dejn.

1.2.3.3.   Informazzjoni kuntestwali dwar il-KPI tal-OpEx

L-impriżi mhux finanzjarji għandhom jipprovdu dan li ġej kollu:

(a) 

diżaggregazzjoni kwantitattiva tan-numeratur (in-nefqa operattiva ddeterminata skont il-punt 1.1.3.2 ta’ dan l-Anness) biex jintwerew l-elementi ewlenin tal-bidla fl-OpEx KPI matul il-perjodu tar-rapportar;

(b) 

spjegazzjoni kwalitattiva tal-elementi ewlenin tal-bidla fl-OpEx KPI matul il-perjodu ta’ rapportar;

(c) 

spjegazzjoni tal-infiq l-ieħor relatat mas-servizzjar minn jum għal jum ta’ entrati ta’ impjanti u tagħmir ta’ proprjetà li huma inklużi fil-kalkolu tal-OpEx kemm għan-numeratur kif ukoll għad-denominatur.

Meta OpEx tkun parti minn pjan CapEx kif imsemmi fil-punti 1.1.2.2. u 1.1.3.2. ta’ dan l-Anness, l-impriżi mhux finanzjarji għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni ewlenija dwar kull wieħed mill-pjanijiet CapEx tagħhom f’konformità mar-rekwiżiti tal-punt 1.2.3.2. ta’ dan l-Anness.

2.    metodoloġija għar-rappurtar tal-KPIs li għandha tiġi ddivulgata minn impriżi mhux finanzjarji

Ir-rekwiżiti li ġejjin għandhom japplikaw għad-divulgazzjonijiet skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/852:

(a) 

l-impriżi mhux finanzjarji għandhom jidentifikaw kull attività ekonomika, inkluż subsett ta’ attivitajiet ekonomiċi tranżizzjonali u abilitanti;

(b) 

l-impriżi mhux finanzjarji għandhom jiddivulgaw il-KPIs għal kull attività ekonomika u l-KPIs totali għall-attivitajiet ekonomiċi kollha fil-livell tal-impriża jew tal-grupp rilevanti;

(c) 

l-impriżi mhux finanzjarji għandhom jiddivulgaw il-KPIs stabbiliti fil-punti 1.1.1, 1.1.2. u 1.1.3. ta’ dan l-Anness għal kull objettiv ambjentali u l-KPIs totali għall-objettivi ambjentali kollha fil-livell tal-impriża jew tal-grupp fl-objettivi ambjentali kollha filwaqt li jiġi evitat l-għadd doppju;

(d) 

l-impriżi mhux finanzjarji għandhom jidentifikaw il-proporzjon tal-attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija u l-proporzjon tal-attivitajiet ekonomiċi eliġibbli għat-Tassonomija li ma jissodisfawx il-kriterji tekniċi tal-iskrinjar. Fi ħdan attività ekonomika eliġibbli għat-Tassonomija, l-impriżi mhux finanzjarji għandhom jidentifikaw il-proporzjon ta’ dik l-attività li hija allinjata mat-Tassonomija;

(e) 

l-impriżi mhux finanzjarji għandhom jidentifikaw l-attivitajiet ekonomiċi mhux eliġibbli tat-Tassonomija u jiddivulgaw il-proporzjon fid-denominatur tal-fatturat KPI ta’ dawk l-attivitajiet ekonomiċi fil-livell tal-impriża jew tal-grupp;

(f) 

Il-KPIs għandhom jiġu pprovduti fil-livell tal-impriża individwali fejn dik l-impriża tħejji biss rapporti mhux finanzjarji individwali jew fil-livell tal-grupp fejn l-impriża tħejji rapporti mhux finanzjarji konsolidati




ANNESS II

Formoli għall-KPIs ta’ impriżi mhux finanzjarji

Formola: Il-proporzjon tal-fatturat minn prodotti jew servizzi assoċjati ma’ attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija - divulgazzjoni li tkopri s-sena N

image